GĦABEX    Il-ħin ta’ meta x-xemx tkun għadha ser titla’ filgħodu kmieni, jew meta f’tarf il-jum, tkun qed tgħib wara x-xefaq. (Damma): principio del giorno.

GĦABID / GĦABD  (pl. għebied)  Dan huwa l-appellativ għal skjav, bil-Malti antik. Jidher mill-kitba kemm ta’ Al Qażwini kif ukoll ta’ Al Ħimjari, li f’nofs is-seklu ħdax, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet magħmula minn ħakkiema Misilmin u s-sudditi tagħhom, li kienu x’aktarx Insara u meqjusa bħala għebied. Darba minnhom, meta Malta kienet mhedda b’invażjoni mill-għadu Biżantin, il-mexxejja Għarab offrew lill-Insara f’Malta l-opportunità li jinħelsu mill-jasar tagħhom, kemm-il darba jgħinuhom jiddefendu l-Imdina kontra l-għadu. Għabid jew Abd, hu appellattiv assoċjat mal-kunjom Abdilla, li ġej minn Għabdalla – kelma li tfisser: ‘is-serv t’Alla’. F’Malta u Għawdex, jinsabu diversi lokalijiet, l-aktar għelieqi, li huma msemmija fid-dokumenti bħala ‘Tal-Għabid’. Ara: Malta – The Medieval Millennium ta’ Charles Dalli, pp. 60-65.

GĦABUR    Il-ferħ ta’ nagħġa ta’ madwar sena. L-GĦABUR  Laqam, wieħed minn bosta mogħti lix-xitan.

GĦAD-DOBBU     Ara: ADDOBBU

GĦADA     Drawwa, użanza. Ngħidu, ‘Mar mal-għada, jiġ., ġab ruħu bħas-soltu. Qawl: Il-mara tingħaraf min għaditha. Qawl ieħor jgħid: Il-għada li titwieled biha l-kefen biss ineħħieha. Sors E.S.I. Din il-kelma tidher fil-ktieb, Ħaż-Żabbar Bil-Ġrajja Tiegħu, (1926), paġna 83, meta E.B. Vella jitkellem dwar Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar: ‘[…] Din il-għada qadima hekk għażiża li n-nies jiġu jiżżu ħajr lill-Madonna tal-Grazzja […]’.

GĦADDIELA   Mara li xogħolha kien li tqaxxar il-pil minn fuq il-wiċċ tan-nisa. M.A.V. (1796) jiddeskriviha bħala maestra di lisciare.  GĦADDEL  v. Irtokka, naddaf b’mod li ġab l-oġġett sabiħ u kif għandu jkun. Sors ieħor: G.B.F. (1845).

GĦADSA / GĦAZZA  1. Xehwa; boċċa żgħira fil-ġilda li norm. ikollha kulur aktar skur u tkun imqabbża ’l barra. 2. Is. xj. Lens culinaris. Nafuha aktar bl-isem kollettiv ta’ GĦAZZ. Pjanta li tagħmel tip ta’ żerriegħa fil-fosdqa. Din iż-żerriegħa tinġabar fi kwantità biex tissajjar mgħollija u anki titħallat mas-soppa. F’Għar Dalam kienu nstabu xi żrieragħ tal-għazz li kienu ddatati għall-ewwel perijodu Neolitku ta’ Malta, jiġ., madwar 5,000 Q.K. Ing. lentils.

GĦAFJA    Kwiet, kalma, trankwillità, paċi, serħan u saħħa.  IMISS BIL-GĦAFJA   Frażi li kienet tingħad meta wieħed ikun qiegħed imiss, jew se jmiss il-ferita, jew dik il-parti tal-ġisem li tkun marida. P.P. Castagna juża din il-frażi fil-kitba tiegħu għall-palk, ‘It-Tliet Għomi, Vagabondi, Ħallelin’, b’dan il-mod: ‘[…] toħroġ il-għaġeb u miss il-għafja, ara kemm kien rasu iebsa […]’. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 206. GĦAFJA TAJBA   Espr. li kienet tingħad b’rif. għal xi ħadd li hu fi stat tajjeb ta’ saħħa. Frażi li kienet tingħad bħala tislima ta’ bejn tnejn. Bħal din l-espressjoni kienet tingħad oħra: ‘Għafja għalik!’ jew ‘Jessu għalik!’ GĦAFJA TAL-MEWT  Serħan ta’ bniedem f’agunija wara xi battikata. Sorsi: M.A.V., J.A. u E.S.I. F’xi pajjiżi Għarab, eż., fil-Palestina, meta tnejn jiltaqgħu, wieħed isellem lill-ieħor billi jgħidlu ‘jagħtik il-għafja’, ( يعطيك العافية ) jiġifieri, ‘Alla jagħtik is-saħħa’.

GĦAFRIT     (pl. għefieret). Qabel kienet tinkiteb ukoll għafrid. Laqam ieħor għax-xitan. Xi ħadd li hu ta’ ħeffa kbira u makakk. Ngħidu, ‘għadda qisu għafrit’.

GĦAĠEB    Bniedem jew annimal li fiżikament ma jkunx normali fil-fiżjonomija tiegħu, jew li jkollu kwalitajiet partikolari. Pereż., ngħidu, ‘Sansun kellu saħħa tal-għaġeb’ Sors: E.S.I. Bniedem ta’ kruha kbira. Mostru. Fil-ħrafa ‘Il-għaġeb tal-Ilma’, li Patri Manwel Magri (1851 – 1907) ġabar minn fomm in-nies, naqraw hekk: ‘[…] is-sultan kellu jibgħat lil imsejkna tifla ma’ lsir iswed biex jindukraha sakemm jiġi għaliha l-għaġeb […]’.

GĦAĠĠIEB  1. Wieħed li jgħaġġibha. Wieħed li jistagħġeb mix-xejn. Titlu ta’ wieħed mill-pasturi, hu ‘l-Għaġġieb tal-Presepju’ għax jidher jitgħaxxaq bl-għaġeb (bil-bambin). 2. Bniedem li għandu kwalitajiet jew li b’għemilu jgħaġġeb bihom.

GĦAĠĠIEN   1. Kull min jagħġen xi taħlita, kemm jekk din tkun siment, ilma u xaħx, biex ikaħħal. 2. Wieħed tas-sengħa li xogħolu hu li jagħġen l-għaġina. Meta l-għaġina, tkun qagħdet, l-għaġġien joħroġha mill-MEJJILLA u jqattagħha f’porzjonijiet indaqs biex minnha ssir l-għaġina għal kwanità kbira ta’ ħobż. Wara dan il-proċess ikun imiss lill-ĦABBIEŻ biex l-għaġina jagħtiha l-forma tal-ħobża kif għandha tissajjar fil-forn. Ara: ‘Il-Ħobż’ ta’ Cav. Carmel Bianchi,  www.cittapinto.com.

għagużaf80

GĦAĠUŻ/A   1. Raġel jew mara xiħ/a ħafna.  2 Idj: ‘Dik il-mara għaġuża ħażina’ – Espr. li kienet tingħad għal xi mara mdaħħla fiż-żmien, u ta’ intern ħażin. Qawl:  i.) Għalhekk l-għaġuża qatt ma trid tmut – aktar ma tgħix aktar titgħallem; Qawl: ii.) Wara x-xjuħija l-għaġeż! – jiġ., fil-ħajja kollox jasal żmienu;  Qawl:  iii.) L-għaġuża f’nofs ir-Randan tinqasam. Skont l-għajdut folkloristiku, f’nofsinhar tat-tieni Ħamis tar-Randan, l-ixjeħ mara tar-raħal kienet tintefa’ mill-kampnar tal-knisja għal isfel. 3. Il-kunjom Malti Agius ġej minn dan l-appellativ. 4. Tip ta’ granċ tal-baħar li jikber mal-20 ċm u li jgħix fil-Mediterran, sa fond ta’ 70 metru. Is. xj. Maja squinado. Ing. spider crab / sea shore crab. Hu ppruvat li dan il-granċ fi tmien xhur kapaċi jitkaxkar distanza ta’ 160 kilometru.

GĦAJDUN     Diskors li jieħu fit-tul u li jkun monotonu għall-aħħar; kantaliena; rakkont twil; ilsien in-nies, għajdut. Espr. mogħtija minn M.A.V. (1828): Għajdun minn tul ġirja ta’ żiemel – questa filastrocca lunga quanto una corsa di cavallo.

GĦAJN   (pl. għejun). F’Malta hawn diversi nħawi li f’isimhom hemm inkluża l-kelma ‘Għajn’. Dan l-isem jindika li f’dak l-ambjent hemm, jew kien hemm xi darba, nixxiegħa tal-ilma. Eż. ta’ dan insibu, Wied il-Għajn jew Għajn Dwieli. Fil-ktieb Place Names of the Maltese Islands, hemm aktar minn 80 post li isimhom jibda, bl-Għajn.

GĦAJN ĦADID     Isem ta’ nħawi wara Selmun, ftit lil hinn mill-Imġiebaħ. Jista’ jkun li dan it-toponimu għandu jinqara Għajn Ħadit, jiġ., l-għajn li kienet proprjetà ta’ bniedem li kien jismu Ħadit, isem Għarbi li jmur lura sas-seklu ħmistax. Jista’ jkun ukoll li l-kelma hi ħadid li ġejja minn ‘ħad’ li bl-Għarbi tfisser ħajt diviżorju, jew fruntiera. Fis-sena 1658, f’dan il-post kien inbena torri żgħir tal-għassa, wieħed fost tlettax, li l-Gran Mastru De Redin ordna li jinbnew madwar Malta kollha. Dan it-torri ġġarraf fit-terremot tat-12 ta’ Ottubru tal-1856.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

GĦAJN ĦAŻINA    Bosta nies kienu u għadhom jemmnu fis-seħer tal-għajn. Ħafna huma konvinti li hawn nies li kapaċi jitfgħu l-għajn ħażina, jew kif jgħidu wkoll, jagħmlu l-magħmul. Dari, persuna li kellha għajnejn żoroq jew kbar u suwed, kienu jibżgħu minnha għax kienu jaħsbu li din tista’ titfa’ s-seħer fuq ħaddieħor. L-għajn ħażina tista’ mhux biss taffettwa n-nies, iżda wkoll il-proprjetà. Mhux ta’ b’xejn li r-ragħaja kienu jwaħħalu par qrun fuq ir-razzett biex jipproteġu l-bhejjem kontra l-għajn. L-għajn narawha wkoll impinġija fuq il-pruwa tad-dgħajjes tas-sajd. Għalkemm illum, dan id-disinn mhu xejn ħlief tiżjin, fl-imgħoddi, l-għajn kienet isservi ta’ qawwa maġika li tirribatti kwalunkwe periklu li s-sajjieda setgħu jiltaqgħu miegħu fuq il-baħar. Ara l-artiklu fuq din il-website: ‘Is-Seħer tal-Għajn’. https://kliemustorja.com/2023/11/16/it-twemmin-fl-ghajn/

Ghajn Rasul pawl il bahar ghajn rasul.jpgGĦAJN  RAŻUL   Din hi l-għajn li tinsab fil-post magħruf bħala Tal-Veċċa, San Pawl il-Baħar. L-għajn hi ddekorata b’mod prominenti, għax barra li għandha statwa żgħira ta’ San Pawl fuqha, hemm ukoll l-arma tal-Gran Mastru Vilhena (1722 – 1736). Taħt l-istatwa hemm skrizzjoni bil-Latin li tmur lura sal-1725. Ħafna huma tal-fehma li l-isem ta’ Għajn Rasul ifisser l-Għajn tal-Appostlu San Pawl, minħabba li Rasul hi kelma Għarbija / Malti antik li tfisser messaġġier (f’dal-każ rif. għal San Pawl bħala l-messaġġier t’Alla). Il-verità x’aktarx hi mod ieħor. Rażul jew Rażun seta’ kien isem tal-proprjetarju ta’ xi għelieqi fl-inħawi, dak li kien jagħmel użu, jew il-proprjetarju ta’ din in-nixxiegħa. Jista’ jkun ukoll li l-pronunzja tal-konsonant ‘r’ inbidlet mir-rgħajn, li hija pronunzja partikolari Għarbija. F’dan il-każ, rażul, ġejja mill-Malti antik, rgħasel, (rgħ = rgħajn), u final. mill-Għarbi غسل li tfisser, ħasel. Dan it-toponimu mela seta’ kien jirriferi għal ‘l-għajn tal-ħasselin’. Din l-għajn kienet irrestawrata darbtejn minn Din l-Art Ħelwa, l-ewwel darba fl-1989, u t-tieni darba fl-2009.

AKKUX   / GĦAQQUX     Ġużè Galea fir-rumanz, Żmien L-Ispanjoli (1937) jiktibha bil-k u f’dan il-kuntest: ‘[…] kont issibu f’kull għakkux u ksir il-għonq […]’. P. 50, u ‘[…] bl-għawġ li kienet tinsab fih din il-gżira bil-għakkux li kien għadda minn fuqha […]’, p. 98. (Damma) Demonio, inimico; perverso, malvagio. Ara: GĦAQQUX.

ghakreb mqass skorpjunDSCF0596

AKREB / AQREB Skorpjun. Is. xj. Euscorpius carpathicus. Araknidu li jgħix moħbi taħt il-ġebel, fl-umdu jew fost il-weraq niexef. Jikkaċċja l-aktar insetti billejl, u għandu l-velenu f’denbu biex jgħaxxex u jaqbad il-priża. Dan il-velenu mhux tant qawwi li joqtol il-bniedem. Fil-Mediterran jeżistu diversi speċi ta’ għekiereb, waqt li f’Malta jinsab speċi wieħed biss. Magħruf ukoll bħala mqass.  Ing. scorpion.

GĦAKS  Idj: i.) ‘Qisu s-seba’ snin tal-għaks’; idj: ii). ‘Bniedem jarmi l-għaks’ – rif. għal xi ħadd li hu xħiħ. –  Is-seba’ snin tal-għaks jissemmew fil-Bibbja, fl-istorja ta’ ‘Ġużeppi mibjugħ minn ħutu’. Ġużeppi wara xi żmien kien spiċċa fil-palazz tal-Farawni fejn darba minnhom kien imġiegħel jispjega żewġ ħolmiet strambi li kienu qed jinkwetaw lill-Farawni. Fl-ewwel ħolma dehru seba’ baqriet imġissma. Dawn ittieklu minn seba’ baqriet nixfin li ħarġu u telgħu mill-ilma tax-xmara. Fit-tieni ħolma, lill-Farawni dehrulu seba’ sbuliet nixfin, u dawn kielu seba’ sbuliet ħoxnin. Ġużeppi interpreta dawn iż-żewġ ħolmiet bħala profezija li tbassar illi l-art tal-Eġittu kellha tgħaddi minn seba’ snin ta’ ġid, biss wara kellha ssofri seba’ snin ta’għaks.  Ara: Genesi 37, 2 – 11.

GĦALF   Ikel li jingħata lill-annimali. Dan jista’ jikkonsisti minn ħafna tipi ta’ ħxejjex , laħam jew frott jew oġġetti oħra. Pereż., l-għalf tat-tiġieġ jikkonsisti norm. minn qaraboċċ, smida, qamħirrun u ful. v. GĦALEF jiġ., tema l-ikel lill-annimali. Dan it-terminu jintuża wkoll fis-sajd. Is-sajjied jagħlef lill-ħut billi jitfa’ bosta residwu ta’ ikel fil-baħar biex il-ħut jersaq lejn il-lixka.

GĦALJA    Togħlija, fawra ta’ kwalunkwe likwidu li jissaħħan sa ma’ jagħli. Tbaqbiqa tal-istess oġġett. Fig., tbaqbiqa, kedda li sseħħ minħabba xi inkwiet kbir. Illum nużaw l-espr. ‘jagħli għax jisbaħ’.

GĦALLA     1. Għallet is-serduk hi dik il-parti qisha qarquċa ħamra wieqfa li tperper fuq ras is-serduk.  2.  Il-prodott li jirrendi x-xogħol tal-bidwi wara li jinżera’ u jitkabbar. Ara: FARDGĦALLA.  3. It-tfal imnissla fiż-żwieġ.

ghallis

ALLIS   1. Is. xj. Notobasis syriaca.  Pjanta magħrufa bħala ‘xewk tax-xitan’. Din hi pjanta indiġena għal Malta u twarrad il-fjuri tagħha bejn Jannar u Mejju. Ing. Horse Thistle. 2. Inħawi viċin it-triq ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. It-Torri tal-Għallis, jibqa’ magħruf għas-sejba tal-katavru ta’ Toni Aquilina, li nqatel u nxteħet f’bir f’dan it-torri żgħir fid-9 ta’ Marzu tal-1955. Aquilina kien inħataf fl-24 ta’ Frar, f’xi ħin wara li telaq mill-uffiċċju ta’ fejn kien impjegat. Id-delitt seħħ meta hu kien sejjer jiddepożita somma ta’ madwar ħmistax-il elf lira Maltin (euro 35,000), fin-National Bank of Malta. Wara ħafna investigazzjoni, kien arrestat u akkużat ċertu George Terreni. Dan kien instab ħati, u ntbagħat għomru l-ħabs. Terreni skonta biss disa’ snin, għaliex fl-1964 kien ġie meħlus wara serje ta’ maħfriet, li kienu ngħataw lill-ħabsin. Ara: Delitti F’Malta, 200 sena ta’ Omiċidji, ta’ Edward Attard, pp. 342-359.

GĦAMIEM     Sħab iswed tax-xitwa li jwassal biex tagħmel ix-xita. Sors: Damma. M.A.V. (1796) jgħid li din hi, aria soffocante da scirocco.

GĦAMM    Bil-Malti antik dan hu l-appel. għaz-ziju (ħu l-missier). Dan l-appellativ għadu jintuża sal-lum fid-dinja Għarbija.  BIN GĦAMMI   Il-kuġin, għaldaqstant it-tifel ta’ ħu l-missier. F. Vella (1843): zio paterno.

GĦAMMIEL IZ-ZALZETT     Għammiel tirreferi għal dak li għamel (xi ħaġa). Għaldaqstant, għammiel iz-zalzett u dak li jagħmel dan ix-xogħol. (Damma) salsicciaio.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

GĦAMMIEQ   1. Aġġ. li jindika x’imkien fil-fond. 2. Nom. Imkien fil-fond. Abbiss. Fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, p. 160, din il-kelma tintuża hekk: ‘[…] kienu jiġu ħinijiet meta l-WEJLA [tip ta’ dgħajsa] kienet tinżel ‘l isfel fl-għammieq tal-baħar […]’. WIED GĦAMMIEQ  Isem ta’ post li qiegħed in-naħa tal-Bajja tar-Rinella, fuq il-Lvant tal-Kalkara. Minkejja it-toponomastika, l-inħawi ta’ Wied Għammieq ma jindikawx li dan il-post hu xi wied fond. Għaldaqstant, l-oriġini u r-riferenza ta’ dan l-isem mhiex ċara. Hawn jinsab ċimiterju li fih kienu ndifnu dawk li mietu bil-kolera li laqtet lil Malta fl-1837. Ara: KOLERA.

GĦAMNEWWEL    1. Is-sena ta’ qabel. 2. Riferenza għall-uċuħ tar-raba’, meta wieħed ikun qed jitkellem fuq il-ħxejjex jew dwar frott li jkun kiber u nħasad fl-istaġun u s-sena ta’ qabel. Il-kelma hi magħmula minn rabta ta’ żewġ kelmiet ta’ oriġ. Semitiku: ‘għam’ – M. sena, u ‘l-ewwel’ bil-‘l’ tal-artiklu tinbidel f’ ‘n’.

GĦAMUDA      Serratizz twil li jitwaqqaf dritt biex fuqu u miegħu sserraħ tinda. Plier. Bħal stanga tal-injam jew tal-ħadid li titqiegħed traversa wara bieb biex żżommu milli l-bieb ikun imbuttat ‘il ġewwa. Sorsi: E.S.I. u J.A. Fir-rumanz Is-Salib tal-Fidda, p. 61, (1939), l-awtur Wistin Born, jirreferi għal kolonna ġo knisja: ‘[…] jien għamilt kif qalli l-kappillan u mort qgħadt wara għamuda tar-irħam […]’.

GHANA

GĦANA  Kant folkoristiku Malti li hu akkumpanjati bir-rittmu pjuttost repetittiv tal-kitarri. L-għana għandu oriġini mħallta mill-għana Għarbi, Sqalli u dak Spanjol. Dan ix-xebh jidher fil-mod ta’ tnehid tal-vuċi waqt il-kant, u mill-akkumpanjament tal-kitarri. Jeżistu tliet tipi ta’ għana: a) Għana spirtu pront, fejn il-versi jkunu maħsuba mill-għannejja dak il-ħin stess li qed jgħannu. Dan it-tip ta’ għana jitkanta bejn tnejn jew aktar, u l-għannejja jikkomponu b’mod improvizzat biex jikkreaw dak il-ħin stess il-versi li jmiss. Waqt dan it-tip ta’ għana, l-għannejja jagħtu botta u risposta lil xulxin, b’rima li tixraq u f’waqtha.  b) L-għana tal-fatt hu ġeneru aktar serju, fejn l-għannej jirrakkonta storja xi kultant traġika li ġrat vera (għalhekk tal-fatt). L-istorja tieħu fit-tul, bejn kwarta u nofs siegħa, u tiġi rrakkuntata b’pass u ritmu meqjus mill-bidu sal-aħħar. ċ) Għana a la Bormliża (tal-għoli). Hawn il-vuċi tal-għannej tibqa’ fuq nota għolja kważi l-ħin kollu, tista’ tgħid mill-bidu sal-aħħar. Dan it-tip ta’ kant jista’ jixxebbah xi ftit mal-kant flamenco.  

GĦANBAS        Ara:   DURBIS.

GĦANBRA / GĦAMBRA    Għelk tas-siġar iffossilizzat fil-milja ta’ miljuni ta’ snin, u li biż-żmien jindifen f’sediment tafli ta’ qrib il-baħar. L-eta’ ta’ bosta mill-biċċiet tal-għanbra hu ta’ madwar 40 miljun sena. L-għanbra tinsab f’depositi tal-blat f’diversi partijiet tad-dinja, għalkemm hi assoċjata l-aktar mal-pajjiżi Baltiċi u l-kosta tat-Tramuntana tal-Ġermanja. L-għanbra tista’ tinsab ukoll fi blat li jmur lura sa żmien il-Kretaċju. Minħabba li din il-fossila għandha xeħta trasluċida, bħal kulur il-għasel imdardar imdardar, kultant wieħed jista’ jilmaħ fiha frammenti ta’ pjanti jew insetti li jkunu nqabdu fl-għelk meta dan ikun għadu fluwidu. Hemm eż. ta’ dan l-għek iffossilizzat fis-sezzjoni tal-ġeoloġija fil-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina. Matul is-sekli, l-għanbra baqgħet tinħadem f’ornament ma’ oġġetti personali, l-aktar fuq iċ-ċrieket, kullani u GAMEW. Xogħol ta’ dekorazzjoni bl-għanbra jidher ukoll fuq relikwarji f’bosta knejjes. Jinħadmu wkoll bokkini tal-għanbra li jintużaw għat-tipjip tas-sigaretti.

GĦANDUR     1. Żagħżugħ li jħobb jiddandan u jidher gustuż man-nisa. Żagħżugħ li jħobb jitkessaħ bi sbuħitu. Sors: E.S.I.  2. J.A. jżid: bniedem sever u rigoruż f’għemilu. 3. A. de S. fid-Damma jagħti spjega differenti: Uomo o donna che poco parla e quasi sempre col muso in giù.

GĦANEM     Nom kollettiv li jiġbor fih il-bhejjem kollha tal-familja tan-nagħġa. Jiġifieri hi kelma antika flok ‘qabil is-suf’. Sors: Ġużi Gatt. Jidher li fis-seklu tmintax kien hemm tifsira oħra, għaliex Agius de Soldanis fid-Damma (ċ. 1750-1768) jgħid hekk:  montone, padre della pecora, maschio della pecora.

GĦANIQA     (pl. għenieqi)   Mogħża (fem.) li jkollha madwar sena.

Ghant G_0927

GĦANT    Il-kontenitur tawwali, norm. tal-ġild li fih tintrefa’ u tinġarr ix-xabla. Ħafna drabi l-għant ikun imdendel maċ-ċintorin, marbut mal-qadd biex ix-xabla tiddaħħal flgħant u ma tħokkx u tisloħ il-koxxa. L-għant imur lura żgur sa Żmien il-Ħadid (jiġ. daqs elfejn sena Q.K.) hekk kif ix-xwabel bdew jinsiltu aktar fit-tul. Dan jimplika wkoll li f’dak iż-żmien kien hawn majjestrija tax-xogħol tal-ġlied.

GĦAQBA  Ħotba fl-art; tumbata; għolja żgħira. Jeżistu diversi mkejjen f’Malta li għandhom dan l-isem. Eż., Tal-Għaqba, fin-naħat ta’ Ħal Qormi, l-Għaqba f’Birkirkara, Il-Mitħna tal-Għaqba, in-Naxxar, u bosta oħrajn. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands c. 1300-1800, hemm imsemmija għaxar inħawi li jinkludu dan l-isem.

GĦAQQUX / GĦAKKUX   J.A. u E.S.I. jagħtuha biss bħala GĦAQQUX.  Ingann jew brikkunata. GĦAQQUXI Bniedem li jħawwad minn taħt; bniedem qarrieqi. GĦAQQEX  v. Gerfex, eż., fil-kliem, jew inkella beda jaħbi l-verità. Anton F. Attard jgħid li f’Għawdex din il-kelma tfisser, inkwiet: ‘Kont se nagħmel xi ħaġa u nqala’ l-għaqqux. Jgħid ukoll li tista’ tintuża f’kuntest ieħor: ‘Hawnhekk sew, imma iżjed ‘l isfel oqgħodu attenti għax hemm ħafna għaqqux’, eż., ħafna ġebel, tajn, eċċ.  Ara: GĦAKKUX.

GĦAR      1. (pl. għerien) 2. (pl. għawar). Mistħija.  Att vergonjuż. GĦARUKAŻA.  Espr. li tirreferi għal xi ħaġa li tkun saret b’mod mhux xieraq u li wieħed jitkaża biha. Francis Vella fil-pubblikazzjoni tiegħu, Maltese Grammar for the use of the English, jagħtiha bħala, shame (1831). . Qawl: it-tfal jikxfu l-għawar. Qawl: Il-faqar ma hux għar (vergogna) M.A.V.) Ara: KAŻA u NWAR.

Gharab.jpeg

GĦARAB f’MALTA, L-   Fis-sena 827 W.K., Ħarun Al Aglabid, Emir tal-Afrika ta’ Fuq (Tuniżija, Alġerija u (Tripolitanja), qasam mit-Tuneżija lejn Sqallija b’qawwa ta’ 10,000 suldat biex jieħu lil Sqallija bil-forza. L-Agalabidi rnexxielhom jirbħu Palermo fis-sena 831, u wara partijiet kbar ta’ Sqallija. Fis-sena 870 W.K., dawn qasmu minn Sqallija lejn Malta. Dak iż-żmien, il-ftit eluf ta’ abitanti Maltin kienu taħt il-ħakma Biżantina, imperu li kien jinfirex sal-parti tal-Lvant ta’ Sqallija u l-Italja ta’ Isfel. Fis-sena 903, id-dinastija Aglabida li kienet tikkmanda l-artijiet tal-Afrika ta’ Fuq, kienet megħluba mill-Kalibidi, imsejħin hekk għax dawn kienu mmexxija minn Ħasan al Kalibi. Dawn ħakmu lil Sqallija għan-nom tal-Kalifat tal-Fatimidi, (909 – 1171) tat-Tuniżija. Jidher li sa nofs is-seklu ħdax, il-parti l-kbira tal-popolazzjoni Maltija kienet tħaddan it-twemmin Musulman, waqt li l-parti l-oħra kienet ta’ twemmin Nisrani. Fis-sena 1061, fi Sqallija l-Għarab kienu megħluba min-Normanni. Fis-sena 1091, il-Konti Ruġġieru żbarka f’Malta, u wara li daħal l-Imdina trijonfalment, amar li jinħelsu l-ilsiera Nsara kollha. Anki jekk snin wara, fl-1124, in-Normanni kienu stabbilew l-amminstrazzjoni tagħhom f’Malta b’mod sod, xorta waħda kien għad hawn parti kbira tal-poplu li baqgħet tħaddan it-twemmin Musulman. Terġa’ u tgħid, kważi kulħadd kien għadu jitkellem bl-ilsien Għarbi. Fis-sena 1241, l-amministratur tal-Imperatur Federiku II, l-Giliberto Abbate kiteb li f’Malta kien hawn 691 familja Musulmana, waqt li 155 oħra kienu jgħixu f’Għawdex. Ara: Malta – The Medieval Millenium, Charles Dalli.  A History of Muslim Sicily, Leonard C. Chiarelli. (2011).

GĦARAJJEX   1. Kmamar żgħar. (pl. ta’ GĦARIX) li ġen. jinsabu fil-kampanja. 2. Sħab irqiq fl-ajru li norm. jidher min-nofs Awwissu ’l quddiem. Magħrufa wkoll bħala l-‘Għarajjex ta’ Santa Marija’, għax dan is-sħab jibda jidher għall-ħabta ta’ din il-festa li taqa’ fil-15 ta’ Awwissu. Dan is-sħab jagħti wieħed x’jifhem li wasal iż-żmien li s-sħana tas-sajf tibda tnaqqas xi ftit.

GĦARAQ TAX-XEWK    Dan hu għelk (reżina), jew tip ta’ gomma li kien jinġabar minn xi siġar partikulari li kienu jikbru fin-naħa tal-għolja ta’ Kuljat, fil-wied ta’ Marsalforn, u x-Xagħra taż-Żebbuġ, Għawdex. Dan l-għelk isemmih A. de S. (1750) u jgħid li bħal dan kien hemm għelk simili f’Kostantinopli, li kien jinħadem fi fwieħa għall-ħarem tas-Sultan. Sors: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, p. 75.

GĦARB    F’Għawdex, dan hu l-aktar raħal imbiegħed lejn il-Punent. Il-kelma Għarb tfisser id-direzzjoni lejn il-Punent. Minħabba l-pożizzjoni iżolata tiegħu, l-Għarb kien wieħed minn dawk il-ftit irħula fil-gżejjer Maltin, fejn bosta drawwiet antiki u kliem semitiku baqgħu jintużaw sa żminijiet l-aktar riċenti. Ara: KABOZZA   u  BREJKU.

Gharb Parish ch mta (1)

GĦAREB   (pl. għewiereb).  Il-blata (ġebla) li titqiegħed preċiżament fin-nofs ta’ arkata biex fuqha jistrieħu s-saffi tal-ġebel minn fuq u mill-ġenb li bihom tkun imwaqqfa l-istruttura tal-madwar tal-binja. Ara: ĊAVI.

GĦARĠA / GĦARXA     Mixja ta’ bniedem li jzappap. GĦARAĠ / GĦOROX v.  Mexa izappap. GĦARXA   Aġġ. li jiddeskrivi persuna li togħtor meta timxi. Zoppa. Fil-ħrafa ‘Tifla Teqred Ġganta’, Patri Manwel Magri jgħid hekk: ‘[…] Malli rawha (jiġ., lill-ġganta) ġejja ħarbu, imma t-tifla li kienet għarxa ma ġrietx bħal ħutha […]’.  

gharar DSCF0777

GĦARGĦAR    1. Siġra indiġena li tikber sa għoli ta’ għaxar metri. Is. xj. Tetraclinis articulata. F’Malta jeżistu erba’ postijiet fejn din is-siġra ilha tikber b’mod naturali. Dawn huma: L-Imġiebaħ, il-Buskett, il-Maqluba u l-Wardija. Din is-siġra tikber f’diversi reġjuni tal-Mediterran, l-aktar fi Spanja, il-Marokk u l-Alġerija. Is-siġra tarmi minnha għelk safrani li sa żmien ilu kien ikun miġbur u jintuża bħala verniċ. Ing. Sandarac gum tree. Ara: The Maltese Countryside Volume I, ta’ Guido Bonnet u Joe Attard. Ara: www.wildplantsofmalta.com. 2Ilma tax-xita li jimla l-widien u jgħarraq l-għelieqi u l-inħawi fil-baxx.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Ħajr: Kunsill Lokali Ħal Għargħur

GĦARGĦUR  / ĦAL GĦARGĦUR   Raħal li jinsab qrib in-Naxxar, u li ismu jitlissen b’żewġ modi diversi: Gargur jew Ħar Arawr. It-tifsir li jingħata dwar l-oriġini ta’ dan l-isem ivarja. Skont xi wħud, l-isem tar-raħal oriġina miIl-kelma għargħar (pron. arar) li hi tip ta’ siġra li x’aktarx kienet tikber f’dawn l-inħawi. (Lat. tetraclinis articulata, Ing. sandarac gum tree). Intant, iż-żona mhux wisq ‘il bogħod ta’ bejn il-Għargħur u Birkirkara hi magħrufa bħala ‘San Ġwann tal-Għargħar’. Bl-Għarbi, għargħar tista’ tfisser il-parti l-aktar għolja ta’ muntanja u allura dan l-isem jixraq lil dan ir-raħal minħabba it-topografija tal-madwar. Biss, fid-dokumenti notarili, ir-raħal tal-Għargħur dejjem kien jissemma bħala Casal Gregorio li hu eqreb fonetikament lejn Gargur. Jidher li f’ċerti dokumenti, Casal Gregorio kien indikat bħala raħal żgħir li kien qrib Benwarrad (Burmarrad li nafu bih illum). Jista’ jkun mela, li Casal Gregorio u Ħal Għargħur setgħu anki kienu żewġt abitazzjonijiet differenti mhux wisq ‘il bogħod minn xulxin. Jinħtieġ aktar riċerka. Ara: Place Names of the Maltese Islands 1300 – 1800, ta’ Godfrey Wettinger pp.  214, 278. ‘The Militia List of 1419-20, ta’ Godfrey Wettinger, Melita Historica, Vol 5, no 2, 1969; Għargħur’, Agħraf Wirt ir-Raħal Tieghek, ta’ John Saré.  

GĦARIB/A     Nom kif ukoll aġġettiv li jfisser, barrani, bħal bniedem li mhux tal-lokal. Din il-kelma nsibuha fil-kitba ta’ Ġuzè Chetcuti, ‘Il-Professur Dr. Gialanton Vassallo’, Ġabra ta’ Proża għat-Tfal. (ed. R. Vella Tomlin), p. 143. L-awtur jgħid hekk: ‘[…] It-taqlib kostituzzjonali għalih kienu ħwejjeġ għariba […]’, suġġett li ma jifhimx fih. Insibu l-istess kelma fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, ta’ l-istess awtur, p. 12: ‘[…] Hemm fuq dik il-għolja għariba, minsi minn kulħadd, is-sur Marku kien jgħaddi l-jiem sħaħ iqalleb il-kotba […]’. Etim. rgħarib غريب bl-Għarbi tfisser bniedem barrani.

ARIX     Kamra tal-qasab, tinda jew dwejra fil-kampanja. F. Vella (1843): Tal. capanna u bl-Ing. cottage. Qawl: Għamel l-għarix wara li ħadulu l-bħajra, li jfisser, fittex ir-rimedju wara li kien tard wisq. Ara: BĦAJRA. GĦARIXA  Sħaba bajda li norm tidher lejn tarf Awwissu li magħha ġġib arja kemxejn friska. G.B.F. (1845) iżid, Tal. ombra della nuvola. Ara: GĦARAJJEX. Sors: E.S.I. u J.A.

għarmagozo-ramla-bay-02

GĦARMA  / GĦORMA  (pl. għaram / għorom).   1. Gozz ta’ uċuh tar-raba’, bħal-qamħ, ġwież, jew affarijiet oħra, eż., bebbux, qasab, ħamrija jew ramel, kif ukoll koċċ flus. T. Zammit, fl-Istorja ‘Il-Ħalliel Misruq’, jgħid hekk: ‘[…] ’ħaġa tal-għaġeb, għorma bebbux kull ma sabet […]’, Il-Malti, Ġunju, 1929.  L-għorma tal-qiegħa hu dak il-munzell li jinġabar fil-ħsad. 2. Għaram tar-ramel, eż., bħalma hemm ir-Ramla l-Ħamra, Għawdex. (Ing. dune). L-għaram tar-ramel huma protetti bil-liġi, għax fihom jgħixu speċi ta’ insetti, eż. il-grillu tar-ramel, u pjanti partikulari u rari, eż., kromb il-baħar, il-ħaxixa tal-irmied, ix-xewwikija, u l-pankrazju. GĦARREM  v. ħażen jew ġabar. Sors: F. Vella (1843) Ara: ‘Għaram tar-Ramel’ ta’ Elizabeth Conrad, Il-Ħuttafa numru 103, p. 9.

gharnuqSenglea6

GĦARNUQ   (pl. għerieneq).  Is. xj.  Grus grus. Tip ta’ għasfur li jissejjaħ ukoll grawwa jew gruwa. Ismijiet oħra bil-Malti huma: ajrun u gru. Ing. Common crane.  Dan l-għasfur jidher f’Malta ġen. fil-ħarifa. Fuq il-gardjola tal-Isla hemm imnaqqxa figura ta’ dan l-għasfur li qiegħed iżomm ċagħqa bejn difrejh. Dan għaliex l-għarnuq kien ikkunsidrat bħala simbolu tal-għassa, bħal ma huma l-widna u l-għajn, li hemm skolpiti fuq l-istess gardjola. L-għarnuq isemmieh Aristotile, meta jirrimarka li l-għerieneq meta jorqdu miġburin flimkien, biex jipproteġu lilhom infushom, kienu jqabbdu wieħed minnhom jibqa’ għassa kontra l-predaturi. L-għasfur-għassies kien iżomm ċaqgħa żgħira bejn dufrejh, biex jekk jibda jongħos, il-ġebla taqgħalu u hu jinħasad u jqum, pront jiġbor iċ-ċaqgħa u jerġa’ jkompli jgħasses. L-għarnuq jissemma wkoll fil-ħrafa ta’ Esopu, magħrufa bħala, il-‘Volpi u l-Għarnuq’. Ara: L-Għasafar ta’ Malta ta’ Joe Sultana (2003).        

GĦARRIEQ   Sawm. Qab. ma’ RIQ,

GĦASA     Fergħa ta’ siġra li titqaxxar mill-weraq tagħha biex isservi ta’ bastun li jintuża mir-ragħajja meta jirgħu l-merħla. E.S.I. jgħid li meta r-ragħaja kienu jgħidu, ‘Mur ilħaq għastek’, kienu jridu jfissru, ‘mur ħu ħsieb il-merħla tiegħek’. Simili għal, ‘mur ilħaq salibek’. Fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli, p. 182, Ġużè Galea jgħid hekk,  ‘[…] kien ser jibgħat lil dak il-lablabi jilħaq għastu […]’.

GĦASAR     (pl. għosrien).  1. Wara nofsinhar.  2. Talb ta’ wara nofsinhar li jingħad kemm fil-liturġija Nisranija kif ukoll fir-rit Musulman. Dan it-talb jissejjaħ ukoll VESPRI.

migbhaDSCF0098

GĦASEL     Jingħad li l-isem antik Ruman għal Malta, kien Melita, li jfisser għasel, u dan l-isem ingħata għaliex Malta dejjem kienet magħrufa għal-produzzjoni ta’ għasel ta’ kwalità mill-aqwa. L-għasel ta’ Malta jsemmieh Ċiċerun (106 – 43 Q.K.) fis-sena 70 Q.K. akkuża lil Caius Verres li seraq kwantità kbira ta’ għasel minn dawn il-gżejjer. Il-kwalità fit-tjubija partikulari tal-għasel ta’ Malta hi minħabba t-tip ta’ għabra (it-trab tal-fjuri) li n-naħal idakkar, ħafna drabi minn fuq il-pjanti tas-silla, tas-sagħtar, tal-ħarrub u pjanti u siġar oħra. Apparti t-togħma bnina tiegħu kemm fuq l-ikel, speċjalment il-ħelu, kif ukoll fix-xorb, (fi żmien ir-Rumani l-għasel kien jitħallat mal-inbid), l-għasel kien u għadu mfittex bħala rimedju kontra ċertu mard. Ħafna jduru għalih meta jkollom xi riħ jew uġigħ fil-griżmejn. Fl-antik l-għasel kien jintuża wkoll biex ifejjaq il-feriti. Il-kultivazzjoni tan-naħal u tal-għasel illum ma għadhiex issir fil-miġbaħ, (pl. imġiebaħ) bil-qolla mdeffsa ġol-ħajt, iżda b’mod aktar modern u xjentifiku, f’kaxxi maħduma apposta.  Ara: MELITA, QOLLA u MIĠBĦA. Ara wkoll: Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni 1, ta’ Ġużi Gatt, pp. 127 – 154.

GĦASIDA    Tip ta’ soppa jew minestra, magħquda bħal polenta jew poriġ. Taħlita ta’ qamħirrum jew nuħħala u ilma, li tingħata bħala għalf mgħolli lit-tiġieġ. Soppa magħmula mill-granza. Idj: ‘Għamel għasida / tagħsida sħiħa’ – jiġ., ħallat u xarrab kollox flimkien. Fig. Għamel għasida; għamel taħwida kbira f’xogħolu. GĦASSED Għaffeġ u  ħallat il-ħobż mas-smid u xarbu bl-ilma biex għalef it-tiġieġ.

ghaskarier

GĦASKRI     Aġġ. min-nom ‘għaskar’ li bl-Għ. jew bil-Malti antik tfisser suldat; bniedem militari. Fl-ilsien Għarbi, dan in-nom jirriferi ukoll għal suldat ta’ razza sewda, jew serv mill-istess razza, xi ħadd li jintbagħat għall-ġlied. Għalhekk jista’ jkun li meta ngħidu, ‘qisek wiċċ Laskri’, inkunu qed nxebbhu mingħajr nafu lil dak li jkun ma’ xi ħadd li hu sever u militari fl-imġiba tiegħu. Hemm tifsiriet oħra li kollha huma relatati: wiċċ ikreh, wiċċ ta’ wieħed iddisprat. J.A. jfisser il-kelma għaskri bħala: persuna armata.  Għ. Għaskar. Għaskarija – armata.  Ara: WIĊĊ  LASKRI.

GĦASLUĠ     (pl. għesieleġ)  1. Fergħa twila u rqiqa mid-dielja. Dan jissejjaħ ukoll ŻARĠUN. 2. Zokk oħxon maqtugħ minn siġra, bħal pereż., tat-tin jew taż-żebbuġ, li jintuża għal diversi skopijiet, eż., biex jgħin il-persuna timxi billi jserraħ fuqu. Espr. ‘Qala’ xebgħa għasluġ’.

GĦASRI    Tardivo serotino, backward. G.B.F. (1845).  Aġġ. Bħal frott li jimmatura aktar tard. Aġġ. Ħin ta’ wara nofsinhar meta jkun ser jidlam. Ara: GĦASAR.

GĦASSA TAD-DJANA    F. Vella fid-dizjunarju tiegħu (1843) jispjega din il-frażi bħala l-għassa tax-xift ta’ filgħodu. F.G. Agius de Soldanis jispjega l-kelma Djana (Diana) fid-Damma b’dan il-kliem ‘Stella matutina Aurora. Dan ifisser allura li l-għassa ta’ filgħodu hu dak il-ħin li tidher fis-sema il-kewkba Venere.

GĦASSIEL   Bniedem li jiġbor l-għasel mill-ĠABSALA. Naħal għassiel. Tip ta’ naħal imsemmi hekk. Bniedem li jaħdem ikel ibbażat fuq l-għasel. L-inħawi ta’ madwar il-kunvent u l-knisja ta’ Santa Liberata qrib il-Kalkara kienu magħrufa bħala Tal-Għassiel.

GĦATAR IX-XBIEB    (Damma) ‘[…] Cosso. Un piccolo enfiato cagionato per lo più da umori acuti e viene communamente nel viso dei giovani […]. E.S.I. u J.A. din il-frażi ma jagħtuhiex.

GĦATTUQ   Ġuvni li għadu ma laħaqx żviluppa kompletament fil-fisjonomija ta’ bniedem adult. Żagħżugħ mingħajr daqna. GĦATTUQA  Tiġieġa żgħira, li ma kibritx biżżejjed biex tbid. Srejdek, kapuċell.

GĦATWA    1. Kull tip ta’ ikel jew xorb li jittiekel biex itaffi kemxejn il-ġuħ.  2. Raqda żgħira u ħafifa.

GĦAWAR Plural ta’ GĦAR (mistħija). Qawl: it-tfal jikxfu l-għawar.

GĦAWDEX    Ara: GOZO.

GĦAXAQ    F. Vella (1843) U G.B.F. (1845) jispjegaw dan l-aġġ. bħala: innamorato. Bniedem mgħaxxaq; namrat.

GĦAXJA    Ikla ta’ filgħaxija. Idj: ‘Ma għandux għaxja ta’ lejla’ – ma għandux biex jitrejjaq għal-lejl.

GĦAXWA    Ħass ħażin li bih dak li jkun jintilef minn sensih. Sens ta’ telqa kbira wara li wieħed jaqla’ xi xebgħa.  GĦAXWA  TAD-DAĦK  Stat ta’ qtugħ ta’ nifs meta dak li jkun jidħak ħafna. L-istat fejn il-bniedem tant jidħak jew jibki li wiċċu jiħmar. Daqquqa kbira. v. GĦOXWA.

GĦAŻA     L-antiki kienu jgħidu, ‘dak jagħża’, jiġ., qiegħed f’xifer il-mewt. Qawl: hu jagħża u qatt ma jmut. Damma u M.A.V. Ara: GĦAŻWA.

GĦAŻEB     (mask.) / GĦAŻBA (fem.)   Raġel jew mara adulti li baqgħu ma żżewġux. Qawl: Taħseb ħasba u toħroġ għażba. – jiġ., min jaħseb ħafna jispiċċa ma jasal qatt biex jiżżewweġ – jew min idum jaħsibha wisq ma jasal imkien. Damma: GĦAŻEB BATTAL  Raġel li ma jagħmel xejn. Tal. vagabondo.

ghazeltunic_1

GĦAŻEL  1. Tip ta’ drapp li jinħadem  mill-kittien. F’Malta, l-għażel ilu jinħadem għal eluf ta’ snin. Dan anki jissemma minn Ċiċerun, fl-akkużi tiegħu kontra Caius Verres, (70 Q.K.), meta dan tal-aħħar kien akkużat li seraq fost affarijiet oħra, kwantitajiet kbar ta’ dan id-drapp minn Malta. L-għażel hu drapp ħafif u fl-istess ħin b’saħħtu. Biex l-għażel jibda jinħadem, l-ewwel tinħadem ix-XOQQA bil-ħjut infilsati  ma’ xulxin bi ħjata f’forma ta’ gradilja. Maż-żmien, il-kelma ‘għażel’ bdiet tirreferi anki għal tessuti ta’ materjal ieħor li jinħadem bl-istess mod. Tip ieħor ta’ għażel huwa l-FUSTAN. Ara:  NEWL u XOQQA.  Ara: Kienet fuq il-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt, pp. 221-253.

ghaziz taz-zebgha

GĦAŻIŻ TAŻ-ŻEBGĦA   Xitla li kienet imfittxija ħafna għal kwalitajiet tagħha biex minnha jipproduċu ż-żebgħa jew il-mediċina. Din il-pjanta jsemmiha D. Miège fil-ktieb Histoire de Malte (1840). Hu jgħid li l-Maltin kienu jfittxu u jiġbru din il-pjanta billi jixxabbtu b’ħabel mal-irdumijiet ta’ fuq il-baħar. Lat. Rocella tinctoria.

GĦAŻWA   1. Żjara ta’ kondoljanzi li kienet issir għand min ikun għadu kemm mietlu xi ħadd ta’ ġewwa.  2. Skont A. de S. l-għażwa kien l-ikla li tradizzjonalment wieħed kien joffri lill-qarib jew qraba tal-mejjet waqt il-perijodu ta’ luttu. Norm., l-ikel kien jikkonsisti f’ross mgħolli. Skont Cassar Pullicino, il-kelma suppost hi GĦAŻA, u jgħid li din tirriferi għall-ikel li kien jittiekel mill-familjari tal-mejjet fl-ewwel tlitt ijiem, ta’ luttu. Bħala rispett, dawn la setgħu jixegħlu dawl fid-dar, u lanqas nar biex isir it-tisjir, u għaldaqstant kienu jieklu ikel li ma għandux bżonn sajran. 3. Espr. ta’ dwejjaq li tirreferi għal sitwazzjoni monotona għall-aħħar.. Kont tisma’ lil min jgħid: ‘X’għażwa, ħej!’ Idjomi li kienu jingħadu f’dan is-sens kienu: ‘Narra jagħtik għaża!’; ‘Għaża fik!’ jew, ‘Għażwa għalik!’  FTIET TAL-GĦAŻA  Biċċiet tal-ħobż midluk biż-żejt tewm u tursin li kien jittiekel minn dawk li kienu jkunu bil-vistu.. Sors: ‘Cibi Antichi di Malta’, Ġ. Cassar Pullicino, Melita Historica, 1961. Damma; E.S.I. Times of Malta, Novembru 2015, p. 3.  

GĦAŻŻELIN    Ara: GĦAŻŻIELA.

għazżiela
ghazziela u moxt G

GHAŻŻIELA  1. Werżieq ta’ b’inhar. Cicada. Ara: SARSUR. 2. Gazzella. Idj: ‘jiġri daqs għażżiela’. 3. Għaġina ddisinjata b’mod elaborat, b’forma maqtugħa qisha maħduma bl-arkett. L-għaġina kienet tkun imħallta b’diversi ħwawar. Fis-seklu sbatax, din kienet tissajjar biex tingħata lill-foqra. Kien hemm legati li kienu jinkludu ikliet fil-festi magħmula mill-għażżiela, biex jitqassmu l-foqra. L-għażżiela kienu jdendluha fid-dar biex tipproteġi ‘l min jgħix fiha kontra s-sajjetti. 4. (pl. ta’ GĦAŻŻIEL) dak li  jagħżel, (dak li xogħolu hu li jgħaddi l-ħjut tal-qoton mir-raddiena biex dan isir ħjut tat-tajjar). TAL-GĦAŻŻELIN Norm. ngħidu TAL-GĦAŻŻENIN.  Inħawi li jinsabu fin-naħa tal-kosta ta’ San Pawl il-Baħar, qrib it-Torri ta Wignacourt. Post ieħor li dari kien imsemmi hekk kien fix-Xagħra, Għawdex, għax din l-għolja kienet magħrufa bħala x-Xagħra tal-Għażżenin. E.S.I. hu tal-fehma li l-isem ta’ dawn l-inħawi għandu jkun, Tal-Għażżelin.

GĦAŻŻIENAZZA        (Damma)  Arcipoltrona, poltronaccia.

GĦAŻŻIEQ     Wieħed li  jagħżaq.

GĦAZZ  Ara: GĦADA.

GĦELK     1.  Resina tas-siġar. Kolla likwida li ddellek u twaħħal li toħroġ mis-siġar. 2. Materja iebsa fil-ġisem qisu għerq xieref li, la ma hi għadam u lanqas laħam, u li tinsab qrib il-ġogi. QARQUĊA. Ara: GĦAMBRA.

GĦELM   Kelma li tista’ tfisser bosta affarijiet fosthom: fehma, għarfien, konoxxenza, għerf, traċċa, sinjal li wieħed iħażżeż jew jagħmel fuq oġġett biex juri li dan hu tiegħu. Nom li joħroġ mill-verb, għallem. Fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, Wistin Born jgħid hekk: ‘[…] Rożina qabditlu l-polz biex tara jekk kienx hemm għelm ta’ ħajja […]’.

GĦELT   Żball, taħwid jew kalkolu ħażin. Kelma li kienet tingħad fil-frażi ‘xogħol bla għeltijiet’ – rif. għal xogħol li jkun sar b’mod tajjeb ħafna u mingħajr żbalji.

Għeneb id-dieb N0053

GĦENEB ID-DIB / GĦENEB il-BNIET / GĦENB ID-DIB   1. Siġra li għandha z-zokk priniċipali tagħha oħxon u fil-wisa’, u  bil-qoxra taz-zokk griż u kollu xquq żgħar, li jixbah il-ġilda tal-iljunfant. Mill-friegħi joħorġu kwantità ta’ weraq s-sena kollha. Tagħmel għenieqed bi frott żgħir (mhux li jittiekel) li jixbah kemxejn l-għenieqed tal-għeneb, biss idjeq u  iżgħar. Din is-siġra tinsab l-aktar fl-Amerika ta’ Isfel, eż., fl-Arġentina. X’aktarx daħħluha l-Ingliżi f’Malta fis-seklu dsatax. G. Gulija kien semmieha, russett.  Bħal din is-siġra jinsabu diversi fil-grawnd tal-Fortini, barra l-Birgu, u hemm waħda barra l-Imdina fejn hemm ir-roqgħa tal-logħob tat-tfal. Is. xj. Phytolacca dioica. Ing. Ombu tree. 2. Skont F. Vella (1843) Għenb id-dib hi, morel, jew petty morel. Skont Busuttil (1900) din hi d-Deadly Night Shade. It-tnejn li huma qed jirriferu għal pjanta li tagħmel frotta sewda li tittiekel u li bl-Ingliż hi magħrufa bħala, berry.

GĦENELLI   / GĦAWNELLI     E.S.I. jagħtiha bħala Egħnelli.  1. Kelma li kienet tintuża bħal meta ngħidu, ‘jidhirli jien li …’ 2. Tista’ tfisser ukoll, ‘żgur li hekk hu’.  3. Hekk jew hekk. Eż., ‘għenelli li għandu jsir isir’. Ġużè Galea fir-rumanz tiegħu, Żmien l-Ispanjoli, jiktibha bħala GĦENILLI, u jgħid hekk: “[…] Għenilli, li sa twassluna Malta bħalma ħbieb iwasslu l-ħbieb f’darhom […]’’. p. 101. X’imkien ieħor fl-istess rumanz, naqraw hekk:  ‘[…] Dan kif tinsab hawn, għenilli [int] kont waqajt ilsier […]’, p. 168. Fil-farsa ‘Il-Kuraġġuż’, li Carmelo Camilleri kiteb għall-palk, fl-1864, naqraw hekk: ‘[…]  Dumink: Int ser tibda mil-lejla hux tassew? Pawlu jwieġbu: Hekk għenelli, sinjur […]’. It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, Vol II. (Marco Galea, 1997).

GĦENS    Bodbod xiħ. Kelma oħra hi WOTT jew WETT. Ngħidu, laħam tal-għens meta l-laħam jkun xieref.

ghar dalam IMG_5510

GĦERIEN   (pl. ta’ għar)  Fost bosta għerien f’Malta, Għar Dalam huwa l-aktar wieħed fond (daqs 144 m) u l-aktar li għandu storja li tmur lura eluf tas-snin u anki aktar għaliex il-formazzjoni tiegħu żviluppat mall-milja ta’ miljuni tas-snin. Fih instabu għadam ta’ annimali preistiroċi kif ukoll fdalijiet tal-eqdem bnedmin li għexu f’Malta. Hemm għerien oħrajn ta’ interess storiku, eż. Għar il-Kbir, li qiegħed ħdejn il-Buskett. Dan hu għar fejn kienet tgħix komunità li kienet tleħħaq mal-130 ruħ. Dan ir-raħal żgħir baqa’ abitat sal-1835, meta mbagħad, l-awtoritajiet Ingliżi żgumbraw lill-abitanti minn hemm. Jeżistu għerien oħra interessanti, li xi wħud minnhom huma marbutin ma’ stejjer u leġġendi. Fost dawn insibu l-Għar ta’ Calypso, li jinsab barra x-Xagħra, Għawdex. Hemm dak ta’ Għar Ħasan, li jinsab ħdejn Ħal Far. Ċerti għerien huma interessanti wkoll għall-karatteristika ġeolika tagħhom. Għar Dalam kif ukoll l-għerien ta’ Ninu u ta’ Xerri, it-tnejn fix-Xagħra, għandhom fihom l-istalaktiti u l-istalagmiti. Fil-gżejjer Maltin hawn madwar disgħin akkwati fejn l-isem jibda bil-kelma ‘Għar’. Ara:  ĦASSAN,  CALYPSO. Ara:  Place names of the Maltese Islands (1300 – 1800). ta’ G. Wettinger.

GĦERQ TAD-DEMM       Fid-Dizionario Portatile  (1831), F. Vella jagħtiha bħala, vina tad-demm).

gherq sinjur 800px-Cynomorium_coccineum_2

GĦERQ  SINJUR / GĦERQ IL-ĠENERAL     Is. xj. Cynomorum coccineum. Pjanta magħrufa li tikber fuq il-Ġebla tal-Ġeneral, fid-Dwejra, Għawdex. Fl-antik din il-pjanta kienet imfittxa għal skopijiet mediċinali. Din il-pjanta hi parassit, jiġ., tgħix bl-enerġija li tieħu minn pjanti oħra. Il-kulur ħamrani tagħha hu magħmul minn kwantità kbira ta’ fjuri rqaq li jikbru ma’ kull naħa taż-żokk. B’din il-pjanta, wieħed kien jaħseb li seta’ jittratta diversi tipi ta’ mard, fosthom il-feriti li minnhom inixxi d-demm, u d-disenterija. Kien hemm min jemmen ukoll li din il-pjanta kellha kwalitajiet afrodisijaċi. Fil-verità, din ma għandha l-ebda siwi mediċinali. Fi żmien l-Ordni, din il-pjanta bdiet issir aktar rari, għax kulħadd kien jaqta’ minnha bl-addoċċ, u għaldaqstant kienet ħarġet ordni li ħadd ma seta’ jitla’ fuq il-blata tad-Dwejra fejn tikber din il-pjanta, bla permess. Kien għalhekk li din il-blata bdiet tissejjah tal-Ġeneral, għax din issa saret il-proprjetà tal-Gvernatur ta’ Għawdex li kien jikkmanda f’isem l-Ordni ta’ San Ġwann. L-għerq sinjur hi pjanta rari; fl-antik kienu jaħsbu li tikber biss fuq il-Ġebla Tal-Ġeneral. Kienu wkoll jaħsbu li din hi speċi ta’ fungus u allura din il-blata tawha l-isem ta’ Fungus Rock. Fil-fatt din tinsab f’diversi postijiet, kemm f’Malta kif ukoll f’diversi partijiet oħra tad-dinja. Ara:  ĠEBLA TAL-ĠENERAL.

gheruq u xniexel

GĦERUQ U X-XNIEXEL    Ix-xniexel huma l-għeruq irqaq u fini li joħroġu mill-għeruq aktar ħoxnin tal-pjanta. Idj: ‘bl-għeruq u x-xniexel’ ngħiduha meta rridu nfissru li xi ħadd jaf xi suġġett jew persuna b’mod intimu u ddettaljat. Inkella meta bniedem jagħmel biċċa xogħol b’mod li l-aktar preċiż u ddettaljat. Ngħidu, ‘għandna neqirdu l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel’ – bħal meta pjanta ħażina taqlagħha mill-għeruq b’kollox u ma tħalli xejn minnha.

GĦEXIEREN    (pl. ta’ għoxrin). Erba’ għexieren, jiġ., tmenin. Erba’ għexieren u għaxra: Disgħin. Din tal-aħħar hi miktuba fin-novella, ‘Frieħ il-Ħares’, Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin, p. 66.

GĦEXUR    Wieħed minn kull għaxra dovut bħala ħlas tat-taxxa. Din il-kelma tintuża fil-Vanġelu ta’ San Luqa, fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan (18-12): ‘Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal’ (kliem il-Fariżew).  Kelma li tfisser l-istess bħal DIEĊMI.

GĦEXWIXIJA    Kelma oħra flok ‘geġwiġija’. Final. ġejja mill-Għ. għaġaġa – ħsejjes kbar jew konfużjoni kbira. Sors: J.A. 

GĦID IL-ĦAMIEM     Isem ieħor għall-Epifanija. Ħamiem hi kelma li nbidlet biż-żmien minn ħammam, jiġ. banju li fih tinħasel jew taħsel. Qawl: A. de S. fid-Damma jagħti dan il-qawl: Għall-Ħamiem erfa’ l-moħriet minn qiegħ il-wied. Ara:EPIFANIJA.

Ghid il-hamsinpentecosst

GĦID  IL-ĦAMSIN    Din il-festa liturġika, imsejħa wkoll Pentekoste, hi ċċelebrata ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir. Dan il-jum ifakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. L-avveniment seħħ għaxart ijiem wara t-Tlugħ is-Sema ta’ Ġesù Kristu, li jaħbat maċ-ċelebrazzjoni Ebraika Hag shavu’ot, festa li għandha x’taqsam mal-ġbir tal-qamħ. Il-kelma Pentekoste bil-Grieg tfisser: Ħamsin Jum. Fl-ikonografija li turi dan l-episodju, l-Appostli jidhru kollha miġbura flimkien f’kamra, u b’ilsien tan-nar fuq kull wieħed. Fin-nofs tal-kamra, tidher ħamiema bajda qed ittir li tirrappreżenta l-Ispirtu s-Santu. Bl-Ing. l-Għid il-Ħamsin hu magħrufa bħala, Whitsunday.

GĦID TA’ AWWISSU   Rif. għall-festa ta’ Santa Marija, jew l-Assunzjoni, li hi ċċelebrata fil-15 ta’ dan ix-xahar.

GĦID TAL-IMWIET  / TAL-ERWIEĦ  Il-jum li fih ikunu mfakkra il-mejtin jaħbat fit-tnejn ta’ Novembru. Tradizzjonalment, f’dan il-jum kull qassis kien iqaddes tliet quddisiet bħala suffraġju għar-ruħ il-mejtin kollha. Ħafna kienu jmorru jisimgħu tliet quddisiet, waħda wara l-oħra. F’dan il-jum ukoll, fl-antik kien hawn min jagħmel ġabra, ta’ ħaxix, għaġin, favetta u affarijiet simili biex tissajjar il-minestra biex f’kaldarun kbir biex tingħatha lill-foqra. Dawn kienu jiġu apposta bil-platt tagħhom biex jisservew. Kien hawn ukoll furnara li f’dan il-jum kienu jagħmlu l-ħobż apposta biex iqassmuh lill-foqra. Fl-istess jum kien hemm numru kbir minnhom li anki kienu jmorru jħabbtu l-bibien tan-nies biex dak li jkun joffrilhom xi ħaġa tal-ikel. Għad hawn l-użanza qawwija li f’dan il-jum in-nies imorru jinvistaw lil qrabathom fiċ-ċimiterju fejn huma midfuna.   Sors prinċipali: G. Lanfranco 2017.

GĦOBRA    (Damma.)   Cosa vile, bassezza cosa da nulla. ‘Sar għobra’, divenne sfigurato, divenire sporco. F’GĦOBRA U F’MALAMIRA In una brutta figura, e in un stato miserabile. Ara: MALAMIRA.

GĦOFFU    1. Logħba tat-tfal. 2. Ħaġa li wieħed jirċievi b’xejn. 3. TA’ OFFU Nies li għandhom flus kemm jesa’ ġildhom. Idj: ‘Ma tantx jista’ jillgħoffa’, jew:  ‘Ma tantx jista’ jilgħabha ta’ għoffu’.  Sors: J.A. u E.S.I.

GĦOMMA     1.  Sħana mix-xemx. Id-dwejjaq li ġġib magħha is-sħana. Qawl: Fi żmien il-fjuri l-għomma tibda turi. 2. Gwaj, saram, deni u ħsibijiet tad-dwejjaq kbar. Ngħidu, ‘Qasam għommtu ma sieħbu’. Fid-Damma) insibu hekk: ‘[…] Dispiacere o dolore che un da un altro riceve senza pubblicamente manifestarlo […]’. Ngħidu, ‘kixef għommtu’Stqarr ma’ xi ħadd dak li kien qiegħed idejqu. Qawl: min jaħbi għommtu jmut biha (M.A.V.).

Ghonnella castille stone caps and ghonella

GĦONNELLA   (pl. għenienel) Libsa sewda tal-ħarir li tintlibes minn fuq ir-ras u tinżel sal-għekiesi. Biż-żmien, l-għonnella kienet bdiet tinħiet b’mod li parti mid-drapp kien imtawwal biex jittella’ ’l fuq u jgħatti r-ras. L-għonnella wara bdiet tinħadem b’mod li tinżamm b’id waħda, bħal speċi ta’ arkata tad-drapp, biex tkopri u tipproteġi r-ras mix-xemx. Dan kien isir billi d-drapp jinħiet fuq BALIENA, (qasba rqiqa biex id-drapp iserraħ magħha – tissejjaħ ukoll stamina). Interessanti ħafna li f’Celano, fl-Abruzzo, kien jintlibes tip ta’ kostum simili li kien jissejjaħ unella. Dan forsi mhux b’kumbinazzjoni, għaliex fl-1227, ir-Re Federiku II, eżilja il-popolazzjoni ta’ Celano lejn Malta, u allura min jaf din l-għonnella daħletx Malta f’dan iż-żmien. Wara kollox, il-kelma għonella ġejja minn gonnella, gonna, li bit-Tal. tfisser dublett komuni. F’Malta, l-għonnella baqgħet tintuża sa’ nofs is-seklu għoxrin. Wara kienu biss l-għalliema nisa tal-M.U.S.E.U.M. li baqgħu jilbsuha l-aktar, bħala ‘uniformi’ b’turija li huma membri ta’ din is-soċjetà. A. de S. jagħmel distinzjoni bejn l-għonella u l-FALDETTA, waqt li oħrajn jgħidu li dawn kienu l-istess ħaġa. A. de S. jgħid li l-faldetta kellha l-għata, mentri l-għonella ma kellhiex. Tal. fadigghia jew faldetta. Ara: Studies in Maltese Folkore, ta’ Joseph Cassar Pulliċino, pp.151-153.

GĦOQDI    Aġġ. li jiddeskrivi bniedem mibrum u muskolat. Bniedem qawwi. Espr. ‘xbini l-għoqdi’ – tingħad bħala tislima intima bejn żewġt iħbieb li jafu lil xulxin sew. Bniedem samm u godli, li tindika li dak li jkun hu bniedem immuskulat u b’saħħtu.  Sors: E. S. I.

GĦORFA    L-ogħla kamra fid-dar jew f’xi razzett.  Kamra li tagħti għal fuq is-setaħ. Illum tingħad biex tirreferi wkoll għal xi kamra fl-għelieqi. Bl-Għarbi, غرفة –għ(r)urfa – hi kamra normali.

GĦORMA      Ara:  GĦARMA.

GĦOROB    Il-parti tal-kantun fejn in-naħa ta’ barra biss hi t-tajba. Din it-tip ta’ ġebla tintuża f’ħajt dobblu. Sors: Ġanni Buhagiar (Imqabba).

GĦORS     Tbaħrid, ferħ, xalar, festa tat-tieġ. Idj: i). ‘It-tfal għamlu għors sħiħ’ jew ‘Dawk it-tfal jilgħabu, fihom għors’;  jew ‘L-għors tiegħu kien li jara lil kulħadd jixxala’. Oriġ. Għ. li tfisser ikla tat-tieġ. Qawl: Għors bla għarusa u newwieħa mingħajr mejta, qishom mistednin mingħajr mejda. Vella (1843) jaqleb il-kelma għall-Ing. wedding.

ghosfor xdGĦOSFOR   Is. xj. Canthamus tinctorus. Pjanta magħrufa bl-Ing. bħala safflower jew African saffron – jidddependi mill-ispeċi. Iż-żerriegħa ta’ din il-pjanta kienu jagħtuha bħala għalf lill-vrieden (pl. ta’ verdun). Kien hawn min jikolha bħallikieku żerriegħa tal-bettieħ. Fl-antik kien hawn min din il-pjanta jdendilha mas-saqaf għax billi hi pjanta żejtnija u ħelwa, id-dubbien kien imur għaliha. Sors: G. Lanfranco 2017.

ghotba.jpg

GĦOTBA   1. Tip ta’ paraliżi tal-ġisem. Il-mument li wieħed jogħtob, jiġ., meta bniedem tmurlu s-saħħa minn riġlejh, b’mod li ma jkunx jista’ jibqa’ aktar wieqaf.  MAGĦTUB   Bniedem li mhux kapaċi jieqaf fuq riġlejh. 2. Pjanta magħrufa wkoll bħala ‘warda tal-Kavallieri’ – dan minħabba li l-fjura tagħha tixbah is-Salib tal-Ordni ta’ San Ġwann (is. xj. Centaura calcitrapa – Ing. caltrops jew devil’s claw). Din hi magħrufa bħala pjanta li tniggeż u li jekk tirfisha meta tkun ħafi ġġiegħlek togħtob bl-uġigħ għax għandha l-ponot tax-xewk tagħha ibsin u jniggżu.

għoxx u bebbuxu IMG_3893

GĦOXX   1. Kelma antika li tfisser bejta tal-għasafar. GĦAXXEX v.  Għamel bejta. Qawl: L-aħbar hi, illi l-għasfur tar u l-għoxx baqa’ battal. Fig. it-tifla tgħaxxet ma’ ommha, tfissdet. Nisimgħu ta’ spiss: ‘toqgħodx titgħaxxex’, jiġ., ‘titgħażżinx’. 2. Jeżistu wkoll ċerti toponimi li fihom hemm inkluża din il-kelma. 3. Ewf. għall-organu sesswali femminil. Interessanti li anki A. de S. (1750) jirriferi għall-warrani tal-mara b’din il-kelma. Biss fid-Damma jgħid li dan hu l-organu sesswali tal-mara.

GĦOŻŻIEB    L-aġġettiv ta’ għewieżeb.  Ara: GĦAŻEB.

GĦUD  IS-SUS / GĦUDIED ISSUS     (Damma) A. de S. jagħtiha bit-Tal. bħala legno ligurizia. Gliċirizzja.

GĦUD TAD-DAQQ  Strumenti mużikali magħmulin l-aktar fuq l-injam. Tal-GĦEWWIED Daqqaqa tat-toroq; imsejħin hekk għax kienu jdoqqu l-vjolini u strumenti tal-injam. (Damma) […] Piccolo violino, violincello […].

GĦUDA     Il-kelma Semitika għal kull tip ta’ injam, speċj. dak maħdum. Eż., ‘Għall-ħażen li għamel dak ħaqqu xebgħa għuda’. Xi ħaġa magħmula mill-injam, eż., salib tal-għuda. Ngħidu, ‘iebes għuda’.  Sors: E. S. I.   

GHUlaxx.jpg

GĦUL     1. Post maqtugħ min-nies, post li ma jagħmel ma’ mkien. Post vojt li wieħed jintilef fih. Eż., ‘bqajt waħdi bħal għul.’ Sors: M.A.V. (1796). 2. Fil-folklor, l-għul x’aktarx kien ukoll raġel goff, bħal ġorf li minn bniedem kien jinbidel f’serp. A. de S. jgħid li din il-kelma tfisser serpe jew serpente bit-Taljan. 3. Patri Magri jgħid li l-‘għul’ kien isem ieħor għas-serp li, skont kif kien jisma’ lix-xjuħ jgħidu, kien jgħix fl-imsaġar. Intant, fil-folklor Għarbi l-għul kien dak ir-raġel tal-biża’ li kien jgħix fid-deżert jew fil-postijiet tad-dfin. Fl-istorja Il-Għul u Dagħbub, li G.B. (Il-Malti, 1927) jgħid li l-kelma semagħha fl-art tal-Palestina fejn il-għul hu deskritt bħala ‘ġorf li jiekol in-nies’. Minn dan il-karattru tal-folklor tad-dinja Għarbija joħroġ in-nom Ingl. ghoul li fil-kultura Ingliża/Amerikana jirriferi għal diversi tipi ta’ iħirsa. Fl-antik, biċ-ċajt kienet tingħad din ir-rima:

Fil-folklor tissemma wkoll in-NANNA GĦULA – rif. għal mara xiħa għakka u kerha immens. F’Għawdex, iż-żerriegħa tat-tfief ittir fl-ajru tissejjaħ ukoll ‘nanna għula’.  ĦAL GĦUL   Raħal antik li mid-dehra kien jinsab fin-naħa tal-isptar Santo Spirito, ir-Rabat, Malta. Ġan Franġisk Abela (1647) jittraduċi dan l-isem bit-Taljan bħala, il Casale del Serpente. Sorsi: E.S.I. u J.A., Della Descrittione eċċ., Primo Libro, p. 65; Manwel Magri – Stejjer Missirijietna ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, p. 574. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Anton F. Attard, p. 71, 79.   

ghuxa San Guz ix-Xih G_5436.JPG

GĦUXA   Din il-kelma tintuża norm. fit-toponimu / appellativ, San Ġwann T’għuxa. Il-kelma għuxa x’aktarx ġejja mill-Għarbi, għ(r)ax li tfisser: ‘hu jgħin’. San Ġwann T’Għuxa (San Ġwann it-Tallab), kien il-Patrijarka ta’ Lixandra bejn is-sena 606 – 616 W.K.). Giovanni Bonello jipotesizza li oriġ., il-qaddis patrun tal-Ordni seta’ oriġinarjament kien San Ġwann Tgħuxa u mhux San Ġwann il-Battista. Hu jgħid ukoll li  waħda mill-karrakki tal-Ordni kellha fuq naħa minnhom tal-pruwa statwa ta’ l-injam tirrapreżenta lil dan il-qaddis. Meta l-karrakka żżarmat, din l-istatwa ttieħdet fil-kappella li nbniet f’Bormla, li ġġib l-istess isem. Jingħad li xi żmien wara, din l-istatwa spiċċat fil-knisja tal-Franġiskani Minuri, ir-Rabat. Bonello jgħid li l-istess statwa kienet addattata mill-konfraternità ta’ San Ġużepp billi tqegħdet figura tal-Bambin fil-pala ta’ din l-istatwa. Ara: ‘The True Identity of the Oldest ‘St Joseph’ in Malta’, Art in Malta, Giovanni Bonello, pp. 13-16.

GĦUXJA / GĦUXIJA        (Damma) incantatrice. A. de S. jgħid li din il-kelma tingħad biss f’Bormla. Hu jassoċja din il-kelma ma’ għuxa u mal-kappella ta’ San Ġwann Tgħuxa.

 *           *          *

Ara Aktar:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 Pubbliazzjonijiet tal-istess awtur ….

           

A bejn kliem u storja

                             

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843). 
* G.B.F.  Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,
(1845).
* J.A.    Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)  DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
ta' Gianfrangesku 
Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.  Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).
* G. Lanfrano, 2017, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.