GABARRÉ * GABILLOTT * GABIRJOLA / GABRIJOLA * GABUBA * GADAJDU / GADAWDU * GADRAJ * GAGARELLA / GARGARELLA * GAGGATA * GAGAZZA / KAKKAZZA * GAGAZZIERA * GAJDRA * GALAXXINT * GALAXXUN * GALJA * GALIZZJA / LIGURIZJA * GALJAZZA * GALJUN * GALJOTT * GALLARIJA, IL- * GALLETTA * GALLIPOLI * GALLOZZ * GALLUDINDJA * GALLUN * GALOPPIN * GAMEW * GANĊ, TRIQ TAL- * GANDLORA * GANDLAR * GANGALA * GANGMU * GANUTELL / GANUTIL * GANZA / RGANZA / ORGANZA * GARDINAW * GARDJOLA * GARRISON CHURCH * GARUM * GARŻA * GARŻUBLA * GARŻUN * GASTRA * GATTARELL * GAUCI * GAVOTT * GAWGAW / KAWKAW * GAWŻA * GAXIN * GAŻIBA * GEDUDU * GELLUX * GELMUS * GENDUS * GEORGE CROSS * GEŻWIRA * GEŻŻ * GIDDIBUNAZZ * GIDMEJMUN * GIFUN * GIGG / GIKK * GIMES * GIOVEDÌ GRASS * GIRGENTI * GIRNA * GIŻWAJER * GLOJ * GODLA * GOLJA / GULJA * GOLLIWOG * GONFALUN * GORBOĠ / GIRBEĠ * GORDA * GOTTA * GOŻWAJER * GOZO / GĦAWDEX * GRABJA * GRADENZA * GRAHAM, IL-GŻIRA * GRANKRUĊ * GRAN PRIJUR * GRANSPINAT * GRAN VISKONTI * GRANFA * GRANZA * GREJBEL / TA’ GREJBEL * GREMBJAL * GREMXUL (ara: DREMXULA) *GRENĠ * GRIGALATA * G R III * GRILLU * GRIMA * GRIXTI * GRIŻMA / GRIŻMA TAL-MORDA * GROKK * GROSS, IL- * GROSSA * GROSSIST (ara: INGROSSA) * GWARDAMANĠA * GWARNAĊĊA * GŻIRA MLIESSNA * GUBUNA, IT-TEATRIN TA’ * GULA * GUMNA * GUNGLI * GUT, IL- * GUVA * GVERNATUR ĠENERALI, IL- * GVERNATUR TA’ GĦAWDEX, IL- * GVERTA / KVERTA * GWAPP * GWARDAKARNI * GWARDAMANĠA * GWARDINFANT * GWARNIĠJON * GWERRA FRANĊIŻA * GWERRA L-BIERDA, IL- * GŻIRA MLIESSNA *
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
GABARRÈ Dixx kbir li fuqu jitqiegħed u jinġarr ikel u xorb biex ikun servut. QADDEJ Tal-GABARRÈ. Hekk kienu jsejħulu l-wejter li jkun liebes pulit. Sors: E.S.I.
GABILLOTT Fi żminijietna, meta nsemmu l-gabilott inkunu qed nirriferu għal bidwi kwalunkwe li jaħdem l-għelieqi. Biss, fl-antik, il-gabillott proprjament kien dak li jieħu ħsieb jiġbor il-qbiela (pl. ta’ qabala Għ. gabala. Tal. ghabella) mingħand il-bdiewa għan-nom tas-sidien fewdali u oħrajn li ġew warajhom. Sqal. Gabbillottu. Lat. Gabellariu. Għ. qabala. M. taxxa. Qbl. ma’ QBIELA.
GABIRJOLA / GABRIJOLA Kutrumbajsa li wieħed jagħmel meta jirrombla mal-art, rasu ’l isfel u saqajh ’il fuq, kemm jekk fuq idejh kif ukoll mingħajr ma jmiss ġismu mal-art. Fig. ‘għamel gabirjola’ – biddel fehimtu totalment. Tal. Capriola. Sqal. Capriole – M. il-qabża taż-żiemel meta dan jogħla fl-ajru u jagħti b’saqajh fil-vojt.
GABUBA Kaxxa jew kamra żgħira fejn ħafna drabi jinżammu xi annimali żgħar bħal fniek jew ħamiem. Fig. Ngħidu, ‘Dak jgħix ġo gabuba’, meta wieħed joqgħod ġo dar żgħira ħafna u bi ftit kmamar li jkunu żgħar. Għ. kaba – M. kaxxa.

GAGARELLA / GARGARELLA Ngħiduha fil-frażi: ‘Qabditu gargarella’. Din tingħad norm. meta xi ħadd ikun jidher beżgħan għall-aħħar. Fil-fatt, gagarella ġejja mit-Tal. caccarella li tfisser dijarea jew inkella kakka. Il-kelma għaldaqstant tispjega l-istat ta’ wieħed inkwetat għall-aħħar jew beżgħan; bħal meta dak li jkun jagħmel taħtu bil-biża’.
GAGATA Ħmerija. Ngħidu, ‘qed tgħid gagata’.
GAGAZZIERA Maħrat. Post fejn wieħed jinqeda biex ibul jew jaħra. Lejn nofs is-seklu dsatax il-Belt kien hemm postijiet magħmula apposta biex il-pubbliku kien jista’ jinqeda f’dan ir-rigward. Dawn kienu jissejħu hekk.
GADAJDU / GADAWDU Mostru li dari l-kbar kienu jbeżżgħu lit-tfal bih, billi jgħidulhom: ‘ara ġej il-gadawdu għalik’. B’mod oppost, aktar tard din il-kelma bdiet tintuża anki bħala kelma ta’ ħlewwa u żegħil lejn it-tfal. Sq. cadauru qab. Kadavru. Qbl. ma’ BABAW. Sors etim E.S.I.
GADRAJ (pl. gadrajja) Bejjiegħ li norm. jinnegozja mal-baħrin tal-bastiment minn fuq id-dgħajsa biex ibigħ minn fuq l-idejn dawk l-oġġetti li jkollu mgħobbija. Etim. Sqal. catraju – M. persuna li tagħmilha ta’ interpretu man-nies abbord il-bastiment. Venezjan: cadrai – wieħed li jdur il-port biex ibigħ il-frott. Portugiż: catraia – tip ta’ dgħajsa żgħira; mod kif wieħed jaqdef fuq dgħajsa billi jdeffes iż-żewġ imqadef fl-ilma fl-istess ħin. Ara: BAMBOTT. Sorsi: E.S.I. u J.A.
GAGAZZA / KAKKAZZA Tip ta’ ġebla li hi magħmula mill-iskart tal-faħam jew lava, li kien impurtat f’Malta, speċ. fis-seklu dsatax. Minħabba l-kulur tagħha, kannella u iswed, din il-ġebla kienet bdiet tintuża wkoll biex jinbena l-presepju tal-Milied. Meta dan il-faħam ma baqax ikun impurtat, il-presepji mbagħad bdew isiru bil-kartapesta, jew bil-ġebel rustiku li jinsab fix-xagħri. B’mod żbaljat, dan il-ġebel tax-xagħri baqa’ jissejjaħ ġebel tal-gagazza. Etim. Sqal. cacazza – eskrement tal-insetti u ta’ annimali żgħar, tilqit u skart. Ara: Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja ta’ Malta ta’ Guido Lanfranco, pp. 141, 142.
GAJDRA (pl. kollettiv: gajdar) 1. Mollusk. Is. xj. Ostrea edulis. Tip ta’ mħara li tgħix fil-Mediterran. GAJDRA TAL-PONOT Is. xj. Spondylus gaederopus. Bħal ta’ qabilhom, xi wħud minn dawn l-ispeċi jittieklu, iżda dawn huma wkoll imfittxija minn dawk li jikkollezzjonaw il-molluski. Ing. Oyster. 2. Fig. Din il-kelma tingħad għal xi ħadd li jieħu l-affarijiet bil-lajma. Xi ħadd kajman. 3. Kulur tal-abjad meta jisfuma fil-griż. 4. Fig. Besqa bħal meta bniedem jaqla żokma. Sors. E.S.I. Fl-istorja‚ ‘Mastru Ġakbu‘, Temi Zammit jirrakkonta kif l-iskrapan kienu jżommu nofs gajdra fuq il-bank biex fiha jitfgħu daqsxejn kolla li jsibuha kull meta jkollhom bżonn jagħtu pinzellata ħafifa. Sorsi: E.S.I. u Il-Malti, 1931.
GALAXXINT Kullana b’fossa kbira li kienet tintlibes għal xi okkażjoni speċjali. Etim. dubjuża, biss, jista’ jkun li din il-kelma hi komposta minn: gala – rif. għal okkażjoni partikulari meta wieħed għandu jilbes b’mod pulit, u xint, li tista’ tkun qed tirriferi għal ‘xintilli’ – affarijiet li jlellxu (Tal. scintillare). It-tifsira l-oħra hi: gola – M. gerżuma u cinto – M. madwar.
GALAXXUN Strument tad-daqq, qisu mandola jew kitarra mżaqqa u b’manku twil. Dan l-istrument jaf l-oriġini tiegħu fil-bidu tas-seklu tmintax. L-invenzjoni ta’ dan l-istrument kienet tal-familja Vinaccia ta’ Napli. Aktar ma għadda ż-żmien il-manifatturi ta’ dan l-istrument żiedu miegħu elementi ġodda biex jiżviluppawh aktar. Bl-Ingliż dan l-istrument hu magħruf bħala Neapolitan lute. Sq. calasciuni. Minn dan in-nom ħareġ il-kunjom Calascione.
GALIZZJA / LIGURIZJA 1. Pjanta li bil-Malti hi magħrufa bħala għud is-sus. (Is. xj. Glycyrrhiza glabra). Din il-pjanta tikber l-aktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa. L-għerq jinħasad wara t-tielet sena li tkun kibret il-pjanta u jitnixxef biex imbagħad jinbiegħ f’biċċiet twal, qishom lapsijiet. Din il-pjanta titgħalla għal ħafna ħin. Is-sugu li joħroġ mill-għeruq jintuża kemm għall-mediċina, l-aktar kontra l-uġigħ tal-griżmejn, kif ukoll biex isiru ħafna tipi ta’ ħelu. Traċċi ta’ din il-pjanta ġieli jitħalltu mat-tabakk tas-sigaretti biex jagħtu togħma pjaċevoli. 2. Ħelu iswed li meta tigdmu, jiġġebbed u għandu togħma morra. Sq. sugu di rigulizia. M. Għerq ħelu. Sors etim: E.S.I.
GALJA Tip ta’ galjun.
GALJAZZA Xini kbir li barra li kien jivvjaġġa bil-qlugħ u kellu wkoll l-imqadef. Kien kapaċi jsalpa għal xhur sħaħ għax kien ikun fornut b’kollox għal vjaġġi twal. Fost ix-xwieni, il-galjazza kienet akbar mill-galera u akbar mill-galjotta. Ara: Il-Flotta ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Joseph Muscat, p. 167.
GALJOTT Skjav, jew xi ħadd li jkun ikkundanat jaqdef fuq ix-xwieni. Sqal. Galiottu. Tal. Galeotto.
GALJUN Dan kien tip ta’ bastiment b’diversi gvieret, li żviluppa mill-karakka f’nofs is-seklu sittax, u baqa’ jintuża sas-seklu sbatax. Filwaqt li l-karakka kienet tiżen mal-1000 tunnellata, il-galjun kien idjeq, eħfef u kien jiżen biss 500 tunnellata. Għaldaqstant, il-galjun kien manuvrabbli aktar. Dan il-bastiment kien ikollu bejn tlett u erba’ arbli armati bil-qlugħ, u kien jintuża kemm għall-ġarr tal-merkanzija kif ukoll għall-skopijiet militari. L-aktar li għamlu użu minn dan it-tip ta’ bastiment kienu l-Ispanjoli; biss anki l-Franċiżi, il-Portugiżi, il-Venezjani u l-Ordni ta’ San Ġwann kienu bnew il-galjuni tagħhom. Billi l-galjun kien ikbar mill-galeri l-oħrajn, dan kien iservi wkoll bħala KAPITANA tal-flotta. Ara: Ara: Il-Flotta Ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, ta’ Joseph Muscat, pp. 96-98.
GALLARIJA IL-, X’aktarx fis-seklu tmintax, dawn kienu diġa’ bdew jidhru mal-faċċati ta’ bosta bini fil-Belt. Żgur li dawn il-gallariji, almenu dawk li naraw illum, magħmula mill-injam u magħluqa minn kull naħa, ma sarux qabel, għaliex bosta minnhom jgħattu t-tiżjin arkittettoniku ta’ stil Barokk li kien immirat li jżejjen il-faċċati, u li dan jmur lura daqs il-bini nnifsu. L-eqdem u l-itwal gallariji li hawn huma dawk tal-palazz tal-Gran Mastru. Dawn iduru ma’ tlieta minn erba’ faċċati tal-Palazz. L-iskop tal-gallariji magħluqa tal-injam hu prinċipalment li jagħtu dell mix-xemx lill-kamra. Fl-istess ħin il-gallarija bit-twieqi miftuħa tħalli ż-żiffa pjaċevoli fis-sajf. L-oriġini tal-gallariji f’Malta jidher li ġabuha magħhom il-kavallieri tal-Ordni minn pajjiżi Mediterranji, bħal Spanja, it-Turkija, it-Tuneżija, u l-Eġittu. Illum, dawn issibhom anki f’Ġedda, fis-Saudi Arabia, fl-Indja u fil-Perù jidħru gallariji pjuttost simili.
Dawn huma aktar gallariji miftuħa milli magħluqa, u mhux bħal dawk tal-injam ta’ Malta. Apparti l-ħafna eloġji li nsibu fuq is-sbuħija u l-vantaġġi tal-gallariji, wieħed jiltaqa’ wkoll ma’ kummenti negattivi. Hawn nikkwota lil Leonard Mahoney, perit u storiku, li fil-ktieb tiegħu, 5000 Years of Maltese Architecture, ixebbah il-gallariji ma’ kaxxi koroh tal-injam imwaħħla mal-faċċati tal-bini. Hu jżid hekk: … a cancerous growth on almost every façade in Valletta … hiding the architecture completely. pp 85, 234. Etim. il-kelma ġejja mit-Tal. gallaria, fis-sens ta’ kuritur, għaliex il-gallarija tal-Palazz li x’aktarx hi waħda mill-eqdem f’Malta, kienet mibnija qisha’ kuritur mal-faċċata kollha tal-binja. Għaldaqstant, il-gallariji li ġew wara bdew jissejħu hekk ukoll. ‘Ara: Mysteries of the Maltese Gallarija’ ta’ Giovanni Bonello, Treasures of Malta Vol IX no 2; ‘The Traditional Maltese Balconies’, Joseph Azzopardi, Vigilio 2002, no 21.
GALLETTA 1. Biskuttell tond, kbir daqs pala tal-id li dari kien jittiekel ħafna drabi mat-te’. 2. Injama ċatta u maqtugħa fit-tond li titwaħħal fuq il-quċċata tal-antinjola (l-arblu tal-bandiera). 3. L-għadma tonda ta’ fuq l-irkoppa. 4. Daqqa biż-żewġ pali tal-idejn fuq ir-ras, bħal tumakka). 5. Tip ta’ pjanta tad-dell li tiftaħ weraq imlaħħmin, kbar u fit-tond. Is. xj. Farfugium. Ing. Leopard Plant. 6. Fil-logħba noli, il-galletta tirriferi għal post preċiż fejn it-tifel li jkun, qabel ma jibda jfittex ‘il-saħbu, jkun imġiegħel ipoġġi wiċċu mal-ħajt biex ma jkunx jista’ jara fejn sħabu marru jinħbew. Imbagħad meta jsibhom imur jiġri u jagħti tliet daqqiet fuq il-‘galletta’ qabel ma jaslu ħdejh. 7. Strument tat-tortura magħmul b’toqba tonda fejn il-priġunier kienu jqiegħdulu rasu fiha u jafsu l-injama fuq il-kozz t’għonqu sakemm jinkisirlu l-għadam. Kienu jgħidu, ‘tawħ il-galletta’, meta xi ħadd kien ittorturat sal-mewt; jew b’mod aktar fig., meta xi ħadd ikun ikundannat għall-mewt. X’aktarx f’dan il-każ, l-oriġini ta’ din il-kelma ġejja mit-Tal. garotta, li hi għodda tat-tortura, biss, ta’ xorta oħra.
GALLIPOLI Reġjun fuq in-naħa tal-Punent tal-Baħar tad-Dardanelli. Din hi art twila u ħierġa ‘l barra 72 km, u fil-parti l-aktar wiesgħa tagħha fiha 16-il km. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, hawn kien sar ġlied qalil bejn il-qawwiet Torok, dak iż-żmien alleati mal-Ġermanja u l-Awstrija, u dawk Ingliżi, Franċiżi, suldati tal-ANZAC u oħrajn. Dan il-ġlied beda għaliex il-flotta Russa riedet tuża l-Istrett tad-Dardanelli biex tkun tista’ tbaħħar ‘il barra mill-Baħar l-Iswed, fil-Mediterran. Franza u l-Ingilterra ma riedux li dan iseħħ u għaldaqstant bagħtu l-flottot tagħhom b’eluf ta’ suldati, flimkien ma’ oħrajn mill-Commonwealth biex jattakkaw fuq dan il-front. F’din il-kampanja militari ħadu sehem ukoll eluf ta’ Maltin li kienu ingaġġaw volontarjament bħala baħħara, kif ukoll bħala membri tal-battaljun tal-loġistika meħtieġa biex jgħinu t-truppi. Minn dawn il-Maltin kienu mietu 592. Kien f’dan iż-żmien li f’Malta nfetħu 27 sptar biex ilaħħqu mal-feruti. Il-kampanja militari ta’ Gallipoli damet sejra sena sħiħa, u eluf ta’ suldati baqgħu mkaħħlin fit-trunċieri tagħhom għal ħafna xhur mingħajr ma seħħ l-ebda avvanz. Ara: ANZAC. Ara: Malta During the First World War 1914-1918, ta’ Anthony Zarb Dimech , “Sette Giugno” 1919 – Tqanqil u Tibdil ta’ Michael A. Sant.
GALLOZZ Idj: ‘Deffes rasu bħal gallozz’ – jiġ., ma ried jisma’ b’xejn, ma riedx iħabbel rasu dwar il-problema. Il-gallozz hu isem ġeneriku ta’ diversi speċi ta’ glalez li jpassu minn fuq Malta. Il-glalez jgħixu fil-bwar u l-għadajjar u jistaħbew qalb il-qasab, is-simar u veġetazzjoni oħra. L-iżjed komuni fosthom huma l-gallozz iswed u l-gallozz tax-xitwa. Ismijiet oħra bil-Malti: gallozz ta’ geddumu aħmar u l-gallozz xitwi. Ing. Water Rail.
GALLUDINDJA Dundjan, kif isejjaħlu A. de S.
GALLUN 1. Miżura ta’ kważi ħames litri (5 litri jagħmlu gallun wieħed u .79 ta’ pinta). Din il-miżura kienet introdotta f’Malta mill-Ingliżi biex jitkejlu l-likwidi, eż. l-ilma, l-ħalib, il-pitrolju, eċċ. Il-gallun baqa’ miżura ta’ kejl f’Malta sas-sebgħinijiet. Sa dak iż-żmien, il-kontenitur biex tixtri l-pitrolju fih, kienet landa li tesa’ gallun bl-eżatt. Kont issib laned li jesgħu nofs gallun jew żewġ galluni. Ing. Gallon. Ara: KEJL ANTIK. 2. Penzijiet forma ta’ strippi żgħar imwaħħlin fuq is-sider tal-uniformi biex tindika r-rank tal-uffiċjal. Lazz li jitwaħħal mal-uniformi tal-uffiċjal militari li wkoll jindika r-rank tiegħu. Ing. Galloon.
GALOPPIN Bniedem li jkun qed jgħin fil-kampanja ta’ propaganda ta’ kandidat politiku li joħroġ għall-elezzjoni. Oriġ. wieħed li kien iterraq minn dar għall-oħra ħalli jara kif jindihes ma’ dak u l-ieħor biex jaqla’ xi ħaġa tal-flus. Tal. galoppino. Ing. Canvasser. Sors: E.S.I.
GAMEW Ornament personali, li jintlibes min-nisa, jew bħala pendent mal-għonq jew b’labra fuq il-pavru tal-ġakketta. Il-gamew ilu jintlibes għal sekli sħaħ, u sa jidher f’disinji li jmorru lura sal-perijodu Ruman. Jidher li l-gamew kien jintlibes oriġ. anki bħala taliżman li kien jipproteġi ’l dak li jkun kontra l-perikli u l-ħażen. Bħala xogħol artiġjanali l-gamew norm. jikkonsisti minn ħaġar ta’ ċertu valur, iddisinjat u mnaqqax, u kultant imħallat ma’ materjal ieħor. Etim. Gr. komma – M. inċiżjoni, jew Gr. kamaton – M. xogħol iebes u artiġjanali. Ing. cameo. Tal. cammeo.
GANĊ, IT-TRIQ TAL- Din hi dik il-parti ta’ Triq San Ġwann, il-Belt, li minn Triq il-Merkanti, tinżel lejn Triq San Pawl. Dan il-laqam ingħata lil din it-triq minħabba ħadida kbira, mgħawġa forma ta’ ġanċ, li hemm imdeffsa fil-ħajt, ftit ’il bogħod mill-kantuniera ta’ Triq Il-Merkanti. Hawn min jgħid li dan il-ganċ twaħħal hemm fi żmien l-Ordni biex miegħu idendlu b’ħabel il-persuni ikkundannati, minn fuq speċi ta’ ħoġor ħiereġ ’l barra li hemm fl-għoli tal-kantuniera. Hu fatt li fi żmien l-Ordni, ma’ din il-kantuniera, li kienet tagħmel parti mill-Kastellanja, kien isir l-istrapado, jiġifieri, tip ta’ tortura fejn l-ikkundannat kien jintrabat, jiddendel u jinġibed bil-ħbula biex jissussawlu l-ġogi. (ara KASTELLANJA). Hemm ukoll xniegħa ħelwa, li fi żmien l-Ingliżi dawk impjegati man-Navy kienu jittantaw jippruvaw jgħaddu mill-ħolqa tal-ganċ għax kienu jgħidu, b’mod umoristiku, li minn jirnexxilu kien jingħata promozzjoni. Hu wisq probabbli li l-ganċ kien serva xi darba biex jintrabtu il-ħbula biex jittellgħu l-qniepen li hemm fil-kampnar tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
GANDLAR Wieħed li jaħdem jew ibigħ ix-xemgħa. Ara: ĊERERIJA.
GANDLORA Din il-festa tfakkar il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, u hi ċċelebrata fit-2 ta’ Frar. F’din iċ-ċerimonja li issir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, isir it-tberik tax-xemgħa. Kemm fi żmien l-Ordni, kif ukoll fi żmien l-Ingliżi, din iċ-ċerimonja kellha anki sinifikat soċio-politiku. Fi żmien l-Ordni, għal din iċ-ċeremonja kien jattendi il-Gran Mastru – u fi żmien l-Ingliżi, kien jattendi l-Gvernatur. Fi żmien l-Ingliżi, Il-kappillani tal-ibliet u l-irħula kienu jippreżentaw ix-xemgħat tagħhom lill-Gvernatur fil-Palazz il-Belt. Il-Gvernatur imbagħad kien jagħmel id-diskors tiegħu indirizzat lejn il-kappillani. Fid-diskors tiegħu, il-Gvernatur kien ġeneralment jirriferi għas-sitwazzjoni politika lokali, għall-problemi tal-pajjiż, kif ukoll isemmi xi proġetti partikulari li l-gvern ikun bi ħsiebu jwettaq. Hawn naraw l-għaqal diplomatiku li l-Ingliżi kellhom mal-Isqof u l-kleru Malti biex iżommu relazzjoni tajba. L-Ingliżi kienu jifhmu li biex tilħaq il-poplu Malti kont trid l-ewwel tkun ħbieb mal-Knisja, anki minħabba li huma bħala Protestanti kienu qed imexxu pajjiż Kattoliku. Din l-użanza li l-kleru jiltaqa’ mal-kap tal-Istat, twaqqfet għal kollox fl-1975. Ara: A Chronicle of the 20th Century, ta’ Michael Cassar u Joseph Bonnici, p. 324.
GANGALA Il-ġilda u l-laħam taħt il-geddum tal-barri. Il-ġilda mdendla minn għonq il-bniedem, l-aktar meta l-persuna tkun ħoxna b’mod esaġerat, jew ta’ età avvanzata. Tal. gangola jew ghiandola.
GANGMU Xibka li tkun magħmula forma ta’ lembut u li tintuża għall-qbid tal-ħut, l-aktar dak tal-qiegħ. Is-sajd bil-gangmu jsir billi l-qoffa li tkun imtaqqla biċ-ċomb titkarkar ma’ qiegħ il-baħar, minn xi bastiment jew dgħajsa tas-sajd. It-toqob tax-xibka huma żgħar apposta biex jinqabad il-ħut irqiq. Bil-gangmu jinqabdu wkoll il-gambli. Fl-antik, il-gangmu kien jintuża wkoll biex jaqbdu l-isponoż. Fis-sena 1773, il-Gran Mastru De Rohan kien ħareġ bandu biex is-sajjieda ma jistadux bil-gangmu. Hemm gangmu li jintuża fuq qiegħ ramli. Is-sajd bil-gangmu hu rregolat mil-liġijiet marittimi tal-Unjoni Ewropea, minħabba li t-tkarkir jagħmel il-ħsara meta jinqabad ħut żgħir ħafna minħabba li dan ikun għadu ma faqqasx. Intant f’Malta dan is-sajd ma għadux isir. KAJJIKK TAL-GANGMU Dik id-dgħajsa li kienet tintuża biex jinġabar il-faħam minn qiegħ il-baħar bi xkora li titkaxkar mal-qiegħ. TAL-GANGMU Appel. għal dawk in-nies li kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jiġbru dak li kien jitwaddab fil-baħar mill-bastimenti, eż. laqx tal-injam, faħam u oġġetti oħra li kienu jinstabu jgħumu f’wiċċ l-ilma qrib ix-xatt. Il-Malti jgħid, ‘x’gangmu fik’, b’rif. għal xi ħadd li jtawwalha biex jagħmel xi ħaġa. (din tal-aħħar qalili John Neville Ebejer). Tal. gangamo. Ara: Fishing in Malta, Stanley Farrugia Randon, pp. 36, 57, 172; La Pesca delle Spugne ta’ Aniello Langella, 2011, www.vesuvioviewweb.com; Snajja’ u Xogħol il-Maltin, Paul P. Borg, pp. 245-246.
GANUTELL / GANUTIL Bukkett ta’ fjuri magħmul minn diversi materjal, l-aktar, ħjut tad-deheb jew tal-fidda. Ix-xogħol l-ewwel jibda billi jsiru forom ta’ weraq u ward, imbagħad dawn jingħaqdu flimkien f’bukketti. Dan ix-xogħol artiġjanali tarah l-aktar fil-festi, iżejjen l-artali. Il-ganutell kien isir l-aktar mis-sorijiet fil-kunventi, fis-sekli tmintax u dsatax. Illum ix-xogħol artistiku u fin tal-ganutell isir bħala passatemp minn bosta nies u hu mgħallem fl-iskejjel tal-arti. Tal. cannutiglio anke canutigla – strisciolino d’oro. Ara: Ganutell ta’ Maria Kerr. Ganutil Flowers – ‘An ancient Craft’ ta’ Guido Lanfranco fi Treasures of Malta, Summer, 1998, Vol. IV no 3, pp. 34, 35. ‘Decorative Flowers Through the Ages’ ta’ Guido Lanfranco fi Treasures of Malta, Christmas 2000, no 19, Vol VII no 1 pp. 31-35.
GANZA / RGANZA / ORGANZA Drapp trasparenti, magħmul mill-ħarir ta’ xeħta pjuttost imġiegħed, qisu tull, imma eħfef, li jintuża bosta drabi fl-ilbiesi tat-tieġ, tiżjien fit-tul fil-knisja għal xi tieġ, fil-bordura tal-ilbiesi u biex jiddekora bosta affarijiet oħra. Illum, il-ganza ssir ħafna drabi min-nylon jew mill-polyester u tinxtara biex biha isir kull tip ta’ dekorazzjoni fuq id-drapp. Isiru wkoll fjuri minn dan il-materjal għall-ilbiesi eleganti. Il-kurdiċella tal-ganza tintuża biex tagħti xeħta dekorattiva lid-drapp tal-purtieri li ġieli jsiru wkoll mill-istess materjal. Tal. organza.
GARDINAW Logħba li kienet tintlagħab bejn sitta sa għaxart itfal li jinqasmu f’żewġ gruppi. Grupp minnhom kien dak li lest li jaħrab biex ma jinqabadx; il-grupp l-ieħor, xogħlu kien li jaqbad il-maħrubin. Wieħed minn dawk il-maħrubin jgħajjat, ‘Gardinaw’, kelma li ġejja mill-Ingliż ‘Guardian out’. Ma’ din il-kelma l-grupp tat-tfal li jagħmluha tal-kalzriera jiġri wara l-grupp tat-tfal maħruba. Hekk kif jinqabad tifel minn dawk il-maħruba dan jinġieb mal-ħajt fejn il-grupp tal-kalzriera jkun ‘stazzjonat’, u dan jingħata tliet daqqiet fuq idu biex ikun iddikjarat priġunier. Sħabu jippruvaw iħarrbuh billi jersqu lejh waqt li jiżgiċċaw lill-kalzriera tiegħu. Jekk il-priġunier ikun meħlus minn sħabu, dan jgħidulu ‘salvament’. Biss jekk il-maħruba jinqabdu kollha, il-kalzriera jirbħu l-logħba. Lanfranco jgħid li din il-logħba hi l-istess bħall-GWERRA FRANĊIŻA. Anton F. Attard jgħid li f’Għawdex din il-logħba kienet tintlagħab b’mod differenti mil-logħba Franċiża, għax fil-Gwerra Franċiża, kif tintlagħab Għawdex kull grupp għandu l-‘belt’ u l-‘ħabs’ tiegħu x’jiddefendi. Sors: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publication, p. 31; Logħob Folkloristiku ta’ Għawdex, Anton F. Attard, p. 73.
GARDJOLA Magħrufa wkoll bħala vedette. Post tal-għassa magħmul minn struttura żgħira tal-ġebel, bħal speċi ta’ kmajra mat-tarf tas-sur, minn fejn is-suldat kien jgħasses, protett mix-xemx u x-xita. Jeżistu diversi gardjoli kemm fuq is-swar tal-Port il-Kbir kif ukoll mas-swar li jagħtu għal fuq Marsamxett. L-aktar prominenti fosthom hi dik li hemm fil-ponta tal-Isla. Din għandha mnaqqxa fuqha rappreżentazzjonijiet ta’ widna, għajn u għarnuq, kollha simboli tal-viġilanza. Intant il-ġnien li hemm f’din il-ponta hu magħruf bħala, ‘il-Gardjola’. Tal. Guardiolo. Ara: GĦARNUQ.
GARRISON CHURCH L-hekk imsejħa Garrison Church kienet oriġ. knisja żgħira, mibnija apposta mill-Ingliżi fl-1855, bieb ma’ bieb mal-Barrakka ta’ Fuq. L-arkitett kien Sir Francis Ringler Thomson, Commanding Royal Engineer. F’din il-knisja mhux biss kienu jsiru l-funzjonijiet Anglikani, iżda kien isir ukoll tagħlim tal-katekiżmu lis-suldati Ingliżi. Din il-knisja ċkejkna hi mibnija fl-istil Neoklassiku Ingliż, tipiku ta’ dak il-perijodu. Taħt il-kappella hemm żewġ trolli (barrel vaults) li wieħed minnhom kien, jintuża bħala kannierja. Għal ftit żmien, mill-1967 ’il quddiem, dan il-post kien ingħata lill-membri tal-VERNON CLUB, wara li dawn ċedew lill-Gvern Malti, iċ-ċentru tagħhom li kien fejn illum hemm is-Central Bank. Fi snin aktar riċenti l-binja tal-Garrison Church kienet inbidlet f’uffiċċju tal-Posta. Imbagħad il-Posta tneħħiet minn hawn biex wara xogħol strutturali estensiv minn ġewwa, fl-1999 dan inbidel fl-Istock Exchange ta’ Malta. Ara: ‘Conversion of the Garrison Church Project’, Joseph Azzopardi, Vigilo, June 1999, pp. 20, 21; ‘From Chapel-School to Stock Exchange’, Times of Malta, June 27, Pamela Hansen.
GARUM Tip ta’ zalza magħmula mill-imsaren tal-ħut iffermentat u mħawwar bil-melħ. Din kienet x’aktarx riċetta antika li l-Griegi kkupjaw mill-Kartaġiniżi u warajhom, ir-Rumani għamlu bħalha. Din iz-zalza kienet tkun esportata f’anfori kbar minn pajjiż għall-ieħor fil-Mediterran. Il-garum kien imfittex ħafna għal mijiet tas-snin anki mill-Bizantini, għaliex dan kien iġiegħel l-ikel jikkonserva ruħu b’mod umdu, kuntrarju għal melħ li jikkonserva l-ikel billi jixrob l-umdità minnu biex iżommu xott.
GARŻA Tip ta’ faxxa ta’ drapp rqieq, tant li tara minn ġo fih. Tintuża l-aktar biex tiddawwar u tgħatti il-ferita. Tal. garza. Ing. cotton gauze.
GARŻUBLA Il-pjaneta li s-saċerdot jilbes meta jqaddes, fuq il-bqija tal-ilbies l-ieħor. Din tkun ta’ kulur differenti skont il-liturġija; eż. bajda fi żmien il-Milied, l-Għid u l-festi tal-qaddisin li ma mitux martri, kif ukoll fil-quddies taż-żwieġ; ħadra fil-Ħdud tal-ottava tal-festi; safra kulur id-deheb fi żmien in-novena; ħamra fi żmien il-festi tal-qaddisin martri u fil-ġimgħa ta’ Pentekoste; vjola fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira. Etim. Sqal. casubbula. Ing. chasuble. Ara: PJANETA.
GARŻUN Kull min jagħmel ix-xogħol ta’ wejter. Servjent. Tfajjel li jservi f’ħanut. Sqal. garzun, final., Fr. garçon. Sors: Kalepin (1941). Fil-kummiedja,‘L-erba’ Rikkardi’, (1856) insibu hekk, ‘[…] Jien garżun fl-ispiżerija tas-sur Karlu […]’. It-Teatru Malti tas-seklu dsatax L-ewwel volum, (ed. Marco Galea), p. 88. Ara: ĠABBAR.
GASTRA 1. Qasrija ġejja fit-tond u mbuzzata ’il barra. 2. Il-kolonna, norm. tal-ġebel jew tal-injam, li fuqha titqiegħed il-qasrija. Sa ftit żmien wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fid-djar Maltin kont tara ħafna gastri magħmulin minn skrataċ kbar u vojta tar-ram, li xi darba kienu jintużaw mill-militar biex jisparaw il-balal mill-kanuni. Dawn kienu jżejnu bihom l-aktar xi daħla tad-dar. Minħabba li kienu tar-ram, kien ikollhom bżonn ta’ tindifa bil-ĠANBULL minn żmien għall-ieħor biex iżommu dehra nadifa u tleqq. Tal. vaso da fiori. Etim. Lat. Gastro, M, stonku.
GATTARELL Tip ta’ kelb il-baħar, komuni fil-Mediterran, u li jgħix f’baħar pjuttost baxx u fil-qiegħ ramli jew bil-ħama. Irqiq fis-sura u jikber daqs metru fit-tul tiegħu. Is. xj. Scylionhirus canicula. Idj: ‘Niexef daqs gattarell’ – appel. għal xi ħadd ta’ statura rqiqa ħafna. Ing. small spotted dog-fish.
GAUCI Kunjom li ġej minn ‘Għawdxi’. Kunjom li jidher għall-ewwel darba fil-Lista tal-Milizzja tal-1419-20.
GAVOTT Fi żmien l-Ordni, dan kien il-baħri li jdoqq il-fifra fuq ix-xwieni. Qawl: Ix-xemx bdiet kiefra u l-gavott ma jdoqqx iżjed fifra. Dan ifisser illi hekk kif is-sajf iqarreb, ix-xwieni jibdew jintramaw biex isalpaw għas-sibi (il-piraterija). Dan jimplika li issa, il-gavott ma setax joqgħod idoqq l-istrument u ma jmiddx idejh għax-xogħol. Etim. Il-gavott kienet żifna ta’ stil Barokk li kienet tinżifen fi Franza. Etim. Fr. gavott.

GAWGAW / KAWKAW Fl-antik, bosta kienu jemmnu illi dawk it-trabi li jitwieldu f’nofs il-lejl tal-Milied kienu jsiru Gawgaw, tip ta’ mostru li jbeżża’. It-tradizzjoni tgħid illi Kristu ma jieħux gost li t-tfal jitwieldu fl-istess ħin li twieled hu. Minħabba f’hekk, dawn kienu suppost ikunu ‘ikkastigati’ minn Alla billi kienu mġiegħla jiġġerrew fil-beraħ, waqt li jkaxkru xatba warajhom sal-Paternoster ta’ filgħodu. Kien hawn min jemmen li kienet ir-ruħ biss li tkun qiegħda tiġġerra, waqt li t-tifel jibqa’ rieqed fis-sodda. Biex wieħed kien jeħles minn din il-piena kien ikollu bżonn li matul il-lejl jgħodd it-toqob kollha tal-għarbiel. Dawn is-superstizzjonijiet kollha jidhru li kienu jingħadu b’nofs daħka. Jista’ jkun li l-isem Gawgaw ġej mit-Taljan. bau bau li bil-Malti ngħidulu wkoll il-Babaw. M.A.V. (1796) jgħidlu Gewgew. Ara: BABAW. Ara: ‘Il-Gawgaw and its Origins’, ta’ P. Mizzi, Heritage, Vol. V, pp. 1638-1640, u Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, ta’ Anton F Attard, p. 115.
GAWŻA Kelma li dari kienet titlissen ta’ spiss bejn it-tfal meta xi ħadd minnhom ikun bi ħsiebu jirrapporta jew jikxef lill-ieħor fuq xi ħaġa. Pereż., meta tifel jara lill-sieħbu jbixkel xi ħaġa minn taħt, jew inkella, ikun agredit minn sieħbu tal-klassi, javżah li ser jirrappurtah lill-għalliem tal-klassi, jew lis-surmast billi jgħidlu, ‘gawża!’ Ta’ spiss fil-klassijiet tal-iskola kont tisma’ lit-tfal jgħidu: ‘ħa nugżak lis-sir’. Tal. v. accusare.
GAXIN Fi żmien l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, meta f’Malta kien għad hawn ħafna faqar, il-gaxin kien jinxtara mingħand is-servizzi tan-Navy u tal-Army Ingliżi. Il-gaxin kien jikkonsisti mill-ikel żejjed, mhux ikkunsmat min-nies tas-servizzi. Dan l-ikel fi stat iġeniku tajjeb, kien jiġi mibjugħ lill-kumpaniji b’tender, jew lill-individwu/i Malti/n, li biex imbagħad jinbiegħ, l-aktar, lill-ħaddiema tal-Port. Ing. gash, li tfisser imbarazz għar-rimi, jew gashing. Iċ-Chambers Dictionary jgħid hekk: (nautical slang), spare, extra. Fr. gashi, tfisser ambjent li hu miżmum fi stat ħażin u mħarbat. Ara: Snajja u Xogħol il-Maltin ta’ Paul P. Borg, it-Tieni Volum, pp. 161-168.
GAŻIBA Din il-kelma tingħad b’mod li tirriferi għal xi saram jew għal xi kumplikazzjoni ta’ sitwazzjoni, fejn il-bniedem involut fil-kwistjoni jista’ jmur minn taħt jew jiġi fl-inkwiet. Taħwida. Ngħidu, ‘Il-gażiba taf x’inhi, hux, li…’ jew ‘…malajr sab ruħu f’gażiba.’ M.A.V. (1796) jgħidlha ‘ksiba’. Fil-Piccolo Dizionario (1856) din il-kelma hi spjegata bit-Tal. birboneria, Ing. Roguery, jiġ., brikkunata. Kelma li ġejja mill-Għarbi, kissiba.
GEDUDU Tifel imfissed. Kelma li kienet tingħad mill-kbar biex juru ċerta ħlewwa mat-tfal.
GELLUX/A Għoġol ta’ ftit anqas minn sentejn. Il-kelma tirriferi wkoll għal kull tip ta’ annimal li jgħix fl-irziezet u li jkun għadu ma kibirx wisq. Fig. tifel li għadu ta’ età żgħira. Ara: ĠNIZZA.
GELMUS Post fejn jagħmel ħafna ilma. Qbl. ma’ gelgul. F’Għawdex hemm WIED GELMUS u l-GĦOLJA TAL-GELMUS.
GENDUS Barri kkastrat. Fart. Il-gendus ikun tajjeb għax xogħol tar-raba’ biex jiġbed il-moħriet, jew għal fuq il-qiegħa għad-dris tal-qamħ. Ing. ox. Illum hawn min isejjaħ “gendus” lil kull raġel tal-baqra Maltija, anke meta dan jintuża għar-refgħa.
GEORGE CROSS Dan is-simbolu ta’ ġieħ kien introdott fl-24 ta’ Settembru 1940 mill-Monarkija Ingliża, bħala unur li kellu jingħata lil dawk l-individwi li, għalkemm ma jservux fil-militar, juru qlubija kbira f’mumenti diffiċli u perikolużi, kemm jekk fi żmien ta’ gwerra kif ukoll fi żmien ta’ paċi. Dan il-ġieħ hu meqjus bħala unur ċivili, ekwivalenti għall-Victoria Cross, li hu l-aqwa ġieħ mogħti għall-qlubija lill-militari. Il-George Cross ingħata lill-Maltin mir-Re George VI, bħala rikonoxximent lill-poplu Malti għall-qlubija u tenaċità li wera fil-konfront tal-attakki kontinwi mill-għadu. Il-proklama ta’ din l-għotja ħarġet minn Buckingham Palace fil-15 ta’ April 1942, fi żmien meta l-eħrex attakki kienu qegħdin iseħħu fuq Malta. Dan ifisser ukoll li l-għotja saret biex tqawwi l-qlub tal-Maltin u terfa’ l-moral ta’ poplu li kien batut sew. L-għotja tal-midalja saret aktar tard, f’ċerimonja, il-Ħadd 13 ta’ Settembru tal-istess sena, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Il-Gvernatur Viscount Lord Gort dakinhar ippreżenta il-midalja lil Prim Imħallef tal-Qrati Maltin, Sir Ġorġ Borġ, f’isem il-poplu Malti. Wara l-gwerra l-immaġini tal-George Cross kienet ġiet integrata fuq l-isfond bajdani tal-bandiera Maltija. Din kienet l-ewwel darba li l-George Cross ingħata lil poplu sħiħ flok lil individwu. Fis-sena 2000, l-istess unur ingħata lir-Royal Ulster Constabulary, minħabba l-qadi ta’ dmirha fiż-żmien ta’ ‘The Troubles’ fl-Irlanda ta’ Fuq. Matul dan l-inkwiet kienu nqatlu mat-300 pulizija f’attakki tal-Provisional Irish Republican Army.
GERRIEMA Makkinarju li bih jitqatta’ l-blat. Jintuża fix-xogħol tat-toroq u fit-tħaffir tal-pedamenti. Ing. trencher.
GEŻWIRA A. de S. jiktibha DGEŻWIRA 1. A. de S. jgħid li dan kien kostum bħall-faldetta, li però ma kellux għata, u li kien jintlibes biss fid-dar. Dublett tal-għażel li fl-antik in-nisa kienu jilbsu fuq ħwejjiġhom biex jagħmlu x-xogħol tad-dar. A. de S. ikompli jgħid li dan kien magħmul mill-qoton, u kien ta’ kulur kaħlani b’ċintura bajda. Kien jintlibes min-nisa tal-kampanja. faldetta, zinale. 2. A. de S. jgħid li din l-istess kelma kienet tintuża b’mod metaforiku għaliex kienet tfisser, taħwid u intriċċi f’xi kwistjonijiet. Niftakarhom jgħidu, għamel tbażwira’. TAL-GEŻWIRA Rif. li tmur lura sas-seklu dsatax. Mod kif il-Maltin kienu jirreferu għas-suldati Skoċċiżi, stazzjonati f’Malta, li kienu jilbsu l-kilt tradizzjonali tagħhom. Qbl. v. GEŻWER Għatta xi ħaġa billi rabat l-oġġett f’karta jew fi drapp. Qbl. tgeżwira mal-verb geżwer. Qawl: B’mitt sena ħsieb ma traqqax geżwira.
GEŻŻ Il-ħalib li joħroġ mal-għafsa tal-idejn meta l-baqra jew il-mogħża tinħaleb.
GIANGÒ Ara: BIAMBÒ.
GIDDIBUNAZZ (Damma) bugiardone.
GIDMEJMUN / KIDMEJMUN Tip ta’ xadina. Espr: ‘għandek wiċċ ta’ gidmejmun’ – rif. għall-wiċċ ikrah. Tal. gattomammone. Fil-kultura Taljana, il-gatto mammone jew maimone, hu figura misterjuża li tbeżża’ ta’ għamla u sura mħallta bejn qattus muswaf u dimonju. Dan il-karattru kien jitpinġa biex ibeżża’ t-tfal. Biż-żmien, il-Gidmejmun ħa postu anki bħala wieħed mill-karattri popolari tal-karnival fejn f’diversi reġjuni fl-Italja il-maskerati jilbsu l-kostum li jirrappreżenta dan il-karattru.
GIFUN (pl. gwiefen) 1. Bħal ħarrieġa li sservi ta’ gwarniċun taħt l-opramorta tal-bejt. 2. Tip ta’ lqugħ ċatt tas-siment li norm. jgħatti s-saqaf tal-gallarija biex jipproteġiha mill-ilma tax-xita. Fih ikun hemm imħaffer kanal fejn jaqa’ l-ilma biex jinżel lejn il-MIŻIEB. Tip ta’ deffun. Sq. ghiffuni.
GIGG / GIKK Tip ta’ dgħajsa qisha frejgatina ta’ daqs żgħir, li tintuża l-aktar għall-passatemp tas-sajd, u għaldaqstant tintuża l-iżjed mid-dilettanti ġewwa l-portijiet jew fil-bajjiet aktar milli fil-baħar miftuħ. OPRI TAL-BAĦAR.
GIMES 1. Bniedem li jilħaqlu ħafna. Laqam ieħor għax-xitan; moħħ imxajtan. A. de S. u M.A.V. (1796) jagħtu din l-espressjoni: ‘[…] ‘aħżen int mill-gimeż, M.A.V. ikompli, uomo astuto; uomo singolare per malizia […]’. 2. Ikel misjur fl-istonku li jagħti togħma qarsa. Sors: E.S.I. Din il-kelma suppost tinkiteb giemes. L-oriġinal aktarx huwa participju attiv: giemes, giemsa, gemsin.
GIOIA Ara: ĠOJJA.
GIOVEDÌ GRASS Dan hu l-Ħamis tal-karnival. Il-Giovedì Gras ifisser il-Ħamis meta wieħed kien jista’ jiekol ikel xaħmi. Dan il-jum partikulari tal-karnival kien jiġi ċċelebrat l-aktar fl-Italja u fi Franza. Tal. Giovedì Grasso. Ara: MARDÌ GRAS u KARNIVAL.

GIRNA Kamra żgħira mibnija b’ġebel tas-sejjieħ ta’ kobor li jista’ jinħakem bl-idejn, u li jitpoġġa f’postu fuq xulxin mingħajr ma jitkaħħal. L-istruttura tal-binja tifforma għamla tonda, li finalment tingħalaq minn fuq bħal koppla. L-iskop ta’ din il-kamra hu li tagħti daqsxejn ta’ kenn lill-bidwi, mix-xemx u x-xita. Fl-istess ħin din il-kamra sservi biex fiha jitqiegħdu l-għodda tar-raba’. Dawn il-giren jinsabu l-aktar fil-Majjistral ta’ Malta. Fil-preistorja nassumu, mill-fdalijiet li nstabu, li n-nies kienu jgħixu f’giren bħal dawn. Ara. The Maltese Corbelled Stone Hut, 1992 ta’ Michael Fsadni; Il-Girna ta’ Mikiel Fsadni, Wirt Arkitettoniku u Etniku Malti (1990).
GIRGENTI Inħawi fil-kampanja lil hinn mis-Siġġiewi. Jidher li dan l-isem ġej minn xi laqam ta’ xi propjetarju ta’ din l-art. L-Inkwiżituri kienu bnew palazz fil-Girgenti li llum iservi bħala r-residenza uffiċjali tal-mistrieħ għall-Prim Ministru ta’ Malta. Il-Girgenti jibqa’ magħruf ukoll għad-dehriet tal-Madonna, li seħħew hemm fis-snin ħamsin. L-isem x’aktarx ġej minn Girgenti, l-isem antik ta’ Agrigento fi Sqallija.
GIŻWAJER Dan hu tip ta’ wire rqiq, maħdum bħal xibka li jintuża biex idur madwar u jagħlaq l-ispazju ta’ xi gallinar jew roqgħa fejn jinżammu l-annimali dometiċi. Fl-antik kien jintuża wkoll biex jagħlaq spazji kbar ta’ tul konsiderevoli, l-aktar f’postijiet tal-militar. Illum, il-giżwajer jintuża aktarx b’mod proviżorju jew fi spazji żgħar. Bl-Ingliż dan il-materjal norm. hu magħruf bħala gauze wire mesh jew aħjar, chicken wire.
GLOJ Isem komuni ta’ kull xorta ta’ kolla likwida li tintuża biex twaħħal il-karti. Fil-verità Gloy kien l-isem tal-brand partikolari tal-kolla li kienet magħrufa fis-snin sittin u sebgħin.
GODLA Il-parti l-aktar imlaħħma u tarja tal-ġisem. Sors: Kalepin. RAĠEL GODLI Appel. għal xi ħadd imġissem jew immuskulat. Fl-istorja, ‘Għaliex is-sema hu ikħal’, l-awtur jgħid hekk, ‘[…] fost niesha għażlet żewġt irġiel godlin […] ’. Sors: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin.
GOLJA / GULJA Il-biċċa tal-ħadid li titqiegħed ġor-rebekkin biex tħaffer toqba fl-injama jew il-ġebla. Il-gulja tinbidel skont id-daqs tat-toqba li trid titħaffer. Trapan. Ara: REBEKKIN. Tal. aguglia li tfisser M. labra jew obelisk. Ing. bit.
GOLLIWOG Ġugarell li kien jissejjaħ ukoll ‘pupu tas-suf’, għaliex kien magħmul kollu kemm hu mill-biċċiet tas-suf. L-isem Golliwog jew Gollywog ġej mill-karattru li ħolqot l-awtriċi Florence Kate Upton fl-1895, meta din kitbet storja tat-tfal jisimha The Adventures of Two Dutch Dolls and a Golliwog. Il-Golliwog kien pupu tas-suf iswed b’xofftejn ħomor u xagħar imqanfed biex jixbah lil tifel ta’ razza sewda. Dan il-karattru kien intgħoġob ħafna u kien ikkupjat biex bħalu saru pupi għat-tfal fl-Amerika u fl-Ewropa fis-snin ta’ wara. Interessanti l-fatt illi fl-

1934, dan il-pupu kien ipprojbit li jinbiegħ fil-Ġermanja ta’ żmien Hitler, għaliex kien imur kontra l-prinċipju tar-razza Arjana, li mhux suppost titħallat ma’ nies jew kulturi ta’ razez oħrajn. F’Malta kien jinħiet tip ta’ pupu li wkoll kien jissejjaħ Golliwog, biss kien differenti. Bl-aktar mod sempliċi, dawn il-pupi kienu jsiru fid-dar billi jinġabru biċċiet pjuttost twal ta’ ħajt li jifdal mill-kobob tas-suf. Kull ġabra tkun magħmula minn daqs għaxart iħjut. Dawn jinżammu u jiddawru madwar il-pala tal-id biex b’hekk meta tinħareġ il-kobba mill-id, il-ħjut jibqgħu magħfusin flimkien, b’ toqba fin-nofs. (Ara r-ritratt). Etim. Fis-seklu dsatax, it-truppi Ingliżi fl-Eġittu kellhom jaħdmu magħhom Eġizzjani magħufa bħala W.O.G.S. (working on government services), biss l-Ingliżi kienu jsejħulhom ghuls – għul hi l-kelma Għarbija għall-ħares tad-deżert (Ara: GĦUL). It-tfal Eġizzjani li kienu jilgħabu bil-pupi suwed kienu jgħadduhom lill-Ingliżi u dawn malajr bdew isejħlu lil dawn il-pupi bħala ghuliwogs. Ara: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin ta’ Guido Lanfranco, p. 106.
GONFALUN Standard / bandiera li jimxu warajh/a s-suldati. Fil-kuntest tal-Ordni ta’ San Ġwann, il-gonfalun kien l-istandard bis-salib abjad fuq sfond aħmar, li kien jirrappreżenta l-Ordni. Dak li jġorr l-istandard kien jissejjaħ, Il-gonfalunier. Fiż-żmien reċenti l-gonfalun beda jirriferi għall-istandard li jinġarr mill-baned waqt il-festa. Sqal. cunfaluni. Fr. gonfanon. Bandiera militari.
GORBOĠ / GIRBEĠ (pl. griebeġ) 1. Dar żgħira u ta’ mingħajr kumdità. Dar magħmula minn ftit ġebel u xejn aktar. 2. Maqjel tal-majjali jew post fejn jinżammu l-fniek. Għ. ħanut tal-ħaxix. 3. Kamra żgħira mibnija bil-ġebel tas-sejjieħ biex il-bidwi jkollu fejn iżomm l-għodda jew jistkenn minn xi ħalba xita.
GORDA Għalkemm l-Ingliżi kienu daħħlu uffiċjalment il-muniti tagħhom f’Malta sa mill-1825, matul is-seklu dsatax kien għad hemm bosta flus barranin li kienu jiċċirkolaw fl-idejn, aċċettati bħala valuta legali. Fost dawn insibu l-gorda. Din tissemma minn P.P. Catagna, fil-kitba tiegħu għall-palk, ‘It-Tliet Għomi Vagabondi Ħallelin’. Interessanti li skont din il-kummiedja, din il-munita kienet f’idejn nies foqra jittalbu fit-toroq. Ara: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 216. Munita Spanjola li kienet tintuża fl-Afrika ta’ fuq mix-xerrejja Għarab meta dawn jaqsmu d-desert. Isemmiha T. Zammit fl-istorja, ‘L-Arloġġ tal-Baxà’, ‘[…] Għalhekk jitgħabbew bil-gordi tal-fidda, ewwieq ta’ Sqallija, gordi tax-xemx ta’ Maria Teresa […] u biex jiġbru dawn il-flus jirhanu l-fided tan-nisa tagħhom […]’ (Sors: Ħrejjef , Stejjer U Kitba Oħra, A. Cremona, 1963). Etim. Gorda, bl-Ispanjol tfisser, ‘ħoxna’. Fl-1869 u 1870 fi Spanja kienu ħarġu muniti ġodda, fosthom waħda tar-ram tal-għaxar centimo. Din kellha ljun fuqha. Xi nies ħasbu li din il-figura ma kinetx ta’ ljun imma ta’ kelb/a. B’hekk din il-munita tlaqqmet perra gorda – kelba ħoxna, u l-munita baqqgħet tissejjah, gorda. V.B. (1900): a dollar.
GOTTA Kundizzjoni simili bħal-artrite li taffettwa l-ġogi u li toħroġ, l-ewwel, f’wieħed mis-swaba’ l-kbar tas-saqajn, u titla’ lejn il-ġogi tal-ġisem. Fil-fatt, din il-marda kienet u għadha magħrufa wkoll bħala ‘podagra’, minħabba li l-ewwel ma tattakka hu l-aktar l-għadam tas-saqajn (Gr. podos – M. sieq). Fl-antik kienu jemmnu li din kienet il-marda tar-rejiet u s-sinjuri, għax kienet toħroġ l-aktar f’dawk li kienu jieklu ikel ‘rikk’, bħal-laħam, u xorb alkoħoliku. Kien fi żmien ir-Rinaxximent li din il-marda bdiet tissejjaħ ‘gotta’ (mil-Latin guta li tfisser ‘qatra’). Dan għaliex it-tobba ta’ dak iż-żmien kienu bdew iqabblu s-sintomi ta’ din il-marda ma’ dak li kien kiteb il-filosofu u tabib Grieg, Ipokrate, (460-370 q.K). Dan kien isostni li l-marda tiżviluppa minħabba żbilanċ fis-sistema fluwida tal-ġisem. Skont Ipokrate, il-fluwidu jikkonsisti mill-erba’ temperamenti (sangwinju, koleriku, flemmatiku jew melankoliku). Jekk wieħed jew aktar minn dawn l-elementi jonqsu, ikun hemm żbilanċ u l-gotta, (il-qtar tossiku) tattakka l-ġogi fil-ġisem. Din il-kundizzjoni tista’ twassal għall-ġebel fil-kliewi, (M. aċtu uriku – Ing. uric acid). Xi studjużi jissuspettaw li l-oriġini ta’ din il-marda hu ġenetiku. Hu żgur li l-konsum ta’ ħafna xorb alkoħoliku u ċertu tip ta’ ikel bħal-laħam u frott tal-baħar, jgħinu biex din il-marda tattakka ’l-ġisem. Fid-Damma hemm rif. għal din il-kundizzjoni bħala ‘mard l-enfasa’. Ħajr: Dr Stanley Farrugia Randon.
GOŻWAJER Ara: GIŻWAJR.
GOZO jew GĦAWDEX L-isem ‘Gozo’ jintuża mill-Maltin biss f’dokumenti uffiċjali, fl-Għawdex, l-aktar meta jinkiteb bħala indirizz. Madankollu, il-kelma għandha x’aktarx l-istess nisel tal-kelma Għawdex. Fit-tieni seklu Q.K. l-isem ta’ Għawdex jidher miktub bil-Puniku bħala g w l, kelma li x’aktarx tfisser: ‘xini mżaqqaq fit-tond’. Tgħid dan l-appellattiv ingħata mill-baħħara minħabba x-xebh li kienu jaraw fiha meta dawn kienu joqorbu lejn Għawdex? Fi żmien ir-Rumani, Għawdex beda jissejjah kemm Gaulos kif ukoll Gaudos u ġieli anke gaulosmelite, jiġ., ‘Għawdex ta’ Malta’. Kien x’aktarx fi żmien l-Għarab li l-isem inbidel u sar Gaudox għalkemm ma għandna l-ebda prova ta’ dan. Mal-milja taż-żmien, dan l-isem sar Għawdex u l-ħoss tal- ‘g’ waqa’. Fid-dokumenti u l-mapep ta’ żmien l-Ordni, Għawdex kien dejjem jidher bħala Gozo jew Gozzo. Dan minħabba li l-kliem Malti kien jiġi ħafna drabi ittaljanizzat biex jitlissen b’mod faċli. Al Xidjaqi (1840) li kien jgħix għal xi żmien f’Malta, jgħid li l-kelma Għawdex fid-dinja Għarbija tirreferi għall-magħqad ta’ fuq dahar il-ġemel li l-għarusa toqgħod bilqiegħda fuqu fiċ-ċerimonja taż-żwieġ. Sors ta’ din l-aħħar biċċa informazzjoni : El Wasita, maqlub għall-Malti minn Francis Xavier Cassar, pp. 24, 25. u Nader Salem.
GRABJA Apparat tal-injam magħmul minn żewġ jew tliet lasti marbutin forma ta’ l-ittra A, li jintuża biex miegħu jiddendel ħabel biex jintrefgħu jew jitniżżlu oġġetti tqal. Il-grabja ġieli kienet tip li stajt ixxaqliba ‘l-quddiem jew lura biex toħroġ u tidħol minn xifer il-binja skont kif meħtieġ meta tittellgħa t-għabija. Hemm ukoll grabji li jserrħu fuq tliet saqajn, u li kienu jintużaw l-aktar fl-irfigħ u tqegħid tal-qamħ fll-fosos. (ara r-ritratt). Oriġ. etim. inċerta, biss x’aktarx mill-Għ. u tfisser struttura tal-injam li fuqha sserraħ it-tinda. Ara: E.S.I. Tal. grabbia jew grampia. Sqal. gravia graja. Għ. krabja.
GRADENZA Għamara bi kxaxen li fiha kienu jintrefgħu l-ilbiesi u affarijiet oħrajn. Orig. din l-għamara kienet x’aktarx tikkonsisti fi speċi ta’ bagoll goff li fih il-Kavallieri tal-Ordni kienu jġorru ħwejjiġhom meta jivvjaġġaw fuq xi bastiment. Mas-seklu tmintax, il-gradenza bdiet tagħmel parti mill-għamara permanenti tad-djar sinjuri, l-aktar fil-kamra tas-sodda. Biż-żmien, ix-xogħol fl-injam beda jkun aktar elaborat u dekorattiv u xi drabi, il-wiċċ tal-gradenza beda jinkesa anki bl-irħam. Ix-xogħol fuq l-għamara kien ikun maħdum fl-injam tal-ġellewża jew bl-injam tal-kawba. Bħala tiżjin, il-gradenza tista’ tkun interzjata bl-injam taż-żebbuġ. Tal. credenza, dispensa, armadio nella forma attuale dal XVI secolo. Sors etim. J.A. Ara: Maltese Furniture – il-Gradenza, ta’ Paul Mizzi, ‘Heritage’ p. 1580. Ritratt
GRAHAM, IL-GŻIRA Fis-17 ta’ Lulju tas-sena 1830, daqs 30 kilometru fin-Nofsinhar ta’ Sciacca fi Sqallija feġġet gżira vulkanika f’wiċċ il-baħar. Il-baħrin fuq il-bastimenti Ingliżi li raw din il-gżira tifforma ruħha rrappurtaw dan il-fenomenu lill-awtoritajiet tal-Ammiraljat f’Malta, u dawn minnufih ma ħasbuhiex darbtejn biex jipposseduha għan-nom tal-Monarkija Brittanika. Il-gżira baqgħet togħla ‘l fuq mill-ilma u tikber b’ħeffa sakemm sa xahar wara kienet għoliet daqs 35 metru ’l fuq minn wiċċ il-baħar, filwaqt li ċ-ċirkonferenza tagħha kienet laħqet madwar l-1000 metru. L-Ingliżi malajr tellgħu l-Union Jack fuqha u semmew din il-gżira Graham, ad unur l-Ammirall Ingliż Sir James Graham, li dak iż-żmien kien il-First Sea Lord tal-flotta Brittanika. Fost dawk li żaru din il-gżira kien hemm Sir Walter Scott u l-mara tiegħu, li dak iż-żmien kienu inzertaw qegħdin Malta. Ir-Re Burboniku ta’ Sqallija, Ferdinandu, naturalment ried li din il-gżira tkun parti mid-dominju tiegħu, u sejjaħ din il-gżira Fernandea. Il-gvern Franċiż u dak Spanjol ukoll kienu interessati li jippossedu il-gżira għaliex raw li din setgħet xi darba toffri lok strateġiku. Kull aspirazzjoni malajr ġiet fi tmiemha meta wara biss ftit ġimgħat il-gżira bdiet bil-mod il-mod terġa’ tinżel taħt wiċċ il-baħar, u sa Diċembru reġgħet għebet għal kollox. Mid-dehra dan il-fenomenu ma kienx l-ewwel darba li seħħ fl-istorja ġeoloġika ta’ dawn l-inħawi. Fil-preżent nafu li din il-gżira tinsab biss daqs sitt metri taħt wiċċ il-baħar. Ara: ‘Graham Island in the Mediterranean’ ta’ Joseph C. Camilleri, Malta Year Book, pp. 530, 531.

GRAN PRIJUR Il-kap tas-sezzjoni reliġjuża tal-Ordni. Kellu grad daqs l-Isqof ta’ Malta, iżda kien jista’ jamministra f’funzjonijiet reliġjużi biss fil-knejjes tal-Ordni, fejn kien ikun hemm il-kappillani konventwali. Flimkien mal-Isqof, dan kien l-ogħla dinjitarju wara l-Gran Mastru. Prijuri oħrajn kienu jamministraw proprjetajiet, (imsejħa priorati) tal-Ordni barra minn Malta. Ara: LINGWI TAL-ORDNI.
GRAN VISKONTI Magħruf ukoll fi żmien l-Ordni bħala l-Maestro Scudiere. Titlu li kellu l-kap tal-isbirri, unità li fi żmien l-Ordni kienet tagħmila ta’ pulizija fil-Belt Valletta. Dan it-titlu baqa’ jintuża sal-1832, jiġ., anki sa żmien l-ewwel tletin sena tal-Ingliżi f’Malta. Oriġ., fil-passat aktar ’il bogħod, il-Viskonti kien titlu ta’ dawk li kienu meqjusa ta’ grad inqas minn Konti. Ara: SBIRRI.
GRANF/A Difer kbir jew żgħir ta’ annimal bħal dak ta’ tigra jew qattus. Għodda li taħkem oġġetti biex iżommhom fis-sod. Tarf minn tnejn tal-ankra. Fig. ngħidu, ‘il-granf tal-poter’. F.V. (1831) jagħtiha bl-Ing. bħala claw,.
GRANSPINAT Katina tad-deheb maħduma b’mod artiġjanali tal-aqwa kwalità li tintlibes bħal kullana tal-BARBAZZAL. Din il-katina kienet tintlibes mill-kanonċi u magħha kien ikun imdendel salib. Dan ix-xogħol fin fid-deheb kien jintlibes ukoll min-nisa kif ukoll mill-irġiel. Dawn tal-aħħar kienu jużawha biex idendlu magħha arloġġ tal-but mill-ġlekk. Etim. Tal. grano spinato – M. żerriegħa bix-xewk.
GRANKRUĊ Kavallier ta’ grad għoli fil-ġerarkija tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kien hemm sittax-il kavallier Grankruċ. Dawn il-Kavallieri kienu jservu fil-kunsill amministrattiv tal-Ordni li kien jiltaqa’ kull meta kien ikun hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti. Biex jiddistingwu ruħhom minn kavallieri oħrajn, dawn il-membri kienu jilbsu mantell b’disinn tas-Salib tat-Tmien Ponot fuq spallejhom u sidirhom. Tal. Gran Croce.
GRANZA Il-qoxra tal-qamħ li toħroġ aktar fina wara li t-taħħan jgħaddiha għat-tieni darba mill-għarbiel. Minnu kien isir il-ħobż tal-granza. Il-granza kienet anki tintuża biex issir soppa mħallta b’xi ingredjenti oħra. Din kienet tissejjaħ tagħsida. Ing. bran. Ara: TAGĦSIDA.
GREJBEL Isem dim. għal Grabiel. TA’ GREJBEL Żewġ inħawi, wieħed f’Wied il-Għajn u l-ieħor fiż-Żebbuġ, Għawdex.
GREMBJAL Fardal żgħir tal-ħarir jew tax-xoqqa, li jitqiegħed fuq ħoġor l-isqof fil-quddiesa pontifikali, u waqt funzjonijiet oħra reliġjużi. Meta l-grembjal jintlibes mill-isqof, dan għandu jkun tal-istess kulur bħall-GARŻUBLA. Il-grembjal jintlibes ukoll meta jsir it-tberik tax-xema’, id-dlik biż-żejt waqt l-ordinazzjoni tas-saċerdoti, kif ukoll waqt il-ħasil tas-saqajn f’Ħamis ix-Xirka. Għaldaqstant l-iskop prinċipali tal-grembjal hu dak li jipproteġi l-garżubla mill-qtar taż-żejt li jista’ jaqa’ mill-flixkun. Tal. grembiale. Ing. gremial.
GREMXUL Ara: DREMXUL.
GRENĠ (pl. grenġiet). (D.) Demonio.
G R III Abbr. għat-titlu tar-Re Ġorġ it-Tielet tal-Gran Brittanja. Dan ir-Re kien l-ewwel wieħed li għex fi żmien li Malta kienet saret kolonja tar-Renju Unit (1814) għax miet fl-1820. Dawn l-ittri narawhom f’bosta postijiet, l-aktar fuq il-faċċati tal-ġonna msejħa, Tal-Kmand, jew tal-Logutenent, bħal ma hemm il-Gudja, iż-Żejtun, Ħal Għargħur u Ħal Lija. Fil-palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, dawn l-ittri jidhru wkoll fuq gradilja tal-fuklar taċ-ċumnija li hemm f’sala partikulari. Dan għaliex dan il-post kien wieħed minn tal-ewwel li ntuża biex jakkomoda s-suldati Ingliżi. Ara: ĠNIEN TAL-KMAND.
GRIGALATA Maltempata b’riħ qawwi, li taħkem lil Malta l-aktar fix-xitwa, bejn Diċembru u Frar. Dan ir-riħ idum sejjer norm. xi jumejn jew tlieta, u jġiegħel il-baħar jitqawwa sew. Il-kelma Grigal tirreferi għal dak ir-riħ li jonfoħ mil-Lvant it-Tramuntana (mid-direzzjoni tal-Greċja). Meta jagħmel dan ir-rifnu, il-baħar jitqawwa tant li kapaċi jikkawża ħsarat kbar fuq l-imriekeb sorġuti fil-portijiet fejn ir-riħ jaħkem sew. Meta r-riħ jieqaf, il-baħar jibqa’ mċaqlaq sew sa jumejn wara, b’imbatt li jdum ma toqgħod. Kien l-aktar minħabba dan ir-riħ qawwi, li fl-1903 – 1910, inbena l-Breakwater tal-Port il-Kbir. Grigalata li ma tintesa qatt għall-qawwa tagħha, kienet dik tat-2 u 3 ta’ Diċembru tal-1989. Matul dawk il-jumejn kien sar is-Summit bejn il-President Amerikan, George Bush u l-President Sovjetiku. Dan is-summit kien sar fuq il-vapur Maxim Gorky, fil-port ta’ Marsaxlokk. Tal. Gregale.
GRILLU 1. Insett. Ara: WERŻIEQ IL-LEJL jew SERSUR. Tradizzjonalment, fis-sajd, il-grillu kien jitqiegħed ġo bott u jitħalla fuq iċ-ċimi, biex dan jgħanni billejl u meta jisimgħuh is-sajjieda jkunu jafu li waslu fuq iċ-ċimi tagħhom. G. Lanfranco 2017. 2. Il-molla li tkun imqabbda mal-kelb (il-kelb kien antikament il-morsa taż-żnied li tfaqqa’ meta jintgħafas il-grillu b’subajgħ biex jispara l-arma). Ara; FUKUN.
GRIMA Ħaġa li tista’ titgerrem u titkemmex. Bniedem xiħ u mikul biż-żmien. Kunjom Malti.
GRIXA Frak tal-qoxra tal-qamħ wara li tkun tgħarblet min-nuħħala. Din tingħażel min-nuħħala, mis-smid u mid-dqiq.
GRIXTI Aġġ. użat għal kwalunkwe annimal selvaġġ. Bniedem rustiku; wieħed li jżomm ruħu ‘l bogħod min-nies għax magħmul ta’ waħdu jew mistħi. Kunjom Malti. Sqal. agresti.
GRIŻMA 1. Il-Griżma tal-Isqof hi dik iċ-ċerimonja li fiha t-tfal ikunu kkonfermati mill-Isqof bħala Nsara maturi, jew, kif jgħidu, ‘Suldati ta’ Kristu’. F’din iċ-ċerimonja jindilek iż-żejt tal-balzmu fuq il-moħħ ta’ dak li jkun qed jirċievi l-griżma. 2. Il-GRIŻMA TAL-MORDA L-aħħar rit li jingħata mill-qassis lill-moribond meta dan ikun fl-aħħar ta’ ħajtu. Sqal. Crisima. Tal. cresima. Gr. Chrisma – M. żejt. Illum, il-griżma tal-morda tista’ tingħata anki lill-pazjenti li jkunu qegħdin isofru minn ċertu mard kroniku, u għalek tingħata kull sitt xhur, jew qabel xi operazzjoni serja. Idj: ‘Għamlu griżma tal-Għarab’ – jiġ., qasmu mingħajr ma taw sehem lil min kien jistħoqqlu u dabbru rashom ’il hinn.
GROKK Il-grokk jew il-grog kienet xarba introdotta fin-Navy Ingliża fl-1740, apposta għall-baħrin. Oriġ. din ix-xarba kienet tikkonsisti minn birra jew rum imħalltin bl-ilma. Illum din il-kelma tirriferi għall-miżura tax-xorb alkoħoliku li norm. ikun mhux akbar minn ħxuna ta’ sebgħa fit-tazza. Kull tip ta’ xorb alkoħoliku f’miżura ta’ ml. 25. Oriġ. imsejjaħ hekk għall-mantell magħruf bl-Ingliż bħala grogram, li kien jilbes il-Viċi Ammiral Ingliż E. Vernon li introduċja din ix-xarba.
GROSS, IL- Dan kien il-laqam li kien magħruf bih Carmelo Mifsud Bonnici, politiku u kittieb. Kien imlaqqam hekk minħabba l-istatura fiżika ħoxna tiegħu. Twieled fl-1897 f’Bormla. Meta kien student l-Università hu kien għamel żmien jirrappreżenta lil sħabu fl-Assemblea Ġenerali, li wara l-Ewwel Gwerra bdiet tiltaqa’ biex Malta jkollha gvern awtonomu. Ta’ 22 sena Carmelo laħaq avukat, professjoni li żamm matul il-bqija ta’ ħajtu. Mifsud Bonnici ssieħeb bħala membru tal-Partit Nazzjonalista Demokratiku ta’ Panzavecchia. Il-Gross kien ħadem kemm felaħ biex il-PND jingħaqad mal-partit ta’ Nerik Mizzi biex sar il-Partit Nazzjonalista. Meta Carmelo Mifsud Bonnici kien elett fil-Parlament, fl-1926, hu kien sar Ministru tal-Finanzi. Fl-1930 dan il-ministeru kien jinkorpora wkoll dak tal-pulizija. Apparti l-attivitajiet tiegħu fil-politika hu kien magħruf sew għall-kitba u t-tagħlim dwar il-ġudikatura, kemm f’Malta kif ukoll barra. Kellu ħrara kbira għall-ilsien Taljan, l-Ingliż u l-Malti. Kien ukoll poeta u kiteb bosta poeżiji, kemm bit-Taljan kif ukoll bil-Malti, u anki essays bl-Ingliż dwar diversi suġġetti. Meta fil-bidu tat-tletinijiet kien inqala’ l-inkwiet fil-Gvern dwar il-voti finanzjarji għat-tagħlim tat-Taljan fl-iskejjel, Mifsud Bonnici kien żamm pożizzjoni moderata, u spiċċa iżolat mill-partit tiegħu. Finalment, Mifsud Bonnici kien irriżenja mill-partit, (1935). Carmelo Mifsud Bonnici miet fl-1948. Ara: Dictionary of Maltese Biographies, Michael J. Schiavone, Vol. I.
GROSSA Numru kollettiv li jintuża fis-sistema Ingliża li jammonta għal total ta’ 144. BEJGĦ BIL-GROSSA Bejgħ bil-kwantità li l-imprenditur (il-bejjiegħ bl-ingrossa) ibigħ lil tal-ħanut.

GUBUNA, IT-TEATRIN TA’ Dan kien il-laqam kif kien magħruf ma’ bosta, it-Teatru Goldoni. Dan it-teatrin kien jinsab fi Triq il-Katidral, f’Tas-Sliema, fis-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, fejn illum hemm l-iskola Saint Joseph. Il-Goldoni kien infetaħ fis-snin sebgħin tas-seklu dsatax. Il-binja oriġ. kienet palazzin jew villa, ta’ ċerta Madame Gobeau, mara Franċiża, u għaldaqstant il-Maltin kienu jsejħu lil din il-villa ‘Ta’ Gubuna’. Inċidentalment, din il-mara kienet ukoll sid ta’ waħda mill-eqdem lukandi li kien hemm il-Belt, il-Clarence Hotel, fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax, li kienet tinsab fi Strada Rjali. Ħajr: Winston Zammit. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, p. 180.
GULA Kelma oħra għal żaqqiqerija. Meta bniedem ikun xeba’ u jibqa’ jiekol wieħed kien biex jitkaża jgħid, ‘dik gula’. (Tal. gola.)
GUMNA Ħabel oħxon li miegħu tintrabat l-ankra fl-irmiġġ; kejbil; kejl tal-fond il-baħar. Temi Zammit juża din il-kelma fin-novella, ‘Mhux Dejjem Tiġi Żewġ’ (Il-Malti, 1934), ‘[…] kienu darba qegħdin jgħaddu gumna tal-elettriku lejn il-fortizza ta’ Binġemma […]’ Sors: Ħrejjef u Stejjer U Kitba Oħra, A. Cremona 1963).
GUNGLI Tip ta’ sħab li jersaq lejn il-gżejjer Maltin min-naħa tal-Grigal it-Tramuntana, u li jġib miegħu l-beraq, biss mingħajr xita. Espr. ‘L-ajru mimli gungli.’ Etim. dubjuża. Sors: J.A.
GUT, IL- Il-laqam li l-baħrin Ingliżi kienu taw lil Strada Stretta, illum Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta. Il-kelma hi mqassra mill-kelma Ingliża gutter, li tfisser kanal minn fejn jgħaddi d-dranaġġ. Fil-mod vulgari tagħha l-kelma tirriferi wkoll għal ambjent urban li hu maħmuġ, u fejn jgħixu l-ifqar nies tas-soċjetà. Strada Stretta ta’ żmien l-Ingliżi kienet mimlija ħwienet tax-xorb, fejn mijiet ta’ baħrin, kemm Ingliżi kif ukoll Amerikani u oħrajn, kienu jqattgħu s-serati tagħhom jixorbu, jieklu u jgawdu l-mużika li kienet tindaqq fil-ħwienet tax-xorb minn mużiċisti Maltin. B’riżultat ta’ dan it-tip ta’ divertiment, ħafna mużiċisti Maltin kienu jitrawmu fil-mużika u jitgħallmu xi strument. Mill-banda l-oħra, dawk li kienu jispiċċaw il-karriera tad-daqq fit-teatri kienu wkoll imorru jdoqqu f’wieħed minn dawn il-ħwienet. Fi żmien is-seklu dsatax, fi Strada Stretta kien hemm ukoll bosta lukandi fejn il-barranin li ma tantx kienu jistgħu jħallsu kienu jsibu akkomodazzjoni irħisa. Ara: Strada Stretta, it-triq li darba xegħlet il-Belt, ta’ George Cini.
GUVA 1. Kabina żgħira, speċi ta’ armarju kbir, allokata fil-pruwa jew fil-poppa tal-bastiment. Hawn kienu jinżammu diversi affarijiet ta’ kull tip u li mhux daqstant importanti. Din il-kabina kienet tintuża bħala ċella meta xi ħadd kien jikser id-dixxiplina ta’ abbord. 2. Riferenza oħra għal ċella mħaffra fl-art forma ta’ qanpiena, użata bħala ħabs. Fi żmien l-Ordni dawk il-kavallieri misjuba ħatja ta’ xi reat kienu jintbgħatu fil-guva ta’ Sant’Anġlu. Hawn kienu jqattgħu l-priġunerija ‘in turris’. 3. Kamra żgħira, jew ġieli, gaġġa kbira fuq ir-raff li fiha jinżammu l-għasafar.
GVERNATUR ĠENERALI, IL- Ir-rappreżentat tal-Monarkija fid-Dominju Brittaniku. Eżempju ta’ dan kien hemm Gvernaturi Ġenerali tal-Kanada, tal-Awstralja u ta’ New Zealand. F’dawn il-pajjiżi l-Gvernatur Ġenerali kien aktar figura ċerimonjali milli eżekutur, għax l-istat tad-DOMINION STATUS f’dawn il-pajjiżi kien dak ta’ stat prattikament indipendenti. Wara l-Indipendenza, fl-1964, l-Gvernatur ta’ Malta sar dak ta’ Gvernatur Ġenerali. L-ewwel li ngħata dan l-inkarigu kien Sir Maurice Dorman, li sa dak iż-żmien kien diġà jamministra lil Malta bħala Gvernatur, sa minn Lulju tal-1962. Wara l-Indipendenza, Sir Maurice Dorman dam f’din il-kariga sa Ġunju tal-1971. Meta Dorman irriżenja laħaq Gvernatur Ġenerali Sir Anthony Mamo, li sa dak iż-żmien kien il-Prim Imħallef ta’ Malta. Mamo kien laħaq għamilha ta’ Aġent Gvernatur għal ftit żmien fl-1962, fil-mumenti meta Dorman kien isiefer barra minn Malta. Il-pajjiż baqa’ bi Gvernatur Ġenerali sat-13 ta’ Diċembru 1974, meta mbagħad Malta saret Repubblika, u l-istess Sir Anthony Mamo kien maħtur bħala l-ewwel President tar-Repubblika.
GVERNATUR TA’ GĦAWDEX, IL- Fl-1551, il-post tal-ħakem ta’ Għawdex, jiġ., dak li kien jippresiedi l-ġurati fil-Kunsill Popolari (jew l-Università), kien abolit mill-Ordni ta’ San Ġwann. Floku l-Gran Mastru appunta rappreżentant tiegħu biex jagħmilha ta’ gvernatur tal-gżira. L-ewwel gvernatur li kien appuntat f’din il-kariga kien Fra Galazjan de Sesse, uffiċjal tal-Ordni tal-lingwa ta’ Aragona. Dan l-ewwel gvernatur spiċċa ħażin ħafna għax kien imkaxkar bħala lsir mal-bqija tal-popolazzjoni, meta fl-istess sena li kien maħtur kien seħħ l-iżbark ta’ Dragut f’Għawdex. Il-gvernatur ta’ Għawdex kellu s-sedja tiegħu f-l-kastell ta’ Għawdex (jiġ., ċ-Ċittadella). Dan kien imexxi b’mod awtokratiku, megħjun mill-ġurati tal-Kunsill. Il-gvernatur kien jagħmilha ta’ mħallef (kastellan) ta’ Għawdex. F’kawżi ta’ importanza iżgħar kien hemm il-ġurati u l-KUNESTABLI. Norm. il-gvernatur kien iżomm il-kariga tiegħu għal madwar sena, biss kien hemm bosta li damu aktar minn hekk f’din il-kariga. Fir-rigward tad-difiża tal-gżira, il-gvernatur kien jiddelega lil-Logutenent-kmandant tiegħu biex imexxi r-riġment tal-Infanterija u mad-disgħin muskettier. Il-gvernatur kellu salarju bażiku ta’ 300 skud. Hu kien igawdi wkoll minn taxxi dovuti lilu mill-bdiewa. Fil-knisja Matriċi tal-Kastell, hu kellu siġġu u inġinokkjatur magħmula apposta għalih. Dawn kienu jitqiegħdu fuq il-presbiterju, fuq in-naħa tal-ambone. Il-Gvernatur ta’ Għawdex dejjem kien jieħu sehem fil-purċissjonijiet li kienu joħorġu minn din il-knisja. Ara: Gozo – Ancient and Modern – Religious and Profane, pp. 128-129, pp. 134-158.
GVERTA / KVERTA 1. Wieħed mil-livelli mikxufin tal-bastiment. Ing. deck. 2. Kutra biex wieħed jitgħatta biha kontra l-bard.
GWAPP Rif. għal persuna kapaċi ħafna. Xi ħadd aqwa minn oħrajn. Oġġett tajjeb wisq. Ngħidu, ‘kienet ikla gwappa’. Sq. guappu / vappu, jig., millantatore, spaccone, smargiasso: fa il guappu con i deboli; uno dei soliti gradassi Sors: Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano ta’ Vincenzo Mortillaro (18..).
GWARDAKARNI Kaxxa, ġen. daqs 60ċ x (għolja), 40ċ x 40ċ b’żewġt iġnieb magħluqa, saqaf u żewġt iġnieb bix-xibka, simili għal dik tan-nemus. Dan kien jiddendel ma’ ħajt tal-kċina jew f’post fejn jgħaddi l-kurrent biex jinżamm l-ikel fih. Il-kelma fiha nfisha tindika li kien jinżamm il-laħam (zalzett?) biex dan jinxef u jimmatura biż-żmien.
Ħajr lil Mariella Fenech tar-ritratt
GWARDAMANĠA L-inħawi fuq l-għolja ta’ bejn il-Pieta, l-Imsida u l-Ħamrun. Jista’ jkun li l-isem meħud minn villa li hemm fl-inħawi, waħda mill-eqdem u li għandha dan l-isem. Jista’ jkun ukoll li l-villa msemmija hekk għax sid il-post, b’ċajta ried ifisser li hemm kien il-post fejn seta’ ma jagħmel xejn ħlief jitpaxxa bil-veduta u jiekol mingħajr l-ebda ħsibijiet. X’imkien qrajt li Gwardamanġa ġejja minn Guarda Magna, jiġ., post importanti tal-għassa. Jinħtieġ aktar riċerka dwar l-istorja u l-isem tal-madwar.
GWARDINFANT Qafas tal-fildiferru li fl-antik kien jintuża biex fuqu jinħiet dublett ħalli dan jieħu l-forma ta’ qanpiena. Id-dublett ta’ dan it-tip jgħidulu ‘kloxx’, (Fr. cloche) li tfisser qanpiena. Dan it-tip ta’ lbies kien moda u popolari man-nobbli ta’ Franza u pajjiżi oħra Ewropej, l-aktar fis-sekli sbatax u tmintax. Tal. guardinfante. L-isem ‘gwardinfant’ għandi nifhem li oriġina mill-fatt li dan it-tip ta’ qafas kien jintuża biex it-tfal
żgħar li jkunu għadhom kemm kemm jiqfu fuq saqajhom jkunu mqiegħda fih, biex jserrħu miegħu huma u jagħmlu l-ewwel passi. Ing. farthingale. Dan il-qafas jidher f’pittura ta’ Antoine de Favray, li hemm fil-Mużew tal-Arti, il-Belt. Kelma oħra għal dan il-frejm kien KANNIZZ.
GWARNAĊĊA Tip ta’ inbid ħelu abjad. Sors E.S.I. li ħadha minn A. de S. J.A. jindika li din hi kelma ġejja mill-Isqalli għal tip ta għenba u nbid imsejjaħ guarnaccia. Skont informazzjoni fuq l-internet din l-għenba titkabbar fir-reġjuni tal-Kampanja, Lazjo u Kalabrija.
GWARNIĠJON Grupp ta’ suldati li jkunu stazzjonati f’fortizza. Fi żmien il-Medjuevu, il-Forti Sant’Anġlu kellu il-gwarniġon tiegħu magħmul minn ħamsin suldat biex jiddefendu l-kastell. Il-gwarniġjon tal-Forti Sant’Iermu kien ikun magħmul norm. minn għoxrin suldat. Biss f’każ ta’ attakk dan in-numru kien jitla’ għal mijiet. Fl-Assedju l-Kbir, is-suldati u Kavallieri li ddefendew il-forti Sant’Iermu kien tela’ għal ħames mija u fuqhom. Il-Forti Manoel norm. kellu gwarniġjon ta’ madwar erbgħin suldat. L-uffiċjal, kap tal-gwarniġjon kien jitħallas mas-sitt skudi, waqt li s-suldati kienu jitħallsu skud kull wieħed fix-xahar.
GWERRA FRANĊIŻA Logħba li minn isimha u mill-mod kif tintlagħab tagħti ħjiel li jista’ jkun li kienet ispirata mill-imblokk storiku li sar mill-Maltin fuq il-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800. Din il-logħba kienet tissejjaħ ukoll ‘Nista’ Għalik’. Din tintlagħab bejn żewġ gruppi ta’ tfal. Kull grupp jimmarka żona bil-ġebel u bil-linji mpinġijin fl-art, biex dawn jirrapreżentaw il-‘belt’ li jkunu qegħdin jiddefendu; imbagħad il-‘ħabs’ ikun immarkat b’ġebla. Miż-‘żona-belt’ ta’ kull grupp it-tfal taż-żewġ naħat kienu joħorġu għan-nofs, bil-ħsieb li kull wieħed ‘jarresta’ l-għadu’ billi jmiss b’idu lil xi ħadd. Min joħroġ l-aħħar ikun jista’ jaqbad lil min ikun ħareġ qablu mill-grupp l-ieħor u jisfidah billi jgħidlu, ‘Nista’ għalik!’ Kull min jinqabad, jintefa’ bħala ‘priġunier’ fil-‘ħabs’. Biss dak li jaqbad lil xi ħadd ikollu jmur fil-‘belt’ tal-‘għadu’ biex jikkonferma l-arrest li jkun għamel, billi jagħti tliet daqqiet lil wieħed mill-għedewwa. Mat-tielet daqqa dan it-tifel irid ikun ħafif biex jaħrab lura minn fejn ġie, biex ma jinqabadx. Lanfranco jgħid li din il-logħba hi simili ħafna, jekk mhux l-istess, bħal-logħba GARDINAW. Anton F. Attard jgħid li f’Għawdex din kienet logħba differenti għal kollox minn Gardinaw. Attard jgħid li l-Gwerra Franċiża kienet x’aktarx l-aktar logħba popolari mas-subien f’Għawdex, u kienet toħloq eċitament kbir. Sors: Logħob Folkloristiku ta’ Għawdex, Anton F. Attard, pp. 76-77. Ara: Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin, ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publications, p. 31.
GWERRA L-BIERDA, IL- Matul l-għexieren ta’ snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija nħolqot tensjoni politika internazzjonali kbira bejn iż-żewġ ‘superpotenzi’, jiġ., bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Dan seħħ wara d-diviżjoni ta’ kontroll u ndħil politiku fil-pajjiżi Ewropej u oħrajn, meta ġie implimentat il-ftehim ta’ Yalta (1945), bejn Churchill, Roosevelt u Stalin. Fis-sena 1947, il-President Amerikan Truman ħareġ bl-hekk imsejħa Truman Doctrine, li biha wiegħed għajnuna militari u finanzjarja lil dawk il-pajjiżi li riedu jieqfu lill-ħakma politika u militari tal-Unjoni Sovjetika u l-Komuniżmu. Truman ikkonvinċa wkoll lill-pajjiżi tal-Punent biex jidħlu fl-alleanza tan-NATO. Fl-1955, l-Unjoni Sovjetika għaqqdet il-pajjiżi li kienu okkupati minnha fl-hekk imsejjaħ Eastern Bloc. B’hekk
żviluppa l-‘konfront biered’, jew aħjar ‘Il-Gwerra l-Bierda’, l-animożità kontinwa li kultant kienet tinfexx f’konfront u tensjoni reali. Eż. ta’ dan narawh meta r-Russja firdet lil-Berlin fi tnejn, u żammet in-naħa tal-Lvant għaliha, waqt li Berlin tal-Punent kien miżmum mill-Alleati. Il-biża’ ta’ gwerra nukleari bejn dawn iż-żewġ superpotenzi serviet ta’ deterrent milli tfaqqa’ xi gwerra oħra. L-awtoritajiet Ingliżi f’Malta kienu ħadu ħafna prekawzjonijiet biex f’każ ta’ gwerra nukleari, f’Malta jkunu implimentati miżuri ta’ difiża b’mod li l-amministrazzjoni militari lokali tkompli tiffunzjona. Eż. ta’ dan narawh meta fis-sena 1953, l-ewwel parti tal-power station tal-Marsa kienet inbniet taħt l-art. Fit-3 ta’ Diċembru 1989, il-President Amerikan, George Bush u dak Sovjetiku Mikhail Gorbachev kienu ltaqgħu f’Malta għal Summit. F’dan is-summit intlaħaq qbil li l-Gwerra l-Bierda bejn iż-żewġ pajjiżi kellha tispiċċa. Sors: Tifkiriet ta’ Carmel Portelli, 2010, pp. 164, 165. Ħajr għal sorsi oħra: Michael Cassar.
GŻIRA MLIESSNA [Sic] M.A.V. (1796) jittraduċi din il-frażi bħala peninsula. Ara: L-ISLA.
* * *
Jekk taf b’xi kliem ieħor jew tifsira differenti minn dak kif spjegat hawn fuq … iktibli….
Dan it-tagħrif hu bbażat fuq dawn it-tliet pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:
Bejn Kliem u Storja
Ara X’Int Tgħid
Biex il-Kliem Ikun Sew
Paġni 256 Paġni 256 Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur
* E.S.I. Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). * F.V. Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831). * F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). * G.B.F. Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845). * J.A. Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990) * M.A.V. Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). * (D) DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). * V.B. Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).