n

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
NAAFI * NADRA * NADUR * NAFRA * NAGĦMA * NAĦQA TA' ĦMAR * NAJXU / NAXXU * NAKKRA/U * NAMAR * NANKIN (ara: LANKЀ) * NAPPA * NAQAL * NAQUS * NAQX IS-SEMA * NAR TA’ SANT’IERMU * NARRA / NIRRA * NAGĦAĠ * NASKA * NASKATA / NISKATA * NASPLA * NASPRU * NATO * NAVATA * NAVETTA * NAWĊIER * NAWNU * NAXXAR * NAŻIKA * NAZZARENI, IN- * NBID, L-ISTORJA TAL-* NBID ĦIELES * NDEWWA * NEANDERTAL * NEBULA * NEDDEJ * NEMES * NEMNEBUS * NEO-KLASSIKA, ARKITETTURA * NEOLITIKU * NEPPUTA * NEVRASTENIJA * NEWB / NEWBA * NEWL * NEWWEB (ara: NEWB) * NEWWIEĦA * NFAS * NFIES * NGIERED * NIBBIA, IL-KAPPELLA * NIEQA * NIFEL * NIGES * NIGGEŻ * NIGGIEŻA * NIGRUFUM / NUGRUFUN * NIKS MANĠAR * NINI NINI * NINU * NIR * NISKATA (ara: NASKATA) * NISRANI * NISSEN HUT * NIXA * NKLELE (ara: JEKLILE) * NOBIS * NOFSIJA * NOGĦRA * NOLI * NON GODE L’IMMUNITÀ ECCLESIASTICA * NOQBA * NOVELL / NUVELL * NOVENA * NOVISSMA * NUĊIMUSKATA * NUĊIPRISKA (ara: ĊIPRESKA) * NUFFARA * NUGRONZOZZU * NUGRUFUN (ara: NIGRUFUM) * NUĦĦALA * NUNA * NUZZLA * NWAR * NWIEB (ara: NEWB) * NXURI *
Aa ARA X'INT TGHID
Afgħas hawn

NAAFI.....

NAAFI   Abbr. għal Navy, Army and Airforce Institutes. Din l-organizzazzjoni nħolqot mis-Servizzi Ingliżi fl-1918, waqt li kienet għaddejja l-Ewwel Gwerra Dinjija, biex jipprovdu kull tip ta’ oġġetti meħtieġa li s-suldati tas-Servizzi Militari Ingliżi stazzjonati fil-kampijiet u bażijiet tal-ġwerra riedu jixtru. Oriġ., l-intenzjoni kienet li l-qligħ minn dan il-bejgħ imur għall-fondi biex jgħinu lill-familji ta’ dawk is-suldati li jkunu mietu fil-gwerra. Biss, wara li spiċċat din il-gwerra, l-istabbilimenti tan-NAAFI baqgħu joperaw. Il-ftuħ f’Malta tal-ewwel ħanut tan-NAAFI kien ġab ħafna tgergir u protesti min-naħa tan-negozjanti Maltin. Dan għaliex il-bejgħ min-NAAFI kien beda jtellef in-negozju tagħhom. Mhux biss ħafna Ingliżi stazzjonati hawn issa kienu bdew jixtru min-NAAFI, iżda, bħalhom, bosta Maltin ingaġġati mas-Servizzi kienu bdew jippreferu jixtru minn dawn l-istabbilimenti, għaliex l-oġġetti kienu irħas għax bla dazju. Mhux talli hekk, talli x-xerrejja Maltin kienu jpartu jew jbigħu l-oġġetti li xtraw, lill ħaddieħor bi qligħ. Kien hawn bosta ħwienet tan-NAAFI, fosthom, fil-Forti Sant’Anġlu, ieħor fl-inħawi ta’ San Ġiljan u ieħor fil-Kavallier ta’ San Ġwann, il-Belt. Flok dan tal-aħħar, kien infetaħ stabbiliment ġdid, ix-Xatt tal-Marsa. Fuq ċerti bastimenti kbar Ingliżi wkoll ġieli kien hemm in-NAAFI shops biex ibigħu lill-baħrin ta’ abbord. Ara: A Chronicle of Twentieth Century Malta, pp. 98, 206; ‘An Outline History of Maltese Trade’, The Malta Chamber of Commerce, 1848-1979, pp. 85-87 (1998). Ħajr: Michael Cassar.   

NADRA     1. Nom mill-verb, nadar. Għassa. Indukratura, e.ż., ta’ xi merħla jew ta’ xi mkien. 2. It-tul ta’ ħin li wieħed jgħasses (v. jondor).  Sors: E.S.I.

Nadur-Sur ta' Borg in-naddurNADUR   1. Għolja minn fejn wieħed jista’ josserva u jgħasses l-inħawi tal-madwar. 2. Isem ta’ diversi postijiet f’Malta u Għawdex li jinsabu f’post għoli. Eż. in-Nadur, Għawdex, u Borg in-Nadur li jinsab fil-limiti ta’ Birżebbuġa. F’dan tal-aħħar instabu rovini ta’ tempju megalitku u ħajt li jixbah lil tas-sejjieħ, biss ħafna ikbar, li jmur lura sa madwar 1,400 sena Q.K. Fil-ktieb Place Names of the Maltese Islands jissemmew mill-inqas għaxar postijiet li fihom jidher l-appellattiv ‘nadur’.

NAFRA    1. Fi żmien il-Medjuevu in-nafra kienet is-sinjal ta’ twissija mogħti mill-għassiesa biex in-nies iħaffu jsibu refuġju meta jseħħ xi żbark mill-kursara. Dan kien isir billi billejl kienet tinxtegħel ħuġġieġa fuq it-torri, u jekk matul il-jum, jindaqqu l-qniepen biex iservu ta’ sinjal ħalli n-nies ‘jitnaffru’. 2. Ħarba ta’ malajr minn ħafna nies minn xi għelm. 3. Daqq ta’ qniepen li jindaqqu biex jallarmaw, jew inkella, bħala briju f’xi festa. Qbl. NUFFARA.

NAGĦAĠ     Tip ta’ mewġ li jidher f’wiċċ il-baħar hekk kif ir-riħ jitqawwa għal forza 3 – 4. Il-bjuda tal-wiċċ ta’ dan il-mewġ ta’ spiss hu mxebbah man-nagħaġ, bħallikieku dawn qed jgħumu f’wiċċ l-ilma. Minn dan l-isem toħroġ l-espressjoni, ‘il-baħar qiegħed iniegħeġ’. Flok nagħaġ hawn min isejjaħ dan it-tip ta’ mewġ, ħrief, jew ħrief tar-riħ. Hawn minn juża minflok l-espressjoni, ‘baħar ibajjad’ jew ‘baħar iqaxxar’. Sors: diversi persuni li taw din l-informazzjoni fuq il-paġna ta’ facebook ‘Kelmet il-Malti’.

nagħag inigegheg

NAGĦAL  Wild bagħal minn żiemel. (D.) Mulo nato da un cavallo ed asina. Sorsi: E.S.I. u Damma. 

naghma h-27NAGĦMA    (pl. ngħam). Is. xj. Struthio camelus. L-akbar għasfur fid-dinja li għalkemm ma jtirx, kapaċi jiġri b’saħħa li tlaħħaq is-70 kilometru fis-siegħa. Jgħix norm. fis-savanna jew fid-deżert tal-Afrika. Il-bajda tan-nagħma hi kbira u iebsa. Il-bniedem preistoriku kien jagħmel użu minnha billi jfarrak il-qoxra f’biċċiet żgħar u mill-frak idammhom f’kullana. Dawn instabu waqt l-iskavi tat-tempju ta’ Ħal Tarxien fis-saff li hu ddatat għal Żmien il-Bronż. Dan ifisser li dan l-għasfur fiż-żmien preistoriku naghmae-02.jpgkien jeżisti f’Malta, jew jekk le, dawn il-kullani kienu impurtati minn Sqallija, x’aktarx bejn 2,000 u l-1,500 Q.K. Fil-kappella tal-Madonna ta’ Loretu, barra l-Gudja, hemm bajda ta’ nagħma fis-sakristija bħala ex voto. Idj: għandu ġuħ ta’ nagħma; forsi din tingħad għax in-nagħma hu magħruf bħala għasfur li jiekol minn kollox, sa anki ż-żrar. A. de S. jagħti tifsira oħra ma din. Jgħid li nagħma hi, numru kbir ta’ nies. Sors: Damma.

NAĦQA TA’ ĦMAR / ĦANQA TA’ ĦMAR  Tingħad figurattivament meta nirriferu għal xi ħadd li jgħid kemm jgħid ma jisimgħu ħadd. Hawn min flok naħqa jgħid ħanqa (minn maħnuq). A. de Soldanis fid-Damma (ċ, 1765) jikteb naħqa (p. 371). Jista’ jkun għalhekk li seħħet metatasi f’din il-kelma, fejn is-sillabi biż-żmien inqallbu min-ħanqa għall-naħqa. Iż-żewġ kelmiet jagħtu x’jifhem li huma onomatopejiċi għaliex jixbhu l-ħoss li joħroġ meta l-ħmar jinħaq.  Qawl: Naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema.

NAJXU  / NAXXU   Appel. indirizzat lejn bniedem mans, kwiet, ġwejjed u mingħajr ħeġġa.  Ngħidu, ‘Najxu najxu, imma …’ għal xi ħadd li għalkemm kwiet, ta’ spiss ibixkel minn taħt.  Għ. nax – M. dam ma jiġi.

nakkraNAKKRA / NAKKRU  1. Kreatura tal-baħar speċi ta’ mollusk tal-ġeneru bivalvia. Isem ġeneriku għal bosta tipi ta’ din l-ispeċi. Hemm in-nakkru tal-ħarir, Pinna nobilis. Ing. fan mussel. Din l-ispeċi ta’ nakkra fl-antik kienu jgħoddsu għalija biex jieħdu minnha x-xuxa tagħha, jqiegħduha fiż-żejt u jużawha għal uġigħ fil-widnejn. Hemm espr. ‘ħalqu nakkra’, li tingħad għal xi ħadd li jkun imxennaq ħafna għal xi ħaġa. 2. Kelma oħra għall-kastanjoli. Sors: E.S.I. u J.A. 

NAMAR   Kelma li kienet tingħad fil-frażi ‘namar Alla’ – jiġ., kwantità kbira. Din il-frażi kienet tingħad l-aktar meta wieħed kien jirriferi għal xi kwantità kbira, jew qawwija ta’ xita. Espr. ‘Għamel bin-namar t’Alla.’ – jiġ., għamel bil-kbir. Espr. oħra hi ‘Namar Alla jbeżża’.’ – rif. għal kwalunkwe tip ta’ diżastru naturali, eż. għargħar, terremoti, maltempati bis-sajjetti eċċ. Sors: E.S.I.

NANKIN    Ara: LANKЀ.

NAPPA      Grampun tal-ankra.  Eż. ankrott b’erba’ nappi.  Kunjom.

NAPULJUN  Munita tad-deheb li kienet valuta legali fi Franza fi żmien Napuljun it-Tielet (President ta’ Franza 1848 – 1952 / Re ta’ Franza 1852 – 1870). Waħda mill-muniti li kienet f’idejn il-Maltin, l-aktar fil-kummerċ mal-barranin. Kienet tissejjaħ hekk minħabba l-wiċċ tal-istess mexxej ta’ Franza li hemm stampata fuqha. Bħall-GORDA Spanjola, din il-munita tissemma fil-kummiedja tal-palk, ‘It-Tliet Għomi Vagabondi Ħallelin’, ta’ P.P. Castagna (1891), p. 199: ‘[…] Muntiera bil-flus għal Peppu. Ħbiżtejn u qartas b’għaxar napuljuni għal Gori […] ’.  Imbagħad f’p. 210 insibu hekk: […] lira Franċiża, b’Napuljun fin-nofs, bil-muskettiera taħt leħitu  […]’. Sors: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, ta’ Marco Galea. 199.

            napolean_obverse_500_2                  napolean_reverse_500

NAQAL     Kull tip ta’ oġġett, bħal frak, ħamrija eċċ., li jitqanqal bis-saħħa tar-riħ jew xita. Frammenti żgħar ħafna ta’ oġġetti li jitwarrbu għax m’hemmx użu tagħhom. Fil-ktieb ta’ Ġużè Galea, Xogħol u Snajja’ Ta’ L-Imgħoddi (1972), dwar ix-xogħol  tal-għassara, insibu hekk: ‘[…] wara kienu jħallu ż-żejt joqgħod għal ftit żmien biex in-naqal jinżel fil-qiegħ […]’, p.17. Fl-istess ktieb, din id-darba f’kapitlu dwar il-ĦALĠ tal-qoton, hemm miktub hekk: ‘[…] [it-tajjar] jaqa’ n-naħa l-oħra tal-ħallieġ, iżda ż-żerriegħa u ntietef u naqal ma kinux jgħaddu minn bejn ir-rombli  […]’. 

NAQUS      (pl. nwieqes).  Qanpiena żgħira li tiddendel ma’ għonq il-baqra jew il-mogħża. Ġolġol.

NAQX  IS-SEMA    Tip ta’ sħab żgħir abjad u maqtugħ minn xulxin.

Nar ta' SAntiermusNAR  TA’  SANT’IERMU    Dan hu fenomenu tan-natura li jseħħ meta sajjetta tolqot xi oġġett fl-art jew xi arblu tal-bastiment u tipproduċi enerġija tal-elettriku. L-isem Nar ta’ Sant’Iermu ngħata minħabba li Sant’Iermu kien meqjus bħala l-qaddis protettur kontra l-maltempati, l-aktar fuq il-baħar. Dan minħabba li darba minnhom kif dan il-qaddis kien qiegħed jipprietka, faqqgħet sajjetta u din għal ftit ma laqtitux. Sant’Iermu (bit-Tal. Sant Elmo) hu isem ieħor għal Sant’Erasmus, qaddis li kien isqof ta’ Formiae fil-Campagna, l-Italja. Dan il-qaddis inqatel mill-Imperatur Dioklezjan fis-sena 303 W.K. Il-Forti Sant’Iermu hu ddedikat lil dan il-qaddis. Kurjuż il-fatt li ż-żewġ kappelli li hemm illum f’din il-forti huma t-tnejn ddedikati lil Sant’Anna, u stramba li l-ebda waħda minnhom ma hi ddedikata lil Sant’Iermu.

NARGILE     Ara: ARGILE.

NARRA / NIRRA      Espr. li tingħad b’mod li titfa’ saħta fuq xi ħadd, eż. ‘Narrani ma nqumx minn hawn’, jew ‘nirrak issir xitan’.  Etim. Għ. espr. li tintuża eż., ‘min ra’ak mgħallak – M. narrak mgħallaq. Sors: J.A.

NASKA    1. Sens tajjeb ta’ xamm speċ. tal-annimali.  2. Fig. L-għerf ta’ bniedem li kapaċi jinduna b’xi ħaġa moħbija jew qarrieqa. Eż., ngħidu, ‘għandu naska tajba ta’ x’qed jiġri minn wara dahru’. Sqal. nasca. Ara: NASKATA.

niskataNASKATA / NISKATA   1. Ġibda tan-nifs tat-tabakk. Fl-antik, it-tabakk kien jitgawda mhux biss billi jitpejjep iżda wkoll billi jitqiegħed fl-imnifsejn biex jinxtamm. Fl-antik, ix-xjuħ kienu jagħmlu hekk ukoll biex ikunu jistgħu jagħtsu. 2. Niskata tista’ wkoll tkun magħmula minn qarsa melħ jew zokkor magħfusa bejn is-swaba biex dak li jkun iduqu jew anki jużah għal xi raġuni oħra. Ġieli anki għand tal-ħanut tal-merċa kont tara min jixtri b’niskata bżar; din kienet tingħata b’ħabba, b’sitta (nofs sold) jew kultant anki b’xejn.  J.A. jispjegaha bl-Ing., pinch of snuff.

naspli 6NASPLA    Is. xj. Eriobotrya japonica. Frotta żgħira b’għadma (ġieli aktar minn waħda) minn ġewwa. Idj: Qata’ naspla – jiġ., tkellem ħażin; ġibed waħda goffa. Qawl: In-naspla saret u ċ-ċawla taret  – ftit wara li n-naspli jimmatura u jinqata’ biex jittiekel hu ż-żmien meta ċ-ċawl itir mill-bejta. Dan il-qawl jimplika li r-rebbiegħa waslet fi tmiemha. Sors ieħor: Il-Qawl Iqul ta’ J.S. Manduca u Ġ. Mifsud. Tal. nespola.  Ing. Japanese medlar, loquat.

NASPRU  Zokkor miżjud bl-ilma li jitgħalla fuq in-nar. Meta jagħli, din it-taħlita tibqa’ ttektek sakemm l-ilma kollu jixxotta u z-zokkor isir kremuż. Biex in-naspru jingħata togħma aħjar kienu jżidulu ftit meraq tal-lumi. Din it-taħlita tintuża f’bosta riċetti, fosthom biex jiżżejjen wiċċ il-kejk, l-għadam tal-mejtin, figolli u ċ-ĊITRATAIng. pouring fondant. Ara: Klabb tat-Tisjir ta’ Anton B. Dougal, jew    https://www.facebook.com/tisjir/posts/1683969928286583 

natoNATO   Abbr. għall-isem North Atlantic Treaty Organisation. Din l-organizzazzjoni nħolqot mill-Amerika u l-alleati tagħha fl-4 ta’ April 1949, biex tgħaqqad fi blokk militari wieħed bosta pajjiżi li kienu jħossu li l-Unjoni Sovjetika u l-pajjiżi miżmuma taħtha fis-sistema Komunista (COMINTERN), setgħu jkunu ta’ theddida għalihom. Il-kwartier ġenerali tan-NATO nfetaħ fi Brussell, fejn għadu sal-lum. Għalkemm Malta ma kienet qatt membru tan-NATO, minħabba li kienet taħt l-Ingliżi, fis-sena 1953, in-NATO kien stabbilixxa ċentru ta’ amministrazzjoni fil-Furjana, ftit ’l isfel mill-Monument tal-Gwerra. Dan il-unit f’Malta kien imsejjaħ l-Allied Forces Mediterranean. Fuq dan il-kwartier kienu jperpru l-bnadar tal-pajjiżi ta’ Franza, l-Italja, il-Greċja, it-Turkija, l-Ingilterra u l-Amerika. L-ewwel kap kmandant ta’ dan il-unit kien l-Ammirall Earl Mountbatten. Mis-snin ħamsin ’il quddiem bdew jidħlu bosta bastimenti tas-Sitt Flotta Amerikana fil-Port il-Kbir. Fis-sena 1957, in-NATO kkommissjonat ix-xogħol ta’ mina twila li tgħaqqad minn taħt l-art it-tankijiet taż-żejt ta’ Ħas-Saptan mat-tankijiet ta’ Kordin. Din kienet swiet mas-sitt miljun lira sterlina. Il-kwartier tan-NATO kien ingħallaq fl-1972 b’ordni ta’ Dom Mintoff, u fit-trattat mal-Ingliżi li ġie rrevedut, il-preżenza tan-NATO f’Malta kienet eskluża. Hekk kif qiegħed nikteb dan (2014), għalkemm Malta mhiex membru, xorta kultant tieħu sehem f’ċerti eżerċizzi militari tan-NATO, imsejħa Partnership for Peace. Ara: GWERRA L-BIERDA, IL-. Ara wkoll: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb, pp. 369-380.

Navata_Weerd-14NAVATA     L-arkata prinċipali ta’ fuq il-korsija fil-knejjes jew f’bini ta’ ċertu kobor. In-navata ħafna drabi sservi bħala l-post ideali fejn jitpinġew affreski jew murali bl-immaġini tal-qaddisin relatati mat-titlular tal-knisja u għalhekk kemm-il darba jkunu mpinġija episodji mill-ħajja tal-qaddisin. Eżempju tajjeb ta’ dan hi n-navata tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn naraw l-episodji mill-ħajja ta’ San Ġwann il-Battista, impinġija mill-artist magħruf Mattia Preti.  

navettaNAVETTA   Ir-reċipjent tal-metall li fih jintefa’ l-inċens biex jinħaraq u jfewwaħ il-madwar. Dan norm. ikun imdendel minn tliet ktajjen irqaq biex min iġorru jkun jista’ jbandlu ’l quddiem u lura u b’hekk jinċensa kull fejn issir iċ-ċerimonja. Tal. navetta – M. kull tip ta’ reċipjent li jkun forma ta’ vapur u li fih iżomm l-inċens. Magħruf ukoll bħala ‘inċensier’.

NAWĊIER      Sotto-uffiċjal fuq bastiment li xogħlu hu li jieħu ħsieb il-manuvrar tal-qlugħ waqt it-tbaħħir.  Sqal. Nucchieri.

NAWNU   Qattus kbir mhux reali li bih l-ommijiet kienu jbeżżgħu lit-tfal. Kont tismagħhom jgħidu,  ‘jekk mhux ser toqgħod bravu ser jiġi n-nawnu għalik’.

NAXXAR      1.  Kull minn jaħdem bil-munxar (serrieq kbir). Xi ħadd li jonxor.  2. Dan hu wkoll l-isem tal-eqdem raħal ta’ ċertu kobor li kien jeżisti fil-Medjuevu, lil hinn mit-Tramuntana tal-Imdina. Minn Naxxar ħarġu il-parroċċi tal-Mosta (1608) u tal-Għargħur (1610). Qbl. dan l-isem mal-isem tar-raħal tal-Munxar f’Għawdex. Hemm għanja ħafifa li qalitha mara minn Għajnsielem:

     Ħanini mastrudaxxa

     Qata’ idu bil-munxar

     Ngħamillu d-duwa ta’ qalbi

     Jista’ jagħlaq l-ispiżjar

Sors ta’ din l-għanja: G. Lanfranco, 2017. Ara: In-Naxxar – Titwila fl-Istorja, ta’ Paul Catania, Gutenberg Press, 1999. The People of the North – 1546 – 1610, ta’ Paul Catania. Midsea Books, 2015.

NAŻIKA     Bniedem li kien ikun inkarigat mid-dfien ta’ nies foqra. Sqal. nasica. Tal. naso. Ara: BEKKAMORT. Sors: E.S.I. 

nazareneNAZZARENI, IN-   Appel. li bih kien magħruf il-moviment ta’ numru żgħir ta’ artisti Ġermaniżi, oriġ. imsejħa ‘l-Lükasbrüder’, li fil-bidu tas-seklu dsatax esperimentaw u żviluppaw stil ġdid fl-arti. Dan il-grupp kien qiegħed jinjora u jissupera l-istil Neo-Klassiku u Barokk bi stil ta’ arti romantika, ispirati mill-arti aktar sempliċi tal-Medjuevu. In-Nazzareni kellhom ukoll ċertu faxxinu lejn l-arkitettura Gotika. Minħabba l-istil li żviluppaw bejniethom, dan il-moviment kien imlaqqam ‘in-Nazzareni’, għax għal bosta kritiċi dan il-grupp kien qisu qiegħed jipprova jimita l-istil ta’ artisti famużi li pinġew b’mod romantiku r-raffigurazzjonijiet tan-Natività ta’ Kristu. Dawn l-artisti kienu miġbura f’komunità f’kunvent ġo Ruma, biex irawmu fihom infushom aktar spiritwalità fl-arti. Giuseppi Hyzler (1787-1858), artist Malti ta’ dixxendenza Ġermaniża, kien telaq minn Malta biex jissieħeb ma’ dawn l-artisti rħieb. Meta ġie lura minn Ruma, fl-1823, hu ħajjar lil bosta artisti Maltin biex isegwu dan l-istil. Hyzler ħadem ħafna ma’ ħuh Vincenzo u mal-assistent tiegħu Giuseppe Calleja, kif ukoll ma’ daqs ħames artisti oħra l-aktar f’xogħlijiet fil-knejjes. Forsi l-aktar segwaċi li kellu suċċess fil-karriera artistika tiegħu kien Michele Bellanti, għalkemm ix-xogħol ta’ dan l-artist kien kemxejn differenti. Hyzler kien ħass li l-arti Barokka fil-Konkatidral ta’ San Ġwann kienet frivola u esaġerata, u allura ma kienx għad hemm lokha. B’hekk ħa l-inkarigu li jqaxxar l-induratura tal-ħitan u jneħħi l-l-iskultura Barokka li kien hemm fil-kappelli u n-navata. Kien leħaq biss dar il-kappella ta’ Franza, (iddedikata lil San Pawl), meta mbagħad ix-xogħol waqaf. Ara: ‘A Short Note on the artist Guzeppe Hyzler (1787-1858)’, John Debono, Melita Historica, Vol. XV n. 1 (2008), pp. 55-72; The Iconography of the Maltese Islands – 1400-1900 ta’ Mario Buhagiar, pp. 166-170; ‘Trends and Influence in Maltese Art, 1800-1964’, ‘The Impact on Maltese Society’, Dominic Cutajar u Emmanuel Fiorentino, The British Colonial Experience, 1800-1964, ed. Victor Mallia Milanes, pp. 249-261. 

nbid oneNBID, L-ISTORJA-     Il-produzzjoni lokali tal-vitikultura, jiġ., it-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni tal-għeneb f’inbid, tmur lura sa żminijiet antiki, possibiliment anki sal-preistorja. Nafu fiż-żgur, li fi żmien ir-Rumani, f’Malta kien impurtat kwantità kbira ta’ inbid, għax kemm-il darba nstabu anfori li fihom norm. kien jinħażen l-inbid. Jista’ jkun li l-preses taż-żejt li nstabu f’siti arkeoloġiċi kienu jintużaw ukoll bħala preses għall-għeneb. Din it-tip ta’ agrikoltura damet x’aktarx għal mijiet ta’ snin wara. Biss, għandna nassumu, li meta Malta kienet maħkuma mill-Għarab, il-vitikultura waqfet minħabba t-twemmin Musulman għax dan ma jippermettihx. Fi żmien l-Ordni ta’ San nbid btietiĠwann, u fi żmien l-Ingliżi, il-produzzjoni tal-inbid f’Malta kienet baxxa, u bosta nbejjed kienu impurtati minn Sqallija. Mid-dehra, fl-antik kienu jemmnu li l-inbid kien ta’ ġid għas-saħħa tal-bniedem. Ovid Doublet, is-segretarju tal-Gran Mastru Hompesch, jgħid illi meta kien għal xi żmien marid u mitfuħ f’sodda, kien hemm min meta mar jarah ġablu l-inbid bħala rigal. Forsi għalhekk mela l-qawl Malti jgħid, ‘l-inbid hu l-ħalib tax-xjuħ’ għaliex kienu jaħsbu li l-inbid kien nutrittiv. Ara: INSOLJA, MAGĦSAR, TOXX. Ara: Bonanno Anthony, ‘Wine Pressing in Antiquity’, Melita Historica, Vol. X 2008. Debono John, ‘The Wine Trade of Malta’, in the 18th century, Melita Histori’ca, Vol. IX, 1984. ‘Investing in Maltese Viticulture’, Malta Economic Update, August 1995, pp. 22-23. ‘The Wine-Shipping of Malta and Gozo’, Treasures of Malta, Vol. IX no 3. Cassar Carmel, Society, Culture and identity in Early Modern Malta, pp. 77-78. Tabone Michael, Introduction to Maltese Wines (essay, 1999). Ara wkoll: ‘L-Istorja tal-Inbid f’Malta’, ta’ Martin Morana: https://kliemustorja.com/2020/03/07/l-istorja-fil-qosor-tal-inbid-fmalta/

NBID ĦIELES     M..A.V. (1796) jispega din il-frażi bħala nbid pur.

NDEWWA      Umdità li titla’ mill-art mal-ħajt.  L-għażiż tal-bjar u ta’ postijiet umdi oħra jikber fejn hemm l-indewwa.

NeandertaliensNEANDERTAL   It-teorija li f’Malta xi darba kien jgħix il-bniedem Neanderthal ħarġet l-ewwel darba wara s-sejba f’Għar Dalam ta’ żewġt idras li Giuseppi Despott għamel fl-1917. Iż-żewġt idras kellhom l-għeruq tagħhom maqgħuda u mhux miftuħa fi tnejn, kif norm. ikunu fil-bniedem. Billi dawn it-tip ta’ dras huma tipiċi tal-bniedem Neanderthal, taw wieħed x’jifhem li l-istorja tal-bniedem f’Malta kella tmur lura b’eluf kbar ta’ snin. Dan il-fatt ġiegħel lil arkeologu Sir Arthur Keith jiddikjara f’simposju li għamel f’Londra fl-1924, li dawn id-dras kienu prova ċara li l-bniedem Neanderthal kien jgħix f’Malta fl-Neanderthal G_5518istess żminijiet tal-annimali plejstoċeni li kienu nstabu f’Għar Dalam. Din it-teorija kienet aċċettata minn bosta, sakemm xi esperti spjegaw li d-dras bl-għeruq imwaħħlin flimkien ġieli jinsabu wkoll fil-bniedem ta’ żmienna, għalkemm b’mod ħafna aktar rari (2.4% biss), u għalhekk it-teorija ma torbotx. Biss, l-iskavi li saru f’Bur Megħeż, minn 2,500 darsa ta’ żmien in-Neolitiku ma nstabu qatt dras bħal dawn. Meta wieħed iħares lejn il-mappa tal-Ewropa u l-Mediterran wieħed josserva li fl-Italja hemm mat-tmintax-il sit differenti fejn instabu il-fdalijiet ta’ dan l-ispeċi. Biss, mhux fi Sqallija, l-art li magħha Malta kienet ilha marbuta għal bosta żmien fl-epoka Kwaternarja. L-oriġini tal-isem Neanderthal ġej minn wied qrib Düsseldorf, il-Ġermanja, fejn fl-1856, l-iskeletru tan-Neandertal kien instab għall-ewwel darba.

NEBULA    1. E.S.I. jagħtiha bħala: għerq raġel imdaħħal fiż-żmien.  Agius de Soldanis jaqleb din il-kelma għat-Tal. hekk:  Agius de Soldanis, fid-Damma, jagħtiha bħala, Membro virile di un uomo vecchio. 2. Ħabel irqieq jew siegla li tkun marbuta mal-lukett tal-bieb ta’ barra. Ara: NEPPUTA.

NEDDEJ     Banditur. L-uffiċjal inkarigat biex iniedi l-proklami fil-pubbliku.   F.Vella (1843)   Tal. banditore, Ing. publisher.

nemes_2NEMES  Is. xj. Putorius putorius furo. Ing. Ferret. Fid-dinja jeżistu tliet speċi ta’ nemes. Dan l-annimal kien impurtat f’Malta u ddomestikat biex jikkaċċja l-fniek, billi n-nemes jiġri warajhom u jinżel fil-bejta tal-fniek li tkun imħaffra fl-art. In-nemes jorqod ħafna matul il-ġurnata u jqum biex jikkaċċja ma’ sbieħ il-jum jew f’inżul ix-xemx. Norm. jaqbad l-aktar il-ġrieden. NEMMIES Kaċċatur bin-nemes.  Idj. i) ‘Ma tarahx b’nemes’ – bniedem li ma tista’ ssibu mkien. Idj. ii) ‘Moħħu biex inemmes’ – tingħad għal xi ħadd li għandu fissazzjoni li jħares lejn in-nisa. Appel. NEMMIESI

NEMMELIJA    1. Tingħad fi frażi bħal, sieq nemmelija, sieq li fiha wieħed iħoss it-tingiż, bħal labar żgħar  inemmnu meta parti mill-ġisem, l-aktar is-sieq jew l-id titmewwet. Ara: Kelma li tinsab fil-QARĊILLA li kiteb Dun Feliċ De Marco, fejn b’mod umoristiku jirreferi għall-ħmar: ‘[…] għandu siequ l-quddemija fiha n-nemmelija […]’. Ara:  Dun Feliċ u l-Qarċilla fil-Karnival tal-1760, (Konrad Fenech 2013). 2. L-awtur Kilin (Michael Spiteri) juża dan l-aġġettiv b’mod differenti meta jgħid, ‘[…] hawn kien hawn nemmelija ta’ rġiel għaddejjin ’l  hawn u ’l hinn ‘[…]. Sors: Iż-Żmien Isajjar il-Bajtar (1996).

NEMNEBUS     Ara: OMNIBUS.

NEO KLASSIKUBall Mta - Paulo Andrade (55)NEO-KLASSIKA, ARKITETTURA Nistgħu ngħidu, li l-arkitettura Neo-klassika daħlet sew f’Malta ftit snin wara l-wasla tal-Ingliżi fl-1800. Fl-1810, fil-Barrakka t’Isfel, inbena musulew f’forma ta’ tempju Grieg, f’ġieħ Alexander Ball. Fl-1812 l-Ingliżi bnew portiku mal-Kanċellerija l-qadima tal-Ordni (il-Main-Guard) fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Fl-1832, fuq il-promontorju tal-Kalkara, l-Ingliżi bnew sptar bl-istess stil ta’ arkitettura, wara li huma żiedu aktar binjiet mal-binja tal-villa tal-Kavallier Bighi. Mill-bogħod din il-ġabra ta’ bini tagħti impressjoni ta’ acropolis Griega. Fil-parti t’isfel tal-forti Sant’Iermu, inbniet ukoll EXEDRA – arkata elliptika, fi stil Doriku, li żejnet il-bitħa ta’ din il-fortizza. Hemm ukoll il-bieb prinċipali tal-Università l-qadima, fi Triq San Pawl, il-Belt. Dawn ix-xogħlijiet bikrin ta’ żmien l-Ingliżi huma kollha xogħol tal-Maġġur Ġeneral George Whitmore. Ara: 5000 Years of Architecture in Malta, ta’ Leonard Mahoney; British Colonial Architecture – Malta 1800-1900, ta’ Malcolm Borg, ‘A Grecian Architecture Revival: General Whitmore’s Achievements’ ta’ David M. Boswell fi Treasures of Malta, Christmas 1996, Vol III no 1, pp. 39-45. Ara wkoll: ‘Neo-classical architecture in 19th century Malta’, ta’ Martin Morana: https://kliemustorja.com/2021/06/18/neo-classical-architecture-in-19th-cent-malta/

Neolitikunt.jpgNEOLITIKU   Il-Perijodu Neolitiku hu dak iż-żmien meta l-bniedem qaleb minn ‘kaċċatur tal-annimali u ġabbar tal-ħxejjex u frott’ għal ‘kultivatur tal-art’. Dan ix-xogħol ġiegħelu jgħix ħajja aktar sedentarja biex ikun jista’ jaħdem l-art. Din il-bidla seħħet madwar 10,000 sena ilu, fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, fi żmien meta l-Perijodu tas-Silġ kien intemm. Dan ir-reġjun fejn bdiet l-agrikoltura jissejjaħ bħala, ‘In-Nofs Qamar Fertili’, u jkopri il-kosta tal-Lvant tal-Mediterran, l-Eġittu, u l-Mesopotamja, (Iran u Iraq). Fil-każ ta’ Malta, in-Neolitiku beda madwar 7,000 sena ilu, mal-miġja tal-ewwel abitanti fuq dawn il-gżejjer minn Sqallija. Hemm ismijiet li jaqsmu l-fażijiet differenti tan-Neolitiku f’Malta f’perijodi partikulari. L-ewwel fażi tissejjaħ dik ta’ ‘Għar Dalam’ (5,200-4,800 Q.K.) u l-aħħar fażi hi dik imsejħa ‘Tarxien’ (3,000-2,500). Wara din il-fażi jidħol il-perijodu tal-Bronż (2,000 – 700 Q.K.) Ara: Maltese Prehistory and Temples, ta’ David Trump. 

Nepputa.jpg
Ħajr: Mario Casha

NEPPUTA   Qafla pjuttost ħoxna li wieħed kien juża biex jiftaħ u jagħlaq il-bieb minn barra. Biex tintuża n-nepputa, ftit ’il fuq mil-lukkett kienet tittaqqab toqba ġol-bieb, kbira biżżejjed biex fiha tidħol din il-qafla, li tintrabat mal-lukkett minn ġewwa. Din kienet tkun b’saħħitha biżżejjed biex dak li jkun jista’ jiġbidha min-naħa ta’ barra tal-bieb u hekk il-lukkett fuq ġewwa kien jitla’ ’l fuq. In-nepputa kienet tintuża flok il-muftieħ. Kwalunkwe bniedem seta’ juża n-nepputa, għax din kienet tibqa’ mdendla mal-bieb jew max-xatba. Ismijiet oħra għall-qafla tan-nepputa huma ‘nebula’, ‘rumnell’ jew ‘siegla’. Ara: SIEGLA.

NEVRASTENIJA   Stat tal-moħħ, meta bniedem ikun mentalment għajjien u eżawrit, u forsi anki jbati b’dipressjoni. Espr. ‘Baqa’ jittikani sakemm qabbadni nevrastenija’. 

NEWB      1. Bidla li ssir f’waqtha skont it-temp u l-istaġun.  2. It-tibdil taż-żahar fis-siġar minn stat ta’ fjuri għal-lewż. Qawl: Kull siġra tagħmel f’newbitha – jiġ., is-soluzzjoni ta’ problema tista’ tinstab biż-żmien u f’ħinha. Espr. ‘Bin-newba’ – jiġ., skont min imissu, wieħed wara l-ieħor.  3. Il-mument li jkun qed jisbaħ. Espr. ‘Quddiesa tan-newba’ – l-istess bħal,  ‘quddiesa tal-awrora’. 4. Okkażjoni jew opportunità tajba. 5. Fil-medjuevu din kienet l-iskeda imposta ta’ min kien obbligat jagħti xogħlu mingħajr ħlas biex jissewwew is-swar tal-Imdina. NEWWEB  v. Biddel iż-żargħa tal-għelieqi minn sena għal oħra (bl-Ingliż: crop rotation). (pl.) NWIEB  Sebat ijiem u sebat iljieli.  Sors: J.A. u E.S.I.

NEwlLNEWL     Makkinarju li jintuża biex ikun maħdum id-drapp kemm tal-qoton, kif ukoll tas-suf, kittien, qanneb u l-ħarir, fost oħrajn. Dan hu x’aktarx l-eqdem makkinarju ta’ ċerta kumplessità maħluq mill-bniedem biex jipproduċi d-drapp. Il-ħjut jitqiegħdu fuq il-makkinarju tan-newl biex l-għażżiel jgħaqqadhom flimkien, fi proċess ikkumplikat u kultant b’kuluri differenti biex isiru pezza waħda. Ara:  GĦAŻEL, KITTIEN,  RADDIENA, XOQQA. Ara wkoll: ‘L-Insiġ’, pp. 221 – 253, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt. Ara wkoll: https://www.youtube.com/watch?v=VbNl_nYI5qc

NEWWIEĦA  1. Imsejħa wkoll ‘bekkejja’ li sas-seklu 18, kienu jitqabbdu biex jakkumpanjaw il-mejjet u l-qraba waqt il-funeral. A. de S. jgħid illi din l-użanza ma baqgħetx issir aktar fi żmienu (1712 – 1770). 2. Il-qanpiena li ddoqq moti ta’ dieqa. Ara: ARLOĠĠ TAL-BIRGU,  MOTI, VISTU  Ara: Gozo Ancient and Modern Religious and Profane, ta’ Alexander Bonnici, p. 143;  Studies in Maltese Foklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp. 51-52.

NFAS/A    1. (plural ta’ nofs). Riferenza li tintuża meta jintiżnu ċerti oġġetti, hekk pereż. meta jkejlu l-ħalib, jgħidu, żewġ infas – jiġ. żewġ nofs miżuri – (dawn jagħmlu KARTOĊĊ).

NFIES  L-istat tal-mara sa sitt ġimgħat wara li telled, sakemm l-utru jerġa’ jiġi f’postu. Tingħad fl-espressjoni ‘mara bl-infasa’. Dak iż-żmien wara t-twelid meta l-omm tkun obbligata li tibqa’ d-dar u ma titħallatx man-nies. A. de S. jgħid li n-nisa ta’ żmienu kienu jemmnu li sa erbgħin jum wara t-tqala, jekk mara bl-infasa tiltaqa’ ma’ oħra bl-istess kundizzjoni, kien hemm ċans kbir li waħda minnhom tmut. Għal dan iż-żmien ta’ wara t-tqala kont tisma’ lil min jgħid li l-mara tkun qisha ‘qabar miftuħ’, jiġ., kellha ċans kbir li tmut. Dan għaliex meta l-omm tiled kien faċli li hi jkollha xi infezzjoni jew  komplikazzjonijiet ta’ wara t-tqala.  Ara: Folklore of An Island ta’ Tarcisio Zarb, pp. 43, 44.

ngieredNGIERED   (pl. ta’ nigred) Post bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, li llum magħruf aktar bħala l-Imgieret. Kien hawn fl-1862, li l-awtoritajiet Ingliżi bdew jaħsbu biex jibnu dar tax-xjuħ. Dan il-pjan kien ġie anke riferut lil famuża Florence Nightengale, li qablet mad-disinn u l-iskop ta’ dan il-proġett. L-isem Ingiered hu x’aktarx ġej mill-laqam ta’ xi ħadd, Nigred(t), u jindika li kienet persuna ta’ ġilda samranija. L-isptar imur lura sal-1892, u kien iddisinjat minn Webster Poulson taħt id-direzzjoni ta’ Emanuel Galizia u George Schinas. Ara: 5000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney, pp. 241 u 242.

NGĦAMA    (D.)  Quantità, stuolo di uomini, quantità du persone che manda voci basse. Ara: NAGĦMA.

NĦAS   Kelma li ġejja mis-Semitku li tfisser ram jew oġġetti tar-ram, eż., kaldaruni u reċipjenti oħra tar-ram. E.S.I. NĦASA. Kitla jew borma tar-ram li jissajjar l-ikel fiha. Kitla (F.V. 1831). Ram, caldera di rame. (F. Vella 1843). Bieqja tal-kċina. Insibu din il-kelma fil-ħrafa ‘Bint is-Sultan twieġeb ‘Le’għal tliet Mistoqsijiet’, li Patri Manwel Magri ġabar minn fomm in-nies: ‘[…] l-ikel ta’ dawn (il-ħabsin) dejjem kien ħaġa waħda: inħasa kbira ful […]’. Ġ. Mifsud Chircop (1994).

Nibbia kappella.jpgNIBBIA,  Il-KAPPELLA    Din il-kappella kienet tagħmel ma’ ċimiterju żgħir li kien hemm ma’ ġenb is-Sagra Infermeria, il-Belt Valletta. Din il-kappella nbniet bi flus Fra Giorgio Nibbia, Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1619; ħdejha kien hemm kappella żgħira li kienet iddekorata minn fuq s’isfel b’mijiet ta’ biċċiet ta’ għadam tal-mejtin. Fi żmien l-Ingliżi, din il-kappella u l-aktar l-kripta, kienu popolari ħafna bħala attrazzjoni turistika. Dawn l-ewwel turisti malajr laqqmuha bħala, The Chapel of Bones. Il-kappella nqerdet fit-Tieni Gwerra Dinjija f’wieħed mill-attakki mill-ajru, u ma reġgħetx inbniet. Illum naraw biss xi ftit ġebel tal-pedamenti li jidhru fil-bitħa ta’ barra tal-Evans Building. Ara: ‘Giorgio Nibbia’s Church in Valletta’ pp. 23-29 fi Treasures of Malta, Summer 2003, Vol IX no 3.  pp. 23-29. ‘The Lost ‘Chapel of Bones’ in Valletta ta’ Giovanni Bonello fi Treasures of Malta Easter 2004, no. 29, Vol X no 2, pp. 59-63.     

NIEQA     Sodda żgħira għat-tarbija.  Sqal. naca, piccolo letticiuolo.

NIFEL     Pjanta selvaġġa li tikber kullimkien fil-kampanja. Tagħmel fjuri ta’ kulur isfar. F’Malta jeżistu madwar tmintax-il speċi ta’ din il-pjanta, eż., nifel il-barri, u nifel tax-xewk. Jingħad li dari kienu jitimgħu din il-pjanta lill-barrin biex isemmnuhom. Is. xj. Medicago tourn. L. Ing. Lucern medick. Ara: XNIEN / XNEJN U NIFEL / NEFEL.

NIĠEM    Rif. ġenerika għal dawk it-tip ta’ pjanti li ma jitwalux ħafna mill-art. Skont A. de S. jiddiskrivihom bit-Tal. bħala, erba gramigna.

NIĠĠEŻ    Verb: ħammeġ. Biss, dan il-verb jirreferi wkoll speċifikament għal meta wieħed jiekol il-laħam jew jiekol jew jixrob minn dak kollu li hu magħmul mill-ħalib. Għandna nifhmu li dan il-verb kien oriġ. jintuża biex jirriferi għall-ikel li ma għandux jittiekel matul il-jiem tas-sawm u astinenza. F. Vella, fid-Dizionario Portatile (1843) jgħid hekk: mangiare di grasso, mangiare carne o latticini. To eat meat or milk-food.  Corrompere o contaminare. To debauch, to infect.

NIGES drinkNIGES   Kelma li sibtha fil-kummiedja, ‘Il-Kungress tas-Sefturi (1859) ta’ P. P. Castagna. Sors: It-Teatru Malti fis-Seklu Dsatax L-ewwel volum, p. 121. L-editur tal-ktieb jagħti spjega ta’ din ix-xarba fil-qiegħ tal-paġna u jgħid li din hi magħmula minn inbid imsaħħan u mħallat bil-meraq tal-lumi, ħwawar u ilma. Proprjament ix-xarba hi Negus, għax imsemmija għal min kien ħoloqha, kurunell Ingliż, Francis Negus (miet fl-1717).

NIGGIEŻA   Għodda li biha il-kuċċier iniggeż il-bhima. Fl-antik il-kuċċier kien jimxi matul it-triq qrib iż-żiemel tiegħu waqt li l-passiġġiera jkun rekbin. Biex iġiegħel iż-żiemel jiċċaqlaq jew iħaffef il-pass kellu biċċa injama b’żewġ imsiemer żgħar ħerġien ’il barra li bihom sata’ jnigges liż-żiemel fuq ġenbu. Sors: Description of Malta and Gozo, G.P. Badger, (1838).

NIGRUFUM / NUGRUFUN  Duħħan iswed u oħxon. Il-kelma tintuża wkoll għat-trab iswed li dan l-istess duħħan iħalli waraj. Ngħidu, ‘il-ħwejjeġ minxura ntlew kollha nigrufum mid-duħħan taċ-ċumnija fit-Tarzna’. Oriġ. Tal. negrofono.

Nix Mangiar StepsIMG_4159 - CopyNIKS  (NIXMANĠARI    Din il-frażi kienet u għadha tintuża bħala l-laqam ta’ trejqa mtarrġa li hemm fuq il-lemin, qabel ma tidħol il-Belt minn Victoria Gate, ’l fuq mix-xatt ta’ Liesse. Hemm kienu jintasbu nies foqra jittalbu għal xi sold lill-baħrin u n-neguzjanti hekk kif jgħaddu minn ħdejhom. Dak iż-żmien dawk l-inħawi kienu jkunu miżgħuda bin-nies, l-aktar dawk marbuta mal-ħajja marittima u l-kummerċ. Dawn it-tallaba kienu jittantaw lil kull min ikun għaddej billi jlissnu l-kliem barrani ‘nix mangiari. Il-kelma ‘nix’ tintuża sal-lum b’mod kollokju ħafna mill-Ġermaniżi flok nichts li tfisser ‘xejn’ waqt li mangiar ġejja mit-Taljan. Fl-1901 kienet ħarġet ordni mill-gvern biex it-tallaba ma jibqgħux jitlajjaw fit-toroq tal-Belt Valletta. Biss din l-ordni kienet injorata kompletament. Thomas MacGill isemmi din it-trejqa b’dan l-isem, fil-ktieb tiegħu li ppubblika fl-1839, Handbook, or Guide to Strangers Visiting Malta. Sors ieħor fejn dan it-taraġ jissemma’ hu Description of Malta and Gozo, ta’ George Percy Badger (1838).

NIMNIBUS   Ara: OMNIBUS.

NINI NINI    Espr. li biha tinki lil xi ħadd. Din tingħad speċ. bejn it-tfal. Mod li tikkuntrarja lil xi ħadd biż-żuffjett. Espr. ‘Nini Nini jgħid ħanini!’

NINU     Isem fil-qosor għal Toninu. 

NIR     Il-kulur blu. Meta kienu jużaw il-bluna kienu jgħidu, ‘jien nuża n-nir ta’ Reckitt. Sors V. Busuttil (1900).

NISRANI  (pl. Insara mill-Lhudi, Nosri jew Nozrim, u bl-Aramajk tas-Sirja, nasraya. Dawn it-termini kollha jirriferu għas-setta li segwiet u ħaddnet it-tagħlim ta’ Ġesu ta’ Nazzaret. Fil-fatt, it-terminu Nisrani antikament kien jirriferi għal dawn in-nies, segwaċi tan-’Nazzarrenu’. X’aktarx, il-Malti ħadha mill-Għarbi. Biss, illum l-Għarab isejħu lill-Insara l-aktar bħala masiħijun minn al Masiħ jiġ., il-‘Midluk, ekwivalenti għall-Grieg: Christos, li ukoll tfisser, ‘il-Midluk’.’

nissen hut mhux malta.jpgNISSEN HUT   Struttura tal-metall, bħal kamra mibnija mill-għoli tagħha f’għamla ta’ nofs qamar. Il-metall kien magħmul minn biċċiet kbar tal-landa maħduma fdewwex. Din l-istruttura kienet użata għal skopijiet militari għall-ewwel darba fl-ewwel Gwerra Dinjija. In-Nissen Huts kienu invenzjoni tal-inġinir Peter Norman Nissen. L-intenzjoni prinċipali ta’ dawn in-Nissen Huts kien li jservu bħala akkommodazzjoni għas-suldati kif ukoll bħala mħażen temporanji. Il-vantaġġ tagħhom kien li dawn setgħu jinġarru faċilment minn post għall-ieħor u jintramaw kull fejn kien hemm bżonn. Sitta min-nies kienu kapaċi jwaqqfu Nissen Hut f’temp ta’ erba’ siegħat. F’Malta nsibu ħafna minnhom abbandunati ‘l hawn u ‘l hinn fejn xi darba kien hemm stallazzjonijiet militari, bħal pereż., Pembroke u Ta’ Qali. Dawn tal-aħħar intużaw aktar tard mill-Maltin biex isiru fabriki ta’ kull tip fosthom dawk tal-artiġjanat Malti. Minn dawn  in-Nissen Huts inħoloq eventwalment il-Villaġġ tas-Snajja’ li llum iżuruh ħafna turisti.

NIXA    Ilma li jnixxi bil-mod il-mod mix-xquq tal-blat jew mifrux mis-saqaf qisu nieżel l-għaraq.

NOBIS    Tingħad fit-talb: ora pro nobis – M. ‘itlob għalina’. Il-kelma nobis tintuża fi frażijiet Maltin, bħal pereż., ‘Qala’ ħasla nobis’, jew: ‘Qala’ xebgħa nobis’. Mela din il-kelma tintuża biex tenfasizza azzjoni li saret bil-kbir. Mhux ċar għaliex din il-kelma ngħażlet biex tiddeskrivi sitwazzjoni bħalma semmejna. Jista’ jkun li xi wħud bdew jużaw il-frażi kollha biex bħal speċi qed jitlobu ’l Alla biex jintervieni f’sitwazzjoni kritika.

NOFSIJA   Koppa tax-xorb mill-kbar. Bħal lembija, biss iżgħar; koppa bis-sieq. Ara: E.S.I. A. de S. fid-Damma jgħid hekk: ‘[…] nappo, catinella, scodella, piatello, pecchero, coppa da bere. Propriamente questo piattello e fatto fondo, molto alto, usato di creta nostra cotta solamente da contadini […]’.:  Sorsi oħraE.S.I. u J.A.

NOGĦRA    Melħ, ossidju taċ-ċomb, ta’ lewn aħmar li minn trab jista’ jsir żebgħa. Iż-żebgħa ħamra li tintuża biex tagħti l-ewwel passata. Minju. Ing. Red lead, red oxide.

noli ,,NOLI   Logħba li tintlagħab bejn grupp ta’ tfal. Wieħed mit-tfal jinġiegħel minn sħabu joqgħod wieqaf wiċċu mal-ħajt (mal-‘galletta’, kif kienu jseħulha, biex sadanittant sħabu jitilqu jiġru biex jistaħbew. It-tifel sadanittant jgħodd bħallikieku sa għaxar sekondi biex jagħti ċans li t-tfal jinħbew. Imbagħad jinqala’ minn postu u jmur ifittixhom wieħed wieħed. Hekk kif jilmaħ lil xi ħadd minnhom it-tifel jgħajjat isem it-tifel li ra mistoħbi u jitlaq jiġri lejn il-‘galletta’ u jħabbat idu tliet darbiet magħha, qabel ma t-tifel mistoħbi jilħaqha hu. E.S.I. jagħti etim. interessanti ta’ din il-kelma u jgħid li Noli ġejja mill-mistoqsija bit-Taljan: ‘Tu li?’ li għaliha r-risposta tkun: ‘No li’. M. ‘Int hemm? – Le (m’inhiex) hemm’. Fil-fatt kien hawn min jagħti isem ieħor lil din il-logħba: TULI, li ġejja mill-istess mistoqsija, ‘tu li?’ Isem ieħor għal din il-logħba hi, MISTOĦBIJA.

non gode  038 (2).jpgNON  GODE  L’IMMUNITÀ  ECCLES    Fi żmien l-Ordni, l-Isqof ta’ Malta kellu l-ġurisdizzjoni fuq ħafna proprjetà. Kien fatt magħruf illi jekk persuna mfittxija mill-awtoritaijiet sekulari jistkenn f’xi knisja jew proprjetà ekklesjastika oħra, l-Ordni ta’ San Ġwann u l-Inkwiżitur, ma’ kellhomx jedd li jidħlu f’dik il-proprjetà biex jarrestawha. Anki fi żmien il-pesta, xi wħud infettati bil-mard kienu japprofittaw ruħhom u jistkennu fi proprjetà tal-Knisja. Din l-immunità baqgħet hekk sakemm fl-l761, kien intlaħaq ftehim bejn il-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca u l-Isqof Fra Bartolomeo Rull, biex din il-protezzjoni tibda tapplika biss għall-knejjes fejn kien hemm is-sagrament. Għaldaqstant, biex in-nies ikunu mwissija li l-jedd għall-protezzjoni issa spiċċa, bdew jitwaħħlu tabelli b’kitba bit-Taljan li tgħid: Non Gode l’Immunità Ecclesias[tica], jiġ., il-post ma jgħoddx bħala kenn mill-awtoritajiet. Hekk kif waslu l-Franċiżi dan il-privileġġ tneħħa għal kollox u minn kullimkien. Biss kienu l-Ingliżi li reġgħu waqqfu il-privileġġ tal-immunità għall-aħħar darba, fl-1828. Ara: ‘Punishment, death and immunity’, Spiteri Hilary, Sunday Times of Malta, November 28, 2021.

NOQBA   Toqba f’ħajt ta’ sur. Il-qasma fil-qoxra ta’ bajda li tittaqqab bil-munqar tal-fellus. Ngħidu, ‘kulma hi daqsxejn ta’ noqba’ – rif. għal tifla żgħira jew inkella mara. Sorsi: Idjomi Maltin, u E.S.I.

NOVELL / NUVELL    Ferħ tal-kanarin li jkun għadu kemm tar mill-bejta. Rif. għal xi ħadd ġdid eż., qassis novell.

Book Cover
Aqra dwar dan is-suġġett

NOVENA   In-novena, kif jindika l-isem, hu żmien ta’ disat ijiem, ta’ talb fil-knejjes. Hemm diversi okkażjonijiet fil-liturġija tal-Knisja meta n-novena għandha ssir. Hemm in-novena ta’ qabel il-festa, in-novena li ssir qabel id-dfin, in-novena ta’ talb biex tinqala’ grazzja speċjali, u n-novena biex jinħafru d-dnubiet. Illum, bin-novena nifhmu l-aktar it-tħejjija spiritwali / liturġika ta’ qabel il-festa ta’ xi qaddis. Waħda mill-aktar noveni importanti hi dik tal-Milied. Matul id-disat ijiem il-quddies kien ikun kantat. Fl-antik, kien ikun hemm anki serje ta’ prietki matul il-jiem ta’ qabel il-Milied. Din tidher li kienet użanza li daħħluha f’Malta d-Dumnikani fis-sena 1599, fil-knisja parrokkjali tal-Porto Salvo, il-Belt. Dak iż-żmien, in-novena kienet magħrufa bħala ‘s-Solennità tal-Virġinità tal-Madonna’. Kienu d-Dumnikani li xerrdu d-devozzjoni u t-talb tar-Rużarju, li hu tant assoċjat man-novena u għaldaqstant, f’bosta lokalitajiet, in-novena hi assoċjata mal-artal iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju. Fl-1781, f’Ħal Lija bdiet titqiegħed urna fuq l-artal tar-Rużarju għal matul in-novena. Ara: ‘Some Aspects of Maltese Christmas Traditions’ ta’ Guido Lanfranco, fi Treasures of Malta, n. 34, Christmas 2005, Vol. XII n. 1.

NOVISSMA   Skont it-tagħlim Nisrani din hi waħda minn erba’ sitwazzjonijiet li l-bniedem irid ikun ippreparat għalihom fl-aħħar ta’ ħajtu, jiġ., il-mewt, il-ġudizzju universali, l-infern u l-ġenna. J.J. Camilleri fil-ktieb tiegħu Malta Kif Għextha Jien, p, 85, jgħid hekk: ‘[…] fir-Randan kienu jsiru żewġ prietki wara xulxin, u l-aħħar waħda dejjem kienet tkun fuq in-novissmu, […] il-predikatur kien jagħmel ħiltu biex ibeżża’ lil kull min ikun hemm […]’ Etim. novissima, l-aħħar affarijiet.

NOZZLA / NUZZLA    1. Qoxra tal-frotta, bħal ma hu l-lewż, ġellewż u frott ieħor simili. 2. Il-għadma ta’ ġewwa ta’ bosta frott bħal ma hu ż-żebbuġ. 3. V.B. (1900) jagħtiha bħala, almonds, nuts, shells. Mill-Kalabriż: nuozzola; Tal. nocciola.

nucemoscata520.jpgNUĊIMUSKATA    Frotta (jew is-siġra ta’ din il-frotta) li tikber l-aktar fl-Indonesja u fil-Karibew. Is. xj. Nux myristica fragrans. Din il-frotta tintuża ħafna għat-taħwir tal-ikel, kif ukoll għal max-xorb. In-nuċimuskata tintuża wkoll biex isiru żjut li jindilku fuq il-ġisem bħala kura u rilassament. Hawn anki ġamm tan-nuċimuskata.

nuffara-trajbu.jpgNUFFARA    Oġġett li jitpoġġa mill-bdiewa fl-għelieqi biex inaffar – jew ibeżża’ l-għasafar. Dan l-oġġett ikun norm. trajbu mlibbes ta’ bniedem bi ħwejjeġ imdendlin u jperpru miegħu b’mod li meta dawn jiċċaqalqu maż-żiffa tar-riħ l-għasafar jibżgħu u jtiru, u għalhekk ma jiklux mill-uċuħ tar-raba’. Il-kelma ġejja mill-verb naffar li tfisser beżża’ milli xi ħadd jersaq viċin. Ara: NAFRA u TRAJBU. Tal. Spaventapasseri. Ing. Scarecrow.

NUGRONZOZZU    Kelma li fl-antik kienet tintuża mill-ommijiet biex isikktu t-tfal meta jkunu mqarbin. Etim. Sqal. nigru + sozzu (?Tal. un grande sozzo – sporco). Sors: J.A.

NUĦĦALA    1.  Il-qxura (granza) ta’ barra taż-żerriegħa tal-qamħ. Għ. Nukħala. Idj: ‘Rama’ d-dqiq u ġabar in-nuħħala’ – għażel dak li jiswa l-inqas u injora dak li hu l-aktar importanti. Ing. bran. 2. Tip ta’ ġebel żgħir.

NUGRUFUN        Ara:  NIGRUFUM

NUNA    Skola tat-tfal iż-żgħar. Eż. Skola tan-nuna.  NUNU Isem li bih t-tfal kienu jsejħu b’sens ta’ rispett lill-għalliem tal-klassi, l-aktar meta dan ikun xi qassis. Sqal.  nunna – M. skola tan-nanna. Fl-antik wieħed kien isejjaħ lix-xiħ tal-iskola anki nannu jew nanna. Sors etim: E.S.I.

NUZZLA     Ara: NOZZLA.

NWAR    1. Il-fjuri rġiel li ma jagħmlux frott, imma jservu biex l-insetti jdakkru minnhom iż-żahar nisa, u miż-żahar nisa joħroġ il-frott. Sors: Ġużi Gatt. Ara: http://www.ilmiklem.com/xoghol-il-bidwi-fapril-tal-1849/. Ward tas-siġar tal-frott. 2. Skont M.A.V. din tfisser, xi ħaġa tal-mistħija, xi ħaġa li ma tagħmilx unur. Qawl: It-tfal jikxu l-inwar. Qawl ieħor jgħid, min jiżloq fin-niexef jikxef nwaru. Din il-kelma ma nistabx la f’J.A. u lanqas f’E.S.I. X’aktarx wisq probabbli nwar hi kelma oħra flok GĦAWAR il-plural ta’ GĦAR, jiġ., mistħija.

NWIEB    Tingħad fil-frażi, seba’ nwieb, jiġ., sebgħat ijiem. Ara: NEWB.

NXURI   Appel. antik li jfisser: tari, artab, nej. Ngħidu, ‘il-qoton għadu nxuri’, jiġ., għadu ma sarx. Għ. naxara – appel. għall-art meta ssir ħadra wara li tagħmel ix-xita.

          *          *         *

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Din l-enċiklopedija ta’ tagħrif storiku u kulturali fuq il-ħajja Maltija hi bbażata fuq dawn it-tliet kotba.  

Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid

Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja  Aa ARA X'INT TGHID  A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                  Paġni 256                                Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95           Prezz Ewro 14.95           Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).