h

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
HONI SOIT QUI MAL Y PENSE * HOMPESCH, BLIET TA' * HUSKY, OPERATION *

HONI SOIT QUI MAL Y PENSE   Din il-frażi tfisser: ‘Ħażin hu dak li jaħseb ħażin’. Għalkemm din l-iskrizzjoni hija bil-Franċiż, dan il-kliem jirreferi għall-motto tal-Ordni Ingliż tal-Kavallieri tat-Takkalja (Order of the Garter). L-Ordni tat-Takkalja kien imwaqqaf fl-1348 minn Edward III, u għadu jeżisti sal-lum. L-unur li tkun f’dan l-Ordni hu ta’ prestiġju, ftit inqas mill-unur tal-Victoria Cross u tal-George Cross. Jingħad li kien Edward III, li qal, honi soit qui mal y pense, meta, hekk kif kien qiegħed jisfen waqt ballu ma’ Joan ta’ Kent, din waqitilha t-takkalja minn kuxtejha u Edward kien pront libisha hu. Dan il-motto jidher f’kull arma araldika tal-Familja Rjali Ingliża. L-Ordni tat-Takkalja hu mmexxi mill-Familja Rjali. Għandu statut li jillimita n-numru ta’ membri għal mhux aktar minn erbgħa u għoxrin. Il-membri l-ġodda jiġu magħżula kull 24 ta’ April, f’jum San Ġorġ, li hu l-qaddis patrun ta’ dan l-Ordni. F’Malta din l-arma tidher aktarx kull fejn kien hemm bini amministrattiv u militari Ingliż. Ara wkoll: DIEU ET MON DROIT.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

 

OLYMPUS DIGITAL CAMERAHOMPESCH, BLIET TA’   Il-karriera ta’ Ferdinand von Hompesch, Kavallier minn Bolheim Eifel, il-Ġermanja, fl-Ordni ta’ San Ġwann, bdiet minn meta dan kien għad għandu biss tnax-il sena, hekk kif daħal mal-Ordni ta’ San Ġwann bħala paġġ. Hu kien elett bħala Gran Mastru fis-17 ta’ Lulju 1797. Matul iż-żmien qasir li dam Gran Mastru f’Malta (1797-1798), Hompesch għamel kemm felaħ biex jitħabbeb mal-poplu Malti. Għaldaqstant, xahrejn biss wara li kien elett, hu kien żar ir-raħal ta’ Ħaż-Żabbar fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja. B’riżultat ta’ din iż-żjara kordjali, fl-14 ta’ Settembru, din il-lokalità kienet onorata bit-titlu ta’ Città Hompesch, titlu li baqa’ rikonoxxut b’għożża miż-Żabbarin għal bosta snin wara. Ir-rispett lejn dan il-Gran Mastru kien muri wkoll wara li Hompesch kien imkeċċi minn Malta, għaliex l-arkata trijonfali li llum hemm barra Ħaż-Żabbar twaqqfet fl-1801, anki jekk stess issa Malta kienet taħt l-Ingliżi. Matul ir-renju tiegħu, Hompesch kien ukoll mistieden jattendi l-festa ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, fil-25 ta’ Novembru tal-1797. Hawn ukoll, dan il-Gran Mastru onora lir-raħal bit-titlu ta’ Città Beland. Dan kien il-kunjom tal-familja tan-naħa ta’ ommu. Imbagħad, fis-6 ta’ Diċembru, Hompesch żar ir-raħal tas-Siġġiewi fil-festa ta’ San Nikola. Hawn Hompesch kien onora lil dan ir-raħal b’titlu ieħor, dak ta’ Città Ferdinand. Kemm iż-Żejtun kif ukoll is-Siġġiewi ngħataw dan l-unur fl-istess jum, jiġ., fit-30 ta’ Diċembru 1797. Dawn it-titli setgħu kienu sinjal li l-Ordni kien qiegħed ifittex aktar simpatija u appoġġ mill-Maltin minħabba li l-Kavallieri issa kienu kollha intriċċi u tixwix bejniethom kontra l-Ordni u favur Franza Repubblikana. Ara: German Knights of Malta ta’ Michael Galea, pp. 144-150.

HUSKY0.jpgHUSKY    L-isem mogħti lil Willys Jeep, il-vettura li l-ġeneral Amerikan, Dwight D. Eisenhower, kien uża waqt li kien f’Malta bejn Mejju u Lulju tal-1943. Din il-jeep preżentament tinsab għal wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Militari ta’ Malta, fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt. Din il-vettura hi msemmija għal code name tal-invażjoni ta’ Sqallija, (Operation Husky). Din l-invażjoni bdiet fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Lulju tas-sena 1943. Qabel ma l-Ġeneral Eisenhower ħalla Malta, hu kien irregala l-jeep lill-Air Vice-Marshal Sir Keith Park, li kien il-kmandant tal-Qawwa tal-Ajru Ingliża f’Malta. Ftit xhur wara, l-istess jeep intużat mill-President Franklin D. Roosevelt waqt iż-żjara tiegħu f’Malta li HUSKYt.heritagema.JPGhu kien għamel fit-8 ta’ Diċembru tal-istess sena. Fis-sena 1955, il-jeep kienet irregalata lill-poplu Malti mir-Royal Air Force. F’Operation Husky kienu ħadu sehem mal-160,000 suldat minn tlettax-il diviżjoni. Dawn kienu megħjuna minn 600 tank tal-gwerra, 1,800 kanun, 14,000 vettura militari u erbat elef ajruplan. Parti mill-forza tal-invażjoni ta’ Sqallija kienet telqet minn Malta, filwaqt li l-bqija qasmet mill-Afrika ta’ Fuq. L-operazzjoni Husky intemmet fis-17 ta’ Awwissu, meta l-qawwiet tal-Assi kienu rtiraw minn Sqallija lejn l-Italja ta’ Fuq. F’din l-operazzjoni kienu nqatlu mal-5,837 suldat tal-Alleati u 15,683 sfaw feruti. Il-qawwa ta’ l-Assi kellha daqs 20,000 suldat Ġermaniż, maqtula jew feruti. Mal-147,000 suldat Taljan sfaw maqbuda bħala priġunieri tal-gwerra. Ara: ‘Invasion of Sicily led to Italy’s Surrender 61 years ago’ ta’ Captain J.M. Wismayer, The Sunday Times, September 5, 2004.

   *          *        *

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  

Aktar pubblikazzjonijiet tal-istess awtur …. https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)