TERMINI EKKLEŻJASTIĊI it-tieni parti

TERMINI  EKKLEŻJASTIĊI  (It-tieni parti)

Meta konna għadna tfal u mmorru l-mużew tad-dutrina, konna nitgħallmu ħafna kliem li għalina ta’ tfal li konna, kien kliem tqil u żgur ma kienx jagħmel parti mill-vokabularju tagħna ta’ kuljum. Is-superjur waqt il-lezzjoni kien jelabora fuq bosta mill-kliem u dwar s-sentenzi li konna rridu nirrepetu bħall-pappagall, u aħna t-tfal daqqa nifhmu u daqqa ma nifhmux. Ċerti kliem baqgħu misterjużi anki sa meta kbirna.

Biex nagħti eżempju, meta kienu jgħallmuna l-Għaxar Kmandamenti dawn kellhom xi kliem li kienu jinstemgħu strambi. Pereżempju, ir-raba’ kmandament, ‘weġġaħ lill-missierek u lill-ommok’. Kont ngħid, imma din il-kelma ‘weġġaħ’ x’riedu jgħidu biha? Din flok irrispetta l-ġenituri tiegħek. Imbagħad xi ngħidu għas-sitt kmandament, ‘La tiżnitx’. Dan kien verb stramb li sal-lum għadu misteru għal ħafna nies. Ħadd ma kien  jista’ jifhmu, u ħadd mis-superjuri tal-mużew ma qatt ażżarda jispjegahulna għax dan jittratta s-sess illeċċitu li dak iż-żmien kien tabù, aktar u aktar għat-tfal ta’ dik l-età. Kmandament ieħor li juża kelma tqila hu ‘La ssemmix l-isem t’Alla fil-batal’. Dan ifisser li l-isem ta’ Alla ma għandux jingħad għal xejn b’xejn, kif ġib u laħaq. Batal tfisser vojt, xejn.

Illum,  li kbirt u li f’dawn l-aħħar snin intfajt nistudja l-oriġini tal-kliem (l-etimolġija) Malti, għedt ħa ndur dawra ma’ dawk il-kliem u espressjonijiet li konna u għadna nużaw f’dak kollu li jirrigwarda t-tagħlim u l-prattika tar-reliġjon Nisranija. Ċertu kliem li konna nużaw u għadhom jintużaw sal-lum għandhom mnejn ma jfissru xejn partikolari għal ħafna minnha, aktar u aktar għax jew huma meħudin minn kliem Semitiku antik, jew inkella jingħadu bil-Latin jew bil-Grieg u trid tkun lingwist biex tifhimhom. Interessanti li xi wħud minn dak il-kliem Semitiku li jintuża fit-twemmin tagħna Nisrani japplika wkoll għat-tagħlim Islamiku.  Hekk pereżempju jekk nirriferu għal-’għasar’, jiġifieri t-talb li jingħad tard wara nofsinhar, insibu li din hi kelma li tintuża wkoll mill-Għarab meta jirreferu għat-talb obligatorju li jagħmlu kuljum waranofsinhar. Salaat al-aasr …. صلاة العصر. Bir-Romanz dan it-talb jissejjaħ vespri.

Wieħed  isaqsi, kif wasal dan il-kliem relatat mal-Kristjaneżmu sa żmienna?  Tgħid hu kliem verament antik jew daħal aktar tard? Fil-perijodu Għarbi, il-parti l-kbira – jekk il-Maltin kollha kienu qalbu għall-Islam u jitkellmu l-Għarbi sew. Wara l-perijodu Għarbi, Malta inħakmet minn bosta qawwiet Ewropej, fosthom, in-Normanni, l-Anġevini, l-Aragonisi, l-Ġenoviżi u oħrajn. Ħafna minnnhom ġabu magħhom l-ilsien ta’ oriġini li jmiss mar-Romanz. Dan suppost għandu jfisser li l-Insara li ġew Malta wara l-perijodu Għarbi daħħlu magħhom termini reliġjużi kif mitkellma fir-Romanz-Latin-Sqalli, kif ukoll Grieg tar-rit Biżantin. Skont ir-rakkontatur ta’ Ruġġieru II, meta n-Normanni niżlu Malta u ħelsu lill-ilsiera Insara (dawn kienu barranin) mill-madmad tal-Għarab Musulmani, dawn bdew ikantaw il-Kyrie eleison, li bil-Grieg tfisser ‘Alla jkollok ħniena minna’. Mela dan ifisser li fi żmien l-Għarab kien hawn preżenza ta’ nies li kienu jsegwu l-liturġija Nisranija u t-talb tagħhom kien isir bir-rit Biżantin. Nafu wkoll li fi Sqallija tal-istess żminijiet Normanni, ir-rit Nisrani kien jingħad bl-Għarbi (Joseph M. Brincat / Varvaro, 2006). Meta fl-1330, l-isqof Ġermaniż, Ludolph von Sudheim kien fi Sqallija, hu rrimarka li r-rit Nisrani kien bil-Grieg u bl-Għarbi. (Joseph M. Brincat, 2006).  F’Malta dan seta’ kien l-istess, anki jekk il-Maltin kienu qalbu għal kollox għar-reliġjon Nisranija. Meta fis-seklu erbatax u ħmistax bdew jistabbilixxu l-patrijiet ta’ diversi ordnijiet dawn setgħu wkoll influenzaw il-kliem Malti reliġjuż u liturġiku bi kliem Sqalli, Latin u Grieg li kienu mdorrijin jużaw huma.

Aktar tard, wara l-Konċilu ta’ Trento li kkonkluda fl-1564, u kienu ħarġu istruzzjonijiet ġodda dwar it-tagħlim tad-duttrina, il-kleru fl-ibliet u l-irħula kien mogħti xi kotba miktuba bil-Malti biex jgħallmu d-duttrina l-ġdida bi kliem sempliċi li jinftiehem minn kulħadd. Dan it-tagħlim kien ibbażat fuq il-kitba ppubblikata fl-Italja intitolata Dottrina Cristiana li l-Kardinal Bellarmino kien ipprepara fl-1557. Fl-1752 il-qassis Frangisku Wizzino / Wzzinu, (1678-1767) qaleb ix-xogħol kollu ta’ Bellarmino għall-Malti u semmieh Tagħlim Nisrani. Ħafna  kliem li uża Wiżżinu ġej mit-Taljan. Fost il-kliem li juża fil-kitba tiegħu dan l-awtur  insibu kliem bħal, Trinità, Inkarnazzjoni, Divinità, misteri, orazjoni u komandamenti. Imbagħad Wizzinu ġieli deffes xi kliem mis-semitiku. Pereżempju, fl-’Opri tal-Ħniena’, Wiżżinu jgħid hekk: ‘iksi lill-għarwenin!’ (L. Cachia, 1994).  

L-influwenza ta’ kliem relatat mat-twemmin Nisrani seta’ anki wasal sa żmienna bit-traduzzjonijiet ta’ tagħlim ieħor. L-ewwel darba li l-Bibbja nqalbet għal-Malti kellu jkun fi żmien bikri Ingliż. Kienu l-Preżbiterjani li saħħqu li dan isir u dawn kienu qabbdu lil ċertu Naudi u warajh lil Mikiel Anton Vassalli biex jagħmlu t-traduzzjoni. Fis-seklu għoxrin, mill-1929, P. P. Saydon beda jittraduċi l-Bibbja għall-Malti bil-mod il-mod u ppubblikaha kompluta finalment bħala volum wieħed fil-ħamsinijiet. Dan applika kliem li ħaseb li għandu jkun fidil għat-test oriġinali u fl-istess ħin iżewwaq il-kitba bi kliem aktarx litterarju. Dan ifisser li l-kliem li uża ma kienx neċessarjament dak li mdorrijin nużaw aħna fil-ħajja ta’ kuljum. Hekk insibu li flok l-isem ‘l-Ispirtu s-Santu’ kif kien niżżel fil-kitba tiegħu Wizzinu, Saydon pprefera li jniżżlu bħala ‘Ruħ il-Qodos’. Fl-edizzjoni tal-Bibbja li saret fis-sittinijiet, l-isem biddluhulu u reġa’ sar l-Ispirtu s-Santu. Din it-tibdila, Saydon ma ħa gost biha xejn (P. Sciberras, 2021). Għaldqastant, meta wieħed jifli l-kliem li nużaw illum li għandu x’jaqsam mal-liturġija u t-twemmin wieħed jinnota li hemm taħlita ta’ kliem li l-etimoloġija tagħhom tvarja mil-Latin, Romanz, Grieg, u Semitiku.   

Hawn qiegħed nġib għażla ta’ kliem Malti li għandu x’jaqsam mat-twemmin Nisrani, il-liturġija, it-talb u drawwiet anki dawk folkloristiċi, marbuta mal-festi u l-kalendarju li għadna ta’ spiss nużaw biss li t-tifsira tagħhom hi jew mitlufa jew imċajpra f’moħħna.

ASSOLUZZJONI KUNDIZZJONALI    Maħfra formali li l-qassis jagħti lil persuna li tkun agunija (jew inkella għadha kemm mietet), f’każ li l-qassis ma jkunx jaf jekk dik il-persuna hiex Nisranija u Kattolika jew le. Għall-fini tal-liturġija f’din is-sitwazzjoni wieħed isaqsi jekk il-persuna moribonda hix capax, jiġifieri jekk hix intitolata għall-amministrazzjoni tas-sagramenti.

BOLLA TAL-PAPA   Fil-kuntest l-aktar strett tat-tifsira tal-kelma, il-bolla hi dak id-digriet jew dokument li l-Papa jippubblika meta jagħmel stqarrija ta’ importanza kbira. Il-bolla tista’ tkun maħruġa biex titħabbar xi domma li tiddikjara xi twemmin tal-fidi partikolari. Fi proklami bħal dawn, il-Papa jista’ jagħti wkoll l-approvazzjoni jew l-awtorizzazzjoni dwar dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-Knisja. Matul is-sekli il-Papa ppublika bosta bolol, fosthom:

1206 – Religiosam Vitam: B’din il-bolla l-Papa Onorju III stabbilixxa l-Ordni Dumnikan.

1520 – Exsurge Domine: Il-Papa Ljun X ordna lil Luteru jirtira 41 mid-90 teżi li kien ippubblika kontra l-Knisja Kattolika u t-twemmin tagħha.

1868 – Aeterni Patris: Il-Papa Piju IX sejjaħ il-Konċilju Vatikan I.

1871 – Pastor Aeternus: Il-Papa Piju IX stabbilixxa l-infallibilità tal-Papa.

1950 – Munificentissimus Deus: Il-Papa Piju XII iddefinixxa l-Assunzjoni tal-Madonna.

BREVJAR / BREVJARJU   Il-ktieb tat-talb imqassam f’erba’ volumi, wieħed għal kull staġjun, li dawk kollha li għandhom l-ORDNI SAGRI jaqraw kuljum f’diversi ħinijiet tal-ġurnata. Dan il-ktieb, li qabel kien ikun ippubblikat bil-Latin, hu intenzjonat biex minnu jinqraw is-salmi, innijiet u bosta talb ieħor skont is-sigħat kanoniċi kif stabbiliti mill-Knisja Kattolika.  

BULETTIN / BULUTTIN   Speċi ta’ ċertifikat li l-kappillan kien jagħti lill-parruċċana tiegħu bħala konferma li dawn irċevew it-tqarbin matul is-sena liturġika. Il-Knisja kienet tobbliga lill-fidili li t-tqarbin isir, jekk mhux b’mod regolari, żgur fl-Għid il-Kbir, għax dan kien wieħed mill-PREĊETTI TAL-KNISJA. Mingħajr il-bulettin il-ġenituri ma setgħux jgħammdu lill-uliedhom, u lanqas kienu jistgħu jagħmluha ta’ parrinu, la fil-magħmudija u l-anqas fil-griżma. Il-bulettin kien jitpartat kull sena ma’ ieħor ġdid, jew inkella kien jiġi ttimbrat mill-kappillan. Din l-użanza waqfet wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, fl-1965. 

CHRISTE ELEISON    Frażi li tingħad bħala parti mit-talb waqt il-quddies. Etim. Lat. Christe eleison, Gr. Kurie Eleison – M. ‘Sinjur ikollok ħniena minni’.  

CONFITEOR   Talba li tingħad fil-bidu tal-quddiesa u li bil-Malti nafuha bħala ‘Nistqarr ’l Alla’. Il-kelma confiteor bil-Lat. tfisser: ‘Jiena nistqarr’, għax it-talba hi att ta’ ndiema.   

FERVORIN    Prietka qasira li s-saċerdot kien jagħmel ftit qabel it-tqarbin bil-għan li jħeġġeġ lil dawk li jkunu se jitqarbnu biex jippreparaw ruħhom sew qabel ma jirċievu l-Ewkaristija. Tal. fervore – M. ħeġġa.  

ĠENUFLISSJONI    L-att meta persuna tinżel għarkupptejha bħala qima lejn is-Sagrament, jew xi simbolu imqaddes ieħor. Inkin jew reverenza lejn xi ħadd. Ngħidu, ‘għamel ġenuflissjoni quddiem Ġesù Sagramentat’.

ĠONTA TAL-MEJTIN    Il-missal żgħir li jkun fih it-talb u l-quddiesa tal-mejtin.

GĦASAR  Talb li jsir tard waranofsinhar. Fil-liturġija tal-Knisja Kattolika, il-vespri huma maqsumin fi tnejn. L-ewwel tibda s-salmodia, li hi magħmula minn żewġ SALMI, u wara jingħad diversi talb imsejjaħ il-capitulum et formulae. Fil-Malti antik din il-kelma tirriferi għal tard wara nofsinhar meta tkun waslet biex tinżel ix-xemx. Il-Musulmani wkoll għandhom it-talb li jgħudulu l-għasar, għaliex isir f’dan il-ħin.  

ĦADD LAZZRU     Isem ieħor għal Ħadd il-Palm, il-Ħadd li fih tibda l-liturġija li twassal sal-Għid il-Kbir. Hu msejjaħ hekk minħabba li fil-Vanġelu jinqara l-episodju meta Kristu qajjem lil Lazzru mill-mewt.  

ĦADD TAL-BOLLA   Dan hu s-sebgħin jum qabel il-Għid, magħruf ukoll bħala ĦADD IS-SEBGĦIN.

ĦADD IR-RFUGĦ  / ĦADD IL-BLUH(A) / ĦADD IĊ-ĊKEJKEN / ĦADD IŻ-ŻGĦIR Skont Agius de Soldanis, fid-Damma eċċ. Dan hu, Domenica di Quinquagesima. Ħadd il-Karnival.

ĦADD IL-ĠDID   L-ewwel Ħadd wara l-Għid.  

I H S     L-ittri ‘IHS’ huma l-inizzjali b’ittri Griegi, li jirriferu għal Ġesù:  ΙΕΣ (U Σ) –iota, eta u sigma, (jiġ. IESUS). Din il-monogramma u d-disinn li jakkumpanjaha nħolqot u xterdet fis-seklu tnax, bis-saħħa ta’ San Bernard, li kien jisħaq fuq il-glorifikazzjoni tal-isem ta’ Gesù Kristu. Dawn l-ittri kienu interpretati wkoll bħala l-abbrevazzjoni ta’ Jesus Hominum Salvator – li bil-Latin ifissru, ‘Ġesù s-Salvatur tad-Bniedem’.

INDULĠENZA    Għotja ta’ grazzja mill-Isqof jew mill-Papa biex dawk li jqerru u li qegħdin jgħixu fi stat ta’ tjubija spiritwali, tonqsilhom il-piena tad-dnubiet tagħhom. L-istat ta’ indulġenza jdum għal ċertu żmien. Fl-antik, l-indulġenza kienet tingħata wkoll lil dawk li jagħmlu pellegrinaġġi lejn xi santwarju partikolari. F’Malta hawn ħafna niċeċ fit-toroq fejn taħthom hemm iskrizzjoni li tħeġġeġ lil min jaqraha biex jagħmel talba partikolari, eż., is-Salve Regina għal kemm il-darba, biex jaqla’ indulġenza.

KANT AMBROŻJAN / INNU  AMBROŻJAN / Ara: TE  DEUM u LAUDAMUS.

KIRJE    Kelma li ġejja mill-frażi Kyrie eleison (Gr.), li tfisser ‘O Sinjur’. Din hi t-talba li tingħad waqt il-quddiesa bir-rit Latin u li tfisser ‘O Sinjur ikollok ħniena minna.’  

KOLLETTA   1. Il-kolletta hi t-talba li s-saċerdot jaqra minn fuq il-missal fil-bidu tal-quddiesa. Il-kelma tfisser ‘miġbura flimkien’. 2. Ġabra ta’ flus għall-bżonnijiet speċjali tal-karità jew ta’ xi benefiċjenza.

KURUNELLA    Innu jew talba miktuba jew imlissna b’rima ddedikata lill-Madonna jew lil xi qaddis. Din tista’ tingħad waħidha jew fir-rużarju. Eżempju ta’ kurunella hi dik iddedikata lill-Madonna Ta’ Pinu:

Sliem għalik, o Xbejba Mqaddsa,

Hena u ferħ tagħna l-bnedmin,

Hena u ferħ tal-anġli kollha,

Għaxqa wkoll t’Alla l-ħanin    

KWARANTURI / KORANTURI    L-erbgħin siegħa ta’ talb li jsiru fil-knejjes waqt ir-Randan, qabel il-festa ta’ Corpus Domini, jew fil-ġranet li jwasslu għal xi festi oħrajn. Dan it-talb jista’ jingħad kemm minn individwu waħdu kif ukoll b’mod kollettiv membri tal-fratellanzi.

KWAREŻIMA    Ir-Randan.  KWAREŻIMAL   Kors ta’ prietki tar-Randan. Kienet tissejjaħ hekk ukoll il-prietka li kienet issir fir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt.

KWATTRU TEMPRA / KWATTRUTEMPI     Erba’ ġabriet ta’ jiem fis-sena, normal. ta’ tlett ijiem il-waħda, li fl-antik kienu jitqiesu bħala żmien ta’ sawm. L-iskop tal-Kwattru Tempra kien li jkunu osservati tlett ijiem ta’ sawm relatati mal-festi prinċipali tal-kalendarju liturġiku, li kienu jaħbtu bejn it-tielet u r-raba’ Ħadd tal-Avvent qabel il-Milied, bejn l-ewwel u t-tieni Ħadd tar-Randan qabel l-Għid, fil-ġimgħa ta’ wara l-Ħadd ta’ Pentekoste u fil-ġimgħa ta’ wara l-festa ta’ Santu Kruċ, f’Settembru.  

KWINDIĊINA     Il-ħmistax-il jum ta’ talb li jsir qabel il-festa tal-Assunzjoni.

 KWADREĠEŻIMA   L-ewwel Ħadd tar-Randan. Jissejjaħ hekk għaliex dan il-Ħadd hu l-erbgħin jum qabel il-Għid il-Kbir.  Tal. Quadragesima.

KWINKWAĠEŻIMA   Ħadd iż-Żgħir, jew Ħadd il-Karnival, jiġ., il-Ħadd qabel ir-Randan. Fir-rit ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II, (1965) dan kien ikkunsidrat bħala l-Ħadd li fih wieħed jibda jimmedita dwar il-passjoni ta’ Ġesù Kristu.  Lat. Quinquagesimus – Malti: Il-Ħamsin Jum qabel l-Għid il-Kbir.

LAWDA   Tifħir. 1. Kompożizzjoni reliġjuża f’forma ta’ poeżija. 2. Reċitazzjoni tal-brevjaru waqt it-talb fil-knisja.

LAWDAMUS    Kant partikulari li jitkanta waqt ċerti riti liturġiċi. L-istess bħat-TE DEUM, għaliex dawn flimkien jiffurmaw il-kliem tal-bidu tal-kant, Te deum laudamus li jfissru: ‘Lilek o Alla nfaħħruk’.  

LAWDIJIET     Daqq tal-qniepen li jsir bħala ringrazzjament lil Alla. Lat: laudamus tfisser – ‘Ejja nfaħħru lil Alla’. Dari, meta kienet titwieled tarbija, kienet tindaqq il-qanpiena msejħa ‘tal-lawda’, bħala sinjal ta’ ferħ u ringrazzjament lil Alla.

LITANIJA     It-talba magħmula minn serje ta’ invokazzjonijiet lil Ġesù, lill-Madonna u lil bosta qaddisin.  Oriġ. din kienet tingħad bil-Latin kull nhar ta’ Sibt, fis-Santwarju ta’ Loreto, l-Italja.  Fis-sena 1587, il-litanija kienet approvata mill-Papa Sixtus V, u bdiet tingħad mar-rużarju. Eżempju ta’ invokazzjonijiet fil-litanija huma: Mater purissima – Mater admirabilis – Auxilium Christianorum, Mater Boni Consilii, eċċ. Dawn is-suppliki huma kollha akkumpanjati bil-kliem: Ora pro nobis (M. itlob għalina).

MATTINATI  Id-daqq tal-qniepen tal-knisja filgħodu kmieni. Idj: qam mas-sette mattinati  – jiġ., qam mad-daqq tal-qniepen ta’ filgħodu kmieni. Qam kmieni ħafna. Idj. ‘Għamel is-settemattinati’, jiġ., għamel storbju sħiħ.

MESSALIN   Messal żgħir. Ktejjeb tat-talb u l-lezzjonijiet li jinqraw fil-quddies. Apparti li dan kont issibu f’idejn il-kleru, il-messalin kont tista’ tixrih, inkella tiddubbah biex issegwi mas-saċerdot il-qari tal-quddies. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, l-messalin beda jkun stampat bil-Malti. Illum ħafna minn dan it-talb jinkiteb fuq fuljetti li wieħed normal. isib fl-ixkafef tal-bankijiet tal-knisja.

MIŻERERE    Tingħad fit-talba misere nostri Domini, li tfisser ‘ikollok ħniena minna’. Din hi l-ewwel kelma tas-Salm n. 50. Din it-talba titkanta fil-knejjes u fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

MORTORJU   1. Daqq tal-qniepen tal-knisja li jħabbar il-mewt ta’ xi parruċċan.  2. Id-daqq jew il-kant li jsir waqt il-funeral u qabel id-difna. Ngħidu, ‘Isma’ daqsxejn, x’mortorju!’ riferenza għal xi mużika li tindaqq bil-lajma u li tqabbdek id-dwejjaq. Tal. mortorio – jiġ., ir-riti funebri li jsiru waqt id-difna.

MOTA   Id-daqq tal-qniepen tal-knejjes li jsir għal ċertu tul ta’ ħin minn qanpiena waħda jew aktar, bħal ngħidu aħna. Hemm diversi moti li bihom jindaqqu l-qniepen skont l-okkażjoni.  

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

NOVENA   Bin-novena nifhmu l-aktar it-tħejjija liturġika spiritwali ta’ qabel il-festa ta’ xi qaddis. Waħda mill-aktar noveni importanti hi dik tal-Milied. Id-disat ijiem, intenzjonati għat-talb. Fil-verità, hemm diversi okkażjonijiet fil-liturġija tal-Knisja meta ssir in-novena. Hemm in-novena ta’ qabel il-festa, in-novena li ssir qabel id-dfin, in-novena ta’ talb biex tinqala’ grazzja speċjali, u n-novena biex jinħafru d-dnubiet.

NOVISSMA   Skont it-tagħlim Nisrani din hi waħda minn erba’ sitwazzjonijiet li kulħadd għandu jkun dejjem ippreparat għalihom fl-aħħar ta’ ħajtu, jiġ., il-mewt, u wara li jmut, il-ġudizzju universali, l-infern jew il-ġenna.

OTTAVA  Tul ta’ tmint ijiem wara l-festi  l-kbar.  Eż., l-OTTAVA TAL-GĦID IL-KBIR jew tal-MILIED. Fl-Ottava tittieħed lura f’postha r-relikwija li tkun ħarġet min-niċċa biex tkun esposta għal matul il-ġranet tal-festa. Dan l-att jissejjaħ id-deposizzjoni. Waqt l-uffiċċjatura tal-ottava isir orazzjoni speċjali.

OTTAVARJU    Sensiela ta’ prietki li kienu jsiru waqt l-ottava. Dawn kienu jsiru wkoll fix-xahar ta’ Novembru u magħrufa bħala l-Ottava tal-Qaddisin kollha.  

OSKLU / OSKULATORJU L-att tal-bewsa li tingħata lir-relikwija fil-funzjonijiet u ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knejjes. Etim. Latin osculor, jiġ., bies; Tal. osculazione

PAĠELLA   Awtorità li l-Vigarju Ġenerali jagħti bil-miktub; speċi ta’ ċertifikat mogħti lill-qassisin li jawtorizzahom iqaddsu, jippritkaw u jamministraw is-sagrament tal-qrar.

PANEĠIERKU / PANIĠIERKU    Diskors li ċ-ċelebrant jagħmel f’okkażjoni liturġika bħala eloġju lill-qaddis li jkun qiegħed jiġi ċċelebrat. PANEĠIRIST  Fl-antik kienu jinġiebu minn barra qassisin jew patrijiet oraturi ta’ fama biex jagħmlu l-paneġierku. Ngħidu, ‘wara l-Vanġelu jintiseġ il-paneġirku’. Tal. Panigerico oriġ. Gr. pan (kollox) agyris (poplu).

PARAKLITU   Titlu ieħor għall-Ispirtu s-Santu. Ngħidu, ‘imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu’ – invokazzjoni li tingħad wara l-barka sagramentali. Etim. Tal. paraclito, Lat. dativ jew ablativ: paraclitus, jiġ., d-difensur jew l-interċessur.

PARTIKOLA / PARTIKULA   Nom ieħor għall-ostja ta’ daqs żgħir. Eż., ngħidu, ‘fil-pissidi hemm daqs għoxrin partikula’. Tal. particola – ostja jew kwalunkwe parti mill-ostja li tkun kkonsagrata.

PASSJU / PASSJO    Il-Vanġelu li jinqara fil-quddiesa f’Ħadd il-Palm, fejn tkun irrakkuntata l-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù Kristu mill-bidu sal-aħħar.

PATERNOSTER   1. Isem bil-Latin għat-talba tal-Missierna.  2. L-ewwel daqq tal-qniepen ta’ filgħodu kmieni. Imsejħa hekk għaliex din it-talba tingħad waqt li jdoqqu l-qniepen tal-ewwel quddiesa. Ngħidu, ‘qam mis-sodda mal-paternoster’. Il-quddiesa tal-paternoster (jew tal-Awrora huma l-istess ħaġa).

PREBENDA    Dħul, introjtu jew benefizzju mill-artijiet tal-Knisja bħala renta jew pensjoni tal-kanoniku tal-Katidral jew tal-Kolleġġjata. L-art li tagħti dan il-qligħ tissejjaħ hekk ukoll.  PREBENDARJU  Il-grad ta’ kanonku fil-Katidral mogħti kemm fil-Knisja Kattolika kif ukoll dik Anglikana. Dak li jgawdi l-prebenda.

PRAĊETT / PREĊETT    Obbligu tat-tqarbin, l-aktar dak ta’ żmien l-Għid il-Kbir. Eż., QUDDIESA TAL-PRAĊETT  Il-quddiesa obbligatorja tal-Ħadd. 

IL-PRAĊETTI / PREĊETTI TAL-KNISJA  Skont il-Knisja Kattolika hemm ħames preċetti li jridu jkunu osservati:

  • i.  Ħu sehem fil-quddies fil-Ħdud u l-festi kmandati
  • ii. Qerr għallinqas darba fis-sena
  • iii. Tqarben għall-inqas fi żmien l-Għid
  • iv. Sum meta trid il-Knisja u tikolx laħam meta ma jiswiex
  • v.  Għin kemm tista’ lill-Knisja fil-ħtigiet materjali tagħha

PROFANAT Desagrat. Terminu li jispjega li xi post sagru, bħal pereż.,  knisja, kappella jew partijiet minnhom, bħal artal, ġew imneżża’ uffiċjalment mill-Isqof eċċ., mis-santità tagħhom, u għaldaqstant ma baqgħux validi biex fihom isiru r-riti reliġjużi. Fl-1575, l-Inkwiżitur Pietro Duzina, fil-viżiti tiegħu li għamel lil daqs 450 knisja u kappelli f’Maltin u Għawdex kien ipprofana mal-50 minnhom għax kienu fi stat totali ta’ abbandun.  

QUDDIESA TAL-PRAĊETT    Il-quddiesa obbligatorja tal-Ħadd.

REKJAMETERNA   1. Lat. Requiem aeternam – Talba li tingħad lil Alla li bil-Malti tfisser: ‘Agħtih/a/hom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem’.

RUĦ IL-QODOS    Isem ieħor li bih kienu jirreferu għall-Ispirtu s-Santu.

SABATTINA    Bolla tal-Papa Ġwanni XXII (937 – 964 w.K.) li kienet tagħti grazzja lid-devoti tal-Madonna tal-Karmnu, biex jinħelsu mill-purgatorju fl-ewwel Sibt ta’ wara mewthom.  

SALMI     It-talb / kant / uffiċċji  li jitkanta fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira. – jissejħu wkoll Tenebrae. Ara: TNIEBRI (dlam) minħabba li kien ikun biss ftit dawl biex jinqraw is-Salmi tal-Uffiċċju. L-uffiċċju kien jikkonsisti fil-parti l-kbira tiegħu f’qari mill-ktieb tal-Lamentazzjonijiet tal-Profeta Ġeremija. Wara l-qari ta’ kull Salm ma kinetx tingħad il-Gloria lill-Missier. Ara: BARABBAS.

SALVEREĠINA    1. Talba lill-Madonna li tibda bis-Salve Regina, jew ‘Is-sliem għalik Sultana’. 2. Talba personali li s-sajjieda jgħidu meta jkunu f’xi periklu, bħal meta jaffrontaw xi tromba tar-riħ fuq il-baħar. Il-kliem ta’ din it-talba ma kienu jgħiduh lil ħadd, għaliex jekk jagħmlu hekk, il-qawwa prottettiva ta’ dan il-kliem jintilef.

SAWM U ASTINENZA   Bis-sawm inkunu qed nirriferu għall-ġranet u l-ħinijiet, u kemm-il ikla għandha tittiekel fil-jum b’mod obbligatorju skont ir-regoli tal-Knisja. Mill-banda l-oħra, l-astinenza tirriferi għat-tip ta’ ikel u xorb li wieħed għandu jkun nieqes minnhom. Skont ir-regoli ppubblikati fil-Codice Canonico Liber III, (Codex Jur. Can. Lib. III), stabbiliti fl-1917, li  mill-1966, ’l quddiem bdew jinbidlu, il-liġi tal-astinenza kienet tipprojbixxi li jittiekel laħam, iżda seta’ jittiekel bajd, ġobon, ħalib u butir fil-pranzu biss, waqt li wieħed seta’ jsajjar bix-xaħam. (Can. 1250). Ara aktar: SAWM U ASTINENZA u VĠILI.

SPONUT   Kelma li tirriferi għas-Sagrament li jkun qiegħed espost fit-tabernaklu  biex quddiemu jsir it-talb u l-adorazzjoni. Ġesù Sagramentat ikun sponut matul il-kwaranturi.  (Ara: ĠIRANDOLA)

SKONĠURA     Eżorċiżmu. Tal. scongiurare.

TE DEUM    Proprjament din hi t-talba ta’ tifħir u ħajr lil Alla magħrufa bħala Te Deum Laudamus.  Il-Maltin għawġu din il-kelma u għalhekk bosta jgħidula ‘t-Tedew’. Skont it-tradizzjoni, kien Sant’Ambroġġ (340-397 W.K.), l-Isqof ta’ Milan, meqjus bħala wieħed mill-akbar dutturi tal-Knisja, li kkompona t-Te Deum meta hu għammed lil Santu Wistin.  Ara: LAUDAMUS.

TEWBA     Penitenza.  Eż. tewba tal-qrar. Etim. Mill-Għarbi, dhawba.

TRANSULAZZJONI / TRASLAZZJONI   Ċaqliq tar-relikwija minn post għal ieħor, anki jekk fl-istess knisja, bħal ngħidu aħna, minn altar fil-ġenb għall-altar maġġur, biex ir-relikwa tkun aktar esposta għad-devozzjoni. It-transulazzjoni dejjem issir lejlet il-festa tal-qaddis/a billi ssir proċessjoni bir-relikwija.  

TRAPASSJONI    Id-daqq tal-qniepen b’noti ta’ dieqa. Fl-antik, meta xi ħadd kien ikun agunija, il-qniepen kienu jindaqqu b’noti ta’ solennità u ta’ swied il-qalb. Tal. trapassare – M. il-passaġġ min-naħa għall-oħra. Ara:  VJATKU.

TRIDU   Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u t-talb li jsir qabel il-festa ta’ xi qaddis, li normal. idumu tliet ijiem. L-aktar Tridu importanti hu dak Paskwali li jibda f’Ħamis ix-Xirka, ikompli s-Sibt il-Għid u jispiċċa Ħadd il-Għid. (Tal. triduo).

UFFIZZJU   Tingħad mal-kelma sagru. L-uffizju sagru hu t-talb li l-qassis jaqra kuljum.  UFFIZZJATURA  It-talb u ċ-ċeremonjal li jsir fil-knisja. Ara: URI.

VELJA    Laqgħa ta’ talb li ssir matul il-lejl fil-knisja.  

VESPRI      Ara:  GĦASAR. 

VĠILI    (pl. vġejjel)  Fis-sens l-aktar ristrett tal-kelma, dan kien il-ħin ta’ sawm u astinenza ta’ lejlet il-festa. Dari kien hemm erba’ vġejjel kmandati: f’lejlet il-festi tal-Għid il-Ħamsin, il-Qaddisin kollha, Santa Marija u l-Milied. Qabel dan it-terminu kien jirreferi għall-kwalunkwe jum li wieħed kellu josserva s-sawm, eż., l-Erbgħin jum tar-Randan kif ukoll kull Erbgħa, Ġimgħa u Sibt.

VJATKU    L-għoti tas-sagramenti lill-marid li jkun wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Fil-passat, meta bniedem kien ikun agunija, il-qassis kien imur iqarben lill-marid id-dar, akkumpanjat mill-membri tal-konfraternità tas-sagrament, u bl-abbati jdoqq qanpiena żgħira f’idu matul it-triq kollha. Il-qassis kien jieħu miegħu l-ostja li kienet tinġarr fl-ostensorju, biex iqarben il-marid f’daru. Ngħidu, ‘Mewt u vjatku‘, espr. li tirreferi għal meta xi ħadd jagħmel jew ikun sottomess għal xi ħaġa ta’ riskju kbir. Tal. viatico.

© Martin Morana

7 ta’ Novembru 2023

http://www.kliemuostorja.com

Biblijografija

Brincat Joseph M., Il-Malti – Elf Sena ta’ Storja. Pubblikazzjoni Indipendenza, 2006.

Cachia Lawrence, L-Ilsien Malti  Il-bieraħ u Llum. Sensiela Kotba Soċjalisti. 1994.

Carabott Rosabelle, Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fomm tal Maltin u Ghaucin – Gianfragesku Agius Sultana – Għauci. L-Akkademja tal-Malti, et al. 2016.

Chiarelli Leonard C., A History of Muslim Sicily. Midsea Books. 2011.

Diacono Tin, ‘Maltese feast names give clues to Malta’s Muslim History’.  Malta Today. February 18, 2016. (Interview with Charles Dalli).

Fenech Reno Il-prietki bikrin

Preca Annibale, Storja Sagra (ir-Raba Ktieb). Giov. Muscat. 1948.

Psaila Karm, Dun, ‘Is-Sentiment Reliġjuż fil-Kliem u fl-għidud Malti’.

Said Ivan, ‘Wzzinu it-traduttur tal-ewwel ktieb bil-Malti stampat’

Sciberras Paul, ‘It-tħaddim tal-Malti minn Pietru Pawl Saydon fit-traduzzjoni tat-Testment

il-Ġdid mill-Grieg’, Il-Malti, Pubblikazzjoni Akkademja tal-Malti. Pubblikazzjoni XCIV. 2021.

Zammit William, Tagħlim Nisrani (1752) ta’ Franġisku Wzzinu, / Dawl Gdid fuq I-Ewwel Pubblikazzjoni tal-Katekizmu Kattoliku bl-lisien Malti: Taghlim Nisrani (1752) ta’ Frangisku Wzzinu1.

PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-ISTESS AWTUR …

Ikklikkja hawn …

Categories:

Leave a comment