d

DABRA * DADA * DADDU * DAFRA * DAĠĠ * DAGĦBA (ara: DAGĦBIEN) * DAGĦBIEN * DAGĦMI * DAJNA * DALI DALI * DALVIEĠ * DAM * DAMASKINA / DAMASKINA SEWDA / DUMASKINA * DAMIĠĠANA / DAMIĠĠJANA / TRAMIĠĠJANA * DAMMAĠ * DANDALUN * DANDIN * DAQQAQ * DAQSINSEW / DAQSINSEWWA / DAQSINWIEĦED * DAR * DAR TAL-BARRANIN * DARD * DARFUĠ / DARFĠIN * DARRAS * DAWL-IL PUNENT * DBIB/A * DBEJJEB (ara: TABIB TAD-) * DBIEĠI / TBIEĠI * DBIĦ *(I)DDIXXA * DE REDIN * DE SOLDANIS * DEBB / DEBB/A / DEBBA TAL-INFERN / DEBBA TAX-XITAN * DEBBEN * DEBBIEĦ * DEBBUS * DEBORINA (ara: BORINA) * DEFFUN * DEFFUNA * DEGĦBIEN (ara: DAGĦBIEN) * DEHWA * DEJL * DEJMA * DEJR * DEKKUK * DELFIN / DENFIL * DELLA DESCRITTIONE DI MALTA * DELLIMARA * DEMLA * DEMM ID-DARS * DEMUS * DENDULA/I * DENI RQIQ / DENI BIERED * DEPOST * DEPOŻIZZJONI * DERWIX / DERVIX / DIRWIX * DETTALL * DEWLGĦA *DEWWIEMA * DGĦAJSA TAL-LATINI * DGĦAJSA TAL-PASS * DGĦIF * DIANA * DIB * DIBSI * DICHIARAZIONE DEI  DIRITTI * DIEĊMI * DIEĦES * DIEU  ET  MON  DROIT * (ID-)DI U D-DO * DIFA * DIJARKIJA * DIJUBALLI (ara: DUWIBALLI) * DIKKIENA / DUKKIENA * DIKUTELL * DIMIS * DIN * DINDU * DIRDIENA * DIRGLA * DIRITTO MUNICIPALE * DIRRA * DIRWAN * DISA’ RBAJJA’ (ara: RBIEGĦI, IR-) * DISENTERIJA * DISENTU * DISKLU * DISPENSIER * DJAGUNAL / DJAGUNAR * DJAKNU DJAMANT TAL-ĦĠIEĠ * DJOĊESI * DKIKA (ara DQIQA) * DLIL / DLIEL / DLIELA * DMINKA * DMUGĦ TA’ SAN LAWRENZ * DOBBLU / IRDUBBLATURA * DOKK * DOKKIENA *DOLINDO * DOLMEN * D.O.M. * DOMINION STATUS * DOMNU * DOMUS ROMANA * DONAT * DORGA * DRAGONARA * DRIEĦ * DRIES * DUBLUN * DUGĦ * DUKAT * DUKKARA * DUMIS (ara: DIMIS) * DUQQAJS * DURBIES * DUSSIES * DUTTUR * DUWIBALLI / DIJUBALLI *

A *   B *   Ċ C *   D *  E F *

Ġ G *   *   H Ħ I *   J *   K *

L M *   N *   O *   P *   Q *   R *   S

 T *   U *   V W *   X *   Ż *   Z *

DABRA     Ulċera. Sors: V. Bussutil. (1900).

superstitionsssDADA    Kubu ċkejken b’numri fuq is-sitt faċċati tiegħu li jintuża fil-logħob tal-ażżard. Fl-antik dan kien ikun magħmul jew mill-injam jew mill-għadam. Daqs 34 dadi magħmulin mill-għadam instabu f’qiegħ il-baħar waqt l-iskavi arkeoloġiċi li kienu saru fil-Marina tal-Birgu, fi spazju ta’ ħames metri kwadri. Magħhom instabet għadma li apparentement, minnha nħadmu xi wħud minn dawn id-dadi. Jidher li l-logħob tal-ażżard bil-mezz tad-dadi kien popolari mal-baħrin fuq ix-xwieni tal-Ordni, minkejja li dan it-tip ta’ logħob kien ipprojbit. M.A.V. (1796) jgħid, dad, u bit-Taljan, dado.

DADDU     Isem ieħor flok Dwardu jew Taddeo.

DAFRA    Nokkla, troffa xagħar.

DAĠĠ     Ferħ ta’ annimal li jkun għadu kemm telaq jimxi. Fig., tifel kbir biżżejjed li jaf jaħseb għal rasu. M.A.V. (1796) b’dan l-appel. jirriferi għal dawk in-nies ta’ ċerta età u l-fakultà li jistgħu jieħdu ġurament, li jafu jinnegozjaw u li jistgħu jiżżewġu. G.B.F. (1845) jgħid hekk: maschio o femmina giunta in età di pubertà.

DaghbienDAGĦBIEN / DEBGĦIEN    1. Tromba tal-arja jew uragan. Vortiċi ta’ riħ b’qawwa ta’ riefnu li tkaxkar kollox magħha. Is-sajjieda jibżgħu ħafna mid-dagħbien għaliex il-qawwa tiegħu tiġbed magħha l-ilma baħar kif ukoll id-dgħajjes tas-sajd li jintlaqtu minnu. Is-sajjieda kellhom talb speċjali biex jipproteġu ruħhom kontra d-dagħbien, biex dan jinqata’ u jispiċċa fix-xejn. It-talb kien jingħad minn taħt l-ilsien biex ħadd ma jisma’ l-kliem tat-talba, għax kien importanti li dan tibqa’ sigriet u xi ħaġa personali. Darba biss setgħu jixkfu il-kontenut ta’ din it-talba ma’ sħabhom, u dan kien f’lejlet il-Milied. Jeżistu leġġendi u superstizzjonijiet dwar id-dagħbien. 2. Ħofra jew għerien fondi li l-passaġġ tagħhom jintlewa għal ħafna tul. 3. Abbiss. Ħofra kbira fil-blat. Qbl. ma’ DAGĦBA li tfisser rabja u qilla. Ara: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp.162-164.    

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Afgħas hawn biex tkun taf aktar

DAGĦMI   1. Lewn aħmar li jagħti fl-iswed. Dan l-aġġ. jiddeskrivi wkoll l-intensità ta’ kuluri oħra, eż., ngħidu, iswed dagħmi. Fl-istorja Żjara lil Ħabib f’Raħal, Anton Cremona jgħid hekk: ‘[…] librerija wkoll tal-abjad miżbugħa aħmar dagħmi […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 152. Jidher li meta kienet ippublikata din l-istorja, din il-kelma kienet diġà ntesiet, għaliex l-edituri ħassew li għandhom jagħtu t-tifsira tagħha lll-qarrejja b’nota żgħira fil-qiegħ tal-paġna. 2. Bniedem imdejjaq għall-aħħar. Bniedem buruż jew magħluq ħafna fih innifsu.  DAGĦAM   v. Dallam jew sewwed qalbu. Sorsi oħra: J.A. u E.S.I. Ara: TADAM.

DAJN/A   1. Tip ta’ ċerva. Is. xj. daina vulgaris L.  Ing. fallow deer. Dan l-annimal jissemma fil-ħrafa li irrakuntaw lil Patri Manwel Magri (1851 – 1907), li wara ġew ippubblikati bħala Ħrejjef Missirijietna. Biss, Magri jispjega li d-dajna kienet ‘bhima ħarxa mill-oħrox’. Fil-ħrafa ta’ ‘Balmies’, meta s-sultan iġġiddem u għama, it-tabib tiegħu qallu ‘(…) biex tfiq trid tmur taħleb il-ħalib tad-dajna u ġġib flixkun u tidlek bih (…)’. 2. Fig. Mara li ma tafx iżżomm ruħha.

dajna

DALI DALI   Espr. li S. de A. jiddiskrivha fid-Damma (ċ, 1750 – 1767): continuamente, spessamente; eż., waqà dali dali, cadere spesso. V. Busuttil (1900) jittraduċiha għall-Ing. bħala, incessantly.

DALMATIKA   Tip ta’ tuniċella li l-prelati tal-knisja kif ukoll id-djakni jilbsu waqt xi ċerimonja taħt il-pjaneta l-aktar waqt xi quddiesa pontifikali. Norm. din tkun tasal sal-irkoppa. Oriġ. id-dalmatika kienet libsa bi kmiem wisgħin iżda qosra li n-nies nobbli u oħrajn kienu jilbsu fl-Imperu bikri Bizantin.dalmatici

DALVIEĠ    Fid-Damma (ċ. 1750 – 1767) A. de S. jgħid hekk: ‘[…] dana il-vjaġġ, questa volta […]’. MAV (1796) u l-Piccolo Dizionario (1856) jispjegaw din il-kelma bħala, ‘din id-darba’. J.A. jgħid li din il-kelma tkompli ma’ ‘vieġ’ – jiġ., tagħbija li tinġarr minn post għal ieħor – l-istess bħal ‘vjieġ’. 

DAM   Xaħam samrani tal-bhejjem. Xema’ tad-dam. Xema’ magħmula mill-istess materjal. Ara: TADAM. Sors: E.S.I. u Damma.

damaskinaDAMASKINA / DUMASKINA   Tip ta’ berquq li bl-Ingliż hu magħruf bħala Damascus apricot jew royal apricot. Interessanti li fl-ilsien Tork insibu l-espr. ‘Aħjar minn kollox hemm il-berquq ta’ Damasku.’ Din tingħad minkejja li t-Turkija hi l-akbar pajjiż fid-dinja għat-tkabbir tal-berquq. Għaldaqstant, din l-espressjoni turi kemm il-berquq tas-Sirja hu magħruf għat-tjubija tiegħu. DAMASKINA SEWDA   Tip ta’ dielja tal-għeneb magħrufa wkoll bħala ‘Marokkin’.

dammiggjana14DAMIĠĠANA  / DAMIĠĠJANA / TRAMIĠĠJANA  Flixkun kbir imżaqqaq tal-ħġieġ, ħafna drabi anki miksi bi spag tat-tibna jew materjal simili. Dan il-kontenitur norm. jintuża minn min jipproduċi l-inbid tiegħu stess f’daru. L-inbid jitħalla fid-damiġġjana biex jimmatura u jkun tajjeb għal konsum. Ing. demijohn, final. mill-Fr. Dame jeanne – x’aktarx ix-xebh tal-kontenitur mal-figura ta’ mara ħoxna.

DAMMA   1. Ġabra ta’ qoton hekk kif dan ikun maqtugħ mill-pjanta. 2. L-isem tad-dizzjunarju li A. de S. ġabar bejn wieħed u ieħor bejn 1750 sa 1760, biss qatt ma ppubblika. L-isem komplut ta’ dan id-dizzjunarju hu: Damma Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. Fl-2016 dan ix-xogħol ġie ppubblikat bejn diversi entitajiet Maltin, eż., L-akkademja tal-Malti, l-Università ta’ Malta, Ministeru ta’ Għawdex. Ed. Rosabelle Carabott. G.B.F. (1845) jagħti wkoll DAMMIEM wieħed li jiġbor il-kliem biex jgħaqqad dizzjunarju. G.B.F. ifisser ukoll li dan hu ġabbar, l-aktar tal-qoton.

DAMMAĊĊ / DAMAĠĠ / DAMMAĠĠ  Ħsara f’oġġett. Sors: G.B.F. (1845). ‘[…] (tantina)Ammaccamento; Collisione di due cose. Collision, a striking together. […]’ Etim. Tal. Dammaggio li tfisser l-istess, bil-M. ħsara.

DANDALUN    Għodda tal-ballata, speċi ta’ mazza forma ta’ kubu bil-manku, li tintuża biex jitballat id-deffun kif ikun għadu niedi. Għodda simili, iżda iżgħar, li tintuża mill-iskarpan biex biha jimmartella t-tarf tal-ġilda maqtugħa apposta biex jagħti l-forma taż-żarbun.

marzeppaCN0247

DANDIN    Daqq tal-moti b’ferħ (E.S.I.). Il-ħoss tal-qanpiena jew qniepen. Sor: (G.B.F. 1845).

DAQNA     Busuttil (1900) jgħid li din il-kelma tfisser, geddum. (Ing. chin). Illum nifhmu l-leħja li tkun kibret sew. Il-kelma ġejja mill-Għ. dhakna, ذقن li tfisser geddum.

daqqaqqDAQQAQ   Wara li l-qoton ikun maħluġ (jiġ., mgħoddi mill-ĦALLAĠA), dan jittieħed għand id-daqqaq. Xogħol id-daqqaq kien li jinfex il-qoton (jagħmlu artab u miftuħ) bil-watar (speċi ta’ korda stirata mqabbda ma’ lasta). Il-lasta tkun imqabbda ma’ speċi ta’ qaws twil magħmul minn qasba tas-sajd b’saħħitha, jew minn diversi qasab marbutin flimkien. Id-daqqaq idoqq iċ-ĊIEK (speċi ta’ mazza żgħira) fuq il-watar li jkun qalb il-munzell tal-qoton. Ma’ kull daqqa taċ-ċiek il-watar jitriegħed qisu bħal korda tal-kuntrabaxx, u l-qoton fl-art jitfettaħ u jiċċaqlaq lil hinn minn postu sa daqs nofs metru ’l bogħod. B’dan il-mod il-qoton ikun qiegħed jitpaħpaħ. Wara dan il-proċess il-qoton jinstilet f’ħajt irqieq fuq ir-raddiena. Ara: ĦALĠ, RADDIENA, SKOTTI. Ara: https://www.youtube.com/watch?v=tgQ46Uhv898 

DAQQUQA  / DAQDUQA / SULTAN IL-GAMIEM    Tip ta’ għasfur.  Meta wieħed ifettillu jidħak ħafna u ta’ spiss ngħidu: ‘illum dak donnu bid-daqquqa’. Cuculus canorus Ing. cuckoo. 

Daqquqa_327w

DAQSINSEW / DAQSINSEWWA / DAQSINWIEĦED    Il-kelma hi magħmula minn żewġ kelmiet – ‘daqs’ u ‘sew’. Rif. għal bniedem li hu magħmul ta’ daqs jew xeħta kif suppost għandu jkun. Jekk oġġett ikun pariġġ jew jixxiebah ħafna ma’ oġġett ieħor dan jingħad li hu ‘daqsinwieħed’. Sorsi: M.A.V (1796) u G.B.F. (1845).

DAR   Fl-antik, għal xi wħud il-kelma dar kienet tkun riferenza għal kamra tas-sodda, (G. Lanfranco, 2017). Ara:  BEJT.

DAR TAL-BARRANIN  G.F. de Soldanis fid-Damma tal Kliem jgħidilha Ostellaggio.

DARD     Vleġġa. M.A.V. jaqleb il-kelma għat-Taljan dardo.

DARFUĠ / DARFĠIN  (fem. darfġija)  Ing. piglet. 1. Rif. għal qażquż jew annimal li jinqatel biex jittiekel fil-festa. Sors: E.S.I. Espr. ‘Qatlu d-darfġin.’ – jiġ., għamlu ikla kbira biex jiffesteġġjaw. 2. Ħanżir li għadu mhux imsemmen.  3. Ħanżira li għadha kemm kellha l-ewwel frieħ. Sors: J.A.

DARRAS       (Damma Tal Kliem) Ta fastidju, iddejjaq. Ara:    DEMM ID-DARS.

DAWL IL-PUNENT  Id-dawl ta’ nżul ix-xemx. F.V. (1831) jittraduċi din il-frażi bl-Ing. bħala, twilight.

DBIB/A     (pl. dwieb).  Annimal selvaġġ u feroċi. Tip ta’ annimal li jattakka kemm annimali oħra kif ukoll lin-nies. Espr. li kienet tingħad: ‘F’daqqa waħda sar dbiba.’ – rif. għal meta bniedem jitlef ir-raġuni u jifferoċja għal xi ħadd.

DBIEĠI / TBIEĠI     (pl. ta’ dabġa).   App. li ġej mill-Għarbi u li jfisser ‘post imħawwel bil-pjanti u li jħaddar’. TA’ DBIEĠI Inħawi msejħa hekk li jinsabu qrib San Lawrenz, Għawdex, u li llum huma assoċjati l-aktar mal-fabbriki tal-artiġjanat li joperaw f’dawn l-inħawi.

DBIĦ      Ara:  DARFĠUN.

(I)DDIXXA    Verb li jfisser:  1. Evapora.  2. Ħareġ l-ilma mill-ħajt. Ħareġ l-għaraq. 3. Tfewwaq; għamel ħoss mill-fomm jew mill-warrani. 4. Fig. kixef is-sigriet/i li kien qiegħed iżomm. Sors: E.S.I.

De Redin martinDE REDIN    Fra Martin De Redin mexxa l-Ordni u l-gżejjer Maltin eżatt wara l-Gran Mastru Lascaris, jiġ., bejn l-1657 u l-1660. Bħal Lascaris, dan il-Gran Mastru kellu u għad għandu l-fama mal-Maltin bħala bniedem sever. Ngħidu, ‘Qisek id-De Redin’ – tingħad meta xi ħadd ma jikkuntentax ruħu malajr.  Bniedem imqit għall-aħħar. Mhux magħruf għaliex, biss forsi ħarstu u wiċċu ma kienux jagħmluh kariżmatiku mal-popolin. Fil-verità, il-Gran Mastru Fra Martin De Redin għamel ħafna ġid u msemmi bosta drabi b’mod positiv. Kien hu li ordna li jinbnew tlettax-il torri tad-difiża mal-kosta, u anki stabbilixxa reġiment ta’ 4,000 muskettier biex Malta tkun imħarsa tajjeb minn xi żbark tal-għadu.

OLYMPUS DIGITAL CAMERADE  SOLDANIS     Ismu proprju kien Giovanni Pietro Francesco Agius Sultana.  Magħruf l-aktar bħala De Soldanis għaliex fil-kitba tiegħu kien jikteb kunjomu Sultana bil-Latin. Agius de Soldanis twieled Għawdex fl-1712 u miet fl-1770. Fl-1736, De Soldanis sar l-ewwel bibbljotekarju Malti impjegat mill-Ordni. Hu midfun fil-knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt, Valletta. De Soldanis jibqa’ magħruf l-aktar għall-informazzjoni li jagħtina l-aktar dwar Għawdex ta’ żmienu u l-istorja tiegħu, kif ukoll dwar l-ilsien Malti. Fost id-dokumenti li pproduċa nsibu żewġ volumi ta’ manuskritti Il Gozo Antico-Moderno e Sacro-Profano, eċċ, u pubblikazzjonijiet oħrajn, fosthom Della Lingua Punica, presentemente  usata dai Maltesi, ovvero Nuovi Documenti  quali possono servire di lume all’antica lingua Etrusca. Id-Damma Tal-Kliem Kartaginiż mscerred fel fom tal Maltin u Għaucin (ċ. 1750 – 1767) hu ġabra ta’ eluf ta’ kliem Malti ta’ żmienu li hu qatt ma ppubblikata. Dan ix-xogħol ġie ppubblikat fl-2016 mill-Akkademja tal-Malti bi sħab ma istituzzjonijiet oħra. Ara: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, ta’ Alexander Bonnici;  Dictionary of Maltese Biographies Vol. 1, ed. Michael Schiavone. Damma Tal-Kliem Kartaginiż mscerred fel fom tal Maltin u Għaucin, 2016, ed. Rosabel Carabott.

DEBB   1. L-isem ta’ kostellazzjoni.  ID-DEBB IL-KBIR (Lat. Ursa major) u D-DEBB IŻ-ŻGĦIR (Lat. Ursa minor), Dawn huma żewġ kostellazzjonijiet li l-baħħara kienu jirriferu għalihom fin-navigazzjoni. Kull waħda minn dawn il-kostellazzjonijiet fiha seba’ kwiekeb li flimkien jieħdu x-xeħta ta’ debb. Rif. għall-ors jew għal-lupu. Ara: DBIBA2. DEBB/A  Il-parti t-twila tal-moħriet minn fejn il-bidwi jorbot ma’ dahar il-barri biex jaħrat l-art.

DEBBA  Il-femminil ta’ żiemel. Ing. mare. Fig. DEBBA TAL-INFERN  Mara li tiġġerra ħafna.  DEBBA TAX-XITAN  Insett li jixbah lill-ġurat magħruf bl-Ing. bħala praying mantis.

DEBBEN   1. Verb li jirriferi għal meta oġġett, eż., l-ikel jattira d-dubbien lejh. Eż. ‘post maħmuġ idebben malajr’. Tingħad ukoll meta f’xi post partikulari jiżdied id-dubbien. 2. v. Ġera jew għaġġel kemm felaħ bħal dubbiena. 3. Fig. ‘ġagħal jiddebben’ – jiġ., ġagħal lil xi ħadd jieħu għalih; offenda lil xi ħadd bi kliemu.  Fir-rakkont, Ħallelin tat-Tiġieġ’, Juan Mamo jirrakkonta hekk: ‘[] erħilu jdebben jiġri b’salti ta’ demonju […]. Sors: Juann Mamo – Ġrajja Maltija – Ġabra ta’ Novelli ta’ Mark Vella, p. 9.

DEBBIEĦ    Biċċier.  Dak li joqtol l-annimali għall-ikel. DEBĦA  Il-qatla ta’ annimal meta dan jiġi skarnat.

debbusaprinjolaDEBBUS    1. Mazza jew għasluġ bil-boċċa fir-ras tiegħu. G.B.F. (1845) jgħid li dan kien jintuża l-aktar mir-rikkieba taż-żwiemel u bhejjem oħra biex dawn jingħataw is-sinjal li għandhom jiċċaqalqu jew iħaffu l-pass. Xettru li jintuża bħala sinjal ta’ awtorità. 2. Ġewża (jew kona) tal-prinjola (żnuber) li minnha taqa’ ż-żerriegħa. Idj: ‘qala’ d-debbus  ta’ qalbu’ … eż., biex ġarr xi ħaġa tqila.  

DEBĦA       Ara: DEBBIEĦ

DEBORINA  Ara:     BORINA.

DEFFUN    Taħlita ta’ fuħħar imfarrak u mħallat mat-trab li jitballat mat-torba biex jinkesa s-saqaf  tal-bejt. Ara: BALLATA.

DEFFUNA  Romblu tal-ġebel li kien jintuża biex ifarrak il-fuħħar biex dan isir deffun.

DEFFUSI      Bniedem li jħobb jiddeffes f’kollox.

DEGĦBIEN   Ara: DAGĦBIEN.

DEHWA    Attenzjoni kbira. Fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, (1943), p. 71, Ġużè Galea, jgħid hekk:  ‘[…] Is-Sur Marku …  baqa’ jħares b’dehwa kbira lejn id-dgħajsa […].

DEJL     (pl. djul)   It-tarf tan-naħa t’isfel tad-dublett, jew tal-libsa ta’ taħt tan-nisa. M.A.V. (1796), fost affarijiet oħra, jispjegaha hekk: ‘[…] estremità di una falda; mezza sottana di tela bianca; guazzarone […]’. M.A.V. jirriferi wkoll għall-qawl ‘Lix-xitan agħtih biċċa minn dejlek u ibagħtu bih.’ – jiġ., meta xi ħadd ikun qiegħed jiffittak iżżejjed aħjar tagħtih xi ħaġa ħalli tikkuntentah biex teħles minnu (1828). Ngħidu, ‘dak it-tifel dejjem ma’ djul ommu.’

DEJMA2
Is-Salib imsejjaħ ‘tad-Dejma’, fi   ġnien Howard, ir-Rabat

DEJMA   Mill-bidu tas-seklu ħmistax ’il quddiem, l-irħula ta’ Malta kellhom sistema ta’ difiża para-militari biex tiddefendihom minn xi żbark għal għarrieda tal-furbani. Din kienet il-Milizja, li mill-1462 ’il quddiem bdiet tissejjaħ bħala d-Dejma. L-irġiel kollha ta’ bejn is-16 u l-65 sena kienu obbligati jingaġġaw fiha. Dawn in-nies kienu jinġabru mill-irħula. Xogħol is-suldati kien li joffru reżistenza ta’ emerġenza u fl-istess ħin jallarmaw mill-aktar fis lill-gwardja tal-Imdina biex din tibgħat ir-rinforzi tagħha. L-armi tad-dejma kienu diversi, eż., lanez pjuttost qosra, xwabel, skieken u tarki. Xi wħud mis-suldati kienu jġorru wkoll il-qaws mimdud (Tal. balestra, Ing. crossbow). Xogħol id-dejma kien skedat għal bejn Mejju u Awwissu, għax dan kien il-perijodu tas-sena fejn l-aktar li l-furbani setgħu jivvjaġġaw bil-baħar biex joperaw fil-korso. Id-dejma baqgħet tiġi ffurmata anki fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Ara: ‘Id-Dejma, Il-Maħras and the defence of the Maltese Islands in the late medieval and early modern times’, ta’ Stanley Fiorini, fis-Sacra Militia Issue 2, May 2003, pp. 16-28.

OLYMPUS DIGITAL CAMERADEJR   Dar kbira; ospizju jew kunvent. Hawn diversi lokalitajiet f’Malta li isimhom jinkludi dan it-terminu. Għandu mnejn Dellimara tfisser Dejr il-Mara. Dan l-isem jipparaguna ma’ Dejr il-Bniet li x’aktarx jirriferi għal xi kunvent. Fir-Rabat insibu l-Katakombi jew l-Abatija tad-Dejr. Fil-ktieb tiegħu Place Names of the Maltese Islands, il-Professur Godfrey Wettinger jgħid li Dejr tista’ tfisser ukoll post fejn jinżammu l-bhejjem jew l-uċuh tar-rabà. Dan hu minnu għaliex kultant il-kelma Dejr tintuża ma’ xi isem bħal: Dejr Baqar u Dejr Ħmir, Dejr iż-Żara u Dejr il-Bużbież. Wieħed għandu anki jagħti każ l-ismijiet li fihom hemm il-kelma ‘dar’, bħal Dar in-Naħal u Dar il-Ħmar. Hemm ukoll isem bid-diminuttiv ta’ Dejr: Dwejra, jiġ., dar żgħira. M.A.V. (1796) isemmi ‘Il-Marbat ta’ Dejr il-Mara’.

DEKKUK   Ikel, żerriegħa li tixbah l-iskalora. Pjanta li tikber l-aktar fil-widien u li tiftaħ għal bidu tas-sajf, Is. xj. Dactylis glomerata L. Ing. millet.

DELFIN  / DENFIL   1. Skultura għamla ta’ delfin li sservi ta’ dekorazzjoni, ġen. fuq il-pruwa tal-bastiment. 2. Riffieda. Struttura tal-ġebel li tkun ħierġa ’l barra mill-binja prinċipali b’mod imġenneb u triangolari biex issostni s-saħħa tal-ħajt meta dan ma jkunx stabbli. Eż. ta’ dan naraw diversi kappelli li għandhom denfil iserraħ mal-ġnub tagħhom, daqqa min-naħa u ġieli miż-żewġ naħat, skont il-ħtieġa.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

                        Ritratt: Kappella tal-Lunzjata, is-Salini

della descr.png

DELLA DESCRITTIONE DI MALTA   Meqjus bħala l-‘Missier tal-istorjografija ta’ Malta’, Ġan Franġisk Abela (1582-1655) kien dak li ta l-ewwel dokumentazzjoni ddettaljata tal-istorja ta’ Malta sa minn żmien il-qedem u dik tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan l-istudju ppubblikah fl-1647, f’erba’ volumi taħt l-isem Della Descrittione dell’Isola di Malta Nel Mare Siciliano Con Le Sue Antichità et Altre Notizie. F’dan ix-xogħol Abela jikteb mhux biss dwar l-istorja ta’ Malta iżda anki dwar kull suġġett relatat ma’ Malta ta’ żmienu. Jagħti wkoll informazzjoni ddettalljata dwar l-istruttura u l-amministrazzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kien hu li ħareġ bl-idea li t-tempji megalitiċi kienu mibnija minn nies ta’ statura ġganteska fi żminijiet antiki. Ara: ĠGANTI. Sal-lum, bosta huma dawk l-istudjużi tal-istorja li jiflu dawn l-erba’ volumi biex jifhmu aħjar l-ambjent u l-istorja ta’ nofs is-seklu sbatax. Ġ.F. Abela hu midfun fil-kappella tal-Madonna ta’ Filermo, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Delimara Fanal.JPGDELLIMARA  Il-promontorju li jinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana ta’ Marsaxlokk. L-isem ta’ dawn l-inħawi jġiegħluk taħseb jekk l-isem hux jirriferi għal, Dejr il-Mara – jiġ.,id-dar tal-mara’, rif. għal xi persuna partikulari li kienet tgħix hemm, jew hi riferenza għal-fdalijiet qodma ta’ Tas-Silġ, għax dawn kienu f’bosta żminijiet antiki meqjuma bħala tempju ta’ alla mara. Interpretazzjoni oħra tista’ tkun ukoll ‘dejr limara’- jiġ., id-dar tal-emirat. (Sors etim: J.A.) Fit-tarf tal-promontorju ta’ Dellimara hemm fanal mibni fi żmien l-Ingliżi magħruf bħala il-Fanal ta’ Dellimara li nbena fl-1855, fi żmien il-Dellimara fort 0649.JPGGvernatur More O’Ferrall. L-Awtorità Marittima ħarġet il-flus għar-restawr tiegħu – dan il-fanal illum hu f’idejn Din L-Art Ħelwa. Fuq l-istess promontorju tinsab ukoll fortizza, magħrufa bħala l-Fortizza ta’ Dellimara, li nbniet bejn l-1876 u l-1888. Fiha għad hemm erba’ kanuni tal-epoka Vittorjana. Il-fortizza llum taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta.

DELU   Tip ta’ lembut tal-injam, miftuħ minn fuq, li jitqiegħed immejjel fuq il-ġebla tal-mitħna biex minnu jintefa’ l-qamħ fit-toqba f’nofs il-ħaġra tat-tħin. Ara: Ta’ Kola Windmill The Best Preserved Windmill in Gozo, Clifford Vella, (2010), u Il-Mitħna tar-Riħ, ta’ George Sammut, (Kunsill Lokali Żurrieq, 2003).

DEMLA    Barxa jew ponta fil-ġilda ffjammata; ulċera. Din il-kelma tintuża minn Temi Zammit fl-istorja Mard, Duwa u Fejqan: ‘[…] Rifes xi ħaġa u ġeraħ qiegħ siequ, wara ftit ġemgħetlu, saret demla u mbagħad infexxet fi qrada […].’ Ara: QRADA  Ara: Nies Bla Sabar u stejjer oħra ta’ Toni Cortis, 1987, p. 85.

demm id-darsget_imgDEMM ID-DARS    Idj. ‘ħadu fuq demm id-dars’, jiġ., aċċetta lil xi ħadd jew xi ħaġa kontra qalbu; ngħidu wkoll ‘għamel li kellu jagħmel fuq demm id-dars’, jiġ., għamel xi ħaġa għax sfurzat. M.A.V. (1796) jispjega l-frażi ‘demm id-dars’ hekk: ‘prendere o soffrire mal volentieri; soppracuor; contro genio’. Jista’ jkun li ‘demm’ ġejja mill-verb demmes li fl-istess Lexicon M.A.V. jfissru hekk: ‘condire le vivande’. Imbagħad M.A.V. jagħti wkoll tifsira għan-nom TIDMIS li joħroġ minn dan il-verb: ‘cottura d’erba e legumi ben conditi’. L-analoġija tagħtina x’nifhmu li meta bniedem jaċċetta lil xi ħadd fuq qalbu jkun qisu qed jiekol l-ikel li ma jġerragħx, billi jdemmsu sew. Nafu li fl-antik il-ħwawar kienu jintużaw ħafna biex itejbu t-togħma, kultant insipida jew ħażina, ta’ ċertu ikel. Inkwantu għall-kelma ‘dars’, din ġejja mill-verb ‘daras’, ‘dires’ jew ‘darras’. M.A.V. jispjega ‘dires’ b’dan il-mod: I. kiel billi bela’ l-ikel malajr; II. farrak jew inkella ssepara l-qamħ minn ħxejjex oħra. Mela meta wieħed jagħmel xi ħaġa fuq qalbu, dan ikun qisu qiegħed jiekol ‘bid-demm u d-dars’ – jiġ,. jħawwar sew, isajjar u meta jiġi biex jiekol, ifarrak kemm jista’ biex l-ikel ikun jista’ jieklu b’xi mod jew ieħor anki jekk fuq qalbu. Sors ieħor: G.B.F., 1845.

DEMUS    (pl. dmiemes)  1.  Qabar antik. Skont il-leġġendi dan seta’ kien ukoll fossa fejn kienu jindifnu n-nies. Fil-ħrafa ‘Ix-Xiħ Midfun ġol-Għar, waħda mill-istejjer orali li Patri Manwel Magri kien ġabar minn fomm in-nies, jirrakkonta li tifel kien ħa lill-missieru ġo għar biex isakkru hemm sakemm dan jiġi biex imut. Minflok kien ħallielu toqba għall-arja u kuljum kien imur jisqiegħ il-ħalib. Qawl: Kien ilbieraħ u kien l-ewliemes, iżda llum hu ġewwa d-dwiemes (pl. ta’ demus). 2. Ħabs (F.V. 1831). Sors: E.S.I. Oriġ. Għ. – demus – M. fossa jew ħabs. Ara: Manwel Magri – Il-Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.

DENARI    Karta tal-logħob li fuqa jkollha s-simbolu tal-maqrut. Bl-Ingliż dawn il-karti tal-logħob jissejħu, diamonds. Ara: LOGĦOB TAL-KARTI.

DENB IL-FAR    Serrieq żgħir u rqajjaq li jkun ġej għal ponta. Dan jintuża biss għal xogħol żgħir u ta’ ċerta reqqgħa fl-injam. Eżempju ta’ dan hu meta wieħed ikun irid jagħmel toqba fil-ġewwieni tal-għuda. J.A. jgħidlu, pat saw. P. Bugeja (1956) jagħtih bħala key-hole saw, compass-saw.

denb il-far

DENDULA/I  1. Oġġetti li jiddendlu, bħal imsielet jew pendenti. 2. Rif. għal xi ħadd li jintelaq fil-mod kif jilbes. Ċerċur/a. Persuna li tilbes żmattata u tkun maħmuġa. Mara minn soċjetà baxxa u ta’ moral ħażin. Qaħba.  Sors: E.S.I. u Damma.  

deni rqiqDavidbruceDENI  RQIQ  / DENI  BIERED    Il-marda magħrufa bħala d-Deni Rqiq taffettwa l-organi tal-ġisem, bħal pereż., il-MILSA b’mod li tiffjamaha u tikkawża uġigħ fiha u fl-għadam. Il-marid jinħakem b’deni kontinwu u baxx (irqiq). Meta fil-bidu tas-seklu dsatax f’Malta bdew jaslu s-suldati Ingliżi, xi wħud minnhom bdew jimirdu b’din il-marda misterjuża. L-Ingliżi taw diversi ismijiet għal din il-marda, eż., Undulant Fever, Mediterranean Fever, u Malta Fever. Meta fl-1886, t-tabib David Bruce skopra l-mikrobu fil-bniedem, dan il-mikrobu beda jissejjah brucella wara ismu, u l-marda, Brucellosis. Sadattant deni rqiq TemiZammit1kien għadu mhux magħruf minn fejn kien ġej dan il-mikrobu. Xi wħud kienu jemmnu li din il-marda kienet ikkawżata mill-ilma mniġġes tad-drenaġġ. Fl-1905, wara riċerka intensiva, Dr. Temi Zammit skopra li l-mikrobu kellu l-oriġini tiegħu fil-ħalib tal-mogħoż. Dak iż-żmien, il-ħalib kien jinbiegħ mir-ragħajja li jieħdu kuljum nofs tużżana mogħżiet, ġieli inqas u ġieli iżjed fl-ibliet u l-irħula, u l-ħalib tal-mogħża jiġi mferra’ fi skutella li x-xerrej kien inewlilhom. Naturalment, il-ħalib tal-mogħoż ma kienx ikun ippastorizzat (mgħolli) u għalhekk iċ-ċans li l-ħalib infettat jgħaddi l-infezzjoni lill-bniedem kien kbir. Il-pastorizzazzjoni tal-ħalib saret obbligatorja f’Malta fl-1938. Dan minkejja li Louis Pasteur, fl-1802 kien diġa skopra l-benefiċċji tat-togħlija (pastorizzazzjoni) biex jinqerdu l-mikrobi.

DENUNZJA  (CAUSA MORTIS)   Stqarrija bil-miktub, ġen. quddiem nutar, li fiha jkun hemm imniżżel il-wirt imħolli lill-qraba. Meta oġġett jitħalla b’denunzja lil xi ħadd, (causa morti) dan iffisser li dak li jkun ħalla l-wirt ikun għamel hekk f’mument ta’ mewt iminenti. Jekk fil-każ li l-persuna tibqa’ ħajja dan il-wirt jerġa’ jirritorna għandha.

DEPOST    Maħżen tad-dwana fejn il-merkanzija tkun merfugħa sakemm jitħallas id-dazju dovut biex imbagħad il-merkanzija tkun tista’ tinġabar u tittieħed mill-importatur. Maħżen tal-munizzjon.

Depozizzjoni Zejtun MG_2399 - Copy
Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, Żejtun

DEPOŻIZZJONI   1. Xhieda li tingħatha fil-qorti b’ġurament, kemm bil-fomm jew bil-kitba. 2. L-isem mogħti lill-episodju meta Kristu tniżżel mis-salib u tqiegħed fi ħdan il-Madonna. Din hi xena popolari ħafna fl-arti sagra, kemm bħala tpinġija kif ukoll f’xogħol l-istatwarji. Din hi waħda mill-istatwi tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li tiġbed ħafna devozzjoni minħabba s-sens ta’ patos li juri t-tbatija tal-Madonna. Fost l-istatwi l-aktar famużi ta’ din ix-xena hemm La Pietà ta’ Michelangelo li   qiegħda  fil-Vatikan. Sors: Il-Ġimgħa l-Kbira F’Malta, ta’ Brian Bonnici, Sensiela Kotba Soċjalisti, (1998).

dervishAmadeo Preziosi 1857T85BD00Z

DERWIX / DERVIX / DIRWIX    1. Fis-sens Malti, dan l-appellattiv jirriferi għal xi ħadd imħawwad, jew li jagħmel konfużjoni sħiħa. 2. Oriġ. dervex, ġejja mill-Għarbi darwix, u kienet tirriferi għal bniedem spiritwali tar-reliġjon Islamika li jħaddan il-filosofija tas-Sufismu. Id-driewex kienu jgħixu fil-faqar u f’ħajja ta’ kontemplazzjoni spiritwali. Dawn jissemmew kemm-il darba anki fil-kuntest tal-perijodu tal-Ordni, bħal speċi ta’ imam, għax dan kien jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-ilsiera Musulmani. Fi żmien aktar riċenti, id-derwix jidher mod ieħor – din id-darba fil-ħajja tal-ispettaklu, liebes geżwira li ddur miegħu, hu u jiżfen u jdur u jagħqad qisu żugraga għal ħin twil. Ing. Dervish. Pers. Darvex – M. wieħed fqir.

DETTAL     Kelma li kienet tingħad fil-frażi, ‘Bejgħ bid-dettal’. Bejgħ bl-imnut u mhux bl-INGROSSA. (Ing. retail). Din il-kelma tidher fir-riklam f’waħda mill-paġni tal-aħħar tal-ktieb, Storja taż-Żejtun u Marsaxlokk ta’ E.B. Vella. (1927).

dettall5

DEWLGĦA     (pl. dwielagħ). Kustilja. Qata’ laħam mill-ġenb tal-annimal meħuda apposta biex tittiekel. Sors: E.S.I. u F.V. 1831. 

DEWWIEMA      Għasfur tal-landa; parti mill-pinnur li jindika d-direzzjoni tar-riħ.   

dghajsa tal-Latini-port 1444DGĦAJSA TAL-LATINI  L-isem mogħti lill-mirkeb li kien ikollu qala’ tal-latini (triangolari) imdaqqas sew. Ħafna minn dawn id-dgħajjes kienu ibaħħru bejn il-Port il-Kbir u Għawdex fis-seklu dsatax u fil-bidu tas-seklu għoxrin. Biż-żmien il-qala’ latin ħa post il-qala’ kwadru u għal mijiet tas-snin wara, baqa’ jintuża mill-bastimenti, tista’ tgħid kollha, madwar il-Mediterran. Id-dgħajsa tal-latini tixbah lil-LUZZU, biss fil-verità dawn ma għandhom x’jaqsmu xejn ma xulxin. Dan għaliex id-dgħajsa tal-latini taf l-oriġini tagħha lill-ixprunara, waqt li l-luzzu oriġina mill-FIRILLA. L-Ingliżi bdew isejħu din id-dgħajsa bħala, ‘id-Dgħajsa ta’ Għawdex’ jew aħjar, The Gozo Boat għax fl-antik, kienu jaqsmu lejn u minn Għawdex biha. Ing. Lateen sail. Ara:  XPRUNARA.

dghajsa with passengers BrodktorffDGĦAJSA TAL-PASS    Dgħajsa li kienet tintuża komunament fil-portijiet kemm fi żmien l-Ordni kif ukoll fi żmien l-Ingliżi tista’ tgħid ta’ kuljum, l-aktar biex tniżżel il-baħrin minn fuq il-bastiment u twassalhom l-art, jew inkella biex twassal il-passiġġieri minn naħa għall-oħra tal-port. Fi żmien l-Ordni, kienu ta’ spiss joħorġu proklami dwar regoli fuq l-operazzjoni tas-servizz tad-dgħajjes. Biex nagħti eż., id-dgħajjes ma setgħux joperaw wara li jidlam, u l-qaddiefa tagħhom ma setgħux ikunu iżgħar minn ċerta età. Fis-seklu dsatax u sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kien hawn mal-1,200 dgħajsa tal-pass, u mal-1,500 barklor. Hekk kif il-bastimenti tal-flotta Ingliża u dik Amerikana ma baqgħux jidħlu bi kwantità f’Malta fis-sebgħinijiet, ix-xogħol tad-dghajsa celesti IMG_4277 - Copydgħajjes naqas drastikament. Illum, ftit għadek tara dgħajjes tal-pass, (hawn joperaw b’kollox madwar tletin waħda) l-aktar minħabba x-xogħol tat-turisti fil-Port il-Kbir. Apparti minn hekk, dgħajjes ta’ dan it-tip tista’ taragħhom itellqu bejnithom fir-regatti tat-8 Settembru u ta’ Jum il-Ħelsien.  Ara: ‘The Dghajsa in Memoriam’  ta’ Joseph Muscat, The Mariner’s Mirror, Vol 77 no 4, November 1991, pp. 389-405. ‘The Dgħajsa and the Luzzu’ ta’ Joseph Muscat, fi Treasures of Malta Summer 1997, Vol III, no 3, pp. 37-41. LHistoire de Malthe, ta’ D. Miége, (1940).   

DGĦIF    1. Bniedem li mhux smin; raġel mibni sew, raġel mibrum u mhux qawwi. 2. Xi ħadd delikat jew li jimrad malajr. DGĦIF MILL-PRUWA, tingħad għal bniedem li moħħu ħafif. 3. Laħam dgħif, laħam ta’ mingħajr xaħam. Sors: J.A u E.S.I. 4. ID-DGĦIF TAR-RIĠEL – miktuba,  id-dejf tar-riġel: il-pexxul (sors: F.V. 1831).

di u do (2).jpgDI  U  DO, ID-  Idj. ‘Dawk it-tnejn qishom id-di u d-do’. Din if-frażi tirriferi għal tnejn min-nies li dejjem ikunu flimkien. Storikament, din l-idjoma nħolqot minn analoġija ispirata mill-fatt li għal bosta żmien, f’Marsamxett kien hemm żewġ vapuretti tan-Navy Ingliża, sorġuti ħdejn xulxin; xi żmien ieħor kienu ukoll sorġuti fil-bajja tal-Kalkara. Dawn kienu ż-żewġ gunboats HMS Dee u HMS Don.  It-tnejn li huma kienu nbnew f’Portsmouth, u kienu jaħdmu kemm bl-istim kif ukoll bil-qlugħ. Id-Dee kienet gunboat ta’ 363 tunnellata u inbniet fl-1877. Din ġiet mibjugħa fl-1902. Id-Don inbiegħet fl-1914. Dawn iż-żewġ bastimenti kienu msemmija hekk għal żewġ xmajjar fl-Iskozja li jġibu l-istess isem, Dee u Don. Simili għal dan il-paragun, hemm: qishom parilja; qishom barmil u satal, jew qishom, ħobża u sikkina. 

DIANA      (Damma) ‘[…] Stella matutina Aurora. Għassa tad-Djana […]’, jiġ., għassa ta’ filgħodu F. Vella (1843).

DIB   1. Lupu. Jissejjaħ ukoll ‘lipp’. 2. DENB ID-DIB. Hawn tliet varjetajiet ta’ pjanti li jikbru f’Malta f’diversi żminijiet tas-sena, li għandhom dan l-isem. Fost dawn hemm waħda minnhom li tikber kullimkien, li tissejjaħ ‘żina tal-foqra’ (is. xj. Solanum nigra). Hemm pjanta oħra li tikber fil-ġonna (is. xj. Amaranthus caudatus). It-tielet pjanta tikber mas-swar, għalkemm mhix daqstant komuni, u tissejjaħ ukoll ‘għeneb il-bniet’ jew inkella ‘russett’. Dari kienu jieħdu l-kulur ħamrani minn din il-pjanta biex iħalltuh mal-ħelu. Sors: E.S.I.

Aa ARA X'INT TGHID
  Afgħas hawn biex tkun taf        aktar

DIBSI   1. Oġġett ta’ kulur pjuttost ħafif jew bajdani; kulur li marritlu ħafna l-qawwa tiegħu. 2. Oġġett li għandu bosta kuluri. 3. Kulur bjond jew kulur il-qastan. Eż. ‘żiemel dibsi’ – jiġ., żiemel ta’ kulur qastni. Sors: M.A.V. (1796). V.B. (1900) jittraduċi din il-kelma bl-Ing. bħala opaque.

DICHIARAZIONE DEI DIRITTI    Dichiarazione dei diritti degli abitanti di Malta e Gozo, li bl-Ingliż kien tradott bħala Declaration of Rights of the Inhabitants of Malta and Gozo. Fil-25 ta’ Marzu tal-1802, kien iffirmat it-Trattat ta’ Amiens (ara: AMIENS, TRATTAT TA), li bih kien intlaħaq ftehim ta’ paċi bejn Franza u l-Ingilterra. B’dan it-trattat, Malta, li kienet taħt il-protezzjoni tal-Gran Brittanja, kellha tingħata lura lill-Ordni ta’ San Ġwann. Il-klawsoli dwar Malta f’dan it-trattat ma kinux aċċettabbli għall-Maltin. Għaldaqstant kien iffurmat kungress magħmul minn rappreżentanti ta’ bosta bliet u rħula, fosthom deputati kif ukoll logutenenti. Dan il-kungress għamel dikjarazzjoni formali maqsuma f’diversi klawsoli. Il-Kungress kien ippreżenta d-dikjarazzjoni tiegħu lill-Kummissarju Ċivili Ingliż f’Malta, Charles Cameron. Dan kien imbagħad għaddieha lir-Re George III biex jikkunsidraha. Fid-dikjarazzjoni r-rappreżentanti Maltin insistew li jekk l-Ordni kellu jiġi lura Malta, dan kellu jamministra lil Malta taħt bosta kundizzjonijiet kostituzzjonali mfissra f’wieħed u għoxrin klawsola, fosthom:

  • li r-Re tar-Renju Unit u tal-Irlanda jkun is-Sovran u l-‘Protettur’ tal-Maltin;
  • li kull persuna kellha tkun libera li tgħix mingħajr ma tkun ilsira ta’ ħadd;
  • li tkun maħluqa kostituzzjoni ġdida mill-plenepotenzjarju Ingliż u dak Franċiż li kienu f’Malta;
  • li ġaladarba l-Ordni kellu jerġa’ jiggverna ’l Malta, l-Ordni kellu jaqa’ taħt l-istess liġijiet stabbiliti bil-kostituzzjoni l-ġdida;
  • li l-Qorti tingħata aktar setgħat li jkopru anki lill-amministraturi nfushom tal-gżejjer Maltin;
  • li jinħoloq korp tal-pulizija li jkun separat mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti;
  • li r-reliġjon tal-Maltin kellha tkun dik Kattolika;
  • li fl-istess waqt, kulħadd seta’ jipprattika r-reliġjon tiegħu fil-libertà.

Ara: British Malta, Vol. I ta’ A.V. Laferla; Constitutions of the World from the late 18th Century to the Middle of the 19th Century ta’ Horst Dippel, pp. 702, 708.    

DIEĊMI   Għexur.  Isħma ta’ wieħed minn kull għaxra tal-prodott li fl-imgħoddi l-bidwi kien obbligat li jħallas meta dan jaħsad l-uċuh tar-raba’. Kontribuzzjoni jew taxxa lill-Knisja jew lill-Istat li kienet tlaħħaq dejjem sa wieħed minn għaxra tal-ġid jew tal-qliegħ tal-persuna.

DIEĦES   (pl. dwieħes)   Nuffata jew nefħa, infammazzjoni taħt il-ġilda kkawżata b’xi rifsa, għafsa jew infezzjoni, l-aktar taħt u viċin id-difer. Rimedju biex din in-nefħa tinżel kien li jkissru bebbuxu u jorbtuh fuq il-parti fejn hemm in-nefħa.

Dieu et mon droit 060.jpgDIEU  ET  MON  DROIT   Bil-Malti din il-frażi tfisser litteralment: ‘Alla u d-Dritt Tiegħi’ (rif. għad-dritt tar-Re li jiggverna bl-Awtorità mogħtija minn Alla). Dan il-motto jidher taħt l-arma tal-familja Rjali Ingliża. Jingħad li dan il-motto kien stabbilit għall-ewwel darba mir-Re Enriku V (1386 – 1422). F’Malta wieħed jista’ jara dan il-motto mnaqqax fuq il-binja tal-Main Guard ta’ Pjazza San Ġorġ il-Belt, fil-bitħa ta’ Nettunu li hemm fil-Palazz tal-President, il-Belt, u f’binjiet oħrajn, fejn hemm l-arma tal-Monarkija Brittanika, norm. f’binjiet amministrattivi, u militari.

DIFA     Il-frisk jew is-sirda ta’ filgħodu kmieni li tinħas f’jum xitwi. Ngħidu, ‘is-sema diefi tas-sajf’. Sors: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin, p. 9.

DIJARKIJA   Amministrazzjoni fil-pajjiz li titmexxa b’żewġ sistemi. Fl-1921, wara ħafna taħditiet bejn ir-rappreżentanza politika Maltija u l-Kummissjoni Amery, il-politiċi Maltin ingħataw mill-Gvern Ingliż it-tmexxija ‘awtonoma’ tal-pajjiż. Dan kien ifisser li issa kien hemm Parlament u s-Senat Malti biex jamministraw il-ħtiġijiet interni tal-pajjiż billi jintroduċu liġijiet, jivvutaw flus għall-proġetti kif kien hemm bżonn. Minn naħa l-oħra, kien hemm dejjem il-Gvernatur Ingliż li jmexxi l-affarijiet esterni u militari filwaqt li kellu l-poter li jwaqqaf il-gvern u l-kostituzzjoni u jieħu l-amministrazzjoni jekk is-sitwazzjoni kienet tirrikjedi hekk. Kienu diversi l-kwistjonijiet li nqalgħu fejn il-proġetti proposti mill-Gvern Malti sabu oppożizzjoni mill-Gvernatur Ingliż u kienu vetoed. Il-Gvern Malti ma seta’ qatt jikkonkludi  trattati ta’ kummerċ ma’ pajjiżi barrani jekk mhux bl-approvazzjoni aħħarija tal-Gvern Ingliż. L-awtonomija tal-Gvern Malti kienet tkun minn żmien għal żmien mhedda u anke rtirata mill-Gvern Kolonjali. Minħabba f’hekk f’diversi żminijiet, il-Gvern Malti safa’ xolt u minfloku nħolqot tmexxija awtokratika mill-Gvernatur. Kien hemm sensiela ta’ gvernijiet li mexxew lil Malta taħt din is-sistema, sakemm finalment Malta ħadet l-indipendenza tagħha fl-1964. Etim: Gr. Di M. tnejn + Gr. arkia: M. tmexxija. Ir-ritratt meħud fl-1921 juri l-ewwel Kabinett Malti mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Howard (bilqiegħda fuq il-lemin. Magħhom hemm il-Prinċep ta’ Wales, il-Gvernatur Lord Plumer, l-Isqof ta’ Malta u bosta uffiċjali militari tal-Gvern Ingliż. 

Parliament 19210

Dukkiena Joe Mor03617115_n -DIKKIENA  / DUKKIENA   1. Il-bank li l-bejjiegħ iservi minnu fil-ħanut tax-xorb. 2. Bank tal-ġebel imqiegħed la ġenba fi knisja, eċċ., biex wieħed ipoġġi bilqiegħda fuqu u jkun jista’ jserraħ dahru mal-ħajt. Id-dikkiena insibuha pereż., fil-kappella ta’ Ħal Millieri. 3. Fl-ambjent tal-kampanja din tirriferi għall-ambjent naturali fejn il-blat jogħla f’daqqa jew ikun maqtugħ mill-bqija tal-madwar, bħal xkaffa. Blataforma. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands, insibu seba’ nħawi fil-kampanja li għandhom dan l-appellattiv. Hekk insibu, id-Dukkiena tal-Għarbi, fl-inħawi ta’ Tal-Qadi, u d-Dukkiena ta’ Bonan ’lil hinn mis-Siġġiewi. Għ. dhakkana – M. bank jew mejda fejn jinbiegħu affarijiet tal-merċa. Bl-Għ. tista’ tfisser ukoll ħanut.  E.S.I. Il-Miklem Malti, It-Tieni Volum.

DIKSATA    Nuqqas ta’ saħħa li wieħed iħoss wara li dak li jkun joħroġ minn xi marda. Sabta kbira kemm fiżika kif ukoll mentali ikkawżati minn xi marda serja. Stat mentali ta’ depressjoni meta dak li jkun isofri telfa kbira. Ngħidu, ‘wara t-telfa ta’ martu ħa diksata kbira’.

DIKUTELL  1. Ċangun imqiegħed fuq ġenbu bħala kument. Riferenza għall-għoli tiegħu. 2. Kelma li jużaw il-burdnara meta jirriferu għat-tagħbija li tkun imqiegħda fuq ġenbha. Etim. Fr. de coté – fil-ġenb, la ġenba. Sors: J. A. u Ġanni Buhagiar (Mqabba).

DIKXIENA      (Damma)  Kuċċarun. Qawl: Id-dikxiena biss taf x’hemm fil-borma. J.A. jagħtiha bħala DIKKIENA. Mod ieħor kif jagħfuha  hi DOKKIENA.

AA cover pageDIMIS / DUMIS    Tingħad l-aktar fil-frażi ‘bid-dimis’, jiġ., bl-eżatt. Kejl bl-eżatt, eż. ngħidu, ‘Il-libsa ġietu bid-dimis’. Din il-kelma tidher fil-ktieb Żmien l-Ispanjoli ta’ Ġużè Galea, p. 201: ‘[] kbarat Maltin lebsin kollha bid-dimis, u n-nisa tagħhom jiddu fil-ħarir u d-deheb […]’. Kelma li tingħad ukoll fil-logħob tal-boċċi meta l-boċċa tintefa’ bil-mod biex tqarreb lejn il-likk; terminu li jintuża wkoll fil-logħob tal-biljard, meta l-lagħabi jagħti daqqa ‘l-boċċa l-bajda bl-istikka biex din tirrombla bil-mod il-mod tul il-mejda u tmiss ħafif il-boċċa li jkun immira lejha. Użin bid-dimis, jiġ., użin bl-eżatt. Ngħidu, ‘xtara bid-dimis’. Etim. Sqal. di misa / di misura u Għ. dams – oġġett li tarah biss mill-bogħod u tibqa’ ma tkunx taf eżattament x’inhu. Sors: G.B.F., 1845.

DIN   1. Fehma, twemmin, reliġjon. Qawl: Din ħażin, ħażin jibqa’. 2. Gvern jew tmexxija ta’ pajjiż jew nies. Espr. antika: ‘Mur aħraq dinek.’ – jiġ., mur intrema, int u l-fehmiet żbaljati tiegħek. Fir-rakkont, Żmien l-Ispanjoli, p. 156, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] wegħduna mitt ġid jekk niċħdu dinna […]’. p. 156. Qawl: Din ħażin, ħażin jibqa’ – indole male, male restera’. (M.A.V. 1828).

DINDU      Kelma antika tat-tfal iż-żgħar li jkunu qed jiddejqu jew ikunu muġugħa. Kelma li biha t-tfal juru x-xewqa li jridu xi ġugarell biex jilagħbu bih.

DIRDIENA  (pl. drieden)   Munita antika li kienet tiswa nofs bajokk, jew tliet ħabbiet. Kelma li ġejja mill-Isqalli, Tri dinari. Munita li fi Sqallija kienet tiċċirkola sal-1860. Sors: M.A.V. (1796). Ara: BAJOKK. F. Vella (1843) jgħid li d-dirdiena kienet tiswa due grani e mezzo. Ara wkoll: ĦABBA.

DIRGLA    Ħamba; għajdut tan-nies, l-aktar ta’ min hu mdejjaq. Twerżiq. Biss, Ġużè Galea juża l-kelma biex jesprimi taħwida ta’ emozzjonijiet: ‘[…] huwa u ħiereġ bid-dirgla li kien fiha sabbat mal-art naqra ta’ rsir (sic) […]’, Żmien l-Ispanjoli, (1937), p. 79. G.B. Falzon (1845) jgħid ukoll: chiasso grande che fa una persona dispiacuta. E.S.I. jgħid li din ġejja mit-Tal. antik di regola jew ragana, li tirriferi għal, tabella della Settimana Santa, jiġ., speċi ta’ ċuqlajta. Mela din l-espr. tista’ tirriferi għall-ħoss ta’ dieqa li tagħmel din fil-Ġimgħa l-Kbira. Ara: ĊUQLAJTA

DIRITTO MUNICIPALE   Il-kodiċi ta’ liġijiet li ġew imfassla fl-1784, fi żmien il-Gran Mastru De Rohan. Dawn il-kodiċi huma mqassma f’seba’ kotba, bl-ewwel ktieb jittratta dwar il-‘Gran Corte Della Castellania’. Fih kienet spjegata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti. It-tieni ktieb fih ħames kapitli, li jittrattaw il-proċessi ċivili u kriminali. It-tielet ktieb jittratta l-kuntratti u l-obbligazzjonijiet marbuta tagħhom. Ir-raba’ jittratta t-testmenti u t-taxxa tas-suċċessjoni. Il-ħames ktieb għandu disa’ kapitli li jittrattaw il-liġijiet kriminali. Is-sitt ktieb jittratta l-kummerċ marittimu u l-armamenti. Is-seba’ ktieb jittratta diversi oqsma, u għaldaqstant hu intitolat, Miscellanea. Ara: De Rohan’s Diritto Municipale,  ta’ Joseph Scicluna, f’Heritage, pp. 331, 332.     

DIRRA     Nawsea; sensazzjoni ta’ dardir li wieħed iħoss meta l-ikel baqa’ fuq l-istonku. Dardir. Stmerrija għal ikel jew affarijiet oħra. Fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, p. 29, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] dari … in-nies kienu jħossu bħal dirra qawwija għas-saħħara u kienu jgħodduhom bħala nies miktubin ma’ dak tal-qiegħ […]’.

DirwanvxDIRWAN   Idj. ‘ħabba ta’ dirwan’; din tingħad meta xi ħadd ikun nieqes sew mill-flus; xott għal kollox. Kienu jgħidu, ‘ma għandix ħabba ta’ dirwan’. Dirwan tirreferi għall-Gran Mastru De Rohan. Fi żmien it-tmexxija ta’ dan il-Gran Mastru kienu ġew stampati eluf kbar ta’ muniti tal-ħabba. Tant kien hawn minnhom fl-idejn li s-siwi tagħhom fil-bejgħ kien żvaluta ruħu waħda sew u ħadd ma ried jitħallas bihom. B’hekk l-idjoma tfisser li bniedem ma fadallu xejn biex jonfoq. Ara: ĦABBA.   

DISENTERIJA   Kundizzjoni fejn il-pazjent isofri minn dijarea u tneħħija tad-demm waqt l-ippurgar. Marda li tittieħed minn virus, batterju jew parassita li jinxtorob mal-ilma jew jittieħed mal-ikel infettat. Il-virus jinżel fl-imsaren fejn jobrox u jiffjamma l-ħitan tal-intestini. Norm. din il-marda hi ttrattata b’mod effikaċi u wara ftit żmien il-pazjent ifiq. Biss, f’pajjiżi fejn ma tinstabx il-mediċina u l-kura meħtieġa, il-marda tiggrava u l-pazjent jibda jbati minn deidrazzjoni. Il-virus jattakka diversi organi, bħall-fwied u l-moħħ. Fl-Atti tal-Appostli, kap. 28, fejn San Luqa jirrakkonta li San Pawl fejjaq lil missier Publiju, il-Gvernatur ta’ Malta, li kien qiegħed ibati mid-disenterija. Ara: FROXX TAD-DEMM.

DISENTU   Rif. għal xi ħaġa kostanti u permanenti. Ngħidu, ‘Għandu xogħol disentu’. Etim. Sqal. da assentu; Tal. dare l’assento (verb: assentire; M. approva).

DISKLU     Bniedem ixxellerat u li jagħmel affarijiet barra n-normal li mhux xierqa isiru fis-socjetà. Tal. u Span. discolo. diżubbidjenti, indixxiplinat, wieħed li jaqla’ l-problemi għax pezza kwistjoni u ribeljuż.

DISPENSIER     Bniedem inkarigat li jieħu ħsieb li d-dar (tas-sinjuri) ma jkun jonqosha xejn inkwantu għall-ħtiġijiet ta’ kuljum. G.F.B. (1845): A steward. Ara: ĦAŻNADAR.

DJAGUNAL/R   Drapp imħallat mal-FUSTAN li minnu kienu jinħadmu l-ilbiesi (suwed) tal-irġiel. Dan l-ilbies kien jintuża biss għal xi okkażjoni speċjali.

DJAKNU      Servjent;  bniedem li jaqdi ’l Alla. Qassis. Fil-ġerarkija tal-Knisja, id-djaknu hu dak li jgħin lis-saċerdot fil-qadi tad-dmirijiet spiritwali. San Stiefnu, li hu meqjus bħala l-ewwel martri Nisrani kien djaknu. Djakni oħra li saru qaddisin huma: San Filippu l-Evanġelista u San Lawrenz. Gr. diakono: M. servjent jew messaġġier.

DJAMANT  TAL-ĦĠIEĠ  Għodda żgħira tal-idejn li biha jinqata’ l-ħġieġ. Ing. glass cutter.djamant tal hgieg

djocesi ta maltaDJOĊESI    Dan it-terminu jirriferi għal dik l-art u dawk in-nies li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-isqof. Għall-mijiet tas-snin, id-djoċesi ta’ Malta, kienet titmexxa u tagħmel parti mid-Djoċesi ta’ Palermo. Mhux ta’ b’xejn li għal bosta żmien l-isqfijiet ta’ Malta kienu barranin, u ġieli lanqas biss kienu jgħixu f’Malta. Meta waslu l-Ingliżi dawn ma ħassewhomx komdi li d-djoċesi ta’ Malta kienet taqa’ taħt l-Isqof ta’ Palermo, u raw kif għamlu, sakemm fl-1831, Malta saret djoċesi indipendenti għalija. L-ewwel isqof li laħaq f’din il-kariga kien l-Arċidjaknu Francesco Saverio Caruana (1831 – 1847). Minn hawn ’il quddiem l-isqfijiet ta’ Malta dejjem baqgħu jintagħżlu minn fost il-prelati Maltin. Fl-1864, il-Papa Piju IX, bil-bolla Singulari Amore, iddikjara lil Għawdex bħala djoċesi separata minn dik ta’ Malta. Mons. Franġisku Buttigieg sar l-ewwel Isqof ta’ Għawdex. Konsegwentament, il-kolleġjata ta’ Santa Marija tar-Rabat kienet elevata għal Katidral.  L-isqfijiet tad-djoċesi ta’ Malta mill-1831 kienu dawn:

     Francesco Saverio Caruana (1831 – 1847)
     Publio Maria Sant (1847 – 1864)
     Gaetano Pace Forno (1857 – 1874)
     Carmelo Scicluna  (1875 – 1888)
     Pietro Pace (1889 – 1914)
     Mauro Caruana (1815- 1943)
     Michael Gonzi  (1943 – 1976)
     Ġużeppi Mercieca 1976 – 2006
     Pawlu Cremona  (2006 - 2014)
     Charles Scicluna ( 2015 -

DKIKA     Ara: DQIQA

DLIL     (pl. dliel)   1. Xi ħaġa ta’ grazzja u rtubija. Imħabba u fsied. Din il-kelma nsibuha fl-istorja Ineż Farruġ (1889) ta’ Anton Manwel Caruana, ‘[…] Naf kemm missierek rabbiek fid-dliel […]’  2. Ħamrija umda.

DLIEL     Xagħar twil u ħafif li jtir mar-riħ.

DLIELA    Tfajla sabiħa, grazzjuża u li hi pjuttost delikata f’saħħitha.

DMINKA   Isem ieħor għal Duminka. Isem ta’ kappella li tinsab fir-raħal ta’ Ħad-Dingli u magħrufa bħala Santa Dminka. Kappelli oħra bl-istess isem huma dawk ta’ Ħaż-Żabbar u dik li kien hemm fit-triq tax-Xlendi, Għawdex.

dmugh ta S Lawrenz.JPGDMUGĦ TA’ SAN LAWRENZ    Fenomenu astrali li hu viżibbli fis-sema darba fis-sena, fid-disgħa ta’ Awwissu. Id-dmugħ ta’ San Lawrenz hu dak il-frak ta’ dawl li jidher għaddej, qisu ħafna stilel jiġru fis-smewwiet. Dan fil-fatt hu r-residwu li tħalli warajha l-kometa Swift Tuttle fit-traġettorju tagħha. Dan il-frak hu magħruf ukoll bħala Perseidi, għaliex dan id-dawl jidher bħalikieku ġej mill-kostellazzjoni magħrufa b’dan l-isem. Ir-raġuni tal-appellattiv, ‘Dmugħ ta’ San Lawrenz’ hu relatat mal-festa ta’ San Lawrenz li hi ċċelebrata fl-10 ta’ Awwissu. Antikament, l-għada li jseħħ dan il-fenomenu, ħafna tfal kienu joħorġu jfittxu l-frak ta’ ‘faħam’ li jkun waqa’ mis-sema. Dan il-frak jissejjaħ il-FAĦAM TA’ SAN LAWRENZ.  Sors ta’ informazzjoni dwar din id-drawwa: Lorenzo Zahra.   

DNUB MAQLUB     (Damma)  Sodomija. 

OLYMPUS DIGITAL CAMERADOBBLU / IRDUBBLATURA   1. Term. tal-kostruzzjoni, li tintuża fil-frażi ‘ħajt dobblu’, jew ‘ħajt li sar b’irdubblatura’ – jiġ., ħajt li jkun mibni minn żewġ saffi ta’ ġebel imqiegħda wieħed wara l-ieħor biex b’hekk iż-żewġ ħitan jagħtu aktar saħħa. Il-vojt ta’ bejniethom jimtela bil-MAZKAN jew terrapien. Fil-kostruzzjoni, dan ix-xogħol hu meħtieġ l-aktar fuq il-faċċata ta’ barra, anki biex jagħmilha diffiċli li l-kesħa jew is-sħana ta’ barra tinfed għal ġewwa l-binja. 2. Bil-kbir jew b’qawwa kbira. Fl-istorja qsajra ‘Trid Tisma’ l-Banda Sewwa’, ta’ Dun Xand Cortis (ċ. 1900), din il-kelma tintuża b’dan il-mod: ‘[…] Fil-proċessjoni [ta’ San Spiridjun fi Kreta] mhux biss idoqqu dobblu l-knejjes tax-Xiżmatiċi imma tal-Kattoliċi wkoll […].Sors: Il-praspar miktuba minn Dun Xand Cortis ta’ Ġorġ Mifsud, p. 46. 

DOKK     Drapp oħxon magħmul mill-għażel jew mit-tajjar, abjad jew kannella li minnu kienu jagħmlu l-kanvas għall-qlugħ jew qliezet tas-sajf. Minn dan il-materjal kien isir ukoll il-ħajt magħruf bħala, ħajt tad-dokk li kien jintuża biex isaħħaħ ċerta ħjata fid-drapp, kpiepel eċċ. Ing. duck, linen duck jew duck canvas. Oriġ. mill-Olandiż doek, drapp tal-kanvas.

DOKKIENA  Ara: DIKXIENA. 

DOLINDO    Isem ta’ raġel.  L-oriġ. ta’ dan l-isem ġej minn Maria Dolores jew id-Duluri.

Dolmen Wied Filep3.JPGDOLMEN  Struttura, ġen. magħmula minn tliet ġebliet kbar, tnejn weqfin u waħda mimduda sserraħ fuqhom. Fl-Ewropa jeżistu numru kbir ta’ dolmen. F’Malta dawn huma meqjusa li jmorru lura sa Żmien il-Bronż (ċ.1500 – 700 Q.K.) L-arkeoloġi jxebbhu l-użu tad-dolmen f’Malta ma’ dawk tal-Ewropa, fejn instab li dawn kienu x’aktarx iservu ta’ oqbra. Hu minħabba f’hekk li l-istudjużi jqabblu dawn il-blat ma’ oqbra preistoriċi ta’ żmien il-Bronż. Hu aktar possibbli li bosta mid-dolmen setgħu kienu jagħmlu parti mill-kostruzzjoni tat-tempji megalitiċi (3,800 – 2,500 Q.K.) Fost id-dolmen li nafu bihom hemm dawk ta’ Wied Filep, limiti tal-Mosta, dak ta’ Ċenċ, Għawdex, u dak tal-Qala, magħruf bħala l-Ġebla ta’ Sansuna. Dolmen oħrajn huma dawk ta’ Wied Żnuber f’Birżebbuġa; Ta’ Misraħ Sinjura, li jinsab bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi; u Ta’ Ħammut, f’Qalet Marku. Intant, il-fdalijiet tal-ġebel li hemm fil-lukanda New Dolmen f’Buġibba, żgur li mhumiex dolmen, iżda fdalijiet ta’ tempju megalitiku bħal ħafna oħrajn. Ara: Malta – Prehistory and Temples ta’ David H. Trump, pp. 276 – 270. 

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAD.O.M.    Abbr.  bil-Latin li tidher ħafna drabi fil-bidu ta’ skrizzjonijiet imnaqqxin fuq tabelli tal-irħam, jew fuq oqbra tal-Kavallieri tal-Ordni, eż., fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dawn it-tliet ittri jabbrevjaw il-kliem votiv: DEO OPTIMO MAXIMO li tfisser ‘Lill-ikbar u l-aqwa Alla’. Fil-każ tal-iskrizzjoni fuq l-irħama li tinsab fuq il-bieb tal-Kastellanja, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa, il-Belt, l-ittri huma abbrevjati mod ieħor: DEO. OPT. MAX. li tfisser l-istess ħaġa. (ara r-ritratt)

dominion status.jpgDOMINION STATUS    L-ewwel darba li t-terminu dominion status kien propost kien fl-Imperial Colonial Conference, li saret f’Londra fl-1907, immexxija mill-Prim Ministru Ingliż Sir Henry Campbell-Bannerman. F’dak iż-żmien, ċerti kolonji Ingliżi bħal Kanada, New Zealand u l-Awstralja kienu ġa imexxu lilhom infushom b’awtonomija assoluta (Ing. self-governing), mingħajr l-ebda ndħil minn Londra. Fid-Dikjarazzjoni Balfour (1926), it-terminu dominion status kien mogħti uffiċjalment lil dawn il-pajjiżi biex ma jibqgħux ikkunsidrati bħala kolonji tal-Ingilterra iżda bħala pajjiż affiljat. Dan it-titlu kien l-eqreb ħaġa lejn l-istatus ta’ indipendenza assoluta. Fis-sena 1921, Malta kienet mogħtija l-istatus ta’ Self-Government, jew Responsible Government, li ċertament ma kienx l-istess bħal Dominion Status. L-ewwel talba għal dominion status kien għamilha Nerik Mizzi fl-1939, anki jekk Mizzi, dak iż-żmien ma kienx fil-Gvern. Din it-talba kienet injorata. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1953, il-Partit Nazzjonalista ppropona lill-Gvern Kolonjali li Malta tingħata d-dominion status. Din it-talba kienet irrifjutata immedjatament. Bil-mod il-mod, it-terminu dominion status beda jitwarrab mil-lingwaġġ u floku beda dieħel it-terminu tal-Commonwealth Realm. Naturalment, hekk kif bosta kolonji Ingliżi ngħataw l-indipendenza, it-terminu dominion status għeb għal kollox. Ħaġa stramba iżda, li l-Kanada, ċertament pajjiż indipendenti, għadu jirrikonoxxi lilu nnifsu kostituzzjonalment, bħala Dominion Status b’rabta mal-Ingilterra.

DOMNU   Espr. li tingħad biex tindika li l-oġġett m’għadux tajjeb u / jew spiċċa għal kollox.  Idj: ‘Dak domnu!’ – jiġ., dak l-oġġett spiċċa għal kollox u ma għadux tajjeb. Wieħed kultant jgħidha fis-sens ta’ bniedem li ma fadallux saħħa jew wasal biex imut. Oriġ., il-kelma ġejja mil-Latin Dominus vobiscum – ‘Il-Mulej magħkom’, il-barka li s-saċerdot jagħti meta l-quddiesa tkun waslet fit-tmiem. Mela din l-analoġija qed l-oġġett wasal biex jispiċċa. 

Domus Romana IMG_0669.JPGDOMUS  ROMANA    F’Malta jinsabu numru mdaqqas ta’ siti arkaeoloġiċi tal-perijodu Ruman, bħal pereż., San Pawl Milqgħi f’Burmarrad, u l-Villa Rumana li hemm lejn ta’ Kaċċatura, ‘l fuq minn Wied Dalam. Dawn it-tnejn kienu ‘vilel fil-kampanja’ li wisq probabbli servew bħala rziezet. Insibu wkoll vilel lussużi bil-banjijiet Rumani bħal pereż., qrib Għajn Tuffieħa u fir-Ramla l-Ħamra. Imbagħad hemm dik li konna ngħidulha l-Villa Rumana, ir-Rabat. Din illum tissejjaħ domus, għax din kienet dar mibnija f’ambjent urban. Il-fdalijiet ta’ din id-dar instabu fl-1881, waqt it-tħaffir li kien qed għaddej biex isir ġnien fl-inħawi. Id-Domus Romana nbniet fl-ewwel seklu Q.K. Anki l-mużajk hu ta’ dan il-perijodu. Fost l-oġġetti li nstabu fiha kien hemm ukoll xi statwi ta’ membri tal-familja imperjali, domus romanad41.jpgfosthom, dik tal-Imperatur Ruman Claudius (41 – 54 W.K). L-arkitettura u l-kobor tad-dar jindikaw li hawn kienet tgħix familja sinjura, waqt li l-istatwi tal-irħam jindikaw li l-proprjetarju seta’ kien xi ħadd qrib l-Imperatur Ruman u għalhekk anki kien ta’ ċerta awtorità. Din id-dar lussuża baqgħet tintuża fl-istat li nbniet sat-tieni seklu W.K. u wara donnha kienet abbandunata u intużat minn squatters. Ara: Malta – Phoenician, Punic, and Roman, ta’ Anthony Bonanno, pp. 164-167.    

Donat_of_the_Order_.jpgDONAT   L-iżgħar grad li seta’ jkollhom il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kavallier ta’ dan grad kien jissejjaħ wkoll ‘konfrat’. Dan it-titlu kien jingħata lil dawk li mhumiex nobbli, jew jekk huma nobbli, in-nobbiltà tagħhom mhix verifikabbli. Dan kien jingħata wkoll bħala unur lil min juri d-dedikazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietu lejn ir-reliġjon Kattolika u lejn l-Ordni ta’ San Ġwann, waqt li josserva r-regoli u l-istatut tal-Ordni. Id-disinn tas-salib li jilbes id-Donat, flok it-tmien ponot għandu sitta biss. Id-Donati ma kinux iħallsu l-passaġġ (il-pagament tad-dħul fl-Ordni) u lanqas jikkonfermaw d-dixxendenza tagħhom, biss kienu obbligati juru li mhumiex ta’ dixxendenza Lhudija jew Musulmana. Id-Donati kienu norm. jingħataw karigi għolja, pereż., bħala nutara, uffiċjali tal-artillerija jew inkella kienu jkunu nkarigati mill-imħażen tal-Ordni. Sors ewlieni: The Life and Times of Grand Master Pinto, Carmelo Testa, p. 19. Ħajr: Joseph Cilia. 

DORGA     1. Ġarra żgħira tal-fuħħar, b’żaqqha tonda u b’għonq twil u dejjaq. Dan in-nom kien jintuża wkoll b’mod dispreġġjattiv għal xi mara li tkun qasira u ħoxna, l-aktar min-naħa tal-ġenbejn u l-warrani. Espr. ‘Fiha dorga dik!’ 2. Miżieb, kanal żgħir ġej fit-tond imħaffer maġenb f/it-triq, magħmul fit-tond biex jilqa’ l-ilma tax-xita u jmexxieh fl-għalqa fil-qrib.

DQIQA    Minuta.  Sors: E.S.I. M. Dimech jagħtiha biss M. Dimech bħala dkika (1901). Etim. Għ. dakika, kelma li għadha tintuża sal-lum fid-dinja Għarbija. 

Dragonara San Gorg.jpgDRAGONARA / DRAGUNARA Isem taż-żona qrib il-kosta fejn illum hemm il-Casinò Dragonara f’San Ġiljan. Il-kelma x’aktarx ġejja mil-Lat. tracones, li biż-żmien saret Traconara. E.S.I. jgħid li din il-kelma ġejja mill-Għarbi u li tfisser, xtajta blatija fejn ta’ spiss iħabbat il-mewġ magħha. Din il-kelma tirreferi wkoll għall-għerien li jingħad li hemm fil-baħar tal-madwar. Fl-antik, in-nies kienu jaħsbu li dawn l-għerien kienu jwasslu sa Birkirkara. Ara: ĦARQ IL-ĦAMIEM Etim. Bl-Isqalli il-kelma tfisser diversi affarijiet, pereż., bexxa xita, baħar imqalleb, u ‘[…] tromba marina, ma anche tempesta, bufera in senso figurato […]’. Ara: ‘The Earliest Maltese Encyclopedia, 1644’, ta’ Giovanni Bonello, The Sunday Times, November 10, 1996. 

DREMXULDRENXUL    Kelma oħra flok gremxul. Sors:  M.A.V. (1796).

DRIEGĦ   1. Il-parti tal-ġisem li mill-ispalla tasal sas-swaba. 2. Manku, bħal driegħ il-moħriet. 3. Is-sider tal-mogħża jew nagħġa. Fil-ħrafa, ‘Ix-Xiħ Midfun Ġo l-Għar’, insibu hekk: ‘[…] it-tifel kien imur bil-merħla, quddiem l-għar u jagħti jarda’ lill-missieru l-ħalib tad-driegħ tan-ngħaġ […]’. Sors: Ġ. Mifsud Chircop (1994).

Andar Qiegha ila _0042 (2).jpgDRIES 1. Qmugħ jew sbul li jkun diġa’ indires fuq l-andar. Iż-żara’ mitluq fuq il-qiegħa lest biex jindires jissejjaħ ‘terrieħa’. DRIS Ix-xogħol tad-dris li jsir bil-MIDRISA / DERRIESA / MIDRAS.  DIRES  v. Farrak is-sbul biex il-qamħ u x-xgħir jkunu sseparati minn xulxin. Id-dris kien isir fuq il-qiegħa, u s-sbul kien jitfarrak mis-saqajn tal-bhima jew bhejjem li jduru fuq il-qiegħa. Hekk kif is-sbul ikun tfarrak sew, iderruh bil-MIDRA biex il-qamħ jew xgħir jaqa’ għalih waqt li biż-żiffa t-tiben jaqa’ fil-ġenb.  DERRIES  Appel. għal dak li xogħlu hu li jidres. Il-Piccolo Dizionario (1856) jinterpreta d-DERRIESA bħala ‘quantità di biade gettate sull’aia per trebbiarle; a heap of grain ready for threshing’. Ħajr: Anton F. Attard. Ara: ANDAR.

dubloonsDUBLUN    Munita antika tad-deheb Spanjola (seklu 16 sas-seklu 19). Kienet tiswa’ 2 escudos jew 32 real. Span. Doblon, Fr. Doubloon. Minħabba l-kummerċ bejn Malta u Spanja, speċjalment fil-qasam tal-esportazzjoni tal-qoton lejn dan il-pajjiż, din il-munita kienet valuta aċċettata f’Malta fi żmien l-Ordni u fi żmien l-Ingliżi fis-seklu dsatax. Fi flus Maltin, id-dublun kien jiswa daqs 40 SKUD. 

DUDA     Din hi dik il-biċċa ħadida fis-serratura li toħroġ ‘il barra meta jinqafel il-bieb biċ-ċavetta. Temi Zammit juża din il-kelma fl-istorja, ‘Il-Għali jkun imsiefer‘, meta jgħid hekk: ‘[…] id-duda tħarrket u l-bieba nfetħet […]’ Sors: Il-Malti, Marzu, 1933.

DUGĦ   (pl. dwiegħ) Kelma li kienet tirriferi għal kull tip ta’ reċipjenti bħal btieti jew krietel li fihom seta’ jintefa’ ikel jew xorb. L-aktar li kienu jintużaw id-dwiegħ kien biex jinġabru fihom il-prodotti tar-raba’. L-injam li minnu jkun magħmul il-kartell.

DUKAT   Munita tad-deheb li kienet fiċ-ċirkolazzjoni matul diversi sekli f’bosta pajjiżi Ewropej. Din kienet tissarraf fi tmintax-il biċċa tal-fidda. Deheb ta’ 24 karat. Sors: G.B.F. (1845).

DUKKAR/A     Varjetà ta’ siġra tat-tin.  Is. xj. Ficus carica.

DUKKIENA     Ara: DIKKIENA.

DUQQAJS   1. Bejta tan-naħal li jkun għadu kemm faqqas.  Ġabsala. 2. Il-qolla li fiha jitrabba n-naħal. Tingħad ukoll għad-dud li jkun hemm fiċ-ċelel tax-xehda tan-naħal, li n-naħal ikun qed jitimgħu biex jikber u jsir naħal. (Ing.  brood).

DURBIES / DIRBIES / DORBIES / DURBIES   Isem ieħor għal, ‘iljun’. Ngħidu, ‘Kelb kbir daqs durbies’; ‘Dieb bħad-durbies.’ – jiġ., sparixxa f’kemm ili ngħidlek. Isem ieħor għall-iljun kien GĦANBAS. L-appellativ durbies kien jintuża wkoll għal kwalunkwe annimal feroċi. Dan l-appel. jirriferi wkoll għal xi ħadd li xagħru jkun imqanfed ‘bħal ta’ durbies’.

DUSSIES   Magħżel għall-kontrapiż fin-newl.

duttur 1.jpgDUTTUR   Titlu li jingħata lit-teoloġi jew lill-għorrief tal-Knisja li kitbu dwar it-twemmin Nisrani b’mod awtorevoli. Dawn l-għorrief, jew ħassieba tat-tagħlim Nisrani, kienu kultant anki jeħduha kontra xi ereżija jew setet xiżmatiċi. Wara mewthom bosta mhux biss kienu ddikjarati qaddisin, iżda ġew ukoll rikonoxxuti bħala dutturi tal-Knisja. Bosta mit-twemmin dogmatiku tal-Knisja Kattolika hu bbażat fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ħsibijiet u l-kitba tagħhom. It-titlu ta’ duttur jingħata mill-Papa jew approvat mill-Konċilju. Oriġ. id-dutturi tal-Knisja kienu erbgħa: Santu Wistin ta’ Ippona, San Ġakbu, Sant’Ambroġju u l-Papa Gregorju I. Dawn il-qaddisin kienu mogħtija dan it-titlu fis-sena 1298. Imbagħad, fl-1568, kienu pproklamati dutturi oħra, San Atanasju, San Bażilju Manju, San Ġwann Kriżostmu, San Tumas t’Akwinu u San Girgor Nazjanzenu. Ħafna żmien wara, ma’ dawn żdiedu Santa Katerina ta’ Sjena u San Ġwann tas-Salib. B’kollox illum jingħaddu mal-35 duttur tal-Knisja. DUTTUR TAL-LIĠI. Din fl-antik kienet rif. għall-avukati. Tisma’ lil min jgħid, ‘kemm int duttur ħej!’ Tingħad għal xi ħadd supperv u li dejjem iridha tgħaddi tiegħu.

DUWIBALLI / DIJUBALLI  Laqam li jirriferi għall-inħawi fin-naħa ta’ isfel tal-Belt, bejn Triq il-Funtana u Triq San Ġużepp. Din iż-żona kienet assoċjata mal-mandraġġ jew mal-arċipiergu. Jista’ jkun li dan l-appellattiv ingħata lil dawn l-inħawi minħabba li xi darba kien hemm xi balal tal-ġebel dekorattivi bħal ma naraw Bieb il-Bombi, il-Furjana. Nafu b’ċertezza li fi żmien l-Ordni, Triq San Nikola kien jisima’ Strada due palle u fi żmien il-Franċiżi żammet l-istess isem, biss bil-Franċiż, Rue Deux Balles  – M. Triq iż-żewġ balal.  Ara: Valletta,  ta’ Michael Galea, Allied Press, 2011. p. X.

*         *        *

Ara aktar:

A *  B *  Ċ C D *  E F *
Ġ G H Ħ I *   J *   K *
L M *   N *   O *   P *   Q *   R *   S
 T *   U *   V W *   X *   Ż *   Z *

Ix-xogħol fuq din il-website hu bbażat fuq il-pubblikazzjonijiet li jidhru hawn taħt …

                                            Bejn Kliem u Storja

                                           Ara X’Int Tgħid

                                           Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja      Aa ARA X'INT TGHID      A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                              Paġni 256                                             Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95                              Prezz Ewro 14.95
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija kompluta tal-wirt 
storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li
nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal-
lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,000 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal-
kultura Maltija f’livelli varji.

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,
(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1750 – 1767) ed. Rosabelle Carabott., ippubb. bejn diversi entitajiet Maltin u Għadxin.
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).