A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Hi ħaġa naturali li matul is-sekli li għaddew, ħafna kliem Malti mbidel fil-pronunzja tiegħu, kultant b’xi vokali jew konsonanti mibdula jew mċaqalqha ’l hawn jew ‘l hinn, kultant bit-taqlib ta’ sillabi (metatasi), jekk mhux ukoll b’tgħaffiġ fil-ħoss tal-kelma b’mod aktar goff.
Kulħadd jidħaq meta niftakru kif għaffiġna kliem bħal, spakxin minn inspection, ċikapsobers minn shock absorbers u rejkamaterna min requiem aeternam. Kultant anki t-tifsira tal-kelma inbidlet, kif ser naraw dalwaqt. Din hi xi ħaġa komuni meta kelma tiġi assimilata f’lingwa oħra.
Hawn ser nagħti xi eżempji ta’ kif il-ħoss ta’ ċertu kliem imbidel maż-żmien. Fejn hemm lok ser nagħti wkoll l-istorja dwar l-oriġini tal-kelma. Xi wħud mill-kliem f’din il-lista jmorru lura sa żmien l-Ordni ta’ San Ġwann; oħrajn hu kliem li oriġina fi żmien l-Ingliżi. It-tifsira ta’ kull kelma hi pjuttost qasira. Jekk jinteressak tkun taf aktar, hemm verżjoni bl-istorja itwal fil-paġni tal-’Enċiklopedija’ storika-kulturali f’din il-website stess. Fil-każ ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2019/02/26/test/
—-
ALAXALXÉ / ALAXARXÉ / ALAXANXÉ Avverb li nużawh meta nkunu rridu nirreferu għal xi oġġett li jkun sar bl-addoċċ. Kienu x’aktarx l-Ingliżi li daħħlu din il-kelma fostna wara li huma minn naħa tagħhom kienu sselfuha mill-Franċiż, recherché biex jiddeskrivu xi oġġett magħmul b’ċerta reqqa u fin. Mela din il-kelma bil-Malti saret tfisser l-oppost, probabbilment għaliex għall-ewwel kienet tingħad b’mod ironiku u wara l-ironija fil-frażi ntesit. F’deskrizzjoni dwar Malta, fil-ktieb-gwida, Muir’s Almanac (1845) insibu hekk: ‘[…] The Princess Royal Hotel, in Valletta, … it serves wines of the most recherché quality direct from the Vigneron […]’. Hemm ħafna aktar xi tgħid….ikklikkja hawn: ALAXALXÉ.
ALBANJA / ARBANJA Kelma oħra li ġejja minn żmien l-Ingliżi. Il-Hibernia kien l-isem ta’ bastiment tar-Royal Navy. Wara ħafna żmien f’servizz attiv fil-Mediterran, fl-1855, dan inġieb Malta biex jieħu postu fil-Port il-Kbir, sempliċiment biex jakkomoda s-suldati stazzjonati hawn għal ċertu żmien, qabel ma jintbagħtu x’imkien ieħor. Il-Hibernia, jew l’Albanja, kif kienu jsibuh il-Maltin tal-port, baqa’ dejjem sorġut qrib Sant’Anġlu mingħajr qatt ma ċċaqlaq. Minħabba f’hekk, sar sinonimu ma’ xi ħaġa sabiħa, grandjuża, biss ta’ mingħajr użu partikulari. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘kemm int goff, qisek l-Albanja – jew inkella, ‘qiesek baħri tal-Arbanja!’, meta xi ħadd jitkellem fuq suġġett mingħajr ma għandu esperjenza f’dak li qed jgħid. Dan il-paragun isir għaliex baħri fuq l-Hibernia,xogħlu dejjem kien fil-port u qatt ma ffaċċa l-maltempati fuq il-baħar.
ARBURAL / ALBERAN Il-lista ta’ nies li jagħtu xi kontibuzzjoni jew għandhom xi talba. Lista bħal dinli tinżamm mill-kumitat tal-festa li fiha jkun hemm l-ismijiet ta’ dawk li jagħtu b’risq il-festa. Oriġ., kienet kelma li tfisser l-arblu tar-razza. Etim. Sqall. alburano. Tal. albero.
BAJLA Ġejja mill-kelma Ingliża, boiler. Kontenitur tal-metall li jintuża biex jitgħalla l-ilma fih; inkella, mixer fejn ikun magħġun is-siment li jkun hemm bżonn li jintuża bħal fix-xogħol tal-kostruzzjoni.
BEZZJONI Kelma li ġejja mit-Tal. benedizione. Kelma li fl-antik it-tfal kienu jgħiduha kull darba lo joħorġu mid-dar biex omhom tberikhom; ‘bezzjoni ma!’ Inkella meta t-tfal kienu jiltaqgħu ma’ xi qassis fit-triq kienu jagħmlu l-istess biex jaqilgħu il-barka tiegħu. Kienu jmorru fuq il-qassis u jgħidulu, ‘bezzjoni Dun!’ U hu fil-pront jirrispondi, ’Kunu imbirkin!’ L-antiki, dawk ta’ ċertu skola, kienu jgħidu minflok, ‘benediċte padre / dun!’
BISKUTTIN, IL- Dan hu l-isem ta’ ġnien pubbliku li kien jinsab bejn il-Mall, il-Furjana u l-Belt Valletta, ħdejn il-monument ta’ Kristu Re. L-isem għandu x’jaqsam mas-siġar li xi darba kien hemm. Temi Żammit jgħidilna li dan it-toponomu ħareġ mit-Taljan, Boschettino li jfisser, bosk żgħir. L-interpretazzjoni li kienet popolari, li l-art għandha l-forma ta’ biskuttin mhi veru xejn.
BIŻIBILJU / VIŻIBILJU Appel. li jfisser ‘kwantità kbira’. Sqal. visibiliu mit-Tal. visibile – M. kemm tara b’għajnejk. Ngħidu, ‘Fil-pjazza kien hemm viżibilju kbir ta’ nies’.
BUŻILLIS / BUSILLIS Inħobbu nużaw din il-kelma fl-espressjoni bħal: ‘Taf x’inhu l-bużillis….?’ – bħal meta ngħidu taf x’inhi l-problema? … jew taf x’inhu żgur …!’ Oriġ. din il-kelma ġejja mill-frażi bil-Lat. indiebus illis, kliem li nsibuh fil-bidu ta’ kull Vanġelu meta jinqara, u li jfisser: ‘F’dak iż-żmien….’. Din id-darba, it-taħwida fil-kelma ma saretx mill-Maltin, għax it-Taljani ilhom jgħiduha eżattament bħalna il-mijiet tas-snin. Araw x’qal Giovanni Papini fil-kitba tiegħu, Lezioni Sopra il Burchiello, (1733) meta fisser u ikkwota il-poeżiji ta’ Domenico di Giovanni, (1404 – 1449). Papini jgħid preċiżament hekk: ‘[…] in diebus illi. Di qui viene il detto questo è il busillis […]’. Issa wieħed irid jara għaliex din l-espressjoni bil-Latin kienet tirriferi għal xi problema, bħal fil-Malti. Ir-raġuni x’aktarx hi din: biż-żmien din il-frażi bil-Latin bdiet tkun ikkupjata ħażin, u flok indiebus illis, kien hemm min kitibha indie busillis. Min ġie wara u kien jaf il-Latin sew, kien isaqsi: din busillis xi tfisser? B’hekk ħarġet l-analoġija meta f’sitwazzjoni tinħoloq xi problema li diffiċli li ssib tarfha.
BUMBAJĦETT Mill-kelma Bombay Hat. Dan kien tip ta’ elmu li f’Malta konna nassoċjawh l-aktar mal-militar Ingliż tal-era Vittorjana. L-isem proprju tiegħu hu, l-Bombay Bowler, jew il-Pith Hat (pith hu dak il-materjal qisu sufra li minnu hu magħmul minn ġewwa il-kappell). Il-bumbajħett għandu żewġ pizzi wieħed fuq quddiem u ieħor fuq wara biex jipproteġu mix-xemx u x-xita.
DAMIĠĠANA / DAMIĠĠJANA / TRAMIĠĠJANA Flixkun kbir imżaqqaq tal-ħġieġ, ħafna drabi anki miksi bi spag tat-tibna jew materjal simili. Dan il-kontenitur norm. jintuża minn min jipproduċi l-inbid tiegħu stess. L-inbid jitħalla fid-damiġġjana biex jimmatura sakemm ikun tajjeb għall-konsum. Ing. demijohn, kelma li l-Ingliżi ħadu mill-Fr. Dame jeanne – x’aktarx xebh b’mod esaġerat mal-figura ta’ mara ħoxna.
DIRWAN Idj. ‘ħabba ta’ dirwan’: tingħad meta dak li jkun ikun fqar jew l-oġġett ma jiswix flus. Kienu jgħidu, ‘ma għandix ħabba ta’ dirwan’, jew ‘dak ma jiswix ħabba ta’ Dirwan. Dirwan hu l-isem mgħawweġ li l-Maltin kienu jirriferu bih għall-Gran Mastru De Rohan. Dan għaliex fi żmien meta dan kien Gran Mastru,(1775 – 1797) kienu ġew stampati eluf kbar ta’ muniti tal-ħabba. Tant kien hawn minnhom fl-idejn li s-siwi tagħhom kien tbaxxa sew u spiċċa li ħadd ma ried jitħallas bihom. B’hekk l-analoġija, ‘ma tiswix ħabba ta’ dirwan’.
DUWIBALLI / DIJUBALLI Riferenza għall-inħawi fin-naħa ta’ isfel tal-Belt, bejn Triq il-Funtana u Triq San Ġużepp. Din iż-żona kienet assoċjata mal-Mandraġġ u mal-Arċipierku. L-isem id-Duwiballi ġej minn Due Palle. Jista’ jkun li dan l-appellattiv ingħata minħabba li fl-inħawi seta’ kien hemm xi darba xi balal tal-ħadid jew tal-ġebel magħmula biex iżejnu xi kolonna bħal ma naraw f’Bieb il-Bombi, il-Furjana. Din hi biss ipotesi. Biss, nafu b’ċertezza li fi żmien l-Ordni, Triq San Nikola kien jisimha’ Strada due palle, u fi żmien il-Franċiżi, żammet l-istess isem, biss bil-Franċiż, Rue Deux Balles – M. triq iż-żewġ balal.
FIRDIFERRU / FILDIFERRU Wajr. Kelma li faċli tindunna li ġejja mit-Taljan filo di ferro.
FURDULIS / FJURDULIS L-inħawi ta’ Santa Venera, fejn hemm l-akkwadott hu magħruf bħala l-‘Furdulis’ jew ‘Fleur-de-Lys’. Dan għaliex eżattament fuq l-arkata prinċipali tal-akkwidott li darba kien jaqsam min-naħa għall-oħra tat-triq, (fejn illum hemm roundabout), kien hemm l-arma tal-Grand Mastru Alof de Wigncourt bis-simbolu tal-fleur-de-lys fuqha. (Riċentament ġiet mibnija kopja ta’ din l-arkata). L-akwedott kien inbeda fl-1610 u kien komplut fl-1615. Il-fleur de lys bil-Malti hi l-ġilju (bl-Ingliż, lily).
FAGOZZ / FOUGASSE Dan kien speċi ta’ kanun imħaffer fil-blat forma ta’ ċilindru, u daqs 2 m fond. Din il-ħofra kienet tkun angulata lejn il-baħar, b’mod li minnha kienu jistgħu jisparaw kwantità kbira ta’ biċċiet ta’ ġebel u materjal ieħor immirati lejn il baħra f’każ li xi bastiment tal-għadu jersqu lejn il-kosta. Mill-1740 ’il quddiem kienu tħaffru b’kollox mal-50 fagozz matul il-kosta taż-żewġ gżejjer Maltin. Bil-Franċiż, Feu gasse tfisser, nar bid-duħħan.
ĠIRBI Il-laqam ta’ min hu mill-Birgu (plural: Ġirbin). Stramba meta tqis li l-aġġettiv għal xi ħadd mill-Birgu aktar jixraqlu jkun Birgi, biex dan jaqbel mal-konsonanti sekwenza tagħhom. Hawn minflokk, il-konsonant g sar ġ. Din il-kelma tintuża wkoll bħala aġġettiv biex tiddeskrivi lil xi ħadd makakk. Jingħad li fuq il-gżira Tuneżina ta’ Ġerba kien hemm Maltin maqbuda bħala skjavi mill-furbani. Tgħid dawn ġew lura u għexu fil-Birgu u ngħataw il-laqam Ġirbi (minn Ġerba)? Intant, il-professur Godfrey Wettinger fil-kitba tiegħu ‘The Castrum Maris and the Suburb of Birgu During the Middle Ages’’, isemmi lil ċertu Baldus Girbinus mill-Birgu, li fl-1398 kien ftaħar li għen lir-Re Martin biex Malta taqa’ taħt il-ħakma tiegħu. (Ara: Birgu A Maltese Maritime Harbour, Vol 1. p. 41).
GAGARELLA / GARGARELLA Ngħiduha fil-frażi: ‘Qabditu gargarella’. Din tingħad normalment, meta xi ħadd ikun beżgħan għall-aħħar. Fil-fatt, gagarella ġejja mit-Tal. Caccarella, li tfisser dijarea jew inkella kakka / ħarja, bħallikieku din l-espressjoni qed tispjega l-istat ta’ wieħed inkwetat għall-aħħar li jkun ser jagħmel taħtu bil-biża’.
TAL-GĦAŻŻENIN Inħawi li jinsabu fin-naħa tal-kosta ta’ San Pawl il-Baħar, qrib it-Torri ta’ Wignacourt. Post ieħor li dari kien imsemmi hekk, kien fix-Xagħra, Għawdex. Erin Serracino Inglott, fil-Miklem Malti jgħid li hu tal-fehma li l-isem ta’ dawn l-inħawi għandu jkun, Tal-Għażżelin għax x’aktarx hawn kien hawn xi familji li xogħolhom kien dak li jagħżlu il-ħajt fil-produzzjoni tad-drapp. Dan meta f’Malta kien hawn industrija qawwija tal-qoton.
KARTAPESTA Etim. Tal. cartapasta (oriġ. carta impasta) – M. karta li tintgħaġen biex tinħadem u titħallat ma’ materjal ieħor biex tingħata l-forma mixtieqa. Materjal li bih ħafna drabi jsiru l-istatwi tal-qaddisin. Biex isir il-materjal tal-kartapesta, jintużaw folji tal-gazzetti u karti oħra mqattgħin u mxarrbin bil-kolla normali u kolla tal-verniċ. Dan il-materjal ikun imħallat ukoll bil-ġibs imfarrak, serratura u żejt tal-kittien. Din it-taħlita mbagħad tibda tinbena saff wara l-ieħor fuq xulxin. Biss, il-kartapesta tinbidel ħafna fil-kompożizzjoni tagħha skont il-preferenzi tal-istatwarju li jkun qed jaħdem fuqha. Ġieli jintużaw ukoll taħlita ta’ dawn l-affarijiet imsemmija kollha kif ukoll xkejjer u ċraret għal partijiet tal-istatwa fejn hemm l-ilbies.
KLISTANIJA / KASTELLANJA L-oriġini ta’ din il-kelma tmur lura sa żmien il-Medjuevu meta il-kaptan tal-gwarniġon fil-Forti Sant’Anġlu kien magħruf bħala l-Kastellan. Mid-dehra dan il-kaptan kien jagħmilha wkoll tal-imħallef. Għaldaqstant meta ġie l-Ordni f’Malta, din il-kelma baqgħet tirriferi għall-imħallef tal-Ordni, u l-post fejn kien isir il-proċess ġudizzjarju kien magħruf bħala l-Kastellanja (Tal. Castellania). L-istess meta l-Kavallieri mill-Birgu marru l-Belt. Il-kastellanja nbniet fi Triq il-Merkanti, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa. Din il-binja kienet magħrufa bħala l-Klistanija. Sa ftit ġenerazzjonijiet ilu, il-Maltin baqgħu jsejħulha hekk. Diċerija komuni kienet, ‘wiċċu qisu l-għatba tal-Klistanija’ – idjoma li kienet tingħad għal xi ħadd li wiċċu jagħtih u ma jistħix.
LASKRI Konna ta’ spiss nisimgħu b’wiċċ Laskri meta xi ħadd iqabbel il-wiċċ sever jew imdejjaq ta’ xi ħadd. Dan għaliex ħafna kienu jaħsbu li il-Gran Mastru Jean Paul Lascaris de Castellar kien raġel sever. Dan minħabba li kien hu li ma ħalliex in-nisa u l-Kavallieri tal-Ordni jipparteċipaw fil-Karnival. Din hi ħlieqa għaliex il-kelma laskri x’aktarx għandha oriġini totalment differenti. Kemm bil-Malti antik kif ukoll bl-Għarbi tal-lum, (l-)għaskri hu aġġettiv u nom li jirriferi għall-uffiċjal fl-armata. Intant il-kelma għaskarija, bl-Għarbi tfisser, armata. Mela meta ngħidu, dak għandu wiċċ l-għaskri konna nkunu qed nirriferu għal xi uffiċjal b’wiċċ imqit jew li jagħti l-impressjoni li jbeżża. Ara: GĦASKARI.
LUPRAMENT Ngħidu, ‘Luprament dak ħuh, kemm jixbhu!’ Din il-kelma niltaqgħu magħha fl-istorja ‘Lukarda u l-Għadd tan-Nies’, ta’ Temi Zammit: ‘[…] Jien luprament mhux Lukarda jisimni, imma Lutgarda.’ Il-kelma ħarġet minn, ‘proprjament’.
IL-MAĊINA Il-binja u l-makkinarju, tip tal-krejn, li fi żmien l-Ordni u fi żmien l-Ingliżi, kien jintuża biex jinqalgħu u jittellgħu l-arbli mill-bastimenti. Din il-binja ingħatat l-isem, la macchina fejn imbagħad fis-seklu dsatax (fi żmien l-Ingliżi) l-ittri ‘ch’ li bit-Taljan għandhom il-ħoss ta’ ‘k’ bdew jinqraw bħala ‘ċ’ – jew ch bl-Ingliż). L-istruttura tal-injam tal-Maċina tbiddlet fl-1864, u fl-1927 twaqqgħet biex minflokha beda jintuża l-floating crane. Tal. macchina, ordigno per muovere grandi pesi.
TAL-MAŻŻRI Laqam għal parti ta’ Triq San Pawl, in-naħa ta’ Kastilja, fejn apparentament kien hemm min ibigħ il-qoton jew il-kittien. Għaliex din il-kelma ġejja minn masri li kienet tirriferi għal dawn iż-żewġ prodotti. Fis-seklu dsatax, il-qoton u l-kittien, apparti li kienu jitkabbru f’Malta, kienu jiġu impurtati mill-Eġittu. Issa, l-isem, Eġittu bl-Għarbi hu Misr, u Eġizzjan ngħidulu Masri jew Misri.
NEMNEBUS L-omnibus kien it–erminu li oriġina mil-Latin u li ntuża meta f’nofs is-seklu tmintax bdew joperaw speċi ta’ karettuni miġbuda mill-bgħula, b’żewġ bankijiet twal fuq il-ġenb bħala trasport pubbliku ġdid. Fis-seklu għoxrin dawn inbidlu ma’ trakkijiet li bdew jiġu impurtati minn Marsilja. Biss, xorta baqgħu jgħidulhom hekk. Kelma simili kienet, nimnibus. Omnibus hija kelma bil-Latin li tfisser ‘kulħadd’ u għalhekk f’dan is-sens, din il-kelma kienet u għada tintuża biex tirreferi għat-trasport pubbliku (trasport għal kulħadd).
PANEDISPANJA / PANDISPANJA Tip ta’ kejk magħmul mid-dqiq zokkor, bajd, lamtu u ilma, b’konsistenza ħafifa ratba għall-aħħar u ħelwa fit-togħma. Minħabba l-konsistenza u d-dehra ta’ dan il-kejk mimli ‘pori’, dan beda jissejjaħ mit-Taljani, pane / pan di spugna. Kienu t-Taljani stess li l-kelma spugna qalbuha għall-Spagna, u l-Maltin għamlu bħalhom. L-Ingliżi żammew mal-etimoloġija tal-kelma u dan il-kejk isejħulu sponge cake.
PASTA RJALI Tip ta’ ħelu magħmul mil-lewż mitħun u mħallat biz-zokkor. Fi Sqallija dan hu ħelu tradizzjonali u popolari ħafna u jissejjaħ ukoll frutta reale, jew inkella pasta Martorana. Dan il-ħelu jkun maħdum f’ħafna forom, u jista’ jixbah fis-sura tiegħu lil frott, bħall-larinġ jew it-tuffieh. Jingħad li dan it-tip ta’ ħelu kienu jaħdmuh is-sorijiet fil-knisja tal-Martorana, Palermo; għall-ewwel, meta bdew jaħdmuh kienu b’ċajta, jdendluh mas-siġar għax il-ħelu forma ta’ frott kien jixbah bi preċiżjoni il-frott tas-siġar. B’hekk ħarġet il-kelma reale li aħna l-Maltin qlibna għal, irjali, kelma li tfisser ħaġa oħra.
PERĊIMES Dik il-persuna li l-aktar tispikka minn fost grupp ta’ nies; jew dak li jikmanda fil-klikka ta’ madwaru. L-aqwa wieħed fost kulħadd. Tal. primicero mill-Gr. primiceros – M. kmandant.
PIKLES Kelma li ġejja mill-Ingliż pickles. Kull tip ta’ ħxejjex li jkunu kkonservati fil-ħall biex dawn jirtabu u jieħdu t-togħma u fl-istess ħin iservu għal ħafna żmien. Eż., basal tal-pikles. jew ħxejjex bħal ħjar, pastard eċċ. imqatta’ f’biċċiet, li jkun ippriservat fl-ilma bil-melħ jew fil-ħall biex jieħdu t-togħma.
PILANDRA Kolonna tal-armar tal-festa. Din tkun magħmula minn weraq dekorattivi iżda, biss mhux ta’ vera, u anki bozoz tad-dawl, eċċ. Ġieli dawn l-oġġetti jkunu miżmuma minn anġlu tal-kartapesta, li għaldaqstant dan ħa l-isem bħala, l-Anġlu tal-Pilandra. Oriġ. tal-kelma ġejja minn piramida, minħabba l-arranġament tal-weraq li jieħu forma piramidali.
PITKAL Dak li jagħmilha bħala l-intermedjarju bejn il-bidwi u l-bejjiegħa tal-prodotti agrikoli. Irkantatur tal-frott u l-ħaxix. Fis-seklu tmintax din il-kelma kienet ippronunzjata bħala, potkal. Skont Agius de Soldanis, fid-Damma (ċ.1750 – 1769) dan jgħid li din il-kelma ġejja minn potticale / bottegale, rif. għal min kien ibigħ il-ħxejjex. Kelma li ġejja mill-Isqalli, putigaru, jew mit-Tal. botteghario, wieħed li jieħu ħsieb il-ħanut. Il-kelma pitkalija naturalment ġejja minn pitkal.
PROSPETTIVA Kelma li l-Maltin jużaw ħafna drabi flok, perspettiva. Il-perspettiva hi t-tridimensjonalità tax-xena jew disinn li l-artisit ipinġi. Fil-każ tal-arti f’Malta din insibuha tispikka b’diversi forom, fosthom, l-effett illużjonistiku. Eż. ta’ dan narawh fit-tpenġija tal-‘koppla’ tal-Katidral ta’ Għawdex li hi koppla ċatta. Ħafna jgħiduha prospettiva. Imbagħad l-istess kelma tintuża biex wieħed jirriferi għall-kwadru ta’ madwar il-pittura, ġeneralment xi kwadru grandjuż, imnaqqax fil-ġebel jew maħdum fl-injam fi stil Barokk.
PUTIRJAL / RJAL Minn Porta Reale. Id-daħla prinċipali tal-Belt Valletta. Kien fi żmien il-Gran Mastru De Paule, fl-1634 li nbena l-bieb majjestuż, Porta San Giorgio, li mbagħad beda jissejjaħ ukoll Porta Reale. Il-kelma reale, bil-Malti rjali, tirreferi għal xi ħaġa kbira, prinċipali jew maestuża. Intant, ma’ din il-kelma hemm oħra marbuta. RJALI bħal Strada Rjali. Għalkemm nassoċjaw din il-kelma ma’ Triq ir-Repubblika, fil-fatt hawn bosta toroq oħra f’Malta li għandhom dan it-titlu, bħal ngħidu aħna t-toroq prinċipali ta’ Ħal Qormi u dik ta’ Ħaż-Żebbug.
SIFISENT Wieħed li jħobb jindaħal fejn ma jesgħux. Xi ħadd żatat u li jħobb ideffes imnieħru f’kollox. Ngħidu, ‘kemm int sifisent ħej!’ Etim. inċerta. J.A. jgħid li din hi varjant tal-kelma ‘fiżikant’ jew ‘viżikant’ – jiġ., wieħed li jdejjaq in-nies u jqabbilha mal-Isqal. fisicusu.
SMAĊTU / ŻMAĊTU Bniedem li jġib ruħu b’mod stramb u kif mhux suppost. J.A. jgħid li din tista’ tkun ġejja minn ‘xiżmatiku’. Kelma oħra simili hi SMAJĊ / ŻMAJĊ / SMAJTX – raġel tal-kampanja. Bniedem li jiġbor iż-żibel. Fil-militar Ingliż kienu jirriferu għal xi ħadd li xogħlu kien li jiġbor iż-żibel fil-kwartieri tas-suldati bħala, Smitch. Idj. ‘Kemm int żmaċtu’ – tingħad meta wieħed jakkuża lil ieħor li mhux qed jirraġuna, jew mhux f’sensih. Intant, jidher li din il-kelma hi waħda mill-uniċi żewġ kelmiet meħuda li l-Maltin kienu ġabru mill-ilsien Ingliż fil-bidu tas-seklu dsatax għax dawn jidhru fid-dizzjunarju ta’ G.B.Falzon (1845). L-oħra hi, il-verb, ibblakkja, (Ing. to polish in black).
SPAKXIN Ħofra fit-triq magħmula apposta biex minnha ikun hemm aċess għax-xogħol tad-drenaġġ jew cables taħt l-art. Imsejħa hekk għax tagħti min hu inkarigat jista’ jinżel minn din it-toqba fl-art biex jispezjona, (jagħmel ‘inspection’) tax-xogħlijiet.
SPIERA Toqba mħaffra fl-art li tkun wiesgħa kemm jgħaddi bniedem minnha. Xaft ta’ bir. Tal. spira ġejja mill-verb Tal. respirare, li tista’ tkun rif. għal fatt li min din it-toqba tiċċirkola l-arja.
TADAM Din il-kelma ma biddlitx il-ħoss tagħha. Biss illum ftit jafu li oriġinat minn ‘ta’ ‘dam’, jiġifieri, oġġett dagħmi; rif. għal kulur karg, bħal, aħmar dagħmi – idgħam (maskil), dagħma (fem). Jista’ jkun ukoll li għandha x’taqsam ma’, demmi, jiġ., li l-fotta tagħti xeħta ta’ kulur id-demm. Il-kelma ma għandha x’taqsam xejn ma’ Adam.
TUTEMP / TUTEMBA Kelma li kienet tintuża f’bosta logħob tat-tfal u li tfisser ‘waqfa’ jew ‘intervall’. Dan l-intervall kien isir meta tieqaf xi logħba. Meta t-tfal kienu jisimgħu l-qniepen tal-knisja jdoqqu għall-Angelus, jew meta kien ikun għaddej xi qassis minn ħdejhom dawn kienu jgħajtu lil xulxin, ‘tutemp’ biex jieqfu bħala rispett. Etim. X’aktarx mill-Isqal. tuo tempu – M. il-ħin tiegħek. E.S.I. jgħid li din ġejja mill-Isqalli, do tempo.
VEĊĊA, IL- Isem ta’ żewġ inħawi, waħda f’Malta u f’Għawdex. Toponimu li fid-dokumenti nsibuh miktub bħala Vecca. Jista’ jkun li dan it-toponimu ġej mit-Taljan vecchia. F’Għawdex dan l-ambjent hu magħruf bħala l-Ħotba tal-Veċċa, art li tinsab bejn il-Qolla l-Bajda u Ta’ Gelmus. F’Malta l-Veċċa hi dik in-naħa tal-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, qrib Għajn Rasul. Jista’ jkun li bħalma ġara fil-każ tal-Maċina, il-Veċċa bdiet tissejjaħ hekk għax min kien jaqra dan l-isem flok vecchia kien jaqraha veċċa.
VERULINJU 1. Kelma li tirriferi għas-salib ta’ Kristu, jew biċċiet mis-Salib Imqaddes miżmuma bħala relikwa. Rif. għas-salib ta’ Kristu li jagħmel parti mill-istatwarju tal-vara ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara. Etim. Tal. vero legno.
XANTUSA Kelma li kienet tingħad fil-bidu tas-seklu għoxrin meta kienu jirreferu għal kantanti jew artisti nisa barranin, li kienu jkantaw fit-teatru jew fil-ħwienet tax-xorb ta’ Strada Stretta. Fig. Rif. lejn xi mara li kienet tagħmel ħafna irtokki biex tidher sabiħa.
XMINDIFER Kelma li ġejja mill-Franċiż chemin de fer, li bil-Malti tfisser, triq tal-ħadid. Naturalment, din hi riferenza għar-raddi tal-ħadid li nbnew biex tibda topera it-tren, (dak iż-żmien magħrufa bħala l-vapur tal-art). It-tren beda jopera fl-1883. Ara: VAPUR TAL-ART.
—-
SPITCHER Biex ngħalaq ser insemmi kelma li l-Maltin ma jgħiduhiex. Minflok bdew jgħiduha l-Ingliżi wara li ħaduha mill-Maltin. Din hi l-kelma spitcher. Kelma bl-Ingliż li ċ-Chambers Dictionary jispjegaha hekk: ‘done for’. L-istess dizzjunarju jirrimarka li din il-kelma ttieħdet mill-Malti, mill-kelma ‘spiċċa’ jiġ., lest. Din x’aktarx hi l-unika kelma li l-Ingliżi ssellfu mill-ilsien Malti fiż-żmien li damu jokkupaw lil Malta. Mid-dehra, il-baħrin Ingliżi kienu addottaw din il-kelma bħala parti mil-lingwaġġ slang tagħhom. Etim. Tal. spicciare / spicciarsi – M. tagħmel xi xogħol (tad-dar) bl-għaġla; tissistematizza xi ħaġa mill-ġdid. Fil-kummiedja, ‘Ġenn għall-Bżonn’ ta’ Carmelo Camilleri, (1877), il-karattru Ġann Kustanz jaqbad lil Lippin minn idu u jgħid hekk, ‘[…] Aqla barra, spiċċani […]’. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 143.
Martin Morana
5.03.2021
Ara aktar tifsir ta’ kliem antik u minsi: https://kliemustorja.com/2019/02/26/test/
Ara aktar dwar dawn il-kotba : https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Dwar il-kelma ‘xantusa’. Jidhirli li din tnisslet mill-Franċiż “chanteuse” li tfisser kantanta. Fost il-ħafna mużiċisti u artisti barranin li żaru u ħadmu f’Malta fil-ħwienet tax-xorb u postijiet oħra kien hemm ukoll kantanti u, bla dubju, kien hemm ukoll Franċiżi. Il-kelma qatt ma rajtha miktuba bil-Malti qabel hawn iżda l-ftit drabi li ltqajt magħha aktar instemgħet (għal widinti) bħala ‘xantuża’.
Prosit u grazzi għax-xogħol li qed tagħmel.
LikeLike
Hi Martin, Grazzi u prosit tal-informazzjoni li tagħtina. Għadni kif xtrajt il-ktieb tiegħek ” Maltese Humour”. Xtaqtek tiffirmaħħuli. Kif sejrin nagħmlu? Bħalissa qiegħed għall-kura MDH u għalissa ma nafx meta ħiereġ. Nifthemu xi ġurnata. Inselli għalik,Ray Demanue
LikeLike