i

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
 IBBLAKKA * IBLAQ / BELQI * IBRAĠĠ, TAL- * IDGĦAM / DAGĦMA * IHS * IKLIN * IKONA * ILMA ŻAHAR * IMBATT * IMBER * IMBJANK / INBJANK * IMBLOKK * IMBOKKATURA * IMBROLL * IMBULJUTA * IMBURĠAT (ara: IBRAĠĠ, TAL-) * IMGĦOBBI L- (ara: REDENTUR) * IMĦAMMED * IMNUT / MNUT * IMPAPPA / UMPAPPA * IMPASTATURA * IMPIĊĊKU * IMPJASTRU * IMPOPPA * IMPRESSED * IMPREST * IMPUSTATURA * INĊIMA * INĊIRA / ĊIRA * INĊIRATA * INĊIS * INĊIŻUR * INĊOTLA * INDANA * INDICE DEI LIBRI PROIBITI * INDIĠENA/U * INDLAJ * INDULĠENZA * INDURATUR * INFAĊĊ * INFARINAT * INFAS (ara: NFAS) * INFETTI, TAL- * INĠAZZ * INĠAZZATA * INĠIR * INĠIR, KITTIEB L- * INGALL * INGALLA * INGARA * INGARŻAT * INGAST * INGIERET / IMGIERET (ara: NGIERED) * INFLUENZA SPANJOLA, L- (ARA: SPANJOLA, L-INFLUENZA * INGLART * INGROPP * INGROPPA * INGROSSA * INKALJA (ara: INKALJATURA) * INKALJATURA * INKARINAĠĠ * INKJOSTRU * INKLELE (ara: JEKKLILE) * INKULMAR / INKOLM * INKUNABULU * INKWILIN * INKWINA * INKWIŻIZZJONI * INNU AMBROŻJAN (ara: KANT AMBROŻJAN) * I.N.R.I. *   INFASA, MARD L- *  INSINWA, L- * INSOL/JA * INTAKKAT * INTALJATUR * INTAMAT * INTAPPU * INTARS / INTERZJATURA * INTEGRATION * INTERDETT * INTERNAMENT * INTESTATURA * INTONAKU * INTRIĊĊI * INTRITA / MARŻIPAN * INVJAR / ONVJAR * INZIKKAR / IZZIKKAR * IPOĠEW * IRJAL (ara: RJAL u RJALI) * ISA * ITTRIJA * IXHEB * IXXI * IŻRAQ *  

IBBLAKKA       Ara: BBLAKKA.

IBLAQ / BELQI    1. Aġġ. li jirriferi għall-kulur iswed imħallat b’tebgħat bojod. Kulur griż. Norm. dan l-aġġ. kien jirriferi għall-kulur tal-pil tal-mogħoż jew annimali domestikati oħrajn. Kulur opak u li ma jgħaddix dawl minnu. Ngħidu, ‘ ħġieġ belqi’. Il-kulur tal-frott li jkun qed jiskura minn dak ħadrani meta dan ikun għadu mhux misjur.  2. Appel. għal sema msaħħab li jkun qed jiċċara wara l-maltemp. Sors ewlieni: E.S.I.

IBRAĠ TAL-     Lokalità fin-naħa tal-Madliena. Proprjament, il-kelma hi ‘braġ’ jiġ., munzel kbir ta’ ġebel, jew torri. II-prepożizzjoni, ‘Tal-‘, miżjuda mal-kelma turi li l-inħawi kienu xi darba magħrufa għal dan it-tip ta’ ambjent. Jeżistu lokalitajiet oħra f’Malta b’dan l-isem, pereż., lejn ir-Rabat Għawdex, il-Mosta, s-Siġġiewi u Ħal Safi. Qbl. il-verb BARRAĠ li jfisser ‘għamel borġ ġebel’, jew ‘għabba braġ fuq xulxin’. Bħala nom, BARRAĠ hu dak li jibni l-borġ, struttura għolja tal-ġebel, jew xi torri.  Qbl. IMBURĠAT  Mimli sa fuq nett. Ara: BRAĠ.

IDGĦAM aġġ. m. / DAGĦMA aġġ. fem.  Kulur karg jew skur. Eż. aħdar idgħam, jew ħamra dagħma. Kulur li jagħti fil-kannella jew kulur skur. Ara: TADAM.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Skultura fuq bieb ta’ dar, bil-monogramma IHS

I H S     L-ittri ‘IHS’ huma l-inizzjali bil-Grieg tal-ewwel tliet ittri ta’ Ġesù:  Ι Ε Σ (U Σ) –iota, eta u sigma, (IESUS). Din il-monogramma u d-disinn li jakkumpanjaha nħolqot u nxterdet fis-seklu tnax, bis-saħħa ta’ San Bernard, li kien jisħaq fuq il-glorifikazzjoni tal-isem ta’ Kristu. Dawn l-ittri kienu interpretati wkoll bħala l-abbr. ta’ Jesus Hominum Salvator – li bil-Latin ifissru Ġesù s-Salvatur tad-Bniedem. Bosta drabi, dawn it-tliet ittri jidhru fi xbieha li tinkludi r-raġġi tax-xemx. Fuq il-‘H’ ikun hemm salib u taħtu jidhru tlett imsiemer. Dan is-simbolu jidher kemm fuq il-pjaneta tas-saċerdot kif ukoll fuq l-ostja u oġġetti oħra sagri. Sors: www.newadvent.org; http://en.wikipedia.org/wiki/Christogram   

klinmages (2)

IKLIN / KLIN    1. Is. xj.  Rosmarinus officinalis. Din hi waħda mill-pjanti aromatiċi li jikbru f’Malta.  Trad., din il-pjanta kienet tintuża mhux biss għall-ikel iżda wkoll bħala mediċina, speċ. biex tfejjaq l-uġigħ taż-żaqq jew l-uġigħ tar-ras. 2. Isem ta’ nħawi bejn Ħal-Lija u l-Majjistral ta’ Birkirkara. Ing. Rosemary.

IKona MG_4105
Madonna ta’ Caraffa, fil-konkatidral ta’ San Ġwann

IKONA    Pittura sagra ta’ stil Biżantin, li kienet titpinġa ġen. fuq l-injam u li ġieli tkun iddekorata b’żidied ta’ ornamenti fil-fidda. Dan l-istil ta’ pittura kien u għadu popolari l-aktar mal-Insara Ortodossi. L-eqdem ikoni f’Malta huma dawk tas-seklu tlettax, li llum dawn wieħed jista’ jarahom fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, l-Belt (il-MUZA). X’uħud mill-ikoni ġabuhom magħhom il-Kavallieri minn Rodi fis-seklu sittax. L-aktar ikona magħrufa f’Malta kienet dik tal-Madonna ta’ Filermo, li l-Gran Mastru Hompesch ħa miegħu meta tkeċċa minn Malta. Flokha llum naraw l-ikona msejħa ta’ Caraffa. Ikona oħra magħrufa hi dik li hemm fil-kappella laterali tal-Katidral l-Imdina li x’aktarx tmur lura sas-seklu ħmistax. Ara: FILERMO MADONNA TA’. Tal. Icona. Gr. Eikon – M. Immaġini.

ilma zahar banana.JPG

ILMA ŻAHAR   Essenza tal-fjuri taċ-ċitru, jiġ., tal-larinġ tal-bakkaljaw jew tal-mandolin, li norm. tintuża biex titħallat max-xorb jew mal-ikel. L-antiki kienu jemmnu li meta wieħed ikun qiegħed ibati minn uġigħ ta’ żaqq, l-aħjar ħaġa li wieħed seta’ jixrob kienet jew te bil-lumi, inkella te jew kafè iswed bl-ilma żahar. L-ilma żahar jintuża wkoll fil-kċina biex jitħallat fit-tisjir tal-ħelu, pereż., mat-torta tal-marmorat, il-kwareżimal u ma’ ħelu ieħor. Biex issir l-essenza tal-ilma żahar jeħtieġ wiżna fjuri tal-larinġ biex dan jitħallat ma’ daqs flixkun ilma. Il-fjuri jintefgħu fil-lampik biex meta l-ilma jibda jagħli, il-fwar itella’ miegħu l-essenza taż-żahar. Il-fwar imbagħad jgħaddi minn tubu u jqattar bħala sustanza kkonċentrata u tfuħ, fil-kontenitur. Fiż-żmien, l-ilma żahar kien anki esportat minn Malta lejn Franza. Tradizzjonalment, is-sorijiet tan-Nazzarenu, iż-Żejtun, kienu magħrufa ħafna għall-produzzjoni tal-ilma żahar. Ara: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, Paul P. Borg, pp. 401-405; ‘Cibi Antichi Maltesi’ ta’ Ġ. Cassar Pullicino, Melita Historica, 1961.

IMBATT   1. Baħar imċaqlaq b’ċafċifa qawwija kkawżata mir-riħ. Sors: J.A. 2. Żiffa friska tas-sajf.  Sqal. imbatti – tip ta’ riħ minn Nofsinhar. Sors etim: A. J.  Tal. imbattimo.

IMBER   Isem ieħor għax-xahar ta’ Novembru. Dan jagħtih A. de S. Etim. Sqal. imbru jew embru.

French disembark

IMBLOKK  Kull assedju jista’ jissejjaħ imblokk.  Bil-kelma imblokk norm. nirriferu għal dak li l-Maltin infurazaw fuq it-truppi Franċiżi fl-1798, u li dam sejjer sentejn. Matul dan l-imblokk, il-Franċiżi kienu mġegħla jissakkru wara s-swar tal-Belt u tal-Kottonera, kif ukoll fil-Forti Manoel, waqt li l-Maltin assedjawhom mill-kampanja. L-imblokk kompla jissaħħaħ meta l-flotta Ingliża kienet imsejħa tgħin biex tgħasses il-kosta tal-gżejjer Maltin minn xi intervent tal-bastimenti Franċiżi, biex dawn ma jidħlux fil-Port il-Kbir. L-Imblokk tal-Franċiżi ntemm fil-5 ta’ Settembru, meta l-Franċiżi kkapitulaw uffiċjalment lill-qawwiet Brittaniċi.  

IMBOKKATURA    Fetħa li tagħti għal triq, jew il-fetħa tal-port. ġieli nirriferu għaliha bħala l-Bokka tal-Port. Ngħidu, ‘Imbokka riħ’., jiġ., ħa riħ. Etim. Tal. bocca – M. ħalq.

IMBROLL  1. Xogħol ta’ skultura fl-injam jew fil-ġebel fejn it-tarf jitgħawweġ jew jiżżerżaq ħelu ħelu minn mal-kantuniera. Xogħol bħal kanal imħaffer fit-tond, maħdum l-aktar fuq kantuniera, in-naħa ta’ barra ta’ binja. ĊANFRIN. Tal. imbroglio. M. 2. Kunjom.

IMBULJUTA    Ikla li l-ingredjent prinċipali tagħha hu l-qastan mgħolli. Norm., ir-riċetta tinkludi ċikkulata mfarrka jew imdewba fuq il-qastan u qxur tal-mandolin. L-imbuljuta tittiekel l-aktar fix-xitwa, u għandha wkoll tradizzjoni marbuta maż-żmien tal-Milied. Tal. bollita. M. mgħolli.

IMGĦOBBI, L-      Ara: REDENTUR.

IMĦAMMED   L-istess bħal Muħammed. Dan l-isem x’aktarx kien il-mod kif il-Maltin ta’ dari kienu jsejħu lill-Profeta Muħammed). Fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli, (1937) p. 100, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] Anqas il-Profeta Mawmettu ma kien jobsor b’dan … għalih l-Imħammed u Bakku kienu ndaqs […]’.

IMNUT      Ara:  MNUT.

IMPAPPA / UMPAPPA     Kelma li ġejja minn ‘pappa’, kelma tat-tfal li tfisser ħobż. Ngħidu, ‘L-ewwel il-pappa mbagħad l-impappa’ – l-ewwel il-ħobża li wieħed jaqla’ bix-xogħol tal-ġurnata, imbagħad il-pjaċiri tal-ħajja.

IMPASTATURA     Tgħaġin u twaħħil, eż., inkwatru midluk bil-ġibs qabel ma jkun indurat. Ara: KARTAPESTA.

IMPIĊĊKU   Sitwazzjoni li fiha ħafna intrigu. Tabxa jew taħwida li diffiċli toħroġ minnha. Ngħidu, ‘Għandu ħafna impiċċki.’ Sq. ’mpiccicu mit-Tal. appicicare – M. teħel, jew twaħħal ma’ xi ħaġa bit-tidlik, eż. tal-kolla.

IMPJASTRU    1. Tip ta’ ġbara li titqiegħed fuq il-ferita, eċċ, biex tfejjaq l-infezzjoni. Din tkun magħmula mid-dqiq tal-kittien u ingredjenti oħra. 2. Rif. għal kull ħaġa li tkun imwaħħla biex tissolidifika xi faċċata tal-injam, eż., fix-xogħol tad-dgħajjes eċċ. 3. Fig. bniedem li jeħel miegħek u jdejqek.

IMPOPPA     Riħ ġej minn wara l-bastiment u li għalhekk jimla l-qala’ b’mod li jimbotta faċilment il-mirkeb ’il quddiem. Espr. Riħ impoppa. Minn din il-kelma nużaw il-verb ‘ippoppa’. Eż. ippoppa sormu, jew ippoppa sidru. Din tal-aħħar hi espr. ambigwa għaliex suppost wieħed jippoppa l-warrani – biss, b’imbuttatura minn wara tista’ allura tippoppa sidrek il-quddiem, bħal ma jiġri meta r-riħ minn wara jippoppa l-qala’ ‘l quddiem. Sqal. ’mpuppa.

IMPRESSED     Kelma Ingliża li tirriferi għal xi ħadd li jaħdem fis-servizz pubbliku mal-Gvern għal perijodu taż-żmien, mingħajr ma jkun impjegat b’mod fiss. Hekk pereż., huma xi impjegati li jaħdmu bħala xufiera li jużaw il-karozza privata tagħhom għat-trasport b’xogħol – dawn  jissejħu ‘impressed’.  Oriġ., Ing. To press or force into public service, e.g. sailors. Sistema ta’ impieg li ġejja minn żmien l-Ingliżi.

IMPREST   Self. Flus imsellfa mill-Istat lil xi ħadd biex jgħinu jorganizza l-kummerċ tiegħu. Tal. imprestito / prestito.

IMPUSTATURA     Il-parti ta’ kolonna jew pilastru minn fejn tibda ħierġa l-arkata ’l barra.

IMTELLET      (Damma) Multiplikat bi tlieta. Tal. triplicato.

INBJANK / IMBJANK   1. Ħut imbjank hu ħut mgħolli mingħajr kulur, jiġ., mingħajr zalza, eċċ. 2. Spara imbjank spara tiri vojta. Tal. In bianco.  Ing. in blank.

INĊIMA   Rif. għal meta żewġ ġerrejja jaslu fl-aħħar tal-korsa flimkien, bħal f’xi tiġrija taż-żwiemel. Rif. għall-għoli ta’ żewġ muntanji, jew għoljiet li bejn wieħed u ieħor huma tal-istess daqs. Ara: RIĦ IMB’RIĦ.

INĊIRA / ĊIRA   Tip ta’ xema’ tan-naħal li fl-antik kien jintuża biex jissiġilla l-ittri. Biż-żmien l-inċira kienet titħallat bil-kulur aħmar (nogħra, Ing. vermilion) u wara anki b’kuluri oħra. Tal. cera – M. xema’.   

incira

INĊIRATA    Mantell jew simili magħmul minn drapp impermeabbli li jintlibes jew jintefa’ fuq ir-ras u l-ispallejn biex jilqa’ kontra x-xita. L-isem antik għar-raincoat. Tal. incerata, impermeabile per marinai ecc.

incis x.jpg

INĊIS    Mill-Ing. inches. Roll, bħal żagarella li jkejlu bih. Oġġett li bih jitkejjel it-tul u l-wisa’ ta’ diversi oġġetti fid-dar, eż., drapp, ilbies, tul jew ħxuna ta’ bniedem, xogħol fl-injam jew xogħol fil-ġebel, bħal kmamar, madum, twieqi, bibien eċċ. Ing. Inches jew inch tape.

INĊIŻUR   Ħaddiem tas-sengħa li jinċidi, jiġ., jonqox bl-iskalpell b’mod fin, disinji jew kitba fl-irħam, fil-ġebel, fl-injam u fil-metall. Dan hu xogħol simili għall-intaljar li jsir mill-intaljatur. Wara, ix-xaqq maħdum mill-inċiżur, ġieli jkun mimli b’irħam jew materjal ieħor, u b’hekk isir xogħol tal-interzjar biex isebbaħ. Ara: INTARS.

INĊOTLA   Avverbju li norm. jingħad fil-frażi ‘ħallewh inċotla’ – jiġ. ħallewh mingħajr ma jitħarrek. Espr. ‘baqa’ inċotla’ – jiġ., baqa’ waħdu, jiċċassa, mingħajr ma jiċċaqlaq la naħa u lanqas oħra. Baqa’ b’xiber imnieħer. Spiċċa abbandunat minn kulħadd. Etim. Tal. in ciotola – M. il-ħofra ta’ ċurkett li fiha tkun ingastata l-fossa.

INDANA   1. Filliera, ringiela, pereż., ta’ siġar jew dwieli li jkunu mħawla apposta b’dak il-mod. Tal. andana – M. passaġġ bejn is-siġar. 2. Ringiela ta’ bastimenti ankrati ħdejn xulxin. 3. Pjattaforma fi stazzjon tal-ferroviji. 4. Fetħa fit-taraġ li ħafna drabi tkun angolata mal-ħajt. Il-passaġġ żgħir li jgħaqqad sett ta’ turġien ma’ ieħor fl-istess binja. Terminu li jintuża’ għall-kobor tal-bini, bħal meta ngħidu,‘dar b’erba’ indani’. Ing. landing. Ara: RAĠĠIERA INGLIŻA.

Term. li jintuża’ għall-kobor tal-bini, eż., ‘dar b’erba’ indani’.  7. Xorok tal-bejt imserrħa fuq travi tal-injam.

IndanaCF0384.JPG
indana xx.jpg

indici liborium 2.png

INDICE DEI LIBRI PROIBITI    (Magħruf ukoll bħala Index Librorum Prohibitorum).  Il-lista li l-Knisja Kattolika kienet tippubblika, ta’ kotba oġġezzjonabbli u pprojbiti. Din il-lista kienet stabbilita fl-1558, u kienet tkun ippubblikata minn żmien għall-ieħor sa bosta sekli wara. L-awtorità li kienet tirregola din il-lista kienet imsejħa La Congregazione dell’Indice. Fost il-kotba pprojbiti kien hemm dawk li ħaduha kontra t-twemmin u t-tagħlim uffiċjali tal-Knisja Kattolika. Il-lista kienet tinkludi wkoll dawk il-kotba li kienu nkitbu biex jikkritikaw jew iżebilħu lill-Papa jew lill-ġerarkija tal-Knisja u l-amministrazzjoni tagħha. Fost il-kotba pprojbiti kien hemm 45 verżjoni tal-Bibbja; id-Decamerone; u ħsibijiet filosofiċi u ta’ tagħlim xjentifiku ta’ Galileo Galilei. Kien hemm ukoll kotba li għandhom x’jaqsmu ma’ Malta, bħall-ktieb ta’ Vertot, li kien jittratta l-istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan għaliex fil-ktieb tiegħu, Vertot kien ikkritika mhux biss l-Ordni imma anki l-Papa, li kien (u għadu) il-kap suprem tal-Ordni. Min kien jinqabad b’dawn il-kotba kien jinġieb quddiem l-Inkwiżitur u seta’ jeħel il-ħabs, multa, jew skomunika mill-Knisja Kattolika. Il-kotba pprojbiti kienu jkunu kkonfiskati u anki maħruqa fil-pubbliku. Fost awturi oħra li kellhom ix-xogħlijiet tagħhom ipprojbiti mill-Knisja kien hemm Koperniku, Daniel Defoe, Alexandre Dumas, Graham Greene u, fi żminijiet aktar riċenti, it-Taljan Alberto Moravia. L-Indice Dei Libri Proibiti kien imneħħi mill-Knisja fl-1966. Ara: Patriotism, Deception and Censorship ta’ Robert Thake, pp. 27-29.      

INDIĠENA/U    Terminu li jiddefinixxi ttip ta’ flora u fauna li minn dejjem kienu jikbru f’reġjuni partikulari, b’mod naturali u mhux għax introdotti mill-bniedem. F’Malta nsibu bosta pjanti u annimali li kienu u għadhom jikbru fl-abitat naturali tagħhom. Fost il-flora li tinsab f’Malta, hemm mas-seba’ mitt pjanta li minn dejjem kienu jinstabu lokalment. Eż. ta’ dawn hemm is-siġra tal-fraxxnu, is-siġra tal-ballut, l-għargħar, iż-żnuber u r-rand. Bħala fauna kien hawn mammiferi li spiċċaw estinti qabel ma wasal l-ewwel bniedem, bħall-iljunfant nanu., eż., l-Elephas anticus, l-Elephas falconeri u l-Elephas mnajdrensis. L-għadam ta’ dawn instab f’bosta għerien u xquq fil-blat ta’ Malta u Għawdex, inkluż Għar Dalam.  Ara: ENDEMIKU/A.  Ara: Flora u Fauna Ta’ Malta, ed. Joe Sultana.

INDLAJ     Qajl qajl, bil-mod il-mod, mixja b’pass meqjus. Tingħad meta x-xogħol li jkun ordnat li jsir ikun qiegħed jinħadem bit-tnikkir. Ngħidu, ‘Mar lura d-dar indlaj indlaj.’ Sqal. ’ndilaiu. Tal. dilaiare – jiġ., tawwalha żżejjed, ħadha fit-tul. Minn din il-kelma ħareġ il-verb tlajja.

INDLUSIJA      M.A.V. (1796) jagħti din il-kelma bħala l-isem li l-Maltin kienu jseħju Andalusija. Fl-antik Malta kellha bosta kummerċ ma’ dan ir-reġjun fi Spanja.

Indulgenza MG_0467

INDULĠENZA  Għotja ta’ grazzja mill-Isqof jew mill-Papa biex dawk li jkunu qerrew u qed jgħixu fi stat ta’ tjubija spiritwali tonqsilhom il-piena tad-dnubiet tagħhom. L-istat ta’ indulġenza jdum għal ċertu limitu ta’ żmien. Fl-antik, l-indulġenza kienet tingħata wkoll lil dawk li jagħmlu pellegrinaġġi lejn xi santwarji partikulari. F’Malta tara ħafna niċeċ fejn taħthom hemm iskrizzjoni li fiha tħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu talba quddiem in-niċċa biex jaqilgħu indulġenza li sservi għal diversi jiem. Fl-1517, Luteru, il-qassis u teologu Ġermaniż, kien ħaqqaqha bl-ikrah mal-predikatur Dumnikan Johann Tietzel, dwar il-prattika li l-indulġenzi setgħu ‘jinxtraw’ mill-fidili Insara. Il-kwistjoni tant kibret illi fl-1520, Luteru spiċċa skomunikat mill-Knisja. Din kienet ix-xrara li kebbset lill-parti l-kbira tal-Insara fiċ-Ċentru u t-Tramuntana tal-Ewropa, u li wasslet li bosta pajjiżi nfirdu minn mal-Knisja Kattolika Rumana u jħaddnu t-twemmin Luteran / Protestant.

induratura.JPG

INDURATUR   Wieħed li x-xogħol tiegħu hu li jiddekora oġġetti u għamara biż-żebgħa jew folji tad-deheb. Fost ix-xogħlijiet l-aktar maħduma minn dan l-artiġjan, wieħed jista’ jsemmi l-induratura tal-arloġġi tal-lira, jew inkella tal-gwarniċi u għamara oħra. L-akbar xogħol ta’ induratura li qatt saret f’Malta, kien bla dubju ta’ xejn il-kisi tal-ħitan interni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta.

INFAĊĊ     Minn quddiem, mid-direzzjoni tal-faċċata. Ngħidu, ‘Il-ġifen salpa bir-riħ infaċċ’.

INFARINAT    1. Miksi bid-dqiq;  eż., il-ħut qabel jinqela fit-taġen ikun infarinat. 2. Fig. Xagħar tar-ras tal-bniedem li jkun mimli bis-subien jgħidulu infarinat. Tal. farina – M. dqiq.

INFAS   Ara: NFAS.

INFASA,  MARD  L-     Ara: GOTTA .

INFETTI, TAL-    Rif. għall-isptar fir-Rabat, Għawdex, fejn kienu jinżammu l-morda b’mard infettiv. Ċimiterju, bħal dak ta’ Birkirkara u dak li jinsab ’l isfel mill-Imdina, fejn indifnu dawk li mietu b’mard infettiv. L-isem jirriferi wkoll għall-inħawi tal-madwar. Dwar dan tal-aħħar, Joe Barbara kiteb fuq facebook:[…] Dan iċ-ċimiterju kienu jieħdu ħsiebu sew, almenu sa mitt sena ilu. Waqt l-imxija tal-Influenza Spanjola kienu bosta li ndifnu hawn. Imbagħad iċ-ċimiterju ġie abandunat u żdingat. Kien hemm min, minn żmien għall-ieħor ħa ħsiebu u anki sar xi tentattiv biex ikun irresawrat. Biss jidher li kien hemm anki żmien li xi wħud ivvandalizzaw l-oqbra […].’ Ara:  PESTA ,  KOLERA.

INFLUENZA  SPANJOLA, L-     Ara: SPANJOLA, L-INFLUENZA.

INĠAZZ     Stat ta’ oġġett iffriżat. Appel. li jingħata lil xi ħadd ta’ karattru antipatiku għal l-aħħar. Ngħidu, ‘Kemm int inġazz!’ Bniedem kiesaħ jew dardira. Bniedem besqa. Sqal. ghiazzu.

INĠAZZATA    Tip ta’ xarba friska mħallta bis-silġ imfarrak, li kienet tisserva fid-djar, fis-sħana tas-sajf. Din ix-xarba jsemmiha Agius de Soldanis f’wieħed mid-‘Djalogi’ tiegħu, li kiteb apposta biex juri kif l-ilsien Malti ta’ żmienu kien mitkellem u miktub. Fid-djalogu titkellem mara sinjura li tkun qiegħda toffri xarba lil ħabibitha, meta din maret għandha: ‘[…] Chu l-engazzata u eschrobha […].’ U l-oħra tweġibha, ‘[…] Ma hhobbx tal-Limunata, niehu men tal-Leus […]’ Ara: De Soldanis – An Eighteenth Century Intellectual, ed. Godwin Vella u Olvin Vella, p. 108.

INĠINOKKJATUR     Ara: ĠINOKKJATUR.

INĠIR   1. Bid-dawra, fid-dawra, fl-inħawi tal-madwar. 2. Fil-mument li jmissu dak li jkun. Kelma li tingħad waqt logħba tat-tfal żgħar, fejn dawn, waqt li jżommu jdejn xulxin, flimkien jiffurmaw ċirku.  Flimkien dawn ikantaw hekk:

                      Bumm bumm il-bieb, inġir inġir unġella;
                      Bumm bumm il-bieb, inġir, O Kavallier.

INĠIR     3.    (D) Kelma oħra għall-Vanġelu. Ara: ENĠIEL.

INGALL   Qasma fil-parti l-aktar għolja tal-ħajt fejn is-saqaf iserraħ fuqha. Sqal. ngagghiarei, conetter, incastrareCalettare.

INGALLA     v. Iffertilizza l-bajda. Ngħidu, ‘bajd ingallat’. Tal. gallatura minn gallo – M. serduk.

INGARA   Rif. għal sitwazzjoni skomda, jew inkella għal oġġett ta’ toqol. Xi ħaġa ta’ inkonvenjent jew li qiegħda fin-nofs, b’mod li tfixkel. Din il-kelma tintuża minn Ganado f’Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, fejn il-bidwi lill-awtur jgħidlu li ma ġablux tiġieġ bħala KARNAĠĠ minħabba l-ingara, jiġ., biex jevita l-iskomdu tal-ġarr. Ngħidu, ‘din l-ingara xi tridha?’ jiġ., dan l-iskomdu xi tridu? Il-Hierolexicon ta’ Magri (1785) jgħid li din il-kelma tfisser, impozizione ingiusta. Sqal. angaria, molestia.

INGARŻAT    Appel. dwar xi ħadd li jkun iffissat fuq xi persuna oħra; appel. għal xi persuna li qed tgħix ma’ xi ħadd barra ż-żwieġ. Qawl: L-imħabba tal-ingarżament tegħleb lil tas-sagrament. Sqal. Ingarzamentu, M. konkubinaġġ.

INGAST   Tqegħid ta’ xi oġġett biex jimla l-vojt bejn ġebla u oħra bi preċiżjoni kbira.  Ngħidu, ‘ingasta ċ-ċurkett bil-fosos’. Tal. incastro. Sqal. ingastatura. Ingastari.  Sors etim: J. A. u E.S.I.

imgiretvincent.jpg

INGIERET / IMGIERET  L-inħawi ta’ bejn Ħal Qormi u Ħal-Luqa. Illum il-kelma tirreferi l-aktar għall-kumpless kbir tad-dar tax-xjuħ li jinsab f’dan il-lokal, magħruf bħala St. Vincent De Paule. Dan inbena apposta bħala dar għall-anzjani fl-1880 u baqa’ jiġi żvilluppat sal-lum. Kont tismagħhom jgħidu, ‘Dak għax ma jmurx l-Imgieret!’ – kumment dispreġġattiv dwar xi ħadd kbir fl-età, u li żmaga u mhux kapaċi aktar jaħseb u jirraġuna. X’aktarx il-kelma Ingieret hi l-pl. ta’ Nigret, li tfisser wieħed iswed jew samrani.

INGLART    L-isem li fl-antik bosta Maltin kienu jsejħu lil Ingilterra.  Etim. England. (M. Dimech 1901.)

ingroppc.jpg

INGROPP    1. Dik il-parti tal-injam, tavla jew serratizz, li tifforma bħal għoqda ibsa aktar mill-bqija, u fejn il-vini tal-injama ma jkomplux isegwu l-fil tagħhom. L-ingropp jagħmilha diffiċli li taqta’ l-injama b’serrieq u lanqas ma tkun tista’ tinċanah faċilment. Kelma oħra għal ingropp hi GĦAKSA. 2. Fil-kummiedja, ‘It-Tliet Għomi Vagabondi Ħallelin’, (1891), l-awtur P. P. Castagna jagħti d-direzzjoni lill-atturi biex: ‘[…] Jaqgħu ingropp fl-art, miskin hu min jiġi taħt […]’. Ara: Marco Galea, It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 219. Fig. Intopp. Ngħidu, ‘fil-ħajja kultant tiltaqa’ ma’ xi ingropp’, jiġ., ostakolu jew intopp. Oriġ. Sqal. ’ngroppu. Tal. groppo.

INGROPPA    Il-parti warranija ta’ dahar il-ħmar fejn jirkeb ir-rikkieb. L-istess parti anatomika, li tinqata’ fil-biċċerija biex tinbiegħ għall-ikel. Kienu jgħidu, ‘dak gġandu annati fuq l-ingroppa!’ Oriġ. Sqal. ’ngroppa.

INGROSSA    Tingħad meta nirrefiru għal bejgħ bl-ingrossa – jiġ., bejgħ ta’ oġġetti fi kwantità kbira.  Bejgħ bl-ingrossa – bejgħ li jsir norm. mill-GROSSIST (bejjiegħ tal-oġġetti bil-kwantità) lill-bejjiegħ tal-ħanut. Dan tal-aħħar ibigħ bl-IMNUT. Tal. commercio al ingrossa (Ing. wholesale).

INKALJATURA    1. Tisjira, bħal pereż. tal-karawett jew tal-kafè fil-forn, jew fid-dixx fuq in-nar. Fig. inkaljatura fix-xemx – meta wieħed ikun espost għal ħafna ħin għar-raġġi tax-xemx. Sqal. claiatura. 1. Sqal. caliari – tixwi.

INKARINAĠĠ   Xogħol ta’ tqalfit u raxkar li jsir fuq il-bastimenti jew id-dgħajjes minn żmien għal ieħor. Wara li ssir din l-operazzjoni ta’ tindif u t-tqalfit miż-żebgħa qadima u l-koċċli, il-qiegħ jingħata passata ġdida bil-qatran. Ara:  TQALFIT.

inKarinagg tqalfit.JPG

INKJOSTRU    1. Flixkun norm. żgħir, jew kontenitur ieħor bil-linka li fl-antik kien jintuża biex iżomm il-linka fih. B’hekk min jikteb kien ibill il-ponta tal-pinna fl-inkjostru biex din tixxarrab bi ftit linka, biżżejjed biex wieħed jikteb biha ftit versi. 2. Linka li tintuża biex tindilek fuq ir-romblu tal-istampar. Tal. inchiostro.

INKULMAR / INKOLM    1. Term. tal-kostruzzjoni. Dan hu l-proċess biex jimtela l-ispazju ta’ bejn ġebla u oħra b’feles magħmul minn ġebla li timla l-vojt. Tista’ tinkolma wkoll b’materjal ieħor li jgħaqqad ġebla ma’ oħra. 2. Id-daqqa biz-zappun fuq it-tarf tal-ġebla biex din toħroġ minnha feles bejn żewġt iċnagen. Tal. colmo.

inkunabulux.jpg

INKUNABULU   Ktieb antik mitbugħ fl-ewwel żminijiet wara l-invenzjoni tat-tbigħ, jiġ., minn madwar l-1440 sa  l-1500 W.K.  Fil-Bibljoteka Nazzjonali tal-Belt hemm diversi kotba li huma meqjusa bħala incunabula. Fost dawn insibu HORATIUS cum interpretatione Christophori Landini, Venetiis, 1486. u MISSALE secundum. consuetudinem Romanae Curiae, Venetiis, ta’ Franciscum Renner de Hailbrun, (1481). Lat. Incunabula –   Incuna + bulum. M. ħwejjeġ tal-nieqa. Sors: Biblioteka Nazzjonali ta’ Malta.      

     

INKWILIN   Term. leg. li jirriferi għal dik il-persuna li tkun qiegħda tgħix b’kera fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. Tal. inquilino.

inkwina 1.JPG

INKWINA   Il-ħadida ta’ ċerta ħxuna u saħħa li tintuża mill-ħaddied biex fuqha jimmartella u jagħti l-forma lill-ħadid kif hemm bżonn. Dan ix-xogħol isir hekk kif il-ħadida tkun għadha ratba bis-sħana, appena toħroġ mill-forġa. L-inkwina jkollha tarf jew truf li ġej/jin fit-tond dejjaq u għal ponta. Il-virga tal-ħadid tkun tista’ titgħawweġ ma’ din il-forma tonda. L-oġġetti tal-metall li jinħadmu fuq l-inkwina jistgħu jvarjaw minn affarijiet żgħar, bħalma hi nagħla ta’ żiemel, sa affarijiet ħafna akbar, bħal poġġaman tat-taraġ, twieqi u bibien tal-ħadid. Ing. anvil. Espr. ‘bejn il-mazza u l-inkwina’ – tingħad biex tirriferi għal sitwazzjoni fejn bniedem jinqabad bejn żewġ forzi li jistgħu jagħmlulu l-ħsara. Ara:  FERROBATTUTO.

inkwizuisitors palace

INKWIŻIZZJONI   L-inkwiżizzjoni daħlet uffiċjalment f’Malta fl-1561, meta l-Isqof ta’ Malta, Domenico Cubelles, beda jservi wkoll ta’ Inkwiżitur. Imbagħad, fl-1574, il-Papa Gregorju XIII bagħat lil Mons. Pietro Duzina biex jagħmilha ta’ Inkwiżitur u ta’ delegat appostoliku f’Malta, b’kariga superjuri minn dik tal-Isqof. Id-dover tal-Inkwiżitur kien primarjament li jassigura li t-twemmin Nisrani f’Malta, kien miexi skont dak stabbilit fil-Konċilju ta’ Trento (1545-1563). Bejn l-1561 u l-1798, kien hawn f’Malta b’kollox 62 inkwiżitur, li minnhom, 24 laħqu kardinali. Tnejn minn dawn il-kardinali mbagħad, ġew eletti papiet. Dawn kienu l-Inkwiżitur Fabio Chigi, li meta kien elett bħala l-Papa sar Alessandru VII, u l-Inkwiżitur Antonio Pignatelli, li meta laħaq bħala l-Papa sar Innoċenz XII. L-inkwiżitur kien jgħix u jamministra fil-palazz tiegħu l-Birgu. Fl-1625, l-Inkwiżitur Visconti bena palazz żgħir fil-kampanja fin-naħa tal-Fawwara, mhux wisq ’il bogħod mill-Buskett bħala post ta’ vileġġatura. L-aħħar Inkwiżitur spiċċa mkeċċi minn Malta flimkien mal-Kavallieri tal-Ordni, minn Napuljun fl-1798. Ara: Storja tal-Inkwiżizzjoni F’Malta, Vol. 1, ta’ Alexander Bonnici, 1990; The Prison Experience at the Inquisitors Palace Vittoriosa (2004); The Inquisitors Palace Vittoriosa (2003); Torture and the Inquisition (2004), kollha ta’ Kenneth Gambin, (Heritage Malta); The Roman Inquisition in Enlightened Malta, ta’ Frans Ciappara PIN 2000.   

INRI04.jpg

I.N.R.I.   Dawn l-ittri jidhru bosta drabi fuq xi xbieha jew statwa tal-kurċifiss. Bil-Latin, dawn l-ittri jfissru: Iesus Nazarenus, Rex Iudaeorum, jiġ., Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud. Skont il-Vanġelu ta’ San Ġwann, dawn l-ittri tqiegħdu b’ordni ta’ Ponzju Pilatu, fuq is-salib biex iżebilħu lil Kristu, akkużat li ried isir Sultan tal-Lhud. 19: 19-20.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

(L)-INSINWA  Ir-reġistru tal-atti pubbliċi notarili fejn jiġu insinwati atti legali. Fl-1865, il-Gvernatur Sir Gaspard Le Marchand, kien ordna li l-isem ta’ kull min jitwieled, jiżżewweġ jew imut, kellu bilfors jiġi rreġistrat mill-awtoritajiet ċivili f’dan l-uffiċċju. Sa dak iż-żmien, ir-reġistrazzjoni kien f’idejn il-kappillani tal-parroċċi. Fl-1889 inħoloq uffiċjalment, ir-Reġistru Pubbliku li ħafna Maltin jafuh bħala l-Insinwa. Għal ħafna snin l-Insinwa kienet f’binja sabiħa u kbira fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta fejn qabel kien hemm l-Università (l-amminstrazzjoni tal-Belt Valletta msejħa hekk). Dawn l-aħħar snin, dan l-uffiċċju jew dipartiment, żdidulu funzjonijiet oħra, fosthom, ir-reġistrar tal-unjoni ċivili, applikazzjoni għall-viża, passaporti u reġistrazzjoni ta’ barranin li jgħixu f’Malta, kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ addozzjonijiet. Dawn kienu fergħat separati biss, illum saru dipartiment wieħed magħruf bħala, Identity Malta. Id-dipartiment biddel postu bosta drabi. Illum jinsab il-Marsa. Fergħa oħra tinsab ir-Rabat, Għawdex.  Etim. Tal. insinuare: Iddeffes, tinkludi.

INSOL/JA    Tip ta’ għenba jew dielja li tieħu ħafna ismijiet, skont fejn tkun qed titkabbar; eż., Insolja ta’ Burnaħħala, Insolja tal-Ġnejna, eċċ. Oriġ. tal-kelma ġejja mill-isem ta’ tip ta’ għenba magħrufa bħala Inzolia, għenba li titkabbar l-aktar fil-Punent ta’ Sqallija u li minnha jagħmlu l-Marsala. Fit-Toskana din l-għenba hi magħrufa bħala Ansonica. Dan l-għeneb jagħmel inbid abjad jew safrani, kemm ħelu kif ukoll ‘dry’. Isemmiha wkoll M.A.V. (1796).

INTAKKAT   1. Aġġ. għal xi oġġett li ma jibqax tajjeb kif kien qabel. Ngħidu, ‘Din it-tuffieħa intakkata. – jiġ., imħassra. Rif. għal xi ħaġa maħsusa. 2. Rif. għal bniedem b’xi difett, mimsus b’xi marda, jew li għandu reputazzjoni ħażina. 3. Aġġ. għal oġġett mehmuż, eż., buttuna meħjuta jew xi tixlil. Tal. intaccare – M. għamel qatgħa żgħira jew xi arranġamenti f’oġġett; irrovina oġġett.

INTALJATUR      Inċiżur tal-irħam u l-metall jew li jagħmel xogħol simili fl-għamara. Wieħed li jnaqqax b’mod dekorattiv fix-‘xogħol tal-intall. Tal. intagliatore. Ara: INĊIŻUR.

INTAMAT   Appel. li jingħata lil bniedem li jkun kalm u indifferenti fl-atteġġament tiegħu. Bniedem bla ħeġġa għax-xogħol. Persuna fi stat mentali konfuż. Etim. mhux magħrufa.

INTAPPU   Rif. għal xi kamra jew spazju magħluq minn kullimkien. Tingħad fil-frażi ‘mimli intappu’ – jiġ., l-ispazju li wieħed qed jirriferi għalih hu mimli kollu kemm hu b’xi ħaġa jew oħra; mimli sa ruħ ommu. Ngħidu wkoll, ‘il-kamra mimlija intappu’. – jiġ., il-kamra għandha foga tal-għeluq.  INTAPPAT  Rif. għal xi flixkun jew kontenitur ieħor li jkun mimli sa fuq nett, jiġ., mimli sat-tapp.  INTAPPA   v. Sadd l-oġġett sewwa b’mod illi ma joħrġx likwidu minnu.

interzjark three 017.jpg

INTARS / INTERZJATURA    Xogħol dekorattiv fl-injam jew fl-irħam fejn il-materjal ikun infilsat b’ieħor biex jifforma disinn u jagħti dehra dekorattiva. Ix-xogħol tal-intarsjar fl-injam jinkludi disinj/i li kultant jista’ anki jkun magħmul minn materjal ieħor, bħal ma hu l-avorju. Ix-xogħol fl-irħam jinkludi bosta drabi, interzjar b’irħam ieħor ikkulurit. L-isbaħ u l-akbar intarsjar fl-irħam li wieħed jista’ jitgħaxxaq bih qiegħed fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt. L-art hi miksija b’375 qabar tal-Kavallieri tal-Ordni. Dawn l-oqbra huma kollha, b’xi mod jew ieħor, iddekorati b’xogħol fl-intarsjar ta’ kull kulur. Ix-xogħol jirraffigura oġġetti simboliċi. Tal. intarsio. Għ. tarraż.

interzjar.jpg

INTEGRATION   Fl-1956, il-Gvern Laburista ddiskuta mal-Gvern Ingliż proposta biex Malta ssir parti mir-Renju Unit, flok li tibqa’ kolonja Ingliża. It-taħdidiet sabu oppożizzjoni kbira mill-partiti politiċi Maltin l-oħra kif ukoll mill-Knisja. Waqt id-diskussjonijiet, kemm il-Gvern Ingliż u dak Malti, ma segħux isibu punti prattiċi ta’ qbil u finalment, iż-żewġ naħat reġgħu bidlu l-intenzjoni tagħhom dwar din il-proposta għax issoponew li amalgamazzjoni ma kienetx vijabli. Appena t-taħdidiet fallew fl-1958, Mintoff ħareġ bir-reżoluzzjoni opposta: ‘Break with Britain’, li fi kliem ieħor, il-Gvern Malti issa kien qiegħed jappella għal indipendenza totali mill-Ingliterra. Ara: The Origins of Maltese Statehood: A Case Study of Decolonization in the Mediterranean, 1999 ta’ Henry Frendo; Fortress Colony: The Final Act 1945 – 1964 ta’ Joseph M. Pirotta; Rajt Malta Tinbidel Vol IV, ta’ Herbert Ganado; ‘British Decolonization and Malta’s Imperial Role ta’ Stephen Howe’, The British Colonial Experience 1800 – 1964, ed. Victor Mallia Milanes, 1988, pp. 329-364.

INTERDETT   Dan it-terminu jfisser li membru tal-Knisja Kattolika jkun ipprojbit mill-istess awtoritajiet ekklesjastiċi milli jirċievi s-sagramenti. Fid-9 ta’ April 1960, l-Arċisqof Mikiel Gonzi ħareġ digriet li bih interdetta l-editur ta’ The Struggle, gazzetta Laburista, wara li dan ippubblika artiklu fil-konfront tal-Knisja, f’Marzu ta’ dik is-sena. L–animosità bejn il-Partit Laburista u l-Kurja ta’ Malta kienet ilha tinħass minn meta fl-1956, Mintoff ippropona l-idea tal-Integration mar-Renju Unit, u l-Isqof were d-disapprovazzjoni tiegħu għal dan il-pjan. Il-qiegħa kompliet tisħon F’Marzu tal-1961, meta Mintoff kien għamel rally fejn kien ikkritika bl-aħrax lil Mon. Gonzi. Dan tal-aħħar insista li Mintoff għandu jagħmel apoloġija minnufih. Din l-apoloġija baqgħet ma saretx, u fid-8 ta’ Mejju l-Isqof estenda l-Interdett fuq il-membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Laburista. Bl-Interdett mogħti, dawn il-membri issa ma setgħux jirċievu s-sagramenti, u f’każ li wieħed minn dawn imut ma setax jindifen f’art ikkonsagrata taċ-ċimiterju. Kien fil-15 ta’ Ġunju tal-1966, li l-Interdett tneħħa minn fuq il-gazzetti Laburisti. Biss, l-interdett fuq il-membri tal-Partit Laburista ġie mneħħi aktar tard, fit-13 ta’ Dicembru tal-1968. Ara: The Origins of Maltese Statehood: A Case Study of Decolonization in the Mediterranean  ta’ Henry Frendo; Fortress Colony : The Final Act 1945 – 1964 ta’ Joseph M. Pirotta;  Rajt Malta Tinbidel Vol IV, ta’ Herbert Ganado; A Chronicle of 20th Century Malta ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar, p. 275.

Internati birgu3

INTERNAMENT   F’Mejju tal-1940, jiġ., xahar qabel ma l-Italia daħlet fi Gwerra kontra l-Ingilterra u Franza, il-Gvernatur ta’ Malta, Sir William Dobbie, ħareġ ordni biex jiġu arrestati ċittadini Maltin u xi barranin li kienu magħrufa għas-simpatija tagħhom lejn il-kultura u r-reġim Faxxist Taljan. Kienu ġew arrestati b’kollox mal-120 ruħ, fosthom nies prominenti bħall-Prim Imħallef Arturo Mercieca u l-mara tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Enrico Mizzi, u Herbert Ganado, l-editur tal-Gazzetta Il-Leħen is-Sewwa. Dawn għall-ewwel kienu internati fil-Fortizza tas-Salvatur, barra l-Birgu, iżda meta dan il-post intlaqat mill-bombi tal-għadu, dawn kienu ġew trasferiti, l-ewwel lejn Kordin, imbagħad lejn il-kunvent ta’ Sant’Agata fir-Rabat. Fit-12 ta’ Frar 1942, Sir William Dobbie ħareġ ordni li biha kienu ddeportati minn Malta 43 minn dawn l-internati li intbagħtu fl-Uganda. Ara: Le Mie Vicende ta’ Arturo Mercieca, 1964. Rajt Malta Tinbidel Vol II, ta’ Herbert Ganado, 1977.  L-Internament u l-Eżilju ta’ Max Farrugia; The King’s Guests in Uganda; from Internment to Independence, 1939-1964 ta’ E. Soler, 1987.  

INTESTATURA     It-titlu prinċipali tal-aħbarijiet fil-paġni tal-gazzetta. 

INTONAKU    Ġir imbajjad mal-ħajt jew mas-saqaf, magħmul apposta biex fuqu titpinġa l-immaġini li l-pittur irid jagħmel. It-tpinġija ssir meta l-ġir ikun għadu frisk. Tal. intonaco.  Ara: AFFRESK.

INTRIĊĊI   Affarijiet jew stejjer ikkumplikati b’ħafna ħsibijiet u pjanijiet li jikkumplikaw is-sitwazzjoni. Kelma li ġejja mit-Tal. intricci li oriġ. tfisser, disinji kkumplikati. Bit-Tal. din il-kelma tirriferi wkoll għax-xogħol ta’ rbit u infilsar ta’ qasab ma’ xulxin biex isiru oġġetti, bħal qfief li fihom jinġabru jew jinġarru prodotti agrikoli. Ara: BIXKLA.

INTRITA / MARŻIPAN  Ħelu magħmul mil-lewż mitħun u mħallat biz-zokkor u l-abjad tal-bajd. Norm. il-figolli, is-sinizza u l-pasta rjali jsiru b’din it-taħlita. Sqal. ntrita – mandorle sgusciate.  Tal. tritato – M. mitħun jew imqatta’ f’biċċiet żgħar. Sors: E. S. I.   

INVJAR / ONVJAR   Term. ta’ kostruzzjoni. Ix-xogħol li jsir fuq iċ-ċnagen meta dawn jinbnew, biex il-faċċata tal-ħajt tkun lixxa u ta’ livell wieħed.

inzikkkar

INZIKKAR / IZZIKKAR   Iċ-ċaqliq tal-BEHEM (is-saba’ l-kbir) waqt il-logħob taż-żibeġ li t-tfal – l-aktar il-bniet – jagħmlu biex iqarrbu ż-żibġa lejn il-ħofra. Kull waħda mil-lagħaba tagħmel din il-mossa kemm-il darba jkun hemm bżonn biex iż-żibeġ kollha finalment jispiċċaw fit-toqba qabel dawk tal-avversarju tagħhom. Din il-logħba kienet tintlagħab fit-toroq, l-aktar fuq xi bankina jew fl-art fejn b’toqba żgħira ta’ ftit ċentimetri. Tal. azzeccare – M. tolqot bis-saba’.

ipogew xxxx.jpg

IPOĠEW, L-    Inġenerali, it-term. jirriferi għal kull post arkeoloġiku ta’ ċertu kobor taħt l-art. Fil-każ ta’ Malta, it-terminu ‘Ipoġew’ jew Hypogeum, hu assoċjat l-aktar mas-sit preistoriku li hemm ir-Raħal Ġdid. Dan instab fl-1902, waqt li xi ħaddiema kienu qed iħaffru bir għal dar li kienet qed tinbena fl-inħawi ta’ Ħal Saflieni. L-iskavi tal-post bdihom Patri Manwel Magri, Ġiżwita, bniedem istruwit sew fl-istorja u l-folklor, u wara komplihom Temi Zammit, il-kuratur tal-Mużew Nazzjonali (1906). Dan is-sit arkeoloġiku żvela il-mod tad-dfin u l-kult reliġjuż assoċjat ma’ dawk li bnew it-tempji megalitiċi (3,800 – 2500 Q.K.)  Is-sit illum hu rikonoxxut bħala Wirt Dinji Kulturali mill-UNESCO. Fix-Xagħra Għawdex, mhux wisq ’il bogħod mit-tempji tal-Ġgantija hemm ipoġew ieħor magħruf bħala ċ-ĊIRKU TAX-XAGĦRA.  Ara: MaltaPrehistory and Temples, David Trump; The Ħal Saflieni Hypogeum – Paola, Anthony Pace; The Hypogeum, Martin Morana; Malta an Archaeological Guide ta’ David Trump. 

IRJAL     Ara: RJAL u RJALI.

ISA   1. Kelma li ġen. tintuża bħala kmand biex wieħed jgħaġġel b’dak li jkun qiegħed jagħmel. 2. Kelma ta’ inkoraġġiment biex dak li jkun jisforza aktar u jagħmel xi ħaġa sewwa. Din il-kelma kienet tingħad meta ċ-ċorma tal-bastiment tiġbed flimkien il-ħabel fl-istess waqt, biex il-qala’ jinġibed ’il fuq  mal-arblu. ISA ISA  Ta’ malajr. Espr. li tintuża minn Ġużè Galea fir-rumanz, Żmien L-Ispanjoli, meta l-awtur jgħid hekk: ‘[…] Ftiehmu kollox isa isa […]’.  p. 145. Tal. isa. v. isare.

ITTRIJA   Titlu ta’ oriġini Biżantin mogħti lill-Madonna. Il-kelma Ittrija, jew Itrija ġejja minn hogitria li bil-Grieg  tfisser, ‘Dik li turina t-triq’.  Dan it-titlu għandu l-oriġini tiegħu fil-Lvant Nofsani, prob. fis-Sirja. F’Malta teżisti kappella ddedikata lill-Madonna tal-Ittrija li tinsab fuq l-għolja ta’ Binġemma.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

IXHEB   Il-kulur griż ta’ annimali domestiċi. Ngħidu, ‘żiemel ixheb’ – żiemel ta’ kulur li jagħti fl-aħmar mitfi mħallat bil-griż. Kuluri bħal dawn, li jkunu bdew jiċċaraw mill-qawwa tagħhom, l-aktar minħabba l-qawwa tax-xemx li kuljum tagħti fuqhom. M.A.V.  (1796) jagħti deskrizzjoni differenti u jgħid: ‘[…] di colore tra il giallo e il ross simile al color del giuggiolo e del zibiba […]’. Ara: XEHBIENI.

IXKAR / EXKAR    (Damma) biondetto. M.A.V. jgħid, rossigno, rufo.

IXXI  Kull tip ta’ tlellix. Oġġetti mlewna li jilagħbu bihom it-trabi jew it-tfal iż-żgħar. Ilbies li wieħed jiddandan bihom għall-okkażjoni. Kelma simili hi XEJXI. Il-kelma tingħad ukoll b’mod dispreġġjattiv, bħal meta ngħidu, ‘dak il-bniedem kollu ixxi’. – jiġ.. kollu ħmerijiet jew fittaġni żejda.

IŻRAQ  / ŻERQA    Ta’ kulur ċelesti li jista’ jagħti fil-griż. Ngħidu, ‘sema iżraq’.

        *         *          * 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti … iktibli…. mohba2016@gmail.com

Ara aktar:

A bejn kliem u storja
Aa ARA X'INT TGHID.jpg
A aBiex il-Kliem ikun Sew (1).jpg
Paġni 256                                                   Paġni 256                                                Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                                   Prezz Ewro 14.95                                  Prezz Ewro 14.95
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija kompluta tal-wirt 
storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li 
nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal-
lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,000 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal-
kultura Maltija f’livelli varji.

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.   Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.    Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.  Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796)
* (D)     DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).