ġ

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*
Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*
L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S
T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*
 ĠABAS / ĠABSA * ĠABBAR/A * ĠABLOW * ĠABSALA * ĠAĦAN / ĠAĦAN, PASTIZZI TA’ * ĠAKBIN * ĠAKK * ĠAKKI *ĠAKULATORJA / ĠJAKULATORJA * ĠAMRI * ĠANBOMBLU  / ĠANBUBLU * ĠANBULL * ĠANDAR * ĠANĠALATUR * ĠANKULINA / ĠANKERLINA * ĠANNETT * ĠANNISSARI / ĠANNIZZRU * ĠARAB * ĠARAS * ĠARIKOR / ĠERIKOR / ĠIRAKOR * ĠARDA * ĠARMAT/A * ĠARRETTA * ĠARRETTIERA * ĠARRIER (Ara: ĦAMALLU) * ĠAŻRA * ĠAZZ * ĠAZZABURELL * ĠBARA * ĠBEJNA TAN-NAR * ĠEBBIEDA * ĠEBEL * ĠEBLA TA L-FRANKA (ara: FRANKA) * ĠEBLA TAL-ĠENERAL / FUNGUS ROCK * ĠEJŻA * ĠELEM * ĠELLEWŻ * ĠELU * ĠENUFLISSJONI * ĠEREMIJA * ĠEROSOLMITAN * ĠEWŻ/A * ĠGAJTA * ĠGANTI * ĠGANT, IL- * ĠHIEŻ * ĠIAMMINK *ĠIBILTÀ * ĠIBILTÀ, ISQOF TA’ * ĠIDD * ĠIDRI * ĠIEBJA / ĠIBJETTA * ĠIFA * ĠIFUN/A * ĠIFLA * ĠIDRA * ĠILANDRA * ĠILBA * ĠILĠLIENA / ĠINĠlIENA * ĠILJU * ĠILKA * ĠILWA / ĠILI * ĠINOKKJATUR / INĠINOKKJATUR * ĠIMĠMA * ĠIRBA / ĠIRBI / ĠIRBA, FUL TA’ * ĠISEM IL-BNIEDEM * ĠISTAKOR / ĠUSTAKOR * ĠIŻŻAR * ĠLATA * ĠLIBA * ĠLIEKA * ĠMIEM * ĠNIBRU / ĠINIBRU / ĠNIEPRU * ĠNIEN IS-SULTAN * ĠNIEN TAL-KMAND / ĠNIEN TAL-LOGUTENENT * ĠNIEN TAL-MILORDA * ĠNIZZA * ĠOBB * ĠOBON TAN-NAR * ĠOBON TAL-KASTVALL (ara: KASTVALL) * ĠOG/I * ĠOGI, KRISTU TAL- * ĠOJJA * ĠOLF / ĠORF * ĠOLĠOL * ĠONTA * ĠONTA TAL-MEJTIN (ara: ĠONTA) * ĠOSTRA * ĠUBLEW * ĠUĠÙ * ĠUKULIER / ĠUKLAR * ĠULEPP * ĠUMMAR * ĠUNĠLIENA (ara: ĠILĠLIENA) * ĠUNJETT * ĠUNTA DJOĊESANA * ĠURATI (TAL-QRATI) * ĠURATI (TAL-UNIVERSITÀ) * ĠURDAN, TA’ * ĠUVNA * ĠWIEŻ *
Aa ARA X'INT TGHID
Agħfas hawn

ĠABAS / ĠABSA  Xi ħadd li hu tqil u goff fis-sura tiegħu u li jsibha diffiċli biex jiċċaqlaq. Bniedem li jaqa’ mix-xejn. Espr. ‘Donnu ġabas’. Qab. ma’ Għ. ġabus – M.  bniedem li ma jiswa għal xejn. Sors: J.A.

ĠABBAR    Raġel li jiġbor l-iskart ta’ ħaddieħor. Bniedem li jfittex u jiġbor oġġetti biex jeħodhom, isewwihom fejn hemm bżonn, u jużahom għal dak li jrid hu. Qawl: Il-mara ġabbara hi l-għana ta’ darha. Sors: E.S.I. u Damma.

 

ġablo olisterinĠABLOW    Materjal magħmul mill-polisterin, li norm. jintuża biex jipproteġi kull tip ta’ oġġett, l-aktar waqt il-ġarr u biex ikun merfugħ u protett mill-umdità, eċċ. Il-ġablow jintuża wkoll mis-sajjieda biex jarmaw il-kanizzati flok jużaw is-sufri tradizzjonali. Il-kelma ġablow oriġinat f’Malta meta nfetħet kumpanija jisimha Jablo Ltd., li tipproduċi materjal tal-polisterin. Din il-kumpanija kienet sussidjarja ta’ kumpanija Ingliża u kienet titmexxa minn Pollakk li kien jismu Jablowski. Sors : J.A. 

ĠABSALA      Bejta tan-naħal. Sors: E.S.I. u V. Busuttil (1900).

20210126_132227 - CopyĠAĦAN    Karattru fittizju fil-folklor Malti, li ismu hu sinonimu ma’ bniedem sempliċi, fidil u balalu għall-aħħar. Dwaru jingħadu stejjer tad-daħk, fejn tispikka l-inġenwità ta’ dan iż-żagħżugħ. Waħda mill-istejjer l-aktar magħrufa hi: ‘Ġaħan jiġbed il-bieb warajh’.  F’din l-istorja omm Ġaħan tmur il-quddies, u qabel ma toħroġ tavża lil binha biex jekk joħroġ mid-dar, dan għandu jiġbed il-bieb warajh (jiġifieri jsakkar il-bieb).  Ġaħan fehmha mod ieħor, u għamel preċiżament kif qaltlu ommu! Kif ħareġ mid-dar mhux biss ġibed il-bieb warajh iżda qala’ l-bieb miċ-ċaċċis u kaxkru miegħu lejn il-knisja, fejn mar ifittex lill-ommu. Skont sors fuq l-Internet din l-storja bl-istess titlu hi rrakkuntatha wkoll fi Sqallija. Biss l-isem tat-tifel jinbidel xi ftit għal Ġufà. (ara nota hawn taħt). Idj: ‘Omm Ġaħan b’uliedha’ – rif. għal xi familja ta’ nies sempliċi u fidili. Anki fid-dinja Għarbija, Ġaħan hu karattru fittizzju bl-istess kwalitajiet sempliċi. Biss hawn magħruf bħala Ġiħan jew Ġuħan. Sors: J.A. u E.S.I. Il-Miklem Malti, It-Tielet Volum, 1976;  Stejjer  Ta’ Niesna ta’ Ġużé Cassar Pullicino, 1966. PASTIZZI TA’ ĠAĦAN   Dawn huma ħlewwiet magħmulin mit-tin imqadded, u l-ġewż. Din hija riċetta antika u tradizzjonali Għawdxija. Ara: ‘Ġaħan Min kien’, fuq l-istess website: https://kliemustorja.com/2020/07/23/gahan-min-kien/

ġakbini xxxĠAKBIN    Il-terminu Ġakbin hu assoċjat ħafna drabi ma’ xi ħadd li jikxef il-fatti ta’ sieħbu ma’ xi ħadd ieħor. Eż. ta’ dan hu meta bniedem fuq il-post tax-xogħol jikxef lil sħabu ma’ ta’ fuqu biex jidher sabiħ. Bniedem li aħjar ma tafdax sigrieti miegħu. v. Iġġakbina – kixef l-għawwar ta’ xi ħadd. Fi Franza ta’ żmien ir-Rivoluzzjoni tal-1789, l-għaqda tal-Ġakbini kienet l-iżjed fazzjoni magħrufa u b’saħħitha. L-isem ta’ din l-għaqda ġej mill-kunvent tad-Dumnikani f’Pariġi, f’Rue S. Jacques, fejn kienu jiltaqgħu l-membri ta’ dan il-grupp. Il-Ġakbini kienu jlaħħqu madwar 480,000 membru, u kienu mferrxa ma’ Franza kollha. Ħafna membri minn dan l-istess klabb spiċċaw biex xlew lil xulxin, u minħabba f’hekk, bosta sfaw ikkundannati għall-mewt. Din l-għaqda ġiet fi tmiemha fl-1794, meta Robespierre, il-mexxej tagħha, kien arrestat u kkundannat għal mewt bil-giljottina.  Fr. Jacobin.

ĠAKK     Armatura li tipproteġi kontra d-daqqiet tax-xabla. E.S.I. jgħid li din hi tip ta’ lqugħ li kien jintlibes taħt il-ħwejjeġ. B’hekk nifhem li qed jirriferi għaċ-chainmail / chain maille. J.A. jagħtiha bl-Ing. bħala cuirass, (M. kurazza).

ĠAKKI      Isem li jintuża flok Giacomo jew Giacobo. Sors: Damma.

ĠAKULATORJA / ĠJAKULATORJA    Talba żgħira, bħal pereż., ‘Libera nos a malo’ – M. ‘eħlisna mid-deni!’ jew, ‘Santa Barbara – la deni u lanqas ħsara’. Il-kelma ġieli tintuża wkoll b’mod ewfemistiku meta xi ħadd ikun irritat bl-aġir ta’ ħaddieħor. Eż, ngħidu, ‘tħallinix ngħid xi ġakulatorja’ – jiġ., ‘ara ma ġġegħilnix nitkellem ħażin!’ Etim. Lat. jaculatoria – jaculum – M. sajjetta jew vleġġa – Tal. gettare – M.  gara.

ĠAMRI      Isem imqassar ta’ Giannmarì.

ġanbull cccĠANBULL   Tip ta’ krema, li kienet tintuża biex tnaddaf oġġetti tar-ram, eż., il-bokkli tal-uniformijiet militari, jew strumenti mużikali tar-ram. L-isem propju tal-prodott huwa John Bull.  Dan il-prodott kien jintuża ħafna f’Malta, matul is-seklu għoxrin. Oriġ. l-isem John Bull oriġina fl-Ingilterra fl-1712, minn ċertu John Arbuthnot, meta ħoloq karattru tipiku ta’squire Ingliż tal-ibliet rurali. Dan jirrappreżenta b’mod grafiku u anki umoristiku lill-poplu u  l-karattru Ingliż inġenerali. L-isem u l-immaġini ta’ John Bull intużaw ukoll bħala brand ta’ tajers, whisky, ħwejjeġ tal-militar, ċikkulata, gallettini u prodotti oħra maħduma fl-Ingilterra, ħafna drabi bl-iskop li jidentifika l-oġġett, bħala prodott ġenwin Ingliż.      

GanbombluĠANBOMBLU / ĠANBUBLU   1. Għasfur li jpassi fuq Malta f’Marzu u f’Awwissu. Is. xj. Monticola saxatilis. Għasfur li jixbah lill-malvizz, għandu sidru ħamrani waqt li dahru u l-ġwienaħ huma griżi fl-ikħal. Jgħidulu wkoll ‘għasfur aħmar’ jew ‘kudiross’.  2. Appel. għal xi tifel imbaċċaċ u mżaqqaq. Etim. Gianni + bobbolo. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, Anton F. Attard, p. 131. Lanfranco, fil-ktieb tiegħu Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin, jgħid li f’Tas-Sliema kienet popolari din it-taqbila:

     Ġanbomblu tat-tursin 
     Tajtu n-nar ma riedx isir, 
     Ġanbomblu tan-nuħħala, 
     Tajtu n-nar ma riedx jispara.

Ġandar tal-Ballut Annalise FalzonĠANDAR   1. Il-frott tas-siġra tal-balluta. 2. Din il-kelma tintuża wkoll bħala aġġ. biex tispjega li l-frott ikun għadu ma mmaturax, għax ikun għadu iebes u aħdar. Ngħidu, ‘it-tuffieħ għadu ġandar’ – jiġ., għadu iebes, għadu ma sarx; ikel li hu tajjeb biss bħala għalf għall-annimali, eż., il-ħnieżer.

ĠANĠLATUR  Wieħed li jġonġi jew isewwi oġġetti tal-metall miksura. Din il-kelma nsibuha fil-ħrafa orali ‘L-Erba’ Snajja’, waħda minn bosta li Patri Manwel Magri ġabar lejn l-aħħar snin tas-seklu dsatax. Il-protagonist tal-ħrafa, żagħżugħ li telgħaq mid-dar biex ifittex ix-xogħol, fi triqtu  ‘[…] iltaqa’ ma’ xirka ġanġlaturi u baqa’ sejjer magħhom […]’ Ara: Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ Mifsud Chircop, p. 53.

ĠANKULINA (J.A.) / ĠANKERLINA (E.S.I.)   Tip ta’ kowt li fl-antik kien jintlibes fuq ilbies ieħor biex jilqa’ kontra l-kesħa. Sqal. giaccalina.  (Damma) ‘[…] Specie di pallio quasi caputto ma senza capoccio […]’.

ĠANNETT   1. Tip ta’ żiemel ta’ daqs żgħir, jew ħmar daqsxejn imdaqqas.  2. Appel. għal xi żagħżugħ li jkun għadu ma jafx jaħseb għal rasu. Bniedem fidil jew injorant. 3. IL-ĠANNETT  Gazzetta umoristika li John Scerri, negozjant u manifattur tas-sigaretti mill-Ħamrun, u Carlo Satariano kienu għamlu żmien jippubblikaw bejn l-1945 u l-1956. 4. Żunżan li jkollu kuluri ta’ faxxi sofor u li jagħmel il-bejta tiegħu fil-ħitan tas-sejjieħ. Etim. Tal. gianetto jew ginnetto – tip ta’ żiemel żgħir tal-ġiri ta’ razza Spanjola. Sors: J.A.

ġanissriĠANNIZRU    A. de S. fid-Damma jgħidlu, Ġannissaru. Il-Ġanissari kienu dawk is-suldati li kienu jagħmlu parti minn truppi speċjali tal-armata Torka, f’nofs is-seklu erbatax u wara. Kien is-Sultan Murad I,  li ħoloq dan il-gwarniġon, bħala gwardja personali tiegħu, u biż-żmien dawn kibru fin-numru kif ukoll fl-importanza tagħhom biex ħadu post suldati oħrajn li kienu ġejjin minn tribuwijiet differenti. Dawn is-suldati mħarrġa sew fil-ġlied, kienu jkunu oriġ. maqbuda mit-Torok, meta jkunu għadhom ta’ età żgħira, minn pajjiżi oħra, biex ikunu mrawmin fil-kumbattimenti. Il-Ġannissari jissemmew minn Balbi da Correggio fir-rakkont tiegħu tal-attakk ta’ Sant’Iermu matul l-Assedju l-Kbir, fejn jgħid li kienu dawn il-Ġanissari l-ewwel ma telgħu mat-torri tal-injam, mibni apposta biex jidħlu fil-forti fl-24 ta’ Ġunju tal-1565. Tork: Yeniçi : M. suldat ġdid. A. de S. jgħid li dawn is-suldati jilbsu tip ta kappell qisu mitra li jgħidulu eskuf. Din il-kelma naraha tixbah in-nom SKUFJA.

ĠARAB    1. Skabbja; marda fil-ġilda kkawżata minn dud parasit li tikkawża ħafna ħakk. Damma: Rogna, scabbia. Qawl: Aħjar il-ġarab minnu. 2. Siġret il-ġarab: is-siġra tal-Oljandru. Sorsi: Damma u E.S.I.

ĠARAS    Qanpiena b’ġebla żgħira ġo fiha li kienu jdendlu ma’ għonq il-mogħża, ħmar u bhejjem oħra.

ĠARDA    Aġġ., art ġarda, hi art li mhux għammiela u li fiha ma jikber xejn. Art imqaxxra minn kull tip ta’ veġetazjoni. Ngħidu, ‘ħaġra ġarda’ għal xi blata jew ħaġra lixxa. Verb jew l-istat meta s-siġra toħrof mill-weraq tagħha jew tkun ħielsa mill-frott; meta l-annimali jaqgħalhom is-suf jew meta n-nagħaġ ikun imġiżż.

ĠARF    Inħawi li jagħtu fin-niżla u fl-istess waqt, b’ambjent imħarbat, kemm jekk blati jew inkella tafli.

ĠARIKOR / ĠERIKOR / ĠIRAKOR   Tip ta’ kullana tad-deheb, ħafna drabi b’disinji elaborati u li ddur magħfusa mal-għonq. Etim. Tal. giracollo.

ĠARMAT/A    Kont tisma’ waqt xi logħba tal-azzard lil min jgħid, ‘il-aħwa kemm int inġurmat!’ jiġ., għandek ix-xorti tghinek. Id-Damma jgħid hekk: ‘[…] Un uomo con arte diabolica accommodato in guisa che niun ferro tagliente come de coltelli sciable, spade e simili, o infuocato come palle de fucili può dannerggiarlo […]’.

ĠARRETTA    1. Tip ta’ perżut.  Laħam tal-qasba tas-sieq taċ-ċanga.  2. Kwalità ta’ laħam taż-żiemel. 3. Prepuzju.

ĠARRETTIERA   Il-qafla li żżomm il-kalzetti twal (Ing. tights) marbutin sew mal-kuxxtejn.  Ara:  HONI  SOIT  QUI MAL  Y  PENSE.  Ing.  Garter.

ĠARRIER    Ara: ĦAMALLU.

ĠAŻRA      1. Ħajt magħżul mill-għażel qabel ma jkun mogħti l-kulur. Sors: M.A.V. (1796),  E.S.I. u J.A.  2. Il-warrani tal-għonq (J.A.) Ing. nape of the neck.

ĠAZ  / ĠAZZ     Kont tisma’ lil min jgħid: ‘Kemm int inġazz’, jew kiesaħ / kesaħlu, għal xi ħadd li jġib ruħu b’mod mill-aktar antipatiku. Qżież.  (DammaGhiaccio. M. silġ.

ĠAZZABURELL    Riħ li jqum ta’ malajr u li jkun ġej minn fuq il-baħar. F’Għawdex dan ir-riħ hu magħruf l-aktar bħala ‘riħ iż-żonqor’ jew ‘riħ żonqri’. Etim. dubjuża.

gbaraĠBARA    (pl. ġbajjar)  1. Idj: i.  ‘L-ikel sar ġbara’. – tingħad għal meta l-ikel jissajjar iżżejjed, jew idum ma jittiekel u allura jispiċċa insipidu. Idj: ii. ‘Qisu ġbara’ – bniedem mitluq minnu jew b’telqa fuqu; bniedem pjuttost qawwi u tqil ħafna u li jdum biex jaġixxi.  2. Taħlita magħmula minn nuħħala. 3. Tip ta’ kura għal xi ġerħa, magħmula miIl-ġewwieni ta’ ħobża mxarrba bil-ħalib, li titqiegħed fuq dik il-parti tal-ġisem li tkun misluħa jew infettata. Il-ġbara kienet titħalla hemm għal xi erbgħa u għoxrin siegħa biex tfejjaq l-infezzjoni, billi suppost tiġbed fuq in-nefħa jew l-ferita. Il-ġbara tintuża l-aktar fuq iż-żwiemel li jkollhom xi ġerħa ma’ saqajhom billi tintrabat garża bil-ġbara mal-parti infettata. Ing. poultice jew cataplasm.

ĠBEJNA TAN-NAR   Tip ta’ ġbejna li tinħadem l-aktar Għawdex magħrufa għat-tjubija tagħha. Hija ġbejna aktar ratba milli iebsa u jridu jgħaddu mas-sittax-il ġimgħa biex timmatura u tkun tajba biex tittiekel.

ĠDIEM     Ara:  LEBBRA.

ĠEBBIEDA   1. Rif. għar-razza jew il-familja bil-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha. Temi Zammit jitkeb hekk: ‘[…] Nikol kien twieled is-Siġġiewi mill-ġebbieda ta’ Perċjus, iżda meta żżewweġ laqmu nbidel u sar Ta’ Qinċla […]’ Sors: ‘Mhux kull ma jleqq hu deheb’, Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 76.  Ara: QABIL.  2. Pala b’lasta twila li l-furnar juża biex joħroġ il-ħobż mill-forn; TIRANTA. 3. Għodda li l-bajjad jew il-kaħħal juża biex jaqla’ t-tikħil żejjed li jibqa’ fil-katusi. 4. Serrieq kbir. Sorsi: E.S.I. u G.B. Falzon (1845).

gebel ciantar 2018-01-03 09.28.34
Ġebel Ciantar

ĠEBEL    B’din il-kelma llum inkunu qed nirriferu għall-ġebel ta’ daqs komuni. Fl-antik il-kelma  kienet tirreferi għal xi art fl-għoli. F’Malta nsibu Ġebel Ċiantar u Ġebel San Martin fost oħrajn. F’Għawdex, l-Għolja tas-Salvatur (jew il-Merżuq) ħdejn Marsalforn, ukoll jgħidulha ‘il-Munġbell’, isem simili għal Etna li l-Isqallin isejħu Mongibello. Fil-ktieb, Placenames of the Maltese Islands, Wettinger isemmi mal-65 inħawi li fihom hemm l-appellattiv, Ġebel. Ħafna minn dawn il-postijiet jagħmlu parti minn art għolja. Fi Sqallija, li bħal Malta, kienet iddominata mill-Għarab għal mijiet tas-snin, insibu żoni muntanjużi li għandhom dan l-isem, bħal pereż’, Gibelrosso, muntanja qrib Palermo, Gibilmanna, qrib Cefalù, u Gibellina, post qrib Trapani. Fil-Libja insibu żona muntanjuża li jisimha Gebel al-ahdar. Qbl. il-ĠEBLA TAL-ĠENERAL.

Ġebla tal-generalĠEBLA  TAL-ĠENERAL  / FUNGUS  ROCK     Din hi blata wieqfa fil-baħar li tinsab fin-naħa tad-Dwejra f’Għawdex. Aparti s-sbuħija partikolari tagħha din il-blata hi magħrufa għall-pjanta partikulari msejħa ‘l-Għerq Sinjur’ (Ing. Malta Fungus). Din kienet imfittxija ħafna, minħabba li dari kienu jemmnu, li din kienet ta’ valur mediċinali, tajba kontra d-disenterija u mard ieħor. Għaldaqstant, l-Ordni kien ħareġ mandat biex ħadd ma’ jitla’ aktar fuq din il-blata bla permess, u kienet tkun mgħassa. Mhux ta’ b’xejn li l-blata bdiet tissejjaħ Il-Ġebla tal-Ġeneral u l-pjanta għerq sinjur. Il-Ġebla tal-Ġeneral illum hi ddikjarata żona ta’ riserva naturali, u ħadd ma jista’ jitla’ fuqha bla permess. Ara: GĦERQ SINJUR

ĠEJŻA    Travu li jaqsam minn fuq il-ħajt għan-naħa għall-oħra tal-kamra billi jgħaddi minn taħt it-travi l-oħrajn bl-iskop li dan iweżinhom ħalli ma jiżżaqqux.  Magħruf ukoll bħala ‘travu pastaż’ (għax jerfa’ fuqu travi oħra). It-travu ewlieni tas-sienja jew tal-mitħna tal-miexi. M.A.V.  (1796) jgħidlu, ġejż, trave maestra.

ĠELEM       Imqass kbir li jintuża biex iġiżżu n-nagħaġ jew kultant il-mogħoż bih.

gellewzxvĠELLEWŻ   Isem is-siġra u l-frotta li tikber minnha. Il-parti tal-ġellewża li tittiekel tkun f’fodsqa iebsa għudija. Frotta li tingħatha ma’ frott ieħor simili fil-borża ta’ San Martin. It-tfal kienu spiss jilgħabu bil-ġellewż flok bil-boċċi. Ing. hazel nut Is. xj. Corylus avellana.

gellewz

ĠELU    1. Il-kisi ta’ fuq il-kejk jew ħelu ieħor b’zokkor imdewweb. Ing. icing sugar. 2. Bard kbir. Ngħidu, ‘x’ġelu nieżel’, eċċ.

ĠENUFLISSJONI     L-att meta persuna tinżel għarkupptejha bħala rispett lejn xi bniedem ta’ importanza u rispett kbir jew quddiem xi imaġini sagra. Reverenza, inkin. Ngħidu, ‘għamel ġenuflissjoni quddiem Ġesù Sagramentat’.

ĠEREMIJA   Ġeremija kien wieħed mill-erba’ profeti l-aktar importanti fil-Bibbja – l-oħrajn kienu Isaija, Eżekjel u Daniel. X’aktarx twieled madwar is-sitt mitt sena Q.K. Ġeremija jibqa’ magħruf bħala l-profeta li kien jilmenta u jokrob fuq kollox. Idj: ‘It-Tnehid ta’ Ġeremija’. Din l-idjoma kienet tingħad dari b’riferenza għal xi ħadd li dejjem igerger u jilmenta ħafna u fuq kollox.

Gerosolmitan blessed-gerardĠEROSOLMITAN  Titllu li jirreferi għall-Ordni ta’ San Ġwann, billi dan l-Ordni beda ħidmietu l-ewwel darba f’Ġerusalemm. Fis-seklu ħdax, grupp ta’ neguzjanti minn Amalfi, iddeċidew li jiftħu ospizju żgħir f’Ġerusalemm. Wara ċertu żmien, dawn l-istess neguzjanti fetħu wkoll refuġji oħrajn fil-Palestina u s-Sirja għal dawk li jivjaġġaw f’dawk l-inħawi. Biż-żmien din l-għaqda lajka nqasmet bejn dawk li kienu fis-servizz bħala spedaljieri, u dawk li saru rħieb monastiċi. Fl-istess żmien, l-Ordni kien ingħata propjetà mir-Re Baldwinu, kemm f’Ġerusalem kif ukoll f’Nablus u Ġaffa. Fl-1139, il-Papa Innoċenz II, ta l-permess uffiċjali biex din il-komunità jkollha magħha rħieb biex dawn jamminstraw is-servizzi reliġjużi meħtieġa lill-pellegrini u l-pazjenti. Kien il-Papa Anastasius IV, li fl-1154, stabbilixxa formalment din l-għaqda ta’ spedaljieri bħala Ordni reliġjuż taħt il-patroċinju tiegħu u tal-Papiet li ġew warajh. Biż-żmien, il-propjetà tal-Ordni kemm fil-Palestina, f’Antiok u fis-Sirja, bdiet tiżdiet, u għalhekk żdied il-bżonn li dawn il-proprjetajiet ikunu mħarsa minn xi attakki jew serq. Għalhekk, l-Ordni kellu jirrikorri għas-servizz ta’ ġellieda merċenarji. Ħafna minn dawn il-ġellieda kienu kavallieri, ġejjin minn familji nobbli, l-aktar minn Spanja, Franza u l-Italja. Dawn kollha tħajru jingħaqdu mal-Ordni u b’hekk sas-seklu 13, din l-assoċjazzjoni żiedet magħha sezzjoni militari. Meta l-Ordni tkeċċa mill-art tal-Palestina fl-1291, dan sab refuġju għal xi snin f’Ċipru, imbagħad stabbilixxa ruħu fuq il-gżira ta’ Rodi (1310). Xorta waħda l-Ordni baqa’ jissejjaħ ‘Ġerosolmitan’. Biss biż-żmien, l-Ordni żdiedlu t-titlu ‘Ta’ Rodi’ u warab ‘Ta’ Malta’ biex jirrifletti l-istatus tiegħu. Minn Rodi l-Ordni tkeċċa fl-1522. Ara: Malta – The Order of St John ta’ Thomas Freller, pp. 13 – 25. Fortresses of the Knights ta’ Stephen Spiteri. The Shield and the Sword, ta’ Ernle Bradford.

ĠERREJJA      Sokra. (V.B. 1900).

gewzaĠEWŻ   Is. xj. tal-familja botanika, Juglandacae. Siġar li jagħtu l-frott tal-ġewż li oriġ. kont isibhom jikbru f’reġjuni estensivi l-aktar fl-Asja, miċ-Ċina sal-Anatolia. Jidher li din is-siġra bdiet titkabbar fil-Mediterran fi żmien ir-Rumani, jekk mhux qabel ukoll. Meta ngħidu, ‘ġewż’ inkunu wkoll qed nirreferu, b’mod ġenereku għal bosta speċi differenti ta’ frott, bħal meta bl-Ing. ngħidu, nuts. B’mod aktar preċiż, il-ĠEWŻA hija dik il-frotta li bl-Ingliż nafuha bħala common walnut. Is. xj. Juglans regia, frotta li għandha qoxra b’saħħitha ferm. Mill-injam ta’ din is-siġra tinħadem l-għamara tal-ġewż.

ĠEWŻ  TAL-INDI  Ing. Coconuts.  Siġra li llum tikber f’bosta pajjiżi, biss oriġinat fil-Lbiċ tal-Asja u l-Melanesja. Kienu n-nies li qasmu minn dan ir-reġjun lejn il-kontinent tal-Amerka li introduċew u kabbru din il-pjanta hemm.

ġewża sigraĠEWŻA    1.  Siġra tal-ġewż. Is. xj. tal-ġenus: Juglans. (Ing. walnut). Jeżistu madwar 21 speċi minn din is-siġra madwar id-dinja. Apparti l-frotta li tikber fuq din is-siġra, xi speċi, bħal J. regia u J. nigra jinħadmu għall-injam tagħhom li jintuża għal bosta prodotti, fosthom għamara ta’ injam b’saħħtu, ta’ kulur kannella skur. Ara: ĠEWŻ. 2. ĠEWŻgewza ghamaraTAL-QOTON   Il-qoxra niexfa li fiha jkun hemm iż-żerriegħa li tikber fuq barra tal-ward tal-qoton. 3. ĠEWŻA TAL-GĦONQ  L-għadma tal-gerżuma msejħa hekk. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM. 4. ĠEWŻ TAL-LAMPA il-parti tal-lampa li tkun tal-metal u li minnha tgħaddi l-ftila ‘l isfel biex tiddeffes u xxarrab bil-pitrolju. Il-ġewża tiddawwar bil-kamin biex il-ftila titla’ u tinżel u b’hekk tirregola l-qawwa tal-fjamma. Hawn min jgħidlha ĠEWŻAQ. Sors: E.S.I.

ĠGAJTA     Kelma li tintuża fil-frażi ‘ġgajta nies’, jiġ., folla nies. E.S.I. jgħid li l-oriġ. ta’ din il-kelma ġejja mit-Taljan: ‘[…] gruppo di ragazzi che fanno qualche impertinenzuccia goffa […]’. Qrib il-ħoss ta’ din il-kelma hemm ĠLAJKA, li wkoll tirriferi għal grupp kbir ta’ nies, biss dawn ikunu nies li jiġu minn xulxin.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAĠGANT,  IL-   L-isem komuni li kienet magħrufa bih l-istatwa ta’ Nettunu, li hemm fil-bitħa tal-Palazz tal-President, il-Belt. Oriġ. din l-istatwa kienet iżżejjen il-funtana li kienet tinsab ħdejn ix-xatt tal-Belt, qrib il-knisja ta’ Liesse. X’aktarx din l-istatwa kienet ingħatat lill-Gran Mastru Alof de Wignacourt bħala rigal mill-Ammirall famuż Andrea Doria li kien ħabib sew mal-Ordni ta’ Malta. L-Ordni mhux l-ewwel darba li kien ħa sehem f’battalji navali flimkien ma’ Doria, kontra l-għadu Ottoman. L-iskultur li ħadem din l-istatwa kien Leone Leoni, wieħed mill-aqwa artisti Taljani tas-seklu sittax. Kien il-Gvernatur Ingliż, John Gaspard Le Marchant, (1858-1864), li ordna li din l-istatwa tittieħed fil-bitħa tal-Palazz tiegħu il-Belt, wara li l-funtana ħdejn ta’ Liesse tneħħiet minn postha, biex tagħmel spazju għat-traffiku.  Ara: The Palace Neptune – ‘A portrait of Andrea Doria by Leone Leoni’, Art in Malta, Discoveries and Recoveries ta’ Giovanni Bonello, pp. 17-25. ‘A New Fountain for the Marina Waterfront’, ta’ Theresa Vella, The Sunday Times of Malta, June 17, 2019.

nettunu fil pixkeria

ggantija houelĠGANTI   F’x’uħud mil-leġġendi Maltin jissemma’ kemm-il darba, li f’Malta kienet tgħix razza ta’ ġganti.  (Ara: LEĠĠENDI). Ġan. Franġisk Abela, l-istoriku Malti, li għex fis-seklu sbatax, kien jemmen li t-tempji megalitiċi f’Malta, kienu mibnija minn dawn il-ġganti. Dan għaliex hu kien jifhimha li l-għadam kbir li ġieli nstab midfun fil-blat, kien jappartjeni għal din l-ispeċi. Fil-verità, dan l-għadam kien l-aktar ta’ iljunfanti u ippopotami li llum nafu li kienu jgħixu fi Żmien is-Silġ. Patri Manwel Magri (1851-1907), pijunier tal-folklor Malti, ġabar mill-inqas għaxar stejjer folkloristiċi minn diversi nħawi tal-gżejjer Maltin dwar il-ġganti. Dari kienu jemmnu li ċertu ġebel megalitiku f’Malta u Għawdex kien inġarr minn mara ta’ statura kbira. Fost l-istejjer mitoloġiċi nsibu l-istorja taċ-ċiklopi, ġganti b’għajn waħda bħal fl-istorja ta’ Ulisse li fil-vjaġġ tiegħu minn Troja lejn Itaka hu u sħabu ltaqgħu maċ-Ċiklopi. Storja bħal din setgħet kienet imnebbħa mis-sejbien ta’ kranji tal-iljunfanti li minħabba li dawn għandhom ħofra fuq ngħashom, taw wieħed x’jifhem li dawn kienu fdalijiet ta’ ġganti b’għajn waħda.  Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, pp. 119-152; Studies in Maltese Folklore ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp. 91-94. Ara wkoll: Maltese Folk Tales – Of Giants and Sultans: https://kliemustorja.com/2020/07/03/maltese-folk-tales-of-giants-and-sultans/

ĠHIEŻ    1. Il-ħwejjeġ tad-dota li l-għarusa tingħata meta tiżżewweġ. 2. Il-ħwejjeġ tal-mejjet fil-funeral. 3. Ħwejjeġ u affarijiet oħra li jitlestew għat-tarbija li tkun se titwieled. F’dan il-każ, dawn kienu jkunu, ħrieqi, skufji, qmejsiet u blużi. Imbagħad kien hemm is-sett tal-ħasil tat-tarbija, eż., sapun, stand tat-tripied għal-fliskatur u affarijiet oħra. Ara: Folklore of An Island ta’ Tarcisio Zarb, p. 75.

ĠIAMMINK    (Damma)  L-isem prorpju ta Giovanni Domenico.

gibilta1ĠIBILTÀ    Roqgħa art ta’ seba’ kilometri kwadrati li tinsab fil-ponta tan-Nofsinhar ta’ Spanja, tħares lejn l-Afrika u li tagħmel parti mill-Gran Brittanja. M.A.V. (1796) isejħilha ‘Ġibiltar’ jew ‘Mons Taric’. Ġibiltà saret ‘territorju barrani Ingliż’ fl-1713, bit-trattat ta’ Utrecht. Hemm wesgħa ta’ 17-il kilometru li jissepara l-Ġibiltà mill-Marokk. ‘Ġebel’ hi l-kelma bl-Għarbi li tirriferi għall-muntanja waħdanija li tant tispikka f’Ġibiltà. Din l-art kienet maħkuma mill-kmandant Għarbi Tarik, fis-sena 711 u għalhekk bdiet tissejjaħ Ġebel Tarik. Għall-Ingliżi, Ġibiltà kellha l-istess importanza daqs Malta, u fi żmienhom il-kuntatt bejn iż-żewġ artijiet żdied sew għax it-tnejn servew ta’ stazzjon importanti fir-rotta lejn l-Eġittu u l-Indja. Qabel ma kien introdott l-istim fuq il-bastimenti, il-vjaġġ fuq mirkeb tal-qlugħ bejn Malta u Ġibiltà kien idum daqs għoxrin jum, kultant b’waqfin f’waħda mill-gżejjer ta’ Spanja jew ta’ Franċiża jekk mhux ukoll ta’ Sqallija. Biż-żmien, mhux talli bosta negozjanti Maltin bdew jikkummerċjaw ma’ Ġibiltà, talli xi wħud minnhom fetħu n-negozju tagħhom hemm u baqgħu jgħixu hemm. Illum, id-dixxendenti ta’ dawk il-Maltin jagħmlu daqs tmienja fil-mija mill-popolazzjoni ta’ Ġibiltà, li tlaħħaq total ta’ madwar 30,000 ruħ.  Ara: MAKAKK.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAĠIBILTÀ, ISQOF TA’  Dan hu t-titlu tal-isqof li jmexxi d-djoċesi Protestanta Ingliża tan-Nofsinhar tal-Ewropa u tal-Mediterran, inkluża Malta. Ġibiltà kienet stabbilita bħala djoċesi fl-1842, jiġ., sentejn qabel ma ttella’ l-Katidral Anglikan f’Malta. Ir-Reġina Adelaide, (l-armla ta’ William IV, iz-zija tar-Reġina Vittorja), matul iż-żjara tagħha f’Malta fl-1838-9, kienet stagħġbet u ddiżgustatat ruha kif saret taf li l-eluf ta’ suldati Ingliżi stazzjonati f’Malta ma kellhomx post Gibilta isqof IMG_2456.JPGadegwat għall-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Għaldaqstant hi tat istruzzjonijiet biex ftit wara inbniet l-hekk imsejħa Knisja tal-Ingliżi, li tinsab fi Pjazza Indipendenza, il-Belt. Din il-knisja, mibnija bi stil imħallat Gotiku u Klassiku ingħatat it-titlu ta’ St Paul’s Pro-Anglican Cathedral. Din kienet taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Isqof ta’ Ġibiltà. F’okkażjonijiet fejn kien jidħol il-protokoll lokali, l-Isqof ta’ Malta kien jieħu l-preċedenza fuq l-Isqof ta’ Ġibiltà. Biss l-Isqof ta’ Ġibiltà kellu mbagħad il-preċedenza fuq l-Isqof ta’ Għawdex (mill-1854 ’il quddiem). L-Isqof ta’ Għawdex ma kienx aċċetta dan il-protokoll, u għaldaqstant ma kienx jattendi okkażjonijiet uffiċjali fejn ikun mistieden l-Isqof ta’ Ġibiltà. L-arma tal-Isqof ta’ Ġibiltà tinkorpora mhux biss id-disinn tal-għolja muntanjuża ta’ Ġibiltà, iżda anki s-salib bi tmien ponot, simbolu tal-Ordni ta’ San Ġwann, u għaldaqstant simbolu wkoll ta’ Malta. Ara: ‘St Paul’s Anglican Cathedral’ ta’ J.C. Camilleri, Heritage, Vol. V, pp. 1557-1560.  

ĠIBSIERA     Tip tabarżakka tal-kaċċa. Ċurniena. Sors: E.S.I. u Damma.

ĠIDD  Ir-razza tal-familja. Il-ġenerazzjonijiet tar-razza. Kienu jgħidu, ‘nafuh minn ġidd il-ġidd’, jiġ., il-persuna magħruf minn razztu għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Sors: M.A.V. (1796). Espr. li jsemmi M.A.V. hi ‘minn ġiddu’, jiġ., minn qaddisu, minn dejjem. Il-kelma bl-Għarbi u bil-Malti antik kienet tirriferi wkoll għan-nannu jew għall-ixjeħ persuna fir-razza. Minn ‘ġidd għal ġidd’ tfisser ukoll, mill-missier għall-iben. Espr. oħra hi: ‘mard tal-ġidd’ – rif. għall-mard li jintiret. Ara:  ĠEBBIEDA.

gidra xxĠIDRA   Ing. Kohlrabi, Hungarian turnip. Marka fuq il-ġilda, xotta u niexfa. Qoxra fuq il-ġilda li tħalli xi marda fil-ġisem, bħal ġidri r-riħ. L-istess tip ta’ marka fuq ferita li tkun nixfet. Fig. nużaw din il-kelma meta rridu ngħajru lil xi ħadd injorant, eż., meta ngħidu, ‘X’int ġidra!’ ĦAJT / ĠEBLA TAL-ĠIDRA   Il-ħajt jew il-ġebla li l-wiċċ tagħhom ma jkunx lixx għax il-parti fejn tidher tinħadem apposta biex tixbah il-blat rustiku.  

ġidrix.jpgĠIDRI    Marda infettiva li ġieli nxterdet b’mod epidemiku f’bosta pajjiżi. Din hi marda li tista’ tolqot il-bniedem b’wieħed minn żewġ tipi ta’ virus li bil-Latin huma magħrufa bħala: variola maior jew variola minor. Variola tfisser ‘ittikjat’ għaliex wieħed mis-sintomi ta’ din il-marda huma tikek ħomor li joħorġu fuq il-ġilda. Bl-Ingliż din il-marda hi magħrufa bħala smallpox, terminu li beda jintuża fis-seklu ħmistax, biex jidentifikaw din il-marda bħala waħda differenti mill-bigpox, li kien terminu għall-marda tas-siffilis. Il-marda tal-ġidri qatlet miljuni ta’ nies fid-dinja, sakemm finalment, l-Għaqda Dinjija Tas-Saħħa eradikatha fl-1979. Malta ntlaqtet minn diversi epidemiji tal-ġidri. Fost dawn insibu dik tal-1830, fejn kienu infettati mal-10,000 ruħ, u li minnhom mietu mal-1,500. L-epidemija reġgħet laqtet lil Malta fl-1860, fl-1870 u fl-1873. M’għandniex inħalltu l-ġidri mal-ġidri r-riħ (chicken pox). Ara : Storja ta’ Malta, ta’ John Inguanez.

ĠIEBJA   Ċisterna. Vaska kbira li tista’ tkun fuq l-art, ġieli msaqqfa, magħmula minn ġebel imkaħħal u konkos, jew taħt l-art. Bosta drabi ġiebja ta’ ċertu kobor issibha fil-kampanja għax tintuża mill-bdiewa biex jinħażen l-ilma fiha. Din tissejjaħ ĠIBJUN. Il-ġibjun ta’ taħt l-art jista’ jkun aktar vast, b’sezzjonijiet differenti sseparati minn xulxin u l-ilma jista’ jintuża fi kwantità akbar biex jissupplixxi l-bżonnijiet ta’ żoni b’popolazzjoni urbana. ĠIBJETTA hi ġiebja żgħira.

ĠIEM  / ĠIM   Ara: LĠIM.

ĠIFA    (pl. u aġġ. ġwejjef).  1. Il-laħam u l-fdalijiet ta’ annimal mejjet. 2. Rif. għal xi ħadd b’nuqqas ta’ ħeġġa, jew xi ħadd li ma jafx jiddefendi lilu nnifsu, kemm fiżikament kif ukoll waqt argument. Ngħidu, ‘Kemm hu ġifa!’ – jiġ., kemm hu beżżiegħi. Qawl: Omm il-ġifa qatt ma tagħli. 3. Mara tad-dnub. Qaħba. IL-ĠIFA  Laqam mogħti lil Ħamis ta’ qabel il-Karnival. Sors: E.S.I.

ĠIFEN    (pl. iġfna)  Isem pjuttost ġeneriku għal kwalunkwe tip ta’ bastiment, l-aktar dawk ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, meta l-bastimenti kienu nnavigati bil-qlugħ. Eż. il-ġifen Tork. Esp. ‘Fih ġifen’, jiġ., għandu tagħbija kbira. Terminu li llum sar pjuttost arkajku. Biss, P. Wistin Born fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda (1939), p. 31, juża dan it-terminu għal vapur modern: ‘[…] mill-Port il-Kbir kien għadu kemm ħareġ ġifen mill-kbar, kollu dwal qisu xi belt miexja fuq il-baħar […]’.

ĠIFLA    Ara: TALJA.

ĠIFUN    (DammaUomo più che vilissimo. ĠIFUNA  (D.) Donna più che pettegola. Tabilħaqq, t-tifsira ta’ din il-kelma tqarreb xi ftit lejn dik ta’ ĠIFA.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAĠILANDRA   Bħal tabernaklu tal-injam iddekorat b’raġġieri u maħdum f’forma ċilindrika. Fih hemm struttura oħra tal-injam li fiha jinżam l-ostensorju. Meta din l-istruttura tiddawwar, il-parti miftuħa tagħha tikxef l-ostensorju fejn ikun merfuha l-ostja konsagrata. Norm. din l-għamara tinsab fuq l-altar biex l-ostensorju ta’ ġo fiha jkun sponut għall-adorazzjoni. Tal. girandola – jiġ., oġġett li jdur. Tal.  Girandola.      

ĠILBA   (pl. ġlejjeb). Ħafna storbju ta’ nies li jkunu qegħdin jitkellmu fl-istess ħin. Sors: G.B.F. (1845). Qbl. ma’ ĠLIBA.

ĠILĠLIENA /  ĠUNĠLIENA  Ara: ĠULĠLIEN.

gilju madonna lily.jpgĠILJU  Jissejjaħ kemm ‘ġilju abjad’ kif ukoll ‘ġilju tal-Madonna’ (is. xj. Lilium candidum; Ing. Madonna lily). Din hi fjura li tispikka għall-mod sabiħ li tiffjorixxi f’April jew Mejju, u tikber b’mod prominenti miz-zokk li jitla’ dritt mit-tuberu. Il-petali kbar bojod li jixbhu lil dawk tal-ibisku, bejniethom jiffurmaw bħal lembut fin-nofs tal-fjura. Minn hawn jikber ilsien jew ilsna rqaq (M. stami / Ing. stamen). Din il-fjura M.A.V. (1796) jattribwiha bosta ismijiet oħra, kollha adrian wignacourt fleur de lysġejjin mill-Għarbi: ‘mgħakkma / mħakkma’, ‘żenbaq’ u ‘susan’. Fl-ikonografija tal-Madonna u tal-qaddisin, il-ġilju jissimbolizza l-purità tal-qaddis/a, kemm bħala kastità kif ukoll bħala persuna ħielsa minn kull dnub. Il-ġilju kien ukoll is-simbolu tal-arma ta’ Alof de Wignacourt u għalhekk dan is-simbolu jidher f’bosta binjiet li żmien ta’ dan il-Gran Mastru. Fl-Imqabba wieħed mill-każini tal-festa hu magħruf bħala Tal-Ġilju, jew aħjar is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju. Tal. giglio; Fr. fleur de lys; Għ. żanbak jew susan; Lat. Lilium candidum.          

ĠILKA     (Damma)  Isem imqassar għal  Angelika.

giilwa.jpgĠILWA / ĠILI   1. Il-proċess ta’ meta waqt it-tieġ, id-daqqaqa, il-mistednin u l-qraba tal-għarajjes jimxu flimkien proċessjonalment lejn il-knisja biex issir iċ-ċerimonja taż-żwieġ. 2. Skont A. de S., il-kelma tirriferi speċifikament għad-daqqaqa biss li jakkumpanjaw l-għarajjes. Dan l-akkumpanjament kien isir biss fl-irħula min-nies tal-kampanja. 3. Il-festin li jsir wara ċ-ċerimonja tat-tieġ, u l-ferħ tan-nies li jġib miegħu. Espr. ĠILWA NIES – purċissjoni twila ta’ nies.  Il-ĠILWA  l-KBIRA  dan kien il-pellegrinaġġ f’San Girgor, li fih kienu jieħdu sehem ħafna parroċċi minn Malta kollha. 4. Fl-Għ. tal-Eġittu, din hi kelma li tintuża mill-Kopti, biex tirreferi għal xi ċelebrazzjoni reliġjuża. (din l-informazzjoni ta’ l-aħħar ingħatat minn Nader Salem Rizzo). Ara: SAN GIRGOR.  Sors: E.S.I.

ĠIMĠMA    Kelma oħra għall-kranju jew qurriegħa. Jagħtuha E.S.I. u J.A. li jikkwotaw studjużi barranin biss, hemm dubju jekk qatt kinetx użata lokalment. M.A.V (1796). ma jagħtihiex.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAĠINOKKJATUR / INĠINOKKJATUR   Għamara li tintuża l-aktar fil-knejjes, magħmula apposta biex wieħed jinżel għarkupptejh fuqha biex jitlob. Magħruf ukoll bil-Fr. bħala Prie-Dieu – li bil-Malti tfisser, titlob lil Alla’. Apparti filknejjes il-ġinokkjatur kont issibu l-aktar jew fil-kunventi jew fid-djar tas-sinjuri li kien ikollhom kappella fejn jitolbu. Tal. ginocchio – M.  irkoppa.  

                 ħajr tar-ritratt:  Palazzo Falson, Mdina

Djerba_mapĠIRBI    1. Xi ħadd li jgħix, jew kien jgħix fuq il-gżira ta’ Ġerba, li tagħmel parti mit-Tuneżija. Jingħad li fuq din il-gżira, għad hemm jgħixu dixxendenti Maltin, li xi darba kienu nħatfu bħala skjavi. Maltin oħrajn marru hemm minn jeddhom fis-seklu dsatax, meta ħafna bdew jemigraw lejn l-Afrika ta’ Fuq. Il-FUL TA’ ĠIRBA  hu magħruf sew f’Malta bħala dak il-ful niexef, simili għall-ful li jikber f’Malta, biss iżgħar. Dan ukoll jista’ jissajjar u jintaħan biex jitgħalla f’bigilla, u għandu l-istess togħma. 2. Appellattiv li jirreferi għal xi ħadd li twieled, jew jgħix il-Birgu. Stramba meta tqis li l-aġġettiv għal xi ħadd mill-Birgu jixraqlu jkun Birgi mhux Ġirbi minħabba li l-‘ġ’ ma tidħol qatt fil-kelma Birgu. Jista’ jkun li fost dawk il-Maltin li għexu f’Ġirba kien hemm nies mill-Birgu, u b’hekk inqala’ dan il-laqam. Din hi biss, suppożizzjoni. Din il-kelma tintuża wkoll bħala aġġ. biex tiddeskrivi lil xi ħadd makakk. Fid-Damma l-ewwel tifsira biss tingħatha. Ara: BARBARIJA. 

ĠISEM  IL-BNIEDEM    Dawn huma xi ismijiet ta’ partijiet tal-ġisem tal-bniedem. Kultant fil-Malti nirriferu għal diversi partijiet tal-anatomija b’ismijiet meħudin minn dawk l-oġġetti komuni.  Hekk ngħidu:

a. l-iskutella tar-ras / il-qurriegħa / ġimġma –  b. ħabba tal-għajn  –  ċ. ġbin –  d. ħadd (duwal: ħaddejn) e. kappell tal-għajn. -f. tambur tal-widna – ġ. ġewża tal-għonq – għ. ħanġra. h. spalla – Ħ. abt  – i. qanpiena tal-ħalq  –  J. kappell tas-saba’ – k. boqxiex. – L. l-istonku. – m. qafas tas-sider – n. il-milsa o. ix-xewka tad-dahar – p. fiswet il-kelb – q. ħaswa (duwal: ħaswejn) – r. wirk – s. il-koxxa tas-sieq – t. galletta tal-irkoppa  –  u. ħobża tas-sieq / pexxul  v. l-għaksa – w. għarqub.      

gisem il-bniedem(1)

Ġistakorfr

ĠISTAKOR / ĠUSTAKOR     Tip ta’ ġakketta twila li kienet tintlibes min-nies nobbli jew sinjuri fis-seklu sittax u sbatax. Din kienet tkun marsusa mal-ġisem u tinqafel bil-buttuni minn quddiem. It-tarf tagħha minn wara kien ilaħħaq sal-irkoppa. Sqal. giustacori. Tal. giustacuore / gustacuor. Fr. justacorps. M. (magħfus) preċiż mal-ġisem. Ara: BAKKALJAWWA.

ĠIŻŻAR   Wieħed li jġiżż is-suf tan-nagħaġ. Fl-istess ħin dan kien isem ieħor għall-biċċier, dak li joqtol l-annimali u jbigħ il-laħam tiegħhom. Fiċ-Ċittadella, Għawdex, kien hemm parti mis-swar magħrufa bħala ‘s-Sur tal-Ġiżżara’.

ĠLIBA   Rif. għal grupp kbir ta’ nies li jgħaddu fit-toroq b’ċertu sens ta’ diżordni, jew b’intenzjoni li jagħmlu xi rvell. Ġabra ta’ bhejjem jew tjur; pereż., ngħidu ‘ġliba tjur’. Din il-kelma jużaha Juan Mamo fl-istorja ‘Ġrajja Maltija ta’ meta l-Maltin kienu aktar fidili’: ‘[…] Għall-ħabta tal-għabex … kien jilmaħ ġliba rġiel waħxin […].’ Sors: Dr Xecchec, 4 ta’ Awwissu, 1934. Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija – Ġabra ta’ Novelli, ed. Mark Vella, Klabb Kotba Maltin, p. 73.

ĠLATA    1. Skorċa rqiqa ta’ silġ li tiksi l-uċuh tar-raba’ wara li jkun għamel xi lejl ta’ kesħa kbira. Kultant nisimgħu li l-patata fl-għelieqi tħassret bil-ġlata.  2. Marda tal-pjanti kaġunata mill-moffa. Tal. gelata  – M. iffriżata. Ing. blight.

ĠLIEKA  Isem ieħor flok Anġelik.  Sors: Damma. 

Ġmiem.jpgĠMIEM   Kelma oħra għal makkja. Raba’ mhux maħdum li fih jikber il-ħaxix selvaġġ. Veġetazzjoni tat-tip Mediterranju fejn jikbru siġar żgħar u arbuxelli ta’ pjanti selvaġġi. Dawn il-makkji jinsabu l-aktar fil-ġnieb tal-widien, fejn l-art hi aktar fertili u l-ħamrija aktar fonda. Tip ta’ siġar li jikbru f’dan l-ambjent jinkludu l-ħarub, siġar tal-lewż kif ukoll pjanti iżgħar li jlaħħqu sa metru jew ftit aktar. Tal. macchia. Ara:  Qiegħda fil-ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt, p. 45. 

gniebru xx.jpgĠNIBRU / ĠINIBRU / ĠNIEPRU 1. Siġra tal-ġnibru. Is. xj. Juniperus comunis. Minn din l-ispeċi nsibu pjanti li jikbru bħal arbuxell, kif ukoll speċi oħrajn, bħal siġar li jlaħħqu anki sa sitt metri. Is-siġra ġieli jirriferu għaliha bi żball bħala siġra tal-għargħar, għax tixbahha. L-aqwa mod li tingħaraf din is-siġra hu mill-frott tagħha. Il-frott tagħha li minnu jsir il-ġnibru jixbah iż-żinżel, biss iżgħar. Is-siġra hi apprezzata wkoll bħala siġra ornamentali. F’Malta din is-siġra ma tikbirx fis-selvaġġ. Mill-ġniebru issir tip ta’ fwieħa, u mediċina li tajba biex tnaddaf il-passaġġ tal-awrina. Mill-frott tagħha jittieħed estratt li jagħti togħma lill-ġinn. 2. Tip ta’ xarba alkoħolika magħrufa bħala ġinn. (Ing. gin – kelma meħuda mill-Fr. genièvre). Ing. Juniper. Sors prinċipali: Dr. Joe Borg.  Ara: ‘Il-Ġniepru’, Charles Fenech, Il-Ħuttafa, numru 95, p. 6.   

Gnien tal kmand Gudja  041.jpg
Ġnien tal-Kmand iż-Żejtun

ĠNIEN TAL-KMAND / TAL-LOGUTENTENT  Jeżistu diversi ġonna żgħar f’Malta, li fl-1804/5 kienu mogħtija mill-Kummissarju Ċivili, Sir Alexander Ball, lill-kapijiet tal-irħula ‘għal -użu tagħhom, bħala amministraturi perpetwi ta’ dawn il-ġonna’. X’uħud minn dawn il-ġonna għadhom jeżistu, eż., dawk tal-Gudja, l-Għargħur,  il-Qrendi, Ħal-Lija, Ħaż-Żabbar, taż-Żejtun u oħrajn. Dawn il-ġonna kienu mfasslin minn Michele Cachia, kapumastru mfittex ħafna għal xogħolu, kemm fi żmien l-Ordni kif ukoll fi żmien Gnien tal-Kmand Zabbarl96l-Ingliżi. Fuq id-daħla ta’ dawn il-ġonna dejjem naraw minquxa l-inizjali G.R. III, (rif. għar-Re Ġorg III, li rrenja bejn 1761-1820). Biż-żmien, dawn il-ġonna servew ta’ rziezet u għelieqi sperimentali. Fl-1839, il-Gvernatur Ingliż, Lt. Gen. Sir Henry Bouverie ddeċieda li jneħħi l-kariga ta’ Logutenent lill-amministraturi tal-irħula, u għaldaqstant dawn il-ġonna wara ftit sfaw mitluqa u abbandunati, għalkemm xi wħud inkrew lill-privat. Għal xi żmien, sakemm twaqqaf id-Dipartiment tal-Agrikultura fl-1921, dawn il-ġonna kienu amministrati mis-Soċjetà Agrarja, biex isiru esperimenti fuq żrieragħ, pjanti, eċċ.  Ara: The Public Gardens and Groves of the Maltese Islands ta’ Joseph Borg. 4th edition pp. 264-266.  The Gardens of Alexander Ball, ta’ Anne Crostwaith u Michael Ellul fi Treasures of Malta, Christmas 1997, Vol IV, no 1, pp. 27-32. 

Sa maison_n.jpgĠNIEN TAL-MILORDA    Dan il-ġnien ħelu u romantiku, jinsab imperreċ mal-ġenb tas-swar tal-Furjana li jagħtu għal fuq il-Port ta’ Marsamxett u l-bajja tal-Pietà, jew kif nafuha aħjar, SA MAISON. Dan il-ġnien kien oriġ. tal-Kavallier Fra Caille De Maison. Fi żmien l-Ingliżi, il-ġnien kien inkera lil Lady Julia Lockwood, nobbli Ingliża, biex tgħix fih hi u l-familja tagħha. Biss, fl-1853, il-militar Ingliż esproprija dan il-ġnien u l-propjetà biex il-post jintuża bħala kamp għat-truppi Ingliżi. Dawn baqgħu jokkupaw il-ġnien sal-bidu tas-seklu 20. Illum dan il-ġnien jagħmel parti minn mixtla tal-gvern. Fih għad hemm diversi armi mnaqqxin fil-ġebel, tar-reġimenti li kienu stazzjonati f’dan il-ġnien. Il-ġnien hu magħruf bħala Tal-Milorda, b’riferenza għal Lady Lockwood.  Ara: SA  MAISON.

ĠNIEN  IS-SULTAN   Dan l-appellattiv jirreferi għal ġnien fil-Belt, li llum ma għadux jeżisti. Dan kien jinsab sewwasew fuq ix-xellug tad-daħla Del Monte, jew kif inhu magħruf ukoll Porta Marina jew Victoria Gate, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-knisja ta’ Liesse. Imsejjaħ hekk għax il-ġnien kien proprjetà tal-Gran Mastru, li mal-Maltin kien magħruf bħala s-Sultan. Hemm lokalità oħra magħrufa bħala Ġnien is-Sultan, li tinsab ’il barra mir-Rabat fin-naħa ta’ Wied il-Qlejgħa.

Gnien is-sultan u Grand Harbour

ĠNIZZA     Għoġol ta’ madwar sentejn. Aġġ. li jirriferi wkoll għal kwalunkwe annimal fuq ruħu.

ĠOBON TAN-NAR    Tip ta’ ġobon ta’ togħma mielħa li għal mijiet tas-snin kien jinħadem l-aktar iż-Żebbuġ u x-Xewkija, Għawdex. Il-ħalib li minnu jsir dan il-ġobon ikun imħallat, kemm tal-mogħoż kif ukoll tan-nagħaġ.

ĠOBON TAL-KASTVALL     Ara: KASTVALL.

jobbxx.jpgĠOBB   Idj: ‘Dak il-bniedem għandu l-paċenzja ta’ Ġobb’ – Il-paċenzja straordinarja  ta’ persuna tkun ipparagunata ma’ dik ta’ Ġobb, persunaġġ bibbliku, eżemplari għall-paċenzja kbira li kellu. Alla kien ippermetta lix-xitan li lil Ġobb jeħodlu ġidu, imutulu t-tfal kollha tiegħu u jsofri bosta mard. Ġobb bata dawn id-disfatti kollha b’rassenjazzjoni liema bħala, mingħajr qatt ma nkorla jew qata’ jiesu mill-ħniena ta’ Alla.

ĠOG/I   1. Dawk il-partijiet tal-ġisem fejn l-għadam imiss mal-ieħor. Ngħidu, ‘Qisu bla ġogi!’ – għal xi ħadd li hu aġili u kapaċi jitgħawweġ b’mod estrem. Etim. Sqal. Jucaloru – M. dik li tgħaqqad għadma mal-oħra. 2. Boċċa tal-ħadid li biha tinżel u titla’ l-keffa tal-miżien. 3. Parti mill-irbit fuq bastiment. 4. Il-passiġġiera li n-nassab jorbot l-għasfur magħha b’lenza biex jattira għasafar oħra ħalli jersqu lejh. 5. Karta jew kartella tat-tombla li jkollha sitt biljetti. Etim. F’dan l-aħħar kuntest il-kelma ġejja mit-Tal. gioco. Qab. ma’ ġugatur, wieħed li jilgħab fil-logħob tal-ażżard.

gogi kristu 36 - CopyĠOGI,  KRISTU TAL-   Dan hu l-kurċifiss, li fil-Ġimgħa l-Kbira, f’diversi knejjes, waqt il-Prietka tal-Tliet Sigħat, jitniżżel bil-mod il-mod minn fuq is-salib b’mod solenni bħala parti mir-ritwal ċeremonjali. Il-figura ta’ Kristu msallab għandha l-ġogi jiċċaqalqu u manuvrabbli, biex il-figura tista’ tinqala’ minn mas-salib billi l-ewwel jinħallu d-dirgħajn, u jitniżżlu ‘l isfel mal-ġenbejn. Hekk kif l-istatwa tinqala’ għal kollox titniżżel fl-art. Ċerimonja bħal din għadha ssir fil-knisja tal-Lunzjata l-Birgu. ir-ritratt hu dak tal-Kurċifiss li hemm fil-bażilika tal-Karmnu l-Belt. Il-video inġibed minn Louise Avellino fil-knisja tal-Lunzjata l-Birgu. https://www.facebook.com/martin.morana/posts/10232113880008621?notif_id=1681370100227660&notif_t=feedback_reaction_generic&ref=notif

ĠOJJA  (mit-Tal. GIOIA) 1. Ir-rigal li l-Gran Mastru kien obbligat li jagħti lill-knisja konventwali ta’ San Ġwann meta dan ikun elett. Aparti minn hekk, il-Gran Mastru kien obbligat jagħti lill-istess knisja rigal ieħor darba kull ħames snin. Norm. Il-gioia, jew ir-rigal, kien jikkonsisti f’sett komplut ta’ paramenti sagri li jintużaw fil-quddies pontifikali, jew inkella xi oġġetti oħra ta’ valur simili. Fost l-isbaħ rigali li qatt ingħataw lil din il-knisja hemm it-tapizzeriji Fjammingi, li l-Gran Mastru Ramon Perellos y Rocaful kien ta meta kien elett. Ara:  ARAZZI FJAMMINGI. 2.  Tiżjina, bħal ħaġra prezzjuża li wieħed jilbes mal-labra jew mal-kullana fuq is-sider bħala żina prezzjuża. 

arazzi fjammingi_jpg

 

ĠOLF / ĠORF   1. Bniedem ta’ statura kbira u goffa. Ġgant. Espr. ‘raġel mibni daqs ġolf’. 2. RDUM Sors: E.S.I.

ccbeff01-7bfa-4c16-a997-b0836ac0f7a4.f90e9ab5380bbe7e9ea38ea504f0aba8ĠOLĠOL   Speċi ta’ qanpiena żgħira li tiddendel mal-għonq tal-bhima biex sidha jagħraf fejn qiegħda jekk titbiegħed minn mal-bqija. Il-ġolġol jissemma fl-istorja tal-qattus u l-ġrieden, fejn il-ġrieden jiftiehmu li jdendlu l-ġolġol ma’ għonq il-qattus biex jindunaw meta dan ikun riesaq qribhom; biss għalkemm kulħadd jaqbel mal-pjan, ħadd minnhom ma jrid ikun hu li jdendel il-ġolol ma’ għonq il-qattus għax kollha jibżgħu minnu. Qawl: Fi Frar jindaqqu l-ġlieġel. – Dan il-qawl jirriferi għall-ġranet ta’ bluha tal-Karnival. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 39.    

ĠONTA    1.  Oġġett li jservi biex jgħaqqad ħaġa ma’ oħra. Kull tip ta’ biċċa miżjuda. 2. Rabta bejn żewġt iħbula. 3. Biċċa mill-ħobż miżjuda mal-ħobża li l-furnar ibigħ biex tpatti għal piż nieqeż mill-ħobża mibjugħa. 4. ĠONTA RABA. Biċċa art żgħira li tinħadem ma’ oħra ikbar, miżjuda jew separata minnha.  5. Qoffa bħal MEZZA iżda iżgħar li fiha jitqiegħed il-frott iż-żgħir. 6. ĠONTA TAL-MEJTIN  Il-missal żgħir li jkun fih it-talb u l-quddiesa tal-mejtin. Sors: Praspar miktuba minn Dun Xand Kortis, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, pp. 77-78.  

ĠORF    Ara: ĠOLF.

gostra vvvĠOSTRA     Logħba fejn il-kompetituri  jimxu bblilanċjat fuq arblu mimdud u maħruġ ’il barra mill-art jew minn fuq barkun jew mill-art. Il-kompetitur jassalta b’ġirja għal fuq l-arblu li jkun midluk bix-xaħam waqt li jipprova jżomm il-bilanċ biex jilħaq it-tarf tal-arblu ħalli jaħtaf il-bandiera. Bit-tidlik tax-xaħam mal-arblu, il-kompetitur faċli jiżloq, u ta’ spiss jaqa’ fl-ilma qabel ma jilħaq il-bandiera. F’din il-logħba, li n-nies qabel kienu jsegwu bil-mijiet, għadha ssir f’ċerti festi, bħal tal-Imsida u San Ġiljan. Ġieli jkun hemm rigali ta’ flus x’jintrebħu mill-kompetituri.  Etim. Tal. Giostra. Ing. Jousting.

Ġubilew LLETTA-3ĠUBLEW F’Malta, il-Ġublew tad-Deheb (il-ħamsin anniversarju) u l-Ġublew tad-Djamant – (is-sittin anniversarju) tar-Reġina Vittorja, kienu ċċelebrati bil-kbir. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet saru fl-1887 u fl-1897, rispettivament. Fost iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tad-Deheb, kienet tqiegħdet l-istatwa tar-Reġina Vittorja fi Pjazza Repubblika, (dak iż-żmien kienet tissejjaħ Piazza Tesoreria). Din l-istatwa hi xogħol l-iskultur Giuseppe Valenti. Fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tad-Djamant, jiġifieri fl-1897, ir-Rabat ta’ Għawdex ingħata l-isem Victoria. Hekk ukoll il-linja ta’ difiża li kienet inbniet bejn Fomm ir-Riħ u l-Madliena, bdiet tissejjaħ il-Victoria Lines. Kienu bosta l-ġublewijiet li kienu ċċelebrati f’Malta ad unur ta’ xi sovran jew ieħor. Fost dawn insibu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Fidda ad unur tar-Re George V (1935). Ġublew ieħor li kien iċċelebrat f’Malta kien dak tar-Reġina Eliżabetta II, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniverarju tar-renju tagħha, li kien seħħ fl-2002.

ĠuguthumbĠUĠÙ    Ħelu, miksi biz-zokkor u li għandu togħma ta’ frott. Meta tomogħdu jiġġebbed qisu gomma, minħabba l-ġelatina u l-lamtu li jkun fih. Sq. giuggiula. Ing. jujube, jelly sweets. Fr. joujou –  ħaġa tal-logħob. A. de S. jgħid li din kienet kelma tat-tfal li biha kienu jirriferu għall-ġobon.

ġokulari.jpgĠUKULIER / ĠUKLAR    Dan l-isem ġej mit-Tal. guocoliere, jiġ.,  xi ħadd li xogħolu hu li jagħti pjaċir lin-nies billi jdaħħaq, jew jagħmel logħob ta’ prestiġju, u/jew idoqq xi strument. (qab. il-kelma Ingliża juggler u l-Lat. joculator – M. buffu). Interessanti li dan l-appellativ jidher diversi drabi, fil-lista tal-MILIZZJA (1419-20), ħdejn xi ismijiet ta’ dawk li kienu rreġistrati. Żgur li hemm xi raġuni partikulari għall-inklużjoni ta’ dawn in-notamenti fil-lista tal-isimijiet. Tgħid il-ġukulari kienu jingħataw xi trattament speċjali, billi kienu jferrħu lil sħabhom waqt il-perijodu tas-servizz militari? Jew, forsi kienu eżentati mis-servizz tal-għassa f’xi każijiet speċjali biex imorru jferħu waqt it-tiġijiet u l-festi? Ara: ‘The Militia List’, ta’ G. Wettinger,  Melita Historica, Vol V, no 2, 1969.  pp. 80 -106.    

ĠULEPP     Xarba bis-sugu magħmula mill-frott, eż. tal-ħarrub. Xarba li għandha togħma ħelwa ħafna. Il-ġulepp jitħallat mal-mediċina biex ineħħi t-togħma morra. Fost oħrajn hemm il-ġulepp tal-ħarrub. Tal. giulebbe.

ĠULĠLIENA / ĠUNĠLIENA  / ĠILĠLIEN   Norm. din ngħiduha fil-pl. ġulġlien. Żerriegħa minn pjanta magħrufa bl-isem xjentifiku, Sesamum orientale. (Ing. sesame). Iż-żerriegħa hi popolari ħafna bħala kondiment mal-qubbajt jew inkella mal-qagħaq, bħall-OTTU, eċċ. Il-bdiewa Maltin ikabbruha għalkemm fi kwantità żgħira, fil-ġnub tal-għelieqi.

Ġummars.jpgĠUMMAR    Arbuxell tal-palm żgħir tal-Mediterran li norm. jikber fi trofof ta’ sitt palmiet, fix-xagħri jew fil-ĠMIEM (makkja). Is. xj. Chamaerops humilis.  Din is-siġra kienet komuni f’Malta, u l-weraq tagħha kien jinħadem bħala xagħar tal-imsellħa (bħal xkupa magħmula minn dan il-weraq twil). Dari kienu wkoll isiru l-basktijiet mill-weraq ta’ din il-pjanta. Ing. Mediterranean dwarf palm.  Ara:   MSELĦA.      

ĠUNJETT        Isem ieħor li l-Maltin ta’ dari kienu jsejħu x-xahar ta’ Lulju.

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
 Afgħas hawn biex tkun taf aktar

ĠUNTA  DJOĊESANA     Fl-aħħar tas-snin 1920, il-Knisja għaqqdet diversi soċjetajiet lajċi biex tikkumbatti l-affront li kellha mal-Constitutional Party. Dan minħabba l-kwistjoni taħraq li kienet inqalgħet li damet sejra x-xhur. Minħabba din il-kwistjoni, Gerald Strickland, il-kap tal-partit, tilef ħafna mill-popolarità tiegħu. F’nofs is-snin ħamsin u sittin, il-Kurja reġgħet kienet involuta f’konfront ieħor fuq suġġetti ta’ natura politika, din id-darba mal-Malta Labour Party. Fiż-żmien meta Mintoff ried li Malta tingħaqad mar-Renju Unit (Integration), il-Ġunta Djoċesana kienet għamlet stqarrija biex turi li kienet kontra din il-proposta għax dan seta’ jkun ta’  affront u periklu għar-reliġjon Kattolika. Fil-kwistjoni tal-ħamsinijiet il-Ġunta Djoċesana kienet magħmula minn dawn l-għaqdiet: l-Azzjoni Kattolika, tal-Mużew (M.U.S.E.U.M – Soċjetà tad-Duttrina), il-Legion of Mary, iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, il-Kongregazzjonijiet Marjani, il-Catholic Women’s League, il-University Students’ Catholic Guild, in-Knights of St Columbia, ix-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla, l-Appostolat tat-Talb, l-Opri Pontifiċi Missjunarji, u l-Unjoni Kattolika San Ġużepp. Fi żmien meta Malta kienet riesqa lejn l-Indipendenza, kienet inqalgħet il-kwistjoni dwar ‘is-Sitt Punti’ li Mintoff ried li jidħlu fil-kostituzzjoni l-ġdida li Malta indipendenti kellha timxi fuqhom. Għall-isqfijiet u l-Kurja, is-Sitt Punti li xtaq Mintoff kienu jmorru kontra t-twemmin u l-awtorità tal-Knisja f’Malta. Għaldaqstant, l-Ġunta Djoċeżana u għaqdiet oħrajn ħadmu kemm felħu biex il-poplu Malti ma jaċċettax dak li ried il-Partit Laburista fil-kwistjoni politiko-reliġjuża. Il-Ġunta Djoċesana xoljiet fl-1969, wara xi żmien li l-Partit Laburista u l-Knisja kienu waslu għal ftehim bejniethom.  Ara:  SITT  PUNTI,  IS-, INTERDETT.

Book Cover
 Afgħas hawn biex tkun taf aktar

ĠURATI   (tal-Qrati)   Fi żmien l-Ordni, il-proċess bil-ġuri ma kienx jeżisti għax is-sistema tal-qrati dak iż-żmien kienet ibbażata fuq id-deċiżjoni assoluta tal-imħallef, jew kif kien magħruf dak iż-żmien, il-Kastellan. Fiż-żmien bikri tal-Ingliżi f’Malta, is-sistema tal-ġurija tħaddmet għall-ewwel darba b’mod iżolat fis-16 ta’ Novembru 1815, meta kienu akkużati bosta barranin bis-SIBI (piraterija). Dan il-proċess seħħ fis-Sala tat-Tron tal-Palazz u kien ippresedut mill-Gvernatur Thomas Maitland innifsu. F’dan il-każ, Maitland kien assistit minn erba’ kummissarji. Fis-sena 1829, fi żmien il-Gvernatur Cavendish Ponsonby, is-sistema tal-ġuri fil-qrati kienet stabbilita b’mod permanenti għal każijiet fejn kien hemm pieni ta’ mewt jew pieni ħorox. Imbagħad, fis-sena 1844, il-ġuri beda japplika wkoll kull meta l-każ kien iġorr miegħu piena ta’ aktar minn ħames snin priġunerija. Bir-reviżjoni tal-kodiċi kriminali fl-1954, is-sistema ġudizzjarja stabbiliet ruħha kull fejn il-każ seta’ jimplika piena ta’ aktar minn sitt xhur priġunerija. Fis-sena 1980, din is-sistema reġgħet ġiet modifikata, jekk l-imputat seta’ jeħel minn sitt xhur sa għaxar snin ħabs; b’hekk, l-imputat ikollu l-fakultà li jagħżel hu jekk iridx li l-każ ikun deċiż minn imħallef jew inkella ddeliberat minn ġurija. Sors: British Malta, Vol. I ta’ A.V. Laferla,  pp. 107, 108; Description of Malta and Gozo, P.C. Badger, 1858, pp. 144, 145; ‘The Maltese Criminal Code of 1854’ ta’ Albert Ganado, The Sunday Times, December 14, 2003.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAĠURATI    (tal-Università  Il-membri tal-kunsilli tal-Università tal-Imdina, tar-Rabat Għawdex, tal-Birgu u tal-Belt. Fi żmien l-Ordni, norm. kull wieħed minn dawn il-kunsilli kien ikun magħmul minn tliet jew erba’ ġurati. Il-ġurati tal-Imdina kienu bosta drabi jkunu magħżula minn fost il-membri tal-familji nobbli tal-lokal. Matul il-mijiet tas-snin tal-Medjuevu Tardiv, il-kunsill tal-Imdina kellu wkoll is-setgħa amministrattiva fuq Malta kollha. Kien ukoll jieħu ħsieb l-importazzjoni tal-qamħ u bżonnijiet oħra. Il-ġurati ta’ Għawdex kellhom l-awtonomija tagħhom ukoll. Fi żmien l-Ordni, il-ġurati tal-Belt kienu jirrappreżentaw l-interessi tal-popolazzjoni tal-Belt Valletta, waqt li dawk tal-Birgu kienu jieħdu ħsieb l-abitanti tal-belt tagħhom. B’turija tal-ħbiberija bejn il-ġurati tal-Birgu u l-Ordni, il-ġurati tal-Birgu stinkaw biex fl-1705 jittella’ bi flushom il-monument li jfakkar l-Assedju l-Kbir li llum hemm fil-pjazza tal-Birgu. Ara: GVERNATUR TA’ GĦAWDEX, IL-.

GURDANFanal n 005ĠURDAN TA’    L-għolja li fuqha hemm il-fanal, tinsab fin-naħa tal-Għasri, Għawdex. . Fl-1667, hawn kien inbena fanal bħala twissija lill-baħħara li jkunu qed iqarrbu lejn l-art. Għal ħafna żmien, dan il-fanal kien abbandunat. Fl-1853, l-Ingliżi installaw fanal ieħor fuq struttura aktar moderna, fl-istess post. Dan kien jaħdem b’lampa kbira taż-żejt. Fl-1857, din il-lampa nbidlet ma’ erba’ lampi oħra tal-gass. Kien biss fl-1963, li d-dawl tal-elettriku ġie installat flok dawn il-lampi. Illum, hawn jittieħdu notamenti tat-temp u jiġi ċċekjat il-livell tat-tniġġis tal-arja madwar Malta. Għadu jeżisti r-reġistru tas-seklu dsatax li fih hemm in-notamenti mniżżla minn min kien jieħu ħsieb jagħti l-informazzjoni dwar it-temp.

ĠUVNA    Il-femminil ta’ ġuvni. Kelma li intużat fid-dramm, ‘Is-Saħta tal-Missier’ ta’ Ignazio Padovani Ginies, (1875). E.S.I. u J.A. ma jagħtuhiex. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-tieni volum, (ed. Marco Galea) p. 153: ‘[…] dina kienet għadha ġuvna fl-aħjar tagħha […]’.

gwiezxĠWIEŻ   1. Kull tip ta’ għalf li hu nutrittiv għall-annimali tal-irzizet, u oħrajn. Il-ġwież jista’ jkun ta’ diversi tipi, pereż., dak naturali bħall-qaraboċċ, qamħirrun, ċiċri, nuħħala, farru eċċ., u dak artifiċjali, maħdum qisu tappijiet jew f’boċċi żgħar (Ing. pellets). 2. Ikel li norm. jittiekel mal-ħobż. Fig. ngħidu, ‘Qiegħed fuq il-ġwież, ħej!’ – jiġ., qiegħed jiekol tajjeb u ma jonqsu xejn. ĠEWWEŻ   v. 1. Kiel b’mod li ma ħeliex l-ikel li kellu jiekol. 2. Jgħix bil-qis, b’mod li jnaqqas l-ispejjeż żejda. 3. v. Ipprova jnaqqas jew jaħbi l-ħtija ta’ xi ħadd mixli li għamel xi ħaġa ħażina. Ngħidu, ‘L-avukat ipprova jġewwiżha (għan-nom tal-akkużat) mal-maġistrat’. Ara: GĦALF.

 *         *        *

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*

Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*

L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S

T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*

 


Dan ix-xogħol hu bbażat fuq dawn it-tliet pubblikazzjonijiet li għadek issib
għal bejgħ:

                Bejn Kliem u Storja 

                Ara X’Int Tgħid

                Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja          Aa ARA X'INT TGHID.jpg       A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                     Paġni 256                                     Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95     Prezz Ewro 14.95          Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  Agħfas hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989).
* F.V.  Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese. 1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (DammaDAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).