p

*    *    Ċ  *    C  *    *   *    *
Ġ  *    *    GĦ  *    *    Ħ  *    *    *    *
*    *     *     O   *     P  *    Q  *    R *     S  
T  *     U  *     V  *    W  *     *     Ż  *    *
PAĊENZJA * PACEVILLE * PAĊI KULAĊI * PAĊOĊĊ / PAĊOĊĊJU / PAĊOQQ * PAĠELLA * PAĠĠATUR * PAĠĠI * PAGNA * PAJLIK * PAJPLI * PAKUTTILJA * PALADIN * PALAZZO FERRERIA * PALIK * PALJAZZA * PALJETT * PALJOL / PARJOL * PALJU * PALOMBA (ara: BALOMBA) * PAMPALUN * PANĊIERA *  PANEDISPANJA * PANEĠIERKU / PANIĠIERKU * PANEW * PANNEĠĠ * PANNELL * PANNIĊĊIERA * PANNIĠĠI * PAPABBLI * PAPA PIJU V * PAPPA * PAQQA * PARAFANGU * PARAKLITU * PARALUM * PARAMENT * PARANK * PARATA * PARATI * PARILJA * PARI PASSU * PARIT * PARKAN * PARLATORIO WHARF * PAROĊĊA (ara: OĊĊA) * PARRUKKIER * PARSOTT * PARTIĊELLA * PARTIKETTA * PARTIKOLA / PARTIKULA * PARTITURA * PASPARTUN * PASSAPERLA * PASSAR/A * PASSJU / PASSJO * PASTAFROLLA * PASTARDIN / BASTARDIN * PASTA RJALI * PASTAŻ * PASTIGA / PASTIEGA * PASTIZZOTT * PATAFJUN * PATAKKA * PATALOTT * PATATA * PATENTA / (I)PPATENTJAT * PATERNOSTER * PATIBOLU * PATTA PARA PATTA * PAVONAZZ * PAXÀ / BAXÀ * PAXXATORE * PEĊLUQ * PEDESTALL * PEDINA * PENDENT (ara: LUNETTA) * PENIT * PENNY ICE * PENTEKOSTE (ara: GĦID IL-ĦAMSIN) * PENTIMENT * PENZ * PEPÈ, TAL- * PERĊIMES * PERKAĊĊ * PERLINA * PERNIĊI * PERREĊ (ara: PERRIEĊA) * PERRIEĊA * PERSALDU * PESTA BUBONIKA * PETIT * PETRONILLA * PETTORAL * PIĊ * PIJUNIERI, IL-KORP TAL- * PIKE, IL- * PILANDRA * PILATU * PIPATA * PIROĊĊ * PIRWIEL * PISSIDI * PISTIN, SAJD TAL- * PITILBIERAĦ * PITKAL / PUTKAL / PITKALIJA * PITTMA * PIVJAL * PIXKA * PIXKAR * PIXKERIJA * PIXXIKALDA * PIXXLU * PIXULA *PIŻ * PIŻATUR * PIZU * PIZZIKAJJU * PIZZI PIZZI KANNA * PJANETA * PJANTUN * PJASTRUN * PJAZZANT * PJAZZIST * PJOTI * PLANĊIER / PJANĊIER * PLEJTU * PLIER * POLIPTIKU * POLJO * POLKA * POLLAKKA * POLVERISTA * POMP * POMSKIZILLIOUS * PONSJETTA / PONZJETTA * POPPA * PORKERIJA * PORPORINA * PORPRA * PORTA MARINA * PORTANTINA (ara: SUĠĠETTA) * PORTIKU * PORTOSALVO * PORTULAN * POSTULANT/A / POSTULATUR * POŻAPLATTI (ara: POŻATA) * POŻATA / PUŻATA / PUŻATI * PRAĊETT / PREĊETT / PRAĊETTI TAL-KNISJA * PRAMMATIKA * PRASPURA * PREBENDA * PREDELLA (ara: BRADELLA) * PREJVŻA * PREPOSTU / PROPOSTU * PREXXA * PRIM * PRIMOĠENITU / PRIMOĠENITURA * PRIMUSTRAT * PRINĊIPJANT * PRINJOLATA * PRINTES / APPRINTES * PRITKUNA * PRIŻA * PRODOMO * PROFANAT * PROSPETTIVA * PROTOMEDIKU * PROVENZATA *PROXEN * PRUNA * PTANZA * PUBBLIKAN * PUĊPIEĊA * PUFTA * PULENA * PULENTA * PULIKARJA * PULLAGRA (ara: GOTTA) * PULLAKKUN * PULPTU / POLPTU * PUMAKANNELLA * PUNIKU, PUNIKU * PUNKA * PUNTAL * PUNTELL * PUNTETTA * PUNTILJUŻ * PUPA TA’ MARSILJA * PUPILLA * PURFUM / PURFUMATUR * PURTANT * PURTATA * PUSTUMETTA * PUTATTIV / PUTATIV * PUTIFERJU * PUTIRJAL * PUTTARGA * PWALES *

 

PAĊENZJA  Waħda minn bosta logħbiet tal-karti li l-lagħbi jista jilgħab waħdu. Ing. Solitaire.

Paceville pauls punch bowlPACEVILLE   Din il-lokalità llum assoċjata mad-divertiment, taf l-oriġini tagħha fis-snin tletin tas-seklu għoxrin. L-aktar minħabba il-presenza tal-militar f’Pembroke u St Andrew’s, u l-karozzi tal-linja li kienu bdew jgħaqqdu aħjar lil San Ġiljan mal-Belt, bit-trasport tagħhom aktar frekwenti. Dan ħajjar lin-nies jersqu u jabitaw aktar ’il ġewwa mill-inħawi tal-bajja ta’ San Ġiljan, fejn dak iż-żmien kien għad hemm biss xi ftit djar tal-villeġġatura u xi kmamar tas-sajjieda madwar il-bajja. Ftit ’il fuq minn hemm, lejn San Ġorġ, kien għad hemm biss xi ftit ħwienet sempliċi tax-xorb iżolati għall-aħħar, li kienu jservu biss lis-suldati Ingliżi li kienu stazzjonati fil-barracks tal-madwar. Dak iż-żmien ċertu Giuseppe Pace, avukat u imprenditur kbir tal-bini, kien bena knisja żgħira u dar lill-Agostinjani. Din il-knisja kienet ikkonsagrata fl-1936 u ddedikata lill-Madonna tal-Parir it-Tajjeb (Tal-Buon Kunsill). Biż-żmien Pace kien tella’ aktar bini fl-inħawi li jagħtu għal fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ. Ganado jgħid li wara li l-Avukat Pace kien investa f’bosta bini f’Tas-Sliema, hu kien semma waħda mit-toroq ta’ hemm għalih. Biss, il-Gvern kien għoġbu li wara ċertu żmien ibiddel l-isem ta’ din it-triq b’isem ta’ Pace ieħor, u kien semmieha għall-Arċisqof Pace. Kien wara dan il-każ, jgħid Ganado, li dan l-imprenditur, meta kien qiegħed jibni bosta bini f’Paceville, iddeċieda li din id-darba jsemmi mhux biss triq, iżda l-inħawi kollha għalih. Din iż-żona ta’ bini sejħilha ‘l-Belt ta’ Pace’, jew aħjar Paceville. Il-knisja tal-Bon Kunsill li hemm illum kienet mibnija fl-1967 fuq stil modern. Madwar din il-knisja llum hemm belt kompluta, l-aktar bil-lukandi, appartamenti moderni u stabbilimenti tad-divertiment tant imfittxija mill-Maltin, l-aktar dawk żgħażagħ u t-turisti. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, pp. 186-192; www.agostinjani.org/komunitajiet/paceville.

PAĊI KULAĊI   Meta żewġt itfal miġġildin kienu jagħmlu paċi, dawn kienu jersqu lejn xulxin, imattru subagħhom iż-żgħir lejn is-saba’ ż-żgħir ta’ seħibhom u jgħaqqduhom wieħed ma’ tal-ieħor waqt li jgħidu din il-frażi:

                Paċi kulaċi
                Il-Madonna fuq rasi
                Kristu jaħbini
                U l-Madonna ssibni
                Kristu fuq l-artal
                Qed ibierek lit-tfal żgħar.

Il-kelma ‘kulaċi’ ma tinftehimx, biss Erin Serracino Inglott, f’Il-Miklem Malti, jgħid li din tista’ tkun ġejja mill-Isqalli coi lacci, li tirriferi għall-irbit taż-żewġt iswaba’ ma’ xulxin.

PAĊIKK     Isem ieħor għal Paċifiku.  F’taqbila li tingħad mit-tfal insibu din:

                Wieħed, tnejn, tlieta
                Paċikk qabeż mit-tieqa.

PAĊOĊĊ / PAĊOĊĊJU / PAĊOQQ   Bniedem ta’ bla ħila u li mhu tajjeb għal xejn. Bniedem li joqgħod għal kollox. Tal. bagiogio; bacioccio; pacioccione – M. bniedem bla saħħa; bniedem baħnan.

PAĠĠATUR      Kuritur. Sors V. B. (1900).

PAĠELLA     1. Awtorità li l-Vigarju Ġenerali jagħti bil-miktub; speċi ta’ ċertifikat mgħoti lill-qassisin biex ikunu jistgħu jqaddsu, jippritkaw u jamministraw is-sagrament tal-qrar.  2. Ktieb li fih ikun hemm miktuba ir-regoli għal dawk li jidħlu membri f’xi soċjetà.  3. Rapport fuq l-istat tal-progress tax-xogħol jew studju.  4.  Is. xj. Pagellus. Ħuta  li tgħix f’qiegħ il-baħar. Tal. Pagello. Ing. Common Sea Bream.

pagell mta

PAĠĠI   Tfal jew żgħażagħ li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet u jagħtu s-servizz tagħhom lil xi dinjitarju. Eż. Il-Gran Mastru kellu l-paġġi tiegħu jservuh fil-Palazz. Dawn ħafna drabi kienu jkunu l-istess novizzi li jibdew l-karriera tagħhom mal-Ordni f’età żagħżugħa biex eventwalment isiru Kavallieri.  Eż. ta’ dan insemmu lill-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch, li kien beda l-karriera tiegħu mal-Ordni bħala paġġ. Waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastru, hi msejħa s-Sala tal-Paġġi, għaliex kien il-lok fejn il-paġġi jistennew, dejjem lesti biex iservu lill-Gran Mastru meta jkunu msejħa. Il-paġġi kienu alloġġjati f’binja li kienett tinsab f’kantuniera bejn Triq ir-Repubblika u Triq it-Teatru L-Antik. Fis-sens aktar modern, il-paġġ jista’ jkun dak it-tifel li jżomm il-kuda lill-għarusa jew l-ingwanti lil xi dinjitarju.

PAGNA     Borma ċatta tal-fuħħar li wieħed issajjar fiha. Taġen fond daqs 2 – 3 ċm. Sqal. bagana – vaso di terracotta per conserve.

PAGUNAZZ   1. Kulur li jagħti lejn il-vjola jew kulur il-brunġiel. Kulur ir-rix vjola tal-pagun.  2. Ġilju ta’ lewn li jagħti fil-vjola.

PAJLIK   Idj:   ‘Qisu ras Pajlik’. – Rif. għal min għandu xagħar imqanfed, jew wiċċ iswed jew ikrah. Il-Pajlik kien laqam ta’ ċertu Ġużeppi Camilleri, Għawdxi, li fl-1806 kien qatel qassis, ċertu Dun Alwiġ Decelis min-Naxxar. Camilleri u tlett irġiel oħra kienu daħlu fid-dar ta’ Dun Alwiġ biex jisirquh. Huma u jwettqu s-serqa Dun Alwiġ induna bihom u dan spiċċa maqtul fgat b’ħabel imdawwar ma’ għonqu. Dawn l-erbat irġiel inqabdu u kienu kollha misjuba ħatja u ssentenzjati għall-mewt bit-tgħalliq. Tnejn minn dawn kellhom is-sentenza mibdula f’għomorhom il-ħabs, waqt li Camilleri u l-persuna l-oħra kienu mgħallqa fuq il-forka l-Furjana. Camilleri li kien meqjus bħala l-perċimes li ppjana din is-serqa, wara l-eżekuzzjoni inqatgħetlu rasu u din tqiegħdet fuq kolonna, fit-triq ta’ fejn kien sar id-delitt fin-Naxxar. Dan sar biex l-awtoritajiet tal-pajjiż jagħtu twiddiba lill-poplu li min iwettaq delitt bħal dan kien ser ikun ikkastigat bl-ikrah. Ara: Ngħiduha kif Inhi ta’ Muscat Azzopardi;  Delitti Maltin – 1800 – 2000, ta’ Edward Attard, pp. 305-308.

pajpliKaolinUSGOVPAJPLI      Kulur li jsir mit-tafal abjad (white clay jew kaolin) biex jinżebagħ iż-żarbun b’kulur bajdani. It-tfal kienu jilbsu ż-żraben bojod imnaddfin bil-pajpli biex jattendu l-Ewwel Tqarbina tal-preċett. Kien jintuża ħafna mill-militar u n-Navy Ingliża biex jitnaddfu u jinżebgħu l-gaiters li jżommu t-truf tal-qliezi magħfusin mal-għekiesi, u ċ-ċintorini li kienu jkunu tal-ġild jew tad-drapp abjad. Ing. pipe clay.

PAKKETTIST    Bniedem li jagħmel il-bużulotti buffu jew ċajtier, anki fil-mod ta’ kif jimxi u jiżżegleg. Sors: E.S.I.

PAKUTTILJA    Merkanzija li tkun tilfet il-valur tagħha. Oġġetti mgezza bl-addoċċ biex jinbiegħu bl-irħis jew bl-ingrossa. TAL-PAKUTTILJA  Xi ħaġa tal-ħabba gozz; sar pakuttilja – jiġ., tqaddem u sar bla siwi. Ngħidu, ‘dak ix-xogħol li sar tal-pakkuttilja’ jiġ., xogħol ta’ ĦORROX BORROX.

PALADIN    Bniedem mibni sabiħ. Oriġ. il-paladin kien wieħed minn bosta kavallieri li jservu r-Re Karlu Manju (Imperatur: 768 – 813 W.K.). Fig. bniedem li jagħmilha ta’ protettur billi jiddefendi lil xi ħadd kemm fiżikament, jew xi kawża mingħajr biża’ ta’ xejn. Idj: i.) ‘Kemm hu raġel twil u sabiħ, qisu paladin’. Idj: ii.)  ‘Dak il-paladin tal-partit’.  Tal.  paladino.

Palazzo Ferreria G_6334PALAZZO FERRERIA   Binja li ttellgħet fi Triq ir-Repubblika fis-snin sebgħin tas-seklu dsatax. Skont Temi Zammit, meta fl-1873 it-Teatru Rjal kien inqered aċċidentalment bin-nar, malajr bdew jinġabru l-fondi biex jerġa’ jinbena mill-ġdid. Biex sar dan, il-Gvern kien biegħ il-bini l-qadim ta’ quddiem it-teatru, magħruf bħala l-Ferreria, lil ċertu Buttigieg, li mbagħad waqqgħu biex minfloku bena bosta djar fi blokk bini b’faċċata maestuża. Il-binja baqgħet magħrufa bħala Palazzo Ferreria, għaliex qabel din il-binja kien hemm il-ferreria tal-Ordni, jiġ., l-post fejn kienu jinħadmu jew jissewwew l-armi tal-gwerra jew oġġetti oħra tal-metall. Dan il-bini fl-antik kellu isem ieħor ukoll, u dan kien Il Fianco. Mhux magħruf eżattament għaliex kellu dan l-isem. Biss, anki t-triq li llum hi magħrufa bħala Triq l-Ordinanza, dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Strada del Fianco. Il-faċċata tal-binja kienet iddisinjata mill-perit Giuseppe Bonavia. Din tispikka bl-istil arkitettoniku eleganti, Venezjan tagħha bħala waħda mill-isbaħ faċċati li hemm fi Triq ir-Repubblika. Ara: 5,000 Years of Architecture in Malta, pp. 233, 234, 309.   

PALIK   Zokk żgħir daqs saba’ u rqajjaq immens bħal sulfarina ġejja għall-ponta, li jintuża biex bih wieħed iniggeż iż-żebbuġ jew ikel ieħor żgħir biex jinġabar mill-platt. Stikkadenti. Idj. baqa’ bil-palik – jiġ., baqa’ bir-riħa; baqa’ b’xiber imnieħer. Sors ieħor: M.A.V. Sqal. palicu – M. għadma jew laqxa li tintuża biex tnaddaf bejn is-snien. (D.) nettadenti.

PALJAZZA   1. Biċċa drapp jew ċarruta biex taħsel, timsaħ u tixxotta biha. 2. Fig. Bniedem mitluq jew inkella seftur ta’ xi ħadd. Ngħidu, ‘jiena m’inix il-paljazza tiegħek’. Qawl: Għal kull razza hemm paljazza.  Tal. Paliacca – Sq. Pagghiazza – M. tiben ta’ kwalità inferjuri li kien jintuża biex jikinsu bih.

paljett9PALJETT      1. Parabord jew fender. Tip ta’ basket twil u żenguli magħmul minn kobba ta’ stoppa u ħbula marbutin u mdendlin mal-ġenb ta’ opra tal-baħar. (Illum il-paljetti huma magħmulin ħafna drabi mil-lastku). Il-paljett iservi biex jipproteġi l-opramorta tal-lanċa jew bastiment żgħir minn xi ħsara meta dawn jittrakkaw  mal-moll.  2. Tapit tat-titben. Fig. appel. għal xi ħadd li jkun ordnat minn ħaddieħor biex jagħmel ix-xogħol iebes kollu hu. Ngħidu, ‘jien ma nħalli l-ħadd jagħmilni l-paljett tiegħu’. Tal. paglietto – M. Parabord jew fender. 

PALJOL / PARJOL / TAVLAMENT   Tavla jew  sett ta’ twavel li jitpoġġew fil-qiegħ tad-dgħajsa, frejgatina, eċċ. Dan jitqiegħed apposta fuq il-majjieri biex joħloq livell wieħed ċatt u komdu għal-barklor biex jimxi fuqu, u fl-istess ħin jipproteġi l-qiegħ tad-dgħajsa. Ara:  OPRI TAL-BAĦAR. 

paljuPALJU     1. Tip ta’ bandiera jew standard magħmul mill-ħarir jew mid-damask li jingħata bħala premju lir-rebbieħa tat-tiġrijiet tal-bhejjem, pereż. fl-Imnarja, jew inkella lir-rebbieħa fir-Regatta tat-8 ta’ Settembru jew dik tal-31 ta’ Marzu. Idj: ‘ma ħax palju miegħu – jiġ., fl-argument li kellu ma ħax raġun.  2. Imrewħa tal-irġiel magħmulha mit-tiben infilsat waħda f’oħra forma ta’ gradilja u li jkun imqabbad mal-manku tal-injam.  Tal. Paglia, tiben.    

PALOMBA       Ara:   BALOMBA.     

PAMPALUN    1. Wieħed li jippretendiha.  2. Rebbieħ. Kelma x’aktarx ta’ oriġ. Veneziana Pampalugo – Persona sciocca, vuota, di scarsa levatura. Jista’ jkun ukoll appel. Sqal. pampanuni – M. Wieħed li juri li jaf aktar minn ħaddieħor.  Sors: J.A. u E.S.I.

PANĊIERA  Materjal tal-lastku li tintuża biex tiddawwar maż-żaqq norm. biex iżżomm ż-żaqq ‘il ġewwa jew id-dahar f’pożizzjoni dritta u soda biex jitnaqqas l-uġiegħ. Kurkett. Hawn panċieri li jitlibbsu lil bhejjem biex dawn ma tiddendilhomx żaqqhom ‘l isfel. Ing. body-belt jew corset.

panedispanja xxPANEDISPANJA  Tip ta’ kejk magħmul mid-dqiq zokkor, bajd, lamtu u ilma, b’konsistenza ħafifa ratba għall-aħħar u ħelwa fit-togħma. Ġieli ir-riċetta tal-panedispanja tinkludi wkoll vanilla u ġulepp. Minħabba l-konsistenza u d-dehra ta’ dan il-kejk ħafif, miżgħud qisu bil-pori, dan beda jissejjaħ bit-Taljan pane / pan di spugna, li t-Taljani stess qalbu għal pan di Spagna. L-Ingliżi żammew mal-etimoloġija tal-kelma u fil-fatt isejħulu sponge cake. Fil-fatt dan il-kejk jista’ jixxebbah ma’ sponża, li hi kreatura tal-baħar b’ħafna pori. L-ispanġ isservi bħala bażi għal diversi tipi ta’ kejkijiet, eż. s-Swiss roll jew panettone.

PANEĠIERKU / PANIĠIERKU   1. Diskors li ċ-ċelebrant jagħmel f’okkażjoni liturġika festiva fejn il-paneġirist jagħmel eloġju lill-qaddis li jkun iċċelebrat. PANEĠIRIST   Fl-antik kienu jinġiebu minn barra qassisin jew patrijiet oraturi ta’ fama biex jagħmlu l-paneġierku. 2. Fig. diskors twil, u li jgħajjik minn xi ħadd li jrid jgħaddi messaġġ jew tagħlima. Idj: ‘Għamillu paneġierku sħiħ’. Tal. Panigerico oriġ. Gr. pan (kollox) agyris (poplu). Espr. Wara l-vanġelu jintiseġ il-paneġierku. Tal. Panigerico oriġ. Gr. pan (kollox) agyris (poplu). Ngħidu, ‘wara l-vanġelu jintiseġ il-paneġirku’.

pannew.jpg

PANEW   Dekorazzjoni b’disinn kwadru fl-injam bħal ma naraw fuq l-għamara, jew kaxxi skulturati fis-saqaf ta’ knisja, jew sala. F’Malta hawn ħafna binjiet fejn is-saqaf hu ddekorat f’dan ix-xogħol. Jidher li dan l-istil dekorattiv kien beda jkun applikat f’Malta mit-tieni nofs tas-seklu sittax. Eżempju ta’ dan ix-xogħol jidher fl-entratura oriġinali tal-Berġa tal-Italja, kif ukoll fil-binja tal-Berġa ta’ Franza, fil-Birgu. Dan il-lavur jinsab ukoll fil-kappella ż-żgħira ta’ Sant’Anna fil-Forti Sant’Iermu. It-terminu panew x’aktarx ittieħdet minn PANNELL, jiġ., dak id-drapp rettangolari li jitqiegħed taħt is-sarġ fuq dahar iż-żiemel. Ing. coffering.

PANJOTTA   L-ikel / l-ikla ta’ kuljum. Ngħidu, ‘dak jagħmel għall-panjotta’, rif. għal xi ħadd li jħabrek biex jaqla’ l-għixien ta’ kuljum. Etim. Tal. pagnotta, piccolo pane.

PANNEĠĠ    (pl. panneġġi jew panniġġi.)  Il-mod kif tqassam il-piegi ta’ xi drapp fuq il-purtiera jew fuq il-ħwejjeġ. Tal.  pannegiamento. Ing. pleat.

PANNELL    1. Drapp aktarx tal-KOTNINA meħjut apposta mis-sellar, li jitqiegħed fuq dahar il-bhima biex din ma tinselaħx mis-sella.  Sqal. Panneddu.

panniceraPANNIĊĊIERA    Rixa dekorattiva li kienet titqiegħed fuq l-elmu (muntiera) tas-suldati. Tip ta’ rix bħal dan jitqiegħed bħala żina anki fuq ras iż-żwiemel; eż., panniċċiera sewda tmur fuq l-irjus taż-żwiemel li jġorru l-karru tal-mejtin, u bajda fuq dawk li jġorru il-karozzella tal-għarajjes.  Tal. pennacchio.

PANNIĠĠI    1. Drapp. 2. Fit-teatru dan hu rif. għall-ispazju fuq il-proscenium. Tal. panneggio.

PANNIZZA  / PANNOZZU      Ħbejża, bannozzu. Sors: E.S.I. Ara: BANNI BANNOZZU.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAPAPA PIJU V (1566-1572)     Fost il-papiet kollha tal-Knisja Kattolika, dan hu l-aktar Papa li jispikka fir-relazzjonijiet tiegħu bejn il-Vatikan u l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta. Wara l-assedju tat-Torok, tal-1565, Il-Papa Piju V għen finanzjarjament biex il-Gran Mastru seta’ jibni l-Belt Valletta. Il-Papa kien ukoll bagħat lill-inġinier militari tiegħu, Francesco Laparelli, biex jiddisinja u jibda x-xogħol ta’ din il-belt. Apparti minn hekk, il-Papa Piju V jibqa’ magħruf għax-xogħol fejjiedi tiegħu biex jippromwovi d-deċiżjonijiet li kienu ttieħdu fil-Konċilju ta’ Trento, u biex ixandar mad-dinja kollha t-twemmin Nisrani skont ir-regoli l-OLYMPUS DIGITAL CAMERAġodda tal-Knisja Kattolika Rumana. Fl-1570, dan il-Papa ddikjara bħala domma l-Kunċizzjoni tal-Madonna. Il-Papa Piju V kkonvinċa diversi qawwiet militari biex jiffurmaw ‘il-Lega Qaddisa’, biex din teħodha kontra l-qawwa navali Ottomana. Fost dawn kien hemm il-flotta tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-Papa interpreta r-rebħa ta’ din il-battalja famuża bħala riżultat tal-interċessjoni mill-Madonna, u għaldaqstant iddikjara s-7 ta’ Ottubru jum il-festa tal-Madonna tal-Vitorja. F’Malta din il-festa hi magħrufa bħala l-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Il-Papa Piju V kien iddikjarat qaddis fl-24 ta’ Mejju 1712. Fl-1892, id-Dumnikani tal-Belt kienu qiegħdu bust tal-Papa Piju V fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ Putirjal. Ix-xogħol ta’ dan il-bust kien tal-iskultur Giuseppe Valenti. Fil-festa ta’ San Duminku tal-Belt tittella’ statwa bi tliet figuri fuq il-kolonna quddiem il-Qorti. Dawn il-figuri jirrapreżentaw il-Papa Piju V li qiegħed joffri l-għajnuna tiegħu lill-Gran Mastru de Valette. Ħdejhom hemm figura ta’ patri Dumnikan li qiegħed juri d-dikjarazzjoni tal-Papa li biha kien ta l-kunsens tiegħu biex fl-1571 id-Dumnikani jwaqqfu l-parroċċa tagħhom fil-Belt.

PAPABBLI   Appel. għal xi dinjitarju tal-Knisja, eż., isqof jew kardinal li jkollu fih il-kwalitajiet ta’ qdusija u l-kapaċitajiet amministrattivi, li jappella għall-approvazzjoni tal-kardinali eletturi biex dawn jivvutawlu ħalli jilħaq Papa tal-Knisja Kattolika.

PAPPA    Kelma li tingħad lit-tfal u li tfisser, ħobż. Idj: i.)  ‘L-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa’ –  l-ewwel il-ħobża ta’ kuljum (l-għixien – id-dħul finanzjarju), imbagħad id-divertiment. Idj: ii.) ‘Dak ipappiha sew’ – tingħad għal dik il-persuna li kapaċi taqla’ flusha minn xi mkien jew ieħor bla inkwiet ta’ xejn.  Tal. pappa, ikel tat-tfal.

PAQQA    Kelma oħra li kienet tingħad lit-tfal u li tfisser karozza. Ngħidu, ‘ara ġejja l-paqqa’.  X’aktarx il-kelma hi onom. mal-ħoss tal-ħorn tal-karozza.

PARAFANGU    Il-parti ta’ quddiem tal-karozza li sservi ta’ lqugħ kontra t-tajn waqt is-sewqan.

PARAKLITU  L-Ispirtu s-Santu. Ngħidu,  ‘imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu’ – invokazzjoni li tingħad wara l-barka sagramentali. Etim. Tal. paraclito, Lat. dativ jew ablativ: paraclitus, jiġ., d-difensur jew l-interċessur.

PARALUM     V. Busuttil (1900) jittraduċi din il-kelma bħala lamp shade.

PARAMENT   1. Dekorazzjoni fil-ħjata fuq drapp li jitqiegħed fuq l-altar, jew inkella fuq l-ilbies tas-saċerdoti jew dinjitarji tal-Knisja. 2. Kull tip ta’ ħwejjeġ iddekorat b’xogħol ta’ rakkmu bid-deheb jew disinji li jintlibsu għal xi ċerimonja reliġjuża.  Tal. paramenti.     

PARANK    Sistema ta’ ħbula marbutin ma’ taljola u buzzelli biex ikunu elevati kull tipi ta’ oġġetti, bħal fil-kostruzzjoni jew f’xogħol ieħor. Ngħidu biex inwaqqgħu għaż-żufjett, ‘dak biex iqum għandu bżonn parank’ – tingħad għal xi ħadd li jkun ta’ toqol esaġerat, jew xi ħadd li għax komdu jew għażżien isibha bi tqila biex iqum minn fejn qiegħed bilqiegħda. Tal. Paranco. Ing. block and tackle system.      

parank59.JPG

parat 2705 - Copy.jpgPARAT   1. Injama rettangolari bħal serattizz żgħir  li tindiliek bix-xaħam biex fuqha titmexxa d-dgħajsa meta tkun varata fil-baħar jew inkella meta tittellha l-art. 2. Biċċa ħadida li titwaħħal wara r-roti tal-karettun biex meta jkun hemm bżonn l-aktar f’xi niżla, sid il-karettun jħaxkanha mar-rota biex din ma ddurx aktar jew inkella tnaqqas milli ddur u b’hekk il-bhima jkollha tieqaf.

PARATA  Iż-żifna tradizzjonali li biha jiftaħ il-Karnival. Il-Karnival kien jiftaħ b’din iż-żifna s-Sibt u ma kien isir xejn iżjed qabel il-Ħadd meta jibda l-Karnival proprju. L-isem il-Parata ġej mit-Taljan, parare, li jfisser, tfendi minn xi daqqa billi timblokkaha. Il-parata kienet speċi ta’ eżerċizzju fil-ġlied bix-xwabel, bħal meta wieħed jilqa’ bix-xabla d-daqqa tal-avversarju. Fil-fatt iż-żifna hi bbażata fuq dawn il-movimenti. Tal. parare, tilqa’ u tipproteġi. (Ing. to ward off and repel.

parata kav u torok - Copy

PARI  PASSU    Il-kwistjoni tal-priorità tal-ilsna f’Malta bdiet fl-1884, meta l-Kummissjoni Keenan kienet għamlet rapport fuq is-sitwazzjoni tal-edukazzjoni f’Malta. Din il-Kummissjoni kienet irrikmandat, li fl-iskejjel kellhom jkunu mgħallma l-Ingliż u t-Taljan b’importanza ugwali. Din kienet ix-xrara li kebbset in-nar u li ġiegħlet il-politiċi Maltin ta’ dak iż-żmien jinqasmu f’żewġ fazzjonijiet opposti, wieħed li kien fav ur ir-riforma u l-ieħor kontra. Partit minnhom beda jissejjaħ il-Partito Riformista, u l-ieħor l-Anti riformista. Sa dak iż-żmien, il-lingwa Taljana kienet il-pedament li fuqu l-edukazzjoni f’Malta kienet ibbażata. It-Taljan kien ukoll il-lingwa tal-qrati u tal-kleru. L-Ingliż, mill-banda l-oħra, kien iservi bħala l-lingwa tal-militar u tal-amministrazzjoni Ingliża. Il-kwistjoni tal-lingwa damet tkaxkar għall-għexieren ta’ snin, sakemm finalment, is-sitwazzjoni politika fis-snin tletin, ġiegħlet il-Gvern Ingliż ineħħi t-Taljan minn ilsin uffiċjali. Minnflok fl-1935, l-ilsien Malti ntagħżel biex ikun l-ilsien uffiċjali flimkien ma’ dak Ingliż. It-Tieni Gwerra Dinjija qatlet is-simpatija li l-Maltin kellhom għall-kultura Taljana. Fl-istess ħin il-lingwa Ingliża tkattret fil-popolarità tagħha, hekk kif f’daqqa waħda, ħafna riedu jitgħallmu l-Ingliż, l-aktar biex ikunu jistgħu jemigraw lejn il-Kanada u l-Awstralja. Ara: RIFORMISTI U ANTI-RIFERMOSTI.  Ara: Geoffrey Hull, The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism

PARILJA    Iż-żewġt iżwiemel li jsuqu l-karozzella flimkien. Fig. żewġ persuni li dejjem ikunu flimkien. Idj: ‘Dawk it-tnejn fihom parilja’. Tal. pariglia.

parit.jpgPARIT   Xibka tas-sajd li tista’ tkun twila bejn 1,000 u 5,000 m, li tintuża mis-sajjieda biex tinqabad kwantità kbira ta’ ħut f’daqqa. Din ix-xibka fil-fatt hi magħmula minn tlett ixbieki li jinżammu weqfin biex jaqbdu l-ħut bejniethom, waqt li ċ-ċimi jkunu stirati ’l fuq. Il-parit ikaxkar kull tip ta’ ħut tal-qiegħ li hu kbir biżżejjed li ma jisgiċċax mill-ħoloq tax-xibka. Oriġ. Tal. parete – M. jfisser ħajt. Ing. Triple drag net.

PARKAN    Drapp oriġ. magħmul mill-ġild tal-mogħża. Ċamlott. Norm. dan kien jintuża billi jitpoġġa fuq is-saqajn meta wieħed jivvjaġġaw fuq karozzella, biex ma jħossx il-bard. Tal. barracano. Sors. E.S.I. u Damma.

Parlatorio WharfIllustriousr.jpgPARLATORIO  WHARF   Il-moll fil-ponta ta’ Kordin viċin it-Tarzna u r-Red China Dock. Imsejjaħ hekk għax kien inbena mill-Ingliżi biex iservi ta’ moll u l-post fejn jimbarkaw u jiżbarkaw il-passiġġieri. F’dan il-każ dawn setgħu kienu s-suldati u baħrin tan-Navy. Il-kelma Parlatorio ġejja mill-Ingliż parlour, post fejn jilqa’ n-nies. Parlatorio Wharf kien jintuża fi żmien l-Ingliżi biex jittrakkaw il-bastimenti navali għat-tiswija. Dan il-moll jibqa’ jissemma l-aktar, għaliex fis-16 ta’ Jannar 1941, l-HMS Illustrious li kien sorġut miegħu kien attakkat b’qilla kbira mill-Luftwaffe. Bomba waħda biss laqtet ’il dan l-aircraft carrier. F’dan l-attakk saret ħafna ħsara fil-bini ta’ l-Isla u kienet anki ġġarfet il-Bażilika. F’dan l-istess attakk kienet ukoll milquta s-sagristija tal-knisja ta’ San Lawrenz tal-Birgu fejn kienu mietu aktar minn 30 ruħ.

PAROĊĊA     Ara: OĊĊA.

PARRINU      Protettur. 1. Fil-magħmudija u fil-griżma tal-isqof it-tifel jew tifla jkollhom il-parrinu tagħhom li fiċ-ċerimonja ikun stabbilit li ser jagħmilha ta’ protettur spiritwali ta’ min qed jirċievi s-sagrament. 2. Is-sekond. Ix-xhud jew protettur meta tnejn ikunu ser jagħmlu dwell.

barbierPARRUKKIER   Kelma li fl-antik kienet tirriferi mhux biss għall-barbier iżda wkoll għall-istess persuna li kien ibigħ il-parrokki. B’hekk din il-kelma ġejja minn pelluchiere, jiġ., dak li jinnegozja fil-parrokki. G. B. Falzon (1845) jgħid li fi żmienu l-parrukkier kien ukoll iqaxxar il-leħja. Ara: ‘Of Barbers, Barber-surgeons… and a Maltese canzonetta’ ta’ Anna Borg Cardona, Treasures of Malta, n. 53, Easter 2012, Vol. XVIII n. 2.

PARSOTT    Tin iswed jew vjola li jimmatura f’Awwissu u Settembru. Dan jikber f’diversi pajjiżi Mediterranji. Minħabba l-pronunċja ta’ dan l-isem, li tixbah lill-isem ta’ Jean Parisot de Valette, kien hemm diċerija popolari li tgħid li din il-frotta introduċiha f’Malta il-Gran Mastru de Valette. Dan mhu veru xejn. Il-fatt hu li l-kelma parsott x’aktarx ġejja minn waħda minn dawn l-ismijiet: Fr. Bourgeassotte, Barnisotte  jew burjassote negra. Bl-Ispanjol din il-frotta hi magħrufa wkoll bħala figueres del països catalans.

PARTIĊELLA    Parti żgħira jew sekondarja li kantant jingħata biex ikanta f’opra. Tal. particella – dik il-parti tal-mużika f’kompożizzjoni miktuba fuq paġna għaliha, apposta għall-vuċijiet biss.  

PARTIKETTA     Waħda minn żewġ twavel twal mwaħħla mintulhom fuq kull naħa max-xifer tal-opra tal-baħar ’l fuq mill-BUQ. L-iskop tal-partiketta hu li tilqa’ kontra l-mewġ. Ing. bulwark. Mit-Tal. pertichetta li tfisser ħaġa oħra, toqba fl-injam jew fil-ħajt dik li bl-Ing. jgħidulha, porthole).

PARTITURA   Il-mużika li tinkiteb biex il-mużiċisti jkunu jistgħu jistudjawha u jaqrawha huma u jdoqqu l-istrument. Il-partituri jkunu miktubin b’mod differenti, skont it-taqsima tal-istrumenti li jridu jindaqqu matul id-daqq tal-kompożizzjoni.

PARTIKOLA / PARTIKULA   Nom ieħor għall-ostja ta’ daqs żgħir. Ng]idu, ‘fil-pissidi hemm daqs għoxrin partikula’. Din il-kelma tintuża aktar f’dan is-sens flok, ‘Kien hemm għoxrin ostja.’ Tal. particola – ostja jew kwalunkwe parti mill-ostja li tkun kkonsagrata.

PASPAR      Ara:  PRASPURA

PASPARTUN    Il-kartuna li  tintuża bħala burdura biex jitwaħħal ir-ritratt fuqha minn quddiem jew magħha minn wara jekk din tkun maqtugħa min-nofs. Fr. passe-par-tout – M. jgħaddi minn kullimkien.

PASSAPERLA   Wajer irqiq.  Tal. passa + perla – oġġett minn fejn tgħaddi ż-żibġa tal-perla. Għaldaqstant, din il-kelma nħolqot oriġ. biex tirriferi għall-ħajta li tkun qed iżżomm l-oġġetti żgħar dekorattivi, bħal lewlu, jew oġġetti oħra mdamma.   

PASSAR/A      (D.) Wieħed jew waħda li jbassar il-futur. Minn bassar/a.

hadd il palmPASSJU / PASSJO   1. Il-Vanġelu li jinqara fil-quddiesa f’Ħadd il-Palm, fejn tkun irrakkuntata l-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu mill-bidu sal-aħħar. 2. Logħba tat-tfal li tintlagħab l-aktar mill-bniet. Il-lagħba jiddisinjaw disa’ kaxxi fl-art kull waħda nnumerata. Waħda wara l-oħra t-tfal jibdew il-logħba billi jitfgħu ċagħka fl-ewwel kaxxa u pront jaqbżu fiha. Jiġbru ċ-ċagħka u jitfugħa fil-kaxxa li jmiss. L-istess jagħmlu meta jaslu fit-tieni kaxxa, jerfgħu iċ-ċaqgħka minnha u jitfgħuha fil-kaxxa numru tileta. Il-logħba tibqa’ sejra hekk sakemm kull tifel jew tifla jkunu tefgħu iċ-ċagħka tagħhom fl-aħħar kaxxa u qabżu minn kaxxa għall-oħra. Jirbaħ minn jagħmel l-inqas żbalji meta jgara ċ-ċagħka fil-kaxxi. Hawn minn jgħid li dawn id-disa’ kaxxi jissimbolizzaw id-disa’ xhur tat-tqala. Sqal. palasu. Ing. Hopscotch.

passjuh

Pasta RjaliePASTA  RJALI   Tip ta’ ħelu magħmul mil-lewż mitħun u mħallat biz-zokkor. Fi Sqallija dan hu ħelu tradizzjonali u popolari ħafna. Hemm jissejjaħ ukoll frutta reale, jew inkella pasta Martorana. Dan il-ħelu jkun maħdum f’ħafna forom, u jista’ jixbah fis-sura tiegħu lill-frott jew oġġetti oħrajn. Jingħad li dan il-ħelu kienu jaħdmuh is-sorijiet fil-knisja tal-Martorana, Palermo, fejn imbagħad kienu jdendluh mas-siġar biex jixxebbah mal-frott. Dan it-tip ta’ ħelu kien isir ħafna drabi meta l-lewż ikun nixef sew, jiġ., għall-ħabta ta’ Ottubru. Ing. almond paste. Tal. frutta jew pasta reale. Ara: INTRITA u MARZIPAN.  Ara: http://www.bestofsicily.com/mag/art398.htm                                                      

PASTAFROLLA   Din hi rif. għall-għaġina magħmula b’taħlita ta’ dqiq, butir, xaħam, zokkor u bajd, ippreparata għat-torot ħelwin, eż., torta tal-lewż jew tal-irkotta ħelwa. Ing. short pastry.

Fotograf: André Wagenzik, Michael DollendorfPASTARDIN / BASTARDIN     Bastarda. Strument li jixbah il-vjola. Dan it-tip ta’ vjolin b’sitt kordi kien jindaqq fis-seklu sittax u sbatax, u kien popolari l-aktar fl-Ingilterra u fl-Italja. Biż-żmien dan beda jkun imwarrab għax minfloku bdew jinħadmu u jindaqqu strumenti tal-vjolin b’ħoss aktar fin. Għaldaqstant il-pastardin beda jindaqq biss bħala akkumpanjatur u biż-żmien dan l-istrument ma baqax jindaqq ħlief minn xi mużiċisti tat-toroq.

PASTAŻ   1. Fakkin jew ħamallu.  Sqal. vastasu, portatore. Qawl: Min jerfa’ qofftu mhux pastaż – jiġ., li biċċa xogħol ta’ darba u personali ma tirriflettix il-mistier tal-persuna li qiegħed jagħmilha. Din l-idjoma tfisser ukoll, li minn jagħmel dmiru anki jekk hu xogħol manwali, ma għandux għax jistħi. V. Busuttil (1900) jgħid li din il-kelma kienet tirriferi għal xi ħadd vulgari u maledukat. Ara: ĦAMALLU.  2. Travu barrani li jitqiegħed taħt travi oħrajn li jkunu qegħdin iżommu x-xorok minn taħt.  Ara: ĠEJŻA.  

pastiga1.jpgPASTIGA  / PASTIEGA    Xorta ta’ buzzell jew tarjola li tintuża biex magħha jdur ħabel li jerfa’ t-toqol, jew li jissikka l-qala’. Dan it-tip ta’ buzzell kien jintuża fuq ix-xwieni kif ukoll fil-kostruzzjoni tal-bini bħala parti mill-parank. Il-pastiga tintuża wkoll bħala tarjola li tiddendel minn krejn.   Ing.  Snatch block.  Ara: PARANK.  

PASTIZZOTT   Tip ta’ pastizz żgħir mimli bil-kunserva li jisserva fir-riċeviment. Fig. appel. li bih ikun mgħajjar xi ħadd li mhux kapaċi jagħmel xogħlu tajjeb, jew inkella wieħed li joqgħod għal kollox. Ngħidu, ‘dak it-tifel qisu pastizzott’.

PATAFJUN   Kwantità kbira jew żejda ta’ affarijiet, eż. karti jew kliem. Ngħidu, ‘Fl-uffiċju sibt patafjun karti quddiemi’. Tal. pataffione, persuna solenni u mqita.  

Ppatakka211.jpgATAKKA    Munita tar-ram Spanjola li kienet tintuża f’diversi pajjiżi, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq, fis-sekli sittax u sbatax. Din kienet tiswa erba’ rbgħajja. – jiġ., sitt soldi u tmien ħabbiet, jew 20 ħabba). V. Busuttil (1900), jsemmiha bħala waħda mill-muniti li kienu jiċċirkulaw fi żmienu. Ara:  FLUS ANTIKI. Biż-żmien, il-valur ta’ din il-munita naqas ħafna u isimha sar sinonimu ma’ oġġett li ma jiswa kważi xejn. Ngħidu, ‘dak il-bniedem (jew oġġett) ma jiswiex patakka’. Fid-Damma A. de S. jgħid li din il-munita kienet ukoll tistwa daqs erba’ rbgħajja, (E.S.I. jgħid li kienet issarraf daqs tliet tari jew tnax il-BAJJOKK, u fi żmien l-Ingliżi daqs ħames soldi). Tal. Patacca. Fr. Pataque; Sp. Pataca. Oriġ. din il-kelma x’aktarx ġejja mill-Għ. batakka.          

PATALOTT    1. Landa kbira taż-żebgħa. Landa li wara li tintuża itaqbulha -qiegħ biex fiha jqabbdu n-nar biex isaħħnu xi ħaġa jew oħra fuqha. Term. li jirriferi għal-landa ħafna drabi wżata, li fiha wieħed ipoġġi kull tip ta’ likwidu ġo fiha. 2. Dniedel li jiddendlu mat-tużell jew mal-umbrellun bażilikali. 3. Kappun tal-mozzetta. 4. Dekorazzjoni li tintuża mill-artisti f’partijiet tax-xogħol tagħhom. Tal. patalotto  jew padellotto li tfisser paddella grande – M. borma jew kontenitur kbir.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

PATATA  Dan il-prodott agrikolu li dam ħafna ma daħal f’Malta. Biss fi żmien bikri Ingliż jidher li l-patata bdiet titkabbar mhux ħażin. John Hennen, tabib Ingliż li ġie Malta fl-1921 biex jistudja is-saħħa tal-bniedem u kif din hi effetwata mill-ambjent tal-madwar, fir-rapport estensiv tiegħu, jgħid li l-patata kienet titkabar fi kwantità kbira, tant li kienet tissupplixxi r-reġimenti kollha Ingliżi stazzjonati f’Malta. Biss, jgħid li din ma kienetx ta’ kwalità tajba bħal dik ta’ l-Ingilterra. D. Miége (1941), fil-ktieb tiegħu, waqt li jagħti tant informazzjoni ddettaljata dwar l-agrikoltura f’Malta ta’ żmienu ma jsemmix dan il-prodott. Biss is-Società Economico Agraria, fl-1849 fil-Kalendarju li kienet tippubblika, kienet tirrikomanda li dan il-prodott għandu jinżera f’Jannar biex jinġabar fis-sajf. Jidher fis-seklu dsatax il-patata ma kienetx fost l-aktar prodotti li kienu jitkabbru mill-bdiewa għal ħafna snin, forsi għaliex il-bidwi kien għadu medhi bil-qoton li kien jirrendi aktar profitti. Fid-Dizzjunarju Malti – Ingliż, V. Busuttil, (1900) jinkludi din il-kelma u anki jagħti t-tifsira ewfemistika li għadna sal-lum ngħiduha biċ-ċajt: TINT, kelma oħra għal sorm!

PATENTA   1. Ċertifikat mill-awtorità tas-saħħa li turi li l-persuna hi b’saħħitha u mingħajr mard. Ċertifikat bħal dan kien ukoll ippreżentat mill-kaptani tal-bastimenti meta jaslu fil-port biex juru li l-port li żar l-aħħar ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ xi epidemija. (Tal. Patenta netta di sanità / patenta sporca. B’mod fig. ngħidu, ‘għandu l-patenta netta’ – jiġ., għandu l-kuxjenza safja.  2. Protezzjoni legali li tipproteġi d-drittijiet tal-ideatur ta’ xi invenzjoni. 3. Tebgħa fuq il-ħwejjeġ ta’ taħt.  IPPATENTJAT  Appel. li jirriferi għal xi ħaġa li hi ovvja, u ċara għal kulħadd. PATENTATI Nies li kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni u l-protezzjoni tal-Inkwiżitur. B’hekk l-ippatentati kienu protetti mill-ġurisdizzjoni kemm tal-Ordni kif ukoll tal-Isqof.

PATERNOSTER    1. Isem bil-Lat. għat-talba tal-Missierna.  2. L-ewwel daqq tal-qniepen ta’ filgħodu kmieni. Imsejħa hekk għaliex din it-talba tingħad meta fl-istess ħin idoqqu l-qniepen tal-ewwel quddiesa. Ngħidu, ‘qam mis-sodda mal-paternoster’.  Il-quddiesa tal-paternoster (jew tal-Awrora huma l-istess ħaġa). 

patibolu 2.pngPATIBOLU   Kelma oħra għall-forka. Tip ta’ palk li fuqu jintramaw l-attrezzi neċessarji biex issir l-esekuzzjoni, eż. bil-giljottina jew bit-tgħalliq.  Idj. i.) ‘Sofra l-patibolu’ – jiġ. miet bil-forka; idj. ii.) ‘Għandu wiċċ il-patibolu’ – għandu wiċċ ta’ qattiel. Il-forka kienet tintuża għall-eżekuzzjoni f‘Malta kemm fi żmien il-Kavallieri kif ukoll fi żmien l-Ingliżi. Fi żmien l-Ordni din kienet tintrama fuq in-naħa ta’ fejn hemm il-Forti Ricasoli, fil-bokka tal-Port il-Kbir. Dan il-post kien magħruf bħala Punta delle forche. Wara l-eżekuzzjoni l-iġsma kienu jitħallew imdendla għal bosta ġranet, apposta biex jidhru kemm min-naħa tal-Belt Valletta kif ukoll biex jarahom kull min ikun dieħel fuq xi bastiment fil-Port il-Kbir. Fi żmien l-Ingliżi, il-forka f’Malta kienet flimkien mal-fuċillazzjoni, il-mod l-aktar frekwenti tal-eżekuzzjoni. Għal bosta snin il-patibolu kien jintrama fil-pubbliku, l-aktar il-Furjana, fejn illum hemm il-Monument tal-Gwerra, u wara, fejn illum hemm il-grawnd tal-Indipendenza. Fil-fatt għad hawn min juża l-espressjoni: ‘dak imisshom jgħallquh fix-xagħra tal-Furjana’. Meta fis-sena 1880, inbena l-ħabs ta’ Kordin, it-tgħalliq baqa’ jsir fil-miftuħ barra l-ħabs. Imbagħad, wara ċertu żmien, it-tgħalliq beda jsir fiċ-ċimiterju tal-ħabs biex ikun fil-magħluq. Fi żmien l-Ingliżi l-patibolu ntuża għal 91 darba. Mal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fis-sena 1971, il-forka saret relitt tal-istorja tal-passat. Lat. patibulum – M. It-traversa tas-salib li l-ikkundanat kien imġiegħel iġorr fuq spalltu sal-post tal-kruċifissjoni. Ara:  Tifkiriet ta’ L- Imgħoddi ta’ Charles B. Spiteri. Kissing the Gallows, ta’ William Zammit.

PATTA PARA PATTA   Espr. li tirriferi għal xi azzjoni fejn aġir ipatti għall-ieħor. Ħaġa tpatti għal oħra.

PAVONAZZ      Kulur li jagħti fil-vjola. Sors: V.B. (1900).

PAXÀ / BAXÀ    Bniedem ta’ awtorità fl-Imperu Ottoman. Idj: Iħobb jagħmilha tal-Paxà – jew inkella: komdu qisu l-Paxà.  (Avverb) PAXXUT  Meta wieħed ikun komdu u mxaħxaħ.  Sqal. pasciri, pasciutu. Sqal.  Masciaturi li tfisser ambasciatore. Oriġ. etim.,  wieħed li jwassal il-bxara.

PAXXATORE   Kelma li tingħad f’rima tat-tfal iż-żgħar waqt logħba sempliċi. Il-paxxatore hu isem ieħor għall-ambaxxatur (Tal. ambasciatore). Ara: PAXÀ / BAXÀ. Ir-rimar jibda hekk:

Bumm bumm il-bieb, onġi onġi onġella
Bumm bumm il-bieb, onġi o kavallier
Min ġie? Min ġie? Min ġie? Onġi onġi, onġella
Ġie l-paxxatore, onġi onġi onġella
Ġie l-paxxatore, onġi, o kavallier
Xi jrid il-paxxatore, onġi onġi onġella
Xi jrid il-paxxatore, onġi onġi, o kavvalier
Irid tifla sabiħa, onġi onġi onġella
Irid tifla sabiħa, onġi o Kavallier

PEĊLUQ   (pl. pċielaq). Wieħed li jgħid ħafna u li jiżvela s-sigrieti ta’ ħaddieħor. Oriġ. il-kelma ħarġet minn żewġ kelmiet: peċpeċ u laqlaq. v. peċlaq. Sors: J.A. Laqam simili huwa: ‘fiswa’, biss dan hu xi ħadd li jikxef xi sigriet minn taħt.

PEDISTALL    Bażi li tista’ tkun magħmula minn diversi materjal, kemm ġebel kif ukoll injam, biex fuqha titqiegħed l-istatwa. Norm. dan it-terminu jirriferi għal basi tal-injam massiċċ u ddekorat li fuqu titqiegħed l-istatwa tal-qaddis fil-knejjes. Fuq il-pedistall tistrieħ il-BRADELLA, jiġ., dik il-parti fejn jidħlu l-lasti għar-reffiegħa meta l-istatwa tinġarr fil-purċissjoni. Fil-ġżejjer Maltin jeżistu bosta pedistalli ta’ xogħol artistiku fl-injam, iddekorati bi skultura u xogħol fl-interzjar. Flok pedistall hawn min jgħidlu BANKUN, waqt li hawn min b’pedistall ikun qed jirriferi għal dik il-parti aktar għolja ‘l fuq mill-bradella, li fuqha tistrieħ l-istatw. Din ġieli tkun magħmula mill-fidda jew deheb miżbugħ.

                pedistall strick SCN0827                  OLYMPUS DIGITAL CAMERA

 

PEDINA   1. Fil-logħob taċ-ċess, din hi biċċa tal-logħob li sservi ta’ ‘suldat’. F’logħob ieħor bħad-draughts jew ludo, din hi dak l-oġġett li l-lagħba jmexxu biex jieħdu vantaġġ fuq l-avversarju biex jirbħu l-logħba. Fixxa jew pjun, (Ing. pawn). Tal. pedina. 2. Idj: ‘Għaddielu pedina’ – għadda informazzjoni biex jagħmel il-ħsara lil xi ħadd. Din l-idjoma tista’ tkun ġejja mit-Tal., fedina penale – jiġ., ċertifikat tal-kondotta. Bit-Taljan jgħidu, avere la fedina pulita / sporca.  Sorsi: J.A. u E.S.I.

                 pedina ch                       pedina draughts piece

PEJTER   Qisu pejter, qisu ġabas. Bniedem mitluq, jew xi ħadd li jsibha bi tqila biex jitħarrek. Etim. dubjuża.

PEJXU  / PUXU    Isem ieħor għal qattus, li  kien jingħad mill-kbar meta jirreferu għalih mat-tfal. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Fejnu l-pejxu?’ jew ‘għajjatlu l-pejxu!’

PENDENT       AraLUNETTA 

PENIT / PINIT    Tip ta’ ħelu magħmul mid-dqiq, mix-xgħir u miz-zokkor. Isemmieħ A de S. bħala ħelu tajjeb għas-sola. Kelma li tintuża fil-frażi: ‘ħelu penit’ – jiġ., li l-oġġett tal-ikel hu bnin immens. Qawl: Kisra u basla f’dari aħjar mill-penit ta’ ġari. Fit-Taljan, hemm pennito, pasto / caramella di farina ed orzi e zucchero per la tosse. Ing. barley sugar. Il-Kalepin (1941) jagħti din it-tifsira: ħelu, tip ta’ / jew toffee.

penny icee2012PENNY ICE   Sa daqs ħamsin sena ilu, kont tista’ tixtri kubu (ċ. 2 ċm x 2ċm) tas-silġ, imħallat bit-trab togħma ta’ larinġ, frawli, minta, eċċ. Din kienu jsejħulha penny ice. Kont tixtriha mingħand il-ħwienet tal-ħelu biex tieħu gost tilaqgħa, u b’hekk għal ftit minuti ittaffi l-għatx u tgawdi t-togħma bnina waqt li tkessaħ ilsienek. Il-penny ice kien jippreparaha tal-ħanut stess billi jimla l-ilma mħallat bit-togħma ta’ frawli, lumi, eċċ., fil-kontenitur tas-silġ u jitfgħu fil-friżer. Kull kubu seta’ jinqala’ u jinbiegħ għalih għal prezz ta’ sold billi jitqiegħed fuq karta strazza u jingħata lix-xerrej. Il-ħwienet tal-ħelu li kienu qrib xi skola tat-tfal kienu jbigħu ħafna minn dan il-ħelu hekk kif it-tfal jiskulaw. Dak iż-żmien, ftit kienu dawk li kellhom friġġ id-dar biex il-penny ice jagħmluhom huma stess.      

PENTEKOSTE     Ara: GĦID IL-ĦAMSIN.

PentimentoSt Catherine - Preti.JPGPENTIMENT  Bit-Tal. pentimento tfisser dispjaċir jew indima. Fl-ambjent tal-arti, dan it-terminu jirreferi għal xi xogħol artistiku fejn ix-xbiha tal-pittura jkun sarilha xi tibdil mill-artist fil-pożizzjoni tagħha għaliex l-artist ikun dehrlu  li x-xogħol ma ġiex kif xtaq. Dan l-irtokk jew tibdil ifiġġ ħafna drabi, meta snin wara jkun qed isir xi restawr fuq il-pittura. Eż. ta’ pentiment narawh fil-pittura ta’ ‘Kristu Jżomm is-Salib’, ta’ Guido Reni. (Mużew Nazzjonali tal-Arti, l-Belt. – MUŻA), Hawn jidher li l-artist Guido Reni, donnu rrealizza li l-pożizzjoni tad-driegħ ix-xellugija ta’ Kristu kellha tkun ippożizzjonata b’mod differenti. Dan iċ-ċaqliq deher fir-restawr li sar għax il-pentiment tfaċċa minn taħt iż-żebgħa li kienet qed tgħattih. F’pittura ta’ Santa Katarina li pinġa Mattia Preti naraw tip ta’ pentiment ieħor. Ħdejn ir-ras tal-figura ta’ Santa Katarina tidher ras oħra, din id-darba ta’ figura bid-daqna, kważi qisa fantażma. Aktar milli każ ta’ pentiment, hawn donnu li l-pittur iddeċida li jbiddel is-suġġett kompletament għaliex qabel kien hemm pittura tal-leħaq Martirju ta’ San Pawl.

PENZ    L-istrajp fuq l-ispallejn tal-uniformi tas-suldati jew tal-pulizija li tindika r-rank tal-ufficjal. Oriġ. Ing. Pence (pl. ta’ penny) – li tindika ż-żieda fil-ħlas tal-uffiċjal li jkun leħaq  grad ogħla. Ara: GALLUN   Sors etim: A. J.

PEPÉ  TAL-    Laqam mogħti lil nies ta’ kreanza żejda (jiġ., puliti żżejjed). Laqam li oriġ. kien ingħata lin-nies tal-inħawi ta’ Tas-Sliema. Din il-kelma ġejja prob. minn, papà, biss imgħawġa biex tirriferi għan-nies li biex jitkellmu bil-Malti jużaw aċċent Ingliż. Fir-rumanz ta’ Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda (1939), p. 90,  il-karattru ta’ Spiru li kellu ħanut tax-xorb tas-Sliema, jgħid hekk: ‘[…] Puh għalikom, intom li taparsi tal-papà lkoll ħaġa waħda, tridu titkessħu imbagħad issibukom imċappsin bid-djun[…]’.

PERĊIMES     Dak li l-aktar li jispikka jew jikkmanda fil-grupp ta’ ħbieb jew xi għaqda. L-aqwa wieħed fost kulħadd. Tal. primicero li ġejja mill-Gr. primiceros – M. kmandant.

PERKAĊĊ/I     Qligħ ta’ flus aktar mill-paga tas-soltu. Tipp, buqxiex. Sqal. pircacciu. Tal. percacci, mance. 

PERLINA   Ħelwa tal-lewż miksija biz-zokkor li tittiekel l-aktar fil-Karnival. Fl-antik il-maskerati kienu jissuttaw lin-nies billi jgarawlhom il-perlini. L-isem ġej mit-Taljan perla.  Teżisti taqbila:

           Maskarat tin’ perlina
           Għax warajk għandek xadina
           Minflok waħda tini tnejn
           Għax tiddobba xi daqqtej

pernicie.JPG

PERNIĊI   Tip ta’ għasfur li hu rari u li tajjeb għal-ikel għax għandu laħam fin.  Hemm diversi speċi ta’ dan l-għasfur li hu magħruf ukoll bħala ĦAĠEL (sing. ħaġla). Is. xj. Perdix perdix. Ing. Grey Partridge.Kienu jgħidu, ‘X’se nieklu? U r-risposta tkun, ‘tgħid mhux perniċi!’ Din tingħad b’mod ironiku u biex twaqqa’ għaż-żuffjett, biex dak li jkun ma jistenna xejn speċjali aktar mis-soltu. 

PERRIEĊA   1. Ħabel jew wajr fejn jonxru l-ħwejjeġ.  2. Injama jew ħadida rqiqa f’gaġġa li jistrieħ fuqha l-għasfur.  PERREĊ, v. eż.,  ‘sejra nperreċ il-ħwejjeġ biex inneħħilhom ir-riħa tal-għeluq. Sqal. percia.

PERSALDU    Ħlas finali, jew l-aħħar ħlas minn serje ta’ pagamenti dovuti bin-nifs. Kienu jgħidu, ‘dan il-ħlas hu persaldu u jien u int paċi.’ Mit-Tal. saldo dei conti – M. għeluq tal-kontijiet.

pesta-1PESTA  BUBONIKA (Gr. bubo – M. glandola li tintnefaħ meta l-ġisem jinfetta ruħu mill-bakterja Yersinia pestis. Il-marda bubonika tinġarr l-aktar mill-bergħud li jgħix fuq il-ġrieden infettati. Meta l-bergħud jigdem il-bniedem dan jinfettaħ ruħu b’din il-marda. Meta l-marid jisgħol, dan jinfetta l-arja ta’ madwaru u dawk qrib tiegħu jittieħdu wkoll. Il-bakterja li tkun daħlet fil-ġisem tinkuba ruħha malajr u s-sintomi joħorġu wara jumejn b’diversi modi, eż. uġigħ fil-glandoli jew fil-ġilda. Tnejn minn tliet persuni infettati kienu jmutu f’temp ta’ Pest Paul Furst,_Der_Doctor_Schnabel_von_Rom_sitt ijiem. Il-pesta infirxet fl-Ewropa l-ewwel darba fis-seklu erbatax, meta kienu mietu mal-75 miljun ruħ. F’Malta, matul is-sekli kellna diversi epidemiji tal-pesta. L-aktar epidemiji qliel kienu dawk tal-1592/3, meta mietu mat-3,000 ruħ; tal-1675/6 meta mietu mal-11,000 ruħ; u dik tal-1813/14, meta mietu ’l fuq minn 4,500 ruħ. Kull darba li l-pesta laħqet il-gżejjer Maltin, kien iffisser mhux biss mard u mwiet, imma anki telf ta’ kummerċ kbir u iżolament għal tul ta’ żmien. Dan għaliex l-ebda bastiment ma kien jersaq lejn Malta minħabba l-biża’ ta’ xi tinġis. Għaldaqstant, kien jirrenja wkoll il-faqar, il-ġuħ u l-miżerja għal żmien twil. Jidher li fis-seklu dsatax, wara l-1813. il-pesta ma daħlitx aktar f’Malta, biss flokha kien hawn diversi epidemiji tal-kolera (ara: KOLERA). Għalhekk hu kurjuż ħafna kif wara aktar minn seklu, il-pesta reġgħet misset lil Malta, fl-1936. Din id-darba kienu ftit in-nies li mietu u din l-epidemija ġiet eradikata fi ftit żmien. Iż-żewġ qaddisin li huma meqjusa bħala l-akbar protetturi kontra l-pesta huma Santu Rokku u San Bastjan, li għalihom hawn iddedikati diversi knejjes u kappelli. Kien hawn anki ċimiterji apposta biex jindifnu fihom dawk li jmutu bil-pesta. Ara: INFETTI, TAL-, KWARANTINA u LAZZARETT. Ara: Knight Hospitaller Medicine in Malta, ta’ Charles Savona Ventura, pp. 44-51; 220-227. ‘Mementos of the Plague of 1813’ ta’ Giovanni Bonello, fi Treasures of Malta, Summer 2002, No 24, Vol VIII no 3,  pp. 23-30. ‘How a Stranger Saw The Maltese Medical Profession in 1593’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta – Figments and Fragments Vol Two, pp. 9- 17.    

PETIT    Bniedem fitt u ta’ preċiżjoni fil-mod ta’ kif jilbes u jidher. Ngħidu, ‘dejjem iżomm ruħu petit’. Fr. Petit, Tal. petito – żgħir.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAPETRONILLA   Dan hu l-isem tal-eqdem qanpiena li nafu teżisti fil-gżejjer Maltin. Din kienet inħadmet f’fabbrika f’Venezja fl-1370 u kienet maħduma apposta biex tiddendel fil-kampnar tal-Katidral fl-Imdina. Il-kobor ta’ din il-qanpiena hu ta’ 70 ċm u tiżen aktar minn tunnellata. Il-qanpiena ssemmiet Petronilla fid-9 ta’ Awwissu tas-sena 1645 meta kienet tniżżlet mill-kampnar u tbierket mill-Isqof Juan Balaguer Camarasa. Dan l-isem kien jirriferi għal San Pietru, wieħed miż-żewġ qaddisin patruni tal-Katidral. Fuq il-qanpiena hemm imnaqqax riliev ħafif bil-figura ta’ San Pawl, arma eraldika bl-iljuni fuqha u skrizzjoni ta’ stil Gotiku li turi min ħadem din il-qanpiena: MAGISTER VICTOR ET NICOLAUS ET FRATER ME FECIT IN VENETIIS M. MCCCLXX. L-istil tal-figura ta’ San Pawl ixaqleb lejn l-arti Biżantina. Sa ftit ilu din il-qanpiena kienet għadha fil-kampnar tan-naħa tal-Majjistral tal-Katidral. Imbagħad tniżżlet biex tkun irrestawrata. Mill-2007 ’l hawn il-qanpiena hi esebita fil-Mużew tal-Katidral. Ara: ‘New light on Petronilla, the oldest bell in Malta’, Charlene Vella, Melita Historica, Vol. XV n. 1 (2008), pp. 49-54   

PETTORAL     Bokkla li tkun imżejna b’xi fosos li biha jinqafel il-pivjal fuq is-sider tal-isqof.

PIĊ    Logħba fejn tfajjel jipprova jaqta’ f’liema id tal-avversarju hemm moħbi l-oġġett. Din il-logħba tista’ tintlagħab anki bejn bosta tfal f’daqqa kontra avversarju wieħed.  

Pioneer Corps Divers 001PIJUNIERI, IL-KORP TAL-   F’Marzu tal-1972, il-Prim Ministru Dom Mintoff, bħala Ministru tad-Difiża, għadda t-tieni qari fil-Parlament, biex jistabbilixxi korp ta’ ħaddiema paramilitari. Il-korp kien imsejjaħ ‘tal-Emerġenza’, rif. għas-soluzzjoni immedjata u temporanja biex bosta nies qiegħda jingħataw impieg. L-iskop ta’ dan il-korp kien li jħarreġ fix-xogħol bi ħlas lil bosta mijiet ta’ nies biex wara isibu xogħol addattat. Fl-istess ħin jieħdu taħriġ mill-Armata ta’ Malta u mis-Civil Defence Corps, u b’hekk iduqu d-dixxiplina militari. F’dan l-ewwel korp paramilitari kienu ingaġġati mas-700 persuna. Wara xi snin dan il-korp kien xolt, biss fi Frar tal-1975 kien inħoloq korp ieħor, din id-darba bl-isem ta’ ‘Dirgħajn il-Maltin’, li dam għal tliet snin oħra. Wara dan il-korp kien stabbilit ieħor żgħir, li kien jismu ‘Iżra’ u Rabbi’ – din id-darba, dan il-korp kien mixħut biss fuq ix-xogħol tal-agrikoltura. Sors: A Chronicle of Twentieth Century Malta, p. 352; Ġrajjiet Malta fl-Imgħoddi ta’ John Inguanez, p. 38. 

pikerrPIKE, IL-   Dan kien il-laqam ta’ Costantino Colombos, bniedem magħruf sew fi żmien l-ewwel għexieren ta’ snin tas-seklu għoxrin. Il-Pike kien membru tal-familja Griega Colombos, li kienet tgħix il-Furjana u li kellha fabbrika tas-sigaretti fi Triq San Paolo, il-Belt Valletta, fejn wara stabillixiet ruħa l-gazzetta The Times of Malta. Il-Pike, barra li kien entużjast kbir tal-logħob tal-futbol, kien magħruf bħala bniedem ġeneruż, forsi żżejjed. Hu jibqa’ l-aktar magħruf għaċ-ċajt pjuttost ‘filosofiku’ tiegħu. Tant hu hekk li bosta baqgħu jikkwotawh anki wara mewtu, u kont tisma’ lil min jgħid, ‘Eh… taf x’kien jgħid il-Pike…’ Biex nagħti eżempju, darba kien tah ħass ħażin gravi, u meta mar jinvistah it-tabib, billi kien iħobb il-futbol, (x’aktarx kien ukoll plejer tal-Belt), il-Pike staqsieh, “Din jaqaw is-suffara tal-half time, jew t-tisfira tat-tmiem il-partita?” Tibqa’ msemmija wkoll osservazzjoni oħra li għandha x’taqsam mal-futbol, meta qal, “Alla meta ħalaq lill-bniedem ma missux poġġa l-qasba tas-sieq fuq quddiem iżda flok il-pexxul għax b’hekk waqt il-logħob ma jaqlax daqstant daqqiet fuqha.” Il-Pike kien ikkwotat anki wara mewtu mill-Prim Ministru Dom Mintoff meta darba dan ried jagħmel il-punt waqt dibattitu fil-Parlament. Hu qal, li l-Pike kien jgħid, ‘Li kieku kellha tagħmel ix-xita mill-art, kieku hemm bżonn li l-umbrella tinżamm ’l isfel biex ma nxxarrbux il-bajd.’ Fil-ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel (ir-Raba’ Ktieb, p. 55), Ganado jinfurmana li l-Pike daħħal fil-lingwaġġ Malti żewġ kelmiet Griegi: ‘ħamallu’ u ‘vroma’. Il-laqam tal-Pike hu konness ma’ l-isem ta’ brand tas-sigaretti msejjaħ hekk, li l-familja tiegħu kienet tipproduċi. Ara: ĦAMALLU, u VROMA. Sors ieħor:Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, p. 13 u t-Tielet Ktieb, p. 86. Ħajr lil Michael Cassar u lil Anthony Zarb Dimech għal riferenzi ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni.

PIKLES    Kull tip ta’ ħxejjex li jkunu kkonservati fil-ħall biex jirtabu, jieħdu t-togħma u fl-istess ħin iżommu fi stat tajjeb għal bosta żmien biex jittiekel aktar tard. Eż., basal tal-pikles, u ħxejjex oħra ppriservati fil-ħall. Ing. pickle, ħxejjex bħal pastard u basal ippriservati fl-ilma bil-melħ jew fil-ħall.

pilandra6.JPGPILANDRA    Kolonna tal-armar tal-festa, waħda minn bosta li jintramaw biex iżejnu t-toroq. Fuqha jkollha weraq dekorattiv iżda finta, u anki bozoz tad-dawl, eċċ. Ġieli dawn l-oġġetti jkunu miżmuma minn anġlu tal-kartapesta, li għaldaqstant dan ħa l-isem bħala l-Anġlu tal-Pilandra. Oriġ. tal-kelma ġejja minn piramida, minħabba l-arranġament tal-weraq li jieħu forma piramidali.

 

pilatuo1.jpegPILATU   Idj:  i.)  ‘Bħal Pilatu fil-Kredu’  –  analoġija ta’ meta wieħed idaħħal fin-nofs persuna oħra f’argument li ma għandu x’jaqsam xejn. Dan il-paragun jingħata għax fil-Kredu, li hu dikjarazzjoni tat-twemmin tal-Insara f’Alla, jissemma wkoll l-isem ta’ Pilatu, minkejja li dan il-persunaġġ m’għandux x’jaqsam mat-twemmin Nisrani.  Idj. ii.)  ‘Mingħand Qajfas għal għand Pilatu’ – tingħad meta wieħed jintbagħat minn awtorità għand oħra biex jinqeda, jew biex tittieħed deċiżjoni f’xi kwistjoni.  Idj. iii.) ‘Għamel (jew ħasel) idejh bħal Pilatu’ – ħeles mir-responsabbiltà. Pilatu kien il-Prefett tal-Lhudija fi żmien Kristu u jissemma fil-Vanġelu bħala dak li qattagħha għal mewt lil Kristu.  Ara: QAJFAS.

PINKU      Ara: POLLAKKA.

PINU    Isem imqassar għal Ġużeppinu jew Peppinu.

PINTLOR    Kelma oħra għal TIMPLOR.

PIPATA     Tipjip li jieħu l-ħin tiegħu sakemm jinħaraq it-tabakk li jkun hemm fil-pipa. Għadd ta’ ġibdiet tan-nifs bil-pipa. Il-kwantità tat-tabakk li bih tista’ tpejjep b’mod sudisfaċenti  f’ħin wieħed.

PIROĊĊ   Tintuża fl-espr. ‘waqa’ piroċċ’ – jiġ., ħassu ħażin u ntilef minn sensih. Etim. mhux magħrufa. Sors: E.S.I.

PIRWIEL   Bniedem fost l-aqwa fil-professjoni tiegħu; xi ħadd iddottorat; mustaċċun. Etim. mhux ċerta, biss x’aktarx il-kelma ġejja minn ‘pirjol’ (forsi tal-Ordni ta’ San Ġwann). M.A.V. (1796) jiddiskrivi dan l-aġġ. hekk: eccellente, capacissimo, primario, dottorone.

PISSIDI   Kalċi x’aktarx maħsul bid-deheb li fih jinżammu l-ostji kkonsagrati fit-tabernaklu u li minnu jitqassmu l-ostji fit-tqarbin.  Lat. Ciborium,  Gr. Kiborion.

PISTIN,  SAJD  TAL-   Is-sajd tal-pistin norm. hu dak is-sajd li jsir għall-ħut li jinten seba’ pesti, eż. il-kavalli, il-mazzola, ir-raj, u l-gattarell. Biss, hemm ħut ieħor li jinqabad mas-sajd tal-pistin, li hu ta’ kwalità fina pereż., id-denċi, il-pagru, id-dott, il-ħanżir, iċ-ċerna, il-paġell, u l-merluzz. IlKalepin (1940) jirriferi għal dan it-tip ta’ sajd bħala tal-bistinu. Etim. Kalabriż pistinu  – M. riħa tinten – rif. għar-riħa tal-laħam jew ħut li jinten ħafna.

PITILBIERAĦ    Kelma arkajka li tirriferi għal bieraħtlula. Bħalma teżisti l-kelma pitgħada, li tfisser il-jum ta’ wara għada, kienet tingħad ukoll din il-kelma, li tfisser il-jum ta’ qabel ilbieraħ.

Pitkali rabat 1940s.jpgPITKAL    Dak li jagħmilha bħala l-intermedjarju bejn il-bidwi u l-bejjiegħ tal-prodotti agrikoli. Irkantatur tal-frott u l-ħaxix. Fis-seklu tmintax din il-kelma kienet tingħad potkal. Skont A. de S. fid-Damma jgħid li din il-kelma ġejja minn potticale / bottegale rif. għal min kien ibigħ il-ħxejjex. Fis-seklu dsatax din il-kelma kienet tingħad putkal għax oriġ. il-kelma ġejja mill-Isqalli putigaru li tfisser, wieħed li jieħu ħsieb il-ħanut (Sqal. putigaru, Tal. botteghario)PITKALIJA  Il-post fejn jinġiebu l-prodotti agrikoli mill-bdiewa biex jitqassmu lill-bejjiegħa.  Sors etim: J.A.

pittma 11 041.jpgPITTMA    1. Is. xj. Cuscuta Tourn,  (Crenilabrus mediterraneus) hi pjanta parassita, li tikber fi ħjut ħamrani u li tieħu l-enerġija tagħha minn pjanti oħrajn tax-xagħri, pereż., il-berwieq u s-sagħtar. Għall-bdiewa din hi pjanta li ddum biex teħles minnha. Ing. boxbox (lesser?) dodder. Ngħidu, ‘x’int pittma!’ Din l-idjoma tingħad meta xi ħadd ma jkunx jista’ jeħles minn persuna fitta. 2 .Wieħed li jkun fitt iżżejjed fix-xogħol tiegħu. Ngħidu, ‘pittma fi ħwejġu’.  3. Taħlita ta’ nbid u mediċina li kienet tingħata biex ittaffi l-uġigħ ta’ żaqq. 4. Tip ta’ ġbara li kienet tintuża għall-istess raġuni.   Damma: L. fomentum, emplastrum. Per motto Donnok pittma, cioé  uomo seccatore, che mai la termini nel parlare. Fil-lingwa Tal. din tirreferi għal xi ħadd xħiħ jew antipatiku: Persona troppo attaccato al denaro. Persona noiosa.

PIVJAL   Parament sagru li s-saċerdot jilbes fuq il-ħwejjeġ l-oħra waqt ċerti funzjonijiet. Il-pivjal jintlibes bħal mantell li jinqafel b’bokkla minn quddiem fuq is-sider. Dan jintlibes meta s-saċerdot ikun se jagħti l-barka u meta jkun qiegħed iġorr is-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija. Ħajr: Lorenzo Zahra.

pixkar.jpgPIXKA    Term. marittimu li jirriferi għall-fond li l-bastiment għandu bżonn biex ikun jista’ jersaq u jitrakka faċilment lejn l-art mingħajr ma jinkalja. Ngħidu, ‘Il-vapur għandu pixka ta’ 20 pied’. ‘Il-kaptan tal-bastiment ippixka minn bejn sikka u oħra.’ – jiġ., b’attenzjoni lejn il-fond tal-baħar.  PIXKAR1  Il-waqt meta bniedem jgħum u jżomm fil-wiċċ mingħajr ma jmiss mal-qiegħ.  2. PIXKA L-ILMA  v. (Il-bastiment) beda jagħmel l-ilma, minn bejn it-twavel, jew inkella minħabba r-raxx tal-mewġ li jaqbeż minn fuq il-pruwa. Qawl: Mingħajr lixka qajla tpixka. – jiġ., biex tħajjar lin-nies għal xi ħaġa trid tikkonvinċihom. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 186. 3. PIXKAR TA’ OĠĠETT   Dan jista’ jsir, f’xi logħob, meta dak li jkun jistad b’qasba għal xi ġugarell biex jittanta jtellgħu minn fost oġġetti oħra li jkun hemm magħluqa. v. Pixka l-karta tal-logħob; fil-karti tal-logħob, wieħed jippixka l-karta li jixtieq bit-tama li jsibha.

pixkerija2cc.jpgPIXKERIJA   Il-post fejn jinġieb il-ħut li jinqabad bi kwantità biex jinbiegħ lill-bejjiegħa. L-ewwel pixkerija li nafu biha kienet inbniet eżattament ħdejn il-Knisja ta’ Liesse, ix-xatt tal-Belt. Din il-pixkerija kienet għamla ta’ exedra li tagħti fin-nofs tond u għaldaqstant l-istruttura kienet magħmula biex toffri d-dell mix-xemx. Il-pixkerija li nbniet warajha kienet aktar ‘isfel  fl-istess triq, taħt il-Barrakka ta’ Isfel. Din inbniet fl-1937. Il-pixkerija preżenti tinsab il-Marsa. Fil-pixkerija jkunu nnotati l-kwantità ta’ ħut maqbud, kif ukoll il-kwalità. Il-bejgħ tal-ħut fi kwantitajiet kbar isir bl-irkant. Ikun hemm mhux biss Maltin iżda anki barranin, li jixtru l-ħut fi kwantità.  Ara: Fishing in Malta, ta’ Stanley Farrugia Randon, pp. 117-230.

PIXULA     (D.)  La parte vergognosa di un’ adulto. Gl’Italiani chiamano biscia.

PIXXIKALDA    1. Marda venereali. Magħrufa wkoll bħala l-Marda Franċiża jew il-Marda tan-Nisa. Sifilide, marda li nfirxet mal-Ewropa wara li kien skopert il-Kontinent Amerikan fl-1492. Għaldaqstant hu ssuspettat li din il-marda kienu ġabuh magħhom l-ewwel esploraturi mill-Amerika. Fl-antik wieħed mir-rimedji biex tittratta din il-marda kien l-merkurju. 2. Fig. Persuna li joħloq ħafna inkwiet. Ngħidu, ‘kemm hu pixxikalda!’ – Din tingħad lill-bniedem fitt u persistenti. Tal. Piscia + calda li litteralment tfisser bewla sħuna, wieħed mis-sintomi tal-marda.

PIXXLU    In-numru wieħed, kemm fil-logħba tat-tombla kif ukoll fil-lottu. Sqal. picciulu li tirriferi għal xi ħadd ta’ età żgħira jew inkella għal munita żgħira.

PIŻ    (pl. piżijiet)   1. Term. leg. Taxxa fuq il-wirt. 2. Ħlas li wieħed ikun obbligat jagħmel biex isir quddies u qadi ieħor liturġiku. Dawn il-piżijiet ma jkunux magħmula b’xi mod legali, iżda pjuttost b’wegħda billi jitħalla legat li jkun onorat koxjenzjożament. Eż. ta’ dawn il-piżijiet kien il-ħlas biex isir il-quddies, xiri taż-żejt għal-lampier, jew iż-żamma tal-għasar fil-festi. Biex dawn l-affarijiet kienu jsiru b’mod regolari u kif mixtieq, wieħed kien jagħti donazzjoni lill-kappillan, u għaldaqstant dan kien ‘piż’ bħala obbligu mill-benefattur. Ħajr: Lorenzo Zahra.

PIŻATUR     L-uffiċjali inkarigat u awtorizzat li jara li l-għodda tal-użin f’kull qasam tal-kummerċ huma fi stat li jiffunzjonaw tajjeb u li t-toqol kif jinqara hu skont dak stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti. Il-piżatur hu wkoll dak li l-uffiċjal fid-dwana li jiżen l-oġġetti tal-ikel jew merkanzija oħra impurtata. Fi żmien l-Ordni, dan l-uffiċjal kien imsejjaħ,  KATAPAN, mit-Taljan accatapani.

PIZU      Kelma li kienu jużaw it-tfal meta jirriferu għal kull tip ta’ għasfur.

PIZZI  PIZZI  KANNA   Kliem ta’ tqabbila tat-tfal waqt logħba folkloristika. It-tfal iqiegħdu subgħajhom ħdejn xulxin waqt li xi ħadd minnhom ikanta rima hu u jgħodd is-swaba’ tat-tfal kollha li jkunu mdawrin qaqoċċa.  Il-versi jgħidu hekk:

     Pizzi pizzi kanna
     Dolores di Sant’Anna
     Sant’Anna tal-Morina
     Ħabba biċċa pellegrina
     Mgħarfa tal-fidda
     Bandiera tal-ħarir
     Noli kannoli
     Insara qaddisin

PIZZIKAJJU     Żugraga tal-injam.  ŻIGROMBLU.

PJANETA     Sopravest tas-saċerdot li jintlibes meta dan iqaddes u jiċċelebra r-riti liturġiċi.

PJANTUN    Suldat jew pulizija tal-għassa. Laqam jew rif. għal xi pulizija li jkun stazzjonat f’post partikulari mingħajr ma jitħarrek. Sqal. piantuni, il soldato in sentinella.

Pjastrun xx

PJASTRUN     Sidrija twila li tintlibes bħala lqugħ. Il-pjastrun ikun magħmul mill-ġild mimli bit-tajjar u kien jintlibes mis-suldati, l-aktar fis-seklu erbatax u ħmistax. Kien hemm minnhom li jintlibsu fuq il-kurazza u xi wħud li kienu jintlibsu minn taħt, dawn tal-aħħar bħala protezzjoni biex l-armatura ma tisloħx il-ġisem. Tal. piastrone. final. piastra – M. kurazza tal-metall jew tal-ġild.

PJAZZANT    Bniedem irtirat mix-xogħol.  Sors: V. B. 1900.

PJAZZIST    Il-bniedem imqabbad min-neguzjant/i  biex idur il-bejjiegħa tal-imnut u jbegħilhom il-prodotti bl-ingrossa.

PJOTI      Ħaxix ħażin maqlugħ bl-għeruq u l-ħamrija b’kollox.  Kull xorta ta’ ħaxix ħażin.

PLANĊIER / PJANĊIER     Oriġ. palk sempliċi li kien jintrama fil-festi, magħmul minn pjanċi kbar tal-injam b’mod ċatt, u b’għoli ta’ 60 – 80 ċm ’l fuq mill-art, biex il-bandisti jdoqqu fuqu. F’ħafna lokalitajiet dan il-pjanċir illum sar aktar dekorattiv u b’xogħol maħdum tal-aqwa kwalità artiġjanali. Il-planċier illum sar ikun mtarraġġ. Fr. plancher – M. materjal biex tarma paviment bih. Ritratt: Planċier sempliċi armat minn twavel fis-sittinijiet (il-Birgu). Lemin: Planċier elaborat u dekorattiv, tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz.   

planciernv    plancier S Lawrenz

PLEJTU    Ħafna storbju.  Diskors żejjed. Disputa. Ngħidu, ‘tagħmel plejtu sħiħ fuq ix-xejn’ – ħafna storbju għal xi ħaga mhux importanti. Tal. peito – M. argumentazzjoni. Span. pleito – M. argument fil-qorti.

PLIER    Obelisk. Tista tkun anki kollonna irqieqa li fuqha jkun hemm xi statwa dekorattiva jew li tfakkar lil xi ħadd. Ngħidu, raġel qisu plier – għal xi ħadd li jkun twil u rqajjaq. Ara: OBELISK.

POLIPTIKU     Pittura fuq pannelli tal-injam li jinqasam fi kwadretti ta’ ħafna xeni b’temi differenti jew inkella b’temi relatati. Bla dubju ta’xejn l-aktar poliptiku artistiku magħruf li hawn f’Malta huwa dak li jirrappreżenta l-episodji varji mill-ħajja ta’ San Pawl. Dan imur lura sas-seklu 15 u llum hu esibit fil-Mużew tal-Katidral, l-Imdina. Ara: TRITTIKU.

poliptik

polio salk d.jpgPOLJO   Marda li għal bosta snin kienet magħrufa sew f’Malta, l-aktar fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. L-isem proprju tal-marda hu poliomyelitis, rif. għall-infjammazzjoni tal-materja griża fl-ispina dorsali. Il-virus tal-poljo jinġarr minn bniedem għal ieħor, l-aktar minħabba n-nuqqas tal-indafa personali, eż., mill-eskrement tal-ġisem. Disgħin fil-mija ta’ dawk infettati mill-poljo ma kinux ikunu jafu li qegħdin iġorru dan il-virus qabel ma joħroġ s-sintomi tal-marda. Fis-seklu għoxrin, f’Malta din il-marda kienet irreġistrata l-aktar bejn l-1920 u l-40ijiet, meta kienu jimirdu biha numru żgħir ta’ nies kull sena. Biss, fis-snin 1942-43, 1945, 1947 u 1950-51, il-marda nfirxet b’mod epidemiku. Bosta nies mietu u mijiet oħra sfaw immankati għal għomorhom. Hu fatt kurjuż li apparti li din il-marda kienet tattakka l-aktar lit-tfal ta’ taħt il-ħames snin, kienet ukoll taffettwa persentaġġ kbir ta’ suldati Ingliżi li kienu stazzjonati f’Malta. Lejn nofs is-seklu għoxrin kienu nfetħu postijiet ta’ konvalexxenza għal min kien isofri mill-polo. Wieħed minn dawn kien iċ-Ċentru Bugeja, il-Ħamrun, u l-ieħor il-Kastell Verdala, ir-Rabat. Fis-sena 1956, ir-riċerkatur Jonas Salk kien skopra il-vaċċin kontra dan il-virus, u ftit wara t-tfal kollha bdew jitlaqqmu kontra l-poljo, b’riżultati pożittivi, tant li llum din il-marda nqerdet għal kollox minn bosta pajjiżi. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, pp. 207-208.

POLKA    1. Mużika jew żifna ta’ oriġini Slav. Meta wieħed ikun miexi u jagħmel xi qabża għal għarrieda għal xi raġuni jew oħra, biex jiddieħku bih in-nies kienu jgħajruh li qiegħed jiżfen il-polka. Etim. kelma mill-ilsien Ċek li tfisser ‘nofs pass’.  2. Ġakketta żgħira li kienet tintlibes min-nisa daqs mitt sena ilu. 3. Katina rqiqa, norm. tad-deheb, li magħha jiddendel l-arloġġ. Dan imbagħad jitqiegħed fil-but ta’ ġewwa tal-ġlekk jew tas-sidrija.

polka.jpg                 polka2.jpg       

polakka.jpgPOLLAKKA    Tip ta’ bastiment merkantili li kien jintuża bejn is-seklu sbatax u s-seklu tmintax biex iġorr il-merkanzija. L-Ordni kien juża dan il-bastiment ukoll f’battalji navali. Norm. kien ikun armat b’żewġ jew erba’ kanuni. Kellu tliet arbli li kienu jittellgħu magħhom il-qlugħ – xi wħud kwadri u oħrajn tal-latini – u għaldaqstant kien jilħaq ċerta veloċitá. L-isem ta’ dan il-bastiment ġej miIl-pollaccone, jew pollacre, terminu li jirriferi għall-ġibb il-kbir ta’ dan il-mirkeb. Kultant dan il-bastiment kienu jirreferu għalih bħala, ‘bark’ jew ‘pinku’, iżda anki bħala ‘tartana’. Iċ-ċorma tal-pollakka kienet tkun ta’ madwar 15 jew 20 ruħ. Tal.  Polacca, mezza vela jew pinco. Polacre. Ara: Il-Flotta ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Joseph Muscat, pp. 164 – 167.

Polverista Fort Manoel354
Il-Polverista tal-Forti Manoel (il-binja fuq il-lemin)

POLVERISTA / POLVRISTA   Maħżen jew imħażen fejn jiġu merfugħa l-porvli u kull tip ta’ splussivi. Il-polverista kienet norm. tkun allokata post fis-swar jew qrib, biex f’każ ta’ bżonn, il-materjal splussiv jintuża malajr. Fl-istess ħin, dan il-materjal ikun merfugħ ’il bogħod mill-abitazzjoni. Meta l-Gran Mastri kienu għadhom residenti f’Sant Anġlu, il-kavallieri kellhom il-polverista tagħhom ġo din il-forti. Fil-Belt Valletta, waħda mill-polveristi kienet tinsab fil-Kavalier ta’ San Ġakbu u oħra qrib Sant’Iermu. Fi żmien l-Ingliżi, il-polverista tal-Birgu kienet tinsab qrib is-swar, li mill-Birgu jagħtu għall-Bormla. Fl-1806, din il-polverista kienet splodiet aċċidentalment u kienu mietu mal-150 ruħ. F’Bormla, fl-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa, qabel ma toħroġ lejn il-Fgura, hu magħruf bħala ‘l-Polverista’.

POMP    Vit tal-ilma li sa ħamsin sena ilu, kien ikun stallat fit-toroq tal-ibliet jew l-irħula ta’ Malta biex iservi lil dawk kollha li ma kellhomx ilma fid-dar. Din il-kelma kienet aktar tintuża fin-naħa tal-Cottonera. Ing. pump. Fil-fatt dan il-vit kien aktar qisu pompa li biex joħrog l-ilma minnha kont trid tagħfas il-manku tal-ħadid ’l isfel għal kemm-il darba.

          pomp Balzan 2.JPG                pompa tal-ilma birzebbuga Cachia residence (2).jpg

Pomskizillious book ofnonesense001.jpgPOMSKIZILLIOUS     Edward Lear kien pittur u kittieb tal-limericks (strofi rrimati b’mod umoristiku u li ma jagħmlux sens).  Bejn l-1848 u l-1866, Lear kien ġie Malta xi sitt darbiet. L-Għawdex kien iħobbu ħafna, u darba, meta kien qiegħed idur madwar il-kosta ta’ din il-gżira, Lear iddeskriva dak il-pajsaġġ li kien qed igawdi bħala ‘pomzkizillious and gromphiberous’, kliem li ma PomskizilliousEdwardlearjagħmlux sens fihom infushom. Iżda fil-moħħ poetiku ta’ Lear dan il-kliem kien qed jiddeskrivi b’mod superlattiv is-sbuħija tal-inħawi li hu tant kien qed jitgħaxxaq bihom. Illum, fix-Xagħra Għawdex, jeżisti mużew tal-ġugarelli antiki li jġib l-isem ta’ Pomskizillious, b’tifkira lejn dan l-artist. Ara: Edward Lear, (1812-1888) His connection with Malta and Gozo (1848-1866)’ta’ Catherine Sinclair Galea fi Treasures of Malta no 34, Christmas 2005, Vol XII no1, pp. 31-35.

 

Ponsietta 011.jpgPONSJETTA / PONZJETTA  Pjanta li oriġinat fil-Messiku. Is. xj. Euphorbia pulcherrima. Kapaċi tikber f’siġra ta’ diversi metri għoli. Biss illum issibha anki mkabbra fil-qsari biex iżżejjen biha ġewwa d-dar. Tikber sa madwar 60 ċm. Il-weraq ħodor ta’ din il-pjanta jsiru ħomor, f’Diċembru. B’hekk din il-pjanta hi magħrufa wkoll bħala Christmas plant u hi assoċjata mal-festi tal-Milied. L-isem Ponsietta ġej mill-kunjom ta’ Joel R. Poinsett (1779-1851), li fl-1836 kien ambaxxatur Amerikan għall-Messiku. Dan kien ippubblika l-istudji tiegħu dwar din il-pjanta f’rivista botanika, u b’hekk il-pjanta baqgħet imsemmija għalih.

POPPA     In-naħa ta’ wara tal-bastiment, qlugħ jew dgħajsa.   Ngħidu, ‘ippoppa sormu’, ‘ippoppa sidru’ jew ‘ippoppa żaqqu’ (jekk dan ikun xi ħadd oħxon). Dawn tal-aħħar huma espressjonijiet paradossali, għax il-poppa għandha dejjem tirrelata man-naħa ta’ wara. PUPPIER   Qaddief tal-poppa.

PORGA    Norm. b’din il-kelma nifhmu mediċina li tittieħed biex wieħed imexxi l-ikel fl-imsaren.

PORKERIJA     Oġġett jew sitwazzjoni li mhix ta’ quddiem in-nies. Ħniżrija jew ħniżrijiet li jagħmel xi ħadd. Ħmieġ indeskrivibbli. Xogħol ħażin ħafna. Ngħidu, ‘ara x’porkerija għamel!’ jew, ‘ara x’porkerija ħalla warajh!’. Tintuża wkoll fi frażi bħal, ‘ Ma jridx wisq biex dak jgħid xi porkerija’ – jiġ., jitkellem b’mod vulgari. Sq. purcaria mit-Tal. porco. – M. ħanzir. Interessanti li fil-kultura tal-Maltin u t-Taljani, meta nsemmu l-isem tal-ħanżir ,nagħmlu dan b’mod negattiv jew b’disprezz. Għad hawn min meta jgħid ħanżir, iżid apoloġija, eż. ‘skużi ħanżir’. L-istess bħal ma hawn min jgħid skużi meta jsemmi l-ixkupa.

PORPORINA   Trab fin li jintuża biex jinżebgħu oġġetti biex jagħtu xeħta metalliku u fl-istess ħin jidhru jleqqu. Eż., ta’ fejn tintuża l-porporina hu meta wieħed jagħmel mudell ta’ knisja jew vara u jkun irid ipinġi il-gandlieri eċċ. Porporina bajda hi dik iż-żebgħa kulur il-fidda jew il-bronż. Tal. Polvere colorante finissima. Skont it-Treccani: 1. Sostanza colorante (un ossiantrachinone) posta in commercio sotto forma di una pasta rosso-bruna, insolubile in acqua, usata per tingere il cotone mordenzato in rosso vivo o rosso bruno2brillante. Ing. Bronze powder; madder.

porporina xx    porporina

 

porpra 23 03 11 065.jpgPORPRA     1. Drapp tal-pannu tad-damask, jew bellus ta’ lewn ħamrani skur, li minnu jsir il-mantell għar-rejiet jew għall-kardinali, għax dan il-kulur jagħti simbolu ta’ awtorità jew importanza. Interessanti ta min wieħed jinnota li Caravaggio juża l-mantell aħmar fiż-żewġ pitturi li hemm fl-Oratorju ta’ San Ġwann; kemm San Ġwann kif ukoll San Ġakbu huma mlibbsin b’mantell aħmar. 2. Il-PORPRA  L-istatwa li tinġarr fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li turi lil Kristu mżebblaħ u mlibbes il-porpra fuq spalltu. L-istatwa tal-Ecce Homo tirreferi għal din ir-raffigurazzjoni. Tal. porpora. Ara: AĊĊJOMU.

Marina del monte Gate.jpgPORTA  MARINA    Id-daħla tal-Belt Valletta li tħares lejn il-Port il-Kbir, fl-inħawi tal-knisja ta’ Liesse. Il-bieb kien jissejjaħ ukoll Porta del Monte, minħabba li l-Gran Mastru Pietro del Monte, fl-1571, daħal trijonfalment fil-Belt Valletta meta l-Ordni telaq mill-Birgu, u ħa l-pussess tal-belt il-ġdida. Sa ħafna snin wara, dan kien l-ingress prinċipali tal-Belt, għaliex ħafna min-negozjanti kienu jużawh biex jaslu x-xatt. L-istess in-nies li riedu jidħlu l-Belt, l-aktar dawk tat-Tlett Ibliet, wara li kienu jaqsmu il-port bid-dgħajsa kienu jinżlu ix-xatt u jitilgħu l-Belt mill-Porta Marina. Biż-żmien, il-Porta Marina kienet saret żgħira wisq għat-traffiku li kien jgħaddi minnha. Għalhekk, fl-1884, l-Ingliżi waqqgħuha biex bnew daħla ġdida, iddisinjata mill-Perit Emanuel Galizia. Issa d-daħla bdiet tissejjaħVictoria Gate għar-Reġina Victoria.

PORTANTINA     Ara: SUĠĠETTA

PortikuProvidenza9.jpgPORTIKU    L-iskop ewlieni tal-portiku hu dak li jipprovdi dell mix-xemx u x-xita li norm. taħbat mal-faċċata tal-binja. L-aktar portiku antik li nbena f’Malta hu dak tal-Knisja ta’ Santa Katarina li hemm quddiem il-knisja tal-Vitorja, l-Belt Valletta. Dan kien iddisinjat fi stil Barokk mill-perit Taljan Romano Carapecchia. Portiku ieħor antik hu dak tal-kappella tal-Madonna tal-Providenza s-Siġġiewi. Fl-ewwel snin tas-seklu dsatax, l-Ingliżi bdew jibnu bini Neo-Klassiku fejn il-portiku intuża b’mod prominenti. Hekk naraw it-twaqqif ta’ kolonnar quddiem il-Kanċellerija tal-Ordni – dik li wara saret il-Main Guard, fi Pjazza San Ġorġ.

Porto SAlvo 069.jpgPORTOSALVO      It-titlu tal-Madonna li tipproteġi l-baħħara. Għalhekk, mhux ħaġa tal-għaġeb li qrib il-Port il-Kbir hemm żewġ knejjes iddedikati lill-Madonna b’dan it-titlu, waħda minn dawn il-knejjes hi l-bażilika tad-Dumnikani li qiegħda fi Triq il-Merkanti, l-Belt u l-oħra l-Isla. Din tal-aħħar qegħda qrib il-Gardjola u sa żmien ilu kienet f’idejn il-patrijiet ta’ San Filippu Neri u issa f’idejn is-Sależjani. Tal. Porto Salvo – M. Port kenni.

 

 

Portolano_homemPORUTULAN   1. Dokument li jservi ta’ gwida għan-navigaturi, speċi ta’ enċiklopedija manwali għall-baħħara. Aktar mill-mapep, il-portulan ikun fih informazzjoni ddettaljata dwar l-ibħra, l-għamla tal-kosta u informazzjoni oħra dwar il-fond ta’ qiegħ il-baħar, barra dettalji oħra siewja. L-eqdem portulan li jsemmi lil Malta u li nafu bih hu datat sas-sena 1296 W.K. 2. Il-Portulan kien ukoll it-titlu li bih kien magħruf il-kap tal-Port. Ara: ‘The Maltese toponymy in three ancient Italian portulans (1296 – 1490)’, Malta – People, toponymy, Language – 4th century B.C. – 1600), Arnold Cassola, pp. 67 – 95.

PORTUNOVU    Isem mogħti fis-seklu dsatax lil dik il-parti tal-Port il-Kbir, l-eqreb lejn il-Marsa, meta din ġiet irranġata mill-Ingliżi biex isservi bħala l-moll kummerċjali fejn tinħatt u titgħabba l-merkanzija.  Ara: ALBERT TOWN.

POSTULANT/A    Persuna li tkun se tibda l-kors fil-ħajja reliġjuża. POSTULATUR  Bniedem tal-kleru li jipproponi l-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ xi persuna qaddisa. Il-postulatur jista’ wkoll imbagħad jkompli jmexxi l-proċess aktar ’il quddiem biex il-beatu jkun iddikjarat  qaddis.

POXT   Bniedem mill-agħar u li lest li jagħmel il-ħażen lill-għajru. Xi ħadd li jmur jgħid kontra sħabu bil-moħbi bl-intenzjoni li jagħmel id-deni lil dak u lill-ieħor. Bniedem omosesswali u sodomist. Kelma li ġejja mill-Għarbi boxt. Skont Dozy, bil-Franċiż tfisser bardache – homosexuel passiv. Sors: Supplément aux dictionnaires arabes (1877–1881), u E.S.I.

POŻATA / PUŻATA / PUŻATI   L-oġġetti li wieħed juża fuq il-mejda waqt l-ikel, eż. skieken u frieket, tazzi, platti, eċċ. Nirriferu b’dan l-appellativ ukoll għall-oġġetti meta jkunu merfugħin, kultant anki għall-wiri f’xi vetrina jew armarju. L-għamara fejn jitpoġġew dawn il-pożati tissejjaħ POŻAPLATTI.

posataxxx.jpg

PRAĊETT / PREĊETT   Obbligu tat-tqarbin speċ. fi żmien l-Għid. Eż. QUDDIESA TAL-PRAĊETT    Il-quddiesa obbligatorja tal-Ħadd.  IL-PRAĊETTI TAL-KNISJA  Skont il-Knisja Kattolika hemm ħames preċetti li jridu jkunu osservati:1. Ħu sehem fil-quddies fil-

1. Ħdud u l-festi kmandati
2. Qerr għallinqas darba fis-sena
3. Tqarben għall-inqas fi żmien l-Għid
4. Sum meta trid il-Knisja u tikolx laħam meta ma jiswix
5. Għin kemm tista' lill-Knisja fil-ħtigiet materjali tagħha

PRAMMATIKA   Term. leg. li jirriferi għar-regola ġenerali fil-prattika tar-relazzjonijiet ġudizzjarji. Drawwa fil-liġi li għandha tkun segwita. Editt jew bandu. Fi żmien l-Ordni, apparti l-bandi li kienu jixxandru ta’ sikwit, kienu wkoll jixxandru r-regoli dwar il-komportament tal-bniedem fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn il-prammatiċi setgħu jkunu regoli tal-liġi kif ukoll avviżi li jindikaw l-użanza ta’ xi prattika jew oħra, mingħajr ma jkunu imposti b’mod legali u li jwasslu għal xi piena. Tal. prammatica: regola prescritta per consuetudine.

praspar skurPRASPURA    1. Xi ħaġa stramba.  Xi ħaġa li ma titwemminx.  PASPAR v. Ivvinta xi storja. Għamel xi ħaġa b’ċerta immaġinazzjoni mhux tas-soltu. Ara: Il-Praspar Miktuba Minn Dun Xand Cortis, ta’ . Ġ. Mifsud Chircop. Jista’ jkun li l-kelma ġejja mill-Għ. bassar – jiġ., ġiegħel li xi ħadd jifhem. 2. Biss f’dokument notarili tal-1525, din il-kelma hi użata b’dan il-mod: ‘[…] l-imsemmi bidwi hu marbut li jagħti il-praspura lill-imsemmi sid, (jiġ. tliet tomniet żara’ tax-xgħir f’dik in-naħa ta’ din il-għalqa) […]’ Sors: Kliem Malti Qadim, ta’ Godfrey Wettinger, p. 110. F’nota żgħira, Wettinger jikkwota lil ċertu Traina li jispjega l-oriġ. tal-kelma bit-Tal. ‘Paraspolu’ bħala ‘pezzo di terra quanto può seminare un contadino come dire uno stajoro’. Fid-dizzjunarju ta’ S. G. Vassalli (Piccolo Dizionario Maltese-Italiano-Inglese (1856), jispjega il-kelma bħala porzione jew portion. V. Busuttil (1900) ukoll jgħidilha,  a portion, a lot; u jagħti eż., x’natic ta’ din il-praspura? 3. Patri Magri kien kiteb artikli żgħar għall-pubblikazzjoni Mogħdija Taż-Żmien (1903), u dawn kien semmiehom: ‘Praspar Għan-Nies Tas-Sengħa u In-Nisa Tal Ġabra’. F’dawn il-kapitli nsibu bosta informazzjoni kif isiru ċerti affarijiet bħal ‘Chif Tagħmel ix-xbieha tan-naccra, jeu tal madriperla’, ‘Chif il ful u il piżelli ħodor jibkghu frischi’, ‘Chif tnaddaf l’alabastru’ eċċ.  Ara: Manwel MagriĦrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.

PREBENDA    Dħul, introjtu jew benefizzju mill-artijiet tal-Knisja bħala renta jew pensjoni tal-kanoniku tal-Katidral jew tal-Kolleġġjata. L-art li tagħti dan il-qligħ tissejjaħ hekk ukoll. PREBENDARJU  Il-grad ta’ kanonku fil-Katidral mogħti kemm fil-Knisja Kattolika kif ukoll dik Anglikana. Dak li jgawdi il-prebenda.

PREJVŻA    Isem mgħawweġ bil-Malti għal Prevesa, port fil-Majjistral tal-Greċja. Dan il-port kiien magħruf mal-Maltin, l-aktar fis-seklu dsatax meta kienu jiġu impurtati il-ħnieżer minn hawn. Idj. ‘Donnu ħanżir ta’ Prejvża’.

Preveza-Greece

PREPOSTU / PROPOSTU  It-titlu ta’ saċerdot maħtur fuq l-oħrajn fil-ġerarkija tal-parroċċa kolleġġjata ta’ xi kapitlu benefiċjali. Hu wkoll il-mexxej fuq il-kanonċi u l-amministratur ewlieni tal-parroċċa bħal (jew flok) il-kappillan; eż. il-Prepostu Arċipriet ta’ Birkirkara jew il-Prepostu ta’ Bormla. Lat. Praeponere – M. tpoġġi fuq quddiem.

prexxa u kalkara.JPGPREXXA    Qasma, speċj. ġo ħajt, magħmula mill-effett ta’ xi splużjoni kkawżata jew minn xi mina taħt l-art jew mill-bumbardament tal-għadu li jippenetra s-swar. Post partikulari fil-Birgu li jinsab fis-swar li jħarsu lejn il-Kalkara. Fl-Assedju tal-1565, it-Torok irnexxielhom ifarrku parti mis-swar li jagħtu fuq il-Kalkara, bil-bumbardamenti tagħhom, biex il-Ġannissari invadew il-Posta ta’ Kastilja. F’dan l-attakk il-Maltin u l-Kavallieri rnexxielhom, bi tbatija kbira jirreżistu u jreġġgħu l-għadu lura. Tal. Brecca – M. Qasma.

PRIM    Il-kilja ta’ bastiment jew dgħajsa. Dan hu l-bastun tal-qiegħ tad-dgħajsa li miegħu jitwaħħlu l-majjieri, jew il-kustilji min-naħa tal-pruwa sal-poppa. Ara: OPRI  TAL-BAĦAR.  

PRIMIĊERJU    L-ogħla dinjitarju fi knisja kolleġġjata. V. B. (1900) jgħidlu wkoll dean.

PRIMOĠENITU    L-ewwel wild fil-familja.   PRIMOĠENITURA    Term. legali.  Id-dritt legali tal-ewwel wild fil-familja. Tal. Primo genitor.

PRINĊIPJANT      Bniedem bla esperjenza u li għadu jibda x-xogħol.  Tal. principio.

prinjolata2 019.jpgPRINJOLATA   Tip ta’ kejk, ġen. magħmul forma ta’ lembut rasu ‘l isfel, jew barmil żgħir li jidjieq minn fuq. Dan il-kejk jittiekel norm. fil-ġranet tal-Karnival. Il-prinjolata hi magħmula minn diversi ingredjenti, fosthom, għaġina tal-ispanġ; ċikkulata mdewba; zokkor; abjad tal-bajd, prinjol, ċirasa, frak tal-gallettini u butir. Dan il-kejk jinħadem apposta għal Karnival għax fit-taħlita jintefgħu ingredjenti ta’ ikel ħelu li mhux suppost jittiekel fir-Randan. Għaldaqstant, antikament, il-prinjolata kienet magħmula minn fdalijiet ta’ bosta ingredjenti biex ma jinħela xejn. Etim. Sqal. Pignolata;  fi Sqallija u l-Kalabbria din tittiekel ukoll fil-Karnival. Biss, hawn, il-pignolata hi magħmula f’forma ta’ blalen żgħar, kemxejn bħad-debbus (il-ġewża taż-żnuber), u magħmula mill-bajd, dqiq, butir u zokkor, kif ukoll xi ingredjenti oħra. Din it-taħlita tinqela fiż-żejt u wara tinkesa bl-għasel. Sors: J.A. Ara wkoll: ‘Carnevale in Sicilia, Dolci, tradizioni, costumi’, Tacus – Arte, Integrazione, Cultura. http://www.tacus.it/1006-2/

PRIMUSTRAT     L-ewwel numru li jitla’ fit-tlugħ tal-lottu. Ara: LOTTU. Etim. Tal. primo estratto.

PRINTES / APPRINTES   Kelma mgħawġa mill-Ingliż li fl-antik kienet tirriferi għall-apprentist, l-aktar xi ħadd li jkun beda jitgħallem xi sengħa t-Tarzna. L-apprentist fit-Tarzna kien jidħol b’eżami, u kien jitħallas paga baxxa, sakemm jieħu t-tagħlim meħtieġ. Fi żmien meta biex issib xogħol fiss kien diffiċli immens, din il-pożizzjoni kienet meqjusa tajba ħafna, għaliex qisek middejt sieq waħda ġewwa f’post li hu x’aktarx permanenti. Meta xi ġuvni kien jirnexxilu jidħol id-Dockyard bħala apprentist, in-nies kienet tieqaf teħodlu b’idu biex tifraħlu.

PRITKUNA    Waħda minn ħafna ċombiet li jkunu sparati mis-azzarin jew senter. Il-kobor tal-pritkuna jkun daqs dak tal-lewlu. Sqal. pirticuni. Napuljun Tagliaferro, fil-kitba tiegħu Mwieżen Ħżiena, jitfa’ dan il-kliem f’ħalq Żeppi x-Xellugi: ‘Ċens, ġibli l-pritkuni miċ-ċurniena!Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 160.

PRIŻA    1. Qabda ta’ oġġett/i ta’ valur, li jagħmlu l-pirati minn fuq xi bastiment, kemm jekk din tkun merkanzija kif ukoll ilsira. 2. Il-ġisem ta’ annimal mejjet fil-baħar, jew biċċa injama tgħum fil-wiċċ, li taħtha jidħlu jistkennu l-ħut. TAJR TAL-PRIŻA  Għasafar li jattakkaw u jaqbdu għasafar oħra. 3. pl. PREJJEŻ  Ix-xquq fil-blat li jagħmlu l-ħaddiema tal-barrieri biex wara jdeffsu fihom l-ispnajjar u bid-daqqiet tal-mazzez jaqsmu l-blata fi tnejn. Tal. presa.

PRODOMO     Dan kien l-uffiċjal tal-Ordni li llum jista’ jissejjaħ komptrollur, jiġ., l-uffiċjal li jieħu ħsieb il-finanzi. Il-Gran Mastru kien jaħtar żewġ prodomi fis-sena biex dawn jikkontrollaw l-amministrazzjoni tat-Teżorerija kif ukoll tas-Sagra Infermerija. Tal-ewwel minn dawn kellu setgħat akbar minn tat-tieni. Il-prodomo, għalkemm kien membru tal-Ordni, mhux dejjem kien ikun Kavallier. ‘Fr. prud’ hom – M. bniedem ta’ ċerta kawtela (prudenza) u attenzjoni, u għaldaqstant dan kellu jkun raġel ta’ integretà u ta’ min jorbot fuqu.

PROFANAT  Desagrat. Term. li jispjega li knisja, kappella jew partijiet minnhom, bħal pereż., xi altar, ikunu imneżża’ mis-santità tagħhom, u għaldaqstant ma jibqgħux validi biex isiru r-riti reliġjużi. Fl-1575, l-Inkwiżitur Pietro Duzina, fil-viżiti tiegħu li għamel tal-knejjes u kappelli Maltin u Għawdxin ipprofana ħafna kappelli li kien sabhom li kienu fi stat ta’ abbandun.

PRONOSTKU      Ara: ALMANAKK

PROSPETTIVA   1. Tpinġija jew tinqix, skultura eċċ. li biha l-artist joħroġ it-tridimensjonalità tax-xena jew disinn li jpinġi. Fil-każ tal-arti f’Malta din il-prospettiva tispika b’diversi forom, fosthom, l-effett illużjonistiku. Dan narawh fit-tpenġija tal-‘koppla’ tal-Katidral ta’ Għawdex li hi koppla ċatta qisha skorfina u għalhekk hi impinġija minn ġewwa b’mod li tidher qisha koppla ta’ vera. Il-kelma ġejja mit-Tal. perspettiva. 2. Il-kwadru ta’ ċertu kobor, ġen. imnaqqax fil-ġebel, ta’ stil Barokk li jdawwar b’mod dekorattiv u emfatiku l-pittura ta’ fuq l-artal.

     prospettiva trompe l'oeil               prospettivvaSanta LucijaNaxxar11 017.jpg

 

PROTOMEDIKU      (Protomedico / Protomedicus)  Fi żmien l-Ordni, dan kien l-ogħla uffiċjal inkarigat mis-sanità fil-gżejjer Maltin. Kien ikun hu li jaċċerta li l-mezzi kollha tas-saħħa qed jiffunzjonaw b’mod effikaċi u sodisfaċenti. Il-protomediku jissemma f’dokumenti tas-seklu ħmistax bħala l-uffiċjal imqabbad mill-Università tal-Imdina. Il-kwarantina tal-bastimenti li kienu jidħlu fil-portijiet Malta kienet taqa’ taħt ir-responsabltà tiegħu. Kien ukoll il-protomediku li jieħu ħsieb x’tip ta’ mediċina kienet tidħol minn barra, u li ċerti mediċini, bħal ngħidu aħna l-loppju, ikunu miżmuma b’ċerta sigurtà biex ma jaqgħux f’idejn irresponsabbli. Il-protomediku kien jagħti l-liċenzja lit-tobba, lill-barbiera, lill-kirurgi u lill-ispiżjara, biex dawn ikunu jistgħu joperaw il-professjoni tagħhom. Dan l-istess uffiċjal kellu s-setgħa li jirtira l-liċenzja tagħhom. Kien ukoll il-bniedem responsabbli mill-permessi ta’ ftuħ ta’ spiżeriji ġodda. Ara: Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530-1798) ta’ C. Savona-Ventura, pp. 30-37.

PROVENZATA    (D.) Tempesta, temporaccio. […] cosí chiamata viene ogni tempesta che viene dalla parte occidentale. Riefnu. Nassumi li din hi ukoll rif. oħra għall-Majjistral. Wara kollox il-Majjistral jonfoħ mill-‘wied’ ta’ Mistral li jinsab fi Provenza, fix-Xlokk ta’ Franza. Nafu kemm dan irriħ ikun qawwi u jġib miegħu temp frisk fil-ħarifa u bard kbir jekk jaħbat jagħmel fix-xitwa.

PROXEN     Dik il-parti tat-tarf tal-palk fit-teatru li tibqa’ tidher wara li jinżel is-separju. Din tissejjaħ ukoll RIBALTA.

PRUNA    A. de S. fid-Damma jiddiskrivi din il-frotta bħala għanbaqra.

PTANZA     Porzjon tal-ikel, jew platt bil-laħam. Ħobż tal-ptanza – ħobż li kien jingħata lill-foqra. Fl-1631, l-Ordni kien ħareġ regoli dwar għajnuna lin-nisa foqra. Forsi dan kien l-ewwel forma ta’ għajnuna soċjali li bdiet tkun amministrata mill-awtoritajiet f’Malta apparti l-isptar b’xejn. Fl-1725 din l-għajnuna bdiet tingħata wkoll lil dawk in-nies morda kronikament, jew li kellhom xi forma ta’ inkapaċità. Din il-karità kienet tkun kemm finanzjarja (daqs taro wieħed kuljum, u żewġ ħobżiet). Dan l-ikel kien joħroġ mis-Sagra Infermerija u kien issorveljat minn żewġ Kavallieri megħjuna minn erba’ nisa anzjani, msejħa pitanziere.  Ġieli kienu jitqassmu mat-800 ħobża kuljum. L-ispiża ta’ dan il-benefiċċju soċjali kienet titla’ sa 1,200 skud fis-sena. Tal. pietanza.  Ing. pittanceSors:  Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530-1798), C. Savona-Ventura, pp. 103-105.

PUBBLIKAN     1. n. Għaxxar. Bniedem li jiġbor l-għexur. Karattru li jissemma fil-Vanġelu, fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan. 2. Is-sid jew inkella dak li xogħlu kien li jieħu ħsieb il-ħanut tax-xorb. Lukandier.

PUĊPIEĊA      1. Qamla ta’ lewn aħmar li tgħix l-aktar fuq it-tiġieġ.  2. Fig. Xi ħaġa mhux importanti.

puftaPUFTA   Oriġ. mill-Ingliż pooftah kelma li oriġinat minn puff. Din il-kelma tirriferi l-aktar għal omosesswali effeminati. Dan minħabba li oriġ. fi Franza tas-seklu tmintax il-kelma pouf kienet tirriferi għal stil ta’ lbies jew xagħar li kien iddisinjat b’mod li jidher qisu minfuħ. Dan l-ilbies kien sar popolari man-nobbiltà meta r-Reġina Marie Antoinette bdiet tilbes hekk, (madwar l-1780-90). Fr. bouffer: M. tonfoħ. Dan ifakkarna fi proverbju li jsemmi M.A.V. (1828), li jgħid hekk: Xoqqa li tinseġ maqjuma (li tiswa l-flus) jxidduha n-nies meħjuma (effeminati).

PULĊINELL   Buffu li l-oriġ. tiegħu tmur lura f’Napli tas-seklu sbatax. Rif. biex twaqqa’ għaċ-ċajt lil xi ħadd meta dan iġib ruħu b’mod redikolu jew mhux kif suppost. PULĊINELLATA  Att ta’ ħmerijiet kbar u li jwaqqgħu għaċ-ċajt u ż-żebliegħ lil min jagħmilhom.

Pulena Hib.JPGPULENA  Xogħol dekorattiv fl-injam, li ġen. jingħata l-forma ta’ xi annimal, ħuta jew figura umana, li fl-antik kienet iżżejjen il-pruwa tal-bastiment. Il-pulena kienet ukoll isservi ta’ ħarsin superstizzjuż kontra l-‘perikli tal-baħar’. Il-pulena kienet tagħti il-karatteristika li minnha il-bastiment kien jintgħaraf minnufih. F’Malta, il-pulena hi l-aktar sinonima mal-figura li kienet iżżejjen il-pruwa tal-Hibernia, bastiment Ingliż tas-seklu 19. Dan għaliex għal ħafna snin wieħed seta’ jara l-HMS Hibernia sorġuta ħdejn Sant’Anġlu.  Ara: ALBANIA.  Illum din il-pulena qiegħda esebita fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. Idj: ‘qisha l-pulena’ – tingħad għal xi mara li dejjem liebsa pulit u ma tridx taf b’faċendi. Tal. polena li x’aktarx ġejja mill-Fr. poulaine li tfisser munqar jew rostrum. Ing. Figurehead.

PULENTA   Taħlita ta’ qamħirrun mgħassad ġieli bil-ħalib u jittiekel qisu pudina. Tal. polenta. Ing. gruel. Fil-kummiedja Żwieġ ġol-Mandraġġ, ta’ Pietru Pawl Pellegrini, (1871), il-karattru ta’ Marija jgħid hekk, ‘[…] Żewġi, Alla jaħfirlu, kien jaqli l-pulenta fil-kantuniera ta’ Santu Wistin […]’. Sors: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 120. Il-pulenta hi ikla tipika tal-Italja tat-Tramunta. Biss, hemm varjetajiet kbar ta’ riċetti tal-pulenta mal-Italja kollha. Fir-reġġjuni tan-nofs hemm ukoll il-polenta fritta. Sorsi oħra: E.S.I. u J.A.

PuLENTA-RECIPES-facebook                           Yellow cream called POLENTA in Italy cooked very tasty grilled

Ara: https://www.italyheritage.com/cuisine/food/polenta.htm.

PULIKARJA      1. Bniedem li jagħmilha ta’ ardit u bulì billi jisfida lil dak li jkun bil-manjieri tiegħu. Gr. pallikarios – M. Żagħżugħ ardit.  2. Tip ta’ xtieli. Plantago psyllium. Ing. flea-bane.

PULLAGRA      Ara: GOTTA.

pullakkun-coat-and-vet-1880-PULLAKKUN   1. Il-qala’ tad-dgħajsa tal-latini li kien ikun bi tliet irkejjen. Il-pollakka kienet tip ta’ bastiment żgħir li kien isalpa fil-Mediterran. Ara: POLLAKKA u TARTANA. 2. Sa tmiem is-seklu dsatax, in-nutara u nies oħra tal-liġi kienu jħobbu jilbsu qomos bl-għenuq stirati u mtellgħin ’il fuq. Minħabba x-xebh ta’ l-għonq tal-qmis mal-qala’ ta’ dawn il-bastimenti, dawn l-għenuq ukoll kienu jissejħu ‘pullakkuni’. Sors: Ward ta’ Qari Malti, p. 152.

pulptu one 023.jpgPULPTU / POLPTU   Għamara tal-knisja, norm. tal-injam, ġebel jew irħam maħdum ta’ ċertu għoli, minn fejn il-predikatur jagħmel il-prietka jew il-paniġierku tiegħu. Il-pulptu kien importanti l-aktar fi żmien qabel ma kienet introdotta s-sistema tal-amplifikazzjoni, billi l-pulptu kien jinbena f’nofs il-korsija biex il-vuċi tal-predikatur twassal aktar u tinstema’ sew min-nies.  Tal. pulpito.    

 

pumankannella.jpgPUMAKANNELLA   Frotta li tikber norm. fil-pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u fil-West Indies. Is. xj. Annona squamosa. Din il-frotta u s-siġra tagħha jissemmew l-ewwel darba mill-botaniku Gavino Gulia (1835-1889). L-isem bit-Tal. hu pruna cannella, isem li l-Maltin għaffġu kif setgħu u qalbuh f’‘pumakannella’. Ing. sweet sop, sweet apple u custard apple.

 

Punic inscription.jpgPUNIKU   Rif. għall-perijodu u l-kultura Feniċja u Kartaġiniża. Għall-arkeoloġi, il-kelma ‘Puniku’ tirreferi l-aktar għal dak iż-żmien fejn il-kultura u l-qawwa ta’ Kartaġni kienet ħadet predominanza u nfirxet, l-aktar fil-Punent tal-Mediterran. Il-Feniċi kienu nies li oriġinaw mix-xatt tal-Libanu. Bil-Grieg, Phoinikios – tfisser aħmar – rif. għall-għażel ħamrani li l-Feniċi kienu jinnegozjaw. Madwar it-tmien mitt sena Q.K. dawn il-baħħara bdew jistabbilixxu kolonji f’diversi artijiet fil-Mediterran, fosthom Malta. Kienu l-Feniċi li daħħlu l-ewwel kitba magħrufa f’Malta li huma stess kienu ivvintaw. Il-Feniċi ġabu magħhom ukoll simboli reliġjużi kemm Feniċi kif ukoll Eġizzjani. B’hekk insibu f’Malta simboli tal-allat Feniċi, bħal Ba’al Ħammon, Axtarte u Melkart, u allat oħra Eġizzjani bħal Ħorus u Anubis. L-aktar sejbiet arkeoloġiċi li jindikaw il-preżenza Feniċija-Punika f’Malta nstabu f’Tas-Silġ, Marsaxlokk u f’oqbra fil-gżejjer Maltin. Għalkemm skont l-istoriċi, Malta waqgħet taħt idejn Ruma fl-218 Q.K., il-kultura Punika baqgħet ħajja sa mijjiet ta’ snin wara.  Santu Wistin (354 – 430 W.K.) li kien isqof ta’ Hippo Regius, fl-Alġerija,  kien jirreferi għan-nies ta’ Kartaġni ta’ żmienu, bħala nies ‘Puniċi’. Oriġ. Gr.  Punikios : M. aħmar. Ara: Malta – Phoenician, Punic and Roman, ta’ Anthony Bonanno, pp. 13 – 123.

punka.jpgPUNKA   Tip ta’ rewwieħa magħmula minn liżar imdendel mis-saqaf li biex tiffunzjona xi ħadd kien irid iċaqlaqha billi jiġbed spaga. Maċ-ċaqliq tagħha titħarrek l-arja u tiffriska l-kamra. Dan il-makkinarju pjuttost sempliċi kien jintuża fl-Indja, u għaldaqstant x’aktarx iddaħħal f’Malta mill-Ingliżi li kienu stazzjonati f’dan il-pajjiż, fi żmien qabel ma beda jintuża il-fan tal-elettriku. Indjan: Pankha – M. rewwieħa.

PUNTAL   Seratizz twil li jitqiegħed taħt l-istruttura li tkun qed tinbena biex dan isostniha. Il-puntali jistgħu jintużaw ukoll biex isostnu minn taħt jew mill-ġnub il-bastiment fil-baċir, jew xi lanċa fuq l-art waqt li dawn ikunu qed jissewwew. Tal. puntale.

PUNTELL     1. Biċċa għodda żgħira tal-ħadid forma ta’ sigarru li ġej għall-ponta. Dan jintuża mill-buttar biex itaqqab fl-iebes. 2. Biċċa metall li titwaħħal f’toqba fid-drapp biex dan ma jiżżarradx.

PUNTETTA   1. Ħjata fit-tarf tal-kalzetti li tgħatti s-swaba’ tas-sieq.  2. Kelma li tiddeskrivi tip ta’ għaġin.   GĦAĠIN PUNTETTA   Tip ta’ għaġin żgħir li jmur mal-brodu u li jingħata lit-tfal iż-żgħar bħala wieħed mill-ewwel ikliet ħfief.

PUNTILJUŻ   Appel. għal bniedem li jikkustinja fuq kollox. Bniedem tal-punt u li ma jċediha lil ħadd waqt argument.

Cintura1.JPGPUPA Ta’ MARSILJA    1.  Jingħad li fl-aħħar tas-seklu dsatax kienu jiġu impurtati f’Malta pupi sbieħ minn Marsilja. Apparti minn hekk, bdew isiru xi statwi tal-qaddisin f’Marsilja, ikkummissjonati minn diversi parroċċi Maltin. Dawn kienu ntogħġbu ħafna. Fost dawn l-istatwi insibu (i) l-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura tal-Gudja, (ii) dik ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop, (iii) dik tal-Madonna ta’ Loreto, f’Għajnsielem (iv) tal-Kunċizzjoni tal-Qala (v) San Pietru u San Pawl tan-Nadur u (vi) Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Meta fil-Gudja, l-Madonna taċ-Ċintura toħroġ mill-knisja fil-festa tagħha, il-miġemgħa għadha sa llum tinfexx tgħajjat ‘Viva l-pupa ta’ Marsilja.’  2. Fig. Riferenza għal xi tfajla sabiħa. Ara: ĊINTURA, MADONNA TAĊ-.

PUPILLA   1.  Tundjatura żgħira f’nofs il-ħabba tal-għajn, li ta’ sikwit tagħlaq u tiftaħ biex tikkontrolla d-dawl li jidħol fl-għajn. Il-parti tan-nofs tal-iris tal-għajnejn. 2. Fig. persuna għall-qalb ħafna ta’ xi ħadd. 3. Fig. Persuna, l-aktar mara, li tilbes pulit u bi ħwejjeġ dejjem indaf.  Ngħidu, ‘Dik iżomm kollox pupilla d-dar’.  Kollox nadif tazza. Tal. pupillo.  Ara:  ĠISEM  IL-BNIEDEM.

PURFUM    Likwidu tal-ħasil li jfewwaħ u li ġen. jintuża biex inaddaf l-art. Ing. perfume. PURFUMATUR / PROFUMATUR   Il-bniedem responsabbli f’każ ta’ mxija tal-pesta li jiddisinfetta l-postijiet fejn kien jinstab li hemm xi mard li jittieħed. A. de S. jgħid li l-pesta tal-1675-76 kienet eliminata għal kollox meta kienu ġew numru ta’ profumaturi minn Marsilja u ddiżinfettaw id-djar, bil-ħwejjeġ u n-nies b’kollox. Sors: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, p. 148.

PURTANT    Il-ġiri taż-żiemel b’pass qasir, saqajh kemxejn fil-għoli u b’temp meqjus. Espr. ‘għaddej bil-purtant’ – jiġ., miexi bil-pass tiegħu tas-soltu, u mhux b’pass mgħaġġel. Sqal. purtanti. Ara: BORINA.

PURTATA    Tingħad fl-espr. ‘ikla ta’ tliet purtati’ – jiġ., ikla li tinkludi tliet platti, wieħed wara l-ieħor.

PUSTUMETTA    Ponta fil-ġisem, l-aktar li tinsab fil-ħalq li tkun kawża ta’ xi infezzjoni żgħira. Din toħroġ l-aktar meta xi ikel ħarr jittiekel u dan jniġġes il-ħanek. Tissejjaħ ukoll EFTE. Tal. pustuletta.  

PUTATTIV    (Aq.) /  PUTATIV  (E.S.I.) Bniedem li jkun maħsub jew miżmum b’missier meta fil-fatt ma jkunx il-missier bioloġiku. San Ġużepp kien il-missier putattiv ta’ Ġesù.  Tal. putativo.

PUTIFERJU   Tingħad eż. fil-frażi ‘qajjem putiferju sħiħ’ – jiġ., għamel xenata sħiħa. Tal. Putiferio, grande bacano; finimondo.– M. xenata mill-kbar.

Putirjal Valletta Brocktorff -L09313549PUTIRJAL    Mal-bini tas-swar tal-Belt Valletta, Lapparelli fetaħ daħla li minnha wieħed seta’ jidħol il-Belt wara li jaqsam il-foss min-naħa tal-Furjana. Kien fi żmien il-Gran Mastru De Paule, fl-1634 li nbena t-tieni bieb din id-darba majjestuż. Dan il-bieb kellu torri tal-għassa mibni fuqu. Il-perit li ddisinja dan il-bieb kien Tumas Dingli. Oriġ. din id-daħla kienet magħrufa bħala Porta San Giorgio. Aktar tard fi żmien l-Ordni, dan il-bieb beda jissejjaħ ukoll Porta Reale. Fl-1853, il-bieb ta’ Putirjal twaqqa’ biex inbena ieħor b’żewġ entraturi akbar. Dan kien iddisinjat mill-inġinier militari Ingliż Colonel Thompson. Dan il-bieb serva sal-1963, meta ttella’ bieb ieħor mill-Perit Alziro Bergonzo għan-nom tal-consortium internazzjonali Zavelloni-Rossi. Din id-darba din id-daħla la kellha bieb jingħalaq u lanqas pont li jitla’ ‘l fuq. putirjal educ 3979Minflokk il-bieb kellu triq tgħaddi minn fuqu biex jgħaddu l-karozzi li jkunu deħlin il-Belt min-naħa ta’ Kastilja. F’Mejju tal-2011 dan il-bieb twaqqa’ wkoll biex floku issir daħla mingħajr arkati. Dan id-disinn kien magħmul mill-perit magħruf Taljan Renzo Piano. Dan ix-xogħol beda bħala parti minn proġett kbir ta’ kostruzzjoni u restawr f’din iż-żona tal-Belt Valletta, li jinkludi l-Parlament il-ġdid, u l-Opera House. Iċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex, wkoll għandha d-daħla prinċipali antika tagħha magħrufa bħala Putirjal. Ara: A City by an Order ta’ Roger Degiorgio;  Chronicles of 20th Century Malta, ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar.

PUTTARGA   Bajd tal-ħut – mulett jew tonn immellaħ u mqadded. Tip ta’ kavjar li fi Sqallija jisserva mal-għaġin.  Tal. buttarga. Sqal. buttarica.  

PUXU     Ara:  PEJXU.

PWALES   L-isem tal-Pwales ħdejn SanPawl il-Baħar ma għandux x’jaqsam ma’ San Pawl, anke jekk stess dawn l-inħawi għandhom tradizzjoni kbira ma’ dan il-qaddis. Pwales x’aktarx hija l-plural miksur ta’ palus kelma Lat. li tfisser art bassasa bl-għadajjar. Infatti fi żmien l-Ingliżi l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar bdew ikunu mistgħadra mill-għadajjar biex l-art tkun tista’ tibda tinħadem mill-bdiewa. Ara: The River Valleys of the Maltese Islands ta’ S. Haslam u J. Borg pp. 121-132.

 

*         *          *

Fittex aktar:

*    *    Ċ  *    C  *    *   *    *
Ġ  *    *    GĦ  *    *    Ħ  *    *    *    *
*    *     *     O   *     P  *    Q  *    R *     S  
T  *     U  *     V  *    W  *     *     Ż  *    *

Il-website hi bbażata fuq il-kitba ta’ dawn it-tliet kotba :

           Bejn Kliem u Storja 

           Ara X’Int Tgħid 

           Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja        Aa ARA X'INT TGHID        A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                               Paġni 256                                              Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

 

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I
.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli …  mohba2016@gmail.com