f

 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

FABBRICERI * FABRIKA * FABIŻONJO/U * FAĊĊI-DI-KROPI * FAĊĊJAFARIJA * FAĠRA * FAGOZZ / FOUGASSE * FAGU * FAĦAL * FAĦAM MIBLUL * FAĦAM TAL-KANNOL / FAĦAM TAL-ĦAĠRA * FAĦAM TA’ SAN LAWRENZ (ara: DMUGĦ TA’ SAN LAWRENZ) * FAĦĦAL (ara: FAĦAL) * FAJDA / FAJT * FAJJENZA * FAKKIN * FAKKINAZZ * FAKTOTUM / FAKTOTU * FALANGA * FALDA * FALDETTA * FALDRAPPA * FALLAKKA * FALZA / FARTSA * FAMLU * FANFARUN * FAQMI * FAQQIEGĦA * FAQQUSA *  FAQSI * FARABOJ * FARBALÀ * FARD IL-BARR (ara: BARR) * FARDGĦALLA * FARDSIEQ * FARĠA * FARKIZZAN / FRAKIZZAN * FARRAXKA * FARRU * FARRUĠ / ĦAL FARRUĠ * FART *FARXA * FARSA * FASAD / FISED (ara: MIFSUD) * FATAR (ara: FATRA) * FATMA * FATRA * FATT (ara: GĦANA u ŻORBA) * FATTURA * FAVETTA * FAXXIKLI * FAXXIŻMU * FDEWWEX / FDEWXA * FEJN SABU S-SINJUR * FELFULA * FELQA (ara: ĊIPP) * FELU * FELUGA / FELUKKA * FERGĦUN * FERINAFF / FORENAFF * FERKUN * FERLA * FERMIZZI * FERNEŻIJA * FERRIES * FERROBATTUTO * FERVORIN * FESDAQ (ara: FOSDQA) * FETFIET * FETTUL * FETQA * FEWDU * FEXXIJA * FEZ (ara: TARBUX) * FGUMA * FGURA * FIDDIEN * FIERES * FIĠEL * FIGURIN/I * FIL * FILAGU / FILAĠJU * FILASTROKK * FILDIFERRU/ FIRDIFERRU * FILEP, SAN * FILERMO, IL-MADONNA TA’ * FILFLA * FILJALI * FILOXX * FIMINELLA * FINESTRUN / VELESTRUN / VINESTRUN * FINTUSA / VINTUŻA * FIRDIFEERRU (ara FILDIFERRU) * FIRDIRRAM / VERDIRRAM * FIRILLA / FERILLA * FIRJOL * FISQIJA * FISSIER L-INGIER * FISTLA * FISWA * FISWET IL-KELB * FITEL * FITLA * FIXFIXÒ * FIXKIJA * FIXXA * FJAKKOLATA * FJOKK/I * FJORIN * FLABELL * FLANELLA * FLEJGUTA * FLETT * FLIEGU / FIREGU / FRIEGU * FLIEN * FLITT * FLOKK * FLUS TAL-ĠILD * FLUS JAĦARQU * FLUS TA’ ŻMIEN IL-MEDJUEVU * FLUS FI ŻMIEN L-INGLIŻI * FLUS TA’ ŻMIEN L-ORDNI * FNEJDAQ * FOMM IL-LIPP * FONDOQ * FOND TAL-KAFÈ * FONQLA * FORĊI * FORĊINA * FORKAZZA * FORN TAS-SINJURIJA * FOSDQA * FOSOS * FOSSSA * FOUGASSE (ara: FAGOZZ) * FOXXA * FOXXA, IL- * FOXXNA / (I)FFOXXNA * FQAD * FRA DIEGU / FRADDIEGU * FRAKASS * FRAKASSIJA * FRAKK * FRAMMASUN (ara: MAŻUN) * FRANĊIŻ, KLIEM * FRANK / FRANKA * FRANKUNI, TA’ * FRATEN * FRAXKETTA * FRAXXNU * FRAŻARJU * FREGATA / FREJGATA * FRIEGU (ara: FLIEGU) *FRISKATUR / FLISKATUR * FRITTURA * FRIXA * FROLLA * FRONTISPIZJU * FROXX * FRUSTIER * FSADA / FSADA ĦAMIJA * FTIRA * FTQAD (ara: FQAD) * FUGUN / FGUM / FGUN / FOKUN  * FUĦĦARI * FUKLAR / FUGLAR * FULMINANTA * FULMINELLA * FUMATA * FUMENTA * FUNDAL * FUNGUS ROCK (ara: ĠEBLA TAL-ĠENERAL) * FUNTANIER * FUQ L-ILJUNI * FURDULIS / FJURDULIS / FLEUR-DE-LYS * FURFIĊETTA * FURKETTUN * FURMARIJA * FURRAX * FURSETTA * FURZAT * FUSTAN * FUSTANIJA * FUTJANASkrollja 'l isfel biex issib il-KELMA bit-tifsira ...

 

FABBRICERI   Terminu Tal. li kien jintuża fil-Malti li jirriferi għal persuni li kienu jkunu mqabbda mill-awtoritajiet tad-djoċesi biex jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-proprjetà tal-Knisja. Fil-każ ta’ Malta, il-fabbricere kien ikun ħafna drabi avukat jew perit imqabbad mill-Kurja biex jistħarreġ dwar il proprjetà li l-Knisja jkollha mikrija għand in-nies biex jara li l-proprjetà tkun miżmuma fi stat tajjeb. Fejn kien meħtieġ, il-fabbricere kien jara kif jasal fi ftehim mal-inkwilin biex skont ir-responsabbiltà ta’ kull parti issir manutenzjoni fejn ikun hemm bżonn. Tal. fabbriceria – M. istituzzjoni mwaqqfa mill-Knisja li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bini sagru. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, p. 298.

FABIŻONJO/U    Kelma li fl-antik kienet tintuża ħafna fl-ambjent tat-teatru. Din il-kelma tirriferi għall-oġġetti li jkun hemm bżonn jintużaw mill-atturi waqt ir-rappreżentazzjoni u l-intepretazzjoni tagħhom. Il-kelma spiċċat tirrifieri wkoll għall-dak il-bniedem li jkun dejjem wara l-kwinti biex hekk kif ikun ser joħroġ l-attur inewwilu l-oġġett li għandu bżonn iżomm fuqu. (Ing. props), eż. ktieb, kappell, sikkina, maktur u affarijiet simili. Tal. fa bisogno; Ing.

FABRIKA   Terminu li kien jirriferi għax-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ bini ta’ knisja. Din il-kelma jużaha kemm-il darba E. B. Vella fil-ktieb tiegħu, Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha, (1930). F’paġna 124, jgħid hekk: ‘… in-nies minn jeddhom iridu jaħdmu fil-btajjel u meta ma jkollomx x’jagħmlu, sa ma titlesta l-fabrika.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAFAĊĊI DI KROPI  Espr. antika li ġejja mill-Isqalli. Din tirriferi għall-ilwien li jidhru fis-sema waqt l-għabex, bir-raġġi tax-xemx li jfiġġu minn bejn is-sħab. Dan il-fenomenu fis-sema kien jindika li l-għada jkun hemm ċans li tagħmel ix-xita. Din il-frażi jsemmiha M.A.V. (1764-1829), u jgħid li kienet tintuża fi żmienu f’Ħaż-Żebbuġ, u li tidher li kienet introdotta f’Malta min-nies li kellhom konoxxenza tajba tal-ilsien Taljan. L-espressjoni hi meħuda mill-frażi ‘faccia di capre’.  Sors: E.S.I.  Bit-Taljan hemm ukoll frażi simili: ‘occhi di capra’ jew ‘mezza iride’. L-awtur Sqalli Leonardo Sciascia (1921-1989), li kiteb volum ta’ għejdut Sqalli jgħid hekk: Occhi di capra …“Si dice del sole quando, al tramonto, è tagliato obliquamente da strisce di nuvole: per cui appare come una pupilla che guarda strabicamente. Si ritiene indizio di pioggia, per l’indomani alla stessa ora.”

FAĊĊAFARIJA   Xi ħaġa magħmula biss għal għajn in-nies. Ngħidu, ‘ħalla kollox faċċafarija’, jiġ. dak li għamel kien biss biex jidher sabiħ. Xi ħaġa magħmula sabiħa iżda ma tiswa xejn.

FAĠAR   / FAĠRA    M.A.V. jispjega dan iż-żewġ kelmiet bħala stupro di una vergine; defiorare.

fagozzsse

FAGOZZ / FOUGASSE  Dan kien speċi ta’ kanun imħaffer mill-blat, forma ta’ ċilindru, u fond daqs 2 m. Din il-ħofra kienet tkun magħmula b’mod illi l-bokka kienet tkun angulata lejn il-baħar, biex jkunu sparati kwantità kbira ta’ biċċiet ta’ ġebel u materjal ieħor kontra l-bastimenti li jittantaw jersqu lejn il-kosta. Mill-1740 ’il quddiem kienu tħaffru b’kollox mal-50 fagozz matul in-naħa l-baxxa tal-kosta taż-żewġ gżejjer Maltin. Għadhom jeżistu xi wħud minn dawn il-fagozzi, pereż., fir-Ramla l-Ħamra, Għawdex, fuq il-blat mat-triq tas-Salini, u anki mal-kosta ta’ Pembroke. L-etim. mhiex ċerta. Feu gasse tfisser: Nar bid-duħħan. Kien hawn diversi tipi ta’ mini esplussivi b’dan l-isem. Jista’ jkun  ukoll li fougasse tirriferi għal tip ta’ bezzun, kultant qisu baguette li għandu l-istess forma tal-fagozz. Ara: The Fougasse: ‘The stone mortar of Malta’ ta’ Stephen Spiteri fi Treasures of Malta, Easter, 1999, Vol V no 2, pp. 31-35. The Fortifications of the Knights, ta’ Stephen C. Spiteri, pp. 357-8.  Ħajr lil Stephen Spiteri tad-disinn.

FAGUFAGU    Tip ta’ siġra, jew l-injam li hu magħmul minnha.  Is. xj. Fagus sylvatica.  L-injam tal-fagu jintuża għal diversi tipi ta’ xogħol, l-aktar biex jinħadem il-qafas tal-għamara kif ukoll oġġetti oħra tal-injam. Ċertu tip ta’ fagu hu magħruf ħafna bħala injam reżistenti u iebes, u għaldaqstant jintuża wkoll biex isiru partijiet tal-opri tal-baħar. Hemm ukoll tip ieħor ta’ fagu li mhux tajjeb għal dak ix-xogħol. Ing. (European) Beech Tree.  Ara:  OSSATURA.

FAĦAL    (pl. ifħla)  Żiemel jew gendus li jinżamm biss biex inissel ir-razza. Idj: ‘Qisu faħal!’ – tingħad għal xi persuna li hi goffa u ma tiswa għal xejn.  FAĦĦAL  Wieħed li jrabbi dawn it-tip ta’ bhejjem. 

FAĦAM TA’ SAN LAWRENZ      Ara: DMUGĦ TA’ SAN LAWRENZ.

faham tal-kannolFAĦAM TAL-KANNOL  Magħruf ukoll bħala FAĦAM TAL-ĦAĠRA. Tip ta’ faħam magħruf mit-Taljani bħala litantrace. Dan it-tip ta’ faħam iswed u pjuttost ileqq jinsab l-aktar fil-minjieri tal-Ingilterra, Franza u fil-pajjiżi tal-eks-Unjoni Sovjetika, il-Belġju u l-Ġappun. Il-karbonju li fih dan il-faħam hu ta’ perċentwal għoli – daqs 82 fil-mija, u għaldaqstant dan il-faħam idum jaqbad aktar minn faħam ieħor. Biex jintuża, dan il-faħam jinqata’ f’faxxi rqaq bħal forma ta’ sigarru. Jintuża wkoll bħala lapes biex l-artisti jpinġu bih. F’Malta dan il-faħam ħa l-laqam, ‘faħam tal-kannol’, għax il-forma kienet hekk. Dan it-tip ta’ faħam kien jintuża billi jitqiegħed fil-ħadida tal-mogħdija li fl-antik kien ikollha bħal kexxun fejn jitqiegħed il-faħam biex isaħħan il-ħadida tal-mogħdija. L-erbalisti fl-antik kienu jużaw il-faħam tal-kannol biex ifejqu bih. Meta xi tifel jieħu qatgħa, l-omm kienet tmur għand l-ispiżjar biex dan jagħmillha taħlita ta’ likwidu fi flixkun minn inbid mgħolli b’faħma tal-kannol ġo fih. lt-taħlita kienet issir skont it-tul (kobor) tat-tifel.

faham miblFAĦAM  MIBLUL   Idj:  ‘Għandu l-faħam miblul’. Tingħad għal min għandu xi ħaġa x’jaħbi. Din l-idjoma jinkludiha Mikiel Anton Vassalli fil-Lexicon (1796). Fil-Motti, Aforismi e Proverbii Maltesi. (1828) M.A.V. jerġa’ jsemmi din l-idjoma hu jgħid li tfisser li tingħad għal xi ħadd li jinstab ħati ta’ xi ħaġa li jkun għamel bil-ħabi. Fl-Aforismi, M.A.V. jagħti tifsira aktar kompluta u jgħid li din l-espressjoni hi mfissra fuq analoġija mill-ħajja ta’ kuljum, meta dawk li kienu jbigħu l-faħam bl-użin kien iqarqu bin-nies. Minħabba xi telf tal-faħamt il-bejjiegħa kienu jpattu għalih billi jxarrbu l-biċċiet tal-faħam bl-ilma biex meta jintiżen ikun jiżen aktar. Meta jinqabdu u jinstabu ħatja l-bejjiegħa kienu jkunu kkastigati fil-pubbliku n-nies kienu jgħidu, ‘dak żgur għax għandu l-faħam miblul. Interessanti li din l-idjoma tingħad ukoll fi Sqallija. F’dizzjunarju Sqalli-Toscan tal-1863, insibu hekk: Cu avi lu carvuni vagnatu sempri sta ccu l’arma satata = Chi ha il carbone bagnato sempre sta con l’arma satata.  Ta’ min wieħed iżid li fl-antik meta l-faħam kien jitniżżel l-art min fuq il-bastimenti ġieli kienet taqa’ xi biċċa faħam fil-baħar u l-Maltin kienu jgħoddsu għaliha biex jieħduha id-dar. Meta jkebbsu dan il-faħam imxarrab kien jagħmel id-duħħan u l-ġirien kienu jindunaw li dak il-faħam kien misruq mill-port. Ara: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, It-Tieni Volum ta’ Paul P. Borg, p. 246. Ara: Wordreference forum fuq l-internet.

FAĦĠA    E.S.I. jagħti dan l-aġġ. għal xi mara li timxi b’saqajha mxattra u rkopptejha jmissu ma’ xulxin. (Ing. knock-kneed). Waħda belha. J.A. jalludi dan l-aġġettiv biss għal mara sempliċi u bla moħħ.

FAJDA / FAJT    (D.) Dilluvju. It-tajn jew ħama u materjal ieħor li jħalli warajh id-dilluvju tax-xita, xmara jew baħar meta dan jitla’ l-art. Għargħar jew inondazzjoni tal-baħar. Sors ieħor: E.S.I.

fajjenzaFAJJENZA  1. Tip ta’ ċeramika gglejżjata bil-materjal tal-landa, li kienet issir fi żmien ir-Rinaxximent, f’Faenza, belt fl-Emilja Romanja, l-Italja. F’Malta dan l-appellattiv jirriferi għal kull tip ta’ oġġetti taċ-ċeramika fina, bħal pożaplatti, vażuni, u statwetti tal-istess materjal, li bihom wieħed jiddekora d-dar. 2. Dan it-terminu jintuża wkoll mill-istudjużi tal-arkeoloġija biex jirriferu għal kwalunkwe tip ta’ fuħħar igglejżjat ta’ kull daqs, anki żibeġ, li kienu jiddammu f’kullani fi żmien il-Feniċi. Fil-Mużew tal-Arkeoloġija hemm bosta eżempji ta’ kullani Feniċi gglejżjati.

hamallu Unburden-285x300 (1)FAKKIN    (D.) A. de S. jgħid hekk: Bottegaio, erbaggio, venditore di legume, salame, cascio, sardi, tonnina e cose simile. E.S.I. jgħid li fl-antik dan kien dak il-ħaddiem li jagħmel xogħol tal-idejn ta’ kull tip, bħal ġarr ta’ affarijiet eċċ. Fi żmien aktar riċenti dan l-appellativ sar jirriferi għal bniedem tax-xatt, qaddej jew reffiegħ li jaħdem fil-port. Biż-żmien it-terminu kien sar anki sinonimu ma’ xi ħadd ta’ mġieba baxxa u vulgari. Sors: E.S.I.  FAKKINAZZ  Rif. għal xi ħadd vulgari għall-aħħar. Bniedem pastaż u ardit.

FAKTOTU / FAKTOTUM  Il-bniedem inkarigat minn kull tip ta’ xogħol u dmirijiet f’assoċjazzjoni jew klabb, bħal pereż. segretarju ta’ każin tal-banda, eċċ. Dik il-persuna li fil-każini eċċ., ikun imqabbad jagħmel kollox. Biż-żmien dan l-app. kien anki jindika lil xi ħadd li xogħlu hu ta’ servjent, biss li jiżżattat għal kull tip ta’ xogħol ieħor. fac = M. tagħmel  + totum = M. kollox.

FALANGA   Rif. għal dik il-parti tal-isptar tas-Sagra Infermeria, l-Belt, fejn kienu jinżammu n-nisa li kienu jsofru minn mard venereali. Jista’ jkun li dan l-isem ingħata minħabba li din il-parti tal-isptar kienet toħroġ ’il barra mill-bqija tal-binja bħala estensjoni miżjuda. Tal. falanga – M. l-għadam tas-saba’;  term. militari li jirriferi għall-fillieri tas-suldati meta dawn jimmarċjaw fi grupp wieħed, f’sura rettangolari.

FALDA     1. Laħam maqtugħ irqiq mill-koxxa u li ġen. ikun irrumblat u jimtela bil-ħaxu. 2. Fl-antik din il-kelma kienet tirriferi wkoll għal biċċa drapp maqtugħa rqiqa biex biha jitgħatta l-għonq. 3. Ix-xaqliba tal-għolja.

faldettaIMG_3544FALDETTA   Hemm geġwiġija ta’ interpretazzjonijiet dwar x’kienet verament il-faldetta. Hawn  min jgħid li l-faldetta hi l-istess ħaġa bħall-GĦONNELLA. A. de S. jagħmel distinzjoni bejniethom. Hu jgħid li l-faldetta kellha l-għata, mentri l-għonella ma kellhiex. Jgħid ukoll li l-faldetta kienet bħall-GEŻWIRA b’xi differenzi żgħar. Cassar Pullicino jikkwota lil Laferla u l-Cremona li jgħidu li l-faldetta kienet speċi ta’ ĊULQANA. Jgħid ukoll li fl-antik, l-faldetta kellha kuluri partikolari, eż., aħdar jew abjad. Cassar jirriferi għal interpretazzjoni ta’ bosta esperti barranin, l-aktar Taljani, li faldetta forsi.jpgjinterpretaw il-faldetta b’diversi modi. Hemm minnhom li jaqblu li l-faldetta kienet l-istess bħaċ-ċulqana. Intant, insibha stramba li kemm E.S.I. kif ukoll J.A. din il-kelma ma jniżżluhiex fid-dizzjunarji tagħhom. Tal: faldetta. Fid-dizionario Internazione.it sibt dan: ‘abbigl. manto di lana o di seta, lungo fino al ginocchio e fornito di cappuccio, tipico delle donne di Malta. 2b. TS abbigl. largo lembo della gonna del tipico costume femminile corso, usato per coprirsi il capo’Sorsi: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp. 151 – 153; Peasant Costumes – Insights Into Rural Life and Society, Ed. Kenneth Gambin. Sqal.  fadigghia

FALDRAPPA  / VADRAPPAVALDRAPPA   Drapp norm. iswed li jitqiegħed fuq it-tebut jew fuq dahar iż-żiemel.  Ara:  TUBRU. Sqal. valdrappa.

FALLAKKA   Tavlun. Injama wiesgħa u twila daqs metru jew aktar, li tintuża biex wieħed jimxi jew iserraħ fuqha meta jkun qed jaħdem fuq xi kostruzzjoni tal-bini. Din it-tip ta’ għuda tintuża l-aktar biex jitilgħu fuqha l-bajjada biex ibajdu. Il-fallakka tintuża wkoll bħala pont biex minn fuqu wieħed ikun jista’ jaqsam minn naħa għall-oħra, pereż., minn fuq il-moll għal fuq xi lanċa mdaqqsa, eċċ. Ngħidu, ‘Snienu qishom fallakka’ –  rif. għal xi ħadd li għandu s-snien ta’ quddiem kbar wisq. Sqal. fallaca.

FALZA / FARTSA  Ġieli wieħed jisma’ l-espr: ’għandu l-falza’ meta wieħed ikollu tip ta’ marda fil-qurriegħa tar-ras. Din il-marda dermatoloġika tipproduċi ħafna qxur fuq il-qurriegħa li jinxef u jsir bħal brija. Soborrhoea sicca. (Ing. scurf). Etim. Għ. fartsa / fartas. XAGĦAR FALZA   Parrokka. Sors: E.S.I.

FAMLU    Fi żmien l-Ordni dan kien wieħed minn sitt marixxalli li kienu mqabbda mill-Qorti Kapitanali tal-Mdina f’każijiet kriminali. Tal. famulo. M. servjent jew tip ta’ messaġġier tal-qrati.

FANFARUN    Appel. indirizzat lejn wieħed li jiftaħar bih innifsu jew b’dak li għandu. Tal. fanfarone – M. wieħed li jdoqq it-trombi biex juri lil kulħadd x’jaf jagħmel. Kultant tintuża l-kelma FANFRU minflok li biss mhiex tajba għax din kelma li tirriferi għal ħuta. Sqal. nfanfaruni spaccone, che s’atteggia a prepotente. Sors: E. S. I.  Tal. fanfarra – M. daqq bit-trombi li bih tannunzja xi ħaġa importanti.

FAQMIrles_V_ca_1603FAQMI   Geddum imqabbes ’il barra. Tintuża fil-frażi:  geddum faqmi, jew raġel faqmi – rif. għal xi ħadd b’geddum kbir jew ħiereġ ’il barra. Għ. fakam – M. snien fejn ta’ fuq ikunu mqabbżin ’il barra aktar minn ta’ isfel – jew viċi versa. Fl-istorja tal-monarkiji tal-Ewropa nafu li dawn il-fattizzi kienu tipiċi ħafna tal-familja rjali tal-Ħabsburgi għaliex dawn kollha kienu faqmin. Fost dawn insibu l-Imperatur Karlu V ta’ Spanja, li fl-1530 kien ta lil Malta lill-Ordni ta’ San Ġwann.   

 

FAQQIEGĦA   Logħba ħafifa tat-tfal li tintlagħab b’karta li t-tfal jilwu b’mod li din tingħata l-forma ta’ arzella minfuħa bl-arja minn ġewwa. It-tfal jittantaw jagħfsuha b’qiegħ sieqhom bil-ħsieb li din tinfaqa’ u tagħmel ħoss qawwi.  Sors: Piccolo Dizionario (1856).

FAQQUSA    / FAQQUS      (nom kollettiv) Dolliegħa  / Dolliegħ.  (D.)  Piccola melone di aqua e di pane.

FAQSI   Bniedem b’xagħru ħamrani. Qawl: Għall-faqsi xejn la tistaqsi, jiġ. kull min hu xagħru ħamrani injorant Sors: Il-Qawl Iqul, p. 51. Intant fid-Damma, A. de S. jgħid hekk: ‘Scovatore. Prov. Zop di natura, aħmar għazzi, awwar faqsi, qatt għalihom isaqqsi…scovatore cioé bugiardo’.

FARABOJ    Logħba tat-tfal fejn wieħed mil-lagħba jagħmilha tal-bojja. (Talj. fare il buoia). V. Busuttil (1900) jagħti spjega differenti u jittraduċi l-kelma għall-Ingliż bħala ossicle (għadma żgħira fost oħrajn li jinsabu fil-widnejn). Jgħid ukoll li bil-Malti din kienet rif. għal xi ħadd xħieħ. Kienu jgħidu: ‘daq għadma tal-faraboj!’

FARBALÀ   Kappa li dari kienu jilbsu fuq spallejhom l-imħallfin jew il-kleru. Xalla li kienu jilbsu l-aktar in-nisa xjuħ. Pantor ta’ drapp imġiegħed u mdawwar bil-ħjata mat-tarf tad-dublett bħala tiżjina.

FARD / FARDIEN   Numru waħdu. (Ing. Odd number). 

FARD  IL-BARR     Ara: BARR.

FARDGĦALLA    Raba’ li jagħti prodott wieħed biss fis-sena. Magħruf ukoll bħala raba’ għali. Ara: GĦALLA.

FARDSIEQ    Tingħad fl-appel. ‘aħwa fardsieq’ – jiġ. aħwa tal-istess omm iżda li  mhumiex tal-istess missier. V. B. (1900) jittraduċiha bl-Ing. bħala, blood brothers.

FARĠA     Ħin ta’ rikreeazzjoni. (V.B. 1900)

farkizzanx.jpgFARKIZZAN / FRAKIZZAN   Varjetà tas-siġra tat-tin li fuqha jikber tin żenguli. Is. xj. Ficus carica. Il-farkizzan hu tip ta’ tin ħelu u bnin, tajjeb għal fuq il-mejda iżda mhux biex ikun imqadded. Jimmatura f’Awwissu, lejn Santa Marija. Siġra li ma għandhiex bżonn id-dukkar biex tagħmel il-frott.  Sors: Anton F. Attard.  Sqal. ficazzana. Ara:  BAJTAR  TA’  SAN  ĠWANN u PARSOTT.

 

FARRAXKA   Appel. għal xi mara li tkun ta’ karattru li bih iddejjaq in-nies. Xi ħadd li jħobb jiftaħar b’rixu u jħobb juri dak li għandu. Etim. dubjuża. Sors: J.A.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAFARRU  Tip ta’ xgħir li llum jitkabbar l-aktar bħala ġwież għall-konsum mill-annimali. Is. xj. Triticum spelta, (Ing. spelt).  Dan jintaħan l-ewwel bil-magna biex ikun iddiġerit sew. Pjanta li fi żmien il-bidu tal-Perijodu Neolitiku, jiġ. daqs 10,000 sena ilu, ħarġet minn taħlita ta’ żewġ tipi ta’ qamħ li kienu mkabbra mill-bniedem. Dan it-tip ta’ qamħ baqa’ jitkabbar fl-Ewropa sa żmien il-Medjuevu. L-istudjużi jemmnu li dan il-qamħ kien qrib is-subspeċi tal-qamħ komuni li llum jintuża biex isir il-ħobż u l-għaġin, eċċ. L-isem xjentifiku tal-qamħ komuni hu: Triticum aestivum; Ing. bread wheat.    

FARRUĠ   1. Isem ta’ tajra (mill-ispeċi Coraciidae, għasfur magħruf ukoll bħala ‘tajra kaħla’ jew ‘qarnanqliċ’. 2. Fellus li jkun kiber sew, jew inkella serduk żgħir. ĦAL FARRUĠ  Raħal żgħir ħafna, magħmul minn gozz irziezet li maż-żmien integraw ruħhom ma’ Ħaż-Żebbuġ. Ara: Place-Names of the Maltese Islands – c. 1300-1800, Godfrey Wettinger.   FARRUGIA   Kunjom Malti li ġej mill-istess tifsira.

FARSA    Xogħol ħafif ta’ fuq il-palk maħdum f’att wieħed, magħmul biex idaħħaq l-udjenza b’ċajt tal-mument u mingħajr ħafna intriċċi fl-istorja. Fig. Kwalunkwe azzjoni li għalkemm magħmula b’intenzjoni serja tispiċċa twaqqa’ lil dak li jkun fir-redikolu. Buffunaġni. B’mod ironiku wieħed jgħid, ‘dik il-laqgħa li attendejt kienet farsa’. (D.) tigna. L. Achores. BIL-FARSA  tignoso.

FART  (D.)  1. Barri. 2.  Bniedem b’saħħtu u mġissem.  Pl. frat, eż. qatgħa frat, merħla barrin.

FARXA   1. Tavla qisha xkaffa, norm. imqegħda fl-għoli wara l-bieb ta’ barra. Il-farxa kienet isservi bħala l-post ideali fejn jitqiegħdu xi oġġetti tad-dar, eż. ikel ikkonservat fil-vażżetti eċċ., biex dawn ikunu merfugħa fejn ma jintlaħqux malajr. Intant din il-kelma hi wkoll rif. għal kwalunkwe xkaffa fid-dar, imma l-aktar fil-kċina, li fuqha kien jitqiegħed il-ħobż li jkun ser jittiekel jiem wara. Qawl: La jiġi l-Milied warrab l-ixkubetta fuq il-farxa tal-bieb.  2. Il-firxa tal-mejda qabel l-ikel. Kelma li ġejja mill-verb ‘firex’.  3. Juan Mamo jsemmiha f’kuntest ieħor, meta f’waħda mill-istejjer qosra tiegħu jsemmi FARXA ĦĠIEĠ biex jirriferi għall-vetrina tal-pożaplatti. Ara: Juann Mamo, Ġrajja Maltija, p. 74.

FASAD    1. v. Ġagħal lil xi ħadd jinfasad, jiġ., fetaħ vina biex joħroġ id-demm żejjed. Ara: FASDA  u MIFSUD. 2. B’mod fig. dan il-verb jirriferi għal meta xi ħadd iħalli lil dak li jkun, eż., xi ħabib tiegħu, jisfoga d-dwejjaq tiegħu miegħu. Inkella dan il-verb jista’ jirreferi wkoll għal meta dak li jkun jirrabja lil xi ħadd b’mod esaġerat. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, ta’ Ġużè Galea, p. 27, insibu hekk: ‘… Dan biex aktar iniggżu u jofsdu baqa’ sejjer’.

FATMA  Il-qtugħ tat-teħid tal-ħalib li t-tarbija tingħata minn sider ommha. Ngħidu, ‘l-omm fatmet lit-tarbija’, jiġ., l-omm waqfet tredda lit-tarbija tagħha. Ngħidu, ‘ħaruf tal-fatma’, ħaruf li ma għadux jerda’ l-ħalib ta’ ommu. Qtugħ minn xi abitudni jew vizzju.  Ngħidu, ‘Toni nfatam darba għal dejjem mit-tipjip tas-sigaretti’.

FATRA   Ikla ta’ nofsinhar. v. FATAR  Kiel l-ikla ta’ filgħaxija wara s-sawm tal-ġurnata. v. Infatar,  kiel biex jaqta’ l-ġuħ. Fid-dinja Għarbija din il-kelma tirriferi wkoll għall-kolazzjon. Tfisser ukoll l-ewwel ikla ta’ wara s-sawma tal-ġurnata li ssir waqt ir-Ramandan. Eż., l-użanza tal-Musulmani hi li ‘joftru’ filgħaxija wara jum ta’ sawm.  Sors: E.S.I.     

FATTURA  1. Dokument ta’ dikjarazzjoni li jiddeskrivi l-kwantità u l-kwalità tal-merkanzija li tkun impurtata u li trid tgħaddi mid-dwana. 2. Seħer l-għajn ħażina li taħdem fuq il-bniedem, hekk kif kienu jemmnu l-antiki.   

FATT     Ara: GĦANA  u  ŻORBA.

FAVETTA    Tip ta’ ful żgħir li jikber fil-miżwed. Tajjeb ħafna għal mal-minestra jew sopop oħra.  Is. xj. faba vulgaris jew Vicia fava. Ing. dwarf bean.

FAXXIKLI   Serje ta’ pubblikazzjonijiet, norm. magħmulin f’numru ta’ ftit paġni kull darba, li kienu joħroġu perjodikament, eż. kull xahar jew kull ġimgħa. F’kull faxxiklu jkun hemm episodju, li bil-mod il-mod, jiddamma ma oħrajn biex l-istorja tkun kompluta. Meta l-aħħar episodju jkun ippubblikat, dawn il-faxxikli jkunu llegati fi ktieb wieħed. Fit-tletinijiet il-faxxikli kienu jinbiegħu sold il-kopja, ħafna drabi lill-abbonati. Fis-snin sittin u sebgħin xi gazzetti bħal Il-Ħajja, kienu jinkludu paġni b’episodji ta’ xi rumanz li kull darba kienu jinqatgħu biex fl-aħħar jinġabru u jkunu llegati fi ktieb wieħed. Sors prinċipali: Anton F. Attard. Ara: Oh Żmien Ħelu, Josephine Mahoney, pp. 81, 82.

fAXXIŻMUFAXXIŻMU    Terminu filosofiku u politiku li jsemmih l-ewwel darba Mussolini fl-1915. Il-faxxiżmu jeżalta il-gvern totalitarju, n-nazzjon u r-razza qabel kollox. Ir-reġim faxxist fl-Italja ra l-bidu tiegħu fis-sena 1922. Dan wara li l-Partit Faxxist ħa l-kontroll ta’ Ruma u neħħa mill-gvern lill-Prim Ministru Luigi Facta. Dan seħħ waqt perijodu li fih l-Italja kienet għaddejja minn żmien ta’ instabbiltà politika kbira, b’ekonomija fqajra, fejn il-poplu kien qiegħed isofri n-nuqqas ta’ xogħol u anki l-ġuħ. Mussolini u l-partit tiegħu rnexxilhom jiġbdu s-simpatija tal-poplu, u konsegwentement, sal-1926, Mussolini ħa f’idejh il-poter politiku assolut tal-pajjiż. Minn hemm ’il quddiem, ir-reġim Faxxist, bis-sewwa jew bid-dnewwa, għadda bosta liġijiet li kienu immirati li jimmeljoraw il-kwalità tal-ħajja u l-ekonomija, biss fl-istess ħin, li joħonqu kull sens ta’ demokrazija. Fl-1923, f’Malta nħoloq moviment żgħir faxxist, imsejjaħ L’Assoċjazzjoni Nazjonali Maltija (ANM), li b’kollox ma kellux aktar minn mitt membru. Ta’ min jgħid illi għalkemm tal-ANM kienu konvinti mill-ideoloġija faxxista, xorta waħda kienu jistqarru l-lealtà tagħhom lejn l-awtorità Ingliża f’Malta. Tal. Fascis – M. Qatta – bħal ‘qatta tiben’. (Rif. għall-mazz bsaten marbutin flimkien ma’ mannara, li fi żmien l-Imperu Ruman kien jinġarr bħala simbolu tas-saħħa l-Istat unit. Dan is-simbolu kien u għadu jirrappreżenta l-ideoloġija tal-partiti faxxisti.  Ara BALILLA.

fdewwexFDEWWEX  (pl ta’ FDEWXA).   1. Għaġina maqtugħa f’forma ta’ strixxi rqaq twal u bil-ġnub immewġa. Dan it-tip ta’ għaġin it-Taljani jgħidulu reginette. Fdewxa hi għaġina ċatta moqlija fiż-żejt u wara msajra fil-ħalib. M.A.V. (1796), jaqleb dan in-nom għat-Tal., fettuccie. 2. Ix-xogħol fil-ħadid, aluminju jew materjal ieħor ikkorrugat li jintuża biex isaqqaf xi kamra tal-injam jew simili, b’materjal ta’ din il-forma.

 

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAFEJN SABU S-SINJUR    Dan huwa nitfa ta’ ġnien li jinsab barra l-Birgu, u li jmiss eżattament mas-swar fuq ix-xellug tal-ewwel daħla, qrib l-akkwati magħrufa bħala Couvre Port. Marbuta ma’ dan l-ambjent hemm storja li seħħet żmien ilu. Fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Ottubru tal-1837, kien insteraq kalċi bl-ostji mill-knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, li tinsab mhux aktar minn 200 metru ‘l bogħod. Jumejn wara xi tfal li kienu qiegħdin jilgħabu f’dawn l-inħawi kienu sabu l-kalċi bl-ostji moħbija f’ħofra f’dan il-ġnien. Il-ħalliel kien inqabad ftit wara u ntbagħat għomru l-ħabs. Minħabba din is-sejba, in-nies bdew jirreferu għal dan il-post bħala, ‘Fejn Sabu s-Sinjur’.  Ara: Birgu, Citta’ Vittoriosa – Four Walks in a Historical City, ta’ Anton Attard. pp. 5,6.

FELFULA     1. (D.)  pl. fliefel.  A. de S. jgħid li sa żmienu kont għadek tara nisa li kien ikollom ix-xagħar magħmul b’mod li jinżel nokklu, tnejn jew aktar, fuq nagħashom. Dan in-nokklu kienu jgħidulu felfula. Ġieli kienu jkunu sitt nokkli, magħmulin apposta biex jinżlu tlieta fuq kull naħa fuq ġbinhom. A. de S. jgħid li dan l-istil ta’ xagħar kien l-aktar komuni fil-kampanja, biss fi żmienu ma kontx għadek tarah wisq. XAGĦAR FELFULI Xagħar kollu nokkli. 2. Pjanta bħall-kromb u l-kaboċċi. Is. xj. Brassica oleracea. Ing. wild cabbage.

FELLIES    Dak li jistampa il-muniti tal-flus fiz-zekka.

FELQA      Apparat li fiħ il-ħabsi jinqaflulu r-riġlejh. M.A.V. jagħti dan l-eżempju, ‘issa siequ fil-felqa’ jgħidlu jaħrab’. Ara:  ĊIPP.

FELU    1. Wild iż-żiemel jew il-ħmar. 2. Idj: ‘Jekk mhux ħmar felu’ – espr. li tingħad meta persuna li ma tkunx taf twieġeb, titfa’ r-risposti, waħda wara l-oħra bl-addoċċ biex tipprova taqta’ l-mistoqsija. B’hekk, jekk l-ewwel risposta tkun ħażina, it-tieni risposta għandu żgur iġibha iġġibha żewġ.

feluccadFELUGA / FELUKA    Mirkeb pjuttost żgħir li kien issalpa l-aktar lejn Sqallija kemm bil-qlugħ latin kif ukoll bl-imqadef. Il-feluka kienet tintuża għal diversi skopijiet fosthom il-ġarr tal-merkanzija u bix-tgħin fis-SIBI. Il-KAPITANA tal-Ordni kien ikollha feluka ddekorata lewn id-deheb takkumpanjaha biex tintuża mill-ammirall. Anki f’każ tas-sibi din kienet takkumpanja l-galeri l-aktar biex issalpa qabilhom u tgħarrex għal xi bastiment tal-għadu, għax fiċ-ċokon tagħha ma kinetx tagħti fl-għajn. M.A.V. (1796) jseħilha fejluga, nave di carica. Ara: Il-Flotta ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann pp. 169 – 172. ta’ Joseph Muscat (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2000)

FERGĦUN  1. Bniedem li hu ta’ karattru qalil u midgħi. 2. Xitan żgħir, mingħul. 3. Appel. lil xi tifel imqareb. Oriġ. Għ. farawun, li biż-żmien bdiet tfisser ukoll prinċep ħażin u tirann.

FERILLA     Ara: FIRILLA.

FERINAFF / FORENAFF   Beritta li tintlibes l-aktar mis-suldati fl-armata Ingliża. Il-beritta għandha diversi nomi, eż. field service cap jew side cap. Din il-beritta jkollha pizz wieqaf fuq quddiem u ieħor fuq wara, bħall-pruwa jew il-poppa ta’ vapur. F’Malta konna naraw din il-beritta l-aktar tagħmel parti mill-uniformi tal-uffiċjali tal-Air Force. Tixbah ħafna lill-‘beritta tar-RAVJULA’. Etim. Ing. fore ’n aft.

FERKUN   Lasta li t-tarf tagħha jieħu l-forma ta’ foxxna li tintuża fl-ifran biex biha jitqalleb il-ħobż u oġġetti oħra li jkunu qed jissajru. Rif. għax-xitan, x’aktarx għax dan jitpinġa bosta drabi jżomm il-ferkun, l-oġġett li bih iqalleb in-nar tal-infern.

FERLA    Qasba li tintuża bħala frosta. Eż., ‘Il-ħabsi jisawwat bil-ferla’. (L. Ferula).

FERMIZZI   Dan kien tip ta’ ħaraġ li fl-antik il-bdiewa kienu jagħtu lill-kappillan. Norm. dan ir-rigal kien jikkonsisti minn nofs tomna qamħ, xgħir u żewġt irtal u nofs qoton. Oriġ., din kienet tingħata mill-ġabra tal-ewwel frott li l-bidwi kien jaħsad. Qabb. mat-Tal. diritto di primizia, li kien forma ta’ taxxa li tingħata lill-Knisja Sors: J.A.

FERNEŻIJA  Stat li fih wieħed iħossu eċitat u mħawwad għall-aħħar fil-ħsibijiet tiegħu. Ngħidu, ‘Tatu ferneżija papali.’ – jiġ. sab ruħu fi stat ta’ paniku kbir, jew kien f’dagħdigħa liema bħalha. Stat ta’ delirju. Tal. frenesia – M. delirju akkumpanjat minn deni kkawżat mill-infjammazzjoni tal-moħħ.

FERRIES IL-, TAS-SLIEMA   Iż-żona ta’ ħdejn il-baħar li tħares lejn il-Belt, quddiem Triq it-Torri u Triq Bisazza. Din kienet tissejjaħ il-Ferries minħabba li bejn l-1900 u l-1955 kienet tittrakka l-lanċa tal-passiġġieri, li taqsam minn Tas-Sliema lejn il-Belt. Ara: LANĊA TAL-PASS u l-LANĊA TA’ MATTEIAra: Connecting the Harbour Towns, O. F. Gollcher & Sons, 1897 – 1959, ta’ Michael Cassar. (BDL) 2019.

FERROBATTUTO  Xogħol ta’ ħadid maħdum mill-ħaddied fuq l-inkwina bit-tismir tal-mazza. Xogħol maħdum b’gosti u disinn li jagħti forma sabiħa u artiġjanali fil-ħadid. Ara: INKWINA.

FERVORIN   Prietka qasira li s-saċerdot jagħmel ftit qabel it-tqarbin bil-għan li jħeġġeġ lil dawk li ser jitqarbnu, biex jippreparaw ruħom spiritwalment biex jirċivu l-ostja. Tal. fervore – M. ħeġġa. Herbert Ganado fil-ktieb Rajt Malta Tinbidel, It-Tieni Ktieb, p. 268, jgħid hekk: ‘… Dun Mikiel Callus beda jdur iċ-ċelel tal-internati [f’Sant’Agata], u kien iberikhom u jagħmlilhom bħal prietka żgħira. Xi wħud kienu jiddejqu b’dan il-fervorin ta’ kuljum…Sors: Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, p. 268.

FESCHIA   (D). Frittella. Questa e di pasta fatta circolare, lavorata la sua farina qualche volta con [?] saimi, riempiuta alla parte superiore con formagelle disfatte, cosi fatta e cotta al Forno, brevemente avanti che vi si adoperi la pasta del pane, si prende e si mangia calda.

FETFIET   1. Bniedem li jfetfet, jiġ. li jtemtem.   TFETFIT   Temtim.   2. Appel. għal xi ħadd li jimxi bil-mod ħafna.

FETQA     (D)  Marda, disgrazzja, fatt jew stat ħażin. (L. Infortunius, calamitas). Ngħidu, ‘Eħlisni minn din il-fetqa!’

OLYMPUS DIGITAL CAMERAFETTUL  (pl. ftietel) Rif. għal kull oġġett magħmul imrembel u fit-tul.  1. Għaġina twila li ssir billi tkun irrumblata u mġebbda biex tieħu l-forma tagħha, eż., spagetta, imqarruna jew biskuttell twil; bermuċ jew grissin. Carmel G. Cauchi, fil-ktieb tiegħu Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti, p. 72, jgħid li għall-Milied ommu kienet issajjar fettul tat-tamar bħala deżerta. Ir-riċetta kienet tikkonsisti minn qabda tamar imħawwar bi ftit qtar tal-aniżett, qxur tfettulal-larinġ maħkuk, imsiemer tal-qronfol u ftit smid. Dan kien jintefa’ ġo għaġina li tkun irrumblata u mfettla, imbagħad din tinħema fil-forn. Hekk kif tissajjar, l-għaġina tinqata’ biċċiet iżgħar biex titqassam lil kulħadd. B’mod figurattiv din il-kelma tintuża anki biex tiddeskrivi sigarru pjuttost twil: ‘fettul daħħani’. 2. M.A.V. (1796) jagħti din id-deskrizzjoni, ‘pastello bislungo da cuocere accanto al fuoco. 3. Il-ftietel huma x-xenxul li jiddendel biex isebbaħ it-truf tal-purtieri jew xi drapp ieħor. 4. Frak imtawwal li jinqala’ mill-ġilda tal-ġisem bil-ħakk, l-aktar meta l-ġilda tkun xotta jew maħmuġa.  5. Romblu rqieq tat-tafal li bħalu jitqiegħdu bosta fuq xulxin, biex it-tafal jinħadem fuq ir-rota, l-aktar fit-tond. M.A.V. jagħti l-aġġettiv FETTULI – Tal. bislongo. (D) Qawl: Kulħadd jiġbed in-nar ħada [lejn] fettulu.

fewdu pittura ta berryFEWDU   Fi żmien il-Medjuevu, din kienet sistema ta’ tmexxija minn nobbli f’ħafna artijiet u popli ta’ ħafna reġjuni fl-Ewropa. Fis-sistema oriġinali tal-fewdu, sid il-proprjetà kien jippossiedi mhux biss l-art u l-ġid kollu tagħha, iżda anki l-bdiewa u l-familji nfushom li kienu jgħammru f’dawk l-inħawi. Fl-Ewropa, din is-sistema fewdali nqatgħet lejn l-aħħar tas-seklu erbatax. Wara l-perijodu Normann u dak Svev, lejn l-aħħar tas-seklu tnax, Malta ngħatat bħala fewdu lil diversi nobbli Ġenoviżi. Fiż-żmien ir-renju Aragoniż u Kastellan, il-gżejjer Maltin kienu mgħoddija mir-Re ta’ Aragona bħala fewdu lil diversi nobbli u gwerriera alleati tiegħu. Minħabba f’hekk, bejn l-1370 sal-1530, Malta kienet dejjem ikkunsidrata bħala proprjetà li minnha n-nobbli fewdali fi Sqallija kienu jdaħħlu t-taxxi. Biż-żmien dawn in-nobbli bdew jafdaw il-l-artijiet f’Malta lil xi nobbli jew ieħor Malti. Biex nagħti eżempju, fl-1316, Artaldo de Barba ngħata bħala fewdu l-qasam ta’ Tabrija minn Federiku III, (ir-Re ta’ Aragona). Il-qasam tal-Qlejgħa kien mogħti lil Antonio Vaccaro; il-qasam tal-Budaqq kien mogħti lil Joannes de Aulesa (1398); L-art magħrufa bħala is-Saqqajja kienet mogħtija lil Antonio Inguanez (1442). Kien hemm ukoll oqsma oħrajn, bħal Djar il-Bniet, l-Għeriexem, il-Fiddien, il-Baħrija u Benwarrad li ngħataw ukoll bħala fewdu lil diversi nies. Matul dan iż-żmien f’Malta kienu nħolqu b’kollox mat-80 fewdu. Fl-1530, l-Ordni ta’ San Ġwann irrikonoxxa biss 13 minn dawn il-fewdi. L-Ingliżi, fl-1877, irrikonoxxew mal-35 fewdu. Minn dawn il-fewdi ħarġu t-titli tan-nobbiltà li jirriflettu s-sinjorità tal-intitolati b’dan il-mod: Markiż, Konti u Baruni. Ara: www.maltesenobility.com;   www.maltesegeneology.com.

FEXXIJA    (D)  Fritella. Ara: FIXKIJA.

FEZ      Ara: TARBUX.

FGUMA / FUGUNA     Il-materjal tal-għuda tal-lapes li fih jiddeffes iċ-ċomb tal-kitba. Ġieli l-istess kelma kienet tintuża biex tirriferi wkoll għaċ-ċomb nnifsu. Wistin Born fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, jgħid hekk: ‘…Kien ta’ spiss ixarrab il-fguna tal-lapes bit-tarf ta’ lsienu p, 48. Ara: FUGUN li ġejja mill-istess kelma. Tal. focone.

Fgura kappellaFGURA, IL-   Isem il-lokalità li żviluppat f’post urban bejn Ħaż-Żabbar u Raħal Ġdid, l-aktar dawn l-aħħar tmenin sena. Illum fil-Fgura jgħixu madwar it- 13,000 ruħ. Sa mitt sena ilu hawn kien ambjent totalment agrikolu, magħruf bħala Ta’ Fikara. Dan kien kunjom jew laqam li jidher f’dokumenti tas-seklu ħmistax. Biż-żmien, hawn ġew il-patrijiet Karmelitani li kienu ħadu ħsieb din il-kappella żgħira li dak iż-żmien kienet tinsab iżolata fl-għelieqi, daqs mitejn metru ’l bogħod mill-Mina ta’ Hompesch. Fil-Gwerra din kienet intlaqtet mill-bombi u ma reġgħetx inbniet. Fl-1945, il-patrijiet Karmelitani kienu krew dar bħala kunvent ftit mijiet ta’ metri aktar ’l isfel minn hawn. Bil-mod il-mod, hekk kif it-triq prinċipali li OLYMPUS DIGITAL CAMERAtgħaqqad lil Ħaż-Żabbar ma’ Raħal Ġdid bdiet tieħu sura, f’dawn l-inħawi beda tiela’ aktar bini li finalment għaqqad iż-żewġ postijiet ma’ xulxin. Kienu bosta li investew fil-bini ta’ appartamenti u djar, għall-bidu biex jinkrew lill-uffiċjali tas-Servizzi Ingliżi u l-familji tagħhom. Fis-sena 1950, inbniet knisja żgħira eżatt mal-kunvent. Il-Fgura saret parroċċa fis-sena 1965. Il-popolazzjoni tal-Fgura kibret sew fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Fis-sena 1988 inbniet il-knisja l-ġdida, magħmula mill-konkos, fi stil modern. Qrib fejn qabel kienet teżisti l-ewwel kappella, twaqqaf salib fuq erba’ kolonni. Dan hu speċi ta’ Salib tad-Dejma li jirrappreżenta l-erba’ ‘lokalitajiet’ minn fejn ġew bosta mill-abitanti tal-Fgura, jiġ., il-Kottonera, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar u Raħal Ġdid. Ara: Place-Names of the Maltese Islands, c. 1300-1800, G. Wettinger. Ara wkoll: SALIB TAD-DEJMA.

FIDDIEN    1.  Tista’ tfisser kemm, art fertili kif ukoll, għalqa. 2. It-tul tal-art li tista’ tingħażaq minn żewġ barrin f’jum wieħed. 3.  Raba’ fin-naħa tar-Rabat li għandu dan l-isem. Għ. Faddaan – art miżrugħa.

FIERES  (pl. ifirsa)   Kelma li ġejja mill-Għ. Li tfisser, ir-rikkieb taż-żiemel. Kavallier jew suldat rikkieb iż-żiemel. Appel. li jingħad b’mod ta’ tifħir lejn il-qaddis patrun San Ġorġ mill-Qriema meta jgħidu, ‘Żiemel sbejjaħ u fieres isbaħ.’

FIĠEL    Tip ta’ insalata magħrufa wkoll bħala RAFANELL. Idj. ‘Nadif fiġel’, tingħad għal xi ħadd li jkun nadif xummiema, l-aktar wara li jkun ħa banju, jew inkella għal xi ħadd ta’ ġilda bajda. Ing. Radish.

FIGURIN / FIGORIN    Bniedem li jilbes b’mod eleganti. Mudell li jippoża għal fotografija biex jirreklama ilbies eleganti. Ir-ritratti ta’ din il-persuna fil-pubblikazzjoni tal-moda. Fl-antik, kull magażin tal-moda li kien joħroġ għal-bejgħ kien jissejjaħ hekk.

fil.jpgFIL    (pl. fjiel)   L-isem Semitiku u l-Malti antik għall-iljunfant. Dan l-isem hu inkluż fil-Lexicon ta’ M.A.V. (1796). In-nomenklatura ‘fil’ tindika li dan l-annimal kien beda jissejjaħ hekk f’Malta miż-żmien meta l-Għarbi kien l-ilsien tal-poplu, mis-seklu disgħa ‘l quddiem. Biss jista’ jkun ukoll li dan l-isem baqa’ anki miż-żmien Puniku. Nafu li, fost ħafna oħrajn, Annibale ta’ Kartaġni, Alessandru l-Kbir tal-Maċedonja, u Pirrus ta’ Epirus użaw dan l-annimal bħala mezz ta’ trasport u għal skopijiet ta’ battalji u gwerer. Anki fi żmien il-medjuevu meta Malta kienet taħt id-dominju tal-Iżvevi, l-iljunfant Asjatiku ntuża fis-sena 1229 minn Federiku II, meta attakka l-belt ta’ Cremona fl-Italja.

Filago_vulgaris_Sturm20.jpgFILAGU / FILAĠJU    1. Pjanta li tikber fil-kampanja, l-aktar fix-xagħri jew fil-widien. Is. xj. Filago germanica (Ing. common cotton rose). 2. Appel. li jingħad b’mod fig. meta jitfgħu il-ħtija fuq xi ħadd, anki jekk fil-verità l-ħati ma jkun min hu l-ħati. Kienu jgħidu: ‘Filagu serqu l-bajd!’, jiġ., xi ħadd seraq l-oġġett, u għaldaqstant xi ħadd irid iħallas għad-danni. Ġieli kien jingħad ukoll: Dak hu l-filagu tad-dar’ – rif. għal xi ħadd fil-familja li dejjem iwaħħlu fih f’kulma jiġri. (Ing. scapegoat). Rif. wkoll għal xi tfajjel imqareb. Etim. mhix magħrufa. Sors: J.A.

FILASTROKK    Ġabra ta’ karti li jkunu mitluqin fuq xulxin bla kont ta’ xejn. Mazz karti b’kitba fuqhom, jew dokumenti, li mad-daqqa ta’ għajn ma jidhrux li għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin. Etim. Tal. filastrocca – M. tqabbila tat-tfal li tirrakkonta xi storja jew aneddotu qasir ħelu, biss kultant ma tagħmilx sens. Diskursata li ma tkunx maħsuba sew u li ma tinftihemx. Sors: J.A. Ara: http://www.etimo.it.

FILDIFERRU / FIRDIFERRU    Wajer irqieq tal-ħadid jew tal-azzar li jintuża l-aktar biex jorbot oġġett ma’ ieħor.  Kull tip ta’ oġett maħdum b’ħafna wires irqaq ngħidulhom wajer tal-fildiferru. Wajer li jintuża biex jintrama reċint fejn fih jinżammu l-annimali jew l-għasar. Fildiferru jnigges, (Ing. barbed wire). Tal. fil di ferro. Taqbila li kienet tingħad:

Anġlu bellu
saqajh tal-fildiferru
denbu tar-rix
meta jaqa’ ma jbatix.

fildiferru 52

Forma kemxejn vulgari kienet tgħid:

Anġlu bellu
saqajh tal-fildiferru
sormu tar-rix
meta jaħra’ ma jbatix.

filepx.jpg

FILEP    Idj: ‘Telgħalu San Filep’: irrabja ħafna, tilef l-erre. Ma baqax kalm. L-oriġini ta’ din il-frażi hi dubjuża.  Jidher li din l-idjoma ma tirriferix għal San Filep ta’ Aġira, il-qaddis patrun ta’ Ħaż-Żebbuġ, kif ħafna jaħsbu, iżda x’aktarx għal San Filippu Neri li twieled Firenze, (1515-1595). Dan il-qaddis kellu karattru ġentili għall-aħħar u anki kellu sens ta’ umoriżmu. Biss, f’episodju minnhom, San Filep kien qiegħed jagħmel minn kollox biex jipperswadi bniedem ikkundannat biex jindem u jbiddel ħajtu. Il-midneb baqa’ stinat u ma riedx jisma’. San Filippu Neri, fl-aħħar qabdu mill-kozz ta’ għonqu u sabtu mal-art. Dan il-kriminal tant inħasad b’dan l-aġir, li malajr aċċetta li jindem u għamel qrara sħiħa dak il-ħin stess. Din l-istorja qed turina li anki jekk stess qaddis, u bniedem ta’ ċertu natural ħelu jista’ jitlef sabru. L-idjoma qed turina li anki il-kwiet kwiet kapaċi taqbiżlu u jċapċpha lil xi ħadd f’mument ta’ rabja.

filermosFILERMO,  Il-MADONNA  TA’   Pittura (tempera fuq l-injam 44 ċm x 36 ċm) iddekorata bil-fidda, li l-Kavallieri tal-Ordni ġabu magħhom minn Rodi fl-1530. Filermos hi muntanja li tinsab f’Rodi, fejn kien hemm knisja u li fiha din il-pittura kienet meqjuma mill-Kavallieri tal-Ordni.  Bil-Grieg, din l-ikona kienet magħrufa bit-titlu Queovtoko Filevremou – M. ‘Omm Alla ta’ Filermo’. Tant kienet meqjuma li l-Ordni ġabha miegħu Malta, u meta l-Ordni tkeċċa, l-Gran Mastru Hompesch ħa din l-ikona miegħu Trieste. Meta Hompesch miet, din l-ikona ġiet mogħtija lill-Kzar Pawlu (Pavel) I, li żmien qabel kien elett minn uħud mill-Kavallieri bħala l-Gran Mastru l-ġdid tal-Ordni flok Hompesch. Din l-ikona ittieħdet bosta drabi minn pajjiż għall-ieħor, sakemm fit-Tieni Gwerra Dinjija, spiċċat fi knisja Ortodossa fil-Montenegro.  Għal ħafna snin wara din l-ikona kienet intesiet u bħal intilfet, tant li ħadd mill-Ordni ma kien jaf x’ġara minnha. Kien biss fl-1997, li membru tal-Ordni skopra l-ikona fil-Mużew Nazzjonali tal-Montenegro fejn kient għall-wiri. Ara: www.smom-za.org. u The Times  (of Malta), Wednesday, May 28, 1997.

Filfla x.JPGFILFLA    1. Żerriegħa waħda tal-felfel. 2. L-isem tal-gżira żgħira li tinsab daqs 5 km ’l bogħod fin-Nofsinhar ta’ Malta, tħares lejn Wied iż-Żurrieq. Din il-gżira hi magħmula minn blata waħda b’sisien li jilħqu sa 70 m għoli. Għal ħafna żmien din il-gżira kienet tintuża mill-flotta u l-air force Ingliżi, bħala bersall fl-eżerċizzi militari tagħhom. Bir-riżultat ta’ hekk ħafna blat ta’ din il-gżira tfarrak u waqa’ taħt is-sisien fuq il-blat jew fil-baħar. Fost il-fauna li fuq din il-gżira hemm il-gremxula endemika (Podarcis filfolensis sp. filfolensis) kif ukoll bebbuxu rari, id-dussies ta’ Filfla. Hemm ukoll tliet speċi ta’ għasafar li jbejtu fuq Filfla; dawn huma iċ-ċief, il-kanġu ta’ Filfla u l-gawwija prima. Din tal-aħħar tiekol kollox, anki saħansitra ’l-kanġu ta’ Filfla. Fl-imgħoddi kienet tbejjet ukoll il-garnija. Fl-1988, Filfla kienet iddikjarata riserva naturali, ‘Żona ta’ Ħarsien Speċjali’ u ta’ importanza internazzjonali, skont id-Direttiva tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea. Ara: Filfla and its Birdlife ta’ Joe Sultana u Charles Gauci f’Heritage Vol. 2 pp. 568-570;  A Guide to the Birds of Malta ta’ Sultana J, Gauci C. u Beaman M.  

FILIGRANU   Xogħol tal-idejn artiġjanali u tradizzjonali Malti. Jissemma minn Thomas MacGill fil-ktieb tiegħu, A Handbook, or Guide, for Strangers Visiting Malta, (mitbugħ għand Luigi Tonna, Malta, 1939). Ix-xogħol tal-filigranu li MacGill isemmi kien jinħadem fil-fidda u d-deheb. Skont l-istess awtur oġġetti bħal dawn kienu jinbiegħu lill-viżitaturi barranin mingħand Critien ta’ numru 69, Strada Forni, l-Belt.

          filugranunt-3.2g-530-510x510.jpg                  filigree_pendant_694

FILJALI   Dan l-appellattiv jintuża l-aktar fil-frażi ‘knisja filjali’, rif. għal dawk il-knejjes jew kappelli li jaqgħu taħt il-knisja parrokkjali, kemm jekk dawn jinsabu fl-abitat kif ukoll fil-kampanja bħal kappeli żgħar barra r-raħal. Dawn il-kappelli jissejħu wkoll SUKKURSALI – jiġ. fergħat tal-parroċċa. Biex nagħti eż., il-knisja parrokkjali ta’ San Pawl, il-Belt Valletta, għandha bħala l-knejjes filjali tagħha, il-knisja tal-Madonna ta’ Liesse, il-knisja tal-Ġiżwiti u l-knisja tal-Erwieħ. Fil-Medjuevu u qabel il-Konċilju ta’ Trentu kienu jeżistu wkoll il-‘parroċċi filjali’. Parroċċa filjali kienet tkun dik li tibqa’ tagħraf lill-parroċċa minn fejn ħarġet bħala l-Matriċi tagħha. Eż. fir-Rabat, Għawdex, kien hemm tliet parroċċi filjali: San Ġakbu, San Ġorġ u dik tan-Natività, jew kif inhi magħrufa aħjar, Santa Savina. Fihom kienu jsiru s-sagramenti kollha ħlief il-magħmudija, għax din kienet il-prerogattiva tal-Matriċi. Sors ewlieni: Anton F. Attard.

filoxx.jpgFILOXX   Tip ta’ drapp qisu xibka ħafifa li titqiegħed fuq il-benniena jew is-sodda tat-tarbija biex din tkun protetta mill-gdim tan-nemus. Dan id-drapp jintuża wkoll biex jgħatti u jipproteġi l-ikel mid-dubbien. Minn dan id-drapp isiru wkoll velijiet u mantijiet, eċċ. Kelma jew mill-Isqallii, tull. Oriġ. Għ.  filax. Ing. Tulle. 

 

FIMINELLA   Ħolqa żgħira tal-metall meħjuta fil-ħwejjeġ, qliezet eċċ, biex tirċievi l-buttuna fiha billi din tingħafas u tingħalaq magħha.  Billi din hi parti minn żewġ, u hi l-parti li fiha tidħol il-parti ‘maskili’, din jgħidulha, fiminella, li ġejja mill-Isqalli, fiminella, (Tal. femmina).

FINESTRUN / VELESTRUN / VINESTRUN    Tieqa li norm. għandha l-forma ta’ nofs qamar iħares ’l isfel, u li tkun fuq il-bieb ta’ barra. Dan jista’ jkun tal-injam jew tal-ħadid. Ġieli l-vilestrun jkun mbarrat bil-ferrobattuto fuq quddiem biex ma jkunx hemm lok li xi ħadd ikisser il-ħġieġa u jidħol  ġewwa. Tal. finestrone – M. tieqa kbira.

fintusax.jpgFINTUSA / VINTUŻA    Tip ta’ kura tradizzjonali li tintuża minn diversi kulturi kontra l-irjiħat u mard ieħor. Il-pazjent titpoġġielu fuq ġismu tazza sħuna, tal-ħġieġ jew tal-injam fejn hemm bżonn, eż., fuq dahru, żaqqu u postijiet oħra. Din it-tazza teħel mal-ġisem hekk kif l-arja ta’ ġot-tazza toħroġ ’il barra u b’hekk il-ġilda tinġibed ’il ġewwa lejn il-gewwieni tat-tazza. Dan isir bil-ħsieb li l-mard ‘jinġibed’ u joħroġ ‘l barra mill-ġisem u ċ-ċirkolazzjoni tad-demm tistimula ruħha. Illum għad hawn min jagħmel użu minn din il-kura hekk imsejħa ‘alternattiva’ bħala rimedju, pereż., biex itaffi l-uġigħ fil-muskoli jew kontra xi riħ. Sqal. vintusa. Ing. cupping glass jew ventose. 

FIRDIFERRU   Ara: FILDIFERRU.

Firdirrams.jpgFIRDIRRAM / VERDIRRAM   Tip ta’ patina jew għakar ta’ kulur ħadrani li joħroġ mir-ram jew bronż wara ċertu żmien, speċ. jekk dan ikun espost għall-arja u l-melħ tal-baħar. 2. Kulur li kien użat fil-Medjuevu biex ipinġu bih. Dan il-kulur kien jinġabar mill-materjal ħadrani tal-verdirram. Il-materjal ta’ dan il-kulur kien ukoll jinġabar minn materjal tar-ram billi dan kien jitħalla għal ħafna żmien imċappas bl-inbid jew bil-ħall. Ing. verdigris, kelma meħuda millFr. li final. tfisser ‘aħdar tal-Greċja’.   

firilla72.JPGFIRILLA / FERILLA   1. Dgħajsa, qisha luzzu żgħir jew kajjikk, li fl-antik kienet tintuża ħafna għas-sajd. It-tul tagħha hu anqas minn tmien metri. Il-firilla għandha l-opramorta tagħha baxxa aktar minn dik tal-luzzu u għaldaqstant hu aktar faċli li s-sajjied jilħaq wiċċ il-baħar b’idu biex iniżżel jew itella’ x-xbiek jew il-konzijiet mid-dgħajsa. Apparti minn hekk, il-firilla hi eħfef mil-luzzu. Fl-1921 kien hawn irreġistrati fil-gżejjer Maltin mal-mitejn firilla li kienu jintużaw għas-sajd. Minħabba li s-sajjieda bdew jistadu ħafna aktar ’il barra mill-art, żdiedu aktar il-luzzijiet, li huma tal-istess għamla, biss ikbar mill-firilla. B’hekk illum din id-dgħajsa kważi spiċċat għal kollox. 2. Skont Mikiel Anton Vassalli din hi bhima ċkejkna. Idj: ‘Dik it-tfajla qisha firilla’ – rif. għal xi tfajla fuq ruħha, ħafifa u anki b’figura grazzjuża. Sqal. verililla. Ara: Fishing in Malta ta’ Stanley Farrugia Randon, pp. 58, 59; Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni,  Ġużi Gatt, p. 202.  

FIRJOL  Tip ta’ mantar, norm. iswed u tas-suf, li l-membri tal-kleru kienu jilbsu fuq l-ispallejn, biex jipproteġu l-ħwejjeġ l-oħra ta’ fuqhom. FIRJOLUN  Mantell kbir tal-qassisin. FRAJWEL   Mantell żgħir. Sqal. firriolu – M. mantell.

fisqija Knisja SPawl two  011.jpgFISQIJA       (Pl. fsieqa) 1. Dan kien drapp li fih kienu jgeżwru lit-tarbija biex tkun protetta mill-mard sakemm tkun għadha tal-idejn. Id-drapp magħfus suppost kien ukoll jgħin biex iżomm dritta s-sinsla tad-dahar. Terħa jew faxxa wiesgħa tal-fustan li jdawruha maż-żaqq tal-marid. 2. Hemm tip ta’ fisqija oħra li tkun magħmula minn xi erba’ tipi ta’ ħrieqi differenti. Il-ħrieqi kienu jkunu ta’ drapp differenti biex jilqgħu il-ħmieġ u fl-istess ħin jagħmlu s-sħana u jżommu kollox marbut sewwa. Waħda minn dawn il-ħrieqi tissejjaħ ‘il-QLEJBA’.

FISSIER L-INĠIER   Dak li jispjega l-Vanġelu. M.A.V. (1796).

FISTLA   Infezzjoni fil-ġilda fejn jikber musmar jikber minn ġewwa (ngħidulu musmar maqlub) u li jnixxi l-materja. Nuffata fonda.  Idj:  ‘Kemm int fistla!’ – tingħad lil xi ħadd fitt, diffiċli jew ta’ ksir il-għajn.

FISWA   Bassa bla ħoss.  Fig. Meta xi ħadd ipaċpaċ iżżejjed u jikxef xi sigriet li jkun intqal, dan jgħidulu ‘fiswa’.  Ngħidu, ‘Mar fesa kollox ma’ kulħadd’. Qawl: Minn bassa jogħxa u minn fiswa jmut. Varjant ta’ dan il-qawl hemm iehor: Bassa ddaħħaq, fiswa ġġelled.

fiswet il-kelb_27FISWET IL-KELB  1. Is. xj. Scrophularia peregrina. Ing. Nettle leaved figwort jew Mediterranean figwort. Pjanta li fl-antik kienet tintuża bħala mediċina biex tfejjaq mis-sogħla. Din il-pjanta kienet titgħalla u tinxtorob bħat-te. Il-fiswet il-kelb tikber l-aktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Mediterran.  2. Glandola fil-ġisem li tinħass l-aktar taħt il-griżmejn, taħt il-abt jew bejn il-koxox qrib l-organi sesswali. Din tintnefaħ meta dik il-parti tal-ġisem tkun effettwata b’xi marda jew ġerħa.  ĠISEM  IL-BNIEDEM.

FITEL  1. Tul ta’ nofs xiber. Il-wisa’ ta’ bejn is-saba’ l-oħxon u s-saba’ l-werrej hekk kif dawn ikunu miftuħin. Dan il-kejl jintuża fil-logħob tat-tfal meta wieħed ikejjel l-ispazju bejn żibġa (jew boċċa) u oħra.   2. v. Lewa oġġett (bħal għaġina eċċ.) bejn is-swaba’ jew fuqu nnifsu biex dan jirqaq u jitwal meta jkun għadu artab. FITTILLU  Baramlu f’moħħu. Qab. ma’ FETTUL.  FITLA    Ħaġa milwija; ħajta mibruma fuqha nnifisha.  2. Kwistjoni bejn tnejn.

FIXFIXÒ   Ħafna oġġetti ta’ żina personali li jintlibsu bħala l-ornamenti li jispikkaw fuq il-ħwejjeġ. Eż., kwantità ta’ oġġetti tad-deheb, brazzuletti, kullani, imsielet, eċċ. Sqal. Fisciu / Fr. Fichu: xalla tal-għażel milwija biex tifforma trijangolu u li kienet tintlibes min-nisa, l-aktar fis-seklu tmintax.

FIXKIJA   1. Għaġina li tinħadem ċatta u tonda, speċi ta’ torta li timtela’ bil-ġbejniet. Ikla li tittiekel l-aktar hekk kif tkun għadha sħuna. 2. Tavla ħoxna mal-ħames ċentimetri; bosta twavel bħal din jitqiegħdu ħdejn xulxin fuq il-qigħan jew fuq il-gverta tal-bastimenti. Ġieli dawn it-twavel jiksu wkoll iċ-ċangaturi tas-swali. Agius de Soldanis jgħidilha feschia.

fixxaFIXXA     1. Pedina tal-logħob li fl-antik kienet tkun tonda u magħmula mill-għadam, eċċ. Din kienet tintuża biex tissarraf ma’ flus fil-logħob tar-rulett jew logħob ieħor tal-ażżard. 2. Fixxa hi karta tal-logħob li tintlagħab fil-belladonna (dan l-isem jintuża fi Sqallija – fl-Italja tintlagħab kemxejn differenti u msejħa Scopa). 3. Fig. Xejn. idj: ‘spiċċajt fixxa’ – ma fadalli xejn. Bla flus. Fr. fiche; Tal. fiscia. Ing. fish (mil-logħba fish fejn min ma jkollux il-karta mitluba jgħid lil-lagħbi li saqsieh għaliha ‘go fish’.  Sors etim: J.A.     

fjakkolata vigil.jpgFJAKKOLATA  Mixegħla bil-fjakkli (torċi). Purċissjoni fejn il-partiċipanti jġorru fjakkola kull wieħed bħala qima eż., lejn il-Madonna jew xi qaddis ieħor. Il-fjakkli mhux dejjem jinġarru fl-idejn. Dawn jistgħu jinxtgħelu f’diversi reċipjenti u mqiegħda fit-toroq jew fuq is-swar. Il-fjakkolati huma dokumentati digà fis-seklu sittax, mhux biss f’okkażjonijiet reliġjużi bħall-Imnarja, iżda anki f’ċelebrazzjonijiet oħra ta’ ferħ. Fis-sena 1519, il-Viċirè ta’ Sqallija kiteb lill-Muniċipju tal-Imdina biex jorganizza fjakkolata ad unur tar-Re Karlu V ta’ Spanja, li fil-15 ta’ Lulju kien sar Imperatur. Dawn il-fjakkoli kienu jikkonsistu f’reċipjenti żgħar tal-fuħħar li fihom tinxtegħel fjamma żgħira. Tal. fiaccolata.  

fjokki xxFJOKK/I   1. Ornament tal-fidda li jitqiegħed fuq il-lampier ta’ quddiem is-sagrament. 2. Ġmiem. Idj:  ‘Ippreparalu ikla bil-fjokki’ – ikla ta’ kwalità mill-aqwa; xi ħaġa magħmula biex issebbaħ oġġett; servizz ta’ kwalità. L-enfasi superlattiv jingħad ukoll b’mod ironiku, b’mod negattiv, eż. ‘Laqqat riħ bil-fjokki’.   2. Il-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem ta’ bastiment jew dgħajsa; ġibb. Tal. fiocchi – M. ċoff jew tajjara żgħira li tintuża biex timsaħ l-għaraq. Tal. coi fiocchi – M. xi ħaġa mill-aqwa, bil-ġmiemen. 

fjorin peter iv aragon k. 1336 - 1387FJORIN    L-ewwel darba li ġiet mitbugħa din il-munita kien f’Firenze, fl-1252. Minħabba li Firenze kienet belt attiva ħafna fil-kummerċ internazzjonali u b’saħħitha ekonomikament, din il-munita kienet valuta aċċettata f’bosta pajjiżi.  Anki f’Malta, din il-munita kienet tintuża sew meta jsir il-kummerċ ma’ barra. Bħala valuta u disinn, din il-munita ftit li xejn tbiddlet sas-seklu sittax. Mal-fjorin ta’ Firenze kien hemm ukoll il-fjorin ta’ Aragona. Kien hemm żmien meta l-inbejjed impurtati f’Malta kienu jiġu intaxxati fjorin kull bettija. Fl-istorja ta’ Malta il-fjorin jissemma meta fl-1426, il-Maltin riedu jeħilsu minn Gonsalvo Monroy, billi jħallsu s-somma ta’ 40,000 fjorin (Aragoniż), biex dan jagħtihom lura l-libertà mill-ħakma tiegħu. Din kienet tant somma kbira li l-Maltin ma rnexxielhomx jiġbruha. Meta fl-1429, Monroy kien wasal biex imut, il-Maltin, li dak iż-żmien kienu jlaħħqu mal-10,000 ruħ, irnexxielhom jiġbru biss 20,000 fjorin.

flabellxx - Copy.pngFLABELL   Tip ta’ mrewħa kbira li kienet tintuża fuq il-presbiterju waqt il-quddies. L-oriġini tal-flabell imur lura sa żmien il-Faragħuni tal-Eġittu, u ta’ spiss narawh fit-tpinġijiet ta’ dak iż-żmien. Din l-imrewħa kienet tkun magħmula ġen. mir-rix tan-nagħma jew tal-pagun, jekk mhux ukoll minn weraq finti, u kienet tkun miżmuma mid-djaknu. Biż-żmien il-flabell ħa xejra simbolika, għax kien jagħti wieħed x’jifhem li kemm iċ-ċerimonja kif ukoll iċ-ċerimonjant kienu ta’ ċerta importanza. Illum il-flabell jintuża biss f’xi ċerimonja solenni li jkun qiegħed jieħu sehem fiha l-Papa. Tal. flabello, final. Lat. flabellum.   

FLANELLA   Tip ta’ drapp magħmul mis-suf jew mill-qoton, li norm. jintuża l-aktar fil-produzzjoni tal-qomos jew flokkijiet ta’ taħt, kif ukoll fid-drappijiet tal-lożor tas-sodda. Il-flanella tintuża l-aktar minħabba li hi magħmula minn drapp li kapaċi jżomm il-ġisem sħun. Tal. flanella jew franella. Ing. flannel. Etim. Lat. velamen – velu jew kutra. Fr. flaine – tip ta’ kutra, final. Tal. lana – M. suf.

FLETT     1. Laħam taċ-ċanga mingħajr grass u maqtugħ mill-koxxa ta’ wara tal-karkassa. Laħam maqtuh irqieq u fin mill-warrani tal-bhima.  2. Il-ħadida li titqiegħed f’ħalq iż-żiemel jew bagħal biex mat-truf tagħha jintrabtu r-riedni.

FLEJGUTA     Flawt żgħir.  Tal. antik:  flagioletto.

fliegu-200903-024FLIEGU / FIREGU   Baħar dejjaq bejn żewġ artijiet. Din il-kelma tintuża biss għall-baħar ta’ bejn il-Marfa, f’Malta u l-Imġarr ta’ Għawdex. A. de S. jiddisrivi dan it-terminu bħala l-Friegu ta’ Malta (bejn Malta u Kemmuna) u l-Friegu ta’ Għawdex, (bejn Għawdex u Kemmuna). M.A.V. jagħiha bħala Frigu u jittraduċiha bħala, stretto di mare (Lexicon p. 134).  Tal. Frego; segno di divisione E. S. I.

FLIEN    Nom u aġġ. li kien jintuża ta’ spiss b’mod kollokwiju meta wieħed jirriferi għal xi ħadd kwalunkwe, jew għal xi ħadd li ma għandux għalfejn jissemma ismu. Ġużè Galea juża dan it-terminu fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli (p. 133) hekk: ‘…Mhux int is-sur Martin? staqsa dak il-flien’.

FLETT   1. Laħam taċ-ċanga mingħajr grass u maqtugħ mill-koxxa ta’ wara tal-karkassa. Laħam maqtuh irqieq u fin mill-warrani tal-bhima.  2. Il-ħadida li titqiegħed f’ħalq iż-żiemel jew bagħal biex mat-truf tagħha jintrabtu r-riedni.

FLIT_Spray_Can_2.jpgFLITT   Dan l-isem, oriġ. Flit, kien isem ta’ prodott kummerċjali ta’ insettiċida li beda jinbiegħ għall-ewwel darba fl-1923, mill-iStandard Oil Company ta’ New Jersey. Dan il-prodott, magħmul miż-żejt minerali, kien jintuża biex joqtol l-aktar id-dubbien u n-nemus. Fis-snin erbgħin u ħamsin, l-Esso żied mat-taħlita ta’ kimiċi tiegħu d-DDT (5% mill-Flit). Sas-snin sittin dan l-isprej kien popolari mad-dinja kollha, sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa bdew jifhmu aħjar l-impatt ħażin ta’ din it-taħlita kimika, kemm fuq l-ambjent inġenerali kif ukoll fuq in-nies u l-annimali. Biż-żmien il-Maltin bdew jużaw l-isem Flit bħala terminu ġeneriku kull meta jirriferu għal kull tip ta’ insettiċidi jew sprays ta’ diversi tipi. Minn dan l-isem ħareġ il-verb IFFLITTJA, jiġ. ‘sprejja’. Wara numru ta’ snin il-pestiċidi u sprays oħra kienu bdew ikunu bbottiljati u ppressati ’l barra bil-Chlorofluorocarbons (CFCs) li jagħmlu ħsara ’l-ożonu. Dan inqata’ wkoll u llum jintużaw rotating atomisers għal kull tip ta’ sprays li jkun ibbottiljat.

FLOKK    Tip ta’ qlugħ li kien jintuża fuq il-bastimenti żgħar fi żmien l-Ordni. M.A.V. jittraduċi din il-kelma għat-Taljan bħala cappio.

FLUS JAĦARQU     M.A.V. (1796)  jfisser din il-frażi bħala denari in contanti.

FLUS  TA’  ŻMIEN   IL-MEDJUEVU      Fost il-muniti li kienu jiċċirkulaw f’’Malta fi żmien il-Medjuevu, mill-1283 sa l-1530, kien hemm  il-grano, l-onca ta’ Sqallija, il-fjorin ta’ Aragona, il-karlin u d-dukat. Biex wieħed jieħu idea tal-valur ta’ xi wħud minn dawn il-muniti, nagħti dawn l-eżempji: Il-kapumastru li kien jaħdem fil-kostruzzjoni tal-bini kien jaqla’ 25 grano, waqt li bennej normali kien jaqla’ 10 grani. B’10 grani kont tixtri par qrieq (sandli), iżda biex tixtri żarbun tal-ġilda kont trid tħallas żewġ karlini. Biex wieħed jiġbor aktar tagħrif fuq il-muniti b’mod aktar iddettaljat, ara: FJORIN, KARLIN u ONĊA. Ara: Slavery in the Islands of Malta and Gozo ca. 1000 – 1812, ta’ Godfrey Wettinger, p. 22.  

FLUS  TA’  ŻMIEN L-ORDNI    Meta l-Ordni wasal Malta fl-1530, mill-ewwel ħaseb biex jibda jistampa l-flus tiegħu f’Malta. Dan seħħ l-ewwel darba fl-1534. Matul il-perijodu tal-Ordni f’Malta, xorta baqgħu jiċċirkolaw fl-idejn ħafna muniti ta’ renji differenti, l-aktar minħabba l-kummerċ li l-Ordni kellu ma’ barra. Eż., id-dublun u l-pjastru Spanjoli, iż-żekkin Venezjan, u l-Louis d’Or Franċiż. Għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-Maltin kienu jħallsu bil-ħabbiet. Skud wieħed kien iservi daqs paga ta’ xahar għal suldat tal-għassa. L-aqwa biċċa munita li kienet tiswa kienet dik tat-tnax iz-zekkin li ġiet maħruġa fi żmien il-Gran Mastru Vilhena (1722 – 1736). Ċerti idjomi bħal: ‘tal-ħabba gods’; ‘ma jiswix pattakka’, ‘jew ma jiswix karlin’, għadhom ifakkruna fi żmien l-Ordni. Ara: www.centralbankmalta/org/site/currency.  Ara: ĊINKWINA,  ĦABBA, PATAKKA,  SKUD.

Munita                       Tiswa

Zecchino                     4 skudi u 3 uqijiet
Skud                        12-il tari
Taro (pl. Tari) / Rbiegħi    2 karlini
Karlin                       2 ċinkwini (jew 10 ħabbiet)
Ħabba (grano)                6 piccioli

FLUS  TA’  ŻMIEN L-INGLIŻI    Meta l-Ingliżi bdew jamministraw il-gżejjer Maltin, dawn ħallew il-flus tal-Ordni jiċċirkulaw bħala valuta legali sal-1828. Fl-1825, l-Ingliżi introduċew il-flus tagħhom, iżda ma dawn żiedu l-ħabba Ingliża jew il-grain. Din il-munita kienet tintuża f’Malta biss, biex iżżomm l-istess valur tal-ħabba jew il-grano ta’ żmien l-Ordni. Dan għaliex il-muniti Ingliżi kienu wisq għolja għax-xiri ta’ oġġetti ta’ kuljum. Tnax-il grain kienu jiswew sold (Penny). Il-grain baqgħet tkun mitbugħa sal-1913, u l-ħabba baqgħet tintuża mill-Maltin sas-snin għoxrin.

Munita                              Tiswa
Crown                               3 skudi
Skud                                1 (xelin u 8 soldi)
Half Crown (tmintax irbiegħi)       1 skud u 6 tari
Shilling                            7 tari u 4 ħabbiet / 12-il sold
Sixpence                            6 soldi
Threepence                          3 soldi
Penny  (ram)                       12-il ħabba
Half Penny (ram)                    6 ħabbiet
Farthing (ram)                      3  ħabbiet
Tmintax irbiegħi = 18-il tari      2 shillings 6 pence
Tliet karnijiet (karlinijiet)      2 ½ pence
Tliet ħabbiet                      1 farthing

FLUS TAL-ĠILD     Espr. li tirriferi għal flus li ma jiswew xejn. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Flusi mhux tal-ġild, tafx!’ – jiġ., jien għandi flus biex inħallas bħal ħaddieħor. Flus li ma jiswewx kienu jgħidulhom ukoll ‘flus ta’ Santa Liena’. Dan għaliex, skont leġġenda, f’Birkirkara kienu nstabu flus ta’ valuta qadima li ma baqgħux tajba biex jiċċirkulaw bħala valuta legali. Espr. oħra huma ‘flus tal-fallari’, ‘flus tal-Lhud’ u ‘flus taż-żmien’. Fil-ktieb Kif Ngħiduha, ta’ Ġino u Anna Muscat Azzopardi nsibu miktub hekk: ‘‘Flus tal-ġild’ ngħiduha għal min ma jħallasx.Ara: Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħrajn, Albert W. Agius, p. 132.

FNEJDAQ    Ara: FONDOQ.

FOMM IL-LIPP    Naspli. Ing. Common medlar. Sors V. Busuttil.

FOND TAL-KAFÉ   Il-frak talkafé mgħolli li jinġabar fil-qiegħ tal-istanjata meta l-kafé jitgħalla.

FONDOQ    1. Ħanut minn fejn jinbiegħ ikel u proviżjon ieħor. Taverna. 2. Lukanda, bl-Għarbi: al funduq.  M.A.V. (1796) jgħid li ‘fondoq’ tfisser ‘lukanda’ jew osteria, bottega de mercanti, u bil-Latin isejħilha publicum ospitium.  3. Trejqa dejqa nieżla ’l isfel (fil-fond), fejn ikun hemm bosta ħwienet bħal f’bażar orjentali fejn jinbiegħu l-ħwawar.

FONQLA    (pl. fnieqel).  Appel. għal bniedem li ma jaf jikkuntenta ruħu b’xejn. Bniedem li jdejjaq lil ta’ madwaru bil-ħtiġiet tiegħu. Dan l-aġġ. qabel kien aktar applikat għat-tfal. Illum jingħad aktar biex jiddeskrivi bniedem biżbetiku u qanżħa. Skont E.S.I., il-kelma kienet oriġ. fonqna jiġ. ‘il-fonq tagħna’ li tfisser ‘bniedem li jdejjaqna’.  Għ. Fannaq – M. ġiegħel lil xi ħadd jgħix ħajja b’mod ta’ rtubija femminili. Anki M.A.V. jikteb fonqna li jispjegaha bit-Tal. bħala, inquieto.

FORĊI      Isem fil-plural ta’ sellum li jinfetaħ forma tal-ittra A. Dan jissejjaħ, sellum forċi.

forcina DSCF0556FORĊINA   Lasta twila ġen. daqs metru u nofs u li min-naħa ta’ fuq tiegħu forma ta’ furkettun b’żewġ ponot tal-metall. Din tintuża bħala rfid biex meta r-reffiegħa tal-vari jkollhom bżonn jistrieħu dawn iqiegħdu l-lasti tal-vara fuq erba’ forċini. Il-kelma tintuża wkoll bħala ordni: ‘forċina!’ jgħajjat il-koordinatur tal-vara lir-reffiegħa biex dawn jieqfu mill-mixi u l-ġarr ħalli dawn jistrieħu. Din hi l-ordni biex jitqiegħdu il-forċini taħt il-lasti.  Tal. diminuttiv ta’ forca.

FORKAZZI    Lasti ħoxnin tal-injam forma ta’ V li jżommu il-buq tal-bastiment sod kemm mill-pruwa kif ukoll mill-poppa.

FORN TAS-SINJURIJA     (D.)  A. de S. jgħid li dan kien il-forn fejn jinħadem il-ħobż tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan kien fit-triq il-Belt li ġġib l-istess isem, Triq l-Ifran. Il-ħobż kien jissajjar u jitqassam, ‘per tutti li stipendiati della sua squadra, et altri schiavi ove chiamasi Pane di pietanza. 

FOSDQA    Ġewża jew qoxra ta’ barra taż-żrieragħ, pereż. tal-ful u l-karawett. Miżwed tal-ful. 2. Magħlaq tad-dud tal-ħarir. Ngħidu: ‘daħal ġo fosdqa’ – daħal f’qoxortu. v. FESDAQ .  Ara:  ĦALĠ.

fosos tal-qamh-grabjafurjanaFOSOS     (pl. ta’ fossa).  Dawn huma bjar fl-art, ġen. imħaffrin forma ta’ qanpiena u mgħottija b’għata tal-ġebel. Fihom kien jintrefa’ l-qamħ jew ċereali oħra, imsejħa tax-xott. L-akbar kwantità ta’ dawn il-fosos hi dik tal-Furjana, li hemm quddiem il-knisja arċipretali ta’ San Publju. Ħafna minn dawn huma ta’ żmien l-Ingliżi u baqgħu jintużaw sal-1962. Quddiem il-Forti Sant Iermu, fil-Belt, kienu tħaffru fi żmien l-Ordni 70 fossa, li bejniethom kienu jerfgħu 57,000 salma qamħ (19,000 tunnellata). Quddiem il-Berġa ta’ Kastilja kien hemm ħmistax-il fossa oħra. Fil-Birgu u l-Isla kien hemm 24 oħra kollha ta’ żmien l-Ordni. Fiċ-Ċitadella, ir-Rabat Għawdex, kien hemm tlieta biss minnhom. Kien hemm fosos oħrajn quddiem il-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana. Ara: FOSSA. Ara: ‘Il-Fosos – Underground Grain Storage in the Maltese Islands’, ta’ David Dandria, fi Treasures of Malta, No. 48 Summer 2010, Vol XVI, no 3, pp. 47, 53.      

FOSSA    Ħaġra prezzjuża li tkun ingastata fiċ-ċurkett. Norm. din hi riferenza għall-ikbar ħaġra fost oħrajn li jiddekoraw iċ-ċurkett, il-kuruna tar-re, eċċ, jew xi labra jew kullana.

FOUGASSE     Ara:  FAGOZZ.

FOXXA B & W.JPG
Mużew tal-Arkeoloġija   – Hajr: Heritage Malta

FOXXA    Rif. għal mara ħoxna ferm. Mara li tarmi s-saħħa. IL-FOXXA  L-isem mogħti mill-istudjużi lill-istatwetta tat-tafal tal-’Mara r-Rieqda’ li nstabet fl-Ipoġew waqt l-iskavi li kien għamel Patri Manwel Magri, wara li dan is-sit arkaeoloġiku bejn l-1902 u 1906. Din l-istatwa, daqs 11-il ċentimetru fit-tul tagħha, hi liebsa dublett, miżmum bi ħżiem madwar qaddha. Ras din il-figura hi mserrħa fuq imħadda. Ingħataw bosta raġunijiet għaliex din l-istatwa nħadmet u tqiegħdet f’ħofra tal-Ipoġew. Fost it-teoriji hemm dik li din il-figura tirrapreżenta mara marida jew tbati b’kundizzjoni u li ttieħdet fl-ipoġew biex tkun imfejqa. Nistgħu ngħidu mela, li din l-istatwa hi l-eqdem EX VOTO li għandna f’Malta. Ara: ĦOXBA. Sors: E.S.I.

Foxxna 058FOXXNA    Għodda biex tniggeż jew taqbad il-ħut biha. Furkettun bi tliet ponot jew aktar fit-tarf tal-virga jew il-lasta li tintuża biex taqbad il-ħut biha. Speċi ta’ lanza żgħira li tispara miIl-ħarpun. Fl-antik kienu jpinġu lix-xitan bil-foxxna f’idu, bħallikieku dan lest biex iniggeż biha lil dawk li wara mewthom jintbagħtu l-infern. v. IFFOXXNA  Espr. li tfisser: kiel ħafna (niggeż l-ikel kemm felaħ bil-furketta biex jiekol tajjeb.)

 

FQAD / FTQAD   Fi żmien l-Ordni dan kien l-ispettur jew il-kap tal-unità tal-gwardja. FTAQID   Ronda jew superviżjoni tal-fortizzi mill-uffiċjal inkarigat. Appel. li joħroġ mill-verb ‘faqad’ jew ‘ftaqad’, jiġ. għamel ir-ronda jew spezzjona xi ħaġa. M.A.V. (1796) jgħid: Ispettore a far cura di un particolare dipartimento.  Flir-rumanz Ineż Farruġ (1889) insibu hekk: ‘u bqajna hemm sa meta l-għajta tal-fqad taż-Żejtun nebbħitna li għamel il-ħin.Sors: Ineż Farruġ, ed. Charles Briffa, p. 221. FTAQAD  v. visitare per indagare.  Sors ieħor: F. Vella (1843). Fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, p. 44, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘…wara li baqa’ jgħarres u jiftaqad għal ftit tal-ħin l-Alfier ġabar is-suldati’.

FraDieguFRA DIEGU / FRADDIEGU    Hekk magħrufa l-pjazza prinċipali tal-Ħamrun. Dan minħabba l-monument imponenti ddedikat lil Fra Diegu li hemm wieqaf qrib l-għassa tal-pulizija. Il-pjazza proprjament jisimha Pjazza San Ġużepp. L-istatwa hi maħduma minn Vincenzo Apap u tqiegħdet fis-16 ta’ Ottubru 1932, waqt ċerimonja li kien attenda għaliha l-Isqof Pace kif ukoll il-Gvernatur David Campbell. Dan il-monument ifakkar lil dan il-fra li fil-verità, ismu proprja kien Gioacchino Bonanno. Fra Diegu twieled il-Belt fis-sena 1831, u ta’ 25 sena daħal mat-Terzjarji tal-Ordni ta’ San Franġisk. Imbagħad erba’ snin wara daħal fra mal-Franġiskani Minuri Ta’ Ġieżu. Wieħed mix-xogħlijiet tiegħu kien ta’ ċerkatur, jiġifieri , dak li regolarment jitlaq għal għonq it-triq biex jiġbor il-karità għall-bżonnijiet tal-patrijiet sħabu fil-kunvent. Ġara li waqt li kien jagħmel dan ix-xogħol beda jirrealizza u jiddispjaċih bil-kbir bil-miżerja li kienu jgħixu fiha ħafna nies li kien jiltaqa’ magħhom, l-aktar tfajliet li kien jara jiġġerrew fit-toroq. Minħabba f’hekk, fl-1860 kien talab permess biex jiftah dar ta’ rifuġju għalihom f’Bormla. Fl-1885 kien fetaħ dar oħra f’Ħal Balzan li wkoll bdiet isservi għall-istess skop. Imbagħad, bis-saħħa tal-Markiż Giuseppe Scicluna, Fra Diegu fetaħ dar oħra fi Triq Villambrosa, il-Ħamrun. Din malajr saret magħrufa bħala l-Istitut ta’ Fra Diegu. Biss Fra Diegu ma laħaqx ra dan ix-xogħol jitlesta għax miet fl-1902. Fra Diegu kien anki jiġbor il-flus biex ix-xbejbiet jingħataw id-dota tagħhom meta jiġu biex jiżżewġu. Ara: Fra Diegu Bonanno: Il-Franġiskan li ħaseb fil-fqir u l-batut ta’ George Aquilina (PEG), 2006, Heritage n. 36.

FRAKASS    1. Ħoss kbir. Ing. fracas. 2. Żrar li jintuża bħala bażi għat-toroq qabel ma jitpoġġa t-tarmak. Fig. v. It-tifel iffrakassa l-ġugarell li għadu kemm irċieva. Tal. fra+cassare. M. tfarrak.

FRAKASSIJA     Tip ta’ ikel, bħal stuffat, eż. frakassija tal-ħaruf jew tat-tiġieġ. Fr. Fricasée. Tal. Fricassea – M. ikel li hu mqatta’ biċċiet biex jissajjar – mill-Fr.  frire + casser

FRAKK   Ġlekk imfassal twil minn wara iżda qasir minn quddiem, u li jixbah il-bakkaljawwa. Ġistakor. Tal. frac mill-Fr. froc. Ara: BAKKALJAWWA

FRAMMASUN     Ara: MAŻUN.

franciziFRANĊIŻ,  KLIEM    Ma humiex ħafna il-kliem ta’ oriġini Franċiża li jintużaw fil-Malti. Fost dawn il-kliem insibu it-tislijiet bil-Malti ‘bonġu’ u ‘bonswa’ missier (monsieur – din tista’ tkun mill-iSqalli), trabuxù (tirebouchon), TOXX, u xi ftit kliem ieħor. Kultant diffiċli tgħid jekk il-kelma hiex ġejja mill-Franċiż jew mit-Taljan. Nemmen li ċertu kliem partikolari daħal fil-lingwaġġ Malti sforz il-kuntant ta’ kuljum bejn il-Kavallieri u negozjanti Franċiżi mal-Maltin, l-aktar fi żmien l-Ordni jew fi żmien l-Imblokk tal-1798 – 1800. Fis-seklu tmintax, il-parti l-kbira tal-Kavallieri tal-Ordni f’Malta kienu Franċiżi – daqs 400 minn xi 600 kavallier. Il-komunikazzjoni setgħet seħħet b’mod regolari mas-servitù, kif ukoll bejn l-uffiċjali u s-suldati Maltin. Kien hemm xi żmien li l-ordnijiet tal-manuvri militari kultant kienu jingħataw bil-Franċiż. Nafu wkoll, li fis-seklu sbatax, f’Malta stabbilixxew ruħhom numru kbir ta’ kummerċjanti Franċiżi, speċjalment dawk minn Marsilja. Skont studji li saru, nafu li bejn l-1603 u 1620 fil-parroċċa tal-Porto Salvu, il-Belt, kienu reġistrati 55 żwieġ bejn koppji fejn ir-raġel kien Franċiż u l-mara Maltija. Fl-1658, fil-parroċċa tal-Isla, kienu żżewġu daqs ħmistax-il koppja, fejn wieħed mill-għarajjes kien Franċiż. Dan ifisser illi fi żmien l-Ordni, it-taħlit bejn iż-żewġ ilsna kien qed jikber ġmielu. Wieħed mill-Franċiżi ta’ żmien l-Ordni li żżewweġ Maltija kien Pierre Jean Louise Ovide Doublet, li kien il-kap tas-segretarjat tal-Ordni fi żmien De Rohan kif ukoll fi żmien Hompesch. Ara: Aspects in the Relations Between Malta and France During the Grandmastership of Manoel de Vilhena, 1722 -1736. Ta’ Joseph Abdilla. R.U.M. History Department Library (teżi mhux ippubblikata). Malta Surrendered, ta’ Joe Scicluna, traduzzjoni bl-Ingliż ta’ ktieb li ġie ippubblikat fl-1880, dwar il-memorji ta’ Ovide Doublet.

FrankaKBIRmtaFRANK/A  1. Ħieles minn kull irbit.  2. LINGWA FRANKA   L-ilsien użat komuniment mill-poplu. 3. ĦADHA FRANKA – ma ħadimx; 4. ĠEBLA TAL-FRANKA – ġebla komuni li tinsab f’Malta, kemm f’saffi tal-blat mikxufa kif ukoll f’saffi mgħottija li jinsabu fuq il-livell taż-żonqor. Din il-ġebla hi mnissla mis-sediment marittimu ta’ perijodu ġeoloġiku ta’ miljuni ta’ snin ilu (x’aktarx bejn l-aħħar 15 u 5 miljun sena ilu). Tal. franca: xi ħaġa komuni.

FRANKUNI TA’    Sptar għal dawk in-nies li jsofru b’disturbi mentali. L-isem ġej minn Villa Francone, li kienet ir-residenza fil-Furjana ta’ Kavallier tal-Ordni li kien jismu Fra Fabrizio Franconi. Fl-1835, l-Ingliżi kienu bidlu din il-villa fi sptar għall-pazjenti tal-mard mentali. Dan l-isptar dam iservi sal-1861, meta mbagħad inbena sptar ġdid f’Ħ’Attard, li llum nafuh bħala l-Isptar Monte Carmeli. L-isem Ta’ Frankuni tkaxkar mal-pazjenti mill-Furjana għal Ħ’Attard għaliex sal-lum għad hemm xi wħud li l-isptar ta’ Ħ’Attard jirreferu għalih bħala Ta’ Frankuni. Ara: ‘History of Nursing in Malta’.  http://www.sahha.gov.mt/showdoc.

FRATEN     M.A.V. Tempesta.

FRAXKETTA   Tingħad għal dawk l-irġiel jew in-nisa moħħhom fil-frugħa. Xi ħadd moħħu fin-namrar;  xebba sfrattata. Ing. flirt. Etim. Tal. Frasca – fiż-żmien il-Medjuevu fl-Italja,  din kienet bħal taverna fejn il-bejjiegħa kienu jieqfu jixorbu flimkien u jistrieħu xi ftit. Proprjament, frasca hi fergħa ta’ siġra. Din setgħet tirriferi għat-tabella ta’ fuq it-taverna li kienet turi d-disinn ta’ fergħa.

Fraxxnu  stifolia.jpgFRAXXNU    Siġra ħorfija tipika tal-masġar tal-qigħan li tikber sa 20 u 30 m u li tħaddar is-sena kollha. L-ispeċi indiġena f’Malta, Fraxinus angustifolia (Ing. Narrow Leaved Ash) illum hi rari ħafna. Din is-siġra tikber kemm fl-Ewropa Ċentrali u tan-Nofsinhar kif ukoll fil-Magreb u fl-Asja. Dan l-injam kien jintuża l-aktar mill-bennejja tad-dgħajjes għax hu injam b’saħħtu u reżistenti. Sqal. Frascinu.

FRAŻARJU   Ktieb li fih ikun hemm ġabra ta’ frażijiet li għandhom tema partikulari. Kultant il-frażarju jservi biex jagħti traduzzjonijiet ta’ frażijiet jew sentenzi sħaħ minn ilsien għal ieħor. Ġabra ta’ kliem li jintuża minn nies ta’ professjonijiet jew studji partikulari – tip ta’ glossarju ta’ kliem u frażijiet. Eż. ‘frażarju legali’ jew ‘frażarju militari’. Ngħidu, ‘Dak għandu frażarju għalih’, jiġ. bniedem li diffiċli tifhem x’inhu jgħid għax jitkellem tqil. Tal. frasari.

frejgata bl-istim_engraving-26.jpgFREGATA / FREJGATA    Bastiment ta’ żmien l-Ordni bil-qala’ tal-latini (ġieli tnejn), u tmint imqadef kull naħa. Kien hemm ukoll il-fregata tas-seklu sbatax li kienet bastiment tal-gwerra, armata b’erbgħin kanun, u li kellha qala’ kwadru wieħed biss, u mingħajr imqadef. Fi żminijiet aktar riċenti dan l-isem beda jirreferi għall-bastimenti tal-gwerra Ingliżi li sal-1979, kont ta’ spiss tara minnhom fil-Port il-Kbir. Tal. Fregata. Ing. Frigate.     

fliskatur u buqar.jpgFRISKATUR / FLISKATUR   Reċipjent żgħir fit-tond taċ-ċeramika jew ta’ materjal ieħor li wieħed juża biex jaħsel wiċċu u idejh fih. Sa qabel ma daħlu l-kmamar tal-banju bl-attrezzi kollha, dan kien oġġett neċessarju li kont issibu l-aktar fil-kamra tas-sodda, speċjalment meta jkun hemm xi ħadd marid għal żmien twil. Imbagħad kien hemm min iqiegħed il-fliskatur ħdejn il-marid biex meta jinvista t-tabib dan jkun jista’ jaħsel idejħ fih. Sqal. rifriscaturi, vaso dove si tenga acqua o altro per rinfriscare – hawn ninnutaw li bit-Tal. il-‘fliskatur’ hu l-buqar u mhux ir-reċipjent baxx u wiesa’. Sors etim: J.A.

FRITTURA     Qalja tal-brinġiel, tal-makku, jew tal-moħħ. Ing. fritter, Tal. frittura.

FRIXA   L-organu li jinsab wara l-istonku fil-bniedem u fl-annimali. Il-glandola li tirregola z-zokkor fid-demm u li tgħin l-ikel jiddiġerixxi ruħu. Ing. pancreas.

s.

frixa c

FROLLA    1. Kelma li ġejja mit-Tal. u li tintuża l-aktar fil-frażi pasta frolla: Għaġina ħafifa magħmula mid-dqiq, butir u zokkor, b’mod li l-għaġina msajra tant tkun ratba li kważi ddub f’ħalqek. 2. Fig.  Raġel li joqgħod għal kollox; bniedem ta’ karattru mans.

FRONTISPIZJU    1. Il-qoxra ta’ quddiem tal-ktieb.  2. Biċċa xogħol dekorattiva fil-ġebel, ġen. fuq il-faċċata tad-dar jew xi bini ieħor bħal xi każini tal-banded eċċ.. 3.  Dan it-terminu jintuża wkoll biex jirriferi għal sura ta’ trijangolu mibni fuq il-faċċata tal-knisja. Tal. frontespizio. .

frontespizju mta Alexis Sofianopoulos (269).JPG

FROXX   1. Fil-logħob tal-karti din hi mossa li wieħed mil-lagħaba jagħmel meta jikxef ħames karti li għandhom l-istess kulur. A. de S. isemmiha bħala regola tal-logħob tal-karti. Bl-Ingliż din il-mossa tissejjaħ flush. 2. FROXX TAD-DEMM  Disenterija; ħruġ tad-demm minn wara. Tal. flussi. 3. Taħwid, konfużjoni, taqlib ta’ oġġetti fuq mejda. Ngħidu, ‘Għamel froxx’ – ħarbat u qaleb kulma sab. Tal. frusciare – M. dejjaq lil xi ħadd. Ara: DISENTERIJA. Sors: E.S.I.

FRUSTIER  Kelma meħuda mit-Taljan forestiere – che sta fouri – Lat. forestarius. Kelma li kienet tintuża ta’ spiss mill-Maltin ta’ dari meta kienu jirriferu għal xi ħadd barrani li jiġi jqatta’ xi żmien f’Malta. 

FSADA    Ħruġ tad-demm mill-ġisem. Operazzjoni biex jinħareġ id-demm mill-ġisem. Tip ta’ operazzjoni li fl-antik kienet issir biex tinżel il-pressjoni, għalkemm dan irrimedju fil-verità ma kienx iservi ta’ benefiċċju għall-pazjent. Ngħidu, ‘Il-murlita nfasdet.’ FSADA ĦAMIJA   Banju bil-misħun li fih wieħed ikun jista’ jqiegħed saqajh biex jisħon, u b’hekk jikkura lilu nnifsu minn xi mard jew uġigħ. Fsid – forma ta’ kirurġija. Din il-kelma jsemmieha wkoll M.A.V. (1796). Ħajr: Dr Stanley Farrugia Randon. Ara: MIFSUD u SANGISUG.

FTIET    (pl. ta’ ftieta). Biċċiet tal-ħobż jew biskuttelli miblula fil-kafé, fil-brodu jew meraq biex jittiekel imxappap. Fig. Affarijiet żgħar u ta’ bla importanza, pereż., aħbarijiet ta’ bla sugu. Ara: GĦAŻWA.

FTIRA   (D.) Agius de Soldanis ifisser dan in-nom bħala, crespello, focaccia, fritellaFTIRA BIŻ-ŻEJT    Zugo. Fritella cotta nella padella con olio. FTIRA TAL-GĦASEL  / FTIRA TAN-NAĦAL   Xehda. Tal. Favo.

FTQAD   Ara: FQAD.

fugun 3FUGUN / FGUM / FGUN / FOKUN   Il-fugun hu speċi ta’ kuċċarina mwaħħla qrib il-grillu tal-ixkubetta. Il-fugun ikun imiss ma’ toqba rqiqa (Ing. touch hole) li tagħti għal ġewwa l-kanna. Fil-fugun jitpoġġa l-polverin, li hu porvli fin li jkun jista’ jgħaddi mit-toqba għal ġol-kanna. Il-fugun ikun mgħotti bil-kuperċ sakemm il-muskettier jiġi biex jispara l-arma. Hekk kif jintgħafas il-grillu tinżel il-miċċa (korda ġġammar) li tkun imdendla ma’ speċi ta’ morsa żgħira u hekk kif din tħokk fuq il-polverin dan jaqbad u bl-isplużżjoni l-balla tispara ’l barra mill-kanna. Il-fugun insibuh ukoll fuq il-warrani tal-kanuni, fejn hemm it-toqba tal-miċċa. Din tissejjaħ ‘lumjera’, u hi mħaffra wkoll bħal kuċċarina. Din kienet titgħatta b’biċċa ġilda kwadra marbuta bil-lenza mad-dawra ta’ wara tal-kanun. Ing. flash-pan. Ħajr: Joe Cilia.  2. Rif. għall-kċina ta’ abbord il-bastiment. Ing. ship’s galley.

FUĦĦARI   (D.)  Bniedem li jaħdem il-fuħħar.  Tal-fuħħarin – tingħad għal toroq fejn isir ix-xogħol artiġanali tal-fuħħar. A. de S. jgħid li fi żmienu kont issib fuħħarin f’Birkirkara, il-Birgu u r-Rabat Għawdex. A. de S. kien tal-fehma li l-aqwa fuħħarin kienu l-Għawdxin.

fuklar2FUKLAR / FUGLAR    Struttura tal-ġebel fil-kċina, norm. fil-kantina, biex fuqu jkun jista’ jissajjar l-ikel. Il-fuklar kien ikun imwaħħal mal-ħajt u jserraħ fuq ġebel ieħor biex in-nar jitkebbes minn taħt. Il-qawwa tan-nar kienet tkun regolata billi wieħed irewwaħ il-ġamar fil-fuklar minn toqob imħaffra apposta fil-faċċata.

FULMINANTA   Karta li jkolla fiha ftit porvli li t-tfal kienu jixgħelu fil-festa biex jagħmlu ħoss bħala logħob tan-nar ċkejken. Faqqiegħa. Sors: E.S.I.

FULMINELLA   Splussiv żgħir li jkun magħmul f’forma ta’ ċilindru. Il-fulminella tintuża biex tfarrak il-blat tal-barrieri jew għal xogħol simili ieħor. – Verżjoni oħra ta’ din il-kelma bil-Malti hi furnella. Tal. fulminella li hi d-diminuttiv ta’ fulmine – M. sajjetta.

FUMATA       (D.)  Sinjal magħmul bid-duħħan.

FUMENTA    Trattament u rimedju tradizzjonali għal xi dieħes. Il-fumenta hi l-garża jew flanella mxarrba bl-ilma sħun. L-ilma użat ikun fih il-kamumilla msajra jew pjanti mediċinali oħra. Dawn jitqiegħdu fuq dik il-parti tal-ġisem fejn hu infettat biex tfejjaq in-nefħa u biex jonqos l-uġigħ. Tal. Fomenta.

FUNDAL   Drapp użat bħala sfond għax-xogħol tad-drama fuq il-palk. Xenarju fuq in-naħa ta’ wara tal-palk.  Tal. fondale.

FUNGUS ROCK     Ara:  ĠEBLA TAL-ĠENERAL

FUNTANIER     Persuna li xogħlha kien li tieħu ħsieb il-funtani pubbliċi, biex dawn ikunu kontinwament f’kundizzjoni tajba. Fi żminijiet aktar riċenti din il-kelma kienet tintuża għal dik il-persuna li kien idur id-djar jaqra l-arloġġ tal-ilma.   Bit-Tal. fontana hija għajn tal-ilma. Sors: E.S.I.

Ljun Fuq l 00625_093612FUQ L-ILJUNI     l-akkwati ta’ madwar il-Barrakka ta’ Isfel, fejn mid-dehra kien hemm żewġ statwi ta’ iljuni. Illum tidher statwa waħda biss. Dan l-iljun qiegħed iżomm l-arma tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena (1722 – 1736). Din il-frażi ltqajt magħha fir-rakkont dwar Antonio Sciortino, li skont l-awtur kien imur jitgħallem l-iskultura fi skola qrib ‘Fuq l-iljun’. Nassumi li din l-iskola kienet fl-istess binja li fi ħmien l-Ordni ta’ San Ġwann u fi żmien bikri Ingliż, sal-1850 kienet tintuża bħala l-ħabs prinċipali tal-ġżejjer Maltin. Ara Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin, p. 36.

 

furdulisc2-620x348FURDULIS / FJURDULIS / FLEUR-DE-LYS   1. Din hi l-fjura magħrufa bil-Malti bħala ‘tal-buqari’. M.A.V. jgħidilha, żenbaq. Din il-fjura tidher fuq l-arma tal-Gran Mastri Alof, u ta’ Adrian Wignacourt, (dawn kienu ġejjin mill-istess familja). 2. In-naħa ta’ Santa Venera, fejn hemm l-akkwadotti, hu magħruf bħala l-‘Furdulis’ jew ‘Fleur-de-Lys’. Dan għaliex eżattament fejn jaqsam l-akwidott min-naħa għall-oħra tat-triq, kien hemm din l-arma fuq l-arkata l-kbira. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija dawn l-arkati kienu ntlaqtu minn trakk, u flok reġgħu ġew irrestawrati, dawn tneħħew biex ikunu jistgħu jgħaddu l-inġenji ta’ daqs ikbar minn dawk l-inħawi. L-arkati kienu jifformaw parti mill-eqdem sistema ta’ kanalizzazzjoni tal-ilma li kien hawn f’Malta, li kien mibni bejn l-1610 u l-1615. Ftit ilu bnew kopja fuq l-oriġinal. FURDULISSJAN  Bniedem li twieled, trabba jew jgħix fl-inħawi tal-Fleurs-de-Lys.  Ara: AKKWADOTT.                                             

FURFIĊETTA  Labra magħmula minn biċċa wajer tal-metall mgħawweġ fi tnejn u b’żewġt itruf. Il-furfiċetta tiddeffes fix-xagħar biex iżżommu f’postu. Tal. forficetta – M. forċi żgħir; xi ħaġa li għandha l-forma ta’ mqass – Tal. forbici.

FURKETTUN     Għodda tal-injam b’żewġ ponot li l-bdiewa kienu jużaw fuq il-qiegħa biex jgħollu l-qamħ fl-ajru biex ikun isseparat mill-karfa u jinfirex kif suppost. Furkettun tal-ħadid bi tliet sinniet jew aktar li jintuża mis-sajjieda biex jaqbdu l-qarnit, eċċ. Ara: FOXXNA.

Furmaria Sacra InfermeriaFURMARIJA   Oriġ. din il-kelma kienet tirriferi għall-isptar tal-Ordni, magħruf bħala s-Sacra Infermeria. Dan kien l-ikbar sptar f’Malta għax kien spiċċa kellu mal-550 sodda, li fi żmien ta’ emerġenza setgħu jiżdiedu magħhom anki aktar sodod biex itella’ t-total ta’ 900. Il-pazjenti kienu jinżammu fi swali separati skont it-tip ta’ mard li jkunu qed ibatu minnu. Il-Maltin flok kienu jseħjlu s-Sacra Infermerija, kienu jgħidulu, ‘il-furmarija’. Kull sptar li nbena wara, u oħrajn li nbnew qabel bdew issa wkoll jissejħu ‘il-furmarija’. Kienet ħaġa normali li tisma’ lil min jgħid: ‘Dak ħassu ħażin u ħaduh il-furmarija’. Qawl: ‘Bħat-tiġieġa tal-furmarija, jekk teħlisha filgħodu teħilha filgħaxija!’ Din l-analoġija tqabbel il-bniedem marid, jekk mhux ukoll il-bniedem inġenerali, mat-tiġieġ tal-furmarija għax dawn għalkemm miġbura fi kwantitajiet kbar fil-bitħa tal-isptar, bil-mod kollha kienu jispiċċaw għall-qatla biex jitimgħu l-morda.    

FURRAX   Dud jew insetti rqaq li jitrabbew fis-suf pubiku. Is. xj. Phthirius inguinalis. Il-furrax jista’ jkun trasmess b’kuntatt sesswali u jinfirex mal-ġisem kollu.

FURSETTA     Tip ta’ inforra li tinħit mill-ħajjat biex jagħti s-saħħa minn taħt lid-drapp tal-ilbies, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Sqal. furzetta.

FURZAT     Fi żmien l-Ordni dan kien wieħed minn tliet tipi ta’ qaddiefa li kienu jaqdfu fuq ix-xwieni. L-oħrajn kienu l-BANAVOJI u l-ILSIERA. Fi żminijiet aktar riċenti kwalunkwe ħabsi li jkun qed jiskonta s-sentenza u jkollu xogħol ta’ bilfors – kienu jgħidulu, ‘xogħol iebes’, kienu jsejħulu furzat.

FUSTAN   Drapp tat-tajjar użat għal qomos, sdieri ħrieqi jew faxex. Dan kien jinħadem bil-makkinarju tan-newl. Id-drapp tal-fustan meta jkun qed jinħadem jitqiegħed b’mod differenti mill-għażel. Drapp li kien popolari ħafna fl-antik u li kien jixbah il-Corduroy. Ara: Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Gużi Gatt, p.p. 222-253.

FUSTANI/JA   1.  Appel. li jirriferi għal xi persuna jew oġġett ta’ daqs medju fost oħrajn. Persuna li hi t-tieni fost tlett aħwa. 2. Rif. lill-qanpiena fost dawk ta’ kobor differenti li hi ta’ ħoss u kobor medju.

FUTJANA  M.A.V. (1796) jgħid li din kienet bħala turban li kien jintlibes imdawwar mar-ras, magħmul minn drapp twil. Jgħid ukoll li dan kien jintlibes l-aktar mir-raħħala u miż-żgħażagħ. G.B.F. (1845) jikkopja kelma b’kelma lil M.A.V. Biss id-dizzjunarju ta’ F. Vella (1843) jispjega l-futjana hekk: striscia vergata di panno lino o cotone che i contadini maltesi portano sulle spalle.

 *        *        *

Jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti minn dak kif spjegat hawn fuq … iktibli….

Jekk tixtieq issib aktar tagħrif dwar kliem u ritratti taħt din l-ittra fittex il-pubblikazzjonijiet:

          Bejn Kliem u Storja 

         Ara X’Int Tgħid

         Biex il-Kliem Ikun Sew

 

A bejn kliem u storja    Aa ARA X'INT TGHID    A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

 

Paġni 256                                              Paġni 256                                             Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                              Prezz Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.   Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.    Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.  Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). * (D)     DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).