A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
ZEKKA * ZEKKIN * ZFUNNARIJA * ZIJA * ZIKIZOKK * ZIKKETTA * ZINTLU * ZIZA * ZOKKLU / ZOKKLATURA * ZOPTU / SOPTU * ZOZZA * ZUKKETTA * ZUKKLETTI * ZUNTIER *
ZALLIERA Ara SALLIERA.
ZEKKA Terminu li jirriferi għall-makkinarju kif ukoll għall-binja fejn ikunu stampati il-muniti u l-karti tal-flus. Wara li l-Ordni wasal Malta, iz-zekka kienet fil-Forti Sant’Anġlu li kien l-ewwel sede tal-Gran Mastru u tal-Ordni ta’ San Ġwann. Imbagħad meta l-Ordni mar il-Belt Valletta, dan l-istess makkinarju kien inġarr lejn il-Palazz tal-Gran Mastru. Biss, wara ċertu żmien, iz-zekka ttieħdet f’binja fit-triq li llum għandha l-istess isem – Triq iz-Zekka il-Belt. L-inqas munita ta’ valuta f’Malta kienet dik tar-ram, il-picciolo, li l-aħħar li kienet fiċ-ċirkolazzjoni kien bejn l-1690 u l-1697. L-akbar valuta siewja kien iz-zekkin. Il-flus tal-Ordni baqgħu jiċċirkulaw anki
meta l-Ingliżi kienu ilhom f’Malta s-snin. Fl-1825, l-Ingliżi stabbilew b’mod uffiċjali l-valuti tagħhom bħala dawk aċċettabli. Fl-1828, il-makkinarju taz-zekka tal-Ordni nbiegħet mill-Ingliżi lill-Gvern Grieg, għall-prezz ta’ mitt lira sterlina. Ara: FLUS TA’ ŻMIEN L-ORDNI u FLUS TA’ ZMIEN L-INGLIŻI. Ara: Coinage in Malta ta’ Joseph C. Sammut f’Treasures of Malta no 35, Easter 2006, Vol XII, no 2, pp. 35-41. ‘Some Rare Gold Coins of the Order of Malta’ ta’ Joseph C. Sammut, fi Treasures of Malta, Christmas 1995, Vol II no 1 pp. 30-34. Ara wkoll:
ZEKKIN Munita tad-deheb ta’ żmien l-Ordni. Din kienet l-ikbar denominazzjoni mill-muniti kollha Maltin. Kienu jeżistu muniti tat-12, 10, 4 u 2 zekkini. Fis-sekli sbatax u tmintax, iz-zekkin tad-deheb kien mitbugħ ukoll fl-Italja u fit-Turkija. Tal. zecchino. Ing. Sequin.
ZFUNNARIJA Zunnarija, karrotta. Għ. saqanarija u Sp. zanahoria.
ZIJA Ewf. Kelma li tirriferi biċ-ċajt għall-ixkupa.
ZIKIZOKK Logħba tat-tfal. Qbiż fuq sieq waħda, eż. fil-passju jew fit-trija.
ZIKKETTA Logħba antika bħat-tfigħ tal-boċċi li t-tfal kienu jgaraw, biss, bil-lewż. Il-logħba tibda billi wieħed mit-tfal igara lewża fuq waħda minn bosta lewżiet oħra li jkunu mqegħdin f’filliera ħdejn xulxin, bl-iskop li jtajjarha mingħajr ma jtajjar il-lewż l-ieħor ta’ ħdejha. Minn hawn toħroġ l-espressjoni ‘Izzikah ’l hinn!’ jiġ. warrbu min-nofs. Sors: E.S.I.
ZIMTIER Ara: ZUNTIER.
ZINTLU / ŻINDLU Qasba twila li biha l-bennej ikejjel u jiddisinja l-arkata tal-apertura. Kejl b’raġġ li jittieħed billi l-qasba tinżamm fissa fiċ-ċentru waqt li t-tarf l-ieħor jitħalla jdur fit-tond, biex jittieħdu l-qisien ta’ nofs ċirku jew arkata. Ngħidu, ‘zintlu xibrejn’ – jiġ., dijametru ta’ raġġ ta’ żewġt ixbar. Ngħidu, ‘dendillu / għamillu zintlu’ – jiġ., irranġah għall-frisk. Lagħbu jew qlieh waħda sew. IZZINTLA v. Tingħad meta xi tajra tal-priża ddur ċrieki madwar il-priża qabel ma tinżel għaliha biex tattakkaha. Fil-ħrafa orali, ‘L-Erba’ Snajja’, P. Manwel Magri (1851 – 1907) jgħid hekk, ‘[…] Id-dragun tar għal fejn ix-xini, u meta wasal iżżintla (sic) ruħu għal fuqu u telaq ġwenħajh […]’. Etim. Tal. centro, centrare. Sqal. centru. Sorsi: E.S.I. u J.A.
ZIZA Kelma tat-tfal li tfisser ‘tiġieġa’.
ZOKKLU / ZOKKLATURA 1. F’termini ta’ arkitettura, z-zokklu hu l-parti kwadra tal-bażi ta’ kolonna. Dan it-terminu jgħodd ukoll għal dik il-parti l-baxxa tal-kolonni tal-injam li jintramaw fit-toroq għal festa tal-lokalità. Ing. plinth, socle, dado. 2. Il-faxx skur jew ċar ta’ tibjid jew żebgħa fil-ħitan tal-kamra li jitla’ mill-art sa ċertu livell.
ZOPTU / ZOBTU / SOPTU Kelma li tintuża l-aktar f’dawn il-kuntesti: ‘waqa’ u miet zoptu’, jew ‘waqaf zoptu’. Tintuża wkoll f’sens ieħor: ‘daħal zoptu’ – jiġ., daħal fuq xi ħadd għal għarrieda mingħajr ħadd ma kien qiegħed jistennieh.Aquilina jagħtiha soptu, waqt li E.S.I. jagħtiha sobtu. Etim. Tal. subito.
ZOZZA Isem ieħor għal Grezz. Fl-antik dan l-isem kien jintuża b’mod ironiku biex jirredikola, eż., meta wieħed jistaqsi, ‘Fejn sejjer int?’ l-ieħor jirrispondi: ‘Għand Zozza!’ biex jaqtagħlu fil-qasir u jurih li mhux affarih.
ZERAFA Ara: ŻRAFA.
ZUKKETTA Ara: KALLOTTRA.
ZUKKLETTI Żraben tal-injam. Ing. clogs. Fl-antik kienu jbigħuhom it-’Torok’ fit-triq. Etim. Tal. zoccolo.
ZUNTIER / ZIMTIER Ir-reċint, jew pavimentar imiss quddiem jew ħdejn il-knisja. Fl-antik din il-parti kienet isservi bħala ċimiterju. Sqal. zimmiteri. A. de S. jirreferi għal din il-parti bħala ‘zimtier’. Dan jindika li fiż-żmien ta’ A. de S. (nofs is-seklu 18) iz-zuntier kien għadu jservi bħala l-post tad-dfin. V.B (1900) jagħti kelma waħda bl-Ing. cemetery. Fil-kuntest tal-lum, iz-zuntier iservi bħala l-post fejn wara l-quddiesa, ħafna nies jieqfu u jinġabru biex jgħidu kelma, fejn il-kliem idur fuq kollox, għax il-kliem bħaċ-ċirasa, tgħid kelma u din iġġib lill-oħra!
*********
Ix-xogħol ta’ din il-website hu bbażat fuq l-informazzjoni meħuda minn dawn it-tliet kotba.
Paġni 256 Paġni 256 Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur
* E.S.I. Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). * F.V. Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831). * F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). * G.B.F. Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845). * J.A. Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990) * M.A.V. Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). * M.A.V. Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828) * (D) DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). * V.B. Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).
Jekk tixtieq tkun taf dwar xi kliem ieħor, jew inkella taf b’xi kliem ieħor li trid li jkun inkluż hawn, iktibli … mohba2016@gmail.com