m

 

A *   B *   Ċ *   C *   D *   E *   F *
Ġ *   G *   *   H *   Ħ *   I *    J *    K *
L *   M *    N *    O *    P *    Q *    R *    S
T *    U *    V *   W *    X *    Ż *    Z *

 

MAĊINA * MAĊĊ * MADAFFA * MADALENA * MADALENA, DUWA TAL- * MADALENA, XAGĦAR TAL- * MADLIENA * MADMAD * MADRAB * MADREPERLA * MAESTRO SCUDIERE (ara: GRAN VISKONTI) * MAĠBAR TAL-BARRANIN *  MAGAZZINAĠĠ * (I)MAGĦDJA * MAGĦLAQ * MAGĦLEF * MAGĦMUL * MAGĦSAR / MAGĦSRA * MAGĦŻEL * MAĦAFI * * MAĦDAR *   MAĦĠUBA * MAĦLAT * MAĦLUT * MAĦRA *  MAĦRAS * MAĦRUĠA * MAĦMUL (ara: ĦAMALLU) * MAĦRUN  * MAĦTUN * MAJJIERA * MAJJOLIKA * MAJMUNA * MAJNA * MAJSI * MAKAKK * MAKAKKERIJA / MAKKJETTA * MAKKU * MALAMENT * MALATA * MALAMIRA * MALANDRIN * MALKU * MALL, IL- * MALLUT * MALTA, ALLEGORIJA TA’ * MAMBAR *MANANNI * MANDAR / MANDRA * MANDRAĠĠ * MANIFIKU / MANIFK * MANIGOLD * MANIKOMJU * MANIKOTT * MANILJA * MANNA * MANOĊĊA * MANSAB * MANTIKILJA * MANTWA * MANUMORTA * MANWELLA * MAPPAMONDU * MAQLUBA, IL- * MAQTUX * MARASMA / MARAŻMU * MARBAT * MARDA TAL-BIĊĊA * MARDÌ GRASS * MARELLA * MARFA * MARĠ * MARKAPUNT * MARKEŻIN (ara: MARKIŻ) * MARKIŻ * MARLOĊĊ * MARMURAT, TORTA TAL- * MAROZZA *MARSHALL AID * MARSUTTIN * MARWELLA * MARŻEBB/A * MARZIPAN * MASKLU/A * MASRI * MASSA FRUMENTARIA * MASTAZZOL * MASTELLA TAL-ĦASIL * MASTER * MASTIZZ * MASTKA / MASKTA / MASTIKA * MASTRA * MASTRANZA * MATMATA * MATMURA * MATNAZZ * MATRA * MATRIĊI * MATTAĊIN * *MATTINATI * MAXRABIJA  / MUXRABIJA * MAXTAR (ara: MAXTURA) * MAXTURA * MAŻETTA * MAŻUN * MAZKAL / MAZKAN * MAZZAMORRA * MAZZARELL * MAZZIER * MAZZUGA * MBAJJA / MBE / NBE * MDANNA * MEGALITIKU * MEHER / MIEHEL * MEHRIEŻ * MEJJILLA * MEJLAQ * MEKKUK * MELISSA * MELITA * MELUD/A *  MELL * MENDIL * MENHIR * MENORAH * MENQA * MENSA * MENTQA *MENSIJA, TAL- * MENSULA / MENSOLA * MENZEL * MERĊA * MERDQTUX * MERGUN (ara:ŻUGRAGA) * MERQTU U FTITU * MERŻUQ * MESS * MESSALIN * MEZZA * MĠIEBAĦ * MĠIEGĦED * MGĦAKKMA (ara: ĠILJU) * MGĦASAK * MĦALLEF ĊKEJKEN * MĦALLEF TAL-UQIJA * (ara: UQIJA) * MIBDUL * MIBWEL (ara: AWRINAR) * MIDDIJA * MIDRA * MIEĠI * MIFSUD * MIĠRA / MIĠRA L-FERĦA * MILE END * MILGĦUBA * MILSA * MILWA ĦAJT / TAL-MARELLA * MIMMI * MINĊOTT / MINĊOTT TAL-ĦJATA * MINDIL / MINDIEL / MINDEL / MENDIEL * MINFAĦ * MINFES * MINĠEL / MINĠLA * MINĠWIN / MINĠWIEL * MINJU (ara: NOGĦRA) * MINGĦUL * MINJU (ara:NOGĦRA) * MINKEB * MINTNA / MINTNA, TAL- * MINTOFFJAN / MINTUFFJAN * MIRAKLI, TAL- * MIRATUR * MIRKEB * MIRRA * MISRAĦ * MISSIER * MISTIER * MISTRA * MITĦNA TAT-TABAK *  MITĦNA TAŻ-ŻEBBUĠ * MITRA * MIXTA * MIXX (ara: QIXX) * MIŻATA * MIŻERIKORDJA * MIŻIEB * MIŻMER *MIŻWED * MIŻŻ * MKAFKAF (ara: KAFKAF) * MLANĠAS * MLEFF * MLEJĦA * MLEJKA * MNARA * MNARJA * MNIEFAĦ * MNIEGĦEL * MNUT * MODD * MOĠRA * MOGĦDIJA * MOĦMI (ara: ĦAMI) * MOĦOR / MOHOR * MOĦSI * MOLA * MOLK / MOLOKH * MONDELLU * MONDI * MONTE DI PIETÀ * MONTE DI REDENZIONE * MONTGOMERY HOUSE * MONUMENT, IL- * MOQBEJL * MOQRAN * MOQSAR * MORRA * MORTORJU * MOSĦAĦ (ara: ASSAĦĦ) * MOST * MOTA * MOXA * MOXT / MOXT TAN-NEWL * MOXX * MPESPES * MQABBA * MQAGĦAD (ara: ERBA’ MQAGĦAD) * MQALLA’ * MQAMMAR * MQASS TAN-NAR * MQATA * MQIETGĦA * MRAMMA / MRAMMA, BORĠ TAL-(I) / MRAMMA, ĠURDIEN TAL-(I) * MRANĠAT * MREDDGĦA * MREJKBA * MREWĦA TAL-PIRJOL / TAT-TAWES * MSAWWAB * MSAWWAR *  MSELĦA * MSELL * MSELLA * MSERKA * MSIDA * MTAĦLEB * MTERQA * MTIRA * MUĊĊU * MULA * MULUDA / MILUDA * MUNA * MUNĠBELL * MUNIĊIPJU * MUNTIERA / MUNTIERA TAL-ĦADID * MUNTUN * MUNZELL * MUQRAN * MUSBILGĦAFJA * MUSBIEĦ * M.U.S.E.U.M. * MUSKAT * MUSKETT * MUSKETTIERA * MUSTAĊĊUN * MUSTARDA * MUSTARDINA * MUSTAXIJA * MUSULEW * MUXI * MUXMAT * MUZAZZ / MUZALZ / MUZZAJZ * MUZZETTA / MOZZETTA * MXUM/A * MŻAKKAR *

 

MABQAR       Merħla kbira ta’ baqar. Razzett tal-baqar.  M.A.V. jiitraduċi din il-kelma bħala, mandra di buoi.

MAĊĊ     Inħawi fejn jikbru ħafna siġar; bosk żgħir. Rif. għal art li tkun mimlija bil-bajtar tax-xewk. Maċċ qasab – żona, norm. fil-widien, fejn jikber il-qasab b’mod li jiksi l-ambjent kollu tal-wied.

Senglea macina steam ship - CopyMAĊINA    Il-binja u l-makkinarju li fi żmien l-Ordni, kien jintuża biex jittellgħu l-arbli mill-vaxxelli. Din il-binja ħadet l-isem mill-kelma makkinarju – la macchina fejn l-ittri ‘ch’ li norm. għandha l-ħoss ‘k’ bdew jiġu ppronunċjati ‘ċ’, x’aktarx fi żmien l-Ingliżi. L-istruttura tal-injam tal-Maċina tbiddlet fl-1864. Fl-1927 l-istruttura tal-makkinarju twaqqt Biex minnflokha beda jintuża l-floating crane. Tal. macchina, ordigno per muovere grandi pesi. Sors etim. : J. Aquilina, 1990.

MADAFFA     Għodda tal-injam li l-ballata kienu jużaw biex jippressaw it-torba. Fl-antik kienu anki jballtu t-toroq bil-madaffa biex ma jtirx it-trab u l-art tkun aktar soda. Sqal. mataffu.

MADALENA  Dan l-isem jissemma fit-Testment il-Ġdid. Il-Madalena kienet dik li ħaslet riġlejn Kristu bil-balzmu u l-fwejjaħ. DUWA TAL-MADALENA  Oġġett li jiswa l-flus, u / jew li hu tajjeb biex ifejjaq. Idj: ‘Qisu qiegħed jagħti d-duwa tal-Madalena’ – tingħad għal xi bejjiegħ li jbigħ b’ċerta reqqa u tqanċiċ esaġerat.  XAGĦAR  TAL-MADALENA     Tip ta’ qamħ imsejjaħ  hekk.

Madliena xMADLIENA   Post li jinsab fuq għolja fin-naħa ta’ Baħar ic-Ċagħaq. L-isem ġej mill-kappella antika ddedikata lil Maria Madalena. Fl-1878, hawn inbniet, il-Fortizza li ġġib l-istess isem, biex din, flimkien ma fortizzi oħra fuq l-istess front tiddefendi l-Majjistral ta’ Malta. Wara xi snin beda jinbena wkoll il-ħajt twil ta’ difiża msejjaħ il-Victoria Lines. Ara: VICTORIA LINES.

madmad eMADMAD   1. Injama ingastata fil-minċott tat-tmun li tintuża bħala laċċ. 2. Injama li titpoġġa fuq għonq il-gendus biex dan ikun ikkontrollat hu u jġorr il-għodda tal-ħrit.  3. Fig. Minħabba l-użu ta’ dan l-oġġett li jnaqqas il-moviment tal-annimal din il-kelma tintuża wkoll fig. biex tirreferi għan-nuqqas ta’ libertà li bniedem jew poplu jsofri minħabba l-ħakma ta’ min jinponi fuqu. Ngħidu, il-poplu għadu jgħix taħt il-madmad tat-tiranni.

MADRAB       (D.)   Appoggio fatto in un muretto per sostenere qualche edificio.

madreperlaMADREPERLA   Il-ġewwieni tal-qoxra ta’ ċertu tip ta’ molluski li jkun pjuttost bajdani, u b’kuluri jisfumaw u jleqqu. Din il-qoxra ta’ ġewwa hi magħmula minn argonit, jiġ. tip ta’ kalċju karbonat ikkristalizzat.  Minn dan il-materjal isiru ħafna oġġetti, l-aktar affarijiet ta’ tiżjin li jvarjaw minn buttuni u ġiżirani, sa affarijiet dekorattivi li jinsabu fuq oġġetti sagri, jew affarijiet ta’ żina fuq ċerti tipi ta’ għamara.                 

MAĠBAR TAL-BARRANIN     (D.) Tal. ospizio.

MAĠRA    Nixxiegħa tal-ilma.

MAGAZZINAĠĠ     Il-ħlas tal-kera ta’ maħżen. Il-kera li wieħed iħallas lid-dwana meta l-merkanzija, hekk kif titniżżel minn abbord, tinżamm fl-imħażen tad-dwana sakemm din tinġabar min-negozjant.

MAGRU     1. Dak il-jum fost oħrajn meta wieħed kien obbligat iżomm astinenza u ma jiekolx laħam. MAGRU STRETT    Jum li ma jiswiex li jittiekel la laħam u lanqas lattiċini. 2. Rif. Għal xi ħadd magħlub.

MAGĦMUL     1.  Seħer li bih xi ħadd isofri minħabba ’l-għajn ħażina’, jew inkella seħeer maħdum b’riti u invokazzjoni li jkunu saru apposta minn xi ħadd biex jagħmel il-ħsara. Biex dan is-seħer ma ma jaħdimx, il-vittma tagħmel is-swaba forma ta’ qrun jew inkella ġġorr fuqha oġġetti li għandhom il-forma ta’ qrun. Dan għaliex il-qrun għandu l-kapaċità li jwaqqaf u jibagħat lura s-seħer minn fejn ġie. Apparti dan, hemm diversi modi oħra biex jitneħħa l-magħmul.  Ara:    GĦAJN ĦAŻINA.

MAGĦDJA    Isem mogħti lit-trasport bil-mirkeb żgħir li kien jopera bi ħlas fi żmien is-seklu ħmistax  bejn Malta u Għawdex. Dan jissemma anki minn A. de S. (fl-1750). 

MAGĦLAQ     1. Post fil-magħluq.  2. Għatu ta’ nassa tal-ħut.  IL-MAGĦLAQ   Post in-naħa ta’ wara t-tempju tal-Imnajdra fejn kienu nstabu fdalijiet ta’iljunfant ta’ daqs qsajjar li jmorru lura l-eluf tas-snin.

MAGĦLEF     (pl. mgħalef). 1. Oġġett jew kamra fejn jintrefa’ jew jitqiegħed l-għalf għal bhejjem. Xkora jew ċurniena li titqiegħed madwar il-geddum tal-bhima biex din tiekol l-għalf minnha. Il-maxtura fejn jintgħalfu l-bhejjem (F.V. 1831) 2.  L-għalf innifsu jissejjaħ hekk.

MAGĦSAR / MAGĦSRA   Oġġett li jagħsar jew li bih ikun ippressat il-meraq tal-frott, eċċ. Minn dawn insibu, il-magħsar li jippressa u jagħsar l-għeneb, u magħsar li jippressa l-polpa taż-żebbuġ biex joħroġ iż-żejt. Fil-każ tal-imtieħen taż-żebbuġ li nħadmu fi żmien ir-Rumani f’Malta, dawn kultant jissejħu magħsar ukoll. Biss, xogħolhom ma kienx dak li jgħasar iżda li jitħnu ż-żebbuġ biex jissepara l-laħam mill-għadma. Hemm magħsar ieħor aktar sempliċi u żgħir u li jintuża fil-kċina tal-lum. Dan hu l-magħsar tal-larinġ. Dan l-oġġett, norm. tal-plastik jew ħġieġ, ikollu bħal ħotba fin-nofs u madwarha speċi ta’ snien ippuntati ’l fuq biex il-larinġa tingħasar fuqhom.

maghsar press.                  OLYMPUS DIGITAL CAMERA            maghsar tal-laring

MAGĦŻEL   1. Fus jew rażża tar-rota tar-raddiena tal-insiġ.  2. Wieħed minn ħafna bsaten li jżommu r-rota tal-karettun imwaħħla fil-minċott tal-buttun.  3. Għodda tal-injam li tintuża biex jitkebbeb miegħu s-suf tan-nagħaġ biex dan jinbaram ħalli jsir ħjut. 4. Tip ieħor ta’ magħżel jintuża wkoll biex jinħadem il-ganutell billi miegħu jkunu mmaljati l-ħjut tal-fidda jew materjal ieħor qabel ma’ dan jinħadem skont id-disinji ppreparati.  

maghzel Suf. mta 3          maghzel 3            maghżeltber 1l

MAHRUN     (D.)  Nifdi l-maħrun. Ripigliare il pegno dato.

MAĦAFI   Kelma antika li kienet tintuża fil-frażi ‘bil-maħafi’, jiġ. bil-biża’. Eż. Hemm bżonn li meta taqsam it-triq, dan tagħmlu bil-maħafi. Oriġ. Għ. ma’ kħaf – M. bil-biża’. kħawwef – jiġ. beżża’. Sors: J.A.

MAĦANQA   Kullar li jintrabat ma’ għonq il-bhima, kemm jekk gendus jew mogħża. Maktur ta’ kul tip li wieħed idawwar ma’ għonqu biex jilqa’ konra r-riħ jew sempli1iment għaż-żina.

MAĦBEL  Il-post fejn jinħadmu u jinħażnu l-ħbula.  Ara: KURDARA.

MAĦDAR      Ġemgħa ta’ nies li takkumpanja l-għarajjes fit-tieġ. Ara: ĦADDARA.

MAĦĠUBA   Rif. għall-għarusa li tkun waslet biex tiżżewweġ. Fil-mument li l-għarusa tagħti l-kelma tagħha taż-żwieġ lill-għarus hi kienet obbligata li tmur id-dar ta’ ommha u missierha u ma toħroġx aktar qabel jum it-tieġ jekk mhux mal-għarus. Jekk din tazzarda toħroġ minn darha, anki jekk stess il-Ħadd għall-quddies, l-għarus kellu d-dritt li jeħles ħesrem mill-patt taż-żwieġ. M.A.V. jikkonferma li fi żmienu din it-tradizzjoni kienet għadha sseħħ f’ċerti rħula.  ĦAĠEB   v. Ħeba; rekken; warrab minn għajnejn in-nies. Sors: M.A.V. (1796).

MAĦLAT   Logħba tat-tfal li tintlagħab bil-boċċa l-kbira (il-bunċ) tal-ħġieġ. Il-lagħbi jirbaħ meta jirnexxilu jizzika l-boċċa li jkun immiraha biex tidħol fi tliet toqbiet fl-art għal tliet darbiet. Deskrizzjoni sħiħa ta’ din il-logħba tinsab fil-ktieb, Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi ta’ Anton F. Attard.         

MAĦRA    Il-lok fejn wieħed jaħra. (D.)  Voce di inguria e vale quanto in Italiano uom di nulla, coglione, minchione.

MAĦRAS  Torri tal-għassa, l-aktar dawk li fi żmien il-medjuevu u l-Ordni kienu jinbnew apposta mal-kosta.

MAĦRUĠA     (D.)  Donna col morbo francese.

MAĦTUN      Bniedem li hu ċirkonċiż.

MAĦĦUĦA   Il-ġewwieni tal-ġellewża meta din tkun niexfa, bi ftit ħjut jew moffa u għalhekk mhiex tajba biex tittiekel.

MAJJIERA     Il-majjieri jiffurmaw speċi ta’ kustilji tal-injam li jitwaħħlu fil-qiegħ tad-dgħajsa mal-prim biex iżommu l-planki sodi tal-qiegħ flimkien. Mal-majjieri mbagħad jissammru l-istamnari aktar ’il fuq biex iżommu l-planki tal-opramorta flimkien. Ara: STAMNARA.   Ara:  OPRI  TAL-BAĦAR.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMAJJOLIKA   Ħafna mill-kontenituri taċ-ċeramika msejjaħ majjolika kienu jiġu impurtati f’Malta minn Caltagirone, fi Sqallija. Dawn il-kontenituri kienu jintużaw biex fihom titqieħed xi taħlita ta’ ħxejjex jew xorb mediċinali. Kwantità ta’ dan il-fuħħar dekorattiv illum jinsab fil-Mużew tal-Arti, il-Belt, waqt li oħrajn jinsabu mxerrdin f’kollezzjonijiet privati. Dawn il-kontenituri nirreferu għalihom b’diversi ismijiet, skond il-forma u l-użu tagħhom; eż. ‘arbarello’, ‘bomba’ jew ‘anfora’. Ħafna minn dawn il-ġarar ma kellhomx għata u kienu jingħalqu biss bi drapp marbut madwar l-għonq. Biss xi wħud kien ikollhom għata taċ-ċeramika, eż. forma ta’ wiċċ ta’ kokka. Għaldaqstant dawn il-ġarar kienu jissejħu ‘cucca’ (kokka). Id-dekorazzjoni fuq iż-żaqq ta’ dawn il-kontenituri tvarja. Xi wħud għandhom disinn ta’ pjanti, oħrajn armi ta’ xi Gran Mastru, immaġini  ta’ xi qaddis, jew inkella s-serp ta’ Aesklepius, li fil-kultura Griega antika dan kien jirrappreżenta x-xjenza tal-mediċina.  Ara: ‘Antique maiolica in Maltese connections’ ta’ Lara Bugeja fi Treasures of Malta no 34, Christmas 2005, Vol XII no 1, pp.11-15.  ‘Medicinal Majolica Jars ta’ Paul Cassar, fi Treasures of Malta Summer 1996, Vol II no 3, pp. 25-28.             

MajmunaMAJMUNA    Il-ġebla ta’ Majmuna hi magħmula minn blokka tal-irħam ta’ żmien Ruman, li ntużat bħala għata fuq qabar Musulman. Fuqha hemm iskrizzjoni bil-Kufiks (l-eqdem tip ta’ kalligrafija tal-iskrittura Għarbija li kienet popolari l-aktar mis-seklu 8 sas-seklu 10 W.K.) L-iskrizzjoni hi talba li fiha tissemma Majmuna, tfajla ta’ 12-il sena, li mietet fit-12 ta’ Marzu tal-1174. Parti minn din l-iskrizzjoni hi meħuda mit-test tal-Koran. Il-provenjenza ta’ din il-ġebla mhux magħrufa, għalkemm ħafna jaħsbu li din kienet instabet fis-Sannat. Għawdex. Fl-1839, din il-ġebla ġiet f’idejn il-familja Xara, biss, fl-1845 ingħatat lill-Bibljoteka. L-iskrizzjoni ġiet iddeċifrata minn ċertu Andrej Jakovlevic Italinski, li kien Ambaxxatur Russu f’Istanbul.  Kien imbagħad Temi Zammit li qaleb din l-iskrizzjoni għall-Malti.  Din il-ġebla tinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Arkeoloġija, r-Rabat, Għawdex. TA’ MAJMUNA  rif. għall-inħawi qrib ix-Xewkija, Għawdex fejn jingħad li nstabet din l-irħama.  It-talba miktuba fuq il-ġebla tgħid hekk:

B'isem Alla l-ħanin, u sella għalih in-nibi (profeta) Muhammed
U għal niesu u sellem għalihom tislima.
Lili Alla l-kobor ta' dejjem iżda l-ħolqien tiegħu ried jintemmu.Intom ta' 
dan f'rasul Alla għandkom xhieda sewwa.
Dan hu l-qabar ta' Majmuna bint Hasan, bin Ali il-Ħadli minn Gabes ta' Susa.
Mietet, il-ħniena t'Alla għaliha, nhar il-Ħamis fis-16 tax-xahar Xahban 
il-Kbir fis-sena 569
U hi tixhed li ma hemmx Alla ħlief Alla l-waħdieni li ma għandux xirka.
Saqsi lilek innifsek, jekk hemmx fl-art min jibqa'.
Il-mewt ħarġitni, jaħasra, minn ħajti l-qasira.Kont bieżla f'għemili u kull
ma għamilt magħdud u jibqa'.
Ja min jara l-qabar li ġewwa fih jiena mibnija, it-trab għabbar ix-xfar 
u t-truf ta' għajnejja.
F'maqgħadi u f'dari xejn ħlief biki u x'jkun fil-qawmien tiegħi meta jiġi
min ħalaqna?

Ara:   Malta – The Medieval Millenium, ta’ Charles Dalli, pp. 86, 87;‘New Light on Majmuna’s Tomb’ ta’ Giovanni Bonello , Histories of Malta – Deceptions and Perceptions, pp. 9 – 12.

MAJSI   Isem ieħor għal Tumas.

MAJNA   1. v. Baxxa jew niżżel xi oġġett ’l isfel. Għajta li ta’ spiss tintuża bħala ordni jew sinjal biex wieħed iniżżel oġġett, eż., tagħbija b’ħabel jew bl-idejn minn fuq għal isfel.  2. Fig. L-istess v. jintuża biex wieħed jiddeskrivi bniedem li saħħtu tkun marret lura. Espr. ‘Saħħtu majnat waħda sew’. Etim. Sqal. ammainari.  

makakxMAKAKK    Is. xj. Macacca sylvanus. Tip ta’ xadina li tgħix f’diversi partijiet tad-dinja, fosthom anki f’xi wħud mill-pajjiżi tal-Mediterran. F’Ġibiltà hemm kolonja sħiħa ta’ dawn ix-xadini li jgħixu fuq il-għolja muntanjuża li l-Ingliżi jafuha bħala The Rock, u li tat l-isem lil Ġibiltà. Dawn ix-xadini huma magħrufa għal kemm jilħqilhom bil-‘makakkerija’ tagħhom. Jista’ jkun għaldaqstant li l-aġġettiv makak ġej mix-xebh fl-aġir ta’ min ikun stuż. Fis-seklu l-ieħor ħafna Maltin kienu ingaġġati mar-Royal u l-Merchant Navy, u waħda mill-waqfiet tagħhom kienet tkun f’Ġibilta’. Tal. macacco. Ing. Barbary Macaque. Idj:  ‘Kemm hu makakk’ – rif. għal xi ħadd stuż u li jilħaqlu b’mod li jista’ jqarraq b’dak li jkun. MAKAKKERIJA  Rif. għal xi ħsieb jew pjan intelliġenti, l-aktar biex wieħed iqarraq b’ħaddieħor. Minkejja dan, bit-Taljan l-appel. ‘makkakk’ jirriferi għal bniedem sempliċi u injorant.

MAKKJETTA   1. Skeċċ komiku għal fuq il-palk li ħafna drabi jkun maħdum minn attur wieħed u li norm. tinkludi fiha kant b’lirika umoristika.  2. Kanzunetta ferrieħa bosta drabi b’laqta’ umoristika. Il-makkjetti jmorru lura sal-ewwel snin tas-seklu għoxrin. Carlo Satariano kien wieħed mill-ewwel makkjettisti. Makkjetta magħrufa tiegħu hi Maddalena (1932). Charles Clews kanta wkoll bosta makkjetti. Fost dawk l-aktar magħrufa tiegħu hemm Rosa Marie (195…) u Sparaw Għal Qamar (196... Kultant il-makkjetti kienu jkunu fl-istil tagħhom qrib l-għana. Eż’. ta’ dan insibu il-makkjetta, Taxi Mary (1971) ta’ Fredu Abela (l-Bamboċċu) u George Azzopardi. Tal. schizzo vivace di persona di carattere comico e satirico. Sors etim. J.A. 

makku cMAKKU   Is. xj. Aphia minuta. Ħuta żgħira li ġieli tissejjaħ nemusa. Din il-ħuta tinqabad fi kwantità, titgħalla biex issir soppa jew tinqela. Idj: ‘Jew makku jew baliena’, tingħad għal xi ħadd li fl-aġir tiegħu m’għandux triq tan-nofs. Ing. White bait.  Sqal. macchu.   

 

MALAMENT   Avverbju li jirriferi għal xi ħadd li qiegħed imut. Eż. Dak jinsab malament tant li ngħata l-griżma. – jiġ. jinsab ħażin ħafna, magħdur u wasal fl-aħħar ta’ ħajtu.

MALAMIRA   Fi stat ħażin ta’ saħħa. Espr. Għamluh malamira, tingħad meta xi ħadd jaqla xi xeba’ papali. Sors: Damma u E.S.I.

MALANDRIN      V. Busuttil (1900) jispjega din il-kelma bħala qattiel jew highwayman.

MALATA    Nofs tagħbija ċnagen li tittella’ kull darba mill-barriera fejn tkun maqtugħa. Sors: J.A.

malkus xMALKU   Idj: ‘Idu daqs ta’ Malku’. Din tirriferi għal xi ħadd li ta’ xejn b’xejn jagħti daqqa ta’ ħarta. L-idjoma tipparaguna id vjolenti u b’saħħitha ma’ dik ta’ Malku (jew Malchus), li kien is-servjent ta’ Qajfas li jissemma fil-Vanġelu (Ġwanni 18, 10).  Naqraw illi meta s-suldati ta’ Qajfas marru jarrestaw lil Kristu fl-Ort tal-Ġetsemani, San Pietru silet is-sejf tiegħu u qata’ barra widnet Malku. Fit-test ma tissemmiex ir-raġuni għaliex San Pietru għamel hekk. Jista’ jkun li din l-idjoma qed timplika li dan Malku seta’ ħebb għal Kristu billi tah daqqa ta’ ħarta bil-pala ta’ idu, u minħabba f’hekk San Pietru indaħal u qata’ widnet Malku.

Mall+Tmall9u72z0nEJ5lMALL,  IL-   Dan il-ġnien fil-Furjana kien inbena fl-1656, mill-Gran Mastru Lascaris, biex hemm il-Kavallieri tal-Ordni setgħu jilgħabu l-logħba tal-pallamaglio. Din kienet logħba msejħa wkoll croque, fejn il-lagħaba, b’mazza twila tal-injam f’idhom jagħtu daqqiet fuq ballun żgħir tal-injam, waqt li jimmirawh lejn speċi ta’ nagħla mwaħħla rasha ‘l isfel fl-art. Fl-1802, il-ġnien tal-Mall sar parti mill-ġnien botaniku ta’ Sarria. Imbagħad fl-1855, dan il-ġnien beda jagħmel parti mill-ġnien tal-Argotti. Fil-Mall illum insibu tmien monumenti li Floriana biskutin floriana.jpgjfakkru persuni, l-aktar filantropi u politiċi Maltin. Dawn huma: Aloysius Pisani, kirurgu, – il-Marquis Giuseppe Scicluna, kummerċjant u filantropu – Luigi Preziosi, oftalmologu – Sir Filippo Sciberras,  tabib u politiku – Sir Ugo Mifsud, Prim Ministru ta’ Malta (1928-29); il-Markiż Vincenzo Bugeja, negozjant u filantropu; Sir Adrian Dingli, leġislatur u Prim Imħallef tal-Qrati, u Nicholas Papaffy, negozjant u filantropu. Tal. Pagliomaglio.

MALLUT   (D.)   arbagio. Romagnolo. – Panno grossolano di lana usato per le tende / dagli poveri.

Malta19MALTA,  ALLEGORIJA TA’     Raffigurazzjoni vżwali ta’ Malta u l-poplu Malti bħal gwerriera mara liebsa l-kurazza, b’xabla f’id waħda, u b’tarka fl-id l-oħra. Dan bħallikieku din il-figura femminili hi divinità li qed tiddefendi ‘l niesa mill-għadu.  L-eqdem raffigurazzjoni ta’ dan il-mottiv insibuh fil-kor tal-injam tal-Katidral tal-Imdina, li llum hu esebit fil-Mużew tal-Katidral. Dan id-disinn imnaqqax fl-injam, imur lura sas-seklu ħmistax. Raffigurazzjoni oħra antika li tmur lura sal-1705 hi l-istatwa fuq il-kolonna li hemm f’Misraħ ir-Rebħa, il-Birgu. Fi gżiritna hawn diversi bliet u rħula, fejn fil-festa tal-qaddis patrun tittella’ l-istatwa ta’ Malta, fuq kolonna, fil-pjazza tal-lokal. Id-drawwa li tittella’ din l-istatwa fuq pedestall x’aktarx kienet ispirata mill-Monument tal-Assedju li hemm il-Birgu. L-ibliet li fil-festa tagħhom tittella’ din l-istatwa tal-kartapesta huma bosta: eż, Bormla, Ħaż-Żabbar, l-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u x-Xagħra, Għawdex. Għal xi wħud minn dawn l-ibliet, l-istatwa għandha sinifikat ikbar minn tal-oħrajn, minħabba li huma bliet li kellhom x’jaqsmu mal-Ordni tal-Kavallieri u mar-rebħa tal-Maltin fl-Assedju l-Kbir. Ara: Malta The Mediaeval Millenium ta’ Charles Dalli.  pp. 266, 267.    

MAMBAR     (D.) Siġġu li fuqu kienu jelldu in-nisa tqal.

MANANNI      Isem ieħor għal Maria Anni jew Anna.

MANDAR  / MANDRA   Post fejn jieklu l-annimali. MNAJDRA  Dim. ta’ mandar. Post żgħir fejn jinżammu l-annimali. Dan l-isem qed jimplika li t-tempju tal-Imnajdra kien għal xi żmien jintuża mir-raħħala bħala mandra għall-annimali. Idj: ‘biex kilt għamilt kullimkien mandra’ – akkuża li wieħed jagħmel lill-ieħor meta xi ħadd  iħammeġ ħafna waqt l-ikel.

MANDRAĠĠ   Daħla maqtugħa ġol-blat fil-Belt Valletta, li tħaffret fin-naħa ta’ Marsamxett. Dan ix-xogħol kien inbeda  mill-Ordni ta’ San Ġwann  fis-seklu sittax, bħala parti minn proġett biex menqa, fejn ix-xwieni tal-Ordni setgħu jkunu rmiġġjati. Il-proġett falla għaliex meta l-qtugħ tal-blat wasal f’ċertu livell, ix-xogħol ma setax jitkompla, minħabba li l-blat kien żonqri u aktar iebes. Il-proġett kien abbandunat,  u minflok, f’din il-ħofra kbira, dawk in-nies li ma kellhomx fejn joqogħdu, bdew jibnu kmamar u binjiet ta’ abitazzjoni ta’ kwalità inferjuri. Mandraġġ tista’ tirriferi għal post fejn hemm miżmuma l-annimali. Biż-żmien, postijiet oħra ta’ stat sdingat bħal dak tal-Belt bdew jieħdu wkoll l-fama ta’ Mandraġġ. Fost dawn kien hemm dak tal-Birgu u dak tar-Rabat, Għawdex. Tal. Mandracchio: la parte più interna del porto.  Sors etim. J.A. op. cit.

Mandragg mudelll
Mudell li hu esebit fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu, bid-dehra tal-Mandraġġ minn naħa ta’ Marsamxett.

MANIFIKU / MANIFK    Titlu ta’ rispett mogħti l-aktar lin-nutara. Tal. magnifico.

Manigold St Catherine - PretiMANIGOLD      Bniedem ixxellerat u ta’ karattru ħażin. Bniedem li juża saħħtu biex jiddomina u jaħqar lil ħaddieħor;  bniedem kattiv. Il-karattru tal-manigold kien ta’ spiss deskritt bħala bniedem li jagħmilha wkoll tal-bojja. Dan il-karattru jidher ħafna drabi f’pitturi li jirrappreżentaw il-martirju tal-qaddisin. Tal.  Manigoldo.

MANIKOMJU     Sptar għall-pazjenti li jsofru minn mard mentali, post ta’ l-imġienen. Tal. Manicomio.  Oriġ. Gr.  Mania: ġenn  + Komion : sptar. Ara:  FRANKUNI,  TA’.

MANIKOTT     Tip ta’ borża maħduma f’forma ta’ tubu, mimlija bit-tajjar li tintlibes min-nisa biex din iżżommilhom idejhom sħan.  Ing.  muffens. Muffettee  Tal.  manicotti  –  M. idejn sħan.

MANILJA    Logħba tal-karti li x’aktarx daħlet f’Malta mill-Italja (Tal. maniglia). Skont it-Treccani din il-logħba tintlab l-aktar fi Spanja jew f’Franza u hemm xi tnax-il varjazzjoni tagħha. Simili għall-bridge. Fil-logħba tintuża l-kelma VAŻA. Il-logħba tissemma kemm minn V.B.

manna

MANNA      Din tissemma fil-Ktieb tan-Numri u fl-Exodus bħala dak l-ikel misterjuż li waqa’ mis-sema biex il-Lhud, li kienu ħarbu mill-Eġittu jkollhom x’jieklu. F’mument meta il-poplu Iżraelit kienu qed isofru l-ġuħ, Alla bagħatilhom il-manna. (Ex. 16.3.) Hemm diversi interpretazzjonijiet dwar x’tip ta’ ikel il-manna setgħet kienet. Hawn minn jiddeskrivi l-manna bħala: a) wejfer tas-silġ b’togħma ta’ għasel; b) tip ta’ faqqiegħ li kien jikber fid-deżert; ċ) bdelljum – tip ta’ gomma jew reżina tas-siġra tal-mirra, li għandha togħma tajba. dj: ‘X’int tistenna? Il-manna taqa’ f’ħalqek?’ Ara:   MUNA.  

manuccaccMANOĊĊA   Tajra tal-karti li t-tfal jieħdu gost itajru billi japprofittaw irwieħhom minn xi żiffa li tkun għaddejja. Din il-kelma  tintuża l-aktarfiż-Żejtun. Il-manoċċa kont tordnaha u tixtriha mingħand xi ħadd dilettant li jaħdem it-tajr tal-karti. Daqs ħamsin sena ilu kienet tiswa sold. Kultant ikunu t-tfal stess jew il-ġenituri tagħhom li jfasslu u jaħdmu t-tajra. Kull ma jinħtieġ huma qasba u karta ħafifa, (karti tat-tajr) ħafna drabi kkulurita u ta’ ċertu daqs. Bi ftit kolla magħmula mid-dqiq imħallat ma’ ftit ħalib u ilma, il-karta teħel mal-qasba. Bi spaga twila wieħed ikun jista’ jżomm it-tajra hekk kif din ittir ’il bogħod minnu u fil-għoli waqt li titbandal mar-riħKelma oħra għall-istess oġġett hi ħamiema.  Etim. Sqal. Manuzza. M. drapp jew karti li jeħel mal-libsa biex jittieħed il-qies tad-disinn minn fuqhom. Tip ta’ karta strazza, biss eħfef.

Mansab (Victor Falzon)MANSAB  1. L-ambjent ta’ fejn jitqiegħed ix-xbiek biex jinqabdu l-għasafar.  Ix-xbiek jitqiegħed fuq art  lixxa u fit-truf jitqiegħdu għasafar f’gaġġeġ żgħar bl-iskop li bl-għana tagħhom jattiraw għasafar oħra biex jinżlu ħdejhom u hekk jinqabdu fix-xbiek li n-nassab jaqleb fuqhom.  2. Post fejn bniedem ‘jintasab’ biex jistrieħ. 3. Siġġu qisu tron fejn dari l-għarusa kienet tpoġġi jew tintasab waqt ir-riċeviment tat-tieġ.  v. nasab.

mantova map cLBj5MANTWA    L-isem bil-Malti ta’ Mantova, belt li tinsab fil-Lombardija.  Idj: ‘Qegħdin taħt Mantwa’ – jiġ. qegħdin f’qagħda batuta ħafna. Sitwazzjoni fejn xi ħadd ikun qed isofri trattament ħażin ħafna minn xi ħadd. Etim. hi dubjuża. L-espressjoni tagħti wieħed x’jaħseb li din ħarġet minn xi episodju storiku. Biss, mantovaxx.jpgMalta qatt ma kellha konnessjoni ma’ Mantwa. X’aktarx dan hu qawl li hu meħud mill-kultura Taljana. Mantwa nfisha sofriet ħafna gwerer u okkupazzjonijiet minn qawwiet barranin, fosthom dawk kontra l-Awstrijaċi u l-Franċiżi. Din il-belt intlaqtet ħafna drabi mill-pesta. Fl-1866, Mantwa ingħaqdet mal-bqija tal-Italja fil-proċess tal-unifikazzjoni.

MANUMORTA   Term. leg. Liġi li tipprojbixxi li l-proprjetà tal-art f’pajjiż għand sid barrani tinbiegħ jew tingħata barrani ieħor. Din il-liġi kienet stabbiliet ruħha fil-Medjuevu, f’bosta pajjiżi, fosthom fl-Ingilterra u fi Franza, biex f’każ li xi proprjetà tinbiegħ lil xi persuna jew komunità reliġjuża eċċ., din il-proprjetà ma taqgħax fidejn il-Knisja minħabba l-biża’ mill-istat li l-Knisja takkumula proprjetà b’mod esaġerat. Skont din il-liġi, il-proprjetà kellha wara ċertu żmien stipulat taqa’ bilfors f’idejn l-Istat. F’Malta din il-liġi kienu daħħluha l-Ingliżi fl-1822, fi żmien meta terz mill-proprjetà immobbiljarja f’Malta kienet tappartieni lill-Knisja. Bil-liġi tal-manumorta, jekk xi proprjetà immobbiljarja kienet titħalla lill-Knisja bħala wirt, din kellha tkun mibjugħa mill-Knisja fi żmien sena, inkella l-Istat jissekwestraha. Tal. manomorta. Finalment, It-terminu oriġina mil-Latin Medjevali – manus mortua. M. poter assolut. Ing. mortmain.

MAPPAMONDU   Il-globu li juri l-ġeografija tad-dinja bil-pajjiżi u l-ibħra kollha. Fl-antik dan il-globu kien ikun magħmul minn materjal tal-kartapesta jew tal-metall. Fig. wirk jew sorm – kelma li kienet tingħad b’mod li dak li jkun iwaqqa’ għaċ-ċajt lil xi ħadd ieħor billi jgħid, pereż., ‘X’mappamondu għandha dik ta’ ħdejna!’ jekk il-warrani tagħha jkun prominenti mhux ħażin.

MAQBAR     Ċimiterju. Ara: ZUNTIER.  

MAQTAR    Ara: LAMPIK.

MAQTUX   1. Bniedem makakk. 2. Bniedem li jaf ikun pjaċevoli u li jiġbdek bil-manjieri tiegħu. 3. Beżbuża jew erba’ żajbriet. Għ. katuxa. Fid-dinja Għarbija din hi t-troffa xagħar li titħalla tikber waħidha fuq il-qurriegħa tar-ras.

maqluba1MAQLUBA,  IL-  Ħofra kbira u fonda li tinsab barra l-Qrendi. Din il-ħofra għandha kwantità kbira ta’ veġetazzjoni tikber fiha, u xi wħud mill-pjanti li jikbru hemm huma wkoll endemiċi. Għal żmien twil dan kien l-uniku post fejn kienet magħrufa li teżisti s-siġra tal-għargħar (Tetraclinis articulata). Fil-qiegħ tal-Maqluba hemm ukoll masġar żgħir tas-siġra tar-rand, (Ing. laurel), li wkoll saret rari ħafna f’Malta. Din il-ħofra kbira toħloq ambjent ideali u uniku fejn jikbru wkoll diversi speċi ta’ faqqiegħ. X’aktarx li din il-ħofra kbira fil-blat, tħaffret bil-mod il-mod maż-żminijiet kull darba li l-wied kaxkar l-ilma tax-xita għal ġo fiha. Biż-żmien, dan l-ilma ħaffer il-blat biex żviluppa f’ħofra kbira taħt l-art. Dan l-għar sotterran wara żmien sfronda. Hemm leġġenda li tgħid li xi darba f’dan il-post kien jeżisti raħal (trogloditiku?) fejn in-nies kienu qed jgħixu ħajja ħażina. Għaldaqstant b’kastig, Alla ġiegħel li dan ir-raħal jintrefa’ mill-art u jinbela’ fix-xejn, bir-riżultat li llum naraw biss ħofra fonda.

MARASMA / MARAŻMU   Lanfranco jsejjaħ lil din il-marda ‘marażmu’.  1. Kundizzjoni jew marda li biha l-bniedem iħoss sens ta’ telqa u debbulizza. Is-sintomi prinċipali huma li l-ġisem tal-marid jitlef ħafna mill-piż (daqs 40%), u li l-ġilda tibda tixxotta żżejjed. Din il-marda hi kkawżata minn nuqqas ta’ nutrijenti essenzjali biex il-bniedem jgħix b’saħħtu. Il-marda jbatu biha l-aktar ix-xjuħ u t-trabi. Fl-antik kien hemm rimedji strambi immens għal din il-marda. Fost dawn kienu jsiru msaħen li fihom jintefgħu xi ħwawar, u l-pazjent kien jieħu banju jew jixrob mill-ilma sħun. Biex wieħed ifiq mill-marasma kienu anki jdendlu amulet jew domna ma’ għonq il-marid. 2. B’mod fig. ‘marasma’ tfisser ‘stat ta’ telqa’ fil-pajjiż fejn l-ekonomija hi staġnata, l-aktar minħabba t-traskuraġni jew in-nuqqas ta’ dehen ta’ min imexxi. Tal. marasmo; Gr. marasmo – M. tħassir. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet, G. Lanfranco, p. 102, 103.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMARBAT   Ħolqa ma’ fejn jintrabtu l-bhejjem. L-eqdem imrabat jinsabu fit-tempji megalitiċi ta’ Malta u Għawdex. Dawn kienu magħmulin preżumibbilment biex jintrabtu magħhoml-annimal tas-sagrifiċċju. Dawn tarahom kultant imħaffrin fl-art quddiem d-daħla tat-tempju jew inkella qrib xi altari fit-tempji. Fl-antik dawn il-ħoloq kienu magħmulin mill-ġebla nfisha li tkun ingastata fil-ħajt ta’ xi razzett, u mtaqqba b’mod biex tagħmel forma ta’ ħolqa. Biż-żmien il-marbat beda jsir minn ħolqa tal-ħadid kultant anki ma’ xi bieb.

Marda tal-biċċa mibdul Lapsi Spinolaviewer (2)

MARDA TAL-BIĊĊA   Kif spjegat taħt it-titlu MIBDUL, din kienet marda li kienet tolqot il-milsa, l-aktar fit-tfal. Għal din il-marda kien hawn rimedju speċjali. Kien isir pellegrinaġġ għall-knisja ta’ Lapsi, li qiegħda qrib il-bajja ta’ San Ġiljan. Sa daqs mitt sena ilu din il-bajja kienet għadha fl-istat kważi naturali tagħha, u fil-bajja kien għad hemm ramla żgħira tħakkek mal-baħar. L-ommijiet kienu jieħdu t-tfal tagħhom lli jsofru minn din il-marda taħt l-istatwa ta’ San Ġiljan, biex it-tfajjel jitgħaddas fin-nixxiegħa, li dak iż-żmien kienet għada tiġri u li kienet imsejħa ‘x-Xmara ta’ San Ġiljan’. Din in-nixxiegħa kienet toħroġ sa nofs ir-ramla. Ċerti tobba kienu jemmnu li n-nixxiegħa kellha ilma minerali terapewtiku li kien effettiv. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, pp. 103, 104.

MARDI  GRAS    It-Tlieta tal-Karnival. L-aħħar jum tal-karnival hu magħruf bħala l-Mardi Gras. Bil-Franċiż din il-frażi tfisser: It-Tlieta tax-xaħam. Dan għaliex l-għada jaħbat Ras ir-Randan u għaldaqstant dan il-jum hu l-aħħar jum meta l-ikel li għandu l-ingredjent tax-xaħam jista’ jittiekel. Ara: GIOVEDÌ GRAS  u  KARNIVAL.

MARELLA     Kobba tal-ħajt jew tas-suf imdawra ma’ njama rqiqa u twila daqs 20 ċm, imsejħa mserka  Din il-kobba tkun imdeffsa fi speċi ta’ navetta tal-injam imsejħa MEKKUK.  Idj: ‘Il-marelli u l-kobob!’ – din  l-espr. antika waħidha ma tfisser xejn, biss kienet tintuża biex tesprimi stat ta’ sorpriża ta’ dak li jkun qalha.

marfa ferry boatMARFA    Din hija l-kosta fil-Majjistral ta’ Malta li tħares lejn Kemmuna u Għawdex. L-isem Marfa jista’ jindika li dan hu l-post fejn kienu jittellgħu d-dgħajjes l-art. Jista’ jkun ukoll li l-kelma Marfa qed tirreferi għall-post fejn jitilgħu l-passiġġieri, jew tittella’ t-tagħbija abbord il-mirkeb biex dawn jaqsmu lejn Għawdex.  Sors etim: E.S.I., Il-Miklem Malti, Is-Sitt Volum, 1979. 

MARĠ     (pl. imraġ). Art bagħli jew saqwi fejn  jirgħu l-merħliet.

MARKAN    (D.) Kelma li l-Maltin kienu jużaw biex jirriferu għal Gran Prijur tal-Lingwa ta’ Alvernja. Il-markan kien dak li fil-funzjonijiet tal-Ordni Ġerosolmitana kien dejjem jimxi fuq quddiem minn sħabu tal-istess Lingwa, bil-bastun f’idejh biex juri id-dinjità tiegħu.

MARKAPUNT    Għodda tal-iskarpan li tintuża biex timmarka fejn għandhom isiru l-punti tal-ħjata fiż-żarbun.

marquis de sade
Il-Markiż De Sade, 1740 – 1814.

MARKIŻ   Titlu ta’ grad partikulari fin-nobbiltà li hu ogħla minn dak ta’ Konti, iżda inqas minn dak ta’ Duka. Fi żmien il-Medjuevu dan it-titlu kien jingħata lin-nobbli li jkunu fdati bil-proprjetà fewdali li tappartieni lir-Re jew lill-membri tal-familja rjali. Il-Markiż kellu d-dritt idaħħal it-taxxi, kemm fi flus kif ukoll fi prodotti agrikoli mingħand il-bdiewa li jaħdmu u jgħixu f’dik l-art li kienet proprjetà tiegħu. Fl-istess ħin il-Markiż kien obbligat f’isem l-awtorità li tkun ikkonċedietlu l-art, li jindokra l-proprjetà min-nobbli oħrajn. MARKEŻIN   It-tifel il-kbir tal-Markiż, li jkun intitolat bħala eredi għat-titlu ta’ missieru. Tal. marche jew Fr. marchis, li t-tnejn jirriferu għat-territorju jew fruntiera, jiġ. dik l-art li tinsab f’xifer il-proprjetà tar-Re.

MARLOĊĊ  Iz-zokk twil li jservi ta’ maqbad għall-għodda tal-għelieqi. Ras il-marloċċ tidħol f’ħolqa kwadra tal-għodda tal-ħadid, eż., mannara, zappun, mgħażqa, eċċ.  Sqal. marruggiu.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAMARMURAT, TORTA TAL-   Torta li tkun mimlija b’ingredjenti bħal lewż imfarrak, zokkor, frak tal-gallettini, biċċiet tal-qxur tal-larinġ u kannella, u miksija biċ-ċikkulata mdewba u konfettura. Dan il-ħelu jisserva l-aktar bħala deżerta jew inkella mat-te. Jidher li l-marmurat kien popolari sew f’Malta fil-bidu tas-seklu għoxrin u aktar tard. X’aktarx il-kelma ‘marmurata’ ġejja minn marmellata, għaliex hawn min jinkludi dan l-ingredjent. Trad. it-torta tal-marmurat kienet tkun l-aktar imsajra għal żmien il-Milied. Ara: The Way We Ate ta’ Matty Cremona, p. 277; The Food and Cookery of Malta ta’ Anne u Helen Caruana Galizia, pp. 195, 196.   

MAROZZA  (D.) Isem ieħor għal Maria.

MARSA    Post tal-irmiġġ. Port. F’Malta u Għawdex hawn ħames  portijiet jew bajjiet li għandhom dan l-appellativ. Dawn huma, il-Marsa, Marsaxlokk, Marsamexett, Marsaskala uMarsalforn. i Sqallija li darba kienet maħkuma mill-Għarab hemm Marsala u fl-Alġerija hemm Mers el Kebir.

Marshall AidMARSHALL AID   Dan kien il-pjan propost wara t-Tieni Gwerra Dinjija, mis-Segretarju tal-Istat Amerikan George Marshall, f’Ġunju tal-1948, biex l-Amerika tgħin lill-pajjiżi kollha Ewropej jerġgħu jġibu l-ekonomija ta’ pajjiżhom fuq saqajha. L-Unjoni Sovjetika rrifjutat li tidħol f’dan il-programm ekonomiku jew li tħalli l-Istati maħkuma minnha jieħdu xi forma ta’ għajnuna mill-Amerika, biex ma jkunux obbligati lejn l-Istati Uniti. Din l-iskema damet sejra erba’ snin u kien verament jissejjaħ The European Recovery Programme (ERP). F’dan il-programm l-Amerika kienet ikkontribwiet b’kollox mat-tlettax-il biljun dollaru. Dawn il-flus ingħataw l-aktar b’mod u manjiera li ħafna pajjiżi kienu fl-istess ħin obbligati jixtru prodotti Amerikani. Malta wkoll ittantat li tieħu sehem f’din l-iskema. Biss, billi Malta kienet kolonja Ingliża, kellha tiddependi fuq il-War Damage Fund li l-Gvern Ingliż kien qiegħed jagħtiha bil-mod il-mod. Il-kwistjoni tal-Marshall Aid kienet wasslet biex Mintoff, li dak iż-żmien kien Ministru tax-Xogħlijiet, u l-Prim Ministru tiegħu Dr Pawlu Boffa, iġġieldu bl-ikrah, għaliex Mintoff kien jinsisti li Boffa kellu jżomm aktar iebes mal-Gvern Ingliż, biex Malta titħalla tidħol f’din l-iskema. Fit-2 ta’ Ottubru 1949, Mintoff kien għadda mozzjoni f’laqgħa tal-Partit Laburista biex ikun jista’ jġib vot ta’ sfiduċja ħalli Boffa jkun imneħħi minn kap tal-partit. Din il-mozzjoni għaddiet b’244 favur u 141 kontra. Xorta waħda Boffa baqa’ jmexxi l-gvern għaliex kien qiegħed igawdi vot ta’ fiduċja fil-Parlament. Biss, fil-votazzjoni parlamentari dwar l-estimi tal-1950-1951 hu tilef il-maġġoranza u kellu jirriżenja. Sadanittant ta’ min wieħed jgħid li mill-War Damage Fund, Malta ngħatat mat-30 miljun lira, li dak iż-żmien kienet somma sostanzjali. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, pp. 356-369.

MARSUTTIN   Deni tas-sider. Tuberkolożi. MARSUTTLAT   Appel. għal xi ħadd marid b’sidru. Bniedem bla saħħa, x’aktarx minħabba l-effetti tal-marda tat-tuberkolożi. A. de S. jirriferi għal din il-kundizzjoni bħala tisico – jiġ. bniedem li qed ibati minn marda li tneħħi bil-mod il-mod l-enerġija mill-bniedem. Etim. malsottile – mit-Taljan, rif.għat-tuberkolożi u mard ieħor li kien magħruf li joqtol il-bniedem f’tul ta’ żmien. M.A.V. jgħidlu ‘mard irqiq’. Ara:   TUBERKOLOSI.

MARWELLA     1. Għodda tal-ħadid li tintuża biex tillieva l-blat jew il-ġebel fil-barriera.  2. Bħal zokk twil li bih is-sajjieda jaqbdu l-ħut kbir.  3. Għodda li tgħin lin-nies tal-baħar itellgħu d-dgħajsa l-art.

MARŻEBB/A    (pl. mrieżeb). 1.  Ħanfusa.  2. Injama twila daqs 30 ċm bil-qiegħ tagħha ċatt, li taqbadha minn manku b’id waħda. Għodda tal-ħassiela li tgħin biex joħorġ l-ħmieġ mill-ħwejjeġ waqt il-ħasil. 3. L-istess tip ta’ għodda kienet tintuża mill-ballata (jiġ. nisa li jballtu) biex iwittu t-torba u d-deffun tal-bejt.  4. Żrinġ żgħir. Ara: BALLATA.

MARŻIPAN    Ħelu magħmul mill-intrita (jiġ. frak tal-lewż). Dan jintuża mal-figolli jew bħala parti mill-mili tas-sinizza. Il-marzipan jintuża wkoll għall-kisi tal-kejk jew tal-qassatella. Tal. marzapane.  

MASKARUN     Skultura  forma ta’ ras jew wiċċ ikrah li jitqiegħed bħala ornament fuq il-faċċata tal-bini. Ras grotteska magħmula fil-kartapesta li tintlibes u  tinġar mill-maskerati fil-Karnival.

masklu 1MASKLU/A   1. Tip ta’ mollusk  Is. xj. Mytilus gallo provincialis.  Ara: ĦAXU TAL-MASKLU 2. Kontenitur tal-metall oħxon li minnu jkunu sparati murtali biex jagħmlu ħoss qawwi, l-aktar bħala salut. Oriġ. l-isparar tal-festa kien isir billi jitqiegħdu diversi maskli ħdejn xulxin u bejn waħda u oħra titqiegħed il-miċċa magħmula minn linja twila ta’ porvli. 2. Bħal kanun żgħir iħares ’il fuq li jintuża biex OLYMPUS DIGITAL CAMERAjavża n-nies minn xi periklu ta’ xi żbark jew attakk imminenti. 3. Skartoċċ tal-ħadid li jkun mimli bil-porvli biex bih ikun ikkargat il-kanun. 4. Minċott tal-injam. 5. Għodda li biha tinċana t-truf li jkunu ġejjin għat-tond.  Sqal. Musculu.

 

 

MasriMASRI   Kelma li kienet tintuża fl-antik, eż., fis-seklu dsatax, biex tirriferi għall-kittien jew għall-qoton li kien ikun impurtat mill-Eġittu. It-Triq jew it-Telgħa tal-Masri (illum hawn min isejħilha ‘tal-Mażri’) – kienet dik il-parti ta’ Triq San Pawl, in-naħa ta’ Kastilja, fejn kien jinħadem u jinbiegħ il-qoton. Kien hemm telgħa oħra, din id-darba barra x-Xagħra, Għawdex, li wkoll kienet tissejjaħ ‘it-Telgħa tal-Masri’. Qawl: Għadu l-masri fil-biedja u n-nissieġa ġa tħajru għalih. Hawn naraw li l-masri hu sinonimu mal-qoton, sew jekk hu mkabbar f’Malta kif ukoll jekk ġej mill-Eġittu. Misr hu l-isem bl-Għarbi għall-Eġittu – Misri hu Eġizzjan. (D.) v. Daqq il-masri. scotolare. Ara: DAQQAQ.

MASSA FRUMENTARIA   Fi żmien l-Ordni din kienet l-awtorità li kienet tieħu ħsieb il-ġbir tal-fondi biex jinxtara u jkun impurtat l-ikel l-aktar bżonjuż, eż. l-qamħ u x-xgħir, minn Sqallija. Fi żmien is-seklu sbatax il-kumitat tal-Massa Frumentaria kien magħmul mill-ġurati tal-Università tal-Belt Valletta. Dan il-kumitat kien jiġbor il-fondi meħtieġa l-aktar, b’mod ta’ self u u b’xi investimenti. Norm. il-qamħ kien ikun impurtat minn Licata. Bosta negozjanti kienu jinvestu flushom f’dan in-negozju b’mod regolari. Dawn l-investituri setgħu b’dan is-self jaqilgħu mat-tlieta fil-mija fuq il-flus li jkunu ħarġu. Minn dawn l-investituri kienu jintgħażlu xi nies biex f’isem il-fondazzjoni jsalpaw lejn Sqallija ħalli jinnegozjaw il-prezz u jixtru l-qamħ f’isem il-Massa Frumentaria. Ara: Society, Identity and Culture in Early Modern Malta, ta’ Carmel Cassar, p. 59; Towards an Economic History of Eighteenth-Century Malta, Victor Mallia Milanes, pp. 476, 477.

mastazzoll.jpgMASTAZZOL   Ħelu magħmul mid-dqiq, zokkor, ħwawar u nbid ħelu. Tip ta’ ħelu, qisu lekumja, li jkun magħmul tawwali u li jiġġebbed, magħmul mil-lamtu u l-ingredjenti msemmija. Jidher li dawn kienu jittieklu anki fi żmien ir-Rumani bħala kejk jew ħelu fit-tiġijiet. F’okkażjonijjiet bħal dawn, il-mastazzol kien ikun l-aħħar oġġett ta’ ikel li wieħed joffri lill-mistednin qabel ma dawn jitilqu. Tal. Mostacciuolo Tal. mosto: il-meraq tal-frott, eż. tal-għeneb. Skont E.S.I. dan il-ħelu kien jinbiegħ flimkien mall-ħabbgħażiż, l-aktar mill-Għarab.

MASTELLA TAL-ĦASIL   Bħal banju magħmul fit-tond u tal-injam li jintuża biex jinħaslu fih minn kollox, trabi, annimali domestiċi, frott u ħxejjex. Dan ir-reċipjent jista’ wkoll ikun magħmul miż-żingu.   Tal. mastella. 

MASTER    Logħba msejħa hekk. Il-Master hi dik il-ġebla ċatta li taħtha jitqiegħdu l-boċċi tal-logħob. Il-logħba tintlagħab billi kull wieħed mit-tfal jaqbad ġebla oħra ċatta, biss iżgħar, imsejħa ċappella u jgaraha. Meta l-Master jintlaqat, il-boċċi ta’ taħtu jitferrxu. It-tifel jieħu l-boċċi li jkunu l-eqreb taċ-ċappella tiegħu. Meta xi boċċa tkun ’il bogħod indaqs kemm miċ-ċappella kif ukoll mill-Master, it-tifel ma jirbaħhiex, għax skont ir-regola tal-logħba, “riħ imb riħ, jirbaħ il-Master”. Il-boċċa tibqa’ tal-Master, naturalment biex jilgħab ħaddieħor.  Ara: Logħob Folkloristiku ta’ Għawdex, 1969, ta’ Anton F. Attard.  p. 13. Ara: RIĦ  IMB  RIĦ.

MASTIZZ    1. Oġġett solidu, eż. deheb mastizz. 2. Mili ta’ ġebel f’ħajt dobblu. Sqal. massizzu./ Tal. Masticcio.

mastkaMASTKA / MASKTA / MASTIKA   Xarba alkoħolika li tixbah lill-aniżetta u li dari kienet popolari ferm. Grokk maskta kien ikun rakkomandat għal min għandu xi daqsxejn riħ, jew inkella bħala xarba ta’ filgħodu biex iġġib ir-rieq. Il-maskta tinxtorob bħala diġestiv, kif ukoll tintuża biex titħallat u tagħti togħma lil ċertu tip ta’ ħelu.Il-maskta hi magħmula mill-għelk li joħroġ miz-zokk tas-siġra Pistacia lentiscus (M. deru u Ing. mastic tree jew lentisk), li tikber fil-Mediterran sa għoli ta’ ħames metri. F’Malta din is-siġra hi protetta bil-liġi ta’ konservazzjoni. L-għelk tal-maskta, apparti li jintuża biex jinħadem f’xorb, jintuża wkoll fil-mediċina bħala antisettiku. Il-kelma ġejja mill-Grieg maskita. Fil-Greċja dan l-isem jirriferi għal żewġ tipi ta’ xarbiet, waħda tixbah l-ouzu u l-oħra l-Chios Mastiha, li hu tip ta’ likur magħmul mill-brandy. F’Chios, waħda mill-gżejjer Griegi, din ix-xarba hi prodott kummerċjali ta’ importanza kbira. Ix-xorb magħmul mill-maskta hu popolari wkoll fil-Bulgarija u fil-Maċedonja. F’dan tal-aħħar, il-maskta hi kkunsidrata bħala x-xarba nazzjonali. Ara: Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, Guido Lanfranco, p. 57. Ara wkoll: www.mepa.org.mt/mastic.

mastraMASTRA   1. Tip ta’ morsa li sserraħ fuq trepied. Din tintuża l-aktar biex torbot il-pajpijiet fil-morsa waqt li jkunu jistgħu jinqatgħu u jinħadmu il-kamini fit-truf tal-kanen tal-ilma eċċ.  Ing. Screw plate.  2. Reġistru bl-ismijiet tan-nobbiltà. Etim. dubjuża, biss qabb. Nel linguaggio marino, apertura (detta anche mastra) praticata in un ponte per lasciar passare un albero o un tubo verticale. Sors:  www.treccani.it.                      

 

MASTRANZA     1.  Ġemgħa ta’ artiġjani li jkunu qed jaħdmu fuq l-istess proġett.  2. Il-ħila u l-maestrija tax-xogħol ta’ min hu kapaċi jaħdem fl-artiġjanat. Tal. maestranza.

MATFGĦA    Kanun.  M.A.V. cannone di guerra.

MATMATA     V.B. 1900 jiddiskrivi din il-kelma bħala granary. Fit-Tuneżija hemm speċi ta’ raħal żgħir imsemmi hekk, magħmul minn bosta kmamar imħaffra taħt l-art li kollha jagħtu għal go bitha li għandhom dan l-isem. Hawn tgħix komunità ta’ bdiewa fi djar sempliċi ħafna li huma mħaffrin f’livell taħt l-art b’tip ta’ bitħa fin-nofs. Fi kmamar minnhom jinħażen kull tip ta’ ikel.

MATMURA     1. Il-maxtura li fiha jitqiegħed l-għalf tal-annimali. (F.V. 1831). 2. Post taħt l-art fejn jinħażen il-qamħ u affarijiet oħra simili tal-ikel.  Qabb. ma’ MATMATA, post fid-deżert tat-Tuneżija fejn    

MATNAZZ    Bniedem li hu mġissem u magħqud. Bniedem immuskulat. Dan l-appel. ħafna drabi jintuża wkoll biex jirriferi għal bniedem ta’ statura qasira, biss imlaħħam b’mod sod. Etim. Sqal. matunazzu, jiġ. fatto di mattoni – M. magħmul mill-briks.

MATRA     Il-merk tal-mira; il-bersall. Ara: MIRATUR.

MAtrici Santa LienaMATRIĊI   1. Il-forma oriġ. li minnha jkunu stampati jew ikkupjati ritratti jew forom oħra. 2. Aġġ. li jintuża fil-frażi, knisja matriċi. Biex tkun vera Matriċi, il-knisja omm trid taddotta lill-parroċċa bint, u l-isqof jistabbilixxi għeliem kif il-parroċċa bint (il-filjali) għandha turi r-rispett lill-parroċċa omm. Pereż: Meta Ta’ Sannat, ix-Xagħra, in-Nadur u ż-Żebbuġ saru parroċċa, l-isqof semma x’kienu ngħataw bħala dota u ordna lill-kappillani l-ġodda biex jagħtu xemgħa ta’ libbra lill-Arċipriet tal-Matriċi ta’ Santa Marija, waqt il-quddiesa solenni ta’ nhar il-festa titulari fil-15 ta’ Awwissu, lebsin bl-ispellizza u bl-istola, bħala għelm ta’ suġġestjoni lejh. Fost knejjes oħrajn li jissejħu matriċi nsibu: Santa Katarina taż-Żurrieq, il-Lunzjata ta’ Ħal Tarxien, San Lawrenz il-Birgu, il-Porto Salvu l-Belt, San Ġorġ, Ħal Qormi, Stella Maris, Tas-Sliema u Santa Marija tal-Gudja. Il-knisja parrokkjali ta’ Santa Liena hi arċimatriċi għax minnha ħarġu diversi parroċċi oħra kemm f’Birkirkara kif ukoll f’irħula oħra. Tal. Matrice. Sors prinċipali: Anton F. Attard. 

MATTAĊIN     Maskerat liebes kollu ġnieġel li jiżfen fil-Karnival. A. de S. jgħidlu wkoll saltatore.

MATTINATI  Id-daqq tal-qniepen tal-knisja filgħodu kmieni. Idj: qam mas-sette mattinati  – jiġ. qam mad-daqq tal-qniepen ta’ filgħodu kmieni. Qam kmieni ħafna. Idj. ‘Għamel is-settemattinati’, jiġ., għamel storbju sħiħ.

MATUTIN  Wkoll tirrreferi għall-istess ħaga. Talb li jingħad mill-patrijiet jew mill-qassisin kmieni filghodu.  Idj: tibdix bil-matutin – jiġ. tibdix iddejjaqni minn kmieni.

maxrabija0MAXRABIJA / MUXRABIJA   Din hi struttura żgħira fil-faċċata tad-dar, li sservi bħal speċi ta’ paraventu tal-injam jew tal-ġebel, ħiereġ ’il barra mill-ħajt. Hemm diversi tifsiriet għall-iskop proprju ta’ dawn it-twieqi. X’uħud jgħidu l-muxrabija kienet il-post ideali fid-dar fejn kien jitqiegħed buqar bl-ilma jew bil-ħalib biex jiffriska biż-żiffa li tgħaddi minn din it-tieqa. Hawn min jgħid li l-muxrabija kienet tieqa minn fejn l-abitanti tad-dar setgħu’ jittawwlu minnha għal barra, mingħajr ma jidhru min-nies fit-triq. F’dan il-każ maxrabija7din il-muxrabija kienet tissejjaħ ukoll ‘muxrafija’, xerrifija jew nemmiesa għaliex minnha tista’ ‘tixref’ fit-triq. Fid-dinja Għarbija dan l-isem jintuża wkoll f’termini militari, għax il-muxrabija kienet isservi biex minnha wieħed seta’ jispara lejn l-għadu. Sors: E. S. I. Ara: ‘Il-Muxrabija, Wirt l-Islam fil-Gżejjer Maltin’ ta’ Dr. Carol Jaccarini fil-ktieb Folklor – Ġabra ta’ kitba minn membri ta’ L-Għaqda Maltija tal-Folklor, edit.  Guido Lanfranco.  ‘Il-Muxrabija Window’,  ta’ Robert Galea, Treasures of Malta No 44, Easter Vol XV, nu.2, pp. 44 – 50.     

MAXTURA      Kontenitur tal-ġebel jew  injam li fih jitpoġġa l-għalf għall-bhejjem biex dawn jieklu minnu.  Illum din il-kelma tissemma l-aktar meta nirriferu għall-MAXTURA TAL-MILIED.  v. MAXTAR     Għomod l-ikel bil-mod il-mod.

maxtura xx.jpg

MAŻETTA     Idj:  ‘Ħareġ ta’ mażetta’ jew  ‘Tkunx mażetta!’ – tingħad meta wieħed jirriferi għal xi ħadd li jkun wera li mhux kapaċi f’xogħlu. Bniedem injurant u li jgħid ħafna ħmerijiet.  Oriġ. etim. dubb.  Fr.  massette  – M. mazza li tintuża fil-barrieri, eċċ. Wieħed jista’ forsi jqabbel din il-frażi ma’ oħra fis-sens li tingħad: ‘tkunx tuba!’ Fr. mazette personne sans capacité.

mazunnicMAŻUN    Membru tal-Mażunerija. Storikament, il-Mażunerija kienet dik l-għaqda ta’ ħaddiema, x’aktarx bennejja, li fil-Medjuevu kienet tgħin lill-membri tagħha meta jkunu fil-bżonn. L-Mażunerija bdiet dieħla Malta minn l-1731 ‘l quddiem, u sal-1741 kienet stabbilit ruħha sew. Il-biċċa l-kbira tal-Mużunerija kienu Kavallieri Franċiżi tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-1815, il-Mażunerija kienet stabbilita f’Malta mill-Ingliżi bħala l-Loġġa ta’ St. John and St. Paul. Sal-1890 f’Malta kien hawn ħames loġoġ tal-Mażunerija, u sal-1919 kien hawn mal-1,500 membru. Tal. Masson jew Massoneria.Fil-ħsieb popolari antik Malti, il-Mażun kien xi ħadd li ma jemminx fit-twemmin tal-Knisja Kattolika. Kont tisma’ min jgħid ‘dak Mażun’, jiġ. dak ma jemmen b’xejn. Nies maħsuba li kienu Mażuni, kienu anki jissejħu ‘tas-setta’, u dawn kienu maħsuba li kellhom il-ħila straordinarja li jtiru bil-lejl.

Ara: http://en.wikipedia.org/wiki/Freemasonry_in_Malta.

MAZKAL  / MAZKAN     Biċċiet tal-ġebel żgħir li jintuża biex jimla l-ħofor fix-xogħol tal-kostruzzjoni. Sqal. mazzacanata, quell suolo rassodato con ciottoli e ghiaia, che si fa prima di ammattonare.  Sors etim. J.A. 

MAZZAMORRA      Biċċiet tal-ħobż li jista’ jintuża bħala lixka għas-sajd. (D.) mazzamurra. Rottame da biscotto. L-www.etimo.it jgħid li dan kien il-biskott li kien iservi ta’ ħobż għall-baħħara.

mazzaraell.comMAZZARELL   1. Jeżistu f’Malta mas-sbatax-il tip ta’ dan l-insett li komuniment il-Maltin iħobbu jseħulu helicopter. Insibu fost dawn il-Mazzarel Ħamran, il-Mazzarell Sultan u l-Mazzarell Skartat. Dan l-insett jgħix l-aktar f’ambjent fejn hemm l-ilma, bħal xi għadira jew ġiebja miftuħa. Fil-fatt il-mazzarell hu magħruf ukoll bħala ‘Ċikku Ġwiebi’. Dan għaliex il-mazzarell ibejjet u jgħix fl-ambjent tal-ilma tal-ġiebja. Sors: Victor Falzon. Tal. mazzarella: 2.  Zokk forma ta’ musmar oħxon li jintuża biex iserraħ il-blakbord fuqu. Sors: Kalepin 1941. 3. Għasluġ oħxon użat mir-ragħajja fit-Tramuntana tal-Italja meta jkunu qed imexxu u jidderieġu l-merħliet tagħhom. Ing.  dragonfly.  

MAZZI       Fil-logħob tal-karti dawn huma s-simboli forma ta’ fjura jew trifolju ta’ lewn iswed. Ara: LOGĦOB TAL-KARTI.      

mazzir7MAZZIER   Dak li waqt ċerti ċerimonji u purċissjonijiet iġorr il-mazza simbolika. Din il-persuna li tkun liebsa ħwejjeġ ċerimonjali antiki, tkun qiegħda tirrappreżenta a) il-Kapitlu tal-Katidral, jew b) il-Kapitlu tal-Kolleġġjata. Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata jkollu quddiemu l-mazza lewn il-fidda. Il-Kapitlu tal-Katidral iġib quddiemu mazza lewn id-deheb. Fil-purċissjoni tal-festa, il-mazzier iġorr il-mazza fuq spalltu b’mod normali, waqt li meta jkun hemm xi funeral il-mazza tinġarr f’idejh. Sors: Anton F. Attard.                        

MAZZUGA    1.  Speċi ta’ mazza bir-ras forma ta’ ċilindru li tintuża biex il-mastrudaxxa jagħti daqqiet fuq l-oġġett ħalli jwittih.  2. Injama ħoxna li tintuża mis-sajjieda biex joqtlu / jistordu l-ħut meta dan jinqabad fix-xibka.  3. L-istikka li tintuża mil-lagħaba fil-logħba tal-polo. Sqal.  mazzocculu. Sors: E.S.I. u J. A       

MBAJJA / NBAJJA / MBE /  NBE  Nom jew verb li jireferi għal meta t-trabi jkunu għadhom qed jimxu fuq idejhom u  saqajhom. Għadha tingħad fil-frażi ‘jimxi (jew) mexa mbe jew nbe’.

mdannaMDANNA  / MDANT    1. Rif. oħra fil-Malti antik għal ‘kunjata’. X’aktarx l-appel. ġej mir-Rumanz u jfisser madonna, rif. mod rispettuż lejn l-omm ir-raġel jew l-omm il-mara fiż-żwieġ. Qabb. ma’ ‘missier’, għax dan ukoll ġej mill-Isqalli misseri (Fr. monsieur). Ara: ĦMIET li hi l-istess ħaġa. Qawl: Biex l-imdanna toqgħod mal-kenna (il-mara tat-tifel), id-dar trid tkun ġenna. Jew: Fejn l-imdanna tgħix mal-kenna, fid-dar ma jkunx hemm ġenna. Illum, flok ‘imdanna’ jew ‘kenna’ ngħidu ‘kunjata’, li bit-Tal. tfisser xi ħaġa differenti, għax hi ‘oħt il-mara’ jew ‘oħt ir-raġel’.  2. Intant, ‘l-imdanna u l-kenna’ hu isem ta’ fjura li hi magħrufa wkoll bħala pensieri. Is. xj. Viola tricolorSors: E.S.I.

megalitikuy - CopyMEGALITIKU  Riferenza għall-ġebel kbir u antik li jinsab f’ħafna artijiet ta’ kulturi antiki, bosta minnhom mibnijien mill-bniedem. Fl-Ewropa hawn kwantità kbira ta’ siti megalitiċi, bħal per eżempju Stonehenge fl-Ingilterra, Carnac fi Franza, u New Grange fl-Irlanda. Il-kelma Megalitiku tirreferi dejjem għall-ġebel kbir, bħalma naraw fit-tempji preistoriċi ta’ Ħaġar Qim, l-Imnajdra, il-Ġgantija eċċ. B’kollox, f’Malta hawn mill-inqas 26 sit preistoriku mibni b’ħaġar megalitiku fi żmien il-preistorja. Hawn mhux qed ngħoddu l-ġebel kbir ieħor, bħal menhiri u d-dolmen, li jistgħu wkoll ikunu l-fdalijiet mhux identifikabbli ta’ tempji neolitiċi. Jingħad li t-tempji ta’ Malta huma l-eqdem strutturi megalitiċi fid-dinja. Gr. Mega – M. Kbir + Gr. lithos M. ħaġar.  Ara:  MENHIR, DOLMEN.

MEHER / MIEHEL   Bil-mod jew bil-lajma. Temi Zammit, f’wieħed mir-rakkonti tiegħu, juża din il-kelma hekk: ‘Xogħol tal-mehel u tar-reqqa.’ – jiġ. xogħol li ma tistax tagħmlu bl-għaġla u li jinħtieġ ħafna attenzjoni. Qawl: Ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu l-qligħ bl-imgħax. (Damma) Jitkellem bil-mehel, parla agiatamente. Sors: ‘Nies Bla Sabar’, Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 65. Qawl: Sors: Il-Qawl Iqul, J.S. Manduca u Ġ. Mifsud, p. 60. 

mehriez 057MEHRIEŻ   Bieqja li tista’ tkun tal-ġebel, tal-metall, jew tal-injam li fiha jintefgħu ingredjenti tal-ikel jew tal-mediċina biex jitfarrku, jinħallu u jitħawru. Mal-mehrież insibu l-LIDA, tip ta’ lembuba żgħira li tintuża biex tfarrak l-ingredjenti bid-daqqiet u tħallathom flimkien. Din il-lida tkun ħafna drabi tal-istess materjal tal-mehrież.

MEJJILLA     1. Ħawt imħaffer fil-ġebel li fih jinħaslu oġġetti, jew jitqiegħdu affarijiet ta’ preparament għat-tisjir tal-ikel. 

MEJLAQ     1. ( pl. mwielaq).  Ġebla żgħira u b’saħħitha li tintuża biex magħha wieħed ikun jista’ jsinn ix-xafra tas-sikkina  jew għodda tal-mastrudaxxa.  Hemm tip ieħor ta’ mejlaq li hu magħmul mill-ġild. Dan kien jintuża l-aktar mill-barbiera biex isinn il-mus tal-leħja.  2. Kunjom Malti.

mejlaq02        mejlaq i 

mekkuk004MEKKUK    (pl. mkiekek).  Speċi ta’ kontenitur tal-injam (sura ta’ navetta twila daqs 5 ċm) f’forma kemxejn żengulija, li fih jitqiegħed bastun żgħir irqiq (imsejjaħ l-IMSERKA) u li miegħu jitkebbeb il-ħajt tal-qoton. In-nissieġ imexxi l-mekkuk b’idejħ minn naħa għal oħra minn taħt il-ħjut tal-għażel jew ix-xoqqa li tkun mifruxa fuq il-magna tan-newl. Dan il-moviment isir biex il-ħajta rrumblata mal-imserka tgħaqqad il-ħjut twal flimkien ħalli d-drapp jieħu d-disinn mixtieq. Waqt li jkun qiegħed isir dan il-moviment l-imserka u l-ħajta rrumblata magħha jkunu miżmuma u protetti mill-mekkuk. Idj: ‘Dak it-tifel m’għandux kwiet, dieħel u ħiereġ qisu mekkuk’ – paragun ta’ xi ħadd dejjem jiċċaqlaq minn naħa għal oħra u għaldaqstant jagħmel l-istess moviment tal-mekkuk. Għ. makkuk. Ing. boat shuttle.  Ara:  MOXT u MSERKAAra wkoll: http://www.youtube.com/watch?v=LJih9BWh2iI&feature=related.    

MelissaMELISSA   1. Pjanta li fix-xebh tagħha tagħti lemħa lill-pjanta tan-nagħniegħ, biss b’weraq ikbar. Is. xj. L. Melissa officianalis; Ing. balm, lemon balm jew balm mint. Il-pjanta hi magħrufa wkoll bħala ‘nagħniegħ in-naħal’ u bħala ‘buriħa’. Bir-raġun kollu din il-pjanta hi msejħa hekk għax għandha riħa tfuħ ta’ lumi u tattira ħafna lejha n-naħal. (Melissa bil-Grieg tfisser ‘naħal tal-għasel’.) Din il-pjanta saret rari ħafna f’Malta, biss dari kienu jkabbruha bosta, għax minnha kienu jieħdu l-meraq biex itaffu l-uġigħ tal-imsaren. Kienu wkoll iqiegħdu l-weraq tal-melissa fil-kxaxen fejn jitqiegħdu l-ħwejjeġ biex jagħtu riħa tfuħ. 2. Xarba li kienet tinħadem minn din il-pjanta. L-essenza tal-melissa kienet tinġabar bil-fwawar li joħorġu mill-pjanta meta jsir il-proċess tal-lampik. Ara: LAMPIK. Kienu anki jħalltu din il-ħaxixa fl-inbid aħmar, u ma’ dan kienu wkoll iżidu xi msiemer tal-qronfol u ħwawar oħra. Il-melissa kienet irrakkomandata ħafna għat-trabi meta dawn ikunu qegħdin ibatu b’uġigħ fl-istonku. L-estratt ta’ din il-pjanta hu tajjeb ukoll biex jikkalma l-moħħ mill-ħsibijiet tqal. Ara: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, l-Ewwel Volum, Paul P. Borg, pp. 405, 406. Ara: Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, Guido Lanfranco, p. 75.

MELITA    Isem Malta bil-Lat. kif jidher f’kitbiet tal-perijodu Ruman. Publius, il-Gvernatur ta’ Malta, imsemmi fl-Atti tal-Appostli, kien imsejjaħ bħala l-Protos Melitaion, li jfisser li kien l-aktar persuna importanti (mexxej) f’Melita. Jidher li bil-Lat. Melita kienet tfisser ‘għasel’, b’riferenza għall-għasel bnin li kien u għadu jiġi prodott f’Malta. Tant hu hekk illi Malta ssemmiet minn Ċiċerun għall-produzzjoni tal-għasel. Jista’ jkun ukoll li Melita ġejja minn Melitaion li bil-Gr. tfisser port. Ta’ min wieħed jikkonsidra teorija oħra li l-isem għandu mnejn kien ispirat mill-fatt li l-baħħara setgħu pparagunaw il-kulur tal-blat li ma nżul ix-xemx jiħmar u jieħu kulur l-għasel’.  Ara: Malta – Phoenician, Punic and Roman ta’ Anthony Bonanno, p. 245.

MELL   1. Nom – diversi tipi ta’ mard li jista’ jolqot ’l-uċuħ tar-raba’ jew lis-siġar tal-frott. 2. v. Abborra lil xi ħadd. Eż. Dak l-ikel issa mellejtu. – jiġ. ma nistax għalih aktar. Minn dan il-verb innisslu l-għaxar forma ‘stmell’ jew il-varjant tiegħu ‘stmerr’. Ħajr: Chris Giordano. Ara: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 61. Sorsi: E.S.I. u J.A.

MELUDA   (D.) partorita.  Qawl. Il-qabla tgħajjat u l-meluda siekta. Mela l-meluda hi dik l-omm li telled.

MENDIL    Ara: MINDIL.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMENHIR   Ħaġra preistorika tawwalija, li żżomm wieqfa waħeda għax imdeffsa fl-art. F’Malta u Għawdex hawn diversi menhiri li x’aktarx huma ta’ Żmien it-Tempji megalitiċi, (3,500 – 2,500 Q.K.) Dan it-tip ta’ ħaġar wisq probabbli kien xi darba jagħmel parti minn tempji jew strutturi megalitiċi oħra. Ara: MEGALITKU. Etim. Il-kelma ġejja mil-lingwa ta’ Brettanja fi Franza: men li tfisser ġebla u hir li tfisser twila.  Ara: Malta –  Prehistory and Temples ta’ David Trump, pp., 169, 185-7, 312.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMENORAH   Kandelabru li jżomm fih seba’ xemgħat. Il-menorah hu wieħed mis-simboli tat-twemmin tal-Ġudajiżmu. Skont it-Torah (il-Bibbja Ebrajka), Alla ordna lil Mosé biex jagħmel kandelabru tad-deheb b’seba’ msiebaħ. (Exodus 25: 31-40) fit-tabernaklu tat-Tempju ta’ Salamun  u dan kellu jkun mdawwal f’kull ħin. F’Malta dan is-simbolu jinsab imnaqqax fil-ġebel, f’sitt katakombi ta’ żmien il-paleokristjan (4 – 6 seklu W.K.) Dawn il-katakombi kollha jinsabu r-Rabat, qrib xulxin, tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod mill-katakombi ta’ San Pawl.  Qabb. ma’  MNARA.

menqa (2)MENQA   1. Għalqa magħluqa għaliha.  Art magħluqa u bl-ilma fejn fl-antik il-bdiewa kienu jxarrbu l-kittien. 2. Daħla fejn l-imriekeb tal-baħar ikunu sorġuti u protetti mill-maltemp. Post magħluq fejn hemm ilma baxx u salmastru, u fl-istess ħin tikber veġetazzjoni selvaġġa. Qab. Għ. Manqai li tfisser post bl-ilma u t-tajn. Eż. Wadi el-Menqa fil-Palestina. 3. Injama b’ħames toqbit fiha, li titwaħħal fuq il-pruwa ta’ kajjik jew luzzu, biex fiha jkun jista’ jiddeffes l-arblu tal-qala’. Sors: J.A. u  E.S.I.  op. cit.  Ara: Fishing in Malta ta’ S. Farrugia Randon. P. 77.

MENSA     1.   Il-wiċċ tal-artal.   2.  Il-mensa tal-isqof  – jiġ., id-dħul finanzjarju li jmur għand l-isqof għall-użu tiegħu personali. Minn dan il-fond, il-flus żejda jmorru għall-karità.  Ara:  PREBENDA.

Mensija 061MENSIJA, TAL   L-inħawi u l-kappella antika bejn San Ġwann u San Ġiljan. Il-kappella, fl-istat primittiv tagħha, kienet tikkonsisti biss minn għar żgħir, moħbi fil-blat tal-wied. Skont il-leġġenda marbuta ma’ dan il-post, dan l-għar instab minn ċertu Indrì, li kien mar jgħix mal-familja tiegħu fi dwejra li kienet mibnija eżattament fuq dan l-għar. Darba minnhom din il-familja skopriet li kien hemm merżuq dawl ħiereġ minn taħt l-art għal ġod-dar tagħhom. B’mod jew ieħor skoprew illi dan id-dawl kien ġej minn għar li kien mistur. Meta daħlu fl-għar sabu li kien hemm pittura fuq l-injam, b’musbieħ mixgħul quddiemha. Din il-pittura hi forma ta’ trittiku u hi ddedikata lil San Anard ta’ Siponto u l-Annunzjata. Sal-aħħar tas-seklu sittax din il-kappella kienet magħrufa bħala San Anard tal-Ġebel, jew ‘il-Ħofra tal-Għar’. Il-kappella kienet abbandunata u spiċċat profanata fis-sena 1618; biss, fis-sena 1691 reġgħet infetħet għad-devozzjoni tal-istess qaddis u tal-Lunzjata. Fl-aħħar tas-seklu dsatax tħaffer il-ġenb tal-blat biex id-daħla għall-kappella tkun milħuqa minn taraġ li jwassal għaliha mil-livell tat-triq. Sors: A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo ta’ Kilin, pp. 24-26; ‘The Re-Christianisation of Malta’ ta’ Mario Buhagiar, Melita Historica, Vol. XIII, n. 3, 2002, p. 281; www.kappellimaltin.com

MENSULA / MENSOLA    1. Term. tal-kostr. li jirriferi għall-ħarrieġa tal-ġebel li tkun ingastata mal-ħajt biex fuqha jserraħ it-travu jew ix-xorok tas-saqaf. Fil-knejjes il-mensula hi dik il-ħarrieġa, qisha ċinta ħierġa ’l barra, maħduma, bosta drabi, b’ċertu gost, u li fuqha jkun hemm imqiegħda xi statwa. Kultant dawn il-mensuli jkunu sostnuti minn taħt b’xi xogħol ieħor iddekorat fil-ġebel. 2. Għamara forma ta’ armarju żgħir li jkun norm. mal-ġenb, dahru mal-ħajt, u li fuqu jitqiegħdu xi affarijiet dekorattivi jew xi ħwejjeġ oħra. Ara: Teżori tal-Knejjes Maltin, p. 96.

MENZEL      Munzell għoli li jidjieq min-naħa ta’ fuq. M.A.V. jgħid li hu, mucchio fatto a piramidi.

MERĊA     Kull tip ta’ oġġett li jista’ jinbiegħ kemm bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut. ĦANUT  TAL-MERĊA   Ħanut fejn jinbiegħu affarijiet tal-ikel jew proviżjon ieħor ta’ kuljum. Tal. merce:  Lat. merce – M. v. akkwista, iggwadanja; n. oġġett bi prezz.

merdqtuxoogle.com

MERDQUX  (Is. xj. origanum majorana / vulgare)  Pjanta li tintuża bħala ħwawar mal-ikel. Hemm il-merqdux selvaġġ u dak li jitkabbar fil-qsari (origanum onites); Ing. marjoram. Il-weraq jitfarrak kemm xott kif ukoll ħadrani biex jitferrex fuq l-ikel, l-aktar mal-ħut kif ukoll mal-laħam. Il-merdqux ġieli anki jitħallat ma xi biċċa ħobż bit-tadam. Din il-pjanta kienet tintuża biex tikkumbatti l-uġieħ tal-istonku, bħala antispażmodiku, djuretiku u fuq uġiegħ tal-gotta u r-rewmatiżmu. Informazzjoni dwar l-użu tal-ikel mingħand T. Morana. Informazzjoni dwar l-użu mediċinali meħuda mill-ktieb, Ħxejjex Mediċina u oħrajn fil-Gżejjer Maltin, ta’ Guido Lanfranco (pubblikazzjoni Tal-Media Centre, (2000). 

MERGUN     Ara:  ŻUGRAGA.

MERK   Sinjal ta’ vjolenza fuq il-ġisem. Marka ta’ ferita fuq il-wiċċ. Ferita magħluqa. ‘għamlulu l-merk’. Marka fuq annimal biex magħmula apposta mir-ragħaj biex il-bhima, eż., bagħal, biex tibqa’ tingħaraf minn oħrajn. Tal. sfregio. E.S.I. u Damma.

MERQTU U FTIETU   Espr. li tfisser kulħadd għal rasu; kulħadd tiegħu f’tiegħu; wieħed ma għandux għalfejn ikollu x’jaqsam mal-ieħor. Din l-espr. nsibuha fl-istorja Viku Mason (1881) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, fejn naqraw hekk: ‘It-tabib mar għal xogħolu, jaħlef ġo qalbu li minn dakinhar ’il quddiem ma’ Viku kulħadd merqtu u ftietu.’ Il-kelma ‘merqtu’ hi ġejja minn ‘meraq’ bit-t marbuta u l-pronom mehmuż -u tal-possessiv, waqt li ‘ftietu’ hi n-nom pl., ‘ftiet’, bil-pronom mehmuż -u tal-possessiv. L-ewwel waħda tfisser ‘brodu’ u t-tieni ‘ħobż li jixxappap fil-brodu’. Mela din il-frażi sservi ta’ analoġija, bħal meta wieħed jiekol waħdu u ma jaqsam ma’ ħadd. Ħajr: Chris Giordano. Ara: Viku Mason – Susanna (ediz. Klabb Kotba Maltin, 2004, p. 34).  

merzug min tieqaMERŻUQ    1.  Dawl irqiq ħiereġ / dieħel minn xi xaqq eż., ta’ tieqa jew bieb, li jkun ġej minn sors ta’ dawl ieħor, bħal per eż., ir-raġġ tax-xemx ħiereġ minn bejn is-sħab.  2. Geżż li joħrog minn xi vit tal-ilma jew inkella ħalib tal-mogħża jew baqra li joħroġ irqiq u b’saħħa.  3. Forma mtawla ta’ silġ li tkun imdendla, bħal stallatit.  4. L-isem tal-għolja qrib Marsalforn li fuqha hemm l-statwa ta’ Kristu Re. Din l-għolja hi magħrufa wkoll bħala l-MUNĠBELL.

 

OLYMPUS DIGITAL CAMERAMESS    Rif. għas-sala fejn kienu jiltaqgħu dawn l-istess uffiċjali. Uffiċjali ta’ rank aktar baxx minnhom kienu pprojbiti li jidħlu hemm u jitħalltu magħhom, anki jekk kulħadd kien ikun liebes pajżan. Kull mess kien ikollu l-pożati partikulari tiegħu u fil-vetrini kien ikun hemm esebiti l-fidda bl-armi tar-reġiment u xi tifkiriet u għotjiet oħra. L-imġiba fil-mess kienet timxi fuq linji stabbiliti, daqslikieku wieħed ikun imsieħeb fi klabb esklussiv. Id-dħul fil-mess kien ikun approvat b’vot jew b’rakkomandazzjoni. Il-membri setgħu anki jitkeċċew minħabba xi mġiba ħażina tagħhom, b’sistema ta’ votazzjoni. Din il-votazzjoni kienet issir bi blalen żgħar bojod jew suwed li kienu jintefgħu f’żewġ urni, li mbagħad kienu jingħaddu mill-uffiċjal inkarigat. Jekk il-maġġoranza tal-blalen kienet tkun magħmula minn blalen suwed l-akkużat kien jitkeċċa (kien hemm l-espressjoni ‘he was blackballed’). F’Malta kien hawn numru mhux ħażin ta’ swali li fi żmien l-Ingliżi kienu jservu ta’ mess. Pereż., kien hemm żmien fis-seklu dsatax li s-swali tal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu kienu jintużaw bħala mess għas-suldati, u għaldaqstant il-Palazz kollu kien magħruf min-nies tal-Birgu bħala ‘l-Mess’. Il-mess tal-R.A.F. kien il-Belt, ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq, fejn illum hemm il-bini l-ġdid tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Fil-belt Valletta wkoll kien hemm mess ieħor fi Triq il-Merkanti, li llum hu ħanut, ftit ’il fuq mill-Ministeru tas-Saħħa. Sa ftit żmien ilu n-nom ‘mess’ kien jintuża fil-Malti wkoll bħala verb; pereż., Ganado jużah hekk: ‘Il-kmandant kien ta’ spiss jimmessja mas-suldati.’ Oriġ. din il-kelma Ingliża kienet tirriferi għal dawk l-uffiċjali għolja tal-armata jew tal-flotta Ingliża li norm. kienu jieklu flimkien. Sors: (Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, p. 33). Sors prinċipali: Michael Cassar.

MESSALIN   Messal żgħir. Ktejjeb tat-talb u l-lezzjonijiet li jinqraw fil-quddies. Apparti li dan kont issibu f’idejn il-kleru, il-messalin kont tista’ tixrih inkella tiddubbah biex issegwi mas-saċerdot il-qari tal-quddies. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni l-Messalin beda jkun stampat bil-Malti. Illum ħafna minn dan it-talb jinkiteb fuq fuljetti li wieħed norm. fl-ixkaffa tal-bank li jkollu quddiemu fil-knisja.

MESSANXENA    L-għamara ta’ kull tip li jkun hemm fuq il-palk biex jagħti sens ta’ realiżmu waqt ix-xena li tkun qegħda issir. Hekk pereż., jekk ix-xena tkun f’dar sinjorili, l-oġġetti li jitqiegħdu fuq il-palk jinkludu għamara ta’ ċertu stil u li tiswa l-flus.

MEZZA     1. Tip ta’ qoffa, magħmula forma ta’ ċilindru oħxon, maħduma mill-qasab li tintuża biex jitqiegħed il-frott fiha.  2. Tip ta’ ċana. 3. Miżura biex jintiżnu l-uċuh tar-raba’. Mezza tesa’ daqs 25 artal, (pl. ta’ ratal); Ħames wiżniet. 4. Bettija kbira tal-inbid. Pl. mezez, mezez tal-ħaxix.  Ara: BIXKILLA.

MEZZUTEMP     Temp li jaħkem l-aktar fir-rebbiegħa jew fil-ħarifa. Temp ta’ meta jkun la bard jew  sħana. Ngħidu ‘libes ħwejjeġ tal-mezzutemp’.

MĠIEBAĦ   (pl. ta’  MIĠBĦA)  1. Post b’serje ta’ qolol tal-fuħħar jew ħofor fil-blat jew ħajt, fejn jitrabbew in-naħal biex jipproduċu l-għasel. Il-qollol tal-fuħħar jew il-kaxex tal-injam fejn in-naħal jipproduċi l-għasel. 2. Bajja fl-inħawi tal-Mellieħa msejħa hekk.  Għ. maġbaħa.  Ara:  QOLLA.   

migbhaDSCF0098.JPG                  mgiebagh d (5).jpg

MĠIEGĦED   Norm. dan l-aġġettiv jintuża biex wieħed jirriferi għal xagħar innukklat. Dan l-appel. jista’ japplika wkoll għad-drapp li l-ħajt tiegħu jkun imgerbeb. Appel. għal kull tip ta’ drapp li jkollu l-ħajt tiegħu mhux lixx.

MĠIERI     (pl. ta’ MIĠRA.)   Kanali tal-ilma. (D.) Canaletti, voce poco usata.  MĠIERI TAD-DEMM   vene arterie.

MGĦASAK     (D.)  Si chiamano quelle fanciulle che amano piuttosto procacciare il vitto da porta a porta che stare ritirate a lavorarvi.

MĦALLEF ĊKEJKEN    (D.) Giudice idiota.

MIBDUL    Appel. mogħti fl-antik lil xi tarbija li kienet tinħakem minn marda msejħa l-MARDA TAL-BIĊĊA.  L-ommijiet kienu malajr jitwebblu li din il-marda li tattakka l-milsa seħħet mhux għax it-tifel kien marid iżda għax l-ispirti ħżiena bidlu t-tarbija ma’ xi oħra marradija. L-ommijiet kienu jieħdu t-tarbija f’xi kappella jew knisja fejn kienu jitolbu u jagħmlu l-wegħdi. Hemm kienu jbiddlu l-ħwejjeġ tat-tarbija u jaħbuhom fit-trab waqt li jlibbsuha ħwejjeġ oħra minflok. Jidher li superstizzjoni bħal din teżisti wkoll fil-pajjiżi tal-Magreb.  Ara:  Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pulicino. pp. 78-79.  

MIBWEL    Ara:   AWRINAR.

MIDDIJA   1. Rigal, donazzjoni jew għotja li tingħata biex tpatti għal xi pjaċir li wieħed ikun qala’. Kull ħaġa offruta minn id għal oħra.  2. L-offerta ta’ biċċa laħam tal-majjal li l-kap tal-familja joffri lil xi ħadd li jiġi minnu jew lil xi ħabib tiegħu. Dan il-kumpliment kien jingħata ġen. meta wieħed ikun skarna l-ewwel qażquż. Dak li jkun irċieva dan ir-rigal ikun mistenni li jagħmel l-istess tip ta’ kumpliment lil min offrielu dak l-ikel. Mill-banda l-oħra, jekk bniedem ma jkunx miżżewweġ jew ikun armel jew fqir, ma kienx obbligat li joffri l-middija. Milli nista’ nifhem, Ġ. Cassar Pullicino qiegħed jindika li l-middija kellha x’taqsam mat-tradizzjoni tal-Ħanżira tal-Erwieħ (jew il-Ħanżir tal-Purgatorju). Ara: ĦANŻIRA TAL-ERWIEĦ. Sors: ‘Antichi Cibi Maltesi’ ta’ Ġ. Cassar Pullicino, Melita Historica, 1961.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMIDRA   (pl. imdieri). Speċi ta’ furkettun tal-injam li jintuża mill-bdiewa biex jgħollu t-tiben fl-ajru ħalli permezz tar-riħ jisseparawh mill-qamħ jew mix-xgħir (v. iderru).  Dan ix-xogħol isir fuq il-qiegħa wara l-ħsad biex il-qamħ jew ix-xgħir jissepara mit-tiben. Barra mill-midra l-bdiewa kienu jużaw ukoll l-luħ, speċi ta’ pala, biex iġellbnuh ħalli jifirduh mill-ħliefa u mis-sifa. Kienu anki jużaw, għeriebel differenti sakemm isaffuh mill-karfa, żrar jew żrieragħ oħra. Sors prinċ.: Anton F. Attard.

MIEĠI     Ilma salmastru, tingħad mal-frażi ‘ilma mieġi’.   Ara: SALMASTRU.

MIEL   Ġid u  rikezzi, beni fi flus, tifdiel il-bank, jew prorpjetà immobbiljarja. Qawl: Il-ġmiel u l-miel it-tnejn fihom xi xkiel. Idj. ‘La miel u la ġmiel’, tingħad għal xi tfajla li la tkun ħelwa u lanqas ma tkun tal-flus. Fl-istorja ‘il-Ħalliel Misruq’, Temi Zammit juża din il-kelma b’dan il-mod: …’Għaddew xi erbat ijiem u Dovik mar biex iżid mielu’…Il-Malti, Ġunju, 1929.

MIFSUD     Aġġ. Li jfisser imkisser jew imħassar. Bniedem meħlus minn demm żejjed;  xi ħadd li jitlef sabru. FASAD jew FISED  v. ħalla d-demm joħroġ; ħareġ l-għelk miz-zokk tas-siġra. Fig. Ġiegħel lil xi ħadd jitlef it-tempra – jisplodi bir-rabja. Kunjom Malti.  BAJDA MIFSUDA   Bajda mħassra u tinten.

MIĠFNA     Kwantità ta’ bastimenti tal-istess flotta. Ħafna iġfna.

MIĠRA      1.  Nixxiegħa tal-ilma.   2. MIĠRA  L-FERĦA   Post li jinsab fl-irdumijiet taħt l-Imtaħleb. Dan l-isem jimplika li fl-inħawi hemm nixxiegħa żgħira tal-ilma , prob. ħierġa minn oħra ikbar.

Mile Endn0018MILE END   L-isem tal-grawnd tal-futbol li nbena fl-1912, il-Blata l-Bajda, eżattament qrib iċ-ċimiterju Ta’ Braxia. Dan il-grawnd kien sar flok ieħor, bejn wieħed u l-ieħor fl-istess post, li kien ta’ kwalità ħażina, tant illi l-art kienet ixxaqleb kemxejn ’l isfel minn naħa waħda li tagħti għall-Pietà. Għal xi żmien il-Mile End sar il-grawnd nazzjonali tal-futbol għax hawn kienu jintlagħbu l-logħbiet tal-lig. Il-grawnd kien issejjaħ ‘il-Mile End’ għax il-lokalità fejn inbena l-grawnd tinsab bejn wieħed u ieħor mil ’il bogħod mis-swar tal-Belt Valletta. Il-grawnd dam jintuża għal għal-logħob tal-lig sal-1921, meta mbagħad kien infetaħ l-Empire Sports Ground, fil-Gżira. Xorta waħda, fis-sena 1936, il-Mile End kien tkabbar u baqa’ jintuża sal-1950, sakemm imbagħad inbena l-Kunvent tas-St Joseph floku. Fis-27 ta’ Awwissu tal-1943, Reggie Miller, is-Segretarju tal-General Workers Union, kien sejjaħ meeting kbir fil-grawnd tal-Mile End, minħabba l-kwistjoni taż-żieda tal-pagi fl-Ammiraljat u fid-dipartimenti ċivili. Ara: A Chronicle of Twentieth Century Malta, Michael Cassar Bonnici Joseph, p. 52.

MILGĦUBA    1. Kelma li tingħad fil-frażi ‘il-ferħa tal-milgħuba’ – LUPA li taħraq l-uċuħ tar-raba’ fi żmien l-istaġun tas-sħana.  2. Il-qawwa tal-baħar meta dan ifawwar u mbagħad jinġibed lura bil-konsegwenza li jitkaxkru oġġetti miegħu.  Aquilina jispjega din il-kelma bl-Ingliż bħala whirlpool – M. belliegħa 3. Jista’ jkun li dawn iż-żewġ spjegazzjonijiet huma ispirati minn ‘milupa’ – dak ix-xi ħadd mhux magħruf imma li hu mxebbah ma’ mostru, li jaħtaf in-nies fil-baħar u jiġbidhom lejn il-qiegħ. Ara: LUPA u BELLIEGĦA. Ara wkoll: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folkor, p. 7. Ara: ‘Atmospheric Tsunami hits east coast’, The Times of Malta, 20th June, 2019.

militiaxxx.jpgMILIZZJA  Il-milizzja f’Malta tissemma fis-seklu 14 u jeżistu dokumenti bħal dak tal-1419, li fihom hemm il-lista ta’ dawk kollha li kienu eliġibli li jservufi gruppi armati li kellhom jiddefendu r-raħal  tagħhom. Kemm dam l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, kienu bosta l-milizzji li nħolqu minn żmien għall-ieħor biex jiddefendu l-kosta (Ara: MAĦRAS). Fi żmien meta l-Ordni tkeċċa minn Malta, il-milizzja Maltija ingħaqdet biex tassedja l-Franċiżi ġewwa l-ibliet ta’ madwar il-Port il-Kbir u Marsamxett. B’kollox in-numru ta’ suldati li kienu ingaġġati f’ diversi battaljuni kien ilaħħaq madwar 2,500 ruħ.

MILSA     1.  Organu li jinsab taħt il-kustilji tax-xellug.  Dan l-organu jgħaqqad id-demm fiż-żaqq u jnaddaf  id-demm mill-globuli ħomor li jkunu qdiemu.  Sq. melsa2.  Tip ta’ beritta li fl-antik kienet tintlibes mir-raħħala Maltin.  Ilparti tawwalija tal-milsa tintelaq la ġenba fuq naħa minnhom tar-ras.   Tal. milza. Ara:  ĠISEM IL-BNIEDEM

       milsa.jpg                     milsa0.JPG

MILWA ĦAJT / MILWA TAL-MARELLA   Marella ħajt milwija. Ing. skeinMILWA ZALZETT   Qatta’ zalzett marbut flimkien; iz-zalzett kif ikun miżmum ikkonservat għall-ikel, f’rita tal-musrana.

MIMMI    1. Il-ħabba tal-għajnejn.  Fig. Kelma ta’ ħlewwa li tingħad lit-tfal żgħar, eż., ngħidu, ‘dan it-tifel hu l-mimmi ta’ għajnejja’.  2. Kelma oħra li tingħad bi ħlewwa lit-tfal mea dawn iweġġgħu, eż., ngħidu, ‘xi ġralek għid…għamilt mimmi ?’   jiġ.’ weġġgħajt ?’  Tal. Mimmo, bambino.

MINDIL / MINDIEL / MINDEL / MENDIEL    1. Sarvetta jew dvalja li fiha jinsarr il-ħobż. Qawl: Ħa jgħanni min għandu żejtu fil-kus u ħobżu fil-mendiel. Sors: Kif Ngħiduha, ta’ Ġino u Anna Muscat Azzopardi, p. 57. 2. Il-borża li fiha jinsarru l-imsaren fil-ġisem tal-bniedem. Is. xj. omentum. 3. Xibka rqiqa ħafna biex fiha jinqabad l-irqaq speċi ta’ ħut. Etim. Sqal. mantili – M. dvalja. Sors: E.S.I.

minfahBellows-1.jpgMINFAĦ   L-apparat li juża l-ħaddied biex jonfoħ l-arja lejn in-nar tal-forġa ħalli jkun jista’ jżid il-qawwa u s-sħana tan-nar. B’hekk il-ħadid jirtab u dak il-ħin stess il-ħaddied jimmartella l-oġġett biex jagħtih il-forma mixtieqa. Minfaħ jista’ jkun ukoll l-istess tip ta’ apparat biss aktarx iżgħar li jintuża biex jonfoħ l-arja għal ġol-pajpijiet tal-orgni (pipe organ) u b’hekk dan l-istrument ikun jita’ jindaqq.

MINFES     (pl. mtenni – mnifsejn)  Kull waħda miż-żewġ toqob u kanali tal-imnieħer minn fejn jgħaddi n-nifs.  Ara:  ĠISEM  Il-BNIEDEM.

MINĠEL   Għodda tal-biedja b’xafra milwija nofs qamar użata l-aktar biex taħsad il-qamħ.  MINĠLA    Bħal minġel li jidħol f’ħolqa mwaħħla mal-ħajt. Dan jintuża biex il-bdiewa jqattgħu s-silla jew il-magħlef billi jistiraw ‘l isfel il-ħaxix max-xafra tal-minġla. Din l-għodda tissejjaħ ukoll ranċila.

mingel322.jpg

MingwielMINĠWIN / MINĠWIEL    1. Tip ta’ inċens li jfuħ ħafna u li jintuża fil-knejjes waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Il-minġwin hu raża iebsa mill-għelk tassiġra Styrax, li tikber l-aktar fis-Sumatra, il-Ġava.  2. Biċċa ġebla minn din ir-raża li tintuża mill-vjolinist biex jimsaħ il-kordi tal-vjolin qabel ma jibda jdoqq, biex il-ħoss tal-istrument jinstama’ tajjeb u mingħajr żarżir. Fil-ktieb tiegħu Mattew Callus (1898), Ġużè Muscat Azzopardi juża dan in-nom b’mod differenti għax isejjaħlu ‘minguel’ meta jgħid: ‘… il-knisja ta’ San Franġisk kienet imfawra b’ward u ħxejjex, tgħaxxi bil-fwejjaħ tal-minguel…’ L-isem proprju bl-Għarbi hu, luban ġawi, jiġ. inċens ta’ Ġava. Ing. Benjamin; Tal. qadim – benjuì. Minn din il-kelma bl-Ing. ħarġet il-kelma benzoin. Ara: Mattew Callus, Klabb Kotba Maltin, 2001, p. 40. Sors: E.S.I. Ara: Benzoin Resin (Wikipedia).

minghul x.jpgMINGĦUL    (pl. mniegħel)   1. Appel. għal dawk il-bhejjem li għandhom in-nagħal. 2. Laqam ieħor għax-xitan. Fig. appel. għal bniedem li hu ta’ karattru ħażin jew li ma għandux kwiet f’ġismu, u allura rif. għal bniedem imxajtan. Ngħidu, ‘Ja mingħul li int!’, jew,, ‘X’il-mniegħel trid?’ Skont J.A. dan l-appel. hu l-istess bħal MILGĦUN għax biż-żmien il-kelma għaddiet minn metatesi (Ing. metathesis), jiġ. l-kelma nqalbulha l-ħsejjes tal-konsonanti. ‘Milgħun’ hi wkoll il-part. passiv ta’ ‘lagħan’ jew ‘legħen’ – verb li jfisser ‘seħet / bagħat saħta lil xi ħadd’. Mela ‘milgħun’ tirriferi għal xi ħadd misħut. Qab. ma’ GĦUL. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, ta’ Anton F. Attard, p. 45. Ħajr ukoll: Chris Giordano.

MINJU   Ara: NOGĦRA.

MINKEB   Il-post fejn it-triq tikser la ġenba, imbagħad fid-dritt. Liwja fit-triq. Ġużè Muscat Azzopardi juża din il-kelma bosta drabi fir-rakkonti tiegħu. Eż. ta’ dan, din il-kelma nsibuha fl-istorja Susanna (1883): ‘lemah il-minkeb… u lewa ma’ dik it-trejqa…’, jew fil-ktieb, Nazju Ellul (1901): ‘… baqa’ sejjer max-xatt, sakemm wasal fil-minkeb ta’ Ta’ Xbiex…’

MINKU      Isem imqassar ta’ Duminku.

MINTNA    1. Pjanta, is. xj. Ambrosia maritima, li bil-Malti hi magħrufa bħala ħaxixet il-mintna. Din il-pjanta tarmi rieħa li bosta jsibuha tinten.  2. Ambjent impestat bl-irwejjaħ. 3.  Għadira fejn l-ilma qiegħed li jinġabar fiha jagħmel riħa tinten.  4.  TAL-MINTNA  Post fl-inħawi tal-Imqabba fejn jinsabu l-katakombi magħrufa bħala Tal-Mintna.

mintna1.jpg                  Mintna tal-6

 

mintufjan.jpgMINTOFFJAN / MINTUFFJAN   Rif. u appel. għal kull partitarju Laburist li kien segwaċi ferventi tal-Perit Dom Mintoff matul il-karriera politika tiegħu. Mintoff ħareġ fuq quddiem tax-xena politika fl-1949, fi żmien l-ewwel leġiżlatura tal-Gvern Laburista, wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Hu kien ħadha qatta bla ħabel kontra l-kap tal-partit tiegħu stess, Pawlu Boffa, li dak iż-żmien kien Prim Ministru. Dan minħabba l-mod kif Boffa kien qiegħed jittratta l-kwistjoni tal-għajnuna finanzjarja li kellha tingħata mill-Gvern Ingliż (ara: MARSHALL AID). Matul din il-ġlieda Mintoff ġibed bosta Laburisti warajh, li telqu ’l Boffa u bdew jappoġġjaw lilu. Fil-votazzjoni li saret fit-Teatru Radio City, Mintoff intgħażel, b’maġġoranza żgħira ta’ votanti, bħala l-kap il-ġdid tal-Partit Laburista. Fl-elezzjoni għall-gvern il-ġdid, fl-1951, il-partit ta’ Mintoff ġab ftit aktar minn 30,000 vot, waqt li l-Malta Workers Party ta’ Boffa ġab 24,600 vot. Minn wara l-elezzjoni tal-1955, meta l-Labour Party tela’ fil-gvern, Mintoff żied aktar fil-popolarità. Wara li t-taħditiet tal-Integration mal-Ingilterra fallew (1958), kien inqala’ ħafna inkwiet, kemm bejn il-Partit u l-Gvern Ingliż kif ukoll bejn il-Partit u l-Knisja (il-Kurja ta’ Malta). Dan kompla jkabbar bil-bosta l-ammirazzjoni tas-segwaċi lejn il-Perit Mintoff. Fis-sebgħinijiet, meta l-Partit Laburista reġa’ kien elett, is-simpatija lejn Mintoff kompliet tiżdied, l-aktar minħabba l-mod kif ittratta l-kwistjonijiet mal-Ingliżi dwar ir-reviżjoni tat-trattat dwar il-bażi militari Ingliża f’Malta, u għaliex, matul is-snin li segwew, il-Partit Laburista introduċa bosta benefiċċji soċjali. Mintoff kien saħansitra msejjaħ min-nies, l-aktar mis-segwaċi tiegħu, bħala ‘s-Salvatur ta’ Malta’. Fis-sena 1984, Mintoff ħalla postu bħala kap tal-partit lil Karmenu Mifsud Bonnici. Fl-1996 il-Perit Mintoff, li issa kien backbencher fil-Parlament, issorprenda lil kulħadd meta ħadha għal darb’oħra kontra l-Prim Ministru tiegħu stess, din id-darba Alfred Sant, u spiċċa biex ivvota kontra l-mozzjonijiet li l-Partit Laburista fil-gvern ried jgħaddi fil-Parlament. Il-Prim Ministru Alfred Sant kellu jxolji l-gvern u jsejjaħ elezzjoni qabel iż-żmien. Mintoff ma reġax ħareġ aktar għall-elezzjoni, biss ma rtirax totalment mix-xena politika. Mintoff ħareġ qatta bla ħabel kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, u flimkien mal-eks-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici beda jsejjaħ corner meetings. Biss, din id-darba dehru jissapportjawh biss dawk il-Mintoffjani l-aktar antiki u li kienu ħbieb intimi tiegħu, li issa kienu jagħmlu biss jammontaw għal follol żgħar. Xorta waħda, meta Mintoff miet, fl-20 ta’ Awwissu 2012, eluf kbar ta’ ammiraturi tiegħu attendew il-funeral statali li sarlu. Ara: L-Elf Lewn ta’ Mintoff, ta’ Claire Xuereb Grech, u Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, pp. 356-369. 

mirakli tal 3.JPGMIRAKLI, TAL-   Kappella ħelwa li tinsab fit-tarf ta’ Ħal Lija u Ħ’Attard. Il-kappella nbniet mill-Gran Mastru Nicolas Cotoner fl-1664. Sa ftit taż-żmien ilu, il-kappella, kienet tinsab lil hinn u ’l barra sew mir-raħal. Il-kappella ddedikata lil-Lunzjata, kienet ukoll magħrufa bħala ‘l-Madonna tas-Silġ’. Dan minħabba t-trittiku li hemm fuq il-ħajt tal-lemin, iddedikat lill-Madonna b’dan it-titlu. Id-devozzjoni lejn din il-kappella kibret f’daqqa fis-sena 1743 meta, skont il-leġġenda, minn dan it-trittiku deher ħiereġ bħal għaraq mill-figura mpinġija tal-Madonna. Dan l-avveniment seħħ fl-istess jum meta kien inħass terremot f’Malta. Billi dakinhar ma kinux mietu nies, kulħadd emmen li dan kien sinjal ta’ intervent divin li bih kienet evitata traġedja li norm. wieħed faċli jassoċja mat-terremoti. Ara: A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo, ta’ Kilin, pp. 157-159. Ara wkoll: www.kappellimaltin.com.

MIRATUR   1. Wieħed li kapaċi jimmira biex jolqot il-matra (il-merk tal-mira; il-bersall) tiegħu.  2. Torri tal-għassa – magħruf ukoll bħala MAĦRAS.  Kemm il-Belt kif ukoll il-Birgu kien hemm toroq jisimhp,Triq il-Miratur Tal. miratore.  

MIRKEB    Term. ġen. għal kull tip ta’ bastiment jew dgħajsa li ġorr il-passiġġieri jew tagħbija minn post għall-ieħor.

MIRRA    Siġra li tikber l-aktar fil-Jemen, fis-Somalia u fl-Etjopja. Is. xj. Commiphora myrrha. Residwu likwidu qisu kolla li jinġabar minn din is-siġra u li jintuża bħala fwieħa. Tip ieħor ta’ din is-siġra, hi l-Commiphora gileadensis li tikber fil-Ġordan u l-Palestina. Il-mirra kienet tintuża l-aktar biex tfejjaq il-ġrieħi, billi għandha kwalitajiet antiseptiċi. L-Eġizzjani kienu jużaw il-mirra biex jibbalzmaw il-mejtin. Il-mirra tissemma fit-Testment il-Ġdid bħala wieħed mir-rigali li wieħed mit-Tliet Għorrief kien irregala lil Ġesù Tarbija meta żaruh ftit wara li twieled (Matt. 2. 11).  Skont it-tradizzjoni kien Gaspar li rregala l-mirra.  Aramajk: murr (M. morr). Ing. myrrh.

mirra.jpg

 

 

Mirra resin

MISNIEĦ     Oġġett tal-ikel, bħal żejt jew butir li jkun mar. Oġġett imranġat.

MISQJA    Il-post jew l-oġġett min fejn jittella’ u jinxtorob l-ilma. Funtana jew għajn fejn il-bhejjem jitwaqqfu biex jixorbu l-ilma. Ħdejn it-tempju megalitiku tal-Imnajdra hemm l-hekk imsejħa MISQA Tanks li huma maħsuba li kienu jservu ta’ bjar għall-istess nies li kienu bnew it-tempji.

misrah xena rurali moghozMISRAĦ     (pl. msieraħ). Pjazza li norm. tinsab fiċ-ċentru tar-raħal. Oriġ. din il-kelma kienet tirreferi għal post komunali qalb l-irziezet fejn l-annimali setgħu jirgħu liberament. Għ.  masarihm,  masrah.  G.F. Abela (1647), jiddiskrivi l-misraħ bħala l-pjazza tar-raħal qrib il-knisja fejn in-nies kienu jinġabru fil-jum tal-Ħadd jew f’xi festa pubblika, biex iqattgħu l-ħin jitħaddtu flimkien. Fil-ktieb Place-names ta’ G. Wettinger insibu aktar minn erbgħin post li fih hemm inkluż dan l-appellattiv. Biss dawn x’aktarx kienu nħawi fejn jirgħaw il-mogħoż. Fost dawn insibu Misraħ il-Kbir, Misraħ il-Mitħna, Misraħ il-Wardija u l-Imsieraħ, li llum ħafna minnu nbena u sar il-lokalità ta’ San Ġwann. M.A.V. jgħid li hu, piazza aperta.

MISSIER   Il-verżjoni Romanz tal-kelma Għ. ‘abu’ Sqal. misseri. oriġ. Fr. Monsieur, li fonetikament tinstema’ bħal missjer. X’aktarx ukoll: Tal. mio sire. Hu x’inhu l-oriġini tal-kelma, il-kelma turi  li l-istatus tal-missier fil-familja, kien dak ta’ padrun awtorevoli għall-aħħar bħala sid tal-familja. Qab. Għ. abu li wkoll tfisser missier u sid. Ara: ABU.

MISTIER    Xogħol.  Ngħidu: ‘Bniedem tal-mistier’ –  bniedem tal-esperjenza fil-qasam ta’ xogħolu.

Mistra7.JPGMISTRA    Post moħbi, post mistur. Dan hu l-isem li hu magħruf bih il-wied u l-bajja li hemm taħt Selmun. Int u niżel il-Mistra hemm speċi ta’ bieb iddekorat bl-arma tal-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca. Fuq l-arma tidher l-ittra R. (Ridenzione) li hi rif., li minn din l-art l-Ordni kien idaħħal xi fondi għal-liberazzjoni tal-iskjavi. Għawdex insibu ukoll il-Blat tal-Mistra li jinsab mal-kosta taħt in-Nadur.

MITĦNA TAT-TABAKK    (D.) molino del tabacco. Piccola macchina o macine di legno che macina il folglio del tabacco.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMITĦNA TAŻ-ŻEBBUĠ    Insejħulha wkoll MAGĦSAR taż-żebbuġ. Biss, dan il-makkinarju li jaf l-oriġini tiegħu fiż-żmien Ruman, ma jagħsarx iż-żejt miż-żebbuġ, iżda jisħaq u jofsoq l-għadma miż-żebbuġa hekk kif iż-żebbuġ jintrass ma’ xulxin. Wara dan il-proċess, il-laħam taż-żebbuġ jitqiegħed fil-magħsar (jew pressa) biex b’hekk jintgħasar minnu ż-żejt. Kemm il-vaska kif ukoll ir-roti tal-ġebel li jgħaġnu ż-żebbuġ  instabu kemm-il darba qalb fdalijiet tal-perijodu Ruman, eż., f’San Pawl Milqgħi, fid-Domus Romana ir-Rabat u f’siti oħrajn.  Ara: ŻEBBUĠ

mitra929-mitre-sm.jpgMITRA    Għata tar-ras għolja u forma ta’ lembut, maqsuma min-nofs li tinfetaħ meta tintlibes. Il-mitra għandha żewġ ponot u żewġ strixxi tad-drapp neżlin fuq wara. L-isqfijiet u l-kardinali jilbsuha waqt xi ċerimonja reliġjuża. Dik tal-Papa hi kemxejn differenti għax tinfetaħ fuq tliet saffi u tissejjaħ TJARA TRIRENJU.  Il-monsinjuri ġieli jilbsu l-mitra bħala simbolu ta’ privileġġi mogħtija lilhom. Sors: Anton F. Attard.

MIXTA    Post li fih jinżammu l-annimali tal-irziezet, l-aktar għaż-żmien kiesaħ tax-xitwa. Minħabba f’hekk kienu jissemmew postijiet bħal Wied il-Mixta, wied żgħir li jinsab fin-naħa ta’ Bengħisa. L-isem ‘Marsamxett’ x’aktarx ġej minn din il-kelma. Għawdex mimli bl-imxieti! Fil-blat tal-Għolja ta’ Għajn Għabdun jew Għabdul hemm mixta li jingħad li damet okkupata min-nies minn Żmien il-Ħaġar sas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor. Din kienet isservi ta’ dar. Mixta oħra li kienet isservi ta’ dar kienet dik tan-Nadur.

MIŻATA    Ħlas li jsir kull ċertu żmien għal xi servizz jew abbonament. Ngħidu, is-soċji tal-każin iridu jħallsu l-miżata tagħhom kull xahar.  Sqal. / Tal. misataetim. Oriġ. mese – M. ta’ kull xahar.

MIŻERERE    Tingħad fit-talba misere nostri Domini, li tfisser ‘ikollok ħniena minna’. Din hi l-ewwel kelma tas-Salm 50. Din it-talba titkanta fil-knejjes u fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Sors E.S.I.

MIŻERIKORDJA     Ħniena jew kompassjoni.  Kelma li tingħad f’sens ta’ kompassjoni lejn min hu batut. Rif. għal ħniena ta’ Alla. Kelma li tissemma bosta drabi fil-Bibbja. Ngħidu ‘il-miżerikordja! bħala espressjoni ta’ stagħġib, bħal meta wieħed jgħid, ‘il-ħniena!’

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMIŻIEB     (pl. imwieżeb).  1. Ġebla mħaffra bħal katusa maħruġa ’l barra mill-bini, l-aktar fuq il-bejt, biex l-ilma tax-xita inixxi ’l hinn mill-faċċata tal-binja. Qawl: Ħeles mill-miżieb u weħel fil-qattara. Sitwazzjoni fejn bniedem jirnexxilu jirbaħ ostaklu iżda jitlef ieħor. Sors: Il-Qawl Iqul, ta’ J.S. Manduca u Ġ. MIfsud.  2. Fil-kuntest tal-artijiet rurali, il-miżieb hu nixxiegħa tal-ilma. 3. Lokalità  fl-inħawi tal-Mellieħa fejn hemm jinsab wied dejjaq.

MIŻMER     (D) Iben illeġittimu. Bastardo figlio  naturale non legittimo.

MIŻWED   Qoxra ta’ ċerti ħxejjex jew frott li fih iżomm kwantità ta’ żrieragħ. eż., tal-ful, tal-ħarrub jew tal-fażola. Qawl: Il-fula bint il-miżwed, u r-razza dejjem tiġbed.

MIŻŻ   1. Riħa tinten.  Ngħidu, ‘ bniedem miżż’ għal xi ħadd li dejjem b’riħa qawwija li ddejqek.  2. Togħma qawwija u aċiduża. 3. Rif. għal bniedem żorr. (Eng. musty smell).

MLANĠAS  Temp tax-xita bil-beraq, sajjetti u riħ. Xita li magħha jinżel is-silġ ta’ ċertu kobor. Tingħad fl-espr. ‘xita tlanġas’ xita nieżla b’qawwa. X’aktarx imsejjaħ hekk minħabba li d-daqs tas-silġ jilħaq lil dak ta’ lanġas żgħir. Sorsi: E.S.I. u Kalepin (1941).

MLEFF   Tip ta’ xall jew velu tal-ħarir jew tas-suf, li jintlibes min-nisa billi jdawruh ma’ rashom u għonqhom biex ma jħossux il-bard.

MLEJĦA    Għanqud għeneb żgħir. Sors V.B. 1900.

MLEJKA    1. Prinċipessa. Kelma li ġejja mill-Għ. malika li tfisser ‘reġina’, jew malik li hu r-re. Għaldaqstant ‘imlejka’ hi t-tifla tagħhom. M.A.V. jgħid li l-kelma ‘malik’ ġejja mill-Feniċju u li fi żmienu din il-kelma ma baqgħetx tintuża. 2. L-Imlejka fil-folklor Malti ġieli kienet imqabbla mal-mara tal-Gawgaw. Anton F. Attard isemmiha bħala waħda mill-allat Feniċi. L-Imlejka setgħet tieħu sura ta’ mara xiħa li kienet iżżur id-djar tan-nies fix-xahar ta’ Diċembru. Biss, skont Attard, l-Imlejka kienet tista’ ġġib kemm ir-risq kif ukoll id-deni, u biex iġġib ir-risq din kienet trid ixxomm ir-riħa tal-ikel qiegħed isir!  3. Saħħara twajba li tieħu ħsieb it-tfal. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, p. 117. Sors ieħor: E.S.I.

MNARA    Kontenitur tal-fuħħar, jew inkella speċi ta’ kandelabru li fih jitpoġġa musbieħ taż-żejt biex ikun protett mir-riħ. Ġieli l-imnari jkollhom imsiebaħ tat-tafal iffurmati b’mod integrali mal-kandelabru.   Qab. ma’ u Ara: MENORAH. Qab. mal-kelma ‘nar’.

mnara.jpg

Mnarja.jpgMNARJA    Il-festa tradizzjonali ddedikata lil martirju ta’ San Pietru u San Pawl li tiġi ċċelebrata fid-29 ta’ Ġunju, fil-Katidral tal-Imdina u fir-raħal tan-Nadur, Għawdex. Fl-antik din kienet waħda mill-aktar festi importanti għall-Maltin. Dokumenti storiċi juru li din il-festa kienet diġa ċċelebrata fl-aħħar tas-seklu erbatax. L-isem ġej mil-kelma illuminaria, (M. mixgħela), għaliex lejliet u f’jum il-festa kienu jinxtegħlu fjakkoli fuq il-Katidral u binjiet oħra. Għal din il-festa liturġika kienu jipparteċipaw mal-kapitlu tal-Katidral l-ordnijiet reliġjużi kollha tal-Imdina u r-Rabat. Wara l-funzjoni fil-Katidral kienet issir purċissjoni li kienet terħilha lejn il-Grotta ta’ San Pawl ir-Rabat. Wara kienet terġa’ tirritorna lejn il-Katidral. Għal din il-festa kienu jitilgħu eluf kbar ta’ nies mill-ibliet u l-irħula kollha ta’ Malta. Tant kienu jipparteċipaw nies għaliha din il-festa, li f’dik il-ġurnata l-ibliet u l-irħula kienu jkunu diżabitati. Mhux ta’ b’xejn illi l-ilsiera Torok darbtejn ippruvaw jagħmlu rewixta kontra l-Ordni ta’ San Ġwann, proprju f’din il-festa, darba fl-1631 u fl-1749. Kien hemm min jitla’ lejliet il-festa biex jara l-mixgħela u għalhekk kien ikun hemm min jorqgħod qrib l-Imdina. B’hekk naħsbu li bdiet it-tradizzjoni tal-ikla (fenkata) ta’ lejliet il-festa, li biż-żmien meta t-trasport kien jippermetti din bdiet issir fil-Buskett. Kif kien isir f’bosta festi, kienut u għadhom isiru t-tiġrijiet tal-bhejjem ’l isfel mis-Saqqajja.  Lat. Lumens. – M. dawl.

MNIEFAĦ   Plural ta’ ‘minfaħ’, biss tintuża bosta drabi bħala ewf. flok MNIEGĦEL. Meta wieħed jgħid ‘U l-imniefaħ!’ wieħed ikun qiegħed bħal jisħet xi ħaġa, jew ikun qiegħed isemmi x-xjaten. L-imniefaħ jidhru fi gzuz u jkaxkru lil kulħadd magħhom, bħar-riħ f’maltempata. Ara: MINFAĦ. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor ta’ Anton F. Attard, p. 67.

MNIEGĦEL    (pl. ta’ MINGĦUL 2. Xjaten.  3. Espr. ‘Fejn l-imniegħel qiegħed dak?’ – b’rif. lejn xi bniedem jew oġġett.

MNUT     1. Muniti żgħar.  2. Ngħidu, ‘bejgħ bl-imnut’. Din hi rif. għal meta l-prodott jinbiegħ bin-naqriet jew ħaġa ħaġa u mhux bil-GROSSA. Bejgħ ta’ ftit flus. Waqt li l-importatur ibigħ bil-grossa lil tal-ħwienet, tal-ħwienet ibigħu bl-imnut lill-klienti tagħhom. Etim. Tal. minuto, M. żgħir.Tal. minuto  – M. żgħir.

MOĊĊU    Kelma oħra għal fenek li tingħad lit-tfal iż-żgħar.

MODD    Miżura li tintuża biex titkejjel l-art tar-raba’ fejn jikber il-qamħ u ċereali ieħor. Term. ieħor għal din il-kelma hi SALMA. ‘Modd wieħed’ ikopri 810 metru kwadru. Modd jesa’ wkoll l-istess daqs ta’ 4,096 qasba kwadra jew, daqs 4 wejbiet. (Ing. 4,444 acres). Fil-kejl tal-użin mod jagħmel daqs erba’ xkejjer tat-Toskana. Ara wkoll: WEJBASorsi: E.S.I., J.A.

MOĠRA    Blata minn fejn tkun ħierġa nixxiegħa tal-ilma. Temi Zammit fil-kitba tiegħu, ‘L-Ilma li nixorbu’, li ppubblika f’Il-Malti, jgħid hekk: ‘Il-kelma mġarr ġejja minn ilma ġieri. Moġra jekk tkun waħda. Mġarr jekk huma aktar minn waħda’.  Qab. ma’ MIĠRA. Sorsi: J.A. u Kalepin.

MOGĦDIJA    (D.) Speronara, barca di passaggio , di tragetto. Skont A. de S. il-mogħdija (ġieli tissejjah magħdija u kienet tintuża anki biex iġġorr il-bhejjem bejn Malta u Għawdex.  Ara: MAGĦDIJA.

MOĦFIJA     Lembija jew skutella kbira tal-fuħħar li tintuża biex fiha jintrefa’ l-ikel fiha, bħal għaġina, dqiq, jew ilma.   Isem li ġej mill-verb ħefa, li jfisser ittiekel, bħal meta ttiekel oġett bl-użu; għamel ħofra fin-nofs

MOĦOR / MOHOR    (pl. mħor)   Appel. li fl-antik kien jiddeskrivi l-ferħ ta’ żiemel jew ta’ ħmar. Ing. colt. Sors: J.A.

MOSĦAĦ      Ara: ASAĦĦ.

MOĦSI   Bniedem bla testikoli. Raġel li għandu vuċi femminili. Ngħidu ‘Kemm int moħsi!’ għal xi ħadd li ma jgħinx kemm għandu jgħin biex iġorr jew jagħmel xogħol ieħor ta’ strapazz. Ara: ĦASI.

MOĦŻARA    Kelma li ma ninsabx la f’.J.A. u lanqas f’E.S.I. Biss, Ġuże Diacono, fil-kitba tiegħu, ‘Sidtna ta’ Guadalupe’, jgħid hekk: ‘…Din kienet mogħdija, mżerżqa, moħżara u mħattba…’ Sors: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin,p. 17.

MOLA    Għodda, bħal ħaġra jew rota tonda li ddur biex  wieħed isinn fuqha l-għodod li jaqtgħu, bħal skieken jew furmaturi. Illum il-mola taħdem bl-elettriku, biss qabel din kienet titħaddem billi wieħed idawwar ir-rota b’idu.

mola0

 

molk.jpg

MOLK / MOLOKH    Il-Feniċi kienu joffru sagrifiċċju uman bħala parti mit-twemmin lill-alla Ba’al. Il-molk kien is-sagrifiċċju tal-ewwel tifel imwieled lill-koppja. Dan is-sagrifiċċju kien isir billi t-tifel, ta’ xi għaxar snin kien jinħaraq ħaj lill-alla Ba’al Hammon. Wara, dan ir-ritwal imbidel biex floku jsir ieħor, fejn flok tfajjel kien jinqatel ħaruf. Hawn minn jinterpreta din l-istorja bħala ritwal simboliku ta’ purifikazzjoni u mhux għax it-tfal kienu tabilħaqq jkunu ssagrifikati. Isagrifiċċju tal-ħaruf kien magħruf bħala molk omor. Dawn iż-żewġ ritwali huma msemmija wkoll fil-Bibbja. Għalkemm f’Malta ma nstabet l-ebda evidenza fiżika li xi wieħed minn dawn is-sagrifiċji seħħew tabilħaqq, biss instabet skrizzjoni tas-seklu 7 Q.K. fuq ġebla li ssemmi l-molk, u kitba oħra fuq stele oħra li semmi l-molk omor. l-istele instabu fil-propjetà tad-Dumnikani fir-Rabat, biss it-tofet, jiġifieri il-post fejn kienu jiġu s-sagrifikati t-tfal, qatt ma nstab. Ara :   TRAJBU.

molkech_horned_god.jpg

MONDELLU    Fl-agrikultura din kienet forma ta’ miżura li biha l-bdiewa kienu jkejlu l-prodotti tar-raba’. Kull mondellu kien jagħmel daqs 5 litri. Sors: L’Histoire de Malthe (1841) u J.A. Etim. munneddu (Kalab.)

MONDI    Aġġettiv li jintuża l-aktar biex jiddiskrivi mogħża b’widnejha żgħar. Ngħidu, , ‘mogħża mondija’.Sors: V.B. 1900.

MONKA      Ara: BUMERIN.

monte di pieta  063.jpgMONTE  DI  PIETÀ    Fondi ta’ flus għas-self. Bank li twaqqaf mill-Gran Mastru Fra Martin Garzes fl-1598, biex jgħin lil dawk fil-bżonn. Bis-saħħa ta’ dawn il-fondi dawk in-nies li kellhom bżonn jisselfu setgħu jmorru f’dan l-uffiċċju flok ma jfittxu lill-użurarju għax l-użuraj kien jieħdu interessi ta’  mija fil-mija perċentwal.

MONTE  DI  REDENZIONE    Magħruf ukoll bħala, il-Monte della Redenzione degli Schiavi – dan il-fond kellu l-iskop li jintuża biex jinxtraw lura l-ilsiera Nsara li kienu miżmuma bħala skjavi. Dan il-fond twaqqaf fl-1607, fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Dan kien sar wara li ċertu Patri Giovanni Maria Minniti, Provinċjal tal-Kapuċċini minn Sirakuża, waqt il-prietka tar-Randan, seħaq fuq il-bżonn li jinġabru fondi għall-fidwa tal-ilsiera Maltin. B’dan il-fond wieħed seta’ jingħata sa 70 skud għal kull skjav kemm jekk Malti, jew membru tal-Ordni li wieħed xtaq li jinħeles mill-jasar f’xi art barranija. Mhux g]ax kienet xi somma kbira, għaliex dak iż-żmien, skjav kien jiswa bejn 500 u 1,000 skud. Fl-1787, dan il-fond kien inkorporat ma’ dak tal-Monte di Pietà. Hawn insibu li dan l-ammont offrut għall-fidwa mill-Monte di Redenzione kien beda jlaħħaq mal-500 skud għal kull skjav.

montgomery house (2).jpgMONTGOMERY HOUSE   Il-binja fuq ix-xellug tal-Fosos tal-Furjana, hekk kif wieħed iħares lejn il-faċċata tal-knisja parrokkjali. Din il-binja għandha storja relatata ħafna ma’ żmien l-Ingliżi. Qabilha, bejn l-1802 u l-1810, kien hawn oħra fuq dan is-sit, li fiha kienet issir l-amministrazzjoni relatata mal-ħażna tal-qamħ. Fl-1826 il-post inbidel f’mess għall-fizzjali tar-reġimenti Ingliżi li kienu stazzjonati f’Lintorn Barracks, fejn illum hemm Belt is-Sebħ. Il-post dak iż-żmien kien magħruf bħala The Pavilion. Fil-bitħa ta’ Montgomery House hemm imwaħħla mal-ħitan bosta armi tar-reġimenti. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, Field Marshall Bernard Montgomery kellu l-uffiċini tiegħu hawn minn fejn seta’ jippjana l-invażjoni ta’ Sqallija (Ġunju-Awwissu 1943). Għaldaqstant dan il-palazzin ħa ismu. Mill-ħamsinijiet ’il quddiem il-binja ntużat mill-Ingliżi bħala l-Pay Office tal-Malta Garrison. Illum il-post jintuża minn entità kummerċjali. Ara: ‘British Army Regimental Badges in Stone in Floriana’ ta’ Denis A. Darmanin, Vigilo, October 2013, pp. 42-44.

MONUMENT  IL-   Kif nirreferu għall-istatwa, li turi lil Kristu mejjet, mimdud fi speċi ta’ ‘qabar’ jew katalett, imsaqqaf biċ-ċjelu. Din l-istatwa tagħmel parti importanti fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u norm. istatwa  tinġarr fl-aħħar fil-purċissjoni.  Ara: Il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta ta’ Brian Bonnici.

monumentDSCF0042.JPG

MOQBEJL    Kelma antika Maltija li tfisser: ftit qabel dal-ħin. Ngħidu, ‘Moqbejl qalli’ jiġ. ‘qalli ftit ilu’, ‘issa issa’. Tfisser ukoll ‘dalwaqt’ b’mod imminenti ħafna. Sors: J.A. Biss, M.A.V. jgħid, filgħodu u jagħti eż., ‘ili minn moqbejl nistennieh’.

MOQRAN    1. Kull tip ta’ annimal bil-qrun. 2.  Fig. Tingħad b’mod dispreġġattiv għal xi ħadd li jagħmel ħsara lill-ieħor. Fig. Xi ħadd kornut.  

MOQSAR      (D.) Tingħad fil-frażi: il-qamar fil-moqsar, jiġ. Il-qamar meta jkun fil-fażi li jiqsar.

morra by henri regnault.jpgMORRA   Logħba li ilha tintlagħab minn żmien ir-Rumani. Bil-Latin din il-logħba kienet tissejjaħ micare digitis, li bil-Malti tfisser: tikxef is-swaba’. Din il-logħba tintlagħab norm. bejn tnejn min-nies b’dan il-mod: Kull wieħed miż-żewġ lagħaba jagħmel ponn magħqud. F’mument miftiehem il-lagħaba jikxfu numru ta’ swaba’ li jfettlilhom dak il-ħin, quddiem xulxin. Fil-pront, dawn jgħajtu numru minn wieħed sal-għaxra (il-massimu hu n-numru għaxra) – biex b’hekk, f’leħħa ta’ sekonda jippruvaw jaqtgħu kemm-il saba’ se joħorġu bejniethom. Meta jingħaddu s-swaba’ kollha maħruġin, jirbaħ dak, li jkun qata’ u għajjat in-numru korrett. Din il-logħba tirrepeti ruħha għal bosta drabi. Ġieli dawn in-numri jingħaddu bit-Taljan. Eż.  ċinku li tfisser ħamsa, jew duwwi li tfisser tnejn. Din il-logħba tintlab kemm-il darba u kultant tista’ tintlagħab għal flus. Sqal. murra. Span. morra; Fra. mourre. Għ. mukħaraja.

MORTORJU   1. Daqq tal-qniepen tal-knisja li jħabbar il-mewt ta’ xi parruċċan.  2. Id-daqq jew il-kant li jsir waqt il-funeral u qabel id-difna. Ng]idu, ‘Isma’ daqsxejn, x’mortorju!’ jiġ. x’mużika bil-lajma u li ddejqek. Tal. mortorio – jiġ. r-riti funebri li jsiru waqt id-difna.

MOST    Mhux misjur, rif. għal frott li jkun għadu ma sarx. Inbid li jkun għadu ma qagħadx (V.B. 1900 jiapjega din il-kelma hekk: new wine pressed from the grape but not fermented.  .

Mota qniepen 049.jpg
Kwantità ta’ qniepen żgħar esebiti fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat

MOTA   Appellattiv għad-daqq tal-qniepen tal-knejjes meta jdoqqu flimkien kemm b’mod ferrieħi kif ukoll f’mumenti ta’ niket. Il-mota tista’ tibda minn daqq ta’ qanpiena waħda bl-iżgħar nota (E.S.I.) u titqawwa hekk kif jiżdiedu magħha qniepen oħrajn b’noti aktar għolja. Biss jistgħu wkoll jindaqqu mill-ewwel diversi qniepen f’daqqa anke f’noti għoljin. Hemm diversi moti li bihom jindaqqu l-qniepen.  Hemm il-mota tal-ferħ (tal-festi), u l-mota solenni jew funebri (in-newwieħa). Din tal-aħħar tindaqq b’ton ta’ dieqa meta jmut xi ħadd. Din tindaqq ukoll b’mod regolari fix-xahar ta’ Novembru, ix-xahar tal-mejtin. Fl-antik, din kienet tindaqq ukoll meta bniedem ikun qiegħed agunija. Fl-antik il-qniepen kienu jindaqqu wkoll waqt xi maltempata biex ibegħdu l-maltemp. Sqal. Mota, colpo che da il bataglio nella campana.

MOXA     Tintuża fl-espr. ‘ Art moxa’,  jiġ. art xotta bi ftit ħamrija u ftit veġetazzjoni; art mhux fertili.

moxt-info0MOXT    1. Pettine biex jitmaxat ix-xahar. 2. Fig. Bniedem li mhux ta’ ħażen. Espr. ‘Kemm int moxt’ – ħallejtu jagħmel li jrid bik. 3. Ħuta tal-qiegħ li kapaċi tikber mad-90 ċm. Is.xj.  Zeus faber. Jeżistu diversi speċi ta’ din il-ħuta. Din tintgħaraf dejjem mit-tebgħa li tixbah l-għajn li jkollha fin-nofs ta’ ġisimha.   Ing.  John Dory. 4. MOXT TAN-NEWL   Parti mill-makkinarju tan-newl li jintuża biex jgħaddi l-ħajt tax-xoqqa OLYMPUS DIGITAL CAMERAjew l-għażel minnu. Idj: ‘Sab / ġietu ix-xoqqa f’moxtha’. Din l-idjoma tingħad bħallikieku  wieħed qiegħed jimplika li dak li jkun, ħataf u approfitta ruħu mill-okkażjoni. It-tqegħid tax-xoqqa fil-moxt jirrikjedi li n-nissieġ jinfilsa mal-400 ħajta fil-moxt. Dan jimplika li l-agħar biċċa tax-xogħol tkun lesta u dan ser jgħin lil min jiġi warajh biex tħaffef bil-bqija tax-xogħol. Ara: Qegħda Fuq il-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt, pp. 222.   

MOXX    Artab.  Eż., Ġbejna moxxa, ġbejna li ma nixfitx għal kollox. Sqal. Musciu, mezzo asciutto.  Skont A. de S. fid-Damma jgħid li din it-tip ta’ ġbejna la hi iebsa u xotta u lanqas ratba: ‘ne fresco ne asciutto’, Sors:  Damma p. 620.

MPESPES    Minxuf fih innifsu. Tingħad l-aktar fil-frażi ‘laħam impespes’, jiġ. laħam li jkun imsajjar bil-mod il-mod, biss iżżejjed, u għaldaqstant dan il-laħam ikun xott wisq. V.B. jgħid li dan hu laħam li jkun moqli wisq.

MPULETTA      Jagħtiha V.B. 1900. Ara:  AMPULETTA.

mqabba94MQABBA   Fil-lista tal-Milizja tal-1419-20 dan ir-raħal kien jissejjaħ, almenu il-kitba, Casali Micabibe.Hawn min jaħseb li dan l-isem ġej minn Muqabbaba li kienet rif. għal struttura b’koppla fuqha. Issa billi nafu li l-ewwel koppli tal-knejjes f’Malta jmura lura mhux aktar bikri mill-aħħar tas-seklu 15, (dik ta’ San Girgor kienet mibnija fl-1493), jekk kien hemm binja b’koppla, din ma setgħetx kienet ta’ xi knisja; aktar forsi ta’ xi struttura ta’ żmien l-Għarab, bħal moskea jew xi ħammam (banju); xi struttura li waqgħet u ma reġgħetx inbniet. Dan neħduh biss bħala ipotesi, għax din it-teorija hi spirata mill-Cubba, binja ta’ palazz ta’ żmien l-Għarab b’koppla fuqu, li hemm f’Palermo. Sqal. Terra ammontichiata sulle sorgenti d’acqua. M. Art / blat / ġebel miġbur fuq għejjun tal-ilma. Għ. cubba.Sors: www.palermoweb.amusicadelsole/dialetto/influenze/araba.asp

MQAGĦAD      Ara:  ERBA’ MQAGĦAD

MQALLA’     1. Eż.  Baħar imqalla’, baħar biċ-ċafċifa, il-mewġ żgħir.  2.Bniedem imdardar fl-istonku.

MQAMMAR    Bniedem eċitat b’mod esaġerat. Bniedem li jkun tah tal-qamar, bniedem miġnun, epilettiku. Sors: Dizionario Portatile (1843) u G.B.F. (1845).

MQASS     Skorpjun.  

MQASS TAN-NAR       Ing. Tongs   Sors: (F.V. 1831)

MQATA  Togħma ħażina fil-ħalq. Imġieba ħarxa u kera ta’ wieħed imqit.

MQIETGĦA     Appalt. Xogħol mogħti għal proġett wieħed partikulari biss; Xogħol li jsir bil-kuntratt u l-ħlas tiegħu isir darba, hekk kif ix-xogħol ikun lest. Ngħidu, ‘Ix-xogħol kienu jeħduh bl-imqietgħa.’

MQIT     Rif. għal xi ħadd b’wiċċ imqarras. Bniedem  serju żżejjed. Aġġ. Għal kwalunkwe oġġett qares jew morr. Qawl: Tkun ħelu jikluk, tkun imqit jobogħduk.

MRAMMA    Ħajt oħxon jew doblu.   F’Għawdex hemm sit arkeoloġiku lejn Ta’ Ċenċ magħruf bħala l-BORĠ TAL-IMRAMMA. Sqal.  Murammma.Prov. Kull laqxa tirfed l-imramma. Esp. Raġel mramma. ĠURDIEN TAL-IMRAMMA    Ġurdien li jgħix fit-toqob ta’ xi ħajt oħxon.

MRANĠAT    Ikel qares u li jkun ħżien, u mhux ta’ min jieklu. Eż. Butir imranġat. Jekk l-oġġett li jkun tranġat hu likwidu, eż. iż-żejt, dan jissejjaħ MISNIEĦ.

MRASI       Plural ta’ MARSA. Sors: V.B. 1900.

MREDDGĦA       Mara li tkun imqabbda biex tredda’ t-trabi. Ing. wet-nurse.

mrejkba IMG_4649MREJKBA   Tip ta’ ċattra żgħira magħmula f’forma trijangolari u maħduma mill-qasab li tintuża għas-sajd. Il-qiegħ tagħha jkun miżmum minn biċċiet tas-sufri mdaqqsa u maqtugħa apposta. Magħha jitwaħħal qala’ żgħir biex iċ-ċattra tkun tista’ timxi mar-riħ waqt li s-sajjied jibqa’ jikkontrollaha bil-lenza minn fuq l-art. Mat-tarf taċ-ċattra jintrabat il-konz bis-snanar. Is-sajd bl-imrejkba jsir l-aktar għall-imsell u l-kaħli. Ara:Fishing in Malta, ta’ Stanley Farrugia Randon. p. 41, 42.

mrejkbae001.jpg

MREWĦA  TAL-PIRJOL  / IMREWĦA TAT-TAWES   (D.) Ventaglio formato dalle penne di pavone. Ara: TAWES.MSAWRIN     Il-ġogi. (Ing. the limbs F.V. 1831).

MSAWWAB    (D.)  voltato qualche liquore come vino, acqua e simile da un luogo all’altro.

MSAWWAR     Kelma li tintuża biex tiddeskrivi bniedem mibni; post iffortifikat tajjeb. (D.) Bollato, impreso, diġinto, figurato., sculto.  Ragel imsawwar, Uomo dipintio, sculto.

MSELĦA     Xkupa. Xkupa tal-ġummar. Qawl: Mselħa gdida tagħmel il-ħoss. Sors: V.B. 1900.

MSELL     Ħuta magħrufa wkoll bħala, agulja. Bl-Ingliż tissejjaħ needle fish. Is. xj. Belone belone.

msellaxxMSELLA    Labra tal ħjata aktar kbira mis-soltu li fiha tieħu ħajt oħxon sew. Din tintuża mill-VELIER biex iħit il-qlugħ jew biex jgħaqqad ilqala’ maċ-ċimi. L-imsella tintuża wkoll biex jinħietu jew jgħalqurbtu l-ixkejjer minn fuq jew affarijiet oħra smili l-aktar drapp oħxon bħal kanvas. Sors: V.B. 1900.

MSERKA    Bastun żgħir ta’ madwar 20 ċm u rqiq, qisu lapes. L-imserka tintuża biex jiddawwar magħha l-ħajt tal-għażel hekk kif dan ikun qiegħed jinfirex u jinġibed fil-makkinarju tan-newl waqt l-insiġ. L-imserka titqiegħed fil-mekkuk biex il-ħajt ikun protett u ma jitħarbatx, l-aktar, waqt li jkun qiegħed jintefa’ min-naħa għall-oħra tal-makkinarju tan-newl. Ing. bobbin. Ara: MEKKUK.

MSIDA     1. Għadira fejn jitħalla l-ħut ibejjet. Lok fejn wieħed jistad. 2. Sa mitt sena ilu, il-lokalità bejn Tal-Pietà u l-Gżira kella bajja li tidħol aktar il ġewwa, u li kienet tasal kważi sa ħdejn fejn illum naraw l-Għajn tal-Ħasselin. Illum hawn sar jissejjaħ  hekk. MISIDJAN Abitant jew bniedem imwieled l-Imsida. Sors:  J.A.  u  E.S.I.

Msida of old.jpg

 

mtahleb church.jpgMTAĦLEB   Post fil-kampanja, fin-naħa tar-Rabat li jagħti għal fuq il-widien u l-irdumijiet ta’ Miġra ’l-Ferħa.  Għalkemm il-kelma hi qrib fit-tifsira ta’ ‘post fejn taħleb’ dan jidher li ma jagħmilx sens għal kollox. Ahmed Josef Faris ex-Xidjaq, għalliem u filosofu Lebaniż (1804-1887), li għex f’Malta  għal madwar 14-il sena f’nofs is-seklu dsatax, kien żar dan il-post u jgħid hekk: “L-Imtaħleb … fih hemm għadira li l-wiċċ tal-ilma tagħha jrabbi t-tuħlub (għażiż), bħallikieku l-post kien imsemmi għalih.” Ara: El-Wasita : Tagħrif dwar Malta tas-Seklu maqlub għall-Malti minn F.X. Cassar, 19. p.32.

MTERQA     Għodda tal-ħadid li tintuża fil-barrieri biex tgħin tinqala l-blata jew  il-ġebla  minn posta.

MTIRA     (pl. mtajjar) Sinjal, bħal kanal fil-ħamrija li jindika fejn se tinżera’ ż-żergħa. L-imtajjar ikunu mmarkati b’mod parallel f’għalqa qabel wieħed jiżra’ l-qamħ jew ix-xgħir. Norm., l-ispazju bejn mtira u oħra jkun wiesa’ skont kemm il-bidwi jkun jista’ jwassal iż-żerriegħa meta jxerridha biex din taqa bejn imtira u oħra.  Ngħidu, ‘il-bidwi jmattar l-għalqa’. Sors: Dr. Joe Borg.

MUĊĊU     Kelma li kienet użata mit- / mat-tfal li tirriferi għal fenek. Tal. micio.

MULA     Sid tal-art. Kunjom. Ara: BORMLA.

MULUDA / MILUDA   Il-mara li tkun se tiled. Qawl: Il-qabla tgħajjat u l-muluda ma tgħid xejn. – analoġija li tirriferi għal xi sitwazzjoni fejn wieħedjagħmel ħafna għaġeb waqt li dak li jkun qiegħed ibati jibqa’ jsofri mingħajr ma jagħmel ħoss. Sors: G.B.F. (1845).

MUNA     Proviżjon tal-ikel, bħal ħxejjex u oġġetti oħra tar-raba’. Qawl: Aħżen il-muna u mur fiċ-ĊEPPUNA.  Għ. muna.Qabb.  MANNA.

mungbellGozo (51)MUNĠBELL     Għolja f’Għawdex li hi magħrufa l-aktar bħala l-Għolja tal-Merżuq. Din tinsab fit-triq li mir-Rabat tagħti għal Marsalforn. Bosta kienu jemmnu li din l-għolja kienet xi vulkan estint għax l-isem mogħti hu l-istess bħal l-isem antik tal-Etna. Fuq din l-għolja hemm l-istatwa tas-Salvatur. Din l-istatwa kienet tqiegħdet hemm fl-1904, flok salib tal-injam, bħala parti mill-attivitajiet reliġjużi bl-iskop li  Għawdex jibda jissejjaħ il-‘Gżira tas-Salvatur’. Fis-snin sittin din l-istatwa nbidlet ma’ waħda aktar b’saħħitha li kienet inħadmet minn Wistin Camilleri. Biss l-istatwa l-ġdida wara ftit ċedielha l-pedestall li kienet qed isserraħ fuqu. Għalhekk fis-snin sebgħin flokha tqiegħdet statwa oħra.  Sqal. mongibello hu l-isem li hu magħruf bih il-vulkan Etna. Fl-istess ħin dan l-isem itenni l-istess tifsira kemm bir-Romanz kif ukoll bl-Għarbi – Monte u ġibello (ġebel jew għolja blatija). V.B. (1900) jispjega il-kelma bħala il-vulkan Etna u jieqaf hemm. Biss jagħti wkoll espr., ‘kbir daqs munġbell’. Ara: www.gozo.gov.mt.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAMUNIĊIPJU    Rif. għal istituzzjoni amministrattiva, kif ukoll għall-bini nnifsu fejn jinsabu l-uffiċċji governattivi tal-lokalità. Fil-każ tal-Imdina, il-Muniċipju kien aktar magħruf bħala l-Università. Il-bini li kien iservi ta’ Muniċipju fl-Imdina jinsab kantuniera mal-pjazza tal-Katidral. L-istil ta’ dan il-bini hu Barokk għall-aħħar u kien iddisinjat fl-1730, minn Charles François de Mondion. F’dan il-bini, illum insibu miżmuma l-arkivji bid-dokumenti tal-liġijiet li kienu maħruġa bejn l-1530 u l-1889. Fil-każ ta’ Għawdex il-Muniċipju kien allokat fil-Banca Giuratale, fit-Tokk, ir-Rabat. Lat. Municipium – muni – M. ufficiji +cipium – M. tirċivi.  Ara : UNIVERSITÀ. Ara wkoll:  The Making and Unmaking of the Maltese Universià, ta’ Charles Dalli.

MUNTIERA   Bħal beritta bil-faldi twal biex jgħattu l-widnejn u jipproteġuhom mill-kesħa.  MUNTIERA  TAL-ĦADID  Din hi dik il-parti tal-elmu, li jgħatti l-wiċċ biex jipproteġi kontra id-daqqiet tax-xwabel, eċċ. (Ing. visor).

MUNTUN    Ir-raġel tan-nagħġa. Oriġ. Tal. Kelma oħra flok muntun, din id-darba ta’ oriġini semitika hi ‘kibx’.

MUNZELL      (pl. mniezel). Kwantità ta’ oġġetti miġbura gods, eż.,  tiben jew silla. Tal. moncello, seklu XIII.  Sqal.  museddu / munzeddu quantità di cose ristrette o accumulate.  Sors: Dizzionario Nuovo Siciliano – Italiano.   

MUQRAN / MOQRAN Appel. għal kwalunkwe tip ta’ annimal bil-qrun. Dan l-appel. jintuża biex wieħed jgħajjar lil ħaddieħor b’mod dispreġġjattiv., bħal meta wieħed jakkuża lil xi ħadd li qed jagħmel il-qrun lis-sieħba tiegħu, jew inkella bil-maqlub, is-sieħba tiegħu tkun qiegħda taqlibhielu. Titli oħrajn ta’ dan it-tip insibu KIBX jew KORNUT.

musbwieh mta 200909-35.jpgMUSBIEĦ   Lampa tal-fuħħar li tixgħel biż-żejt. Iż-żejt jintefa’ mit-toqba tan-nofs waqt li l-ftila tkun imdeffsa ġol-lampa minn toqba fil-ġenb. Instabu ħafna msiebaħ f’Malta u ħafna minn dawn huma ta’ żmien bejn dak Puniku, Ruman jew Proto-Kristjan. Fil-katakombi nsibu niċeċ żgħar, fejn dawn l-imsiebaħ kienu jitqiegħdu biex idawlu l-passaġġi dojoq u l-kmamar fejn isir id-dfin. Xi wħud minn dawn l-imsiebaħ għandhom dekorazzjoni fuqhom, u fosthom hemm dawk li għandhom simboli Insara.

MUSBILGĦAFJA    Skont Ġ u. u A. Muscat Azzopardi (1975 / 1986), din hija espressjoni li tingħad f’Għawdex biex bħal speċi wieħed jitlob lil Alla li dak li jkun ma jimradx u jibqa’ f’saħħtu. Il-kelma ma sibtha fl-ebda dizzjunarju. Ara: AFJA u GĦAFJA.

MUSEUM8.JPGM.U.S.E.U.M.     Abbr. ta’  Magister utinam sequatur evangelium universus mundus! Bil-M. din il-frażi tfisser: ‘O Sinjur li kieku d-dinja kollha kellha timxi wara l-Vanġelu Tiegħek’. Dan hu l-isem oriġ. tas-Soċjetà reliġjuża lajka li tgħallem id-duttrina f’Malta. Is-Soċjetà tal-Mużew twaqqfet minn Dun (illum San) Ġorġ Preca fl-1907, biex tgħallem id-duttrina Nisranija fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta u Għawdex. Din is-soċjetà kienet approvata uffiċjalment mid-Djoċesi ta’ Malta fl-1932. Illum ‘Tal-Mużew’ jgħallmu d-duttrina mhux biss f’kull belt u raħal Malti, iżda anke f’ibliet oħra madwar id-dinja.  F’dawn l-aħħar snin, l-isem uffiċjali ta’ din il-għaqda sar ‘Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija’.

MUSKAT   Aġġ.  eż., ‘ifuħ bħal pjanta tal-misk. Oġġett li fih il-misk. Kunjom Malti, biss dan mhux ġej mill-istess kelma għax il-kunjom ġej minn Moscato.

muskett diubbienaatee.jpgMUSKETT     1  Ftit xagħar li jitħalla taħt ix-xoffa bħala gost personali. X’aktarx il-kelma ġejja mit-Taljan, mosca li tfisser dubbiena. 2.  Xkubetta jew azzarin li kienet tiġi kkargata bil-balla u l-polvri minn quddiem. Bejn is-seklu ħmistax u s-seklu dsatax din kienet l-arma ppreferuta li tintuża mill-infanterija. Is-suldati li kienu jisparaw il-muskett kienu jissejħu muskettieri jew arkibusieri. Ara: ARKIBUS.

MUSKETTIERA   Xibka magħmula b’toqob fini li titqiegħed mat-tieqa, l-aktar fis-sajf, biex ma jidħolx in-nemus ġewwa. Tal. moschettiera.

MUSMAR TAL-FTILA      Il-ġamra li tkun preċiżament fit-tarf tal-ftila, ikkawżata mill-fjamma. L-istess bħal ĦARKUSA.

MUSTAĊĊUN1.   Mustaċċ kbir.  2. Fig. Ng]idu, ‘raġel mustaċċun’ – jiġ. bniedem ta’ esperjenza kbira.  3. Il-parti ta’ quddiem tal-luzzu li tinżebagħ b’kulur differenti skont il-gosti. Tal. mostacchi. Sqal. mustazzi.

mustaccjun70.JPG

 

Sinapis alba

MUSTARDA     Pianta is. Xj. Sinapis alba. Hemm varjetà ta’ din il-pjanta. Hekk insibu mustarda bajda, mustarda sewda u mustarda salvaġġa. Miż-żerriegħa tal-mustarda isir trab isfar jaħraq li minnu jsir ħwawar għall-ikel. Imbagħad meta dan jitħallat mal-ilma u l-ħall jew likwidi oħra issir pejst tal-mustarda. Ngħidu, ‘telgħetlu l-mustarda’, meta dak li jkun jitlef il-paċenzja għal kollox u jirrabja – ngħidu, ‘qabżitlu’. Jidher li din l-espressjoni mhiex unika għal Malta u forsi ħadniha mit-Tal. far venire la mostarda al naso, li tfisser l-istess ħaġa. Anki il-Franċiżi jgħidu simili: la moutarde ne monte a nez!’ V. Busuttil (1900) isemmi din l-espr. fid-Dizzjunarju Malti – Ingliż.

mustardina xMUSTARDINA    Ħelwa li jkollha togħma qawwija tal-menta jew togħmiet oħrajn. Dari, il-mustardina l-aktar popolari kienet tkun tonda u bajda, il-kobor ta’ munita tal-Euro, iżda eħxen. Din kienet titqiegħed fil-ħalq biex iddub bil-mod il-mod hekk kif il-bniedem jerdagħha. MUSTARDINA TAL-ĦARRUB Il-karamelli tal-ħarrub li jinbiegħu l-aktar fir-Randan bħala ħelu. Xi bejjiegħa kienu jgħajtu: ‘mustardina tal-ħarrub … min jiekolhom ma jagħmilx dnub!’

MUSTAXIJA    (pl. msaxet). Velu li fl-antik kien jintlibes min-nisa biex jgħattu wiċċhom. Velu tal-crêpe trasparenti. Drapp imdawwar mal-lobbja tal-bekkamorti, jew mad-driegħ, li jintlibes bħala sinjal ta’ luttu meta jmut xi ħadd. Dan kien idum jintlibes għal ċertu tul ta’ żmien bħala sinjal ta’ vistu.

musulew beaujoulais 6282.JPGMUSULEW     Monument funebri, jew qabar kbir mibni f’ġieħ xi persuna importanti. Il-kelma ġejja mill-Mausoleum ta’ Halikarnassos, fit-Turkija, li kien inbena għar-re Mausolus tal-Persja (377 Q.K.– 353 Q.K). Il-Kavallieri u l-Ingliżi bnew diversi musulej f’Malta. Bosta mill-musulej tal-Ordni jinsabu fil-kappelli u fil-kripta tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, mibnija ad unur ta’ diversi Gran Mastri. L-Ingliżi bnew il-musulej tagħhom l-aktar fuq is-swar tal-Belt, Valletta. Hekk insibu il-Musulew ta’ Alexander Ball fil-Barrakka ta’ Isfel, li nbena fl-istil ta’ Tempju Grieg, u l-Musulew tal-Gvernatur Hastings, fil-ġnien li jġib ukoll l-istess isem.     

MUXI   Aġġ. li jingħata fil-maskil għal kull tip ta’ art moxa. Art li ma tinħadimx għal skopijiet ta’ tkabbir tal-ħxejjex tal-borma. Art mitluqa u li bilkemm hi tajba biex jirgħaw il-bhejjem, għax ta’ ftit ħamrija u x’aktarx hi blatija, bħalma naraw fix-xagħri.  ĦAL MUXI   Art u żona partikulari li tinsab fil-qasam ta’ Ħaż-Żebbuġ.

MUXMAT      V. B. (1900) jispjega din il-kelma hekk: (suprissat tat-tonn) – a kind of sausage made of chopped tunny fish.

MUZAZZ / MUZALZ / MUZZAJZ    Marda li teffettwa l-aktar il-fwied tal-fniek. Is-sintomi li jindikaw li din il-marda qed teffettwa l-annimal jidhru meta dan jibda jaqagħlu l-pil minn ħdejn id-dwiefer ta’ saqajh. Sors:  E.S.I.

MUZZETTA  /  MOZZETTA    Mantelletta li tintlibes mill-isqfijiet u dinjitarji ekkleżjastiċi bħal kappillani, kanonċi, arċiprieti u oħrajn. Dan it-tip ta’ mantell jintlibes ukoll mill-membri ta’ xi fratellanzi li jingħataw il-permess li jilbsu l-muzzetta mill-Isqof. Il-muzzetti tal-fratellanzi għandhom il-kulur skont il-fratellanza tagħhom.

muzzetta one 5 053.jpg

MXUM/A   Stat jew persuna fi stat miżeru u ta’ dieqa. Ħajja b’nuqqas ta’ ħtiġijiet essenzjali. Mikiel Anton Vassalli juża dan l-aġġ. fit-traduzzjoni ta’ Storja tas-Sultan Ċiru: ‘… intom… imdorrijin minn żgħoritkom f’ħajja iebsa u mxuma.’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 96. Qawl: Ħajja dejjem imxuma aħjar il-mewt minnha. Qawl: Din id-dinja għall-imxuma. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 30.

MŻAKKAR   Part. pass. ta’ ‘żakkar’. Appel. għal xi oġġett li jkun ħiereġ ’il barra, bħal meta jiżżaqqaq, eż. ‘ħajt imżakkar’ – ħajt tas-sejjieħ li jkun qiegħed iċedi minn taħt u jibda jiżżaqqaq. M.A.V. (1828) jagħti dan il-qawl: Ħajt imżakkar għaddi ’l bgħid minnu. Ara: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 63.

 

*           *           *

Ara aktar:

A *   B *   Ċ *   C *   D *   E *   F *
Ġ *   G *   *   H *   Ħ *   I *    J *    K *
L *   M *    N *    O *    P *    Q *    R *    S
T *    U *    V *   W *    X *    Ż *    Z *

Jekk qiegħed tfittex xi kelma li mhiex hawn iktibli u nipprova nwieġbek. Jekk taf b’xi kelma bil-Malti li mhiex hawn iktibli.

Din l-enċiklopedija ta’ tagħrif storiku u kulturali fuq il-ħajja Maltija hi bbażata fuq dawn it-tliet kotba.  ra fittex fil-pubblikazzjonijiet:

           Bejn Kliem u Storja 

           Ara X’Int Tgħid

           Biex il-Kliem Ikun Sew

 

A bejn kliem u storja    Aa ARA X'INT TGHID    A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                               Paġni 256                                              Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

 

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.   Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.    Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.  Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796)
* (D)     DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).