ħ

A *  B *  Ċ C D *  E F *

Ġ G H Ħ I *   J *   K *

L M *   N *   O *   P *   Q *   R *   S

 T *   U *   V W *   X *   Ż *   Z *

 
ĦABAQ * ĦABB GĦAŻIŻ * ĦABB * ĦABBA * ĦABBIEŻ * ĦABEL * ĦABX/I * ĦADA * ĦADD * ĦADD IN-NIES * ĦADD TAL-BOLLA * ĦADD IRFUGĦ * ĦADD IL-BLUGĦ * ĦADD IĊ-ĊKEJKEN * ĦADD IŻ-ŻGĦIR * ĦADD IL-ĠDID * ĦADD LAZZRU * ĦADDAR * ĦADDIELA * ĦAFA * ĦAFFIEFA / ĦUFFIEFA * ĦAFNA, IL- * ĦAFUR * ĦAĠA MUĦĠAĠA * ĦAĠEB * ĦAĠEL * ĦAĠRA MAĠRA * ĦAĠRA TIĠRI * ĦAĠRA TIELGĦA * ĦAJBU, IL- * ĦAJBUR * ĦAJDU * ĦAJNA * ĦAJR * ĦAJT TAL-QASMA * ĦAJTA DLAM * ĦAKEM * ĦAKKIEKA * ĦAL * ĦALĠ * ĦALĦAL * ĦALI * ĦALIB IT-TAJR * ĦALL IL-WARD * ĦALLATA BALLATA * ĦALLIELA * ĦAMALLU * ĦAMBA / ĦAMBQA * ĦAMEL * ĦAMI * ĦAMIS IT-TQARBIN * ĦAMIS IX-XIRKA * ĦAMLA * ĦAMMIELA/A * ĦAMMIEMA * ĦAMMUNA * ĦAMRUN * ĦANFUS * ĦANĠRA * ĦANNIEQA * ĦANNUS * ĦANDAQ / ĦONDOQ  *  ĦANEX * ĦANNEWIJA *  ĦANUT TAL-FAKKINI * ĦANXAR * ĦANXUL * ĦANŻIRA TAL-ERWIEĦ * ĦARA * ĦARA TAĊ-ĊAWL * ĦARA TAS-SUMMIEN * ĦARAMIJA * ĦARB / ĦERBA * ĦARBA * ĦARES * ĦARĠA * ĦARĠA, IL-ĦARKUŻA * ĦARQ * ĦARQA * ĦARR * ĦARRIEĠA * ĦARRIEKA * ĦARTUM * ĦARWIELA * ĦASAN * ĦASI * ĦASIRA * ĦASWA * ĦATAR * ĦATAMBU * ĦATBA * ĦATEM * ĦATEN * ĦAWLI * ĦAWĦA * ĦAWSLA * ĦAXIX IN-NAĦAL * ĦAXIX L-iRMIED * ĦAXIXA INGLIŻA * ĦAXJA * ĦAXU TAL-MASKLU * ĦAXWA * ĦAŻNADAR * ĦAŻŻIELA * ĦBIELA * ĦDAN * ĦDUDI * ĦELL * ĦELWA * ĦELWA TAT-TORK * ĦEMEL * ĦEMMESIJA * ĦERŻA * ĦESREM * ĦĠEJRA * ĦIRXEJJA * ĦIBERNIA (ara: ALBANIA) * ĦISER * ĦLAS, IL-MADONNA TAL- * ĦJARA * ĦLIEFA * ĦLIEQA * ĦLEWWA * ĦMIET * ĦMU * ĦOBB * ĦOBŻ * ĦOBŻA U SARDINA * ĦODON * ĦOLQA * ĦOMMOS * ĦONDOQ (ara ĦANDAQ * ĦORBAN * ĦORĠA * ĦORR * ĦORROX BORROX * HOXB/A ĦOŻŻA * ĦRAJWA * ĦRAM * ĦRUQ TA' SANT'ANTNIN * ĦTENT IL-MARA * ĦUĠĠIEĠA TA' SAN ĠWANN * ĦUNA * ĦURĦARA * ĦURTAN * ĦUTTAB * ĦUXLIEF * ĦXEJJEX U ĦWAWAR MEDIĊINALI * ĦŻIEM * ĦŻIEŻA * ĦŻUŻ * 


habaqx
ĦABAQ     Is. xj. Ocimum basilicum li minnu hawn ħafna tipi. Pjanta li tikber f’diversi inħawi tad-dinja, hekk fl-Afrika, l-Asja u fil-Mediterran. Twarrad f’dan ir-reġjun f’Lulju. Ħafna jżommu pjanta jew tnejn tal-ħabaq tikber f’ħawt jew f’qasrija, id-dar, biex minnha jieħdu ftit weraq għall-ikel għat-togħma. Din il-pjanta hi kkunsidrata bħala waħda minn dawk il-ħxejjex aromatiċi b’riħa ħafifa tal-lumi. Il-ħabaq jintuża l-aktar mal-insalata, bħala kondiment mal-ħobż biż-żejt, jitħallat ta’ spiss fiz-zalza tad-tadam, u jitferrex fi frak żgħir fuq il-ħut. A.E. Caruana, fid-dizzjunarju tiegħu Vocabolario Maltese – Italiano (1903), jgħid li fl-antik, fl-irħula, il-ħabaq kien jittieħed fil-knejjes, kemm biex iżejnu bih kif ukoll biex dan ifewwaħ il-madwar. Sors prinċipali E.S.I. Wikipedia, u Duwa u Semm fil-Ħxejjex Maltin, ta’ Guido Lanfranco, Klabb Kotba Maltin, 1975. 

ĦABB   Iż-żerriegħa jew l-għadma li jkun hemm f’nofs il-frotta, bħal, ħabb il-għeneb, ħabb it-tamar, ħabb ir-rummien jew ħabb għażiż.

Habb ghaziz

ĦABB GĦAŻIŻ / ĦABBAŻIŻ /ĦABBGĦAŻIŻ Is. xj. Cyperus esculentus. Il-ħaxixa jew iż-żerriegħa (tubera) tagħha, kienet tittiekel bħal ma jittiekel iċ-ċiċri llum. Il-bejjiegħa tal-ħabb għażiż, x’aktarx individwi mill-Afrika ta’ Fuq, kienu jduru t-toroq ibigħu din ix-xitla. Fl-antik, din kienet tikber biss fl-Eġittu, iżda biż-żmien bdiet anki titkabbar f’Malta. L-aktar li jitkabbar il-ħabb għażiż illum, huwa f’Valenzja, fi Spanja, fejn hu magħruf bħala cufa.  Idj:  ‘Qisu tal-ħabb għażiż’. Rif. għal xi ħadd li mhux liebes sew u dejjem mitluq. Ing.  Earth almond rush-nut jew tiger nuts.

habba jew grano39ĦABBA     (pl.) ħbub). 1. Munita tar-ram, imsejħa wkoll grano, li kienet introdotta bħala valuta legali f’Malta fi żmien il-Gran Mastru Hughe Loubens de Verdalle (1582-94), u li baqgħet tiċċirkola anki fi żmien l-Ingliżi. Għoxrin ħabba kienu jiswew TARI wieħed. Fi żmien l-Ordni, kien hemm ħdax-il Gran Mastru li ħarġu muniti ġodda tal-ħabba. Fl-1608, jiġ., fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt, ġew mitbugħa anki l-muniti tan-nofs ħabba. Fi żmien il-Gran Mastru Pinto, (1742 -1757) kienu ġew stampati mal-1,050,000 munita tal-ħabba, u l-valur ta din il-munita żvaluta b’mod allarmanti. Idj: i. ‘Dak qisu ħabba ħażina’, tingħad għal xi ħadd li ssibu kull fejn tmur. Idj: ii. ‘Tal-ħabba gods’, tingħad għal xi oġġett ta’ kwalità ordinarja. Idj. iii: ‘Għal ħabba bżar titlef il-borma’; iv: ‘Għal ħabba jqaxxar qamla’. v. Dawl ta’ qamar tara ħabba. Ara : Currency in Malta ta’ Joseph Sammut, p. 63. ‘The History of the Maltese Ħabba or Grano’, Heritage Vol I, pp. 92-96; ‘The Story of the Maltese Ħabba or Grano’, Heritage Vol 2. pp. 154-157). ‘Flus Maltin, Kejl u Qisien’ ta’ Ġużi Gatt, Folklor, ed. Guido Lanfranco; pp. 85-90. Ara:  FLUS TA’ ŻMIEN  L-ORDNI u  FLUS  TA’  ŻMIEN  L-INGLIŻI.  

ĦABBIEŻ     Il-furnar li jagħġen u jirrombla l-għaġina biex jagħtiha l-forma tal-ħobża. Ara: GĦAĠĠIEN u ĦOBŻ.

habel taghtiĦABEL  1. (pl. ħbula). Il-ħabel jissemma f’diversi frażijiet idjomatiċi, e.g. i. ‘Ħadha qatta bla ħabel’ – qabad jagħti u jfajjar, jew jitgħajar bil-goff. Idj: ii. ‘Tah il-ħabel biex jitgħallaq bih’. Idj, iii: ‘Qishom ħabel u satal’. 2. Dari, l-arloġġi kienu ‘jingħataw il-ħabel’ biex jaħdmu għal ċertu tul ta’ ħin. Anki jekk l-arloġġ ma kellux fil-veru sens tal-kelma ħabel – wieħed kien juża’ ċavetta li meta ddawarha din tagħfas fuq il-krank tal-makkinarju fuq ġewwa biex il-magna taħdem. L-istess meta jkun arloġġ tal-id. Meta ddawwar il-buttuna din tagħfas fuq il-makkinarju ta’ ġewwa biex l-arloġġ jaħdem. Ara: INGRANAĠĠ. Espr: ‘Tah il-ħabel’, ngħidu hekk għal meta wieħed isaħħan lil xi ħadd biex jikkustinja fuq xi argument. 3. ĦABEL RABA’  Miżura li biha jitkejlu l-għelieqi fejn l-art tkun fid-djuq u fit-tul. Biss, il-miżura qatt ma kienet speċifikata. 4. ĦABEL TEWM/ BASAL Għalqa miżrugħa bit-tewm jew basal. 5. Tewm, basal jew prodotti simili mdendla bi spaga eċċ f’għanqud wieħed. E.S.I. u J.A.

ĦABX/I      Art is-Suwed. Nies tal-Abbisinja. Bniedem ta’ ġilda sewda.

ĦADA    Kelma bil-Malti antik li tfisser, qrib jew ħdejn. Eż., ‘Qiegħed ħada dari’ – jiġ., qiegħed qrib id-dar tiegħi; jew, ‘dan, mhu xejn, ħada (a paragun / ħdejn) dak li għadda minnu.

ĦADD     (pl. imtenni, ħaddejn).  Dik il-parti pjuttost u ġen. imlaħħma li tinkludi il-ġenb tal-wiċċ u l-geddum. (Ing. cheek).

ĦADD IN-NIES     Kultant magħruf bħala ‘Tal-Grazzja ż-Żgħira’, pellegrinaġġ tradizzjonali li jsir kull sena, fl-ewwel Ħadd tar-Randan f’Ħaż-Żabbar, b’qima lejn il-Madonna tal-Grazzja. Fl-antik, in-nies kienu jimxuha lejn Ħaż-Żabbar bħala qima lejn il-Madonna u mat-triq kienu jirreċitaw it-talb. Biż-żmien, dan il-pelegrinaġġ beda jkollu skop ieħor, dak ta’ penitenza kollettiva, biex jinħafru d-dnubiet li setgħu saru fil-jiem tal-Karnival. E.B. Vella jgħid li fi żmienu, f’Ħadd in-Nies, bħal ħafna pellegrinaġġi, oħra kien beda jsir ix-xalar, ħaġa li jgħid mhiex sewwa għax dan il-jum kien jaqa’ fir-Randan. Fit-tletinijiet tas-seklu għoxrin, il-pellegrinaġġ ħa forma oħra, għax beda jkun organizzat biss fit-triq tas-Santwarju. Fil-ħamsinijiet kienu bdew isuqu wkoll l-immaġini tal-Madonna bi skop li titkattar id-devozzjoni. Ara: Il-Ġimgħa l-Kbira F’Malta ta’ Brian Bonnici, pp. 12-14. Ħaż-Żabbar Bil-Ġrajja Tiegħu, ta’ E.B. Vella, 1926. http://zabbar.webs.com/haddinnies.htm.

hadd lazzru xĦADD LAZZRU     Isem ieħor għal Ħadd il-Palm, il-Ħadd li fih tibda l-liturġija li twassal sal-Għid il-Kbir. Hu msejjaħ hekk minħabba li fil-Vanġelu jinqara l-episodju meta Kristu qajjem lil Lazzru mill-mewt.  Dan il-jum hu magħruf b’ismijiet oħra, bħal, ĦADD il-PASSJU, minħabba li jinqara l-Vanġelu tal-ħajja ta’ Kristu bl-episodji tal-Passjoni b’kollox. Isem ieħor hu ĦADD Iż-ŻEBBUĠ, għax dakinhar iċ-ċelebrant ibierek il-friegħi taż-żebbuġ waqt il-quddies, li mbagħad jitqassmu lil dawk preżenti biex kulħadd jieħdu ftit friegħi d-dar. Dakinhar kienu jitgħattew l-inkwatri kollha tal-knisja. Ara wkoll: TBAĦĦIR.  

ĦADD TAL-BOLLA   (Damma) Settuagesima, Domenica avanti quaresima. Dan hu s-sebgħin jum qabel l-Għid, magħruf ukoll bħala ĦADD IS-SEBGĦIN. Sors: E.S.I.

ĦADD IR-RFUGĦ  / ĦADD IL-BLUH(A) / ĦADD IĊ-ĊKEJKEN / ĦADD IŻ-ŻGĦIR (DammaDomenica di Quinquagesima. Ħadd il-Karnival.

ĦADD IL-ĠDID   L-ewwel Ħadd wara l-Għid.  E.S.I., Damma: Domenica in Albis.

ĦADDAR    Il-mistieden tat-tieġ. Persuna li tieħu sehem fil-ĠILWA (riċeviment) tat-tieġ. Qawl: Għarusa bla ħaddara ma fihiex x’tara.

haddielaĦADDIELA   Stat fl-irqad li jaffettwa lil xi wħud b’waqtiet ta’ biża’ kbir. F’dawn il-mumenti, wieħed jibda jħoss lilu nnifsu magħfus b’mod li ma jistax jiċċaqlaq. Speċi ta’ paralisi psikosomatika (ikkawżata x’aktarx mill-moħħ aktar milli mill-ġisem) waqt l-irqad. Fil-folklor, hemm min jgħid li dak li jkun, jimmaġina li mara xiħa tkun qiegħda tipprova tifgaw. Ing. Sleeping apnea, Old Hag Syndrome. Sors: bosta kontributuri f’Kelmet il-Malti (facebook). E.S.I. jgħid biss li din hi paralisi tal-ġisem; ipnosi. Ħaddiel – dak li jikkawża l-paralisi (J.A.)

ĦAFA    (Kienet tinkiteb ħâfa). Xifer tal-blat max-xatt moħfi mill-baħar. Tingħad fil-frażi: ‘safar mill-ħafa għall-ħafa’, jiġ., vjaġġar bil-baħar matul il-kosta.

ħaffifaĦAFFIEFA / ĦUFFIEFA   Il-ħaffiefa tkun magħmula min ġebel vulkaniku. Tintuża l-aktar biex tnaddaf u tobrox b’mod ħafif l-impuritajiet mill-ġilda tal-ġisem. Dan isir l-aktar fuq l-għekiesi, biex imur l-għakar u biex tneħħi l-ġilda niexfa mill-qiegħ tas-saqajn. Dari kienet tintuża wkoll min-nisa biex twaqqa’ s-suf li jikber mar-riġlejn. Il-materjal li minnu hi magħmula din il-ġebla jifforma mil-lava li tisplodi u ttir fl-ajru u li tifforma bħal materjal mimli pori tal-arja (70%). Dan il-materjal tant hu ħafifa li jista’ jżomm f’wiċċ l-ilma mingħajr ma jegħreq. Kulur din il-ġebla jvarja minn isfar, kannella u griż sa iswed. F’Malta ntuża frak ta’ din il-kwalità fil-bini tal-akkwadotti. Fig. ngħidu, ‘rasu ħuffiefa’, jiġ., moħħu vojt, u għalhekk mhux kapaċi jżomm ħafna ħsibijiet. Il-ħaffiefa tintuża anki fil-kostruzzjoni, l-aktar barra minn Malta. Ara: ANTIKALJA TA’ PIZZOLU. (Ing. pumice).

ĦAFNA TAL-ID, Il-   Il-qabda ta’ oġġett/i kemm jesa’ ponn. ĦFINTEJN, żewġ qabdiet. (Ing. fist F.V. 1831).

ĦAFUR   Is. xj. Avena sativa. Ing. oat grass. Tip ta’ ħaxix li mhux daqstant komuni f’Malta, u li jikber ’l hawn u ’l hinn, kultant qalb is-silla. Fil-fatt, din il-pjanta hi kkunsidrata bħala ‘ħaxix ħażin’, li għax jixbah ħafna ’l-qamħ hu diffiċli li tisseparah minnu. Xorta waħda dan il-ħaxix selvaġġ jintuża mill-bdiewa biex jitimgħu l-annimali bih.

ĦAĠA  MUĦĠAĠA    Logħba tal-kliem u tħabbil il-moħħ, fejn wieħed jistaqsi lill-ieħor mistoqsija li għall-ewwel tidher li ma tagħmilx sens, iżda li wieħed jittanta jwiġibha bi ħsieb u b’ħafna immaġinazzjoni.  Eż. ta’ ħaġa muħġaġa :

  • X’hinu dak li jitwieled twil u jmut żgħir? – risposta: sigarett jew xemgħa.
  • Dan tiegħek iżda jużah l-aktar ħaddieħor – risposta : ismek.
  • X’hinu dak li jitwieled fuq erbgħa, jgħix fuq tnejn u jmut fuq tlieta ? – risposta: il-bniedem.

ĦAĠEB   (pl. ħwieġeb; duwal: ħuġbejn) Xagħar li jikber fuq l-għadma ta’ fuq il-ħofra tal-għajn, u taħt il-ġbin. Qawl: Alla jħarsek minn min għandu ħuġbejn kbar. Dan il-qawl kien jingħad għaliex kienu jemmnu li nies b’ħuġbejhom folti kienu kapaċi jagħmlu l-magħmul. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM.

ĦAĠEL   (M. u pl. ta’ ħaġla) Tip ta’ għasfur. Is. xj. Alectoris rufa. Jeżistu diversi tipi ta’ ħaġel, eż., ħaġel ta’ barbarija, ċukar tal-ħaġel, u oħrajn. Dawn l-għasafar kienu jiġu impurtati f’Malta mid-dilettanti tat-tajr. Ing. Red legged partridge. Ara:  PERNIĊI. Sors: Joe Sultana.

Hagra-MagraĦAĠRA MAĠRA   Logħba ħafifa li fiha bosta tfal joqogħdu bilqiegħda madwar mejda, maqsumin f’żewġ gruppi jħarsu faċċata ta’ xulxin. Grupp minnhom jiftiehem biex wieħed minnhom jaħbi żrara jew xi oġġett ieħor f’idu. Bil-moħbi dan it-tifel jgħaddi l-oġġett lill-sieħbu u dan jagħmel l-istess ma ta’ ħdejh, dejjem minn taħt il-mejda biex ħadd mit-tfal tal-grupp oppost ma jara għand min qiegħed l-oġġett. Wara xi ħin, It-tfal li jqiegħdu idejhom magħfusa ponn fuq wiċċ il-mejda u jisfidaw lill-grupp oppost jaqtgħu f’liema id qiegħed moħbi l-oġġett. Il-logħba kienu jsejħulha wkoll ĦAĠRA TIĠRI jew TIELGĦA. Ara: BIl-BIEX.

hajbu ta hal ghaxaqĦAJBU, Il-    1. Mod ta’ mixi fuq erbgħa; mixi mbé, jiġ., mixi mkaxkar kif jafu jagħmlu t-trabi li għadhom kemm telqu jimxu.  2. Xi ħadd bla dar u li jiġġerra mat-toroq, ħafna drabi, maħmuġ u bi ħwejgu żdingati. 3. Fis-snin tletin kien hemm raġel minn Bormla jgħidulu l-Ħajbu, li kien jitlajja kuljum fi Triq San Pawl, il-Belt. Jgħidu li kien hemm rġiel oħra bl-istess laqam, fosthom wieħed minn Ħaż-Żabbar. Qabb. il-kelma Ing. hobo li x’aktarx ġejja minn Hoe Boy, appellattiv li beda jintuża fl-Amerika, fin-naħa ta’ Kalifornja, madwar l-aħħar tas-seklu dsatax, biex jirreferu għal dawk li kienu jiġġerrew minn post għall-ieħor ifittxu x-xogħol. Idj: ‘Dak dejjem qisu l-Ħajbu – rif. għal xi ħadd li ma għandux fejn joqgħod u li dejjem jiġġerra ’l hawn u ’l hinn. Din il-kelma kienet tintuża biex ibeżżgħu lit-tfal – eż. ‘Ara ġej il-Ħajbu għalik’. Ara: Snajja’ u Xogħol il-MaltinIt-Tieni Volum, ta’ Paul P. Borg, pp. 260-262, fejn hemm artiklu fuq il-Ħajbu ta’ Bormla. Is-sinjura Rita Mizzi miż-Żejtun tgħid li kienet tismagħhom ikantaw  taqbila dwar il-Ħajbu.

     Il-Ħajbu, il-Ħajbu
     Il-Ħajbu misterjuż
     Il-Ħajbu kuntent
     Għax kien bla flus ...

hajburxxxĦAJBUR   Sħab pjuttost żgħir li jkun kemxejn fil-griż, biżżejjed biex idallam xi ftit. Norm. dan is-sħab jgħaddi fil-baxx u jagħmel biss ftit irxiex. Dun Karm, f’deskrizzjoni li jagħti ta’ nżul ix-xemx, jiddiskrivi l-ħajbur b’dan il-mod: ‘[…] is-sema b’xi ħajbur ħafif tas-sajf qisu weraq tal-felċi […]’. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 192. Dan in-nom jintuża wkoll b’mod metaforiku minn Temi Zammit f’‘Il-Ħolma ta’ Żeżina’, meta l-omm tagħti parir lil bintha: ‘[…] Binti, il-ħolm sħab tas-sajf, ħajbur, jitrabba u jisfa fix-xejn f’radda ta’ salib […].’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 47. Ġużi Gatt, fil-ktieb tiegħu Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, p. 24, jispjega li hemm il-ħajbur sajfi (is. xj. Cumulus) u l-ħajbur xitwi (is. xj. Cumulonimbus). Ing. cumulus clouds. F. Vella (1843) jgħid, nuvolo denso, mist, fog.

ĦAJDU      Wieħed waħdu. E.S.I. u J.A. jgħidu li din hi kelma li ssoltu tingħad biss lit-tfal meta dawn jibdew jagħmlu l-ewwel passi biex jitgħallmu jimxu mingħajr ma jżommu ma’ xi ħadd jew xi ħaġa. Kienu jgħidu: ‘imxi ħajdu!’ jiġifieri, imxi waħdek. J.A. jgħid li din hi x’aktarx kelma li ġejja minn ‘waħdu’. F. Vella (1843): Bniedem waħdu. Ara: ĦAJBU.

ĦAJNA   Makakkerija.   ĦWAJJEN   Tifel żgħir li jilħaqlu.  ĦAJJEN   v. Ittradixxa lil xi ħadd b’mod l-aktar fin. Lagħab u inganna lil xi ħadd. Eż., ‘Is-sajjied ħajjen il-ħut bil-ħniex.’ Din il-kelma hi t-tieni forma tal-verb ħan. L-istess kelma tintuża bħala partiċipju attiv: ħajjen, ħajna, ħajnin, ħjiena, jiġ., brikkun, eċċ. F’Għawdex għadha tintuża l-espr. “bla ħjiena” li tingħad meta wieħed jirriferi għal xi ħadd fidil jew babbu. Xi ħadd bla ħażen. Qawl: Il-ħajjen ma jurix fiex inhu. (M.A.V. 1828).

ĦAJTA DLAM    (Damma) Żernieq. Tingħad fil-frażi ħajta dlam, oħra dawl. Tal. Aurora tra luce e buio.   

ĦAJR     (Damma) Prosperità, ferħ.

ĦAJT TAL-QASMA    (Damma) muro divisorio.

ĦAKEM   Fiż-żmien medjevali dan kien it-titlu mogħti lill-mexxej tal-Università, kemm tal-Imdina kif ukoll ta’ Għawdex. F’Għawdex mill-1551 ’il quddiem il-ħakem ma baqax għax kien ħadlu postu l-Gvernatur, li kien appuntat mill-Gran Mastru. Ara: GVERNATUR TA’ GĦAWDEX. Il-ħakem kien norm. elett għal sena, għalkemm seta’ wkoll jerġa’ jintgħażel biex imexxi l-kunsill is-sena ta’ wara. Aktar tard, fis-sekli li Malta kienet taħt Aragona, il-ħakem kien magħruf ukoll bħala l-Capitano della Verga. Skont G.B.F. (1845), il-ħakem hu dak il-bniedem għaref li bl-għaqal tiegħu jmexxi l-komunità. Dan il-ħsieb hu mtenni minn Dun Karm fl-innu Malti, għax il-poeta jitlob lil Alla biex ‘jagħti d-dehen lil min jaħkimha’ [lil Malta].

ħakkieka1ĦAKKIEKA  Oġġett li bih wieħed iħakkek xi ħaġa magħha. Eż., 1. ĦAKKIEKA TAL-ĠOBON / MĦAKKA  Oġġett, norm. tal-metall b’ħafna toqob ippuntati ’l barra, li wieħed juża biex iħokk il-ġobon jew ikel ieħor biex iġibu frak. ĦAKKIEKA TAL-ĦASIL  Oġġett li jintuża biex wieħed jogħrok dawk il-partijiet tal-ġisem li huma diffiċli li jilħaqhom. Din it-tip ta’ ħakkieka tkun magħmula minn għadma jew materjal ieħor, u jkollha manku twil. Ara: ĦAFFIEFA. Ħakkieka oħra hi dik taċ-ċarruta li tintuża biex tnaddaf il-ħġieġ jew l-għamara. 2. Appellattiv li jintuża fig. għal xi mara li tagħmilha mal-irġiel biex takkwista dak li trid mingħandhom. il-ĦAKKIEKA TAL-KRIKK  Il-krikk huwa l-brejk tal-karrettun li jkollu ħadida, tip ta’ ċoff vertikali, li jross maċ-ċirku tar-rota biex iżommha milli tiċċaqlaq. Meta xi ħadd ngħidulu, “ħakkieka ta’ krikk” ifisser li ghandu lsienu ħazin u jħobb jibbottja u jinsolenta lin-nies. Fl-Għarb, meta tnejn ikunu ras m’b’ras ipaċpċu fuq in-nies, jgħidu, ‘dawk qed jinħakku’. Din tal-aħħar għaddihieli Joseph Micallef minn Għawdex.

HAL5414 - CopyĦAL    Prefiss li jintuża ma’ bosta ismijiet ta’ rħula f’Malta. ‘Ħal’ hi l-forma mqassra ta’ ’raħal’. Fl-antik il-kelma Ħal jew Raħal kienet tirreferi għal grupp żgħir ta’ rziezet mibnija ħdejn xulxin, x’aktarx mill-istess familja estiża. Eż. ta’ dan narawh fl-inħawi tal-Lunzjata u l-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat. Maż-żmien dawn kibru u bosta minnhom saru lokalitajiet akbar u anki integraw ma’ rħula jew bliet oħrajn. Xi wħud minn dawn l-irħula li ġew abbandunati u għaldaqstant għebu kienu: Ħal Mann, Ħal Saflieni, Ħal Muxi u Ħal Tmiem. Fil-ktieb Places-Names, insibu mad-disgħin lokalità li għandhom jew kellhom ma’ isimhom il-prefiss Ħal. Kurjuż il-fatt, illi ma teżisti l-ebda lokalità f’Għawdex li ġġib dan il-prefiss. Hekk per eż., naraw li ż-Żebbuġ f’Għawdex ma għandux il-prefiss ‘Ħaż-‘ bħal Ħaż-Żebbuġ ta’ Malta. L-irħula u l-ibliet li llum għandhom il-prefiss ‘Ħal’ huma dawn: Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, Ħal Għaxaq, Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Qormi, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Tarxien. Il-Għargħur jidħol f’din il-lista wkoll għax ħafna drabi nippronunzjawh (Ħal Arawr) u mhux ‘il-Għargħur.  Sors. J. A. . E.S.I. Il-Miklem Malti ir-Raba’ Volum, 1977. Ara: Places-Names of the Maltese Islands 1300 – 1800, ta’ Godfrey Wettinger. Ara wkoll: ‘The Villages of Malta’ ta’ Brian Blouet fi Treasures of Malta no 43, Christmas 2008, Vol XV no 1 pp 37-42.  Dan l-artiklu jkompli fi Treasures of Malta, no. 44 Easter 2009, Vol XV no 2 pp. 38-43.

halġ2ĦALĠ   Wara li l-qoton jinfesdaq mill-bjad tal-pjanta (il-ġewż tal-qoton imlaħħaq), u jindamm (jinġabar), il-qoton ikun maħluġ bil-ħallieġa. Il-ħallieġa jkollha żewġ rombli msengin (b’singi mibruxin li jduru mar-rombli), biex meta l-qoton jgħaddi minn bejn ir-rombli dawn jifirdu ż-żerriegħa u din taqa’ fil-kexxun, filwaqt li l-qotna tibqa’ għaddejja minn bejn ir-rombli u taqa’ f’kexxun ieħor. Meta titneħħa ż-żerriegħa, il-qoton ikun ’maħluġ’. Il-qoton maħluġ jinbiegħ u min jixtrieh jieħdu għand id-daqqaq.  Ing. ginning. Ara: BJADA, QOTON u DAQQAQ. Ara wkoll: Qegħda Fil-Ponta ta’ Lsieni, Ġużi Gatt, pp. 221 – 253; Kont Nismgħhem Jgħidu … L-Ewwel Volum, Paul P. Borg, pp. 102 – 118.

ĦALĦAL  Verb. L-azzjoni ta’ meta wieħed ifettaħ u jxerred l-oġġett biex ikun inqas magħqud. Eż., ħalħal it-tiben tas-saqqu  jew ir-rix tal-imħadda.

ĦALI    Aġġ. li jirriferi għal wieħed li jonfoq bla rażan. Ngħidu, ‘kemm int ħali!’ meta xi ħadd ikun ħallas għal xi oġġett li jkun jiswa aktar milli jmissu. Eż., dan l-appel. insibuh fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, (jew L-Iben Prodigu). L-iben il-ħali kien kapriċċuż u għax kien ta’ rasu dan telaq mid-dar ta’ missieru. Biss, wara ftit dan waqa’ f’miżerja kbira u fl-aħħar kellu jmur lura d-dar. Ara: Luqa: 11-32. M.A.V. (1796) jagħti dawn it-tifsiriet, ‘[…] dilapidatore distruttore, rovinatore […]’.

halib it tajrĦALIB IT-TAJR  1. Is. xj. Ornithogalum arabicum (Ing. Star-of-Bethlehem). Jeżistu diversi speċi ta’ din il-pjanta. Xitla li tikber minn basla, f’ambjent bi ftit ħamrija, norm. qalb il-blat. Din tikber l-aktar fil-pajjiżi tal-Mediterran. 2. Fig. term. ġen. li jirriferi għal kull tip ta’ xorb jew ikel li għandu togħma bnina għall-aħħar. A. de S. jiddeskrivi din l-espr. hekk: cosa squisita e molto difficile a trovare. Fil-ħrafa ‘Balmies’, waħda minn bosta ħrejjef orali li Patri Manwel Magri ġabar lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, it-tabib jirrakkomanda lil wieħed għami li biex jerġa’ jiġi jara, għandu japplika din il-pjanta. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, p. 112. 

ĦALL IL-WARD   Taħwira ta’ essenza tal-ward imħallta bil-ħall. Fl-antik din it-taħlita kienet tintuża bħala rimedju biex ittaffi l-uġigħ ta’ ras. Daqs mitt sena ilu wieħed kien jista’ jixtri b’żewġt iswaba ħall il-ward mingħand it-tabib tiegħu jew mingħand l-ispiżjar.

ĦALLATA   BALLATA    Frażi li tintuża fl-idjoma: ‘Sab kollox ħallata ballata’. Rif. għal sitwazzjoni fejn hemm diżordni u kaos sħiħ. Wisq probabbli l-idjoma tispira ruħha mill-proċess ta’ kisi tal-bjut bid-deffun u t-torba għax dawn, biex isir il-materjal irid jitħallat u jitballat sew. Ara: DEFFUN TORBA.

ĦALLIELA      Logħba tal-karti. Ara: BELLADONNA.

hamallu Unburden-285x300 (1)ĦAMALLU / PASTAŻ / FAKKIN    It-tliet kelmiet ifissru l-istess ħaġa: raġel li xogħolu hu li jġorr oġġetti ta’ toqol minn post għall-ieħor. Illum dawn it-tliet kelmiet għandhom konnotazzjoni differenti, għaliex kollha jirriferu għall-bniedem baxx u vulgari. Qawl: ‘Min jerfa’ qoftu mhux pastaż’ – jiġ., dak il-bniedem li jġġorr oġġett li mhux tiegħu mhuwiex neċessarjament qed jagħmel hekk għaliex dan hu xogħolu. Ħafna minn dawn il-psataż jew ħamalli kienu jitlajjaw f’ċerti postijiet, l-aktar max-xatt tal-port biex jistennew li xi ħadd jagħtihom ix-xogħol. Il-kelma hammall tintuża wkoll fit-Turkija għall-persuna li jġorr l-oġġetti ta’ ċertu toqol. Ħafna drabi kienu jkunu nies ta’ manjieri goffi, jittantaw ix-xemx għaddejja u anke vulgari fl-għemejjel tagħhom. Anki bil-Grieg il-kelma hamalis tapplika wkoll kemm għal wieħed li jġorr il-bagoll kif ukoll għal persuna ta’ karattru baxx. It-toqol li jġorr il-ħammalu kienu jirriferu għalih bħala MAĦMUL. Kelma oħra li biha kienu jsejħu l-ħamallu hi ĠARRIER. Ara: Dizionario Portatile, Maltese, Italiano, Inglese ta’ F. Vella, 1843.  

ĦAMBA / ĦAMBQA   1. Għagħa jew storbju ta’ ġemgħa nies, kemm jekk dawn ikunu qegħdin ipaċpċu bejniethom kif ukoll jekk ikunu qed igergru minn taħt l-ilsien. L-għajjat tan-nies waqt xi rvell. 2. Jingħad ukoll ‘qajjem ħamba’ – jiġ., xewwex lin-nies kontra xi ħadd.  ĦAMBAQ  v. Tingħad ukoll bħala espr. ‘ħambaq fil-vojt’ – jiġ., tkellem għalxejn għax ħadd ma ried jisimgħu jew jagħti kasu. Ara: DIRGLA.

ĦAMEL      Ammont ta’ tiben, li jsarraf daqs għaxar qattiet.

ĦAMI    1.  It-tisħin tal-forn.  ĦEMA   v.  Saħħan u sajjar qrib in-nar sakemm l-oġġett, ħobż eċċ., smar minn barra. Ngħidu, ħema il-ħobż fil-forn. Fil-ħrafa, ‘Bin il-Furnar Jgħid Tliet Ħwejjeġ Muħġaġa’, Patri Manwel Magri jgħid hekk:  ‘[…] ommu ħmietlu tlett iftajjar […]’. Sors: G. Mifsud Chircop (1993). 2. MOĦMI  Imsajjar fil-forn, ikel sħun jew imbaskat. Tisjira tal-patata fil-forn. Ngħidu, ‘Il-patata tinħema u tissajjar fil-forn’. M.A.V. (1796), jagħti din it-tifsira bit-Tal., avvampato, acceso. 3. Ammont ta’ materjal li jitqiegħed taħt il-forn biex jingħata n-nar. IKEL ĦAMI   Ikel li jinxtamm ħafna. Ikel li mhux tajjeb għal kulħadd, speċ. għal min hu marid u għandu d-deni jew isofri minn xi kundizzjoni. Kienu jemmnu li dan kien ikel li jsaħħan id-demm ta’ dak li jieklu. 4. Ikel irritanti. Aġġ. li jintuża għal kwalunkwe tip ta’ ikel li ma jissajjarx, inkluż il-frott, eż., zalza ħamja. Ikel ieħor li għandu ħabta jaqsamlek ilsienek jew itellgħalek ħalqek, anki bħall-ġewż, kunserva, inċova, qarnit, kapunata u kull tip ta priserv fil-ħall, bħal ġaridiniera jew basal tal-pikles. 5. Fig., Tisħin il-moħħ minn xi ħadd lil ieħor biex jintefa’ dell ikrah fuq xi ħadd. Ngħidu, ‘ħema minn taħt’. ART ĦAMJA  Ħamrija li tkun maħruqa bix-xemx.  6. Appel. għal xi ħadd li hu sħun minn ġewwa u kiesaħ minn barra.  RIĦ MOĦMI     Riħ sħun. Sors: J.A.u E.S.I.  

Fire wood burning in the oven

 

ĦAMIS  IT-TQARBIN    (Damma) Giovedì Santo.

hamis ix xirkaĦAMIS IX-XIRKA    Il-Ħamis qabel L-Għid. Dan hu l-jum meta titfakkar l-Aħħar Ċena ta’ Kristu. Il-Maltin imdorrijin tradizzjonalment iżuru seba’ knejjes waqt li jirreċitaw ir-rużarju u talb ieħor. Għal dakinhar it-tabernaklu bis-Sagrament jitneħħa minn fuq l-altar maġġur u jitqiegħed f’kappella fil-ġenb, magħrufa bħala L-Altar tar-Reposizzjoni (qabel kienet aktar magħruf bħala s-Sepulkru). F’Ħamis ix-Xirka jinħaslu s-‘saqajn tal-Appostli’ f’ċerimonja li ssir fil-knisja tard wara nofsinhar. Fi żmien l-Ordni f’Malta, din kienet ċerimonja li kienet issir mill-Gran Mastru. Illum, f’Ħamis ix-Xirka in-nies għadha tipparteċipa bil-kbir, biss, mhux tant b’dik id-devozzjoni bħal qabel. Bosta jmorru aktar biex jammiraw id-dekorazzjonijiet speċjali li jsiru fil-knejjes għall-Ġimgħa Mqaddsa, u fl-istess ħin iżuru wirjiet taċ-Ċenaklu li jkunu armati fid-djar privati, każini u postijiet oħra. A. de S. isejjaħ dan il-jum, Ħamis it-Tqarbin. M.A.V. isejjaħ dan il-jum bħala Ħamis il-Kbir. Fil-Maltese Grammar for the Use of the English, F. Vella jikteb ĦAMIS IĊ-ĊIRKA (1831).

ĦAMLA    Dak kollu li jitkaxkar mal-wied tal-ilma, l-aktar tajn, ħamrija, ġebel u kull imbarazz ieħor li jinġema’ biż-żmien fit-toroq. Nom li niltaqgħu miegħu fl-istorja Susanna (1883), ta’ Ġużè Muscat Azzopardi: ‘[…] Ħal Qormi kien baħar ilma […] il-ħamla dejjem tiħxien aktar u dlonk tgerbeb.’ Sors: Viku Mason – Susanna, p. 119 (Klabb Kotba Maltin, 2004).  Intant, fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli, ta’ Ġużè Galea, insibu hekk: ‘[…] fil-wied kienet laħqet il-ħamla l-kbira, u kienet tkaxkar magħha friegħi ta’ siġar, pal tal-bajtar, zkuk tal-ħarub u mitt ħaġ’oħra […]’. p. 174.

ĦAMMIELA  (pl. ħmiemel). 1. Għalqa jew biċċa art fejn jitħammlu x-xtieli biex dawn jaqbdu u wara jittieħdu post ieħor biex jikbru. Ing. nursery. 2. Barkun u l-magna tiegħu li tħammel qiegħ il-baħar. Xi ħadd li jġorr iż-żibel. Sorsi: E.S.I. u J.A. ĦAMMIELA TAS-SNIEN   Ing. toothpick. F. Vella (1843)

hammamĦAMMIEMA  1. Kelma li ġejja minn ħammam, li huwa l-banju, bħala binja, fejn jinħaslu n-nies. 2. Kontenitur li fih kienu jinżammu oġġetti sħan fih. Ħawn diversi postijiet f’Malta li għandhom il-kelma Ħamiem jew Ħammiem/a li tirreferi għal din il-binja. Mill-isem nassumu li dawn kienu jintużaw fi żmien l-Għarab f’Malta. Dawn il-banjijiet kien ikollhom forn, biex iżomm l-ilma sħun. Qabb. man-nom ‘ħamm’ li tfisser ‘sħana kbira’. E.ż. ta’ Għajn il-Ħamimiet (Rabat). Għ. Ħamamaat, pl. ta’ ħammam, banju sħun. Qabb. ma’ Ħamamet, belt li tinsab mal-kosta tat-Tuniżija.

ĦAMMUNA    A. De Soldanis, jirreferi għal Ħammuna bħala alla mara li fit-twemmin tal-Feniċi kienet tirrappreżenta s-sħana tax-xemx. TA’ ĦAMMUNA  L-art għolja fejn hemm il-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu. Skont xi storiċi, hemm kien hemm tempju ddedikat lil alla Ħammuna jew Ammon.  Jista’ jkun ukoll li dan hu isem Lhudi u għaldaqstant din tista’ tkun qed tirriferi għal xi proprjetà ta’ xi ħadd bl-isem Ħammuna. F’xi żmien kien hemm riferenza għall-Knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu, bħala ‘San Lawrenz ta’ Ħammuna’. L-GĦALJA TA’ ĦAMMUNA  A. De S. jgħid li din kienet art għolja fin-naħa ta’ Ġebel Ciantar, fejn kien hemm kappella  magħrufa bħala, ‘Il-Madonna  tal-Għalja’. Ara: KASTELLAN. 

hamrun oppĦAMRUN, IL-   L-isem ta’ din il-lokalità x’aktarx ġej minn kunjom jew laqam antik. Ħamrun hu kunjom komuni fil-Libja. Sors. J.A. Il-Ħamrun ra l-iżvilupp tiegħu minn ftit djar u għelieqi għal lokalità moderna, daqs mitt sena ilu. Fl-istorja, l-inħawi tal-Ħamrun jissemmew indirettament, kemm minħabba l-knisja ta’ Atoċja (Tas-Samra), kif ukoll minħabba l-kappella tal-Porto Salvo (Ta’ Nuzzu), li nbniet fl-1736. L-inħawi ta’ Tas-Samra jissemmew ukoll minħabba li fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi kien hemm stazzjonat kontinġent ta’ suldati Maltin li kienu jżommu taħt għajnejhom il-fortifikazzjonijiet tal-Furjana u l-madwar. L-ambjent tal-Ħamrun għall-bidu kien aktar magħruf bħala Casal San Giuseppe, u fil-fatt l-ewwel knisja parrokkjali kienet intenzjonata li tkun iddedikata lil San Ġużepp. Kien L-Isqof Gaetano Pace Forno li xtaq li l-knisja parrokkjali tkun iddedikata għall-qaddis li jġib ismu. Il-parroċċa tal-Ħamrun kienet imwaqqfa fis-sena 1881. Sa dak  iż-żmien u anki wara ħadd ma kien isejjaħ dawk l-inħawi bħala l-Ħamrun, iżda bħala Ta’ San Ġużepp. Ara: www.kappellimaltin.com.

ĦANDAQ   / ĦONDOQ    (pl. ħniedaq) Trunċiera jew foss li norm. idawwar il-ħitan tal-fortifikazzjoni. Ġieli tingħad ħondoq, li tfisser wied fond bi ġnub ta’ blat għoli. Fil-gżejjer Maltin hawn ħafna ismijiet li jinkludu dan l-appellattiv, e.ż. TAL-ĦANDAQĦONDOQ IR-RUMMIEN. Sors: Kalepin u J.A.

ĦANEX    Isem ġeneriku għal dudu mingħajr saqajn, kemm tal-art kif ukoll tal-baħar. Xi wħud minn dawn il-ħniex jintużaw bħala lixka biex jistadu bihom. Fig. ‘Dak it-tifel donnu ħanex’. – rif. għal xi ħadd li għadu żgħir iżda li jkun għamel xi ħaġa li norm. jagħmluha l-kbar. Bniedem li jiżżattat fejn ma jesgħux.

hanfusaK_1
          Ħanfusa tar-raba’

ĦANFUS    Tip ta’ insett li fid-dinja hawn mal-400,000 speċi minnu. Is. xj. Pterostichus melanarius. Dan ifisser li l-ħanfus jagħmel daqs kwart mill-popolazzjoni magħrufa tal-annimali kollha tad-dinja, u daqs 40 fil-mija tal-insetti kollha li nafu bihom. Fil-kultura antika Eġizzjana l-ħanfusa, (skarabew) kienet tirrappreżenta l-kontinwità tal-ħajja. Għalhekk fl-ikonografija Eġizzjana l-iskarabew jidher jimbotta ballun tal-ħmieġ tal-annimali, daqslikieku qiegħed jirrappreżenta lill-alla Kefren jimbotta x-xemx biex din taqsam is-sema min-naħa għall-oħra. Is-simbolu tal-iskarabew iddaħħal f’Malta mill-Feniċi għaliex fil-kultura tagħhom kellhom ħafna mit-twemmin Eġizzjan. F’Malta hawn diversi tipi ta’ ħniefes, u xi speċi  minnhom huma endemiċi; eż. il-ħanfusa l-ħadra, il-ħanfusa ħotbija u l-ħanfusa kaħla. Ing. beetle.

ĦANĠRA     Il-kanal tal-gerżuma. Ngħidu ‘Fetaħ il-ħanġra’ – beda jgħajjat kemm jiflaħ bla rażan jew bla mistħija. Ing. windpipe Lat. larynx. Ara:  ĠISEM IL-BNIEDEM.

ĦANNIEQA     Kull oġġett li wieħed idendel jew idawwar ma’ għonqu bħala ornament personali. Kullana, kullar, katina jew BARBAZZAL.

ĦANNUS   Ħanżir żgħir (Ing. suckling pig). Fl-antik, meta xi tifel kien ikun bil-buri, kienu jgħidulu biċ-ċajt, ‘agħmel ħannusa!’, jiġ., ‘agħmel wiċċ ta’ qażquż.’ B’hekk it-tifel kien ikun imġiegħel joħroġ xufftejh ’il barra, magħfusin flimkien, waqt li jonfoħ minn imnifsejh, biex jimita l-mossi tal-ħanżir. M.A.V. ifissirha: qażquż.

ĦANNEWIJA    Is. xj.   Acanthus molli. Ing. bear’s breeches. Pjanta perenni li tinsab mifruxa mal-Mediterran kollu, li bil-Malti hi magħrufa wkoll bħala kromb il-blat. Din il-pjanta tikber fis-selvaġġ, eż. fil-Buskett, u  għandha weraq kbar imlaħħmin. Fl-aħħar tas-sajf, il-ħannewija tispara ż-żerriegħa. Il-forma elaborata tal-weraq ta’ din il-pjanta ispirat lill-bennejja Griegi biex iżejnu l-kapitelli fuq il-kolonni tat-tempji u bini ieħor importanti bi skultura b’sura ta’ din il-werqa. Ir-Rumani u nies oħra fi żmien aktar riċenti baqgħu jużaw din l-immaġini fuq bosta bini importanti. L-istil ta’ dan il-kapitell ngħidulu ‘Korint/u’.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA             KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

ĦANUT TAL-FAKKINI    (Damma)  Dverna. Tal. taverna, osteria.

ĦANXAR    1. v.  Qata’ għonq b’sikkina – norm. biex joqtol annimal. v. Skarna;  2. v. Daqq strument tal-kordi; v. ħanxar (il-vjolin). Fig. kanta b’mod stunat. 3. v. tkellem b’vuċi għolja u goffa. Biss, x’aktarx din l-aħħar tifsira għandha l-oriġini tagħha f’ĦANĠRA.

ĦANXUL     Għerq żgħir.  ĦANXULA  BAJDA   Għerq tal-ħaxixa Ingliża li dari t-tfal kienu jmeximxu l-meraq qares tiegħu.  ĦANXEL  v. ħareġ għeruq żgħar.

ĦANŻIRA TAL-ERWIEĦ   Fl-antik kien hemm użanza f’ċerti rħula fejn il-konfraternità tal-parroċċa kienet tiddobba ħanżir u dawn kienu jitilquh għar-rasu fit-toroq biex kulħadd jitma’ fih. Meta l-ħanżir jikber u jismen, dan kien jinbiegħ, u l-flus li kienu jaqilgħu minnu, kienu jingħataw għall-quddies tal-erwieħ. Fost l-irħula fejn jingħad li din it-tradizzjoni kienet issir, kien hemm ix-Xewkija, il-Gudja u Ħal Qormi. Verżjoni oħra kif inhi magħrufa hi, li ftit qabel l-Għid tal-Erwieħ, (jiġ. fit-2 ta’ Novembru), kienet tintelaq ħanżira fit-toroq tar-raħal biex kulħadd jitma’ fiha. Fil-festa mbagħad tinqatel biex tittiekel minn dawk in-nies foqra tar-raħal.

ĦARA   Din kienet tinkiteb ĦÂRA bid-dijakritiku fuq l-‘a’ għax dan il-ħoss hu mtawwal. lt-triq jew l-inħawi f’raħal jew belt.

hara tac cawl artemisiaĦARA TAĊ-ĊAWL   Pjanta mill-ispeċi tal-familja graminaceae. Pjanta li għandha ismijiet differenti bħal, żibeġ tal-kuruni, għax fl-antik miż-żerriegħa li tikber minnha kienu jagħmlu ż-żibeġ tal-kuruni, jew dmugħ ta’ Ġobb. M.A.V. (1796) isejħilha artemesia u arcimesia. Din il-pjanta tintuża bħala insettiċida kif ukoll biex isservi ta’ sonniferu għal min ibagħti bin-nuqqas ta’ rqad. Ing. mugwort. It-Taljani jgħidulha, pjanta delle streghe.

ĦARA TAS-SUMMIEN    Għamla ta’ ħelu bħal kejk forma ta’ domna, kbira magħmula l-aktar miz-zokkor imdewweb u bit-taqtir tal-lumi u konfettura. Billi din kellha għamla tonda u kulurha skur ta’ lewn iswed tal-għasel bosta tfal u kbar kienu jirriferu għal dan il-ħelu b’dan il-mod. Ara: ĊITRATA u NASPRU.

ĦARAMIJA  Post fl-inħawi tas-Siġġiewi fejn kienu jgħixu bosta familji foqra. Fl-antik dawn l-inħawi kellhom fama ħażina. L-inħawi huma magħrufa wkoll bħala ta’ Barnaka. Il-kelma bl-Għ. tfisser mara ta’ moral baxx. Ħaram bl-Għarbi ( حَرَام) tfisser, dnub jew att li ma għandux isir. Sors: J. A.

ĦARB / ĦERBA    1. Gwerra.  v. ĦARBAT  Fixkel persuna/i, jew għamel diżordni sħiħa. Irrovina, u ħawwad.  Espr. ‘Ħarbat ġidu kollu’, jiġ., berbaq kull ma kellu. Għ. ħarb, ( ﺣَﺮﺏ ) ġlieda jew gwerra. Fig. eż. kif daħal fil-kamra sab ħerba sħiħa. 3. TAL-ĦERBA Jeżistu bosta nħawi f’Malta li jġibu l-kelma ‘tal-Ħerba’ bħala appellattiv. L-aktar magħrufa fosthom hu s-Santwarju li hemm tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod mill-Bażilika ta’ Santa Liena, f’Birkirkara. F’din il-knisja nsibu l-akbar kollezzjoni ta’ pitturi ex voto li hawn f’Malta.

ĦARBA    Logħba li kienet tintlab minn grupp imdaqqas ta’ tfal. Tibda billi wieħed mit-tfal jitlaq jiġri wara t-tfal sħabu l-oħrajn. Meta dan it-tifel jaqbad lil xi ħadd minnhom, dawn it-tnejn iżommu jdejn xulxin waqt li jiġru wara l-oħrajn sakemm jaqbdu tifel ieħor. Meta jirnexxilhom jagħmlu dan, it-tlett itfal f’daqqa jkomplu jiġru wara t-tfal l-oħrajn sakemm jaqbduhom kollha. Il-logħba tibqa’ sejra hekk sakemm jinqabad l-aħħar tifel. Kemxejn simili għal din il-logħba hemm GARDINAW.

Hares 2-17ĦARES    (pl. ħorsien)  1.  Ruħ, fatat, immaġini ta’ spirtu li jidher, li jinħass jew jinstema’ min-nies. Fil-fehma tiegħi, l-etim. ta’ din il-kelma għandha mnejn hi konnessa ma’ Ħorus, wieħed mill-allat Eġizzjani. Fil-mitoloġija Eġizzjana dan kien l-alla li kien jieħu ħsieb in-nies wara mewthom. Ħorus kien irrappreżentat fl-ikonografija bħala seqer, għaldaqstant, għasfur magħruf li josserva mill-ajru (v. ħares). It-tifsira ddur ċirku, għaliex il-ħares (fatat) hu dak l-ispirtu li jara kollox – il-ħares hu wkoll dak li jħares (fis-sens li jipproteġi).  2.  Rif. għal figura dekorattiva fis-saljaturi ta’ xi gallariji norm. skolpit bħala wiċċ ikrah. Dan jgħidulu l-ħares għaliex hu ‘l-għassies tad-dar’. Għ. ħares tfisser ukoll ‘għassies’. Ara: MAĦRAS.

ĦARĠA    Nom li nsibu fid-Damma. A. de S. jagħti t-tifsira ta’ ‘ħarġa ful’ bħala, quantità di fava ancora nella terra. Espr. simili tinsab fil-kitba ta’ Gużè Galea, ‘Il-frawli ta’ San Ġwann’ fejn l-awtur jgħid hekk: ‘[…] Fil-qasam ta’ dak ix-xwejjaħ twajjeb kien hemm ħarġa frawli li kienet tħawlet meta […]’. L-istess awtur jagħti wkoll l-espr., ħarġa raba’, fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, p. 11.

ĦARĠA, IL-   Rif. għal meta l-għarusa, li issa tkun ilha miżżewġa daqs ġimgħa, titlaq mid-dar tal-familja tagħha mar-raġel biex tmur tgħix miegħu f’darhom. Qabel it-tluq dejjiemi mid-dar tal-familja tagħha, il-ġenituri tar-raġel kienu jistiednu lill-ġenituri tal-għarusa biex flimkien mal-miżżewġin friski jagħmlu ikla tal-okkażjoni f’darhom. Ara: Folklore of an Island, p. 51, 183.

ĦARKUSA     1. Sbula tal-qamħ.  2. In-nugrufun ta’ fuq il-ftila. Musmar tal-ftila. 3. Fig. Dak kollu li hu żgħir. MĦARKEŻ  Appellativ għal xi ħadd (jew xi ħaġa) li ma kibirx kemm kellu jikber. 

ĦARQ   Ħofra jew xaqq fil-blat.  ĦARQ  IL-ĦAMIEM  Jeżistu żewġ postijiet li għandhom dan l-isem: wieħed minnhom hu għar li jinsab fl-inħawi ta’ San Dimitri, l-Għarb, Għawdex, u ieħor qrib il-bajja ta’ San Ġorġ, ħdejn Ġiljan. Jista’ jkun li ‘Ħamiem’ tirriferi għall-ħamiem tal-barr li seta’ kien jgħix f’dawn il-postijiet. Inkella din hi kelma li ġejja minn Ħammam (post tal-ħasil). Aġġ. ĦARRIEQI – post mimli xquq fil-blat. Ara: DRAGUNARA.

ĦARQA   Kelma oħra għal-logħob tan-nar tal-festi. Hawn taħt issibu għażla ta’ appellativi li jintużaw l-aktar mill-pirotekniċi u d-dilettanti tan-nar meta jirriferu għal kwalitajiet differenti tax-xogħol tan-nar tal-ajru.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Membri tal-Kamra tan-nar ta’ San Bartilmew tal-Għargħur (1924)

AKKUMPANJAMENT – norm., murtali li jkunu sparati wieħed wieħed waqt il-
purċissjoni.
BATTERIJA  –  rif. għall-kaxxa infernali, bombi, beraq jew qasmiet tal-kulur
li jfaqqgħu wara xulxin.
BEBBUXU  –  qasma tal-kulur li  tkun ta’ qies pjuttost kbir li flok tiftaħ 
f’daqqa, tibda tiftaħ dawra tond, u l-effett tagħha jkun li n-nar idur 
f’ċirkonferenza.
BERAQ PRONT  –  qasma ta’ beraq li taħsad, u fl-ajru jkollha l-istess effett
ta’ meta tfaqqa’ berqa.
BALLUN  –  fetħa tal-kulur f’forma ta’ ballun.
ĊRIEKI  –  qasmiet tal-murtali tal-kulur. Qasma tista’ tkun b’ċirku wieħed, 
bi tnejn jew bi tlieta.
KAXXA INFERNALI  Kwantità kbira tal-logħob tan-nar ta’ kull tip li jinħaraq 
fi spettaklu wieħed. Il-kelma infernali hija ħażina għaliex suppost tissejjaħ
‘finali’, jiġ., il-logħob tan-nar tal-aħħar. E.S.I. jgħid li dan kien il-
logħob tan-nar tal-art, (il-ġigġifogu) ta’ bosta biċċiet, li jkun sparat f’daqqa.
KAXXA  SPANJOLA – beraq tal-kaxxa infernali b’ħoss ta’ bombi qishom sparar 
ripetut u mgħaġġel minn azzarin, (rif. għall-gwerra ċivili ta’ Spanja, 1936-
1939).
KRUĊETTI  –  qasma tal-kulur forma ta’ stilla li meta jiftħu t-truf tagħha 
jgħaddu minn ġo xulxin.
KULUR  TAD-DAWL  –  norm. jintuża fl-aħħar mumenti tal-kaxxa infernali. 
L-istilla tal-murtal tkun tiddi.
LAMPJUN  –  bomba li meta tfaqqa’ tarmi dija safranija, u tfaqqa’ aktar minn
dik normali. Il-lampjuni, norm. ikunu minn wieħed sa tnejn u juru li l-logħob 
tan-nar tal-ajru għal dak inhar intemm.
MURTAL  –  dan it-terminu jintuża kważi għal kull tip ta’ logħob tan-nar 
f’Malta.
MURTALETT  – murtal li jiftaħ aktar minn darba (eż. tliet fetħiet).
MURTAL  BIL-LOGĦOB – murtal kbir li jkollu taħlita ta’ beraq ta’ kull qies,  
jingħad li jsir f’Malta biss.
RAĠĠIERA  –  qasma tal-kulur li tista’ tkun ukoll bajdanija.
REFGĦAT  –  kull tip ta’ murtali meta dawn jittellgħu f’daqqa minn diversi
postijiet.
SALUT  –  il-wieħed u għoxrin bomba li jinħarqu qabel il-kaxxa infernali.
SERPENTELLI – qasma tal-kulur li meta tiftaħ fi stilla (jew aħjar raxxijiet 
tal-kulur) jisserpjaw u jiġru fis-sema ma’ kullimkien.
SAJŻIJIET (mill-Ing. size)– murtal tal-bomba jew tal-kulur li jkun fih madwar ħames 
bombi wara xulxin u beraq fl-aħħar.

Ħajr: Noel Castillo.  Ara:  In-Nar f’Ħal Għargħur – Storja ta’ Raħal u Ftit Tagħrif Ġenerali, ta’ Isaac Aquilina. Ara l-artiklu fuq din il-website mill-istess awtur: ‘LOGĦOB TAN-NARhttps://kliemustorja.com/2022/07/10/loghob-tan-nar/

ĦARWIELA     Pjanta x’aktarx tar-rieġnu. Ara: Damma, fejn A. de S. jagħtiha l-isem Latin Cataputia.

ĦARR    1. Aġġ. Jaħraq. Ngħidu, ‘ikel ħarr’, jiġ., ikel pikkanti, l-aktar għax ikun miżjud bil-ħwawar li jaħarqu l-ilsien. 2. Niexef jew xott qoxqox. Ngħidu, ‘raba’ ħarr’.

ĦARRIEĠA  1. Kantun ħiereġ ’il barra mill-ħajt magħmul apposta biex miegħu ikun marbut ħajt ieħor. 2. Ġebla ħierġa ’l barra mill-ħajt li kont issib qrib xi tieqa, speċjalment f’bini antik jew f’irziezet. Fuqha kont tista’ tqiegħed oġġetti bħal qsari, oġġetti tal-ikel, eċċ., apposta biex ma jkunux jistgħu jintlaħqu.    

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

ĦARRIEKA    Bħal xkupa tal-ġummar li biha kienu jħawdu l-irkotta hi u tissajjar fl-ilma baħar fil-kaldarun. Sors: G. Lanfranco 2017.

ĦARTUM   1. Il-geddum twil ta’ mogħża, jew annimali oħra (Ing. snout). V.B. (1900), jgħid li l-ħartum kienet il-parti ta’ wara tal-imnieħer. Xedaq ħiereġ ’il barra. Proboxxidi tal-iljunfant. ĦARTUMA  1. Mogħża jew nagħġa li jkollha geddumha u mniħirha bojod. ĦARTUMI   Appel. li jindika xi annimal li għandu ħartumu abjad.  2. Daqqa tal-id fuq il-geddum. Kienu jgħidu, ‘Qala’ ħartuma.’ – jiġ., qala’ daqqa ta’ ħarta goffa. Din il-kelma tintuża fl-istorja, ‘Aħlef u Għid is-Sewwa’, meta Temi Zammit jirrakkonta: ‘[…] Dolor malli waslet għar-raħal, l-ewwel ma għamlet newlet ħartuma lil Marì tal-Lewżu, talli tenniet dak li semgħet mingħandha […]’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 54.

Ghar HASANnĦASAN    Isem li jissemma fil-leġġenda marbuta ma’ Għar Ħasan, li jinsab ma’ xifer l-irdum, ta’ Ħal Far, limiti ta’ Birżebbuġa. Skont din il-leġġenda, raġel, x’aktarx Tork jew Għarbi, kien seraq tfajla Maltija, u ħadha miegħu f’għar, fuq is-sisien li jagħtu dritt għal fuq il-baħar. Meta l-Maltin skoprew fejn kien mistoħbi Ħasan, marru jfittxuh biex iħebbu għalih u jsalvaw it-tfajla. Ħasan flok ħallihom jaqbduh u jeħilsu t-tfajla minn taħt idejh, ipprefera l-mewt, u għażel li jaqbeż bit-tfajla b’kollox minn fuq l-irdum għal isfel. Ara: LEĠĠENDI.

ĦASI   1. Annimal li jkun moħsi. Appellattiv li jingħata l-aktar lis-sriedek imsewwija. Ing. capon. Bniedem ewneku jew ikkastrat. Kantant tal-lirika li tkun saritlu operazzjoni biex leħnu jirqaq biex fil-kant jixbah lil dak ta’ sopran. 2. Tip ta’ ħuta. Is. xj. Rhombus maximus li bil-M. hi magħrufa bħala ħasi tal-baħar.

hasira0839ĦASIRA   (pl. ħsajjar). Tapit magħmul mill-qasab jew pjanti oħrajn, li jintuża biex dak li jkun joqgħod bilqiegħda jew jimxi fuqu. Tapit li ikun wara l-bieb ta’ barra. Fil-kitba ta’ Patri Manwel Magri, fejn jirrakkonta ħrafa li ġabar mingħand in-nies, hu jikkwota hekk: ‘[.…] u l-ġilda tagħha jagħmlu ħasira fil-bieb ta’ barra, biex kull min jidħol u joħroġ jimsaħ riġlejh fiha […]’. Tip ta’ purtiera tal-istess materjal li tiddendel quddiem il-bieb biex tipproteġi l-bieb u l-intrata tad-dar mix-xemx, u fl-istess ħin tħalli anki xi daqsxejn ta’ żiffa għaddejja. Dari, il-ħsajjar kienu jinbiegħu minn bejjiegħa tat-toroq, norm., nies mill-Afrika ta’ Fuq.

ĦASWA   1. Waħda minn żewġ glandoli tal-organu sesswali maskil. Testikolu, (duwal: ĦASWEJN) Skrotu. Espr. ‘Bil-ħaswejn!’ – tingħad biex tirreferi għal xi ħaġa magħmula bil-kbir u mill-aqwa; din tingħad bħal meta wieħed jgħid, ‘bl-għeruq u x-xniexel’.  2. Boċċi li jikbru fl-għeruq tal-berwieq. ĦASWEJN IL-KELB  Pjanta. Is. xj. Satyrion – Apium selvaticum. Din il-pjanta tagħmel frott biż-żewġ li jixbah iż-żinżel.

ĦATAR     (pl. oħtra). Kull tip ta’ zokk, kemm naturali kif ukoll maħdum mill-bniedem.

ĦATAMBU     Bniedem ta’ statura qasira.  Xi ħadd goff u bla grazzja.

ĦATBA   Zokk jew għasluġ maqtugħ minn siġra. Injama ħoxna. Qawl: Għal kull ħatba hawn il-mannara – għal kull problema hawn soluzzjoni. Ġieli din il-kelma tintuża bħala appel. dispreġġattiv għal xi mara li turi ċertu ħażen.

ĦATEM     Ċurkett;  siġill.  Is-saba’ tal-ħatem, is-saba’ li fih jintlibes iċ-ċurkett taż-żwieġ.

ĦATEN    (pl. ħtien). Dan l-appell. jista’ jirreferi għal bosta nies fil-familja. E.S.I. jgħid li dan jista jkun: missier il-mara, ħu l-mara, bin il-mara minn raġel ieħor; prattikament kull qarib tal-mara basta mhux ommha. Ngħidu: ‘dak ħatni’. Fir-rumanz, Żewġ Anġli – Inez u Emilja, (1934) Dun Karm Psaila, jikteb hekk: ‘[…] Wara għoxrin sena ż-żewġ ħtiena ltaqgħu wiċċ imb wiċċ…]’. A. de S. jagħti dawn it-tifsiriet: ‘[…] cognato, sposo, genero, suocero, il marito della sorella […]’. Illum wieħed juża din ir-riferenza l-aktar għal ħu l-mara, jew ħu r-raġel. Biss, F.V.  (1831) jagħtiha bħala, son-in-law.

ĦAWLI    Art xotta u sterili fejn ma jikber xejn. L-oppost ta’ għammiel. Post lest biex jinżera’ mill-ġdid. Fuq il-Ħawli – isem ta’ art għolja barra ’l Birgu li tagħti lejn is-swar tal-Kottonera u fuq il-wied qrib il-kulleġġ tad-De la Salle.

ĦAWĦA    Barra li jagħti t-tifsira komuni tagħha, din il-kelma tfisser, ħofra jew tiċrita fil-ħajt. Tip ta’ selħa. M.A.V. (1796) jispjegaha hekk: ‘[…] breccia, apertura nel muro […]’. Ara: SELĦA.

hawsla69bĦAWSLA   Parti tal-griżmejn fit-tjur fejn l-ikel jieqaf għal ftit qabel ma jinżel fl-istonku. Idj: ‘Mela l-ħawsla’ – jiġ., kiel u mela l-istonku. Qawl: Ħawsla tajba ġewnaħ miksur’ – rif. għal xi ħadd li għalkemm f’aptitu biss, mhux tajjeb għax-xogħol. Ing. crop.

ĦAXIX IN-NAĦAL  Is. Lat. Melissa officianalis. Pjanta magħrufa wkoll bħala, nagħniegħ in-naħal. F’Għawdex jgħidulha burieħa. Pjanta li għandha riħa kemxejn bħal tal-lumi.  (Damma) Melissa.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAĦAXIXA TAL-INGLIŻI / L-INGLIŻA / QARSU    Is. xj.  Oxalis pes-caprae. Din hi pjanta selvaġġa, komuni li tikber aktar ma tagħmel xita, bejn Diċembru u Frar. Il-ħaxixa Ingliża ddaħħlet f’Malta ftit wara l-wasla tal-Ingliżi fl-1800, u oriġinat mill-Afrika ta’ Isfel. Wieħed għandu mnejn isaqsi: għaliex din il-pjanta ġejja minn pajjiż daqshekk ’il bogħod? Sal-1869, jiġifieri sakemm infetaħ il-Kanal tas-Swejz, bosta bastimenti Ingliżi kienu jagħmlu l-kummerċ tagħhom mal-Indja billi jinnavigaw mal-kosta tal- tal-Punent tal-Afrika, b’waqfa f’Cape Town. Kien min hawn li din il-pjanta ttellgħet ma’ prodotti oħra fuq il-bastimenti. Il-pjanta tissejjaħ anki ‘qarsu’, minħabba t-togħma aċiduża tagħha, għax fiha l-aċidu oksaliku. F’Malta din il-pjanta ma tagħmilx żerriegħa. Jingħad li ftit wara li din il-pjanta ġiet impurtata f’Malta, din infirxet mal-Mediterran kollu u f’ħafna artijiet tal-Ewropa. Ing. Cape Sorrel.

haxixa tal-irmidĦAXIXA TAL-IRMIED   (Tar-rmied)  A. de S. jgħid li din kienet pjanta li l-Għawdxin ta’ żmienu kienu jkabbruha apposta, biex minnha jagħmlu tip ta’ ‘ġebla’ li biha jaħslu l-ħwejjeġ. Sors: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, p. 72. Il-Piccolo Dizionario (1856) jgħid hekk: hasc’-iscit ir-rmied  erba soda; potash grass. Ħaxixa tal-irmied. F’Għawdex tissejjaħ ukoll, xebb. Din il-pjanta kienu jaħarquha u minnha jagħmlu l-lissija li biha kienu jaħslu l-ħwejjeg. (Damma) Magħrufa wkoll bħala ĦAXIX IŻ-ŻĠIEĠ jew KALIMAGNUM. Ing. saltwort. Il-Wikipedia jgħid li l-irmied ta’ din il-pjanta jintuża bħala ingredient biex isir il-ħġieġ. Din il-pjanta tikber fl-ilma salmastru, f’ambjent ta’ qrib il-baħar. Ara: Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi, ta’ Anton F. Attard.

ĦAXJA   1. Marġni aħrax meħjut f’tarf id-drapp, l-aktar fl-għenienel. (Ing. selvage) 2. Il-ġenb ta’ bieb. Sors: E.S.I., J.A. u G. Lanfranco 2017).

masklu 1ĦAXU TAL-MASKLU   L-intern mlaħħam li jinsab fil-masklu – frotta tal-baħar. Espr: ‘Dak anki l-ħaxu tal-masklu jiekol!’  –  Sors: Carmena Chetcuti, ta’ 90 sena mill-Birgu (2012). Ara: MASKLU.

ĦAXWA   1. Kull tip ta’ ħaxu li bih timla l-għaġina. Fig. Bniedem ġwejjed u merħi. 2. Bniedem li ma jirreaġixix għal xi tgħajjira jew xebgħa li jista’ jaqla’. Kont tisma’ lil min iċanfar, ‘kif qadt għaliha din, qisek ħaxwa!’ MA.V. (1796) jagħtiha bit-Taljan, omicciatolo, għalkemm, Id-Dizionario Corriere Della Sera jispjega ‘omicciatolo hekk: Uomo da poco, per aspetto fisico o per mancanza o scarsità di qualità morale.  Simili għal, ĦAXXA   Appel. li jirriferi għal xi ħadd beżżiegħ u najxu, li mhux kapaċi jieqaf għad-drittijiet tiegħu. Biex iwaqqawh għaċ-ċajt dan ġieli kienu jgħidulu ‘ħaxxa manana’ jew ‘ħaxxa paxaxxa’.

ĦAŻNADAR      Xi ħadd inkarigat min-nies għonja biex jagħmel ix-xirjiet bżonjużi tad-dar. Bniedem li xogħlu hu li jagħmel il-qadjiet neċessarji, l-aktar, f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajxien ta’ kuljum. Id-Dizionario Portatile (1843) jittraduċi din il-kelma mill-Malti għat-Tal. hekk: Maestro di casa; Ing. steward. L-isem ‘ħażnadar’ ġej mill-ilsien Tork, titlu għall-uffiċjal (teżorier) li jieħu ħsieb il-ġid tal-palazz.

ĦAŻŻIENA    Rif. għall-ħażżiena tal-bir, bħal konka li fiha jinħażen l-ilma fil-qiegħ. Temi Zammit fil-kitba tiegħu, ‘L-Ilma li nixorbu’, jgħid hekk: ‘[…] Jekk issir ħofra fit-tafal, [rif. għas-saff tafli fil-blat], jew ħażżiena, fejn l-ilma jista’ jżomm, l-ilma ma jaqta’ qatt […]’ Ara: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, ta’ R. Vella Tomlin, p. 103. Sorsi oħra: E.S.I. u J.A.

konka

ĦBIELA  Nom li jagħti V. Busuttil (1900) għat-tqala. Fid-Damma, it-tqala tissejjaħ ĦBULIJA. Sal-lum, mara tqila hawn min jgħidlha ĦOBBLA.

ĦDAN    (pl .ta’ ħodon). Ara:  ĦODON.

ĦDUDI     (D) ‘[…] Uomo che ama parlare troppo […]’.

ĦELL   Serq fil-wiċċ. Ngħidu hekk għal xi ħaġa li tinxtara bi prezz għoli, jew bi prezz aktar milli suppost: ‘Dak ħell!’ – jiġ., dak serq fil-wiċċ. Din il-kelma tintuża f’dan il-qawl: Il-ħell u ż-żena ma jdumux fil-ħabi sena.

ĦELWA     Apparti t-tifsira normali u ovvja tal-kelma, M.A.V. (1796) jgħid li din kienet ikla magħmula mill-għaġin u l-għasel. M.A.V. jiddiskrivi din l-ikla hekk: ‘[…] Specie di lasagna di miele rappigliata al fuoco il quale battuta diventa bianca ed elastica e raffreddatosi indurisce […]’ (M. tibbies).

helwa tat-tork001 - CopyĦELWA TAT-TORK   Tip ta’ ħelu magħruf hekk għax bosta jaħsbu li dan kien introdott f’Malta mit-Torok, għalkemm fis-sens miftuħ, fl-antik, it-terminu Tork jirreferi x’aktarx għal kull barrani ta’ ġilda skura. It-taħlita ta’ din il-ħelwa hi magħmula mill-għasel, zokkor u lewż morr, kollox imsajjar flimkien fiż-żejt.

ĦEMEL   Munzell tas-silla tiben, tal-ħuxlief jew tax-xewk miġburin gods wieħed. Skont D. Miège (1841), ħemel kien, mucchio li jiżen daqs 39.5 kilo. Kull ħemel ikollu diversi qatet (bejn tmienja jew għaxra). F’kull qatta jkun hemm erba’ għamriet / għemieri (pl. ta’ għamra jew għomra). Sors: Nismagħhem jgħidu … eċċ, ta’ Paul P. Borg, p. 134, 158.

ĦEMMESIJA / ĦEMSIJA  / ĦEMŻIJA     Qasam fejn jikber il-ħommos. Sors: E.S.I. u A. de S. Raba’ tajjeb għall-ful, ċiċri, piżelli, eċċ. (Ing. pulses). M.A.V. jgħidilha, ħimsija.

herza u taljola 6ĦERŻA / ĦORŻA   1. Iċ-ċinta tal-ġebel li titqiegħed madwar il-ħofra tal-bir. Il-ħorża jista’ jkollha arkata mibnija fuqha biex minnha tiddendel it-taljola. Il-ħorża magħmula wkoll biex fuqha jisserraħ il-barmil meta jittella’ l-ilma mill-bir. 2. L-għatu kbir tal-ġebel li jintuża biex tingħalaq il-bokka tal-bir.

ĦESREM   1. Aġġ. li jirriferi għax-xtieli u frott, bħall-għeneb, li għadu aħdar, jew xi frotta jew ħaxixa li tkun għadha ma saritx u għalhekk tkun anki qarsa. 2. Ngħidu ‘miet ħesrem’ – jiġ., miet ta’ malajr, biss jekk nieħdu inkonsiderazzjoni t-tifsira ta’ qabel, l-espr. tista’ tfisser ukoll: miet qabel il-waqt.

ĦĠEJRA     Ara: BIL-BIEX u ĦAĠRA MAĠRA.

ĦIRXEJJA    Pjanta li tikber fl-imsaġar tal-Mediterran u li kienu jieħdu l-għelk ħamrani tagħha biex jagħmlu tip ta’ verniċ. Isemmiha biss, MAV. (1796) u ħadd iżjed, u jittraduċiha bit-Taljan bħala robia. Id-Dizzionario Italiano, (internet) jiddiskriviha hekk: Pianta erbacea perenne diffusa nelle zone boschive del Mediterraneo, dal cui rizoma si estrae un colorante rosso usato un tempo per tinture e lacche.

ĦISER     (pl. eħsra jew iħsra).   Il-kantuniera ta’ binja fuq in-naħa ta’ barra. Ħisra ta’ bieb: il-liwja tal-koxxa tal-bieb. Fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, (1939), ta’ P. Wistin Born, p. 55, insibu hekk: ‘[…] kienu jidħlu jistkennu bejn l-isħra tal-bibien […]’.  Ħisra ħofra f’barriera (Sors: Ġanni Buhagiar).

hlasĦLAS,  MADONNA  TAL   Din il-kappella tinsab f’Wied is-Sewda, li jinsab fuq in-naħa ta’ bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. Il-kappella hi ddedikata lill-Marija Assunta u tmur lura sas-seklu sittax. Il-kappella li naraw illum kienet mibnija fl-1660. It-titlu tal-Madonna tal-Ħlas għandu aktar minn sinifikat wieħed. 1. L-ewwel li tiġi f’moħħna hi l-konnotazzjoni bejn il-kelma ħlas u ħelsien. X’aktarx din tirreferi għall-ħelsien mill-iskjavitù. Nafu li ħafna kienu dawk li jinvistaw din il-kappella qabel jew wara li jivvjaġġaw bil-baħar, u għaldaqstant instabu ħafna ex votos f’din il-kappella, relatati ma’ wegħdi ta’ nies li ħelsuha minn xi saram waqt il-vjaġġ tagħhom. 2. A. de S. (1746) jinterpreta l-kelma ‘ħlas’ bħala il-ħlas mit-tqala. Nisa li jkunu ħelsu mit-tqala kienu, u għadhom sal-lum imorru f’din il-kappella biex jirringrazzjaw lill-Madonna talli welldu b’wiċċ il-ġid. 3. ‘Ħlas’ fis-sens tal-kelma bil-Lat., libration – jiġ., rigal jew offerta. Dawn l-offerti kienu jingħataw lill-kappillan fil-festa ta’ Santa Marija, fil-15 ta’ Awwissu. Dan għaliex ħafna mill-qbiela kienet titħallas f’dan il-jum, u għalhekk jista’ jkun li l-bdiewa kienu jiġu hawn biex jagħtu l-offerta tagħhom.  Ara: Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas ta’ C. Bianchi, 1980,  u Wayside Chapels: ‘Tal-Ħlas in Qormi’ ta’ C. Bianchi u P. Mizzi f’Heritage, Vol 4, pp. 1129 -1135. Ara: ‘Tal-Ħlas Church, Qormi’, ta’ Joseph F. Grima, The Sunday Times, August 14, 2006.

ĦJARA     Is. xj. Cucumis sativus. Pjanta li oriġinat fl-indja biss illum titkabbar mad-dinja kollha. HI konsidrata bħala pjanta veġetali. Fi żmien A de S. (1712 – 1770) dan in-nom kien jintuża bħala laqam ta’ żeblieh. ‘Uomo ridicolo cosi chiamato per essere canzonato’. Sors: Damma.

hliefaĦLIEFA    Il-qoxra tal-qamħ, jew tal-frott, eż, tal-għeneb. Il-qoxra / rita rqiqa ħamra li tiksi l-karawetta, u li tisseparaha mill-fosdqa / il-qoxra ta’ barra. Qawl: Ħa l-qamħ u ħalla l-ħliefa – jiġ., ħa l-aħjar għalih u ħalla l-agħar għall-ħaddieħor.  ĦLIEFA TAL-BXULA Prepuzju (il-ġilda rqiqa fit-tarf tal-organu sesswali maskil.)  ĦALLIEF Dak li xogħlu hu li jwettaq l-att taċ-ċirkonċiżjoni.

ĦLIEQA      Ċajta.  ĦLUQIJA  Ċajtiera. 

ĦMEWWA      Sħana fil-ġisem li toħroġ bħal bżieżaq fil-ġilda. Pustuletti. E.S.I. Heat.   (F.V. 1931)

ĦMIET   Fl-istat taż-żwieġ, din tiġi omm il-mara jew omm ir-raġel. Il-kunjata. Ngħidu, ‘Wiċċek qisu ħmieti.’ – jiġ., għandek wiċċ tad-dwejjaq. G.B.F. (1845) ma’ ħmiet jagħti wkoll il-kelma Maltija MDANNA.

ĦMU   Fl-istat taż-żwieġ, dan hu missier il-mara jew missier ir-raġel. A. de S. jagħti wkoll, ‘ħmietha’ – jiġ., missier ir-raġel tagħha. Kemm ‘ħmiet’ kif ukoll ‘ħmu’ jidhru fil-Kalepin (1941).

ĦOBB    1. Rif. li tintuża ġen. għall-parti tal-ġisem bejn l-għonq u l-istonku. 2. Sider il-mara. 3. Kultant l-istess kelma tintuża wkoll bħala rif. għall-ħwejjeġ li jgħattu s-sider, eż., ngħidu: ‘tefa’ l-ittra f’ħobbu’.  Qawl: Mara bla xagħar u bla ħobb la fiha x’tammira u lanqas xi tħobb.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAĦOBŻ   F’Malta nsibu diversi tipi ta’ ħobż. Dak li jissejjaħ il-ħobż Malti hu magħmul ġen. bi ħmira komuni. Biss il-ħobż isir b’diversi modi u b’diversi ingredjenti. Hekk insibu: Il-ĦOBŻ TAL-MAĦLUT  Dan kien ikun magħmul mid-dqiq u l-granza (ġieli kien jissejjaħ ħobż tal-GRANZA (Ing. bran);  ĦOBŻ TAL-PTANZA  Ħobż ta’ kwalità inferjuri li kien jitqassam lill-foqra (ptanza ġejja minn pietanza li tfisser karità – qbl. il-kelma mal-kelma Ing. pittance);  ĦOBŻ TA’ RODU  Dan ukoll kien ħobż tal-karità li kien jitqassam lill-foqra fi żmien l-Ordni; ĦOBŻ TAL-FRANĊIŻ / ĦOBŻ FRANĊIŻ Dan hu magħmul f’għamla kwadra u bi ħmira mhux tas-soltu li kienet tinġieb minn barra (kienu wkoll jgħidulu tal-kexxun). Dan il-ħobż kien jitħallat bix-xgħir u għalhekk kien jissejjaħ ukoll ĦOBŻ TAX-XGĦIR jew ĦOBŻ TAL-BIRRA. Il-ħobż Franċiż – mhux ‘tal-Franċiż’ – jissemma fi skerz komiku, ‘Il-Kuġin’, (1863) ta’ Carmelo Camilleri. Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, It-tieni volum, p. 27. ĦOBŻ TA’ SANT’ANTNIN Ħbejżiet tondi li kienu jitqassmu lill-morda biex dawn ifiqu;  ĦOBŻ TA’ SAN BLAS   Ħbejżiet żgħar daqs il-lewż li kienu jitqassmu lid-devoti wara li dawn ibusu r-relikwja ta’ San Blas fil-knisja ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta; ĦOBŻ TA’ SAN NIKOLA  Ħbejżiet żgħar li kienu jitqassmu lin-nies b’devozzjoni biex jitħarsu mill-maltempati; ĦOBŻ AŻŻMU  Dan il-ħobż isir mingħajr ħmira, ikun ċatt qisu ftira, u kien jittiekel mil-Lhud fil-festa tal-Għid. Ngħidu, ‘Min jaf dak x’ħobż jiekol?’ – kumment meta wieħed ikun irid jaf dak li jkun x’tip ta’ karattru u ma’ liema klassi tas-soċjetà jagħmel. Sors prinċipali: J.A. Ara: ‘Dwar il-Ħobż Malti’ ta’ Guido Lanfranco, mill-ktieb Folklor, ed. Guido Lanfranco, pp.130-134;  Ħobż, Il-Miklem Malti, E.S.I.   

hobza u sardinaĦOBŻA U SARDINA    Logħba tat-tfal li norm. tintlab b’mod spontanju f’xatt il-baħar. Din tintlagħab billi tifel igara ċagħka fil-baħar bis-saħħa u b’mod li din tolqot wiċċ l-ilma bi żbrixx għal kemm-il darba. Din il-logħba tista’ anki ssir bejn żewġt it-tfal billi dawn jagħmlu l-istess ħaġa b’pika min minnhom jirnexxilu jqabbeż iċ-ċagħka għal kemm-il darba sakemm din iżomm f’wiċċ l-ilma qabel ma tegħreq. Ing. Stone skipping jew ducks and drakes.

ĦODON    Dik il-parti tal-ġisem mhux daqstant speċifikata, bejn is-sider u ż-żaqq. Meta ngħidu, xi ħadd ħaddan, inkunu qed ngħidu li dak li jkun għannaq lil xi ħadd jew xi ħaġa u ‘żammu/ha ma’ sidru. Fig. ‘Wara li tkeċċa mill-kariga tiegħu, il-kandidat reġa’ kien aċċettat fi ħdan il-partit’. F. Vella (1843) jispjega din il-kelma bit-Tal., braciata u bl-Ing. An armful. TARBIJA TAL-ĦODON, tarbija li tkun għadha tal-idejn. ĦODON FJURI  Bukkett fjuri ta’ ċertu kobor kemm jista’ jinżamm fiż-żewġ idejn.

holoq7ĦOLQA    1. Eż. ħolqa ta’ katina; ħoloq tal-purtieri. 2. Għata jew ilqugħ, ħafna drabi tal-metall, li jintlibes fis-saba’ tan-nofs waqt il-ħjata biex dan jipproteġi s-saba’ minn xi tingiża tal-labra hi u tingħafas mad-drapp. Intant, anki A. de S. is-saba’ tan-nofs isejjaħlu, is-saba’ tal-ħolqa, u jispjega bit-Taljan, ‘[…] Si dice pur saba tal ħolqa poiche in questo si pone ditale per lavorarsi […]’.

ĦOMMOS     Ċiċri ħamrani.  (D)  ĦEMŻA  Fagioula. ĦEMMESIJA  luogo che produce fagiuoli. Skont l-istess sors: meta kienu jbigħu l-ħommos il-bejjiegħ kien jgħid: ‘Ċiċri jew ħommos?’

ĦONDOQ    Ara: ĦANDAQ.

ĦORBAN     (D.) Wieħed li jkun maħrub. Tal. fuggitivo.

horgam
Ħajr: Mużew tal-Kapuċċini, Florjana

ĦORĠA    Xkora li kienet tinġarr fuq l-ispalla biex jintrefgħu fiha oġġetti tal-ikel u affarijiet oħra. Din l-ixkora tal-għażel kont taraha l-aktar fuq spallejn xi patri jew fra Franġiskan li kien idur it-toroq tal-irħula u l-ibliet jittallab għall-ikel. G. P. Badger (1838) jgħid li l-ħorġa kienet tkun twila mat-tliet metri, u kienu jilbsuha l-aktar in-nies tax-xogħol tal-ġebel. Ara:  ĊERKATUR / ĊIRKATUR.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAĦORR   1. Aġġ. li jirriferi għal xi ħadd liberu, bniedem ħieles. A. de S. iżid li din il-kelma sservi ta’ appellattiv għal bniedem ta’ unur, jew bniedem nobbli. Skont M.A.V. (1796) dan hu appel. li jgħodd għal xi ħadd tal-affari tiegħu u onest. ĦORRA  Aġġ. fem. għal mara tal-galbu, mara safja u verġni. M.A.V., fit-traduzzjoni tiegħu ta’ Storja tas-Sultan Ċiru (oriġ. miktuba mill-kittieb Franċiż Charles Rollin), jgħid hekk: ‘[] Ħaġa aktar ħorra u ta’ ġieħ kbir […]’ L-istess aġġ. insibuh fil-ktieb ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli (1937): ‘[…] Verna (kienet) tifla sewwa, mistħija u ta’ qalb ħorra […]’ (2001, p. 67). Qawl: Fiż-żwieġ tfittixx is-sorra, fittex xebba fqira u ħorra. 2. Il-kelma tista’ tirriferi wkoll għal art ta’ bla piżijiet, art li ma hi ta’ ħadd. L-inħawi fejn inbena ċ-ċimiterju tal-Addolorata huma magħrufa bħala Tal-Ħorr. TAMAR TAL-ĦORRA  Tamar li jintgħażel waħda waħda u li mhux artab jew magħqud bħal taċ-ċappa. Sors: E.S.I. 

ĦORROX  BORROX    Espr. li tirriferi għal xi pjan jew xogħol li jsir kif ġie ġie u ta’ malajr. Qawl: F’xogħol ta’ ħorrox borrox l-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox. Sors: E.S.I.

ĦOXB/A    Travu twiel u sod; lasta; stanga, bastun ta’ rfigħ eċċ. Raġel b’saħħtu. ĠEJŻA. IL-ĦOXBA  Ara: FOXXA, IL-. Sors: V. B. 1900.

ĦOŻŻA   Ċinga jew qafla li tintrabat madwar il-qadd biex jinqafel il-qalziet, l-aktar dak ta’ taħt. Idj. beda jerfa’ ħożżtu – jiġ., beda jagħmel ta’ rasu u ma baqax jisma’ milli jgħidulu. Ngħidu, ‘donnu ħożoż’ – jiġ., liebes żmattat. Qawl: Mhux kull ħożża tistor il-bażwa. Sors: Idjomi Maltin ta’ Karmenu Fenech.

ĦRAJWA    Diminuttiv ta’ ħarja. Fl-antik dan kien appel. li jingħad għal xi ħadd li għadu żgħir u ma jaf jagħmel xejn. Sors: M.A.V. (1796).

ĦRAM   Dnub; xi ħaġa pprojbita jew kontra l-liġi; tabù. A. de S. jispjega din il-kelma bħala ‘skomunika’, u jżid dan il-qawl: Il-ħram imur fid-dlam. Dawk morda bid-dijabete kienu jgħidu, ‘Għalija l-ħelu ħram.’ Bl-Għarbi, ħram ifisser xi ħaġa pprojbita li jekk tagħmilha jew teħodha tkun qiegħed tagħmel dnub kontra t-twemmin Musulman. Anki V. Busuttil (1900) jispjega dan in-nom bħala dnub.

hruq tat-santantnin0ĦRUQ TA’ SANT’ANTNIN  Il-Ħruq ta’ Sant’Antin (Lat. Herpeszoster, Ing. shingles) hi dik l-infjammazzjoni li tista’ tfeġġ f’postijiet tal-ġisem, eż., fuq id-dahar, fil-wiċċ u fuq il-għonq. Il-marda hi kkważata mill-vajrus, Varicella zoster, l-istess vajrus li jikkawża il-ġidri r-riħ, u li jibqa’ ma jmur qatt mill-ġisem. Dan il-vajrus ‘rieqed’ kapaċi jerġa’ jattiva ruħu fil-ġisem u jinfexx fil-Ħruq ta’ Sant’Antnin. L-ewwel sintomu huwa l-ħakk, u ftit jiem wara jibda jidher faxx ta’ tikek ħomor. Sant AntninAktar tard jidhru wkoll bżieżaq żgħar b’likwidu safrani. Wara xi ġimgħa, il-feriti jibdew jinxfu, biss l-uġigħ jista’ jibqa’ jinħass sa ġimgħat wara minħabba li l-vajrus ikun attakka n-nervituri li jibqgħu ffjammat. L-isem ta’ din il-marda ingħata l-ewwel darba mill-patrijiet ta’ Sant’Antnin fi Vienne, Franza meta fis-sena 1095, in-nies ta’ din il-belt sofrew minn din il-marda. Fl-ikonografija Sant’Antnin (il-Kbir, jew l-Eremita), il-protettur kontra din il-marda, jidher ħafna drabi b’ħanżir ma’ ġenbu għaliex skont l-istorja, il-feriti kienu jkunu ttrattati bix-xaħam tal-majjal. Il-ħruq ta’ Sant’Antnin jista’ jkun rif. wkoll għal aktar minn marda waħda partikulari. Waqt li fi Franza u l-Ġermanja dan l-isem jirriferi għall-ergotiżmu, fl-Ingilterra u fl-Amerika l-Ħruq ta’ Sant’Antin jirriferi għall-marda magħrufa bħala Ersysipelas, (qbl. RSIEPLA). Ara: ‘Ħruq Ta’ Sant’Antnin’, Dr. Peter Ferry, Flimkien, Frar, 2012, p. 29; www.sanfrangisk.com. Ara: ĦŻIEŻA.

ĦTENT  IL-MARA     (D.)  Mill-perspettiva tal-mara miżżewġa, il-ħtent hi oħt ir-raġel tagħha. Intant, F.Vella (1831) jagħtiha bħala daughter-in-law.

huggiegaĦUĠĠIEĠA TA’ SAN ĠWANN     Din il-ħuġġieġa ssir lejliet il-festa ta’ San Ġwann il-Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni, jiġ., lejliet l-24 ta’ Ġunju. L-oriġini tal-ħuġġieġa hi pjuttost oskura. Fi żmien l-Ordni, il-ħuġġieġa kienet tagħmel parti mill-mixegħla ta’ fjakkli, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet. Sa ftit żmien ilu, fil-ħuġġieġa kienu anki jlibbsu pupu maħdum mit-tiben, b’ilbies tat-tfal u jitfgħuh fin-nar biex jaqbad. Dan kienu jgħidulu TRAJBU. Hemm leġġenda ħelwa dwar l-oriġini tal-ħuġġieġa marbuta ma’ San Ġwann il-Battista, li tgħid hekk: Il-Madonna marret iżżur lil Santa Eliżabetta biex tarrafha li se jkollha tarbija. Billi dawn it-tnejn kienu tqal fl-istess żmien – Santa Eliżabetta tqila bit-tarbija li kellha tkun San Ġwann il-Battista – u kienu joqgħodu ’l bogħod minn xulxin mhux ħażin, ftehmu li meta waħda jew l-oħra telled, din tqabbad ħuġġieġa biex turi li t-twelid tat-tarbija kien seħħ. Hekk sar, għaliex meta Santa Eliżabetta kellha lil San Ġwann, din xegħlet ħuġġieġa biex il-Madonna tkun mgħarrfa li hi (Santa Eliżabetta) kellha tarbija. San Ġwann il-Battista għammed lil Kristu fix-xmara Ġordan.

huggiegea

ĦUNA     Minn aħħ, li hu l-Malti antik għal, ħu – waqt li mdorrijin ngħidu, ħija – jiġ., l-aħħ tiegħi – insibuha diffiċli li ngħidu ħuna – l-aħħ tagħna – billi nagħmlu s-suffiss pronominali kif suppost. Dan kien il-mod kif l-aħwa kienu jgħidu ‘dak l-aħħ tagħna; dak ħuna. (D.) il nostro fratello. Sors: Damma.

ĦURĦARA     Nifsijiet b’ħoss li jkunu ħerġin b’ċertu sforz mill-pulmun. Inħir mill-grieżem meta wieħed ikun qiegħed ibati biex jieħu n-nifs. Ngħidu, ‘dak it-tifel għandu l-ħurħara’. Espr. ‘Il-ħurħara tal-mewt’, jiġ., il-ħoss tan-nifs tqil li bniedem jieħu meta jkun wasal f’tarf ħajtu.

ĦURTAN   Pjanta selvaġġa komuni li tikber fil-kampanja, l-aktar fir-rebbiegħa. Is. xj. Bromus hordaceus, jew Serrafalcus mollis.

ĦUTTAB/A    Persuna, raġel jew mara, li xogħolha kien li ssib is-sieħeb jew is-sieħba addattat/a lil dik il-persuna li tixtieq tiżżewweġ. Il-ħuttaba setgħet tirrikmanda ġuvni jew tfajla għaż-żwieġ lill-ġenituri, u dawn imbagħad jiddeċiedu huma jekk ir-relazzjoni għandhiex iseħħ. Il-ħuttaba kienet tinvestiga bir-reqqa il-karattru tal-persuna kif ukoll l-familja tagħha, biex tkun taf jekk din il-persuna hix ta’ karattru sew, jew jekk hix tat-tajjeb. Ta’ xogħolha il-ħuttaba kienet titħallas. Intant, sa nofs is-seklu għoxrin kien għad hawn bostaħuttaba, għax sa dak iż-żmien bosta ma kinux iħossuhom komdi u moralment sew li ġuvni jittanta tfajla biex jinnamra magħha, anki jekk biex jiżżewiġha. Għaldaqstant kienu jqabbdu lill-ħuttab. Dawn il-ħuttaba ġieli anki kienu jkunu mistiedna għat-tieġ. (G. Lanfranco 2017).

ĦUXLIEF    Tiben tal-ħafur, il-ħurtar u ħaxix ieħor niexef li jinqata’ biex jintefa’ taħt saqajn il-bhejjem.

ĦXEJJEX  U  ĦWAWAR  MEDIĊINALI   Il-pjanti huma l-eqdem sors ta’ fejqan li uża l-bniedem minn żmien il-preistorja. Sa ftit ġenerazzjonijiet ilu, il-pjanti flimkien mat-talb, kienu l-uniċi rimedji ta’ fejqan għal ħafna mard. Mill-pjanti kienu u għadhom isiru bosta ingredjenti tal-mediċina. Dari, din il-mediċina kienet tkun ippreparata mill-ispiżjar, (spezia bit-Tal. tfisser ħwawar) jew inkella, minn ħxejjex aromatiċi. L-Ordni ta’ San Ġwann kien ikabbar bosta pjanti mediċinali fil-fossos tal-fortizzi. Dan għaliex il-foss kien ideali, l-ewwel nett għax il-pjanti jkunu protetti mir-riħ u fl-istess ħin dawn jirċievu kwantità ta’ ilma tax-xita li jinżel mal-ħitan tal-istess swar. Barra minn hekk, il-pjanti kienu wkoll protetti mis-serq. Post sublimi għal dan l-iskop kien il-foss ta’ Sant’Iermu. Dan għaliex il-fortizza kienet tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mis-Sagra Infermerija, l-isptar tal-Ordni. Fl-1969, Carmelo Penza, il-kuratur tal-ġnien botaniku tal-Argotti, ippubblika lista ta’ 257 pjanta li jikbru f’Malta, li hu kien iqis li kellhom fihom kwalitajiet li jitrattaw il-mard jew kondizzjonijiet fil-bniedem. Ara: Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, ta’ Guido Lanfranco. The Public Gardens and Groves of the Maltese Islands ta’ Joseph Borg. (2005).  Aqra aktar: PJANTI MEDICINALI 

ĦŻIEM    1. Drapp twil li jdur mal-qadd biex iżomm il-qalziet magħfus sewwa. Speċi ta’ TERĦA. Tip ta’ ċinturin tad-drapp. 2. Ġlekk ta’ taħt tan-nisa li jżomm is-sider sod. Kurpett. 3. Il-qadd innifsu tal-ġisem ma’ fejn jintrabat il-ħżiem. 4. Ċintorin tal-ġild li jintrabat maż-żaqq tal-bhima biex iġorr it-tagħbija. TĦAŻŻEM  v. li jfisser, ippostja ħwejġu sew billi għafas iċ-ċintorin sew ma’ qaddu. Għ. ħiżam – M.  ċinturin.

ĦŻIEŻA   Infezzjoni tal-ġilda kkawżata minn fungu, li tfiġġ fi tbabar daqs munita, ġieli akbar, ġieli iżgħar. Fuq in-naħa ta’ barra, id-dabra għandha bħal ċirku aħmar u fiha dabra inqas ħamra li qisa titqaxxar fi stadji differenti. Din il-marda hi magħrufa fix-xjenza medika bħala tinea jew dermatophytosis. Dan il-fungu jista’ jittieħed minn bniedem għall-ieħor bil-mess. L-antiki kienu isibu buttuna tal-madreperla idellkuha b’biċċa lumija, jiksuha bid-drapp u jqiegħduha fuq il-ħżieża biex sal-għada din tmur. Ing. ringworm, tetter.

ĦŻUŻ    (pl. ta’ ħażż) Din il-kelma tingħad l-aktar fil-frażi ĦŻUŻ TAN-NAR. Dawn huma leħħiet ta’ beraq, jiġ., dawl li jserrep bejn is-sħab, waqt il-maltempati. Din il-frażi, li ġejja mis-Semitiku, qed tirriferi għall-istess fenomenu naturali li bir-Romanz jissejjaħ ‘sajjetti’ (Tal. saetta).

A *  B *  Ċ C D *  E F *
Ġ G H Ħ I *   J *   K *
L M *   N *   O *   P *   Q *   R *   S
 T *   U *   V W *   X *   Ż *   Z *

Jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti … iktibli….

Ara aktar:

A bejn kliem u storja      Aa ARA X'INT TGHID.jpg   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1).jpg

Paġni 256                                       Paġni 256                                     Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                 Prezz Ewro 14.95                Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.   Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.    Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.  Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796)
* (D)     DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).