A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
OBELISK * OĊĊ * OFFI * OFFU / GĦOFFU * OĦXON U L-IRQIQ, L- * OLÀ * OLMU * OMNIBUS * ONĊA * ONORATI, KONGREGAZZJONI TAL- * ONVJATURA * OPERATION HUSKY * (ara: HUSKY) * OPRAMORTA / APRAMORTA * OPRI TAL-BAĦAR * OPUS * ORAKLU * ORATORJO * ORATORJU * ORDINANZA * ORDNI TAL-IMPERU INGLIŻ * ORDNI TA’ SAN MIKIEL U SAN ĠORĠ, L- * ORGANDIN * ORLIKA * OSBRA * OSKRU * OSPIZJU * OSSATURA * OSTENSORJU * OTBRA / OTBLA * OTTAVA / OTTAVARJU / OTTAVA TAL-GĦID IL-KBIR, L- * OTTERIJA (ara: LOTTERIJA) * OTTOMAN * OTTU * OVIERA / UVIERA * OXO * OŻWA’

OBELISK Kolonna għolja b’erba’ kantunieri, misluta minn isfel għal fuq. L-oriġini tal-obelisk jinsab fil-kultura Eġizjana Antika, għax l-obelisk kien jirrapreżenta l-alla tax-xemx Ra. Bosta drabi l-obeliski kienu jitwaqqfu quddiem it-tempji. Ir-Rumani kaxkru kwantità kbira minn dawn l-obeliski lejn Ruma fejn llum għad hemm bosta minnhom. Obelisk
mibni aktar riċenti insibuh f’Malta, biss hu ta’ żmien l-Ingliżi. Dan jidher wieqaf fit-triq tal-Blata l-Bajda. Dan hu għoli daqs 30 m, u nbena bħala tifkira għal Robert Spencer, kaptan tal-bastiment Ingliż H.M.S. Madagascar li miet fl-1830. Oriġ. kien imwaqqaf fuq l-għolja ta’ Kordin. Wara xi żmien dan inħatt u tqiegħed qrib il-ġnien ta’ Hastings, qrib ħafna tal-kolonna kommemorattiva tal-Gvernatur Ponsonby u wara reġa’ kien spustjat għal Blata l-Bajda, fejn hu llum. Partijiet minn dan l-obelisk huma mkissra għax dan intlaqat kemm-darba mis-sajjetti.
OĊĊ Forma ta’ għajn. OĊĊ TA’ GRATTIN Għajn ta’ ħabel jew lenza b’vajlora (jiġ., l-ħolqa tal-ħadid, Ing. ferrule). Ħolqa ta’ ħabel li minnha jgħaddi ħabel ieħor. OĊĊA Bajda moqlija b’din il-forma. PAROĊĊA / PAR OĊĊA Par għotjien li jitqiegħdu fuq kull għajn taż-żiemel biex dan ma jkunx jista’ jħares lejn il-ġenb tiegħu.
OFFI Kelma li tintuża biex ifaħħru lil xi ħadd, eż. ngħidu, ‘Offi għalik!’
OFFU / GĦOFFU Abbundanti. Din tingħad bħala appel. biex tiddeskrivi xi ħadd li hu sta bene. Ngħidu, ‘Ta’ offu kulħadd iħobbu’. ILLOFFA v. Esaġera fil-ġenerożità jew l-infiq tiegħu; ngħidu, ‘beda jilloffa fix-xorb li serva lill-mistednin’.
OĦXON U L-IRQIQ, L- Dan hu l-mod kif il-Maltin, l-aktar dawk ta’ ġenerazzjonijiet ilu, jirriferu għal Oliver Hardy (1892-1957) – ‘l-Oħxon’, u Stan Laurel, (1890-1965) – ‘l-Irqiq’, żewġ artisti komiċi li ħadmu bosta films flimkien, l-aktar fis-snin għoxrin u tletin. Flimkien ma’ Charles Chaplin, dawn huma meqjusa bħala l-aqwa komiċi taċ-ċinema silents u s-snin bikri tat-tokis (Ing. Talkies). Iż-żewġ atturi ħadmu flimkien mal-107 film. Bdew billi ħadmu films qosra (two reelers) u komplew ħadmu f’films bil-vuċijiet matul is-snin tletin u erbgħin. L-aktar films li bihom saru magħrufa kienu Big Business (1929), The Music Box (1932), Sons of the Desert (1933) u Babes in Toyland (1934). Il-films tagħhom baqgħu popolari sal-lum bis-saħħa tal-televiżjoni. Mal-Maltin dawn kienu anki magħrufa bl-isem mogħti mit-Taljani, jiġ., Stanlio e Ollio. Is-signature tune, The Cuckoo Song, li kienet tindaqq tista’ tgħid fil-ftuħ ta’ kull film tagħhom, ukoll tgħin biex nibqgħu nagħrfu u niftakru l-films ta’ dawn il-komiċi brillanti. https://www.youtube.com/watch?v=bHNPKkvcK38
OJBÒ Ara: AJBÙ.
OLÀ Espressjoni li jidher li kienet tintuża fl-antik bħala tislima. Din il-kelma jużaha Patri Manwel Magri fil-ħrafa ‘Ix-Xini Jimxi fl-Art’. Magri jikkwota hekk: ‘[…] Qallu x-xiħ, ” Olà! Inti x’inti tagħmel?” […]’. Ftit aktar ‘l isfel fl-istess paġna nsibu din il-kelma tintuża bħala verb….’Ix-xiħ ulah (sejjaħlu)…’ [din il-parentesi hi ta’ Magri, u tindika li fi żmienu ma kontx tismagħha kif ġieb u laħaq]. Intant, bl-Ispanjol, il-kelma Olà hi ukoll mod ta’ tislima. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, p. 89, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.
OLMU Tip ta’ siġra li oriġinat fl-Asja Ċentrali fil-perijodu Mioċenju (23 – 5 miljun sena ilu) u li wara infirxet lejn l-emisfera tat-Tramuntana. Is. xj. (mill-ġenus) ulmus. F. Vella (1843) jgħidilha olma. Tintuża barra minn Malta biex iżżejjen it-toroq. F’Malta tinsab l-aktar fil-Buskett u fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Ing. elm tree.
OMNIBUS / NEMNEBUS 1. Nom li sat-tletinijiet tas-seklu għoxrin kien jirriferi għall-karozzi tal-linja bħala mezz tat-trasport pubbliku. Diġà fis-sena f’1856, kien hawn trasport primittiv mhux motorizzat, bħal karozzin bil-karru li jġorr kwantità mdaqqsa ta’ passiġġieri, għax kellhom il-bankijiet li jesgħu mas-sittax-il ruħ, u li kienu jinġarru minn bagħal jew tnejn. L-ewwel ma beda jitħaddem dan l-omnibus kien fuq ir-rotta li minn Ħal Lija tagħti lejn il-Belt, b’waqfiet f’Birkirkara u Tas-Samra, l-Ħamrun. L-ewwel vjaġġ kien jitlaq fis-sitta ta’ filgħodu, Fis-seklu għoxrin il-karozzini nbidlu ma’ trakkijiet bil-magna meta kienu impurtati erba’ minn Marsilja li ħadmu wkoll fuq l-istess rotta. Biż-żmien dawn l-omnibus bdew isejħulhom ’in-nimnibus’ jew ‘in-nemnebus’. Xi wħud min dawn reġgħu bdew jidhru matul ix-xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-fuel f’Malta kien skars. 2. Il-kelma Omnibus hija kelma bil-Lat. li tfisser ‘għal, jew lil kulħadd’. Interessanti li din il-kelma narawha wkoll fuq il-funtana ta’ Wignacourt, taħt il-Kavalier ta’ San Ġakbu, fejn hemm miktub: Omnibus idem, li tfisser ‘lil kullħadd l-istess’. Ara: XARABANK. Ara wkoll: Birkirkara fis-Seklu XIX, ta’ Winston Zammit, p. 45.
ONĊA 1. Uqija – miżura ekwivalenti għall-28 gramma Ingliżi jew, 31 gramma (troy). Waħda minn sittax ta’ libbra. Dan il-kejl kien l-aktar jintuża biex jintiżen id-deheb jew oġġetti żgħar oħra, bħal mediċina. 2. Munita maħruġa fi Sqallija fi żmien il-Medjuevu u li aktar tard kienet tintuża anke f’Malta bħala valuta legali. Sqal. Oncia. Fl-1398, il-Kastellan f’Sant Anġlu, l-uffiċjal mibgħut biex jiddefendi l-interessi f’Malta tal-Viċi Re, kellu salarju ta’ 36 onċa fis-sena. Is-suldati tiegħu, li kienu mill-Katalonja kienu jaqilgħu 8 onċi fis-sena, waqt li s-suldati Maltin, kienu jitħallsu żewġ onċi biss! Fl-istess żminijiet, l-ilsiera kienu jinbiegħu fis-suq bi prezz ta’ bejn tmien u tmintax-il onċja kull wieħed.

ONORATI, KONGREGAZZJONI TAL- Din hi x’aktarx l-eqdem fratellanza li ilha teżisti f’Malta għal mijiet ta’ snin. Bdiet bħala fratellanza ta’ devoti li kienu jiltaqgħu fl-ewwel snin tas-seklu sbatax, fil-knisja u l-kulleġġ tal-Ġiżwiti, il-Belt. Din l-għaqda kienet imsejħa ‘tal-Onorati’ għax id-devozzjoni ta’ dawn il-membri kienet issir f’kappella ddedikata lil Santa Onorata. Dan ma kienx l-isem proprju ta’ din il-qaddisa. Kien pjuttost titlu li kien ingħata lill-korpusant, li minħabba li ma kinux jafu eżattament ta’ min kien, spiċċa mogħti isem fittizju. Meta l-knisja tal-Ġiżwiti nbniet mill-ġdid fl-1638, din il-fratellanza u t-tnejn l-oħra li kien hemm magħha ngħataw kappella kull wieħed, fejn kull kongregazzjoni setgħet tinġema’ għat-talb u l-laqgħat. Il-membri tal-Onorati kienu jiltaqgħu kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu, u f’xi festi. Kienet din il-kongregazzjoni li bdiet id-drawwa tal-kwaranturi f’Malta. Il-membri kienu wkoll iduru t-toroq biex jiġbru l-flus għall-foqra u jżuru l-morda fl-isptar. Fiż-żmien kien hemm bosta isqfijiet li kienu nnominati bħala l-prefetti ta’ din l-għaqda. Fost dawn kien hemm l-Isqof Mattei (1808-1809), l-Arċisqof Publio Sant (fl-1844, 1845 u 1848), u warajh Gaetano Pace Forno. L-oratorju tal-Onorati tista’ tidħol għalih minn bieb fil-ġenb li hemm Triq l-Arċisqof, qrib Triq il-Merkanti. Ara: ‘La Congregazione degli Onorati’ ta’ Vincenzo Bonello, Melita Historica, 1969, pp. 107-113.
ONVJATURA / UNVJATURA / INVJATURA Xkatlatura li l-bennej jagħti biex jillixxja l-ġebla jew faċċata ta’ ħajt, norm. ta‘ binja ġdida.
OPRA TAL-BAĦAR Appel. għal kull tip ta’ dgħajsa jew qoxra tal-baħar, eż. frejgatina, gig, dgħajsa tal-pass, luzzu, kajjik, leċċ., li jkun maħdum bis-sengħa minn xi ħadd tal-mistier. Għal mirkeb akbar u bil-magna tintuża l-kelma lanċa, li wkoll imsejħa opra tal-baħar.
Xi partijiet mill-opra tal-baħar:
a. bardnell – b. battent – ċ. ċan – d. ċappa – e. leġġ – f. majjiera – ġ. manwella – ħ. moqdief / mqadef – i. opramorta – j. parjol – k. partiketta – l. poppa – m. prim – n. pruwa – o. skalm – p. stropp – q. stamnari
OPRAMORTA / APRAMORTA 1. Ċint għoli li ġen. jinbena fuq il-bejt u li jasal sa tlieta jew erba’ filati. Dan iservi bħala lqugħ u salvagwardja biex dak li jkun jista’ jserraħ miegħu u ma jaqax għal isfel. 2. Il-parti tal-ġenb ta’ dgħajsa jew luzzu li tkun ’il fuq minn wiċċ l-ilma.
OPUS 1. Terminu li jintuża ħafna mill-arkeoloġi biex jispjegaw mużajk ta’ kwalitajiet differenti. Pereż., fid-Domus Romana li hemm ir-Rabat, l-art hi miksija bi tliet stili ta’ disinji maħdumin fil-mużajk. Dawn l-istili huma l-opus vermiculatum, mużajk li hu rqiq ħafna, u li meta jitqiegħed ħdejn xulxin isegwi linji li jserpu skont id-disinn. Insibu wkoll l-opus tessellatum, li hu dak il-mużajk kwadru, u li ħafna drabi jsegwi linji dritti fuq disinji ġeometriċi. Hemm imbagħad l-opus scutullatum, li hu mużajk ikbar, u li għandu forma ta’ maqrut. Lat. opus – M. xogħol. Ara: Malta – Phoenician, Punic, and Roman ta’ Anthony Bonanno, pp.164-166. 2. Opus hija wkoll riferenza għal biċċa xogħol mużikali.
ORAKLU L-interpretazzjoni ta’ din il-kelma hi assoċjata mill-istoriċi u l-arkeoloġi, l-aktar mal-kulturi u r-reliġjonijiet tal-perijodu Klassiku Grieg, u għaldaqstant mal-prattika ta’ Pitja, li kien l-oraklu ta’ Apollo f’Delfi. Fid-dinja antika kienu bosta l-orakli li kienu relatati mal-kult tal-art, jew aħjar, mal-alla tal-fertilità. It-terminu fl-istess ħin hu riferiment għal dik il-persuna li tfejjaq il-morda jew li tħabbar il-ġejjieni u tagħti pariri. B’hekk l-oraklu seta’ kien ukoll dak il-qassis jew saħħar li kien kapaċi jikkomunika mal-allat f’isem il-bniedem. Fil-każ ta’ Malta, l-istudjużi tal-arkeoloġija li skavaw u interpretaw it-tempji megalitiċi applikaw il-karattru tal-oraklu Grieg għall-post u l-persuna li kienet tagħmel dan ix-xogħol fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Uħud mill-arkeoloġi kienu tal-fehma li kemm fl-Ipoġew kif ukoll fit-tempji megalitiċi kien hemm kamra jew rokna partikulari li kienet tintuża mill-oraklu. In-nies kienu jikkomunikaw mal-oraklu minn barra t-tempju billi jkellmuh minn toqba żgħira li kienet minfuda fil-ħajt. Ara: Malta – Prehistory and Temples, David Trump, pp. 110-111, 128-135; The Hypogeum, Martin Morana.
ORATORJO Kompożizzjoni mużikali b’tema reliġjuża, speċi ta’ talb fil-kant. Saru diversi oratorji f‘Malta. L-ewwel oratorio bil-Malti kien ix-xogħol mużikali, Pawlu ta’ Malta, b’lirika ta’ Oliver Friggieri u mużika ta’ Charles Camilleri. Dan l-oratorio ndaqq għall-ewwel darba fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-1985. Minħabba li dan kien kompożizzjoni bil-Malti, l-awtur Oliver Friggieri ddeċida li l-kelma biex tiddeskrivi dan ix-xogħol għandha tkun miktuba bl-ortografija Maltija. Hekk ġara li minn oratorio ħarġet għall-ewwel darba l-kelma oratorjo. Ara: Fjuri li ma’ Jinxfu Qatt ta’ Oliver Friggieri, p.p. 629-638.
ORATORJU Kappella li norm. tinsab ġewwa, jew ma’ ġenb il-knisja, li tintuża mill-fratellanza tal-post biex il-membri jitolbu flimkien. Pereż., insibu l-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, li nbena fl-1602, bħala post ta’ ġabra u talb għall-kavallieri novizzi. Caravaggio pinġa f’dan l-Oratorju ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann’ fl-1609. Kien hawn li t-tribunal tal-Ordni għamel il-proċess in absentia, kontra dan il-pittur wara li Caravaggio ħarab minn Malta. Oratorji magħrufa oħrajn f’Malta huma: Ta’ San Ġużepp li hemm fil-knisja tal-Franġiskani Minuri r-Rabat (ritratt); l-Oratorju tal-Onorati (ħdejn il-knisja tal-Ġiżwiti) l-Belt, l-Oratorju fil-Bażilika tal-Isla, u l-Oratorju tas-Sagrament, li hemm fil-kunvent tad-Dumnikani, il-Belt. Dan tal-aħħar kien tfarrak waqt attakk mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija, iżda kien reġa’ nbena.
ORDINANZA Term. ġenerali li jirreferi għall-armi tal-gwerra kollha li jkunu fl-inventarju tal-armerija jew fuq il-bastimenti. Il-Belt hemm Triq l-Ordinanza, rif. għal stabbiliment ta’ dan it-tip fi żmien l-Ingliżi. Barra l-Birgu għad hemm ġebla bħala marker li għandha żewġ ittri, B.O., li jfissru Board of Ordinance. Dan is-sinjal kien jinforma l-pubbliku li dan il-post kien proprjetà tal-militar, jew tan-Navy Ingliża, u li allura ħadd ma seta’ jidħol fiħ ħlief min kien awtorizzat. Ara wkoll: SIEQ IT-TIĠIEĠA.
ORDNI TAL-IMPERU INGLIŻ Dan l-Ordni, li bl-Ingliż hu magħruf bħala The Order of the British Empire, jew The Most Excellent Order of the British Empire, inħoloq fi żmien ir-Re Ġorġ V fis-sena 1917. Għall-ewwel dan l-Ordni kien intenzjonat li jagħti l-meriti mistħoqqa liċ-ċittadini Brittaniċi u oħrajn li kienu jagħmlu parti mill-Imperu Ingliż. Biss, sena wara li nħoloq, l-Ordni nqasam f’dak ċivili u dak militari. F’dan l-Ordni hemm ħames klassijiet:
- Knight Grand Cross jew Dame Grand Cross of the Most Excellent Order of the British Empire (GBE)
- Knight Commander jew Dame Commander of the Most Excellent Order of the British Empire (KBE jew DBE)
- Commander of the Most Excellent Order of the British Empire (CBE)
- Officer of the Most Excellent Order of the British Empire (OBE)
- Member of the Most Excellent Order of the British Empire (MBE)
Diversi Maltin kienu onorati b’xi wħud minn dawn it-titli. Fost dawn insibu
lil:
Sir George Borg MBE, Prim Imħallef tal-Qrati Maltin (Ara: GEORGE CROSS);
Sir Hannibal Scicluna MBE, storiku, kap tal-Biblijoteka u bniedem ta’ bosta
abiltajiet akkademiċi;
Sir Paul Boffa OBE, tabib li ħadem ħafna fit-Tieni Gwerra Dinjija biex
jorganizza l-għajnuna medika;
Sir Michael Gonzi KBE, Isqof, li fit-Tieni Gwerra Dinjija stinka biex
l-Għawdxin jibagħtu l-ħxejjex u l-frott tagħhom lejn Malta;
Sir Anthony Mamo OBE – Prim Imħallef u Aġent Gvernatur.
ORDNI TA’ SAN MIKIEL U SAN ĠORĠ, L- Dan l-Ordni kien imwaqqaf mill-Monarkija Ingliża fis-27 ta’ April 1818, mill-Prinċep George, magħruf bħala Prince Regent, bil-għan li jonora liċ-ċittadini li jgħixu kemm f’Malta kif ukoll fil-Gżejjer Jonji, li dak iż-żmien kienu jaqgħu taħt l-Imperu Ingliż. L-Ordni kien imqassam fi tliet diviżjonijiet. Kull diviżjoni kienet magħmula minn tmien Kavallieri Gran Kruċ, tnax-il Kavallier Kmandant u erbgħa u għoxrin Kavallier Membru, imsejħa Companions. Dawn kienu mmexxijin mill-Gran Mastru ta’ dan l-Ordni. L-ewwel investitura b’dan it-titlu saret fis-Sala tat-Tron fil-Palazz, il-Belt, fis-16 ta’ Diċembru 1818. Kien minn dakinhar li din is-sala bdiet tissejjaħ ‘is-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ’. L-ewwel Gran Mastru ta’ dan l-Ordni kien Thomas Maitland, il-Gvernatur ta’ Malta nnifsu. Biex wieħed jimmerita li jkun membru tal-Ordni ried juri l-abiltà tiegħu f’livell għoli b’risq ir-Renju Unit, l-aktar f’pajjiż barrani. Norm. il-Kmandant Navali tal-flotta (Commander-in-Chief – jew C’n’C) tal-Mediterran kien appuntat bħala l-Kavallier Ewlieni Grand Cross, eks uffiċċju. Ġieli ġara li l-Gran Mastru appuntat kien ikun il-Kummissarju Għoli tal-Gżejjer Jonji. Fl-1858, meta l-Gżejjer Jonji ngħataw lill-Greċja, il-bażi ta’ kif jingħata dan il-mertu nbidel u nfirex aktar. Illum, it-titlu CMG (Companion of St Michael and St George), jew KCMG (Knight Companion of St Michael and St George) jingħata lil nies distinti li jkunu wrew kapaċità straordinarja għall-ġid tal-Commonwealth. Fost dawk il-Maltin li rċevew dan it-titlu kien hemm: l-Avukat tal-Kuruna, Adrian Dingli, li ħadem ħafna mal-gvernaturi Ingliżi f’Malta biex fassal diversi liġijiet, kemm ċivili kif ukoll kostituzzjonali, kien mogħti dan it-titlu. It-titlu ngħata wkoll lil Vincent Casolani, (1785 – 1855) li kien, fost affarijiet oħra, il-Kaxxier tat-Teżor tal-amministrazzjoni Ingliża f’Malta. Dan it-titlu ngħatalu fl-1833. It-titlu ta’ CMG ingħata wkoll lil Temi Zammit għax-xogħol tiegħu fis-sejba tal-mikrobu tad-deni rqiq fil-ħalib tal-mogħoż. Ara: British Malta, A.V. Laferla, pp. 101-104.
ORDNI SAGRI Ngħidu, ‘ħa l-ordni sagri’, jiġ., sar qassis. Is-sagrament tal-Ordni Sagri jingħata mill-isqof u ma jitħassar qatt. Fil-Knisja Kattolika hemm seba’ gradi ekklesjastiċi, tlieta maġġuri li huma, presbiterju, djaknu u suddjaknu; u erba’ minuri, ostjarju, lettur, eżorċista u akkoltu. Sorsi: V.B. (1900), u http://centrupastoralisghajtar.org/ordni-sagri/
ORGANDIN Drapp tal-qoton jew tal-ħarir, kemxejn ileqq, irqiq u ħafif, li jintuża l-aktar għall-ilbiesi tan-nisa. Tal. organdi. Qbl. ma’ RGANZA.
ORLATURA Tip żigarella dejqa jew wiesgħa, norm. mejħuta max-xifer tad-drapp u minn fuq u minn taħt biex dan ma jiżżarraġx. Ing. bias binding.
ORLIKA Verżjoni oħra tal-kelma, relikwa.
OSBRA (pl. ta’ sabar). Esklamazzjoni li wieħed jgħid meta jissorprendi ruħu.
OSKLU L-att tal-bews li jingħata lir-relikwija fil-funzjonijiet u ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knejjes. Sibt din il-kelma fl-artiklu ta’ F. Porsella Flores, ‘Il-Festa fil-knisja ta’ San Lawrenz fl-Imgħoddi: in-novena, lejlietha, nharha u l-ottava’: ‘[…] il-funzjoni kienet bil-kant tat-Tantum Ergo u l-barka sagramentali, u l-osklu, jiġifieri l-bews tar-relikwija, waqt il-kant tal-innu […]’. Etim. Latin osculor, jiġ., tbus; Tal. osculazione. Sors: Programm tal-Festa San Lawrenz, 2000.

OSPIZJU Post fejn kienu jieħdu ħsieb il-morda u l-foqra. Aktar milli sptar dan kien qiesu refuġju ta’ nies bi problema biex jgħixu għal rashom. L-Ordni kien fetaħ ospizju l-Furjana, fuq is-swar li jagħtu għal fuq Marsamxett. Dan serva wkoll bħala sptar tax-xjuħ u refuġju għall-foqra. L-ospizju baqa’ joffri dan it-tip ta’ servizz anke fi żmien l-Ingliżi sakemm infetħu sptarijiet u djar tax-xjuħ ġodda. L-istess kelma tista’ tirriferi għal xi orfanatrofju kif ukoll għal sptar mentali. Ara: ‘Health Matters in Malta in the Early, 19th Century’, ta’ Martin Morana, 20 November, 2020:
OSSATURA Qafas jew gaġġa li fiha titpoġġa magna jew makkinarju kbir, eż. ta’ bastiment.
OSTENSORJU Kontenitur, ħafna drabi tal-fidda jew maħsul bid-deheb, li fih tinżamm l-ostja. Fin-nofs tiegħu l-ostensorju jkollu ħġieġa biex l-ostja tkun viżibbli għall-adorazzjoni u l-qima tan-nies.
OTBRA / OTBLA Tnabar, jiġ., il-plural ta’ ‘tanbur’. Tnabar li kienu jindaqqu mis-suldati tad-Dejma. Kienet teżisti l-espr. ‘ma jibżax mid-daqq tal-otbra’ – jiġ., ma jibżax imur jitqabad kontra l-għadu fil-kamp tal-battalja. Dan in-nom jintuża fl-istorja, Lejla Bint Ħasan, ta’ Temi Zammit: ‘[…] fost il-għana u l-ferħ tal-ħaddara u d-daqq tal-otbra […]’ Ara: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 64.
OTTAVA 1. Tul ta’ tmint ijiem wara l-festil-kbar. Eż. L-OTTAVA TAL-GĦID IL-KBIR jew tal-Milied. Din tissejjaħ Ħadd Fuq l-Għid. Fl-Ottava, tittieħed lura f’postha r-relikwija li tkun ħarġet min-niċċa biex tkun esposta għal matul il-ġranet ta’ qabel il-festa. Dan l-att jissejjaħ id-deposizzjoni. Waqt uffiċjatura tal-Ottava isir orazzjoni speċjali. Minn din il-kelma toħroġ l-OTTAVARJU – jiġ., sensiela ta’ prietki li kienu jsiru waqt l-Ottava. Dawn kienu jsiru wkoll fix-xahar ta’ Novembru u magħrufa bħala l-Ottava tal-Qaddisin kollha. 2. Idj: ‘Qisha waslet l-Ottava’ – tingħad f’sens bħallikieku waslet xi ħaġa ta’ dwejjaq mistenni. MOTA TAL-OTTAVA TAL-ERWIEĦ Din il-mota kienet tindaqq fix-xahar ta’ Novembru. Sors: Lorenzo Zahra u Anton F. Attard.
OTTERIJA Ara: LOTTERIJA.
OTTOMAN 1. L-Imperu Ottoman ra l-bidu tiegħu fl-1299. Is-saltna ta’ dan l-imperu kienet ibbażata f’Kostantinopoli fit-Turkija, biss l-Imperu Ottoman kien mifrux f’madwar 29 provinċja, l-aktar fil-Lvant tal-Ewropa, il-Punent tal-Asja u fl-Afrika ta’ Fuq. Kienet il-qawwa tal-Imperu Ottoman li keċċiet lill-Kavallieri minn Ġerusalemm, u wara, fl-1291, mis-Sirja. Fl-1522 l-Ordni tkeċċa mis-Sultan Tork Suleiman, minn Rodi, u wara tmien snin l-Ordni spiċċa ġie Malta. Xorta waħda f’Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann baqa’ qisu xewka f’dahar l-Imperu Ottoman. Fis-sekli
tmintax u dsatax, l-Imperu beda jmajna u tilef ħafna artijiet, l-aktar fil-Balkani. Dan ġara minħabba li ħafna popli bdew jirreżistu u jiġġieldu għall-indipendenza taghom. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, is-Sultan Tork żamm u kien f’alleanza mal-Ġermanja u dawn it-tnejn spiċċaw telliefa. Immedjatament wara, l-alleati komplew jattakkaw lit-Turkija, u fl-1 ta’ Novembru 1922, s-Sultan Tork kellu jabdika. It-Turkija saret Repubblika fid-29 ta’ Ottubru tal-1923, bl-ewwel President tagħha jkun Mustafa Kemal, magħruf bħala Ataturk, jiġifieri, ‘Missier it-Torok’. Hi ironija tal-istorja li l-aħħar Sultan Tork, Mehmet VI, spiċċa għal ftit żmien f’Malta, meta vvjaġġa abbord l-H.M.S. Malaya mit-Turkija. Mehmet VI qatta’ l-bqija ta’ ħajtu f’San Remo, l-Italja. 2. Drapp ikkurdunat tal-ħarir li bih kien jsiru l-għenienel. Sors: G. Lanfranco 2017. 3. Għamara, li tiegħu l-forma ta’ banketta jew divan mingħajr dar.
OTTU 1. L-ottu hu n-numru tmienja kif jissejjaħ bit-Taljan l-aktar fil-logħba tal-lottu. 2. Qagħqa tal-ottu – qagħqa li tkun forma tan-numru tmienja. 3. Idj: ‘Ġie / spiċċa ottu / qegħdin ottu’ – sitwazzjoni ħażina ħafna. Dan hu paragun mal-forma tal-qagħaq li jixbah in-numru 8 – għaldaqstant magħmula minn żewġ ċrieki tondi.
OVIERA / UVIERA Speċi ta’ kikkra żgħira li tintuża waqt l-ikel biex titpoġġa fiha l-bajda mgħollija, kultant bil-qoxra b’kollox.
OXO Logħba li kienet tintlab b’dissin ta’ kaxxi fuq biċċa karta. F’dan il-każ flok pedina kienu jinħażżu l-ittri ‘X’ u l-‘O’ fl-ispazji tal-kaxxi. Kien jirbaħ min jgħaqqad l-ewwel tliet ‘X’ijiet ħdejn xulxin. Ara: TRIJA.
OŻWA’ Il-plural ta’ wiżgħa. Sors: J.A.
* * *
Dan ix-xogħol hu bbażat fuq it-tliet pubblikazzjonijiet:
Bejn Kliem u Storja
Ara X’Int Tgħid
Biex il-Kliem ikun Sew
Paġni 256 Paġni 256 Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Ara aktar:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur
* E.S.I. Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). * F.V. Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831). * F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). * G.B.F. Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845). * J.A. Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990) * M.A.V. Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). * (D) DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). * V.B. Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).
*********
Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli … mohba2016@gmail.com