b

A *  B *  Ċ C D *  E F *
Ġ G *   H Ħ I *   J *    K*
L *   M *   N *    O *   P *   Q *   R *   S
T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*
BABAW / BAWBAW * BABBU * BAĊIR / BAĊIN / BAĊIL * BADBADI * BADESSA * BAFFIROS * BAGATELLA * BAGĦAL * BAGĦAR * BAGĦLI * BAĦBUĦ * BAĦJA, LARINĠ TAL- * BAILEY * BAJDA MIFSUDA (ara: MIFSUD) * BAJLA * BAJOKK * BAJTAR TA’ SAN ĠWANN * BAKKALJAW * BAKKALJAWWA * BAKLU * BALALU * BALBULJATA * BALDAKKIN * BALDU, TA’ * BALENA / BALIENA * BALILLA * BALJOL * BALLABROTT * BALLATA * BALLIJU * BALLU TA’ SAN VITU * BALLUT, SIĠAR TAL- * BALOMBA  / PALOMBA * BALZMU * BALZMU TAL-LUNZJATA * BALZRONA * BALZUNETTA * BAMBIN TA’ PRAGA * BAMBOTT * BAMBU * BAMJA * BAN * BANAVEKK * BANAVOLJA / BONAVOLJA * BANĊINU * BANCA GIURATALE, (IR-RABAT, GĦAWDEX) * BANDA TA’ INDRÌ *  BANDU * BANDULIERA * BANED TAL-AJKLA U BANED TAL-ISTILLA * BANJU, IL- * BANKUN * BANNI BANOZZI * BANS * BAQBAQUN * BAQBUQA * BAQLA * BAQQA * BAQRA * BAQTA * BARABANDATA * BARABBA / BARABASS * BARBA * BARBAR * BARBARIJA * BARBAZZAL * BARBETTA * BARBIER * BARBUT * BARDAXXA / BARDAXA * BARDNELL * BARJOL / PARJOL * BARJOLA / BIRJOLA * BARKATA * BARKLOR * BARKUN * BAROKKA, ARKITETTURA * BARR * BARRADA * BARRAKKA * BARUMBARA * BASSAR * BASTARDIN (ara: PASTARDIN) * BASTJUN * BATAL * BATAR (ara: BATRA) * BATRA * BATTENT * BATTERIJA * BATTUM * BATTUSA * BAWXATA * BAXÀ (ara: PAXÀ) * BAŻILIKA * BAŻILISK * BAŻINA * BAŻLOKKU * BAŻOKK/A * BAŻUTU, TAL- * BAŻUŻLU * BAŻWA * BAZIZJI * BBLAKKA * BEABÀ * BEATI PAOLI * BEATITUDNIJIET, IT-TMIEN * BEATU * BEBBUX * BEDBUT / BETBUT * BEĠEJĠU * BEHEM * BEJBET, TA’ * BEKBUKA * BEKKAMORT/BUKKAMORT * BEKKUM / BEKKUN / BAQQUM * BELLADONNA * BELLIEGĦA * BELLUDJA * BELQA / BELQ IN-NHAR * BEN * BENEDIĊTE * BENEPLAĊTU * BEREBIS * BERETTIN * BERĠA * BERĠA (KLINIKA) * BERGAMOTT * BERITTUN * BERQUQ * BERRINA * BETTIJA * BEŻŻALART / BAŻŻALART * BEZZJONI * BEZZUN / BUZZUN * BFBS * BĦAJRA * BIDNI/JA * BIĊĊIENI * BIDILLU * BIEB  ALLA * BIEB IL-GŻIRA * BIEB IL-GĦARREQIN * BIEB IS-SULTAN * BIEB LIBRETT (ara: LIBRETT) * BIES, IL- * BIFFSTEKK * BIGHI * BIJAMBÒ / GIANGÒ * BIKKJERIN * BIL-BIEX * BIN / BEN * BIN IL-BARR (ara: BARR) * BIFFSTEKK * BINNIJA * BIQA * BIRGU * BIR TAS-SKIEKEN * BIRRA * BISESTILI * BISKOTTI * BISKUTTIN, IL- * BISKWIN * BIXKILLA * BIXKLA * BIZZILLA * BJAD TAL-QOTON * BJADA * BJANKETT * BLANDUN * BLIS * BLU / BLUN / BLUNA, IL- * BNEJTA *  BODBOD * BOKKADOPRA (ARA: RIBALTA) * BOKKAPORT * BOLLA (TAL-PAPA) * BOLOQ (ara: BOLQA) * BOLQA * BOLREJS (KARETTUN TAL-) * BOMA * BOMBI, IL- / BIEB IL-BOMBI * BOMBLU * BONA * BONĊ / BUNĊ * BOQQA * BOQXIEX * BORBONI * BORDI / BURDI * BORDLIEQA *BORINA / DEBORINA * BORMLA * BORQOM * BORSA, LA * BOTNA / BOTON  * BOVU * BOXXLA * BOXXLU * BQAJLA * BRAĊĊJAL * BRADELLA * BRAĠ * BRAJMA * BRAKK * BRANDA * BRANKUTLU / BRENKUTLU * BRARED (ĊENSU) * BRAXIA, TA’ * BRAZZOL * BREJBU / VERBUM * BREJKU * BREVJARJU * BRIGANTIN * BRIGATA * BRIGATA LABURISTA * BRILLANTI * BRILLI * BRIXKLA * BROKK * BRONJA * (A)BU * BRUGA * BRUKA * BTEJTA (ara: BETTIJA) * BTIR * BUBUN / BUBÙ * BUDENBU * BUĠĠARRUN * BUĠIJA * BUKAGĦWAR * BUKKUN * BULEBEN / BULEBEL, TA’ * BULUBIF * BULUTTIN / BULETTIN * BUMARIN / BUMERIN * BUMBAJĦETT * BUMBARD * BUMBARDUN * BUMBETTA * BUQ * BUQANA (ara: QANA) * BUQRAJQ * BUR * BURDATA * BURINA * BUTTAR (ara: BETTIJA) *  BUTTUN * BUXAKKA * BUXWEJKA * BUŻILLIS / BUSILLIS * BUŻULLIEQA * BUŻŻU (ara: BUZZUN) * BUZZETT (ara: ABBOZZ) * BWA * BXIMA *BŻALLU

 

babauta-1BABAW / BAWBAW  Isem ta’ karattru immaġinarju li kienu jbeżżgħu t-tfal bih. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Ara ġej il-babaw’ (jew baw baw), jew inkella, ‘mela inti tibża’ mill-babaw?’. Insibu li anki fl-Italja u fi Franza l-kbar kienu jbeżżgħu lit-tfal bil-bau bau. Fil-fatt bit-Taljan jgħidu “se non la smetti chiamo il Babau!”. F’Venezja lit-tfal ukoll jgħidulhom ‘Se non stai bravo viene il babau e ti porta via’. A. de S. jgħid li fi żmienu t-tfal ukoll kienu jbeżżgħu lil xulxin bil-babaw. Fil-karnival ta’ Venezja l-karattru tal-Bau Bau hu rraffigurat minn bniedem liebes maskra bajda msejħa La Bauta.  Ma’ din il-maskra tintlibes ukoll speċi ta’ daqna sewda, magħmula mill-bizzilla, kappell trikott u mantell li jgħatti minn fuq sa isfel. L-influwenza tal-kultura Venezjana kienet tinħass f’Malta minħabba l-kummerċ u l-alleanzi navali li kienu jeżistu bejn Malta u Venezja fis-sekli sbatax u tmintax. Biss, din il-kelma setgħet ukoll daħlet f’Malta minn Sqallija, għax wara kollox din il-gżira hi eqreb lejn Malta u l-kummerċ kien akbar minn dak ma’ Venezja.  Illum il-kelma babaw tintuża wkoll b’sens ironiku, b’mod pożitiv. Eż.  ‘Għandu dar babaw’ – jiġ. – għandu dar sabiħa ħafna;  Sors: www.delpiano.com.    

BABBU   Bniedem li jġib ruħu ta’ wieħed fidil u sempliċi; bniedem inġenwu u li ma għandux ħażen. Espr. ‘għamilha tal-babbu’ – jiġ. beda jilgħabha tas-sempliċi biex ma jeħilx bi ħtijietu. Espr. ‘Toqgħodlux għal kollox, qisek babbu.’ Sqal. babbeo; Tal. balbettio – M. tpaċpiċ fil-vojt. M.A.V. jagħtiha bħala, Babu. Babu hu l-isem tal-wied li miż-Żurrieq jagħti għal taħt il-preċipizzji ta’ taħt Il-Munqar u l-Blue Grotto.

BacirbBAĊIR / BAĊIN / BAĊIL  1. Oriġ. dan kien  speċi ta’ banju kbir imħaffer fil-blat u mimli bl-ilma, fejn fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, kien jintuża bħala parti mill-arsenal biex jinħażen l-injam. Dan il-baċir kien jinsab fid-daħla ta’ ġewwa nett fil-bajja ta’ Bormla. Bosta milIl-baċiri eżistenti żviluppaw fi żmien l-Ingliżi, biex isir xogħol fihom ta’ tiswijiet, fejn il-bastiment ikun fix-xott. B’kollox inbnew ħames baċiri fuq iż-żewġ naħat tal-Isla, u kollha kienu jaħdmu b’magni idroliċi. Il-baċiri fit-Tarzna nbnew b’din is-sekwenza:

 

1848 - Baċir numru 1 Ġewwa nett fid-daħla ta’ Bormla
1862 - Baċir numru 2
1871 - Baċir numru 3 (s-Somerset Dock) fid-daħla ta’ Għajn Dwieli
1892 – Baċir numru 4 (Hamilton Dock)
1902 - 1907 inbnew Baċiri numru 4 u 5.
1979 – Red China Dock inawgurat 1981.

Tal.   bacino eż. bacino Mediterraneo. Tal. bacino navale.  Ara: ARŻNUTARZNA.   Ara wkoll: ‘The Royal Dockyards – Old and New Documents’ ta’ Ant. Zammit Gabaretta, Melita Historica Vol VIII, 1980; ‘The Malta Docks’ minn A Miscellanea of Maltese Records,  ta’ J.M. Wismayer; A Chronicle of  Twentieth Century Malta ta’ Bonnici Joseph u Michael Cassar.

BAĊIR  2. F’sens ekklesjastiku dan in-nom jirreferi għal trofew imżejjen bil-ħbejżiet tal-injam, u li f’nofsu jkun hemm statwetti ta’ qaddisin.  Dawn kienu jinġarru fil-proċessjoni tal-Madonna tal-Karità fil-Birgu. Il-ħobż kien imbagħad jitqassam lill-fqajrin. Sors: Lorenzo Zahra. 

BADBADI   Aġġ. Jingħad għal xi raġel li jġib ruħu ta’ bodbod, jiġ., b’mod li ma jirrispettax lil ħaddieħor. Raġel li jkollu x’jaqsam sesswalment ma’ ħafna nisa. BADBAD   v.  Ġab ruħu ta’ bodbod, Aġġ. / nom  Dak li jittratta lin-nisa b’mod krudil.

BADESSA     Il-madre superjura tas-sorijiet li jgħixu f’monasteru. Oriġ. etim. Tal. v. badare – M. ħa ħsieb, ta każ.

BAFFIROS   Appel. li l-Maltin ta’ dari kienu jużaw biex ilaqqmu lil xi ħadd li għandu d-daqna. Il-kelma kienet tintuża biċ-ċajt bħallikieku l-persuna bid-daqna kien xi Grieg.

BAGATELLA   Ammont ta’ ftit qligħ ta’ flus.  Eż., ‘Bix-xogħol li kien jagħmel ġabar bagatella ġmielha’. Oriġ. etim. Tal. bagatella – xi ħaġa ta’ importanza żgħira. Dekorazzjoni ħafifa.

BAGĦAL   Wild tadebba, (fem. ta’ żiemel u ħmar).  Bhima li kienet tintuża mill-bdiewa biex taħrat l-għelieqi jew biex iġġorr oġġetti ta’ ċertu toqol fuq daharha jew tiġbdu fuq karettun.  Idj: ‘Jaħdem daqs bagħal’ – paragun tas-saħħa u t-tenaċità li bniedem juri fix-xogħol tiegħu.  

BAGĦAL TA’ GIGG     Opra tal-baħar. Tip ta’ gigg li jixbah il-frajgatina.

BAGĦAR   Ħmieġ tal-annimali bħalma huwa dak tal-bhejjem tal-irfigħ, eż. l-bgħula jew il-baqar. Espr. ‘raġel qisu bagħra’, tingħad għal xi bniedem ikrah dagħwa.  1. Bagħri – aġġ. li jirriferi għal xi ħaġa li hi bħall-ħmieġ tal-baqar eċċ.  2. Xi ħaġa li tieħu n-nar malajr – x’aktarx minħabba li fl-antik il-ħmieġ tal-baqar eċċ. kien jitħallat mat-tiben u jintuża biex jitkebbes in-nar bih. L-annimali jħammġu differenti: bagħar jew imbagħar taż-żwiemel, bgħula u ħmir; kagħbur tan-ngħaġ, redus tal-mogħoz, tal-fniek u tal-grieden, rawt tal-baqar; slieħ tat-tiġieġ. Fejn jinġabar ir-redus tal-fniek jissejjah ir-reddiesa, u n-nassaba permezz ta’ hekk ikunu jafu li hemm il-fniek tal-grixti. F’Għawdex għemm taqbila: ‘Tax-Xagħra jieklu mbagħra, tan-Nadur jieklu l-kagħbur!’ Sors: Anton F. Attard.

BAGĦLI     1. Kull tip ta’ ħaxix li jittiekel (ħafna drabi msajjar).  2. Art bagħli hi dik l-art fil-kampanja fejn il-ħxejjex jikbru mingħajr it-tisqija tal-bidwi. Kromba bagħlija. (M.A.V.).

bahbuhBAĦBUĦ    (Pl. bħabaħ) 1. Is. xj. Cypraea.  Tip tabebbuxu tal-baħar.  2. Tip ta’ għaġin li għandu l-forma ta’ dan il-bebbuxu, biss kemxejn ikbar. 3. Bniedem ta’ karattru li jiġbdek u li jagħmel ħbieb malajr. Ewf. li kien jintuża biex jiddeskrivi xi ħadd sempliċi u inġenwu.  Ing. Cowry shell.  

BAĦJA, LARINĠ TAL-   Jgħidulu wkoll ‘larinġ tal-Brażil’ jew ‘larinġ taż-żokra’. Norm. dan il-larinġ ikollu taħt il-flieli, flieli oħra żgħar magħqudin qaqoċċa. Ing. navel jew seedless orange.

Bailey 1BAILEY   Wara l-kriżi tas-Swejż (1956), in-Navy Ingliża bdiet tara kif tirtira bil-mod il-mod il-flotta tagħha mill-Mediterran, u tħalli din iż-żona taħt is-sorveljanza tas-Sixth Fleet Amerikana. Dan kien żmien meta l-Gvern Ingliż kien qiegħed jipprova jnaqqas ħafna mit-toqol finanzjarju kbir li kellu fil-kolonji. Għaldaqstant, hekk kif il-bżonn tat-tiswija tal-bastimenti beda jonqos, il-Gvern Ingliż ra kif għamel biex it-Tarzna taqleb ix-xogħol tagħha minn wieħed purament militari għal wieħed ibbażat fuq tiswijiet ta’ bastimenti merkantili. Wara kollox ix-xogħol tat-tiswijiet tal-bastimenti navali seta’ jsir fir-Renju Unit, fi żmien li jiddetta li l-ekonomija Ingliża kellha tikkrea bosta xogħol f’pajjiżha. Fid-29 ta’ Marzu tal-1959, il-Gvernatur Robert Laycock, f’ċerimonja simbolika fil-Palazz, il-Belt, kien mogħti ċ-ċwievet tat-Tarzna mir-Rear Admiral Copeman tan-Navy Ingliża biex imbagħad ippreżenta dawn iċ-ċwievet lill-Group Captain George Bailey, Chairperson tal-kumpanija privata Bailey Group. Id-ditta Bailey ta’ C. H. Bailey ta’ Newport f’Wales kienet obbligata li tħallas l-Ammiraljat 30,000 lira sterlina għall-kiri tat-Tarzna. Biss biex Bailey setgħet tmexxi b’mod vijabli kien hemm bżonn li jitkeċċa numru konsiderevoli ta’ ħaddiema ‘żejda’ mid-Dockyard. Il-Gvern Ingliż ħareġ daqs 7 miljun lira sterlina u nofs, f’self, biex jgħin lil din il-kumpanija tirristruttura ruħha u tibda taħdem b’mod aktar effikaċi. Iż-żmien li Bailey dam imexxi t-Tarzna ma kienx twil bosta għaliex il-kumpanija bdiet tirrealizza li bis-6,350 ruħ li wirtet bħala impjegati u l-problemi li kellha mal-Union, ma setgħet qatt tagħmel il-profitti. Is-sitwazzjoni ma kinetx sostenibbli u fl-1963 din il-kumpanija ma komplietx topera f’Malta. Minflokha daħlet għall-impenn li tamministra t-Tarzna kumpanija oħra Ingliża, is-Swan Hunter Group. Ara: Rajt Malta Tinbidel, ir-Raba’ Ktieb, Herbert Ganado, pp. 221-232; Malta Drydocks, 1963-2010 ta’ Michael Cassar, pp. 12-25; A Chronicle of 20th Century Malta, Michael Cassar u Joseph Bonnici, pp. 264, 290; Ġrajjiet Malta ta’ John Inguanez, p. 85. Ara wkoll id-dibattiti fil-Parlament Ingliż, fejn hi diskussa t-tmexxija tat-Tarzna mid-ditta Bailey.

bajla75E0CBAJLA   1. Kontenitur tal-metall li jintuża biex jitgħalla l-ilma fih. 2. Mixer li jdur fuqu nnifsu waqt li s-siment ikun qiegħed jitħallat mal-ilma u materjal ieħor biex issir it-taħlita biex wara tintuża fil-kostruzzjoni tal-bini jew tat-toroq bħala siment, konkos jew materjal ieħor. Minn dawn hemm dawk li jitħaddmu bl-idejn u oħrajn ikbar li  jitħaddmu bil-makkinarju tal-elettriku kif ukoll bil-magna tal-vettura stess li fuqha jkun qed jinġarr il-materjal. Etim. Ing. boiler. 

baiocco romano.pngBAJOKK    Munita tal-fidda li kienet tiswa tnax-il dinar. Din kienet tintuża fil-Lazio mis-seklu ħmistax ’il quddiem. Fis-seklu dsatax din il-munita bdiet tiċċirkola fl-Istati tal-Papa, u għaldaqstant kienet ukoll tintuża f’bosta reġjuni tal-Italja tan-Nofs. Il-bajokk kien ukoll jintuża fi Sqallija. Fl-1725 il-bajokk beda jkun mitbugħ fir-ram. Dak iż-żmien il-bajokk kien jiswa mitt skud Ruman. Fis-sena 1865, din il-munita ma baqgħetx tkun mitbugħa għax il-Vatikan kien iddeċieda li jintroduċi l-flus bis-sistema deċimali kif kienu qegħdin jagħmlu dak iż-żmien bosta pajjiżi Ewropej. Minflok il-bajokk kien daħal is-sold. Din il-munita hi inkluża fid-Dizionario Portatile ta’ F. Vella (1843). E.S.I. jgħid li din il-munita kienet tiswa żewġ dirdiniet jew sold Ruman. Ara:     SOLD. Tal. baiocco.

bajtar ta' san gwannBAJTAR  TA’ SAN ĠWANN    Is. xj. Ficus carica.  Tin imsejjaħ hekk minħabba li jimmatura lejn l-aħħar ta’ Ġunju,  meta tkun iċċelebrata l-festa ta’ San Ġwann il-Battista, (24 ta’ Ġunju). Il-bajtar ta’ San Ġwann jikber fuq il-bajtrija, siġra li tagħmel dan il-frott darbtejn. It-tieni boton, it-tin, jilħaq u jinqata’ f’Awwissu. Biex iżomm u ma jaqax dan irid jiddakkar bid-dukkar. Tipi oħra ta’ tin hu l-farkizzan, il-parsott, it-tin ta’ Ċenċ u oħrajn. Dawn kollha jimmaturaw f’Awwissu, u l-frotta titqadded fix-xemx.  Hemm ukoll tip ieħor ta’ bajtar jew tin, biss dan jinqata’ fil-ħarifa.  Idj: ‘Kemm int mitluq, qisek bajtra’, tingħad lil xi ħadd li mhuwiex fuq ruħu u li ma jafx jaħtaf l-opportunità f’waqtha.  Sors ewlieni: Anton F. Attard. Ara:     FARKIZZAN u PARSOTT.   

BAJTRIJA     Siġra tat-tin.

bakkaljaw Trisopterus_minutusBAKKALJAW Is. xj. Trisopterus minutus. F’Malta dan hu dak il-bakkaljaw immellaħ. Din il-ħuta ta’ kulur fiddieni fl-aħmar tikber sa 40 ċm, u tgħix f’qiegħ il-baħar, bejn 10 u 300 m fond. Il-bakkaljaw jinqabad l-aktar fl-Atlantiku f’żona wiesgħa minn bejn in-Norveġja u l-Marokk, biss jinsab ukoll fil-Mediterran.  Matul is-sekli l-bakkaljaw kien wieħed mill-ftit ħutiet li kien jiġi mqadded bakkaljawjpg.jpgfir-riħ jew bix-xemx, u mbagħad jitpoġġa fis-salmura, biex ikun ikkonservat. Kien ikel tipiku l-aktar fuq il-bastimenti waqt xi vjaġġ twil.  Oriġ.  Sp. Baccalao; Tal. Baccalà jew Ġerm. Bakkel Jau, li tfisser ħuta iebsa bħaz-zokk.  L-isem ta’ din il-ħuta bit-Tal. hu merluzzo u bl-Ing. Stockfish. Vermanent stockfish tista’ tirreferi għall kull tip ta’ ħut li jkun imqadded bl-istess mod bħall-bakkaljaw, iżda mhux ippriżervat bil-melħ.  Ing. poor / salt cod.  Fig. Bniedem niexef jgħidulu qisu bakkaljawwa.

BAKKALJAW, LARINĠ TAL-   Larinġ morr u li m’għandux togħma tajba.  Il-qoxra ta’ din il-larinġa tintuża biex issir il-marmellata. Ma’ din is-siġra jitlaqqam il-laring, il-mandolin u l-lumi.  Appellattivi oħra bill-Malti għal dan it-tip ta’ larinġ huma ‘Zupperit’ jew ‘Qares’.  Ing.  bitter / sour / Seville orange.

bakkaljawa-206BAKKALJAWWA     Ġakketta / ġlekk bil-kuda (Ing. tales) li kienet u għadha tintlibes f’okkażjonijiet speċjali. Oriġ., il-bakkaljawwa kienet iddisinjata bħal kowt li setgħa jinqafel mill-parti ta’ fuq tal-ġisem, waqt li l-parti ta’ isfel fuq quddiem kienet maħdum b’mod li jiffaċilita li l-persuna tkun tista’ tirkeb fuq iż-żiemel. Kelma oħra għall-bakkaljawwa hi ‘ġistakor’. L-isem mogħti għall-bakkaljawwa  li jirriferi għal mod kif dan ġlekk jintlibes stirat – paragun mal-bakkaljaw imqadded.

baklu1BAKLU   Il-bastun ċerimonjali li jġorr l-isqof magħruf ukoll bħala crosier. L-oriġini tal-baklu tmur lura sas-seklu ħamsa W.K. meta jissemma f’ittra li l-Papa Ċelestin bagħat lill-isqfijiet ta’ Vienne u Narbonne fi Franza. Il-baklu jingħata mill-Papa lill-prelat tal-Knisja li jkun ordnat isqof, biex jissimolizza li hu issa sar ir-‘ragħaj’ tal- ‘merħla’ tiegħu. Waqt iċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni l-Papa jgħid: Accipe baculum pastoralis jiġ: ‘Irċievi l-bastun tar-ragħaj!’. Mela l-baklu hu simbolu tal-awtorità, li flimkien mat-tjubija spiritwali, jagħti lill-isqof is-setgħa li jmexxi l-fidili fit-triq it-tajba.. Il-baklu jinġarr mill-isqof kif ukoll mill prelati aktar ‘l isfel mill-isqof. Biss, meta l-prelat ikun xi ħadd ta’ kariga iżgħar, il-parti mgħawġa tal-bastun tinżamm tħares ‘l ġewwa, jiġ. lejn il-prelat, u mhux ’il barra lejn in-nies.

balbuljataBALBULJATA  Ikla mħawra tajba u popolari ħafna, l-aktar għal xi piknik ħdejn il-baħar. L-ingredjenti jinkludu basal imqatta’ u moqli, tadam u bajd imħabbat li jitħallat u jissajjar fiz-zalza. Idj: ‘Għamel balbuljata sħiħa’ – tingħad meta xi ħadd ikun għamel xi ħmerija kbira. Fin-Nadur Għawdex issir tip ta’ balbuljata li jsejħulha ‘xekxuka’. Dwar din tal-aħħar, is-sors kien Anton Attard

Baldakkinc (2)BALDAKKIN  Tinda li ħafna drabi tkun magħmula mid-damask, ta’ għamla tonda jew kwadra. Din tintrefa’ minn erbat irġiel waqt il-purċissjoni, eż. ta’ Korpus. Antikament, il-baldakkin kien ukoll jinġarr fit-tieġ fuq l-irjus tal-għarajjes. Fi żmien l-Ordni kien jintuża baldakkin waqt xi ċerimonji biex jipproteġi l-Gran Mastru mir-raġġi tax-xemx. Il-baldakkin kien jintrefa’ minn erba’ nobbli ġurati. Taħt il-baldakkin kien jimxi wkoll il-Gran Prijur tal-Ordni, li kien il-kappillan ta’ Lingwi. Bit-Taljan il-baldakkin (baldacchino) jirriferi għat-tribuna tal-ġebel, irħam jew injam, mibnija fuq l-altar maġġur li ġen. tkun fi stil Barokk. Ara: TRIBUNA.   Ara: CORPUS.

Baldu LC Gino GaleaBALDU, TA’ Fis-sena 1882, l-arkeologu u studjuż Dr Anetto Caruana ppubblika rapport fuq il-fdalijiet antiki li hu kien żar f’Ta’ Baldu, żona li tinsab fin-naħa tal-għolja ta’ Wied ir-Rum, mil ’il bogħod minn Ħad-Dingli. Fost għerien u bjar hawn instabet ċisterna taħt l-art li fiha mat-tlettax-il metru fiċ-ċirkonferenza tagħha, u li x’aktarx kienet tintuża bħala banju li minnu l-bdiewa ta’ dawk l-inħawi kienu jieħdu l-ilma ġieri għax-xorb u t-tisqija tal-għelieqi tal-madwar. Wara l-istudju li għamel Caruana, biż-żmien iċ-ċisterna għebet bil-veġetazzjoni u ntesiet għal aktar minn mitt sena. Din reġgħet instabet fi żmien aktar riċenti u kienet skavata b’mod xjentifiku fl-1999. Fil-kwantità u l-kollettività tagħhom qrib xulxin, dawn il-fdalijiet Ta’ Baldu ġiegħlu lill-istudjużi jaħsbu li dawn huma fdalijiet Rumani. Dan mhux biss minħabba l-banju hekk imsejjaħ Ruman, iżda anki minħabba l-mitħna tal-qamħ li tixxiebah ma’ oħrajn ta’ xeħta simili li mdorrijin nassoċjaw ma’ dan il-perijodu. Minflok, illum jaħsbu li dan il-banju hu uniku għax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin. Skont l-arkeologu Keith Buhagiar, dan il-banju jmur lura sas-seklu erbatax jew inkella sas-seklu sittax. Dan il-ħsieb inħoloq għax f’dan il-banju ma nstabux il-karatteristiċi ta’ banjijiet Rumani, eż. t-tepiderium, il-calidarium u l-ipokawst, li kienu jinbnew biex isaħħnu lill-banjijiet. Preċiżament fuq livell aktar baxx mill-irziezet li hemm fil-qrib insibu diversi għerien li f’xi wħud minnhom hemm maqtugħin banjijiet kif ukoll ċisterni tal-ilma. Fuq wieħed mill-ħitan hemm id-data 1629. Keith Buhagiar ixebbah iċ-ċisterna tal-banju ma’ oħrajn simili li nstabu Palermo, f’Palazzo Marchesi. Ara: ‘The Roman Baths at Ta’ Baldu’, Treasures of Malta, n. 17, Easter 2000, Vol. VI n. 2, pp. 47-51; ‘Revisiting Wied ir-Rum: Some recent archaeological discoveries’, Melita Historica, Vol. XVI, n. 1, 2012, pp. 77-108. Dawn iż-żewġ artikli huma miktuba minn Keith Buhagiar.

BALENA / BALIENA   1.  Idj: ‘Jew makku jew baliena’ – rif. lejn xi ħadd li jkun għamel jew ippreżenta xi ħaġa, jew ta’ ċokon żgħir jew inkella ta’ kobor eżaġerat. Ara: MAKKU2. L-għadma li ddur mat-tarf tal-għonnella biex iżżommha soda meta din tintlibes fuq ir-ras biex din ma tinżilx ’l isfel. Għadam bħal din jinħadem ukoll fil-panċiera biex iżommuha soda. Ara: GĦONNELLA.

balilla xx.pngBALILLA  Lisem mogħti lill-organizzazzjoni paramilitari tat-tfal u żgħażagħ li kienet imwaqqfa mill-partit Faxxist Taljan fis-snin għoxrin. Dan l-isem kien ispirat minn episodju fl-istorja tal-Italia irredenta, meta fl-1746, fi żmien meta Ġenova li kienet maħkuma mill-Awstrijaċi, tifel kien gara ġebla lejn xi suldati Awstrijaċi biex juri l-ostilità tiegħu lejhom. Bl-azzjoni tiegħu, dan it-tifel, Giovan Battista Perasso, imlaqqam ‘Balilla’, kien ta eżempju ċar li l-poplu Taljan li għandu jieqaf kontra l-ħakma barranija. Fis-sena 1926, il-gvern Faxxist Taljan kien ħoloq assoċjazzjoni taż-żgħażagħ li kienet ingħatat l-isem ta’ Operazione Nazionale Balilla. F’Malta, il-moviment Faxxist, allavolja kien żgħir ħafna, tħajjar ukoll li jkollu t-taqsima taż-żgħażagħ li żżomm l-istess isem. Dawn t-tfal kienu jintbagħtu vakanzi fl-Italja lebsin bl-uniformi tal-Balilli.  Ara:    FAXXIŻMU.      

BALJOL      Barmil tal-injam li jintuża biex jittella’ l-ilma mill-bir. Sq. bugghiolu. Sors etim: E.S.I. Ara: ĦERŻA.

ballabrott-1059BALLABROTT   Ballun taċ-ċarruta li kienu jilagħbu bih it-tfal. Ballun tat-tennis jew talkrikit. Sors:  V. Busuttil, 1900. Idj: ‘Għamluh ballabrott’ – ġerrewh minn post għal ieħor bla bżonn.  Etim: dubjuża għalkemm l-ewwel parti balla ġejja mit-Tal. palla jew balla.

 

BALLATA    (pl. kollettiv) Dawn kienu ħaddiema, fil-kwantità kbira minnhom nisa, li kienu jballtu d-deffun max-xaħx biex bit-taħlita jinkesa l-bejt. Dan fi ż-żmien meta l-kisi tal-bjut kien isir bit-torba (ara: TORBA).Il-ballata kienu jballtu d-deffun billi jużaw il-MARŻEBBA, biex jillixxawh f’livell wieħed.  Il-ballata kienu jkunu ssorveljati mill-imgħallem tagħhom ħalli dan ikun ċert li x-xogħol isir kif mixtieq, u li t-torba xxaqleb tajjeb lejn direzzjoni waħda, biex l-ilma tax-xita jaqleb lejn il-miżieb. Għ. nies li jballtu. Ara: MIŻIEB.  Idj: ħallata ballata: meta kollox jitħallat flimkien.

img_5631.jpgBALLIJU     Fl-Ordni ta’ San Ġwann kien hemm seba’ balliji konventwali, wieħed għa kull Lingwa. Dawn kienu l-ogħla dinjitarji fl-Ordni wara l-Gran Mastru. Erbgħa minnhom kellhom bilfors jgħixu f’Malta, minħabba x-xogħol tagħhom amministrattiv. Fost dawn kien hemm il-Gran Balliju. Dan dejjem kien ikun magħżul mil-lingwa t’Alemania (Ġermaniża). Il-Gran Balliju kien responsabbli għall-manutenzjoni tal-fortifikazzjonijiet tal-Ordni. Il-balliji konventwali kienu wkoll imsejħa ‘Pilier’. Barra minn Malta kien hemm ukoll il-Balliji Kapitulari li kienu jamministraw il-ballijati (Ing. bailiwicks), li kienu mxerrda mal-Ewropa kollha. Kull ballijat kien ikun kompost minn diversi kommendi. Kull kommenda kienet tkun amministrata minn Kommendatur (Ing. Commander) li kien iwieġeb lill-balliju responsabbli tar-reġġjun jew pajjiż. Lat. Baiulivus – M. Gvernatur.  Ara:    LINGWI  TAL-ORDNI.

BALLU TA’ SAN VITU    Marda li taffettwa xi wħud li jkunu qed isofru minn rewmattiżmu akut, l-aktar tfal bniet ta’ taħt it-tmintax-il sena. Is-sintomi ta’ din il-marda jidhru fil-movimenti involontarji f’diversi partijiet tal-ġisem, l-aktar l-idejn, il-wiċċ u s-saqajn. Dawn il-mossi jagħtu l-impressjoni li l-persuna qiegħda bħal tiżfen. B’hekk, din il-marda tissejjaħ il-Ballu ta’ San Vitu’, għaliex San Vitu kien il-qaddis patrun taż-żeffiena. Din l-idea oriġinat fil-Ġermanja u fil-Latvja fejn kienu jeżistu gruppi ta’ devoti ta’ dan il-qaddis li kienu jiżfnu quddiem l-istatwa tiegħu. L-isem bl-Ing. ta’ din il-marda hu: Sydenham’s chorea / chorea minor. L-ewwel isem hu ddedikat għal Thomas Sydenam (1624-1629) li kien tabib Ingliż li studja din il-marda. Din il-marda ġieli tissejjaħ ukoll ‘Tarantiżmu’.

Balluta Annalise FalzonBALLUT,  SIĠAR  TAL-  Is. xj. Quercus ilex.  Siġra Mediterranja li x’aktarx hi l-eqdem mis-siġar kollha li jikbru fil-gżejjer Maltin. Din is-siġra tikber sa għoli ta’ 30 m. Fl-istat naturali tagħha din is-siġra tinsab biss f’erba’ postijiet: Il-Buskett, Ħad-Dingli, L-Imġiebaħ u l-Wardija. Biss illum qed tkun imħawla f’diversi oqsma oħra fejn hemm proġetti ta’ afforestazzjoni, bħal f’Wied Għollieqa, Xrobb l-Għaġin, Foresta 2000 u oħrajn.  Iz-zokk ta’ din is-siġra kien jintuża ħafna, biex jinbnew ix-xwieni u biex jinħadmu l-krietel tal-inbid. Il-frotta tal-ballut tissejjaħ ġandar. M.A.V. ghianda. Ing. Holm oak.  Ara:    ĠANDAR.

balombaBALOMBA / PALOMBA   Strument magħruf ukoll bħala s-sirena. Din kienet tindaqq fi żmien il-gwerra biex tagħti l-allarm meta jkun ser iseħħ xi attakk. F’Malta, il-balomba ndaqqet mill-inqas mat-3,300 darba għax daqshekk kien hawn attakki mill-ajru. Il-balomba baqgħet tindaqq wara l-gwerra fit-Tarzna biex tagħti s-sinjal lill-ħaddiema l-ħinijiet tat-tibdil tax-xift. Illum tintuża wkoll, fil-Wied ta’ Birkirkara biex tavża s-sewwieqa meta jkun hemm xi periklu tal-ilmijiet torrenzjali waqt xi xita qalila.  Etim. J.A. ma jagħtix spjega. Skont E.S.I. din ġejja mill-Isqalli: campana da palombaro – il-qanpiena tal-għaddasa. Mhux ċara din l-ispjega għaliex il-qanpiena tal-bugħaddasa ma kellha x’taqsam xejn mal-ħoss tal-balomba.  [jinħtieġ aktar riċerka).

BALZMU     Tip ta’ ingwent mediċinali, ħafna drabi magħmul mill-pjanti. Krema jew żejt ifuħ li jagħmel ġid lill-bniedem meta jidilku fuq dik il-parti ta’ ġismu fejn hemm bżonn il-kura. Rimedju mediċinali li jagħti serħan u sens ta’ komfort lil min jużah. Meta s-saċerdot jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu (Prima Messa) kienu jindilkulu jdejh bil-balzmu. Il-balzmu jintuża wkoll matul iċ-ċerimonja li fiha jkun ikkonsagrat l-Isqof. Idj: ‘il-kliem ħelu tiegħu ħassu nieżel bħal balzmu’, u proverbju umoristiku: Ix-xogħol salmura tal-ġisem u l-għass balzmu. Ara: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, ta’ Guido Lanafranco, pp. 70, 71.

balzmu tal lunzjataBALZMU TAL-LUNZJATA Dari kien hawn twemmin superstizzjuż li jekk tiġieġa tbid bajda fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Madonna tal-Lunzjata, din il-bajda ma tittikilx. Minflok il-bajda kienet tinżamm merfugħa għax kienu jemmnu li biż-żmien din issir tfuħ u tarmi riħa tal-balzmu. Wara xi żmien, din il-bajda kienu jofqsuha u l-kontenut tagħha jħalltuh bix-xaħam biex isir ingwent li jfejjaq.

BALZRONA   L-isem li bih il-Maltin kienu jsejħu l-belt Spanjola ta‘ Barċellona. Sors: M.A.V. (1796).

BALZUNETTA  Appel. lill-inħawi fil-Furjana li jinkludu dawn it-toroq: Triq San Kalċidonju, Triq Vincenzo Bugeja, Triq l-Argotti, Triq l-Iljun, Triq Konservatorju, Triq il-Mall u Triq Vincenzo Dimech. Mhux ċar għaliex din iz-zona tissejjaħ hekk. Jingħad minn bosta, li hawn kienu jgħixu xi nies Spanjoli minn Barcellona. Fil-bidu tas-seklu dsatax hawn kien miżgħud bi ħwienet tax-xorb fejn is-suldati li kienu stazzjonati f’Lintorn Barracks kienu jqattgħu il-ħin liberu tagħhom. Jista’ jkun ukoll li jeżisti xi xebh bejn dawn l-inħawi u Barcellonetta, lokalità fis-subborgi ta’ Barcellona fi Spanja. Qab. ma’ Balzrona li hu l-isem li jagħti M.A.V. (1796) għall-belt ta’ Barċellona. Sors ieħor: George Maggi. Ara:  Fjuri li Ma Jinxfux, Oliver Friġġieri; Oh Żmien Ħelu – Ir-Radju, Il-Palk u Jien, Josephine Mahoney, pp. 106.

Bambin ta' praga ta veru Child_Jesus_of_Prague_(original_statue)BAMBIN TA’ PRAGA     Idj:  ‘Qiesek il-Bambin ta’ Praga’ – tingħad lil xi tfajjel liebes sabiħ, l-aktar b’ilbies li jixbah dak li naraw fl-immaġini tal-Bambin ta’ Praga. Din hi statwa żgħira, ta’ daqs 40 ċm, imlibbsa bi ħwejjeġ ta’ veru, u li tinsab fis-santwarju tal-Vitorja fi Praga, fir-Repubblika Ċeka. L-istatwa hi ta’ oriġini Spanjola, u kienet mogħtija lill-prinċipessa Spanjola Maria Manriques de Lara minn ommha, bħala rigal tat-tieġ, meta żżewġet lin-nobbli Ċek Vratislav ta’ Pernstyn fis-sena 1556. Fl-1628, din l-istatwa għaddiet mill-familja Rjali għal għand il-Karmelitani Skalzi, li jieħdu ħsieb il-Knisja tal-Vitorja fi Praga. Il-globu żgħir f’id il-bambin għandu fuqu salib tal-Kavallieri ta’ Malta. Dan għaliex fiż-żmien, Praga kienet tagħmel parti mill-Prijorat Awstrijak li kien f’idejn l-Ordni ta’ San Ġwann. Il-popolarità ta’ din l-istatwa trawmet l-aktar fil-poplu Malti minn meta fl-1913, il-Karmelitani Skalzi f’Malta bdew joħorġu pubblikazzjoni kull ġimagħtejn imsejħa ‘Il-Bambin ta’ Praga’. F’dan il-perijodiku, fost affarijiet oħrajn, kienet irrakkuntata l-istorja tal-Bambin ta’ Praga. F’Malta għandna wkoll kappella ddedikata lil dan il-bambin, li tinsab għand is-sorijiet tal-klawsura f’San Ġiljan. Kopja tal-istatwa tal-Bambin ta’ Praga nġabet f’Malta mill-Ordni tal-Kavallieri fi żmien riċenti u kienet ippreżentata lill-knisja tal-Vitorja, l-Belt Valletta.  Din l-istatwa mhix imlibbsa ħwejjeġ ta’ veru bħal dik ta’ Praga. Din qiegħda esposta fuq altar tal-ġenb ta’ din l-knisja.  Replika oħra ta’ din l-istatwa tinsab f’kappella żgħira ddedikata lill-Madonna f’Ħal-Lija. Ara: ‘The Holy Infant of Prague and Malta’ ta’ Carmel Bonavia, The Sunday Times, December 4, 1994;  artiklu fuq l-istess suġġett fuq il-paġna tal-web: www.christmasjoy.110mb.com.

BAMBOTT   Dgħajsa tal-GADRAJ li fuqha jinġarr u jinbiegħ ikel u proviżjon ieħor lin-nies li jkunu abbord il-bastimenti. Ing. bumboat li final. hi meħuda mill-Olandiż bohmboot: dgħajsa tal-injam jew tip ta’ kenura magħmula minn zokk ta’ siġra. Ara: GADRAJ.

BAMBU    Kelma li kienet tintuża fil-lingwaġġ tat-tfal iż-żgħar meta jirriferu għaż-żarbun. Ngħidu, ‘Hi kemm għandu bambu sabiħ!’.  Din l-ispjega jagħtiha wkoll M.A.V. (1796).

bamjaaaBAMJA  Is. xj. Hibiscus esculentus. Pjanta magħrufa wkoll bħala ‘melleħija’ jew ‘tewm il-Griegi’ (anke qrun il-Griegi). Din il-pjanta tikber maż-żewġ metri, b’weraq ta’ 10-20 ċm. Żmien ilu kienet popolari l-aktar ma’ ħafna Maltin li kienu jemigraw lejn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq fejn il-miżwed tal-fjura jittiekel mgħolli jew moqli. Il-bamja  tittiekel ħafna  fil-Libja. L-oriġini ta’ din il-pjanta hu dubjuż. Hawn min jgħid li din ġejja min-naħa tan-Niġerja, biss xi wħud jaħsbu li din il-pjanta oriġinat fin-naħa tal-Lvant tal-Afrika, jew anki fl-Indja. L-Amerikani jsejħulha ‘okra’, waqt li l-isem bamja hu dak Indjan. Fl-Indja u l-Pakistan din il-pjanta tissajjar f’tip ta’ stju. Ing. Ladies’ finger.

BAN   1. Torċa tan-nar li tinżamm u tinġarr fl-idejn.  2. Ħabel li jkun miksi bil-qatran.  3. Ħalfa jew spartu (Ing. esparto grass, cord grass). Dan in-nom jintuża fir-rumanz Pawlu Xara, ta’ Ġużè Muscat Azzopardi meta jgħid hekk: ‘… bix-xwabel merfugħa fl-ajru, bil-ban mixgħul f’idhom l-oħra…’   4. M.A.V. jgħid li l-ban hi dik il-materja li toħroġ minn xi tumur.

BANAVOLJA / BONAVOLJA   Qaddif tax-xwieni li kien jingaġġa ruħu volontarjament biex jaqdef fuq ix-xwieni tal-Ordni. Dan ix-xogħol iebes kien isir minn nies li ħafna drabi ma kellhomx mod ieħor kif jaqilgħu l-għixien tagħhom. Qaddifa oħra li kienu jaqdfu fuq l-istess bank tax-xwieni kienu jkunu skjavi jew ħabsin (tal-aħħar magħrufa bħala FURZATI) u ma kienux jitħallsu bħall-banavolja. Sas-seklu dsatax ma kienetx ħaġa rari li dan it-terminu jintuża meta wieħed jgħajjar lill-ieħor biex jurih li hu meqjus bħala bniedem ta’ manjieri baxxi. Oriġ. etim. Tal.  buona voglia.

BANAVAKK   Rif. għal xi ħadd makakk u brikkun. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, p.106, Ġuże Galea jgġid hekk: ‘…ta’ makakk li kien dak il-banavakk malajr xamm li seta’ jikseb kemxa ġmielha’.

BancinuBANĊINU   L-isem ta’ vapurett ta’ 127 pied li kien inbena bħala twin-screw-motor yacht fi Glasgow fl-1927. Dan kien inxtara minn Joseph Gasan fl-1947. Gasan kien addatta dan il-vapur żgħir biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ numru mdaqqas ta’ passiġġieri li jaqsmu bejn il-Marfa u l-Imġarr. Fl-1950, ismu imbidel fil-Banċinu, Dan il-bastiment beda jintuża għall-ġarr tal-passiġġieri, kif ukoll għat-tagħbija li setgħet anki tinkludi sa żewġ karozzi. Il-prezz tal-vjaġġ tal-passiġġieri fuq il-Banċinu kien ta’ xelin u nofs. Il-Banċinu dam jopera sat-23 ta’ Jannar tal-1957, meta f’maltempata li kienet inqalgħet, dan il-vapurett kien inqata’ mill-irmiġġ fl-Imġarr u inkalja fuq il-blat. F’dan l-inċident kien miet l-għassies li kien xogħol fuqu. Wara, il-Banċinu kien inbiegħ lil kumpanija Griega, u ngħata isem ġdid,  Athinai. Floku, bejn il-Marfa u l-Imġarr, kien beda jintuża bastiment ieħor, l-Imperial Eagle. Sors: Michael Cassar.  

BANCA GIURATALE4 (2)BANCA GIURATALE  (Ir-Rabat, Għawdex)  L-isem tal-binja imponenti li hemm fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk). Din l-istruttura nbniet fl-1733, fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena, biex fiha jiltaqgħu u jamministraw il-Ġurati, jiġ., l-membri tal-Università ta’ Għawdex. Hawn għadhom jinsabu ħafna dokumenti relatati mal-amministrazzjonijiet antiki ta’ Għawdex. Il-bini kien ikkommissjonat mill-Ordni u ddisinjat mill-arkitett Franċiż François de Mondion. Biss il-binja li hemm illum inbidlet fil-forma tagħha, u l-parti ta’ quddiem li tħares lejn il-pjazza għandha forma ta’ nofs tond kienet miżjuda fl-1860. Fi żmien l-Ingliżi dan il-bini kien iservi bħala Arkivju Notarili, għassa tal-Pulizija, kif ukoll berġa u Uffiċċju tas-Saħħa. Illum il-Banca Giuratale sservi kemm bħala s-sede tal-Kunsill Lokali tar-Rabat kif ukoll bħala l-Uffiċċju tal-Kultura ta’ Għawdex. Ara: GVERNATUR TA’ GĦAWDEX.    

IndriBorgcBANDA TA’ INDRI  Din kienet waħda mill-eqdem baned f’Malta (ċ. 1860). Tissejjaħ hekk għaliex kien ċertu Indri Borg li għaqqad din il-banda f’Ħaż-Żebbuġ. Il-banda kienet tikkonsisti minn ħmistax-il mużiċist, li ħafna minnhom kienu jdoqqu strumenti tal-korda. Dawn kienu jdoqqu f’okkażjonijiet speċjali bħal tiġijiet u festi tar-raħal. Illum, il-frażi ‘Banda ta’ Indri’ tirriferi għal banda ta’ mużiċisti, pjuttost antikwata jew sempliċi. Ta’ min wieħed jgħid, li Indri Borg (1888 – 1903), kien għami minn ta’ sentejn, biss xorta kien kapaċi jdoqq diversi strumenti. Mhux talli hekk, talli kien ukoll jikkomponi l-mużika u anke jsewwi orgnijiet tal-knejjes. Dak iż-żmien, bosta nies għomja kienu jkunu mħajra jitgħallmu xi strument biex jaqilgħu x’jieklu. Indri kien ukoll għaqqad l-ewwel banda tal-Isle Adam tar-Rabat. Ara: ‘Borg Indri’ fid-Dictionary of Maltese Biographies Vol I. ta’ Michael Schiavone.

BANDITUR    Dak li jaqra l-BANDU.

bandu 1722 - 251

BANDU   L-editt, digriet jew proklama tal-liġi li tkun imħabbra lill-poplu. Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann il-bandu kien jinqara fit-toroq tal-ibliet mill-banditur (l-uffiċjal inkarigat). Kien ikun hemm bandi moqrija regolarment li jittrattaw kull suġġett, per eż., kull meta kien hemm biża’ ta’ xi attakk mill-għadu l-bandu kien jordna li s-sidien tal-isiera biex jibagħtu l-ilsiera tagħhom fil-ħabsijiet komunali ħalli jinqaflu ġewwa. Bandi oħra li ta’ spiss kienu jinqraw kienu jittrattaw ir-reklutaġġ taċ-ċorma biex min ikun interessat jingaġġa għal xi vjaġġ ta’ piraterija (corso).  Bandi oħrajn kien joħorġu fi żmien il-kaċċa biex din issir b’mod regolat. Kien hemm ukoll bandu li jħeġġeġ il-poplu biex jipparteċipa fil-festi li l-Ordni kien jiċċelebra.  Il-bandu kien magħruf bħala l-Bandu tas-Sultan (rif. għall-Gran Mastru). Jeżisti wkoll tip ta’ bandu ieħor li ma għandu x’jaqsam xejn mal-Ordni.  Dan huwa l-Bandu tal-Irkant. v. ‘hu banda’, jiġ. ħareġ proklama. Idj: ‘Mar daqqlu l-bandu’ – jiġ., mar jgħid ma’ kulħadd dak li jaf fuqu.

OLYMPUS DIGITAL CAMERABANDULIERA    Ċinturin li jiddendel mal-ispallejn, u li miegħu jinżlu sensiela sħiħa ta’ kontenituri tal-injam forma ta’ fjal, kull wieħed mimli porvli. Minn dawn il-kontenituri wieħed kien iferra l-porvli min-naħa ta’ ħalq il-kanna tal-azzarin u dan jiġi ppressat ‘l isfel lejn qiegħ il-kanna. Etim. Tal. bandoliera. Ara: ARKIBUS.

ajkla21

BANED TAL-AJKLA  U  BANED  TAL-ISTILLA    F’Malta u Għawdex wieħed jista’ jgħodd 88 każin tal-banda. L-eqdem minnhom imorru lura sa nofs is-seklu dsatax. Ħafna minn dawn għandhom il-laqmijiet tagħhom.  Iż-żewġ każini tal-Belt, dak tas-Socjetà Filarmonika La Vallette  u l-Kings Own kienu tal-ewwel li ngħataw il-laqam tagħhom, wieħed ‘tal-Ajkla’ u l-ieħor ‘Tal-Istilla’, rispettivament. Dak tas-Soċjetà Filarmonika ħa l-laqam tiegħu mill-ajkla tal-arma li kellu l-Gran Mastru de Vallette. Dawk tal-Kings Own ispiraw ruħhom mill-istilla li tirrappreżenta l-għerf ta’ San Duminku, il-qaddis patrun.  Iż-żewġ simboli, dak tal-ajkla u dak tal-istilla, it-tnejn jinsabu fis-sema u għaldaqstant it-tnejn jagħtu sens ta’ glorja u superjorità fuq il-ħolqien fid-dinja. Tal-istilla jinku lill tal-ajkla hekk: ‘tassew li l-ajkla togħla – imma ħdejn l-istilla qatt ma tasal.’  Dawn l-istess laqmijiet jinsabu attribwiti għal każini oħra, eż., iż-żewġ każini ta’ Ħal Luqa, ta’ Ħaż-Żebbuġ u ta’ Ħal Għaxaq kif ukoll tal-Mosta u tar-Rabat. Ara: Studies in Maltese Folklore ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp.137, 138; ‘Festa Partiti and the British – Exploding a Myth’ ta’ Jeremy Boissevain, f’The British Colonial Experience, 1800 – 1964; Saints and Fireworks, Jeremy Boissevain.

Bagno prisons s IMG_1484 - Copy

BANJU,  Il- Dan l-isem kien riferenza għall-ħabsijiet tal-ilsiera.  F’Malta kien hawn tliet ħabsijiet minn dawn: dak tal-Birgu, dak tal-Isla u dak tal-Belt Valletta. F’dawn il-ħabsijiet kienu jinżammu l-ilsiera Torok, Misilmin u Lhud li kienu jinqabdu waqt xi battalja navali, jew meta x-xwieni tal-piraterija, bosta drabi mqabbdin mill-Ordni, kienu jattakkaw l-għadu apposta biex jieħdu n-nies bħala lsiera. Dawn kienu jew jinbiegħu jew inkella jinżammu fil-ħabs imsejjaħ il-bagno. Kien jissejjaħ hekk minħabba li dawn il-ħabsijiet kellhom l-ilma tant meħtieġ mhux biss għax-xorb u l-ħasil tal-ġisem, iżda wkoll biex iservi għar-rit liturġiku tal-ħasil li jsir kemm-il darba mill-Musulmani matul il-jum. Il-ħabs tal-Birgu kien imħaffer fuq għolja ’l barra minn Sant’Anġlu; dak tal-Belt Valletta kien fejn illum hemm il-Barrakka t’Isfel.  Kien hemm ukoll ħabs ieħor l-Isla, x’aktarx fejn it-torri ta’ San Mikiel. Fi żmien l-Ordni, kien ikun hawn f’Malta, normalment bejn 1,500 sa 2,000 ilsir. Ara: LSIERA.  Ara wkoll: The Underground Slaves Prisons at Vittoriosa’,ta’ Lorenzo Żahra, fi Treasures of Malta, Easter, 2008, Vol XIV, no 2; Slavery in Malta 1300 – 1800, Godfrey Wettinger.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

BANKUN  1. Il-bażi tal-injam, għoli madwar 1.70 m, magħmul biex titqiegħed l-istatwa tal-qaddis fuqu.  Fuq il-bankun tistrieħ il-BRADELLA. Il-bankun ħafna drabi jkun iddekorat b’xogħol artistiku ta’ interzjar u riljievi.  2. Bank tal-injam twil li kien jintuża biex iżomm l-għodda tal-mastrudaxxa. 3. Il-bank fil-ħanut tat-te li jintuża mis-sid biex jaqdi n-nies. 4. Il-mejda kbira u għolja fis-sagristija fejn fuqu jinfirxu l-paramenti tal-qassisin. Din l-għamara sservi wkoll bħala gradenza għax fiha jitqiegħdu l-istess paramenti. 5. Għamara tal-kawba li titqiegħed fil-ġenb fuq il-presbiterju bi tliet siġġijiet imwaħħlin flimkien biex fuqhom joqgħodu ċ-ċelebrant u ż-żewġ konċelebranti l-oħra.        

BANNI  BANOZZI    Parti minn rima li tingħad lit-tfal iż-żgħar bħala logħob u kant. Din tingħad ħafna drabi waqt li l-omm iżżomm idejn it-tifel biex iġġiegħlu taparsi jċapċap b’idejh magħha waqt il-kant.  Ir-rima tgħid hekk:

Banni bannozzi
Ġej it-tata ġej
Bil-pastizzi tal-ħabbtejn
Kollox għal (isem it-tifel/tifla)
U lil (isem ħaddieħor) ma’ ntuh xejn.

Banni hi kelma li x’aktarx turi stagħġib, bħal meta wieħed jgħid: ‘Qed tara!’ Biss, jista’ jkun ukoll li banni ġejja mit-Tal. mani – M. idejn.  Banozzu hi kelma bl-Isqalli li tfisser ħobża (Sqal. pannuzzu). Sors etim: E.S.I.

BANS   Espr. li fl-antik kienet tintuża ta’ spiss meta wieħed jesprimi l-approvazzjoni tiegħu dwar xi ħaġa li tkun intqalet. Meta wieħed jgħid ‘bans!’ ikun bħal qisu qiegħed jgħid ‘Mela le!’ jew ‘Isbaħ din!’ Oriġ. din l-espressjoni ġejja minn ‘Bi ans!’ jew ‘ħlielek bansejn.’ Vassalli jagħti t-tifsira bit-Taljan: Ti è piacuto sicuro / innegabile (M.A.V., 1796), bħalikieku qiegħed isostni b’mod emfatiku, ‘mingħajr dubbju! Fid-dinja Għarbija meta wieħed jixrob bis-saħħa ta’ xi ħadd jgħid, ‘B’ansejk’ – jiġ. M. ‘Bis-saħħa tiegħek!’ L-awtur Ġużè Galea juża din l-espressjoni fil-ktieb, Żmien l-Ispanjoli (1937) b’dan il-mod: ‘… ikunu nsew il-ġid li jkunu raw minnek, u bħal xejn bans iduru kontra tiegħek.’ Sors: p. 48, Klabb Kotba Maltin, 2001. A. de S. ukoll isemmi din l-espressjoni: Bansajn, Si dunque! Sors: Damma.

BAQBUQA    Terminu onomatopejku mogħti għal kull tip ta’ flixkun jew buqar, magħmul mill-ħġieġ jew fuħħar, li għax ikollu għonq dejjaq, meta jimtela jew jiżvojta mill-ilma jagħmel ħoss ripetut, bħallikieku qiegħed ibaqbaq l-ilma. BAQBUQI   Fig. Bniedem li jpaċpaċ ħafna.

BAQBAQUN   1. Ħamiem li jbarqam bla heda. Ħamiem BAQBAQI – jiġ. ħamiem li jagħmel ħafna ħsejjes bħallikieku qed ipaċpaċ fil-vojt. Espr fig. ‘Dak bniedem baqbaqi’ – jiġ. dak wieħed li jgħid u jredden ħafna.   2. Logħba tat-tfal imsejħa hekk. F’din il-logħba kienet tingħad din it-taqbila:

X’kilt illum?
Kejla ful
Xi xrobt fuqha?
Bajda friska
Għaddi ġewwa – itla’ fuq – ar’ tkissirli l-fliskatur

 

BAQLA   Kelma oħra għall-ekżema. Din il-kelma kienet tingħad ukoll fil-frażi ‘baqla sewda’ jew ‘baqla ħamra’. L-aġġ. baqli jintuża f’din it-taqbila:

Baqqa baqlija 
Toqtolni f’lejl 
’Ma nagħmel mija

BAQQA    Parasit li jgħix billi jerda’ d-demm tal-annimali u tal-bniedem.  Idj: ‘Ħiemed qisu baqqa’ – rif. għal xi ħadd li għad li jidher kwiet ikun qed ibixkel minn taħt. Ing. tic.

OLYMPUS DIGITAL CAMERABAQRA   Kontenitur tal-fuħħar li kien jintuża biex iżomm fih l-ikel sħun, eż., xi fenek imsajjar.  Dan il-kontenitur kien maħdum f’forma ta’ ċilindru orizzontali u jserraħ fuq erba’ saqajn. Fil-ġenb ta’ dan iċ-ċilindru għandu ras żgħira bħal dik ta’ baqra, u bħal denb in-naħa l-oħra. Il-kontenitur jinqabad mir-ras u mid-denb biex dak li jkun ma jismotx idejh.

 

baqta IMG_6354BAQTA   Il-ħalib meta jkun qisu krema li jagħqad waqt il-proċess tat-tisjir tal-ġobon jew tal-irkotta. Il-ħalib jagħqad meta jissaħħan u jiżdied miegħu l-qtar tat-tames. (It-tames hu dak il-qtar li jittieħed mill-istonku tal-ħaruf li jkun għadu qatt ma ħa xejn ħlief il-ħalib tal-omm). Idj: i.) ‘tari baqta’ – tingħad għal xi ikel bnin bħal laħam tari ħafna, idj: ii.) Baħar baqta – baħar kalm ħafna qisu żejt. Fid-Damma A. de S. jgħid hekk)  baqta msajra darbtejn, ricotta. Ing. curdled milk.

BARABANDATA   Brikkunata, logħob minn taħt bħal meta wieħed jipprova jqarraq b’ieħor. Għemil magħmul b’makakkerija li bih ibati ħaddieħor. Għajxien bil-qerq jew inkella billi wieħed jittallab mingħand bosta nies. Tal. birbantata jew v. birbantare; aġġ. birbante – M. bniedem diżonest.

OLYMPUS DIGITAL CAMERABARABBA / BARABASS   1. Kandelabru bi ħmistax-il xemgħa użat fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-kandelabru kien jinxtegħel għall-Erbgħa tat-Tniebri, il-Ħamis ix-Xirka u f’jum il-Ġimgħa l-Kbira. Waqt l-Ufficcju tal-Matutin, imsejħa l-‘Lamentazzjonijiet’ ta’ Ġeremija, ix-xemgħat fuq il-barabbas jintfew, waħda wara ‘l oħra, sakemm tasal l-aħħar xemgħa tan-nofs li tissimbolizza lil Kristu. Waqt il-funzjoni, kienu rreċitati disa’ Salmi u l-Ufficcju tal-Lawdi li fih ħames salmi. Għall-aħħar antifona tal-Benedictus kienet jibqa’ xemgħa waħda biss mixgħula. Wara l-antifona din ix-xemgħa kienet tinqala’ barabbas Verbascum_thapsus_plantmixgħula u tittieħed wara l-altar. Din id-drawwa nqatgħet għaliex is-Salmi tal-Uffiċċju ma baqgħux ħmistax imma saru sitta. Kien importanti li x-xemgħat li jintużaw jkunu magħmula minn xama’ pur tan-naħal u għalhekk kienu jkunu ta’ kulur kannella. 2. L-isem komuni ta’ pjanta, (Is. xj. Verbascum thapsus).  Tip ta’ pjanta li tikber sa żewġ metri. Din għandha użu mediċinali biex tittratta s-sogħla u anki l-feriti fil-ġilda. Ing. Great mullein.  L-oriġini etim. hi dubjuża. Biss, jista’ jkun li l-kandilabru li jissemma hawn ħa l-isem minn din il-pjanta għax jixbahha bil-forma piramidali tiegħu.  Bit-Tal. il-pjanta hija magħrufa bħala barabasso. Ara: SALMI. Sors: E.S.I.

BARBA  Fl-antik, dan l-appellativ kien jirreferi għaz-ziju, ħu l-omm.  Oriġ. Tal. / Lat.  Din il-kelma juża dan it-terminu fid-Dante fid-Divina Commedia (1308 – 1321) – Paradiso 19, 136.  Bil-Lat. Barbas jew Barbanus – M. ziju.Ara: GĦAMM.

BARBAR    Kelma li kienet tingħad lit-tfal biex ifehmuhom li se jeħduhom x’imkien. Eż: ‘Toni, immorru barbar?’ oriġ. etim.  M. ‘barra barra’, xi mkien il bogħod.

BARBARIA-Coast-1590-lgBARBARIJA   Mis-seklu sbatax sas-seklu għoxrin, il-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, mill-Marokk sal-Libja, kienet magħrufa bħala il-Kosta tal-Barbarija. Dak iż-żmien il-qawwiet marittimi Ewropej kienu jsalpaw regolarment fil-Mediterran biex jattakkaw il-kursara tal-ibliet tal-Afrika ta’ Fuq, eż., Tunis, l-Alġier, Tripolitana, Ġerba u Bona. Oriġ. barbaroi kienet rif. li taw l-Ewropej lin-nies li ma kinux jitkellmu l-lingwa Griega jew Latina. Fatt li hu msemmi wkoll fl-episodju tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta (Atti 28.) meta San Luqa jirriferi għall-Maltin bħala barbaroi. L-istess, in-nies tal-Afrika ta’ Fuq kienu magħrufa bħala Barbari għaliex l-ilsien tagħhom kien stramb għall-aħħar f’widnejn il-popli l-oħra tal-Mediterran. It-tribujiet tal-muntanji fil-Marokk jissejħu beriberi. X’aktarx din il-kelma ġejja mill-Għ. bar-bar li tfisser tgedwid (onom.)

barbazzalBARBAZZAL    1. Ġiżirana aktarx tad-deheb, twila u rqiqa li ddur kemm-il darba mal-għonq u tinżel fuq is-sider. Il-barbazzal hu wieħed mill-ornamenti personali li jingħataw bħala rigal mill-qraba lit-tfal, l-aktar minn dawk ta’ ġewwa, li jservi bħala wirt kif ukoll investiment. L-istess nom ġieli jirriferi għaċ-ċinga tad-deheb li magħha jiddendel l-arloġġ tal-but. Din però, tissejjaħ ukoll, polka. 2. Iċ-ċinga tal-ġild li tinżel taħt geddum iż-żiemel jew bhejjem tal-ġarr biex biha dawn mliġġma kkontrollati mir-rikkieb. Hawn min jgħid li t-tul tal-barbazzal għandu jkun speċifikament ta’ 50 ċm. Sqal. barbazzali / varvazzali.           

BARBETTA     1. Ċima li tintefa’ mill-barklor biex jorbot id-dgħajsa tiegħu mal-moll. Ing. a painter, a rope used on a boat for tying up. 2. Fil-fortifikkazzjonijiet dan in-nom jirriferi għal biċċa blata, ġebla wiesa’ wara l-AMBREŻUNA biex minn fuqha jkun sparat il-kanun. 3. Waħda minn par barbetti, jiġ. dik il-parti tax-xagħar li tinżel ħdejn jew aktar ‘l isfel mill-widna. Sors: E.S.I., V.B. (1900) u J.A.

barbierBARBIER   Sal-bidu tas-seklu għoxrin ix-xogħol tal-barbier, ma kienx dak li jaqta’ x-xagħar, iżda kien dak li jqaxxar il-leħja u jagħmilha wkoll ta’ dentist. Dak li jaqta’ x-xagħar kien il-parrukkier, li oriġ. kien dak li jbigħ il-parokki. Il-ħanut tal-barbier kienu jsibuh bħala ‘l-ħanut tal-leħja’ għax hemm in-nies kienu jmorru l-aktar biex iqaxxru l-leħja u mhux biex jaqtgħu x-xagħar. Interessanti li fid-dinja Musulmana, il-barbier kien ukoll imqabbad jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni fuq it-tfal. Ara: Il-Praspar – Miktuba minn Dun Xand Cortis ta’ Ġorġ Mifsud, p. 149.

BARBUT     Tip ta’ fifra. M.A.V. (flauto rustico).

BARDAXXA / BARDAXA      (pl. bradax)  Qaħba. Kelma oħra għall-istess nom hi ‘żagħka’. Bniedem żagħżugħ jew żagħżugħa li jgħix ħajja ħażina mingħajr skrupli; nies ta’ bla mistħija. Etim. Sqal. bardascia li tfisser l-istess. 

BARDNELL   Il-lasta twila mimduda li żżomm il-buq tal-opra tal-baħar min-naħa ta’ fuq, fuq kull naħa tad-dgħajsa mill-poppa sal-pruwa. Fuq il-bardnell titwaħħal il-battusa biex fiha hid]ol l-iSKALM. Ara:   OPRI TAL-BAĦAR.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERABARJOL  / PARJOL   Is-saqaf tal-injam fuq it-tromba tal-mitħna tar-riħ, forma ta’ lembut jistrieħ wiċċu ’l isfel. Dan ikun miksi bil-qatran biex l-ilma tax-xita jiżloq minn fuqu. Il-barjol iserraħ fuq l-istrinġi biex meta dan jiddawwar minn ġewwa t-tromba, il-barjol idur ukoll u miegħu jiddawru l-antenni tal-qlugħ fid-direzzjoni ta’ minn fejn ikun qiegħed jonfoħ ir-riħ.  Ara: L-Imtieħen tat-tħin tal-Qamħ fil-Gzejjer Maltin, Clifford Vella.

 

BARJOLA / BIRJOLA   Beritta żgħira; berittin bil-ġummiena bħal tal-milsa. Qawl: Il-fartas la tmisslux il-birjola – jiġ. wieħed għandu joqgħod attent li bil-kliem u l-aġir tiegħu ma jikxifx id-difetti ta’ ħaddieħor. Skont M.A.V. (1828) li tkun qargħi kien ta’ mistħija jew ta’ diżunur, għaliex wieħed kien ikun imqabbel mal-bonavolji li kienu jqaxxru xagħarhom qarabasira. Skont M.A.V., il-bonavolji kienu nies mill-agħar u għaldaqstant ma tantx kienet xi ħaġa mixtieqa li wieħed jitqabbel magħhom. Ara: MILSA.

BARKATA    Kwantità ta’ materjal, norm. merkanzija kemm timla’ dgħajsa. Miżura fil-kostruzzjoni li titkejjel kull tlittax-il kantun. E.B. Vella  fil-ktieb tiegħu, Storja tal-Mosta Bil-Knisja Tagħha, jikkwota mill-arkivji tal-knisja tal-Mosta, u jgħid hekk: ‘… niltaqgħu mal-ħaddiema li kienu jiġbdu l-katina, li kienu mħallsin bi 3 karnijiet (2½d) għal kull barkata [ġebel] li jtellgħu’.

BARKLOR   Bniedem li jaħdem fuq il-baħar.  Qaddief tad-dgħajjes.  Idj:  ‘Tah daqqa tal-barklor’ – daqqa bil-moqdief. Tal. Barcalora.  v. IMBARKA:  Tela’ fuq bastiment sew biex jaħdem bħala baħri, kif ukoll jekk hu passiġġier. Tal. barca – M. mirkeb. Ara: ‘Drawwa Mill-Birgu: Tal-Barklori’, ta’ Anton Attard, fil-ktieb, Folklor, ed. Guido Lanfranco, pp. 4-6.

BARKUN  Pontun; ċattra tal-ħadid. Fir-regatta, il-barkun kien jimmarka l-post fejn tispiċċa l-korsa. Idj: ‘It-tiġrija sal-barkun’ – jiġ. l-importanti fit-tellieqa hu dejjem min jasal l-ewwel u mhux min jiġri l-aktar. Tal.  barcone; chiatta; battello.

BARMA   Tingħad fil-frażi għandu barma.  NIEQES BARMA, Uomo di poco talento. (D.)

barokkAdeC18BAROKKA, ARKITETTURA Il-kelma Barokk/a tirriferi għal stil ta’ arti jew kultura partikulari tal-letteratura, mużika, arkitettura, eċċ. li nħolqot u żviluppat fis-seklu sbatax. Biss, l-ewwel darba li ntuża dan l-appellattiv kien fis-seklu tmintax, pjuttost b’mod derogattiv, biex ikun imfisser dan l-istil meqjus bizzarr, eċċessiv u stramb. Għal dak iż-żmien, bosta kienu jaraw l-arti Barokka bħala arti redikola. L-arkitettura ta’ stil Barokk kienet introdotta f’Malta fl-1638, meta Francesco Buonamici sebbaħ il-Knisja tal-Ġiżwiti fi Triq il-Merkanti, il-Belt, b’dan l-istil.  L-arkitettura Barokka tixxebbah max-xenarju ta’ palk, b’disinji ta’ pilastri, kolonni u simboli ta’ weraq, arzell, skrolli, figuri umani, eċċ.  F’Malta, wara Buonamici, komplew diversi artisti fl-arti Barokka, eż. Lorenzo Gafà, Romano Carapecchia, Francois De Mondion u oħrajn. Mattia Preti li kien pittur u arkitett, biddel il-ġewwieni tal-knisja monastika tal-Ordni ta’ San Ġwann minn waħda sempliċi, għal waħda ta’ stil Barokk. L-arkitettura Barokka wara nfirxet ma’ Malta u Għawdex kollha u baqgħet popolari anki fis-seklu għoxrin. Il-kelma barroco bil-Portugiż tfisser perla ineguale. Ara: L-Arti Barokka F’Malta ta’ Keith Sciberras; 5000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney; Baroque Churches in Malta ta’ Conrad Thake; Maltese Baroque, Ed. Giovanni Mangion.

BARR   Art xagħrija u selvaġġa. Art ’il bogħod mill-abitat. Art jew raba’ mitluq, jiġ. mhux maħdum. Art barranija, ġen. rif. għall-artijiet u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, l-aktar fil-Magreb.   ĦAMIEM TAL-BARR   Imsejjaħ hekk għax hu tajr li jiġi mill-Afrika ta’ Fuq.  BIN IL-BARR  Deskrizzjoni dispreġġjattiva għal xi ħadd li hu bla manjieri; xi ħadd li mhux ta’ man-nies.   FARD TAL-BARR   Barri selvaġġ; rif. ġen. għall-barrin li jkunu impurtati mill-Afrika ta’ Fuq. Insibu wkoll: bies tal-barr; bużbież tal-barr; fidloqqom tal-barr, eċċ. Sorsi: J.A. u E.S.I. Fl-istorja ‘Il-għali jkun imsiefer’,Temi Zammit jgħid hekk:…’u f’dan il-barr fejn ser issib ħaddied suret in-nies?’ … (Sors: il-Malti, Marzu, 1933.)

barrada5BARRADA  (pl. brared) 1. Kontenitur tal-fuħħar li fih kien jintrefa’ l-ħobż u affarijiet oħra tal-ikel. Dan il-kontenitur seta’ anki jimtela bl-ilma. 2. Qoffa tas-simar li titniżżel fil-baħar mis-sajjieda biex iżżomm il-ħut ħaj / frisk fiha. Sors: Kalepin u E.S.I. Ara: BRARED.

BARRAKKA   1. Kamra jew dar żgħira li sservi ta’ kenn kontra x-xemx jew ix-xita. Kostruzzjoni temporanja. Qawl: Għal min għandu jmut bil-pesta m’hemmx barrakka għalih – jiġ., inutli tieħu ċerti rimedji meta l-mewt tkun iminenti. . Dan il-paragun oriġina mill-fatt illi fi żmien il-pesta dawk infettati kienu jinżammu f’iżolament fi kmamar żgħar mibnija apposta biex ma jxerrdux il-mard – biss għalihom ma kienx hemm tama.  2. BARRAKKA  Binja minn fejn jitqassmu l-paljijiet tat-tiġrija tradizzjonali magħrufa wkoll bħala t-TRIBUNA. Hemm waħda s-Saqqajja, ir-Rabat ta’ Malta u oħra r-Rabat ta’ Għawdex.

Barrakka ta isfel Joseph-PiccininoBARRAKKA, Il- TA’ FUQ U L-BARRAKKA TA’ ISFEL  Il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u tal-Barrakka ta’ Isfel li jagħtu fuq il-Port il-Kbir, kellhom bħal-loġġa msaqqfa kull wieħed, biex toffri kenn lil min irid igawdi l-arja u l-veduta tal-Port il-Kbir. Il-Barrakka ta’ Fuq kienet mibnija fi żmien il-Kavallieri biex dawn setgħu jgħaddu ż-żmien liberu tagħhom hemm. Ma sibtx iż-żmien preċiż meta nbniet il-Barrakka Ta’ Isfel.  Ir-ritratt juri l-ambjent  f’nofs is-seklu dsatax l-Ingliżi kienu qed isebbħu l-ambient ta’ madwar il-monument ta’ Alexander Ball u l-Barrakka Ta’ Isfel.  Skont sors li sibt dan l-aħħar din kienet tissejjaħ La Barracca antica, li jagħtik x’tifhem li l-Barrakka ta’ Isfel hi eqdem mill-Barrakka ta’ Fuq.  Tal. Barracca: costruzione in legname, facilmente smontabile. sors etim. E.S.I.

barumbara1
Ħajr: Limestone Heritage, Siggiewi

BARUMBARA   Kmajra li ħafna drabi tinbena fuq il-bejt tar-razzett jew tad-dar, biex fiha jinżamm il-ħamiem. Ġieli l-barumbara tkun mibnija għaliha u jkollha fuq u isfel. F’dan il-każ il-ħamiem joqgħod fil-parti ta’ fuq fejn ikun hemm il-gor, jiġifieri vażi mtaqqbin minn fejn jidħol u joħroġ il-ħamiem. Billi l-ħamiem jista’ anki jitħalla jtir, il-barumbara jkollha wkoll qisu bokkaport żgħir għal barra minn fejn jidħol u joħroġ  il-ħamiem. Sors: Anton F. Attard. Etim. Sqal. palumbara. 

BASSAR    Wieħed li jaqra l-futur. Din il-kelma nsibuha fil-ħrafa orali ‘L-Erba’ Snajja’ ‘, li Patri Manwel Magri sama’ u li jirrakkonta. Il-protagonist tal-ħrafa, żagħżugħ li telaq mid-dar biex ifittex ix-xogħol, jiltaqa’ ma’ klikka nies u saqsiehom, ‘X’inhi s-sena tagħkom?’… u dawk qalulu ‘Aħna bassarin’. Ara: Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ Mifsud Chircop, p. 52.

BASTARDELL     Ktejjeb li fih jinkibu xi notamenti żgħar li kien jintuża l-aktar min-nutara. Registru żgħir. Etim. Tal.bastardello. Sors: E.S.I. u J.A.

bastjunon__ps_28PSF_ps_29BASTJUN    Għalkemm fil-lingwaġġ komuni dan jista’ jfisser kull tip ta’ ħajt ta’ difiża, din il-kelma tirriferi speċifikament għal dik il-parti tal-fortifikazzjoni fejn is-sur ikun ħiereġ ’l barra aktar mill-bqija tas-swar. Il-forma ta’ din l-istruttura kienet importanti biex tiddefendi l-bqija tas-swar tal-madwar.

 

BATAL   Aġġ. li jirriferi għal xi ħaġa bla użu jew bla siwi.  JIBTAL  v. Meta bniedem ikun qiegħed jagħmel BTALA – jiġ. ma jaħdmix u għaldaqstant ikun qiegħed x’aktarx jgħaddi ż-żmien fil-ħela. Il-kelma ‘batal’ ma għadhiex tintuża, biss ngħiduha meta nikkwotaw it-tieni kmandament; hawn tintuża bħala partiċipju attiv: ‘La ssemmix l-isem t’Alla fil-batal.’ – jiġ. la ssemmix l-isem ta’ Alla fil-fieragħ. Fost il-Maltin dan il-kmandament jinkiser ta’ spiss minn bosta meta biex jisfugaw jesprimu l-korla tagħhom billi jsemmu lil Alla. Interessanti li fid-dinja Għarbija u Musulmana, l-isem t’Alla jissemma ta’ spiss, biss dejjem b’mod ta’ tifħir u dejjem b’rispett kbir. Sors: E.S.I.

BATAR    1. v. Qata’ jew qassam xi ħaġa f’partijiet tal-istess daqs.  2. n. Xitla li tgħix fl-ilma u li hi msemmija hekk għax għandha bħal tikek fuqha. Sors: E.S.I.

BATRA   1. Appel. u aġġ. fem. għal xi wħud mill-annimali tal-irziezet, eż. ż-żwiemel, dwieb jew mogħoż li jkollhom denbhom maqtugħ qasir. 2. Marda (Moniliasis) li biha t-trabi tal-ħalib jitilgħulhom ponot ħomor fl-ilsien u fis-saqaf ta’ ħalqhom. Fl-antik kienu jaħsbu li din il-marda kienet toħroġ meta t-trabi jerdgħu l-ħalib tal-omm, eżattament meta din tkun kielet ikel ħarr.

BATTENT  1. Bieba żgħira ta’ tieqa. 2. Il-parti tal-bieba maħruġa ‘l barra bħal ħanek fejn tilqa’ l-bieba l-oħra meta din tingħalaq billi sserraħ fuqha. (Ing. rebate). Mit-Tal. battente.

Batterija Birzebbuga ferreti
Il-batterija Ferretti, Birżebbuġa

BATTERIJA  Terminu militari li jirriferi għal tip ta’ fortizza żgħira, imdawra bl-ambreżuni fejn jitqegħdu il-kanuni. Din it-tip ta’ fortizza kienet tkun ippożizzjonata viċin ħafna tal-kosta biex tiddefendi ’l-madwar f’każ ta’ xi attakk mill-baħar. Il-livell tal-batterija hekk qrib il-baħar, kien jgħin biex il-kanuni tagħha jisparaw b’ċerta preċiżjoni għal fuq il-bastimenti, biex jinfiltraw il-buq.  Tal. battere –  M. iħabbat, jattakka u jegħleb f’sens militari.     

BATTUM    1. Taħlita ta’ xaħx, ġir u deffun magħġuna bl-ilma biex tipproteġi s-saqaf, l-art jew il-ħitan mill-ilma tax-xita. Qab. ma’ BATTAM – v. eż., bajjad il-ħajt ta’ bir eċċ., biex dan iżomm l-ilma milli jippenetra il-pori tal-blat.  2. n. Demel li jintefa’ fir-raba’ miżrugħ biex l-art tkun aktar fertili. Sorsi: J.A. u E.S.I.

BATTUSA    Injama iebsa, bħal ċinta, li fuqha jserraħ il-moqdief tad-dgħajsa. Il-battusa sserraħ fuq il-BATTENT. Il-battusa jkiollha toqqba fil-wiċċ li fiha jidħol l-iSKALM. Ara: OPRI TAL-BAĦAR.   

BAXÀ      Ara:  PAXÀ      

BAWXATA   1. Attività li ssir bil-moħbi u li mhux suppost issir; skappatura. Ħarġa ta’ bosta nies f’daqqa li jkunu se jħawdu xi ħaġa bejniethom. Xalata li fiha jsir minn kollox, dak li hu permess u dak li mhuwiex. Kelma li ġejja mill-Għ. bawxa, li tfisser storbju ta’ nies li jkunu miġbura f’daqqa. 2. Il-Piccolo Dizionario (1843) jispjegaha bl-Ingliż bħala ‘picnic’, jew ikla ta’ nofsinhar bejn bosta nies. 

Bazilika mni-VALLETTA-20 - Copy.jpg
Knisja Madonna tal-Karmnu, il-Belt

BAŻILIKA  Oriġ. il-Bażilika, fi żmien ir-Rumani kienet il-binja tal-Qorti. Billi fiha kienu jiltlaqgħu ħafna nies, l-idea fi żmien bikri Nisrani ttieħdet minn dan il-bini biex jirriferi għall-ewwel knejjes tal-Insara.  Fil-Knisja Kattolika jeżistu biss erba’ Bażiliki maġġuri, li kollha kemm huma jinsabu f’Ruma, u li fihom hemm is-sede tal-Papa. Il-Bażiliki l-oħra kollha fid-dinja – mal-1,400  huma bazilika umbrellun.jpgkollha minuri u titulari. Fil-gżejjer Maltin jeżistu tlittax-il bażilika minuri, li ħamsa minnhom qegħdin Għawdex. Il-bażilki huma rrappreżentati b’oġġetti simboliċi li jindikaw it-titlu u d-dinjità tagħhom.  Dawn is-simboli jistgħu jkunu, a) it-tribuna (it-tużell imwieżen minn kolonni tal-irħam mibnija madwar l-artal maġġur. Fuq barra tal-knisja, eżattament fuq it-timpanum, hemm is-Salib Papali li għandu tliet traversi. Il-conopeum, jew kif inhu magħruf aħjar l-umbrellun, bil-qanpiena żgħira mdendla, Lat. tintinnabulum).  Dawn huma l-bażiliki minuri li hawn f’Malta mniżżla kronoloġikament skont meta ngħataw dan it-titlu: 

Tas-Salvatur, Ħal-Lija
Tal-Porto Salvo,, il-Belt,  (1816)
Tal-Madonna tal-Karmnu, , il-Belt, (1895)
It-Twelid tal-Madonna,  , L-Isla, (1921)
Maria Bambina fix-Xagħra, (1967)
Is-Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb, (1935)
Santa Liena f’Birkirkara, (1950)
San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, (1955)
Parroċċa tal-Għarb iddedikata lill-Viżitazzjoni, (1967)
San Pietru u San Pawl, in-Nadur (1967)
Tad-Duluri f’Ħaz-Żebbuġ
Tal-Patroċinju, fl-Għasri
L-Assunzjoni, il-paroċċa, tal-Mosta (2019)

BAŻILISK   1. Is. xj. Basilicus mitratus. Ħanex kbir li jixbah is-serp. Dan jgħix l-aktar fuq is-siġar. 2. Appel. għal bniedem ikrah jew manigold; bniedem ta’ qilla. 3. Tip ta’ kanun kbir li kien jintuża biex jispara l-balal kbar u b’saħħithom li bihom kienu jkissru s-swar. Fl-Assedju l-Kbir, l-armata Torka kellha mill-inqas erbgħa minn dawn il-bażiliski. Kienu jissejħu wkoll: petriere – jiġ. dawk li jisparaw il-balal tal-ġebel.

BAŻINA   Għaġin magħmul għasida. Etim. Għ. ikel imsajjar b’mod li jsir qisu soppa magħquda. Bit-Taljan  bazzinai tirriferi għal tip ta’ soppa li kienet tittiekel mill-iskjavi ta’ fuq ix-xwieni.

BAŻLOKKU     1. Ġugarell tat-tfal bħal żugraga. 2. Fig., tifel li hu oħxon wisq. Tal. bislocco stravagante. moneta di provenienza orientale in corso del sec. XVI. 

BAŻOKK/A   Persuna li għandha devozzjoni kbira lejn it-twemmin reliġjuż tagħha. Appel. norm. għal xi mara li tkun temmen biss f’dak li hu sew għaliha u tittratta l-opinjoni ta’ ħaddieħor bħala inferjuri jew ħażina. Wieħed li f’għajnejn in-nies ikun irid jidher li hu qaddis, biss minn taħt ikun qiegħed jagħmel affarijiet mhux xierqa. Bniedem ipokrita. Dan l-appel. ġej mit-Tal. bizocche – M. nisa li ma jiżżewġux u li jinkitbu bħala Terzjarji; nisa lajċi ta’ devozzjoni kbira, biss mingħajr ma dawn ikollhom vot tas-sorijiet. Dawn ifittxu li jgħixu ħajja ta’ kastità u talb u jsegwu b’reqqa kbira kull obbligu liturġiku. Carmel Cassar, fl-artiklu tiegħu ‘Popular Perceptions and Values in Hospitaller Malta’ (Hospitaller Malta, p. 462), isemmi li fis-sena 1667, fil-parroċċa tal-Portu Salvu, il-Belt, kien hemm miktuba dsatax-il bizocche minn popolazzjoni femminili ta’ 2,074. Ara: TERZJARJU.

BAŻUTU,  TAL –    Rif. jew laqam ġeneriku, li fl-antik kien mogħti mill-Maltin lil xi ħadd ta’ razza sewda.  Dan l-appel. oriġina meta fit-Tieni Gwerra Dinjija kienu stazzjonati f’Malta, nies suwed mal-militar Ingliż, biex  jgħinu fl-operazzjoni tal-iżbark tal-Alleati fi Sqallija (Operation Husky). X’uħud minn dawn is-suldati suwed kienu ħadmu meta saru ir-runways fl-ajruport ta’ Ħal Luqa. Espr: ‘Għandu xufftejh bħal tal-Bażutu’. Fl-1884 Basutoland, kien territorju vast fl-Afrika t’Isfel, li kien ġie kkolonjalizzat mill-Gran Brittanja.  Wara l-Indipendenza tiegħu, fl-1966, dan il-pajjiż beda jissejjaħ Lesotho.

BAŻUŻLU   Rif. għal xi tfajjel li jkun maħbub ħafna mill-familja tiegħu. Tifel imfissed. Illum dan it-terminu jintuża b’rif. għal xi ħadd li jkun midħla ta’ xi partit politiku jew inkella li hu megħjun fil-ħtiġijiet tiegħu min-nies fil-poter. Sqal. basusulu – Tal. grazzosetto. M. tifel grazzjuż. M.A.V. (1796):  carezze per bambini o animali domestici. It. carino, bellino.

bazwaffBAŻWA   Fetqa minn fejn toħroġ il-musrana. Ernja. Espr. ‘Waqgħetlu l-bażwa…’. Meta l-imsaren ma jibqgħux fil-borża, iżda jibdew joħorġu u jimbuttaw iż-żaqq ’il barra. Idj: ‘Dak li qed jagħmel kollu żejt fil-bażwa’ – jiġ. li r-rimedju użat għall-problema hu bla siwi, bħal meta wieħed jindilek biż-żejt biex ifejjaq l-ernja. Ara:  ĠISEM  Il-BNIEDEM.   

OLYMPUS DIGITAL CAMERABAZIZJI   Skont Ganado l-bazizji kienu tip ta’ biskuttini li nħolqu minn dulċier mill-Furjana magħruf bil-laqam Ta’ Żerrek. Nafu li dan kellu ħanut fix-xatt tas-Sliema. Ganado jgħid li lejn l-aħħar tas-seklu dsatax kien hawn f’Malta Enrichetta Basisio, primadonna b’vuċi u figura sabiħa. Din kienet għamlet żmien tkanta fit-Teatru Rjal. Dan id-dulċier, kien affaxxina ruħu minn din il-primadonna, u kien beda jżejjen kwalità ta’ biskuttini bil-ġelu aħmar bl-ittra B, ad unur ta’ din il-primadonna. L-istorja ta’ kif dawn il-biskuttini ngħataw dan l-isem titqabbel minn Ganado mal-oriġini tal-Peach Melba li hi magħmula minn ġelat tal-vanilla mħallat mal-ħawħ u bil-ġulepp tal-lampun (Ing. raspberry). Ganado jgħid li l-peach melba hi msejħa hekk wara li fl-1892, is-soprano Awstraljana Nellie Melba kienet żaret Londra. Id-dulċier tas-Savoy Hotel, fejn kienet alloġjata din il-kantanta,  Auguste Escoffier, ħoloq din id-deżerta u taha dan l-isem għad unur ta’ din is-soprano. Jidher għaldaqstant li d-dulċier Ta’ Żerrek tħajjar jagħmel l-istess. Skont Ganado, il-bazizji damu popolari u jinbiegħu sa żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Ara: Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, pp. 32, 33.

Boy cleaning servant's shoesBBLAKKA  Verb li jintuża bħal meta ngħidu, ‘ibblakka ż-żarbun’. Ta’ min wieħed jirrimarka li fid-dizzjunarju ta’ G.B.F. (1845), jiġ., ħamsa u erbgħin sena wara li l-Ingliżi kienu ilhom f’Malta, din hi waħda minn żewġ kelmiet biss, li jinsabu f’dan id-dizzjunarju, li huma meħuda mill-Ingliż, (loan words). Mhux ħaġa tal-iskantament li din il-kelma, li għandha x’taqsam mal-militar, kellha tkun minn tal-ewwel li bdiet tintuża fil-lingwaġġ komuni tal-Maltin. Ibblakkja (to blacken the boots) nassumi li kienet ordni li tingħata ta’ spiss mill-uffiċjali Ingliżi lis-suldati Maltin ingaġġati fir-reġimenti. Din il-kelma turi li issa l-Maltin, almenu dawk li jaħdmu mal-Ingliżi mhux biss bdew jitgħallmu xi kliem bl-Ingliż, iżda anki bdew jużaw dan il-kliem bejniethom. Dak iż-żmien, il-Maltin tal-klassi l-baxxa kienu aktar ikunu ħafjin jew jilbsu xi qorq milli jilbsu żraben għax dawn kienu lussu tan-nies għonja biss. Jista’ jagħti l-każ ukoll illi din il-kelma nħatfet mill-ewwel għaliex bħalha, u kważi bl-istess tifsira, fil-Malti kien jintuża l-aġġettiv IBLAQgħall-kulur iswed b’tebgħat bojod.

 

 

 

BEABÀ   Rif. għall-aktar oġġett sempliċi li wieħed għandu jitgħallem meta jmur l-iskola. Espr. ‘għadu fil-beabà’ – jiġ. għadu qed jitgħallem l-alfabett. Espr. ‘ma jafx beabà’ – jiġ. l-persuna għadha sempliċi fil-ħsibijiet tagħha, bħat-tfal, u ma taf xejn dwar l-affarijiet importanti tal-ħajja. Sors: E.S.I.

beati paoliBEATI PAOLI   Idj: ‘Tah daqqa / waħda tal-Beati Paoli’. Din il-frażi għandha oriġini interessanti u turi l-kuntatt kulturali bejn il-Maltin u l-Isqallin matul is-sekli li għaddew. Il-Beati Paoli kienet setta sigrieta li kienet tiltaqa’ bil-moħbi fil-passaġġi ta’ taħt l-art ta’ Palermo. Din kienet speċi ta’ fratellanza jew mażunerija pjuttost leġġendarja, li antiċipat anki l-Mafia fl-istil u l-iskop tagħha. Jingħad bosta fuqha, biss il-verità hi li qatt ma nstabu dokumenti li juru li din l-għaqda kienet verament teżisti. Din il-konfraternità kienet deskritta u mogħtija laqta’ romantiċizzata fil-ktieb I Beati Paoli, ta’ Luigi Natoli (1921). L-awtur jambenta din is-setta f’Palermo tas-seklu sbatax u jpinġiha bħala għaqda ta’ nies li tgħin il-foqra, waqt li l-membri tagħha jikkumplottaw biex jiskapulaw l-awtoritajiet tal-pajjiż għax dawn kienu korotti. L-isem din is-setta ġieli kien relatat mal–perijodu medjevali, bħala tribunal sigriet li kien jiġġustizzja n-nies u anki juża l-vjolenza bħala vendetta. Ir-raġuni l-għaliex ngħidu ‘tah daqqa tal-Beati Paoli’ mhux ċara biżżejjed. Biss nistħajjel li din il-frażi tirriferi għal xi daqqa b’saħħita li tibqa’ taħtha. Kultant issib min juża l-espressjoni b’mod ieħor, eż., ‘tlajt telgħa tal-Beati Paoli, li jfisser li t-telgħa kienet twiela / wieqfa, b’mod li tgħeja titlagħha. Ara: I Beati Paoli ta’ Luigi Natoli. Ara wkoll:  http://www.akkuaria.com/grandi_personaggi/beati.html. 

BEATITUDNIJIET, IT-TMIEN  It-tmien beatitudni li Kristu ppritka fuq il-Muntanja (Matt. V.3.10). Kristu jikkonforta lil dawk li jbagħtu jew neqsin minn xi ħaġa jew oħra għaliex dawn  jakkwistaw u jgawdu kif jixirqilhom jekk mhux f’din il-ħajja, fil-ħajja l-oħra. Jingħad li t-tmien ponot tasSalib tal-Ordni ta’ San Ġwann jirrapreżentaw it-tmien beatitudnijiet, li huma dawn:

Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Ħenjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Ħenjin ta' qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b'wirthom l-art.
Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Ħenjin dawk li huma safja f'qalbhom, għax huma jaraw 'l Alla.
Ħenjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
Ħenjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija 
s-Saltna tas-Smewwiet.

beatitudnijiet.jpg

BEATU     Ara:    VENERABBLI, BEATU U QADDIS

IMG_7466 - CopyBEBBUX    F’Malta jeżistu mat-tmenin speċi ta’ bebbux tal-art. Tmienja minn dawn huma endemiċi. Fost dan il-bebbux insibu:  L-għakrux, it-trajbu, bebbuxu nagħġa, bebbuxu mogħża u bebbuxu tat-Torok. Il-bebbux insibuh kultant bħala fossillu fil-blat biss bħala speċi  tal-baħar. Fit-tempji preistoriċi instabet rappreżentazjoni ta’ bebbuxu komuni magħmula fit-tafal. Fil-fatt, il-forma tal-ispiral tant komuni fit-tempji megalitiċi setgħet ta’ bilħaqq kienet ispirata mill-istess karatteristika fuq id-dahar tal-bebbuxu  li tant hu prominenti fl-għelieqi u l-kampanja. Meta ngħidu li l-ispirall jissimbolizza l-ħajja li tispiċċa biex terga’ tibda f’ċiklu li ma jispiċċa qatt, jista’ jipparaguna dan mad-disinn tal-ispiral ta’ fuq dahar il-bebbuxu. L-għakrux li qisu jmut fis-sajf jidher mal-ewwel xita fil-ħarifa u b’hekk hu simbolu per eċċellenza taċ-ċiklu tal-ħajja li tkun reġgħet bdiet. Aġġ. QATTUS BEBBUXI Qattus li kuluru jagħti fil-griż u mħallat b’kuluri oħra aktar skuri. Il-kelma Għarbija għall-bebbux hi għakrux li fil-lingwa Maltija tirreferi għal tip ta’ bebbux partikulariAra: BEKKUM, GĦAKRUX, TRAJBU. Sqal. babbaluci.  Grieg. boubalàkion. Għ. (Marokk) Bebus. Ara: The Maltese Countryside, Vol. 2, ta’ Guido Bonett u Joe Attard, pp. 21-33. 

BEDBUT / BETBUT  (pl. bdiebet). Tip ta’ fifra, waħda mill-eqdem strumenti mużikali fid-dinja. Dan għaliex fil-mod sempliċi tiegħu il-bedbut kien jinħadem minn biċċa qasba, daqs 7.5 ċm. mill-pjanti tal-qamħ, tal-ħafur jew tal-qasab tal-widien. Fit-tarf tal-qasba jittaqqab xaqq biex iservi  bħala bwejba żgħira qrib il-fomm. Meta d-daqqaq jonfoħ din tperper  u b’hekk joħroġ ħoss qisu ta’ suffara. Il-bedbut hu strument li faċli jinħadem u jindaq, kemm mill-kbar kif ukoll mit-tfal. Insibu għanja li d-daqqaqa kienu jgħannu bħala ċajta, biex iħeġġu lil-bedbut idoqq:

Doqq bedbut doqq ħa nixtrilek ħabba / ċappa tin
Nixħetielek ġewwa bir u nġibulek bir-rampil

Fid-dinja Għarbija il-bedbut jissejjaħ ukoll żummara. Il-bedbut jagħmel ukoll parti integrali mill-istrument taż-żaqq għax hu mill-bedbut li d-daqqaq jonfoħ. A. de S. jirriferi għal bedbut bħala cifoletto. Ara: ŻUMMARA, ŻAQQ.  Ara: Doqq Ja Bedbut Doqq’ ta’ Anna Borg Cardona, fil-ktieb Folkor, ed. Guido Lanfranco. pp. 31-41; A Guide to Maltese Folk Music, ta’ Ruben Zahra, pp. 12, 13.

BEĠEJĠU   Appel. għal xi ħadd ta’ karattru sempliċi jew injorant. Jista’ jkun li dan l-appel. hu meħud minn ‘baġan’, li tfisser l-istess ħaġa. Sqal. bagiano, Tal. baggiano. Sorsi: M.A.V., E.S.I. u J.A.

BEHEM     1. Is-saba’ l-kbir tal-id; l-ewwel saba’ fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-pala tal-id, jew tas-saqajn. Ngħidu, ‘Il-qasba qbadtha bejn is-saba’ l-werrej u l-behem.’ L-istess kelma tista’ tfisser ukoll ‘ponn magħfus sew’.  2. Id tal-ħadid li bl-Ing. tissejjaħ knuckle duster. Sors: E.S.I. Ħajr ukoll: Rita Saliba.

BEJBET, TA’   Isem ta’ nħawi lejn Għajn Dwieli. Fi żmien meta hawn kien għadu diżabitat, maqtugħ mit-Tlett ibliet tal-Kottonera, hawn kont issib biss xi razzett u xejn aktar. Għan-nies tat-Tlett Ibliet, min kien jgħix hawn kien ta’ ġeneru mgerrex u ma jafx jagħmilha man-nies. B’hekk ħarġet l-idjoma ‘Mela qed tagħmilha ma’ Ta’ Bejbet?’ jew ‘Lanqas li konna qed nagħmluha ma’ Ta’ Bejbet!’ Sors: Idjomi Maltin ta’ Karm Fenech (2006); Ara wkoll: J.A. u E.S.I.

BEKBUKA   Tip ta’ buqar tal-ilma magħmul b’għonq dejjaq minn fejn il-likwidu joħroġ minnu bil-mod il-mod. L-isem hu onomatopejku, jiġ., dan imsejjaħ hekk minħabba l-istess ħoss li jagħmel il-likwidu hu u ħiereġ, hekk kif jitferra mill-kontenitur.

BEKKAMORT / BUKKAMORT  Dak li jieħu ħsieb il-ġisem tal-mejjet biex jippreparah għad-difna. Oriġ. Tal. Beccamorto. Skont il-folkor Taljan, il-beccamorto kien, biex jaċċerta ruħu li l-persuna kienet verament mejta kien jigdmilha s-saba’ tas-sieq.  Tal. beccamorto (beccare : tigdem + morto: mejjet).

bekkumxBEKKUM / BEKKUN / BAQQUM  Tip ta’ bebbuxu tal-baħar li jittiekel. Bekkum tal-granċ.  Is. xj. Murex trunculus, – M. Sultan il-Bekkum.  Kien minn dan il-bebbuxu li l-Feniċi kienu jipproduċu l-kulur vjola ħamrani biex jiżbgħu l-ħjut tad-drapp.  Kien minħabba f’hekk li l-Feniċi kienu saru kummerċjanti famużi għad-drapp aħmar. DAn l-aħħar, ċertu Mohamed Għassen Nouira (ritratt hawn taħt) mit-Tunisia, beda jesperimenta biex jerġa’ jqajjem din it-tip ta’ industrija. Hu jgħid li biex ipproduċa gramma ta’ dan il-kulur kien jeħtieġlu jofsoq mall-mitt kilogramm ta’ bekkum. Sqal. baccumi. Sqal. baccumi. Ara: https://phys.org/news/2020-07

bekkum xxx

BELLADONNA   1. Logħba tal-karti li tintlagħab bejn tnejn jew erba’ lagħba, magħrufa wkoll bħala ‘Ħalliela’. L-isem ta’ din il-logħba ġej minn Sqallija fejn din il-logħba hi popolari. Tixbah logħba oħra li t-Taljani jafuha bħal Scopa. Ara: https://www.pagat.com/national/malta.html. 2. Xitla tal-qsari li l-weraq tagħha jixbah ir-rand. Tagħmel ward żgħir u żinżel. Tissejjaħ ukoll ‘rand tal-beraq u r-ragħad’. (L. liliaceae asparageae).

20190422_081757

BELLIEGĦA   1.  Isem ta’ mostru li kienu jbeżżgħu t-tfal bih. Il-belliegħa kienet suppost tgħix fil-bir, u lit-tfal kienu jbeżżgħuhom li jekk jixirfu rashom fuq il-ħerża tal-bir il-belliegħa kienet tiblagħhom.  2. It-terminu jiswa wkoll għal meta l-baħar jitla’ l-art.  3. Rif. għal kosta in ġenerali. ‘the common shore, ( F.V. 1831).  4. Mejjilla (F.V. 1831).  5. Sotterran, fond bla tarf. 6. Il-belliegħa tista’ tkun ukoll għar li jibla’ n-nies. Skont ħrafa Maltija, l-belliegħa belgħet is-seba’ tfajliet sbieħ ta’ Selika. Il-belliegħa hi wkoll l-isem ta’ post li jinsab fil-limiti tar-Rabat, Għawdex. Dwar is-sors tal-aħħar: Anton F. Attard. Ara: Folklore of an Island – Maltese Threshold Customs ta’ Tarcisio Zarb).

BELLUDJA     Is. xj. Malus comunis. Varjetà ta’ tuffieħ li kien komuni f’Malta. Belludia hu l-isem ta’ wied fi Sqallija, li jinsab viċin il-belt ta’ Noto, fejn jikber it-tuffieħ ta’ din il-kwalità. Fost il-bdiewa tal-Manikata kull tuffieħ jissejjaħ Ta’ Belludja biex juri li hu tuffieħ ta’ Malta.

BELQA    (Pl. boloq) 1. Aġġ. fem. għal mogħża ta’ lewn imħallat bejn iswed, griż u kannella. Mogħża bi dbabar bojod u suwed.  2. DULLIEGĦA BELQA   Dulliegħa li minn ġewwa tkun għadha qiegħda tieħu l-kulur tagħha, sinjal li għadha ma hix matura biżżejjed biex tittiekel.  BELQI/JA   Appel. għal kwalunkwe ħaġa ta’ kulur imħallat bejn iswed u abjad.  BLIEQ  v. li jfisser li l-oġġett minn skur beda jiċċara xi ftit.  BELQ IN-NHAR  Appel. għal sbieħ il-jum. Sorsi: E.S.I. u J.A.

BEN / BIN    Prefiss li ġej mill-Għ. li jfisser: ‘iben ta’. F’Malta jeżistu diversi postijiet li jibdew b’dan il-prefiss. Eż. Benġemma, Bengħajsa, Benwarrad (Burmarrad). Dawn x’aktarx jirriferu għal xi persuni partikulari li kienu jgħixu f’dawn l-inħawi.  Jista’ jkun però, li fil-każ ta’ Benwarrad il-kelma kienet imbiddla minn Bur Warrad (bur tfisser għalqa). Il-prefiss ‘ben’ kien u għadu jservi fid-dinja Għarbija biex jirreferi għall-wild ta’ xi ħadd. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands, 1300-1800, Godfrey Wettinger jinkludi mat-18-il akkwati li għandhom dan il-prefiss.  

BENEDIĊTE  Kelma meħuda mil-Latin benedicere li tfisser ‘berikni’. Kelma li għadha tingħad min-nies ta’ ċerta età meta dawn ikunu fil-presenza ta’ xi patri jew qassis u jitlolbuh biex ibirikhom. Lat. bene + dicere – M. tkellem tajjeb. Ara: BEZZJONI.

BENEPLAĊTU   Approvazzjoni jew rieda tajba; espr. ‘kellu l-beneplaċtu ta’ missieru’ – jiġ. kiseb il-kunsens ta’ missieru b’mod l-aktar mixtieq. Sors: E. S. I.

Berebis 2BEREBIS   1. Logħba sempliċi tat-tfal, fejn tiddaħħal ħajta twila fit-toqob tal-buttuna u meta tinġibed il-ħajta, il-buttuna tibda ddur fuqha nfisha u fl-istess ħin titriegħed kemm tiflaħ.  2. Logħba oħra, din id-darba tal-azzard, pjuttost qisha tombla, li tintlagħab fuq bord b’disinn li jkollu 36 kaxxa – hemm ukoll logħbiet li għandhom 42, 60 u 70 kaxxa – f’kull waħda minn dawn il-kaxxi jkun hemm tpinġija ta’ figura dejjem differenti mill-oħra. Din il-logħba tintlagħab bejn bosta nies u titmexxa minn xi ħadd li ma jkunx qed jipparteċipa bħala lagħbi. Tal. biribisso/i – dan kien l-isem ta’ logħba li kienet bdiet tintlagħab fl-Italja fi żmien il-Medjuevu. F’din il-logħba jittellgħu 36 pedina minn ġo borża (jew numri oħra skont in-numru ta’ kemm hemm kaxxi). Ara: www.neteditor.it3. Farfett tad-dqiq. Ing. meal moth. Is. xj. Plodia interpunctellaSorsi: J.A. u E.S.I. Ħajr: Anton F. Attard. 

Berga berge d Italie G_6368BERĠA   1. Il-binja jew palazzin fejn kienu jgħixu l-Kavallieri tal-istess lingwa / nazzjon. Il-bereġ inbnew għall-Kavallieri li ma kellhomx flus biżżejjed biex jixtru jew jikru residenza għalihom infushom. Il-Birgu dawn il-bereġ kienu fl-inħawi hekk imsejħa l-Collachio. Mhux hekk il-berġa tat-Taljani. Minħabba d-dover tagħhom fix-xogħol marittimu li kienu fdati bih, din il-berġa kienet allokata post fix-xatt tal-Birgu qrib Sant’Anġlu.  Fil-Birgu tinsab berġa li m’hemmx il-Belt, dik tal-Ingilterra, waqt li fil-Belt hemm berġa, dik tal-Bavarja li ma kienetx inbniet il-Birgu. E.S.I. jgħid li anke l-kelma Fr. Auberge ġejja mill-Għ. al burġ: – M. Post ta’ kenn.

BERĠA   2. Klinika  Fl-ewwel tletin sena tal-Ingliżi f’Malta, l-isptar prinċipali għall-poplu kien dak tal-Furjana, imsejjaħ iċ-Ċentrali. Dan l-isptar kien dejjem iffullat bil-pazjenti u b’nies oħra li kienu jiġu jittallbu għall-mediċina skont il-bżonnijiet tagħhom. Fis-sena 1832, l-Ingliżi kienu ddeċidew li jiftħu klinika u spiżerija fil-Belt biex inaqqsu l-piż tax-xogħol mill-isptar tal-Furjana. Kienet għalhekk infetħet speċi ta’ klinika fil-bini kbir li hemm fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti, li fi żmien l-Ordni kien iservi ta’ berġa għall-kavallieri Taljani. Dan il-post beda jissejjaħ La Farmacia dei Poveri. Hawn kienu jaraw in-nies żewġ tobba ċivili u żewġ tobba tal-militar, kif ukoll spiżjar. Fi ftit żmien din il-klinika bdiet taqdi madwar 4,000 ruħ fis-sena. Minkejja li kienu għaddew aktar minn tletin sena minn meta l-Ordni tkeċċa minn Malta, in-nies kienu xorta baqgħu jirriferu għal dan il-post bħala ‘l-Berġa’. B’hekk ġara illi meta fl-1848 infetħu disa’ kliniċi oħra, imxerda fil-ġżejjer Maltin, waħda f’kull distrett, dawn ukoll bdew ukoll jissejħu ‘il-Berġa’. Dak iż-żmien kienu ġew ingaġġati għoxrin tabib, medici dei poveri’, biex iservu b’xejn tliet darbiet fil-ġimgħa minn dawn il-bereġ. Bosta drabi dawn il-bereġ kienu jinfetħu fl-għassa tal-pulizija. Ta’ min wieħed jifhem li dak iż-żmien it-tobba tad-distretti kienu jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija. Ara: Palatial Buildings of Valletta – A History of the Auberge d’Italie, the Auberge de Castille and the Castellania ta’ Kevin Cassar, pp. 16, 17; u Birkirkara fis-Seklu XIX ta’ Winston Zammit.

bergamotBERGAMOTT     Is. xj. Citrus bergamia. Frott taċ-ċitru li jixbah fis-sura tiegħu l-lumi iżda hu ikbar u ġieli jkun forma ta’ lanġas. Il-bergamott hu frott indiġenu tal-Kalabrija. Il-polpa hi aċiduża ħafna u ma tittikilx, biss tintuża biex isiru l-fwejjaħ minnha. Sqal. Bergamottu. ritratt 

BERQUQ   Is. xj. Prunus armeniaca. Tip ta’ pruna li għandha mill-ħawħ u mill-għanbaqar. Sq. barcocu. Ing. apricots.  

BERRETTIN   Kappa li jilbsu l-qassisin fuq rashom, ġen. magħmulha mill-ħarir maqsuma fi tliet diviżjonijiet u jkollha ġummiena fin-nofs. Il-berrettin tal-Isqof  ikun bis-satin aħmar.

OLYMPUS DIGITAL CAMERABERRINA   Biċċa għodda żgħira, qisha splengun irqiq li biha wieħed ikun jista’ jgħawwar l-injam jew il-ġebel fil-fond biex jagħmel toqba dejqa. Idj: ‘Fin daqs berrina’ – rif. għall-bniedem li jgħawwi lil xi ħadd kontra ħaddieħor. v. berren – jiġ. ħaffer toqba, Fig. ngħidu, ‘baqa’ jberren – jiġ. baqa’ jaħseb fil-fond fuq xi ħaġa. Ing. gimlet.

BERRITTUN     Kappa tar-ras bil-ġummiena li kien jilbsu l-Gran Mastri. Illum l-imħallfin jilbsu berrittun simili.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Il-palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu

BETTIJA   Kontenitur imżaqqaq minn nofs, magħmul minn strippi tal-injam miżmuma flimkien minn żewġ ċrieki jew aktar tal-metal, li fih jitqiegħed ħafna drabi, jew l-inbid jew iż-żejt. Il-bettija tal-inbid bosta drabi tkun tal-ballut u din isservi biex l-inbid jimmatura ġo fiha waqt li jieħu ċerta togħma mill-injam tal-ballut stess. Din però trid tinbidel wara erba’ snin għax it-togħma tas-siġra tal-ballut tkun marret. Bettija żgħira tissejjaħ btejta. Min jaħdem il-btieti jgħidulu BUTTAR.

BEŻŻA L-ART    Bniedem li b’surtu u b’għemilu jbeżża’ n-nies. Bniedem li dejjem iridha tgħaddi tiegħu billi jintimida u jbeżża’ lil min jikkuntlarjah.

BEŻŻUL IL-BAQAR   Is. xj. Sedum caeruleum.  Ing. Blue stonecrop. Pjanta irqieqa u li fiha daqs nitfa, biss tikber fi kwantità ħdejn xulxin biex tagħmel qisa tapit fuq il-blat u l-ħofor tal-istess blat. Tinsab tikber fil-ġenb ta’ Wied Dalam.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

BEZZJONI    Kelma li kienet tingħad minn bosta meta jitolbu l-barka ta’ xi ħadd. Pereż., tifel lil ommu jew ‘l missieru qabel ma joħroġ ‘il barra mid-dar kien jgħid, ‘bezzjoni ma pa !’ Meta mbagħad wieħed kien jiltaqa’ ma’ xi qassis fit-triq x’aktarx it-talba għall-barka kienet tkun kemxejn aktar formali, u kienu jgħidu ‘benediċte Dun!’ Ara:  BENEDIĊTE.

OLYMPUS DIGITAL CAMERABEZZUN / BUZZUN   Kontenitur li fl-antik kien jinżamm fih il-ġelat f’temperatura kiesħa biex dan ma jinħallx.  Il-bezzun tal-ġelati kien jintuża biex jinħadem il-ġelat fih. Kien jgħaqqad il-ħalib, il-krema, iz-zokkor u l-essenza biex isiru ġelat. Il-ġelat kien jitqiegħed ġol-frak tas-silġ miżjud bil-melħ. Il-melħ iniżżel it-temperatura minn 0 ċentigradi għal -4 gradi, u b’hekk jgħaqqad is-silġ. Fl-istess ħin is-silġ jibqa’ jdur fil-bezzun biex il-ġelat ikun jista’jagħqad. Mingħajr id-dawrien it-taħlita tal-ħalib ma ssirx. Il-ġelat jibqa’ fil-bezzun sakemm dan jiġi biex jittiekel. 2. Nefħa fil-ġisem, li norm. titla’ meta wieħed jaqla’ xi daqqa. Etim. Sqal. bozzone M. nefħa; bozza jew oġġett minfuħ. 3. Għamla ta’ ħobż (fancy bread) li norm. jittiekel bħala ikla ħafifa, eż.,  fuq ix-xogħol. Etim. Sqal. pizzuoni; Tal. pezzo.

 

BFBS.jpgBFBS    Abbr. li biha hu magħruf is-servizz tar-radju li jxandar għan-nies tal-militar Ingliż, mifruxa mad-dinja kollha. F’Malta, il-British Forces Broadcasting Service, kien beda jxandar fl-1958, fuq frekwenza tal-FM. Ħafna mill-programmi kienu impurtati mill-Ingilterra, biss xi wħud kienu ppreżentati dirett jew irrekordjati f’Malta. L-aħbarijiet kienu jixxandru b’kollegament dirett ma’ Londra. F’Malta kien hemm bosta nies ingaġġati ma’ dan l-istazzjon, xi wħud minnhom anki bħala preżentaturi u kienu bosta l-Maltin li kienu jisimgħu l-programmi tiegħu. F’Malta, il-BFBS waqaf jittrażmetti fil-25 ta’ Marzu, 1979, jiġifieri ftit jiem biss qabel l-għeluq tal-bażi militari Ingliża, fil-31 ta’ Marzu, 1979. Fl-aħħar jum tax-xandir tiegħu, fost l-aħħar programmi mxandra, kien hemm il-programm ‘Last Night at the Proms’, li fih indaqqu kompożizzjonijiet li jqanqlu emozzjonijiet patrijottiċi fil-ġens Ingliż, bħal Pomp and Circumstance, u Land of Hope and Glory. Wara, l-istazzjon għalaq bi programm jismu ‘Farewell to Malta’, li fih, ir-Rear Admiral Oswald Nigel Amherst Cecil, C.B., il-Kap Kmandant tal-Forzi Ingliżi f’Malta, ta l-addijo lill-Maltin. L-istazzjon għalaq bil-Last Post, l-Innu Malti u fl-aħħar l-Innu Ingliż. Sors u ħajr: Michael Cassar.

BĦAJRA   1. Għalqa mimlija bettieħ jew dulliegħ u frott ieħor tal-ilma. 2. Għadira (bħal baħar żgħir fil-magħluq). Idj: ‘Wara li ħadulu l-bħajra għamel l-għarix’ – jiġ., fittex is-sigurtà jew il-protezzjoni meta kien tard wisq. Sors: Kif Ngħiduha, ta’ Gino u Anna Muscat Azzopradi.

Biccieni20200721_085513BIĊĊIENI, Il-   Inħawi, illum fl-abitat ta’ Ħaż-Żabbar, li jinsabu fin-naħa li tagħti lejn il-Kottonera, fit-Triq il-Kbira u l-madwar. E.B. Vella fil-ktieb tiegħu Ħaż-Żabbar bil-Ġrajja Tiegħu, (1926), jispeċifika li kien hemm Strada e Vicolo Biċċieni u jgħid hekk: ‘Din triq dejqa ħafna, li tgħaqqad lil Strada Reale ma’ Strada Santa Domenica. Jgħid ukoll li l-art kienet tal-patrijiet Tereżjani u l-isem Biċċieni ġej mill-kelma, biċċa, għaliex din il-ħara kienet maqtugħa għalija. Skont E.S.I. Biċċieni kien laqam ġej minn beċċun. Skont J. A. dan għandu L-oriġ. fil-kunjom Piccinino. J.A. jgħid li dan it-toponomu jeżisti f’Għawdex ukoll. Wettinger jgħid li Ta’ Bixeni kien il-laqam jew isem ta’ sid xi għelieqi li hu jaħseb li kienu fl-istess inħawi illum magħrufa hekk.

BIDILLU    Purtinar. Wieħed inkarigat jieħu ħsieb id-doveri relatati maż-żamma tal-binja, bħal skola jew każin. Idj: ‘Qisni l-bidillu ta’ kulħadd’ – jiġ. qisni wieħed imġiegħel innaddaf jew nirranġa dak kollu li hu ttraskurat minn ħaddieħor.

Bidnijacross.jpgBIDNI/JA   Aġġ. Xi ħaġa jew xi ħadd mibni sew. Bniedem imġissem. Ġebel imdaqqas sew. Frott imlaħħam tajjeb. Eż. żebbuġ bidni, jew tin bidni.  IL-BIDNI   Qasam ta’ art li jinsab fuq għolja lejn Wied il-Għajn, qrib il-kappella tal-Madonna tad-Dawl. Mhux wisq ‘il bogħod sa ftit żmien ilu kien hemm dolmen li donnu għeb. Hawn jinsab l-hekk imsejjaħ ‘Iċ-Ċirku’, sit arkeoloġiku li Temi Zammit kien skava fl-1915.   IL-BIDNIJA  Inħawi oħra li jinsabu fuq għolja fin-naħa ta’ Burmarrad u Għajn Riħana.

BIEB ALLA    Din il-frażi kienet tintuża hekk: ‘Sejjer għal bieb Alla’, jiġ., sejjer għal għonq it-triq, bħallikieku dak li jkun, meta jgħid din il-frażi, jafda fil-ħniena ta’ Alla biex jasal fejn għandu jasal fis-sliem. Espr. ‘telaq għal bieb Alla’ – mar mingħajr ħadd ma jaf fejn kellu jmur. Din il-frażi nsibuha fl-istorja Ix-Xbejba tal-Irdum (1879) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi: ‘… Wieħed mill-ġirien … u erba’ xebbiet oħra ltiema telqu kollha mal-familja Dingli għal bieb Alla.’ Sors: Toni Bajjada u Rakkonti Oħra, Ġużè Muscat Azzopardi, p. 46. Fid-Damma A. de S. jispjega din il-frażi hekk: ‘Alababalla’ – Per la porta di Dio.

Gharreqin tal5 - Copy.jpgBIEB IL-GĦARREQIN     Id-daħla li tagħti għall-Imdina min-naħa ta’ isfel, jiġ., min-naħa tal-Punent, daħla magħrufa aħjar bħala Bieb il-Griegi. Din id-daħla, hi mibnija fi stil Barokk. Għadu sal-lum mhux ċert għaliex dan il-bieb jissejjaħ hekk. Jista’ jkun illi hawn kien hawn xi komunità jew familja Griega tgħix qrib sew ta’ din id-daħla. E.S.I., fit-tifsira tiegħu ta’ ‘Għarreqin’, jgħid li dan kien appel. li l-Maltin kienu mdorrija jsejħu bih lill-Griegi inġenerali. ‘Għarrieqi’ tista’ wkoll tirriferi għal xi ħadd li juża l-lampik, jiġ., xi ħadd li jgħarreq bil-fwar l-essenza mill-fjuri jew pjanti. Tifsira oħra tal-kelma ‘għarrieqi’ hi rif. għal ambjent fejn faċli jimtela bl-ilma, jiġ. jegħreq meta tagħmel ix-xita.

Bieb il GziraIMG_3302.JPGBIEB  IL-GŻIRA   Magħruf wkoll bħala Bieb il-Fawwara.  Din l-arkata nbniet fl-1796, mill-familja Testaferrata li kellha l-artijiet f’dawk l-inħawi. Dan sar meta nfetħet triq qalb l-għelieqi li jagħtu lejn il-Gżira. Fuq il-Bieb għad hemm l-arma tal-familja Testaferrata. Fil-ktieb tiegħu, Place-Names of the Maltese Islands, Wettinger issemmi żewġ lokalitajiet b’dan l-isem, wieħed minnhom magħruf bħala il-Bieb tal-Gżira tal-Msida. Intant illum, qrib fejn kien hemm l-Empire Stadium, l-arkata tidher iżolata fuq il-bankina qisha ħuta barra mill-ilma. L-iskrizzjoni fuq il-Bieb tgħid hekk:

D. O. M.

Publicae Privatæque Commoditat Viam
ex Praedis Baronis Testaferrata
Amplificatam
Fr. Nicolaus Butius
Ex Rudi in Meliorem Formam
Sterni curavit Anno MDCCXCVI

Bil-Malti din tfisser:  Alla  hu l-Akbar (D.O.M.) – Magħmula għal kumdità tal-pubbliku u tal-privat mill-ġid tal-baruni Testaferrata. It-triq ġiet imtejba sew mill-istat li kienet fiha minn Fra Nikola Butius fis-sena 1796′. Ara: https://en.wikipedia.org/wiki/Fawwara_Gate.

Bieb is Sultan Zabbar Bieb is-Sultan 23.jpgBIEB IS-SULTAN   Id-daħla fis-swar tal-Cottonera li tinsab barra l-Birgu, qrib il-kulleġġ ta’ Saint Edwards. Dan il-bieb kien mibni fl-1675, fi żmien il-Gran Mastru Nicholas Cottoner, bħala wieħed mis-seba’ bibien minn fejn wieħed kellu aċċess mis-swar tal-Kottonera. Din id-daħla hi msejħa wkoll Bieb Notre Dame. Fuq il-faċċata ta’ dan il-bieb, li kien iddisinjat b’mod sabiħ mill-arkitett Romano Carapecchia, jidher il-bust tal-Gran Mastru Nicholas Cottoner. Jissejjaħ Bieb is-Sultan, minħabba l-bust tal-bronż li juri lil dan il-Gran Mastru fi żmien meta l-Gran Mastru kien meqjus mill-Maltin bħala s-sultan tal-pajjiż. Leġġenda ħelwa tgħid li xi mkien fid-direzzjoni li qed iħares dan il-bust hemm teżor moħbi. Illum dan il-bini iservi bħala l-uffiċċju prinċipali tal-Fondazzjoni Wirt Artna.

BIEBA     Ara:  LBIEBA.

biesn 098.jpgBIES, IL-   Fost il-falkuni li jpassu minn fuq Malta hemm il-Bies (is. xj. Falco peregrinus, Ing. Peregrine Falcon); Il-bies, magħruf ukoll bħala l-Bies Prim, hi l-aktar tajra veloċi fid-dinja. Fi żminijiet oħra dan l-għasfur kien mhux biss ipassi iżda anki jbejjet fil-gżejjer Maltin. Fil-Medjuevu, il-bies kien jitrabba u jitrawwem biex jintuża għall-kaċċa ta’ għasafar oħrajn. Ir-Re Federiku t-Tieni, kien ta’ spiss jirċievi minn Malta falkuni ta’ dan it-tip għall-passatemp tiegħu. Ġieli kienu jintbagħtu falkuniera Sqallin lejn Malta apposta biex jaqbdu dan l-għasfur u jrawmuh huma. Fil-bidu tas-seklu ħmistax, il-falkunier uffiċjali Malti kien jitħallas sitt uqijiet tad-deheb fis-sena biex BIESx.jpgjaqbad u jrawwem il-bies f’isem il-Viċiré ta’ Sqallija. Fl-1530, l-Imperatur ta’ Spanja, Karlu V, għadda l-gżejjer Maltin lill-Ordni ta’ San Ġwann għar-renta nominali ta’ żewġ bisien fis-sena. Dawn kienu jingħataw fit-2 ta’ Novembru lill-Viċirè ta’ Sqallija, għax dan kien ir-rappreżentant tal-Imperatur ta’ Spanja. Il-bies ġie immortalizzat bil-film The Maltese Falcon (1941). It-titlu tal-film jirriferi għal statwa tal-fidda li kienet tirrafigura dan l-għasfur marbut mal-istorja tal-Ordni. Qawl: Kull għasfur imur mar-riħ, biss il-bies imur kontrih. Ara: ‘The Maltese Falconry in Malta: 1239-1500’,  ta’ Stanley Fiorini fi Treasures of Malta, Easter 2001, no 20, Vol VII, no. 2, pp. 59-64.

BIFFSTEKK   Kelma li tidher fid-dizzjunarju ta’ V. Busuttil (1900), imfissra bl-Ing. bħala beef steak. Waħda minn bosta kliem Ing. misluf, jew aħjar misruq mill-Maltin.  Wieħed jassumi li din il-kelma il-Maltin, tgħallmuha fit-tisjir tagħhom li kienu jsajru lill-uffiċjali tan-Navy u l-Armata Ingliża.  

Bighi Kalkara_7643BIGHI   Fis-sena 1650 il-Kavallier Fra Giovanni Bighi xtara biċċa art kbira fuq l-għolja li tifred il-bajja tal-Kalkara minn dik tar-Rinella, magħrufa bħala Tas-Salvatur. Fra Bighi qabbad lil Lorenzo Gafà jibnilu villa u magħha kappella bħala r-residenza tal-villeġġatura tiegħu. Sfortunatament il-Kavallier Bighi ma laħaqx gawda l-villa għax miet fl-imxija tal-pesta li laqtet lil Malta fl-1676. Kienet marda oħra li ġiegħlet lil din il-proprjetà tkun żviluppata f’bini aktar imponenti. Fl-1827, Malta ntlaqtet mill-imxija tal-ĠIDRI, li nfirxet ma’ kullimkien u qatlet ħafna nies. Il-Gvernatur Frederick Ponsonby ħa taħt idejh l-artijiet kollha ta’ Fra Bighi biex fuqhom ikun jista’ jinbena sptar. Fl-1830 beda x-xogħol fuq dan l-isptar biex jintuża esklussivament mill-morda u l-midruba tar-Royal Navy. L-isptar sewa għoxrin elf lira sterlina. Dan kien l-ewwel bini ta’ ċerta importanza li l-Ingliżi bnew f’Malta. Il-kumpless tal-binjiet ittella’ fi stil neoklassiku, skont id-disinn tal-inġinier militari George Whitmore. Da l-inġinier iddisinja  l-kumpless biex jagħti xeħta ta’ l-Akropolis. Dan l-istil jintgħaraf hekk kif wieħed iħares lejn il-promontorju ta’ Bighi min-naħa tal-Belt. Fl-1903 nbnew żewġ blokki oħra, waħda tagħti għal fuq il-bajja tar-Rinella u l-oħra li tagħti għal fuq il-bajja tal-Kalkara. L-isptar għalaq fl-1970. Illum parti minn dan il-kumpless iservi bħala l-uffiċċju amministrattiv ta’ Heritage Malta, kif ukoll bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni u Restawr tal-Wirt Kulturali Malti. Parti oħra tal-bini sservi bħala Esplora, ċentru ta’ tagħlim popolari tax-xjenza. Ara: ‘Bighi Naval Hospital – Of Whitmore and Xerri’ ta’ Andrè Zammit, The Sunday Times, June 6, 1999; A Chronicle of 20th Century Malta ta’ Michael Cassar, p. 336.

bijamboBIJAMBÒ / GIANGÒ      Strument żgħir tal-ħalq li għadu jintuża l-aktar mid-daqqaqa folkloristiċi Sqallin. Idj:  ‘Llum donnu qam bil-bijambò’ – jiġ. l-persuna inkwistjoni qamet bil-buli; burdata ħażina. Bl-Isqalli dan l-istrument mużikali żgħir hu magħruf bħala scacciapensieri jew maranzano. Dan jindaqq billi jinżamm max-xuftejn bejn is-swaba, waqt li b’saba’ wieħed jintgħafas il-fildiferru li jkun imwaħħal mal-qaws ċkejken tal-metall. L-oriġ. tal-biambò jidher li ġej mill-Asja, u hu strument magħruf sew fit-Turkija. Biss, bijambo1.jpghu magħruf ukoll mill-Ispanjoli, u fil-fatt l-isem Malti jidher li ġej minn hemm, għax fi Spanja dan jissejjah bħala Birimbao jew Berimbao. Ing. Jews’ harp. L-etim. Ing. hi inċerta, biss jidher li l-kelma Jews hi korruzzjoni tal-kelma jaws, għal mod kif jindaqq l-istrument. 3. Anki fil-Brażil il-kelma berimbao tirriferi għal strument tal-mużika li jagħmel ħoss simili; biss fis-sura tiegħu hu strumment differenti għal kollox għax  dan hu qisu qaws twil. Mal-qaws tintrabat min-naħa għall-oħra korda rqieqa tal-metall li tinġibed bħal korda ta’ vjolin. F’tarf ta’ dan il-qaws titwaħħal qargħa niexfa. Din il-qargħa tgħin biex iġġiegħel il-ħoss tal-korda jitqawwa.

BIKKJERIN      Tazza tal-ħġieġ żgħira li minnha wieħed jista’ jixrob xi grokk.

BIL-BIEX   1. Espr. li tfisser ‘bix-xorti’ jew xi ħaġa li tiġri b’kumbinazzjoni. 2. Logħba tat-tfal żgħar magħrufa wkoll bħala TIEGĦLA, għaliex fiha t-tfal iqiegħdu idhom taħt il-mejda u jtellgħuhom biex jikxfu fejn hu l-oġġett moħbi. Isem ieħor li hi magħrufa bih din il-logħba hu, ĦĠEJRA. Sors: E.S.I. Ara  ĊAMILLIERI u ĦAĠRA MAĠRA.

BIN      Ara:   BEN.

BINNIJA    Bejta fejn it-tiġieġ ibidu l-bajd. Qawl: Fuq il-binnija jidden is-serduq – jiġ. wieħed iħossu żgur u ħieles meta jkun f’daru.

BIQA      Ħabel magħmul mill-ħaxixa li bih kienu jorbtu l-qattet tal-ħsad.

BIR TAS-SKIEKEN   Bir immaġinarju, frott il-fantasija tan-nies, fi żmien meta l-Inkwiżizzjoni kellha s-sede tagħha fil-Birgu (1571-1798).  Ħafna nies kienu – u xi wħud għadhom – jaħsbu li dan il-bir kien jeżisti tassew ġol-palazz tal-Inkwiżitur. L-abitanti speċ. dawk tal-Birgu, kienu jemmnu li f’dan il-palazz, il-priġunieri setgħu jinżammu f’bir bis-skieken ippuntati ’l fuq, li minnu ma setgħu joħorġu qatt.  Idj: Is-sigriet intefa’ fil-bir tas-skieken – jiġ., sigriet mogħti lil xi ħadd jindifen u jibqa’ mistur għal dejjem.  Ara:   GUVA.

Birgu couvreG_8721BIRGU, IL-   L-eqdem fost it-tliet ibliet tal-Kottonera. Minħabba l-pożizzjoni ġeostrateġika ta’ din il-belt u l-fortizza u l-kastell Sant’Anġlu kienu jiddominaw il-port u għaldaqstant bosta bastimenti kienu jirmiġġjaw qribu.  L-isem ta’ din il-belt ġej minn borgo, li bit-Taljan hi rif. għall-kastell li nbena’ fil-promontorju tal-Birgu fi żmien l-antik.  Illum din il-belt tissejjaħ ukoll Città Vittoriosa, titlu mogħni lil din il-Belt mill-Gran Mastru Jean de Valette, preċiżament wara l-Assedju l-Kbir.

BIRRA    Sal-lum l-istudjużi tal-istorja soċjali kollha jemmnu li l-birra bdiet dieħla f’Malta fi żmien l-Ingliżi. Intant din il-kelma tinsab magħduda mal-kliem Malti fil-Lexikon ta’ M.A.V. (1796).

BISESTILI       Avveniment li jiġri darba kull erba’ snin. Perijodu ta’ erba’ snin.

biskotti u ftira 5557 - Copy

BISKOTTI  Tip ta’ galletti li kienu jittieklu mill-baħħara fuq il-bastimenti. Bil-mod li kien jissajjar il-biskott kien iservi u jiġi maħżun għal ħafna żmien twil mingħajr ma jiħżien. Dan kien ta’ siwi kbir meta l-bastimenti kienu jsalpaw għal ħafna ġimgħat jew xhur qabel ma jidħlu f’port  biex jerġgħu jissuplixxu ruħhom b’ikel frisk. Il-biskotti kienu jissajru – fi żmien l-Ordni fl-ifran ta’ Triq l-ifran, il-Belt, u fi żmien l-Ingliżi fl-ifran il-Birgu, fejn illum hemm il-Maritime Museum. Orig. Tal. biscotto u Fr. bis + cuit – M. imsajjar darbtejn.    

biskuttin il mall.jpgBISKUTTIN, IL-   Dan hu l-isem ta’ ġnien pubbliku li kien jinsab bejn il-Mall, il-Furjana u l-Belt Valletta, ħdejn il-monument ta’ Kristu Re. X’aktarx dan kien ambjent estiż tal-ġnien tal-Mall. L-isem għandu x’jaqsam mas-siġar u l-veġetazzjoni li kien hemm. Intant, Temi Żammit jgħid li dan it-toponomu ħareġ mit-Taljan, Boschettino li jiġ., bosk żgħir.(1935).  Sors: J.A.

biskwin x

BISKWIN, PUPA TAL-   Espr. ‘Qisha pupa tal-biskwin’ – tingħad għal xi tifla żgħira b’ġilda fina. Etim. Bisque jew bisquit tfisser xi ħaġa msajra darbtejn. Il-pupi msejħin Bisque kienu magħmulin mill-porċellana u mpinġijin b’kuluri li jagħtu xeħta ’l-ġilda bħallikieku hi ta’ vera. Il-forom kienu jissajru darbtejn, l-ewwel darba f’temperatura ta’ 1,260 ċentigradu, imbagħad wara li jingħataw iż-żebgħa għat-tieni darba, kienu jerġgħu jissajru f’temperatura aktar baxxa. Dawn it-tip ta’ pupi bdew isiru fi Franza madwar l-1865, u wara anki fil-Ġermanja. Il-pupi tal-biskwin baqgħu popolari sa madwar is-snin tletin

bixkilla.jpg
Ħajr: Agriculture Museum, San Pawl il-Baħar

BIXKILLA   Qoffa tal-qasab bil-għalaq, żgħira, tawwalija bħal-ċilindru u ta’ kobor li jvarja. Fiha jinġarr frott bħalma hu t-tut, iċ-ċawsli u l-frawli. Dan it-tip ta’ frott hu artab u għalhekk jinġarr f’qofof żgħar biex it-toqol tiegħu stess ma jgħaffeġx il-frott tal-qiegħ. Bixkilla tista’ tkun qoffa tal-bajd. Norm. Din tkun tesa’ tliet tużżani bajd. Qawl: Min jagħmel b’bixkilla jagħmel b’qartalla – jiġ., min hu kapaċi jħawwad bil-ftit jaf ukoll iħawwad bil-kbir. Fig. v. bixkel – jiġ. ħawwad xi ħaġa minn taħt – ikkomplika l-affarijiet bħal meta bixkel xi qoffa tal-qasab. Sqal. Fixkilla. Lat. fiscella. v. bixjek/bexkel: għamel qfief tal-qasab.  

BIXKLA  Ngħidu ‘Daħħluh fil-bixkla’, jiġ. daħħluh f’xi taħwida li mhux faċli li joħroġ minnha. Wisq probabbli din il-kelma ġejja minn BIXKILLA. J.A. jgħid li meta wieħed ibixkel jew ibexkel ikun qiegħed jaħdem il-qasab billi jdaħħal u jdawwar minn naħa għall-oħra biex il-qoffa tieħu s-sura tagħha. Mela b’mod fig. min ibixkel ikun qiegħed jimmanipula fil-veru sens tal-kelma u jikkumplika xi ħaġa biex jasal fejn irid. Sorsi: J.A. u E.S.I. Biss, Ġino u Anna Muscat Azzopardi fil-ktieb Kif Ngħiduha jaħsbu li ‘bixkla’ ġejja mil-logħba tal-karti briscola. 

BIŻIBILJU     Ara:  VIŻIBILJU

bizzilla mta - Roberta Krasnig (100).jpgBIZZILLA    Xogħol minsuġ fuq disinn bil-ħajt, bħal rakkmu tal-ħarir. Xogħol li jirrikjedi ħafna tislib ta’ ħajt biċ-ċombini, mehmuża bil-labar fuq trajbu. Dan hu xogħol tradizzjonali li ilu jinħadem f’Malta u Għawdex għal mijiet tas-snin. Ix-xogħol tal-bizzilla kien isir l-aktar bħala xogħol dekorattiv fid-drapp li jiksi l-artal, jew bħala addizzjoni ddissinjata għal-libsa tas-saċerdot. Xogħol ieħor tal-bizzilla kien isir għall-ilbiesi u velijiet tan-nisa sinjuri fis-sekli sbatax, tmintax u dsatax. Il-bizzilla kienet u għadha xi ħaġa ta’ preġju li tingħata bħala parti mid-dota. Idj:  L-affari ħarġet bizzilla – xogħol jew sitwazzjoni li saret bi preċiżjoni kbira. Ara: TRAJBU.  Sqalli. Pizzu.  pizziteddu.  Jista’ jkun li hemm xi konnessjoni bejn ix-xogħol tas-sengħa fiħ innifsu u l-fatt li dan kien iżejjen pizz imwaħħal mal-għata tal-mant li n-nisa kienu jilbsu fi żmien is-seklu sbatax.  Intant insibu bandu li kien ħareġ il-Gran Mastru Lascaris fis-7 ta’ Frar tal-1658, li kien intitolat: Proibizione Sopra li Manti di Pizzilla.  Tal. Pizzo. Sors etim. J.A.  Ara: Gozo Lace: an Introduction to Lacemaking in the Maltese Islands, Consiglia Azzopardi.

BJAD   TAL-QOTON    Il-ġewż tal-qoton meta jkun lest għal qtugħ. Ing. Cotton pods.

BJADA    Tebgħa bajda ħalib li tfiġġ fl-għajn. Ing. Cataract. Kelma li nsibuha fil-kitba ta’ P.P. Saydon, ‘Siltiet minn ktieb Tobijja’, fejn l-awtur jgħid hekk: ‘…fuq għajnejja trabbietli bjada’. Sors: Ġabra ta Proża għat-Tfal. Ed. R. Vella Tomlin, p. 161.

bjankettx.jpgBJANKETT    Materjal bħal pejst, jew żebgħa bajda li tintuża kemm bħala stokk biex jimla l-injam u jissiġillaħ mix-xita jew inkella biex jimla t-tila jew materjal ieħor bħala perparament biex tkun tista’ tinħadem iż-żebgħa tat-tpinġija. Il-bjankett kien utili biex it-tila ma titerrhiex biż-żejt tat-tipinġija. Intant, il-bjankett bħala materja prima kien dak il-ġebel jew trab li kien jinqata’ mill- barrrieri fejn hemm blat vulkaniku, bħal pereż f’Solfataro / Pozzuoli, ħdejn Napli. X’aktarx li l-bjankett li kien impurtat f’Malta kien jiġi minn hemm. Illum flok il-bjankett jintuża l-ġesso (Tal. gesso), għall-istess skopijiet. Ħajr: Ino Bonello.

blandun xxxBLANDUN   Xemgħa twila u ħoxna magħmula mill-għasel pur, twila aktar mis-soltu li titqiegħed fuq gandlier fuq il-preżbiterju mill-Għid il-Kbir sal-festa ta’ Lapsi. Il-blandun jintuża wkoll fir-rit tal-magħmudija. Il-blandun jirrappreżenta lil Kristu rxoxt, għax wara l-qawmien Tiegħu sar Hu d-dawl tad-dinja. Mal-blandun jitwaħħlu bħal ħames ġandriet li jirrappreżentaw il-ħames ħwawar li bihom indilek il-ġisem ta’ Kristu qabel id-difna. Il-blandun ikun dekorat bi tpinġija tas-salib u fuqu hemm l-ittri Griegi, A għal Alfa (il-bidu) u O għal Omega (t-tmiem),  li jfissru l-bidu u t-tmiem tal-bniedem. Idj: ‘Qisu blandun’ – tingħad għal xi raġel twil u sabiħ. Ing. Paschal Candle li ġejja mil-Lhudi Pexaw.

BLIS   Isem ieħor għax-xitan. M.A.V. jagħti l-espr. ‘Għandek ras ta’ Blis,’ xi ħadd li għandu rasu stinata.

blunaBLU / BLUN / BLUNA, IL-   Prodott, magħmul mill-ultramarin sintetiku u l-bikarbonat tas-soda. L-użu ta’ dan l-oġġett tal-ħasil kien komuni ħafna min-nofs is-seklu dsatax sa nofs is-seklu għoxrin. Għall-ewwel dan kien prodott esportat fi kwantitajiet kbar mill-Ingilterra lejn l-Amerika. Fl-Amerika prodott simili beda jkun maħdum u esportat mad-dinja kollha, kemm bħala trab kif ukoll bħala kubu żgħir kaħlani, 2 x 2 ċm. Dan jintuża l-aktar biex jitlaħalħu l-ħwejjeġ bojod wara li jinħaslu. Il-kubu kien jitkebbeb f’ċarruta u jintefa’ fl-ilma biex it-trab jinħall u jitħallat mal-ħwejjeġ, ħalli jneħħi dik il-kwalità ta’ kulur safrani u l-abjad jidher aktar bajdani. Raġuni oħra għalfejn it-trab tal-bluna jintuża hi biex jipproduċi linka b’kulur blu sabiħ. Tintuża wkoll maż-żebgħa bajdanija tax-xagħar biex dan jidher aktar bajdani. Minn meta fil-ħasil beda jintuża l-bleach, il-bluna bil-mod il-mod inqatgħet mill-użu tagħha.

BNEJTA    (D.) Tfajla mhux miżżewġa. Qawl: Il-ħajja tal-bnejta bħal mendil fil-mejda. La vita della zitellina o zitella é come il pagliaccio in tavola.

BODBOD   Il-maskil tal-mogħża. Idj: ‘Qisu bodbod!’ – tingħad għal xi ħadd li ma jimpurtah minn xejn. Bniedem ta’ bla manjieri, injorant u ta’ rasu. Aġġ. Badbadi, raġel iffissat biex ikollu x’jaqsam man-nisa.

BOKKADOPRA     Ara: RIBALTA.

BOKKAPORT   Fetħa fl-art tal-gverta tal-bastiment li minnha wieħed ikun jista’ jinżel minn skalapiża biex jiġi fuq il-gverta ta’ taħt. Tal. boccaporta.

bolla talpapaBOLLA TAL-PAPA   Fil-kuntest l-aktar strett tat-tifsira tal-kelma, il-bolla hi dak id-digriet jew dokument li l-Papa jippubblika meta jagħmel stqarrija ta’ importanza kbira. Il-bolla tista’ tkun maħruġa biex tkun imħabbra xi domma li tiddikjara xi twemmin tal-fidi. Din l-istqarrija jew proklama tista’ tkun ukoll tip ta’ komunikazzjoni li biha l-Papa jagħti l-awtorizzazzjoni jew id-direzzjoni tiegħu fil-politika amministrattiva tal-Knisja Kattolika. Il-bolla tal-Papa hi wkoll dak id-dokument maħruġ mill-Papa li jagħti kwalunkwe awtorità biex isir xi avveniment reliġjuż. Il-bolla tal-Papa tingħata wkoll meta jkun skomunikat xi ħadd mill-Knisja Kattolika. Fuq livell ieħor, bil-bolla, il-Papa jista’ jagħti privileġġ jew dispensa lil xi djoċesi, parroċċa, istituzzjoni jew xi nies partikulari. Fil-Malti nsibu l-espr. ‘Dak miżżewweġ bil-bolla’ – jiġ., l-koppja ngħatat id-dispensa, bħal meta din tkun magħmula minn għarajjes li huma kuġini ta’ xulxin. L-ewwel bolla tal-Papa kienet ħarġet fis-seklu sitta, għalkemm dak iż-żmien dan it-terminu ma kienx jintuża. Mis-seklu tnax ’il quddiem dawn id-dokumenti beda jkollhom siġill taċ-ċomb, tax-xema’ jew tad-deheb. Fil-fatt il-kelma ‘bolla’ ġejja mil-Lat. bullire; M. dewweb. Fuq naħa ta’ dan is-siġill beda jkun hemm iddisinjati l-uċuħ ta’ San Pietru u San Pawl, u fuq in-naħa l-oħra l-isem tal-Papa li jkun ħareġ il-bolla. Matul is-sekli ħarġu kwantità kbira ta’ bolli, eż. fl-:

1206 – Religiosam Vitam: B’din il-bolla l-Papa Onorju III stabbilixxa 
l-Ordni Dumnikan.
1520 – Exsurge Domine: Il-Papa Ljun X ordna lil Martin Luteru jirtira 
41 mid-90 teżi li kien ippubblika kontra l-Knisja Kattolika u t-twemmin 
tagħha.
1564 – Benedictus Deus: Il-Papa Piju IV rratifika d-digrieti tal-Konċilju
ta’ Trento.
1738 – In eminenti apostolatus specula: Il-Papa Klement XII ipprojbixxa 
li l-Kattoliċi jsiru membri tal-Mażunerija.
1868 – Aeterni Patris: Il-Papa Piju IX sejjaħ il-Konċilju Vatikan I.
1871 – Pastor Aeternus: Il-Papa Piju IX stabbilixxa l-infallibilità 
tal-Papa.
1950 – Munificentissimus Deus: Il-Papa Piju XII iddefinixxa l-Assunzjoni
tal-Madonna.

BOLQA   Fil-logħob tat-‘trentun’ dan hu l-pass li bih il-lagħabi jaqbeż il-limitu stabbilit. Idj. ‘ħallas il-bolqa’ – Fl-istess logħba wieħed jista’ jħallas lura biex ikun jista’ jerġa’ jidħol fil-logħba.  BOLOQ   v. Qabeż il-limitu. Fig. din tfisser li dak li jkun qabeż l-età. Boloq sew – jiġ. xjaħ sew.

BOLREJS          (Ball bearing race)      Ara : KARETTUN TAL-BOLREJS.

Boma 02

BOMA   1. Fuq il-jott dan hu l-arblu l-mimdud li jżomm id-drapp tal-qala’ stirat ’l isfel u fit-tul. Il-boma tiċċaqlaq skont il-firxa tal-qala’ kif jiddireġieh it-tmunir. Ing. Boom.  2. Fil-Birgu, il-boma tirriferi wkoll għall-arblu li miegħu jittellgħu l-istatwi taż-żewġ qaddisin ta’ din il-belt, jiġ., San Lawrenz u San Duminku. Arblu, imsejjaħ ‘Il-boma’ jintrabat mat-Torri (Kavalier) ta’ San Ġwann, biex jintuża bħala grabja; dan hu l-arblu ħiereġ minn mas-sur li bil-ħbula tiegħu l-istatwa tittella’ fuq il-kolonna.  Dan ikun miżmum bi ħbula stirati minn kull ġenb u minn fuq, biex l-istatwa meta tittella’ mill-boma tkun immanuvrata tajjeb. 3. Bastun tal-kultellazzi. Ara: KULTELLAZZ.

boma_01 (2)

bombi bil-balal.jpgBOMBI  IL- / BIEB  IL-BOMBI  Imsejjaħ hekk minħabba ż-żewġ balal kbar dekorattivu tal-ġebel li hemm fuq żewġ pilastri, wieħed kull naħa tal-Bieb tal-Bombi. Qabel, din id-daħla kienet magħrufa wkoll bħala Porta dei Cannoni. Illum dawn iż-żewġ ‘balal’ u l-pilastri li jżommuhom qegħdin imbegħdin mill-bibien, fuq il-bankini tal-ġnub. Oriġ. id-daħla għall-Furjana kienet minn bieb wieħed biss, li nbena fl-bombiOne.JPG1721, fi żmien il-Gran Mastru Perellos. Fuq dan il-bieb hemm l-iskrizzjoni: Dum thraces ubique pugno in sede sic tuta consto –  li bil-Malti tfisser: ‘filwaqt li qed niġġieled mat-Torok – kulħadd qiegħed fil-kwiet tad-dar tiegħu’. It-tieni bieb inbena fi żmien l-Ingliżi, preċiżament fl-1857, biex jagħmel aktar komdu d-dħul u l-ħruġ minn din id-daħla għall-karozzini. Hawn insibu t-tieni skrizzjoni bil-Latin li tgħid: Ad majorem populi commoditate, li bil-Malti tfisser ‘Għall-kumdità akbar tal-poplu’.  Interessanti li wieħed ikun jaf li biex sar dan it-tieni bieb, il-Kunsill fil-Gvern, fl-1857, kien ivvota fondi ta’ għaxar liri sterlini biss (Euro 25)! Wieħed jiddubita kemm din is-somma kienet suffiċjenti biex isir dan ix-xogħol strutturali. Ara: FLUS ANTIKI.

BOMBLU  1. Kontenitur imżaqqaq tal-fuħħar li jżomm l-ilma tax-xorb. 2. Fig. Bniedem b’żaqqu ħoxna.  Idj:  ‘Sirt qisek bomblu!’ – tingħad lil xi ħadd li jkun ħxien. Tal. bombola.

bonaxxxBONA   Idj:  ‘Ikrah daqs id-dagħa ta’ Bona’ –  Paragun ta’ persuna jew oġġett mad-dagħa li wieħed seta’ jisma’ f’Bona. Bona kien l-isem antik ta’ Abbana, port ewlieni fl-Alġerija. Fis-seklu dsatax kienu emigraw eluf ta’ Maltin lejn l-Afrika ta’ Fuq biex isibu x-xogħol. Fl-1842 fl-Alġerija kien hemm mal-5,000 emigrant Malti, li sal-1865 saru 10,000, u li wara żdiedu anke sal-14,000-il elf, imqassmin f’komunitajiet imdaqqsa f’diversi bliet fl-Alġerija, fosthom dik ta’ Bona. Fis-seklu dsatax kien isir ħafna kummerċ bejn Malta u Bona. L-idjoma x’aktarx tikxef kemm jispikka d-dagħa Malti meta wieħed jisimgħu barra pajjiżu. Ara: BARBARIJA.  Ara: The Great Exodus ta’ Lawrence E. Attard, P.E.G. Ltd, 1989; http://www.maltamigration.com;  Studies in Maltese Folkore ta’ Joseph Cassar Pullicino p. 73.

BONAVOLJA     Ara: BANAVOLJA.

BONĊ / BUNĊ    Il-boċċa tal-ħġieġ li tkun akbar minn boċċi oħrajn li jintużaw fil-logħob tal-boċċi bejn it-tfal. Il-bunċ jitpoġġa ħafna drabi f’ringiela ma’ boċċi oħrajn u minn jolqtu jkollu aktar punti u kultant jista’ anki jirbħu u jżommu għalih.

BOQQA    Ħalq mimli ilma. Ngħidu, ‘xrobt boqqa ilma’ jew, ‘mort ħadt boqqa kafé’; idj: ‘Dak il-bniedem boqqa brodu!’ – jiġ., persuna ta’ karattru ħażin; kiesaħ.  Tal. bocca.

boqxiex 03.jpegBOQXIEX    1. Flus; muniti ta’ flus ta’ ftit siwi. Espr. ‘Mhux sejjer naħdem għal boqxix’. Kelma li kienet tintuża fl-antik biex tirriferi għat-tips tal-wejter, (mill-Għ. baqxix). 2. Tubu muskolari li jinsab fl-annimali kif ukoll fil-bniedem, bejn il-gerżuma u l-istonku, twil daqs 30 ċm li jservi ta’ passaġġ li minnu jinżel l-ikel. (is. xj. Oesophagus). Ara:  ĠISEM  IL-BNIEDEM.  3. Għodda tal-mastrudaxxa, magħmula apposta biex tinċana x-xifer tal-injam fit-tond. Ing. spoke shave.  

bourbon of the 2 SiciliesBORBONI   L-oriġini ta’ din il-familja rjali tnissel mill-fergħa tad-dinastija Kapetja, jiġ. minn żmien Hugh Capet, magħruf ukoll bħala Hugo Magnus, li mexxa ’l-Franki mis-sena 987 sas-sena 996. Mill-1589 ’il quddiem, id-dinastija tal-Borboni żammet għal bosta sekli l-poter monarkiku, mhux biss fi Franza iżda anki f’diversi pajjiżi oħra, kemm Ewropej kif ukoll fil-kontinent Amerikan. Fis-seklu tmintax u s-seklu dsatax, bis-saħħa ta’ bosta żwiġijiet u gwerer, il-Borboni firxu l-imperu tagħhom fi Spanja, Napli, Sqallija, Parma u l-Lussemburgu – f’dan l-aħħar pajjiż id-dixxendenti ta’ din id-dinastija għadha ‘tirrenja’ sal-lum bħala ducat (Ing. Grand Duchy). Fi Franza l-familja rjali tal-Borboni (Bourbon bil-Franċiż) tneħħiet mill-poter fl-1792, b’riżultat tar-Rivoluzzjoni Franċiża(1789). Mill-fergħa Spanjola tal-Borboni ħarġet il-familja monarkika li mill-1734 mexxiet ir-Renju taż-Żewġ Sqalliji (jiġ. Napli u Sqallija). Kien ir-Re Borboniku Ferdinandu ta’ Napli li fl-1798 talab lill-Ammirall Orazju Nelson biex jgħin lill-Maltin jeħilsu mill-Franċiżi waqt l-Imblokk. L-istess Re kien offiż bil-kbir hekk kif l-Ingliżi ħadu lil Malta taħt idejhom u flok tellgħu l-bandiera Borbonika, tellgħu dik Ingliża. L-Ingliżi neħħew kull tama li r-Re Borboniku jieħu lura ’l Malta, kif suppost, bourbonmeta l-ewwel iffirmaw it-Trattat ta’ Amiens (1802), u wara dak ta’ Vienna (1814) biex żammew Malta taħt idejhom. Wieħed min-nobbli tal-familja Borbonika ta’ Franza, il-Konti Louis Charles de Beaujaulais, li kien it-tifel tad-Duka Philippe d’Orlean, wasal Malta fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, fit-8 ta’ Mejju 1808, ibati mill-marda tat-tuberkolożi, u miet ġimagħtejn biss wara l-wasla tiegħu. Hu ndifen fil-knisja ta’ San Ġwann, il-Belt. Ħu dan il-Konti, Louis Philippe, li kien ipproklamat bħala r-Re ta’ Franza fl-1830, ikkommissjona qabar għal ħuh fl-1833, u dan illum isebbaħ il-Kappella ta’ Franza. Konnessjoni oħra mal-Burboni hi ż-żjara li kien għamel ir-Re Ferdinandu II ta’ Napli mal-mara tiegħu f’Malta, f’Ġunju tas-sena 1844. Dan ir-re kien magħruf bħala Re Bomba.

BORDI / BURDI  1. Isem ieħor għax-xitla tas-sogħda li minnha kien isir il-ħabel tas-siġġijiet u anki twapet. Ara: SOGĦDA. L-isem xjentifiku ta’ din il-pjanta hu Cyperus papyrus. Din hi pjanta li tikber fejn hemm ħafna ilma.  2. Drapp magħmul minn din l-istess pjanta b’kuluri varjegati.

BORDLIEQA / BURDLIEQA   Porcellana (D). Pjanta li tittiekel bħala insalata. Magħrufa bil-Malti wkoll bħala ‘lgħab ix-xiħ’. Qawl: Il-ħlieqa xi darba / xi drabi ssir bordlieqa. Lat. Portulaca oleracea. Sors: E.S.I.

BORINA / DEBORINA   Tip ta’ pass meqjus u ħafif, biss mhux mgħaġġel, taż-żwiemel, meta dawn ikunu qed itellqu. Eż. ngħidu, ‘Dak iż-żiemel miexi bid-deborina.’ – jiġ. miexi rasu la ġenba, qisu jittrottja, biss bla għaġla ta’ xejn. Oriġ. Tal. andar di burina espr. li tintuża aktar b’dan il-mod: burinare una vela – jiġ., il-mod kif il-qala’ tal-bastiment jinżamm stirat la ġenba, b’mod li r-riħ jaħbat b’angolu ta’ 70 grad, u għaldaqstant id-dgħajsa timxi b’ċerta ħeffa moderata. Sors: Dizionario Portatile – Maltese, Inglese, Italiano, F. Vella (F. Vella, 1843) u E.S.I.

BORMLA   Waħda mit-Tlett  Ibliet tal-Kottonera, magħrufa wkoll bħala Cospicua.  L-isem ta’ din il-belt x’aktarx ġej minn Bur Mula, li jfisser ‘l-għelieqi tas-sinjur’.  Bormla hi l-belt l-aktar żagħżugħa mit-Tlett Ibliet, biss illum għandha l-ikbar popolazzjoni fosthom. M.A.V. (1796), jgħid li wara l-Belt, din kienet l-aktar belt abitata f’Malta.

BORQOM   1. Ir-rita li fiha tkun miġbura t-tarbija fil-ġuf, u li kultant titwieled biha. Ing. caul.  2. Drapp oħxon u b’saħħtu li fl-antik kien jintlibes biex jipproteġi l-ġellieda tax-xwabel mid-daqqiet tas-sejf. Idj. ‘Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu’. Sors: Ward ta’ Qari Malti, 1936, p. 77.   3. Xagħar ħafif ħafna fuq il-wiċċ li ġieli jitwieldu bih it-trabi. Skont l-għajdut folkloristiku, il-borqom iħares lit-tarbija mill-għajn ħażina. Sors: E.S.I. BORQMI   Appel. għal bniedem li ma jista’ ħadd għalih. Għ. burqu – velu. Qabb. mal-Għ. burqa, li jilbsu n-nisa Musulmani, eż., dawk Afgani.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERABORSA,  LA    Din il-binja tinsab fi Triq ir-Repubblika, il-Belt, aktar ’l isfel mill-Palazz tal-President. Dan il-post kien mibni fl-1857 bħala ‘La Banca di Commercio’ u għaldaqstant kien intenzjonat bħala ċentru fejn jiltaqgħu l-kummerċjanti Maltin. Il-faċċata ta’ din binja kienet iddisinjata fl-istil neo-klassiku minn Giuseppe Bonavia

BOTNA     1. Il-parti ta’ isfel taż-żaqq li taqbeż il-barra meta timtela.  BOTON   (D.)  2. Feto, ventre. Boton fniek. Bosta frieħ minn ġuf wieħed. Tliet-it tfal ta’ boton wieħed, tre gemelli. E.S.I. jispjega din il-kelma bħala l-pl. ta’ BOTNA. Għad ta’ wlied jew bhejjem li twieldu mill-omm fl-istess ħlas. 2. Ħxejjex jew frott li jikber f’rimja waħda.

BOTTEGIN     Ħanut żgħir, bħal kiosk jew bar ta’ ċertu ċokon. Mill-bottegin jinbiegħu xorb, bħal luminati, birra u affarijiet simili u xi ikel żgħir. Biss insibu wkoll rif. fejn fih kienu jissajru l-fniek u l-patata moqlija. Il-bottegin kien dak il-ħanut żgħir li jinfetaħ fis-sala tat-teatru fejn in-nies imorru jixtru xi ħaġa żgħira tal-ikel jew xorb waqt l-intervall. (Ing. tuck shop).

BOVU     Bastiment żgħir antik tal-merkanzija bi tliet arbli u mezzana li kien jagħmel vjaġġi żgħar.

boxxlasBOXXLA   1. Strument tan-navigazzjoni fuq il-bastimenti. Idj: ‘Dak il-bniedem tilifli l-boxxla !’ – jiġ., xi ħadd ġiegħilni niskurmenta ruħi. Idj. ‘Mur għand boxxla xjaten’. Tal: bussola.  2. Antiporta, bieb, norm. bil-ħġieġ li jinfetaħ wara l-bieb ta’ barra tad-dar. Kelma li kienet tintuża l-aktar min-nies tal-Kottonera. Prob. dan kien il-bieb kbir / l-ilqugħ tal-injam li fil-knisja jkun wara l-bieb ta’ barra.  Qab. Mal-kelma Tal. bussare li bil-Malti tfisser tħabbat il-bieb. 

boxxlutwo5 041.jpgBOXXLU   Kaxxa tal-votazzjoni b’żewġ jew tlett ikxaxen li kien jintuża mill-kulleġġ tal-qassisin, mill-membri tal-fratellanzi jew mis-soċji tal-każini tal-baned. Biex il-votazzjoni tkun magħmula b’mod sigriet, kull votant kien idaħħal il-pala ta’ idu fit-toqba tal-boxxlu biex jitfa’ f’waħda mit-tliet kxiexen il-boċċa skont il-preferenza tal vot tiegħu. B’hekk il-votant seta’ jitfaż l-boċċa jew il-karta tal-votazzjoni fil-kompartiment mixtieq, biex jivvota favur, kontra jew jastjeni l-argument in kwistjoi.

BQAJLA   Isem ieħor għall-ispinaċi. Qawl: Qajla qajla ssibha l-bqajla. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 227.

BRAĊĊAL     1. Tip ta’ lqugħ tal-metall parti mill-armatura li tiddefendi l-kavallier waqt il-ġlied li tgħatti id-driegħ.  2. Faxxa tad-drapp li jilbsu l-uffiċjali biex juru l-grad li huma jappartjenu għalih.

BRADELLA   Armar tal-injam iddekorat fil-knisja li fuqu titqiegħed l-istatwa tal-qaddis bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa. L-istess basi jintuża biex l-istatwa titpoġġa fuqha fin-niċċa jew barra matul s-sena. L-istess bħal PEDISTALL. Hawn min, fl-ambjent tal-festi, b’din il-kelma qed jirriferi speċifikament għal dik il-parti ta’ fuq il-pedistall li fiha jkun hemm it-toqob biex jidħlu l-lasti tal-irfigħ biex tinġarr l-istatwa.  V. Busuttil (1900) jispjega din il-kelma hekk: the plane immediately in front of the altar. Jgħidilha wkoll PREDELLA li bit-Tal. hi spjegata hekk: bassa piattaforma che serve di base a un mobile; es. la predella di una catedra. Sors: http://www.wordreference.com. Ara: BANKUN.

 

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Bradella / Pedestal ta’ San Duminku fil-knisja tal-Lunzjata l-Birgu

V. Busuttil (1900) jispjega din il-kelma hekk: the plane immediately in front of the altar. Jgħidilha wkoll PREDELLA li bit-Tal. hi spjegata hekk: bassa piattaforma che serve a un base mobile; es. la pradella di una catedra

BRAĠ       Munzell ġebel.  Ara: IBRAĠ.

BRAJMLA    Logħba pwerili tat-tfal fejn waqt li tifel joqgħod milwi ‘l isfel sħabu tfal oħra jibdew l-ewwel jgħaddu minn taħt saqajħ imbagħad jibdew jgħaddu minnu fuq dahru. Etim. Brajmla hi barmil żgħir.

BRAKK      Kelb tal-kaċċa.

BRANDA     Tip ta’ sodda tad-drapp. Xibka li tiddendel minn kull tarf tagħha bil-ħbula ma’ ximkien sod biex wieħed jimtedd fiha biex jistrieħ jew jitbandal. Fl-antik il-branda kienet tintuża mis-suldati jew baħrin fuq il-bastimenti.

branda

 

brankutluBRANKUTLU / BRENKUTLU   1. Tip ta’ bebbuxu tal-baħar, komuni ħafna fil-Mediterran u ibħra oħra (is. xj. Cerithium vulgatum, Ing. the horn-shell). Dan il-bebbuxu għandu l-forma ta’ spiral imtawwal u mmaljat waqt li fit-tul tiegħu jieħu x-xeħta ta’ lembut rasu l-isfel. Norm. dan il-bebbuxu jgħix moħbi fil-ħama jew fir-ramel. Magħruf ukoll bħala ‘bebbuxu granċ’ jew ‘eremit’. Hemm ukoll tip ta’ bebbuxu tal-art, magħruf bħala ‘brankutlu tal-art’. Ismijiet oħra għal dan il-bebbuxu huma ‘żugromblu’ jew ‘trajbu’ (is. xj. Runinia decolleata). Etim. brancutulo minn branca (driegħ) – rif. għall-bosta ‘dirgħajn’ jew swaba’ rqaq li joħorġu mill-bebbuxu tal-baħar ta’ dan it-tip.   2. Tip ta’ nokklu fix-xagħar li jieħu forma ta’ spiral li jintelaq la ġenba fuq il-ġbin. Anki A. de S. isemmi dan it-tip ta’ nokklu ħiereġ fuq in-ngħas bħala ‘brankutlu’. F’xi żmien lejn il-ħamsinijiet u s-sittinijiet dan l-istil ta’ xagħar kien moda.   3. Fig. tifel imqareb.

braredxx
Ħajr: Mużew tal-Bażilika Minuri, paroċċa ta’ Birkirkara

BRARED  (ĊENSU)    Dan hu l-laqam ta’ Vincenzo Borg, wieħed mill-mexxejja tal-Maltin fi żmien l-Imblokk tal-Franċiżi (1798 – 1800). Borg kien kummerċjant tal-qoton minn Birkirkara. Jingħad li kien imlaqqam ‘Brared’ għaliex fost affarijiet oħra kien ibigħ il-brared (pl. ta’ BARRADA).  Fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi kellu l-kmand tal-battaljun tal-Għargħur (fejn tal-Balal) f’idejh. Kien iffinanzja b’mod tajjeb il-manteniment tas-suldati waqt is-sentejn li l-Maltin kienu qed jeħduha kontra l-Franċiżi. Bejn l-1801 u l-1804, l-Ingliżi tawh il-kariga ta’ logutenent ta’ Birkirkara u tal-Mosta. Fl-1833 l-Ingliżi onorawh billi ngħata t-titlu ta’ Kavallier tal-Ordni ta’ San Mikiel u ta’ San Ġorġ. Borg miet fl-1837. Ara:  Art Twelidi ta’ Joseph Galea, pp. 28-29;   Dictionary of Maltese Biographies, ed. Michael J. Schiavone.

Braxia42.JPGBRAXIA, TA’   Żona li tinsab bejn Bieb il-Bombi u l-Blata l-Bajda. L-isem proprju ta’ dawn l-inħawi kien Ta’ Braqxija. Il-ġenettiv Ta’, jagħti wieħed x’jifhem li din l-art kienet xi darba tinħadem minn, jew inkella kienet proprjetà ta’ xi ħadd magħruf b’dan il-laqam. G. Wettinger jgħid li hu possibbli li l-kelma ‘braqxija’ hi appellattiv femminili tal-maskil ‘berxaq’, li jfisser ‘kulur varjegat’. Ta’ Braksja (jinkiteb Ta’ Braxia) illum iservi biss ta’ riferenza għaċ-ċimiterju li jieħu l-istess isem. Dan kien inbena fis-sena 1857  indifnu l-Ingliżi Protestanti biss. Dan iċ-ċimiterju kien l-ewwel biċċa xogħol tal-Perit Emanuele Luigi Galizia, l-istess perit li ddisinja iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u ċ-Ċimiterju tat-Torok li hemm il-Marsa. F’Ta’ Braxia hemm midfuna mal-4,800 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom Ingliżi li kienu jservu fil-Militar u fin-Navy, u l-familjari tagħhom. Hemm ukoll xi residenti oħra barranin, fosthom anki xi Amerikani u anki xi ftit Maltin. F’sezzjoni żgħira, wara ħajt li jifred din il-parti mill-bqija taċ-ċimiterju, hemm ukoll oqbra tal-Lhud. Iċ-ċimiterju Ebrew hu eqdem għax kien jintuża diġà fl-1831. Ta’ Braxia għadu sal-lum jintuża għad-dfin. Hemm jieħdu ħsieb ir-restawr u l-manutenzjoni tiegħu l-membri tal-Friends of the Ta’ Braxia Cemetery, li huma wkoll membri ta’ Din l-Art Ħelwa. Sors: Dr Andy Welsh. Ara: Ta’ Braxia Cemetery, ktieb gwida ta’ Alan Keighley (ippubblikat minn Din l-Art Ħelwa, 2010); ‘Friends of Ta’ Braxia’, Chev. Charles Gatt, Vigilo, n. 4, October 2013, pp. 24, 25.

BRAZZOL   1. Qanneb jew ħarir li jintuża għax-xlief tas-sajd tal-ħut. 2. Qasba twila li tintuża biex jinqabdu l-lampuki jew il-pixxispad.  3. Għodda li tintuża biex iżżomm l-injam sod meta dan ikun qiegħed jiġi sserrat. Sqal. vrazzolu; ħabel twil daqs driegħ (Tal. braccio) biex jgħin jżomm l-oġġett f’postu. 4. Parti mis-sistema biex iżomm biċċiet mill-arblu tal-qala’ f’postu.   Sors etim: J.A.

BREĊĊA   Ara:     PREXXA.

BREJBES / BREJBEX    Ix-xitan. M.A.V. jgħidlu, diavolo che tenta.

BREJBU / VERBUM    Talba.

BREJKU    Kliem tqil u li ma jinftehimx. Idj: ‘Int ġej bil-brejku?’ – tingħad lil xi ħadd li għandu fehma stramba, jew ikun qed jipprova jdawwar il-kliem. G.P. Badger, kittieb u stampatur Ingliż li għex Malta għal ħabta ta’ 1838-41, ried jinvestiga r-raġuni għaliex fin-naħat tal-Għarb, Għawdex, il-Malti mitkellem mhux biss kien djalettali, iżda kien ukoll jitgħawweġ b’tali mod li s-sillabi tal-kliem kienu jkunu maqluba.  Instab li dawk li kienu jippronunzjaw il-kliem b’dan il-mod x’aktarx kienu xi individwi, u mhux il-kotra tar-raħal.  Eż. tal-kliem bil-Brejku: ‘Immorru jiena u inti ’  li bil-Brejku tingħad ‘Rumu najji u linki ?’ Qawl: Min jimxi bil-brejku ma jasal imkien. Oriġ. Sq. braicu li ġejja mit-Tal.  ebraico.  Ara:  E.S.I. u L-Ilsien Malti l-Bierah u l-Lum ta’ Mons.  L. Cachia, pp. 57.

Brevjarju.JPGBREVJAR / BREVJARJU   Il-ktieb tat-talb imqassam f’erba’ volumi, wieħed għal kull staġjun, li dawk kollha li għandhom l-ORDNI SAGRI jaqraw f’diversi ħinijiet tal-jum. Il-ktieb li qabel kien ikun ppubblikat bil-Latin hu intenzjonat l-aktar għall-qassisin u oħrajn bħalhom biex minnu jaqraw is-salmi, innijiet u bosta talb f’ħinijiet partikulari tal-jum matul is-sena kollha skont is-siegħat kanoniċi kif stabiliti mill-Knisja Kattolika. L-ewwel brevjarju kien dak Franġiskan, approvat u stabilit mill-Papa Nikola III (Papat : 1277 – 1280).

BRIGATA   1. Grupp żgħir ta’ reġimenti jew battaljuni – norm. ta’ 2,000 sa 3,300 suldat, li jkun taħt il-kmand ta’ Brigadier.  2. Għaqda ta’ żgħażagħ bl-uniformi li jkunu mgħallma diversi suġġetti b’ċerta dixxiplina u bid-drill pjuttost militari. 3. Fil-kuntest Malti nsibu wkoll is-Salesian Boys and Girls’ Brigade, għaqda li kienet imwaqqfa fl-1909 fuq l-istil u bażi ta’ prinċipji tal-Boy Scouts, kemxejn wara li dawn tal-aħħar kienu mwaqqfin fir-Renju Unit, fl-1908, kif ukoll il-Brigata Laburista. 

brigata lab
Ħajr: John Azzopardi (J.C.)

BRIGATA LABURISTA   Fis-sena 1959, il-Partit Laburista waqqaf il-Brigata Laburista, bil-ħsieb li f’din l-għaqda jissieħbu tfal ta’ familji b’simpatija mal-Partit. Skont l-istatut tal-għaqda l-iskopijiet ewlenin kienu dawn: i. li trawwem ’il-membri fit-twemmin tal-Partit Laburista; ii. li tnissel kuxjenza nazzjonali, u iii. li tkabbar l-edukazzjoni u l-ispirtu sportiv fost il-membri’. Il-Brigata Laburista kienet intiża li tiġbor it-tfal biex dawn isibu sfog ta’ rikreazzjoni u fl-istess ħin jitrawmu fl-irwol simili għal dak tal-Iskawts. Billi l-Iskawts kienu xi ħaġa maħluqa mill-Ingliżi, l-ideaturi tal-Brigata Laburista ma ridux li t-tfal jidhru li qegħdin jikkupjaw dak li kienu jagħmlu l-Iskawts. Għaldaqstant l-ordnijiet tad-drill lit-tfal tal-Brigata kienu jingħataw bil-Malti u mhux bl-Ingliż. L-uniformi tal-Brigata kienet ta’ kulur abjad u aħmar, simbolu tal-bandiera Maltija. Ftit wara li nħolqot il-Brigata, il-Gvern kien daħħal liġi li tipprojbixxi li t-tfal jilbsu xi uniformi, u wara ftit kienet inqatgħet ukoll li l-ebda tifel taħt it-tnax-il sena ma seta’ jidħol ġo każin ta’ xi partit politiku. Xorta waħda, fis-snin sittin, it-tfal membri tal-Brigata kienu jgħoddu mal-elfejn ruħ imxerrda fi 22 lokalità. Xi wħud minn dawn il-fergħat kellhom anki l-banda tagħhom, li kienet iddoqq waqt il-parati li jieħdu sehem fihom. Minħabba li l-Partit Laburista dak iż-żmien kien fi ġlieda kontra l-Kleru f’Malta, l-Isqof kien iwissi lill-poplu li t-tfal ma għandhomx jitħallew jidħlu f’din l-għaqda. Kienu anki ħarġu struzzjonijiet biex il-konfessuri jsaqsu lit-tfal li jmorru jqerru għandhom jekk dawn humiex membri tal-Brigata. Il-gruppi tal-Brigata kienu naqsu ħafna fid-disgħinijiet, u fl-2008 l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista ddeċida li jxolji uffiċjalment il-Brigata Laburista. Ara: Brigata Laburista – ’il Quddiem Imxi ta’ Ġużè Zerafa, SKS Sensiela Kotba Soċjalisti, 1984. Ħajr: Joseph (J.C.) Azzopardi. Ara: ‘Reminiscenses of a kid’s brigade’ (interview with Joe Debono Grech), Malta Today, 7th December 2008.     

brigantine.jpgBRIGANTIN     Bastiment, forma ta’ xini żgħir li kien jintuża l-aktar fis-seklu sbatax u tmintax. Kellu erbatax-il bank għall-qaddiefa. Kien jintuża kemm għall-ġarr tal-merkanzija, kif ukoll għal skopijiet ta’ gwerra. Il-brigantin kien ta’ spiss jakkumpanja xwieni oħrajn fil-battalji kontra l-għadu. Kellu erbat iqlugħ, li minnhom, ta’ quddiem biss kien kwadru.  Tal. brigantine; Ing. barquentine, brig.   

BRILLANTI   Nom jew aġġ. li jirriferi għall-attur li jingħata l-parti ta’ karattru ferrieħi u ċajtier fuq il-palk. Attur komiku ta’ juri spirtu pront.  KUMMIEDJA BRILLANTI   Huma msejħa hekk dawk id-drammi umoristiċi fejn l-iskript jkun imfassal b’mod ħafif u li fih ikun hemm ċajt u tmiem ferrieħi. Il-kummiedja brillanti taf l-oriġini tagħha mill-commedia dell’arte. Ħajr: Alan Fenech.

Brilli_6.jpgBRILLI   Sett (partita) brilli jkun jikkonsisti f’disa’ injamiet ċilindriċi pjuttost bħal skittles; tmienja l-istess u wieħed ikollu bħal boċċa n-naħa ta’ fuq. Jitwaqqfu ħdejn xulxin fl-art fuq disinn ta’ maqrut. Il-brilli tal-kantunieri jissejħu ‘qriemeċ’, ta’ bejn il-qriemeċ jissejħu s-‘sekondi’, u tan-nofs jissejjaħ ‘is-sultan’. Il-logħob isir b’boċċa kemxejn kbira tal-injam mill-messa (sinjal miftiehem) u t-tieni darba jsir mill-ħażż fejn tieqaf il-boċċa fl-ewwel tefgħa. Il-punti jintrebħu skont kemm brilli jintlaqtu u jittwaqqgħu mit-tim / l-individwu. Il-logħba tintrebaħ minn min jgħaqqad il-punti l-ewwel. Din il-logħba fil-preżent għadek tista’ taraha tintlagħab fl-Għarb, San Lawrenz u Ta’ Kerċem.   Ara:  Il-Ħajja f’Għawdex, ta’ Anton F. Attard,  pp. 14 -15. 

BRIXKLA  Logħba tal-karti li tintlagħab l-aktar bejn tnejn jew erba’ lagħaba (żewġ koppji). Il-mazz ikun ta’ erbgħin. Kull lagħabi jingħata tliet karti tal-logħob, li jżommu moħbija f’idejhom, u l-bqija jkunu mqiegħda fuq il-mejda. Fost dawn ikun hemm il-karta li tissejjah il-brixkla. Din il-logħba tirrikjedi li l-lagħaba jagħmlu sinjali siekta b’għajnejhom lil xulxin biex jiftehmu bejniethom. Fil-logħba tingħad il-frażi, ‘din mhux bixkla!’ (Ing. ‘that’s foul play’). Jirbaħ min iġib 61 punt u fuqhom minn total ta’ 120. Sq. briscula. Fr. Brisque li tfisser suldat veteran, għaliex fi Franza din il-logħba kienet popolari ħafna bejn is-suldati kif  ukoll il-baħrin. Ara: LOGĦOB TaL-KARTI.  Ara wkoll: http://www.solitariconlecarte.it/briscola_2classica.htm

brokkd-graftingBROKK   Fergħa żgħira li jkollha minn tnejn sa erba’ għejun, maqtugħa minn siġra tal-frott bħala tilqima tax-xitwa. Din tiddeffes bħal feles fiz-zokk maħsud ta’ siġra selvaġġa, iżda li tkun tal-istess familja biex tal-aħħar tkun imlaqqma biex tagħmel il-frott.  Tal. brocca.

bronja-variegataBRONJA    Is. xj. Triton  variegatum.  Bebbuxu tal-baħar kbir li jilħaq it-30 ċm.  Fl-antik, it-taħħan kien idoqq il-bronja biex jinforma lill-bdiewa tal-madwar li hu kien lest biex jibda t-tħin tal-qamħ. Dan kien isir meta r-riħ kien jitqawwa biżżejjed biex idawwar l-antenni tal-mitħna. It-taħħan kien idoqq il-bronja billi jonfoħ minn toqba li jkun taqqab fit-tarf tal-bebbuxu. L-istess meta x-xogħol kien jitlesta, it-taħan kien idoqq il-bronja biex in-nies jiġu jiġbru d-dqiq.

BRUGA     (D)  Logħba tat-tip wiċċ jew bajs (Ing. Heads or Tails). Wieħed kien itella x-xorti billi jgħolli l-ħabba fl-ajru u jipprova jaqta’ fuq liema naħa ser tiġi, jekk hux wiċċ jew Salib tal-Ordni li kienu jinsabu fuq il-muniti tal-Ordni. E.S.I. jiktibha bruġa. Bħal A. de S., E.S.I. jgħid li din hi l-istess logħba tat-tfal tal-ħabba. Biss il-logħba jispjegaha mod ieħor.

bruka tamarisk 42 - CopyBRUKA  Isem. Xj. Tamarix Africana Poir. Siġra magħrufa wkoll bħala tamarisk. Il-weraq tagħha jixbah kemxejn dawk tas-siġar taż-żnuber għaliex bħalhom dawn huma qishom labar twal iktar milli weraq normali. Dawn is-siġar jieħdu ħafna mill-arja umda tal-baħar għax jassorbu l-melħ u għalhekk huma pjanti ornamentali addattati għal ma xatt il-baħar. It-Tamarix gallica L. hi bħala biss tagħmel fjuri roża u għalhekk magħrufa bħala bruka tal-ward roża. 

BTEJTA     Ara: BETTIJA.

BTIR    Kelma li tingħad fil-frażi, btir il-ward.  L-essenza li toħroġ mill-ward.  Kelma li tinsab fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, p. 6, fejn l-awtur Ġuże Galea jgħid hekk: ‘… in-naħal joħroġ bl-eluf mill-imxiebaħ, jagħżel u jiġbor l-oħla btir mill-ward’.

BU  Ċerti kunjomijiet u laqmijiet jibdew b’dan il-prefiss, eż. Buhagiar, Buttigieg, Busietta, Busuttil, eċċ. Prob. li dawn il-kunjomijiet, bħal ħafna oħrajn, bdew bħala laqmijiet. Il-laqmijiet bħal ‘butwila’ jew ‘busufu’, eċċ., jindikaw il-karatteristika partikulari fl-apparenza u l-manjieri tal-persuna. Għaldaqstant għandna nifhmu li kunjom bħal Buhagiar kien jirriferi għal xi ħadd li jaħdem fil-ġebel jew sid ta’ barriera. L-istess Buttigieg, sata’ kien xi ħadd li kien sid jew bejjiegħ tat-tiġieġ. Biż-żmien il-laqam sar kunjom u dan inxtered. Il-prefiss Bu ġej mill-Għ. Abu li tfisser missier jew sid ta’ xi ħaġa. Eż. fid-dinja Għarbija, bniedem li jbigħ il-ħġieġ hu magħruf bħala bużġieġ. Bu jintuża wkoll bħala appellativ ta’ ċerti annimali, insetti, jew għasafar, eż. bugħarwien, bugħaddas (għasfur) buħarrat (insett).

BUBUN / BUBÙ    1. Ġellewża kbira li kienet tintuża fil-logħob tal-boċċi meta t-tfal kienu jilgħabu bil-lewż. 2. Nefħa kbira u iebsa daqs boċċa (glandola) li tikber taħt l-abt. Din in-nefħa kienet sintomu ewlieni tal-marda tal-pesta, (għalhekk insejħu l-pesta ‘bubonika’). Ara : PESTA. Espr: Issa għaqqadna il-bubun – dan ifisser li issa wasal il-mument / wasal xi ħadd, li se jħalli impatt.  Espr. Dejjaqtli l-bubun!

BUDA       Pjanta. Is. xj. Typha latifolia.  Fig. Tingħad lil xi ħadd li jħobb jiftaħar b’li m’għandux. Ing. broadleaf cattail, cat-o-nine tail.

BUDENBU   1. Laqam ieħor għax-xitan.   2. Isem ieħor għal tip ta’ kelb il-baħar magħruf bħala ‘pixxivolpi’.

BUĠĠARRUN     Sodomist.  Tal. buggerone.

bugija zz.jpgBUĠIJA    Kontenitur, bosta drabi f’għamla ta’ kannol wieqaf u bi platin żgħir madwaru biex iżomm ix-xemgħa wieqfa. Din ix-xemgħa tista’ tinġarr bil-plattin mill-manku mwaħħal fil-ġenb. Il-funzjoni tal-buġija hi wkoll li tilqa’ ir-ruttam li jdub u jqattar mix-xemgħa. Fil-liturġija l-użu tal-buġija minn xi prelati tal-Knisja, kien privileġġ li kien jingħata l-aktar lill-Monsinjuri tal-Katidrali ta’ Malta u Għawdex, jew lill-provinċjal tal-patrijiet. Fil-purċissjoni wara ċ-ċelebrant li jkollu dan il-privileġġ kien ikun hemm żewġ abbatini wieħed bil-buġija u l-ieħor bil-messal. L-http://www.etimo.it jgħid li l-kelma oriġinat mill-isem ta’ belt ta’ Biġjaja, post fl-Afrika ta’ Fuq, fejn minn dejjem kien hemm produzzjoni kbira tax-xema’. Tal. bugia; Fr. bougie. Ħajr: Anton F. Attard. Ara: RUTTAM.

BUKAGĦWAR   Insett iswed, tip ta’ ħanfusa. Is. xj. Atheucus sacer. Magħruf ukoll bħala ‘nannu karwat’. Dan l-insett qisu wirdiena żgħira jgħix fit-trab u magħruf li mill-ħmieġ tal-art (kagħwar) jaf jirrombla ballun biex fih ikun jista’ jbid il-bajd u jfaqqas il-ġeneru tiegħu. Dan l-insett nafuh bħala l-iskarabew, meqjum fl-Eġittu, annimal sagru, li kien jissimbolizza l-ħajja. Il-ballun tal-ħmieġ li jġorr kien simbolu tax-xemx.  Ara: ĦANFUS.

Buleben7.jpgBULEBEN / BULEBEL, TA’   Rif. għar-roqgħa mdaqqsa ta’ art li tinsab bejn Ħal Tarxien u ż-Żejtun. Sal-1614, f’dawk l-inħawi kien hemm kappella ddedikata lil San Anard, u oħra ddedikata liż-żewġ qaddisin San Nikola u Sant’Andrija. Dawn kollha twaqqgħu biex il-beni tagħhom intużaw fil-bini tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien. Bulebel kien ukoll il-fewdu ta’ barunija li kienet tappartjeni lill-familja ta’ Azzopardi, titlu li kien ħolqu l-Gran Mastru de Rohan. It-Tarxiniżi u ż-Żwieten għandhom frażi: ‘Mela jien għandi Ta’ Bulebel?’ jiġ., ‘Mela qed taħseb li jien sinjur!’ Espr. ‘Dak għandu ta’ Buleben, tafx!’ – jiġ., dak tant għandu flus li ma jafx x’se jagħmel bihom. Il-prefiss ‘Bu’ jindika li l-post għandu xi karatteristika partikulari, x’aktarx ta’ kobor; f’dan il-każ l-inħawi huma ‘bu’ u ‘lebiena’, jiġ. art xotta u sħuna. Illum f’Buleben hemm mibnija żona industrijali kbira. Ħajr: Joseph A. Farrugia (Ħal Tarxien). Ara: Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien ta’ Vincent Borg; Triqat Ħal Tarxien ta’ Joseph A. Farrugia; Ħal Tarxien ta’ Vincent Battistino.

bumbardaBUMBARDA 1. Logħba sempliċi tat-tfal li tikkonsisti billi bosta tfal joqgħodu filliera weqfin, darhom imgħawweġ ‘il quddiem u rashom ‘l isfel. Wieħed minnhom imbagħad jieħu ġirja u jibda jaqbiżhom min-naħa ta’ wara billi jagħmel idejh fuq daharhom sakemm qabża wara l-oħra, jasal fuq quddiem nett. Imbagħad hu jieħu l-istess pożizzjoni ta’ sħabu u jħalli lil ħaddieħor jagħmel l-istess manuvri. 2. Kanun ta’ daqs kbir li kien jintuża fl-antik. 3. Tip ta’ bastiment antik.

BUKKUN    Biċċa ħobż; ħalq mimli ħobż. Idj: i.) ‘Sejjer niekol bukkun’; Idj: ii.) ‘Fik bukkun!’ Tal. boccone  ħalq.  Ara:  LOQMA u SEBA BUKKUNI.

BULI       Stat ta’ meta bniedem iħossu mdejjaq. Buri iswed – dwejjaq kbar.  Ngħidu: ‘Illum qam bil-buri.

bully beefned-beef-1BULUBIF   Laħam taċ-ċanga msajjar, mgħaffeġ, u ppriservat f’laned żgħar. Ing. Bully Beef.  Jissejjaħ ukoll corned beef għaliex dan il-laħam magħġun hu pproċessat u priżervat bil-frak tal-melħ. Fis-seklu sbatax dan kien ikel importanti għas-suldati u l-baħrin waqt vjaġġi twal jew f’xi kampanja militari. Il-bulubif kien ikkunsmat bil-kbir mis-suldati fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-kelma Bully Beef ġejja mill-Franċiż boeuf bouilli – M. laħam taċ-ċanga mgħolli.

 

Bullettin (Furjana) robert cassar_1
Ħajr: Robert Cassar

BULUTTIN / BULETTIN    Iċ-ċertifikat li l-kappillan kien jagħti lill-parruċjana tiegħu bħala xhieda tat-tqarbin li dawn kienu jagħmlu matul is-sena. It-tqarbin kellu jsir almenu darba fis-sena, u żgur fl-Għid il-Kbir, bħala wieħed mill-PREĊETTI TAL-KNISJA. Il-bulettin kien jinbidel kull sena, jew inkella kien jiġi ttimbrat bil-bolla tal-kappillan. Din l-użanza li bdiet fiż-żmien bikri tas-seklu sbatax, tkompliet sal-Konċilju Vatikan II (1965). Ara: Drawwiet mill-Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, ta’ Guido Lanfranco, pp. 53-55.

bumerin_ifawBUMARIN / BUMERIN Mammiferu anfibju, magħruf ukoll bħala monka, li jgħix fil-Mediterran u fil-Lvant tal-Atlantiku. Illum wasal biex jinqered għal kollox għax fadal biss mat-350 minn dan l-ispeċi. Fil-Mediterran dan jgħix l-aktar madwar il-gżejjer Griegi u jelled ħafna drabi f’għerien taħt il-baħar. Idj: ‘Jorqod daqs bumerin’ – rif. Għal xi ħadd li jorqod ħafna. Is. xj.  Monachus monachus.  Ing. monk seal.

BumbajhetAFM Image by Justin Gatt 25BUMBAJĦETT  Dan kien tip ta’ elmu li f’Malta konna nassoċjawh l-aktar mal-militar Ingliż tal-era Vittorjana. L-isem proprju tiegħu kien il-Bombay Bowler jew il-Pith Hat (pith hu dak il-materjal qisu sufra li kien jintuża fil-kappell). Dan il-materjal hu magħmul mill-ġewwieni taz-zokk tal-pjanta (is. xj. Aescheymnomene aspera), li tikber l-aktar f’imkejjen ta’ għadajjar fl-Indja. Il-bumbajħett għandu żewġ pizzi wieħed fuq quddiem u ieħor fuq wara biex jipproteġu mix-xemx u x-xita. Dan it-tip ta’ kappell kien ħafif, u fl-istess ħin resistenti. Biż-żmien, anki l-pulizija Ingliżi bdew jilbsu dan it-tip ta’ elmu. F’Malta, il-membri tal-Forzi Armati u l-Pulizija ta’ Malta jilbsu l-Bumbajħett f’okkażjonijiet speċjali. L-isem speċifiku ta’ dan il-kappell hu, Wolseley Hat, imsemmi għal Field Marshal Sir Garnet Wolseley, (1833-1933).   

bumbard gdid.jpgBUMBARDUN     Strumment tad-daqq li kien  żviluppat għal dak li hu fit-tletinijiet tas-seklu dsatax. Hemm diversi tipi ta’ dan l-istrument.  Dan l-istument għandu bokkin tar-ramm u l-ħoss li joħroġ minnu huwa dejjem baxx. Hemm il-bumbardun magħruf bħala tuba u hemm oħrajn ikbar, goffi u jduru madwar it-tronk tal-bniedem magħrufa bħala halicorn. Dan l-istrument  jindaqq f’kunċerti teatrali, u  huwa popolari ħafna fil-marċi militari.

 

BUMBETTA   Tip ta’ lampa tal-pitrolju li tinġarr fl-idejn minn post għal ieħor. Fl-antik, qabel it-torċijiet tal-batterija, il-pulizija kienu joħorġu jagħmlu r-ronda tagħhom billejl bil-bumbetta. Il-bumbetta kienet ukoll tintuża mill-bdiewa jew raħħala li jsuqu l-karrettun billejl. Tal. bombetta.

buq6BUQ   1. Kull oġġett li hu vojt minn ġewwa. 2. Tip ta’ trumbetta twila li tiftaħ sew min-naħa ta’ fejn joħroġ il-ħoss tad-daqq. 3. Tip ta’ xkubetta. 4. Il-partijiet tal-ġnub ta’ bastiment jew dgħajsa magħmulin minn planki jew pjanċi mwaħħlin ma’ xulxin. v. tbewwaq, sar vojt. Ngħidu, ‘għandi l-istonku mbewwaq’ – jiġ. inħoss l-istonku vojt u fl-istess ħin minfuħ u bla aptit tal-ikel.  Ara: OPRI  TAL-BAĦAR.

BUQANA   Kanal tal-ilma għat-tisqija tal-għelieqi. Isem ta’ post taħt l-Imdina lejn Mosta.  Ara:  QANA u FEWDU.  Etim. Bu+Qana, il-post fejn l-ilma jimxi minn qana għal oħra.

BUQRAJQ  1. Għodda, forma ta’ skalpell li tintuża biex titqaċċat ir-ras tar-rivits. 2. Għasfur. Is. xj. Caprimungus europaeus. Ing. European Nightjar. Nom li Temi Zammit juża fl-istorja ‘Franswà’. Meta dan iż-żagħżugħ imur isewwi xuxtu (jaqta’ xagħru) għand il-barbier u sab li dan qatagħhielu, iż-żejjed Franswà ried jagħmel għalih b’mus. Il-barbier ‘…sgiċċa bħal buqrajq ’il barra’. Ara: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra (ed. Toni Cortis), p. 21. 2. Ing. Shearing chisel.

BUR   Art moxa, tajba biss għal MERGĦA. F’Malta hawn bosta nħawi li isimhom jibda bil-prefiss ‘bur’, eż. Burmarrad, Birżebbuġa u Bormla (Bur Mula), Bur ta’ Santa Duminka f’Ħaż-Żabbar u Bur tas-Swieqi. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands (1300-1800) ta’ Godfrey Wettinger, hemm imniżżla mad-90 akkwati li isimhom jinkludi dan il-prefiss. Ing. meadow.

BURDAT   Aġġ. għad-drapp li jinħadem u jkun ippreżentat b’mod li jidher irrigat. Fl-antik wieħed kien jilbes qmis jew sidrija tal-bordi. 3. ĦAL BORDI u GĦADIRET IL-BORDI   Inħawi qrib Ħal Lija fejn xi darba kienet tikber din il-pjanta. Etim. Għ. burdi – drapp magħmul mis-suf u li ħafna drabi jkun varjegat.

BURDATA   Tbaħħir ta’ bastiment meta r-riħ ikun ġej mill-ġenb tal-qala’.  Idj: ‘Illum burdata ħażina’.

BURDLIEQA     Ara: BORDLIEQA.

BURI    Ara: BULI. 

BURINA      Ċima tal-qlugħ. Sors: V. B. (1900). Prob. għandha x’taqsam mal-kelma BORINA / DEBORINA.

BUTTAFORA    1. Fit-teatru, din kienet il-lista li tinżamm wara l-kwinti biex l-atturi jkunu jafu s-sekwenza meta jmisshom joħorġu fuq il-palk. 2. Rif. għal dik il-persuna li tkun wara l-kwinti inkarigata biex tindika lill-atturi li wasal il-mument li għandhom joħroġu. Norm. il-buttafori kien imiss b’subajgħ lill-atturi biex jagħtihom is-sinjal. Hekk kif jagħmel dan kien jaqra l-ewwel linja tad-djalogu li jmiss biex ifakkar lill-attur x’għandu jgħid. Tal. Buttafuori.

BUTTAR     L-artiġjan li jaħdem il-btieti (pl. ta’ BETTIJA).

BUTTUN    Misluta.   Sors: V. B. (1900). 

buvettt.jpgBUVETT   Għodda li biha l-mastrudaxxa jnaqqax il-ġenb tal-għuda biex fiha jagħmel kanal irqajjaq li fih jirċievi injama oħra, b’mod preċiż. Naraw dan it-tip ta’ xogħol li jsir bil-buvett fil-ġenb tal-bibien jew tat-twieqi, kif ukoll f’xogħol dekorattiv fl-għamara. Ing. Grooving plane. Etim. Fr. buvet.

BUXAKKA   Terħa wiesgħa, twila tas-satin, ikkulurita li kienet tintlibes l-aktar fil-festa mir-raħħala. Etim. Sqal. fusciacca – terħa simili, ħafna drabi tal-ħarir, li kienet tintlibes min-nies tal-kampanja. Sors: Description of Malta and Gozo ta’ George Percy Badger (1838).

BUXWEJKA   Razza ta’ tiġieġ li llum jgħidulhom tal-Kina.  Idj: ‘mara ta’ buxwejka’ – rif. għal xi mara li tkun baqgħet niexfa u żgħira fl-istatura tagħha.  Ara: KINA.

BUŻILLIS  / BUSILLIS    Problema, ostaklu, saram, taħwida nobis.  Espr:  ‘Taf x’inhu l-bużillis….’   Oriġ. din il-kelma ġejja mill-frażi bil-Lat. (in die) indiebus illis, kliem li nsibuh fil-bidu tal-Vanġelu, li jfisser:  ‘F’dak iż-żmien….’.  Interessanti li fit-Taljan din il-kelma tinsab f’pubblikazzjoni tal-1733, Lezioni Sopra il Burchiello, ta Giovanni Papini, meta jfisser il-poeżiji ta’ Domenico di Giovanni, magħruf aħjar bħal il Burchiello (1404 – 1449). Papini jgħid preċiżament hekk: …. ‘in diebus illi. Di qui viene il detto questo è il busillis’ … Mela l-espressjoni busillis mhix korruzzjoni bil-Malti tal-frażi Latina iħda meħuda mit-Tal. kif mitkellem. Issa wieħed irid jara għaliex din l-espressjoni kienet tintuża fit-Taljan biex tinfitehem kif semmejna.

BUŻULLIEQA    Is. xj.  Blennius pholis. Ħuta żgħira li tgħix qrib il-kosta. Il-qoxra ta’ din il-ħuta ddellek u tiżloq ħafna. Ing. Smooth blenny. Idj: ‘Jiżloq daqs bużullieqa’ – rif. għal xi ħadd li jaħrab minn kelmtu.

bużżuBUŻŻU   1.  Is. xj. Holothuria holothuria. Ing. Sea cucumber. Qallut il-baħar. 2. Fig. Bniedem xiħ ta’ temperament buruż jew li jitlagħlu malajr. Sqal. grassacciuolo, malfatto. Tal. buzzo broncio. NANNU BUŻŻU  Rif. għal xi ħadd xiħ li dejjem igerger.  Buzzaro ?      Sors etim: J.A.

BUZZETT   Ara:     ABBOZZ.

BWA     Strument tal-mużika, bħal tambur.

BXIMA   Is-sekonda, plaċenta u affarijiet oħra li joħorġu mat-tarbija waqt t-twelid. E.S.I. (D.) cuticola, seconda, secondina.

BŻALLU     1. Għamla ta’ ċombin li jitkebbeb miegħu t-tajjar jew il-ħajt. 2. Logħba bħax-xixu (ara XIXU) E.S.I. 3. Logħba magħrufa wkoll bħala Piżallu jew bħala Ħames Ċagħkiet. Din hi logħba fejn it-tfal jaqbdu xi ftit piżelli f’idhom u jgħolluhom fl-ajru u jipprovaw jilqgħawhom f’idhom qabel ma’ jaqgħu fl-art. Idj: “int ġej bil-bżallu llum jew?” – tingħad lil xi ħadd li jkun ġej biċ-ċajt jew qed jipprova jkun diffiċli. etim. Tal. pisello – oriġ. rif. għall-forma taċ-ċombin. V. Busuttil jittraduċiha bl-Ing. bħala the seven balls game. Ara: Logħob, Taqbil u Ġugarelli ta’ Guido Lanfranco. 

*        *         *

*  *  Ċ  C  D  *  *
Ġ  GĦ  Ħ  I  *   J  *    K *
*   *   O *   P  *   *   R  *   S  
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
A bejn kliem u storja.jpg   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Paġni 256                                                                Paġni 256                                                             Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                                                Prezz Ewro 14.95                                               Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

*

Jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti minn dak kif spjegat hawn fuq … iktibli….

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, 
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).