A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
JEKKLILE * JIES * JODJU / ODJU * JUNKERS * JUPP * JUS PATRONATUS
JEKKLILE / INKLELE / NKLELE Kelma li kienet tingħad flok ‘jekk le’, f’kuntest bħal pereż., ‘Jekklile, ejjew’ – jiġ., ‘jekk tridu, ejjew’, inkella, ‘oqogħdu!’ E.S.I. jgħid li din il-kelma tintuża għax hi aktar enfatika minn ‘jew inkella’. Fil-kitba, ‘Mogħoz u Ngħaġ’, ta’ Alfons Maria Galea, naqraw hekk: ‘ […]min jahlibhom irid icun tas-sengħa, għax nchlele ixattarhom […]’ Sors: Cotba tal Moghdija taz-Zmien, n. 57 – ‘Fid Dar u il Ghalka’ (1906).
JIES Kelma li tintuża l-aktar fl-idj: ‘Aqta’ jiesek u berred busbiesek!’ – jiġ., tittamax aktar. A. de S. jinkludiha fil-frażi: naqta’ l-jies. Tal. sbaldanzire.
JODJU/ ODJU Dan hu prodott magħmul mill-irmied tal-alka. L-aktar użu komuni tiegħu hu bħala antisettiku li jitqiegħed fuq il-feriti biex inixxef u jiddisinfetta. Dan hu likwidu kważi trasparenti, biss jista’ jkun ta’ xi kulur jew ieħor, pereż., blu jew safrani skur. Il-jodju norm. ikun imħallat bl-etonil (alkoħol) biex jerħi aktar f’forma ta’ likwidu, u jkun jista’ jintuża bħala diżinfettant (Ing. iodine tincture). Il-jodju kien użat għall-ewwel darba bħala antisettiku fl-1908. Qabel, aktar mil-lum, il-jodju kont issibu fl-ixkaffi tal-mediċina fid-djar kollha, għax kienu jużawh biex jiddiżinfetta xi ferita żgħira. Il-jodju jintuża b’mod regolari fl-isptarijiet, l-aktar bħala antisettiku waqt l-operazzjoni. Tal. iodio, Ing. iodine. Gr. iodines, li tfisser ‘vjola’.
JUNKERS Tip ta’ ajruplani tal-gwerra Ġermaniż. Ajruplani tat-tip Junker JU 87, magħrufin ukoll bħala Stuka fil-qasir (Sturzkampfflugzeug), jiġ., dive-bomber, intużaw l-ewwel darba fil-Gwerra Ċivili ta’ Spanja (1936-39) u, ftit xhur wara, f’Settembru 1939, kontra l-Alleati, meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Skwadri ta’ Junkers kienu bbażati fi Sqallija, l-aktar matul l-1941 u l-1942. F’Malta, il-Junkers JU87 dehru għall-ewwel darba fis-16 u d-19 ta’ Jannar 1941, meta attakkaw l-aircraft carrier HMS Illustrious, li kien sorġut f’Parlatorio Wharf, taħt Kordin. Il-Junkers kienu armati b’machine gun u kienu jġorru sa ħames bombi, waħda taħt il-fuselage u tnejn taħt kull ġewnaħ. Hekk kif kienu jgħoddsu ’l isfel għal fuq il-bersall b’veloċità qawwija dawn kienu jsemmgħu il-Jericho trumpets, strument li kien jagħmel ħoss qawwi ta’ sirena, intenzjonat biex ibeżżgħu l-għadu. Kien hemm ukoll il-Junker JU 8, li deher fuq Malta għall-aħħar darba fit-8 ta’ Settembru tal-1943, proprju fil-jum li l-Italja ċediet. Dan l-ajruplan kien twaqqa’ mid-difiża Maltija tal-anti-aircraft. Oriġini tal-isem: Junkers Motorenwerke AG, imsemmija hekk għas-sid tal-intrapriża, Hugo Junkers. Din il-kumpanija kienet minn tal-ewwel fil-Ġermanja li bdiet tipproduċi l-ajruplani (1895). Ħajr lil Charles Debono, Kuratur tal-Mużew tal-Gwerra, il-Belt, talli qara u żied mal-kitba oriġ. Ara: Dħaħen tal-Gwerra, Laurence Mizzi (1974), pp. 22-23; When Malta Stood Alone, Joseph Micallef (1981), pp. 61 -70; The Second Great Siege, Charles Boffa (1992), pp. 33-51.
JUPP Kelma li tingħad speċjalment mit-tfal meta wieħed irid iwaqqa’ lill-ieħor għaċ-ċajt.
JUS PATRONATUS Dan it-terminu bil-Latin jirreferi għad-drittijiet u l-obbligi ta’ patrunaġġ fuq xi benefizju. Dan hu d-dritt tal-użu tal-propjetà, eż. ta’ xi kappella, knisja jew art, u l-obbligi marbutin magħhom. F’Malta u Għawdex hawn mas-26 kappella li għandhom dan it-titlu għax jaqgħu taħt il-patroċinju ta’ xi ħadd, u allura miżmuma b’kuntratt. B’hekk insibu pereż., il-kappella ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, li kienet jus patronatus tal-familja nobbli Boniċi taż-Żejtun; il-knisja tad-Duluri fl-Imqabba, ukoll ingħatat bħala jus patronatus mill-Isqof Mattei lill-assessur tiegħu Giovanni Schembri, biex dan jieħu ħsiebha. Għal ħafna żmien il-knisja ta’ Santa Ubaldesca fir-Raħal Ġdid, li kienet inbniet mill-Ordni tal-Kavallieri, kienet ikkonsidrata bħala Jus Patronat tal-Ordni. Ara: A Hundred Wayside Chapels of Malta & Gozo ta’ Kilin. pp. 175 – 232.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Paġni 256 Paġni 256 Paġni 256
Prezz: Euro 14.95 Prezz Euro 14.95 Prezz Euro 14.95
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Ara aktar: https://kliemustorja.com/d
L-Aktar sorsi mfittxija mill-awtur huma dawn: E.S.I. Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). F.V. Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831). F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). G.B.F. Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845). J.A. Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990) M.A.V. Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). (D) DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). V.B. Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).
