s

A *   B *   Ċ *   C *   D *   E *   F *

Ġ *   G *   *   H *   Ħ *   I *    J *   K *

L *   M *    N *    O *    P *    Q *    R *    S

T *    U *    V *   W  *    X *   Ż *   Z *

SA MAISON * SABA’ TAĊ-ĊIKKI ĊIKKI / TAT-TAĦWIDA / TAS-SORM IT-TIĠIEĠA * SABATTIN / SABATTINA * SABBARA / ŻABBARA * SABB ID-DEMM * SABBITA * SABELLA / SABELLIKA / SEBBELLA / SEBBELLIKA / ŻEBBELLIKA / ŻABBETTA / ŻABBETTINA * SABI * SABORRA * SABREĊ * SABTAN, ĦAS- * SAFLIENI * SAĠĠA / SIĠĠA * SAGLA / SIEGLA TAL-ISKANDALL * SAGRA DIBONJA * SAJJARA * SAKKAR * SALAMALEKKI * SALDATUR * SALIB BIT-TMIEN PONOT * SALIB TAD-DEJMA * SALIB TAL-GĦOLJA, IS- (ara: LAFERLA CROSS) * SALINI * SALJATURA * SALLIERA * SALLY PORT * SALMA * SALMASTRU * SALVEREĠINA SAMM * SAMRA, TAS- * SAMROTT * SAMSAM / SARSAR * SAMSAR * SANANIKK * SANĊIR * SANDAR * SANĠAKK * SANGATT * SANGILOTT * SANGISUG * SANNAĊĊU * SANNAKK / SANNAKKU * SANPAGATU * SAN RAJMONDU * SANSAFIDI / SENSAFIDI * SAN STIEFNU * SANTA BARBARA * SANTABARBARA * SANTAFJAKKA * SANTA INFANZJA * SANTARELLINA * SANTA TAĊ-ĊIKWEJRA (ara: ĊIKWEJRA) * SANTU KORP * SANTU KRUĊ / SANTUKRUĊ * SANTUKRUĊ * SANTWARJU * SAPPITUTTU * SAQWI * SARAĊINI * SARANGU * SARDINA * SARĠ * SARGU * SARRAĠ (ara: SARĠ) * SARRIA * SARSI * SARSIR * SARSUR / ŻERŻUR * SARWAL / SARWAN / LABRA TAS-SARWAL * SASSLA * SATLA / SASSLA * SATRA *SAWWAB * SAWRA TA’ / SAURA * SAWT / SAWT IL-FART * SBALLOTAR (ara: ŻBALLOTTAR) * SBIRR (ara: ŻBIRR) * SBUL * SDEJDA * SDEJRU * SEBA’ BUKKUNI * SEBT / SEBT IR-RAGĦAJ * SEBBELLA * SECRETO, IL * SEFFUD * SEJKU * SELĦA * SELLIET/I * SELQ * SELMUN * SEMEN * SEMITIKU/A * SEMM * SEMOLINA * SEMPITERNA * SENAT * SENDUQ * SENGLEA (ara: L-ISLA)  * SENNIEN * SENSERIJA * SENSIELA * SENTIKKA * SENTINA * SEPJA * SEPOLKRU / SEPULKRU * SERBUT * SERPA * SERQUŻA * SERRATURA * SERSUR * SERVIZZJAL * SETAKRUDA * SETTA, TAS- * SETTE GIUGNO * SETTEMBRINA / ARJA SETTEMBRINA * SETTI BELLIZZI * SETTIĊEMJA * SEWWA FLIXKUN * SFIĊĊA * SFINĠA * SFIQ * SFLASKS * SFOLL * SGABELL * SIBBIEN / SEBBEJ * SIBT IL-GLORJA * SIĊĊA * SIDILSIERA * SIDRA * SIELEM * SIEGLA * SIEGĦ * SIELEM * SIENJA * SIEQ IT-TIĠIEĠA * SIEQJA * SIES * SIFA / SIFJA * SIFISENT * SIĠĠA (ara: SAĠĠA) * SIJJAR * SIKKA * SIKRANA * SIKSPENZ * SIKULO-NORMANN * SIKUTIN * SILA * SILF * SILFJUN * SILĠ * SILĠ, TAS- * SILLAR * SILOKA * SILSLA / SINSLA * SIMAR * SIMBLIJA * SIMSMA (ara: ĠUNĠLIEN) * SINGATUR * SINGLU * SINIFITETI * SINISKALK * SIPRISSAT / SOPRESSAT * SIRENA, L-GĦAR TAS- * SITTA LA SINISTRA * SITTAŻBRILJA * SITT PUNTI, IS- * SJETT / ASSJETT * SJUNA * SKABBJA * SKAL * SKALDA TAR-RIĦ * SKALAPIŻA * SKALM * SKALZ * SKAMBELLA / SGAMBELLA * SKAMIĊJAT * SKAMPLU * SKANALATURA * SKANDLOR * SKANNELL / SKANELLUN * SKAPLU * SKARANZIJA * SKARNAR * SKARPIN * SKARTAFAĊĊ * SKIZZ (ara: ABBOZZ) * SKONĠURA * SKONTRIN * SKORBA / SQOLBA * SKORBUT * SKORRA * SKOTT * SKOTTI * SKRITT * SKRITTOJ / SKRITTORJU * SKUD / SKUT * SKUFJA * SKURJATA * SKUTELLA * SLAJVU * SLAMBUBI *  SLAN * SLISTU * SLOPP * SMAĊTU / SMAJĊ / ŻMAJĊ * SMARĠASS / ŻMARĠASSAT * SMONTOR * SMORFJA * SNEJDAQ SODALITÀ (ara KONFRATERNITÀ) * SOBTU (ara: ZOBBTU) * SODDIEDA * SOGGOLU * SOGĦDA * SOKKJUŻ * SOLD * SOLL * SOMBOR / SONBOR  * SONŻA * SORĠITUR * SORPRIŻA * SORRA * SPAKXIN * SPANJOLA, L-(I) * SPANJULETTA * SPELLIZZA * SPERONARA (ara: XPRUNARA) * SPIEDA * SPIERA * SPIGA / SPIKA (ara: SOMBOR / SONBOR) * SPIGOLATRIĊI * SPINOLA * SPIRITIERA * SPITCHER * SPIŻJAR * SPNAR * SPONUT * S.P.Q.R. * SPUNĠATUR / SPURĠATUR * SPUTATUR * SQALLIJA U S-SIKELI * SQIFA * STABAL * STAFFA * STAKKATURA * STALAKTITI  U STALAGMITI * STAMBUL / STAMBUR * STAMINA (ara: GĦONNELLA jew ĊULQANA * STAMNARI * STAMPIER * STANGA * STANJATA * STASIJA * STELLARJU * STIVA * STOĊĊ * STOKK * STOKKAFIXX * STOLA U SALIB * STOPPA * STOPPIN * STRADIKATUR / STRADIKAJR * STRAFUTTENT * STRAMAN * STRAPAZZAT/A * STRAPAZZATA, BAJDA * STRAZZA * STRINA * STRINĠITUR * STRIPPA/I * STROMBLAMENT / STRUMBLAMENT / STRUMBLAT * STROPP * STUTA * STWIEL * SUB CONDITIONE (Ara: ASSOLUZZJONI KONDIZZJONALI) * SUBBASTA * SUBIENA / SIBIENA * SUDDJAKNU * SUFFARELLl * SUFFEJRA * SUĠĠERITUR * SUĠĠETTA / SOĠĠETTA * SUKKURSAL (ara FILJALI) * SULETTA * SULTAN * SULTANA * SUNETT / SONETT / SUNETTI * SUPPLIKA * SUR, MARA TA’ FUQ IS - * SUPRASTANT * SURĠENTINA * SURTUN * SUS * SUSA * SUSAN (ara: ĠILJU) *

Pieta Quarantine harbourSA MAISON     L-inħawi  ta’ madwar il-bajja Tal-Pietà, imsemmija hekk minħabba li fuq is-swar tal-madwar hemm il-ġnien magħruf bħala Sa Maison, jew kif inhu magħruf ukoll, il-Ġnien tal-Milorda. Dan l-isem oriġina miIl-isem ta’ Kavallier Taljan, Giovanni Battista de Saismaisons li kera d-dar u l-art ta’ fuq is-sur mingħand l-Ordni fl-1701 biex igawdi il-ħin liberu tiegħu hemm bil-veduta mill-aqwa tal-Port ta’ Marsamxett. Ara: ĠNIEN TAL- MILORDA. Ara: ‘The True Origin of the Sa Maison House and Garden’, ta’ Albert Ganado. The Sunday Times of Malta, February 7, 2021.

SABA’ OĦXON / SABA’ KBIR / SABA’ TAĊ-ĊIKKI ĊIKKI   (D.) ‘[…] Behem. Viene detto da ragazzi taċ-ċikki perche egli e quello detto che uccide i pulici e pidocchi. SABA’ TAT-TAĦWIDA Detto dello frammischiamento, così chiamato l’indice perche é quello che accommoda per pascolare i pollami o polli. SABA’ TAS-SORM IT-TIĠIEĠA poiche con questo detto le donne provano se le galline tengono luova. Si dice pur saba tal ħolqa poiche in questo si pone ditale per lavorarsi […]’.

SABATTIN    1. Tas-Sibt.  2. SABATTINA  Bolla tal-Papa Ġwanni XXII (937 – 964W.K.) li kienet tagħti grazzja lid-devoti tal-Madonna tal-Karmnu, li jinħelsu mill-purgatorju fl-ewwel Sibt ta’ wara mewthom.

SABB TAD-DEMM   Isem ieħor għad-disenterija; marda li tattakka l-imsaren meta l-bniedem ikollu infezzjoni, jew minn xi virus, minn xi batterju, jew inkella minn parassita. Din l-infezzjoni hi norm. ikkawżata minn ikel jew xorb ikkontaminat, jew inkella minħabba t-teħid ta’ infezzjonijiet minn bniedem għall-ieħor, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ iġene. Din il-marda tirriżulta fis-sabb tad-demm, jiġ., emorraġija tad-demm li joħroġ mal-ippurgar. Skont l-Atti tal-Appostli, kap. 28, San Pawl kien fejjaq lil missier Publiju mis-sabb tad-demm. Sorsi: J.A., E.S.I. u Kalepin (1941). M.A.V. jgħid, SABA,  Flusso di sangue.

sabbara aloe mta - Vanda Biffani (128)SABBARA / ŻABBARA    Pjanta, tip ta’ sukkulent li tikber fis-selvaġġ, l-aktar fix-xagħri. Is. xj. Aloe vera. Waħda minn 300 speċi ta’ aloe li jeżistu fid-dinja. Din il-pjanta tintuża għall-kwalitajiet mediċinali tagħha. Il-laħam tal-weraq jintuża biex ifejjaq xi selħa li tista’ tkun ikkaġunata minn brix tal-ġilda kkawżat, pereż., b’ħabel eċċ. li jinġibed u jinħakk bis-saħħa mal-ġisem, jew inkella biex tfejjaq feriti kkawżati minn ħruq bin-nar. Fl-antik, is-sugu ta’ din il-pjanta kien jintuża min-nisa biex joftmu t-tarbija, billi jdellku dan is-sugu ma’ sidirhom. Is-sustanza ta’ din l-pjanta tintuża wkoll bħala ingwent għall-ġisem kontra x-xemx. Sqal. zabbara. Ara: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, p. 239    

SABELLA / SABELLIKA  / SEBBELLA / SEBBELLIKA  / ŻEBBELLIKA / ŻABBETTA / ŻABBETTINA    Nannakola.  Insett li minnu hawn diversi speċi, u li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom fil-ġonna jew fil-kampanja. L-aktar komuni hi s-sabbella tat-tikek suwed. Din tidher l-aktar meta jinġabru l-għeruq tal-qara’ jew tal-bħajra. (Sors: Anton F. Attard). Sqal. Isabella. Taqbila minn Għawdex tgħid hekk:

      Sebbellika tir, tir!             
      Ommok il-ġenna        
      U missierek fil-bir!

 

SABI       Tifel imqarqaċ.  Idj:  ‘Qisu sabi ħażin’.

SABBITA       Logħob tal-boċċi li kienu jilagħbu t-tfal dari. Din il-kelma ġejja minn tisbita.

SABORRA      Materjal tqil fil-kwantità tiegħu li jintuża biex jimlew l-istiva tal-qiegħ nett tal-bastiment, biex meta l-vapur jivvjaġġa mingħajr merkanzija dan iżomm stabbli. Il-materjal tal-saborra jista’ jkun ta’ kwalunke tip, pereż., ħadid, konkrit jew ilma. Apparti mill-istabbilità li toffri s-saborra din tgħin ukoll biex l-iskrun tal-poppa jibqa’ taħt l-ilma. Idj: ‘Tajjeb biss għas-saborra’, kumment dispreġġjattiv għal xi ħaddli mhu tajjeb għal xejn, u li jservi biss ta’ piż fuq ħaddieħor. Tal. saborra / savorra. Għ. sabara.

SABREĊ      Esklamazzjoni li tista’ ma tfisser xejn, biss tista’ wkoll turi sens ta’ diżappunt.  Eż. ‘X’is-sabreċ  ġralek!’  

SAB(P)TAN,   ĦAS-     Wied li minn Ħal Kirkop jagħti għal Birżebbuġa u li fih tikber tip ta’ pjanta bi zkuk twal imsejħa SEBT. F’Wied Ħas-Saptan hemm ħażniet taż-żejt taħt l-art, li jfornu l-ajruplani fl-ajruport ta’ Malta.

model site_0130_0001-750-0-20090930135303
Mudell tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Ħajr: Mużew tal-Arkeoloġija / Heritage Malta

SAFLIENI     Aġġ. li jirreferi  għal xi ħaġa li tinsab f’livell baxx. L-isem tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni jindika li dan l-ambjent kien imsejjaħ hekk għax kien hawn nitfa ta’ raħal li kien f’lokazzjoni aktar baxxa minn oħrajn (pereż., Ħal Tarxien). L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni  nstab b’kumbinazzjoni mal-bini li beda tiela f’dawn l-inħawi fil-bidu tas-seklu għoxrin. Dawn l-inħawi kienu wkoll magħrufa bħala Tal-Għerien, indikazzjoni li s-saffi ta’ fuq tal-Ipoġew kienu jiidhru jew jintlaħqu. Inant, fl-1625 il-Gran Mastru Antoine de Paule kien ta bidu biex jinbena raħal f’dawn l-inħawi. Hu fatt interessanti li fil-qiegħ ta’ bir fl-Ipoġew, instabet munita u anke balla ta’ kanun, it-tnejn ta’ żmien l-Ordni.

saggaxSAĠĠ/A  / SIĠĠA   (Pl. saġeġ)   Aquilina jinterpreta din il-kelma bħala konfessinarju. Skont E.S.I., dan jissejjaħ siġġa u jirriferi mhux biss għall-konfessinarju imma anki għal tip ta’ pultruna bil-maqbad, magħmula apposta għad-dinjitarji, bħal isqfijiet jew monsinjuri, eċċ., waqt xi funzjoni reliġjuża. Skont E.S.I. dan is-siġġu jista’ anki jinġarr bħal portantina. Fil-ktieb, Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha,  E. B. Vella jgħid hekk meta qed jiddiskrivi l-kor ta’ wara l-altar maġġur tal-knisja tal-Mosta: ‘[…] Mal-ġnub tal-kor iduru żewġ saffi ta’ saġeġ fejn jistgħu joqgħodu bilqiegħda mas-46 wieħed […]’ (p. 160).

Sounding lead and line.SAGLA / SIEGLA TAL-ISKANDALL   Spaga jew lenza ħoxna li b’ċomba marbuta magħha tiddendel ’l isfel minn fuq il-bastiment biex ikun magħruf il-fond ta’ qiegħ il-baħar. Term. marittimu għal dan hu il-verb pixka’, jiġ., jieħu l-qies tal-fond tal-baħar. Ing. leadline. Ara: SIEGLA. Ara: PIXKAR. Tal. sagola u scandaglioSorsi: E.S.I. u J.A.

SAGRA DIBONJA   Espr. li fiha nfisha ma tfisser xejn partikulari, biss kienet tingħad bħala esklamazzjoni meta xi ħadd ikun sorpriż bis-sitwazzjoni li jsib ruħu fiha; bħal meta wieħed ikun irrabjat dwar xi ħaġa partikulari. B’mod ewfemistiku, min jgħidha jkun qiegħed jibgħat lil dak li jkun għand boxxla xjaten. Espr. li tqarreb fil-ħoss tagħha lejn ‘is-sagru dimonju’ jew ‘is-sagramew’. Fil-kummiedja, ‘It-Tliet Għomja, Vagabondi Ħallelien’ (1891), ta’ P.P. Castagna f’mument ta’ rabja Gori jgħid hekk: ‘[…] Neħles minnek, iva neħles minnek, ħaqq is-sagra dibonja […]’. Sors: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax – It-tieni Volum, p. 208.

SAJJAR/A   (D) n. Raġel jew mara li j/ssajjar.  TEBBIEGĦ. F. Vella (1843) jagħtiha bl-Ing., a cook. Aġġ. Oġġett ħafif beix jissajjar.

SAKKAR    Ara: STANGA.

SALAMALEKKI    Din il-kelma hi l-mod ta’ kif il-Maltin kienu jikkupjaw it-tislima bl-Għarbi as salaam alejk/om – jiġ., ‘is-sliem għalik/om’.  Diffiċli tgħid jekk din it-tislima hiex ġejja minn żmien l-Għarab, jiġ., minn madwar it-870 w.K. ’l hawn, jew inkella, mis-seklu dsatax meta eluf ta’ Maltin kienu jemigraw lejn l-Afrika ta’ Fuq. Jista’ jkun ukoll li din l-espressjoni daħlet fi żmien l-Ordni, meta norm. wieħed kien ta’ spiss jaħbat ma’ mijiet ta’ skjavi Għarab fit-toroq. Ara: BONA, u LIXANDRA, MALTIN TA’.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERASALDATUR   1. Il-bank fuq quddiem tal-karozzin fejn ipoġġi bilqiegħda il-kuċċier.  2. Għodda bħal martell irqajjaq li jintuża biex il-ħaddied jew il-landier isewwi oġġetti tal-metall, pereż., oġġetti tal-landa imtaqqbin. Dan isir billi l-ewwel jiddewweb il-materjal magħmul minn taħlita ta’ metalli li kapaċi jdubu f’temperatura mhux daqstant għolja meta jissaħħan. Hekk kif dan il-materjal jiddewweb dan jiċċappas mal-ponta tal-virga rqiqa u mbagħad il-metall imdewweb jitqiegħed mal-xaqq jew toqba żgħira biex din tissewwa. Illum jintużaw l-aktar saldaturi tal-elettriku; dan ikun bħal turnavit sħun li jdewweb il-metall. Għal xogħol akbar minn hekk jintuża l-apparat tal-welding.  Ara: LANDIER.    

SALIB TAD DEJMA2SALIB  TAD-DEJMA   Rif. popolari għal dawk is-slaleb li naraw weqfin waħedhom fuq kolonna ċilindrika tal-ġebel imwaqqfa fuq bażi tonda. Dawn insibhom kullimkien, ġieli ħdejn xi kappella u ġieli fil-pjazza tar-raħal. It-tifsira popolari u tradizzjonali dejjem kienet li dawn is-slaleb servew bħala post fejn s-suldati tad-DEJMA. Wieħed mill-eqdem slaleb li għad fadal hu dak li hemm fil-ġnien Howard Gardens, qrib id-daħla prinċipali tal-Imdina. Salib partikulari ieħor hu dak li jinsab f’nofs is-Salini, fil-bajja ta’ Burmarrad. Il-verità hi li ħafna minn dawn is-slaleb twaqqfu x’aktarx min-nies jew individwi bħala sinjal ta’ devozzjoni. Eż. fil-każ tas-salib li hemm ħdejn il-knisja parrokkjali tal-Imqabba, dan ifakkar lil Dun Angelo Mallia (1667-1690), kappillan, li ħadem ħafna biex tinbena l-knisja parrokkjali. Salib simili, iżda fl-istess ħin differenti hu dak li hemm il-Fgura. Dan kien imwaqqaf ftit tas-snin ilu f’nofs it-triq prinċipali, u qiegħed iserraħ fuq erba’ kolonni biex ifakkar li ftit metri ‘l bogħod kien hemm kappella antika ddedikata lill-Madonna. Illum din il-kappella ma għadhiex teżisti. L-erba’ kolonni jissimbolizzaw l-erba’ mkejjen li minnhom ġew il-maġġorparti tal-abitanti tal-Fgura, jiġ., il-Cottonera, Ħaż-Żabbar, ir-Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Ara: FGURA.

Salib tat-tmien ponot 1319 - 1346

SALIB  TA’ MALTA, IS- / BIT-TMIEN  PONOT    Is-Salib tal-Ordni ta’ San Ġwann tista’ tgħid hu magħruf mad-dinja kollha bħala s-Salib ta’ Malta, Ing. (Maltese Cross). L-oriġini tiegħu jmur lura qabel ma l-Ordni stabblixxa ruħu f’Malta. Ħafna għadhom jemmnu li t-tmien ponot jirrappreżentaw it-tmien Lingwi tal-Ordni, biss bosta jsostnu li t-tmien ponot jirrappreżentaw it-TMIEN BEATITUDNI li Kristu ippritka fuq l-Għolja, (Matt. V.) L-erba’ dirgħajn tas-salib jirrappreżentaw l-erba’ virtujiet kardinali: Il-salib tat-tmien ponot56Prudenza, il-Ġustizzja, it-Temperanza u l-Fortitudni. Fost l-eqdem immaġini fejn jidher dan is-salib hemm disinn fuq il-munita maħruġa fi żmien il-Gran Mastru Helion de Villeneuve, (1319-1346) meta l-Ordni kien għadu f’Rodi. Fuq din il-munita jidher kavallier għarkupptejh, b’salib magħruf bħala ‘tal-Patrijarka’ f’id waħda, waqt li fuq spalltu jidher is-salib tat-tmien ponot (ara r-ritratt ta’ fuq). Dan is-salib jidher ukoll b’mod l-aktar evidenti fil-pittura ta’ Pinturicchio (1454-1513), ‘Sylvius Piccolomini jippreżenta lil Eleonora ta’ Aragon lil Federiku IlI. Hawn naraw żewġ Kavallieri tal-Ordni libsin il-mantell l-iswed, u s-salib abjad tat-tmien ponot fuq spallejhom. Ara: ‘Maltese Cross or Maltese Myth?’ Dan it-titlu jkopri żewġ ittri informattivi li dehru fuq is-Sunday Times of Malta tat-18 ta’ Lulju, 1999;  l-ewwel waħda miktuba minn Ġiovanni Bionello u t-tieni minn Michael Ellul.   

salib tal gholja 1851 - Copy.JPGSALIB TAL-GĦOLJA, IS- Magħruf ukoll bħala, Laferla Cross. Dan jinsab fuq l-għolja lejn in-Nofsinhar tas-Siġġiewi. Twaqqaf fl-1903 qrib kappella ddedikata lil-Lunzjata. Hu magħmul mill-ħadid u hu mwaqqaf fuq pilastru kbir tal-ġebel. Dan ittella’ sforz il-ħeġġa u d-devozzjoni ta’ Dun Pawl Laferla, qassis minn dan ir-raħal, biex tkun iċċelebrata s-Sena Mqaddsa u ċ-ċentenarju l-ġdid. Skop ieħor kien li dan iservi bħala l-aħħar stazzjon tal- Via Sagra li Laferla ried illi tkun mwaqqfa tul it-trejqa li tagħti għalih. Din il-Via Sagra magħmula minn diversi statwi tal-ġebel ma kinetx kompluta u sa issa leħqu saru biss ħames statwi. Fl-1937, dan is-salib ġarrab ħsarat kbar waqt maltempata qawwija. Fl-1963, is-salib ġie mibdul ma’ ieħor tal-bronż u l-ħadid, li nħadem fl-Italja.  Dan ukoll kien irrestawrat minn ħaddiema tal-lokal fl-1984. Mill-1994 ’l hawn bdiet l-użanza li f’Ħamis ix-Xirka jitilgħu n-nies matul it-trejqa tal-Via Sagra bħala sinjal ta’ devozzjoni relatati ma’ l-Ġimgħa Mqaddsa.  Ara: ‘The Laferla Cross’ f’Heritage, pp. 308-310; Hawn Twieldet  u tibqa’ tħabbat Qalbi, Pawlu Aquilina, p. 155.  

SONY DSCSALINI  (Pl. ta’ salina) Il-produzzjoni tal-melħ mill-ilma baħar minn dejjem kienet importanti biex l-ikel seta’ jkun ippriservat u maħżun fit-tul. Kwantità ta’ ħofor kwadri fil-blat, jimtlew bl-ilma baħar biex meta dan jinxef bix-xemx dan isir melħ. Il-melħ jinġabar norm. bejn April u Settembru, l-aħjar meta tagħmel xi ġurnata riħ fuq. Mal-kosta ta’ Malta u Għawdex għad hawn mal-erbgħin ġemgħat ta’ salini. L-akbar grupp ta’ salini hu dak li hemm Burmarrad. Dawn huma magħmulin differenti mill-oħrajn għax mhumiex imħaffrin fil-blat, iżda huma speċi ta’ għadajjar magħluqin b’ħitan baxxi. Illum fil-gżejjer Maltin fadal biss tliet imkejjen fejn il-melħ għadu jinħadem, u dan minn familji u mhux kumpaniji. Dawn huma, is-salini li hemm Buġibba, dawk ta’ Wied il-Għajn (n-naħa taż-Żonqor), u dawk tax-Xwejni, qrib Marsalforn, Għawdex.  Il-bżonn u l-produzzjoni tal-melħ naqas ġmielu minn meta l-industrija tal-ikel bdiet tuża l-fridges u l-freezers biex tippriserva l-ikel. Ara: Salt Pans in Malta – History Structure Operation, ta’ E.V. Clarke u Maurice Agius Vadalà, Riprodott minn The State Veterinary Journal (U.K.) Sep 1951, Vol.VI no 18, pp. 8-11.  Salt Pans in Malta, ta’ Pauline Dingli, SKS, 2020.    

SALJATURA   Ġebla li bħalha jkun hemm aktar minn waħda mdeffsin ġol-ħajt tal-faċċata tal-binja biex fuqhom iserrħu x-xorok li jiffurmaw l-art tal-gallarija. Is-saljaturi jkunu spazjati minn xulxin skont it-tul tal-gallarija. Dawn ġieli jkunu ddekorati skont il-gosti, daqqa b’xi skroll jew b’wiċċ ta’ xi kreatura mitoloġika, jew b’disinji oħrajn.

saljaturi 2019-08-17 18.39.06    saljaturi tal-palazz 322

SALLIERA     Kontenitur li jinżamm fih il-melħ biex jintuża meta jkun mixtieq waqt l-ikel.

Sally Port0

SALLY PORT    Fetħa fil-ħajt tas-sur ta’ fortizza li tintuża mill-gwarniġon biex is-suldati jkunu jistgħu joħroġ bil-moħbi mill-forti u jattakka l-għadu għal għarrieda. Din il-fetħa fis-sur kienet tintuża anki biex isiru l-manutenzjonijiet meħtieġa fis-swar min-naħa ta’ barra. F’Malta jeżistu bosta minn dawn il-passaġġi moħbija. Eż. ta’ dan  hemm il-Jewish Sally Port li tinsab isfel nett ta’ Triq l-Ifran, il-Belt Valletta (ritratt).  Sally Port oħra tinsab il-Birgu, mas-sur li jħares lejn il-bajja tal-Kalkara. In-nies tal-Birgu din isibuha bħala ‘It-Toqba’. Hemm ukoll is-Sally Port li tinsab fil-ġenb tas-sur tal-Isla li jħares lejn il-Birgu. Fil-Forti Manoel  hemm  imbagħad is-sally port li minnha tista’ tinżel fil-foss ta’ bejn is-swar. Sp. salida: ħruġ, post minn fejn toħroġ.      

SALMA     Kelma oħra għal MODD. Piż li jiswa’ daqs sittax-il tomna. Skala ta’ miżura li biha jitkejlu l-uċuħ tar-raba’, imsejħa ‘tax-xott’, eż. il-qamħ jew ix-xgħir. Minn salma waħda tista’ toħroġ  tunnellata ta’ ħxejjex.

salmastruSALMASTRU     L-ilma salmastru hu ilma ta’ xi għajn, għadira jew wied li norm. jitħallat mal-ilma tal-baħar.  Dan l-ilma jista’ anki jkun ġej minn taħt l-art (tal-pjan), u jtiegħem mielaħ għax ikun tħallat mas-saffi tal-ilma baħar li jkun nifed il-blat min-naħa tal-kosta. Dan jiġri ta’ spiss fil-gżejjer Maltin minħabba ċ-ċokon tal-art li ma hi qatt wisq ‘il bogħod mill-baħar. Eż. ta’ dan narawh fil-Magħluq ħdejn ta’ Grejbel, Wied il-Għajn, is-Salini ta’ Burmarrad u l-Marsa. Jeżistu wkoll bjar salmastri anki fi blat li hu ‘l fuq mil-livell tal-baħar, għaliex il-ġebla stess tagħmel il-melħ. Tal. salmastro.

SALMI   It-talb / kant / uffiċċji  li jitkanta fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. – Dan it-talb jissejjaħ ukoll, it-Tenebrae. Ara: TNIEBRI (dlam), minħabba li dawn kienu jinqraw f’kemm kemm dawl. L-uffiċċju kien jikkonsisti fil-parti l-kbira tiegħu f’qari mill-ktieb tal-Lamentazzjonijiet tal-Profeta Ġeremija. Wara l-qari ta’ kull Salm ma kinitx tingħad il-Gloria lill-Missier … u wieħed mill-abbatini joħrog jitfi xemgħa waħda minn ħmistax, li jkunu mixgħula fuq il-BARABBAS. Kif tintefa l-aħħar xemgħa il-qassisin u nies prezenti jħabbtu xi oġġett biex jagħmlu l-istorbju, min b’xi ċavetta mal-injam tal-kor, u min billi jsabbat is-siġġu mal-art għal ftit sekondi, biex ifakkru t-terremot li jingħad li seħħ meta miet Kristu.

SALVEREĠINA    1. Talba lill-Madonna, li tibda bis-Salve Regina, jew, ‘Sliema għalik Sultana’. 2. Talba personali li s-sajjieda jgħidu meta jkunu f’xi periklu, l-aktar meta jaffrontaw xi tromba fuq il-baħar. Il-kliem ta’ din it-talba ma jgħiduh lil ħadd, għaliex kienu jemmnu li jekk jagħmlu hekk, il-qawwa ta’ protezzjoni ta’ dan il-kliem jintilef.

SAMM     1. Aġġ. Iebes u sod. Eż. blat samm – blat iebes u mingħajr pori. Materjal mastizz.  QAMĦ SAMM   Tip ta’ qamħ b’tgħam iebes (jgħidulu wkoll ‘qamħ ta’ Malta’).  2. ‘Samm minn widnejh’ – tingħad għal xi ħadd li hu nieqes mis-smigħ. ‘Qalb samma’ – qalb xierfa u li ma tħossx għal ħaddieħor. Qawl: Il-ġebla samma ma tintaġarx.

Samra IMG_1542SAMRA,  TAS –     Isem ta’ knisja żgħira u l-ambjent tal-madwar fil-Ħamrun. Il-knisja tinsab fuq wara, u mhux wisq ’il bogħod mill-knisja parrokkjali ta’ San Gejtanu. L-isem tal-knisja hu magħruf ukoll bħala Ta’ Atoċja. Dan minħabba li f’din il-knisja hemm pittura tal-Madonna, li ċertu Ġużè Casauri, negozjant mill-Birgu, fil-bidu tas-seklu 17, kien ġab miegħu minn Madrid u qiegħda f’din il-knisja. Il-pittura fi Spanja hi magħrufa bħala Nuestra Señora de Atocia. Kienu Ġużè Casauri u martu li bnew din il-knisjaSamra7. Minħabba li din il-Madonna għandha l-kulur tal-ġilda samrani, il-pittura, u l-knisja, bdew jissejħu, ‘Tas-Samra’. Fl-inħawi ta’ madwar din il-kappella, fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi, kien hemm batterija (postazzjoni militari żgħira) minn fejn il-Maltin kienu jżommu taħt il-mira tagħhom lis-suldati Franċiżi li kienu assedjati fil-Belt Valletta. Illum ma’ ġenb il-knisja hemm kunvent żgħir li fih jgħixu s-sorijiet magħrufa ‘Ta’ Nuzzu’. Dawn  is-sorijiet kienu ġew Malta fl-1903, u ngħataw l-inkarigu li jieħdu ħsieb din il-knisja.

SAMROTT.JPGSAMROTT    Ġebel mibni b’mod li jserraħ ma’ xulxin biex jifforma arkata stabbli. Fin-nofs ta’ din l-arkata jkun hemm iċ-ċavi, dik il-ġebla li żżomm l-arkata fis-sod billi tkun infilsata bħal minċott. Is-samrott ġieli jkollu tip ta’ kurdun (dak li bl-Ingliż hu magħruf bħala, fat moulding), jiġ., l-ġebla titnaqqax forma ta’ zalzett li jintlewa mal-kurvatura fuq il-bieb. Is-samrott hu ta’ siwi biex jistabbilizza u jifrex it-toqol tal-binja fuq l-arkata. Ara: VOUSSOIR.

SAMSAM / SARSAR    (D.)  ‘[…] dare tempo al tempo, prolongare il tempo […]’.

SAMSAR  / SENSAL / SENSAR    Bniedem li xogħlu hu li jagħmilha ta’ intermedjarju bejn il-bejjiegħ u x-xerrej. Bniedem li n-nies imorru għandu biex jitkixxfu x’bejgħ hemm fis-suq, l-aktar fil-proprjetà.

San_Ramón_Nonato_(Museo_Ibercaja_Camón_Aznar)SAN RAJMONDU   Il-qaddis patrun tan-nisa tqal u li jkunu se jelldu. Dan il-qaddis jissemma f’ġakulatorja, (talba żgħira) li l-qabla tgħid, hekk kif tkun qed tgħin lill-omm fit-twelid tat-tarbija: ‘San Rajmond, ġibulna mill-fond.’ San Rajmondu (1204-1240) kien minn Katalonja, Spanja u kien imlaqqam nonnatus – jiġ., mhux imwieled, minħabba li fit-twelid tiegħu ommu mietet waqt li hu kien mwelled b’ċesarja.

SAN  STIEFNU   San Stiefnu kien l-ewwel qaddis li miet martri wara l-mewt ta’ Kristu. Hu kien imħaġġar minħabba t-twemmin Nisrani tiegħu. Idj:  ‘Mill-Milied sa San Stiefnu’ – Din tingħad meta ħaġa jkollha ħajja qasira u ssir biss għal ftit żmien. Il-festa ta’ San Stiefnu titfakkar proprju l-għada tal-Milied u għaldaqstant dan il-paragun jingħata biex jenfasizza l-qosor taż-żmien li jkun qed jirriferi għalih.

SANANIKK     Laqam mogħti lil xi persuna li tkun pjuttost qsajra u li moħħha jilħqilha sew. E.S.I. jgħid li din il-kelma semagħha tingħad fil-Birgu fis-snin għoxrin. Carmena Chetcuti ta’ 94 sena mill-Birgu, tgħid li dan il-laqam kien jingħad fil-femminil, jiġ. SANANIKKA, rif. għal kull min iseksek fuq in-nies.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERASANĊIR / SAN ĊIR  Kappella żgħira tas-seklu ħmistax, li tinsab qalb l-għelieqi, lil hinn mir-Rabat, fl-inħawi magħrufa bħala Ġnien is-Sultan, li jagħti għal fuq Wied il-Qlejgħa (fejn hemm l-għadajjar taċ-Chadwick). Din il-kappella hi ddedikata lil San Mikiel. Biss, l-isem ta’ din il-kappella hu dibattibbli għaliex hawn min jgħid li  l-kappella hi ddedikata lil San Ċir, jew San Ċirijaku. Hemm min jaħseb li l-isem ‘Sanċir’ assoċjat mal-kappella kien il- laqam ta’ xi ħadd, forsi sid l-art. Il-binja ta’ din il-kappella hi partikolari għaliex il-ħitan tagħha huma massiċċi u mżerżqa, bħallikieku min bena din il-kappella, beża’ li l-ħajt waħdu ma kienx se jżomm it-toqol tal-istruttura nfisha. Ara: A Hundred Wayside Chapels of Malta & Gozo ta’ Kilin. pp. 60, 61. Ara wkoll: www.kappellimaltin.com.

sandarSANDAR   1. Tip ta’ siġra li l-weraq tagħha hu mfittex ħafna għar-riħa aromatika li jagħmel. Is. xj. Santalium, Ing. sandalwood. 2. Tip ta’ frejgatina ta’ bastiment tal-gwerra, dgħajsa bil-qlugħ u l-imqadef, Ing. pinnace. Sors: G.B.F. (1845).  3. Fig. xorti tajba. Sors: Kalepin (1941). QATA’ SANDAR  Espr. li tfisser , għamel biċċa xogħol li kienet faċli; kien iffortunat b’dak li għamel. Din il-frażi tintuża wkoll b’mod ironiku, meta wieħed jgħid, ‘Prosit, ħej, qata’ sandar b’dak li għamel!’ – kumment li jfisser li l-biċċa xogħol marret ħażin għal kollox. Manwel Magri juża din il-kelma f’dan il-kuntest: ‘[…] wieħed id-dar għassa … l-oħrajn imorru għas-sandar […]’ – jiġ., jmorru għax-xogħol skabruż jew diffiċli – (fil-kuntest tal-istorja, dawn marru jisirqu). Ara: Ġrajjet Missirijietna, it-Tieni Ġabra (1968). Qawl: Ħrit bil-ħmar ma jagħtix sandar, ħrit bil-baqar jimla l-andar. Etim. sandar bl-Għ. hi siġra tal-betula. Ing. birch.

SANĠAKK   Idj:  Mur aħraq is-sanġakk tiegħek – li tfisser: ‘neħħi l-fehmiet żbaljati tiegħek!’ Fi żmien l-Imperu Ottoman, is-sanġakk kien l-istandard jew il-bandiera militari tal-Bej Tork. Il-kelma tirreferi wkoll għar-reġjuni u diviżjonijiet militari tal-Imperu Ottoman.

SANGATT    Kelma li tingħad bħala esklamazzjoni. Din tingħad f’waħda mill-istejjer ta’ Dun Xand Cortis, meta l-karattru tal-istorja jgħajjat, ‘[…] X’mort għamilt? X’ħawwadt? X’għassidt? X’sangatt? […]’ Dan jgħidha bħallikieku kien sorpriż għall-aħħar b’dak li ġara. Jista’ jkun li din hi kelma oħra għal SANĠAKK. Sors: ‘Trid Tisma’ l-Banda Sew’, Il-praspar miktuba minn Dun Xand Cortis, p. 40. 

sanglottSANGILOTT    Appel. għal xi bniedem ta’ qattagħni; karattru ħażin u ħalliel tat-toroq li jisraq, u ma jiddejjaqx joqtol jekk hemm bżonn. Bniedem xewwiexi u ġelliedi. Bniedem brikkun. Etim. Tal. sanculotto. Fr. sans-culottes – li tfisser, litteralment, ‘mingħajr qliezi’, rif. għal dak it-tip ta’ qalziet li kien jintlibes u jasal magħfus sal-irkoppa (Ing. breeches). Fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, is-sans-culottes kienu dawk in-nies tal-klassi l-baxxa, jiġ., bħall-artiġjana u s-sidien tal-ħwienet li kienu jagħmlu parti kbira minn dawk li ħadu sehem fl-irvellijiet. Kienu n-nobbli li taw dan il-laqam lil dawn in-nies, għaliex dawn ma kinux jilbsu l-culottes tal-ħarir bħal ma kienu jilbsu huma. Norm. l-irġiel ta’ klassi baxxa kienu jilbsu biss il-pantalon (qalziet komuni). Kienu s-sans-culottes l-aktar li xewxu biex titneħħa l-monarkija minn Franza u li riedu li r-Re Lwiġi XVI jintbagħat għall-mewt. Matul il-Gwerer Napoleoniċi kienu bosta min dawn in-nies li ingaġġaw fl-armata.

sangisug.jpgSANGISUG  Tip ta’ dudu li jgħix kemm fl-ilma kif ukoll fuq l-art. Jista’ jkun parassitiku jew predatorju. Is, xj. Hirudo medicinalis. Fl-antik kienu jagħmlu użu minnu għal ċerti kundizzjonijiet fil-bniedem, l-aktar kontra l-konġestjoni tad-demm żejjed fil-vini. Dan kien isir billi s-sangisug jitqiegħed fuq il-ġilda ħalli jerda’ d-demm. Fi ħmistax-il minuta s-sangisug kapaċi jerda’ bejn żewġ sa tliet kuċċarini demm. Tal. sanguisuga – M. dak li jerda’ d-demm. Ing. leech. Fig. ngħidu, ‘dak il-bniedem sangisug prim’ – rif. għal xi ħadd li jisraq ripetutament u baxx baxx mingħand min ikun impjegah,  baxx baxx u bl-aktar mod fin. 

SANNAĊĊU    Stat ta’ ngħas u għejja kbira. Kelma li kultant tirriferi wkoll għal skarsizza u ġuħ kbir. Etim. Tal. sonneggio.

SANNAKK / SANNAKKU   Tip ta’ għonnella. A. de S. jgħid li din kienet magħmula minn drapp ikkulurit, li n-nisa kienu jilbsu fuq rashom u fuq spallejhom. Etim. il-kelma ġejja mill-Isqalli u mill-Kalabriż. Sqal. sannaccu jew Kalabriż sunnaccu – velu li s-sorijiet tal-inħawi ta’ Kalabrija u Messina kienu jilbsu madwar għonqhom. M.A.V. (1796) jagħti t-tifsira ta’ din il-kelma bħala mezza camicia. Biċċa jew nofs qmis. A. de S. fid-Damma (ċ. 1750 – 1767) jagħtiha bħala: Abito femminile gala. L. Anabolagium. Sorsi oħra: V. B. (1900) u Kalepin (1941). 

SANPAGATU     Tingħad biċ-ċajt meta nirriferu għal dak il-jum meta l-impjegati jitħallsu s-salarju għax-xogħol tagħhom. Orig. San +pagato – kelma ta’ formazzjoni lokali.

SANSAFIDI / SENSAFIDI    1. Appel. li jingħata lil xi ħadd li ma jrid jifhem u jisma’ b’xejn. Bniedem ta’ rasu iebsa u li jagħmel dak li jgħid hu biss. Temi Zammit juża din il-kelma fl-istorja qsajra, ‘L-Għali Jkun Imsiefer’ ‘[] fittex u erġa’ fittex u dan is-sensafidi ta’ muftieħ ma nstabx […]’  2. Appel. li jingħata lil xi ħadd twil u li jiċċaqlaq bla grazzja. Etim. Tal. senza fede – rif. għal nies li mhumiex tar-reliġjon Nisranija. Skont J.A. dan l-appel. kien jingħata lill-ilsiera Torok, meqjusa bħala nies stinati fit-twemmin tagħhom. Sors: J.A. Ara: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, ed. Cortis, p. 73.

OLYMPUS DIGITAL CAMERASANTA BARBARA   Mara twajba li għexet fis-seklu tlieta w.K. f’Nikodemja. Jidher li din il-qaddisa bdiet tkun venerata fis-seklu sebgħa. L-istorja tgħidilna li hi kienet mibgħuta għall-mewt minn missierha Dioscurus meta dan sar jaf li hi kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. B’intervent divin ta’ tpattija, ftit wara, missierha laqtitu sajjetta. Kien minħabba dan l-episodju li Santa Barbara saret il-protettriċi kontra s-sajjetti. Meta tfaqqa’ xi sajjetta hawn bosta li jgħidu l-ġakulatorja ‘Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara’. Santa Barbara hi wkoll il-qaddisa protettriċi tal-bumbardiera u ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-isplussivi. Apparti minn hekk, hi wkoll il-qaddisa patruna ta’ dawk li jaħdmu fil-minjieri, għax dawn ukoll fix-xogħol tagħhom jużaw l-isplussivi. Bosta reġimenti madwar id-dinja jgħożżu lil Santa Barbara bħala l-qaddisa patruna tagħhom. Ftit wara li wasal l-Ordni f’Malta, kienet inħolqot fratellanza ddedikata lil din il-qaddisa fil-Birgu. Imbagħad, meta l-Ordni mar il-Belt, kienet inbniet kappella fi Triq ir-Repubblika, quddiem u kemxejn ‘il fuq mill-knisja ta’ San Franġisk), biex il-membri tal-fratellanza, bosta minnhom bumbardiera, jitolbu fiha. Intant, din il-kappella kienet isservi lill-Kavallieri ta’ Provenza li kellhom il-berġa tagħhom fl-istess triq, preċiżment fejn illum hemm il-Mużew tal-Arkeoloġija. Ara: Il-Konfraternità tal-Bumbardiera fil-Knisja ta’ Santa Barbara, Joseph Galea, Klabb Kotba Maltin, 1989.  Ara: SANTABARBARA.

SANTABARBARA      Kelma oħra għal polverista. Il-maħżen fejn tintrefa’ l-artillerija, bħal kanuni u armamenti oħra. Dawn l-imħażen ġen. kien jkunu qrib is-swar. Tingħad ukoll għall-polverista ta’ fuq il-bastimenti tal-Ordni. Jidher li dawn jissejħu hekk minħabba r-raġuni diġà imsemmija hawn fuq.  Ara: SANTA BARBARA.

Santa Infanzja 2SANTA INFANZJA   Is-Santa Infanzja kienet u għadha organizzazjoni mmexxija mill-Knisja, bl-objettiv li t-tfal Insara jipparteċipaw bit-talb u b’għotjiet finanzjarji biex jgħinu lit-tfal foqra fid-dinja. L-isem proprju ta’ din l-organizzazzjoni hu La Pontifica Opera della Infanzia Missionaria. Din l-organizzazzjoni kien bdiha l-Isqof Charles de Forbin-Janson f’Pariġi, fl-1843, bill-għan li jgħin lit-tfal fil-bżonn fiċ-Ċina. L-iskop kien dak illi t-tfal Insara jitħeġġu biex jgħinu lil tfal oħra, kemm b’kontribuzzjonijiet finanzjarji kif ukoll bit-talb tagħhom. Fl-antik, it-tfal tal-Mużew (M.U.S.E.U.M.) kienu jkunu mħeġġa jagħtu sold fix-xahar lit-tfal tal-missjoni, jew inkella lit-tfal tas-Santa Infanzja. Dawn il-fondi kienu intenzjonati kemm għal dawk il-foqra f’Malta kif ukoll għal dawk f’pajjiżi oħra. F’Malta u Għawdex, f’ċerti lokalitajiet, issir ċelebrazzjoni ddedikata lis-Santa Infanzja, fis-6 ta’ Jannar, jiġ., fl-Epifanija. Dakinhar issir purċissjoni bl-istatwa tal-Bambin Iswed li jirrappreżenta b’mod ġeneriku t-tfal fil-pajjiżi foqra, bħal dawk fl-Afrika. Kien hemm żmien, daqs ħamsin sena ilu, meta t-tfal, hekk kif jaraw xi tifel pjuttost magħlub jew fqajjar, kienu jgħidulu, ‘Qisek tas-Santa Infanzja!’

SANTU KORP   Isem ieħor għall-Ewkaristija. Terminu li jintuża l-aktar meta wieħed jirriferi għall-ostja li tkun qed tiġi ttrasportata minn tabernaklu għall-ieħor. L-istess, meta l-ostja tkun merfugħa fl-ostensorju u f’idejn is-saċerdot waqt il-purċissjoni ta’ Korpus din tissejjaħ ‘is-Santu Korp’.

SANT’IERMU, NAR TA’    Ara: NAR TA’ SANT’IERMU.

Santu Kruc 0452

SANTU KRUĊ    (E.S.I.) / SANTUKRUĊ   (J.A.)  Il-festa magħrufa bħala l-Festa tas-Salib, jew il-Festa tal-Eżaltazzjoni tal-Kurċifiss. Din il-festa kienet issir fl-14 ta’ Settembru, l-aktar f’Birkirkara, għax tfakkar l-episodju meta Santa Elena u binha l-Imperatur Kostantinu waqqfu l-ewwel knisja fuq il-Golgota. Il-festa tfakkar ukoll ir-ritorn tas-salib f’Ġerusalemm mill-Imperatur Heraclius fis-sena 630. F’Malta, dawn it-tifkiriet kienu jsiru b’purċissjonijiet mill-fratellanzi ta’ bosta parroċċi, fosthom ta’ Ħal Lija, ta’ Bormla u ta’ Ħaż-Żebbuġ. F’Bormla l-Konfraternità tal-Kurċifiss, imwaqqfa fl-1649, u magħrufa bħala ‘tal-Agonizzanti’, kienet diġa’ bdiet turi devozzjoni lejn ix-xbiha tas-Santu Kruċ. X’aktarx il-purċissjoni bl-aqwa manifestazzjoni tad-devozzjoni lejn Santu Kruċ kienet dik tal-Franġiskani u l-Arċikonfraternità ta’ Ġieżu, imwaqqfa fl-1646, il-Belt. Sal-Konċilju Vatikan II, din il-festa kienet meqjusa bħala waħda kmandata, jiġ., tal-quddies. Sa ftit żmien ilu, l-aktar lejn il-

Santu Kruc Santa Liena Bkara _0449

Mellieħa, il-Mosta u Birkirkara, din il-festa kienet għadha meqjusa b’mod ta’ ħarsien tal-obbligi, tant li kienu jgħidu: ‘F’Santu Kruċ lanqas jinqatel bergħud!’. Dan kien żmien illi fil-Ħdud u l-festi kmandati, kien dnub jekk wieħed jagħmel kwalunkwe xogħol, kemm dak ta’ profitt kemm jekk faċendi fid-dar. Illum din il-festa għadha tiġi ċċelebrata b’purċissjoni f’Birkirkara, fl-4 ta’ Mejju, u ssir filgħaxija, bir-relikwija tas-Salib Imqaddes u bl-istatwa ta’ Santa Liena. Il-Karkariżi huma kburin li l-istatwa tal-qaddisa patruna tagħhom tinħareġ f’purċissjoni darbtejn fis-sena, jiġ., fl-4 ta’ Mejju u fil-festa ta’ Santa Liena, f’Awwissu. Ara: Folklore of an Island, Tarcisio Zarb, pp. 290-317; Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti, Carmel G. Cauchi, pp. 27, 28; Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, p. 173, 174; ‘Confraternity of the Crucifix of Cospicua’, C. Galea Scannura, Heritage, Vol. III, pp. 888-893; ‘The Miraculous Crucifix at Ta’ Ġieżu Church’, Norbert Ellul Vincenti, Heritage, Vol. II, pp. 384-388.

SANTAFJAKKA    Aġġ. li jingħata lil xi ħadd li hu kalm u kwiet iżżejjed, jew inkella jekk xi ħadd  imgħaxxex u mdorri jiċċaqlaq bil-lajma.  Il-kelma hi magħmula minn żewġ kelmiet magħqudin flimkien, santa u fjakka.

SANTARELLINA      Tfajla li tilagħbha tat-twajba iżda fl-istess ħin tkun qed iġġib ruħha b’mod mhux xieraq minn taħt.   

SANTUKRUĊ    1. Tabella li minn fuqha, fl-antik, it-tfal iż-żgħar kienu jitgħallmu l-ewwel ittri tal-alfabett. Tifel li qiegħed jieħu l-ewwel lezzjonijiet kienu jgħidu li qiegħed jitgħallem is-santukruċ. (Sors: ‘Is-Sentiment Reliġjuż fil-Kliem u fil-Għajdut Malti’, ta’ Dun Karm, Il-Malti, Ġunju 1932.)  2. Santa żgħira ta’ xi qaddis, li dari l-ommijiet kienu jqiegħdu fil-fisqija ħdejn it-tarbija tagħhom. Fuq din is-santa kien ikun hemm kemm is-salib kif ukoll l-alfabett.  Sors prinċipali: E.S.I.

SantwarjuarySANTWARJU    Knisja jew kappella fejn d-devoti jmorru biex jitolbu u anki jekk hemm bżonn jagħmlu l-wegħda tagħhom mal-qaddis tal-post biex jaqilgħu l-grazzja li jixtiequ. F’Malta hawn diversi santwarji popolari, u ħafna minnhom huma ddedikati lill-Madonna. L-aktar wieħed magħruf fosthom hu dak Ta’ Pinu, ħdejn l-Għarb, Għawdex. Santwarji oħra magħrufa huma dawk tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, Tan-Nattivita tal-Madonna fil-Mellieħa u l-parroċċa tal-Isla fejn hemm ir-Redentur. Hemm ukoll il-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara, u l-Madonna tal-Ħlas, barra Ħal Qormi. Dawn apparti s-Santwarju tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla, ta’ Santa Tereża f’Birkirkara u dak tal-Karmnu fil-Belt. F’dawn is-santwarji hemm merfugħa ħafna ex votos li tħallew mid-devoti li talbu u qalgħu xi grazzja speċjali. Ara:  EX  VOTOS.

SAPPITUTTU      Laqam mogħti lil xi ħadd li dejjem juri u jippretendi li jaf ħafna.  Sqal. sapiri tutu: tkun taf kollox.

SAQWI    Dik l-art li biex tipproduċi l-uċuħ tar-raba’, apparti x-xita, ikollha bżonn tisaqqa, l-aktar fix-xhur xotti fis-sajf. Ara: SIEQJA.

SARAĊINI   Term. ġen. li l-istoriċi jużaw kemm-il darba meta jirreferu għall-furbani Għarab jew Torok li kienu jattakkaw ix-xwieni u x-xtut tal-Mediterran. Kultant dan it-terminu jirriferi wkoll għall-Għarab in ġenerali, anki għal dawk li kienu ħakmu lil Malta bejn is-sena 870 u s-seklu tlettax. Dan it-terminu jintuża wkoll fi Sqallija u anki fin-Nofsinhar tal-Italja biex jirriferi għall-Musulmani u l-Għarab kollha ta’ żmien il-qedem. Hemm diversi interpretazzjonijiet għal oriġ. ta’ dan l-isem. L-aktar plawsibbli fosthom hu li l-isem ġej minn sciarikiin li bl-Għarbi tfisser nies tal-Lvant (Bl-Għarbi, xark hu l-Lvant). Ir-Rumani kienu jsejħu lin-nies tad-deżert fis-Sirja, Sarikin. Ptolimew, il-ġeografu famuż Eġizzjan (90 – 168 W.K.), kien isejjaħ lin-nies tal-Magreb, anki jekk xi wħud ma kienux Għarab, bħala Sarakenoi. Ara: www.etimo.it u http://en.wikipedia.org/wiki/Saracen.

Saraceni _8_55059

SARANGU     Tip ta’ fatat, ħares jew mostru li jbeżża’.  Sarangu hu karattru folkloristiku mpinġi bħala raġel twil bi xkora fuq spalltu, dejjem lest biex jaħtaf it-tfal u jeħodhom miegħu. Dari, f’Għawdex, it-tfal kienu jitrabbew jibżgħu mis-Sarangu, li ma jkunx għaddej mill-inħawi huma u jilgħabu barra fit-toroq u jagħmel għalihom. Idj: Twil daqs sarangu. Sors: Anton F. Attard, Mid-Dinja tas-Seħer u Tal-Folklor (2002). Sqal. Sarancuni – xi ħadd li hu xaħħieħ bosta.

SARDINA    (Pl. sardiniet). Fil-lingwaġġ militari din il-kelma tfisser penz. Sinjal tad-drapp meħjut mall-uniformi li tindika s-sinjorità tal-uffiċjal.

SARĠ    1. Drapp oħxon li jilqa’ ħafna kontra l-bard. (Ing. serge, twilled cotton). Dan id-drapp kien jintuża l-aktar għall-uniformijiet tas-suldati, iżda anki għal xi tip ta’ lbiesi.  2. Il-magħqad tal-ġild li jitqiegħed fuq dahar iż-żiemel biex ir-rikkieb jogħqod mistrieħ sew u ma jinqalibx minn fuq dahar iż-żiemel waqt il-mixi. SARRAĠ  Dak li jaħdem is-sruġ.

         sarge serge-ferrari.jpg                      sarg ta ziemel

sarguan0001.jpgSARGU    Idj: ‘Sargu xiħ b’gamblu jinten jinqabad’. Ħuta li tgħix norm. fi gzuz f’qiegħ il-baħar, sa 150 m fond. Is-sargu jdum idur għal ħin twil madwar il-lixka qabel ma jiddeċidi li jaħtafha mis-sunnara u għalhekk hi ħuta magħrufa bħala waħda li jilħqilha. Is-sargu jinqabad bil-gambli, biċ-ĊKAL u l-ħniex imperjali.  Jinqabad bil-qasba jew bil-KONZ, kemm fid-dawl tax-xemx kif ukoll billejl. F’Malta, l-akar li jistadu għalih hu fin-naħa ta’ Kemmuna, l-Aħrax tal-Mellieħa u barra l-Port il-Kbir. Hi ħuta tajba ħafna għall-ikel. Is. xj. Diplodus sargus. Ing. White bream. Tal. sarago maggiore.  

OLYMPUS DIGITAL CAMERASARRIA   Illum, dan l-isem jirriferi kemm għall-knisja li hemm ħdejn l-Argotti, il-Furjana, kif ukoll għall-ambjent l-aktar qrib ta’ din il-knisja. Il-knisja ta’ Sarria għandha forma tonda u tinsab bejn il-knisja parrokkjali u l-funtana ta’ Wignacourt. L-appellattiv ta’ din il-knisja hu attribwit għall-Kavallier Spanjol, Martin Sarria Navarra, li fis-sena 1585, kien ħallas biex inbniet l-ewwel knisja ddedikata lill-Kunċizzjoni. Oriġ. din kienet kappella ħafna iċken minn tal-lum. Sa nofs is-seklu sbatax din il-kappella kienet iddeterjorat ruħha sew. Ġara illi meta faqqgħet il-pesta tal-1675 u ’76, li fiha mietu daqs 11,300 ruħ, il-Gran Mastru Nicolas Cotoner kien għamel wegħda li jibni din il-kappella fi knisja mill-ġdid. Mat-tmiem tal-epidemija, Cotoner ikkommissjona lil Mattia Preti biex jiddisinja l-knisja l-ġdida. Hekk kif tlestiet bdew isiru pellegrinaġġi mill-knisja ta’ San Ġwann fil-Belt, bl-istatwa tal-Madonna ta’ Caraffa, sa din il-knisja. Dan il-pellegrinaġġ dam isir għal ħafna snin. Aktar ma l-Furjana beda jkun abitat, aktar din il-knisja kienet bdiet tintuża mill-parruċana. Imbagħad meta l-knisja parrokkjali nbniet fl-1733, din tilfet l-importanza tagħha, aktar u aktar meta fis-sena 1844 il-knisja ta’ San Publiju saret parroċċa. Fis-sena 1924, il-knisja ta’ Sarria ngħatat lill-Ġiżwiti biex jieħdu ħsiebha huma. Ara: A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo, pp. 160-163; www.kappellimaltin.com.

SARSI    Ħbula, bosta minnhom ħoxnin li jintrabtu stirati fil-ġnub mal-arbli tal-bastiment biex iżommuhom sodi. Tip ta’ ventijiet.  Etim.Tal antik. sarti.

SARSAR  1. v. Ħalla x-xogħol jistenna minn jum għal ieħor.  2. v. Damm iż-żibeġ ma’ xulxin. 3. v. Qal dagħwa faħxija, eż. ‘Sarsar waħda bl-għeruq u x-xniexel.’ 4. n. Bniedem ta’ ħafna kliem fieragħ.  SARSUR   Bniedem paċpaċi.

SARSIR   1. Wegħdiet fiergħa. Wegħdiet fil-vojt, bħal meta wieħed jittrateni milli jwettaq dak li għandu jagħmel. Prokrastinazzjoni. Tlajjar u ħela ta’ ħin. Il-manjieri ta’ meta bniedem idum itawwal biċċa xogħol bla bżonn. 2. Tiswija tal-ħjata ta’ bosta toqob fil-kalzetti. Sors: Kalepin (1941).  3. Tiswija ta’ oġġett li jkun spiċċa biss flok jintrema jibqa’ jintuża.

sarsurwerzieq08f.jpgSARSUR  / ŻERŻUR   (Pl. srasar).  Insett mill-ordni Hemiptera (Ing. bugs) li tinkludi sfiefed, spalluti, suldati, eċċ.  Is. xj. Cicada orni.  Dan l-insett jixbah dubbiena kbira. Fis-sħana tas-sajf is-sarsur jimla kullimkien biż-żarżir tiegħu matul il-jum. Dan l-insett jgħidulu wkoll werżieq ta’ binhar jew ċikada.  Ing. cicada. Apparti minn hekk, l-isem sarsur jew żerżur, jirriferi wkoll għall-baħrija komuni li meta ttir iżżarżar. Ħajr: Victor Falzon.    

sarwalhtun_malesSARWAL  / SARWAN    (Pl. sriewal jew srawan).  Qalziet imfassal b’mod miftuħ bħal dawk tradizzjonali tat-Torok u tal-Griegi jew taz-zingari. Illum tara bħalhom l-aktar fl-Asja, eż. fl-Indja u l-Pakistan. Bl-Ing., il-qalziet tas-sarwal jissejjaħ Punjabi trousers. SARWAL  v. libes qalziet tas-sarwal. Kienu jgħidu, ‘Kemm int imsarwal illum?’ –  jiġ., kemm int liebes b’mod traskurat? LABRA TAS-SARWAL  Labra li torbot il-qalziet minn fuq biex iżżommu marsus sew mal-qadd.

SASSLA    1. Barmil li jintuża mill-baħrin biex jiġbru l-ilma minn fuq il-gverta.  2. Pala  li kien juża t-taħħan biex jerfa’ bil-qies l-għalf tat-tjur. 3. Pellikan. Is. xj. Pelecanus onocrotanus. Sqal. Sassula. Ing. Eastern white pelicanKienu jgħidu,  ‘għamel idu sassla’ – biex bħallikieku qiegħed jittallab jew jilqa’ l-flus. Sors:  J.A. 

               sasslao                  sasslas

SATLA    (E.S.I.)  /  SASSLA   (J.A.)   Dim. ta’ satal.  Satal żgħir tal-fidda li fih ikun hemm l-ilma li s-saċerdot iraxxax biex ibierek bih.  Lat. aspersorium. Ara: ASPERGES.

SATRA   Fil-ħeba, mistur. F.V. (1831) jispegaha bl-Ing., modesty, fis-sens li s-satra taħbi il-ġisem mill-għajnejn. Ez., ngħidu, ‘dik il-libsa ma fihiex satra’. BIS-SATRA  Espr. li tingħad għal xi azzjoni li ssir bil-moħbi. Ngħidu , ‘fis-satra tal-lejl’.

SAWM U ASTINENZA    Id-differenza bejn sawm u astinenza hi kemxejn vaga. Bis-sawm nkunu qed nirrifieru għall-ġranet u l-ħinijiet u kemm-il ikla għandha tittiekel fil-jum b’mod obbligatorju skont ir-regoli tal-Knisja. L-astinenza tirriferi għat-tip ta’ ikel li wieħed kellu jżomm lura minnhom, eż., laħam u ħelu. Skont ir-regoli ppubblikati fil-Codice Canonico Liber III, (Codex Jur. Can. Lib. III), stabbilit fl-1917, u li beda jinbidel fl-1966, il-liġi tal-astinenza kienet tipprojbixxi li jittiekel laħam, iżda seta’ jittiekel bajd, ġobon, ħalib u butir fil-pranzu biss, waqt li wieħed seta’ jsajjar bix-xaħam. (Can. 1250). Skont Can. 1251, il-liġi tas-sawm kienet tobbliga tittiekel ikla waħda mal-jum, iżda seta’ anki jittiekel xi ikel filgħodu u filgħaxija skont il-konswetudini tal-pajjiż għal dik li hi kwalità ta’ ikel. Mill-banda l-oħra, il-liġi tal-astinenza kienet osservata il-ġimgħat tas-sena kollha barra meta jiġu magħhom ġranet tal-festi kmandati. Il-liġi kienet osservata il-Ġimgħat u s-Sibtijiet tar-Randan, Ras ir-Randan, il-jiem tal-KWATTRU TEMPI, il-Vġili tal-Għid il-Ħamsin, il-Vġili tal-Kunċizzjoni u l-Vġili tal-Milied. Il-liġi tas-sawm kienet osservata fil-jiem kollha tar-Randan. Can 1254 ukoll jordna li dawn il-liġijiet jgħoddu għal dawk kollha li għalqu s-seba’ snin; kellu jsum kull min kellu bejn il-wieħed u għoxrin sena, sa ma jibda s-sittin. Sors u aktar dettalji: Il-Pronostku Malti, Għas- sena l-Ġdida 1959. p. 60. Ara: VĠILI u KWATTRU TEMPRA.

Saura (1)SAWRA  TA’  /  TA’ SAURA     Binja li hemm appena tilħaq is-Saqqajja, ir-Rabat. Din id-dar b’veduta stupenda li ġġib il-Lvant ta’ Malta kollu taħtha llum isservi bħala dar tax-xjuħ. L-isem ta’ dan il-post ġej mill-kunjom tat-Tabib Nicola Sawra jew Saura li għal xi żmien kien jaħdem bħala tabib fis-Sagra Infermeria, l-Belt. Wara xi żmien dan it-tabib iddeċieda li jiftah sptar għax-xjuħ, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-Isptar ta’ Santo Spirito. Ta’ Saura nbena fl-1667, u sar magħruf bħala l-Ospedale di San Nicola. Fl-1762, ċertu Dun Ġużepp Mark Azzopardi minn Ħaż-Żebbug, kien ħalla ġidu bħala wirt lil ta’ Sawra biex dan l-isptar jilqa’ fiħ qassisin xjuħ li  f’każ ta’ mard ma jkollhomx min idur bihom. AraArt Twelidi,  tal-Kavalier Joseph Galea,  1984, p.149.        

SAWT     Nerv jew bastun, eċċ., li r-rikkieb jew il-bidwi juża biex issawwat lill-bhima tal-irfigħ jew tal-ħart biex dawn ikomplu jiċċaqalqu fuq xogħolhom. Is-sawt kien ukoll magħruf bħala  SAWT  IL-FART jew għerq il-barri.

SAWWAB    Ferra l-likwidu minn kontenitur għall-ieħor. Insibu din il-kelma użata b’mod figurattiv fir-rumanz ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli: ‘[…] is-sur Franġisk qalbu riedet ittir bil-hena, u ssawwab fuqhom il-ħrara ta’ qalbu kollha […]’. p. 183. (D.)  Trasmettere, transfondere. Tingħad bħal, sawwab l-aħħar qatra mill-flixkun. M.A.V. (1796) jgħid, svotare versare. G.B.F. (1845) jgħid ukoll, to transfuse.

SBALLOTTAR    Ara:  ŻBALLOTTAR.

SBANDOLA      Ara:  ŻBANDOLA.

SBARK    Ara:  ŻBARK.

SBIRR / ŻBIRR    Il-pulizija kif kien/u msejħa fiż-żminijiet antiki. Dan it-terminu jingħata kemm fil-perijodu tal-Ordni ta’ San Ġwann, kemm fiż-żmien bikri tal-perijodu Ing. F. Vella (1843) ifisser dan l-isem bl-Ing. bħala bailiff. Anki xi awturi tas-seklu għoxrin, bħal Gużè Galea fil-ktieb tiegħu Raġel bil-Għaqal, (1961) p. 30, jużaw dan l-appellativ għall-istess skop, ‘[…] Il-kuntistabbli ma qagħadx jitnikker, sejjaħ sitt żbirri, ħadhom miegħu u mar iħabbat il-bieb tad-dar ta’ Falzun […]’  Kienu jgħidu, ‘toqgħodx qisek sbirr quddiemi, rif. għal xi  ħadd li joqgħod josserva lil ħaddieħor waqt li hu ma jagħmel xejn’. Kienu jgħidu wkoll, ‘qisek sbirr,’ għal xi ħadd li jieħu għalih malajr – sors: J.A. Biss, J.A. jagħti dan l-isem bħala ŻBIRR, waqt li  E.S.I. jgħid li SBIRR hu l-isem korrett għax il-kelma ġejja mit-Tal. sbirro / birro, nome degli arcieri o agenti di polizia, sbirraglia, tutto il corpo insieme. G.B.F. (1845) jgħidlu, ŻBIRR, Tal. birro, sbirro, zaffo; Ing. bailiff, thief-taker.

SBRIGA    1. Għodda tal-għaġġin li tidħaddem bħal argnu biex tinpasta l-għaġina. 2. v. Ħaffef, konjugat fil-passat (tielet persuna singular) inkella bħala imperattiv present. Ngħidu, ‘sbrigat u lest’, (It-tieni persuna singular). Meħuda mit-Tal. sbrigare. Kelma li tinsab kemm-il darba fid-djalogi tad-dramm ta’ Luigi Rosato ‘Katarina’ (1847) ’.

    Ifeġġ id-dawl mill-waħx tad-dlam
    Jiżbriga minni l-biża
Sors:   It-Teatru tas-Seklu Dsatax, L-ewwel volum, p. 7. 
u  
    Mara kiefra gawdi 'l ġmielek
    Ġmielek sbriga għal kulħadd
Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, L-ewwel volum, p. 26.

SBUL    Eż.  Sbul tal-qamħ jew tax-xgħir. Sbula hija l-qamħ jew ix-xgħir bil-ħliefa u s-sifa li tikber f’tarf ix-xitla. Fi kliem ieħor is-sbul hu dak ix-xagħar irqiq u wieqaf f’tarf it-tgħam li fih tikber iż-żerriegħa. Qawl: Skont is-sbula ż-żergħa. Ing. Aum.  Ara:  FARRU.

SDEJDA     Sodda żgħira. Sors: V.B. (1900).

SDEJRU      Isem ieħor antik għal Sidor, jew Isidoro.

SEBA’ BUKKUNI   Fl-antik kien hemm użanza partikulari li kienet issir f’jum id-Duluri. F’dan il-jum it-tfajliet mhux miżżewġa kienu joħorġu minn djarhom u jmorru jħabbtu l-bibien tan-nies, l-aktar dawk tal-ġirien, biex jitolbu seba’ loqmiet ħobż (seba’ bukkuni) biex jitrejqu bihom matul dak il-jum. In-numru sebgħa kien jirrappreżenta s-seba’ stalletti tad-Duluri. Kien hemm min is-sawma tas-seba’ bukkuni jagħmilha kuljum matul ir-Randan kollu. Għaldaqstant, dakinhar, wieħed kien jiltaqa’ ma’ bosta tfajliet fit-toroq jittallbu għal loqma ħobż. Etim. boccone – kwantità żgħira ta’ ikel kemm wieħed jista’ jitfa’ f’ħalqu f’darba. Ing. mouthful jew morsel. Sors: Folklore of an Island, Tarcisio Zarb, p. 332.

SEBT   (Pl. sbut)   Qasba rqiqa u twila.  SEBT IR-RAGĦAJ  Qasba jew bastun li bih ir-ragħaj jidderieġi l-merħla. Qbl. ma’ Bisbut / Ħal Bisbut / Sabtan / Ħas-Sabtan.

SEBELLA     Nannakola. Sors: V.B. (1900).

SECRETO, IS- / SEGREZIJA IS-  Is-Segrezija kienet l-awtorità amministrattiva li fi żmien il-Medjuevu kienet tieħu ħsieb tipproteġi u tamministra l-proprjetà tar-Re (jew il-Viċi Re) ta’ Sqallija. Dan l-uffiċċju kien jagħmel parti mid-Duana de Secretis, entità li kienet maħluqa f’Palermo fl-1140, min-Normanni. Din l-awtorità kienet ġiet stabbilita f’Malta fis-sena 1373, jiġ., fi żmien il-monarkija Żveva. Is-Secreto ta’ Malta, l-ogħla uffiċjal tas-Segrezija, kien imħallas 30 uqija tad-deheb fis-sena. Dan kellu l-awtorità li jiddeċidi dwar kwistjonijiet ta’ jeddijiet ta’ proprjetà li ta’ spiss kienu jinqalgħu bejn il-gabillotti u l-falkuniera. Xogħol ieħor tas-Secreto kien li jiġbor it-taxxi mill-Università tal-Imdina, u l-qbiela. Biex jgħin fl-amministrazzjoni kien hemm ukoll il-Vici Secreto, li kien jieħu ħsieb il-proprjetà f’Għawdex. Dan tal-aħħar kien imħallas 6 uqijiet fis-sena. Fis-Segrezija kien hemm imbagħad il-Credenzierii, il-Massarii, il-Missi Secretiae u l-Falkuniera. Wieħed mill-ewwel Secretii li jissemma b’ismu f’dokument tal-1416, kien Vichucio Delutja. Wara d-diżgwid kbir u vjolenti li kien hemm bejn il-Maltin u Gonsalvo Monroy, fis-sena 1427, il-Viċi Re ta’ Sqallija aċċetta li terġa’ tinfetaħ is-Segrezija f’Malta u li l-uffiċjali tagħha jibqgħu jservu f’dawn il-gżejjer għal għaxar snin sħaħ. Aktar minn hekk, il-qligħ li jinġabar mis-Secreto kellu jmur kollu kemm hu għand l-Università, biex bih din tkun tista’ tamministra sew il-bżonnijiet tagħha. Ara: ‘The Office of the Secrezia of Malta previous to the coming of the Knights Hospitallers’ ta’ C. Galea Scannura, Melita Historica, 1973, pp. 107-132.

seffud oneSEFFUD    1. Tubu jew virga li biha wieħed ikun jista’ jiġbed likwidi u materjal ieħor merħi biex jintuża jew jintrema xi mkien ieħor. Is-seffud jintuża l-aktar biex jiftaħ xi katusa dejqa jew xi serpentina li tkun instaddet. Meta wieħed jiġbor il-likwidu b’siringa, dan ukoll ikun qiegħed iseffed.  2. Is-seffud hu wkoll dak l-oġġett li jintuża waqt il-preparamenti tat-tisjir biex tingħafas ‘l barra l-krema jew zlazi għal fuq l-ikel. 3. Labra jew pajp irqiq tal-metall li jintuża biex jiddeffes ġol-laħam, biex dan jinżamm sew waqt li jissajjar fil-forn jew inkella fuq in-nar (Ing. spit jew seffudskewer). 4. Fig. bniedem li jdeffes imnieħru f’kollox u fejn ma jesgħux. SEFFUD TAR-RIĦ   Riħ li jgħaddi minn xi toqba fil-ħajt u li jiġbed miegħu l-arja ‘l barra b’ċerta saħħa, tant li dan ir-riħ ikaxkar miegħu oġġetti oħra. Nifs miġbud ‘il ġewwa mix-xuftejn b’ċerta saħħa biex pereż., jiġbed id-demm minn xi ferita. Sorsi: J.A. u E.S.I. Ara: MIFSUD. Ara wkoll: SERVIZZJAL.

SEJKU      Ħaruf ta’ ftit jiem. Ħaruf magħlub. Etim. inċerta, x’aktarx mit-Tal. secco. M. xott.

SELĦA   1. Dik il-parti tal-ħajt tas-sejjieħ fejn il-ġebel ikun waqa’, ġen. wara  xi maltempata ta’ xita qawwija.  2. Barxa jew ġerħa fil-ġisem bħal meta titqaxxar il-ġilda. 3. SELĦ   Eskrement likwidu bħal dak tat-tiġieġ. G.B.F. (1845).

Selha1.JPG

SELLIETI    1. Ġellied tax-xwabel. Wieħed li jissielet. F. Vella (1843) jagħtiha bit-Tal. bħala gladiatore. Jagħti wkoll il-frażi, selliet bil-kliem – bniedem li jikkustinja. 2. Wieħed li jislet il-ħajt b’subajgħ. SELLIET IL-QALB    Bniedem li jħobb jinki. Sors E.S.I.

SELMUN   Isem tal-inħawi ‘l barra u lejn il-Lvant tal-Mellieħa, fejn inbena l-Palazz ta’ Selmun. Dan l-isem ġej mill-kunjom tal-familja Salomone li kellha l-art tagħha hemmhekk. Il-Palazz ta’ Selmun inbena fl-1787 bħala post ta’ mistrieħ. Fuq il-faċċata ta’ dan il-palazz hemm l-arma tal-Monte di Redenzione li turi li mill-proprjetà kienu jittieħdu l-għexur biex iservu bħala fondi minn fejn jifdu dawk il-Maltin jew Kavallieri li kienu jinqabdu u jinżammu fl-iskjavitù f’artijiet barranin. Fl-antik, din il-proprjetà kienet aċċessibbli l-aktar mill-Mistra. Waħda miż-żewġ gżejjer ta’ San Pawl il-Baħar tissejjaħ il-Gżira ta’ Selmunett għax din kienet f’idejn l-istess propjetarji tal-artijiet ta’ Selmun.

selmun panoramic

SELQ     Xitla li minnha hawn diversi tipi. Is. xj.  (ġens) chenopodiacaea. F’Malta jikber is-selq selvaġġ, selq il-baħar u selq ħamrani, fost oħrajn. Skont J.A. Garden beet jew beetroot. Ing.  G.B.F. (1845) jagħtiha bħala, beet .

SEMEN   Grass tal-ħalib, qisu butir imdewweb. E.S.I. jgħid li dan kien jinġieb mill-Barbarija. (D.) butiro, M. żebd. F. Vella (1843) jagħtiha bħala semel.

SEMITIKU/A    Appellattiv għall-ġens u l-kultura semitika. Il-lingwa Semitika ħarget mil-Lvant Nofsani, fiż-żona bejn il-kosta tal-Mediterran u l-Mesopotamia. Kien hemm u għadhom jeżistu llum diversi friegħi ta’ din il-lingwa. Dawn huma: il-Feniċju, il-Lhudi, l-Għarbi, l-Aramajk u l-Amħarik. Il-lingwa Maltija hi bbażata ħafna fuq dik Semitika, lingwa li ġabu magħhom l-Għarab minn Sqallija fl-870 w.K. Jibqa’ d-dibattitu jekk il-Malti Semitiku hux aktar antik u finalment ġej mill-Puniku.

SEMM     Velenu. Qawl:  Id-demm qatt ma jsir semm  – jiġ., minkejja l-ġlied ta’ bejn il-qraba, dawn xorta jibqgħu jinġiebu għax huma mill-istess ‘demm’.

semolinaSEMOLINA     Din hi dak il-frak tal-qamħ, (is. xj. Durum) li  jaqa’ meta dan  jintaħan biex isir dqiq. Waqt dan il-proċess is-semolina tissepara ruħha min-nuħħala. Qabel din kienet isservi ta’ ikel li jingħata lit-tiġieġ. Illum is-semolina hi apprezzata għan-nutrijenti tagħha u tingħata bħala ikel lit-trabi. Is-semolina titħallat ukoll mal-kuskus biex tagħtih togħma aktar ħelwa. Ara:  KUSKUS, NUĦĦALA

SEMPITERNA   Rif. għal materjal fin tal-ġilda li tkun ta’ kwalità tajba, u li biha kienu jinħadmu ċerti tipi ta’ żraben. Kien hawn ukoll ġlekkijiet li kienu jissejħu ‘tas-sempiterna’. Aġġ. li jirreferi għal kwalunkwe oġġett li jinxtara bl-intenzjoni li jservi għal ħafna żmien. Tal. sempiterno – M. xi ħaġa li ma tispiċċa qatt.

SENAT, IS-   Bejn is-sena 1921, jiġ., meta Malta kellha l-ewwel parlament awtonomu, u s-sena 1947, is-sistema parlamentari kienet bikamerali, jiġ., il-Kamra tas-Senat u l-Kamra tad-Deputati (Leġiżlattiva). Dik tas-Senat, kienet magħmula minn sbatax-il membru. Għal bidu, għaxra minn dawn il-membri kienu jintgħażlu mill-kleru, min-nobbli, l-iggradwati u l-unions. Ir-rwol tas-Senat kien dak li jiskrutinja l-liġijiet li l-Assemblea Legiżlattiva tkun għaddiet. B’hekk il-liġi tkun diskussa għat-tieni darba, biex tkun approvata b’mod finali. Fil-kostituzzjoni il-ġdida tal-1947, is-Senat ma reġax kien propost, u għalhekk il-gvern minn dak iż-żmien dejjem mexxa l-leġiżlazzjoni mill-Kamra tad-Deputati eletti fil-Parlament.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERASENDUQ    Din hi x’aktarx l-eqdem tip ta’ għamara fid-djar Maltin. Trad., is-senduq hu magħmul forma ta’ kaxxa tawwalija sempliċi u pjuttost nieqsa mix-xogħol artiġjanali. Dan kien jintuża biex jinżammu fiħ ħwejjeġ u oġġetti, bħal dehbijiet mogħtija b’dota lill-għarusa u oġġetti prezzjużi oħra. L-użu tas-senduq spiċċa bil-mod il-mod fis-seklu għoxrin, hekk kif bdiet tinħadem għamara oħra aktar komda. Qawl: Aħjar ħabib fis-suq milli mitt skud fis-senduq. Dan il-qawl jagħti ħjiel illi fis-senduq kienu anki jintrefgħu xi flus. Idj: Ta’ fuqek senduqek – jiġ., il-persuna msemmija m’għandha xejn aktar minn dak li hi libsa fil-mument.  SNEJDAQ  Senduq żgħir.

SENGLEA    Ara:  L-ISLA.

SENNIEN / SANNIEN   Wieħed li xogħlu hu li jsennen is-skieken u oġġetti oħra li jaqtgħu. Dan ix-xogħol kien jagħmlu billi jdur bil-MOLA mwaħħla mal-karettun, minn raħal għall-ieħor b’mod regolari, biex min għandu għodda xi jsinn joħroġ biha fit-triq ħalli s-sennien jerġa’ jġib ix-xafra f’kundizzjoni tajba li taqta’.

trade sennien

SENSAFIDI / SENZAFIDI     Terminu li kien jirriferi għal xi ħadd li ma jemmen f’xejn. Biss kienet anki tirriferi għal xi ħadd ta’ reliġjon oħra, bħal pereż., Musulman. Biż-żmien din il-kelma kienet tintuża bosta mill-Maltin għal kwalunkwe raġjuni meta wieħed jagħti xi tgħajjira lil dak li jkun, biex bħal speċi jgħidlu, ‘ja xifajk’, jew ‘ja mingħul’.

SENSERIJA    Xogħol li jsir mis-sensar (jew SEMSAR) li jlaqqa’ il-bejjiegħ max-xerrej biex isir il-bejgħ ta’ oġġett kemm dak mobbli kif jekk proprjetà immobbli.  Ing. brokerage.

SENSIELA       Katina (F.V. 1831).

SENTIKKA      Appel. li jingħata lil xi mara li dejjem tkun moħħha fuq dak li qed jagħmel  ħaddieħor. Waħda li tindaħal f’kollox. Tal. santocchio, santacchiaxi ħadd li jara jew jisma’ ħafnaipokrita.

SENTINA      Il-qiegħ minn ġewwa ta’ bastiment, il-qiegħ taħt il-parjol tad-dgħajsa. Ilma tas-sentina – ilma qiegħed u li jinxtamm jinten.

SEPJA    1. Il-linka li toħroġ u jittieħed mis-siċċa.  2. Il-kulur kannella skur li jista’ anki jagħti fil-karnaġġjon. Illum dan il-kulur jintuża mill-fotografi biex ir-ritratt jingħata xeħta u ambjent partikulari kif  mixtieq, l-aktar fl-ambjent tas-snin ħamsin jew qabel.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

sepulkru altar tar repozzjoni 20180327_172109SEPOLKRU / SEPULKRU    Dan konna nifhmu bih, l-altar imżejjen f’Ħamis ix-Xirka li kien jirrapreżenta l-qabar ta’ Kristu. Illum nafu li din hi interpretazzjoni żbaljata għaliex it-tiżjin tal-altar f’Ħamis ix-Xirka  jirrappreżenta it-Twaqqif tal-Ewkaristija. Dan minħabba li kien fl-Aħħar Ċena (lejlet il-Passjoni) li Kristu waqqaf l-Ewkaristija meta qassam il-ħobż u l-inbid, simboli ta’ Ġismu. Għalhekk, dan l-altar illum qed jissejjaħ L-Altar tar-Repożizzjoni, jiġifieri, l-altar fejn terġa’ titqiegħed l-Ewkaristija meta ma tibqgħax esposta fuq l-altar maġġur. Wieħed mill-isbaħ altari li jintramgħu hu dak tal-Katidral tal-Imdina (ritratt) li jinbena biċċa biċċa fl-injam b’tali mod u manjiera li dan ix-xogħol jixbah xogħol arkitettoniku u skulturali komplut fi stil Barokk. Dan ix-xogħol kien inħadem fis-seklu 18, fuq id-disinn ta’ Pietro Paolo Troisi.

SEPTUAGESIMA     Ara:  ĦADD TAL-BOLLA.

SERBUT    1. Id-daqq jew il-ħoss ripetut li jinstama’ ġej mill-qanpiena tal-knisja f’nofs il-lejl nieqes kwart. Dan kien jindaqq biex dak li jkun jiftakar li kien ser jibda l-ħin tas-sawm għat-tqarbin ’l-għada filgħodu. 2. (D.) ‘[…] compania in se divisa, in apparenza unita […]’. Illum nużaw din il-kelma biex nirriferu għal xi filliera jew ringila ta’ nies. Ngħidu, ‘kien hemm serbut twil ta’ nies, ta’ karozzi, eċċ’.  

SERPA      Skont E.S.I., din hi parti mit-TALJAMAR.  Skont F. Vella (1843), dan jagħtiha bħala PULENA.

SERQUŻA    L-isem li bih il-Maltin kienu jirriferu għall-belt ta’ Sirakuża. L-isem ta’ dan il-port, li ġeografikament u storikament kien tant importanti għall-kummerċ bejn Malta u Sqallija, jissemma fil-ktieb ta’ Anton Manuel Caruana Ineż Farruġ (1889): ‘[…] Ma’ nofsinhar daħlu Serquża, ferħan kulħadd li ma ltaqgħu mal-ebda Torok u waslu bis-sliem […]’.

SERRATURA   1. Frak li jaqa’ mill-injam meta dan ikun maqtugħ bis-serrieq. 2. Mekkaniżmu li fih tidħol ic-ċavetta jew muftieħ biex tiftaħ u tagħlaq il-bieb. Tal. serradura – minn serrato – M. maqtugħ.

SERSUR     Werżieq il-lejl. Fig. Wieħed li jħobb isaffar; paċpaċi, lablabi.

SERVIZZJAL      1.  Pompa li tintuża biex isir tindif tal-intern eż.  l-imsaren tal-bniedem  billi tiddeffes minn wara. Tintuża l-aktar meta  jkun hemm diffikultà serja ta’ xedda.  2. Suppożitorju.

setah33SETAĦ     Spazju miftuħ li norm. jinsab fl-ewwel sular jew livell ieħor għoli fid-dar. Tip ta’ bejt żgħir f’livell aktar baxx mill-bejt normali. Dan jintleħaq norm. minn barra l-kmamar bit-taraġ. SETAĦ TA’ BARRA  Wesgħa barra l-bieb ta’ barra fejn ikun imdawwar b’ċint. Dan l-ispazju jintuża ħafna drabi biex wieħed iqatta’ l-ħin tiegħu liberu bilqiegħda fil-kwiet. (Ing. porch). SETAĦ TAL-KNISJA: l-istess bħal ZUNTIER

SETAKRUDA    Tip ta’ drapp tal-ħarir li jinħadem l-aktar għal ilbies eleganti, eż., għal xi libsa intera, jiġ., ġlekk u qalziet, l-aktar tas-sajf. Dan il-ħarir ma jkunx inżebagħ u allura jżomm il-kulur kannella, il-kulur naturali tal-ħarir.

SETTA  TAS –   Grupp ta’ nies b’kult distint jew fergħa li toħroġ minn reliġjonijiet oħrajn. Ħafna drabi nassoċjaw il-kelma ma’ grupp pjuttost żgħir u x’aktarx li jżomm kollox sigriet. Is-setet norm. ikollhom ir-riti partikulari tagħhom. Fl-antik f’Malta din il-kelma kienet tirreferi wkoll għal dawk li jaduraw lix-xitan, jew inkella, għal dawk li kienu ssuspettati li kienu membri tal-Mażunerija. Dawn iż-żewġ attributi ġieli tħalltu flimkien u ġieli kien hemm għajdut li dawk imsejħa ‘tas-setta’ kienu jintlemħu jtiru billejl, b’seħer mogħti lilhom mix-xitan.

Sette Giugno MG_0307.JPGSETTE GIUGNO   L-episodju tas-Sette Giugno seħħ fl-1919. Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju kellha ssir it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali. Fil-laqgħa ħadu sehem bosta nies imdaħħla fil-politika, nies influwenti mis-soċjetà Maltija, biex jiddiskutu l-proposti għall-kostituzzjoni l-ġdida. Dan għaliex il-kostituzzjoni ta’ qabel kienet ilha rrevokata mill-1903, u qatt ma kienet emendata aktar. Issa wara t-tmiem tal-Gwerra l-Kbira kien hemm ħafna inċertezzi dwar il-postijiet tax-xogħol, u l-faqar li beda jerġa’ jinħass sew. L-Assemblea ltaqgħet fiċ-Centro Giovine Malta, li kien jinsab fit-Triq Santa Luċija, kantuniera ma’ Strada Rjali. Eluf ta’ Maltin kienu telgħu l-Belt biex juru s-simpatija tagħhom mad-delegati li attendew din il-laqgħa. Bosta kienu dawk li riedu juru l-għadab tagħhom lejn il-qagħda politika inġenerali, waqt li oħrajn kienu qegħdin jipprotestaw dwar l-għoli tal-ħajja. L-istudenti tal-Università telgħu wkoll jipprotestaw dwar id-drittijiet tagħhom, waqt li l-ħaddiema tat-Tarzna kienu marru l-Belt biex jiddimostraw dwar il-biża’ li issa li l-Gwerra spiċċat, kienu dalwaqt ser jispiċċaw bla xogħol. L-atmosfera fit-toroq tal-Belt saħnet qatigħ, u f’mumenti minnhom inqalgħu rvellijiet vjolenti. Issejħet il-pulizija, u wara xi ħin intervjenew ukoll it-truppi Ingliżi armati bl-azzarini u l-bajjunetti. Dawn tal-aħħar tqassmu fi gruppi żgħar, u f’mumenti minnhom ġew issuttati. Dawn beżgħu mid-dagħdigħa li wriet il-folla. F’dan il-paniku t-truppi Ingliżi sparaw fuq il-folol f’diversi toroq u nqatlu tlieta min-nies, waqt li daqs ħamsin ruħ oħra sfaw feruti. L-għada, persuna oħra sofriet ġrieħi gravi b’daqqa ta’ bajjunetta u mietet daqs ġimgħa wara. Wara dan l-avveniment traġiku l-isforzi kibru aktar biex jintlaħaq ftehim u Malta jkollha kostituzzjoni ġdida aktar liberali. Dan seħħ fl-1921, meta l-ewwel gvern awtonomu kien elett mill-poplu Malti. Ara: DIJARKIJA. Ara wkoll: Sette Giugno, 1919, Tqanqil u Tibdil ta’ M. Sant, 1989; Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb ta’ Herbert Ganado, pp. 216-218; The Story of Malta ta’ Brian Blouet, pp. 188-190; Sir Filippo Sciberras, His Life and Times ta’ Robert Farrugia Randon, 1994.

SETTEMBRINA   1. Isem għal siġra tal-għajnbaqar u oħra tal-ħawħ li jagħmlu l-frott tagħhom f’Settembru.  2.  Fjura  (Ix. Xj. Gypsophila paniculata).  Din il-pjanta tagħmel fjura bajda u rqiqa. Ing. Michaelmas daisyARJA SETTEMBRINA   Riħ isfel li jinħass l-aktar fix-xahar ta’ Settembru.

SETTI BELLIZZI   It-tikmix jew linji rqaq fil-ġilda li jidhru fil-ħaddejn ta’ bosta nies, aktar u aktar meta wieħed jitbissem. Tal. sette bellezze. Sors: Kalepin (1941).

SETTIĊEMJA   Is-sintomi ta’ din il-kundizzjoni huma bosta: qtugħ ta’ nifs, ipotermja, pressjoni baxxa, taħbit tal-qalb mgħaġġel u infjammazzjoni tal-ġisem. Marda li meta tattakka l-ġisem b’mod sever tista’ toqtol lill-pazjent. Illum din il-marda tissejjaħ Sepsis, għax it-terminu Latin Septicaemia ma għadux jintuża fid-dinja tal-mediċina. Qabel kienu jemmnu li s-settiċemja tattakka l-ġisem b’mikrobi li jidħlu fid-demm. Fil-fatt il-ġisem jista’ jkun qiegħed jikkumbatti kemm mikrobi kif ukoll viri, fungi u anki parassiti li jattakkaw il-pulmun, l-addome jew il-kanal tal-awrina. Illum din il-marda hija kurabbli.

SEWWA   1. v. Irranġa oġġett li ma kienx jaħdem sew.  2. SEWWA l-INKWIET ta’ bejn l-għarajjes. 3. SEWWA XUXTU  Mar qata’ xagħru għand il-barbier. 4. SEWWA FLIXKUN  Term. li jirriferi għall-preparament u t-taħlit tal-mediċina, norm. magħmula mill-ħxejjex jew ħwawar f’mod likwidu. Dan it-terminu kien marbut max-xogħol tal-ispiżjar jew ta’ individwi li setgħu wkoll ma kienux fil-professjoni medika, biss li kienu mdorrija jikkuraw lin-nies bid-duwa li jħejju huma stess. Din il-mistura kienet titħejja għal ċerti kundizzjonijiet, kemm fiżiċi kif ukoll mentali. Pereż., jekk xi ħadd jieħu qatgħa kbira, dan jordna taħlita mediċinali apposta mingħand l-ispiżjar biex tmurlu l-qatgħa. Ngħidu, ‘isewwilu flixkun mgħaqqad bil-ġulepp, magħmul mir-rabrabru u ftit zokkor’.  SEWWA l-INSALATA  Żied il-ħwawar mal-ikel. 5. SEWWA SERDUQ  Ikkastra serduq billi neħħielu l-ħaswa. Sors: E.S.I u J.A. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, G. Lanfranco, p. 240; ‘Maż-Żmien Tiegħi ta’ Tabib’, Dr Charles Cassar; Folklor, ed. Guido Lanfranco, p. 56; ‘Mard, Duwa u Fejqan’ ta’ Temi Zammit, minn ‘Il-Malti’, kitba li dehret fil-Ward ta’ Qari Malti (1945), pp. 238-241; f’Nies Bla Sabar u stejjer oħra, ed. Toni Cortis, 1987, p. 85.

SFAĠĠ  (D.) u E.S.I. Żina fil-mod kif jilbsu n-nisa. A. de S. jiktibha SFAĊ u jgħid li ġejja mit-Tal. sfacciatagine, bħal fil-Malti, wiċċ tost, jew wiċċu jagħtih. Illum ngħidu, ‘bniedem sfaċċat’. Fid-dramm, ‘Katarina’ (1847)  ta’ Luigi  Rosato, insibu hekk: ‘[…] Mogħni żmien qabel minn tant sfaġġ ta’ nisa […]’  It-Teatru Malti fis-Seklu Dsatax, p. 9.

Apples-quince with leaf.SFARĠEL / SFEJĠEL    Is. xj.  Pyrus cydonia. Din hija frotta li tikber fuq is-siġra li ġġib l-istess isem. Tixbah kemxejn lil-lanġasa. L-abitat oriġ. tal-isfarġel hu fil-Lvant Nofsani, kif ukoll fl-Asia Minuri, bħat-Turkija u l-Armenja u l-Ġorġja. Il-frotta hi daqsxejn xierfa u għalhekk tittiekel l-aktar bħala ġamm. Kienet tintuża biex titratta d-disenterija u d-dijarea. Il-weraq tagħha kien jintuża biex jittratta l-infafet. Il-weraq kien jinħasel u jinqela fi ftit żejt taż-żebbuġa u wara li jibred jintefa’ ġo vażett. Dan jindilek fuq dik il-parti tal-ġisem fejn ikun hemm l-uġigħ. Ing. Quince jew pear quince. Għ. al safarġal. Sors: Wikipedia, u Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, ta’ Guido Lanfranco.

SFIĊĊA   Fawra jew qilla ta’ mument. Azzjoni li ssir b’mod spontanju, l-aktar meta wieħed ikun ilu jissaporti xi ħaġa u ma jkunx jiflaħ iżomm aktar u jinfaqa’. Ngħidu, ‘Tagħtu sfiċċa.’ Ġużè Galea, fin-novella tiegħu, Bewsa lill-Kanun, jgħid hekk: ‘[…] Toni Borg ħareġ bħal karba, għajnejh ixxarrbu bid-dmugħ, imbagħad tatu bħal sfiċċa u mar jiġri lejn il-kanun […]’ Sors: Leħen il-Malti, 1945. Etim. Kalabriż sficciu; sfizziu – M. stramberija; mossa bizzarra. Sors: E.S.I. M.A.V. ‘[…] impeto molto violento d’anima […]’.

zeppoli 055.jpgSFINĠA  (Pl. sfineġ) u ż-żeppoli huma l-istess ħaġa, biss jistgħu jfissru wkoll varjazzjonijiet ta’ ħelu differenti, skont il-pajjiż. Fit-tramunta tal-Italja dawn jissejħu frittelle. Norm., dan il-ħelu jittiekel fil-festa ta’ San Ġużepp, fiz-19 ta’ Marzu. Kemm jekk żeppoli kif ukoll jekk sfineġ, dejjem inkunu qed nirriferu għal dik il-ħelwa magħmula minn għaġina forma ta’ ballun żgħir, moqlija fiż-żejt u mimilja b’ingredjenti ta’ ħlewwa jew imluħa. Xi wħud miż-żeppoli huma mimlija bl-irkotta li fiha jkun hemm biċċiet taċ-ċikkulata, konfettura u għasel. L-għaġina, tvarja fil-konsistenza tagħha, imma norm. tkun aktarx tip ta’ choux pastry. Billi San Ġużepp ħafna drabi jiġi fir-Randan, fl-antik kienu aktarx jagħżlu l-inċova bħala ingredjent prinċipali biex jimlew bih. Din ir-riċetta hi magħrufa sew kemm f’Malta kif ukoll u fil-Kalabrija. F’Malta hawn ukoll l-isfineġ tal-bakkaljaw. L-isfineġ jew iż-żeppoli isiru wkoll f’Napli, Sardinja fil-Lazjo u Sqallija. F’Ruma dawn isejħulhom Bignè di San Guseppe. F’Malta, iż-żeppoli jew sfineġ jittieklu is-sena kollha, biss l-aktar fir-Randan u prinċipalament fil-festa ta’ San Ġużepp. Għ. asfanġa.  Din il-kelma tirriferi wkoll għaż-żeppoli.  3. SFINEĠ  Xitla magħrufa wkoll bħala ‘Fanali’. Lat. Solandra grandiflora. Ara: ŻEPPOLI. Sors: E.S.I. u J.A.

SFIQ    (Pl. sfieq).   1. Aġġ. li jirriferi għal xi oġġetti li jinsabu mħaxknin ma’ xulxin f’kuntesti differenti. Hekk pereż., ngħidu, ‘kwiekeb sfieq fis-sema’, jew ‘dliel sfieq’, – rif. għal ħafna friegħi tas-siġar ma’ xulxin; ngħidu, ‘xitla sfiqa’; ħidma sfiqa – xogħol kbir li jirrikjedi ħafna attenzjoni u ħin. SFIEQ Verb li jfisser li dak li jkun għamel wiċċu mingħajr ma ddejjaq. Fig. ħaxxen il-ġilda ta’ wiċċu.  Ngħidu, ‘seffaq wiċċu’, jiġ., għamilha tal-wiċċ tost. Qawl: Min jidra t-triq irabbi wiċċ sfiq. Qawl ieħor: Wiċċ sfiq ma jmutx imkemmex. Sorsi: E.S.I. u bosta sorsi letterarji.

SFLASK    Qabda ħajt li jintuża jew flimkien jew inkella mislut, ħajta minn oħra. G.B.F. (1845) jgħid li hi garża li titqiegħed fuq il-ferita. Etim. Sqal. sfilasca jew sfilazzica. E.S.I.

SFOLL     Għaġina rqiqa magħmula minn diversi saffi li tintuża għat-torot jew ikel ieħor. Għaġina sfoljurata, bħal tal-pastizzi; għalkemm l-għaġina tal-pastizzi ġieli tkun tax-xema’ jew ‘imrammla’. Għaġina ħafifa li titfarrak malajr hekk kif tibda tikolha.

SFRATTAT   Aġġ. għal xi ħadd li ħareġ minn patri. Etimoloġikament il-kelma tidher li ġejja minn frate. Għaliex A. de S. jagħti t-tifsira tagħha, ‘[…] mneżża minn raħeb […]’, neża’ minn qassis’. Ara: Damma, p. 608.

SGABELL      Banketta (F.V. 1831)

SIBA    Skjavitù; miserja; priġunerija, ħerba, rovina. Espr. Għamilli mill-ħala u s-siba. Qawl: Is-siba kien u jkun, imma l-ħlas fl-aħħar irid ikun, jiġ., is-serq u l-qerda jibqgħu jsiru, bħalma dejjem saru, imma fl-aħħar mill-aħħar dawn iridu jitpattew. Sors: E.S.I.  (D.) Qawl: Il-ħidma u l-btala ġġib is-siba u l-ħala, lavoro nel giorno festivo, apporta maledizione e rovina.

sibiSIBBIEN  / SEBBEJ    (Pl. sebbiena jew sebbejja) Pirati, kursara, furbani. SIBI L-operazzjoni tal-piraterija li tant kienet komuni fil-Mediterran fi żmien il-Medjuevu u fi żmien l-Ordni. Waqt li s-sibbiena tal-Afrika ta’ Fuq kienu jattakkaw il-bċejjeċ tal-baħar Insara, il-pirati Nsara kienu jagħmlu l-istess lilhom. F’Malta, is-sibi fi żmien l-Ordni, kien kkunsidrat bħala attività kummerċjali u legali li l-Ordni kien japprova u jsostni għaliex dan kien mod ta’ dħul ta’ flus kemm għall-Ordni kif ukoll għall-poplu. Fis-sibi kien ikun hemm imdaħħla wkoll l-attivisti kummerċjali li kienu jinvestu f’din l-intrapriża. Bosta drabi l-kaptan tal-bastiment kien ikun xi Taljan jew Sqalli li kien jiġi Malta, u dan bl-għajnuna tal-Ordni kien jimpjega ċ-ċorma li l-maġġorparti tagħhom kienu jkunu Maltin. Il-Gran Mastru jew l-Ordni kienu joħorġu l-offerta biex xi imprenditur jidħol għal dan ix-xogħol bi qliegħ. Il-Gran Mastru kien joħroġ il-bandu biex dawk interessati jinkitbu bħala ċorma li tkun lesta biex tqatta’ ġimgħat s]a] jekk mhux f’din l-avventura fuq il-baħar. Kien isir kuntratt bejn l-impredituri u l-Ordni li jintitola l-Gran Mastru għal kull wieħed minn għaxra tal-priża li tinqabad. Il-kaptan u ċ-ċorma kienu wkoll intitolati wieħed minn kull għaxra. Wieħed fil-mija kien imur għand l-agguzzin, (il-kap taċ-ċorma). L-imprendituri kienu jieħdu tnejn minn tlieta tal-priża. Tnejn fil-mija tal-ġid maqbud kien imur għand it-Tribunal tal-Armamenti. Is-sorijiet tal-Ursolini tal-Belt ukoll kienu intitolati għal wieħed minn kull għoxrin tal-priża – b’mod ta’ grazzja mogħtija lilhom  mill-Gran Mastru. Sors prinċipali: ‘Naval Exploits and Privateering’, Salvatore Bono, Hospitaller Malta – 1530 – 1798, ed. Victor Mallia-Milanes, pp. 395- 397.

SIBT IL-GLORJA     Magħruf ukoll bħala Sibt il-Għid. F’dan il-jum isiru ċelebrazzjonijiet liturġiċi bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-għada, Ħadd il-Għid. Is-Sibt jispiċċa s-sawm tar-Randan. Id-drapp iswed tal-knejjes issa kien jiżżarma u kulħadd kien ilesti għall-festa tal-Għid il-Kbir. Is-Sibt filgħodu kienet issir ċerimonja fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, li matulha jsir it-tberik taż-żebbuġ, biex bih in-nies ibaħħru darhom. Għal din iċ-ċerimonja n-nies kienu jattendu bi ħġarhom. Imbagħad, il-qniepen kienu jinħallu u kienu jindaqqu biex jiċċelebraw ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. Il-ferħ li kienu jnisslu dawn il-qniepen fin-nies malajr kien jinfirex ma’ Malta kollha, u kien ikun il-bidu ta’ ħafna storbju fit-toroq. Kienu joħorġu dak tal-fifra u tat-tanbur, li warajhom kienu jiġru t-tfal biex ikomplu mad-daqq u l-briju. Ara: ‘Il-qniepen u l-Ġimgħa Mqaddsa’ ta’ Guido Lanfranco; http://www.goodfridaymalta.com.

sicca-L.jpgSIĊĊA   Mollusk. Is. xj. (ordni) Sepiidia.  Is-siċċa hi magħrufa wkoll bħala TMILLA. L-għadma tas-siċċa kienet tintuża mill-artiġjani li jipproduċu diversi tipi ta’ xogħol ornamentali li jintlibes bħala żina, eż. l-gamew, kullani, ċrieket u bosta affarijiet oħra magħmulin mid-deheb u materjal prezzjuż. Din l-ewwel kienu jnaqqxu d-disinn mixtieq fuq il-wiċċ tal-għadma,  imbagħad f’din il-forma negattiva jintefa’ l-materjal imdewweb, bħad-deheb jew il-fidda biex jieħu l-forma tad-disinn fil-verjazzjoni pożittiva tiegħu. Ing. cuttle-fish.  B’mod fig. din il-kelma tintuża bħala Idj: ‘ Ċass qisu siċċa’ – tingħad għal xi ħadd li ma tantx jagħmel reazzjoni għal dak li jkun qed jiġri madwaru. Bniedem li ma juri l-ebda emozzjoni. 

SIDRA    1. Biċċa mill-kullar taż-żiemel. 2 Armatura li tintlibes mill-pulizija fuq is-sider biex tipproteġihom minn xi daqqa ta’ arma bil-ponta.

SIDILSIERA   Ġużè Muscat Azzopardi (1853-1927) juża ta’ spiss dan l-isem fl-istorja tiegħu Toni Bajjada (1887), meta jirriferi għall-argużin, dak li kien jieħu ħsieb iċ-ċorma fuq ix-xwieni. Terminu użat ukoll għal dak li fil-firxa tal-Imperu Ottoman kien jieħu ħsieb l-ilsiera. Ara: ARGUŻIN. Ara: Toni Bajjada u stejjer oħra, p. 19.

SIEGLA   Ħabel żgħir, pjuttost irqajjaq, jew lenza li tintuża biex tittella’ abbord il-bandiera tal-bastiment. Kurdiċella li tintrabat madwar il-qadd, jew ċintura biex tħażżem iċ-ċoqqa tal-patrijiet. Tip ta’ qafla li tintuża biex torbot jew tiġbed il-mogħża biha. Iċ-ċinga li minnha jinżamm iż-żiemel jew jintrabat biha ma’ xi marbat. SIEGLA TAL-LOFF Is-siegla li jkollha magħha bastun tal-injam immarkat, li jintefa’ fil-baħar waqt li l-bastiment ikun miexi biex tkun magħrufa l-veloċità tas-sewqan. Ing. Log-line. Tal. sagola. Ara: SAGLA TAL-ISKANDALL.

SIEGĦ    (Pl. sigħan)  Miżura waħda minn bosta li biha kien jitkejjel iċ-ċereali bħall-qamħ, kif ukoll il-fażola u l-ġwież. Miżura li biha titkejjel anki r-raba’ li jagħti din il-kwantità ta’ prodott. Minn tmienja l-waħda ta’ TOMNA. F. Vella (1843) jgħid, wieħed minn sitta. Il-kontenitur innifsu kien magħruf hekk, (id-dugħa). Qawl: Is-siegħ imlieh u li jibqa’ aħlih. Fir-ritratt jidhru ir-reċipjenti, ta’ siegħ u nofs siegħ. Ara:

siegh 20200628_093719

 

SIELEM    L-istat ta’ meta bniedem jinsab fis-sliem. Aġġ. li ġej minn sliem/a. Kelma li juża Victor Fenech fir-rakkont tiegħu,  ‘[…] Kont nitbikkem meta [zijuwi] kien jgħidli: sielem, illum xejn Vic […]’ – Meta Faqqgħet il-Gwerra, p. 110. 

SIENJA   Apparat forma ta’ rota kbira tal-injam li jdur fuq fus, li jintuża biex jitella’ l-ilma mill-bir jew ġibja b’numru ta’ bramel imdendlin. Dan l-apparat kien ikun ħafna drabi miġbud u mdawwar minn ħmar jew bagħal.

sienja  h.jpg

Sieq it-Tigiega c.JPGSIEQ IT-TIĠIEĠA     1. Fi żmien l-Ingliżi, kull fejn kien hemm proprjetà tal-Militar jew l-Ammiraljat, l-awtoritajiet kienu jnaqqxu simbolu partikulari fil-ħajt biex jindika li dik kienet proprjetà tal-Monarkija Brittanika. Dan is-simbolu għandu forma ta’ vleġġa jew, kif kienu jsejħulu l-Maltin, Sieq tat-Tiġieġa. Dan is-sinjal narawh akkumpanjat bl-ittri W u D, jiġ., ‘War Department’ jew ittri oħra. B.O. (Board Sieq it tigiega Board of Ordinance.jpgof Ordnance). Is-simbolu tas-sieq tat-tiġieġa, jew il-vleġġa, l-Ingliżi jafuha bħala l-Pheon, Crow’s Foot, jew inkella l-Broad Arrow. Il-Maltin ġieli kienu jseħħu dan is-simbolu bħala Sieq ir-Reġina. Dan is-simbolu hu tant antik illi saħansitra jidher fuq oġġetti li kienu nstabu fuq il-Mary Rose, il-bastiment li kien għereq fl-1545, għaliex kien jitnaqqax tista’ tgħid fuq kull oġġett li kien proprejtà tar-renju, bħal pereż., frieket u skieken, platti, fliexken, kif ukoll uniformijiet tas-suldati u tal-baħrin. 2. Il-ġonta li tgħaqqad il-katusa prinċipali tad-drenaġġ privat mal-friegħi tagħha. Ara: ‘Crow’s Foot proof mark’ ta’ Dennis Darmanin, The Sunday Times, September 24, 2006; ‘Crow’s Foot Mark on British Naval Property’ ta’ Michael Ellul, The Sunday Times, September 31, 2006.Sors: Michael Cassar.

Sieq it-Tigiega IMG_8344.JPG

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERASIEQJA   Kanal imħaffer fil-ħamrija biex jgħaddi l-ilma tat-tisqija minnu. Rif. wkoll għal kanal imħaffer fil-ġebel li jwassal l-ilma mill-ġiebja sa fejn hemm bżonn it-tisqija. Art saqwija (jew tas-saqwi) hi dik l-art fejn l-uċuh tar-raba’ jieħdu l-ilma minn dak li jitwassal fuq il-post permezz tas-sieqja. L-ilma tas-saqwi aktarx li jkun ġej minn xi għajn tal-ilma ġieri.

 

 

sies (5)SIES      (Pl. sisien)   1.  Il-pedament ta’ xi ħajt.  2.  Ix-xagħar tad-drapp fejn jidher il-qtugħ tal-imqass. 3. Il-forma tal-blat ta’ preċipizzju li jkun nieżel dritt dritt għal ġol-baħar. Ħafna mill-kosta Maltija tan-naħa tan-Nofsinhar hi magħmula minn sisien għoljin. Eżempju ta’ dawn is-sisien jidhru fl-inħawi ta’ Ġebel Ciantar, kif ukoll Ta’ Ċenċ, Għawdex. Ara: ‘Sisien u Rdumijiet’ ta’ Elizabeth Conrad, Il-Ħuttafa, pp. 8 u 9.

SIFA / SIFJA    Xagħra tal-qamħ.  Idj:  ‘Qisu sifja’ – tingħad għal xi ħadd li hu rqiq ħafna. Ngħidu, ‘mhux se nħalli sifja bħal dak jirbaħli!’

SIFISENT    Wieħed li jħobb jindaħal fejn ma jesgħux. Xi ħadd żatat u li jħobb ideffes imnieħru f’kollox. Ngħidu, ‘kemm int sifisent ħej!’ Etim. inċerta. J.A. jgħid li din hi varjant tal-kelma ‘fiżikant’ jew ‘viżikant’ – jiġ., wieħed li jdejjaq in-nies u jqabbilha mal-Isqal. fisicusu. Qbl. Tal. ficcanaso.

SIĠĠA   Ara: SAĠĠA.

SIJJAR    Qdif b’lura u bil-mod li l-barklor jagħmel fil-mument li jrid iwaqqaf id-dgħajsa milli timxi aktar ’l quddiem. Dan jagħmlu billi jdawwar it-truf tal-imqadef la ġenbha, b’mod li l-pala tal-moqdif tkun wieqfa flok mimduda, b’mod li kemm jista’ jkun din taħbat u taqbad l-ilma. Il-qaddief jista’ anki meta jkun wieqaf isijja billi jaqdef b’lura b’saħħa biex jersaq lura. Meta jkun wieqaf u jkun irid idur fuq l-istess post, lejn naħa jew oħra, il-barklor jaqdef b’lura b’moqdief wieħed biss. Sqal. Siari jew sciari. Sors: Nuovo Dizionario Siciliano-Italiano, Vincenzo Mortillaro, (1847).

SIKKA    1. Blata jew massa ta’ ramel f’qiegħ il-baħar li titla’ ‘l fuq lejn il-wiċċ.  Sikek bħal dawn jistgħu jkunu ta’ periklu kbir għall-bastimenti u għaldaqstant kienu jkunu mmarkati fil-PORTULAN. Fl-Atti tal-Appostli, San Luqa jirrakkonta li fin-nawfraġju, il-bastiment li fuqu kien hemm San Pawl, kien ħabat ma’ sikka. Ara: Testment il-Ġdid, Atti. Kap. 28.  2. Ħadida tal-moħriet miġbuda minn bagħal jew żiemel, li biha tiġi mfarrka  l-ħamrija.  Fir-ritratt jidher il-mewġ ikkawżat minn riħ qawwi  fuq is-sikka li hemm fil-bajja ta’ San Tumas, Wied il-Għajn.

Sikka IMG_4759

sikranallSIKRANA    Pjanta li tixbah il-qamħ iżda magħduda bħala ħaxixa ħażina. Is. xj. Lolium perenne. Din il-pjanta tissemma anki fil-Vanġelu (M. 13, 24-43) – ‘[…] ġie l-għadu tiegħu żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana […]’. Ing. Perrenial ryegrass.

SIKSPENZ     Munita  Ingliża żgħira fid-daqs li f’Malta kienet tintuża sas-sena 1972, meta imbagħad daħlu muniti ġodda bis-sistema deċimali. Il-munita tas-sikspenz, (magħrufa wkoll bħala s-sitt soldi) kienet tiswa nofs xelin.  Ing. sixpence. Ara: FLUS TA’ ŻMIEN L-INGLIŻI.

sikspens.jpg

Sikulo Norman Wind B 093.jpgSIKULO-NORMANN      Terminu li jindika stil arkitettoniku li nfirex fi Sqallija fi żmien in-Normanni, fis-sekli 11 – 13. L-ispirazzjoni tal-arkitettura Sikulo-Normanna ġejja mill-arkitettura a) Biżantina, b) Għarbija, ċ) Romaneska / Gotika.  Eżempji f’Malta ta’ bini Sikulo-Normann b’dawn it-tliet elementi jinsabu mal-faċċata ta’ Palazzo Falson, fl-Mdina, tieqa fil-bini fil-Kastell Sant’Anġlu, u t-tieqa li hemm f’bini fi Triq it-Tramunta l-Birgu (ritratt). Ma’ dawn nistgħu nżidu tieqa oħra li hemm fil-bini tal-Mużew tal-Folklor fiċ-Ċitadella, Għawdex. Biss dawn l-elementi arkitettoniċi kollha huma tas-seklu 14 – 15. Biex inkunu aktar preċiżi mal-istorja, dan l-istil tat-twieqi jaf aktar l-istil imsejjaħ Chiaramonte, li ffjorixxa fin-Nofsinhar ta’ Sqallija f’dan il-perijodu. Ir-riferenza għal istil Normann għaldaqstant mhix korretta għaliex l-arkitettura Sikulo-Normanna li ħawn f’Malta tmur lura biss sas-seklu erbatax.

SIKUTIN   Isem ieħor għall-kolla jew gloj. Seccotine kien l-isem tat-trejdmark tal-kolla li kienet beda jinbiegħ minn kumpanija Irlandiża fl-1894. Din il-kolla kienet magħrufa sew f’Malta fis-snin sittin. Biż-żmien, din il-kelma bdiet tirriferi għal kull tip ta’ kolla li tintuża biex twaħħal oġġetti żgħar l-aktar tal-plastik, ħġieġ jew materjal ieħor. Is-sikutin kienet popolari ħafna biex twaħħal biċċiet tal-mudelli tal-ajruplani jew tal-vapuri, eċċ. X’aktarx il-kelma nbiet fuq il-kelam Fr. sec li jfisser sec jew secco mit-Tal.

SILA    1. Butir, tari. 2. Is-sekonda tat-twelid, il-plaċenta jew il-membrana li tiksi t-tarbija. Kienu jgħidu, ‘għadu sila’, jew ‘tari sila’, jiġ., għadu żgħir, tat-twelid. Sors: E.S.I u V.B. (1900)

SILF    (Pl. slejjef)   Dan hu r-raġel ta’ oħt il-mara, jew il-mara ta’ ħu r-raġel fiż-żwieġ. Eż., ngħidu, ‘Ġie jarani silfi.’ – jiġ., ġie jarani r-raġel ta’ oħt il-mara. M.A.V. (1828), jagħti dan il-qawl: Is-slejjef jisiltu s-swejjef. – jiġ., il-qraba huma magħrufa għall-kwistjonijiet ta’ bejniethom (‘swejjef’ hi l-plural ta’ ‘sejf’ b’rif. għall-ġlied).

SILFJUN    1. Kelb il-baħar abjad bejn 2.5 u 3.5 metri tal-ġens lamnidae, li E.S.I. jgħid li kapaċi jibla’ raġel sħiħ. (Ing. Great White Shark. 2. Tip ta’ tajra tal-ilma, pjuttost tixbah il- papra, mill-ġens anatidae. Jeżistu diversi speċi. (Ing., fost oħrajn, pintail jew wedgeon).

SILĠ   Kien hemm żmien fejn l-Ordni kien jimporta s-silġ f’Malta minn Sqallija fuq bażi regolari. Dan kien jinġieb darba fil-ġimgħa mill-Etna, b’kuntratt mal-impurtatur. Is-silġ kien ikun ikkunsmat l-aktar bħala deżerta fina, għaliex dan kien jitħallat b’togħmiet differenti, għall-palat. Meta kien jasal Malta, is-silġ kien jinħażen f’post viċin La Porta della Marina (illum imsejħa Victoria Gate) li hemm qrib Ta’ Liesse.

Silg TAs- church 221.jpgSILĠ  TAS-  (Il-knisja u kunvent)  Il-knisja li hemm fuq l-għolja ta’ Marsaxlokk hi ddedikata lill-Madonna tas-Silġ (Tal. Madonna della Neve). Kien hemm diversi kappelli mibnija fuq l-istess post qabel dik li hemm illum, li nbniet fl-1833. Hawn il-patrijiet Tereżjani llum għandhom residenza tal-irtir maġenb din il-knisja. Id-dedikazzjoni ta’ din il-knisja hi relatata mat-titlu mogħti lil-knisja La Madonna delle Neve, f’Ruma. L-istorja tal-Madonna della Neve tmur lura fir-raba’ seklu w.K. Koppja nobbli, miżżewġa u bla tfal, iddeċidiet li tagħti l-ġid tagħha biex tinbena knisja wara li ħolmu li raw l-għolja Eskwilina f’Ruma miksija bis-silġ. Il-Papa Liborju, ukoll kellu l-istess ħolma. Meta żar il-lokalità fejn kellha tinbena din il-knisja sab l-art miksija bis-silġ, u allura dan ittieħed bħala sinjal divin li l-knisja kellha verament tinbena f’dan il-post. Fisser ukoll li l-wesgħa u kobor tal-knisja kellu jkun l-istess daqs fejn is-silġ kien qed jiksi l-art.  Ara: www.kappellimaltin.com.

silg tas- sit arkeol15SILĠ,  TAS-   (Is-sit arkeoloġiku) Tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-knisja Tal-Madonna tas-Silġ, jinsabu fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura eluf tas-snin. F’dan is-sit instabu pedamenti u ġebel ieħor li jindikaw li hawn kienu jeżistu diversi tempji fi żminijiet differenti. L-eqdem ġebel hu dak ta’ tempju preistoriku. Relatat ma’ dan it-tempju nstabet statwa tal-ġebel, simili għal ħafna oħrajn li huma magħrufa bħala, ‘il-mara l-ħoxna’, jew l-alla tal-fertilità. Instabu wkoll fdalijiet ta’ tempju 

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Iċ-Ċippus, wieħed minn tnejn li jingħad li nstabu f’dan is-sit.

tal-perijodu Feniċju, iddedikat lil-alla Axtarte (jew kif kienet magħrufa fil-Punent tal-Mediterran –Tanit).  Minn dan it-tempju inġabru eluf ta’ biċċiet ta’ fuħħar li x’aktarx kienu regalati lit-tempju bħala ex voto (wegħda jew grazzja maqlugħa. Fi żmien Ruman kien hemm tempju ieħor, din id-darba, iddedikat lil alla Ġunone. Fl-istess sit, hemm ukoll struttura li x’aktarx serviet bħala battisteru fil-perijodu bikri Kristjan.  Dan kollu jindika li fl-istess post inbnew mill-inqas erba’ tempji ta’ reliġjonijiet u żminijiet differenti, (bejn it-3,000 Q.K. sa 500 sena W.K). Hu wisq probabbli li dan is-sit serva dejjem bħala santwarju – jiġ., post ta’ peleggrinaġġ, li l-baħħara u s-sajjieda li jiżbarkaw f’Marsaxlokk kienu jżuru malli jaslu l-art. Interessanti wkoll li dawn it-tempji dejjem kienu ddedikati lill-alla mara. Sal-lum fil-viċin naraw li l-knisja hi ddedikata lill-Madonna – omm Alla. L-iskavi f’dan is-sit għadhom għaddejjin.  Ara: ĊIPPUS. Ara:  ‘Juno and Fertility at the Sanctuary at Tas- Silġ, Malta’, ta’ H.C. Vella, Archaeology and Fertility Cult in the Ancient Mediterranean, pp. 315-321. ‘Tas-Silġ excavations sponsored by Din L-Art Ħelwa’, Vigilo (Feb-May 1996): Excavations at Tas-Silġ, Malta: ‘A preliminary report on the 1996-1998 campaigns conducted by the Department of Classics and Archaeology of the University of Malta, Mediterranean Archaeology 13 (2000) [2002]: 57-114. Jointly with A. J. Frendo and assisted by N.C. Vella

SILLAR    Ħaddiem li xogħlu hu li jaħdem is-sruġ (pl. ta’ SARĠ) li jitlibbes fuq dahar iż-żiemel biex joqgħod komdu fuqu r-rikkieb.

SILOKA    Karta li kienet titwaħħal mal-faċċata tal-proprjetà bl-iskop li min jgħaddi minn hemm ikun jaf li s-sid irid jikri l-post. Ngħidu,  ‘dik id-dar bis-siloka.’ – jiġ., ‘għall-bejgħ’. Etim. Tal. si loca, minn locare, M. offra l-post fejn wieħed jgħix.

SILSLA    1. Tarf tal-korda li tkun imdendla mal-kappestru tal-bhima biex sid il-bhima jikkontrollaha. Fil-ktieb, Żmien l-Ispanjoli naqraw hekk: ‘[] marbat tal-ġebel biex miegħu jorbtu s-silsla (miktuba ‘silsa’) tal-bhejjem tad-dahar […]’ (p. 51). Nom li ġej mill-verb ‘selsel’ jew ‘sensel’, jiġ., għaqqad ħaġa ma’ oħra, bħal minn ħolqa għall-oħra. 2. Katina.  SELSIL  Tgħaqqid ta’ oġġett ma’ ieħor.

SIMSMA    M.A.V.  (1796) Ġinġlina. Ara: ĠUNĠLIEN.

simar x - CopySIMAR       1.  Is. xj.  Juncus acutus.  Pjanta perenni li tikber f’ħamrija mgħaddsa fl-ilma ħdejn il-kosta. Ing. Spiny jew sharp rush. Minnha kienu jsiru l-qwieleb (pl. ta’ qaleb) biex iżommu l-ġbejniet fihom.  2. Post in-naħa ta’ San Pawl il-Baħar imsemmi hekk. Hawn illum hemm riserva naturali tal-għasafar. Din l-art kienet mistagħdra biex l-ħamrija tixxotta u tkun tajba għall-biedja. Ing. Spiny / Sharp rush. Ara: River Valleys of Malta ta’ Hisam u J. Borg.

Simblija jpgSIMBLIJA    Jeżistu żewġt inħawi f‘Malta b’dan l-isem.  Wieħed minn dawn jinsab qrib in-Naxxar, in-naħa tal-Iklin, u l-ieħor jinsab lejn il-Punent tar-Rabat, qrib Ħad-Dingli. Dan tal-aħħar xi darba kien nitfa ta’ raħal żgħir bi ftit familji, bħalma kienu jeżistu fiż-żminijiet medjevali. Dan hu magħmul minn kmamar imqattgħin fil-blat li jagħtu għal fuq il-wied ta’ Ħaż-Żrun. Qalb din l-abitazzjoni kien hemm anki xi stalel. Kien hemm ukoll għar kbir li fih instabet makkinarju tat-tħin tal-qamħ, kċina bil-forn u speċi ta’ wesgħa fil-miftuħ b’għerien żgħar madwarha. Anki fil-bidu tas-seklu għoxrin, kien hemm magna tat-tħin. Kien hemm ukoll kappella li tmur lura sas-seklu ħmistax. Id-dfin kien isir fiz-zuntier ta’ quddiem il-kappella. Xi bini ieħor tela’ bejn l-1718 u l-1720. Din l-art kienet proprjetà tat-tabib Giuseppe Callus, u allura magħrufa b’Ta’ Callus. Il-kelma Simblija tista’ tkun korruzzjoni tal-kelma Simlija li tfisser – kwantità żgħira ta’ ilma li f’ħawt. Verżjoni oħra li tispjega dan l-isem, hi li l-art kienet xi darba proprjetà tal-Ordni u allura l-kelma ‘simblija’ tista’ tkun ġejja minn Assemblea, jiġ., art li tappartjeni lill-Ordni ta‘ San Ġwann.  Ara:  ‘The Rural Tenement of is-Simblija’ ta’ Mario Buhagiar, Treasures of Malta, Vol IX, no 3;  ‘Is-Simblija’, Agħraf Ir-Raħal Tiegħek, ta’ John Saré, pp. 85 – 132; Paul C. Saliba et al, A Study of Landscape and Irrigation Systems at is-Simblija, limits of Dingli, Malta & Conservation Project 2002. Sors tal-ispjega etim. E. S. I. 1984.

singlatur 2.jpgSINGATUR   Għodda li tintuża mill-mastrudaxxa biex biha jonqox u jimmarka linja fl-injama li jkun qiegħed jaħdem fuqha. Is-singatur ikollu bħal musmar żgħir ħiereġ minn taħt il-bastun li jista’ jiċċaqlaq ’il quddiem jew lura sakemm tinstab il-miżura eżatta sal-inqas millimetru. Imbagħad il-mastrudaxxa jissikka s-singatur minn speċi ta’ vit-farfett tal-injam, u jigref l-injama bil-musmar f’linja waħda. Is-sinjal migruf fl-injama iservi biex il-mastrudaxxa jkun jista’ jinċana sakemm jasal fuqu. Ing. mortice / marking gauge.

SINGLU     1. Ħajt ta’ binja magħmul minn filata fuq oħra bi ħxuna ta’ ċangun wieħed biss. Fuq barra, tal-bini norm. il-ħajt ma jinbeniex singlu imma DOBBLU2. Logħba tat-tfal li tissejjaħ ukoll Sinjal. Il-logħba hi sempliċi – it-tfal iħożżu sinjal dritt fl-art u ieħor li jmiss miegħu b’mod angolat u rett. Imbagħad wieħed wara l-ieħor it-tfal jibdew jitfgħu ċ-ċagħak jew xi munita biex iqarrbuha lejn il-sing. Min iqarreb il-munita l-aktar jirbaħ il-logħba.

SINIFITETI     Kliem fieragħ jew mossi u skużi banali.  Ngħidu, ‘It-tifel għandu ħafna sinifiteti żejda biex jiekol’.  Etim. dubjuża. E.S.I. jgħid li din tista’ tkun ġejja minn sinjifikati jew mossi li jgħaddu messaġġ.

SINISKALK    Il-Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann li kien inkarigat mill-amministrazzjoni militari.

siprissatSIPRISSAT  / SOPRESSAT   Tip ta’ laħam imħallat bix-xaħam tal-majjal ikkapuljat li jingħata l-forma ta’ milwa taz-zalzett. Dan jitħallat miegħu ħafna melħ, bżar u ġieli tewm, u jitħalla mikxuf u għall-arja biex jinxef u jimmatura, b’hekk jikkonserva ruħu b’mod li jista’ jittiekel anki bosta żmien wara. Biex ikun servut, norm. dan jitqatta’ f’biċċiet tondi rqaq ħafna. Jista’ jittiekel kemm waħdu kif ukoll bħala kondiment ma’ ikel ieħor. Illum, s-siprissat bosta jgħidulu, salami. V.B. (1900) isejjaħħlu, dried / German sausage.

sirena ghar IMG_4876SIRENA,   L-GĦAR  TAS    Għar żgħir ħafna li jinsab l-Isla, fejn illum hemm flatijiet b’arkati li jagħtu għal fuq ix-xatt, iħarsu lejn il-forti Sant’Anġlu. Dan l-għar għandu ninfeum li mas-saqaf tiegħu hemm impinġija sirena. Skont leġġenda li teżisti, f’xi żmien meta l-Isla kienet għadha biss blat u xagħri, kien hemm għar li fih kienet tgħix sirena li kienet telgħet mill-baħar waqt maltempata u nħbiet ġewwa fih. Min kien jidħol f’dan l-għar kien jissaħħar bil-kant ħelu li kien jisma’ ta’ din is-sirena. Darba waħda żagħżugħ sajjied

SIRENA ghar tas571676_n
Ħajr tar-ritratt : Kunsill Lokali l-Isla.

daħal fl-għar u lemaħ din is-sirena u tħabbeb magħha. Hi widdbitu biex jitlaqha, għaliex jekk kemm-il darba jfettillu jbusha din kienet issir tal-ġebel. Darba fost l-oħrajn is-sajjied waqa’ għas-sbuħija tagħha u biesha. Dlonk din is-sirena nbidlet fi statwa. Fl-għar tas-sirena li llum hu magħluq wara rixtellu tal-ħadid hemm biss dekorazzjoni ta’ arzella kbira mnaqqxa fis-saqaf. L-għar hu ddokumentat fl-1882, li kien jagħmel parti minn Villa Davis u allura x’aktarx li kien dak iż-żmien li l-għar kien mibdul f’ninfeum. Ara: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp.158-159. Adendum: Skont John C. Navarro, fl-1590 dan l-għar kien propjetà tal-Ordni, biss fl-1590, kien mogħti lill-Kavallier Vincenzo Caraffa. Minn dokumenti tat-19 ta’ Awwissu tal-1882, il-villa li dan l-għar kien jagħmel parti minnha saret magħrufa bħala Villa Davies. Il-villa kienet anki tintuża bħala sala fejn isiru t-teatrini.

SITT PUNTI,  IS-   Fil-bidu tas-snin sittin, il-Partit Laburista kien wera fehimtu li biex jaċċetta l-kostituzzjoni l-ġdida proposta għal Malta indipendenti, kellhom fost oħrajn jidħlu sitt klawsoli li jikkonċernaw ir-rwol tal-Knisja f’Malta. Dawn is-‘Sitt Punti’, skont il-Partit Laburista, kienu kundizzjonijiet mhux diskutibbli. Min-naħa tagħha, il-Kurja qatt ma setgħet taċċetta dawn il-klawsoli għaliex dawn kienu ser jimponu fuqha restrizzjonijiet mill-istat b’mod li sa dak inhar, qatt ma kienu imposti fuqha. Dawn is-Sitt Punti kienu qajmu ferment kbir fost il-poplu Malti, Is-Sitt Punti kienu dawn:

  • Iċ-ċittadin għandu jkollu d-dritt li jiżżewweġ biż-żwieġ ċivili.
  • Malta tkun stat lajk fejn kulħadd ikun fil-libertà li jipprattika u jitgħallem ir-reliġjon jekk irid u li jixtieq hu.
  • Kull ċittadin għandu d-dritt li jindifen fiċ-ċimiterju statali.
  • L-elezzjonijiet għandhom isiru b’mod ħielsa u ma jkunx hemm każi ta’ corrupt practices b’aġir mhux xieraq min-naħa tal-Knisja.
  • Il-moralità pubblika f’Malta u ċ-ċensura jkunu interpretati skont il-prinċipji aċċettati fl-Ewropa tal-Punent.
  • Jitneħħa l-privilegium fori, jiġ., li l-Knisja u l-kleru ma jkunux ipprivileġġati fil-liġi jew eżentati mit-taxxi.

Il-Partit Laburista kien eventwalment ibbojkottja r-referendum dwar l-Indipendenza, u l-kostituzzjoni ta’ Malta ma inkludiet l-ebda minn dawn il-klawsoli. Kien wara li tela’ l-gvern Laburista fil-poter fl-1971 li dawn il-klawsoli eventwalment iddaħħlu u baqgħu hemm sal-lum.

SITTA  LA  SINISTRA    Idj:  ‘Beda jagħti bil-ponn sitta la sinistra’ – jiġ., beda jfajjar daqqiet bl-addoċċ. L-espressjoni ġejja mit-Taljana, sotto la sinistra, jiġ., ta daqqa bil-ponn fuq il-geddum min taħt minn naħa tax-xellug. Il-kelma sotto l-Maltin għawġuha għal, sitta. Dan it-terminu norm. jintuża fil-lingwaġġ tal-boxing.

SITTAŻBRILJA   Fl-istejjer li Patri Manwel Magri kien ġabar fir-Rabat ta’ Għawdex, is-Sittażbrilja tissemma bħala mara għarfa immens. Din kienet kapaċi kull ċertu żmien terġa’ ssir żagħżugħa u minn mara ta’ tletin sena ssir tfajla sabiħa ta’ sittax. Kien hawn bosta interpretazzjonijiet ta’ dan il-karattru. Kien hemm min jgħid li din kienet oħt Sansun; oħrajn kienu jgħidu li din kienet oħt Ġobb u oħrajn kienu jgħidu li kienet oħt Salamun. F’waħda mill-istejjer jingħad li darba kien hemm sultan li kien għama u li biex ifiq kien fittixha biex jiġbor id-duwa li hi ppreparat mill-ħalib tagħha, u s-sultan fieq. Fi storja oħra li Patri Magri sema’ wkoll fir-Rabat, Sittażbrilja kellha tnax-il ktieb tal-għerf li fihom kien hemm ħafna x’wieħed jitgħallem dwar il-ħxejjex mediċinali. Fi storja oħra din il-mara kellha kotba li minnhom is-slaten setgħu jitgħallmu kif imexxu l-poplu tagħhom. Hi talbithom mitt skud għall-kotba kollha, iżda s-slaten ma ridux iħallsu għalihom. Sittażbrilja bdiet taħraq dawn il-kotba wieħed wara l-ieħor sakemm is-slaten ċedew u spiċċaw xtraw għaxar kotba, (għax tnejn laħqet ħarqithom). Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ Mifsud Chircop, pp. 227, 291-293.

SJETT  / ASSJETT      Dixx jew platt li fih isir anki t-tisjir tal-ikel. Fr. assiette.

SJUNA      Bieqja li tkun mimlija ilma u tintuża waqt l-ikel biex wieħed ibill is-swaba’ fiha biex inaddafhom mit-tidlik tal-ikel li jkun qabad b’idejh. Għ. sinijja – M. tip ta’ platt taċ-ċeramika li fih jitqiegħed il-ħelu biex wieħed inaqqar minnu

skabbjaSKABBJA   Marda fil-ġilda kkawżata minn parassit (magħruf bl-Ing. bħala scab mite) li tittieħed b’kuntatt fiżiku bejn bniedem u ieħor. Ġieli tittieħed anki minn ħwejjeġ ta’ bniedem infettat. Dan il-parassit jidħol fil-ġilda u jbejjet hemm. Meta l-parassiti jibdew jiċċaqlaqu taħt il-ġilda dawn jikkawżaw ħafna ħakk ta’ livell insopportabbli.   Sintomu ieħor ta’ din il-marda hu ħmura, l-aktar bejn is-swaba’. Fost l-ambjenti l-aktar komuni li din il-marda tista’ tittieħed hu meta jkun hemm kwantità ta’ nies jgħixu fl-istess post żgħir u b’nuqqas ta’ iġene. Ing. scabies.

SKAL   1. Lok max-xatt il-baħar irranġat apposta f’niżla biex il-baħħara jew is-sajjieda jvaraw jew jiġbdu l-art il-bċejjeċ tal-baħar. 2. Travi li jintużaw biex magħhom iserrħu bastimenti jew opri kbar tal-baħar, waqt li dawn ikunu qegħdin jinbnew jew jissewwew fuq l-art. Sors: E.S.I. 

skal  cc31 (2).jpg

SKALAPIŻA   Tip ta’ sellum tal-injam jew tal-ħadid li jkun mibni flok taraġ jew garigor tal-ġebel. Dan jintuża, ġen. biex wieħed jitla’ jew jinżel minn ġo bokkaport fl-art jew fuq xi raff.  Sqal. scala +appisa – Sellum li jserraħ ma’ x’imkien.

SKALDA TAR-RIĦ    Buffura qawwija tar-riħ. Kienu jgħidu, ‘ir-riħ jonfoħ skaldi skaldi’, jiġ., ir-riħ  jonfoħ b’ċerta qawwa minn ħin għal ieħor. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, p. 86, l-awtur Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] bdew iqumu skaldi qawwija li donnhom riedu jerfgħu l-feluka u jkarkruha magħhom […]’.

skalm100_5883.JPGSKALM    Biċċa injama ta’ bejn 12 u 16-il ċm tul, rqiqa b’forma tonda maħduma qisha sigarru li tiddeffes ġol-battusa (injama mimduda b’toqba ġo fiha, mwaħħla mall-bardnell tad-dgħajsa). Mal-iskalm jintrabat il-moqdief bi stropp (ħabel marbut ċirku biex iżomm il-moqdief f’postu waqt il-qdif). Ara: OPRI  TAL-BAĦAR.

SKALZ    Bniedem  ħafi.  Jeżistu ordnijiet ta‘ patrijiet li r-regoli tagħhom jeżiġu li jridu jkunu ħafjin. Eż. ta’ dan insibu l-patrijiet Karmelitani Skalzi u t-Tereżjani Skalzi.  Tal. scalzo – M. ħafi.

SKAMBELLA / SGAMBELLA     Armarju bl-ixkafef. Tal.  sgabello – banketta jew bank.

SKAMIĊJAT   Bniedem li ma jilbisx kif inhu xieraq meta jkun quddiem in-nies, u li jippreferi meta jkun qiegħed fuq xogħlu joqgħod żaqqu barra, jew inkella bil-kmiem tal-qmis imxammra sew. Appel. għal nies ħamalli u ta’ qattagħni. Din il-kelma tintuża minn Juan Mamo fil-kitba tiegħu ‘Luretu Bin Benjamin fil-Meetings tan-Nazzjonalisti’. Skont ir-rakkont, wieħed mill-volantini li kienu qegħdin jitqassmu fid-djar kien jgħid hekk: ‘[…Qis li miegħek iġġib kemm tiflaħ skamiċjati […]’. Tal. scamiciato – M. ta’ mingħajr qmis. Ara: SANGILOTT. Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija – Ġabra ta’ Novelli, p. 19.

SKAMPLU     1. Rif. għal xi ħadd li ma huwiex kumpanija tajba; wieħed ta’ waħdu u ta’ min jiskaratah. 2. Oriġ., din il-kelma kienet tirriferi għall biċċa drapp li jkun baqa’ minn pezza u li minnha ma tista’ tużaha għal xejn. 3. Ħabel li jintuża biex itella’ l-barmil mill-bir. Tal. scampolo.

SKANALATURA    Tip ta’ kanal irqiq ornamentali mnaqqax fil-ġebla jew fl-injam minn fuq sa isfel bħalma naraw fuq il-kolonni ta’ stil klassiku Grieg.   Ara: KAPITELLI

SKANDLOR     Speċi ta’ ġiebja maqtugħa fil-blat tal-kosta li fiha jinġabar l-ilma baħar biex minnha jitqassam fis-salini tal-madwar. Tista’ tiftiehem ukoll bħala kwalunkwe ħawt fis-sistema tas-salini li jirċievi l-ilma fih.

Skannell7.JPGSKANNELL   1. L-ixkaffa għolja, speċi ta’ dahar dekorattiv ta’ fuq l-altar li fuqu jitqiegħdu oġġetti ornamentali, eż., affarijiet tal-fidda, fjuri jew gandlieri. L-iskannelli ma baqgħux isiru wara l-Konċilju Vatikan II, meta l-altari bdew jinbnew bħala mejda biex il-qassis jiċċelbra l-quddiesa b’wiċċu lejn in-nies. 2. Kanal imħaffer fil-blat tal-barrieri.  3. Injama rqiqa li titwaħħal fuq ġenbha u maqlugħa ’l barra fuq il-kaxxa tal-vjolin biex iżżomm il-kordi mbegħdin bla ma jħokku mal-istrument. Tal. Scannello – tip ta’ skrivanija. Ara:  SKANELLUN.   

SKAPULAR      Ara: LABTU.

SKAPLU   Bniedem liberu u mhux marbut b’xi ħaġa jew oħra. Bniedem mhux miżżewweġ. Tal.  scapolare:  M. v. ħarab mill-irbit.

SKARANZIJA      (D). ‘[…] Morbo. Schienanzia, scheranzzia, spremanzia, L. angina, synanche […]’.

SKARNAR      Qtil ta’ annimal jew ta’ bniedem billi jitħanxarlu għonqu b’sikkina.

SKARPIN      Żarbun żgħir tan-nisa li jkollu l-parti tal-wiċċ tiegħu mikxufa sew. Żraben ta’ dan it-tip jintużaw l-aktar għaż-żfin.

SKARTATA     Fl-ambjent tat-teatru, din il-kelma tirriferi għal xi kumment jew ċajta li tintqal spirtu pront waqt xi kummiedja eċċ. Djalogu li ma jkunx miktub fl-iskript tad-dramm. Ing. An aside.

SKARTAFAĊĊ      Pitazz li jintuża biex jinkitbu fuqu xi notamenti. Sors: Kalepin (1941).

SKIN     Ħabib ta’ ġewwa li wieħed ikollu kunfidenza miegħu sew. Mod kif tgħajjar bniedem ġwejjed u li joqgħod għal kollox. Ngħidu, ‘X’għandna skin?’ Sors: E.S.I. u J.A. Kelma li niltaqgħu magħha fil-kummiedja, ‘Il-Kungress tas-Sefturi’ (1859) ta’ P.P. Castagna, meta Ċensa tgħid, ‘[…] lilek min kellmek, skin? X’qabbżek? Min daħħlek fid-diskors ? […]’. 

SKIZZ       Ara: ABBOZZ.

SKONĠURA      Eżorċiżmu.  Qawl: Biex tiskonġra trid tkun pur – jiġ., qabel ma wieħed jikkritika u jiġġudika lil ħaddieħor irid hu stess ikun ta’ karattru u moral tajjeb. B’hekk għandu jevita li jiġi kkritikat.  Tal. scongiurare.

SKONTRIN      Dik il-parti tal-biljett li jżomm il-bejjiegħ jew ix-xerrej. Eż., meta wieħed jixtri biljett biex  jattendi xi progamm teatrali dan iżomm fuqu l-iskontrin. Tal. scontrino.

Skorba Temple.jpgSKORBA / SQOLBA    Sit arkeoloġiku importanti li jinsab bejn l-Imġarr u ż-Żebbiegħ. Hawn, fis-snin sittin, l-arkeologu Dr. David Trump u l-mara tiegħu skavaw is-saffi kollha ta’ din is-sit u b’hekk skoprew is-sekwenza tal-perijodi kollha tal-preistorja ta’ Malta. Il-fuħħar li nstab kien ikopri l-perijodi kollha ta’ bejn il-5,000 Q.K. sa 750 Q.K. L-isem Skorba x’aktarx ġej mill-Għ. u jfisser skjavi,  iżda t-tifsira hi dubjuża. (Ara: J. A. ) Ara: Trump David H., Malta – Prehistory and Temples.

SKORBUT       Marda li kienet bdiet taħkem sewwa lil ħafna Maltin, fit-Tieni Gwerra meta kien hawn nuqqas kbir ta’ ikel, u allura nuqqas ta’ nutrijenti, l-aktar dak li jinkludi l-vitamina Ċ. Dan in-nuqqas iwassal għal livell baxx ta’ reżistenza tal-ġisem kontra din il-marda. Is-sintomi tal-iskorbut, fost oħrajn, hu dak ta’ anemija, emmoraġija l-aktar mill-ħanek, (gingivitis), u ġilda u għadam li jimirdu.  Ing. scurvey.

SKORRA     1. v. Mar lil hinn mil-limitu li hu permess għalih skont in-norma soċjali.  2. v. Ħaraq il-ħadid fin-nar.  3. v. Fig. Qerr qabel ma mar jitqarben. 4. n. anki SKWERRA Għodda tal-bennejja u oħrajn biex biha jħożżu linji fuq il-ġebel jew l-injam. Ing. set square. Ara: KARTABUN.

SKOTT      Tip ta’ drapp magħmul mill-qoton. Sorta di drappo spinato di stame. Sors: G.B.F. (1845).

boma_01 yacht (2)SKOTTA/I    1. Ħabel irqajjaq imma b’saħħtu li ġieli jgħaddi minn ġo buzzell (Ing. block) u jintrabat mat-tarf t’isfel tal-qala’, biex bil-ġbid jew l-illaxkar il-baħħar jirregola l-qala’ skont id-direzzjoni u l-qawwa tar-riħ. L-iskotti jieħdu l-isem tagħhom skont il-qala’, eż., hemm l-iskotta tal-majjistra; l-iskotta tal-flokk; l-iskotta tar-randa, eċċ. (Ing: sheet). (Ara: J. Caruana 2019). 2. Tessut tal-qoton jew drapp Skoċċiż ta’ kwalità fina. Sarġ ħafif. (sors: V. B. 1900). Idj..: daqqaqqIDOQQ L-ISKOTTI  jiġ., għamel xi ħaġa tajba immens, bħal pereż, meta ngħidu, ‘kiel ikla ddoqq l-iskotti. Rif. għal xi ħaġa b’mod li tfaħħarha bl-aqwa mod. Kultant nużaw din l-espr. b’mod ironiku u negattiv, bħal meta wieħed jgħid, ‘għandi uġigħ ta’ ras idoqq l-iskotti’. J.A. u E.S.I. jqabblu din l-idjoma b’analoġija mal-kastanjoli li kienu jdoqqu l-Iskoċċiżi. Jien iktar nemmen li din l-idjoma ispirata mill-proċess li kien isir biex jitpaħpaħ il-qoton billi d-DAQQAQ kien idoqq (jiġ., jagħti d-daqqiet) biċ-ĊIEK fuq il-lasta tal-QAWS meta kien ikun qed jaħdem fuq qoton ta’ kwalità. Tal. Scoto, scotto, Lat. Scotum, Skoċċiż.

SKRITT    Kelma antika għal pitazz.  Kelma oħra għal manuskritt. Kitba bil-pinna. Sors: V.B. (1900).

SKRITTOJ / SKRITTORJU   Mejda magħmula għall-kitba, għall-qari u xogħol ieħor tal-uffiċċju. Speċi ta’ skrivanija.

skudo de rohan13664_2SKUD / SKUT     Fi żmien l-Ordni, kif ukoll fil-perijodu Ingliż l-iskud kienet munita li kienet tiswa 12-il tari. Fis-seklu sbatax, tliet skudi kienu meqjusa li jiswew daqs salarju ta’ xahar għall-uffiċjali li kienu jagħmlu l-għassa fit-torrijiet tal-kosta. L-iskud baqa’ jintuża anki wara li  l-Kavallieri telqu minn Malta. Dan sakemm fl-1823, l-Ingliżi introduċew l-muniti tagħhom bħala valuta legali. Xorta waħda, sa nofs is-seklu għoxrin, in-nies baqgħu jirriferu għall-iskud li kienu jipparagunawh ma’ xelin u tmien soldi Ingliżi. Ara:  FLUS  ANTIKI.

SKUDETT   Dik il-parti tas-serratura fejn fiha tidħol iċ-ċavetta. Sors: E.S.I. V.B. (1900) jispjega din il-kelma bħala the plate of the keyhole.

skufja tal kbar.jpgSKUFJA   Kappa li tintlibes billejl. Din il-kappa kienu jlibbsuha lit-trabi biex tipproteġihom mill-kesħa. Kappa tas-suf jew tal-għażel maħduma b’mod li tagħfas mar-ras minn fuq u b’żigarella tinżel mal-għonq u tinqafel ma’ taħt il-geddum. Din tintlibes ukoll min-nisa u għaldaqstant tkun iddekorata mit-tarf bil-bizzilla. Tintlibes ukoll mis-skufjasorijiet. Ngħidu, ‘għadu jilbes l-iskufja’ – jiġ., għadu qisu tarbija fl-imġiba tiegħu. Qawl: Kieku kelli nbigħ l-iskufji kieku t-trabi jitwieldu bla ras. – rif. għal xi ħadd li jeqred li fin-negozju jsofri dejjem. Idj: ‘Ħareġ ta’ skufja’ – jiġ., ħareġ ta’ injorant. Sqal. scufia. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 135.

SKURJATA  Xebgħa bil-ġilda. Frosta tal-ġild. (D.) ‘[…] scoreggiata, bacchetta, sferza, insawwat bl-iskurjata, staffilare, flagellare, scudisciare […]’.

skutella x.jpgSKUTELLA    1. Bieqja żgħira kemm tax-xaqquf kif ukoll tal-metall li tintuża biex fiha jinżamm kull tip ta’ likwidu bħal sopop eċċ. L-aktar li kienet tintuża l-iskutella kien minn min ikun marid, biex meta jixrob ma jwaqqax fuqu; tintuża wkoll biex isir fiha xi taħwir ta’ ingredjenti f’ammonti żgħar. Hawn minn jixrob il-kafè fl-iskutella biex ikun jista’ jfettet il-ħobż jew il-biskuttelli. 2. Il-qurriegħa tar-ras. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM. Sqal. scutedda  /scodella.

SKWAM    Qoxra rqieqa li tikber fuq dahar il-ħut jew fuq is-sriep. Din titfarrak meta tobroxha b’mod ħafif bis-sikkina. Mit-Tal. squama. Ing. scales. Sorsi: V.B. (1900) u E.S.I. Biss J.A. jagħtiha bħala psoriasis.

SKWERRA    Ara: KARTABUN.

SLAJVU     (D.)  Isem ieħor ta’ Salvu jew Salvatore.

SLAMBUBI    Isem ieħor għal Istanbul. (M.A.V.) Ara: STAMBULI.

SLAN   Sinjal magħmul mill-bidwi biex jindika fejn tibda u tispiċċa l-għalqa jew l-art maħduma minnu. Etim. Jista’ jkun li din hi kelma ġejja minn oħra simili, snal, final. ġejja minn sinjal. (Tal. segnale).

SLISTU    Xi ħadd ħafif, li jeħles minn dak li għandu jagħmel fl-inqas ħin. M.A.V. (1796) jgħid li din ġejja minn lestu, pronto.

SLOPP   Barmil. Din il-kelma tintuża l-aktar fil-bliet tan-naħa tal-port u f’Għawdex. Ġejja mill-Ingiż, a slop pail li tfisser tiċlisa ilma li tinxteħet biex tinħasel il-gverta tal-bastiment. Qbl. Ing.  sloppish – xi ħadd mitluq fl-apparenza tiegħu.

SMAĊTU / ŻMAĊTU   Bniedem stramb li jġib ruħu b’mod kif mhux suppost. J.A. jgħid li din tista’ tkun ġejja minn ‘xiżmatiku’. Kelma oħra simili hi SMAJĊ / ŻMAJĊ / SMAJTX – raġel tal-kampanja. Bniedem li jiġbor iż-żibel. Bħala il-Militar Ingliż kien juża l-kelma, Smitch, li kienet tirriferi għal xi ħadd li xogħlu kien li jiġbor iż-żibel fil-kwartieri tas-suldati. Idj. ‘Kemm int żmaċtu’ – tingħad meta wieħed jakkuża lil ieħor li mhux qed jirraġuna, jew mhux f’sensih. Ing. smitch. Din il-kelma hi waħda mill-uniċi żewġ loan words li l-Maltin kienu ġabru mill-ilsien Ingliż, li jidhru fid-dizzjunarju ta’ G.B.F. (1845).

SMARĠASS / ŻMARĠASSAT   Bniedem minfuħ bih innifsu. Bniedem fanfru. Wieħed li jħobb jagħmilha tal-bravu. Appel. li jintuża minn Ganado fl-ewwel ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel, Vol. 1, p. 78: ‘[] Spiru kien ġuvni ta’ 30 sena, twil u smarġass […]’, u f’paġna 135: ‘[…] il-vuċi xterdet, bi nkejja ta’ dawk l-ismarġassati kollha li kienu jiftaħru […]’ Etim. Tal. smargiasso. Oriġ. Gr. margos – M. miġnun.

SMONTOR    Materjal li jintuża flok id-deheb mill-induratur meta jqiegħed folji ta’ dan il-materjal b]ala dekorazzjoni fuq xogħol tal-injam, eż., statwi inkwatri eċċ. Fl-istat oriġinali tiegħu dan hu bħal trab qisu ħġieġ kulur id-deheb. Il-materjal hu velenuż. Sors: E.S.I. u V.B. (1900). M.A.V. (1796)  bit-Tal. jgħidlu, arsenico. F. Vella (1834) jagħti t-tifsira bit-Tal. bħala arsenico. E.S.I. jissuġerixxi li l-kelma hi meħuda mit-Tal. smonta(re).

SMORFJA    1. Wiċċ imqarras  (Tal. smorfia).  2.  Metodu kif wieħed jinterpreta l-ħolm biex bih ibassar in-numri rebbieħa tal-lottu. Fl-1924, E. Lombardi kien ħareġ ktieb jismu L-Ismorfja Maltija, li fih kien hemm it-tifsir tal-ħolm biex wieħed ikun jista’ jaqta’ n-numri tal-lottu. Oriġ., smorfja ġejja mill-isem tal-alla Morpheus, li fil-mitoloġija Griega kien l-alla tal-ħolm, iben Hypnos u Nyx. Morpheus kien irraffigurat bħala dimonju bil-ġwienaħ.

SNEJDAQ       (D.) Senduq żgħir.

SNUG     Plural ta’ sing. Ġużè Galea fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli, (1937) jikteb hekk: ‘[…] kien hemm wieħed saħħar qiegħed jaqra’ x-xorti, u fuq saff ramel kien qiegħed iħażżeż b’qasba rqiqa, oqmra, stilel dawriet u snug […]’. p. 122.

SOBTU     Ara: ZOBTU.

SODALITÀ        Ara: KONFRATERNITÀ.

SODDIEDA   Oġġett li jsodd il-fliexken. Tapp tas-sufra tal-flixkun tal-inbid jew ta’ fliexken oħra li jagħlqu u jissiġillaw tajjeb l-oġġett mill-għonq tiegħu. Qawl: Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 144.

SOGOLLU     Drapp bħal għażel li jkun imdawwar ma’ għonq is-sorijiet. Tal. soggollo. Ing. wimple.

SOGĦDA     Pjanta bil-weraq tawwalin, irqaq u b’saħħithom li jinbarmu bħal ħabel irqiq. B’dan il-materjal kienu jsiru s-siġġijiet magħrufin tas-sogħda li kienu popolari ħafna dari kemm fid-djar kif ukoll fil-knejjes. Is. xj. Carex vulpina. Ing. Greater Fox Sedge. Ara: Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja ta’ Malta, ta’ Guido Lanfranco pp. 72,74.

soghdax                                       KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

SOKKJUŻ   Aġġettiv li jirriferi għal stat ta’ oġġett mhux magħluq sew, eż. bieb sokkjuż, bieb li jkun imbexxaq kemm kemm, b’mod li jkun jonqsu ftit ċentimetri biex jingħalaq. Bieb imbexxaq fuq il-ganġetta. Persjana sokkjuża – meta ż-żewġ purtelli tat-tieqa jitressqu lejn xulxin u mingħajr ma jingħalqu għal kollox iżommu flimkien bil-ganġetta.

sokkjuza 48

SOKRA     Id-duda tas-sokra fis-serratura li tiġġerra ’l quddiem u lura biex jissakkar il-bieb.

Soldgeorge iv.jpgSOLD    Munita ta’ żmien l-Ingliżi. Ing. penny. Is-sold kien ekwivalenti għal tnax-il ħabba. Tnax-il sold kienu jiswew xelin (Ing. shilling). Mitejn u erbgħin sold kienu jiswew lira Ingliża. Minkejja li l-munita hi Ingliża, dan it-terminu ġej mit-Taljan. Fl-Italja, bejn il-perijodu Napoleoniku u l-ħolqien tal-stat nazzjonali (fl-1871), is-soldo kien valuta legali f’forma ta’ munita tar-ram. Billi l-penny Ingliż kien ukoll munita tar-ram, dan ix-xebh seta’ influwenza lin-negozjanti Maltin li kienu jagħmlu l-kummerċ mal-Italja u Sqallija, biex isejħu il-munita l-ġdida Ingliża, sold. Idj. i) qisu seba’ soldi fuq xulxin – tingħad għal xi ħadd qasir; ii) għal sold iqaxxar qamla – tingħad għal xi ħadd xħiħ; iii) ma jiswiex sold – tingħad għal xi oġġett li ma jiswa xejn u jista’ jintrema. Etim. Tal. soldo; final. mil-Lat. soldus jew solidus, il-munita tal-fidda li biha kienu jitħallsu s-suldati fi żmien l-Imperu Ruman. Fi żmien il-Medjuevu s-soldus kienet munita tad-deheb. Ħajr: Kevin Cassar, Kuratur, il-Mużew tal-Istorja tal-Flus, il-Bank Ċentrali ta’ Malta.  

SOLL     Term. tal-kostr.  1.  Ġebla li titqiegħed taħt parti mill-bini bħal pereż., taħt gallarija biex iżżomma milli ċċedi.  Imsejħa wkoll blata. 2. Ġebla ta’ kwalità ħażina.

sombor - CopySOMBOR / SONBOR   Isem ieħor għall-pjanta tal-lavanda li tagħmel fjuri vjola tant imfittxija għall-fwieħa partikulari u delikata tagħha. Idj. ‘Dak hu sombor għalija’. – rif. mogħtija għal xi ħaġa li tkun apprezzata ħafna għall-kwalità fina tagħha. L-istess pjanta hi magħrufa wkoll bħala spika / spiga, jew spiga tal-kamla, minħabba li din il-fjura kienet tintuża għal kontra l-kamla. G.B.F. (1845) u V. Busuttil (1900) jagħti tifsira kemxejn differenti: Excellent, very good.

SONŻA    Xaħam jew grass fil-ġisem li jidher l-aktar madwar iż-żaqq.

SOPA    Tingħad għal xi ħadd kwiet u miġbud fih innifsu. (E.S.I.). (D.) kwiet, silenzju. Tingħad fl-espressjoni: ‘Oqgħod sopa!’, jiġ., ‘titkellimx!’

SOPRESSAT   Ara: SIPRISSAT.

SORĠITUR     Post fejn id-dgħajsa jew bastimenti jsorġu, jankraw jew jirmiġġaw.  Ngħidu, ‘vapur sorġut fil-port. Fig. ‘Sorġa bilqiegħda ħej!’ jiġ., qagħad bilqiegħda fejn ried mingħajr ma ħa permess.

OLYMPUS DIGITAL CAMERASORPRIŻA    Kelma li bdiet tintuża dan l-aħħar snin u tirriferi għal xi biċċa xogħol ġdida li tinħadem apposta għall-jiem tal-festa, l-aktar għal xi tiżjin partikulari li hu relatat mal-marċ tal-briju. Dan l-oġġett jista’ jkun xi umbrellun kbir, xi mrewħa jew bandalora, li kollha jkun fihom ċertu xogħol ta’ preġju. Tip ta’ dekorazzjoni tal-festa, bħal opra ġdida li tkun saret dik is-sena.

SORRA    1. Laħam taż-żaqq tat-tonn. Żaqq tal-annimal jew tal-bniedem fejn hemm l-imsaren. F’ ‘Nies Bla Sabar’, Temi Zammit jgħid hekk: ‘[] Tridx naqtagħlek ratal sorra?’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, ed. Toni Cortis, p. 86. Ngħidu, ‘niżlitlu sorrtu’ – jiġ., ħxien u żaqqu kibret u ddendlet ’l isfel.  Qawl: Min jerfa’ sorrtu mhux pastaż.   2. Kull tip ta’ ġabra ta’ oġġetti li tinġarr f’liżar jew maktur minn post għal ieħor. Eż. ieħor kif tintuża din il-kelma: ‘sorra ħwejjeġ’ jew ‘sorra ħelu’. Qawl: Erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn. Ara: MISRUR.

SOTTO ’N SU    Ara: TROMP L’OEIL.

spanjola influenza(I)SPANJOLA, L-  INFLUENZA   L-isem Malti għall-epidemija magħrufa bħala, Spanish Flu, li nfirxet mad-dinja kollha bejn l-1918 u l-1919. Din il-marda laqtet mal-500 miljun ruħ, u x’aktarx qatlet bejn 10 u 20 fil-mija minn dawk li mardu biha. Din l-istatistika turi li din l-epidemija kienet l-aktar waħda qerrieda fl-istorja kollha tal-umanità, ħafna aktar mill-epidemiji kollha, inklużi l-pesta u l-AIDS. Ħadd ma jaf fiċ-ċert x’kienet il-kawża vera jew minn fejn bdiet eżattament din il-marda. Biss xi wħud jinsistu li din kienet marda simili għal dik li ħakmet id-dinja fis-sena 2009, magħrufa bħala N1H1. L-isem tal-Influwenza Spanjola ma għandu x’jaqsam xejn ma’ Spanja, ħlief li xi membri tal-Monarkija Spanjola kienu ntlaqtu minn din il-marda, u b’hekk din l-epidemija ħadet dan l-isem. Il-marda nfirxet f’żewġ mewġiet. L-ewwel darba bdiet f’Jannar tal-1918 u x’aktarx oriġinat f’Kansas, l-Amerika. It-tieni waħda kienet irreġistrata f’Awwissu tal-istess sena, l-ewwel darba fi Brest fi Franza. Waqt li l-ewwel epidemija laqtet lil dawk in-nies l-aktar vulnerabbli, jiġ., it-tfal, ix-xjuħ, il-morda u n-nisa tqal, it-tieni mewġa laqtet l-aktar lil dawk li kienu l-aktar b’saħħithom. Jidher li l-firxa ta’ din il-marda fl-Ewropa kienet dovuta għall-wasla ta’ miljuni ta’ suldati, l-aktar mill-kontinent Amerikan, lejn l-Ewropa. F’Malta din il-marda feġġhet fis-sajf tal-1918. Iċ-Chief Secretary tal-Gvernatur, Lt. Governor Robertson, kien ħareġ istruzzjonijiet biex kemm is-swali taċ-ċinema kif ukoll l-iskejjel iżommu ndafa stretta, kif ukoll li jħallu it-twieqi miftuħin għall-arja. Twissija oħra kienet li n-nies ma għandhomx jobsqu fl-art. Waħda mill-prevenzjonijiet li l-Maltin kienu jieħdu, għalkemm żgur mingħajr effett ta’ xejn, kienet li jidilku xufftejhom bit-tajjar imxappap fil-formalina (tip ta’ diżinfettant). F’Malta, f’temp ta’ tliet xhur, l-Ispanjola kienet marrdet mal-għoxrin elf ruħ, tmienja fil-mija tal-popolazzjoni. Minnhom kienu mietu 830. Meta din l-epidemija għaddiet għal kollox minn fostna, kien tkanta t-Te Deum fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Ara: Traġedji Maltin ta’ Edward Attard, pp. 105-108; Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, pp. 201, 204; Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, Guido Lanfranco, p. 238.  Ara wkoll: ‘How Malta kept at Bay the Spaish Flu 100 Years Ago’, , ta‘ Sarah Carabott, The Times of Malta, 24th January.  

SPAKXIN   Ħofra fit-triq jew speċi ta’ kmajra żgħira, magħmula apposta minn fejn wieħed jista’ jispezzjona d-drenaġġ jew sistemi oħra tax-xogħol. Imsejħa hekk għaliex minn din it-toqba wieħed jista’ jinżel biex jagħmel ‘inspection’ tax-xogħlijiet li jkunu saru, jew affarijiet tekniċi fis-sistema li tkun għaddejja taħt l-art.

SPANJULETTA    Tip ta’ firroll li norm. jintuża f’bieba żgħira.  Dan jintuża biex jagħlaq b’mod aktar ferm it-tieqa billi din tinqafel minn ġewwa.

SPELLIZZA    Sopravest bajdani li jintuża miċ-ċelebrant waqt il-funzjonijiet reliġjużi. Sqal. suppillizza.

SPERĠES     Ara: ASPERGES

SPERONARA   Ara: XPRUNARA 

SPIEDA     Spiċċa. Kelma li kienet tingħad meta xi ħadd jirrakkonta xi storja lit-tfal u jikkonkludiha bil-kliem, TOMBI TOMBI U SPEDIET, jiġ., il-ħrafa tieqaf hawn. Sors: Hans Stumme (1903). Sqal. spieddiri. Tal. Cessare, finire. Ngħidu wkoll, ‘l-imbid spieda’ jew ‘it-toroq kollha jispiedu fil-pjazza’ jiġ., it-toroq kollha jwasslu sal-pjazza.  Sors: E.S.I.

SPIERA     Toqba  mħaffra fl-art li tkun wiesgħa kemm jgħaddi bniedem minnha.  Xaft ta’ bir. Tal. spira ġejja mill-verb Tal. respirare, li tista’ tkun rif. għal fatt li minn din it-toqba tiċċirkola l-arja.

SPIGA / SPIKA      Ara: SOMBOR / SONBOR.

SPIGOLATRIĊI     Nisa lajċi li jappartjenu għall-grupp li twaqqaf fl-1947, minn ċerta Pia Tavernelli. Din l-għaqda hi magħrufa wkoll bħala Spigolatrici della Chiesa jew ‘Gleaners of the Church’. L-iskop ta’ l-Ispigolatriċi hu li bħala lajċi jgħixu ħajja spiritwali u fl-istess ħin jgħinu lil min hu fil-bżonn, mingħajr ma jintrabtu mal-ebda komunità reliġjuża ta’ sorijiet. Isimhom kien ispirat mill-Ktieb ta’ Rut, fil-Bibbja. L-Ispigolatriċi kienu stabbillew rwieħhom f’Malta fl-1964. Tal. Spigolatrici. – M. B’mod fig. dan l-isem hu riferenza lejn dawk li jiġbru s-sbul li jaqa’ u li jitħalla fl-art waqt il-ħsad. (jiġ., ġabbara ta’ dak li ħaddieħor jinjora, bħal pereż., nies emarġinati).

Spinola palace and boats.jpgSPINOLA    L-isem ġej mill-Palazz li darba kien iservi ta’ residenza tas-sajf għall-Balliju Paolo Giovanni Raffael Spinola. Dan il-Palazz inbena fl-1668, u sa ħamsin sena ilu kien maqtugħ għalih u jiddomina l-bajja kollha.  Illum din il-binja ġiet maħnuqa mill-bini ġdid li tela’ madwaru. L-isem tal-inħawi li jinsabu madwar il-bajja ta’ San Ġiljan ħadu dan l-isem mill-palazz. Kien hemm ukoll żmien illi biex kont taqbad il-karozza tal-linja lejn San Ġiljan kont isaqsi ‘liema hi għal Spinowla sieħbi?’ Ara: LAPSI.

spiritiira.JPGSPIRITIERA    L-ispiritiera kienet tintuża biex fuqha jissaħħan l-ilma jew biex jissajjar ikel ta’ kwantità żgħira. Din kienet taħdem bil-pitrolju fil-bott, biss il-ġewża kienet titqabbad bl-ispirtu, (methylated spirit). Ħafna kienu jsibuha bħala primus, kelma li proprjament kienet tirriferi għall-isem tad-ditta li kienet tipproduċi dawn it-tip ta’ spiritieri. Meta tinxtegħel l-ispiritiera tagħti fjamma ta’ kulur vjola. Biż-żmien il-kelma spiritiera bdiet anki tirriferi għal kull tip ta’ kuċiniera li kienet taħdem bil-pitrolju. Ara: KUĊINIERA.  

SPITCHER   Kelma bl-Ingliż li ċ-Chambers Dictionary jispjegaha hekk: ‘done for’. L-istess dizzjunarju jirrimarka li din il-kelma ttieħdet mill-Malti, mill-kelma ‘spiċċa’, jiġ., lest. Din x’aktarx hi l-unika kelma li l-Ingliżi ssellfu mill-ilsien Malti fiż-żmien li damu jokkupaw lil Malta. Mid-dehra, il-baħrin Ingliżi kienu addottaw din il-kelma bħala parti mil-lingwaġġ slang tagħhom. Etim. Tal. spicciare / spicciarsi – M. tagħmel xi xogħol (tad-dar) bl-għaġla; tissistematizza xi ħaġa mill-ġdid; ħareġ likwidu (eż. demm) minn xi ferita; sarraf munita f’oħrajn ta’ valur aktar baxx. Fil-kummiedja, ‘Ġenn għall-Bżonn ta’ Carmelo Camilleri, (1877), Ġann Kustanz jaqbad lil Lippin minn idu u jgħid hekk, ‘[…] Aqla barra, spiċċani […]’. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 143.

spizjar76SPIŻJAR   Kelma li ġejja mit-Taljan spezie, jiġ., ħwawar. L-ispiżjar fl-antik kien dak li jipprepara u jbigħ il-ħwawar u ħxejjex aromatiċi fost affarijiet oħra bħala mediċina. Fis-seklu ħmistax l-ispeziale kien magħruf ukoll bħala l-aromatore jew l-apotecario. Bosta kienu dawk l-ispiżjara li ġew minn Sqallija, u bosta minn dawn kienu Lhud. L-ewwel apotekarju Malti li nafu bih kien Ġlormu Callus, li kien jopera kemm fl-Imdina kif ukoll fl-Isptar Santo Spirito, ir-Rabat, bejn l-1491 u l-1519. Fl-1580 Santo Spirito stabbilixxa l-ewwel spiżerija tiegħu. Bosta spiżjara kienu jaħdmu mill-ispiżerija (Tal. spezzeria) privata tagħhom. Is-Sagra Infermerija, kemm dik tal-Birgu kif ukoll dik li nbniet wara fil-Belt, kellhom l-ispiżjara tagħhom. L-ispiżjar kellu mal-mitt pjanta differenti biex jipprepara mediċini ta’ kull tip. Jissemmew bosta ħxejjex u ħwawar li kienu jintużaw, fosthom l-iklin, in-nagħniegħ u s-sagħtar, kif ukoll ħafna fjuri. Kien hemm ukoll bosta pjanti li x’aktarx ma kinux ta’ għajnuna għall-fejqan, biss kienu jintużaw biex jittrattaw il-mard u kundizzjonijiet għax in-nies kienu jemmnu fihom. Fi żmien l-Ordni, kien hemm bżonn il-permess mingħand il-Protomedico biex tiftaħ spiżerija. Fi żmien l-Ingliżi dan il-permess kien jingħata miċ-Chief Medical Officer, li kien maħtur mill-Gvernatur. Ngħidu, ‘taf kemm hu spiżjar f’xogħlu!’, rif. għal min jagħmel xogħol bir-reqqa, inkella li jagħtik oġġett b’kejl preċiż, tant li jidher li qiegħed jixxaħħeħ. Ara: PROTOMEDICO u SEWWA FLIXKUN; LAMPIK, MAJOLIKA. Ara wkoll: Ancient and Medieval Medicine in Malta (before 1600) ta’ C. Savona-Ventura, pp. 301-307; Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530-1798) ta’ C. Savona-Ventura, pp. 130-135; ‘Pharmacies of the 19th and 20th Centuries’ ta’ Paul Cassar, Treasures of Malta, Easter 2001, n. 20 Vol. VII, n. 2, pp. 7-12.

spnar 103.jpgSPNAR   (Pl. spnajjar)  Ħadida qisha musmar oħxon jew skalpell kbir li l-naġġara kienu jużaw fil-barrieri billi jsammruha fil-blat biex jaqsmu u jillivaw biha. Il-ħofra fejn jitqiegħed l-ispnar tissejjaħ PETT, jew KINNIERA. Qabel ma l-ispnar jitqiegħed fil-ħofra l-ewwel jitqiegħdu ċ-ĊAPEP jew il-landi li huma ħadidiet ċatti. L-ispnajjar jissammru bil-mazza biex il-blat jinqata’ skont it-trinek li jkunu ġa mħaffra u ppreparati.  Sors: Anton F. Attard.

SPONUT     Kelma li tirriferi għal meta s-Sagrament ikun fit-tabernaklu miftuħ biex isir it-talb u l-adorazzjoni quddiemu. Ngħidu, ‘Ġesù Sagramentat ikun sponut matul il-kwaranturi’.  Ara: KWARANTURI.  Tal. espona. / esposizione.

S.P.Q.R.    Abbr. tal-kliem bil-Latin, Senatus Popolusque Romanus, – ‘Is-Senat u l-Poplu ta’ Ruma’. Dan l-ittri mdorrjin narawhom l-aktar fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn l-ittri jiddendlu fuq l-istandard, ġen. ta’ lewn vjola li jkun miżmum minn wieħed jew aktar liebes/sin ta’ suldati Rumani. Intant, ma hemm xejn fil-Vanġelu li jsemmi dawn kienu nġarru fil-kruċifissjoni ta’ Kristu. Biss, skont il-fehma popolari, din il-frażi suppost kienet tinġarr mis-suldati Rumani biex turi li l-eżekuzzjoni tal-akkużat kienet qed issir f’isem is-Senat u l-Poplu tal-Imperu Ruman.  Dawn l-ittri kienu jidhru fuq iskrizzjonijiet u muniti Rumani stampati bejn it-80 q.K. u żmien l-Imperatur Kostanitinu (312- 337 w.K.). Fi żmien il-Faxxiżmu fl-Italja, dawn l-ittri kienu reġgħu bdew jidhru fuq diversi binjiet pubbliċi.

SPQR  (126).jpg

SPUNĠATUR  / SPURĠATUR    Reċipjent li jista’ jkun magħmul b’materjal differenti, maħdum apposta u mqiegħed f’post fejn jinġabar l-ilma, pereż., mill-katusi. L-ispunġatur iservi biex l-ilma jimxi minn katusa oħra mwaħħla miegħu, x’aktarx vertikalment, ħalli l-ilma jaqa’ f’dik id-direzzjoni kif suppost. Tal. spurgare. Ing. v. to drain, n. gully-trap.

SPUTATUR    Kontenitur, qisu awrinar tal-fuħħar jew tal-metall li fl-antik kien jintuża biex dak li jkun jobżoq fih. Dan għadu jintuża fl-enoteki, fejn isiru d-demostrazzjonijiet tal-inbejjed. Appena wieħed itiegħem l-inbid dan jobżqu f’dan ir-reċipjent. Tal. spitatoio. Ing. spittoon.

Sputatur v

Sqallija2.jpg

SQALLIJA  U  S-SIKELI    L-isem jidher li ġej mill-isem tas-Sikeli, poplu li kien jabita fuq din il-gżira, madwar elf sena q.K. Interessanti li wieħed jinnota li l-isem ta’ din il-gżira kif inhu magħruf mill-Maltin hu eqreb etimoloġikament mill-isem li l-abitanti Sqallin stess isejħu lil gżirithom – Sicilia. L-isem Sikeli li minnu ħarġet l-isem Sqallija x’aktarx ingħata mill-Griegi lil grupp ta’ tribujiet, x’aktarx ta’ oriġini Italika li kienu ilhom jgħixu  fi Sqallija qabel ma waslu huma. Dawn l-abitanti kienu raħħala li kien jgħixu qrib Enna, Agira, Centuripe u Pantalica, qrib Sirakuża. Il-filosofu Grieg Tussidide, jgħid, ‘en tois sikelois’ (M. fil-gżira ta’ Sqallija). Meta l-Għarab invadew Sqallija (840 w.K.) dawn żammew l-istess isem, li wara kaxxkru magħhom meta ħadu l-Malta taħt idejhom fl-870 w.K.

SQIFA   Daħla msaqqfa ta’ binja, speċi ta’ kuritur, li mit-triq tagħti dritt għall-bitħa. Din tinbena b’mod li l-bitħa ma tkunx tidher mit-triq. Norm. fuq l-isqifa jkun hemm kamra mibnija li tintuża għal xi skop jew ieħor. Ara: Kliem Malti Qadim ta’ Godfrey Wettinger,  pp. 94, 115. Sors ieħor: Damma fejn il-kelma hi miktuba, skifa.

Sqifa
Ħajr: Limestone Heritage, Siġġiewi

STABAL     Stalla taż-żwiemel. Ġejja mill-Għ. istabal. Biss, E.S.I. jgħid li din il-kelma l-Għarab ħaduha mill-Grieg stavlos jew mil-Latin stabulum (minn fejn ġejja l-kelma bl-Ing. stable). Intant bejn Ħal Qormi u l-Marsa kien hemm binja u ambjent magħruf bħala l-Istabar, fejn jingħad li l-Ordni ta’ San Ġwann kellhom xi stalel, jew skola fejn il-Kavallieri kienu jitgħallmu jirkbu ż-żwiemel. G.B.F. (1845) jagħtiha wkoll: stalla. Ing. stable.

STAĊĊATUR     Piżatur tal-prodotti agrikoli, bħal qamħ, ġwież u merċa. Assessur li jaħdem f’dan il-qasam fid-dwana jew fil-pitkalija. Tal. staccatore setacciare, esaminare con minuzia. Sors: E.S.I.

STAFFA    Ħolqa tal-ħadid imdendla mal-ġenb taż-żiemel biex ir-rikkieb ikun jista’ jqabbad siequ magħha meta jirkeb u wara jżomm sod fuq il-bhima. L-ewwel tarġa li tirfes biex titla’ fil-karozza tal-linja (antika). Tarġa ta’ kull tip li tgħin wieħed jitla’ ċertu għoli. Idj: ‘Siequ fuq l-istaffa’ – tingħad meta wieħed ikun sab il-mod kif jakkwista kariga mixtieqa fid-dinja tax-xogħol.

STAKKATURA  / STRAKKATURA   Mewġ kbir li jitqanqal minn xi riħ qawwi u li jibqa’ jinħass fil-baħar għal ġranet sħaħ wara l-maltemp. Eż. ta’ dan hi l-istakkatura li titqanqal forma ta’ mewġ wiesa’, iżda baxx, li jaħbat mal-kosta wara xi Grigalata.

stalactites and StalagmitesIMG_5498STALAKTITI U STALAGMITI    Jeżistu diversi għerien f’Malta u f’Għawdex fejn jinsabu numru konsiderevoli ta’ stalaktiti u stalagmiti. L-istalaktiti huma dawk il-blat suriet ta’ kolonni li jagħtu għall-ponta, li jifformaw mill-ilma u li biż-żmien, x’aktarx wara eluf tas-snin, jiddendlu mis-saqaf u jissolidifikaw. L-istalagmiti huma dawk il-kolonni ffurmati mill-ilma li jkun laħaq qattar fl-art u jieħdu l-forma ta’ kolonni telgħin mill-art. Iż-żewġ tipi ta’ kolonni huma magħmulin minn massa ta’ kalċju li jinġabar hekk kif l-ilma tax-xita jgħaddi minn ġos-saffi tal-blat u joħroġ mis-saqaf ta’ xi ħarq jew għar. Dan il-qtar tal-ilma li jkun ġabar miegħu l-materjal ġebli, (kalkarju), jibda jħalli l-frak fin warajh li bis-snin jakkumula u biż-żmien jibbies u jsir blat. Fost l-għerien fejn insibu dawn il-kolonni naturali hemm Għar Dalam, fin-naħa ta’ Birżebbuġa, l-Għar Ta’ Ninu, u l-Għar ta’ Xerri, li t-tnejn li huma jinsabu fix-Xagħra, Għawdex.

stambul.jpgSTAMBUL / STAMBUR   L-isem tal-belt li llum hi magħrufa bħala Istanbul. Din il-belt tinsab fil-kosta tal-Istrett tad-Dardanelli u l-Baħar ta’ Marmara, fejn parti minnha tagħmel mal-kontinent tal-Ewropa u parti tinsab fuq in-naħa tal-kontinent Asjatiku. A. de S. fid-Dialoghi jqiegħed din il-kelma f’fomm wieħed mill-karattri: ‘[…] Ma nestax nemmen li qatt jigu (t-Torok); Stambur wisq bgħid men Malta […]’. Kien minn hawn li s-Slaten Torok bnew l-imperu Ottoman. Ara: ‘De Soldanis Dialogues’ ta’ Rosabelle Carabott, De Soldanis, An Eighteenth CenturyIntellectual, p. 108. Sors: M.A.V., 1796. 

STAMINA       Ara: GĦONNELLA jew ĊULQANA.

stamnari 148.jpgSTAMNARI    Strixxi tal-injam irqajjaq u milwi forma ta’ arkati, jew kustilji, li jkunu mwaħħlin b’minċotti u b’imsiemer minn ġewwa tad-dgħajsa. Flimkien dawn jiffurmaw bħal skeletru li jżomm sod il-buq tad-dgħajsa b’mod sod. Man-naħa ta’ isfel tal-istamnari jitwaħħlu l-majjieri li huma simili, biss dawn jiffurmaw skeletru mal-qiegħ tad-dgħajsa. Ara: MAJJIERI. Tal. staminale. Ara: OPRI TAL-BAĦAR.

STAMPIER    Wieħed li jistampa l-flus. Dak li jħaddem il-MATBGĦA.  E.S.I. Direttur taz-zekka. FELLIES. G.B.F. (1845).

stanga 2 005.jpgSTANGA     Ħadida norm. twila, ħoxna, dritta u bit-tarf mgħawweġ ganċ, li titqiegħed bħala sostenn bejn il-bieb ta’ barra u l-ħajt tal-ġenb, wara l-bieb. Il-ganċ fit-tarf tal-istanga jitqiegħed f’ħolqa mal-bieb biex l-istanga iżomm il-bieb sod u bla ma jista’ jkun sgassat. Ngħidu, i.)  ‘Ara dak ir-raġel wieqaf dritt qisu bela’ stanga’ – rif. għal xi ħadd li hu ta’ statura twila u dritta. Idj: ii.) ‘Mara liebsa qisha stanga’ – tingħad għal xi waħda li jkollha sidirha ċatt.  Idj:  iii.)  ‘Din il-ħobża iebsa stanga’ – jiġ., il-ħobża tkun ixxuttat sew.

STANJATA     Kontenitur, bħal buqar tawwali tal-metall (l-aktar tal-landa jew tal-enamel)  li jitqiegħed fuq in-nar tal-ispiritiera biex fih jitgħalla l-misħun, il-kafé jew il-ħalib. V.B. (1900) jidgħilha, a coffee pot.

stasija 105.jpgSTASIJA    Miżien li sa żmien ilu kien  jintuża fil-pitkalija, fid-dwana, fil-ħwienet tal-merċa u postijiet oħra. Forom ikbar ta’ stasija kienu jintużaw l-aktar fil-port biex jintiżnu oġġetti kbar u tqal bħal qamħ jew oġġetti simili meta jkunu impurtati jew esportati. Stasija żgħira tinżamm b’id waħda. Stasija kbira tiddendel b’ganċ mas-saqaf. It-toqol jintiżen u jinqara b’tip ta’ kejl imnaqqax fuq il-virga l-mimduda waqt li l-markatur tal-użin (ganċ b’boċċa kbira mdendla, jiċċaqlaq mat-tul kollu tal-virga.

STELLARJU     Dijadema ta’ tnax-il stilla mqiegħda fuq, jew madwar ras il-Madonna. L-istellarju jista’ jkun tal-fidda jew tad-deheb. Dan jista’ anki jkollu miegħu ħaġar prezzjuż biex iżejnu aktar. It-tnax-il stilla jfissru t-tnax-il virtù tal-Madonna.  Sors: Anton F. Attard.

STIVA   Dik il-parti jew partijiet tal-vapur, taħt il-gverta, fejn norm. tinġarr il-merkanzija.  Tal. stivare – M. v. qiegħed u  qassam l-affarijiet bil-galbu f’posthom.

stoccb.jpgSTOĊĊ    1. Kontenitur żgħir li jintuża biex fih jitqiegħdu diversi affarijiet ta’ miżura ċkejkna, pereż., ħelu, mediċina, kolla, tutpejst jew affarijiet simili. Ngħidu, ‘ħa nixtri stoċċ ħelu.’ Stoċċ jista’ wkoll ikun kaxxa dejqa u fit-tul, li tintuża biex fiha jitqiegħdu l-lapsijiet tal-iskola. 2. Tip ta’ arzella li għandha forma ta’ tamla tawwalija. Is. xj. Solen marginatus, Ing. razor shell. Din il-ħlejqa tgħix mgħottija bir-ramel f’qiegħ il-baħar. Tal. astuccio – M. għant.

STOKK    1.  Zokk  pjuttost irqajjaq ta’ siġra li jintuża bħala lasta. Ing. stock.  2.  Taħlita ta’ materjal bħat-tafal u materjal ieħor li jgħin jgħaqqad u jimla xquq f’partijiet tal-għamara jew meta titqiegħed ħġieġa żgħira fil-panew tat-tieqa biex ma jidħolx ilma minn bejn il-ħġieġa u l-panew.  3. Ħażna ta’ oġġetti li jkunu lesti għall-bejgħ fi kwantità mdaqqsa. Ing. stock. Tal. stucco.

STOKKAFIX    Bakkaljaw imqadded sew li jkun niexef u iebes. Qabel l-invenzjoni tal-fridges, dan kien iservi ta’ ikel tipiku għall-baħħara meta dawn idumu bosta ġimgħat jew xhur fuq il-baħar, għaliex kien ikel li seta’ jkun ikkonservat għal żmien twil. Ngħidu, ‘qisu stokkafixx’ –  kienet tingħad lil xi ħadd li hu ta’ statura rqiqa ħafna. Ing. stock fish jew dried cod. Ara: BAKKALJAW. Sors:  Kalepin – Damma ta’ Kliem Malti, ta’ Edgar D. Busuttil.

stola xSTOLA   Strixxja tad-drapp dekorata b’disinn, ħafna drabi fir-rakkmu, li s-saċerdot jilbes madwar spalltu meta jkun qiegħed jamministra s-sagramenti. Din ikollha l-kulur tagħha, abjad, aħdar, vjola, eċċ., skont il-kwalità tal-funzjoni liturġika li titwettaq. Idj. ‘Bl-istola miegħu’ – din tingħad meta bniedem ikun qiegħed imut jew gravi, u jkollu saċerdot ħdejh jamministra s-sagrament tal-griżma eċċ. STOLA U SALIB  Espr. li li tirreferi għal xi ħadd li jkun bla sold fil-but. Ħajr: Dun Ġwann Galea.

STOPPA     1. Ħjut ta’ drapp jew xuxa tal-ħbula li jaqa’ fl-art mgħaqqad.  2. Fdal ta’ ħbula qodma li jintużaw għat-tqalfit.

stoppaoakum004.jpg

STOPPIN  1. Miċċa tal-korda li tintuża biex tkebbes il-logħob tan-nar. 2. Logħob tan-nar, speċI ta’ sparatura fl-ajru. żgħir.

STRADIKATUR / STRADIKAJR      Bniedem li jfarrak kulma jaqa’ taħt idejh. Wieħed li mhux kapaċi jieħu ħsieb dak li jkun fdat lilu. Esp. ‘Dak it-tifel stradikatur mill-kbar.’ Tal. sradicare.

STRAFUTTENT      Bniedem li jaqa’ u jqum minn kulma jiġri madwaru. Bniedem li ma jimpurtah xejn minn ħaddieħor. Tal. strafottente.

STRAMAN     1. Lok li hu ’l boghod mill-abitat; lokalità diżabitata. 2.  Aġġ. Raġel ta’ waħdu, li ma jitħallatx man-nies. Bniedem li jgħix xi mkien għar-rasu.  3.  Aġġ. pereż., ‘ħin straman’ – ħin stramb li mhux tas-soltu. Tal. stramano  – M. barra mill-ambjent tas-soltu.

STRAPAZZAT/A   Aġġ. li jingħad għal oġġett li jitqaddem bl-użu. Oġġett imqaddem u bla saħħa.  BAJDA STRAPAZZATA   L-isfar u l-abjad tal-bajda mħabbtin b’mod li l-bajda tissajjar mgħollija jew inkella moqlija fit-taġen, imqatta’ f’biċċiet żgħar. Ing. scrambled egg.

STRAZZA     Eż., karta strazza – tip ta’ karta rqiqa kważi trasparenti. Bosta drabi din tintuża biex fiha jitqarstu affarijiet tal-ikel jew biex fuqha jitħażżeż disinn fuq id-disinn oriġinali. Sqal. strazzi, pezzetti di carta o di panno. Sors etim: J.A.

STRINA     L-użanza li t-tfal  jingħataw flus bħala rigal jew fl-ewwel tas-sena, jew fl-Epifanija. Tal. strenna li jsemmiha A. de S. (1720 – 1770). ‘mancia che si da’, da superiori ad inferiori ogni capo d’anno’.  Sors: E. S. I. G.B.F. (1845) jgħid: a new year’s gift, a Christmas present. Ara: ‘L-Istrina – Mill-Milied sal-Epifanija’.  https://kliemustorja.com/2020/01/03/l-istrina-mill-milied-sal-epifanija/

stringiturp.jpgSTRINĠITUR     1. Parti mill-magna tan-newl li tgħin iżżomm id-drapp miftuħ u miġbud. 2. Għodda tal-injam, norm. bil-kamin biex tagħfas u żżomm il-karti tal-ktieb sodi waqt li l-ktieb qiegħed ikun illegat. 3. Torkju tal-għeneb, magħmul minn għatu li jippressa ’l isfel biex jintgħasar l-għeneb fil-kartell. Ara: NEWL. Tal. stringitore. Ara:  MAGĦSAR.

 

strippaSTRIPPA/I  Seratizz twil. Kienu jgħidu għal xi ħadd b’saqajgh twal: ‘dak għandu par strippi!’  G.B.F. (1845) jgħid hekk: ‘[…] the legs of a bed or table […]’. Tal. trespolo. Anki A. de S. jiktibha bil-Malti, trispa. STRIPPI TAS-SERRAR jew STRIPPI TAT-TWIEBET huma dawk l-injamiet imwaħħla forma ta’ A li jintużaw biex fuqhom iserrħu oġġetti oħra. Tal-ewwel jintużaw biex iqiegħdu xi serratizz jew injam ieħor biex jinqatgħa bis-serrieq jew bil-lupa.

STROMBLAMENT / STRUMBLAMENT   1. Għaġeb kbir għal xi ħaġa li ġrat. 2. Waqgħa b’sabta; daqqa b’saħħitha.  Aġġ. STRUMBLAT Bniedem fi stat imħawwad.  Sqal. strumballari.  Tal. strombolare.

stropp 1STROPP    Ħabel marbut fit-tond li jkun imdawwar mal-iskalm tad-dgħajsa. L-istropp iservi biex fih jidħol il-moqdief ħalli dan ma jiżloqx minn mal-iskalm, kemm waqt il-qdif kif ukoll biex il-moqdief ma jaqax il-baħar meta dan ikun mitluq fil-ġenb tad-dgħajsa. L-istropp jidilkuh bix-xaħam biex il-moqdief jiżloq minn mal-ħabel ma’ kull qadfa. Ara: OPRA TAL-BAĦAR.

STUTASTUTA   Oġġett użat mis-sakristan biex jitfi x-xema ta’ fuq, l-altar. Minn fuq, l-istuta jkollha qisha lembut rasu ’l isfel, magħluq. Meta l-altari tal-knejjes kollha kienu għadhom jiddawlu bix-xema’, din kienet għodda utili għas-sakristan biex idur l-irkejjen kollha tal-knisja u jitfi kull xema’ li bosta drabi ma kontx tilħaq kif ġieb u laħaq. Il-lasta tal-istuta kienet tkun twila aktar minn żewġ metri u nofs. Is-sakristan kien jimmira l-istuta lejn ix-xemgħa mixgħula u jagħfas il-lembut ‘l isfel fuq il-fjamma biex din tintefa minnufih.  Sqal. stuta canili, stuta lampi

STWIEL   1. Arblu li jagħmel parti mill-makkinarju tal-mitħna tar-riħ billi jkun imqabbad mal-fus tar-rota kif ukoll mal-miġbed. 2. Lasta twila tat-tilar tan-nissieġ. E.S.I. jagħti dawn il-paraguni: ‘jarfa’ daqs stwiel’; ‘donnu stwiel’. Anton Cremona fi ‘Żjara lil Ħabib f’Raħal’ jiddeskrivi lill-ħabib tiegħu Ġann Karl bħala ‘[] biċċa ta’ raġel m’ogħla stwiel […]’ Tal. stollo, li apparti li tfisser ‘injama twila’ tintuża b’mod fig. biex tiddeskrivi ukoll bniedem twil u rqiq. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 153. 3. Fid-Dizzionario Portatile, F. Vella. jgħidilha, a pillar (1831).

SUB CONDITIONE   Ara: ASSOLUZZJONI KONDIZZJONALI.

SUBIENA  / SIBIENA      Qamel tax-xagħar li jinfesta r-ras u l-ġilda tal-qurriegħa bil-bajd li jfaqqas. Is-subien jerda’ d-demm u jqabbad l-ħakk.  Għ. siban.  Lat. Pediculus humanus capitis.

SUBBASTA     Term. leg. Irkant ta’ proprjetà immobbiljarja li jkun ordnat mill-Qorti. Dan l-irkant ħafna drabi jsir għaliex is-sid ta’ dak l-oġġett li jinbiegħ fis-subbasta jkun tilef id-dritt legali fuq il-proprjetà, u din tkun ikkonfiskata mill-Qorti. Tal. vendita all’asta.

SUDDJAKNU   Qassis li jkun laħaq l-ewwel mit-tliet ordnijiet sagri maġġuri, jiġ., dak li jżomm iċ-ċelibat u li jgħid l-uffizzju, biss la jista’ jqaddes u lanqas iqarar. Tal.suddiacono.

SUFFARELL/l    Tip ta’ logħob tan-nar ta’ qawwa medja li meta jkun maħruq jagħmel ħoss bħal suffara. V.B. (1900) jagħti  idjoma, ‘donnu suffarell’, jiġ., bniedem li hu ħafif u bieżel Sqal. surfareddu.  Ara:  ĦARQA. Tal.  solfanello.

SUFFEJRA  1. Marda li biha jisfar l-abjad tal-għajnejn u tisfar anki l-ġilda. Dan jiġri minħabba li l-metaboliżmu tal-ġisem ma jkunx qed jaħdem sew. Qabel kienu jemmnu li s-suffejra tiżviluppa b’xi qata’. Lat. Icterus. Ing. jaundice li ġejja mill-Franċiż jaune – M. isfar.  2. Is. xj. Calendula. Ing. marigold. Għ.  sfajra.

suggeritur 1.jpgSUĠĠERITUR   Dak li jiggwida l-atturi fil-koreografija u d-djalogu tad-dramm fuq il-palk. Is-suġġeritur hu dak li jsegwi attentament, pass wara l-ieħor, is-sekwenzi kollha tar-rappreżentazzjoni teatrali, u bl-iskript quddiemu jgħin lil-atturi jiftakru il-parti tagħhom. Is-suġġeritur kien anki jieħu ħsieb xi ħsejjes, bħal pereż. id-daqq tal-qanpiena tal-bieb, meta xi ħadd ikun taparsi qiegħed idoqqha. Norm. is-suġġeritur kien ikun ippożizzjonat fit-tarf tal-palk (ir-RIBALTA), mgħotti b’kaxxa, dahru lejn l-udjenza. Ing. theatre prompterAra wkoll: Oh Żmien Ħelu, It-Teatru, Il-Palk u Jien, Josephine Mahoney, pp. 61-63.

suggettah.jpgSUĠĠETTA  / SOĠĠETTA   Din kienet bħal kaxxa wieqfa, li fiha kien jinġarr xi ħadd, l-aktar xi persuna nobbli, sinjura, jew xi saċerdot. Tnejn min-nies b’saħħithom kienu jaħkmu żewġ lasti mdeffsin f’ħoloq mal-ġnub tal-kaxxa. Norm. is-suġġetta kienet tinġarr jew minn ilsiera, jew min-nies imħallsin apposta għal dan ix-xogħol. Dawn kienu ġieli jxiddu ċinturin tal-ġilda fuq spallejhom biex it-toqol tas-suġġetta bil-passiġġier jinħass inqas. F’Malta u Għawdex għad hawn daqs għoxrin suġġetta li ħafna minnhom jinsabu f’mużewijiet parrokkjali, eż., dawk ta’ tal-Birgu, San Pawl Nawfragu, il-Belt u fil-Knisja parrokkjali tan-Naxxar. Żewġ suġġetti li jinsabu fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar għandhom l-arma tal-Gran Mastri Cottoner u Hompesch rispettivament. Suġġetta oħra tinsab fil-Mużew tal-Arti, (MUŻA), il-Belt. Orig. seġġetta. – M. siġġu żgħir. Tal. portantina. Ing. sedan chair. Ara: The Sedan Chair in Malta, ta’  Nicholas De Piro. 1993.         

SUKKURSAL    Ara: FILJALI.

SULETTA     1. Blokka tal-ġebel tal-qawwi jew blokka tal-konkrit maħduma biex jistrieħ fuqha t-travu.  2. Feles f’qiegħ iż-żarbun magħmula apposta biex il-qiegħ tas-saqajn jkunu ppożizzjonati aktar komdi. Tal soletta.

bieb is sultan bustG_6581.JPGSULTAN    Kelma li ġejja mill-Għarbi u l-Aramajk. Il-Maltin kienu jirriferu għal-Gran Mastru bħala s-Sultan. Jidher minn kitba tas-seklu għoxrin li dan it-terminu baqa’ jintuża anki sa dak iż-żmien, għaliex fir-rumanz ta’ P. Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda, (1939), insibu hekk: ‘[…] fost il-Kavallieri kien hemm wieħed Franċiż’ … u billi hawn Malta għamel xi nuqqas ġie mixli lis-Sultan[…]’ – rif. lill-Gran Mastru. Fil-lingwaġġ Malti dan il-karattru jidħol fil-ħrejjef irrakkuntati minn missirijietna bħala dak ir-re li kellu s-seta’ fuq il-ħajja u l-mewt tas-sudditi tiegħu. Jeżistu fil-Malti mat-tnax-il qawl li fihom jissemma s-sultan. Wieħed minnhom jgħid, ‘f’daru kulħadd sultan’; qawl ieħor jgħid, ‘fost il-għomja min għandu għajn waħda, sultan’, u ‘kelmet il-Malti, assaħħ (aqwa) minn ħalfet is-sultan’. F’Malta għandna lokalitajiet magħrufa b’dan l-isem. Hekk insibu, Ġnien is-Sultan, fl-akkwati agrikoli tar-Rabat, il-Wardija, Malta, kif ukoll, biċċa art bejn is-Sannat u x-Xewkija f’Għawdex. ‘Bieb is-Sultan’, hi dik id-daħla fis-swar tal-Kottonera, in-naħa ta’ Ħaż-Żabbar magħrufa wkoll  bħala Notre Dame Gate (ritratt). Fil-logħob tat-tfal hemm logħba li tissejjaħ ‘Fuq Min Tiġi Jkun Sultan’. F’din il-logħba tifel igara oġġett fl-ajru u fuq min jaqa’ jissejjaħ sultan. Fid-‘Daqqa’, (logħba magħrufa wkoll bħala ‘Cat‘), it-tfal imissu lil xulxin biex jaraw min minnhom ser ikun l-‘Qattus’ u jgħajtu, ‘baqra, baqra tas-sultan!’. Fil-fauna insibu, bebbuxu tal-baħar, (Is. xj. Murex trunculus) li hu magħruf bħala Sultan il-Bekkum. Hemm ukoll għasfur, Sultan iċ-Ċawl kif ukoll Sultan il-Ħamiem. Fost l-Insara, Kristu hu s-Sultan Salvatur, u l-Insara jaqgħu taħt is-saltna tiegħu. Għalhekk ma jistax jonqos li f’Malta hawn reverenza lejn Kristu b’dan it-titlu, bħala Kristu Re. Sorsi: E.S.I., Logħob, Taqbil u Ġugarelli, ta’ Guido Lanfranco.(Wise Owl Publications), Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ Mifsud Chircop (PEG, 1994).

SULTANA      1. Reġina.   2.  Żbib bla żerriegħa użati fil-pudina tal-ħobż, fil-kejkijiet u mal-curry, eċċ.  3. Bastiment tat-Torok li kien ta’ kobor u  importanza iktar minn oħrajn. Dan kien il-bastiment ewlieni li jmexxi l-iskwadra Torka – xini ekwivalenti għall-Kapitana tal-Ordni.

sultana.jpg

SUNETT / SONETT / SUNETTI    Poeżija qasira ta’ erbatax-il vers tal-ħdax. Is-sunetti kienu jkunu stampati biex jinqraw bħala eloġju lill-qaddis waqt il-festa. Dawn is-sunetti kienu jintefgħu fit-toroq minn fuq il-knisja jew mill-gallariji tad-djar biex in-nies fit-toroq jaqraw il-poeżija miktuba. Fil-kuntest tal-festi, illum, is-sunetti huma bċejjeċ żgħar tal-karti mqattgħin irqaq li jintefgħu fil-purċissjoni. Bit-Taljan u anki bl-Ingliż dawn jgħidulhom confetti.

SUPPLIKA    Fi żmien l-ħakma tal-Ordni u tal-Ingliżi din kienet tkun talba formali għal-liċenzja biex l-awtoritajiet jikkonċedu ‘l-persuna li tiftaħ ħanut, jew inkella biex il-bejjiegħ jingħata l-liċenzja li jinnegozja b’xi prodott partikulari bħal inbid, eċċ. Fil-kummiedja Il-’Konġura tal-Erba’ Ħotbin’, (1864) ta’ Luigi Rosato , il-karattru ta’ Marco jhedded lil Lazzru, qaddej, billi jgħidlu: ‘[…] u int tgħallem ġib ruħek sew man-nies għax nirrikorri kontra l-imgħallem tiegħek u nneħħilek is-supplika […]’. Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, It-tieni volum, p. 46. Tal. supplica –M. talba.

SUPRASTANT     Bniedem li xogħlu hu li jgħasses jew jissorvelja. Xi ħadd li jieħu ħsieb li jqassam ix-xogħol tal-jum lill-ħaddiema li jkunu taħt is-superviżjoni tiegħu. Bniedem li jieħu ħsieb xi ġnien jew latrina. Tal. soprastante. Sors: E.S.I.

SUPRESSAT   Ara: SIPRISSAT.

SUR, MARA TA’ FUQ IS-   (D.)  Tal. sul bastione. A.  De S. jgħid hekk, In Malta vale a bordello. Ara: QAĦBA TA’ FUQ IS-SUR.

SURĠENTINA    Bastun irqajjaq miksi bil-metall li jintuża mill-fratell inkarigat li jqassam u jippożizzjona lil sħabu l-fratelli waqt il-purċissjoni. Norm. dan il-bastun ikun iddekorat b’simboli relatati mal-qaddis li l-fratellanza tkun imsemmija u ddedikata għalih. Tal. sergentina. Sors: E.S.I.

SURTUN    (Pl. srajten), Ġlekk li jintlibes fit-tiġijiet eċċ. Fl-antik is-surtun kien jintlibes ukoll f’diversi okkażjonijiet oħra, bħal pereż., fil-funerali u f’okkażjonijiet fejn wieħed għandu jippreżenta ruħu b’mod dekoruż u eleganti. G.B.F. (1845) jgħid: soprabito, a surtout, a frock-coat.

SUS   Ħelu ta’ kulur iswed u li jiġġebbed, jagħti togħma ta’ ħwawar, kemxejn bħaż-żambuka. Kien magħruf bħala sugu di galizja. G.B.F. (1845): Ligorizia. prickly capsuled liquorice. Ara: GĦUD IS-SUS.

SUSA   Dudu li jikber f’ċerti ħxejjex jew fl-injam jew fil-karti u fejn jibqa’ jnawwar u jagħmel ħofor u jġib fi trab l-oġġett. Is. xj. Psocus pulsatorius. Fig. ngħidu, ‘għandu s-susa, meta xi ħadd qed jinfena bl-inkwiet. Ngħidu wkoll, ‘hawn is-susa, meta xi ħadd ikun qed jisraq xi flus eċċ., bil-mod il-mod minn fuq il-post tax-xogħol. Ing. wood louse. G.B.F. (1845).

SUSAN     Ara: ĠILJU.

SWEJQA       Sieq żgħir, norm. rif. għal sieq ta’ tarbija jew ta’ pupa.

 

   *        *        *

Ara aktar:

A *   B *   Ċ *   C *   D *   E *   F *
Ġ *   G *   *   H *   Ħ *   I *    J *    K *
L *   M *    N *    O *    P *    Q *    R *    S
T *    U *    V *   W  *    X *    Ż *    Z *

Jekk taf b’xi kelma jew frażi  antika li mhiex qiegħda hawn iktibli biex din ninluduha.

  mohba2016@gmail.com

Tista’ tfittex aktar tagħrif u ritratti f’dawn il-pubblikazzjonijiet:

           Bejn Kliem u Storja 

           Ara X’Int Tgħid 

           Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja  Aa ARA X'INT TGHID  A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                               Paġni 256                                              Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).