A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
ĊABATTIN * ĊAĊĊARUN * ĊAĊĊIŻ * ĊAĊU * ĊAFLANGU * ĊAJT * ĊAKKAR * ĊAMA ĊAMA * ĊAMFRIN / ĊANFRIN * ĊAMILLIERI / ĊAMMILLIRI * ĊAMPLA * ĊAMPLU * ĊAN * ĊANĠIER * ĊANGA * ĊAPPA / ĊAPPA DLAM / DLAM ĊAPPA / TIN TAĊ-ĊAPPA * ĊAPPAMOSK / PAPPAMOSK / KAĊĊAMOSK * ĊAPPARA * ĊAPPELLA / ĊAMPERLA / ĊAJPERLA / ĊEPELLA * ĊAPSA * ĊAQLEMBUTA / ĊEKLEMBUTA * ĊAVI * ĊAWSLI U ĦARIR * ĊEJĊA * ĊEJQA * ĊEKĊIKA * ĊEKNER / KEĊNER / KEĊNATUR (ara: ĊIKNATUR) * ĊELLAQ-BIEBU * ĊELU * ĊENAKLU * ĊENSA L-MEWT / ĊENSA L-GĦAMJA * ĊENSIR * ĊENSWALIST * ĊENTRALI, IĊ- * ĊEPĦA * ĊEPPUN * ĊEPPUNA, TA’ * ĊERALAKKA * ĊERĊUR * ĊERERIJA * ĊERKATUR / ĊIRKATUR * ĊFOLLOQ / ĊFOLLOQ TAL-ILMA / ĊFOLLOQ TAL-WIED * ĊIBORJU * ĊIĊĊA * ĊIĊĊI BEQQI * ĊIEK * ĊIERA * ĊIKKA / KIKKA * ĊIKKUBAMBU / SIĠĠUBAMBIN * ĊIKKU * ĊIKKU BRIKU * ĊIKKUGUDJU / ĊIKKUGUDIJU / ĊIKKU DI DIU * ĊIKNATUR * ĊIKWEJRA * ĊILIZJU * ĊIMA * ĊIMBER * ĊIMBLOR * ĊINGLU * ĊINĊILA * ĊINKU * ĊINKWINA, ĊINKWINA * ĊINTURA, MADONNA TAĊ- * ĊIPP * ĊIPPITATU / ĊIPPITOTU / ĊIPPITADU * ĊIPPUS * ĊIPRISKA / ĊUPRISKA / NUĊUPRISKA / ANĊIPRESKA * ĊIRASA * ĊIRĊ / ĊIRĊATA * ĊIRIBEDUD/U * ĊIRIMELLA * ĊIRINEW * ĊIRKA * ĊIRKU TAR-ROTA *(IĊ)-ĊIRKU TAX-XAGĦRA / BROCKTORFF CIRCLE * ĊIRNIERA * ĊIROTT * ĊISK * ĊISKA * IĊ- * ĊISORMA * ĊISTA / ĊESTA * ĊITRAT * ĊITROLI * ĊITTADELLA * ĊKAL * ĊLAMIT/A * ĊLAMPU * ĊLUNA * ĊMAJRA * ĊMERDAQ * ĊMOSS * ĊNISA * ĊONG * ĊORĊARA * ĊORMA * ĊUĊ / ĊUĊATA * ĊUFFA * ĊULQANA / ĊILQANA * ĊUMBATURA * ĊUMNATA / ĊOMNATA * ĊUPLAJS / ĊOPLAJS * ĊUQLAJTA * ĊURNIENA *

ĊABATTIN Skarpan. Appel. li jirriferi b’mod dispreġġjattiv għal xi ħadd li xogħlu jagħmlu bl-addoċċ u kif ġie ġie. Tal. ciabattino – M. skarpan.
ĊAĊĊARUN Wieħed li jħobb jiċċaċċra u jgħid ħafna, jew jiftaħar bosta. Etim. Il-kelma ġejja mit-Tal. chiacchiarone.
ĊAĊĊIŻ Il-gwarniċ, norm. tal-injam, ma’ fejn jitqiegħed il-bieb. Maċ-ċaċċiż jitwaħħlu fuq naħa minnhom iċ-ċappetti li magħhom il-bieb iserraħ biex idur ħalli jinfetaħ u jingħalaq, u man-naħa l-oħra, is-serratura.
ĊAĊU, TA’ Il-laqam mogħti lin-nies tal-Isla, li skont l-għajdut popolari, huma nies li jħobbu jiftaħru b’rixhom. Etim. dubjuża. X’aktarx il-kelma ġejja minn ċaċċarun – wieħed li jgħid ħafna. Tal. ciaccione – M. wieħed li jħobb jiftaħar.
ĊAFLANGU Wieħed magħmul goff u ma jafx ikun ġentili man-nies. Bniedem ta’ bla manjieri u ma jafx x’hinu l-etikett. Bniedem li jilbes b’mod żmattat. Tal. ciaffo lungo, jew ciaffu – viso largo grasso e tondo. Sors etim: J.A.
ĊAJT/A M.A.V. (1796) jittraduċi din il-kelma għat-Tal. bħala chiacchere. Iltqajt ma’ ktejjeb tal-poeżiji ta’ Gian Anton Vassallo (ċ. 1865) li jismu Ċajt u Ħrejjef – titlu li ma jaqbel xejn mal-kontenut tal-ktieb – għax dan sibt li la fih ċajt u lanqas ħrejjef. Biss xi wħud mill-poeżiji għandhom ċertu sens ta’ umoriżmu ħafif. Intant, f’dak iż-żmien iktar kienu jużaw il-kelma ħlieqa, għalkemm il-kelma ċajt ġieli kienet tintuża wkoll fil-kuntest li nafuha illum. F.Vella (1843) jagħtiha bit-Taljan bħala, chiacciere.
ĊAKKAR Bniedem daqsxejn lura minn moħħu u li ma jlaħħaqx mal-oħrajn. Bniedem li jilbes żmattat. Bniedem kampanjol. Bniedem li jħobb idaħħaq. Sors: Kalepin. Sqal. Chaccaru; Span. Chaccarero, bniedem li jaħdem fl-għelieqi. Sors etim: J.A.
ĊAMA ĊAMA 1. Din il-frażi tingħad l-iżjed waqt logħba tat-tfal, improvizzata u sempliċi li ssir waqt l-għawm. Hekk kif it-tfal jinġabru fi grupp biex jaqbżu l-baħar, wieħed minnhom jgħajjat l-isem ta’ xi ħadd minn sħabu biex dan jaqbeż il-baħar warajh. Hekk kif jitħabbar ismu dan it-tfajjel ikollu, skont ir-regola tal-logħba, jaqbeż il-baħar kif ordnat. Biex nagħti eż., l-ewwel tifel, Toni jaqbeż il-baħar, u hekk kif jintefa’, jgħajjat, ‘ċama ċama Ġorġ, u dan Ġorġ bilġri isegwih. Ġorġ jagħmel l-istess u hu u jaqbeż jgħajjat isem ta’ xi ħadd ieħor biex dan dlonk jaqbeż hu wkoll. Jista’ wkoll, dak li jkun jgħid, ‘ċama ċama għal dahri’ jew ‘ċama ċama għal rasi’, biex min imissu, jaqbeż il-baħar bl-istess mod. 2. Kien IĊĊAMAT – rawh ma’ xi ħadd. 3. ĊAMAWH ma’ kulħadd – kienu qed iwaħħlu fih fil-pubbliku. Sqal. ciamari. 4. ĊAMATA Tah ċamata – jiġ., tah tajjira jew twiddiba. M. Sejjaħ. Fiżikament, wieħed jista’ jagħti ċamata waqt l-għawm billi jdeffes ras xi ħadd taħt l-ilma.
ĊAMILLIERI / ĊAMMILLIRI Skont M.A.V. din hija logħba sempliċi tat-tfal fejn wieħed jaħbi oġġetti żgħar f’idu, eż. xi lewż jew ċagħaq, biex ħaddieħor jipprova jaqta’ kemm hemm oġġetti fiż-żewġ ponnijiet. E.S.I. jgħid li din il-logħba oriġinat minn Sqallija, fejn kienet magħrufa bħala A Sivaleri, waqt li lokalment kienu jsibuha bħala ‘TIEGĦLA’, mill-Isqalli Quantuliera; isem ieħor ta’ din il-logħba kien, ‘Bil-Biex’. V.B. (1900) jafferma wkoll li din kienet il-logħba msejħa ‘Bil-Biex’ u bl-Ing. jagħtiha bħala, Is it odd or even? Ara: BIL-BIEX u ĦAĠRA MAĠRA. Sorsi: J.A. u E.S.I.
ĊAMPLA Ġebla ċatta, biss tqila. Sors: V. B. 1900. Skont G.B.F (1845) dan jista’ jkun kull tip ta’ oġġett ċatt u tqil. Ara: ĊAPPELLA.
ĊAMPLU Tal. pesante. (M.A.V. 1796) Tisfira li x’aktarx għandha x’taqsam ma’ ĊAMPLA. E.S.I. jikkwota lil A. de S. li jgħid: ‘[…] morbo che nasce nella labbra delle capre o pecore […]’.
ĊAN Il-qiegħ tal-injam fid-dgħajsa.
ĊANA 1. Għodda li biha tinċana (tillixxa u tnaddaf l-injama minn kull impuritajiet bħal xulliel u skaldi. Bugeja jagħti tnax il-terminu ta’ċwani differenti. Ing. plane. Ara: VARLOPPA. 2. il-biċċiet irqaq qishom qoxra li jaqa’ fl-art waqt li dak li jkun jinċana l-injama jew seratizz. Ing. shavings.
ĊANĊU Isem ieħor għal Mikiel.
ĊANFRIN / ĊAMFRIN Tip ta’ ċana li l-mastrudaxxa juża biex jillixxa l-ġnub tal-għamara fejn ikun hemm bżonn, biex ix-xifer jinżel aktar ‘l isfel. Skwerra falza tal-mastrudaxxa. Ing. chamfer plane.
ĊANGA Illum nifhmu li dan hu tip ta’ laħam tal-baqra. Aparti li jagħti l-istess tifsira, G.B.F. (1845) jgħid li dan hu ukoll il-bank li fuqu jitqatta’ l-laħam. Tal. Tavolone dei macellaj.
ĊANĠIER Negozjant li jsarraf il-flus minn valuta għal oħra. Persuna li taħdem għal rasha f’dan ix-xogħol, jiġ., mhux impjegata f’bank iżda fl-uffiċċju privat tagħha. Etim. prob. Tal. cangiare jew Fr. changeur.
ĊAPPA 1. L-injama ċatta fil-poppa tal-fregatina jew kajjik li magħha jitwaħħal it-tmun. 2. TIN TAĊ-ĊAPPA Tin li jinbiegħ fi blokki (ċapep) żgħar jew kbar. 3. ĊAPPA DLAM jew DLAM ĊAPPA – dlam li hu tant karg li fih ma jidher xejn. Sqal. ciappa – ġen. ħaġa solida.
ĊAPPAMOSK / PAPPAMOSK / KAĊĊAMOSK Għasfur żgħir ħafna li jikber sa daqs 10 ċm. Is. xj. Cisticola juncidis. Dan l-għasfur hu magħruf ukoll bħala ‘għasfur tad-dubbien’ jew ‘bagħal tal-imrewħa’. Ing. fantail warbler. Għasfur li fl-ambjent norm. tiegħu jinsab f’bosta partijiet tad-dinja. Jidher ħafna fin-Nofsinhar tal-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq. Jintgħaraf l-aktar mill-għana tiegħu b’ħoss riptetut ta’ ‘zik zik’. Minħabba f’hekk magħruf ukoll bħala ‘zakak’ jew ‘zizka’. Etim. Tal. chiappamosche – M. dak li jaqbad id-dubbien. Fil-lingwaġġ komuni ġieli wieħed iqabbel bniedem b’saqajh twal ma’ zakak, forsi għax iz-zakak għandu saqajh irqaq. Ngħidu, ‘Donnu zakak.’
ĊAPPARA ARBUXELL bħal dak tal-kappar, jew arbuxxell tax-xewk. Sors: J.A.
ĊAPPELLA / ĊEPELLA / ĊAMPERLA / ĊAJPERLA Logħba tal-boċċi, fejn it-tfal jaqbdu ġebla kbira kemm kemm jaħtfuha b’idhom, u jgarawha lejn ġebla oħra, pjuttost ikbar, ċatta, qisa ftira, li tkun ftit ‘il bogħod. Ir-rebbiegħ ikun dak li jirnexxielu jolqot l-aktar il-ġebla l-kbira u li fl-aħħar jaqsamha, ikissirha jew ifarrakha. Sqal. ciappa, lastricina di pietra con cui giocan I ragazzi. Sors etim. J. A.
ĊAPSA Appel. għal xi ħadd li jkun tqil u bilkemm jiflaħ jiċċaqlaq. X’aktarx il-kelma ġejja minn ‘ġabsa’, il-fem. ta’ ĠABAS, li tfisser ‘xi ħadd tqil u goff’. Espr. ‘Qisek ċapsa xaħam fuq karta.’
ĊAQLEMBUTA / ĊEKLEMBUTA 1. Oġġett li jiżżegleg. Tavla tal-injam li titbandal billi jitilgħu fuqha tnejn, wieħed kull naħa. Wieħed jista’ jikkrea ċaqlembuta billi jqiegħed tavla mimduda, bin-nofs tagħha ċċentrat fuq oġġett maqtugħ mill-art. 2. Fig. moviment ta’ oġġett jew bniedem li jitbandal hu u jiċċaqlaq. Oriġ. etim. M. ċaqlem / ċeklem (timxi bil-mod) Sqal. butta minn buttare. Sors etim: A. de S. Dan jispjega li din kienet kelma li kienu jgħidu lit-tfal biex iħajruhom joqomsu u jiżfnu. Sors: E.S.I.
ĊAVI Dan hu l-minċott tal-ġebel li jitqiegħed fin-nofs tal-ħnejja biex iżomm iċ-ċangaturi mibnija madwaru sodi. Ing. keystone.
ĊAWLA, TAĊ- Isem / laqam magħruf ta’ bank tas-self li kien jopera fis-seklu dsatax. Dan il-bank kien jinsab fi Strada San Franġisk, il-Furjana. Anki t-triq fejn kien hemm dan il-bank spiċċat imlaqqma ‘t-Triq taċ-Ċawla’. Meta Rosa Pace, sid il-bank, bdiet tissellef il-flus tad-deheb bi mgħax għoli, din falliet. B’hekk kienet ħarġet taqbila dwar dan l-avveniment: ‘Il-lira sfaret u ċ-ċawla taret!’ Din it-taqbilha tipparaguna mal-qawl tradizzjonali Malti li jgħid, In-naspla saret u ċ-ċawla taret. Ir-riferenza għall-flus li sfaru hi għal-liri tad-deheb; meta falla l-bank lil Pace tellgħuha l-Qorti iżda ħarġet illiberata u għamlet festa. Ħajr: Anton F. Attard.
ĊAWSLI U ĦARIR / ĊAWSI (V.B. 1900) Is. xj. Morus alba. Is-siġar taċ-ċawsli kienu tħawlu għall-ewwel darba fi żmien l-Ordni, f’diversi partijiet ta’ Malta, biex bihom tkun żviluppata l-industrija tal-ħarir. Dan għax id-dudu tal-ħarir jiekol il-weraq taċ-ċawsli li jinqata’ apposta minn din is-siġra. Meta d-dudu jkun kiber jibda jipproduċi l-ħarir li jinseġ madwaru biex jagħmel il-fosdqa (jiġifieri id-dud isir cocoon). Il-fosdqa mbagħad tittieħed biex tinfetaħ u minnha jittieħed il-ħarir. Dan il-proġett agrikolu-industrijali jidher li ma rnexxiex. Fis-seklu dsatax, l-awtoritajiet Ingliżi reġgħu ppruvaw jagħtu
spinta biex din l-industrija tal-ħarir tinbeda mill-ġdid, iżda s-suċċess reġa’ kien limitat. It-triq li tagħti miż-Żejtun lejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar hi magħrufa bħala t-Triq taċ-Ċawsli, għaliex hawn kienu mħawwla numru kbir minn dawn is-siġar. Ing. White Mulberry. Interessanti li fil-lingwa Sanskrit il-frotta taċ-ċawsli tissejjah tuta, li bil-Malti hija frotta simili u li bl-Ingliż tissejjaħ Black Mulberry.
ĊEFĊUQ/A (D.) Rif. għal xi ħadd li jkollu għajnejgħ għajjenin jew imdemmgħa.
ĊEJĊA Kelma li tingħad lit-tfal, flok ħelu jew ħelwa (pl. ċejċiet). (Damma) ‘[…] Ogni cosa piccola da mangiarsi adatta a bambini cosi viene chiamata, particolarmente quando e dolce […]’. Tingħad fil-frażi, ‘Lanqas b’ċejċa’ – Nemmeno la cosa più minuta.
ĊEJQA Tpespis ta’ għasafar żgħar. Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] Ħemda u skiet … ma kontx tisma’ ħlief xi ċejqa rqieqa tal-għasfur għadu kemm stenbaħ […]’. Żmien l-Ispanjoli, p. 24.
ĊEKĊIEKA Ġugarell tat-trabi; oġġett li fih ikun hemm affarijiet ħfief li meta ċċaqlaqhom jagħmlu ħoss bħal ċeċkik ħafif jew qawwi. Nom onomatopejku li ġej mill-verb ċekċek. Fil-Domus Rumana hemm waħda esebita magħmula mill-għadam. (Ing. baby’s rattle).
ĊEKNER / KEĊNER v. Sajjar jew għamel xogħol relatat mal-preparazzjoni tat-tisjir billi uża l-kuċiniera. Għamel xogħol ta’ natura ħafifa fid-dar jew inkella barra, iżda relatat mad-dar. Sorsi: E.S.I. u J.A. Tal. cucinare.
ĊELLAQ-BIEBU Bniedem liebes imqatta’ u żmattat. Sors: Dizionario Maltese-Italiano-Inglese, B. Falzon (G.B.F., 1845).
ĊELU 1. Saqaf maħdum bħal tinda ta’ tron, tinda fuq sodda, jew għata tad-drapp li tagħmel parti mill-baldakkin; Tip ta’ tużell. Saqaf tad-drapp ta’ karozzin. Fil-vara ta’ Kristu Mejjet (il-Monument), dan hu s-saqaf tad-drapp li hu miżmum bi frejm tal-injam, biex fiħ jitqiegħed il-korp ta’ Kristu. 2. Drapp magħruf bħala filoxx. Tal. cielo. Ara: FILOXX.
ĊENAKLU Rif. għall-kamra fejn saret l-aħħar Ċena ta’ Kristu mad-dixxipli tiegħu. Rif għar-rappreżentazzjoni fl-arti li turi l-aħħar ikla ta’ Kristu mal-Appostli.
ĊENĊILA Qanpina żgħira. (MAV. 1796).
ĊENSA L-MEWT / ĊENSA L-GĦAMJA L-Isem Ċensa ġej mill-isem komplut Vinċenza. Dan l-isem ġieli jintuża b’mod ewf. li jirriferi għall-‘mewt’. Biss, jista, jkun, anzi probabbli, li dan l-ewf. jirriferi wkoll għaċ-ċens, bħallikieku l-ħajja hi magħmula minn ċens li meta jagħlaq ifisser li jispiċċa kollox għax immutu. Dan l-isem jir. għaldaqstant għal mara xiħa u għamja, li ma tiddistingwix lil min għandha tkaxkar magħha lejn id-dinja l-oħra.
ĊENSIER Bil-Malti-Għarbi dan jissejjaħ MABĦRA. Ic-ċensier hu l-kontenitur tal-metall, imdendel minn diversi ktajjen irqaq. Dan jista’ jintuża kemm miċ-ċelebrant kif ukoll mill-abbati li jkun qiegħed jgħinu. Meta l-inċensier jixxengel min-naħa għall-oħra il-BĦUR ta’ ġon-NAVETTA jfewwah l-arja tal-madwar. Bit-tixrid tal-duħħan ifuħ tal-inċens, is-saċerdot ikun qed jippurifika b’mod simboliku l-madwar kif ukoll in-nies li jattendu ċ-ċerimonja.
ĊENSWALIST Sid iċ-ċens, jew sid l-enfitewsi; għalhekk imsejjaħ ukoll ‘enfitewta’. Wieħed jikkonċedi ċ-ċens jew l-enfitewsi għal tant snin jew in perpetuo, jiġ., għal dejjem. Il-ħlas taċ-ċens isir darba fis-sena jew kull sitt xhur, jew inkella b’mod ieħor regolari skont kif miftiehem. Iċ-ċens hu proprjetà u jista’ jinbiegħ. Ara: LAWDEMJU.
ĊENTRALI, IĊ- 1. Wara ftit li l-Ingliżi ħadu l-amministrazzjoni tal-gżejjer Maltin f’idejhom, kienu bdew jutilizzaw is-Sagra Infermerija, l-isptar tal-Ordni fil-Belt, bħala sptar militari. Intant issa l-Maltin setgħu jagħmlu użu minn diversi sptarijiet żgħar, fosthom tnejn qrib Sant’Iermu, dak ta’ Santo Spirito fir-Rabat, wieħed Għawdex, u ieħor li l-Ingliżi fetħu fil-Furjana ħdejn l-Ospizio. Dan tal-aħħar kien jittratta wkoll il-mard tal-moħħ. L-istess bini qabel kien iservi ta’ konservatorju tan-nisa, li l-Ordni kien fetaħ fl-1735. Sal-1848 dan kien stabbilit bħala l-isptar ċentrali ta’ Malta. Għall-ewwel, iċ-Ċentrali kif kienu jsejħulu, kien jaqdi sa madwar 200 pazjent, imbagħad fl-1885 spiċċa kellu 355 sodda. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, bosta dipartimenti minn dan l-isptar kienu tqassmu f’diversi binjiet madwar Malta. Imnalla sar hekk għax dan l-isptar intlaqat tliet darbiet mill-bombi tal-għadu, darbtejn fi Frar u darba f’Mejju tal-1941. Meta ftit wara l-Gwerra, infetaħ St Luke’s, b’madwar 450 sodda, iċ-Ċentrali baqa’ jservi għal ftit żmien aktar, l-iżjed għall-kura tal-għajnejn u d-dentistrija. Finalment, iċ-Ċentrali għalaq għal kollox biex wara ftit il-binja nbidlet bħala d-Depot Ġenerali tal-Pulizija. 2. Rif. għal ċerti skejjel li l-Gvern beda jiftaħ fit-tletinijiet biex iservu ta’ skola għad-distrett. Dan ifisser li fl-irħula fejn ma kienx hemm skejjel tal-gvern, it-tfal kienu jmorru fi skola ‘ċentrali’ li taqdi d-distrett kollu. Eż. ta’ dan: dawk mill-inħawi tal-Imqabba, l-Qrendi u Ħal-Luqa kien jattendu fl-Iskola Ċentrali ta’ Ħal Tarxien. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb ta’ Herbert Ganado, pp. 208-220.
ĊEPĦA Tingħad għal xi ħadd tqil u li mhux kapaċi jiċċaqlaq malajr. Simili għall-kelma ‘ċapsa’. Ara: ĊAPSA.
ĊEPPUN Libsa li kienet tintlibes min-nisa. Il-Piccolo Dizionario (1856) jiddiskrivi din il-libsa hekk: ‘[…] veste da donna a guiso di busto guarnito ricchamente […]‘, u bl-Ing. bħala: rich spencer. V.B (1900) jirrepeti kelma b’kelma dak li qal M.A.V. (1796), ġakketta ta’ mara, Ing. a stomacher; rich spencer. V.B (1900).
ĊEPPUNA, TA’ 1. Post fejn jinżammu l-baqar. 2. Ta’ Ċeppuna, huwa post fil-Marsa fejn illum hemm il-Marsa Sports Club. 3. Hawn tinsab kappella żgħira antika, magħrufa bħala l-Madonna ta’ Ċeppuna (L-Assunta). Tal: ceppo – post imdawwar b’ħajt tal-injam biex iżomm l-annimali milli jaħarbu. Qbl. ma’ ĊIPP.
ĊERALAKKA Taħlita ta’ xema’ u terpentina li ilha tintuża għal mijiet ta’ snin biex biha jissiġillaw dokumenti jew ittri li huma sigrieti jew ta’ importanza. Ix-xema’ tiddewweb fuq id-dokument magħluq u ċ-ċeralakka tkun ittimbrata b’siġill bħala turija li d-dokument ma jkun fetħu ħadd sakemm jasal għand min għandu jasal.
ĊERĊUR Bniedem li jċerċer fit-toroq; tallab. ĊERĊURA Norm. dan l-appel. jingħad għal xi mara ħamalla. M.A.V. (1796) jgħidlu, mendicante.
ĊERERIJA Fabbrika fejn issir il-produzzjoni tax-xema’. Nafu li f’Malta, fl-1612 kien hawn ċertu Augustino Magnasco minn Ġenova, li kien talab il-permess tal-Ordni biex jibda jbigħ il-prodotti tax-xema’ li hu kien jipproduċi. Ara: Society, Culture and Identity in Early Modern Malta ta’ Carmel Cassar, p. 111. Mis-seklu dsatax ’il quddiem il-fabbriki tradizzjonali tax-xema’ bdew jipproduċu dan ix-xogħol bi kwantitajiet akbar minħabba li beda jintuża makkinarju apposta tal-injam. Ix-xema’ mdewba kienet tindilek mal-ftila, imbagħad tiddeffes f’kontenitur li jkollu l-forma tax-xemgħa li wieħed irid jipproduċi. Ix-xemgħa twila tiddendel ma’ ċirku jew makkinarju tal-injam għoli biex tinxef. Il-materjal tax-xema’ kien ikun norm. magħmul jew mill-għasel, xaħam tal-baqar jew tan-nagħaġ, jew aktar riċenti mill-parafin. Aktar tard, fis-seklu dsatax, beda jintuża ż-żejt tal-moħħ tal-baleni (Lat. spermataci) għax dan meta jagħqad ikollu l-istess reazzjoni għas-sħana bħax-xema’, u fl-istess ħin jgħin ’il-ftila żżomm il-fjamma mixgħula. Barra minn hekk iż-żejt tal-balena jagħti aktar dawl mill-oħrajn. Illum, bosta mix-xemgħat il-kbar fil-knejjes jinxtegħlu b’bozza żgħira bi ‘fjamma’ tal-elettriku. Din l-invenzjoni għenet biex tneħħi kemm l-iskumdità li s-sagristan jixgħel u jitfi x-xemgħat waħda waħda, kif ukoll ġie evitat in-nugrufun li jagħmel tant ħsara ’l-pitturi. Apparti minn hekk, tneħħa wkoll il-periklu li x-xemgħat jistgħu anki jkunu kawża ta’ xi nar aċċidentali.
ĊERKATUR / ĊIRKATUR L-ajk jew il-patri mqabbad mill-gwardjan tal-kunvent biex joħroġ jittallab il-karità ħalli jiġbor l-elemożina, bħal ikel jew affarijiet oħra, kif ukoll flus, biex il-patrijiet fil-kunvent ikollhom biex jgħixu. Iċ-ċerkatur kien idendel ma’ spalltu l-ĦORĠA u jitlaq għal għonq it-triq. F’Malta jibqgħu jissemmew tnejn minn dawn iċ-ċerkaturi. L-ewwel wieħed kien Fra Krispin (1788 – 1868), patri Kapuċċin mal-patrijiet tal-Kalkara – u wara tal-Furjana, u l-ieħor kien FRA DIEGU Bonanno (1831 – 1902), tal-Franġiskani Minuri.
ĊFILLARIJA / ĊFOLLARIJA / ĊFULLARIJA Bħal galletta tal-injam jew ċagħka bit-toqba fin-nofs fejn jidħol fl-iMSERKA. Tal. vertecchio; fusciolo, (M.A.V.). Ing. whorl.
ĊFOLLOQ 1. Affarijiet li jkunu ta’ inkwiet u uġigħ ta’ ras; ħsibijiet ta’ ċertu obbligu li wieħed ikun irid jagħtihom l-attenzjoni li jistħoqqilhom. Espr. ‘Dejjem jinqala’ xi ċfolloq.’ M.A.V. (1796) jispjega din il-kelma bit-Taljan bħala imbarazzo. 2. Pjanta tubera selvaġġa li tikber is-sena kollha, li twarrad fjuri sofor qishom ileqqu u pjuttost kbar bħala proporzjon mal-pjanta. Lat. Ranunculus bullatus. Din il-pjanta tikber tista’ tgħid kullimkien, l-aktar fejn hemm blat bil-ħofor żgħar bi ftit ħamrija ‘l hawn u ‘l hinn, bħal pereż., fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Issibha wkoll tikber fil-ġnub tat-toroq imwarrba u mas-swar. Jeżistu wkoll ĊFOLLOQ TAL-ILMA u ĊFOLLOQ TAL-WIED. Tal. cifalone. Ing. autumn buttercup. Ara: Flora u Fawna ta’ Malta, ed. Joe Sultana, pp. 62, 63; u http://www.wildplantsofmalta.com.
ĊIBORJU Pissidi. Kalċi li fih jinżammu l-ostji. Rif. ukoll għat-tabernaklu fejn jinżamm dan il-kalċi bl-ostiji kkonsagrati fuq l-artal.
ĊIĊĊA Kelma li tingħad lit-tfal, jew li t-tfal jgħiduha bejniethom, li tfisser il-warrani, sorm. Sors: M.A.V. (1796) jagħti din l-ispjega: sedere, voce dei bambini.Illum meta ngħidu, ‘ħa nimmla ċ-ċiċċa’, inkunu qisna qed nfissru ‘sejjer niekol, sejjer nimla żaqqi’.
ĊIĊĊI BEQQI Espr. li kienet tingħad lit-tfal biex joqogħdu bilqiegħda. Rif. dispreġġjattiva li tiddeskrivi bniedem li hu għażżien u li ma jrid jagħmel xejn.
ĊIEK Il-mazza li d-daqqaq juża biex iħabbatha mal-lenza mġebbda tal-qaws biex din tivvibra u l-qoton jitpaħpaħ. M.A.V. ‘[…] palla con manico….[…]’. Ara: DAQQAQ.
ĊIERA 1. Espressjoni tal-wiċċ. Eż. ‘Dak għandu ċ-ċiera ta’ wieħed żorr’. ‘Biċ-ċiera’, frażi li tintuża meta xi ħadd iħares bl-ikrah u b’ċerta korla lejn xi ħadd. 2. Espr. ‘Int jaqaw biċ-ċiera miegħi?’ – din tingħad bejn it-tfal meta wieħed jissuspetta li ħabibu ma jridx ikellmu għax ħa għalih b’xi ħaġa. Espr. oħra kienet: ‘Kemm se ddum tħarisli biċ-ċiera?’ MUĊWIER: Appel. għal wieħed b’espr. ta’ wiċċ imqarras jew irrabjat. Espr. Tieni bil-ħarta imma tħarisx biċ-ċiera. Qbl. cera mit-Tal. – M. xema’. (Damma) ‘[…] Ċwieri, uomo che mai ride e sempre con cattiva cera […]’. Fil-kummiedja, ‘L-erba’ Rikkardi’, (1869) ta’ Carmelo Camilleri, insibu hekk: ‘[…] Illum qiegħed narah ċiera oħra […]’. It-Teatru tas-Seklu Dsatax, l-Ewwel Volum, p. 68.
ĊIKKA Isem imqassar għal Franġiska. Ara ĊISKA.
ĊIKKA jew KIKKA 1. Idj: Ġabha ċikka jew b’ċikka; sitwazzjoni meta wieħed ikun iffortunat b’xi ħaġa diffiċli jew ta’ riskju li jkun għamel. Tal. cicca; xi ħaġa mhux importanti u li tirnexxi b’kumbinazzjoni. Sors: J.A. 2. Jista’ jkun li din il-kelma tfisser ‘imbuttatura’, bħal meta wieħed jizzikka ż-żibeġ ġol-ħofra. Jista’ jkun ukoll li l-kelma ċikka ġejja mit-Tal. cieca (rif. għall-fortuna għamja bħal fil-logħba: mosca cieca).
ĊIKKU Isem imqassar għal Franġisku.
ĊIKKU BRIKU Risposta għall-problema li ma twassal għal ebda soluzzjoni aħjar. Tingħad b’dan il-mod: ‘Ix-xogħol li se nagħmlu kollu ċikku briku’. Sqal. Sceccu: asino, bricco: asino. Sors etim: J.A. Hemm spjega oħra dwar din l-espr: cieco e ubriaco.
ĊIKKUBAMBU / SIĠĠUBAMBIN Logħba sempliċi li tintlagħab bejn tlett itfal. Tnejn minn dawn jaqbdu jdejn xulxin b’mod li l-idejn ta’ wieħed jaħtfu l-polz tal-ieħor u b’hekk jiffurmaw speċi ta’ xibka tas-swaba, (ngħidulha benniena) bejniethom. Imbagħad iż-żewġt itfal iħallu t-tielet tifel, norm. ċkejken, jitla’ bilqiegħda fuq idejhom biex ibandluh jew imexxuh.
ĊIKKUGUDJU / ĊIKKUGUDIJU / ĊIKKU DI DIU Isem antik għall-merill. Sors: G.B.F., 1845.
ĊIKNATUR 1. Tavla magħmula tawwalija li titqiegħed fuq il-mejda tal-kċina biex fuqha tinħadem l-għaġina jew biex jitqatta’ l-ikel, bħal-laħam eċċ. M.A.V. (1796) jgħidilha, tagliatore di legno. Il-Piccolo Dizionario (1856) jispjega dan l-oġġett bit-Tal. tagliere, u bl-Ing. trencher. Tavla simili kienet tintuża biex isir ċertu xogħol tal-idejn fuqha billi titqiegħed fuq il-kuxxtejn ta’ min ikun bilqiegħda u fuqha jitqiegħdu l-għodda u l-oġġetti żgħar relatati. Logħba tat-tfal li fiha tintuża din it-tavla. Din titqiegħed għal tulha angulata mal-ħajt. Il-logħba hi magħrufa bħala ‘Żurżieqa’. It-tfal jitilqu l-boċċi jew lewż minn fuq għal isfel ta’ din it-tavla, bl-iskop li dawn jiżżerżqu dritt lejn l-art u jolqtu l-lewż jew il-boċċi li jkunu mqiegħda qrib iċ-ċiknatur. Min jolqot imqar boċċa, jirbaħ kull boċċa li jkun hemm fl-art. Jekk le, iħalli l-boċċa tiegħu fejn tieqaf u sieħbu jimmira l-boċċa tiegħu minn fuq l-istess ċiknatur għal fuqha. Lanfranco jgħid li fi Franza hemm logħba li tixbah lil din u li tissejjaħ Chacun son tour, li bil-Malti tfisser ‘kulħadd wara min imissu’; meta wieħed jippronunzjaha, din il-frażi tqarreb lejn ‘ċiknatur’. Wieħed irid jara jekk dan ix-xebh hux konness jew hux kumbinazzjoni.
ĊIKWEJRA Ħaxixa li tikber fl-Ewropa u fl-Amerika, u li tista’ tkun użata bħala sostitut jew inkella addittiv li jagħti togħma itjeb lill-kafé. Is. xj. Chicorium intybus. Il-pjanta ġieli tintuża bħala għalf għall-annimali. Ing. chicory. Fi żminijiet ta’ nofs is-seklu għoxrin kien hawn prodott fis-suq fejn iċ-ċikwerja kienet tinbiegħ fil-pakketti ssiġġillati. Ma’ kull pakkett kienet tingħata santa b’xejn biex tħajjar lix-xerrejja jixtru aktar minn dan il-prodott.
ĊILIZJU Tip ta’ ċoqqa ħoxna li l-Patrijiet Penitenzjarji kienu jilbsu. Din kienet tidentifikahom minn komunitajiet reliġjużi oħrajn. Kienu jgħidu, ‘Dak jilbes iċ-ċilizji.’ – rif. għal xi ħadd li jilbes ħwejjeġ qodma u mitluqin għall-aħħar. Tal. cilizio – drapp tal-ixkejjer.
ĊIMA 1. Ħabel oħxon tal-qanneb jew tas-sisal, li kien jintuża l-aktar għall-irmunkar u l-irmiġġar tal-bastimenti. Kelma li ġejja mit-Tal. sforz kemm il-baħħara Sqallin u dawk Taljani kienu jiffrekwentaw l-portijiet Maltin. Tal. cima, il-quċċata. 2. Rif. ġenerika għall-apparat kollu li jintuża għas-sajd tal-Lampuki. ‘Ngħidu, ‘Marru jistadu fuq iċ-ċima’. Ara: KANNIZZATTA u LAMPUKA/I.
ĊIMBER Isem ieħor għax-xahar ta’ Diċembru kif kien magħruf fl-antik. Dan kien żgur jissejjaħ hekk sas-seklu dsatax, u jinsab imniżżel fid-Dizionario Maltese-Italiano-Inglese (G.B.F. 1845).
ĊIMBLOR Il-Piccolo Dizionario (1856) jittraduċi dan in-nom bit-Taljan bħala luminello u bl-Ingliż bħala lamp-float. E.S.I. jgħid li ċ-ċimblor hu dak ix-xaqq fil-ġewżaq tal-lampa minn fejn titla’ u tinżel il-ftila u li żżomm separati l-parti ta’ fuq fejn tinxtegħel mill-parti ta’ isfel fejn tkun mgħaddsa fil-pitrolu. Il-Piccolo Dizionario jgħid ukoll li l-isem japplika wkoll għal ħolqa jew pajp żgħir fejn tinżamm il-ftila li tgħum fiż-żejt, li tinxtegħel fil-musbieħ jew fil-lampa tal-Madonna. J.A. jagħti l-espr. ‘Jaqaw biċ-ċimblor illum?’ – jiġ., bil-burdata ħażina. Etim. Sq. ciumbaloru – M. ċomb. A. de S. (ċ. 1759) u M.A.V. (1796) jagħtu din il-kelma bħala cumbalor. V. Busuttil (1900), jittraduċih bħala float.
ĊINETTA Bħal TARBUX jew FEŻ tal-pannu, mingħajr pizz u bil-ġummiena li kien jintlibes x’aktarx mir-raħħala u anki d-dar biex iżomm ir-ras sħuna. Sors prinċipali: E.S.I. Ara: ĊNETTA.
ĊINGLU Kurdun li jiddawwar mal-qadd fuq iċ-ċoqqa tal-patrijiet. Dari ċ-ċinglu kien jinħadem bis-sistema tal-malji (ikkatinat). Ara: CINTURA.
ĊINKU Kelma li ħadniha mit-Taljan għan-numru ħamsa. Tintuża l-aktar fil-logħob tal-morra jew tat-tombla.
ĊINKWINA Munita li kienet tintuża f’Malta fi żmien l-Ordni u li kienet tiswa ħames grani (ħabbiet). Qawl. Ċinkwina ħames ħabbiet – rif. għal meta xi ħadd joffri soluzzjoni li ma tkunx aqwa minn ta’ qabilha. Prezz alternattiv li bih wieħed ma jkun iffranka xejn. Tal. cinquina.
ĊINTURA Lazz jew ħżiem li jintlibes madwar il-qadd minn fuq il-ħwejjeġ. MADONNA TAĊ-ĊINTURA It-titlu tal-Madonna magħrufa hekk. Il-Madonna hi wkoll magħrufa bħala l-Madonna tal-Konsolazzjoni, meqjuma kemm fil-knisja ta’ San Mark (tal-Agostinjani) r-Rabat, kif ukoll fil-knisja parrokkjali tal-Gudja. Skont il-leġġenda, il-Madonna kienet tat iċ-ċintura (jew iċ-ċinglu) lil Santa Monika, omm Santu Wistin, biex issabbarha għax din kienet tinsab fi stat ta’ niket kbir minħabba li binha ma kienx irid jaf bil-fidi Nisranija. B’hekk iċ-ċintura tissimbolizza l-konsolazzjoni li l-Madonna tagħti lil min hu fil-bżonn. Kien fil-festa tal-Madonna taċ-Ċintura, fit-2 ta’ Settembru tal-1798, li l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi li kienu qiegħdin jokkupaw lil Malta.
ĊIPP 1. Il-parti tal-injam tal-azzarin jew xkubetta. 2. Ċella tal-ħabs. Idj: Spiċċa qatta’ jumejn fiċ-ċipp. Oriġ. etim. Tal. ceppi. 3. Blokka tal-injam b’żewġ toqob li jinfetħu u jingħalqu, biex fihom is-saqajn u l-idejn tal-ikkundanat jinqaflu b’mod li ma jkunux jistgħu jiċaqalqu jew joħroġu minnhom. (Ing. stocks). Kelma oħra għal ċipp f’dan is-sens hi FELQA. Ara: ĊEPPUNA, TA’.
ĊIPPITATU / ĊIPPITOTU / ĊIPPITADU Speċi ta’ żugraga jew dada żgħira b’forma poligonali, jew dada b’erba’ naħat u b’zokk irqieq għaddej minn nofsha. Fuq il-ġnub tad-dada jkun hemm miktuba xi numri jew ittri. Iċ-ċippitatu kien jintuża fil-logħob tal-ażżard, kemm bejn it-tfal kif ukoll bejn il-kbar. L-ittri huma dawn: T (tutu), M mezzo, N nienti u P paga. Id-dada jgarawha fuq wiċċ ta’ mejda jew art ċatta u skont in-numru, jew ittra li jiġi jidher fil-wiċċ tagħha, il-lagħba jaġixxu. Fost il-logħob li wieħed kien jilgħab biċ-ċippitatu kien hemm ‘Il-FARABOJ‘. Fl-antik kien hemm min idur bil-pastizzi fit-toroq u jistieden lin-nies jilgħabu l-logħob biċ-ċippitotu biex min jitlgħalu n-numru jirbaħ pastizz. Biż-żmien iċ-ċippitotu sar biss ġugarell tat-tfal. Lat. acipe totum (M. ir-rebbieħ jirbaħ kollox – Ing. the winner takes it all). Tal. Accipitotu – dado che gira come una trottola. Sq. cciappituttu. Tal. acchiapa tutto. E.S.I. Ing. Teetotum jew T-totum.
ĊIPPUS Ġebla mnaqqxa, bħal kolonna żgħira (L. stelae). Fil-każ ta’ Malta, iċ-Ċippus jirreferi partikolarment għal kull wieħed minn żewġ candelabrae (kolonni żgħar skolpiti u ddekorati) li kienu nstabu tas-Silġ fis-seklu sbatax. Dawn inħadmu fil-perijodu Puniku-Ruman, fl-ewwel seklu Q.K. L-iskrizzjonijiet fuq iż-żewġ ċippi huma identiċi u miktuba kemm bil-Grieg kif ukoll bil-Puniku. L-iskrizzjoni tikkonsisti f’talba lill-alla Feniċju Melkart, magħmula mill-aħwa Abdosir u Osirxamar. Wieħed minn dawn iċ-ċippi kien ingħata bħala rigal mill-Gran Mastru De Rohan lir-Re Luwiġi VI, u llum jinsab fil-Mużew tal-Louvre (ara r-ritratt). L-iskrizzjoni fuq iċ-Ċippus għenet ħafna biex tiġi ddeċifrata l-kitba Punika mill-lingwist Franċiż Jean Jacques Barthelemy fl-1758. Ara: ‘The Malta Cippus in the Louvre’, ta’ Carmen Depasquale, fi, Treasures of Malta, No 46, Vol XVI, no 1.
ĊIPRISKA / ĊUPRISKA / NUĊIPRISKA / ANĊIPRESKA L-isem xjentifiku tal-ħawħ hu Prunus persica, waqt li tan-nuċipresk hu Prunus persica variata, (Ing. nectarine). Dan il-frott jaf l-oriġini tiegħu fiċ-Ċina. Il-varjanti kollha jirriferu għal dawk is-siġar u l-frott li jixbah il-ħawħ. Jeżistu mal-mitt kwalità ta’ nuċipresk. L-isem nuċipreska ġej mit-Tal. nocepesca u final. mil-Lat. persica. Dan għaliex kienu jasħbu li dan il-frott wasal fl-Ewropa mill-Persja (l-Iran). A. De S. jinkludi l-isem ta’ din il-frotta fid–Damma (c.1750-1767).
ĊIRASA A. de S. iqabbel il-kliem mat-togħma ħelwa taċ-ċirasa. Fid-‘Djalogi’ li hu kiteb insibu hekk: ‘[…] El kliem tajeb u hhelu phhal e Cerasi […]’ Ara: ‘De Soldanis Dialogues’, De Soldanis, An Eighteenth Century Intellectual, p. 110. Hemm qawl ieħor li jgħid: ‘Il-kliem bħaċ-ċirasa, terfa’ waħda, ittella’ qoffa.’ Metafora li tirriferi għal meta kelma ġġib il-oħra, bħal meta kelma jew suġġett iqanqal ħsieb ieħor. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 88. Etim. Lat. cerasus li final. tirriferi għal post fit-Turkija, Giresun, minn fejn din is-siġra kienet impurtata għall-ewwel darba.
ĊIRĊ / ĊIRĊATA Xita rqieqa, biss li tinżel bis-saħħa hekk kif din tkun imkaxkra mir-riħ li jonfoħ mill-Grigall. Tixriba minn xebgħa xita ta’ dan it-tip. Sors: E.S.I.
ĊIRIBEDUD/U Kelma tat-tfal li kienet tintuża b’nofs ċajta f’xi logħba tal-boċċi, żibeġ, eċċ., biex dak li jkun, bħal speċi jgħajjen il-kapaċità fil-logħob ta’ ħaddieħor. Anki l-Isqallin fil-logħob tal-ażżard jgħidu: ciriveddu jew ciribiddu meta wieħed irid jisħet ir-risq tal-avversarju. Sqal. ‘moħħ’, fis-sens ta’ kapaċità, jew nuqqas ta’ intellett.
ĊIRIMELLA Tip ta’ strument mużikali taż-żaqq, assoċjat l-aktar mal-istrument Skoċċiż aktar milli mal-istrument taż-żaqq Malti. Tal. ciaramella (v. ciaramellare: M. tpaċpiċ fil-vojt li ma jwassal għall-ebda konklużjoni.) Lat. Calamus – M. kanna. Ara: ŻAQQ.
ĊIRINEW Ref. għal Xmun iċ-Ċirinew li jissemma fit-Testment il-Ġdid. Idj: ‘Mela ħsibtni ċ-Ċirinew tiegħek’ – Min jgħid dan qiegħed juri li mhux lest li jġorr ir-responsabbiltà ta’ min suppost għandu jidħol għaliha. L-analoġija hi meħuda mit-Testment il-Ġdid, għaliex Xmun iċ-Ċirinew refa’ s-salib ta’ Kristu meta dan kien qiegħed iġorru sa fuq il-Golgota (Mark 15-22).
ĊIRKA Kelma oħra għal ‘tonsura’, jiġ., il-forma tonda li l-patrijiet kienu jagħtu meta jqaxxru xagħarhom. Ngħidu, ‘Busli ċ-ċirka’, jiġ., busli l-qargħa. Biss din tingħad ukoll b’mod ewf. għas-sorm. Din l-epsr. tintuża l-aktar meta wieħed juri stmerrija lejn ir-rieda jew l-opinjoni ta’ xi ħadd. L-istess bħal meta wieħed jgħid, ‘Jekk irid ibusli għajni.’ Etim. oriġ. chierica. Ara: TONSURA.
ĊIRKU TAR-ROTA Jekk xi tifel kien jiġi f’idejh ċirku tal-ħadid, kemm jekk dan kien xi panzier tal-bettija, jew ċirku tal-metall ta’ xi rota mhix tintuża, dan kien malajr jagħmel minnu oġġett tal-logħob. Kull ma kien irid kien li isib biċċa wajr kemxejn twil, daqs żewġ piedi jew aktar, jgħawġu fi tnejn u bih jipprova jidderiġi ċ-ċirku waqt li hu jdur mgħaġġel jiġri fit-torqo bih. Logħba li tintlagħab waħidha biss it-tfal ġieli kienu jagħmlu pika bejniethom minn minnhom idum l-aktar jikkontrolla ċ-ċirku mingħajr ma dan jaqa’ fl-art.
ĊIRKU TAX-XAGĦRA, (IĊ)- / BROCHTORFF CIRCLE Sit arkeoloġiku importanti li jinsab daqs 700 metru ’ll bogħod mit-tempji tal-Ġgantija, eżattament bejn Santa Verna u x-Xagħra. Is-sit kien diġà magħruf u b’xi mod skavat xi ftit fis-seklu dsatax minn Otto von Bayer, uffiċjal li kien stazzjonat f’Malta mal-militar Ingliż. Wara l-iskavi, dan is-sit kien reġa’ tgħatta u biż-żmien intesa’. L-isem Brocktorff jirriferi għall-artist Charles Frederick De Brochtorff, Ġermaniż, li bejn l-1828 u l-1829 kien pinġa serje ta’ akwarelli b’xeni interessanti ta’ dan is-sit. Fl-1964, ċertu Joe Attard Tabone mix-Xagħra, Għawdex irnexxilu jilokalizza s-sit mill-ġdid u informa lill-awtoritajiet tal-Mużew. Fl-1986, iċ-Ċirku, kif kien magħruf dan is-sit, beda jiġi skavat mill-ġdid minn arkeoloġi kkwalifikati mill-universitajiet ta’ Belfast, ta’ Cambridge u ta’ Malta. Ix-xogħol tal-iskavi waqaf fl-1996. Iċ-Ċirku tax-Xagħra hu magħmul minn numru ta’ għerien, li tħaffru u ġew żviluppati fl-istess żmien li nbnew it-Tempji Neolitiċi, biex iservu ta’ ċimiterju sotterran. Dan is-sit huwa meqjus bħala l-‘Ipoġew ta’ Għawdex’ għax intuża għall-istess skop bħal l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Ara: Mortuary Ritual in prehistoric Malta – The Brochtorff Circle ta’ Malone, C. A. T., Stoddart, S. K. F., Trump, D., Bonanno, A. and Pace, A. (eds.). 2009. The Brochtorff Circle Excavations (1987-1994). Cambridge, McDonald Institute.
ĊIRNIERA Ċappetta tal-ħadid li fuqha jdur u jinfetaħ il-bieb. Ċappetta jew bokkla tal-qfil tal-baskett tan-nisa. Sq. cirnera. Tal. cerniera – żipp.
ĊIROTT Tip ta’ krema li tista’ tkun forma ta’ stikka, bħal xemgħa, li biha kien jindilek ix-xagħar biex dan jidher ileqq. Krema li biha l-irġiel kienu jidilku l-mustaċċi biex jkunu stirati u wieqfa. Sq. cirottu minn cera – M: xema’.
ĊISK IĊ- Idj: ‘Mela lili ħsibtni ċ-Ċisk ?’ Iċ-Ċisk kien il-laqam li ngħata lil Markiż Emmanuele Scicluna, imprenditur li twieled fl-1820. Jingħad li l-laqam ‘Ċisk’ ġej mill-fatt li kien dan l-imprenditur li daħħal fin-negozju Malti l-użu taċ-ċekkijiet, li l-Maltin bdew isejħu ‘ċisk’ flokk cheques. Scicluna kien bankier u neguzjant kbir li kien imdaħħal f’ħafna kummerċ differenti, fosthom fit-trasport tal-merkanzija bil-baħar. Nistgħu ngħidu li Scicluna kien l-ikbar imprenditur sinjur Malti tas-seklu dsatax. Hu u ħuh Giovanni Battista kienu membri fundaturi taċ-Chamber of Commerce li kienet imwaqqfa fl-1885. (Ara: IL-BORSA). Il-Markiż Scicluna kien filantropu li ma naqasx li jikkontribwixxi lis-soċjetà Maltija b’bosta għajnuniet finanzjarji. Fost affarjiet oħra, Scicluna ħallas għall-bini tal-istitut tat-tfal ta’ Fra Diegu, il-Ħamrun. Apparti minn hekk, hu jibqa’ magħruf ukoll għal binjiet partikulari, fosthom il-Villa li bena fil-ponta tad-Dragonara, li wara saret Casinò. Il-Markiż Scicluna miet fl-1886. Ara: Dictionary of Maltese Biographies ta’ Michael J. Schiavone.
ĊISKA Isem fil-qasir għal Franġiska.
ĊISORMA Kelma li kienet tintuża fil-frażi ‘alla ċisorma’. Il-kelma waħidha ma tfisser xejn, biss hi mod ewf. li wieħed juża flok jgħid ‘sormha’. Din l-espr. tfisser, ‘x’jimpurtah!’ jew, ‘ma jimpurtah minn xejn / x’għala għajnu’.
ĊISTE / ĊISTA / ĊESTA Bħal nuffata li titrabba taħt il-ġilda. Borsa (membrana) li timtela bil-fluwidi. Ċiste tista’ anki titla’ fuq l-għajnejn. Fil-mediċina tradizzjonali, hawn minn kien jagħmillha l-għasel biex ineħħi n-nefħa.
ĊITRAT 1. B’mod ġenerali, dan hu terminu li jirriferi għal kull tip ta’ siġar taċ-ċitru u frott aċiduż. 2. B’mod aktar preċiż, iċ-ċitrat hu l-ixkomb (is. xj. Citrus medica, Ing. citron), frotta li hi l-aktar imfittxa għall-qoxra tagħha, li tintuża mid-dulċiera. 3. Melħ magħmul mill-aċidu ċitriku li jitħallat f’taħlita mill-ispiżjara biex jgħin it-taħlit tal-ingredjenti ma’ xulxin mingħajr ma jikkawża xi tibdil kimiku. ĊITRATA Xarba magħmula mill-meraq tal-ixkomb jew mit-tronġ. ĊITRATI 1. Ħelu magħmul mill-meraq taċ-ċitrat li kien ikollu fuqu forma ta’ salib bħala speċi ta’ disinn ħafif. Dan kien jinbiegħ qisu domna mfattra u mwaħħla ma’ biċċa karta. Hawn min biċ-ċajt kien isejjaħ dan it-tip ta’ ħelu bħala ĦARJA TAS-SUMMIEN. 2. Fig. ħaġa li saret b’mod li ma rnexxietx. Din it-tifsira negattiva tipparaguna sew mal-ispjega ta’ qabilha għaliex il-ħelu taċ-ċitrat kien jieħu forma xejn preċiża, u allura tirreferi għal xi ħaġa magħmula ħażin. Espr. ‘għamel ċitrata’, jiġ., ‘għamel qassata’ jew ‘għamel waħda tinkiteb’. Din il-kelma tintuża minn Juan Mamo fl-istorja Kikinu fil-Ħamrun, li dehret f’Il-Berqa tal-14 ta’ Mejju 1932: ‘[…] Wara ċitrati bħal dawn, mogħdija taż-żmien bla tista’ tiċħadha, … il-Perit u Kikinu… telqu bis-sliem […]’ Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija ta’ Mark Vella, p. 29.
ĊITROLI Isem ieħor għal ħjar.
ĊITTADELLA Kienu l-Ingliżi l-ewwel li bdew jirriferu għal dik il-parti ffortifikata tar-Rabat f’Għawdex, bħala The Citadel. Iċ-Ċittadella hi magħrufa aħjar mill-Għawdxin bħala, il-Kastell. Għalkemm illum din il-parti tal-belt hi kważi diżabitata, kien hemm żmien li f’każ ta’ attakk mill-għadu din il-fortizza kienet tilqa’ fiha mal-2,000 ruħ. Mhux talli hekk, imma, kien hemm żmien li l-Għawdxin kollha kienu obbligati jqattgħu l-lejl f’dan il-kastell biex jipproteġu ruhom. Illum, parti miċ-Ċitadella tinsab f’ħerba kbira, minħabba li ħafna mill-abitazzjonijiet antiki li hemm fiha tfarrku. Barra l-Katidral, il-Qorti ta’ Għawdex u l-Palazz tal-Isqof, illum insibu biss xi mużewijiet u xi ftit ħwienet u djar għal nofs tużana abitanti. Ara: ‘The Castello in Gozo’ ta’ Joseph M. Wismayer fi Treasures of Malta Easter 1998, Vol IV no 2., pp. 61-64. Gozo Ancient and Modern, Religious and Profane. pp. 61-67, ta’ Agius De Soldanis.
ĊKAL Is. xj. Upogebia affinis. Tip ta’ gamblu żgħir li jgħix fit-tajn u r-ramel tal-baħar. Dan jinqabad mis-sajjieda biex jintuża bħala lixka għas-sajd tal-kaħli u ħut ieħor. Espr: ‘Jagħmel iċ-ċkall’ jiġ., iffittex u jaqbad iċ-ċkall bil-kopp. Sqal. cicala di mare. Ing. Mediterranean mud shrimp. Ara: ‘Kif jagħmlu ċ-ċkal f’Wied il-Għajn’, ta’ Steve Borg, Folklor ed. Guido Lanfranco.
ĊLAMPU Tip ta’ temp sħun u umdu fejn ma jkun hemm l-ebda żiffa; riħ isfel immens. Ing. doldrums.
ĊLAMITA (pl. ċlamit) Biċċiet ta’ materjal mill-madum jew siment li jkun qed jaqa’ mill-binja ta’ fejn ikun twaħħal. E.S.I. Brikk (F.V. 1831).
ĊLUNA Sħab baxx li jkun mimli bix-xita. Sħab tqil tal-maltemp.
ĊMAJRA Stat ta’ mard, bħal meta xi ħadd jieħu riħ u jkollu deni qawwi.Skont xi wħud fl-antik bħala rimedju kienu jagħmlu żewġ sangisugi ma’ għonqhom biex jgħaddilhom, (G. Lanfranco 2017). Skont M.A.V. (1828), u V. B. (1900) dan hu t-tetanu (V.B. jsejjaħlu bl-Ing. locked jaw), biss jgħid li din il-kelma bl-Ing. tfisser ukoll noisy child. Sqal. Cimoira, infermità del cavallo o d’altri animali. Riħ li wieħed jista’ jimbokka meta joqgħod imperreċ jew jintasab bejn żewġt irjieħ. Riħ fl-għadam, bħal rewmatiżmu eċċ. M.A.V. jgħid li din hi marda taħkem lill-bhejjem meta dawn tiksħilhom rashom. Tal. cimurro – M. il-likwidu li jqattar mill-imnieħer / flissjoni. Qawl: Tagħti l-pesta u tieħu ċmajra. – jingħad għal min għamel xi ħaġa ħażina u dlonk jirċievi azzjoni oħra bi tpattija (Ing. karma). 2. TIFEL ĊMAJRA – Tifel imqareb ħafna.
ĊMERDAQ Ingwent li kien jintuża biex iqaxxar is-suf minn fuq il-ġisem. M.A.V. (1796), V.B. (1900) u E. Busuttil (1940) jagħtuha bħala bniedem vulgari, a bad fellow. Tal. merdocco.
ĊMOSS Ngħiduha fl-espr. ‘qala’ ċmoss’ – jiġ., qala’ ċamata jew ċanfira għax ma ġabx ruħu sew. Skont E.S.I. din ġejja mill-Isq. smossu. J.A. ma jagħtix l-etim. ta’ din il-kelma.
ĊMUSA Dik il-parti li tifred is-sular ta’ isfel minn ta’ fuq. Ing. cornice. Sqal. cimusa.
ĊNETTA Fl-arkitettura din hi dik il-parti li tkun taħt il–KILEB. Ara: ĊINETTA.
ĊNISA Rmied sħun tal-faħam. Fdal tal-faħam miġbur ġo xkora. Trab tal-faħam. Sors: E.S.I. u V. Busuttil (1900). Etim. Sqal. Accinisa, Tal. accesa.
ĊOMBAR Bniedem li jagħmel iċ-ċombaturi. Ara: ĊUMBATURA.
ĊOMBLU Bniedem tqil u goff.
ĊONG Bniedem li għandu idu pparalizzata, jew għandu mankament li bih ma jistax iċaqlaq idu. Ngħidu, ‘għandu idu ċonga’, jew, ‘dak iċċungat’. Ġieli ngħidu wkoll, ‘qed inħossni ċċungat!’ jiġifieri, qiegħed inħossni iebes jew irmazzat.
ĊORĊARA Ilma nieżel mal-ġenb ta’ art wieqfa. Ilma jċarċar. G.B.F. (1845) jagħtiha bit-Tal. bħala, cascata. E.S.I. u J.A. ma jagħtuhiex.
ĊORMA Ekwipaġġ ta’ bastiment. Folla nies miġbura flimkien bl-intenzjoni li jagħmlu xi att vjolenti. Ngħidu: ċorma nies. jew (fig.) ċorma tfal. Fil-Birgu fil-festa ta’ San Lawrenz kien jittella sett statwi ta’ dan il-qaddis qrib il-knisja, l-istess bħal ma llum naraw lill-San Lawrenz mdawwar bil-morda u t-tallab, li kienu jgħidulu, San Lawrenz taċ-Ċorma. Din l-informazzjoni tal-aħħar kienet mgħoddija lili minn Ġorġ Agius mill-Birgu. Sqal. ciurma.
ĊUĊ Appel. għal xi ħadd injorant jew li jkun għamel xi ħmerija. Sqal. u Toskan ciucciu jew cioccio, final. giuccio – M. stupidu jew ħmar. M.A.V. jgħid hekk: Lat. Pudendum muliebre os. vulvae; Tal. natura della donna. ĊUĊATA Tal. giuccata.
ĊUFFA Ħoss ta’ meta xi ħaġa taqa’ fl-ilma jew fil-baħar. Lit-tfal iż-żgħar kienu jgħidulhom, ‘trid immorru ċuffa?’, jiġ., trid imorru ngħumu. Lit-trabi jinħaslu fil-banju kienu jgħidulhom, ‘tridx nagħmlu ċuffa?’, biex iħajruhom iċaffċu idejhom fl-ilma.
ĊULQANA / ĊILQANA (pl. ċlieqen.) Libsa tal-qoton, bħal għonella, iżda mingħajr BALENA, li kienet tintlibes min-nisa tal-irħula, speċ. minn dawk ta’ Ħaż-Żabbar. Il-lewn taċ-ċulqana kien jagħti fuq l-ikħal b’tikek imdaqqsa ta’ kulur bajdani, jew disinji tal-fjuri. Hu probabbli li l-għonella kien addattament li ħareġ miċ-ċulqana. L-istudjuża Taljana Amy A. Bernardy (1880 – 1959), kienet issostni li ċ-ċulqana ġejja miċ-ċzolkana Għarbija jew mil-cefalkana biżantina. M.A.V. jgħidilha, ghonella rozza.V. Busuttil (1900), bl-Ingliż isejħilha, a cotton gown. Sqal. cileccu, abito senza maniche. Sors etim. J.A. Ara: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pulliċino, p. 151-152.
ĊUMBATURA Irbit bejn żewgt iħbula tal-istess ħxuna li jsir billi l-kurduni ta’ kull tarf tal-ħabel jkunu mmaljati u jintrabtu ma’ xulxin. Meta wieħed jiċċomba ħabel ma’ ieħor ikun qiegħed jorbot ġonta b’bosta kurduni rqaq tal-istess ħxuna. Din il-maljatura tgħodd ħafna biex iż-żewġt iħbula jibqgħu marbutin tarf ma’ tarf fis-sod. Altriment, jekk ma jsirx hekk, is-saħħa tal-għoqda ta’ bejn il-ħbula tonqos fil-ġbid b’sittin fil-mija. Aktar minn hekk, meta ż-żewġt iħbula jkunu ċċumbati flok imġonġija b’għoqda, il-ħabel ikun jista’ jgħaddi faċilment mill-PASTIGA jew mit-TARJOLA għax ma jkunx hemm dik l-għoqda mbuzzata ‘l barra li ttellef. Ing. splicing. Ċumbatura tista’ tkun ukoll dak l-immaljar tat-tarf tal-ħabel li jkun imdawwar ma’ ħolqa tal-metall – din it-tip ta’ ċumbatura tissejjaħ ‘RADANĊA’. Ing. Eye Splicing.
ĊUMNATA / ĊOMNATA Xarba magħmula minn taħlita ta’ ingredjenti mħallta mill-inbid, għasel u ħwawar, bħall-imsiemer tal-qronfol u kannella, kollox imsaħħan flimkien. Din ix-xarba kienet issir l-aktar għal min ikun se jiled. Isemmiha A. de S. fid-Damma (ċ. 1750 – 1767) u jikkonferma li din kienet, bevanda per i parturanti. Fl-antik, l-istess xarba kienet tingħata lill-għarusa fil-festin li kien issir fir-rabta taż-żwieġ, jiġ., meta ssir formalment l-għerusija. It-teħid ta’ din ix-xarba mill-għarusa kien ifisser li l-għarusa għandha tifhem li minn fommha joħroġ biss kliem ħelu. Sqal. inciminata, jiġ., con cimino – M. kemmun. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, Guido Lanfranco, pp. 44, 64.
ĊUPLAJS / ĊOPLAJS 1. Tewm iswed. 2. Għodda magħmula biex tiddritta s-snien tas-serrieq. 3. Tip ta’ sħab. 4. Baħar daqsxejn imċaqlaq. 5. Weraq tal-bajtar tax-xewk. 6. Il-parti ta’ fuq nett tal-barjol tal-mitħna tar-riħ li jservi ta’ lqugħ kontra x-xita u jgħin l-ilma jaqa’ ‘l isfel. Ara: BARJOL. 7. (Fig.) Appel. għal xi ħadd li joqgħod għal kollox. Bniedem li ma jiswa għal xejn. F’xi każi tintuża l-kelma, ċuples. Etim. dubjuża, forsi mit-Tal. cipolla – M. basla. Sors etim: J.A.
ĊUQLAJTA Speċi ta’ rota / raddiena li magħha jeħlu diversi biċċiet tal-injam. Meta ddur ir-rota dawn il-biċċiet tal-injam jaħbtu ma’ xulxin u jagħmlu ħoss ta’ tfaqqih. Dan l-istrument kien u għadu jintuża fil-knejjes fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira, meta l-qniepen, li ssoltu jdoqqu f’okkażjonijiet liturġiċi, ‘jintrabtu’ bejn nhar l-Erbgħa tat-Tniebri sa Sibt il-Glorja, b’sinjal ta’ sogħba għall-mewt ta’ Kristu. Iċ-ċuqlajta norm. tindaqq minn fuq il-kampnar jew bejt tal-knisja. Imbagħad hawn ċuqlajti oħra, iżgħar, li jintużaw min-nies individwali f’okkażjonijiet oħra bħal waqt xi logħba tal-futbol.
ĊURNIENA Borża żgħira tad-drapp li tintrabat b’qafla minn fuq. Baskett żgħir, it-tip li l-kaċċaturi kienu jdendlu ma’ ġenbejhom meta jmorru għall-kaċċa Sq. cirniera : Tal. carniera. M. borża żgħira.
* * *
Paġni 256 Paġni 256 Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija kompluta tal-wirt
storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li
nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal-
lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,000 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal-
kultura Maltija f’livelli varji.
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
* * *
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti minn dak kif spjegat hawn fuq … iktibli….
Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur
* E.S.I. Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). * F.V. Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831). * F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). * G.B.F. Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845). * J.A. Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990) * M.A.V. Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). * (D) DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). * V.B. Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).