L-inkwiżizzjoni f’Malta

 

L-Inkwiżizzjoni  f’Malta

u

l-Palazz   fil-Birgu

 

Introduzzjoni

Is-Santa Sede f’Ruma stabbilit l-inkwiżizzjoni fl-1542, bil-bolla papali, Licet ab Intitio, bħala ritaljazzjoni kontra l-Protestanteżmu u l-ereżiji maħluqa minn individwi fi ħdan il-Knisja Kattolika. Bil-mod il-mod, il-varjanti l-ġodda tat-twemmin Nisrani bdew anki jinħassu deħlin f’Malta, għaliex Malta kienet esposta għall-ideat ta’ dawk il-barranin li kienu jbaħħru lejn Malta kemm bħala kummerċjanti kif ukoll residenti ġodda. Hekk kif il-Konċilju ta’ Trento (1545 – 1563) kien għoddu wasal fi tmiemu, il-Papa Piju IV ħatar lill-isqof ta’ Malta, Domenico Cubelles (1541 – 1566) bħala d-delegat appostoliku tiegħu biex jagħmilha ta’ inkwiżitur. Dan ifisser li issa l-isqof ta’ Malta kien obbligat li josserva, jisħaq u jiddetta dwar it-twemmin u l-prattika tal-ħajja spiritwali tal-Maltin b’awtorità skont it-tagħlim kif stabbilit fil-Konċilju ta’ Trento. (C. Cassar 2000).

royas
L-isqof-inkwiżitur Martin Royas

L-Isqof Martin Royas (1572 – 1574) ġie appuntat isqof ta’ Malta bosta snin wara li Cubelles miet. Dan ukoll ingħata l-inkarigu li jagħmilha ta’ inkwiżitur. Royas beda jindaħal wisq fl-affarijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann, u d-disgwid bejnu u bejn l-Ordni kiber. F’każ minnhom, Royas akkuża lil xi kavallieri tal-Ordni li kienu qed jipprattikaw it-twemmin Luteran. Milli jidher, din l-akkuża offendit sew lill-Gran Mastru La Cassiere u r-relazzjonijiet ta’ bejn l-Ordni u l-isqof tant ħżienu li l-gran mastru talab lill-papa li jintbagħat delegat appostoliku biex jagħmilha ta’ inkwiżitur u jiddeċidi hu minflok Royas.

 

L-ewwel Inkwiżitur

 Minħabba f’hekk, fl-1574, il-Papa Gregorju XIII bagħat lilll-Monsinjur Pietro Dusina, bħala delegat appostoliku, biex jintervjeni u jagħti l-ġurisdizzjoni tiegħu fil-kwistjoni msemmija. B’hekk Dusina ħa r-rwol ta’ Royas bħala inkwiżitur, bis-Sant’Uffizzju stabbilit permanenti f’Malta u Royas żamm biss ir-rwol ta’ isqof. Wara din il-kwistjoni taħraq, l-Inkwiżitur Dusina dar dawra madwaru biex jifli sew is-sitwazzjoni spiritwali tal-gżejjer Maltin. Beda biex żar il-parroċċi ta’ Malta u Għawdex kollha, ħalli josserva kif dawn kienu mmexxija mill-kappillan tagħhom u f’liema stat kienu miżmuma l-knejjes u l-kappelli. Skopra li kien hawn mal-450 kappelli u knejjes, ħafna minnhom f’kundizzjoni fqira għall-aħħar. Fejn Dusina ra li xi l-kappelli ma kinux fi stat tajjeb ipprofanahom u għalaqhom minnufih. Sab ukoll li l-maġġorparti tal-kleru kien baqa’ lura bil-kbir f’dak li hu twemmin uffiċjali tal-knisja.

 

Il-Palazz tal-Inkwiżizzjoni

siculo norman _7914 - CopyMeta Dusina ġie Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann kien diġà mexxa s-sede tiegħu lejn il-Belt Valletta, u għalhekk, il-binja li sal-1571 kienet tintuża mill-Ordni bħala l-Kastellanja (il-qorti), issa kienet tinsab battala. Din il-binja għalhekk ġiet mgħoddija lill-inkwizitur biex isservi bħala l-uffiċċju amministrattiv u r-residenza tiegħu fl-istess ħin. Il-palazz, li llum jieħu blokk bini sħiħ, dak iż-żmien kien għadu binja żgħira b’bitħa mdawra b’kolonni u ħnejjiet ta’ stil Gotiku. Dan kien l-istil li ġabu magħhom il-kavallieri ta’ San Ġwann u li użawh kemm-il darba f’diversi binjiet f’Malta. Minn hawn ’il quddiem il-binja, li kienet maqgħuda ma’ residenzi oħra, bdiet tiġi żviluppata, biex sal-aħħar tas-seklu sbatax, tkabbret u saret palazz maqtugħ għalih. Qatt ma kien hemm pjanifikazzjoni ta’ darba, minflok, it-tkabbir seħħ biċċa biċċa matul is-snin, skont ix-xewqat u l-bżonnijiet ta’ xi inkwiżituri individwali. Għalhekk, fih hemm ’il fuq minn tletin kmamar u swali ta’ kull daqs, kif ukoll ċelel tal-ħabs fuq livelli differenti li jintleħqu minn bosta turġien u minn bosta naħat b’mod irregolari.

Inq Palace main staircase _STV5914
Hajr lil Heritage Malta (propretarju tar-ritratt)

It-taraġ wiesa’ u glorjuż li jagħti għall-ewwel sular inbena fl-1730, u kien iddisinjat mill-perit Romano Carapecchia. Il-ħamest iswali tal-piano nobile kienu jservu bħala uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-inkwiżizzjoni. Ma’ ġenbhom kien hemm is-sala tal-qorti kif ukoll żdiedet kappella. Fuq sulari differenti hemm swali fejn kien jgħix l-inkwiżitur, kif ukoll swali oħra fejn kienu jgħammru dawk l-impjegati involuti fl-amministrazzjoni tat-tribunal. Xi wħud minn dawn is-swali jinsabu preċiżament fuq iċ-ċelel komunali tal-priġunieri, li minnhom hemm tlieta.

Ir-rwol tal-inkwiżitur

prison cellc
Waħda miċ-ċelel tal-ħabs

Bħala l-gwardjan tat-twemmin Kattoliku fil-gżejjer Maltin, l-inkiżituri kienu dejjem attenti dwar x’kotba u pubblikazzjonijiet oħrajn kienu jinqraw f’Malta. Kien hemm lista sħiħa ta’ ‘kotba projbiti’, li setgħu jdeffsu twemmin ġdid fl-imħuħ, kif ukoll li kienu jitfgħu dawl ikrah fuq il-Knisja Kattolika (C. Cassar 2000). Imbagħad kien hemm il-kwistjoni tat-twemmin antikwat u superstizzjuż tal-Maltin. Bosta kienu jħalltu fit-talb tagħhom talb ieħor mhux konformi u aċċettabli għall-Knisja Kattolika. Ħafna kienu jemmnu fil-qawwa tas-seħer mingħajr ma kienu konxji li dan imur kontra r-regoli stabbiliti mill-Knisja. Mhux l-ewwel darba jew tnejn li nies li kienu jipprattikaw is-seħer kienu jittellgħu quddiem it-Tribunal tal-inkwiżizzjoni. Is-seħer kien imfittex għal bosta raġunijiet, kemm biex ifejjaq il-mard, jinfluenza il-ġibda bejn il-koppji, u biex jgħin kontra l-għajn ħażina. Bosta minn dawk li kienu joffru s-servizz tagħhom f’din il-maġija superstizzjuża kienu jkunu bosta drabi barranin, l-aktar ilsiera Musulmani li minnhom kien hawn mijiet, jiġġerrew mat-toroq, jaraw kif ser idaħħlu xi ħaġa tal-flus. (Alexander Bonnici 1993).

chapel G_6615c
Kappella żgħira fil-palazz

Imbagħad kien hemm l-apostasija. Ħafna kienu dawk il-Maltin li meta sfaw ilsiera f’pajjjiżi oħra, kkonvertew għall-Islam. Meta kienu jirritornaw Malta kien ikun hemm min jikxifhom u kienu jittellgħu  quddiem it-Tribunal biex jammettu ħtijiethom. Kien hemm ukoll minnhom li kienu jmorru huma stess quddiem l-inkwiżitur biex jammettu li qalbu Mawmettani. Imbagħad kien hemm każijiet oħrajn li l-inkwiżituri kienu medhijin bihom, bħal ngħidu aħna, atti ta’ bigamija, akkużi ta’ prostituzzjoni kif ukoll kliem faħxi u dagħa lijingħad minn individwi. (Alexander Bonnici 1993).

L-inkwiżitur, bħala n-nunzju tal-papa kien jindaħal tista’ tgħid f’kull aspett tal-ħajja. Kien hu li jħoll u jorbot jekk bniedem barrani mhux Kattoliku kellux jitħalla jinżel l-art meta jasal Malta. Biex idaħħlet l-ewwel magna tat-tbigħ biex jkunu stampati l-kotba kien inħoloq disgwid kbir bejn l-inkwiżitur u l-gran mastru u dan l-apparat dam mitt sena biex fl-aħħar beda jintuża. Ta’ spiss kien jinqala’ disgwid bejnu u bejn l-Ordni ta’ San Ġwann minħabba l-imġiba immorali ta’ xi wħud mill-kavallieri. Xi wħud minnhom kemm-il darba ġew akkużati u pproċessati mill-inkwiżitur.  Kultant kienet tinqala’ xi kwistjoni bejn il-kavallieri u l-gran Mastru, u tal-ewwel kienu jmorru għand l-inkwiżitur biex jagħmilha ta’ messaġġier u jwassal l-ilment tagħhom għand il-papa. Dan anki għaliex, il-papa kien il-kap suprem tal-Ordni ta’ San Ġwann.

L-isqof ta’ Malta wkoll kien jipprettendi li għandu l-ġurisdizzjoni tiegħu, u kien iħaqqaqha kemm mal-gran mastru kif ukoll mal-inkwiżitur. Għalhekk f’Malta kienu jeżistu fl-istess żmien, tliet awtoritajiet, kollha jippillaw għad-drittijiet tagħhom: l-Ordni ta’ San Ġwann, l-isqof u l-inkwiżitur.

Penitenzi, pieni ta’ ħabs u torturi

InquisitorsMarch 2010 233
Waħda mis-swali tal-piano nobile (ħajr tar-ritratt: Awtorità Maltija tat-Turiżmu)

 

Aktar iva milli le, l-imputati li kienu jittellgħu quddiem l-Inkwiżitur u jinstabu ħatja kienu jingħataw piena pjuttost ħafifa. Per eżempju, ġieli kien hemm min ikun akkużat bi ksur ta’ sawm u astinenza. Dawn kienu ħafna drabi jkunu mġiegħla jirreċitaw talb, jew jattendu numru ta’ quddies, aktarx bħala penitenza biex jinħafrulhom dnubiethom. Dawn il-penitenzi ħfief kienu jingħataw lil dawk li kienu jammettu ħtijiethom mill-ewwel u jwiegħdu li jibdlu l-imġiba tagħhom. Meta l-imputat kien jinsab ħati f’każijiet aktar gravi, jew inkella kien ikun riċediv u ma kienx ikun irid jibdel ħajtu, dan kien jintbagħat iqatta’ x-xhur, jekk mhux is-snin, f’waħda miċ-ċelel mudlama tal-palazz. Ġieli kien hemm każijiet fejn l-ħati kien kien jintbagħat fuq ix-xwieni tal-Ordni jaqdef daqs li kieku kien ilsier jew bonavolja. Dan anki minħabba li ċ-ċelel tal-ħabs kien ftit u għalhekk ma kienx hemm post biżejjed għal ħafna ħabsin.

strappado
l-istrappado

Jekk waqt il-proċess l-akkużat ma kienx jammetti ħtijietu, jew kien jidher li qed jaħbi xi ħaġa jew oħra mill-akkużi miġjuba kontrih, dan sata’ jiġi ttorturat biex toħroġ il-verità, jew aħjar, biex l-akkużat jgħid dak li jrid jisma’ mingħandu l-interrogatur. Dawn it-torturi ma kinux isiru ta’ spiss. L-istrument tat-torturi l-aktar komuni kienet l-istrappado, magħruf ukoll bħala l-corda. L-akkużat kien jintrabat b’idejh wara dahru, u b’ħabel jinġibed ’l fuq biex jinqata’ mill-art u jibqa’ mdendel għal xi kwarta jew nofs siegħa. Imbagħad kien jitniżżel fl-art u jekk ma jammettix ħtijietu, kien jerġa’ jiddendel bill-ħabel maqtugħ mill-art biex ikompli jsofri l-istess trattament. Strument ieħor tat-tortura

cavalletto
Il-cavalletto

kien il-cavalletto. Dan kien speċi ta’ bank għoli b’forma triangolari li l-akkużat kien imġiegħel jirkeb fuqu għal ħafna ħin biex ix-xifer ippuntat tat-triangolu jġiegħlu jħossu muġgħuh aktar ma jgħaddi l-ħin. Ġieli anki kienu jorbtulu xi toqol ma’ saqajh biex l-uġigħ jinħass aktar u f’inqas ħin. Strument ieħor tat-tortura kien l’istringitore, morsa li fiha kienu jintgħafsu l-għekiesi għal ħin twil. Intant fost in-nies tal-Birgu, kien hemm sa ftit snin ilu d-diċerija li f’dan il-palazz kien jeżisti ‘ilbir tas-skieken’ li fih kienu jintefgħu dawk misjuba ħatja biex jitqattgħu u anki jinqatlu fih. Dan mhux minnu, u dan il-bir qatt ma nstab. (K. Gambin 2004). Alexander Bonnici jgħidilna li matul is-snin li damet l-inkwiżizzjoni f’Malta, kien hemm erba’ każi li l-imputati nqatgħetilhom għal mewt (S. Mousù 1994). X’aktarx kien hemm aktar.

Fabio Chigi _Aless VII
L-Inkwiżitur Fabio Chigi

Minn meta ġie Dusina fl-1574, sakemm waslu l-Franċiżi fl-1798, f’Malta kien hawn 62 inkwiżitur. Dawn kienu jagħmlu medja ta’ tliet u ġieli aktar jamministraw it-Tribunal tal-inkwiżizzjoni. Jidher li din il-kariga kienet tgħin biex dak li jkun wara li jitlaq minn Malta jigwadanja kariga ta’ importanza akbar, tant illi 24 mill-inkwiżituri wara leħqu kardinali, u tnejn minnhom saru anki papiet. Il-papiet kienu Fabio Chigi (1634-39) li sar Papa Alessandru VII, u Antonio Pignatelli (1646 – 1649) li wara sar Papa Innoċenz XII.

 

Żmien l-Ingliżi u aktar tard

Meta fl-1798, l-Ordni ta’ San Ġwann tkeċċa minn Malta, u l-Franċiżi abolixxew l-inkwiżizzjoni, Il-Franċiżi ħadu l-palazz f’idejhom u fit-28 ta’ Ġunju tal-1799 mar jgħammar fih il-Ġeneral Doblot. (F. Ciappara 2000).

MALTA(1861)_Old_Inquisition_House_at_Valletta - Copy - Copy
Disinn tal-palazz magħmul madwar l-1861

Fi żmien l-Ingliżi, il-palazz kien beda jintuża l-ewwel bħala sptar, imbagħad bħala residenza għall-uffiċjali Ingliżi biex dawn jgħixu separatament mit-truppi tagħhom li kienu stazzjonati fil-Forti San Mikiel, l-Isla. (K. Gambin 2003). L-Ingliżi għamlu ħafna tibdiliet strutturali fil-palazz u llum għad hemm installati tliet fuklari taċ-ċumnija li fuqhom tidher l-arma tar-Re Ġorġ III (1760 – 1820). Intant, l-anzjani tal-Birgu baqgħu jsejħu dan il-palazz bħala l-’Mess’, riferenza għal meta l-post kien jilqaf’ fih l-uffiċjali militari Ingliżi.

Meta l-knisja u l-kunvent tad-Duminikani, li jinsab anqas minn ħamsin metru ‘l bogħod, faċċata tal-palazz, intlaqtu mill-bombi fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-patrijiet ingħataw il-palazz temporanjament għall-użu tagħhom, biex iservi kemm bħala kunvent kif ukoll bħala kappella biex taqdi l-ħtiġijiet tal-komunità tal-madwar.

Fl-1966, il-Palazz tal-Inkwiżitur infetaħ bħala mużew bi ftit għamara u xi oġġetti oħra relatati mal-folklor. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-binja ġiet studjata sew u sarulha ħafna interventi u anki skavi biex tinkixef l-arkitettura u l-qsim fi kmamar u swali kif kienu darba matul is-sekli. Il-palazz waqt li hu ta’ interess kbir minħabba l-istorja tiegħu marbuta mal-perijodu tal-inkwiżizzjoni f’Malta, iservi wkoll bħala mużew li jesponi l-ħajja tradizzjonali tal-Maltin ta’ dawn l-aħħar 450 sena.

Papa Alessandru VII388856_n - Copy
Monument tal-Papa Alessandru VII fil-Vatikan (Ħajr tar-ritratt Giorgia di Buono)   

http://www.kliemustorja.com

Martin Morana

17 ta’ Marzu 2022

Bibliografija 

Azzopardi John & Zammit William, ‘Inquistor’s Palace in Vittoriosa’. 
Treasures of Malta, Vol. V, no 2, 1999.
Bonnici Alexandro, ‘L’Inquisizione di Malta (1574 - 1798) - Riflessioni 
critiche circa il materiale edito e inedito’. Melita Historica, Vol 5. no. 
1, 1968.
Bonnici Alexander. A series of articles published on each and every 
inquisitor who held his post in Malta. Published on Il-Mument, 1988 - 1989.
Bonnici Alexander, ‘Maltese Society under the Hospitallers in the light of 
the Inquisition documents’. Hospitaller Malta 1530 - 1798. Mireva 
Publications. 1993.
Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta. Mireva 
Publications. 2000.
Cassar Carmel & Sant Cassia Paul, ‘Patrolling society’s borders: slavery, 
apostasy and the Inquisition’. Sacra Militia, Issue 6, 2007. Sacra Militia 
Foundation.
Ciappara Frans, The Roman Inquisition in Enlightened Malta. PIN. 2000.
Gambin Kenneth, The Inquisitor’s Palace, Vittoriosa. Heritage Malta. 2003.
Gambin Kenneth, The Prison Experience at the Inquisitor’s Palace. Heritage 
Malta. 2004.
Gambin Kenneth, Torture and the Roman Inquisition. Heritage Malta. 2004.
Grima Joseph F., Mgr. ‘Pietro Dusina’s arrival in Malta in 1574’. 
The Sunday Times of Malta. August 2, 2002.
Mousù Salvator, ‘The Roman Inquisition in Malta’. The Times, Tuesday, 
November 25, 1994.
Vella  Andrew P. ‘Prince versus Pastor’. Heritage Encyclopedia, Vol IV. 
Midsea Books Ltd.  
Vella Andrew P., ‘A Concise History of Malta: The Quakers Incident’. 
Heritage Encyclopia, vol. IV. Midsea Books Ltd.
Zahra Lorenzo, ‘The Palace of the Inquistor at Vittoriosa’. Heritage 
Encyclopedia, Vol. III. Midsea Books Ltd.
Aa ARA X'INT TGHIDAktar artikli u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:  
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-
istess-awtur/

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s