Daħla

Enċiklopedija

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*   Ġ*   G*   *   HĦI*   J*   K*

L*   M*   N*   O*   P*   Q*   R*   S*   T*   U*   VW*   X*   Ż*   Z*

Introduzzjoni

L-ilsien Malti llum hu mogħni b’termini u appellattivi, wirt tanġibbli tal-istorja ta’ dawk kollha li ġew qabilna. Matul is-sekli li għaddew f’Malta kien hawn baħħara, sajjieda, artiġjana, nutara, rħieb u qassisin, suldati u skjavi ta’ kull ġens. Lil hinn mill-belt kapitali u l-port kien hemm il-bdiewa u r-raħħala li żammew  aktar mal-lingwa Semitika minn dawk l-abitanti ta’ madwar il-port. Fl-istess ħin il-ħakkiema barranin, introduċew is-sistema amministrattiva tagħhom.

Meta niflu l-kliem u t-termini ta’ ħafna oġġetti u suġġetti, ninnutaw li dawn  jinkludu bosta riferenzi li ntużaw kemm minn Maltin kif ukoll minn barranin li kienu fostna. Ħafna minn dawn il-kliem qdiemu u spiċċaw, u bosta jinsabu arkivjati fiċ-ċelloli tal-istorja, ħafna drabi minsija minn kulħadd. F’din l-enċiklopedija tal-wirt storiku Malti, insibu teżori ta’ ħsibijiet, l-aktar dwar dik il-ħajja li ma għadhiex magħna biss tibqa’ tagħna.

F’din l-enċiklopedija kulturali dwar Malta u s-soċjetà tagħha qiegħed ngħarbel kliem, idjomi, u termini għall-valur storiku, u kulturali tagħhom. Ħsibt li nippreżentahom f’paragrafi żgħar, bħala kliem partikulari, l-aktar għax ħafna minnhom huma kliem li  jagħtu dawl dwar ilsienna u ġensna.  Kull wieħed mis-suġġetti magħżula se jgħinna nifhmu aktar dwar drawwietna. F’dn l-enċiklopedija insibu kliem li xi wħud minnhom għadhom jingħadu sal-lum, mingħajr ma kultant nafu t-tifsira vera u oriġinali  tagħhom.

Mas-suġġetti tal-istorja u l-kultura ta’ Malta, hemm imdeffsin ukoll termini relatati mall-ambjent ta’ madwarna. Dan hu importanti għaliex kien dan l-isfond naturali tal-pajsaġġ Malti li sostna lill-ġenerazzjonijiet sħaħ biex ikampaw u jirrimedjaw għal ħajja iebsa u ta’ ftit riżorsi. B’hekk f’din il-ġabra ta’ madwar 3,000 kelma inkunu dorna dawra mal-istorja ta’ Malta fuq tliet livelli differenti – l-istorja tal-ħakkiema, l-istorja tas-soċjetà u l-istorja tan-natura ta’ madwarna.

Martin Morana

10 ta’ Marzu 2019

Leave a comment