c / ch

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*
Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*
L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S
T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*
CABREO * CACCIATORI MALTESI * CALENDIMMAGGIO * CALYPSO * CAMARATA * CANTILENA * CAPPELLA ARDENTE * CARAVANA * CAROLA * CASA DEI GIOCHI * CASAL CACCIA * CASALE * CASAL FORNARO * CASAL PAOLA * CASINO MALTESE * CASSETTA, LA * CASTRMARIS * CAVALIER * CAVALLETTO * CELANO * CHADWICK LAKES * CHALET * CHIAROSCURO * CIRCOLO LA GIOVINE MALTA * COLLACCHIO * COMPACT, IL- * CONFITEOR * CONTESTABILE (ara: KUNESTABILE) ** CORONA OTTOMANA * CORPUS CHRISTI * CORSO * CORVETTE * COTBA TAL MOGHDIJA TAZ ZMIEN * COTTONERA * COUVRE PORTE * CREW-CUT *

CABREO     Inventarju tal-proprjetà immobbiljarja tal-Ordni ta’ San Ġwann u tar-rikkezzi oħra li kien jippossjedi, kemm f’Malta kif ukoll barra. Lat. Capribrevium.

Cacciatori ta'żmien l-Ordni

CACCIATORI  MALTESI   Oriġ. dan kien riġment li nħoloq mill-Ordni ta’ San Ġwann fis-sena 1777, bl-iskop li jgħasses il-kosta tal-gżejjer Maltin. Dan ir-reġiment kellu mal-500 suldat u kien immexxi mill-Kavallier Bavarian Joseph Maria Von Rechberg. Il-ġakketta tal-uniformi ta’ dan ir-reġiment kienet tagħti fuq l-aħdar. Imbagħad fis-sena 1800, waqt l-imblokk tal-Franċiżi, l-Ingliżi reġgħu għaqqdu l-istess reġiment taħt il-kmand militari Ingliż. Dan kien l-ewwel reġiment fejn l-Ingliżi ngaġġaw is-suldati Maltin bħala unità militari. Ir-reġiment kien jikkonsisti minn tmien kumpaniji ta’ mitt ruħ il-waħda. L-Ingliżi kienu sejħu dan il-reġiment The Maltese Light Infantry. Dan ir-reġiment kien taħt il-kmand ta’ Captain Weir tar-Royal Marines. Emmanuele Vitale, wieħed mill-kapijiet tal-

cacciatori ta' żmien l-Ingliżi

Maltin fi żmien l-Imblokk, kien appuntat bħala wieħed mill-uffiċjali inkarigati minn dan ir-reġiment. Wara li l-Franċiżi tkeċċew minn Malta, dan ir-reġiment kien ippustjat fil-Forti Ricasoli, Forti San Mikiel u Forti Manoel. Fl-1801, tliet mitt suldat minn dan ir-reġiment ipparteċipa mal-Ingliżi fil-ħbit tal-gżira ta’ Elba, kontra l-Franċiżi. Sors: The Last Knight of Malta, Thomas Freller u Gabriele Von Trauchburg, p. 103; ‘The Maltese Army Corps: I Cacciatori Maltesi’, ta’ Denis Darmanin, Heritage Malta, Vol. IV, pp. 1188 – 1191.   

calendimaggioCALENDIMAGGIO  Festeġġjament tradizzjonali li ilu jsir għal mijiet ta’ snin f’pajjiżi Ewropej, norm. fl-1 ta’ Mejju. Dan kien festeġġjament li jannunzja t-tkattir tal-ħxejjex u l-frott, u ċ-ċiklu l-ġdid tan-natura mal-bidu tar-rebbiegħa. Wara ħafna żmien dawn ir-riti żviluppaw bħala divertiment tal-komunità permezz ta’ bosta attivitajiet. Il-Calendimaggio kien beda jsir f’Malta b’mod regolari fis-seklu sbatax, x’aktarx mill-Kavallieri Taljani. Dan għaliex fl-Italja din it-tradizzjoni kienet iċċelebrata sew, l-aktar fl-Abruzzo u fit-Toskana. Nafu li l-Gran Mastru Nicolas Cotoner (1663-1680) kien kull sena jħalli ssir din iċ-ċelebrazzjoni fil-pjazza ta’ quddiem il-Palazz, il-Belt. Fis-seklu tmintax din l-użanza kien jieħu ħsieb jorganizzaha l-Kaptan Militari tal-Ordni. Il-Arblu ta' Mejjuprogramm kien jibda lejlet l-1 ta’ Mejju b’kunċerti mużikali tard wara nofsinhar. Dan il-programm kien ġen. jikkonsisti f’tiżwiq ta’ ‘serenata, dialogo musicale, una cantata e un componimento drammatico’. Kienu jieħdu sehem f’dan il-programm bosta mużiċisti u kompożituri li kienu jinġiebu apposta mill-Italja. Ma’ dawn il-programmi mużikali kienu jsiru wkoll reċti teatrali. Bosta minn dawn ir-reċti kellhom bħala suġġett stejjer meħuda mill-mitoloġija Griega, kif ukoll stejjer fattwali li jfakkru l-episodji erojċi tal-Ordni. Matul dawn il-programmi fi Pjazza San Ġorġ kienu jinqraw eloġji kbar, miktuba f’forma ta’ poeżiji, ad unur tal-Gran Mastru. L-għada, l-ewwel ta’ Mejju, kienet issir il-logħba tal-Arblu ta’ Mejju, fejn bosta żgħażagħ kienu jikkompetu bejniethom billi jitilgħu mal-arblu biex jittantaw jilħqu l-ikel ta’ kull tip li kien ikun marbut ma’ rota mimduda fuq nett. Etim. Lat. calende – l-ewwel jum tax-xahar + maio – fergħa, zokk jew arblu. Minn maio ħarġet il-kelma maggi, kelma bit-Tal. li tirriferi għal rappreżentazzjonijiet teatrali relatati ma’ dan l-avveniment. Ara: ARBLU TAL-EWWEL TA’ MEJJU. Ara: Teatro e Folklore a Malta nel Secolo Decimottavo ta’ J. Eynaud, Melita Historica, Vol. n. 2, pp. 153-161; The Life and Times of Grand Master Pinto, ta’ Carmelo Testa, p. 58.  

Calypso u ulisse ta' william russellCALYPSO    Skont l-istejjer ta’ Omeru, wara l-Gwerra ta’ Troja, Ulisse u sħabu salpaw lejn belthom, Itaka. Biss waqt il-vjaġġ, Ulisse ltaqa’ ma’ ħafna avventuri diffiċli u strambi, li ġiegħluh jitlef ir-rotta kemm-il darba, u b’hekk il-vjaġġ ittawwal b’għaxar snin sħaħ. Darba minnhom, wara li Ulisse u sħabu ħelsuha minn maltempata, spiċċaw fuq il-gżira ta’ Oġiġja fejn kienet tgħix in-ninfa Calypso. Ħafna huma tal-fehma li Oġigja kienet fir-realtà l-gżira ta’ Għawdex, u l-għar fejn kienet tgħix Calypso kien dak li hemm barra x-Xagħra, li jagħti għal fuq ir-Ramla l-Ħamra. In-ninfa Calypso saħħret lil Ulisse biex jgħix magħha għal seba’ snin sħaħ. Fl-aħħar l-alla Zeus ordna lil Calypso biex teħles lil Ulisse mis-seħer tagħha u din ħallietu jitlaq biex ikompli l-vjaġġ lejn Itaka.

Aa ARA X'INT TGHID
Afgħas hawn biex tkun taf aktar

CAMARATA    Il-Camarata ġej mill-isem ta’ Fra Gio. Batta Carminata, il-fundatur tad-dar tal-irtir spiritwali li hu bena minn flusu fl-1577, għall-Kavallieri sħabu. Il-binja kienet tinsab fin-naħa ta’ isfel nett ta’ Triq il-Merkanti, (dak iż-żmien Strada San Giacomo) ftit ‘il fuq mis-Sagra Infermeria. Il-post kemm-il darba ngħalaq u ntuża għal skopijiet oħrajn. L-aħħar li din il-binja ntużat mill-Ordni kien fl-1779, biex isservi ta’ post fejn jinħasslu l-ħwejjeġ tal-morda, tas-Sagra Infermeria. Fi żmien il-Gran Mastru Vilhena, il-Camarata ġiet trasferita għal Furjana. Fis-sena 1855, il-binja nxtrat mill-Knisja biex tinkera bħala residenza għall-foqra. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Camarata nqerdet waqt attakk mill-ajru. Wara l-Gwerra hawn ittellaw flokha appartamenti residenzjali.

CANTILENA     Magħrufa wkoll bħala, ‘Il-Għanja ta’ Pietru Caxaru’. Din hi l-eqdem poeżija bil-Malti li qatt instabet. Il-Cantilena nkitbet minn Pietru Caxaru, fit-tieni nofs tas-seklu ħmistax. Il-kliem, meta pparagunat ma’ dak tal-lum, kemxejn jinftiehem għax il-Malti ta’ dak maż-żmien imbidel sew. Il-poeżija, li bħal ħafna poeżiji oħrajn, hi miktuba b’mod metaforiku, tiddeskrivi l-għelm u n-niket li għadda minnu l-awtur.  Il-poeżija tgħid hekk:

Xideu  il  cada ye  gireni tale nichadithicum
Mensab  fil  gueri  uele nisab  fo homorcom 
Calb mehandihe chakim soltan ui le mule 
Bir imgamic rimitine betiragin mucsule 
Fen hayran al garca nenzel fi tirag minzeli 
Nitla vy nargia ninzil deyem fil bachar il hali. 

Huakit hi mirammiti lili zimen nibni 
Mectatilix mihallimin me chitali tafal morchi 
fen timayt insib il gebel sib tafal morchi 
vackit hi mirammiti. 

Huakit hi mirammiti 
Nizlit hi li sisen 
Mectatilix li mihallimin ma kitatili li gebel 
fen tumayt insib il gebel sib tafal morchi 

Huakit hi mirammiti lili zimen nibni 
Huec ucakit hi mirammiti vargia ibnie 
biddilihe inte il miken illi yeutihe 
Min ibidill il miken ibidil i vintura 
hlex liradi ’al col xebir sura 
hemme ard bayda v hemme ard seude et hamyra 
Hactar min hedaun heme tred minne tamara.

Ara:  L-Għanja Ta’ Pietru Caxaru – Poeżija Bil-Malti Medjevali ta’ G. Wettinger u M. Fsadni, Malta 1983; ‘Critica Testuale della Cantilena’ ta’ G. Brincat fi  Journal of Maltese Studies n. 16, 1986 p. 13.  Sull’Autore dei vv. 11-14 della Cantilena di Pietro Caxaro ta’ Arnold Cassola, Melita Historica Vol. IX no 3, 1986, pp. 199-202; ‘Liradi’Al Col Xebir Sura’ ta’ Olvin Vella, Melita Historica,  Malta, 2003, pp. 405-408.  L-Ilsien Malti il-Bieraħ u l-Lum ta’ Mons. L. Cachia, pp. 85 – 91.

capella xxxCAPPELLA ARDENTE    Arkata maħduma fl-injam fi stil Barokk, għolja 10 metri u wiesgħa 5 m. Din l-arkata kienet tinxtegħel u tiżżejjen b’230 xemgħa. Din l-istruttura nbniet fl-1726 bi preparament għal meta jmut il-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien, Manoel de Vilhena. Dan ifisser li l-ewwel darba li din l-arkata ntużat kien fl-1736 meta miet dan il-Gran Mastru. Il-Cappella Ardente kienet inbniet minn ċertu Mikiel Camilleri, li kien il-l-aqwa mastrudaxxa tal-Ordni, fuq id-disinn tal-arkitett Taljan, Romano Carapecchia. Kien ħallas għaliha l-Kommendatur Giuseppe de Robins Barbante. Din l-istruttura kienet tintrama għal funzjonijiet funebri kull meta jmut xi Gran Mastru, kif ukoll, isqof jew papa. Intramat ukoll fil-quddiesa requiem iċċelebrata fl-1919, għal dawk li mietu fis-7 Giugno.

L-aħħar darba li ntramat kien fl-1963, biex titfakkar il-mewt tal-Papa Gwanni XIII. Minħabba li l-arkata ma baqgħetx tintuża, fl-1990 ittieħdet fil-kripta ta’ San Ġwann, imsejħa Ta’ Bartolott. Ġiet irrestawrata aktar tard għas-somma ta’ Ewro 60,000. Etim. mit-Tal. li tfisser literalment, kappella qed taqbad, minħabba li din kienet tintela bi kwantità kbira ta’ xemgħat mixgħula. Ara: The Cappella Ardente at St John’s ta’ Lorenzo Zahra, fi Treasures of Malta, Easter 1997, Vol. III no 2; ‘Funeral platform is back from the dead’, Waylon Johnston, The Times, 25th September 2012.

https://www.timesofmalta.com/articles/view/20120925/local/Funeral-platform-is-back-from-the-dead.438296   

CARAVANA   Term. li jirreferi għall-vjaġġ ta’ avventura li l-Ordni kien jagħmel minn żmien għall-ieħor bil-ħsieb li jattakka xwieni jew bliet mal-kosta, kull fejn jistgħu jaħtfu ġid merkantili, flus jew ilsira, l-aktar dawk Misilmin. Din l-attività marittima kienet iddum sejra x-xhur, u ġen. kienet issir fis-sajf, għalkemm ġieli saru xi vjaġġi fix-xhur tax-xitwa wkoll.  Il-Kavallieri novizzi (imsejħa caravanisti) kienu obbligati li jimbarkaw fuq mill-inqas erba’ vjaġġi bħal dawn, biex juru l-abbiltà u l-kuraġġ tagħhom qabel ma dawn ikunu aċċettati bħala Kavallieri tal-Ordni. F’tifsira aktar miftuħa, l-obbligu tal-partiċipazzjoni fil-caravana seta’ anke jsir mill-Kavallieri novizzi billi jieħdu sehem f’battalji kontra l-għadu f’pajjiżi oħra anke jekk fuq l-art. Bit-Taljan hemm frażi: aver fatto la sua carovana – li tfisser li wieħed għamel dak li kellu jagħmel biex juri l-ħila u kuraġġ tiegħu. Fi kliem aktar tekniku din l-avventura militari kienet isservi ta’ rite de passage. Ara: Knights, Corsairs, and Slaves in Malta – An eye witness account, ta’ Thomas Freller. Sors etim. www.etim.it.com.  

CAROLACAROLA   Il-Carola kien steamship ta’ 216-il pied (70 m), li nbena fi Newcastle fl-1892, u kien jesa’ 513-il tunnellata. Dan il-vapur tal-passiġġieri kien inxtara mill-kumpanija Adria li kellha l-uffiċċju tagħha fi Triq iz-Zekka, il-Belt. Dak iż-żmien, il-Carola kien għal Malta, l-aqwa mezz ta’ komunikazzjoni bejn Malta u l-bqija tal-Ewropa. Dan għaliex bejn l-1895 u l-1915 kien jagħmel vjaġġ kuljum għal Sirakuża u lura. Kien jitlaq minn Malta fl-4.30 ta’ filgħodu mill-Port il-Kbir u jasal f’Sirakuża fis-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar. B’dan l-orarju, l-wasla f’Sirakuża kienet taqbel preċiż biex il-passiġġieri kienu jilħqu t-tren li kienet titlaq għal destinazzjonijiet oħra fi Sqallija. Fuq dan il-vapur kienet ukoll tinġarr il-posta b’mod regolari. Il-Carola kien jakkomoda mat-300 passiġġier. B’biljett ta’ ħames xelini wieħed kien jista’ jivvjaġġa sa Sirakuża fuq il-gverta. Bi prezzijiet aktar għoljin kont tista’ tikri kabina. Kien hemm ukoll okkażjonijiet meta dan l-isteamship kien jagħmel vjaġġi speċjali għal xi festa f’Sirakuża jew Catania. Kultant kienu anki jsiru vjaġġi speċjali mill-Port il-Kbir sa San Pawl il-Baħar biex in-nies jiddevertu. Vjaġġ partikulari kien dak li sar fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-knisja parrokkjali l-ġdida tal-Mellieħa u l-Inkoronazzjoni tal-Madonna, fl-24 ta’ Settembru, 1899. Matul vjaġġi bħal dawn kien ikun hemm daqq minn xi banda mużikali magħrufa, bħal La Valette jew il-Prince of Wales. Bil-prezz ta’ ħames xelini wieħed kien jista’ jgawdi dawra ta’ jum madwar il-gżejjer Maltin, b’waqfa ta’ tliet sigħat f’Għawdex. L-isem ta’ dan il-vapur kien daħal sew fil-lingwaġġ tal-poplu. Eż. kont tismagħhom jgħidu, ‘(Dak) ġie mal-Carola’, jew ‘Dieħla l-Carola’ jew ‘Il-posta waslet mal-Carola.’ Mal-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, minħabba li l-Carola kien ta’ kumpanija Awstro-Ungeriża, il-vapur kien twaqqaf milli jopera f’Malta. Fis-sena 1916, il-bastiment kien għereq meta ħabat ma’ bastiment ieħor f’San Giovanni di Medua, port fl-Albanija. Sors ewlieni u ħajr: Michael Cassar. Ara: A Hungarian Ship in Malta – The Carola ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta – Convictions and Conjectures, pp. 184-194; Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, p. 150.

Casal Caccia houelCASAL CACCIA   Isem li jidher kemm-il darba fuq mapep antiki ta’ Għawdex, fuq l-għolja fejn illum hemm ir-raħal tax-Xagħra. L-istoriku Agius Sultana (Agius de Soldanis) fil-ktieb tiegħu Gozo Antico e Moderno – Sacro e Profano (1746), jirriferi għal dawn l-inħawi bħala ‘Ta’ Caccia’ u jgħid li hawn kien hawn kappella ddedikata lil San Anton Abbati. Isemmi wkoll l-Għajn ta’ Caccia. Fl-istess ħin A. de S. jirriferi għal dawn l-inħawi bħala ‘Xagħret l-Għażżenin’.  M.A.V. (1796) jittraskrivi l-isem ta’ dan ir-raħal bħala ‘Qaċċja: Villaggio nel Gozo detto anche Xagħret il-Għażżenin’. M.A.V. jispjega dan l-isem li ġej mit-Taljan cacio, tip ta’ ġobon u li forsi hemm kien hemm un venditore di cacio. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands c. 1300-1800 ta’ Godfrey Wettinger, insibu li dan l-isem jingħata bħala Tal Chacia jew Tal Chace. Skont l-istess dokumenti kkwotati minn Wettinger, Tal-Kaċċa kien il-laqam tal-familja De Cache jew De Cachi, li kellha l-proprjetà tagħha fuq din l-għolja. Ara: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, Book II ta’ Giuseppe Farrugia, maqlub għall-Ingliż minn Alexander Bonnici, pp. 72-74; Towns and Villages in Malta and Gozo – Part 4, GOZO ta’ Charles Fiott, pp. 113-124.   

Casa de giochiCASA DEI GIOCHI   Binja li kif jindika isimha kienet lok fejn isir il-logħob fiha. Din kienet inbniet fl-1735, qrib fejn illum hemm il-Bank Ċentrali u viċin Bieb il-Belt, mill-Fondazione Manoel, u kienet mikrija lil ċertu Grezio Falzon għal 80 skud fis-sena. Falzon kien ingħata l-liċenzja mill-Ordni li jiftaħ lok għal-logħob tal-boċċi. Dan il-logħob kien isir barra fit-triq bejn dak l-ispazju li kien magħruf bħala l-Posta ta’ Franza u l-Posta tal-Italja. La Casa Dei Giochi twaqqet fl-1964 meta kien ser jibda l-proġett ta’ Bieb il-Belt. Ara: The Houses of Valletta ta’ Victor F. Denaro, p. 120; A Chronicle of Twentieth Century Malta, pp. 299, 300.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

CASAL FORNARO   Rif. għal-lokalità ta’ Ħal Qormi. Minħabba li Ħal Qormi żviluppa qrib sew tal-Port il-Kbir, din il-lokalità serviet fil-passat biex il-qamħ li kien ikun imħott fil-Marsa li wara kellu jittella’ lejn l-Imdina u r-Rabat u l-irħula ta’ ġewwa, kien jieqaf hawn. B’riżultat ta’ hekk, Ħal Qormi sar l-aktar post ta’ riferenza għall-ħażnart tal-qamħ kif ukoll għall-produzzjoni tal-ħobż għax minn din il-belt kienu iservu numru kbir ta’ abitanti kemm tal-lokal kif ukoll oħrajn aktar ‘il bogħod. Spiċċa li hawn bdew joperaw bosta fran, aktar u aktar meta ir-raħal kiber. Biż-Żmien fil-kitba bdew jagħmlu riferenza Ħal Qormi, bħala Casal Fornaro, ir-raħal fejn hemm l-ifran. Illum f’din il-belt hemm xejn anqas minn 40 forn minn total ta’ madwar 170 li hawn f’Malta u Għawdex. Ara: QORMI u KORMI. Ara wkoll: ‘Qormi’ ta’ Godfrey Wettinger fil-ktieb Qormi Parish, ed. Joseph Grima.    

Casal Paola

CASAL PAOLA   Rif. għal-lokalità ta’ Raħal il-Ġdid, jew kif inhu magħruf ukoll, Paola. Dan ir-raħal ġie mibdi fuq ħsieb tal-Gran Mastru Antoine de Paule, fl-1626. Il-flus għal dan il-proġett kellhom jittieħdu mill-fond tal-Maġisteru msejjaħ ‘Tal-Għerien’. Dan kien fond ta’ proprjetà fewdali. Kien hawn li r-residenza nnifisha tal-Gran Mastru Antoine De Paule (1626-1636) inbniet. Ir-’Raħal Ġdid’ żviluppa lejn in-naħa ta’ isfel, fejn illum hemm il-knisja ta’ Santa Ubaldeska. Fl-1630, l-Ordni ta’ San Ġwann stess bena din il-knisja u ddedikaha lil din il-qaddisa, soru tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-pjan tal-Gran Mastru De Paule, li n-nies imorru jabitaw f’dawk l-inħawi beda jseħħ bil-mod il-mod. Kien aktar lejn il-bidu tas-seklu għoxrin li dan ir-raħal kiber kif nafuh illum meta saret pjanifikazzjoni tar-raħal, forma ta’ gradilja. Dan kien fil-bidu tas-seklu għoxrin, hekk kif beda jinbena l-Brejkwoter, bejn l-1902 u l-1909 u il-proġett ta’ Parlatorio Wharf. Ir-Raħal Ġdid, jew kif kien magħruf anki fi żmien l-Ordni, Casal Nuovo, baqa’ jagħmel parti mill-parroċċa ta’ Ħal Tarxien sal-1910. Illum, minħabba l-popolazzjoni kbira li għandha din il-lokalità, ma’ dik ta’ Kristu Re, inħolqot parroċċa oħra, dik ta’ Lourdes. Ara: Raħal Ġdid – 5000 sena ta’ storja – 100 sena parroċċa, Alfred Ellul Galea.     

CASALE   Isem li bih kienu magħrufa l-irħula Maltin, l-aktar fuq id-dokumenti uffiċjali, kemm fi żmien il-Medjuevu kif ukoll fi żmien l-Ordni.  Din ir-rif. kienet ekwivalenti għall-kelma Maltija ‘Raħal’, jew il-prefiss Ħal.  Eż., Casal Paola, Casal Fornaro (Ħal Qormi), eċċ.  Ara: ĦAL   Ara: Ħal Millieri, A Maltese Casale, ta’ Anthony Luttrell.

OLYMPUS DIGITAL CAMERACASINO MALTESE   Dan il-klabb jew assoċjazzjoni ta’ individwi, l-aktar dawk tal-professjoni ġuridika, kien beda fis-sena 1852, pjuttost bħala l-verżjoni Maltija għall-Union Club li l-Ingliżi kienu waqqfu għall-uffiċjali tagħhom fil-Berġa ta’ Provenza, aktar qabel fl-istess seklu. (Ara: UNION CLUB.) L-indirizz fejn bdiet tiltaqa’ din l-assoċjazzjoni l-ewwel darba kien 247, Triq ir-Repubblika (dak iż-żmien magħrufa bħala Kingsway, jew Strada Rjali). Il-post preżenti fejn jinsab il-Casino Maltese, hu dak li fi żmien l-Ordni kien magħruf bħala Casa Del Commun Tesoro, jiġifieri l-uffiċini fejn kienu jinżammu l-kuntratti u d-dokumenti tal-Ordni. Il-bini kien ġie stabbilit mis-soċji tal-Casino Maltese bħala l-klabb tagħhom fl-1914, u kien immodifikat fl-istruttura tiegħu li għandu llum. Interessanti hu l-fatt li l-motto għal din l-għaqda hu Omnibus idem, li tfisser ‘Lil kulħadd l-istess’. Dan hu l-istess kliem li jinsab f’iskrizzjoni mal-funtana ta’ Wignacourt li hemm mas-sur tal-Kavallier ta’ San Ġwann. Minkejja l-biża’ mill-attakki tal-għadu fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Casino Maltese baqa’ miftuħ, biss, fil-15 ta’ Frar 1942, il-bini ntlaqat minn bomba tal-għadu, u kienu mietu xi nies. Illum il-Casino Maltese għandu daqs 800 membru. Ara: www.thecasinomaltese.com.

CASSETTA, LA   Fis-sena 1625 kien infetaħ sptar fil-Belt f’dar privata, qrib is-Sacra Infermerija, għan-nisa morda, b’inizjattiva ta’ ċerta Catarina Scarpi. Dan l-isptar inbidel f’istituzzjoni pubblika fis-sena 1659, mill-Gran Mastru De Redin. Hawn bdew ikunu kkurati biż-żmien, mhux biss nisa morda, iżda anki xjuħ u oħrajn li kellhom xi mankament. Fl-1798 l-infiq annwali għal dan l-isptar kien ta’ madwar 15,000 skud. Sors: Knight Hospitallier Medicine in Malta, 1530-1798, C. Savona Ventura, pp. 90-94

OLYMPUS DIGITAL CAMERACASTRUM  MARIS    Rif. bil-Lat. għall-forti Sant’Anġlu, wieħed mill-eqdem fortizzi ta’ difiża fil-gżejjer Maltin. Fi żmien il-Medjuevu Tardiv, hawn kien immexxi mill-hekk imsejjaħ Kastellan. Meta fl-1282 il-ħakkiema Anġevini tilfu r-renju tagħhom fi Sqallija lill-Aragoniżi, wara l-irvellijiet imdemmija tal-Vespri Sqallin, il-ġwarniġon tal- Anġevini baqa’ jaħkem lil Malta f’dan il-kastell sakemm fl-aħħar ċeda lill-Aragoniżi. Ara: VESPRI SQALLIN. Fl-1425, Costanza, il-mara tal-ħakkiem Gonsalvo Monroy, stkennet f’dan il-kastell wara li l-Maltin qamu kontra l-ħakma ta’ żewġha.  Kien f’din il-fortizza, li l-Ordni waqqaf l-ewwel Palazz u bażi tiegħu fl-1530. Kien hawn ukoll li fl-1912, l-Ingliżi iddeċidew li jistabbilixxu l-Kwartier Ġenerali tan-Navy Ingliża fil-Mediterran. Dawn intant bdew isejħu lil din il-fortizza, H.M.S. Egmont u aktar tard H.M.S.S. (His / Her Majesty’s Stationary Ship) St Angelo, bħalikieku il-forti kien issa kkunsidrat bastiment tan-Navy Ingliża. Sant’Anglu baqa’ jservi bħala l-istazzjon  prinċipali fil-Mediterran, sakemm l-Ingliżi żarmaw minn Malta fl-1979.

CAUSA MORTIS     Ara: DENUNZJA.

Cavalier ta' San Gakbu Birgu

CAVALIER    Term. militari li jirriferi għat-torri, mibni aktar għoli mill-qbija biex jipproteġi s-swar tal-madwar. Il-Belt insibu l-Cavalier ta’ San Ġakbu, hekk kif tidħol fuq il-lemin u dak ta’ San Ġwann fuq ix-xellug. Dan tal-aħħar illum iservi ta’ ambaxxata tal-Ordni. Il-Cavalier ta’ San Ġakbu jservi bħala Ċentru ta’ Kreattività Artistika u Kulturali. Żewġ strutti simili, bl-istess isem jinsabu fil-Birgu.  Il-Cavaller ta’ San Ġwann fil-Birgu hu fejn hemm l-Iskawts. Dak ta’ San Ġakbu fl-istess triq ma jintuża għal xejn.

cavallettoCAVALLETTO  Dan kien strument tat-tortura magħmul minn twavel imwaħħlin flimkien b’mod li jiffurmaw speċi ta’ sella taż-żiemel triangolari iserraħ fuq strippi tal-injam. L-iskop ta’ dan l-oġġett tat-tortura kien li l-persuna li tkun interrogata tkun imġiegħla toqgħod bilqiegħda fuq ix-xifer ippuntat ta’ dan it-triangolu, għal bosta sigħat biex tħossa skomda u muġugħa waqt l-interrogazzjoni. Ma’ dawn is-sofferenzi ġieli kien jiżdied ukoll is-swat bil-ħabel. Dan it-tip ta’ moħqrija kien isir fil-qorti tal-Ordni ta’ San Ġwann fil-Kastellanija, il-binja fi Triq il-Merkanti, il-Belt, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa. Fost dawk li kienu ta’ spiss jordnaw l-użu tal-cavalletto kien hemm imħallef partikulari, Giulio Cumbo, li ppresieda għal 70 sena sħaħ fil-Kastellanija fis-seklu tmintax. Fil-fatt fi żmienu dan l-istrument kien imlaqqam ‘il Cavallo di Cumbo’. Ara: The Sad End of Maestro Gianni ta’ Christian Attard, Treasures of Malta, n. 56, Easter 2013, p. 48.

celano-italy-10CELANO   Belt li tinsab fir-reġjun ta’ Aquila, daqs 110 kilometri fil-Lvant ta’ Ruma. Celano għandha storja antika u interessanti anki b’konnessjoni ma’ Malta. In-Normanni kienu rebħu lil Celano fis-sena 1140 u dawn għaqqduha mad-dominju tagħhom ta’ Sqallija. Fis-sena 1223, l-Imperatur Żvev, Federiku t-Tieni ta’ Sqallija, li kien jirrenja kemm lil Malta kif ukoll lil Celano, kien ħassu mhedded mill-qawwa militari dejjem tikber ta’ din il-belt Taljana. Celano.8Għaldaqstant hu bagħat it-truppi tiegħu biex jattakkaw din il-belt. Dan l-attakk irnexxa wara assedju twil li finalment wassal għall-qerda totali ta’ Celano. Aktar minn hekk, dan l-Imperatur iddeċieda li jiddiporta l-irġiel kollha ta’ Celano lejn Sqallija u lejn Malta. Ftit li xejn nafu dwar l-istorja ta’ din il-komunità Taljana f’Malta u kif integrat lokalment. Bl-intervent tal-Papa Onorju III, (miet 1227), dawn in-nies ġew imreġġgħin lura mill-eżilju tagħhom u l-belt reġgħet inbniet mill-ġdid, ftit ’il bogħod minn fejn kienet qabel. Ara: LUCERA.  Ara wkoll: www.celanoterremarsicane.it.

chadwick Lakes Wied Qlejgha 36CHADWICK LAKES    Dawn huma serje ta’ għadajjar artifiċjali li jilqgħu fihom l-ilma tax-xita, li jinżel f’Wied il-Qlejgħa. Dan il-wied jibda minn taħt ir-Rabat u l-Imtarfa u jagħti lejn Wied il-Għasel, qrib il-Mosta.  Dan l-ilqugħ għall-ilma sar b’ħitan mibnija apposta, kif ippropona Osbert Chadwick, inġinier Ingliż, li kien ġie Malta fl-1884, biex jagħmel studju dwar ir-riżorsi tal-ilma. L-ilma f’Wied il-Qlejgħa jintuża mill-bdiewa għall-uċuh tal-għelieqi. Fl-għadajjar tal-ilma ħelu jinsabu ħafna ħxejjex, insetti u annimali żgħar, bħalma huma żrinġijiet u mazzarelli.

Chaletss (1)CHALET IX-    Dan hu l-isem ta’ stabbiliment ta’ divertiment, ikel u xorb  li kien inbena fil-promenade ta’ Triq it-Torri f’Tas-Sliema. Dan l-isem biż-żmien sar sinonimu ma’ Għar id-Dud u Fond Għadir. Din il-binja li infetaħ fl-1926 kien iddisinjata fi stil ta’ Art Nouveau. Kienet mibnija fuq żewġ livelli,  u kellha bar fil-livell tat-triq u ieħor fil-livell li kważi jmiss mal-baħar. F’Marzu ta’ 1942, l-istruttura kienet ġarrbet xi ħsarat b’attakki mill-ajru, biss wara l-gwerra kienet irrestawrata. Fl-1944, ix-Chalet reġa’ nfetaħ minn proprjetarju ġdid. Matul is-snin, il-binja baqgħet issofri degradazzjoni kontinwa mill-mewġ tal-baħar, sakemm fl-1959, il-post kellu jingħalaq minħabba li l-istruttura kienet saret perikoluża. Il-post qatt ma reġa’ ġie rranġat għalli kien, għaliex iċ-ċens ta’ min kien jopera l-post kien għalaq. Il-bini twaqqa’ mill-awtoritajiet fid-29 ta’ April 2006, biex jagħti dehra isbaħ lil promenade tal-madwar. Xorta waħda n-nies għadhom jirreferu għal din il-promenade bħala x-Xalet. Ara: http://www.youtube.com/watch?v=hwbjFH8AbUI&feature=uploadema, imtella’ minn Edgar Vella.  

ChiaroScuroLe Valentin de Boulogne

CHIAROSCURO   Dan hu l-istil ta’ tpinġija li Michelangelo Merisi da Caravaggio introduċa fl-arti tal-pittura lejn l-aħħar tas-seklu sittax u l-bidu tas-seklu sbatax. Caravaggio kien l-esponent ewlieni ta’ dan l-istil billi kien jesperimenta ħafna bid-dawl u d-dell tal-ambjent tas-suġġetti fuq it-tila. B’hekk il-perspettiva tax-xena timtela b’mod qawwi u realistiku għall-aħħar.  Dan l-istil ta’ arti jissejjaħ chiaroscuro, għalkemm ġieli jissejjaħ ukoll luce del cantina. Dan għaliex fil-pittura d-dawl jidher ipproġettat minn sors uniku, bħal raġġi tax-xemx deħlin minn tieqa ‘l ġewwa, jew dak id-dawl li jinfirex minn fjamma waħdanija fuq l-uċuħ u l-madwar. Eżempju tajjeb ta’ dan l-istil hu l-‘Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann’ li hemm fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt. Bosta artisti oħrajn famuża ħadu ħafna minn din it-teknika. Fosthom insibu lil Rembrandt, il-pittur famuż Olandiż. Xogħlijiet fil-chiaroscuro f’Malta hawn kemm trid, għaliex ħafna artisti kemm barranin u lokali kienu ispirati minn Caravaggio. Fost tpinġijiet importanti nsibu il-pitturi ta’ Matthias Stomer, Le Valentin u Josef Ribera li kollha jinsabu fil-MUŻA (il-mużew tal-arti il-Belt). Tant pitturi oħrajn ta’ dan l-istil jinsabu f’numru kbir ta’ knejjes fil-gżejjer Maltin.    

giovine malta

CIRCOLO LA GIOVINE MALTA   Din kienet assoċjazzjoni ffurmata fl-1901, li kienu jidħlu membri fiha ġuvintur minn familji tas-soċjetà medja u għolja ta’ Malta, l-aktar studenti u avukati. L-iskop ta’ din l-għaqda kien li f’Malta jkun hawn ċentru fejn iż-żgħażagħ setgħu jissoċjalizzaw bejniethom u fl-istess ħin jitgħallmu jgħożżu u japprezzaw il-kultura ta’ Malta fi sfond Kattoliku. Din kienet xi ħaġa ġdida għal dak iż-żmien u żgur kienet imnebbħa mill-għaqda li kien ifforma Mazzini fl-1831, jiġifieri ċ-Circolo Giovine Italia, li kellu l-iskop li jgħaqqad kulturalment l-Italja bħala nazzjon. Iċ-Circolo La Giovine Malta kellu simpatija kbira lejn il-kultura Taljana, tant illi l-iskop aħħari ta’ din l-għaqda kien li titqajjem kuxjenza u rieda fost iż-żgħażagħ dwar il-kultura Taljana li kienet meqjusa bħala l-omm tal-kultura Maltija. L-ewwel President taċ-Circolo Giovine Malta kien l-Avukat Arturo Mercieca, li wara kien laħaq Prim Imħallef ta’ Malta. Il-President Onorarju kien Fortunato Mizzi, politiku prominenti b’simpatiji kbar lejn il-kultura Taljana. Din l-għaqda bdiet tiltaqa’ f’binja fi Strada Brittania, fejn damet sal-1906. Imbagħad iċ-Circolo kien ittrasferixxa ruħu lejn Strada Santa Lucia, biswit il-Qorti. Iċ-Circolo laħaq kellu mal-400 membru. Fost il-programmi li din l-għaqda kienet torganizza għall-membri tagħha kien ikun hemm taħditiet u diskussjonijiet minn professuri Maltin u barranin, dwar diversi aspetti tal-kultura Maltija u kif din kienet influwenzata mill-kultura Taljana. L-għaqda kienet minn żmien għal żmien anki torganizza serati ta’ divertiment. Kienet din l-Għaqda li bdiet tikkommemora r-rebħa tal-Assedju l-Kbir, u l-jum beda jkun imfakkar bħala l-Otto Settembre. Fis-sena 1917, il-klabb iċċaqlaq ftit aktar ’il fuq fi Strada Santa Lucia, f’binja kantuniera ma’ Strada Rjali. Kien hawn li fis-sena 1919, l-Assemblea Nazzjonali bdiet tiltaqa’ biex tiddiskuti u tfassal l-istrateġija għal gvern awtonomu Malti. Fis-7 ta’ Ġunju tal-istess sena waqt laqgħa li l-Assemblea kienet qed tagħmel qam irvell kbir fit-toroq tal-Belt u wieħed mill-feruti ddaħħal fis-sala ta’ fejn kienet qed issir il-laqgħa, kollu dmija. Sforz kemm din l-assoċjazzjoni kellha simpatiji lejn il-Gvern Nazzjonalista u l-kultura Taljana, fis-sena 1926, iċ-Circolo biddel l-istatut, fejn għadda klawsola li l-ebda Stricklandjan ma seta’ jidħol membru tagħha. Hekk kif bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija, u Malta kienet attakkata mill-ajruplani Taljani, iċ-Circolo Giovine Malta għalaq il-bibien tiegħu u dawn ma reġgħu nfetħu qatt aktar. Ara: The Genesis of the Circolo la Giovine Malta ta’ Michael Galea, Melita Historica, Vol. XIV n. 2 (2005), pp. 187-193; Ara: SETTE GIUGNO.   

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERACOLLACCHIO, IL-      Hekk kienet imsejħa dik il-parti tal-belt f’Rodi, fejn il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kienu jgħixu, maqtugħin għalihom mill-bqija tal-popolazzjoni. Hekk kif l-Ordni wasal Malta fl-1530, dan ipprova jorganizza kwartier ta’ abitazzjoni simili fil-Birgu, billi l-bereġ inbnew kollha fl-istess żona. Dawn il-bereġ jinsabu mxerrda fi Triq Hilda Tabone, u fi Triq il-Majjistral. Dik tal-Ġermaniżi nbniet fil-pjazza mhux wisq ‘il bogħod mill-oħrajn. Ħdejha għad hemm ġebla taż-żonqor li kienet tindika fejn jibda l-Collacchio. Il-berġa tal-Italja biss ma tinsabx hawn għax inbniet fix-xatt tal-Birgu, biex il-kavallieri Taljani jkunu qrib l-arsenal u x-xwieni li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Tal. collachare:  M. talloka jew tibni.   

Compact 1 Strickland

COMPACT, IL-  Fl-1925, il-Labour Party u l-Constitutional Party kienu għamlu ftehim bejniethom biex jikkontestaw bi sħab l-elezzjoni li kienet se ssir is-sena ta’ wara. Iż-żewġ partiti fasslu programm elettorali b’ideal wieħed. Dan il-ftehim ta’ għaqda bejn iż-żewġ partiti, jew kif kien magħruf, il-Compact, kien iffirmat fil-25 ta’ Jannar tal-1926. Minkejja, jew aħjar, minħabba dan il-ftehim, il-Labour Party beda jibża’ li l-Constitutional Party kien se jieħu ħafna voti minn għandu, u beża’ li jinbela’ mill-Istriklandjani. Għaldaqstant il-Labour Party beda joħroġ ġurnal ġdid bil-Malti, Il-Kotra, flok il-Labour Opinion, li kien bl-Ingliż. L-għaqda bejn iż-żewġ partiti rnexxielha tinfluwenza sew ix-xena politika, u tant beżżgħet ’l-avversarji illi l-Panzavecchiani u l-Mizzjani tħajru, u ngħaqdu f’partit wieħed, il-Partit Nazzjonalista. Sir Ugo Mifsud u Nerik Mizzi, flimkien mexxew dan il-partit biex ikkontestaw l-elezzjoni tal-1927. Il-Compact kien irnexxa għax bejniethom il-Labour u l-Constitutional Party ġabu 4,767 vot aktar min-Nazzjonalisti. Biss, fl-Assemblea, l-Constitutionals kienu rebħu 15-il siġġu, waqt li l-Labour kien rebaħ tlieta biss. Fis-Senat, il-Constitutionals kienu rebħu tliet siġġijiet, waqt li l-Labour ma tella’ xejn. In-Nazzjonalisti kellhom 4 siġġijiet fis-Senat. Gerald Strickland kien sar il-Prim Ministru l-ġdid għax kien ġab l-aktar voti fil-partit tiegħu. Ara: Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, p. 369.       

CONFITEOR     Talba li tingħad fil-bidu tal-quddiesa u li bil-Malti nafuha bħala ‘Nistqarr ’l Alla’. Il-kelma confiteor bil-Lat. tfisser: ‘Jiena nistqarr’ għax it-talba hi att ta’ ndiema. It-terminu Confiteor hu ddokumentat għall-ewwel darba fis-seklu tnax bħala Confiteor Deo omnipotenti.

CONTESTABILE     Ara: KUNESTABLI.

Corona Ottoman_galleon.jpg

CORONA OTTOMANA   Bastiment Tork magħruf ukoll bħala l-Corona del Gran Signore. Dan il-bastiment kbir kellu ċorma li kienet tlaħħaq madwar is-760 baħħar. Fid-19 ta’ Settembru tal-1760, waqt li dan il-bastiment kien qrib xi gżejjer Griegi, inħataf mill-ilsiera li kienu jaqdfu fuqu. Fost dawn l-ilsiera kien hemm xi Maltin. Ir-ribelli salpaw il-bastiment lejn Malta. Il-Gran Mastru Pinto feraħ b’din il-priża u dlonk nefaq mat-30,000 skud biex isiru xi tiswijiet meħtieġa fuqu. Il-bastiment anki ngħata isem ġdid: Santissimo Salvatore. Is-Sultan Mustafa III, inkorla sew għal dan l-aġir min-naħa tal-Ordni, u hedded li bi tpattija kien se jattakka ’l Malta. Ir-Re ta’ Franza, Lwiġi XV, protettur tal-Ordni, li kien ukoll ukoll ħabib sew tas-Sultan Ottoman, kien ħadha kontra l-Ordni. Biex jikkalma s-sitwazzjoni u jpaxxi ż-żewġ naħat ir-Re spiċċa biex xtara l-Corona Ottomona bi 834,800 livre mingħand l-Ordni, u dlonk irritornah lura lis-Sultan Tork. Ara: The Corona Ottomana / San Salvatore Incident ta’ Anthony Quintano, Sacra Militia, Issue 5, 2006; Mutiny on the Corona Ottomana ta’ Carmel Galea Scannura, Heritage, Vol. I, pp. 241-245. 

cORPUSSpaulinedingliCORPUS CHRISTI   Dan l-isem iffisser: Il-Ġisem ta’ Kristu. Din hi waħda mill-eqdem festi ċċelebrati f’Malta, għaliex insibuha ddokumentata anke f’nofs is-seklu erbatax. Fl-antik din kienet festa li kull belt u raħal kien jiċċelebra b’solennità kbira billi ssir purċissjoni bl-Ewkaristija. Fi żmien l-Ordni, anki l-Gran Mastru u l-Kavallieri kienu jieħdu sehem fil-purċissjoni. Waqt l-Assedju l-Kbir, fit-21 ta’ Ġunju, l-Kavallieri ħadu sehem f’din il-purċissjoni, jumejn qabel ma waqa’ Sant’Iermu.  Fil-festa ta’ Corpus, iċ-ċelebrant, jimxi fit-toroq bl-ostensorju, akkumpanjat mill-fratellanza, abbatini u nies devoti. Dari, ir-residenti tal-parroċċa kienu jifirxu t-twapet ħomor tad-djar tagħhom fit-triq, u jitfgħu l-fjuri mal-art, bħala sinjal ta’ rispett lejn l-ostja li ċ-ċelebrant ikun qiegħed iġorr. Din iċ-ċelebrazzjoni, għalkemm għadha ssir fl-ibliet u l-irħula Maltin, naqset ħafna mill-kobor u mid-devozzjoni tan-nies. Biss, fil-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, Corpus Christi hi festa ċċelebrata b’importanza daqs festi oħra tradizzjonali. L-antropologu Jeremy Boissevain kien ippubblika artiklu fl-1991, fejn ipparaguna r-reverenza lejn il-purċissjoni ta’ din il-festa kif kien jinnotaha hu fin-Naxxar fis-snin sittin, mal-purċissjoni li assista għaliha fl-istess lokal xi ftit qabel l-1991. Fir-rapport tiegħu jirrimarka kemm il-parteċipazzjoni kif ukoll id-devozzjoni min-nies waqt il-purċissjoni kienu naqsu bil-kbir. Ara: ‘Ritual Play and Identity: Changing Patterns of Celebration in Maltese Villages’, ta’ Jeremy Boissevain.  Journal of Mediterranean Studies, Vol 1, no 1, 1991. pp. 87-100.   

CORSO     Kelma Taljana li tfisser ‘piraterija’. Ara: SIBI u CARAVANA.  Ara: Knights, Corsairs, and Slaves in Malta, An eyewitness account, ta’ Thomas Freller.

CORVETTE    1. Dan it-tip ta’ bastiment kien qisu taħlita bejn brigantin u fregata. L-Ordni kien beda jibni dawn il-bastimenti ħfif, fl-1733, l-aktar bl-iskop li dawn iwasslu l-messaġġi minn pajjiż għall-ieħor u jgħarrxu għax-xwieni tal-għadu. Biex il-corvette jkunu aktar veloċi kienu jintużaw l-imqadef fl-istess ħin li l-qlugħ jkun mtella’.  2. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, bastimenti tal-gwerra msejħa corvettes intużaw fil-Mediterran minn Navy Ingliża bl-iskop ewlieni li jnaddfu l-baħar mill-bombi (Ing. mines).

             corvette                            corvette italian spica malta

OLYMPUS DIGITAL CAMERACOTBA TAL MOGĦDIJA TAZ ZMIEN   Dawn kienu serje ta’ kotba żgħar, kull wieħed minnhom b’madwar mija u ħamsin paġna. Is-suġġetti tal-kotba, li kienu jvarjaw ħafna għax kienu jinkludu kemm stejjer ħfief, informazzjoni utli, kif ukoll tagħlim ġenerali dwar kull aspett tal-ħajja. Din is-serje kienet ippubblikata bejn l-1899 u l-1915 minn Alfons Maria Galea, pubblikatur u membru tax-Xirka Xemija, għaqda li nħolqot biex ixxerred it-tagħlim tal-ilsien Malti bil-qari popolari. Kienu ppubblikati mal-150 edizzjoni f’din is-serje. Minn dawn kien hemm ħarġiet speċjali ta’ 7 novelli, 12-il dramm, 4 xogħlijiet tal-poeżiji, u 18-il storja tal-qaddisin. L-iskop ta’ Alfons Maria Galea, jew is-Sur Fonz, kif kienu jsejħulu, kien li jħajjar lill-Maltin jedukaw ruħhom. Bħala filantropu ried ukoll jagħti aktar opportunità ta’ xogħol lit-tfal tal-Istitut tas-Sależjani f’Tas-Sliema, fejn kien jopera l-istamperija. Minn kull pubblikazzjoni kienu jinbiegħu bejn elfejn u tlett elef kopja għall-prezz ta’ żewġ soldi l-kopja. Tant kienu popolari dawn il-kotba li fi żmien 10 snin bosta minnhom kienu reġgħu ġew ippubblikati. Dan apparti edizzjonijiet oħrajn li saru bl-ortografija l-ġdida fl-1932. Ara: Cotba Tal Mogħdija Taz Zmien ta’ Alfred Aquilina, Heritage, Vol. V, pp. 1353-1356; Alfons Maria Galea, Anthony Aquilina, Heritage, Vol. II, pp. 571-574.        

cottoneralines xCOTTONERA, IL-  Dan t-terminu jirriferi għaż-żona tal-Port Il-Kbir u ’l hekk imsejħa Tlett Ibliet, jiġ., il-Birgu, Bormla u l-Isla, li huma mdawrin bis-swar. Dawn is-swar huma magħrufa hekk ad unur tal-Gran Mastru Raffael Cottoner li fis-sena 1661, ta bidu biex jinbnew is-swar ta’ barra, jiġifieri dawk aktar ’il fuq mis-swar ta’ Santa Margarita. Is-swar tal-Cottonera ġew iddisinjati mill-inġinier Valperga u huma twal mal-ħames kilometri. Jimxu paralleli magħhom, biss aktar ’l isfel u ’l ġewwa minnhom, hemm is-swar magħrufa bħala ta’ Firenzuola (imsejħa wkoll bħala ta’ Santa Margarita). Dawn huma twal maż-żewġ kilometri. Dawn bdew jinbnew fil-1639 u tlestew eżattament mitt sena wara, fl-1739. L-għan li jinbnew is-swar ta’ barra kien biex jipproteġu mhux biss it-Tlett Ibliet imma anki r-raba’ tal-madwar biex f’każ ta’ assedju li jieħu fit-tul ikun hemm fejn jitkabbru l-uċuħ tar-raba’ u l-annimali jkollhom fejn jirgħu. Fl-istess ħin dawn is-swar kienu jilħqu l-aktar partijiet għoljin tal-madwar u b’hekk kien aktar diffiċli li l-għadu jiddomina dik il-pożizzjoni vantaġġuża fuq it-Tlett Ibliet. Ara: Fortresses of the Knights ta’Stephen Spiteri, pp. 290-300. Cottonera Fortifications ta’ Lorenzo Zahra f’Heritage Vol III pp. 906-913.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERACOUVRE PORTE  Term. militari bil-Franċiż, li jirriferi għal dik il-parti tas-swar li tostor id-daħla prinċipali tal-fortizza. Biss fil-każ tal-Birgu dan hu t-tieni bieb, bejn tnejn oħra, li jiddefendu l-Birgu. Kull wieħed minn dawn il-bibien qiegħed iħares lejn direzzjoni differenti biex ikunu aktar protetti mill-balal, f’każ ta’ ħbit mill-għadu. L-eqdem bieb fosthom, hu dak tan-naħa ta’ barra nett, l-eqreb lejn Bormla. Dan inbena fl-1722.

 

crew cutCREW-CUT   Stil ta’ xagħar li kien popolari mis-snin għoxrin u tletin ’il quddiem mal-istudenti tal-universitajiet fl-Amerika u fl-Ingilterra. Ix-xagħar kien jitħalla jikber mhux aktar minn pulzier fuq quddiem u kien ikun iqsar aktar fuq in-naħa ta’ wara tal-qurriegħa tar-ras. Biż-żmien dan l-istil ta’ xagħar kien addottat l-aktar mis-servizzi militari. F’Malta dan l-istil beda jkun ferm popolari fis-sittinijiet.  Ix-xagħar qasir ħafna kien bħal spiċċa addottat l-aktar mis-soċji tad-Duttrina li kienu jaraw ix-xagħar twil li daħal moda aktar tard bħala xi ħaġa moderna u mhux tal-galbu.

 

*           *           *

ikompli …  jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti …iktibli…. mohba2016@gmail.com

A bejn kliem u storja       Aa ARA X'INT TGHID       A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                                  Paġni 256                                                    Paġni 256
Prezz: Euro 14.95                                   Prezz Euro 14.95                                      Prezz Euro 14.95
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija tal-wirtstoriku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li 
nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal-
lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,000 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal-
 kultura Maltija f’livelli varji.

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

L-Aktar sorsi mfittxija mill-awtur huma dawn:

E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). 
F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. 
(1831). 
F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).   
G.B.F.  Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845). 
J.A.    Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990) 
M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). 
(D)  DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, 
ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). 
V.B.  Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

https://kliemustorja.com/2021/11/20/ajjut-help/