t

 

A  *    B  *    Ċ  *    *    *   *    *
Ġ  *    G  *    GĦ  *    *    Ħ  *    *    *    *
*    M  *     N  *     *     *    *    R  *     
T *     *     *    *     *     Ż  *    *
TABAKKIN * TABAL / TABAR * TABIB TAD-DBEJJEB * TABXA * TAĊĊ * TADAM * TADARNADUR ISRIRA * TAFANAR * TAGĦMIR * TAĦĦAN * TAĦRIKA * TAKKALJA * TAKKWIN * TALJA * TALJAKARTI * TALJAMAR * TALJARINI * TALJOLA / TARJOLA * TALUT * TAL-LASTKU * TAMRA / TAMLA * TANBUR TAX-XOGĦOL / TANBURETT * TANIT (ara: AXTARTE) * TAQDIM / TQADDIM * TAQRIS * TAQSIRA * TAQTIGĦA * TAQWIS * TARKIJA * TARTANA * TARXA * TARXIEN, ĦAL * TARZNA * TAVLAMENT * TAWWES * TAZZA * TBAĦĦIR * TBENĠILA * TBERFIL * TBIGĦ * TBIĦ * TE DEUM * TEATRIN * TEBBIEĦ * TEBQA * TEDIBOJ * TELLAR * TELLERITA * TELLISA / TELLIES * TELUN * TEMPRIN/A * TERĦA * TERĦA TAL-ALTAR * TERRAĊĊU / TERRIĊĊU * TERRAMAXKA * TERRA MELITENSIS * TERRAPIEN * TERREMOTI * TERRIEĦA * TERTEX * TERTUQA * TERZJARU * TETU * TEWBA * TEWJA / TIWJA * TEWQ * TFIEF * TGĦAM * TIDMIS * TIFOJDE * TIGAN * TILLIERA / TULLIERA * TILQIM * TIMPLOR * TIN TAĊ-ĊAPPA * TINSIL (ara: TINSILA) * TINSILA * TINT * TINTINNABULU * TINŻLOR * TIRANTA * TIRATURA * TIRJAKA / TRIJAKA * TIRJIX * TIRXA * TISWIJA * TITOTLA * TITULAR * TJARA * TLIEF * TLIET ĦABBIET * TLIET KARNIJIET * TRIRENJU * TKARKIR * TMINTAX-IR RBIEGĦI (ara: IR-RBIEGĦI) * TMONTOX * TNIEBRI, L-ERBGĦA TAT- * TOBI * TOFET (ara: MOLK) * TOKIS * TOKK * TOKK, IT- * TOKKALAPES * TOLBOJ * TOMBA * TOMNA / TUMOLO * TONI BAJADA / TONI BAJJADA * TONKA * TONSURA * TOPPU  * TORBA * TORK * TORKJU * TORĊMAN * TORNALETT * TORPEDINI * TORPEDINIERA * TORRE DELLO STENDARDO * TOSKU * TOXX * TOŻA * TQALFIT * TRABOKK / TRABUKETT * TRAFANAL * TRAJBU * TRAJJA * TRAK * TRAKOMA * TRAMIĠĠJANA (ara: DAMIĠĠJANA) * TRAMM * TRANJA * TRANSULAZZJONI * TRAPASSJONI (ara: VJATKU u MOTA), TRAPASSJONI * TRATTAMENT * TRAVERS * TRAVERSIJA * TRENTA * TRESPIKOS * TREVIRA * TRIBUNA * TRICLINIUM * TRIDU * TRIJA * TRIKKITRAKK * TRITTIKU * TRIZZA * TROFEJ * TROGLODITIŻMU * TROLL * TROMBA * TROMPE L’OEIL * TRONĠA * TRONK / TRONKU * TRUNĊIERA * TUBERKOLOSI * TUBRU * TUFFIEĦ TA’ ADAM * TULA * TULL * TUMAKKA * TUMBARELLU * TUNNARA * TUPPAN * TUQQALA * TURGUT RAIS * TURKOPILIER * TURNALETT * TURRETTA * TURRUN * TURU RIZZU * TUSTIERA / TESTIERA * TUTEMP / TUTEMBA * TUTTU * Tużell ? TWEŻWIŻ *

 

tabakkial_pipeTABAKK   It-tabakk daħal fl-Ewropa fis-seklu sittax minn Kuba bis-saħħa tal-Ispanjoli, li tħajru mill-abitanti ta’ hemmhekk, meta rawhom ipejpu l-weraq ta’ din il-pjanta. Fis-seklu sittax, din il-pjanta kienet bdiet tkun ikkultivata fil-pajjiżi Mediterranji u anki f’partijiet tal-Lvant tal-Ewropa. Il-weraq kien jiġi kkunsmat bħala niskata li titpoġġa f’kaxxa żgħira apposta li kont tista’ ġġorr faċilment fil-but. Meta jfettillu dak li jkun jieħu naska, jiġ., ixammem it-tabakk ma’ mnieħru għal gost. Nafu li sa nofs is-seklu sbatax, it-tabakk kien diġà beda jkun impurtat f’Malta. Bil-mod il-mod dan beda jintuża biex ipejpuh bil-pipa. Imbagħad, mit-tieni nofs tas-seklu dsatax, it-tabakk bdew ipejpuh bħala sigarru, u wara bħala sigarett, waqt li x-xamm tan-niskata tat-tabakk naqas sew. Fis-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin f’Malta kien hawn bosta kumpaniji li kienu jipproduċu s-sigaretti, u t-tabakk kien anki jkabbruh lokalment. Min kien ikabbar u jipprepara t-tabakk b’mod personali ġieli kien iħallat ir-rum jew il-brandy mal-weraq u jħallieh jinxef biex wara jqatta’ minnu għal pipa (G. Lanfranco 2017). Ara: NASKA / NISKATA. Tal. naschata – M. xamma. Ara: 18th Century Food Habits Malta, Europe and the Mediterranean ta’ Dr. Carmel Cassar; ‘Tobacco in Malta at the Time of the Knights’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta, Confessions and Transgressions, Vol 9,  pp. 112 – 139. Slavery in Malta, Wettinger p. 542.

TABAKKIN    V.B. (1900) isejħilha TABAKKIERA.  Kaxxetta tal-metall li kienet tinġarr fil-but tas-sidrija biex fiha jitpoġġa t-tabakk tan-niskata jew tat-tipjip. Ing. snuff box. Ara: NISKATA.

TABAL / TABAR   (pl. otbla / itbla)   Tanbur.  TABBAR   Wieħed li jdoqq it-tanbur. Idj. Ma jibżax mid-daqq it-tabar, jiġ., ma jibżax mit-tnabar tal-gwerra. Sors: Kif  Ngħiduha. ta’ Gino Muscat u Anna Azzopardi.

TABĦQA    Ara: TEBQA.

TABERBINA / TAWERMINA   Isem li bih kien magħruf antikament ir-raħal ta’ Taormina fost il-Maltin li kienu jikkumerċjaw ma’ Sqallija u l-Italja. M.A.V. (1796).

TABIB TAD-DBEJJEB    Tabib li jikkura l-annimali. Veterenarju.  (D)  Medico degli animali.

TABXA    1. Somma flus li wieħed hu obbligat li jħallas.  2. Sitwazzjoni diffiċli. A. de S. jispega din il-kelma fid-Damma bħala conculina di rame. Conculina tista’ tfisser, tip ta’ bebbux jew arzell tal-baħar jew, għoqda jew ingropp f’zokk ta’ siġra. Għ. dabxa. M.A.V.  (1796)  jgħid, somma grande.

tadamTADAM  Is. xj. Solanum lycopersicum. It-tadam inġab mill-Amerika fl-Ewropa mill-Ispanjoli, snin wara li Cristoforo Colombo skopra dan il-kontinent. L-isem fil-fatt ġej minn tomati, nom mogħti fl-ilsien Nahuatl, mitkellem mill-Azzeki tal-Amerika Ċentrali. It-tadam beda l-ewwel jitkabbar fl-Ewropa mill-Ispanjoli, imbagħad, bil-mod il-mod, sar popolari fin-nofsinhar ta’ Franza u fl-Italja fis-seklu sittax. Fis-seklu dsatax fl-Italja t-tadam beda jintuża bħala zalza biex titħallat fil-platti tal-għaġin. A. De S. jinkludi dan l-isem fid-dizzjunarju tiegħu id-DAMMA, (ċ. 1750-67) bħala TUFFIEĦ TA’ ADAM u jagħtih l-isem xjentifiku tiegħu bħala, lycopersicum. Dan iffisser li t-tadam f’Malta kien qiegħed ikun imkabbar, u naturalment, ikkunsmat diġà għal ħabta ta’ nofs is-seklu tmintax. Dominique Miège, jinkludi din il-pjanta f’lista estensiva ta’ prodotti agrikoli u pjanti li kienu jitkabbru lokalment, fiż-żmien li dam Malta (Histoire de Malte – 1841). Hu jagħti l-isem xjentifiku bħala Lycopersicum esculentum, kif ukoll l-isem bil-Malti, tuffieħ ta’ Adam. Dan għaliex fl-antik it-tadam kien imqabbel mat-tuffieħ. Fil-kalendarju tal-bdiewa li s-Società Economica Agraria kienet ippubblikat (1849), it-tadam jissemma bħala wieħed mill-prodotti li għandhom ikunu miżrugħa fix-xahar ta’ Jannar. Sas-seklu għoxrin it-tadam kien sar popolari sew f’Malta, tant illi beda jittiekel bħala kumpanaġġ mal-ħobż biż-żejt. L-etimoloġija turi li l-kelma tadam ġejja minn ‘dam’ jew ‘dagħmi’, rif. għal kulur karg aħmar. Ngħidu, ‘aħmar dagħmi’ – idgħam (maskil), dagħma (fem). Inkella, demmi, jiġ., li jagħti xeħta ta’ kulur id-demm. Ara: Wikipedia; Storja tal-Kultura tal-Ikel f’Malta, ta’ Kenneth Gambin u Noel Buttigieg – PIN, 2003.) Kalendarju tas-Società Economica Agraria, 1849, kitba ppreżentata minn Ġużi Gatt, (www.Ilmiklem.com), u Histoire de Malte, ta’ D. Miège (1841). Sors taletim. E.S.I.

Hagar_Qim_Jean HoeulTADARNADUR ISRIRA  / DJAR NADUR IS-SHGHARA.  Fl-1778 ġie Malta il-pittur Franċiż Jean Houel. Fost il-postijiet li żar kien hemm il-fdalijiet tal-ġebel ta’ Ħaġar Qim li hu pinġa, bħalma jidher fir-ritratt. Fid-dokumenti tiegħu, Houel jgħid li n-nies ta’ dawk l-inħawi kienu jsejħu dan il-ħaġar, ‘Tadarnadur Isrira’. Dan minkejja li nafu li sa dan iż-żmien, is-sit arkeoloġiku kien diġà magħruf bħala Ħaġar Qim. Fil-ktieb tiegħu Ancient and Modern Malta, Louis de Boisgelin, Kavallier tal-Ordni, ukoll jagħti l-istess isem lil dan is-sit. Biss jispeċifika li din ir-referenza kienet għal dak il-ħaġar li kien jinsab forma ta’ ċirku qrib it-tempju prinċipali. Lejn tmiem is-seklu dsatax, l-istudjuż u arkeologu Anetto Caruana wkoll isejjaħ dan il-post bl-istess isem, biss hawn l-isem miktub jinftiehem aktar: ‘Diar Nadur is-Shghara’. B’hekk nistgħu ngħarfu l-pronunzja proprja kif semagħha Jean Houel u li kitibha kif ħass hu, bħala ‘Dar/Djar Nadur ix-Xagħra’. (Ara: NADUR u ara: XAGĦRA).  Ara: Malta – Prehistory and Temples ta’ David H. Trump, 142-147, u The Mystery of Hagar Qim, ta’ Karl Mayrhofer.  

TAĊĊ    Musmar qsajjar li jintuża biex jissammru oġġetti ta’ ċertu ċokon, eż., il-qiegħ / il-pett taż-żarbun mal-bqija, jew drapp tal-kanvas mal-injam. Sqal. tacciachiodo (Kastilljan:  tacha).

TAFANAR    Il-warrani  ta’ annimal jew ta’ xi bhima tal-għelieqi. Tal. tafanario. Qbl. TRAFANAL.

TAFJA    Ħass ħażin, għaxwa. M.A.V. (1796), juża din il-kelma hekk: ‘tagħtu tafja’. (għafja?).

TAGĦMIR   Sett jew settijiet ta’ ħwejjeġ.  ĠHIEŻ tal-għarusa. Fl-istorja, ‘L-anġlu l-ikħal’, G. Aquilina, jgħid hekk, ‘[…] Lwiza [lit-tifla tagħha] tagħtha tagħmira ħwejjeġ għat-tfal […]’. Sors: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin, p. 9. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, (1943) p. 65, Ġużè Galea juża din il-kelma b’dan il-mod: ‘[…] Mekkek’ [isem ta’ wieħed mill-karattri fir-rumanz], ’kixef tagħmira snien sofor […]’.

TAĦĦAN      Dak li jitħan il-qamħ fil-mitħna. 

TAĦRIKA    1. Biċċa laħam, eż. taħrika taċ-ċanga. Wirk tal-barri maqtugħ għall-ikel. 2. Taħrika tal-qorti / tal-pulizija. Fid-Damma, (ċ. 1750 – 67), A. de S. jispjegaha hekk: ‘[…] citazione fatta da un Sbirro, chiamato uffiziale, a qualche persona perche ad un giorno destinato comparisca nel Tribunale o sia Giustizia avant’ il Giudice unitamente con chi fece l’istana per far la domanda […]’. 3. Moviment jew ċaqliq. Xi ħaġa eċċitanti sesswalment.  4. F. Vella (1843) iżid: Mard tat-taħrika bit-Tal. sciatica u bl-Ing. hip-gout.

TAĦWIĦ      Omosesswalità.  M.A.V. (1796) jispjegaha bil-Lat. praepostera libido, paederastia, u Tal. pentapolia. Il-kelma bl-Għ. tfisser, tieħu żball, titlef il-boxxla. Sors: E.S.I.

TAGĦSID/A      Jew għasida.  Taħwida ta’ ingredjenti fl-ikel jew affarijiet oħra, magħmula minn materjal pjuttost likwidu. Fig. din hi rif. għal xi sitwazzjoni li tkun mgħarrqa u / jew ikkomplikata għall-aħħar. A. de S. jgħidlilha taħlita ta’ ingredjenti tal-ikel tat-tiġieġ. M.A.V. jfissirha bit-Tal. bħala impastatura.

TAJFA     Riġment jew grupp ta’ suldati. TAJFIaġġ., jew, tat-tajfa, rif. għal xi ħadd imsieħeb ma’ ieħor f’xogħol jew kummerċ. Xi ħadd tal-familja; xi ħadd ta’ ġewwa. Din il-kelma insibuha miktuba fir-rumanz, Żewġ Anġli – Inez u Emilja, (traduzzjoni ta’ Dun Karm Psaila – 1934) p. 104, fejn Emilja tlissen dan il-kliem, ‘[…] ħalli nġibha [lil Ineż] tgħammar magħna u nkunu t-tlieta tajfa waħda […].’ Sors ieħor: E.S.I. F. Vella (1843) jgħid, folla, u nies tat-tajfa, u bi-Tal., bassa gente.

TAKKALJA     Biċċa drapp bħal żigarella li tintuża biex jintrabtu l-kalzetti mal-pexxul jew it-tights mal-koxox. Sqal.  Taccaghu / taccaghia, fettucia di seta, cuoio o altro loccio con cui si legano le calze. Sors etim: J.A. Ing. garter. Attaccagghia: nastro per attaccare. Ara: HONI  SOIT  QUI  MAL  Y PENSE.

TAKKWIN   Ktejjeb żgħir li fih jittniżlu xi notamenti. Tal. taccuino. Bit-Taljan dan kien jirriferi għal tip ta’ djarju jew kalendarju.

Aa ARA X'INT TGHID
Afgħas hawn

TAL-LASTKU   Għan-nies ta’ Ħal Luqa, fi żmien nofs is-seklu tmintax, din kienet riferenza għal Mikelanġ Sapiano u l-invenzjoni tiegħu. Mikelanġ Sapiano (1826-1912) kien arluġġar magħruf li ħadem magni tal-arloġġi u rrestawra bosta oħrajn. Kien bniedem kapaċi jivvinta u jaddatta għall-bżonnijiet tal-mument. Darba minnhom kien ivvinta rota biex biha jkun jista’ jivvjaġġa ta’ kuljum mill-Imqabba, raħal twelidu, sa Ħal Luqa, ir-raħal fejn kien jaħdem. Din ir-rota kienet magħrufa min-nies bħala, ‘tal-lastku’ għax kienet magħmula minn rota kbira fuq quddiem u żewġ roti iżgħar fuq wara, li kienu jiffunzjonaw bħal speċi ta’ tricycle, billi bejniethom jintrabtu xi kordi tal-lastiku. Hekk kif Mikelanġ kien jitfaċċa fit-toroq ta’ Ħal Luqa, isuq din ir-rota, in-nies kienu jinħasdu għal dik id-dehra – ma ninsewx li sa dak iż-żmien l-uniku mezz ta’ trasport kien bil-bhejjem, u r-rota (bicycle) daħlet f’Malta aktar tard, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. L-ommijiet kienu jbeżżgħu lit-tfal tagħhom billi jgħidulhom, ‘Idħlu ’l ġewwa għax ġej Tal-Lastku.’ Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija, p. 77; Ara wkoll: Juan Mamo ta’ Frans Galea, pp. 226, 227.

TALJA     1. Biċċa injama dejqa u ta’ ċertu tul li biha kien ikun irreġisrat l-bejgħ li jsir mill-bidwi lill-pitkal. Sistema li biha l-pitkal u l-bidwi kienu jiddokumentaw il-kontijiet tal-bejgħ li jkun sar bejniethom u l-ħlas dovut lill-bidwi. Dan kien isir billi tintuża speċi ta’ riġa li fuqa jitnaqqxu sinjali li juru l-kwantità ta’ bejgħ li jkun sar. Meta l-wiċċ tal-injama kien jintuża kollu, il-pitkal kien jaħraq l-injama u jibda’ waħda ġdida. Sors: Damma u E.S.I.  2. Forma ta’ taxxa jew multa. 3. Parank b’żewġ buzzelli. Sors E.S.I u V.B. (1900).

TALJAKARTI     Sikkina jew xafra li norm. tkun fuq l-iskrivanija biex tintuża meta wieħed ikollu bżonn iqatta’ xi karta f’biċċiet.  Talj.  taglia + carta.

TALJAMAR     Il-parti ta’ quddiem tad-dgħajsa jew tal-bastiment fejn tofroq l-ilma. Sors: E.S.I. Ing. cutwater. Etim. Tal. taglia mare. Sors: V.B. (1900).

TALJARINI   Għaġin li jmur mat-tisjir tal-brodu, f’forma twila u magħmul bħal FDEWWEX. Sors: E.S.I. ribbon vermicelli, V.B.(1900).

tarjola u rampilaTALJOLA / TARJOLA   Rota tal-injam jew tal-ħadid li magħha jiddawwar ħabel biex jintrefgħu oġġetti ta’ toqol b’ħeffa u bl-inqas tbatija. It-taljola tista’ tintrabat u tiddendel f’diversi modi, pereż., fuq il-ħorża tal-bir biex wieħed iniżżel jew itella’ l-barmil bl-ilma. Sqal. Tagghiola, ordigno di ferro con due morse  a scatto con che si pigliano animali. Sors etim: J.A.  Ara: ĦERŻA.

TALUT      L-angolu tal-binja meta din tkun inklinata ’l ġewwa, bħal ma naraw fil-bini tas-swar.  L-oppost hu UQIGĦ. Ing. gradient. Sors: Ġanni Buhagiar, Mqabba, u J.A.

TAMARISK      Ara:  BRUKA.

TAMES    Il-qtar li jittieħed mill-istonku tal-ħaruf li jkun għadu qatt ma kiel xejn ħlief il-ħalib tal-omm).  Ara:   BAQTA. TAMMAS  To coagulate. GBF. (1845).

TAMIĠĠANA      Ara: DAMIĠĠIJANA.

tamlamaTAMRA / TAMLA  (pl. tamar jew tamal).  1. Frotta mis-siġra tal-palm. Is. xj. Phoenix dactilifera. Għalkemm is-siġra tal-palm tikber f’Malta, din ma tagħmilx frott li jimmatura biżżejjed biex ikun tajjeb għall-ikel. Dan għaliex biex it-tamar jimmatura, is-siġra trid tikber f’temperatura li tlaħħaq sa erbgħin grad u fuqhom. Etim. Għ. tamr – rif. għal din il-frotta u frott ieħor inġenerali. Frott misjur, imqadded bix-xemx. Fil-Koran hu rrakkuntat episodju, meta l-Madonna kienet se telled lil Ġesù, u semgħet vuċi tħeġġiġha li biex issostni ruħha kien imissha tiekol it-tamar tal-palm. Dan għamlitu billi regħdet iz-zokk tas-siġra tal-palm biex it-tamal jaqa’ fl-art. (Qur’an 19: 25-26). B’hekk s-siġra tal-palm hi kkunsidrata mill-Musulmani bħala siġra sagra. Fid-dinja Għarbija, it-tamar hu tamra4fapprezzat bħala ikel nutrittiv għan-nisa tqal. 2. Tip ta’ mollusk ta’ forma żengulija li jikber ftit ċentimetri, b’kulur kannella skur jew ċar. Is. xj. Mytilus lithophagus., It-tamar jgħix ħafna drabi f’toqob li jkun ħaffer hu stess fil-blat. L-għaddasa kultant jitfgħu ċnagen fil-baħar biex fih jikber it-tamar. Wara ċertu żmien, il-ġebla tittella’ mill-għaddasa. Dawn ifarrkuha biex jaqilgħu t-tamar minnha. Dan il-frott tal-baħar kien jinbiegħ fit-toroq mill-għaddasa stess. Ġieli kont tara wkoll fit-toroq xi ħadd b’dixx mimli tamal biex iħajjar lin-nies jixtru biljett, li jitla’ mal-prima. Min jaqta’ n-numru jirbaħ it-tamar kollu fid-dixx. Ing. Sea date / date-shell.   

TANBUR 

tanbur dfTANBUR     1. Dixx jew bettija ta’ misura partikulari li fihom jitqiegħdu affarijiet tal-ikel. Skont mara mill-Marsa (Lanfranco RTK 8.12.1993)  din kienet: ‘[…] taqbad l-imqarrun u tpoġġieħ fit-tanbur … it-tanbur kien qisu dixx taż-żingu kbir […]’. (Minn Fomm il-Poplu, G. Lanfranco 2017.) 2. Oġġett magħmul minn ċirku tal-injam li jinżamm fl-idejn. Fih jitqiegħed id-drapp stirat biex jinħadmu disinji bħala xogħol tar-RAKKMU. Ing. embroidery frame.

TANIT      L-alla mara fil-kult reliġjuż Feniċju li kienet tissejjaħ ukoll Axtarte. L-isem Tanit kien jintuża b’mod aktar frekwenti fil-kolonji Feniċi, fil-Punent tal-Mediterran. Dan l-isem instab fis-sit arkeoloġiku ta’ Tas-Silġ, imnaqqax fuq ħafna fuħħar. Ara:  AXTARTE

TAQDIM / TQADDIM      1. Pass jew passi ’l quddiem; ċaqliq tas-saqajn. 2. Tqaddem oġġett billi tagħmel ħafna użu minnu. Sorsi: J.A., E.S.I. u M.A.V. Għ.  takaddem, timxi (‘l quddiem).

TAQRISA    Kelma li ġejja mill-verb ‘qarras’ – jiġ., għafas oġġett niedi bejn is-swaba’ biex minnu jinfesaq xi materjal. It-tqarris kien il-proċess li bih isir it-taħlit tal-eskrement niedi tal-baqar mat-tiben. Din it-taħlita kienet utli biex il-bdiewa ikebbsu n-nar minflok ma jużaw l-ħatab. Biex din it-taħlita tinxef, dan il-materjal kien imbagħad jitwaħħal ma’ xi ħajt għal xi jiem fix-xemx. Ara: BAGĦAR. Sors: Damma.

TAQSIRA  Biċċa laħam taċ-ċanga li tinqata’ forma ta’ mrewħa mill-parti tal-ġenb tal-barri. Parti estiża tal-fillitt. Biċċa laħam tarija minn din il-parti li tissajjar u tittiekel mal-brodu. Ing. Goose skirt jew bavette.

TAQTIGĦA   1. Qatgħa ta’ affarijiet, laħam jew ħut. Eż., ngħidu, ‘ser insajjar taqtigħa lampuka’, jiġ., il-ħuta ser tissajjar imqatta’ f’ħafna biċċiet. Nom mill-verb qata’ bħal qata’ f’biċċiet. 2. Battalja, ġlieda bejn ħafna nies. ‘Ngħidu, ‘saret taqtigħa kbira li ħadet bosta sigħat’.

TAQWIS   Kelma li ġejja mill-verb ‘qawwes’, jiġ., għamel forma ta’ qaws. Rif. norm. għat-tgħawwiġ tal-qaws, jew kif kien magħruf ukoll bil-Malti, il-‘water’, biex id-daqqaq jinfex (irattab u jiftaħ) il-ħjut miġbuda u mtawla tal-qoton. M.A.V. (1796) jispjega din il-kelma bħala l-att sesswali u jittraduċiha bil-Latin bħala coitus u actus venereus.

tarbux fez hatTARBUX    Beritta forma ta’ ċilindru żgħir, norm. ta’ kulur ħamrani u li miegħu tiddendel  ġummiena min-nofs. It-tarbux, jew FEŻ kif inhu aktar magħruf, jintlibes mill-irġiel l-aktar f’pajjiżi Għarab kif ukoll minn dawk il-Griegi, Serbi u Torok, li jżommu mal-ilbies tradizzjonali u antik tagħhom. It-tarbux hu magħruf bħala feż minħabba li kien fil-belt ta’ Feż fil-Marokk li d-drapp bill-kulur ħamrani kien jinħadem l-aktar.

TARKIJA   Qala’ pjuttost kwadru iżda mhux eżatt, li jittella’ ’l fuq mill-qala’ prinċipali. Dan il-qlugħ kien jintuża l-aktar fuq l-iXPRUNARA. Sorsi: M.A.V. (1796).  E.S.I. Biċċa qala’. Ing. Sprit sail. V.B. (1900).

tarkija xxxxx

TARLATURA     Trab fin li jaqa’ mill-injam meta dan tmissu s-susa.

TARO       (pl. tari).  Ara: RBIEGĦI u FLUS TA’ ŻMIEN l-ORDNI.

tartana maritime museum xTARTANA   Dan kien l-aktar bastiment komuni fil-kummerċ bejn Malta u Sqallija fis-sekli sbatax u tmintax. Bastiment twil bejn 16 u 20 m. Oriġ. dan kien jintuża għas-sajd iżda mbagħad beda jintuża wkoll biex iġorr il-merkanzija. It-tartana kella qala’ wieħed tal-latini u pollaccone, jiġ., qala’ triangolari fuq l-arblu ta’ quddiem. It-tartana kienet kapaċi ġġorr tagħbija ta’ 800 qantar (64,000 kg.) Il-pirati Maltin kienu anki jużaw dan it-tip ta’ bastiment biex jattakkaw u jaħtfu bastimenti oħrajn.

TARTARUN    Xbiek li norm. ikun minsuġ b’toqob irqaq u li jieħu l-forma ta’ borża kbira jew kwadra. Dan jitkaxkar mid-dgħajjes tas-sajd bl-iskop li jinqabad il-ħut iż-żgħir u rqieq. It-tartarun ġieli jkun imkaxkar ma’ qiegħ il-baħar għall-istess skop. Ngħidu, ‘ħut tat-tartarun’ meta nirriferu għal ħut irqieq.

TARXA    Tfarfira ħafifa bil-pinzell biex tnaddaf. Xkupa żgħira. (D.) ‘[…] Scopatura, scopata. Voce di contadini usata e di raro […]’.. M.A.V. jgħid, piccola spazzatura.

TARXIEL     M.A.V. (1796) Nome di una terra in Malta. Ara: TARXIEN, ĦAL.

TARXIEN     (D.) Uomo assordato, jiġ., bniedem trux.

TarxienMG_2252TARXIEN  ĦAL    Din il-lokalità bdiet minn raħal żgħir prob. fis-seklu ħmistax. L-oriġini tal-isem mhux ċert u jista’ jfisser bosta affarijiet. Bl-Għ. tarxan ifisser post jew wesgħa fejn jitrabbew l-isqra; tarx bl-Għ. tfisser ukoll merħliet; tirxa (pl. tirxien) hi kelma simili għal tarġa jew ġebla maqlugħa ’l barra minn mal-ħajt jew minn mal-blat. Din tal-aħħar tista tkun referenza għal xi ħaġra li segħtet baqgħet mikxufa maż-żmienijiet fl-għelieqi fejn fl-1913 nstab it-tempju megalitku ta’ Ħal Tarxien. Sors. Etim. J.A.  

Tarzna dock one

TARZNA    Kien fix-xatt tal-Birgu l-ewwel lok fejn l-Ordni ta’ San Ġwann stabbilixxa l-arsenal – il-post fejn jibni u jsewwi l-bastimenti tiegħu. Dan kien preċiżament qrib il-knisja ta’ San Lawrenz, sewwasew fejn illum hemm il-Mużew Marittimu. Hawn  inbniet struttura bl-arkati biex ix-xogħol seta’ jsir kull meta jkun hemm bżonn. F’dan l-arsenal ġieli kienu jinbnew mat-tliet bastimenti fis-sena, u kien isir ħafna xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-istess imriekeb. Biż-żmien, l-Ordni bdiet tuża x-xatt ġewwieni ta’ Bormla biex taħżen l-injam tal-ARŻNU – minn fejn oriġnat il-kelma tarzna – li kien impurtat għal dan ix-xogħol. Hawn kien ukoll il-bażi fejn żviluppat it-tarzna aktar tard fi żmien l-Ingliżi. Oriġ. Sqal. Arsenali li suppost kienet aktar ref. għall-għodda tal-gwerra. Il-kelma b’tifsira eqreb għax-xogħol ta’ manutenzjoni fuq ix-xwieni kienet darsena. Ara: BAĊIR. Ara wkoll:  Il-Flotta ta’ L-Ordni ta’ San Ġwann, ta’ Joseph Muscat;  Maritime History of Malta: ‘The Arsenal 1530 – 1798’ ta’ Joseph Muscat, Birgu A Maltese Maritime City Vol 1, pp. 255-325. ‘The Establishment and the Organisation of the Hospitaller Shipyard in Galley Creek of Malta’s Grand Harbour, 1701-1741’, Anton Quintano, Sacra Militia Issue 1 – April 2002, pp. 19-21. ‘The Order’s Arsenals’, Lorenzo Zahra, Heritage Vol. V pp. 1425-1428. The Birgu Galley Arsenal ta’ Joseph Muscat. Maltese Ports, ta’ Joseph Muscat. ‘The Knight’s Arsenal’ A Miscellanea of Historical Records, Captain J.M. Wismayer, pp. 1-10.

TAVLA TAL-ĦOĠOR    Tavla li l-ħajjat iqiegħed fuq ħoġru biex jifrex l-għodda meħtieġa waqt xogħlu. Ing. tailors’ board. 

TAVLAMENT    Dan hu l-injam jew il-paljol li jiksi qiegħ id-dgħajsa. Art magħmula mill-injam bħal parkett. Ngħidu, ‘X’it-tavlament trid?’ – esklamazzjoni li kultant wieħed jagħmel meta jitlef il-paċenzja ma’ xi ħadd jikkuntlarjah. Ara:  PALJOL.

TAVLOZZA    Biċċa injama maħduma fit-tond li jkun fiha toqba biex il-pittur ikun jista’ jżommha f’idu hu u jħallat fuqha il-kuluri li jkun qed juża.

tavlozza deas-3-1

TAWS / TAWES   Pagun.

TAZZA, IT-  Fl-antik din kienet rif. għad-duwa li kienu jamministraw, magħmula mill-brandi, lumi magħsur u ilma żahar kontra s-SABB. Rif. għall-mediċina, li fis-seklu dsatax, kienu jagħtu fl-isptarijiet lil dawk morda bil-kolera. Ara: KOLERA. Il-pazjent, minkejja li kien jieħu din il-mistura ma kienet tiswa xejn u l-pazjent kien xorta jmur għall-agħar u ħafna drabi jmut, B’hekk kienet inxterdet ix-xniegħa li t-‘tazza’ kienet tingħata lill-pazjent apposta mit-tobba mhux biex tgħinu jiġi f’saħħtu iżda biex imut f’qasir żmien. Malajr din il-mediċina ħadet reputazzjoni kera u ta’ spiss kont tisma’ lil minn jgħid: ‘tawh it-tazza!’ jiġifieri wasal biex imut, jew tawhilu biex imut. 

TBAĦĦIR   Ritwal li bih li tiskonġra jew tipurifika d-dar, in-nies jew annimali minn xi ħażen, jew inkella minn xi magħmul ta’ xi persuna. Dan kien u għadu ritwal li jsir fid-djar ta’ bosta familji Maltin. Kien hawn min ibaħħar f’Sibt il-Glorja jew xi jiem wara l-Għid il-Kbir. Oħrajn kienu jagħmlu dan regolarment, nhar ta’ Ħamis filgħaxija wara s-sebgħa ta’ filgħaxija. Imbagħad kien hawn min ibaħħar meta jkun hemm xi saram partikolari, bħal meta xi ħadd jimrad u ħadd ma jaf għaliex. Hawn kienu jbaħħru l-kamra tas-sodda tal-marid u l-aktar taħt is-sodda. It-tbaħħir kien isir billi l-persuna taqbad il-friegħi bil-weraq taż-żebbuġ li jkun imbierek waqt il-quddiesa f’Ħadd il-Palm taqligħ fiż-żejt u hekk kif ikun jaqbad iddur bit-taġen mad-dar kollha, minn ġewwa għal barra. Maż-żebbuġ kien hawn minn jitfa’ wkoll il-melħ. Dan ir-ritwal kien u għadu aktarx meqjus bħala superstizzjoni milli rit reliġjuż għax mhux approvat offiċjalment mill-Knisja, l-aktar għax it-tbaħħir ma jsirx mis-saċerdot iżda minn nies komuni.  Kienu jbaħħru wkoll bix-xemgħa tat-tniebri.  Waqt it-tbaħħir ġieli tingħad ukoll xi ĠAKULATORJA bħal ‘San Barnabaw jekk hawn xi xjaten oħroġhom minn hawn’. Jew, ‘San Pawl ta’ Ruma, jekk hawn xi għajn reġġagħha lura’.  

TBENĠILA    Kuħħala, tebgħa skura fuq il-ġilda li toħroġ wara li xi ħadd ikun qala’ daqqa mingħand xi ħadd jew ħabat ma’ xi mkien. Ngħidu, ‘Mal-waqgħa tbenġel waħda sew minn fuq s’isfel’. Il-kelma tbenġila hi relatata mal-kelma brunġiela għaliex meta wieħed jitbenġel ikollu kuħħala ta’ lewn il-brunġiel. Sors etim: J.A.

TBERFIL    1. Żigarella li tinħiet mat-tarf tal-libsa biex tagħlaq u tipproteġi l-ħjata tad-drapp. 2. Disinn ta’ linji rqaq iserrpu, li ħafna drabi jiddekoraw oġġetti bħal karettuni, kemm dawk tat-tagħbija kif ukoll dawk tas-serkin, karozzi tal-linja antiki u luzzijiet.     

tberfil 03717 - Copy

TBERMIĊ    (mill-verb bermeċ). Il-proċess li wieħed jagħmel meta jobrom xi ħaġa, bħal għaġina jew tafal bejn il-BEHEM u l-werrej biex irattab l-oġġett u jagħtih il-forma li hemm bżonn. M.A.V. jgħid hekk: ‘[…] muovere le dite indice pollice premendo  pasta e simile […]’. Ara: FETTUL.

TBIEGHTBIGĦ  Il-proċess tal-istampar tal-kotba kif ukoll xogħol ieħor fil-produzzjoni u l-pubblikazzjoni tal-gazzetti. Qabel il-proċess kien jinkludi wkoll l-issettjar u t-tqegħid tat-tipa fil-makkinarju biex dan ikun mitbugħ u ppubblikat. L-ewwel xogħol tat-tbigħ b’mod kummerċjali kien sar f’Mainz, fil-Ġermanja minn Johannes Gutenberg fl-1450. Madwar l-1452 Gutenberg kien beda x-xogħol biex tkun stampata l-Bibbja bil-lingwa Ġermaniża. Fl-1642 kienet daħlet f’Malta l-ewwel magna tat-tbigħ, bil-permess speċjali tal-Gran Mastru Lascaris. Biss din qatt ma ntużat għaliex kienet inqalgħet kwistjoni mal-Inkwiżitur u l-Isqof li kellhom id-dritt jiċċensuraw il-pubblikazzjonijiet li jkunu mitbugħa f’Malta. Il-makkinarju li fuqu kien jinħadem dan ix-xogħol kienet inżammet fil-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt, Valletta u wara ttieħdet fil-kanċellerija tal-Ordni li kienet tinsab sewwasew fil-bini li hemm faċċata tal-Palazz. Kien biss fis-sena 1756 li t-tbigħ beda jsir hawn Malta. Fi żmien l-Ingliżi, sal-1839, il-pubblikazzjonijiet kienu ristretti ħafna għax kien isir biss bil-permess speċjali tal-gvern. Imbagħad f’Marzu ta‘ dik is-sena ngħata l-permess biex jinfetħu stamperiji u jsiru pubblikazzjonijiet mingħajr restrizzjonijiet. George Percy Badger u oħrajn  bdew jistampaw il-perjodiċi jew gazzetti ta’ ftit paġni, bix-xogħlijiet u l-kummenti tagħhom. Għall-ewwel, bosta drabi l-awturi u pubblikaturi kienu wkoll il-proprjetarji tal-istamperija fejn kien isir it-tbigħ. Ara: ‘The Introduction of Printing’, pp 81-86; ‘The Press in Malta under the French’  (1798-1800); ‘The Printing Press in Malta under the British (1800-36)’, pp. 338-340, it-tlieta li huma kitba ta’ Joseph F. Grima f’Heritage Encyclopedia; The Life and Times of Grand Master Pinto, Carmelo Testa, p. 178; Lost Maltese Newspapers of the 19th Century,  Arnold Cassola.     

TBIĦ    Tisjier tal-ikel.  Qawl: Tbiħ imsaħħan jintaraf minn togħmtu. (D.) Brodu jew soppa eż., ‘tbiħ ta’ ful imqaxxar’. Sors (Damma). TEBBIEĦ  Kok. Bniedem li jitboħ.  TEBBIEĦA   Kuċiniera. Sors: E.S.I.

TE  DANSANT    Laqgħa ta’ ħbieb li waqt li jkunu qed jixorbu t-te jkunu jistgħu jqattgħu il-ħin jiżfnu għad-daqq ta’ xi orkestra.  Sors: E.S.I.

TE DEUM  / TEDEW/M    L-innu ta’ talb ta’ radd il-ħajr lil Alla li jitkanta fil-knejjes. L-isem komplut hu Te Deum Laudamus, li jfisser ‘Lilek O Alla Infaħħruk’. Dan jitkanta norm. f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi. B’mod aktar komuni l-Maltin isejħulu it-‘TEDEW jew ‘tedewm’.  Ara: KANT AMBROŻJAN.

teatrinTEATRIN   Norm. rif. għal xi teatru żgħir. Rif. ukoll għall-produzzjonijiet teatrali nfushom ta’ kwalità mhux daqstant raffinata, li kienu u għadhom isiru minn kumpaniji tad-dilettanti. Fit-teatrin tradizzjonali jittellgħu produzzjonijiet bħal fares, drammi, kant u żfin li jkunu maħduma mill-istess grupp ta’ atturi amatorjali.  Fis-seklu dsatax kien hawn kumpaniji bħas-Soċjetà Filodrammatica tal-Belt Valletta, u  Tan-Naħa l-Oħra li kienet il-Birgu. Kumpaniji bħal dawn kienu jtellgħu xogħlijiet bil-Malti. Fost il-kittieba tal-palk ta’ dak iż-żmien kien hemm Carmelo Camilleri, ċertu Savona u l-istoriku Pietru Pawl Castagna. Fis-seklu għoxrin bdew jiżdiedu l-kumpaniji fil-parroċċi. It-teatrini tal-komunità parrokkjali kienu popolari u komplew jikbru sas-snin sittin tas-seklu għoxrin. Forsi l-aktar xogħol farsesk antik tat-teatrini li jibqa’ jissemma hu Żeża tal-Flagship ta’ Mikielanġ Borg u It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla, li kien kiteb Charles Clews fis-sena 1955 – kummiedja brillanti, addattata minn karattri tar-Rediffusion għal fuq il-palk. Ara: Kitbiet Dwar it-Teatrin, Testimonjanzi, Intervisti u Analiżi, ed. Mario Azzopardi, Malta Drama Centre, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, 2010; Lost Maltese Newspapers of the 19th Century, Arnold Cassola, Tumas Fenech Foundation in Journalism (2011), pp. 50-53; Charles Clews (1919-2009), Kittieb u Attur Popolari, Anne Marie Bonnici, Klabb Kotba Maltin, 2012; Maltese Humour – But Seriously, Martin Morana 2017; Oh Żmien Ħelu … Il-Palk, ir-Radju u jien, Josephine Mahoney, 2012. It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, L-ewwel u t-Tieni Volum, Mario Galea, Mireva, 1997. 

TEBBIEĦ  / TEBBIEĦA     Ara: TBIĦ.

TEBQA     Naħa waħda ta’ oġġett minn tnejn, eż., tebqa tal-wiċċ, jiġ., il-ħadd (pl. ħaddejn tal-wiċċ); tebqa tal-majjal (tintuża fix-xiri tal-istess parti tal-majjal). Tebqa tal-pulmun – wieħed minn żewġ pulmuni. Il-qoxra ta’ ktieb. TEBQET IT-TINT Naħa waħda mis-sorm; naħa waħda tal-bieb, jiġ., bieba waħda minn tnejn. Il-pożizzjoni taż-żewġ għotjien meta dawn ikunu magħluqa ma’ xulxin. TEBAQ v. bħal meta ngħidu tebaq il-bieb – jiġ., għamel il-bieb SOKKJUŻ. Espr., ‘tebqa t’għajn’. Hawn minn juża l-kelma TABĦQA. Sors: E.S.I. u J.A.

TEDEW     Ara: TE DEUM

TeddyBoys (1)TEDIBOJ   Dan it-terminu kien popolari ħafna f’Malta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, u kien jirriferi għal dawk iż-żgħażagħ li kienu jiddandnu bi ħwejjeġ u xagħar ta’ stil partikulari. It-Teddy Boys kienu jilbsu qliezet dojoq u nkaxxati, bi ġkieket twal li jwasslu sal-irkoppa, u kienu jżommu xagħarhom innukklat ’il fuq minn ngħashom. Fiż-żmien kont tisma’ kummenti bħal: ‘Ar’hemm, ħej! Qisek xi tediboj!’ Kienet ukoll espressjoni dwar żgħażagħ li ma kienux iġibu ruħhom sew fis-soċjetà – kesħin. It-terminu oriġina f’Londra fl-1953, meta d-Daily Express ġabet il-headline bit-titlu, Teddy Boys, meta rriferiet għal dawk iż-żgħażagħ li ħolqu dan l-istil wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Teddy hu isem ieħor flok Edward. Dan l-appellattiv ingħata lil dawk iż-żgħażagħ li kienu jimitaw bl-ilbies tagħhom l-epoka ta’ żmien ir-renju ta’ Dwardu VII (1901-1910). Dan it-tip ta’ lbies fil-ħamsinijiet reġa’ kien introdott f’Londra mill-istilisti ta’ Savile Row. L-aktar marbuta ma’ din il-moda kienu dawk fix-xena tar-Rock ’n Roll, popolari anki bis-saħħa tal-films. Eż., fil-film, The Blackboard Jungle (1955), Billy Haley and the Comets jidhru jdoqqu, Rock Around the Clock b’xagħar u ħwejjeġ ta’ dan l-istil.

TELLAR    Wieħed li xogħlu hu li jtella’ u jirranġa d-daqqiet fuq il-vetturi. Nistgħu ngħidu li dan hu l-aktar xogħol artiġjanali riċenti li żviluppa b’mod individwali fl-aħħar deċenji, fi żmien meta kull tip ta’ xogħol ieħor isir kważi  dejjem bil-magni. Ing. Panel-beater.

tellerita1TELLERITA    1.  Għasfur li jħobb il-pjanuri, art moxa jew xagħri. Is. xj. Burhinus oedicnemus. Ipassi lejn l-Afrika u jidher f’Malta f’numru żgħir fil-passa tal-ħarifa u tar-rebbiegħa. It-tisfira tiegħu tista’ tismagħha anki wara li jidlam għax dan l-għasfur jibqa’ attiv billejl. Ing.  Stone-curlew.  2. Fig. Wieħed li jgħid ħafna. Idj: ‘Jgħid daqs tellerita!’ 

TELLIS/A /  TELLIES     Xkora kbira li norm. kienet tintuża biex jinġarr ix-xgħir. Qawl: Biex trabbi l-flieles trid it-tlieles, jiġ., biex trabbi il-flieles trid xkejjer kbar ta’ ġwież. Sorsi: M.A.V. u J.A.

TELUN     Is-siparju. Il-purtiera ta’ fuq il-palk li biha jiftaħ u jagħlaq il-programm teatrali. Din il-kelma jużaha Carmelo Camilleri fil-kitba tiegħu għall-kummiedja, ‘Ġenn għall-bżonn’  (1877), f’nota fil-qiegħ tal-paġna, biex jiftakar x’għandu jagħmel fl-aħħar tax-xena (numru 7). L-awtur jikteb hekk: ‘[…] Immorru, daqq tal-orkestra u mbagħad telun […]’. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 212. Din il-kelma E.S.I. u J.A. ma jagħtuhiex.

TEMPRIN/A    Bħal xafra żgħira li tintuża l-aktar biex tittempra traqqaq ir-ras tal-lapes u ġġib il-faħma tal-lapes aktar għal ponta. Tal. temprare. Bl-Ing. ngħidulha, sharpener.

TERĦA   (pl. trieħ). Drapp norm. tal-ħarir, maqtugħ fit-tul li kien jintlibes mill-irġiel, bħal faxxa madwar qaddhom. Tip ta’ ħżiem. TERĦA TAL-ARTAL  Drapp norm. ħamrani li jiksi l-artal u li jitneħħa meta tkun qiegħda issir xi funzjoni. Eng. Altar cloth.

kumittiva _mta7

TERI   Fil-logħob tal-karti din hi riferenza għall-karti kollha li jkollhom id-disinn tagħhom, kemm jekk spati, mazzi, koppi jew dinari, iddisinjat fuqhom għal tliet darbiet. It-terminu ġej mit-Taljan, tre.

OLYMPUS DIGITAL CAMERATERRA MELITENSIS    Skont it-tradizzjoni, il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, serviet bħala l-lok fejn San Pawl inżamm maqful waqt il-waqfa tiegħu f’Malta. Fi żmien il-Medjuevu u fi żmien l-Ordni, il-grotta kienet magħrufa sew kemm mill-Maltin kif ukoll mall-barranin, bħala santwarju ta’ devozzjoni lejn dan il-qaddis. Il-blat f’dan l-għar kien meqjus bħala mirakoluż. Bosta kienu jmorru hemm biex jakkwistaw ftit trab minn din il-ġebla li kienu jżommu miġbur f’kontenitur żgħir bħala talisman u antidotu mediċinali kontra l-avvelenament. Dan it-trab kien magħruf bħala terra sigillata melitensis. Bosta kienu jemmnu li minkejja li l-blat kien jitqatta’ u jittieħed kontinwament għal dan l-iskop, dan kien jerġa’ jiġġenera ruħu waħdu mill-ġdid. Skont l-istudjuż tal-ġeoloġija, George Zammit Maempel, dan it-trab, li kien magħruf ukoll bħala terra di San Paolo, seta’ tassew kien effettiv kontra l-avvelenament minħabba r-reazzjoni kimika li l-ġebla kalkarja tagħmel meta tmiss ma’ ċertu tip ta’ arseniku. Biex jinxtorob, it-trab kien jitħallat mal-ilma jew mal-inbid u dan seta’ jagħmel speċi ta’ kisja fl-imsaren sakemm il-velenu jgħaddi u joħroġ mill-intestini. Ara: LSIEN SAN PAWL. Ara wkoll: St Paul’s Grotto and its Visitors, Thomas Freller; ‘Handbills extolling the virtues of shark’s teeth’ ta’ G. Zammit Maempel, Melita Historica, Vol. VII n. 3, 1978, pp. 211-224.

TERRAĊĊU / TERRIĊĊU   Materjal organiku li jitħallat mal-ħamrija, pereż., biċċiet tal-weraq u materjal ieħor li jinġabar taħt is-siġar. Eż. tipiku hu dak il-materjal li jakkumula taħt is-siġar tal-ħarrub. Tal. Terraccio terra smossaterriccio, terra vegetale. Sors: J.A.

terramaxka5TERRAMAXKA  Dan l-istrument oriġina għall-ewwel darba fis-seklu tmintax f’forma ta’ kaxxa żgħira, li kienet taħdem bil-‘ħabel’. Dan ħafna drabi kien ikun xogħol maħdum minn arluġġara li kienu jaħdmu oġġetti li kienu jipproduċu ħoss ta’ qniepen u strumenti oħra mużikali. Imbagħad żviluppat il-mużika li kienet tkun ipprogrammata fuq iċ-ċilindru b’sensiela ta’ msiemer żgħar imwaħħlin miegħu b’mod li jagħmlu melodiji kif ipprogrammat. It-terramaxka żviluppat sew kif nafuha llum fis-seklu dsatax. F’Malta t-terramaxka kienet tindaqq l-aktar fil-festi jew fil-karnival. Kienet tinġarr norm. fuq karettun bil-ħmar. Biż-żmien dawn it-terramaxki saru aktar elaborati u ddekorati u kienu magħrufa bħala ‘kaxxa tad-daqq’. Il-Ħamrun kien hemm min jikri t-terramaxki għal okkażjonijiet. Dawn baqgħu jintużaw sas-snin ħamsin. Dan l-aħħar snin feġġ wieħed Olandiż, li  tarah minn żmien għal żmien idoqq it-terramaxka f’lokalitajiet differenti. Etim. mit-Tal. chitarra magica.

TERRAPIEN     Fil-kostruzzjoni tal-bini tal-fortifikazzjonijiet, dan hu dak il-materjal ta’ ħamrija u ġebel li jintradam fi kwantità kbira biex jimla l-vojt wara l-parapett tas-sur. Dan kien jintuża biex jagħti s-saħħa u reżistenza lill-ħajt tal-fortifikazzjonijiet kontra l-balal li jkunu sparati mill-għadu.  Fr. terreplein – M. art mimlija.

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

TERREMOTI     Minn żmien għal ieħor f’Malta jinħassu terremoti ta’ ċerta qawwa. Forsi l-aktar terremot li jibqa’ jissemma hu dak tal-1693. L-epiċentru ta’ dan it-terremot kien qrib Noto, belt żgħira fin-Nofsinhar ta’ Sqallija. It-theżżiża ta’ dan it-terremot inħasset sew f’Malta, tant illi kien hemm bini fl-Imdina, fosthom il-Katidral, li sofrew danni konsiderevoli. F’Malta dakinhar ma kien miet ħadd, iżda fi Sqallija hu stmat li mietu madwar 18,000 ruħ. Terremoti oħrajn li jibqgħu msemmija huma: serje ta’ terremoti, mal-40 wieħed b’kollox, li nħassu bejn nofs Awwissu sal-aħħar ta’ Settembru tal-1866; it-terremot ta’ Messina tal-1908 kien wieħed li jibqa’ jissemma, għaliex kien qatel mas-70,000 ruħ f’dik il-belt u għexieren ta’ eluf oħra fi Sqallija u f’Reggio Calabria. F’Malta dan kien inħass sew l-effett tiegħu, tant li fl-Imsida l-baħar kien tela’ l-art u baqa’ dieħel ’il ġewwa u laħaq daħal anki fid-djar tan-nies.  A. de S. jirreġistra kelma oħra fid-Damma, flok terremot – ‘Ragħada ta’ l-art’. Ara: Mdina and the Earthquake of 1693, ta’ Can. John Azzopardi. P.P. Castagna jsemmi bosta terremoti: 1636; 1693; 1743; (De Soldanis isemmi ieħor tal-1746) 1789; isemmi wkoll terremot li seħħ fi  żmienu, il-Ħadd 12 ta’ Ottubru tal-1856. jgħid li dan it-terremot ħasad lil kulħadd u għamel ħsara fil-Katedral tal-Imdina u l-’Kolleġjata Protestanta’ Terrimot ieħor aktar tard fl-istess seklu kien seħħ fl-1886. Fis-seklu għoxrin, seħħ terremot qawwi fl-1923, Kilin jgħid li f’dan it-terremot saret ħsara lill-kappella tal-Virtu r-Rabat. Aktar riċenti jissemma t-terremot tal-21 ta’ Marzu tal-1972. Ieħor seħħ fis-7 ta’ Jannar tal-2008. – ‘Are Maltese Buildings Earthquake Ready?’ Għal informazzjoni aktar iddettaljata, ara l-artiklu: ‘Earthquakes and Tsunamis’:  https://kliemustorja.com/2022/05/19/earthquakes-and-tsunamis/

TERRIEĦA    Tip ta’ xibka kbira tas-sajd, ta’ madwar metru u nofs fid-dijametru tagħha. Ix-xibka tkun forma ta’ koppla u tintuża biex jinqabad il-ħut tal-qiegħ. It-terrieħa hi pprojbita bħala għodda tas-sajd fil-portijiet u l-bajjiet. L-ispazju tat-toqob ta’ din ix-xibka ma jistax jkun idjeq minn 25.5 mm.  Ing. cast net. Ara: Fishing in Malta, Stanley Farrugia Randon, p. 23. TERRIEĦ/I   Wieħed li jterraħ (ixerred) il-qamħ u x-xgħir fuq il-qiegħa tal-andar biex dan jindires.

TERRINA    Platt pjuttost ċatt li fih titqiegħed l-insalata biex tisserva waqt l-ikel. Tal. terrina jew Ing. terrine.

TERTEX     v. Tkellem bi kliem maħtuf u x’aktarx bil-bżieq itir minn ħalqu. Sors: E.S.I.

TERTUQA    (pl. trietaq).  1.  Biċċa/iet jew frak. Ngħidu: i.)  ‘B’rabja qatta’ l-karti trietaq’; idj: ii.) ‘Dam ħafna jtertaqli qalbi’.  2. Pellikola tal-film jew tar-ritratti. 3. Għadma tal-fkieren li minnha kienu jagħmlu oġġetti bħal moxtijiet jew nuċċalijiet. Sqal. tartuca, sostanza di material ossea. Għ. tertaq. Sors etim: J.A.

TERZJARU    Wieħed li jinkiteb fit-terz’ordni tal-patrijiet eż. Terzjarju Franġiskan. Lajk li jsegwi b’mod rigoruż id-devozzjoni u l-obbligi tat-talb u qima ta’ xi ordni reliġjuż.

TETTIERA     Kontenitur tax-xaqquf jew tal-metal li minnu jitferra t-te.  Tal. tettiera.

TETTLUS     Munita tar-ram li fi żmien l-Ordni kienet tiswa daqs tlett iħbub jew tliet piccioli. Sors: E.S.I.

TETU      Kelma li fl-antik it-tfal kienu jgħidu meta jirriferu għal kelb. Jgħidha anki G.B.F. (1845).

TEWBA       Penitenza.  Eż. tewba tal-qrar. Għ. Dhawba.

TEWJA / TIWJA    1. Tixmira fil-qalza ta’ qalziet twil.  2. TIWJA TAL-ĠUĦ   Fjakkezza ta’ meta dak li jkun ikun ilu ħafna ma jiekol jew jixrob. 3. TIWJA TAL-IMĦABBA  Xewqa kbira sesswali.

TEWQ     L-għonq illamtat tal-qmis. Kullar tal-qassisin. Kullar tal-klieb. Katina rqiqa tad-deheb li ddur mal-għonq.

TFIEF    Pjanta komuni ħafna u li hawn diversi kwalitajiet minnha u li tikber ħafna fis-salvaġġ l-aktar bejn Jannar u Mejju. Is. xj. Sonchus oleraceus. Pjanta li jagħtuha bħala għalf lill-fniek iżda tajba wkoll biex parti minnha tkun ikkunsmata mill-bniedem bħala insalata. Ing. smooth sow-thistle.

TGĦAM      Term. li jirriferi għall-qamħ u ċereali oħra. Għ. ta(għ)am  M. kull tip ta’ ikel.

TIDMIS    Tisjir b’ħafna ħwawar; tisjir fil-borma bl-għatu magħluq. V.B. (1900) jispjega din il-kelma hekk: Cooking of beans to perfection. Ara: DEMM U D-DARS.

TIFOJDE     Dan hu isem li fl-antik kienet magħrufa biha is-salmonella, marda li wieħed jista’ jsofri minnha minħabba t-teħid ta’ ikel jew xorb ikkontaminat bil-ħmieġ tal-bniedem, jew inkella minħabba ilma tad-drenaġġ li jinfirex. Kemm il-bniedem kif ukoll xi insetti jistgħu jġorru din il-bakterja. Oriġ. Grieg: Typhos – jiġ., ‘imħawwad’ jew ‘imdaħħan’, rif. għall-istat konfuż tal-moħħ li jsib ruħu fih il-pazjent meta jkun b’deni għoli. Fl-1943 waqt, it-Tieni Gwerra Dinjija, kien hawn f’Malta epidemija tat-tifojde. (Ara: The People’s War – Malta: 1940/43, ta’ Laurence Mizzi, p. 157.

TIGAN   (pl. twagen) Tip ta’ taġen tal-fuħħar b’manku twil u magħmul għat-tond. Kazzola kbira tal-fuħħar mingħajr għatu, u b’erba’ widnejn (mhux manku). Kienu jużawa ħafna biex isajru l-għaġin jew ir-ross fil-forn. Jissemma fit-taqbila tat-tfal li tibda hekk:

               Darba kien hemm sultan
               Ħabat siequ mat-tigan
               It-tigan irid il-bajd
               Il-bajd għand it-tiġieġa
               It-tiġieġa trid in-nuħħala
               In-nuħħala għand il-furnara

               (… u tkompli…)

TIGULA    Kelma oħra flok LAVANJA. Jagħtiha biss, M. Dimech (1901). 

TILLIERA / TULLIERA  Pjanta. Is. xj. Cupularia viscosa. Ing. sticky samphire. Kienet tintuża biex iwaqqfu d-demm milli jnixxi mill-feriti.  Fl-antik kien hawn min inixxef il-weraq tagħha u jużah bħala tabakk tal-pipa. Sorsi: J.A. E.S.I. u G. Lanfranco, 2017.

tilliera x

TILQIM/A   Tnissil ta’ pjanta ġdida li tagħti l-frott. Dan isir billi l-pjanta sterili tirċievi fergħa minn pjanta fertili ta’ siġra / pjanta oħra. Hemm diversi modi ta’ tilqim, eż. tilqim bil-qoxra (Ing. budding), bir-roqgħa (Ing. patch), bil-kuruna (Ing. crown grafting), u bil-brokk (Ing. grafting). Ara: BROKK. Ara: Qiegħda Fuq il-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt, pp. 45-49.

timplor xTIMPLOR / PINTLOR    Biċċa għodda sempliċi, rqieqa bħal splengun jew imsella, b’manku tal-injam minn fejn wieħed jista’ jaqbad. It-timplor jintuża biex wieħed ikun jista’ jtaqqab toqba irqieqa fl-injam, l-aktar bi preparament biex fiha jiddeffes xi vit qabel ma dan jiddeffes aktar ‘l ġewwa bit-tornavit, jew biex jiddeffes xi musmar biex dan iżomm sodd qabel ma jissammar aktar fil-fond. Ing. bradawl. Etim. Sq. puntarolu. Dwar għodda tradizzjonali ara aktar hawn: https://kliemustorja.com/2021/06/25/ghodda-tal-idejn/

TIN TAĊ-ĊAPPA  Tin imqadded u mnixxef fix-xemx. Dan ikun ippressat f’massa u mħawwar bl-anisett u l-weraq tar-rand.

TINSILA     Biċċa għaġina żgħira bil-ħmira li titħalla żejda, apposta biex minnha ssir l-għaġina tal-ħobż tal-għada. Din it-tinsila tixxarrab biex tingħaġen u titħallat mad-dqiq li jkun qed jinħadem biex issir kwantità ta’ għaġina ġdida.  TINSIL  L-att tal-prokreazzjoni – ġejja mill-verb, nissel.

TINT      Kelma ewf. għal sorm. Ġejja minn tin + t (suffiss pronominali) biex tifforma stat kostrutt. B’hekk, is-sorm hu mxebbah mat-tina. Kelma li fl-antik kienu jgħiduha aktar it-tfal bejniethom. Meta tifel ikun qiegħed idejjaq lil sieħbu dan jgħidlu, ‘f’tintek kif dejjaqtni!’ Sorsi: V. Busuttil (1900), u J.A. Ara: PATATA.

TINTINNABLU    Qanpiena żgħira mwaħħla ma’ lasta, li tinġarr waqt xi purċissjoni. It-tintinnablu jintuża wkoll bħala oġġett simboliku fi knejjes li għandhom it-titlu ta’ bażilika. Oriġ. Tal. tintinabolo hi kelma onomatopea. Ara: BAŻILIKA u UMBRELLUN.

TINŻLOR     Il-qala’ ż-żgħir ta’ skuna. Tal. terzaruolo.

TIRANTA     Ara: ĠEBBIEDA.

TIRATURA     L-istampar ta’ darba ta’ pubblikazzjoni. Ċirkulazzjoni ta’ numru ta’ kopji ta’ pubblikazzjoni. Tal. tiratura.

TIRJAKA / TRIJAKA    Tip ta’ ingwent li kien jintuża għal kontra il-gdim ‘velenuż’ tas-sriep. B’mod ġen., din il-kelma tirriferi għal kull tip ta’ ingwent li jista’ jfejjaq. Gr. otriaca / utriacaSors: E.S.I. u Damma.

tirjixaTIRJIX    Jew sajd bir-rixa. Sajd bix-xlief u s-sunnara moħbija fir-rixa. Dan it-tip ta’ sajd isir minn fuq xi frejgatina li waqt li tkun miexja b’ċerta ħeffa, jintefa’ x-xlief fil-baħar filwaqt li jibqa’ miżmum mis-sajjied biex irejjex. Illum, jintużaw oġġetti varji li jservu bħala lixka għall-ħut flok ir-rixa. Fost il-ħut li jinqabad bit-tirjix hemm is-sawrell, l-albakor, iċ-ċervjol u l-lampuki. Ing. trolling. Ara: Fishing in Malta, Stanley Farrugia Randon, pp. 38 – 40.  www.boatlinkmalta.com/fishing.html

TIRX/A   Blata kbira li tinqata’ mill-irdum tal-madwar. (D.) ‘[…] Gran sasso distaccato dal suo continente […]’. Ara: TARXIEN.

TISWIJA    It-tifsira antika ta’ din il-kelma hi ‘ftehim’. Il-verb ‘sewwa’ jfisser ukoll ‘witta’, ‘neħħa t-tfixkil mit-triq jew fehmiet li ma jaqblux’. Din il-kelma tintuża minn Ġ.A. Vassallo fil-kitba tiegħu Storja ta’ Malta (1862): ‘[] u billi ra wkoll illi l-Konti [Ruġġieru] ried bla telf ta’ żmien jiġi fl-idejn, bagħat rajjes minn tiegħu sabiex jara jistgħux jiġu għal xi tiswija […]’ Sors: ‘Tmiem il-Ħakma Għarbija f’Malta’, Ward ta’ Qari Malti (1945).

TITOTLA    Wieħed li ma jixrobx l-inbid. Il-ħanut tat-titotla, ħanut fejn ma jinbiegħx xorb alkoħoliku. Ing.  Teetotaller.

TITULAR   Il-pittura tal-qaddis/a patrun/a tal-knisja li ġen. tkun esposta mal-ħajt fil-kor wara l-altar maġġur. Nafu li sas-seklu 18, l-aktar titular popolari f’Malta kien dak tal-Madonna Tiela’ s-Sema (L-Assunzjoni). Dak iż-żmien kien hawn mhux inqas minn 92 knisja jew kappella b’dan it-titlu. Wara dan, it-titular, It-Twelid tal-Madonna kien l-aktar komuni (46 knisja). It-tielet titular l-aktar popolari kien dak tal-Lunzjata (38 knisja). Illum hawn tmien parroċċi ddedikati lill-Assunzjoni, erba’ parroċċi ddedikati lin-Nattività (Marija Bambina) u żewġ parroċċi bit-titlu tal-Lunzjata. Ara: Marian Devotions In the Islands of Saint Paul (1600 – 1800) ta’ Vincent Borg.  www.kappellimaltin.com.

TJARA TRIRENJU     Ara: MITRA.

TKARKIR    Tkaxkir tax-xibka tas-sajd li jsir ma’ qiegħ il-baħar permezz ta’ bastiment tas-sajd;  tkarkir tal-parit.  Ara:  PARIT.

TKEWTIL     Nom verbali li ġej mill-verb, KEWTEL. Aġir ta’ min iġib ħafna skużi. L-istat ta’ meta bniedem joqgħod ifettaq fuq affarijiet mhux importanti. Fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, p. 65, l-awtur Ġużè Galea jgħid hekk: ‘ […] il-ħakem ma jridx jisma’ bi tkewtil […]’.

TLIEF   Stat ta’ meta jinqered oġġett għal kollox. Eż., ‘il-ġebla kissret il-ħġieġa u din saret tlief’. Tingħad ukoll meta wieħed ikun qiegħed jhedded lil xi ħadd: ‘għax nagħmlek tlief!’.  Aġġ. Li ġej mill-verb ntilef. Tgħarraq.

TLIET ĦABBIET   Munita tar-ram. Tlitt eħbub. Kienet tiswa daqs kwart ta’ sold. Fil-kontijiet kienu jiktbuha ¼d. Tlitiet, il-plural b’mod kollokwiju ta’ ħafna (muniti) tat-tliet ħabbiet.

TLIET KARNIJIET    Ammont ta’ flus li kien ekwivalenti għal għaxar grani jew żewġ soldi u nofs. Il-plural suppost għandu jinqara bħala Karlinijiet. Ara: KARLIN.

TMONTOX  Tnietex jew ħjut tal-qoton mgħaqqda. BIĊĊA TAT-TMONTOX Biċċa mgħaqqda li kienet tintuża biex biha jimsħu l-ilma li jixxerred fl-art. Ngħidu, ‘qisu kobba tmontox’ – rif. għal xi ħadd li joqgħod għal kollox.

TNALJETTA    Għodda bħal tnalja, biss ħafna aktar iżgħar, u li tintuża biex wieħed ikun jista’ jilwi jew jaqta’ xi wajr irqieq. Ing. pliers.

Barabbas 008.JPGTNIEBRI,  L-ERBGHA TAT-   L-Erbgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Fil-knejjes kienet issir funzjoni bit- talb (ara: UFFIZZJU). Mument minnhom, waqt it-talb kien jintefa’ d-dawl kollu tal-knisja u kien jifdal biss dawl kemm jinqraw is-SALMI. L-Uffizzju kien jikkonsisti fil-parti l-kbira tiegħu f’qari mill-ktieb tal-Lamentazzjonijiet tal-Profeta Ġeremija. Wara l-qari ta’ kull Salm ma kinetx tingħad il-Glorja lill-Missier. Kull darba, wieħed mill-abbatini kien joħroġ jitfi xemgħa – waħda minn ħmistax – tal-BARABBAS. Kien importanti li x-xema’ jkunu ta’ għasel pur tan-naħal, u għalhekk dawn kienu jkunu ta’ kulur kannella. Kif tintefa l-aħħar xemgħa l-qassisin flimkien mal-kongregazzjoni jinbdew iħabbtu diversi oġġetti, (il-qassisin iħabbtu ċ-ċwievet mal-injam tal-kor, u n-nies is-siġġijiet mal-art għal ftit sekondi) biex bil-ħsejjes ikun imfakkar it-terremot li jingħad li seħħ mal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib.  L-atmosfera tad-dlam fil-knejjes kienet tibqa’ sa Sibt il-Glorja. Fl-Erbgħa tat-Tniebri, wara nofsinhar, kienet issir il-Prietka tat-Tliet Sigħat. Fiż-żmien, din il-prietka kienet issir nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Tal. Tenebre – M. dlam.

TOBI    Laqam li kien jingħata lil xi tifel ta’ statura ħoxna.

TOFET     Ara: MOLK.

Tokis rialot Bormla.jpgTOKIS   Din il-kelma tirreferi għall-films bil-vuċi u l-ħsejjes li bdew jidhru fiċ-ċinema mill-1931 ’l quddiem. Mill-bidu tat-Tletinijiet ‘il quddiem, il-films ma baqgħux silent movies, jiġifieri stampi biss jiċċaqalqu, kif kienu jinħadmu films sa dak iż-żmien. Mal-invenzjoni tal-ħoss fil-movies kien spiċċa l-bżonn li x-xeni jkunu interrotti minn stampa sewda bil-kitba fuqha li tispjega dak li qed jiġri jew jingħad. Naturalment, l-aktar ħaġa importanti issa kienet li l-atturi seta’ jinstemgħu jitkellmu, kif ukoll beda jinstema’ kull tipi ta’ ħoss, bħall-akkumpanjament tal-mużika, għax din tqanqal aktar l-emozzjonijiet ta’ min qed jara l-film. Ara: ‘Cinemas in Malta before World War I’ ta’ Giovanni Bonello, Treasures of Malta Vil. Easter, 2001, Vol XVII no 2, pp. 48-56.ż

tokkTOKK   Nom li jirriferi għal mod kif wieħed jiddetermina min ser jibda l-logħba l-ewwel. Ngħidu, ‘qatgħu it-tokk’, jiġ., il-lagħba (tnejn jew aktar) flok itellgħu x-xorti billi jitfgħu munita fl-ajru, joħorġu s-swaba minn id waħda ta’ kull wieġed minnhom fl-istess ħin, bħal fil-MORRA. Imbagħad jgħoddu in-numru ta’ kemm-il swaba’ ħarġu b’kollox. Dan l-għadd isir billi n-numri jduru minn wieħed għall-ieħor wara xulxin b’mod alternattiv. Hekk kif l-aħħar numru jaħbat mal-persuna indikata dan jirbagħ it-turn (ix-xorti) u b’hekk jibda l-logħba hu. 

TOKK, IT-   Post fejn jiltaqgħu in-nies. Il-pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex hu eżempju tajjeb ta’ dan għaliex hawn kien u għadu l-aktar post ċentrali, kummerċjali u amministrattiv ta’ Għawdex. Calabriż. Toccu – luogo di riunione per trattare gli affari pubbliċi. Sors etim. J.A. Din il-kelma jinkludiha wkoll G.B.F. (1845) fid-dizzjunarju tiegħu.

TOKKALAPES     (D.)  stile L. stylus.

TOLBOJ     Għamara fejn jitqiegħdu l-ħwejjeġ fiha, tip ta’ gwardarobba.  Ing. tall-boy.

TOMBA / TUMBA    Ħabta ras ma’ ras. Espr. ‘għamlu tomba’ – jiġ., ħabtu ras ma’ ras, bħal meta tnejn jinżlu quddiem xulxin fil-baxx biex jiġbru l-istess oġġett u mingħajr ma jridu jaħbtu ras ma’ ras.  ITTOMBA   v. li jintuża l-aktar mat-tfal biex jispjega dan. Ġieli tisma’ lil min jgħid, ‘Għamlu tumba, (jew bumba).’ Fil-kummiedja, ‘Ġenn għall-Bżonn’, (1877), ta’ Carmelo Camilleri, Lippin jgħid hekk: ‘[…] Ara l-Hibernia [bastiment] x’tittomba lil Sant’Anġlu […]’. Ara: ARBANIA.  Ara:  It-teatru Malti tas-Seklu Dsatax It-Tieni Volum, ta’ Marco Galea, p 136.

tomna u siegh 095.jpgTOMNA / TUMOLO    1. Roqgħa art li titkejjel skont il-kapacità ta’ kemm jitkabbru fiha wċuħ tar-raba’. Tomna tagħmel 1,124 m kwadru, jew 256 qasba kwadra. B’tomna raba’ il-bidwi kapaċi jiġbor b’ 7.88 pinet Ingliżi jew 3 galluni wċuħ tax-xott (qamħ jew xgħir, eċċ.). Sqal. tumminu. Ing. 0.1 ettari. 2.  Kappell tond, li jogħla forma ta’ ċilindru li kien jintlibes mill-irġiel l-aktar f’xi ċeremonja importanti bħal tieġ, riċeviment jew f’xi funeral. Ing. Top hat jew cylinder hat. Ara: MODD u KEJL ANTIK.

tomna x.jpg

TONI BAJADA / TONI BAJJADA   Toni Bajada hu isem leġġendarju magħruf sew bħala eroj li fi żmien l-Assedju l-Kbir kien ta’ spiss imqabbad biex iwassal il-messaġġi tal-Gran Mastru fil-Birgu għal postijiet oħra, b’riskju kbir għall-ħajtu. Dan il-karattru jissemma minn Antonio Bosio u Balbi da Correggio fir-rakkonti fattwali tagħhom dwar l-Assedju l-Kbir. Dan il-bniedem baqa’ sal-lum magħruf bħala bniedem ta’ kuraġġ u ta’ abbiltà kbira fl-għawm. Jingħad li dan kien anki jaf jindiehes sew mat-Torok billi jilbes bħalhom u hekk ma jintgħarafx meta jgħaddi minn fosthom. Ġużè Muscat Azzopardi kiteb rumanz dwaru (1887). Storja oħra dwar l-istess eroj kienet miktuba minn Emilio Lombardi: Il-Fatt tal-Valorus Toni Bajjada (1920). Din wara nqalbet għall-Ingliż minn Anthony Zarb Dimech u Salvino Lombardi bħala Toni Bajada, The Maltese Messenger of the Grand Master (2008).

TONKA     Ċoqqa.  Il-libsa tal-patrijiet u tas-sorijiet.  Tal. tonaca.

tonsurafx_ ara cirka trTONSURA   Fil-Kristjaneżmu, id-drawwa u l-obbligu li l-patrijiet iqaxxru xagħarhom fit-tond min-naħa tal-qurriegħa ilha ġejja minn żmien is-seklu tmienja. Dan ir-rit simboliku kien isir lil kull novizz li jkun ordnat bħala kjeriku biex juri li warrab id-dinja ta’ barra u issa daħal f’komunità reliġjuża. Skont it-twemmin tal-Knisja, meta San Pietru beda jipprietka l-fidi Nisranija, dawk li rrifjutaw it-tagħlim tiegħu qaxxrulu xagħru biex jirridikolawh. Ċerti komunitajiet konventwali, eż., it-Trappisti u l-Kartusjani jqaxxru l-qurriegħa fil-wisa’, u hekk iħallu biss ċirku rqiq u tond ta’ xagħar mad-dawra. Fl-1917, fil-kodiċi tal-Knisja kienet introdotta ordni li x-xagħar għandu jitqaxxar bit-tonsura. Ara: ĊIRKA.  Lat. Tonsura –  M. tqaxxir.

TOPP     Elmu. M.A.V. (1796) jitraduċi din il-kelma bit-Tal. bħala elmetto u galea.

TOPPU    Xagħar miġbur fit-tond, jew għoqda mtella’ ‘l fuq mill-bqija tax-xagħar. ĦOBŻ TAT-TOPPU  Ħobż artab (tal-Franċiż, magħġun b’mod li parti minnu jkun imbuzzat ‘l fuq. Sqal. tuppu jew toppu.

TORBA   1.  Taħlita ta’ xaħx, ramel tal-franka u żrar fin li jintuża biex jiksi x-xorok tas-soqfa. Fuq it-torba jitqiegħed id-DEFFUN. Ara: BALLATA. 2. Qabar. 3. Kant partikulari li kien jitkanta bil-Latin flimkien mal-kongrezzjoni waqt il-Passju ta’ Ħadd il-Palm. Sors: Il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta, ta’ Brian Bonnici (Sensiela Kotba Soċjalisti, 1998.)

TORĊMAN / TORĠMANN    Interpretu li jintermedja biex jittraduċi diskors barrani bejn nies ta’ ilsna differenti. Oriġ. mill-Għarbi, torġman. SorsG.B.F. (1845), V.B. (1900) u E.S.I. Etim. Tal. turcimanno. dragomanno.

TORK   L-għadu dejjiemi tal-Ordni tal-Kavallieri f’Ġerusalemm, f’Rodi u f’Malta kien is-suldat Mislem Tork. Fil-lingwaġġ Malti ta’ kuljum insibu diversi espressjonijiet li huma konnessi mat-Torok. Espr. li kienet tingħad ta’ spiss: hi ‘iswed qisu Tork’  – din l-esp. turi li fil-ħsieb tal-Maltin, it-Torok kienu ġejjin mir-razza tas-suwed. Dan fil-fatt mhuwiex il-każ għaliex it-Torok huma ta’ razza Kawkażja. L-antipatija li kellhom il-Maltin lejn it-Torok għadha tidher sal-lum, forsi mingħajr ma nafu, meta ngħidu: ‘ħaqq għat-Torok’ jew, ‘qattus it-Torok’.  Espr. oħra hija: ‘Tgħammed Tork’ (hawn min jgħid: ‘twieled Tork’).  L-ewwel waħda tirreferi għal meta tagħmel ix-xita waqt li fl-istess ħin tidher ix-xemx – rif. għal xi sitwazzjoni mhux tas-soltu. Tarbija li tkun għadha mhix mgħammda ngħidulha: ‘għadha Tork’, jiġifieri mhix Nisranija. It-‘Tork tat-taraġ’ kienet statwa għolja bejn l-40 u s-60 ċm, li tixbah fil-fatt raġel iswed bit-turban. Dawn l-istatwi kienu popolari bħala tiżjin fid-djar Maltin u kienu jitqiegħdu l-aktar f’xi indana tat-taraġ.  Ara : OTTOMAN.

tork IMG_7035 - Copy

TORKJU  Makkinarju antik li jmur lura sas-seklu 15, użat għall-ewwel darba minn Gutenberg fil-Ġermanja biex ikunu mitbugħa l-folji ta’ kotba, perjodiċi, jew illustrazzjonijiet fuq il-karta, eċċ. Żewġ tilari, jew blokki, jkollhom it-tipa fuq waħda minnhom u fuq l-oħra l-linka biex meta dawn ikunu ppressati ma’ xulxin toħroġ il-kopja stampata kif mixtieqa. V.B. (1900) jispjega din il-kelma bl-Ingliż. bħala, printing press. Ara: TBIGĦ.

TORNALETT    1. Id-drapp li jinżel mal-ġnub tas-sodda. Ing. valance. 2. Sawt li bih tfarfar it-twapet.

TORPEDINI Torpedo (1900). V.B. jispjega din il-kelma bħala torpedoes . TORPEDINIERA  (V.B.) / TORPEDIERA (J.A.)  Bastiment li minnu jkunu sparati t-torpedini. Ing. Torpedo boats. Sors: J.A. u V.B. (1900).

Torre dello Stendardo 022.jpgTORRE  DELLO  STENDARDO   It-torri li hemm qrib il-bieb prinċipali tal-Imdina minn fejn fi żmien l-Ordni kienet issir l-għassa. Jingħad illi kien minn hawn li l-għassiesa tal-Imdina kienu jagħtu s-sinjal ta’ xi saram – billi jisparaw kanun biex in-nies li jgħixu fir-Rabat u l-madwar ikunu mgħarrfin li ntlemaħ l-għadu fuq ix-xefaq, u dawn jidħlu għal kenn ġewwa s-swar tal-Imdina. Dan it-torri baqa’ jintuża għall-istess skop saż-żmien bikri tal-Ingliżi. Sa ftit żmien ilu, kien iservi wkoll bħala għassa tal-pulizija.  

TOSKU     Velenu. Ikel jew xorb morr u li jista’ joqtol. Sqal. toscu. Tal. tosco

toxxTOXX   Kelma li kienet tintuża fis-seklu tmintax f’sens ta’ xewqat ta’ saħħa jew tislima waqt l-ħbieb jixorbu flimkien. M.A.V. (1796) jgħid hekk: […] Scherzo che si dice bevendo in compania […]’ u jżid li din l-espressjoni ġejja mill-Franċiż toucher, li bil-Malti tfisser ‘mess jew ħabbat oġġett ma’ ieħor’. Kliem bħal dan baqa’ jingħad anki fis-seklu dsatax. Fil-ktieb Ineż Farruġ (1889) Don Josè jgħid hekk: ‘Inħabbtu u nixorbu bis-saħħa ta’ Don Alfonzo.’ Illum ngħidu, ‘Bis-saħħa tiegħek’. Sors: Ineż Farruġ, ed. Charles Briffa, p. 198.

TOŻA   Tinsila. Biċċa għaġina li titneħħa mill-għaġina maħduma u titqiegħed mal-ħmira ta’ qabel biex b’hekk titnissel il-ħmira l-ġdida biex l-għaġina l-ġdida tiffermenta u ssir ħmira. It-toża titħallat mal-għaġina l-ġdida biex meta din issir ħobż dan jintnefaħ u jogħla. Etim. Tal. tosa. X’aktarx: doża.  Ara: TINSILA

TQALFIT6.JPGTQALFIT   1. Il-proċess biex jitnaddfu x-xquq ta’ bejn it-twavel tad-dgħajsa jew bastiment biex wara jimtlew b’korda tal-qanneb. Paradossalment, il-mili ta’ dawn ix-xquq ukoll jissejjaħ tqalfit. Meta dan ix-xogħol ikun lest, il-qanneb jitgħatta bil-qatran jew bl-istokk biex wara jinżebagħ. B’hekk il-ġewwieni tad-dgħajsa jkun protett kontra l-ilma. 2.  Fig. v. QALFAT – tintuża biex tfisser li ħareġ lil xi ħadd minn postu eż. qalftu ’l barra. 3. Nom pl., qlafat:  tingħad fig. l-aktar għal xi tfal jew nies baxxi. Ngħidu, ‘kull ma kien hemm fis-sala kienu erbat iqlafat’.

TRABOKK (Raymond Galea).jpgTRABOKK  Gaġġa li tintuża min-nassaba biex jinqabdu fiha l-għasafar. Jeżistu diversi tipi ta’ trabokki. L-aktar popolari fosthom hu dak imsejjaħ, kampnar – magħruf hekk għax il-ġnub tiegħu huma mxattrin. It-trabokk kien jintuża l-aktar mit-tfal kemm fil-ġonna kif ukoll minn fuq il-bejt biex jaqbdu l-pitirrossi. Fuq barra tal-gaġġa, it-trabokk jkollu perrieċa biex l-għasfur li jersaq qrib jitħajjar jistrieħ fuqha. Hekk kif l-għasfur jirfes fuq il-perrieċa, din tfaqqa’ ’l fuq u magħha titla’ x-xibka li taqbad l-għasfur fiha. TRABUKETT  Trabokk żgħir.

TRAFANAL   Ara: TAFANAL.

trajbu mta 335.jpgTRAJBU    1. Oġġett li jintuża biex tinħadem il-bizzilla fuqu. Ħafna drabi t-trajbu jkollu forma ċilindrika, biss, il-forma tiegħu tista’ wkoll tkun mod ieħor, skont ix-xogħol li jrid isir. Miegħu jitwaħħal id-disinn impinġi fuq karta kif ikun imfassal ix-xogħol. Fuq dan id-disinn jitpoġġew il-punti bil-labar u ċ-ċumbini mdendlin bil-ħjut. Ara: BIZZILLA.  2. Pupu tat-tiben u ċraret forma ta’ tfajjel, eċċ. magħmul biex ibeżża’ l-għasafar milli jersqu lejn l-uċuh tar-raba’. Kelma oħra għal dan it-trajbu hi NUFFARA.  Fir-rakkonti ta’ Dun Xand Cortis, il-kelma trajbu tintuża b’mod kollokwiju biex tirreferi għal tarbija tat-twelid. Ara: Il-Praspar ta’ Dun Xand Cortis, p. 167. Trajbu simili kien jitqiegħed fuq l-injam biex jinħaraq fil-ĦUĠĠIEĠA TA’ SAN ĠWANN.  A. de S. jgħidlu, bambino finto. Ara: Della Lingua Punica – Presentamente Usata da Maltesi & c., pp. 9, 181. M.A.V. (1796) jgħid li f’lejliet il-festa ta’ San Ġwann it-tfal kienu jqabbdu ħuġġieġa u kienu jgħaddu minn fuqha figura tat-tiben għal tliet darbiet waqt li jinvokaw l-isem ta’ San Ġwann il-Battista. Dan kien speċji ta’ ritwal li bih din il-figura kienet tkun taparsi ‘mgħammda’. It-tfal kienu trajbu xxxjippruvaw jaqtgħu ma’ liema darba din il-figura ser taqbad u tinħaraq. Fir-rakkonti li ġabar Patri Manwel Magri, fil-ħrafa, ‘It-tmienja jeħles lill-bint is-Sultan mid-Dragun Draganti’, insibu hekk: F’dan iż-żmien is-sultan ġabar eluf ta’ suldati bil-baned biex iwassal lit-trajbu (Ġorġ Mifsud Chircop, 1994).  

3. Tip ta’ bebbuxu tal-art li għandu l-qoxra ta’ dahru ġejja fit-tul, forma ta’ kown. Is. xj. Rumina decollata, Ing. decollate snail. Bebbuxu li jiekol kemm il-ħxejjex kif ukoll bebbux ieħor. Jikber sa 44 mm. u wara ċertu żmien il-qoxra tinkiser minn diversi postijiet minħabba l-movimenti tiegħu meta jolqot il-blat, eċċ.

TRAJJA   Il-kostellazzjoni tal-istilel fis-smewwiet magħrufa bħala l-Plejjades. Din il-kostellazzjoni hi viżibbli sew għax bl-għajn minn seba’ stilel jidhru sitta. Fid-dizzjunarju tiegħu, J.A. jagħti eżempju ta’ kif tissemma din il-kostellazzjoni: ‘[…] jidher li għamel ħafna ħin għax digà telgħet it-Trajja […]’. E.S.I. jagħti dan il-qawl: Meta tidher it-Trajja l-qoton jibda jistrieħ.

TRAK   Kelma li kienet tintuża ta’ spiss fil-literatura [nassumi li fil-linġwa franka wkoll], li ġejja mill-verb ‘ra’. E.S.I. jagħtiha bħala: ‘Hekk hu!’ jew: ‘Iss ħej!’ J.A. jagħti l-ekwivalenti ta’ din l-espressjoni bl-Ingliż: lo and beholdJA. jgħid li din il-kelma tieħu s-suffiss pronominali, bħal trakni, traku, trakha, trakhom eċċ., jiġ., ‘hawn jien eċċ!’ . Din tintuża meta l-kelliem jagħmel enfasi biex juri li avveniment seħħ tabilħaqq. Din il-kelma kemm titfaċċa kemm-il darba fir-rumanz ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli: ‘[] l-għasafar kienu traku joforħu s-siġar’, u ‘[…] iż-żiemel… kien traku jwaqqaf widnejh u jitnaffar […]’ Dun Karm wkoll juża din l-espressjoni fl-istorja li qaleb mit-Taljan għall-Malti,  Żewġ Anġli – Ineż u Emilia, (1934): ‘[…] Kif rifset l-għatba tal-kunvent, traku ġrew jilqgħuha sħabha u […]’ M.A.V. (1796) u G.B.F. (1845) jagħtu jagħti l-istess tifsira, biss G.F.B. iżid, ‘eccomi!’. E.S.I. jikkwota lil A. de S.: trakek, eccoti!

trakomaTRAKOMA    Is. xj. Chlamidia tracomitis. Marda tal-għajnejn ikkawżata minn virus; jekk ma tkunx ittrattata b’kura tajba din il-marda twassal biex il-persuna tagħma. L-infezzjoni tittieħed l-aktar minħabba n-nuqqas tal-iġene, l-aktar dik tal-wiċċ, kuntatt mal-ħmieġ, kemm minn dak li jġorr u jniġġes bih id-dubbien kif ukoll mix-xugamani maħmuġin. L-ewwel ma jkunu infettati huma l-kpiepel (għotjien) tal-għajnejn. Din il-marda infettiva tista’ tittieħed minn bniedem għall-ieħor. F’Malta, sa nofs is-seklu għoxrin, din il-marda kienet tolqot kwantità kbira ta’ nies. Kien hemm żmien meta, l-aktar, f’Għawdex u fiż-Żejtun, kważi kull familja kellha xi membru tagħha jbati minn din il-kundizzjoni. Fl-antik, ħafna kienu jemmnu li l-infezzjoni kienet ikkawżata mit-trabijiet tat-toroq u l-bjuda tal-ġebla tal-franka li fis-sajf tgħammex l-għajnejn. Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex it-toroq kienu jitbexxu bl-ilma, biex it-trab ma jtirx fl-għajnejn. Dr Lorenzo Manché (1846-1921), speċjalista tal-għajnejn fl-Isptar Ċentrali, kien fetaħ klinika l-Ħamrun fejn kien jikkura mingħajr ħlas lil dawk li kienu morda bit-trakoma. L-ewwel gvernijiet awtonomi ta’ Malta, jiġ., mill-1921 ’il quddiem, kienu ħadmu kemm felħu biex din il-marda tkun eradikata. Imbagħad fl-1948,  Dr Ċensu Tabone, (li wara sar President ta’ Malta), kien mar l-Ingilterra biex jispeċjalizza biex jikkura din il-marda. Meta ġie lura kien ingħata l-inkarigu mill-Gvern li jibda kampanja sħiħa biex din il-marda tkun ikkontrollata. Dak iż-żmien, f’Għawdex kien hemm mas-720 tifel u tifla tal-iskola (daqs tmintax fil-mija tat-tfal Għawdxin) li kienu jbatu minnha. F’sentejn, Tabone rnexxielu jeradika din il-marda kważi għalkollox minn Għawdex, bis-saħħa tat-trattament b’mediċina partikulari magħrufa bħala sulphonamides. Ara: Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, pp. 365-366 u r-Raba’ Ktieb, pp. 514, 515. Ara wkoll: ‘Vincent (Ċensu) Tabone, an ophthalmologist and a president of the Republic of Malta’, R.M. Feibel, Archives of Ophthalmology, Marzu 2012. Ħajr: Vincent Tabone.     

Trams---The-tram-past-the-Aquaduct-St-Venera.jpgTRAMM   F’Malta, is-servizz tat-tramm beda jopera fl-1903, fuq binarji tal-ħadid u b’fili tal-elettriku magħmulin apposta għal dan it-tip ta’ trasport. Dan is-servizz beda jitħaddem minn ħdejn il-Power Station l-antika, li dak iż-żmien kienet taħt it-Telgħa tal-Kurċifiss. Dan is-servizz tat-trasport kien fdat f’idejn il-kumpanija MaCartney & McElroy, li għall-ewwel bdiet topera mas-16-il tramm. Din il-kumpanija ntrabtet li topera dan is-servizz fuq binarji li kellhom jestendu sa għaxar mili ’l bogħod mill-Belt. Is-servizz waqaf fl-1929 minħabba telf finanzjarju, billi sa dak iż-żmien, il-karozzi tal-linja kienu nfirxu sew bħala mezz ta’ trasport. Apparti minn hekk, kien hemm ukoll it-tren li kienet taqsam mill-Belt għall-Imtarfa. Ing. Tram. Ara: The Malta Tram and Lift, Joseph Bonnici u Michael Cassar; Chronology of the Twentieth Century ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar; Art Twelidi, tal-Kavalier Joseph Galea, pp. 170 -72.

TRANJA   1. Il-ferq f’wiċċ l-ilma kkawżat miċ-ċaqliq tal-baħar minn vapur jew opri tal-baħar mixjin b’ċerta veloċità. It-tranja jkun fiha żewġ rimi li jibqgħu jitbiegħdu minn xulxin. 2. Ħabel. Ing. drag rope; xibka li tħalli warajha rima fuq baħar kalm. L-istess bħal RIMA. Tal. traina.

Tranja dghajsa from Barrakka G_7647

TRANSULAZZJONI / TRASLAZZJONI   Ċaqliq tar-relikwija minn post għal ieħor, anki jekk fl-istess knisja, bħal ngħidu aħna, minn xi artal fil-ġenb għall-artal maġġur, eċċ, biex ir-relikwija tkun esposta aktar għad-devozzjoni. It-transulazzjoni dejjem issir lejlet il-festa tal-qaddis/a billi ssir proċessjoni bir-relikwija.  Tal.  Traslazione.

TRAPAN     Il-parti tal-għodda li biha wieħed itaqqab fil-ġebel jew fl-injam. Hawn min jirriferi għall-għodda kompluta li ttaqab biha. Ing. brace bit, drill.  

TRAPASSJONI    Id-daqq tal-qniepen b’noti ta’ dieqa. Fl-antik, meta xi ħadd kien ikun agunija, il-qniepen kienu jindaqqu b’noti ta’ solennità u ta’ swied il-qalb. Espr. fig. ‘Ra t-trapassjoni ’ – jiġ., il-marid kien qiegħed isofri bosta, daqs li kieku wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Tal. trapassare – M. il-passaġġ min-naħa għall-oħra. Ara:  VJATKU  u  MOTA.

TRATTAMENT    Ikla ħafifa b’xorb tal-okkażjoni waqt xi riċeviment bħal f’tieġ jew magħmudija. Fit-trattament l-ikel kien ikun kollu ħelu, bħal ngħidu aħna, biskuttini mżejna bil-ġelu, panedispanja, torot żgħar, frott tal-intrita eċċ. Ix-xorb kien jinkludi r-ROŻOLIN, KAWKAW, aniżett u brandy. Fir-riċeviment tat-tieġ it-trattament kien ikun segwit aktar tard minn ikla kbir għal dawk ta’ ġewwa biss. Ara: STIMA, REPÒ.

TRAVERS   Terminu li jirreferi għal xi biċċa xogħol li tkun ħarġet ħażina, bħal meta l-qtugħ ta’ xi xogħol fuq l-injam ivarja min-naħa għall-oħra tal-istess oġġett; xogħol li joħroġ skontru.  Eż., ngħidu, mar travers, ħa żball. Mar kontra r-regola. ĦARES TRAVERS, jiġ., ħares minn taħt il-għajn. FEHEM TRAVERS, jiġ., fehem ħażin. Sorsi: E.S.I. u J.A.

TRAVERSA. Injama jew ħadida li titqiegħed imsallba biex iżżomm l-istruttura, bħal xi xatba jew bieb fis-sod.  Tavla mġennba. Kuxtbiena. Ara: FALAKKA.    

TRAVERSIJA    Kull tip ta’ riħ li jonfoħ għall-ġewwa l-port. 2. Sfortuna jew inċident ikrah. Tal. traversia.

TRAXX  M.A.V. (1796)  jgħid li din il-kelma kienet tingħad flok ‘tarax!’ jew, ‘tarax issa!’ ‘X’jidhirlek?’

TRENTA   1. Mod kif il-Maltin isejħu in-numru tletin fil-logħob tat-tombla. Ngħidu, ‘fejn trenta – trentun’, jiġ., fejn saret ħaġa tista’ żżid ħaġa oħra magħha u ma jkun ġara xejn.Tal. trenta. 1. Tip ta’ brimba; mit-Taljan tarantola. Kelma li nsibuha fil-kummiedja, ‘Żanu Migdum mit-Trenta’ (1858) ta’ Luigi Rosato: ‘[…] meta bniedem ikun migdum mit-trenta fejn jingidem jikħal […]’. Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, L-ewwel volum, p. 110. 

trespicos2.JPGTRESPIKOS   Kappell magħruf hekk minħabba l-forma triangolari tiegħu. Il-parti ta’ quddiem hi mtellgħa kemxejn ‘l fuq. Dawn il-kpiepel kienu jintlibsu minn diversi nies, bħal pereż., mill-uffiċjali tar-Royal Navy, l-aktar fis-sekli sbatax u tmintax. Dan il-kappell baqa’ jintlibes anki sa żmien aktar riċenti f’ċerimonji speċjali. Herbert Ganado fil-ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel, jgħid li meta l-HMS Renown daħlet fil-Port, fl-1921, biex il-Prinċep ta’ Wales jiftaħ l-ewwel Parlament Malti, l-uffiċjali li kien hemm miegħu kienu libsin it-trespikos. L-istess kappell, iżda kemxejn differenti, kien jintlibes mill-kleru fi żmien l-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin. Il-Freres ta’ De la Salle baqgħu jilbsuh sa nofs is-seklu għoxrin. Fl-antik l-Għawdxin kienu jsejħulu wkoll ‘musbieħ’ minħabba x-xebh tiegħu. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1945), nota f’paġna 140. Sors ieħor: E.S.I. 

TREVIRA      Drapp sintetiku qisu krimplin biss ta’ kwalità ifjen.  

tribuna Tal-Karmu Belt3.JPGTRIBUNA   1. Tron jew siġġu speċjali fejn joqgħod bilqiegħda xi ħadd distint. It-tribuna riservata b’mod permanenti biex fuqha joqgħod l-Isqof. Fi żmien l-Ordni, kien hemm waħda fil-knisja konventwali ta’ San Ġwann, għall-Gran Mastru. F’Għawdex kien hemm oħra fil-Knisja Matriċi tar-Rabat merfugħa għal użu tal-Gvernatur tal-Ordni li kien jamminstra lil Għawdex. Fi żmien l-Ingliżi, fuq il-presbiterju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann kien hemm żewġ tribuni, waħda għall-Isqof u l-oħra għall-Gvernatur ta’ Malta. It-tribuna tista’ wkoll tkun armata b’mod temporanju, bħal meta tinbena biex il-Q.T. il-Papa jqaddes għall-folol kbar. Tribuna Pauline Dingli.jpg 2. Armar dekorattiv mibni fuq il-presbiterju li jkollu wkoll iċ-ċelu. Knisja bażilikali, flok tużell fuq l-artal, ikollha tribuna. 3. Gallarija b’arkata li jgħidulha wkoll BARRAKKA, li tinsab taħt is-Saqqajja, ir-Rabat. Minn hawn il-Gran Mastru kien isegwi t-tiġrijiet tal-Imnarja u jirregala l-palju lir-rebbieħa. Din kienu jgħidulha wkoll il-LOĠĠJA. Ħal Qormi wkoll insibu t-Tribuna tal-Gran Mastru Pinto de Fonseca struttura tal-ġebel f’għamla ta’ arkata trionfali.

TRICLINIUM    1. Terminu bil-Latin li jirreferi għall-kamra jew spazju fid-dar fejn kienet issir l-ikla komunali. It-triclinium fid-djar ta’ familji sinjuri tal-perijodu Ruman kien ikun imżejjen b’mużajk tal-art u pittura mal-ħitan. Fid-Domus Romana tar-Rabat hemm spazju fost oħrajn li hu magħruf hekk għax jaħsbu li dan kien iservi bħala kamra tal-ikel. 2. Rif. oħra għat-triclinium tirreferi għall-dak l-ispazju fil-katakombi fejn kienet issir speċi ta’ ikla ad unur tal-mejtin.  Ara:  AGAPE.

triclinum roman

TRIDU   Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u t-talb li jsir qabel il-festa ta’ xi qaddis, li norm. idumu tliet ijiem. L-aktar tridu importanti hu t-tridu paskwali li jibda f’Ħamis ix-Xirka, ikompli s-Sibt il-Għid u jispiċċa Ħadd il-Għid. (Tal. triduo). Sors prinċipali www.treccani.it.

Trija.jpgTRIJA    Logħba li norm. kienet tintlagħab bejn żewġt itfal. Dawn kienu l-ewwel iħożżu disinn fl-art, forma ta’ kaxxa kbira daqs 30 ċentimetru kwadru, b’sinjali dritti u dijagonali, b’mod li d-disinn jiġi jixbah id-disinn tal-Union Jack. Kull wieħed mit-tfal iqiegħed ċagħka jew fażola, lewża jew oġġetti simili bħala pedina fuq xi wieħed minn dawk il-punti fejn il-linji tad-disinn jiltaqgħu ma’ xulxin. Kull wieħed mil-lagħba jipprova jgħaqqad ‘trija’, jiġ., iqiegħed tliet pedini li l-pożizzjoni tagħhom tgħaqqad linja dritta mingħajr l-ebda interruzzjoni ta’ xi pedina tal-avversarju bejniethom. L-avversarji jippruvaw jantiċipaw l-pjan ta’ xulxin u ma jħallux lill-ieħor jgħaqqad trija qablu. Dan jagħmlu billi jitfa’ l-pedina tiegħu b’mod li tisfratta l-formazzjoni ppjanata tal-avversarju. Jirbaħ dak li jgħaqqad it-trija l-ewwel; jew inkella, jitlef dak li ma jkollux aktar fejn jimxi. Logħba li fil-prinċipju tixbah lill-OXO. Ara: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin, Guido Lanfranco, u Logħob Folkloristiku t’Għawdex, Anton F. Attard (1969).

TRIKKITRAKK/I    1.  Fl-antik din il-kelma kienet tirriferi għall-iskartoċċ, magħmul mill-karti li fih jitqartas il-porvli biex dan jiddeffes minn quddiem tal-kanna tal-ixkubetta. 2. Logħob tan-nar żgħir, ġen. magħmul mill-istess tip ta’ porvli mqartas, li jingħaqad flimkien biex jagħmel il-ħoss ta’ musketterija. V.B. (1900) jispjegah bl-Ing. bħala fireworks u xejn iżjed. Tal. tricch’ e tracche.  Sors: E.S.I.

trittikuTRITTIKU    1.  Tpinġija li tkun magħmula fuq tliet pannelli tal-injam. Xogħol bħal dan kien isir l-aktar fi żmien il-Medjuevu.  Fuq kull pannell titpinġa figura jew xena reliġjuża. F’Malta jinsabu diversi eżempji ta’ dan it-tip ta’ xogħol artistiku fil-knejjes. Fost dawn insemmu it-trittiku li hemm fil-knisja tal-Mensija iddedikat lil Madonna tal-Lunzjata. Dan huwa xogħol li sar fis-seklu sittax. Trittiku ieħor artistiku immens hu xogħol tal-artist Anton Inglott. Dan qiegħed fil-Mużew tal-Arti, il-Belt (MUŻA). 2. It-trittiku jista’ jkun ukoll tliet biċċiet mużikali li jagħmlu parti minn kompożizzjoni waħda.

Trizza t.jpgTRIZZA     1. Kull ħaġa mmaljata kemm jekk xagħar kif ukoll ħabel. KAPPELL TAT-TRIZZA   Kappell li kien ikun magħmul mit-tiben immaljat b’mod fin. Kien hemm żmien li dan it-tip ta’ kappell kien jinħadem hawn Malta. Il-kpiepel tat-trizza kienu l-aktar popolari fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin. Bħala kappell tat-tibna dan kien jintlibes l-aktar fis-sajf. Jeżistu ritratti fejn mijiet ta’ Maltin li kienu jitilgħu il-Belt libsin puliti kien jxiddu dan it-tip ta’ kappell. Imbagħad kien hemm ukoll il-baħrin tan-Navy Ingliża li sa l-1922 kienu jilbsuh bħala parti mill-uniformi. L-Ingliżi isejħu dan it-tip ta’ kappell bħala Sennet Hat. Sennet ġejja mill-isem sennit li hi tip ta’ pjanta li tikber fl-Oċean Paċifiku, l-aktar fuq il-gżejjer Samoa. 2. Tip ta’ ħelu magħmul minn għaġina fina li jinħadem forma ta’ qagħqa tal-ottu biss aktar magħluq. Etim. Sqal. trizza – Tal. intrezzato – M. immaljat.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERATROFEW/J    Qabda ta’ oġġett mill-għadu waqt il-battalja, li tinżamm bħala simbolu u tifkira tar-rebħa.  Bosta mill-istemmi araldiċi tal-kavallieri li jżejnu l-bini ta’ żmien l-Ordni, għandhom kwantità kbira ta’ armi tal-gwerra li jdawru l-figura tal-Gran Mastru u jżejnu l-faċċata b’lanez, kurazzi, xwabel, eċċ. Dawn jinsabu wkoll fuq il-bibien tas-swar, fuq l-oqbra monumentali tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, kif ukoll fuq il-bereġ u postijiet oħrajn. Wieħed mill-isbaħ trofej hu dak skolpit fuq il-monument tal-Gran Mastru Caraffa li hemm mal-faċċata tal-berġa tal-Italja.

trogloditizmu Palne dingli (39).JPGTROGLODITIŻMU    Din il-kelma ġejja mill-Grieg: trogle (M. ħofra) u duein: (M. il-verb, daħal). Din hi riferenza għall-użu tal-għerien jew kmamar sotteranji, kemm bħala abitazzjoni kif ukoll bħala post ta’ ta’ kult reliġjuż. F’Malta jeżistu ħafna għerien li ntużaw għal bosta iskopijiet. Eż. ta’ dan insibu l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, il-katakombijiet, kif ukoll l-għerien li ntużaw bħala kappelli fil-perijodu medjevali. Fost l-għerien hemm Għar Dalam, li jmur lura 5,000 sena Q.K. L-għerien ta’ Ħal Saflieni u dawk taċ-Ċirku tax-Xagħra, Għawdex, kienu wżati u żviluppati aktar fil-fond biex saru ċimiterji taħt l-art. Lil hinn mill-Buskett hemm Għar il-Kbir, fejn sal-1835 kienu tgħix komunità ta’ madwar 120 ruħ. L-Għar ta’ San Niklaw fil-Mellieħa kien jintuża kemm għall-abitazzjoni kif ukoll bħala kappella. Is-Simblija, qrib Ħad-Dingli, fejn kienet tgħix komunità f’numru ta’ kmamar imħaffrin fil-blat. Fil-Manikata hemm għerien oħra fejn kienu jgħixu xi familji kif kienu jinżammu l-bhejjem. Kappelli trogloditi magħrufin f’Malta huma dawk tal-Mensija, u s-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa. Ara: Trogloditismo Medievale a Malta, ta’ Aldo Messina, Melita Historica, Vol X, 2 1989, pp.109-120.  The Re-Christianization of Malta: Siculo-Greek Monasticism, Dejr Toponyms, and Rock-Cut Churches ta’ Mario Buhagiar, Melita Historica, Vol XIII, no 3, pp. 253-284.  ‘The Rock-Cut Churches of Malta’, Mario Buhagiar, Heritage, Vol 2, pp. 576-585.

troller _7708TROLL    Saqaf, bħan-navata ta’ knisja, mibni fit-tond u li jserraħ fuq pilastri jew inkella maħdum bħala kappella fil-ġenb tal-knisja. Eż. ta’ din l-arkittettura narawha fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, u fid-daħla mtarrġa tal-Kavallier ta’ San Ġakbu (ritratt). Oriġ. ta’ din il-kelma wisq prob. ġejja minn trullo b’riferenza għal ħafna bini żgħir b’saqaf forma ta’ koppla li jinsab fil-Pulja. Dawn jixbhu aktar lill-giren ta’ Malta, biss għoljin aktar. Arkati fit-tul u fit-tond f’daħla ta’ binja. Bil-Gr. trullos tfisser saqaf forma ta’ koppla, għalkemm fil-Malti din ma tfissirx l-istess ħaġa. Ing. barrel vault.

trombax.jpgTROMBA   1. Fil-kostruzzjoni  din hi dik il-parti mibnija fuq il-bejt li tkun aktar għolja mill-bqija tal-bini. Il-kelma ġejja mit-Taljan, li tirriferi għal dak il-garigor li jwassal minn isfel għal fuq. 2. Żarbun tat-tromba, isem ieħor għall-boots. 3. TROMBA TAL-ARJA Kolonna ta’ arja li tifforma f’xi maltempata u li jkollha s-saħħa li tolza oġġetti fil-vortiċi tagħha u li tiġbidhom ’il fuq u tkaxkarhom magħha. Is-sajjieda kienu jibżgħu ħafna minn dawn it-trombi tal-baħar u kien ikollhom talb speċjali għalihom. 4. TROMBA TAL-ILMA    Pompa li ttella’ l-ilma minn taħt l-art. Ing. Water pump (F.V. 1831).

Trompe l'OeilCathGozo trompe l'oeilTROMPE L’OEIL  Terminu li jirriferi għal tip ta’ tpinġija tridimensjonali b’perspettiva realistika għall-aħħar. Eżempju ta’ dan it-tip ta’ xogħol viżiv narawh impinġi mas-saqaf fil-Katidral ta’ Santa Marija, fiċ-Ċittadella, ir-Rabat, Għawdex. Din il-pittura nħadmet b’sengħa kbira minn Antonio Pippi, pittur Sqalli, fis-sena 1739. It-tpinġija saret fuq tila ċatta li mbagħad twaħħlet mal-parti ċentrali tan-navi fejn suppost kellha tinbena il-koppla. Stil ta’ tpinġija b’terminu li hu qrib it-tromp l’oeil bit-Taljan jissejjah, SOTTO ’N SU.  Dan jista’ jkun anki ftit differenti għaliex it-terminu jirriferi għal dik l-immaġni li meta tħares lejha tagħti l-impressjoni li l-figuri huma maqlugħin mis-saqaf u jidhru jtiru fl-ajru. 

Tronga 069.jpgTRONĠA    (pl. kollettiv, TRONĠ)  Is. xj. Citrus paradisi.  Frotta li nafuha aktar bl-isem Ing. grapefruit. Dan il-frott hu r-riżultat ta’ esperimentazzjoni ta’ siġar imlaqqmin u żrieragħ mill-pjanti taċ-ċitru. Diversi kwalitajiet ta’ din il-frotta ddaħlu f’Malta fil-bidu tas-seklu għoxrin. It-tronġa ma tantx hi frotta popolari għax għandha togħma qarsa u morra. Hawn min isejħilha wkoll, XADOKK tal-ikel, (Ing. shaddock).  Sors: Dr. Joe Borg.  Etim. Għ. frotta jew siġra ta’ tip taċ-ċitru. Fid-Damma ta’ Agius de Soldanis tissejjaħ, albero e frutto cedro.

TRONK    Statwa mingħajr idejn u saqajn. TRONKU  Is-salib il-kbir u goff li jinġarr wieqaf minn bniedem waħdu waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.  Tal. tronco: iz-zokk l-oħxon tas-siġra.

TRUNĊIERA   1. Kanal twil fl-art magħmul biex s-suldati jistgħu jipproteġu lilhom infushom mill-isparar tal-għadu. 2. Fil-każ ta’ Malta, it-trunċieri jirriferu għal dawk il-fortizzi baxxi bl-ambreżuni mibnijin mal-aktar livelli baxxi tal-kosta. L-iskop tagħhom kien li jservu bħala difiża ewlenija hekk kif il-bastiment jkun qed jittanta jersaq lejn il-kosta biex iniżżel is-suldati l-art. Tal. trincera.

tuberkolosi 018TUBERKOLOSI   Marda magħrufa wkoll bħala t-TB. Din il-marda tittieħed mill-bżieq infettat tal-pazjent, mill-arja meta l-marid jagħtas, jew min-nifs tal-marid. Din il-marda qatt ma kienet epidemika f’Malta. Biss dejjem jittieħdu l-prekawzjonijiet kontriha biex ma tinfirixx. Għaldaqstant il-pazjent norm. jinżamm f’iżolament strett għal ċertu żmien. Bosta barranin kienu jiġu Malta għax kienu jsofru minn din il-marda biex fil-klima aktar sħuna kienu jtaffu mis-sintomi tagħha. Fl-1909, il-Palazz Vilhena fl-Imdina kien infetaħ bħala sptar apposta biex jilqa’ l-pazjenti li jbagħtu minn din il-marda. L-isptar kien infetaħ uffiċjalment mid-Duka ta’ Connaught u issemma għalih. L-isptar ingħalaq fl-1956 u llum iservi parzjalment bħala l-Mużew tal-Istorja Naturali, u parti bħala l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali. L-isem komuni bl-Ingliż għal din il-marda kien consumption.

tubru two 038.jpgTUBRU   Struttura tal-injam li tixbah lil tebut mgħotti bil-faldrappa. Dan jintuza waqt iċ-ċerimonji funebri fil-knisja. It-tubru kien jintrama b’xemgħat twal u tiżjin ieħor biex iżid mas-solennità tal-okkażjoni. L-aktar li jintrama’ t-tubru hu meta jkun imfakkar xi ħadd importanti, eż., xi isqof, kanonku, eċċ. Qawl: Ottubru jidħol u joħroġ fit-tubru. Dan il-qawl jispjega b’mod metaforiku li Ottubru hu x-xahar fejn il-ġurnata tiqsar u għalhekk jibda jidlam kmieni.

TUFFIEĦ TA’ ADAM   (D.) Il-frotta u l-pjanta tat-tadam. Id-Damma jgħid hekk: ‘[…] Poma d’Adamo, frutto e pianta nota, paradisea, lycopersicon […]’.  Il-fatt li din il-frotta ta’ oriġini Latina-Amerikana mniżżla fid-Damma (ċ. 1750-1767) juri li din il-pjanta kienet diġà titkabbar u tittiekel f’Malta f’nofs is-seklu tmintax. Sors: Damma, p. 822. Ara: TADAM.

TULA   Logħba simili ħafna għan-NOLI. It-tifel fittiexi kien jgħajjat bit-Taljan, ‘Tu la?’ u r-risposta ta’ sieħbu moħbi kienet tkun, ‘No, li.’ Bil-Malti dan ifisser li għall-mistoqsija ‘Int hemm?’ ir-risposta kienet tkun ‘Le, m’jiniex hemm.’ Fin-noli, it-tifel kien ikun imġiegħel joqgħod wiċċu mal-ħajt sakemm sħabu jistaħbew. Fit-tula, dan it-tifel kienu jitfgħulu bott ’il bogħod biex dan imur jiġbru, waqt li t-tfal jaħarbu u jinħbew ma’ kullimkien. Fil-kitba ta’ Napuljun Tagliaferro, ‘Warda tal-Kappar’, ippubblikata fil-Ward ta’ Qari Malti (1936), pp. 27-28, l-edituri jżidu nota ta’ informazzjoni li tgħid hekk: ‘[…] naħsbu li t-tfal kienu jilagħbu ‘noli’ u mhux ‘tula’ mistoħbija […].’ Din in-nota tindika li sa qabel żmienhom, kien hemm żewġ logħbiet noli u tula, kull waħda bir-regoli tagħha li kienu differenti minn xulxin. Fid-Damma (ċ. 1750 – 1767) din il-logħba tissejjah ‘Tula Tula’.

TULL      Ara:  FILOXX.

TULLIERA   Ara: TILLIERA

TUMAKKA    Daqqa t’id fuq ir-ras li tingħata billi ż-żewġ idejn jinżammu magħfusa ma’ xulxin, saba’ ma’ saba’, u d-daqqa tingħata bl-idejn flimkien fuq il-qurriegħa tar-ras. Il-kelma tingħad anki b’mod fig. eż., ‘qala’ tumakka mingħand ta’ fuqu’ – jiġ., il-persuna ngħatat ammonizzjoni serja. Ara: GALLETTATal. Ti ammacco. Sors etim: A. J.

TUMBARELLU    Kappell twil ġej għall-ponta li kienu jilbsu l-kummidjanti, pulcinelli, eċċ., fil-granet tal-Karnival, jew fiċ-ċirku. It-TUMBAR, il-bniedem li kien jilbes dan il-kappell kien ikun qsajjar u boċċu. Dan kien anki jagħmel il-kuntrumbajsi biex idaħħak. Sors: E.S.I. V.B. (1900) jagħti din il-kelma bl-Ing. bħala, a child’s cap. Sqall. u Kalab. Tumbareddu.

tunnara x.jpgTUNNARA 1. Ix-xibka magħmula apposta biex biha jinqabad it-tonn. 2. L-istess kelma tirriferi anki għall-ambjent fejn jinqabad dan il-ħut, eż., post partikulari f’baħar miftuħ fejn jintefa’ x-xbiek tas-sajd.  Dan ix-xbiek jista’ jkun twil anki diversi kilometri. Norm. dan kien jitqiegħed b’mod illi t-tonn jidħol f’passaġġ dejjaq bejnhom biex meta jidħol ħafna ‘l ġewwa ma jkunx jista’ jerġa’ joħroġ. Is-sajd tat-tonn isir l-aktar bejn April u Ġunju. Fl-antik, it-tonn ma kienx jittella’ minnufih mill-baħar hekk kif jinqabad, iżda kien jitkaxkar fix-xbiek lejn l-art. Hemm imbagħad kien jinqatel bid-daqqiet tal-bsaten mis-sajjieda. Fi Sqallija din it-tradizzjoni baqgħet sal-lum; din l-operazzjoni tissejjaħ ‘la matanza’, tradizzjoni antika li llum qiegħda tispiċċa. Is-sajd tat-tonn jissemma minn A. de S. fil-manuskritt tiegħu, Il Gozo, L’Antico e Moderno. Hu jgħid li dan is-sajd fi żmienu kien donnu waqaf għaliex kien jirrikjedi wisq spejjeż u preparamenti biex isir. Biss, naqraw bandoħra li fl-istess żmien (ċ. 1750), il-Gran Mastru Pinto kien qiegħed iħeġġeġ is-sajjieda Maltin biex jidħlu għal dan it-tip ta’ sajd. It-tonn li norm. jinqabad fil-Mediterran hu dak imsejjaħ tal-pinna l-blu (Is. xj. Thunnus thynnus). Illum xi wħud mill-kwantitajiet tat-tonn li jinqabad jittieħed fl-‘irziezet tax-xbiek’, (fish farms) biex jitkabbar hemm u jkattar. Skont rapport li ħareġ fl-2010, minn Malta kienu esportati b’kemm jiswew mal-100 miljun Euro tonn, -aktar lejn l-Ewropa u l-Ġappun.

TUPPAN    Ras il-bettija. L-għata ta’ fuq jew ta’ isfel tal-bettija. Kienu jgħidu, ‘daqqa fuq iċ-ċirku u oħra fuq it-tuppan’. il- V.B. (1900) jispjegaha bl-Ing. bħala, head of a barrel.

TUQQALA    1. Kwalunkwe oġġett li jtaqqal. Misluta, jew skrotu ta’ mogħża. Tuqqala tas-sieq, l-għadma tal-irkoppa. 2. Tuqqala tal-injam, minċott f’nofs l-injam. Ing. dowel. Sors: E.S.I. u V.B. (1900).

turgutirais.jpgTURGUT RAIS   (1485-1565) Magħruf ukoll bħala Dragut. Twieled f’Bodrum, belt Griega li tagħmel mal-kosta tal-Eġew. Fl-1517 kien uffiċjal fl-armata Torka meta din kienet qiegħda tattakka l-Eġittu. Dragut laħaq Ammirall tal-flotta Ottomana fil-Mediterran fis-sena 1547. Wara xi żmien Dragut sar Bej tal-Alġerija u Paxà ta’ Tuneż, kif ukoll Gvernatur ta’ Ġerba. Fl-1551 Dragut kien attakka lil Malta għall-ewwel darba. Wara li fallewlu l-attakki fuq il-Birgu u l-Imdina, salpa lejn Għawdex. Wara tlett ijiem ta’ assedju fuq iċ-Ċittadella, irnexxielu jieħu bħala lsiera mal-5,000 ruħ, prattikament il-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex. Waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565, Dragut kien reġa’ ġie Malta biex imexxi bħala kmandant fuq il-kapijiet l-oħra Torok. Hu kien intlaqat f’ngħasu minn sparatura ta’ kanun u miet ftit wara. Dan x’aktarx seħħ fin-naħa tal-Ponta ta’ Tigné, li llum għadha magħrufa bħala l-Ponta ta’ Dragut. F’Għawdex hemm leġġenda dwaru. Bejn Marsalforn u l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra hemm dik imsejħa ‘l-Ġebla ta’ Durgut (jew Dirgut)’, blata li skont it-tradizzjoni Dragut u n-nies tiegħu kienu stkennew taħtha mix-xemx wara li kienu żbarkaw l-art. Fil-kitbiet ta’ Ġużè Muscat Azzopardi lil Dragut dejjem issejjaħlu Dergħut. Ara: ‘Folklore in Gozitan Place-Names’ ta’ Joe Zammit Ciantar, Folklore in the Maltese Islands, p. 60, 61.

turkopiliernTURKOPILIER    1. Fl-Ordni ta’ San Ġwann, it-turkopilier kien l-uffiċjal inkarigat mill-kavallerija. Orig. dan kien titlu li nħoloq għall-kmandant Tork li kellu taħtu t-turcoples li kienet kavallerija fl-armata Ottomana. Dawn is-suldati kienu armati bil-lanez u l-vleġeġ. Dan l-appellattiv kien jirreferi fl-istess ħin għar-rikkieba fl-istess armata. 2. It-titlu mogħti lil balliju tal-Lingwa tal-Ingilterra. Dan it-titlu ttieħed minn turco pole, tip ta’ żiemel ħafif għall-ġiri.  Lat. Turcopuli. Tal. soldato (turco) armato alla leggera. Etim: Gr.  turkopulos: M.  it-tifel tat-Tork.

TURNALETT      Drapp li jinħiet biex iżid b’mod dekorattiv l-għata magħmula mid-drapp mifrux li jiksi s-sodda. It-turnalett hu wkoll dak il-materjal miżjud b’mod dekorattiv u mdendel mal-purtieri. Ing. valance.

turrettar palace IMG_1420TURRETTA   Torri żgħir. Binja żgħira mibnija ’l fuq mill-bejt tad-dar. Fil-palazz tal-President il-Belt Valletta, hemm dik il-parti l-aktar għolja msejħa ‘t-Turretta’. Minn hawn issir il-komunikazzjoni bir-radju bejn l-Armata Maltija (AFM) u l-bastimenti li jkunu qed jivvjaġġaw viċin il-gżejjer Maltin, l-aktar meta dawn ikunu deħlin u ħerġin mill-Port il-Kbir u dak ta’ Marsamxett. Anki fi żmien l-Ordni, il-komunikazzjoni viżiva bejn ix-xwieni u l-uffiċjali inkarigati għall-istess skop kienet issir minn din it-turretta.

TURRUN   1. Kejk tal-qubbajt li jkun għoli daqs 30 ċm għoli.  2. Kwantità ta’ affarijiet fuq xulxin; ngħidu, ‘turrun platti’. Tal. torrone  – qubbajt.

turu rizzuxTURU  RIZZU  (1894 – 1961)   Ismu proprju kien Arturo Rizzo, Malti li kienet magħruf bħala għawwiem gwapp u li kien stabbilixxa ħafna records bil-kapaċitajiet tiegħu f’dan il-qasam. Fl-1929, Turu Rizzo waqqaf rekord billi għam għal 62 siegħa mingħajr waqfien. Dan ir-rekord reġa’ kisru fl-1930, meta għam għal 68 siegħa. Fl-1930, Turu Rizzu ipprova jaqsam minn Sqallija għal Malta, iżda kellu jieqaf wara 21 mil u 24 siegħa għawm, minħabba l-maltemp. Wara mewtu isem Turu Rizzu baqa’ leġġendarju u sinonimu ma’ l-aqwa fost l-aqwa għawwiema. Ara: A Chronicle of 20th Century Malta ta’ Michael Cassar u Joseph Bonnici,  p. 119; Biographies ta’ Michael Schiavone.

tustieraan_bedTUSTIERA / TESTIERA   1. Il-parti wieqfa tas-sodda wara r-ras li tista’ tkun maħduma mill-vireg tal-metall jew twavel tal-injam. It-testieri tal-injam kienu jkunu ħafna drabi mpittra b’xi xbieha jew disinn ta’ suġġett reliġjuż. TESTIERA  2.  Il-ċineg tal-ġilda li jitqiegħdu ma’ ras iż-żiemel biex dan ikun ikkontrollat tajjeb mir-rikkieb.

TUTEMP / TUTEMBA   Kelma li kienet tintuża f’bosta logħob tat-tfal u li tfisser ‘waqfa’ jew ‘intervall’. Dan l-intervall kien jingħata biex dawn jistrieħu mil-logħob. Meta t-tfal jisimgħu l-qniepen tal-knisja jdoqqu jew meta kien jgħaddi xi qassis minn ħdejhom dawn kienu jgħajtu lil xulxin, ‘tutemp’ biex jieqfu mill-logħob bħala rispett. Il-frażi tista’ tfisser ukoll, ‘inċedu’. Etim. X’aktarx mill-Isqal. tuo tempu – M. il-ħin tiegħek. Sors etim: J.A.  E.S.I. jgħid li din ġejja mill-Isqalli, do tempo. Ara: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin, ta’ Guido Lanfranco, p. 52.

TUTTU      Kelma li kienet tingħad lit-tfal flok il-kelma, żiemel.

tuzellDSCN4927.JPGTUŻELL    Ċelu magħmul minn struttura tal-injam, iddekorat bid-damask, li jiddendel mis-saqaf fuq l-altar. Dan jiżżejjen bi drapp ta’ kuluri differenti skont l-użanza liturġika. Il-kulur tad-damask jista’ jvarja, eż. vjola fi żmien ir-Randan, aħmar fi żmien ta’ ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-qaddisin martri, aħdar għal Ħdud u abjad għall-Għid il-Kbir. Fil-każ ta’ knisja bażilikali flok tużell din ikollha TRIBUNA fejn iċ-ċelu jserraħ fuq erba’ kolonni. Sqal. tusellu, jew mit-Tal. antik dossello jew tossello. Kollha, kliem sinomimi ma’ baldacchino. Pinella Musmeci kitbet artiklu fuq l-internet dwar Il Dossello della Basilica di San Sebastiano ad Acireale. Biss, ir-ritratt tat-tużell, jew id-dossello, li hi titratta dwaru hu tat-tip baldakkin jew tribuna, bid-dahar mal-ħajt iddekorat bid-damask. Dan ir-ritratt iġegħilna nissusspettaw li l-kelma dossello tista’ tkun ġejja minn dorsello / dorso; li huwa dahar. M. Dimech (1901) jagħtiha bħala tron.

TWEŻWIŻ      Ipokresija. Tieba u qdusija falza. Sors: V.B. (1900). Fesfis fil-widnejn. Sors: J.A.

  *         *         *

A  *    B  *    Ċ  *    *    *   *    *
Ġ  *    G  *    GĦ  *    *    Ħ  *    *    *    *
*    M  *     N  *     *     *    *    R  *     
T *     *     *    *     *     Ż  *    *

Dan ix-xogħol hu bbażat fuq it-tliet kotba tal-istess suġġett.

               Bejn Kliem u Storja 

              Ara X’Int Tgħid

               Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                                Paġni 256                                               Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95               Prezz Ewro 14.95      Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
*         M.A.V.  Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828)
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli …  mohba2016@gmail.com