r

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
RABTA TAL-ĦAJT * RABARBRU / LABARBRU * RABBABA / ŻUBBABA / ŻAVŻAVA / ŻAFŻAFA / ŻUFŻAFA * RABBI * RABTA, IR- * RAĊANĊ * RADAZZA * RADD * RADDIENA / REDDIENA * RADDA * RADDI PREISTORIĊI * RADIKA * RAFANELL *RAFF * RAĠEL TA’ BARRA * RAĠEL TAL-INDJA * RAĠEL TA’ MINGĦAJR ŻAJBAR * RAĠĠIERA LA INGLIŻA * RAGUŻA (DUBROVNIK) * RAGĦADA TAL-ART * RAJJES * RAKIELA * RAMBAĠĠ * RAMI * RAMPIL / RAMPILA * RANĊIS / RANĠIS / RANĊIŻ / NARĊIS * RANĊILA * RANDAN * RAQBA * RASPA * RATAL * RAVJULA * RAWTA * RAXIN * RAXKA / RAXKAMENT / RAXKETTA * RAŻA * RAŻOLA (Ara: REXQA) RAZZETT TAX-XITAN, IR- * RBEKKIN / REBEKK * RBIEGĦI * REBEKKIN / BERBEKKIN * REBUS * REDENTUR * REDIFFUSION * REDUS * REFETTORJU / RIFITORJU * REWWIEĦA * REXQA * REGATTA TAL-VITORJA, IR- * REGETTIER / RIGATTIER * RIBASS * RIBBA * RIŻMA * REKJAMETERNA * RELIKWIJI u RELIKWARJI * REMILLIS, BANDA TAR- * REMISSA * RENELLA / RNELLA / RINELLA * REPÒ * REQI / RIQI * REQQET IR-RUĦ * RESKRITT * RESPONCIONES * REST, IR- * REWWIEĦA * RFUGĦ * RIBALTA * RIBOKKATUR * RICETTA MAGISTRALE * RIDOTT * RIEQI * RIFFIED/A * RIFORMISTI U ANTIRIFORMISTI * RIĠNU * RIGUTTAR * RIĦ IMB RIĦ / RIĦ B’RIĦ * RIĦ FUQ / RIĦ ISFEL * RIĦ IL-ĦAMSIN * RIĦ MOĦMI (ara: ĦAMI) * RIKAŻLI * RIKUŻA * RILIF * RILJEV * RIMA * RIMIŻOLJI * RINA * RINAROLA * RINELLA (ara: RENELLA) * RIQ * RISORGIMENTO * RISQ * RITRATTIST * RITTUNA * RIXTELLU * RJAL * RJALA * RJALI* RKAPTU * RMIĠĠ * RMONK / RMONKA * RNELLA (ara: RENELLA) * ROBBU * ROKKETT / RUKKETT * ROKOKO * ROMANESK * ROMANZ * ROMAW * ROMBLU (ara: ŻUGRAGA) * ROMBOLL * RONDA * ROSS * ROTA * ROŻARJANTI * ROŻOLIN * ROZZ * RPAR * RSIPLA * RSUL * RTO * RUBINI * RUE D’ARGENS * RUFFJAN / RUFFJANA * RUĠĠATA * RUMI * RUTTAM * RUVLU * RUXX * RUŻUN * RWIEGEL * RXOXT, L-(I) *RŻIEN *

rabarbru256RABARBRU / LABARBRU    Pjanta magħrufa għal kwalitajiet mediċinali tagħha l-aktar bħala lassattiv. Apparti minn hekk, kienet tintuża wkoll meta wieħed jieħu qatgħa. Is. xj. Rheum officinale. Minn din il-pjanta jittiekel iz-zokk ħamrani biss, għax il-weraq huma velenużi. Minn dan iz-zokk isir il-ġamm u l-inbid. Ir-rabarbru jintuża l-aktar biex jagħti togħma pjuttost qarsa (bħat-tuffieħ aħdar) max-xorb diġestiv. Billi bħala mediċina r-rababru għandu togħma mhux pjaċevoli, meta xi ħadd jixrob xi ħaġa li ma togħġbux spiss kont tisma’ minn igerger: ‘puh, din togħma ta’ labarbru jaqq!’ Tal. Rabarbaro. Ing. Rhubarb. 

rabbabaRABBABA / ŻUBBABA / ŻAVŻAVA / ŻAFŻAFA / ŻUFŻAFA   Dan l-istrument tradizzjonali jindaqq waqt li jakkumpanja strumenti mużikali oħra. Hu magħmul minn kontenitur f’forma ta’ ċilindru li jista’ jkun tal-fuħħar jew inkella sempliċi landa taż-żebgħa. Il-wiċċ tiegħu jitgħatta bil-ġilda tal-qattus jew tal-gidi. Ġieli kien jintuża anki vaż ta’ taħt is-sodda, minħabba li l-għonq tiegħu joħroġ ’il barra u għaldaqstant tajjeb biex titqabbad il-ġilda miegħu. Fil-wiċċ tiddeffes qasba twila li d-daqqaq jagħfas ’l isfel biex b’hekk l-istrument jagħmel ħoss qisu buffura riħ ta’ ftit sekondi. L-aktar li kien jindaqq dan l-istrument kien fil-Karnival bħala akkumpanjament ma’ strummenti oħra. Waqt li fin-Nadur dan l-istrument jissejjaħ rabbaba, fl-Għarb dan jissejjaħ żuvżafa. Ir-rabbaba hu strument li ma jdumx wisq jintuża għaliex il-ġilda tat-tambur tinqasam malajr bl-użu ripettitiv u allura jkun hemm bżonn li din issir mill-ġdid. Ara: ‘Ir-Rabbaba F’Għawdex Illum’, Anna Borg Cardona, fil-Ktieb Folkor,  ed. Guido Lanfranco, pp. 24-30; A Guide to Maltese Folk Music ta’ Reuben Zahra, pp. 20, 21.  Ara wkoll: www.musicallegacy.com  

RABBI    Sinjur jew mulej. F’Malta tas-seklu dsatax bikri, kien għad hawn min jitlob lil Alla billi jindirizzah b’dan it-titlu. Tant hu hekk illi fil-kitba ta’ M.A.V. (1828) insibu dan l-aforiżmu: ‘[…] Ħsibt u rajt bejni u bejn Rabbi […]’. Għ. rabb – sinjur, norm. rif. lejn Alla.

RABTA, IR-    Akkordju jew ftehim. Iċ-ċerimonja li fiha jitbierku ċ-ċrieket tal-għerusija u jseħħ il-ftehim bejn il-ġenituri taż-żewġ għarajjes, jiġ., il-wegħda ta’ oġġetti l-aktar prezzjużi li setgħu jagħtu l-familjari lil xulxin biex ir-rabta twassal għaż-żwieġ. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet, Guido Lanfranco, p. 41.

RABTA TAL-ĦAJT     (D.) ‘[…] Concatenamento che si fa tra le mura degli edifizi […]’.

RAĊANĊ    Imbarazz li jakkumula minn kull tip ta’ oġġetti, bħal ħwejjeġ, ċraret, għamara u imbarazz ieħor li m’hemmx aktar bżonnu. Ħafna ħwejjeġ personali mitluqin xi mkien. Tal. raccenciare – M. v. irranġja, illapazza.

RADANĊA       Ara: ĊUMBATURA.

RADAZZA    Xkupa magħmula minn ħjut ta’ ħbula marbutin u magħfusin ma’ xulxin mat-tarf tal-lasta. Din tintuża biex tiknes il-gverta abbord il-bastimenti. Tip ta’ mopp. Tal. redazza, li tfisser l-istess ħaġa. F. Vella (1843) jgħidilha, kenniesa tal-baħrin.

rima dghajsa from Barrakka G_7647RADDA    1. Radda tal-leħen, jiġ., l-eku tal-vuċi meta din tirbombja. 2. MANT TAR-RADDA  Mant li jkollu miegħu tidwira bil-bizzilla, bħal orlatura. (D.) […] Merletto di seta nera che viene posto in tutta la circonferenza anteriore del manto, che va da capo a piedi. Veste della donne maltesi […]’. 3. RADDA TAL-MOĦRIET It-trinka li titħaffer bil-moħriet fil-ħamrija biex fiha tindifen iż-żerriegħa. Radda magħmula mill-ilma tax-xita li fiha jinżel mill-istess passaġġ. 4. RADDA TAL-LANĊA  Ir-rima li tħalli warajha l-lanċa, l-aktar meta tkun misjuqa b’ċerta velocità. 5. RADDI / (ara: RADED PREISTORIĊI)  Dawn huma it-trinek imħaffrin fl-art kemm b’għodda kif ukoll bl-użu ripetut minn xi karettun.

RADDIENA  / REDDIENA   1. Kull strument forma ta’ rota li ddur, eż. 1. RADDIENA TAL-ĦALĠ   Din tintuża biex tistira, traqqaq u tislet il-qoton biex jinħadem f’tajjar.  2. Rota kbira tal-injam li tintuża biex tkebbeb il-ħajt tal-marella fuq l-imserka. 3. RADDIENA TAL-ILMA   Din hi pompa li taħdem bl-enerġija tar-riħ biex jittella’ l-ilma mis-saffi tal-blat, (tal-pjan) fejn jinġabar l-ilma tax-xita.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA                                        Raddiena IMG_7180

RaddiSanPawlaTarga31.JPGRADED  PREISTORIĊI    F’Malta u Għawdex jeżisti numru kbir ta’ raded (pl. ta’ RADDA), bħal trinek twal u fondi, bejn 10 ċm u 30 ċm. Dawn tħaffru f’pari, jiġ.,, bħala żewġ linji paralleli, daqs 80 ċentimetru fil-wisa’ minn xulxin, għal ċertu tul ta’ bosta metri. Skont waħda mit-teoriji, dawn it-trinek kienu x’aktarx iservu ta’ binarju li fihom kienu jitkaxxkru karrettuni. L-arkeoloġi jaħsbu li dawn ir-raddi setgħu saru fi Żmien il-Bronż Tardiv (bejn 1800-700 sena Q.K.) Hawn min jemmen li dawn intużaw biex minnhom jgħaddu karrettuni li kienu jġorru xi materjal tqil. X’aktarx dawn kienu jinġarru mill-bhejjem, biss ma kellhomx roti u allura il-lasti li bihom kien magħmul il-karettun kienu jitkaxxkru f’dawn ir-raded li biż-żmien komplew tħaffru bl-użu tagħhom. Mhux kulħadd jaqbel ma’ din it-teorija u nsibu diversi teoriji oħra dwar għaliex, meta u kif tħaffru dawn ir-raddi. Interessanti li dawn ir-raddi kultant jinsabu fl-inħawi ta’ fejn jidhru numru ta’ ħofor tondi forma ta’ qanpiena, li huma fondi madwar metru fil-blat. Dawn il-ħofor iġiegħlu ‘l wieħed x’jifhem li dawn kienu jservu ta’ fosos tal-qamħ u li r-raddi kienu magħmula biex jiffaċilitaw li l-karrettuni jaslu ħdejhom biex jinġabar il-qamħ minnhom. Kultant dawn ir-raddi jinsabu wkoll viċin xi barriera antika, eż., dawk ta’ ħdejn Għar il-Kbir, qrib il-Buskett, jew dawk li hemm fin-niżla ta’ Alla u Ommu. Dan jista’ jindika li r-raddi kienu mezz ta’ trasport għal ħaġar li kien jinqata’ mill-blat. Xi wħud minn dawn ir-raddi jinżlu anke taħt il-baħar, bħal fil-każ ta’ dawk li hemm fil-Bajja ta’ San Ġorg, Birżebbuġa. Dan il-każ jurina li l-livell tal-baħar dak iż-żmien kien żgur aktar baxx minn fejn illum jiefqu ir-raddi. Sfortunatament, qatt ma nstabu fdalijiet ta’ xi għodda antiki f’dawn ir-raddi biex jgħinuna nifhmu aħjar l-iskop veru tagħhom. Ara: ‘Cart Ruts and their Impact on the Maltese Landscape’ ta’ David Trump, f’Insight Heritage Guide. The Cart-Ruts on Malta and Gozo, ta’ Rowland Parker and Michael Rubinstein, Gozo Press, 1984. The Cart Tracks at San Pawl Tat-Tarġa, Naxxar ta’ Frank Ventura u Tony Tanti, Melita Historica, Vol XI, no 3, 1994, pp. 219-240.  

RADIKA   Tingħad biss fil-frażi ‘ir-razza u r-radika’ – rif. għal dawk kollha li jiġu minn xulxin fl-istess familja. Ngħidu, ‘kaxkar ir-razza u r-radika kollha miegħu biex jagħmel kuraġġ. Tal. radice – għeruq.

RAFANELL / RAVANELL    (Ara: FIĠEL)

RAFF   1. Bħal xkaffa kbira, jew kamra fl-għoli fid-dar fejn jintrefgħu l-affarijiet. Żieda ta’ struttura tal-injam f’kamra b’saqaf għoli. Dan jintuża l-aktar biex jintrefgħu oġġetti li mhux bżonjużi u li ma jintużawx ta’ spiss. Norm. biex titla’ fuq ir-raff wieħed juża skalapiża jew sellum. 2. Strat ta’ sħab baxx li jiġi minn taħt ir-riħ u li miegħu jġib il-beraq.  Qawl:  Raff bir-rjus ragħad u beraq ikollna.

RAĠEL TA’ BARRA     (D.) ‘[…] contadino. Uomo di villa, rustico rude, rozzo. [..]’. Bidwi.

RAĠEL TAL-INDIA     (D.) ‘[…] omiuociollo, nano […]’.

RAĠEL TA’ MINGĦAJR ŻAJBAR    (D.) […] Fraschetta […]’. Raġel zagħżugħ u ta’ moħħ ir-riħ. Ara: FRAXKETTA.

RAĠĠ TAL-IDEJN   Logħob tal-idejn, ġen. bejn it-tfal. Logħob bħal glied finta li kultant jista’ jwassal għal-ġlied bis-serjetà. Kont tisma’ l-ommijiet iwiddbu t-tfal, ‘ma rridx nara raġġ tal-idejn!’

OLYMPUS DIGITAL CAMERARAĠĠIERA LA INGLIŻA Taraġ li jissejjaħ ukoll ‘taraġ bir-raġġ’, għax it-turġien li minnhom ikun iffurmat dan it-taraġ ikunu rranġati mill-bennej b’tali mod li kull ftit, it-ruġien iduru fuqhom infushom biex jiffurmaw bħal garigor kwadrat. Id-differenza hi li t-taraġ la Ingliża ma jkollux anima, jiġ., ma jkollux ħajt ma xhiex iżomm fin-naħa tan-nofs. It-turġien infushom ikunu mqabbdin biss mal-ħajt tal-binja. Bosta djar kbar u ta’ ċertu żmien, l-aktar fejn hemm appartamenti fuq xulxin għandhom dan it-tip ta’ taraġ. Bosta drabi, kull indana tagħti għal-kmamar jew appartamenti.

RAGUZAk4RAGUŻA    Port antik li jinsab mal-kosta tal-Kroazja fil-Baħar Adriatiku, llum magħruf bħala Dubrovnik. Fis-seklu erbatax il-port ta’ Raguża kien jagħmel parti mir-Renju ta’ Venezja. Wara l-1358 din il-belt saret repubblika indipendenti u malajr bdiet tistabbilixxi ċertu kummerċ ma’ pajjiżi oħra fil-Mediterran. Malta kienet fuq ir-rotta tal-kummerċ li kien isir bejn Raguża u Tuniż fejn kien ikun esportat l-injam. Fi żmien l-Ordni, kien isir ċertu kummerċ bejn Malta u Raġuża għall-importazzjoni tal-istess materjal. Ara: ‘Malta and Dubrovnik Towards the Year 1380’, Anthony Luttrell, Melita Historica, Vol 5, no 2, 1969. 158-164.   

RAGĦADA TAL-ART      (D.) Terremot.

RAHAN     Depożitu ta’ oġġett/i li jsir bħala garanzija meta wieħed jissellef il-flus. Ostaġġ li jinqabad u jinżamm bħala rahan biex jitħallsu l-flus biex dan jinħeles.  Ara:  MAHRUN.

RAJJES   Appellattiv li norm. nassoċjaw ma’ kap tal-armata Torka. Jidher li b’din il-kelma l-Maltin kienu jirriferu għal xi ħadd fil-poter jew xi ħadd li jmexxi grupp ta’ nies. Fil-fatt dan l-appellattiv jidher darbtejn fil-kitba Ħames Xhur fil-Greċja (1906) ta’ Dun Xand Cortis. ‘[…] qalilna r-rajjes ta’ l-istazzjon […]’ (il-Praspar Miktuba Minn Dun Xand Cortis, p. 264); u darb’oħra, meta Dun Xand jiddeskrivi lil ċertu Dun Ġorġ Bugeja bħala: ‘[…] ir-rajjes tad-Dar ta’ San Ġużepp […]’. (ibid. p. 272).

RAKELA / RAKIELA    Nagħġa mdaħħla fiż-żmien u li ma tkunx soda fuq saqajha. Etim. Tal. rachele, vecchia pecora. Sors: E.S.I.

RAMBAĠĠ    Attakk ta’ bastiment, meta jidħol b’saħħa fuq ieħor biex jgħamillu l-ħsara. Attakk tas-suldati jew taċ-ċorma minn fuq bastiment għall-ieħor. Fig. ngħidu, ‘fil-fiera kien hemm rambaġġ sħih biex in-nies jilħqu l-aħjar prodotti bl-irħis’. Tal.  arrambaggio – assalto di un bastimento dopo averlo abbordato.  Sors etim. J.A. u E. S. I.

RANĊILA     Ara: MINĠLA.

RAMI      Logħba tal-karti li tintlagħab b’mazz ta’ tnejn u ħamsin.  Ing. Rummy. Ara: LOGĦOB TAL- KARTI.

RAMPIL/A    1. Tip ta’ grampun b’bosta truf bil-ponta, norm. tlieta jew erbgħa. Din tintuża mill-barklori biex jiġbdu d-dgħajsa minn fuq l-irmiġġ lejn il-moll. Dan isir billi mill-art il-barklor igara r-rampila marbuta ma’ tarf il-lenza lejn id-dgħajsa biex iqabbadha maċ-ĊAPPA u b’hekk jiġbed id-dgħajsa lejn l-art. Ir-rampila b’erba’ ġanċijiet tintuża biex jittella’ xi oġġett li jkun waqa’ fil-bir.  2. Isem ta’ xitla li mill-qalba tagħha joħroġ MAGĦSEB twil, u li tieħu l-forma tar-rampil. Is. xj. Chlorophytum Coniosum variegatum.   Ing. Spider plant.  Sqal. rampinu.

                 KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA                   rampil39176m.jpg

RANĊILA      Ara: MINĠLA.

rancisRANĊIS / RANĠIS / RANĊIŻ / NARĊIS   Is. xj. Narcissus tarzetta. Fjura bajda u safranija li tikber fis-selvaġġ u li hi magħrufa għar-riħa tfugħ li tarmi. Minħabba s-sbuħija u r-riħa tagħhom, ħafna jaqtgħuh dawn il-fjuri biex isebbħu d-dar jew biex iqiegħduhom f’bukkett quddiem xi xbieha tal-Madonna fil-knejjes. Fil-mitoloġija Griega naqraw li l-alla Narċisju kien ikkastigat minn Nemesis, l-alla tal-vendetta, billi din ġiegħlet lil Narċisju jħares b’fissazzjoni lejn ir-riflessjoni tiegħu nnifsu fl-ilma ta’ għadira, fejn baqa’ sa ma miet bil-ġuħ. Ma’ din l-istorja hawn min iżid illi fejn miet Narċisju beda jikber il-fjur li ħa ismu. Dwar in-narċis, jew ir-ranċis, Anton Buttigieg kiteb poeżija ppubblikata fil-Pronostku Malti (1934). Din tibda hekk:

      Jien għada mmur Wied Qirda
           biex niġbor ir-ranċiż
      bejn blata u blata mkebbes
           bla għadd u kollu rħis;
      biex nisraq suq in-naħal
           u l-friefet ħelwa u ħfief;
      imbagħ’d nerħilha niġri
           bil-ferħ naqbeż bħall-ħrief.

RANDAN    Iż-żmien ta’ erbgħin jum ta’ sawm ta’ qabel l-Għid. Dari, l-Insara kienu obbligati jagħmlu s-sawm, penitenza u astinenza oħra. Illum is-sawm fir-Randan m’għadux obbligatorju, ħlief fl-ewwel ġurnata tiegħu  –  Ras ir-Randan (jgħidulu wkoll l-Erbgħa tal-Irmied) u l-Ġimgħa l-Kbira. Qabel, fir-Randan ma kontx tista’ tiekol laħam, ħelu jew oġġetti u xorb lattanti. Lanqas ma kont tista’ tixrob inbid. Il-ħalib kien jista’ jinbiegħ lill-morda, biss, u l-bejjiegħ tat-toroq kien jgħajjat ‘Tal-Abjad’, bħalikieku biex ma jwaqqax lil dak li jkun fit-tentazzjoni,  u jbigħu biss lill-morda. Oriġ. Għ. Ramadan. Ara: SAWM U ASTINENZA

RAQBA   1. Ġewża tal-għonq. Tfisser ukoll il-parti taħt il-kozz tal-għonq. 2. Tip ta’ boċċa jew nefħa ħierġa ‘l barra. Sors: E.S.I.

RASPA   1. Għodda tal-ħadid użata mill-mastrudaxxa jew mill-bennej biex jobrox u jillixxa t-trufijiet tal-injama jew tal-ġebla. Għodda bħal-lima, biss, bi snien akbar. 2.  Tip ta’ ħuta li għandha l-ġilda tagħha ħoxna li tixbah il-wiċċ ta’ din l-għodda tal-mastrudaxxa. Is. xj. Ruvettus pretiosus. Fil-fatt il-ġilda ta’ din il-ħuta fl-antik kienet tintuża bħala raspa biex tobrox u tillixxa biha. Din il-ħuta tgħix f’qiegħ il-baħar tal-Mediterran. Il-laħam tagħha għandu kontenut għoli (25%) ta’ xaħam u żejt. L-Italja u l-Ġappun waqqfu l-importazzjoni ta’ din il-ħuta minħabba l-effett lassattiv tagħha meta tittiekel fi kwantità kbira.  Ing. oilfish.

        raspa2       raspa 1

RASTA    Qatta’ ħut li tkun miġbura u maqgħuda flimkien b’xi xlief jew ħaġa oħra. Ngħidu, ‘rasta brieqex’. Sors: Damma u E.S.I.

Ratal4RATAL    (Pl. artal) Miżura li biha kien jitkejjel it-toqol ta’ bosta oġġetti, l-aktar tal-ikel, pereż., ħobż, (ħobża tar-ratal) zokkor, dqiq, laħam, frott u l-ħaxix, l-aktar basal, zunnarija, qarabali u tadam eċċ. Mitt artal huma ekwivalenti għal qantar, (79.3 kg). Fl-iskala antika tal-użin, ir-ratal kien jinftiehem hekk:

Erba’ kwarti                  Ratal 
Ratal                         30 uqija
Ħamest artal                  Wiżna              
Ħamsin ratal                  Nofs qantar 
Mitt ratal                    Qantar
OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Ħajr: Godwin Hampton (Alla jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.)

RAVJULA    Għaġina li tingħalaq fuqha nfisha f’forma kwadra jew tonda u li timtela bl-irkotta jew mili ieħor, eż., ħaxix, laħam jew ingredjenti oħra. Espr., ‘Widnejh kbar daqs ravjula’.  KAPPELL RAVJULA  Tip ta’ beritta li tkun ġejja għall-ponta minn quddiem u minn wara u mżaqqa mill-ġnub b’mod li tagħti lemħa lir-ravjula. Din il-beritta kienet tintlibes mis-suldati Franċiżi lejn l-aħħar tas-seklu sbatax.  Sal-lum, din it-tip ta’ beritta għadha tintuża minn ċerti diviżjonijiet tal-militar mad-dinja kollha kif ukoll mill-mużiċisti tal-baned. Ing. Field Service Cap.                      

RAWTA    Eskrement tal-baqar. Ħarja waħda ta’ baqra jew barri. Dan jinxteħet fuq id-demmiela, mnejn imbagħad fis-sajf jinġarr lejn l-għelieqi biex jinfirex u jinħarat fil-ħamrija bħala fertilizzant. Fl-antik ir-rawta niexfa kienet tinġabar biex tinħaraq flok il-faħam jew il-ħatab, sew fil-kenur kif ukoll fil-fuklar u fiċ-ċumnija.  

RAXIN     Sistema ta’ bejgħ tal-ikel u tqassim bil-kwota skont in-numru ta’ persuni f’kull familja. Din is-sistema kienet inbdiet fit-Tieni Gwerra Dinjija minħabba l-iskarsezza tal-ikel. Kien jingħata ktejjeb lil kull familja biex fih titniżżel il-lista tal-ikel li wieħed kien intitolat għalih. Kull darba li wieħed imur bil-ktieb għand tal-merċa biex jixtri, kien ikun ingassat dak l-ikel li jinxtara. L-ikel kien jitqassam mill-Victory Kitchens, li minnhom f’Malta nħolqu bosta. Minn hawn wieħed seta’ mhux biss jingħata ikel iżda anki ħwejjeġ oħrajn, skont il-bżonn. Il-bejgħ razzjonat baqa’ jsir anki wara l-gwerra minħabba l-iskarsezza, u għax in-neguzjanti u n-nies baqgħu jaħżnu ħafna ikel, aktar milli kien ikollhom bżonn. Ir-raxin norm. kien japplika l-aktar għall-għaġin, iż-żejt, iz-zokkor u l-ħobż. Il-bejgħ bir-raxin tal-ħobż waqaf fit-8 ta’ Frar 1977. Ing. Ration.

raxketta 20190621_104340 (2)
Ħajr: Limestone Heritage, Siġġiewi

RAXKA    Tip ta’ għodda li tintuża minn min jaħdem fil-kostruzzjoni biex biha jobrox u jillixxa iċ-ċnagen. Din tkun magħmula minn injama forma ta’ ċana li tinħakem mill-idejn u li fil-qiegħ tagħha jkollha xfafar li jkunu ppożizzjonati forma ta’ żigużajg. RAXKETTA  Tip ta’ sikkina li tintuża biex tobrox biha. Skrejper. RAXKAMENT Proċedura medika li tintuża biex il-mara tkun imnaddfa minn ġewwa minħabba diversi raġunijiet fosthom, korriment, infezzjoni tal-uteru, menstrwazzjoni annormali, meta jkun hemm xi sogru ta’ kanċer fl-uteru, jew wara t-tqala. Dan il-proċess bl-Ing. jissejjaħ, dilatation and curettage.

RAŻA      1. Kolla tas-siġar.  Eż. raża taż-żnuber.  Akkwadir.   2.  Terpentina. Sqal. Rasa.

RAŻOLA   Ara: REXQA.

razzett tax-xjaten
Ħajr: Kunsill Lokali Mellieħa

RAZZETT TAX-XITAN, IR- / TAX-XJATEN   Binja li tinsab iżolata f’wied fl-inħawi magħrufa bħala tar-Randa, fuq in-naħa tal-Lbiċ tal-Mellieħa, qrib l-Għar Ta’ Zamberat. Skont għajdut superstizzjużi, dan ir-razzett inbena f’lejl wieħed mix-xitan, jew mix-xjaten. Bħal bosta binjiet iżolati dan ir-razzett tgħabba b’dawn il-qlajjiet minn żminijiet antiki, x’aktarx għax in-nies kellhom ċertu biża’ minnu għax kien maqtugħ waħdu u ta’ ħadd u għaldaqstant kien kemxejn misterjuż. Ħadd għadu ma jaf għal xiex kien inbena dan il-bini. Leonard Mahoney, fil-ktieb tiegħu 5,000 Years of Architecture in Malta, jgħid illi żgur ma kienx razzett tal-bhejjem, għax il-mod kif kien ippjanat ma għandux dik ix-xeħta. Minflok, jaħseb li dan il-post seta’ serva biex fih setgħu jistkennu s-suldati tal-milizja li kienu jintbagħtu dawk in-naħat biex jissorveljaw l-bajja u l-madwar. Dan il-bini seta’ serva wkoll bħala stalel għaż-żwiemel tal-istess suldati, jekk mhux anki bħala KAVALLERIZZA. Ara: Mahoney, pp. 123, 124, 129.

Fil-Karnival kienet titkanta din l-istrofa:

                        Għax illum il-Karnival
                        Għax il-festa tax-xitan
                        Ix-xitan irid ikanta
                        Għandu denbu daqs ta Randa

Sors tal-poeżija: Doris Fenech,

rbekkRBEKKIN / REBEKK     Strument bħal vjolin b’korda waħda. Dan l-istrument jaf l-oriġini tiegħu fi żmien il-Medjuevu. X’aktarx hu invenzjoni Għarbija li kien introdott fi Spanja u wara f’pajjiżi Ewropej. Fil-fatt l-isem ġej minn rebab, strument li kien maħdum minn biċċa għuda li tifforma ż-żaqq u l-għonq tal-istrument. Jidher li fl-Ewropa r-rebekk ma baqax jintuża fil-forma oriġinali tiegħu wara ż-żmien ir-Rinaxximent. Biss l-istrument jissemma minn A. de Soldanis (1750) meta jirriferi għal tip ta’ vjolin li kellu ħames jew sitt kordi.  Ing. Rebeck.

 

RBIEGĦI    (Pl. rbajja’). Ġabra ta’ erbgħa. Munita li tiswa erba’ ċinkwini, jew tari wieħed. Sors: G.B.F. (1845). Munita li kienet tiswa taro jew għoxrin gran. Sors: V.B. 1900. Etim. oriġ. minn erbgħa.  TMINTAX-IR RBIEGĦI  Munita li kienet tintuża fi żmien l-Ingliżi li kienet ekkwivalenti għal żewġ xelini u sitt soldi. Din baqgħet tintuża sakemm rbieghi half crown_tpMalta qalbet għas-sistema deċimali fil-bidu tas-snin sebgħin. Bl-Ingliż kienet magħrufa bħala half a crown, jiġ., żewġ xellini u nofs, (crown kienet tiswa ħames xelini.)  DISA’ RBAJJA’  Din kienet tiswa nofs it-tmintax irbiegħi u allura kienet ekkwivalenti daqs xelin u tliet soldi.

rebekkin~60_57REBEKKIN / BERBEKKIN     Għodda li tintuża biex ittaqqab toqob fondi fl-injam jew fil-ġebel. Jeżisti rebekkin tal-krikk (ratchet brace) u rebekkin Amerikan (hand drill). Din l-għodda kienet tintuża sakemm kien ivvintat r-rebekkin tal-elettriku (electric drill). Fir-rebekkin tiddaħħal berrina / gulja (Ing. bit) biex iddur b’qawwa kbira biex itittaqqab it-toqba. Tal. ripicchinu. Sq. ribbichina – sorta di strumento a corde.      

Rebus Old Parish Santa Birkirkara5
Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Birkirkara

REBUS 1. Kompożizzjoni ta’ disinji magħmula minn oġġetti differenti, li flimkien jirriferu simbolikament għal xi kunjom, eċċ. Din is-sistema ntużat ħafna maż-żminijiet fl-eraldika biex wieħed ikun jista’ jippreżenta simbolikament il-kunjom f’arma tal-familja. Eżempju ta’ dan, jidher fuq l-arma tal-Isqof Cocco Palmieri li hemm mal-faċċata tal-katidral, Mdina. Din hi magħmula minn disinn ta’ siġra tal-palm bil-frott tal-ġewż tal-Indji li b’mod ovvju tirrapreżenta l-kunjom Cocco Palmieri. 2. Enigma, logħba bi tpinġija ta’ diversi oġġetti jew simboli, li ħafna drabi m’għandhomx x’jaqsmu ma xulxin; biss meta tiddeċifra s-sillabi ta’ kull oġġett tista’ tasal għat-tifsira tal-mistoqsija.  3. Taħwid kbir. Idj: ‘kien hemm rebus sħiħ fis-sala’ – kien hemm ġenn sħiħ.  Etim: Lat: pl. abblattiv: oġġetti.  Eż., tingħad fil-frażi, de rebus quae geruntur – M. affarijiet li qegħdin jiġru.

Redentur Bormla (156)REDENTUR  Il-figura ta’ Kristu rrappreħentata hekk kif waqa’ hu u jġorr is-salib. Din ir-raffigurazzjoni hi wkoll magħrufa bħala ‘l-Imgħobbi’, u  hi waħda mill-istatwi li tinġarr fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dakinhar, ħafna jimxu wara din l-istatwa bħala wegħda jew penitenza. Id-devozzjoni li teżisti lejn din l-istatwa f’Malta hi kbira, u għaldaqstant naraw ħafna nies jitolbu quddiem din l-istatwa kull fejn hi esposta. Fost dawk l-istatwi tar-Redentur li jattiraw l-akbar devozzjoni f’Malta hemm ir-Redentur tal-Isla. Din l-istatwa tinħareġ f’pellegrinaġġ nazzjonali fix-xahar ta’ Ġunju. Tal. Redentore – Salvatur jew Feddej. Għaldaqstant ir-Redentur hu wkoll is-Salvatur tad-dinja.

REDIFFUSION]REDIFFUSION    Fis-sena 1935, il-Gvern Ingliż qabbad lill-kumpanija Rediffusion tiftaħ l-istazzjon tagħha f’Malta. L-għan prinċipali kien li l-poplu Malti jibda jirċievi aħbarijiet u informazzjoni dwar x’kien qiegħed jiġri fid-dinja, minn sors ewlieni f’Londra. B’dan il-mod, l-Ingliżi kienu qegħdin jirribattu l-aħbarijiet u l-propaganda Faxxista li kienet bdiet tasal f’Malta bir-radju Taljan. Ir-Rediffusion kien jittrażmetti bil-kejbel u kellu żewġ stazzjonijiet biss, stazzjon A (bl-Ingliż) u dak B (bil-Malti). Fil-gwerra ir-Rediffusion serva wkoll, billi bih kienu jannunċjaw l-air raid warnings. Dan seta’ jsir billi twaħħlu speakers fil-pjazez tal-ibliet u l-irħula ta’ Malta. Wara l-Gwerra, il-popolarità tar-Rediffusion kibret ferm, tant li sas-snin sittin, tista’ tgħid li kull familja u stabbiliment kellhom sett tar-Rediffusion. Ġara iżda li fis-sittinijiet is-semmiegħa tar-Rediffusion bdew bil-mod il-mod jinteressaw ruħhom aktar fil-programmi tat-televixin, li beda jxandar kuljum filgħaxijiet. Is-settijiet tat-televixin bdew deħlin ġmielhom fid-djar Maltin. Xorta r-Rediffusion baqa’ popolari ħafna sas-snin sebgħin, għalkemm issa, ħafna mis-semmiegħa kienu bdew jagħżlu li jisimgħuh filgħodu biss. Fl-1975, ir-Rediffusion kien għadda f’idejn il-Gvern Malti u beda jissejjaħ Cable Radio. Ir-Rediffusion f’Malta tneħħa mid-djar kollha fis-sena 1989. Idj: ‘Qiesek ir-Redifjuxin, kemm tgħid!’ Ara: Oh Żmien Ħelu – Il-Palk ir-Radju u Jien, Josephine Mahoney, pp. 12 – 26; 209-211; 266. 

REDUS   Eskrement forma ta’ boċċi żgħar, tal-mogħoż, fniek u ġrieden.  Fl-antik meta l-mogħoż f’Malta kienu jiġġerrew minn post għal-ieħor fl-ibliet u l-irħula, ir-redus kont tarah mifrux fl-art, fit-toroq ta’ kullimkien. Dan kont tarah mhux biss fl-irħula, iżda anki fl-ibliet, kull fejn ir-raħħala kienu jmorru bil-mogħoż kuljum ibgħu l-ħalib. Fig. Kitba rqiqa li ma tingħarafx. TAR-REDUS  Laqam mogħti lin-nies ta’ Ħal Tarxien.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAREFETTORJU / RIFITORJU  Sala kbira tal-ikel fis-seminarju, kunvent jew kulleġġ. Hawn il-patrijiet, eċċ., jinġabru biex jieklu flimkien. Tista’ tgħid illi f’kull kunvent jeżisti refettorju. Ħafna drabi waqt l-ikel xi ħadd ikun imqabbad jaqra xi ktieb tad-devozzjoni jew jgħid xi talb biex dak li jkun jimmedita waqt li jkun qed jiekol. Wieħed mill-isbaħ refettorji li nsibu f’Malta hu bla dubju ta’ xejn dak li hemm f’Casa Manresa, il-Kurja tal-Isqof, il-Furjana, li fl-antik kien iservi ta’ seminarju. Tal. refettorio.  

 

regettier IMG_7303REGETTIER  / RIGATTIER    Bejjiegħ li jixtri u jbigħ affarijiet użati, bħal għamara jew raċanċ u remiżolji ta’ kull tip. Illum naqsu ħafna dawn il-bejjiegħa li jbigħu mid-djar, garaxxijiet, kmamar jew btieħi tagħhom. Biss, preżentement għadek tara minnhom kull nhar ta’ Ħadd f’ċerti swieq tat-toroq, eż., fil-grawnd tal-Fortini, il-Birgu, jew fir-Razzett tal-Inspire, Wied il-Għajn. Tal. rigattiere.

RegattaTigrija tal-Ferilli fil-Port il-Kbir fil-bidu tas-snin 20REGATTA TAL-VITORJA, IR-   Nafu li l-ewwel regatta tal-qdif li qatt saret b’mod kompetittiv bejn opri tal-baħar kienet qabel is-sena 1642. Din kienet magħrufa bħala ‘t-Tiġrija tal-Portu Salvu’, u kienet issir mill-barklori tal-Isla, biss mhux f’Settembru imma fit-2 ta’ Lulju. Din it-tiġrija baqgħet issir tal-inqas sas-sena 1749. Dak iż-żmien għat-tiġrija kienu jattendu l-Gran Mastru u xi kavallieri tal-Ordni. Il-Gran Mastru kien imbagħad jistieden lid-diriġenti tat-tiġrija biex jixorbu xi ħaġa flimkien fil-Casa Magistrale, li kienet regatta senglea xdar tal-Ordni fl-Isla. Donnu li għal xi żmien ir-regatta ma baqgħetx issir b’mod regolari. Fis-sena 1806 r-regatta bdiet tkun organizzata, flimkien mal-logħob tal-ġostra min-nies tal-Kalkara fil-festa ta’ Santa Liberata, festa li hi ċċelebrata mill-patrijiet Kapuċċini ta’ hemm. Hu magħruf li fl-10 ta’ Awwissu, (fil-festa ta’ San Lawrenz tal-1821, kienet saret regatta oħra, din id-darba mill-qaddiefa tal-Birgu. Jidher li r-regatta tal-Vitorja, jiġ. dik tat-8 ta’ Settembru, bdiet issir għall-ewwel darba fl-1822, l-aktar għax tal-Isla jiċċelebraw il-festa tagħhom dakinhar u mhux bi skop li jitfakkar l-Assedju l-Kbir. Biss billi din kienet festa obbligatorja, ir-regatta ħadet xeħta aktar fuq livell nazzjonali. Bil-mod il-mod bdew isiru wkoll xi regatti bejn il-bliet tal-port, billi fil-port kien hawn mijiet ta’ qaddiefa li xogħolhom ta’ kuljum kien dejjem fuq id-dgħajjes. Biż-żmien, dawn id-dgħajjes tat-tiġrija kienu bdew jinbnew apposta b’materjal eħfef biex ikollhom aktar ċans li jirbħu. Bdew jipparteċipaw b’diversi tipi ta’ dgħajjes. Kien hemm, u għad hemm dgħajjes tal-pass (ta’ bi tnejn), tal-pass ta’ b’erbgħa, il-kajjikk, tal-midalji, il-frejgatini u l-gikkijiet. Mill-1979 ir-regatta bdiet issir ukoll fil-31 ta’ Marzu bħala parti mill-kommemorazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien. Fiż-żewġ regatti, ta’ kull sena, il-kompetituri huma dawk tal-Birgu, Bormla, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa, Marsamxett (il-Belt) u Birżebbuġa. Il-premjijiet huma il-paljijiet kif ukoll l-Aggregate Shield. Ara: ‘Origins of the September 8 Regatta’ ta’ Joseph Serracino, The Sunday Times, 22 & 27 August 2010.

REKJAMETERNA    1. Lat. Requiem aeternam – Talba li tingħad lil Alla u li bil-Malti tfisser: ‘Agħtih/a/hom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem’. 2. Ngħidu, ‘flusek tista’ tgħidilhom rekjameterna’, meta rridu nesprimu r-rassenjazzjoni tagħna jekk xi ħadd ikun investa flusu f’xi biċċa affari skabruża, jew inkella sellef xi flus lil xi ħadd brikkun, għax nafu li ma hemmx ċans li l-flus ser jerġgħu jingħatawlu lura.

reliquaryStPaulDSCF0068RELIKWI u RELIKWARJI    Kien u għad hawn ħafna relikwi fil-gżejjer Maltin. Ħafna drabi l-frammenti tal-għadam tal-qaddisin huma miżmuma f’relikwarji tal-ħġieġ u ddekorati b’kull tip ta’ fidda, deheb u ħaġar prezzjuż. Oħrajn jinsabu esposti bħala KORPSANT  taħt l-altari tal-knejjes. Fi żmien l-Ordni, kien hawn kwantità kbira ta’ relikwi, ħafna minnhom miġjuba, mill-Art Imqaddsa. Ta’ importanza kbira għall-Ordni hi l-qorriegħa (kranju) tal-Imqaddes Ġerard, l-ewwel rettur tal-Ispedaljieri meta dawn kienu f’Ġerusalemm. Din illum tinsab fil-kappella tal-Klawsura tas-Sorijiet tal-Ordni, fil-Belt Valletta. A. de S. fil-ktieb tiegħu Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano, (1746), jgħid li fil-Kolleġġjata tar-Rabat, Għawdex, kien hemm tlieta u għoxrin relikwa, li kienu jvarjaw minn biċċa skalda tas-salib ta’ Kristu, għall-parti mill-velu tal-Madonna. F’Malta u Għawdex għad hawn ħafna relikwi li ħafna minnhom inġiebu Malta mill-Vatikan. Forsi l-aktar relikwa prominenti li teżisti f’Malta, hi framment mid-driegħ ta’ San Pawl’, li hemm fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawrfagu, il-Belt Valletta.  Din inġabet minn Ruma fl-1960, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ċentenarji tal-Miġja ta’ San Pawl. Fl-istess knisja tan-Nawfraġju tinsab ukoll biċċa mill-kolonna tal-qtugħ ir-ras tal-istess Appostlu.

Remillies.jpgREMILLIS, BANDA TAR-   ‘Ar’hemm, ħej, għax ġejja l-banda tar-Remillis!’ Espr. li fl-antik wieħed kien jgħid b’mod ironiku għal xi banda lokali li wieħed kien ifaħħar iżżejjed, meta fil-verità din ma kinetx tkunx ta’ livell għoli. Mis-seklu tmintax ’il quddiem insibu li kien hemm ħames bastimenti msemmija Ramillis, mibnija wieħed wara l-ieħor, kollha b’dan l-isem, kollha jagħmlu parti mis-Sovereign Class. Wieħed minnhom serva għal bosta snin mal-flotta tal-Mediterran, bejn l-1926 u l-1931, u għalhekk kien dieħel u ħiereġ fil-Port il-Kbir. Minn fuq dan il-bastiment kienet tinżel banda biex timmarċja u ddoqq fit-toroq tal-Belt. Jista’ jkun għalhekk li din l-idjoma daħlet f’ħalq in-nies f’dan iż-żmien. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija r-Ramillies kien iddefenda erba’ convoys li telqu minn Lixandra lejn Malta. Ftit wara li spiċċat il-gwerra dan il-bastiment kien irtirat mill-flotta Ingliża, u fl-1948 kien spiċċa skrappjat. Sors: Espr. li smajtha f’Ħaż-Żabbar. Ħajr: Michael Cassar.

REMISSA   Kamra mdaqqsa fejn jinżammu l-karettuni, għodda u oġġetti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-armar tal-bhejjem tal-ġarr. Tal. rimessa.

RENELLA    1. Tip ta’ żrar fl-awrina.  2. RNELLA   Moxt tar-rinella – tip ta’ mħara.  3. RNELLA / RINELLA   Bajja ramlija fil-Port il-Kbir li tinsab bejn il-promonotorju ta’ Bighi u dak tar-Ricasoli u Wied Għammieq.  

REPÒ     Ikla li tingħata waqt it-tieġ. Fit-tiġijiet ta’ żmien ilu kont, ta’ spiss tisma’ li, ‘fetaħ ir-repò’.  Dan kien ifisser li wara l-ewwel ftit naqriet ta’ ikel u xorb fil-bidu, servuti mill-wejter, il-mistednin issa setgħu jersqu lejn il-mejda fejn l-ikel kien ikun offrut b’mod li l-mistednin jieklu kemm iridu mill-ikel li jippreferu, fuq platt. Kelma oħra kienet ‘trattament’ jew ‘mangia’. Din tal-aħħar kienet tirreferi għal ikla li kienet issir apposta għal dawk il-mistednin tat-tieġ li jkunu ġew mill-bogħod. Etim. Fr. repas li tfisser ikla.

REQI / RIQI   Qari jew talb li jsir fuq ir-ras, bħal meta qassis jiskonġra lil xi ħadd mid-dimonju, eċċ. Dan ir-ritwal kien irrikmandat li jsir meta xi persuna tkun qiegħda taħt l-influwenza ta’ xi magħmul. Meta tifel ikun imqarqaċ iżżejjed, il-ġenituri kienu jieħduh għand il-Papas tal-Griegi biex irejqu. Ara: Malta li Għext Fiha Jien, J.J. Camilleri, p. 71. Ir-reqi kien isir ukoll fuq il-morda li jbatu mis-suffejra.  KLIEM IR-REQI  Kliem ta’ seħer meta jintefa’ l-magħmul fuq xi ħadd. Meta xi ħadd kien ibati minn xi mard fil-ġilda kienu jqabblulu xi vrus biex ‘jirquh’. Il-kliem reqi kien jingħad ukoll biex ibiegħdu l-għajn jew inkella biex jaqtgħu t-TROMBA. TIRQIJA Mediċina li biha kienu jittrattaw is-suffejra. RAQA  v. eżorċizza; fejjaq mis-suffejra. Etim. Għ. raqa – saħħar lil xi ħadd. Fis-Sirja rejqan tfisser ‘suffejra’. Ara: RIEQI. Sorsi: J.A., E.S.I. Ara: ‘Il-Folklore ta’ Malta u Għawdex’, Leħen il-Malti ta’ Ġ. Cassar Pullicino; Ward ta’ Qari Malti, Vol. II, p. 186.  

REQQET IR-RUĦ    Ġieli kienet tingħad bħala REQT IR-RIĦ.   1. Ħass ħażin; ħlewwa ta’ qalb. 2. Nuqqas ta’ ħila li ma tħallikx tassisti għal xi esperjenza tal-biża’. Effett fuq il-bniedem minħabba xi emozzjonijiet qawwija li wieħed ma jkunx jista’ jissaporti. Ġużè Muscat Azzopardi juża din il-frażi fir-rumanz tiegħu Susanna (1883): ‘[…] L-imsejkna kienet tatha reqqet ir-ruħ li setgħet tibqa’ taħtha […]’.  3. ĠIETU REQQA   Sabha bi tqila biex jagħmel jew jaċċetta xi ħaġa.

RESKRITT    Kitba ta’ approvazzjoni mir-Re jew stqarrija teoloġika mill-Papa. Digriet jew editt mill-Papa. Tal. rescritto.

RESPONCIONES    Terminu li jirriferi għad-dħul finanzjarju li l-Ordni ta’ San Ġwann kien idaħħal kull sena mill-proprjetà li kellu taħt idejh f’bosta artijiet Ewropej. Nofs dan il-qligħ kien jiġi minn bosta reġjuni fi Franza, fejn l-Ordni kellu numru kbir ta’ artijiet imsejħa ‘prijorati’ jew ‘komanderiji’. Dawn it-taxxi kienu jinġabru minn rappreżentanti mqabbda apposta mill-Ordni, imxerrdin f’bosta pajjiżi. Dawn il-kolletturi tat-taxxa fuq il-proprjetà kienu jissejħu ricevitori. Fi żmien il-Gran Mastru Antoine de Paule (1623-1626), id-dħul mill-proprjetà li l-Ordni kellu fl-Ewropa kien ilaħħaq madwar 213,000 skud. Fl-1780, dan l-introjtu kien tela’ għal madwar 475,000 skud, jiġ., dan kien iwassal sa daqs terz mit-total tad-dħul kollu tal-Ordni, li kien ta’ madwar 1,325,000 skud. Meta fis-sena 1792, il-Gvern Rivoluzzjonarju Franċiż kien ikkonfiska l-artijiet u l-ġid tal-proprjetà tal-Ordni, intilfu daqs 45 fil-mija tal-proprjetà li l-Ordni kien igawdi minnhom fl-Ewropa. Meta mbagħad Franza invadiet pajjiżi oħra, aktar ġid mill-artijiet tal-Ordni ġew kkonfiskati, bil-konsegwenza li l-akbar sors finanzjaru tal-Ordni ntilef kważi kollu. Ara: Malta Ancient and Modern, Boisgelin, pp. 246-248; ‘Maltese Finance Under the Order of St John’ ta’ Joseph F. Grima, Malta Economic Update, June 1995, pp. 38-40.

REST ir bormla12REST, IR-    Dan hu l-post fejn illum hemm l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, fl-inħawi magħrufa bħala Santa Margerita, jew inkella, ix-Xgħajra ta’ Bormla. Din il-binja, u magħha, l-inħawi ta’ biswitu, huma magħrufa mill-popolazzjoni Bormliża bħala ‘ir-Rest’. Madankollu, l-isem komplut u oriġinali li kien ingħata lil din il-binja mill-Ingliżi kien, The Soldiers’ and Sailors’ Rest. Fis-sena 1884, il-Metodisti Ingliżi f’Malta kienu bnew dan il-post biex is-suldati u l-baħrin Ingliżi, li dak iż-żmien fil-parti l-kbira tagħhom kienu stazzjonati fl-ibliet ta’ madwar il-Port il-Kbir, setgħu jattendu għas-servizzi reliġjużi tar-rit Metodista, kif ukoll għat-tagħlim reliġjuż. Fl-istess ħin, hawn kien iservi wkoll bħala post fejn dawn l-istess suldati u baħrin kienu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom, ’il bogħod mill-ħwienet tax-xorb u l-ħażen. Ir-Rest kien iservi wkoll ta’ post għal attivitajiet soċjali u sportivi, eż. żfin u logħob tal-badminton u t-tennis. Fis-sala l-kbira tal-istess binja kienu jsiru kant korali u kunċerti. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ir-Rest kien mibdul fi sptar żgħir, wieħed fost 30 oħra li kienu nfetħu apposta biex jilqgħu l-mijiet ta’ feruti tad-DARDANELLI. Dan il-bini mbagħad, kien inxtara mill-klabb tal-futbol ta’ Bormla tas-Saint George’s. Illum l-inħawi tar-Rest huma ffrekwentati ħafna, l-aktar fl-iljieli sħan tas-sajf, meta bosta nies, filgħaxijiet, joħorġu minn djarhom biex ifittxu l-miftuħ u jgawdu ż-żiffa ħafifa. Ara: ‘Bormla u l-Metodisti’ ta’ Mario Attard, fil-websajt http://www.cospicuaparish.org.mt. Ħajr: Denis Darmanin.

REWWIEĦA    Bħal fetħa fil-ħajt magħmula apposta biex tiffriska l-arja tal-kamra jew ta’ xi ambjent ieħor fil-magħluq u jneħħi l-arja ħażina. Fl-antik, ħdejn ir-rewwieħa kienu jpoġġu xi oġġetti tal-ikel bħal pereż., il-ħalib biex jibqa’ frisk, jew inkella ċertu laħam, bħaz-zalzett biex jitqadded, jimmatura u jippriżerva ruħu. Imrewħa. Ventilatur. Ara: MUXRABIJA.

REXQA     Mesħa ħafifa bl-id fuq il-borġ tal-kejla biex il-miżura taż-żerriegħa, fażola, eċċ., issir bi preċiżjoni. Din tapplika ukoll għal mesħa ta’ oġġetti oħra, bħaż-żokkor li jkun aktar għoli milli suppost fuq il-kuċċarina. Meta l-ammont ta’ materjal fil-kejla jaqbeż ‘il fuq mill-wiċċ dan jiġi nvellat bir-RAŻOLA jew REXXIEQA, biċċa injama jew ħadida li tintuża apposta biex tiċċattja il-borġ żejjed. Ngħidu, ‘id-daqqa u r-rexqa’, jiġ., id-daqqa tal-imgħallem. Ara: KEJLA.

RFUGĦ    Post fejn jintrefgħu l-affarijiet. Dan in-nom jingħad ukoll f’kuntesti differenti, eż., irfugħ mix-xogħol – rif. għal dak il-mument meta l-bniedem ma jibqax jaħdem; ‘irfugħ għal mara’ hu dak iż-żmien fil-ħajja meta l-mara ma tkunx għadha tista’ tikkonċepixxi aktar trabi. (D.)  Jiem tal-Karnival. RFUGĦ IL-ĦAMIS   Rif. għall-Ħamis tal-Karnival. RFUGĦ IL-ĦADD   Il-Ħadd tal-Karnival. Dan il-jum hu msejjaħ ukoll Ħadd il-Bluha. Sors: E.S.I.

RIBALTA   Il-parti ta’ quddiem tal-palk fit-teatru fejn ikun hemm moħbija d-dwal li jixgħelu għal fuq il-palk. Dwal fit-teatru li jagħtu għal fuq il-palk. Tal. Ribalta.

RIBASS    Tnaqqis tal-prezz fil-bejgħ. Norm. dan jirriferi għal roħs li jsir fuq oġġetti mill-bejjiegħ biex dan jeħles mill-merkanzija qadima u jdaħħal il-ġdid.

RIBBA     Tingħad fil-frażi ‘mar ir-ribba’, jiġ., fig. mar il-baħar; l-oġġett spiċċa u ma għadux jiswa. Etim. Mill-Kalabriż, il-kelma ribba tirreferi għal riva del mare.

RIBOKKATUR     Fi żmien l-Ordni, dan kien il-bniedem inkarigat li jieħu ħsieb il-kamra mortwarja fl-isptar tas-Sagra Infermerija. Xogħlu kien dak li wara xi operazzjoni jew awtopsja, jerġa’ jqiegħed l-organi tal-ġisem f’posthom u jħit il-feriti, eċċ. Tal. rimboccare – M. v. deffes xi ħaġa ’l ġewwa.

RICETTA MAGISTRALE    Id-dħul finanzjarju personali tal-Gran Mastru. Il-Gran Mastru seta’ jekk irid jużah għalih innifsu jew inkella jgħaddih għal xi fondi partikulari. Fi żmien il-Gran Mastru La Cassiere (1572-1581) ir-Ricetta Magistrale kienet tlaħħaq it-30,000 skud. Fi żmien il-Gran Mastru Perellos (1697-1720), dan l-ammont kien tela’ għal madwar 100,000 skud. Mid-dħul annwali, 6,000 skud kienu dovuti lilu b’jedd. Imbagħad kien hemm numru ta’ persentaġġi li l-Gran Mastru kien idaħħal minn diversi taxxi. Pereż., 30 fil-mija mit-taxxi tad-dwana kienu jmorru għandu. Il-Gran Mastru kien idaħħal ukoll 10 fil-mija tal-qligħ mis-SIBI għax il-liċenzja kienet toħroġ mill-Ordni stess. Barra minn hekk, kien hemm bosta taxxi oħrajn, fosthom dawk meħuda mid-dħul ta’ proprjetajiet immobbiljari. Ara: Towards an Economic History of Eighteenth-Century Malta, Victor Mallia Milanes, p. 485; Hospitaller Malta 1530-1798, ed. Victor Mallia Milanes, pp. 32, 33.

ridottRIDOTT    Struttura difensiva ta’ kobor imdaqqas li l-Ordni bena diversi minnhom mal-kosta tal-gżejjer Maltin fis-seklu tmintax (mill-1716 ’il quddiem). Waqt li l-BATTERIJI kienu jinbnew f’ras il-qala, ir-ridotti kienu jinbnew fil-ġewwieni tal-qala, biex dawn jiddefendu l-inħawi meta l-għadu jkun laħaq żbarka. Ir-ridott kien ħafna drabi jinbena fuq parapett għoli maż-żewġ metri, u ġieli kien ikun imdawwar b’foss li kien jingħata l-forma ta’ pentagonu. Biss, kien hemm ukoll ridotti oħrajn li nbnew f’forma semiċirkulari. Bosta mir-ridotti nbnew fin-naħa tal-Majjistral ta’ Malta u f’Għawdex. Eżempju ta’ dawn or-ridott li hemm fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra. Oħrajn, l-aktar dawk li għandhom ukoll torri żgħir, inbnew fin-naħa ta’ Marsaxlokk, bħal ma hu t-Torri Vendome. F’dawn ir-ridotti, ma tantx kienu jintramaw kanuni. Aktar milli jiddefendu, dawn il-fortizzi spiċċaw biex fihom jinħażnu numru ta’ armamenti u għodda. Il-gwarniġjon li kien ippustjat fir-ridotti kien ikun magħmul minn sitt bumbardiera u madwar għoxrin suldat. Ara: BATTERIJA. Ara wkoll: Fortress of the Knights ta’ Stephen Spiteri, pp. 341-344.

RIEQI    Bniedem li jfejjaq lil dawk morda mis-suffejra Sors: E.S.I. Esorċista. Ara REQI / RIQI. Sors: M.A.V.

RIFFIED/A    Kull tip ta’ oġġett li jservi ta’ appoġġ. Dan jista’ jvarja minn imħadda li tirfed biex ir-ras tistrieħ fuqha b’mod komdu, sa serratizz jew puntal li jimbotta ħajt biex ma jaqax. Tip ta’ feles li jintuża biex l-oġġett iżomm sod jew ma jiżżegligx.

Riformisti savona.pngRIFORMISTI U ANTIRIFORMISTI   Fis-sena 1884, mil-Londra  kienet  intbagħtet Malta kummissjoni biex tinvestiga s-sitwazzjoni politika, ekonomika u edukattiva tal-pajjiż. Fost affarijiet oħra l-kummissjoni kienet ipproponiet li t-tagħlim tal-Ingliż kellu jingħata aktar prominenza. Dan biex f’Malta jkun hemm aktar nies kapaċi jsibu x-xogħol fl-amministrazzjoni tal-pajjiż. Fl-istess ħin kien intenzjonat li s-simpatija kulturali tal-Maltin ixxaqleb aktar lejn il-kultura Ingliża. Xi wħud mill-politiċi fil-Kunsill Amministrattiv, l-aktar dawk ta’ simpatija lejn il-Kultura Taljana ma kienu jaqblu xejn ma’ din l-istrateġija. Kien minħabba din il-kwistjoni li nħolqot 

Riformisti fortunatodiviżjoni li qasmet l-Kunsill Amministrattiv tal-pajjiż f’żewġ fazzjonijiet. Il-firda kibret u baqgħet eżistenti għal għexieren ta’ snin wara. Dawk li kienu favur ir-riforma edukattiva bdew jissejħu ‘r-Riformisti’, waqt li dawk li kienu kontra din ir-riforma kienu magħrufa bħala ‘l-Anti-Riformisti’. Tal-ewwel kienet immexxija minn Sigismondo Savona, waqt li t-tieni fazzjoni kienet immexxija minn Fortunato Mizzi. Dawn iż-żewġ fazzjonijiet kellhom ikunu l-għeruq li minnhom kibru aktar tard il-partiti politiċi, aktar u aktar meta waslet biex saret elezzjoni għall-ewwel gvern awtonomu Malti fis-sena 1921. Ara: PARI PASSU.                                        

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERARIĠNU  Is. xj.  Ricinus communis. Pjanta indiġena tal-Lvant tal-Mediterran u tal-Afrika tal-Lvant. Pjanta li minnha jkun prodott tip ta’ żejt mediċinali. Safrattant, il-pjanta jekk tittiekel hi velenuża għall-aħħar. Fi żmien il-Faxxiżmu fl-Italja, iż-żejt ir-riġnu kienu jbellgħuh minn lembut lil kull min kien magħruf li kien kontra r-reġim Faxxist. Jekk tixrob ftit minn dan iż-żejt iqabbdek dijarea, waqt li jekk tibla’ ħafna minnu jista’ joqtlok. Fl-imgħoddi, iż-żejt ir-riġnu kien jintuża mill-bdiewa bħala velenu għall-ġrieden. F’Malta, din is-siġra hi meqjusa bħala invażiva u parassita għax malajr teqred pjanti oħra u tokkupa l-ispazji tagħhom. Tal. ricino / Sqal. rigginu. Ing. Castor oil tree.

RIGUTTAR    Raġel li jaqla’ flusu billi jqaħħab in-nisa. Sq. Ricuttaru.

RIĦ IMB RIĦ  / RIĦ B’RIĦ    Fig. espr. li turi li  tnejn min-nies li qed jikkompetu f’tellieqa jkunu qegħdin ras imb’ras. Espr. ‘Riħ imb riħ jirbaħ il-MASTER’, (logħba tat-tfal). Rif. għal meta ż-żewġ lagħba jispiċċaw indaqs u ma jirbaħ ħadd minnhom. Tista’ tgħid li riħ imb riħ  hi ekwivalenti għal kelma bl-Ing. draw jew tie.

RIĦ  FUQ  / RIĦ ISFEL    Għalkemm l-irjieħ kollha għandhom l-isem tagħhom, aħna l-Maltin inħobbu naqsmuhom prinċipalment f’żewġ kategoriji. Dawk l-irjieħ li jġibu magħhom arja frisk, b’żiffa sabiħa, sema kaħlani u arja ċara, ngħidulhom, ‘riħ fuq’. Dawk l-irjieħ li jċajpru l-arja u jġibu dak li ngħidulu, tidlik, ngħidulhom ‘riħ isfel’. Ir-riħ fuq ħafna drabi jkun ġej min-naħa tal-Punent, Majjistral jew Tramuntana. Ir-riħ isfel norm. ikun ġej kemm mix-Xlokk, in-Nofsinhar, jew mil-Lbiċ. Fig., bniedem f’burdata ħażina, ngħidu li hu fi stat ta’ ‘riħ isfel’, waqt li dak li bniedem f’burdata tajba ngħidu li hu ‘riħ fuq’.

rih il hamsin.jpgRIĦ IL-ĦAMSIN     Riħ li hu magħruf sew għat-trab ħamrani u fin li jkaxkar miegħu mis-Saħħara. Dan ir-riħ, magħruf sewwa fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, kultant jilħaq anki lill-gżejjer Maltin kif ukoll l-Ewropa, u jikkawża maltempata tar-ramel li tagħmel il-viżibiltà ħażina. Ġieli ngħidulu, ‘xita tar-ramel’. Fid-dinja Għarbija dan ir-riħ hu magħruf bħala Riħ il-Kħamsin għaliex dan idum jippersisti għal 50 jum, biss, f’Malta dan ir-riħ norm. idum biss jum jew tnejn.

ricasoli withple.jpgRIKAŻLI      Il-Forti Ricasoli mibni biex jiddefendi l-bokka tal-Port il-Kbir u l-Forti Sant’Iermu. Din il-fortizza tista’ tissejjaħ ukoll ‘ċittadella’ għax hi mdaqqsa sew, b’ħafna binjiet li jservu ta’ barrakki għas-suldati. Ir-Rikażli, kif inhu magħruf, inbena fl-1698 fuq disinn tal-inġinier militari Maurizio Valperga. L-isem ingħata lil din il-fortizza f’ġieħ lill-Balliju Gio. Francesco Ricasoli, Kavallier Taljan tal-Ordni, li kkontribwixxa somma kbira biex dan il-forti seta’ jinbena. Fis-sena 1807, jiġ., fi żmien l-Ingliżi, hawn kienet saret rewwixta mis-suldati tar-Reġiment ta’ Froberg. Dawn ir-ribelli kellhom iċedu l-armi u kienu sfaw iffuċillati jew mgħallqin fuq il-forka. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija l-forti kien strateġiku ħafna fid-difiża tal-Port il-Kbir. Illum dan il-forti hu mitluq u jeħtieġlu restawr kbir, l-aktar minħabba li r-raxx mielaħ tal-baħar jagħmel ħsara lill-ġebla tal-franka. Il-post iservi minn żmien għal ieħor bħala sfond addattat għall-films, l-aktar dawk li jittrattaw epoki antiki.

Rikazli IMG_1981 (2).JPG

RIKUŻA    Term. legali. Sfida lill-imħallef mill-avukat meta dan tal-aħħar jissuspetta li jkun hemm xi parzjalità fil-mod li jkun qed jitmexxa l-każ. Tal. ricusare – M. Tirrifjuta li tagħmel xi ħaġa u twaqqaf milli jsir xi proċediment. Talba li ssir minn xi parti f’kawża, sew jekk kriminali u wkoll jew ċivili, biex il-ġudikant ma joqgħodx fil-kawża, u dan għal xi waħda mir-raġunijiet li jsemmi l-Kodiċi tal-Proċedura u / jew minħabba ksur ta’ xi dritt fundamentali u kostituzzjonali tal-individwu. Ir-rikuża hija intimament marbuta mal-bażi stess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Ngħidu, ‘Il-gvern irrikuża tnejn mill-imħallfin’. Jew, ‘Il-President tal-Qrati rriġetta r-rekużazzjoni tiegħu.’ Ħajr: L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.

RILIF   Rif. għal tip ta’ assistenza finanzjarja mill-istat, eż., benefiċċju soċjali lil min jimrad fit-tul u ma jibqax jaħdem, nisa romol, nies inkapaċitati u nies li m’għandhomx xogħol. Ngħidu, ‘dak ilu fuq ir-rilif għal dan l-aħħar għaxar snin’. Ing. Relief.

RILJEV   Skultura, ġen. tal-ġibs, ġebel, injam, jew metall, eċċ., li ma tkunx tridimensjonali. Biss, il-forma tagħha tkun tidher ħierġa ’l barra mill-isfond tal-kwadru li tkun skolpita fih. Ngħidu basso riljiev għal xogħol ta’ skultura li tkun pjuttost baxxa fil-perspettiva tagħha, jew alto riljiev fejn ix-xogħol ikun ibbuzzat ’il barra sew mill-bqija tal-istess materjal. (ritratt: Riljev fuq wieħed mill-ħitan ta’ kappella fil-Konkatidral ta’ San Ġwann).

rilievy

RIMA    1. Ċaqliqa tal-baħar li tkun tqajmet bl-effett ta’ mewġ maħluq minn xi bastiment li jkun għadu kemm għadda fil-qrib. Kelma oħra hi XIJA jew RADDA. Sqal. u Tal. Rema. Ing. whirlpool.  2. Sillaba jew tnejn, li jaqblu, fil-versi ta’ poeżija,  eż. bhima u qima.

RIMIŻOLJI    Raċanċ jew irmixk. Oġġetti qodma. Hawn min jerfa’ ħafna remiżolji żgħar li jkun ġabar jew iddobba matul iż-żmien, u li ma jkunx irid jarmihom għax dawn iservu bħala tifkiriet. Ħafna oġġetti żgħar ta’ ftit importanza. Tal. rimasuglio. Ing.Trinkets.

RINA    Ir-ramel fin li kien jintuża biex jixxotta l-linka minn fuq il-karta. RINAROLA   Il-flixkun żgħir li minnu kien jixxerred dan ir-ramel fuq il-karta. Qbl. ma’ RINELLA.

RIQ      Il-bżieq li joħroġ bil-mod mill-pori tal-ħalq. Ngħidu, ‘bill sebgħu bir-riq biex jara minn fejn ġej ir-riħ’.  Idj: i.)  Għadu għar-riq – jiġ., għadu ma kiel xejn.  Idj: ii.) Pejjep sigarett għar-riq.

risorgimentoRuggero_Settimo.jpgRISORĠIMENTO     Fl-Italja, ta’ bejn l-1830 u l-1861, kien hemm ħafna attentati f’diversi reġjuni biex jitwarrbu il-prinċipati awtokratiċi, u l-Italja tingħaqad fi stat taħt gvern wieħed. Kienu saru diversi attentati u rivoluzzjonijiet biex dawn ir-reġimi jitneħħew. Ħafna mir-rivoluzzjonarji involuti f’dawn il-komplotti u atti ta’ ribelljoni ġieli nqabdu, waqt li oħrajn kienu jaħarbu barra l-pajjiż. Xi wħud minn dawk li ħarbu sabu refuġju f’Malta. Wieħed mill-aktar figuri prominenti tar-Risorgimento li ġew Malta kien Ruggero Settimo, li għal xi żmien kien l-Ammiral tal-flotta Borbonika. Fl-1812, Settimo kien irriżenja mill-kariga tiegħu u ġġieled kemm felaħ biex Sqallija tieħu l-indipendeza tagħha. Fl-1848, kien attiv ħafna fil-moviment tas-separatisti. Meta Sqallija reġgħet intrebħet mill-Borboni hu spiċċa risorgimentocrispi_Crispi.jpgeżiljat f’Malta. Settimo miet il-Belt Valletta fl-1863, fl-età ta 85 sena. Taljan ieħor prominenti li sab refuġju f’Malta kien Francesco Crispi. Dan kien ħa sehem fl-irvellijiet ta’ bejn l-1848 u l-1853, u wara ħarab lejn Malta fejn għex f’dar f’Ħal Tarxien sal-1855. Wara l-unifikazzjoni tal-Italja, Crispi kien elett Prim Ministru tal-Italja (1887). Meta Garibaldi kien fi triqtu lejn l-Ingilterra, fit-23 ta’ Marzu tal-1864 kien waqaf Malta mat-tfal tiegħu. Il-poplu Malti kien maqsum fis-simpatiji tiegħu lejn ir-Risorgimento. Kien hemm dawk li xtaqu li l-Italja tingħaqad fi stat wieħed. Biss, oħrajn raw li dawn ir-rivoluzzjonarji kienu wkoll avversarji tal-Papa, li kellu teritorju vast taħt idejh, (l-Istati Papali), u għaldaqstant kien wieħed minn dawk li kienu qed jirreżisti din l-unifikazzjoni. Ara: ‘Important Visitors to Malta’, Giuseppe Garibaldi, Heritage pp. 1321-1324 ta’ J.A. Filletti.   

RITRATTIST   Pittur li jpinġi l-figura tal-bniedem, l-aktar il-wiċċ, tan-nies li jimmudellaw għalih.

RITTUNA   Term li jirreferi għal kwantità ta’ tiben. Ħabel li bih kienu jorbtu qabda tiben f’daqqa. Din il-qabda kienet tiġbor ammont fi kwantità f’daqs kif mifhum u applikabbli għal kulħadd. Sqal. rituni mit-Tal. rete – M. xibka. Sors: V.B. 1900.

RIXA   Apparti mit-tifsira komuni tagħha, din tista’ tfisser ukoll, mannara. Sors: V. Busuttil (1900). E.S.I. jispjegaha wkoll bħala mannara b’żewġt ixfar, mannara tal-bojja, u anki giljottina. F’waħda mill-ħrejjef li ġabar Patri Manwel Magri, madwar l-aħħar tas-seklu dsatax, din tgħid li wieħed baħri qata’ idejn il-ġganta b’rixa. Ara: Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ. Mifsud Chircop, p. 127.

XATBA Vince.jpg
Tpinġija ta’ rixtellu magħmula minn Vince Abdilla

RIXTELLU / XATBA  1. Għodda li tintuża mill-bdiewa biex il-ħamrija fl-għelieqi titnaddaf miż-żrar u l-ħaxix selvaġġ. Din l-għodda hi magħmula minn għadd ta’ twavel tal-injam imwaħħlin ma’ xulxin (ara r-ritratt). Ma’ din l-istruttura jitwaħħlu mal-għaxar swaba’ tal-ħadid (qishom imsiemer) fit-tarf tagħha biex dawn iservu ta’ moxt u jigirfu l-ħamrija. 2. Parti mill-makkinarju tan-newl li jintuża bħala moxt biex jinħelsu l-għoqod fil-ħajt tal-qoton. Ara:  MOXT3. Xatba li ssakkar id-daħla ta’ xi proprjetà.

RIŻMA    Kwantità kbira ta’ karti mqiegħda fuq xulxin hekk kif jinqatgħu biex ikunu ppreparati għall-bejgħ bil-kwantità. Oriġ. din kienet tfisser kwantità preċiża ta’ ħames mitt folja. Tintuża fil-frażi, ‘riżma karti’. Ing. Ream of papers. Sors: E.S.I. u J.A.

RJAL      1. Largo, generoso, liberale. 2. Munita antika. G.B.F. (1845). Ara: RJALI.

rajla raddienaRJALA    Rota tal-injam li fuq il-perimetru tagħha jkun hemm numri biex tintlagħab il-lotterija fuqhom. Din ir-rota tingħata tidwira bl-idejn biex fejn in-numru li jieqaf taħt il-musmar ikun in-numru rebbieħ. Ġen. il-biljett kien ikun jiswa’ sold jew xi ftit aktar. Kont tara diversi roti rjali fil-fieri li kienu jorganizzaw il-voluntiera b’risq il-festa jew xi skop ieħor relatat mal-parroċċa. Din ir-rota norm. kienu anki jgħidulha raddiena. (Ing. wheel of fortune). G.B.F. (1845) jgħid hekk:   ‘[…] giuoco che si fa con polizze e ferro girante che indica il numero o colore su quale si giuoca. A game of chance […]’.

readar faccata IMG_6427
Ħal-Qormi

RJALI   Dan l-aġġ. hu marbut l-aktar ma’ Strada Rjali, it triq prinċipali tal-Belt Valletta, illum magħrufa bħala, Triq ir-Repubblika, u ma PUTIRJAL (Porta Reale). Jidher li dan it-titlu ingħata fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, meta id-daħla tal-Belt li tħares lejn il-Furjana, inbniet mill-ġdid minn Tomaso Dingli b’mod aktar dekoruż minn qabel. Issa, l-bieb prinċipali, li kien jismu Porta San Giorgio, u t-triq li tmiss miegħu, Strada San Giorgio bdew jissejħu, Porta Reale u Strada Reale rispettivament. Għad hawn ħafna li għadhom isejħu lill-triq ir-Repubblika bħala Strada Rjali. Il-kelma rjal/i f’dan is-sens tirreferi għal kull triq twila u prinċipali, bħal fit-Taljan, reale. fis-sens ta’ xi ħaġa magħmula kbira u

reastreet Strada Rjali 03
L-isem tat-triq / pjazza f’Ħaż-Żebbuġ

majjestuża. F’Malta jeżistu toroq oħra, b’dan it-terminu, fosthom, waħda f’Ħaż-Żebbuġ, (proprjament il-pjazza ta’ ħdejn il-knisja parokkjali), u oħra f’Ħal Qormi.  Ara: RJAL.

 

reale Putirjal Valletta Brocktorff -L09313549

RKAPTU     1.  Materjal bażiku u utli biex taħdem bih. Kisba ta’ xi ħaġa.  2. Mod li ssib soluzzjoni. Pereż. ngħidu, ‘fl-aħħar sab irkaptu kif jikkontrollah’, jew, ‘ħadd ma jista’ jsiblu rkaptu’.  3. Kapaċità li żżomm il-mod ta’ kif għandek tagħmel xi ħaġa. 4. Kull tip ta’ xbiek li s-sajjied jistad bih. Mod ta’ kif wieħed jistad. Tal. ricapitaremateriale da mettere in opera per un lavoro. Sors : J.A.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERARMIĠĠ    1. Post fejn tintrabat id-dgħajsa b’ħabel jew katina, f’nofs ta’ baħar, f’bajja, f’port jew qrib il-moll. Norm. l-irmiġġ jirrikjedi l-irbit tad-dgħajsa ma’ baga żgħira. Il-baga tkun marbuta ġen. b’katina mal-mażżra fil-qiegħ tal-baħar.  2. Rif. għal-lok tas-sajd li s-sajjieda jkollhom f’baħar ’il bogħod mill-kosta. Il-permess li jingħata mill-awtorità tas-sajd biex is-sajjieda jirmiġġjaw u jistadu minn lokazzjoni partikulari. Din il-lokazzjoni tingħata mill-awtorità billi tittella’ bix-xorti.  Sqal. armiggi. Tal.ormeggio.

RMONK     Eż. Il-vapur  lanċa tar-rmonk, hu dak il-bastiment żgħir li jgħin il-vapuri kbar jidħlu fil-port u jankraw fil-post allokat għalihom.  RMONKA v. Tal. rimorchio.

ROBBU     Biċċa laħam mill-għoġol. Ngħidu,  ‘dak kapaċi jiekol robbu sħiħ’ –  rif. għal xi ħadd bil-ġuħ ħafna jew inkella li hu mdorri jiekol ħafna.  Għ. Rubb’-  kwart, wieħed minn erbgħa.

ROKKETT    Tip ta’ spellizza li tintlibes fuq l-ispallejn mill-prelati tal-knisja. Tal rocchetto.

ROKOKO 04.jpgROKOKO Stil ta’ arti li żviluppa mill-Barokk fis-seklu tmintax. L-istil Rokoko jpaxxi l-għajnejn bid-dettalji esaġerati tat-dekorazzjoni artistika li l-binja tingħata.  It-tinqix u l-iskultura ddisinjati fuq il-ġebla huma aktar frivoli minn dawk tal-arti Barokka. F’Malta, ir-Rokoko jidher biss fi ftit bini, pereż., fit-taraġ ta’ Admiralty House, magħruf aħjar bħala (l-eks Mużew Nazzjonali tal-Arti), binja li qiegħda fi Triq Rokoko palazzo pariso6_114710 (1) - CopyNofsinhar, il-Belt Valletta. Jidher ukoll fid-dekorazzjoni massiċċa fis-‘sala tal-ballu’ ta’ Palazzo Parisio, in-Naxxar – għalkemm din il-binja ma nbnietx fl-epoka tar-Rokoko iżda fl-aħħar tas-seklu dsatax. Hawn, l-istil, hu evidenti ħafna bi skultura rikka f’riljevi li żżejjen il-ħitan ta’ din is-sala. Ir-Rokoko fil-knejjes ta’ Malta ma tantx hu komuni daqs l-istil Barokk.

Romanesk Abu-khdeir GranadosROMANESK   Stil arkitettoniku fejn tispikka ħafna l-arkata fil-bibien u t-twieqi, l-aktar fil-palazzi u l-knejjes ta’ żmien is-sekli għaxra, ħdax u tnax. Ir-Romanesk kien popolari qabel ma żviluppa l-istil Gotiku. F’Malta ma għandna l-ebda arkitettura ta’ din l-epoka. Kien fis-seklu dsatax u s-seklu għoxrin li nbnew xi knejjes fi stil hekk imsejjaħ Neo-Romanesk, li allura jagħtuna l-opportunità napprezzaw dan l-istil. Eż. ta’ din l-arkitettura narawh fis-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex u fil-knisja parrokkjali ta’ Birżebbuġa.

ROMANZ     Dan it-terminu jirreferi għall-ilsien li ġej mill-Latin eż., it-Taljan, l-Isqalli, l-Ispanjol u l-Franċiż, u li ħareġ finalment mit-Taljan tat-Toskana. L-ilsien Romanz beda dieħel f’Malta mis-seklu tnax ‘il quddiem, malli n-Normanni bdew jistabbilixxu l-amministrazzjoni tagħhom b’mod permanenti fil-gżejjer Maltin. L-ilsien Romanz beda bil-mod il-mod jinfiles fl-ilsien Għarbi tal-Maltin mill-amministraturi, kummerċjanti u suldati li ġew minn Sqallija. Billi r-Romanz daħal ftit ftit, għax il-barranin kienu ftit mijiet, dan dam ħafna ma nxtered fl-ilsien Għarbi tal-kotra. Ħjiel ta’ dan nistgħu narawh fl-għanja ta’ Pietru Caxaro, li nkitbet fit-tieni parti tas-seklu ħmistax. F’din il-poeżija li fiha madwar mitt kelma differenti, insibu kelma waħda biss li ġejja mir-Romanz; din hi l-kelma ‘ventura’. Ara: CANTILENA, u IlMalti F’Elf Sena ta’ Storja, ta’ Joseph M. Brincat.

ROMAW    Logħba tat-tfal li jsemmiha A. de S. fid-Damma. Din hi logħba simili għat-Tiġieġa l-Għamja, fejn tifel ikun mgħammad b’maktur ma’ għajnejh waqt li t-tfal sħabu joqogħodu ċirku madwaru. Dn it-tifel jissejjaħ il-Maestro. Meta t-tfal jgħajtu ‘romaw!’, dan it-tifel jibda jfajjar b’idu, kemm jiflaħ, kif ġie ġie, b’maktur li jkun milwi fi tnejn. Lil min jolqot ikollu jgħamilha hu tat-tiġieġa l-għamja minfloku. Sors: Damma. E.S.I. jagħti diversi tifsiriet tal-oriġini tal-kelma. Forsi l-aktar plawsibbli hi, li l-isem ġej minn logħba oħra simili, fejn wieħed kien jgħati l-ordni, ‘Armaw!’, jiġ. ‘ibdew agħtu!’.

ROMBOLL    Logħba tal-boċċi li kienu jilagħbuha t-tfal.  Etim. minn romblu.

RONDA   1. L-għassa li jagħmel, sildat, gwardjan jew pulizija f’post jew ħara billi jiċċaqlaq minn post għall-ieħor. (D.): ‘[…] Compagnia degli ufficali della giustizia o di corpo militare che di notte va in giro, e qualche volta pure di giorno si nelle città, come in campagna contro i malfattori, o per liberare da questi i luoghi. Anche compagnia del corpo militare assegnata per invigilare sulle guardie marittime o siano littorali […]’.  2. Ir-rix li kultant il-pagun jiftaħ f’forma ta’ arkata.

ROSS    (D.) Espr. Jiekol ir-ross bil-labra, jiġ. jiekol kontra qalbu, jew jiekol meta jkun iddisgustat b’xi ħaġa.

ROTA   1. Din hi waħda mill-eqdem invenzjonijiet tal-bniedem u tmur lura sar-raba’ millenju, fil-Mesopotamja. Fi żmien meta nbnew it-Tempji Megalitiċi, jidher li r-rota kienet tintuża biex fuqha jinħadmu l-oġġetti tal-fuħħar. Hawn min jaħseb li fi Żmien il-Bronż, għat-trasport flok ir-rota kienu jintużaw ir-RADDI, bħal kanali mħaffra apposta, biex il-karettun jinġarr fuqhom mingħajr roti. 2. L-injama l-wieqfa mwaħħla mal-prim fil-dghajsa0103.JPGpoppa u fil-pruwa tad-dgħajjes tal-pass. Ara: DGĦAJSA TAL-PASS3. Speċi ta’ ġilandra, jew tieqa tal-injam li tkun imdeffsa f’ħajt diviżorju, bejn il-parti pubblika u l-parti privata fil-kunventi. Din tintuża biex oġġetti, bħall-ikel, jitqiegħdu fiha biex jeħduhom is-sorijiet fil-kunvent. Hemm twieqi bħal dawn mal-ħajt ta’ Rota sptar F0589.JPGbarra l-Isptar Santo Spirito fir-Rabat, u dak tas-Sagra Infermeria, il-Belt. Jingħad li dawn it-twieqi kienu jintużaw minn dawk l-ommijiet biex bil-moħbi, fihom iqiegħdu t-tarbija li ma ridux iżommu, għall-addozzjoni mill-infermiera tal-isptar.

                              Rota fil-faċċata tal-isptar Santo Spirito, ir-Rabat

 

RozarjantiROŻARJANTI Membri tal-konfraternità tar-Rużarju tal-parroċċa tal-Porto Salvu, il-Belt. Magħrufa wkoll bħala l-Konfraternità tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann. Meta ikkundannat kien ikun ser jingħata l-mewt, dawn kienu jduru fit-toroq, jitolbu u jiġbru l-flus għall-quddies għar-ruħ l-ikkundannat. Ir-Rożarjanti kienu jilbsu l-kabozza fuq rashom biex ma jintgħarfux. Dan minħabba li fost il-membri kien ikun hemm nies prominenti tas-soċjetà li kienu jixtiequ jibqgħu anonimi. Fil-jum meta l-ikkundannat ikun se jingħata l-mewt dawn kienu joħorġu mill-oratorju tad-Dumnikani biex jakkumpanjaw lill-persuna. Il-purċissjoni kienet tibda minn Triq il-Merkanti, tiġbed ’l isfel minn Triq San Ġwann u ddur fi Triq San Pawl. Minn hemm tibqa’ sejra u wara titla lura lejn Triq il-Merkanti. Minn hawn iduru lejn Strada San Giorgio, (Strada Reale) u joħorġu mal-ikkundanat barra Bieb il-Belt, sax-xagħra tal-Furjana fejn kien hemm l-ikkundanat jittella’ fuq il-forka. Ara:  KONFRATERNITÀ.

rosolio-alchermes1[1]ROŻOLIN   Tip ta’ likur qisu akkwavit, li ilu jinħadem u magħruf sew fl-Ewropa mis-seklu erbatax ‘l hawn. Għal xi żmien, din ix-xarba kienet ħadet il-popolarità tagħha bħala x-xarba preferuta tan-nisa, għax ir-rożolin hu xarba b’inqas alkoħol. Dan kien popolari ħafna bħala xarba tipika fir-riċevimenti. Fliexken tar-Rosolin kien jingħata ħafna drabi bħala rigal flimkien ma’ xi kaxxa biskuttini, meta dak li jkun iżur xi qraba. It-togħma tar-rożolin tista’ rosolin o-francescanotvarja, skont l-essenza tal-frotta li jkun imħallat biha. Fil-fatt jeżisti rożolin tal-frawli, tal-larinġ, tal-lumi u togħmiet oħrajn. Dan il-likur isir mill-essenza li toħroġ mill-weraq tal-warda bil-proċess tal-lampik. Kien hawn f’Malta min jipproduċi r-rożolin bil-moħbi tal-awtoritajiet. Intant, fl-antik, lit-tfal biċ-ċajt kienu jgħidulhom illi ‘meta jmorru l-ġenna hemm kienu ser jieklu l-biskuttini u jixorbu r-rożolin’. Tal. rosolio. Ara: Ħrejjef Missirijietna, Manwel Magri, p. 577; Nismagħhem Jgħidu, ta’ Paul P. Borg, pp. 348-350. Isemmiegħ ukoll G.B.F. (1845).

ROZZ   Aġġ. li jirriferi għal xi ħaġa ħoxna u goffa. Bniedem magħmul oħxon. Fig. bniedem li hu goff u bla manjieri fl-imġiba tiegħu.

RPAR       Ilqugħ jew kenn. Ngħidu, ‘sab irpar mix-xita’. Dan l-ilqugħ jista’ jkun ukoll ħajt ta’ kenn bħal ma nsibu f’fortizza. RPAR TA’ ROTA  Dan hu pern, bħal musmar li jżomm ir-rota f’posta biex tevita li din tinqala’ minn posta.

RSIPLA  1. Infezzjoni akuta fil-ġilda kkawżata minn bakterju streptokokku. Is. xj. Erysipelas. B’din l-infezzjoni l-marid jaqbdu d-deni u jħoss ħafna ħruq hekk kif il-ġilda tiħmar.  RSIEPLA  Ngħidu, marad bl-irsipla.  2. Dan it-terminu jintuża kultant biex ikun spjegat kwalunkwe mard ieħor li  jkun infirex mal-ġisem kollu.

RSUL  Tingħad fl-espr. ‘Toqgħodx tiġini b’ħafna rsuli.’ – jiġ., ‘toqgħodx twassalli xi jrid jgħidli ħaddieħor.’ ‘Irsul’ tista’ tfisser ukoll ‘aħbar kerha’. Ġejja mill-verb Għ. ‘rasala’ u Malti antik għal xi ħadd li jwassal il-bxara. ‘Rasul’ jew ‘rażul’ hu messaġġier tal-bxara. Sors: J.A. u Kif Ngħiduha ta’ Ġino u Anna Muscat Azzopardi.

OLYMPUS DIGITAL CAMERARTO     Abbr. li tirriferi għall-kelma Riservato. Dawn it-tliet ittri kont tarahom ta’ spiss – u kultant għadek tarahom – mal-ħitan tas-sejjieħ, jew fuq xi xatba jew ġebla fil-kampanja. Dawn l-ittri jindikaw li dik l-art hi proprjetà privata, jew inkella art mikrija biex tintuża għall-kaċċa u l-insib. Il-kelma tmur lura għal meta t-Taljan kien l-ilsien li bih kienu jinkitbu bosta mill-avviżi, qabel ma daħal l-Ingliż u l-Malti.

RUBINI      1. Ġojjelli.  2. Rubini tal-arloġġ.  Idj:  ‘Kollox miexi fuq ir-rubini’ – jiġ., kollox sejjer tajjeb, b’mod preċiż u kif suppost.

RUĦ ŻUTA       Ara: ŻUTA.

RUFFJAN    1.  Bniedem ta’ karattru ħażin. Bniedem ta’ qattani.  2. Xi ħadd li jagħmilha ta’ medjatur. Fig. wieħed li jkollu jbaxxi rasu għal kollox. Ngħidu, ‘mela jien ir-ruffjan tiegħek!’ – tingħad minn xi ħadd li ma jridx joqgħod għal kull ma jgħidulu. 3. RUFFJANA   Mara li tqaħħab lin-nisa billi tagħmilha ta‘ medjatur imbagħad taqsam fil-qliegħ. Idj: ‘Qishom il-qaħba u r-ruffjana’. 4. Dik il-parti tat-trabokk fejn jitqiegħed l-għasfur biex dan bil-għana tiegħu jħajjar għasafar oħra jersqu lejn it-trabokk.

Rue D'Argens a
Id-Dar tal-Kavallier D’Argent – Ritratt ta’ Joe Morana

RUE D’ARGENS   Triq prinċipali li mill-Gżira twasslek lejn is-Savoy u Triq Rudolfu, Tas-Sliema. Din imsemmija għall-kavallier tal-Ordni, Luc de Boyer d’Argens (twieled fl-1713) li kellu dar qrib, fi Triq Cuschieri. Dan il-kavallier kien ħu n-nobbli Bastian de Boyer d’Argens, filosofu Franċiż magħruf. F’Malta, il-Kavallier d’Argens kien laħaq kap tal-artillerija tal-Ordni fis-sena 1767. Hu jibqa’ msemmi għall-ktieb li ppubblika dwar l-Ordni: Reflexions Politiques sur l’État et les Devoirs des Chevaliers de Malthe. Dan il-kavallier jibqa’ wkoll imsemmi għall-kanun tal-gwerra ddekorat li hu kien irregala lill-Ordni. Fi żmien l-Ingliżi, dan il-kanun spiċċa meħud l-Ingilterra u llum hu għall-wiri fit-Torri ta’ Londra. D’Argens kien ukoll ta kalċi sabiħ tad-deheb lill-knisja ta’ Santa Barbara, billi hu kien kavallier Franċiż, u din il-knisja kienu isservi lill-kavallieri ta’ Provenza. Il-Kavallier d’Argens kien magħruf ukoll għall-infiq kbir li kien jagħmel u li għall-ħwejjeġ fini li kien jiddandan bihom. Għalhekk, kunjom dan il-kavallier veru jixraqlu għax bil-Franċiż argent tfisser ‘flus’ jew ‘fidda’. Ara: ‘Churchill and the Ximenes Cannon’, Giovanni Bonello, http://www.culturalmalta.com; ‘The Story of Gżira’, ta’ Joe Ian Attard fil-website http://www.my-malta.com.

RUĠĠATA    Xarba rinfreskanti magħmula bl-ilma u mħallta norm. bit-trab tal-lewż morr, tal-larinġ jew togħmiet oħrajn. Din ix-xarba kienet tisserva f’tazza bosta drabi minn xi kjosk, f’xi kantuniera ta’ triq fil-Belt jew Tas-Sliema, aktar milli minn ġo xi ħanut. Fil-fatt il-kjosk kienu jirreferu għalih bosta drabi bħala ‘Tar-Ruġġata’. Sqal. urgiata, bevanda fatta di orzo cotto o pure evanda rinfrescante di semi di poponi. Sors etim: J.A.

RUMI     Skont E.S.I. din hi kelma li ġejja mill-Għarbi li tfisser xi ħadd Ruman, Latin jew Grieg, l-aktar jekk hu Nisrani jew Kattoliku. Skont F. Vella (1843)  dan hu appellattiv għal min hu Grieg. Lejn Miġra l-Ferħa hemm Wied ir-Rum. Bl-Għarbi, Baħar ir-Rum hu l-Baħar Jonju, bejn Sqallija u Kreta.

RUMNELL    Lenza tal-bandieri, tal-arbli jew tal-qlugħ. Rumnell taċ-ċima – ħabel li l-bennejja jużaw billi jdaħħluh fil-BUZZELL. Etim. dubjuża. E.S.I. jgħid li jista’ jkun li din ġejja mit-Tal. Merlinomerlinello, terminu tal-baħħara bħal spago o fumicella. Biż-żmien il-kelma Maltija nqalbet minn merlinell għal ruminell, J.A. jemmen li din ġejja mill-Isq. rumaneddu, piccolo canapo, li wkoll tfisser ħabel żgħir.

ruttamRUTTAM    Qtar li jinħall u jqattar mix-xemgħa li jaqa’ fil-BUĠIJA jew fl-art. Qawl: Is-sagristan jekk ma jmissx mix-xemgħa, jmiss mir-ruttam – jiġ., ‘ibqa’ ċert u żgur li xi wħud ibabsu u japprofittaw ruħom dejjem, jekk mhux minn ħaġa, minn oħra. Tal. rottame, frammento di cosa rotta.

RUVLU   Injam ħamrani meħud mis-siġar tal-ballut li jintuża biex tinħadem l-għamara bih. Mir-ruvlu jinbnew ukoll l-opri tal-baħar għax hu injam b’saħħtu u reżistenti għall-ilma. Fig., dan l-isem kien iservi ta’ tgħajjira għax kont tisma’ lil min jgħid, ‘Dik qisha ħatba tar-ruvlu.’ – rif. dispreġġjattiva għal xi mara xiħa li tkun fuq ruħha b’mod arroganti u ta’ ċertu ħażen. Is. xj. Quercus robur.

RUXX     Kosmetiku li jintuża fuq wiċċ in-nisa, jew fuq l-atturi  biex il-ħaddejn jidhru aktar ħomor. Aġġ.  ruxxan.  Fr. rougeM.  ifisser aħmar.

RUŻUN   Dekorazzjoni arkitettonika ta’ tieqa maqtugħa fit-tond u f’forma ta’ fjura dekorattiva li tkun ħafna drabi żżejjen il-faċċata tal-knisja. Hawn bosta knejjes f’Malta li huma ddekorati b’rużuni sbieħ. Sqal. rusuni. Tal. rosone.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

RWIEGEL     (Pl. ta’ regola)  Fil-folklor Malti, l-irwiegel kienu ‘ir-regoli’ li bihom kien jitbassar it-temp tas-sena waqt l-aħħar 12-il ġurnata ta’ qabel il-Milied. Il-bdiewa kienu josservaw u jippruvaw ibassru t-temp tas-sena l-ġdida bis-saħħa tal-irwiegel. Dan kien isir billi jkun osservat it-temp kull jum li jaqa’ bejn it-13 u l-24 ta’ Diċembru. Skont kif kien joħroġ it-temp ta’ kull ġurnata kien jitbassar it-temp ta’ kull xahar tas-sena ta’ wara. Eż., jekk l-ewwel jum tal-irwiegel, jiġ., dak tat-13 ta’ Diċembru, jinzerta xita, dak kien ifisser li Jannar kellu jkun temp bix-xita wkoll. L-istess stima tingħata lil kull xahar tas-sena skont it-temp ta’ kull jum matul l-irwiegel.

Rxoxt Kristu.JPG
Il-ġirja bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, il-Birgu

(I)RXOXT  L-  Appellattiv għall-istatwa li tirrappreżenta lil ‘Kristu li qam mill-mewt’. Il-kelma ġejja mit-Taljan: risuscitato – jiġ., reġa’ mqajjem. Din hi l-aktar festa importanti fil-liturġija tal-Insara, għaliex tafferma t-twemmin li Kristu, rebaħ lil Mewt billi irxoxta, u għaldaqstant qed juri li hu verament l-Iben t’Alla. F’Malta għandna ħafna użanzi marbutin ma’ din il-festa. Il-purċissjoni tal-Irxoxt hi l-aktar waħda mfittxa fost dawn l-użanzi. Din il-purċissjoni issir f’diversi parroċċi f’Malta u Għawdex, eż., il-Belt Valletta (Ġiżwiti u San Franġisk); il-Birgu; Bormla; l-Isla; il-Gżira; Ħal Għargħur; Ħal Qormi (San Bastjan u San Ġorġ); Ħaż-Żebbuġ;  il-Mosta; in-Naxxar; ir-Rabat; Raħal Ġdid; iż-Żejtun. F’Għawdex, il-purċissjoni ssir il-Fontana; in-Nadur; il-Qala; ir-Rabat (San Ġorġ); ix-Xagħra u ż-Żebbuġ. F’xi wħud minn dawn il-lokaltajiet il-purċissjoni ssir filgħodu f’oħrajn issir filgħaxija. F’ċerti lokalitajiet hemm id-drawwa li r-reffiegħa, kull tant ħin, jaħkmu l-lasti tal-bradella u jiġru bl-istatwa kemm jifilħu għal distanza ta’ madwar mitt metru. Qabel, aktar mil-lum, kien hemm l-użanza li waqt li tkun għaddejja l-istatwa fil-purċissjoni, it-tfal jgħollu l-figolla jew il-bajd taċ-ċikkulata li jkunu qalgħu, biex Kristu Rxoxt ibirikomlhom. Ara: ‘Easter Customs in Malta’, ta’ Guido Lanfranco fi Treasures of Malta, Easter 1998, Vol IV no 2, pp. 39-43.

RŻIN      Aġġ. li japplika għal xi ħadd li hu kalm u jaf jikkontrolla ruħu anki meta jkun ipprovokat. Ngħidu, ‘dak irżin daqs baqqa’. (D.) ‘[…] mansueto, quieto, manso, modesto, piacevole ‘[…]. Sors ieħor E.S.I.

 *       *       *

Ara aktar:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Is-suġġett ta’ din il-website hu bbażat fuq it-tliet pubblikazzjonijiet li jidhru hawn taħt.

Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid 

Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja    Aa ARA X'INT TGHID    A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Paġni 256                                                Paġni 256                                               Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                                 Prezz Ewro 14.95                                 Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
*         M.A.V.  Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828)
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli … mohba2016@gmail.com