a

ABAJ * ABAKU * ABATIJA / LABATIJA * ABBOKKAMENT * ABBORRA * ABBOZZ / BUZZETT / SKIZZ * ABBRUMAT * ABJAD, TAL- * ABT * ABU * AĊĊIPE * AĊĊJOMU * ADDOBBU / GĦAD-DOBBU * AFFANN * AFFARUN * AFFRESK * AFJA *AFJUN *  AGAPE * AGGRAVANT * AĦĦ * AJBU / AJBÒ * AJRIX * AKKA * AKKOLTU/A * AKKORDJU * AKKUDA * AKKWATI * ALABARDA / LABARDA / ALABARDIER * ALAKKA * ALALARGA * ALARJU * ALAXALXÈ / ALAXARXÈ / ALAXANXÈ * ALAŻMANFUTT * ALBANJA / ARBANJA * ALBA * ALBERT TOWN * ALBURAL / ARBURAL / ALBERAN * ALESSANDRINI / LIXANDRINA * ALFIER * ALJOLI * ALKOVA / ARKOVA * ALMANAKK * ALONGA * ALWETTIERA * ALZA-POĠĠA * AMBONE * AMBREŻUNI * AMBROŻJA (Ara: MINTNA) AMERIKAN * AMIENS, IT-TRATTAT TA’ * AMMAN * AMMIRALJAT / AMMIRARJAT * AMMOZZ * AMPULETTA * AMPULLUZZA * AMULETT MICALLEF * ANĊIPRESKA (ara: ĊIPRISKA) * ANDAR * ANĠELUS * ANĠEVINI * ANGARA * ANIMA * ANNATA * ANNONA * ANNUNA * ANTAĊĊOLI * ANTIFONA * ANTIKALJA TA’ PIZZOLU * ANTINJOLA * ANZAC * APOSTASIJA * APPA * APPALT / APPALTATUR * APPANNAĠĠ (Ara: KARNAĠĠ) * APPIK * APPOĠĠ * ARABESK * ARAMAJK * ARAZZI FJAMMINGI * ARAZZI GOBELIN * ARBAĠĠ * ARBATIŻMNA * ARBLU / ARBLU TAR-RAZZA * ARBLU TAL-EWWEL TA’ MEJJU * ARBULA * ARBUXELL * ARĊIMISA * ARĊIPIELGU / ARĊIPIERGU * ARĊISQOF * ARĠENTUVIVU * ARGANELL * ARGILÈ * ARGNU * ARGOTTI * ARGUŻIN / ARKUŻIN * ARINGA * ARKETT * ARKIBUS * ARKUŻIN (ara: ARGUŻIN) * ARLOĠĠ TAL-BIRGU * ARLOĠĠ TAL-LIRA  * ARLOĠĠ TAX-XEMX * A.R.P. * ARTIKLA * ART NOUVEAU * ARŻNU * ARZNAL * ASAĦĦ * ASJETT / SJETT * ASPERĠES / ASPERSORJU * ASPRU * ASS * ASSOLUZZJONI KUNDIZZJONALI * ATLANTIS * ATTENWANTI * AVARIJA * AWDENZA / AWDENZJA * AWDISSA * AWRIKARJA * AWRINAR * AWRORA * AWŻAR * AXTARTE * AŻŻMU * AZZARIN *

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*
Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*
L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S*
T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*
Aa ARA X'INT TGHID
Afgħas hawn biex tkun taf aktar

ABAJ   Fl-antik din il-kelma kienet tintuża waħidha meta xi ħadd, b’mod l-aktar enfatiku, kien irid jagħmel punt ta’ esklamazzjoni jew diżapprovazzjoni. Erin Serracino Inglott (E.S.I.) jagħti dawn it-tifsiriet għall-kelma ‘abaj’: ‘Mur obsor għalik!’; ‘Le, ħej!’; jew ‘Mur ’l hinn, trid!’ Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) fid-dizzjunarju tiegħu Ktyb Yl Klym Malti (1796), jagħti dawn l-eżempji: ‘Abaj ma ikrahek!’ – jiġ., qisu qiegħed jgħid: ‘Ill! X’waħda din, kemm int ikrah!’; ‘Abaj, x’waħda ġratli!’ Joseph Aquilina (J.A.) jqabbel din l-espressjoni ma’ esklamazzjoni li għandha ftit minn ‘ajbu’. Biss Agius de Soldanis (A. de S.) jispjega din il-kelma fid-Damma b’dan il-mod: Abai! Ah che! Sempre quasi con ammirazione, Lat. Quid!  Ara: AJBU.

abacusABAKU     Għodda biex tgħinek tgħodd in-numri biha, li tintuża mit-tfal żgħar fl-iskejjel jew fid-djar. Ngħidu, ‘Lanqas biss jaf l-abaku’ – jiġ., lanqas biss jaf jgħodd bl-aktar mod sempliċi. Kumment li jingħad għal xi ħadd li hu injorant għall-aħħar. Etim. il-kelma ‘abaku’ ġejja mill-Grieg abax, kelma li tirriferi għal tavla żgħira miksija bir-ramel li fuqha l-Griegi kienu jagħmlu disinji ġeometriċi bħala numri biex jgħoddu bihom. Ara: ŻEBBIEĠA li hi l-istess ħaġa. ABBAKU Agius de Soldanis jagħti tifsira kemxejn differenti għal dan in-nom għax jittraduċih bit-Tal. bħaloa aritmetica. Sors: Damma tal-kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta’ Agius Sultana, (ċ. 1750 – 1767).

ABATIJA / LABATIJA     Kunvent tas-sorijiet. Dar fejn jinżammu t-tfal iltiema, jew dawk li ġejjin minn familji foqra. Interessanti li wieħed josserva li l-isem tar-rovini msejħa ‘Abatija tad-Dejr’ ir-Rabat, Malta, hu wieħed li jirripeti lilu nnifsu. Dan għaliex ‘dejr’ tfisser l-istess bħal ‘abatija’, l-ewwel waħda ġejja mir-Rumanz u tat-tieni ġejja mis-Semitiku. Tal. Abbazia.

ABBOKKAMENT   Laqgħa fejn issir diskussjoni fil-qosor biex jintlaħaq qbil dwar xi kwistjoni partikulari. Etim. Tal. abboccamento.

ABBORRA   Verb (v.) li jintuża meta persuna turi li ma tħobbx xi ħaġa. Eż. ‘Dak l-ikel abborrejtu’, jew ‘Tħallinix nabborrik sieħbi!’ Din tal-aħħar tingħad meta wieħed ikun irid juri b’mod l-aktar ċar li l-imġiba ta’ xi ħadd qiegħda tirritah għall-aħħar. Tal. abborrire.

ABBOZZZ Melchiorre Cafa San Tumas ta' Villanova
Ħajr: MUZA, Heritage Malta

ABBOZZ  / BUZZETT / SKIZZ   Disinn, skizz, buzzett, jew mudell li l-artist jikkrea fuq skala ħafna iżgħar mill-miżura tas-suġġett li jkun irid jipproduċi bħala prova preliminari qabel ma jsir l-oġġett proprju. Dan l-abbozz ikun ippreparat norm. anki biex l-artist ikun jista’ jippreżenta u jipproponi x-xogħol tiegħu lil dak li kkummissjunah. Abbozz jista’ jsir b’disinn, inkella, jekk ix-xogħol ikun ta’ skultura, jintuża mudell tat-tafal jew tal-ġibs. Hu normali li f’ħafna proġetti bħalma huma l-pitturi fil-knejjes, l-ewwel ikun ippreżentat l-abbozz. Jeżistu ħafna abbozzi ta’ tpinġijiet u skulturi ta’ artisti magħrufa li fihom infushom huma kkunsidrati bħala xogħlijiet prestiġjużi. Bħala eżempji ta’ xi abbozzi li huma għall-wiri nsibu l-istudji tal-artist famuż Mattia Preti, fil-Mużew tal-Arti l-Belt, (MUŻA), u xogħlijiet fl-iskultura ta’ Lorenzo Gafà jew Antonio Sciortino, fl-istess mużew.

ABBRUMAT   Aġġettiv (aġġ.) li jirriferi għall-istat ħażin li tkun fih l-opraviva (jiġ. l-parti tad-dgħajsa li tkun taħt l-ilma). Etim. Tal. bruma – M. dud tal-baħar li jeħel u jgħix mal-qiegħ tal-bastiment. Għaldaqstant ‘abbrumat’ tfisser ‘mittiekel mid-dud tal-baħar’. Sors: E.S.I.

trade goats halib il-moghozagesABJAD, TAL-  Rif. ewfemistika (ewf.) għall-ħalib. Fl-antik, fir-Randan, kien ipprojbit li wieħed jixrob il-ħalib. Biss għal dawk bi bżonn speċjali, bħal dawk morda jew b’nuqqas ta’ nutrizzjoni, kien permess li jixorbuh. Xorta waħda, fi żmien meta n-nies kienu skruplużi bil-kif, dak li kien jgħaddi bil-mogħoż ibigħ il-ħalib fit-toroq ma kienx jgħajjat ‘tal-ħalib hawn’ biex juri li hu qiegħed ibigħ, iżda minflok kien jgħajjat ‘tal-abjad’ biex jevita li jsemmi l-kelma ħalib. Dan biex bħallikieku ma jwaqqax fit-tentazzjoni lil dawk li obbligati jsumu. Ara:    SAWM U ASTINENZA.

ABT   Il-parti tal-ġisem taħt l-ispalla, bejn id-driegħ u s-sider. Qawl:  Kull min jerfa’ abtu jsib xi jxomm – rif. għal xi ħadd li jgħaddi xi kumment dispreġġattiv kontra ħaddieħor u dan tal-aħħar jirrispondih b’dan il-qawl biex jurih li anki hu għandu biex jitkaża bih innifsu. Ara:  ĠISEM IL-BNIEDEM.

ABU      Missier. Sid ta’ xi ħaġa jew oħra. Oriġ. Semitika. Ara t-tifsiriet fil-kliem kollu li jibda bil-prefiss BU.

AĊĊIPE   Fiż-żmien meta l-ilsien Malti kien għadu mhux rikonoxxut bħala l-ilsien uffiċjali, kien hemm skejjel privati fejn kien ikun imgħallem u mitkellem it-Taljan u l-Ingliż biss. Meta xi student kien jazzarda jitkellem bil-Malti dan kien jingħata kastig billi titwaħħal karta fuq daru bil-kelma ACCIPE miktuba fuqha. Dan kien isir bħala ammonizzjoni lill-istudent biex ma jitkellimx bil-Malti waqt il-ħin tal-iskola. Meta mbagħad jinqabad xi tifel ieħor jitkellem bil-Malti hu wkoll, din il-karta kienet tittieħed mingħand l-ewwel tifel u tingħata lit-tieni wieħed. Din il-karta kienet b’hekk iddur dawk it-tfal kollha li jinqabdu jitkellmu bil-Malti biex tammonihom u fl-istess ħin tavvelihom ma’ sħabhom tal-klassi. Ġieli minflok karta kienet tintuża injama qisha riga bl-istess kliem fuqha. Lat. accipe: M. tirċievi. Ara:     ‘PARI PASSU.

Accjomu Bormla (120)AĊĊJOMU     Appellattiv li ġej mil-Latin Ecce Homo, rif. għall-figura ta’ Kristu msawwat u mżeblaħ, irraffigurat b’ġismu kollu dmija. Naraw kemm pitturi kif ukoll statwi ta’ dan l-episodju mill-Passjoni ta’ Kristu. Fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, l-istatwa ta’ din ir-raffigurazzjoni tissejjaħ ukoll ‘Il-Porpra’, għax il-figura ta’ Kristu tkun imlibbsa mantell aħmar fil-vjola. Kristu kien akkużat li kien qed jipproponi lilu nnifsu bħala s-Sultan tal-Lhud. Skont ir-rakkont tal-erba’ evanġelisti, Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman fil-provinċja tal-Ġudea, ippreżenta ’l Kristu lil-Lhud, wara li dan kien ifflaġġellat, u qalilhom ‘Dan hu l-bniedem’ – li bil-Latin tinqara: Ecce Homo. Ngħidu ‘kellu wiċċu mdemmi qisu aċċjomu bix-xebgħa li qala’. Din l-idjoma tirreferi għall-istat li tkun fiha persuna msawwta u feruta għal mewt. Ara: PORPRA.   

addobbunt-1ADDOBBU / GĦAD-DOBBU   Taħwir u tiżjin b’kontorn kif jixraq l-ikel prinċipali fil-platt. Espr. ‘kollox addobbu’ – kollox magħmul kif suppost. Din tista’ tkun anki rif. dwar xi tiżjin fid-dar. Tal. addobbare – M. iddekora dar jew id-dehra ta’ xi ħadd. Sqal. addubba, salsa di aglio, e pepe, aceto ed acqua calda che uano i contadini. Joseph Aquilina (J.A.) Qbl. it-term. tar-riċetti tal-ikel hekk imsejħa bil-Fr. en daube: M. ikel misjur bħall-istuffat.

AFFANN   Qtugħ ta’ nifs, ġen. assoċjat ma’ min ibati bl-ażma. Ħurħara ta’ xi ħadd li qed imut. Tal. affanno.

AFFARUN   Biċċa xogħol li biha wieħed ikun daħħal kemxa sew. Tip ta’ kummerċ li jkun mar tajjeb u li dak li jkun jagħmel il-qligħ minnu. Espr. ‘għamel affarun’ – jiġ. jkun ġabha żewġ.

Affresk St Agatha and St Blaise
Affresk f’Ħal Millieri  –  Ħajr: Din L-Art Ħelwa

AFFRESK     Pittura mpinġija fuq il-ħajt jew mas-saqaf. L-affresk isir billi l-ewwel titbajjad il-ġebla bil-ġir, u hekk kif il-ġir ikun għadu frisk, titpinġa l-immaġini li l-pittur ikun irid jagħmel. F’Malta għandna diversi eżempji ta’ affreski f’bosta binjiet, l-aktar fil-knejjes. Biex nagħti ftit eżempji, insemmi l-affreski tal-kappella fil-katakombi ta’ Sant’Agata, l-affreski fil-kappella ta’ Ħal Millieri u dawk li jinsabu fil-kappella ta’ Bir Miftuħ. Dawn kollha jmorru lura għas-seklu ħmistax. Hemm ukoll l-affreski fil-Palazz tal-Gran Mastru u dawk tal-Palazz tal-Verdala. Dawn l-affreski huma tas-seklu sittax. Wieħed ta’ min jagħmel differenza bejn dawn l-affreski u t-tpinġijiet li hemm mas-saqaf tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dan għaliex dawn tal-aħħar mhumiex affreski għaliex ma tpinġewx bl-istess teknika. Mattia Preti pinġa dan ix-xogħol dirett fuq il- ġebla mingħajr ma uża passata tal-ġir bħala bażi. Preti kien iddeċieda li jaħdem dirett fuq il-ġebla għax kien jaf li l-ġebla tal-franka kienet kapaċi tassorbi l-kuluri li jpinġi bihom. Meta l-kuluri jkunu applikati direttament fuq il-ġebla, it-tpinġija tissejjaħ, ‘murali’.  

AFJA     (Damma)  ‘[…] Buon per te, Salute, ti auguro la sanità […]’.  Ara: GĦAFJA.

AFJUN    Opium. Ara: LOPPJU.

agape Triklinium-ara agape 20
It-triklinium fil-katakombi ta’ San Pawl, ir-Rabat

AGAPE   Kelma li bil-Grieg tfisser ‘imħabba fraterna’. It-teoloġi Nsara jirrikonoxxu din it-tip ta’ mħabba bħala waħda platonika u infinità. Fil-kuntest arkeoloġiku, din il-kelma tirriferi għall-ikla li kienet x’aktarx issir bħala rispett lejn il-mejjet. Il-kelma hi assoċjata f’dan il-kuntest mill-arkeoloġi u mill-istudjużi tal-istorja Paleokristjana, mal-mejda maqqxa fi-ġebel (triclinium), li x’aktarx kienet tintuża biex fuqha ssir l-ikla fil-katakombi. Din l-ikla setgħet tissimbolizza l-aħħar ċena. Ara: KATAKOMBI u TRICLINIUM.

AGGRAVANT   Terminu legali (term. leg.) Għemil li meta sar, jew aħjar, iċ-ċirkustanza kif sar, iżżid il-ħtija fuq l-imputat. Ċirkustanza li taggrava r-reat kommess. Eż. serqa li ssir bl-użu ta’ arma li biha l-kriminal jhedded jew iqiegħed fil-periklu l-ħajja tal-vittma. Etim. Tal. aggravare. Ħajr: L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.

AĦ   Fil-Malti antik dan in-nom kien jirreferi għal-isem komuni ‘ħu’, jiġifieri ‘wieħed mill-aħwa’. Dan in-nom insibuh fid-Damma ta’ Kliem, li Agius de Soldanis ħadem fuqu bejn 1750 – 1767. A. de S. jitraskrivi dan l-isem bħala ‘ach’ u mhux aħ, jiġfieri l-pronunzja kienet l-istess bħal ma hi fl-Għarbi llum, ‘akħ’ ( أخ ). Bħal fl-Għarbi, fid-dizjunarju tiegħu, de Soldanis dejjem jagħmel distinzjoni bejn l-konsonanti h, hh u l-kħ خ (khā), preċiż bħal ma nsibu fl-Għarbi standard (fuħsa). Dan ifisser li fil-Malti ta’ żmienu kienet issir distinzjoni fonetika bejn dawn it-tliet konsonanti. Ma’ din il-kelma A. de S. jagħti wkoll it-tifsira ta’ ‘ach e(iż-) żgħir’, li hu fisser bit-Tal. bħala piccolo fratello.  

AJBÙ / AJBÒ   1. Kelma li kienet tintuża meta wieħed iwieġeb lill-ieħor fin-negattiv. Eż. ‘Islifni ftit flus, trid?’ … Ir-risposta tkun, ‘Ajbù!’  2. Tintuża wkoll fl-espr. ‘Ajbù għalik!’ – jiġ., ‘imissek tistħi!’ jew ‘mur obsor għalik!’ Etim. Sqal. oibò – M. mod kif twaqqa’ bniedem għaċ-ċajt, u li bih turi stmerrija lejn dak li ntqal. Fil-farsa ‘Il-Papà’, ta’ Carmelo Camilleri, (1851) il-kelma hi miktuba bħala OJBÒ, u naqraw hekk:

      Giovanni:  Int beħsiebek toqgħod b’idejk marbuta?
      Tumas (il-qaddej): Jien sinjur?.. ojbò!...Jiena nobgħodu 
      tant il-għażż!

Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, L-ewwel volum, p. 39.

Ajrix fcAJRIX    1. Appel. għal xi ħadd li ma jimpurtah minn xejn. Xi ħadd ta’ min jibża’ minnu għax ma jridx wisq biex jaqla’ ġlieda. 2. Il-laqam tat-tim tal-futbol Furjaniż li hu wieħed mill-eqdem timijiet tal-futbol f’Malta. Dan imlaqqam hekk għaliex il-gear tal-futbol hu rrigat aħdar u abjad bħat-tim tal-Irlanda. Jingħad li fl-1905, it-team tal-Furjana, li sa dak iż-żmien kien lagħab tliet logħbiet mat-tim tar-Royal Dublin Fusiliers, li kien stazzjonat il-Furjana, kien wiret u addotta dan il-gear meta r-riġment kien telaq lejn l-Indja. (Sors: Anton F. Attard).  Il-Furjaniżi kienu jqabblu din it-taqbila:

           L-Ajrix tal-Furjana
           X’għamlulhom lis-Slemin
           Rebħulhom it-tazzi kollha
           Qassmulhom ix-xelin

AKKA  / GĦAKKA / GĦAQQA   Din il-kelma tingħad fil-frażi: ‘xiħ/a akka’: bniedem magħkus sewwa biż-żmien. Għ. akka: sħana kbira tas-sajf. Agius De Soldanis, fil-ktieb tiegħu Della Lingua Punica Presentemente Usata da Maltesi & co. li kiteb fl-1746 u li ppubblika fl-1750, jgħid li għaqqa kien appellattiv l-aktar użat għal xi […] femminuccia, vecchiona’, ed anche sgualdrina, che la quale colla sua immodestia, benche in età avanzata, vorrà comparire giovane [ …].    

AKKOLTU   1. Abbati tar-raba’ ordni minuri. Rif. għal dak li jassisti liċ-ċelebrant billi jżomm ix-xemgħa waqt il-funzjonijiet reliġjużi. 2. AKKOLTA/U  Waħda mix-xemgħat li jinġarru mill-abbatini waqt xi ċerimonja. 3. Dak li jkun qed jistudja għal qasis u jkollu diġà l-awtorità li jqarben.  

AKKORDJU   Ftehim, l-aktar dak li jsir bil-kitba, f’xi biċċa negozju, quddiem in-nutar, qabel ma jsir il-bejgħ. Il-ftehim bejn il-ġenituri tal-għarajjes fir-rabta (dik li llum ngħidulha l-engagement) biex kull naħa tkun taf in-naħa l-oħra x’ser tagħti lill-għarus/a, għaż-żwieġ. Kelma li toħroġ mill-verb ‘ikkorda’, jiġ., ‘għamel ftehim’.

AKKUDA   Rif. għal xi ħadd li jkun qiegħed isegwi lil persuna oħra biex jinvestiga kull pass li din tkun qiegħda tagħmel. Eż., ‘ir-raġel suspettat kellu akkuda miegħu’. Tal. coda – denb jew fil.

AkkwadottttAKKWADOTT / AKWEDOTT / AKWIDOTT L-akkwadott l-aktar magħruf fil-gżejjer Maltin hu dak li jagħti mir-Rabat għal Belt Valletta. Dan l-akkwadott kien jibda minn taħt ir-Rabat, minn fejn kien hemm diversi miġriet li ġew ikkanalizzati għal kanal prinċipali tal-ġebel. Dan l-akkwadott kien jgħaddi fil-parti l-kbira tiegħu minn taħt l-art, u jfiġġ f’Ħ’Attard u Santa Venera. Minn hemm l-akkwadott kien jaqleb l-ilma lejn il-Ħamrun, imbagħad lejn il-Furjana, u jispiċċa l-Belt Valletta. Id-distanza totali ta’ dan l-akkwadott kienet ta’ tnax-il kilometru. Il-proġett totali sewa 154,864 skud. Il-bniedem li ppjana u ħadem l-aktar fuq dan il-proġett kien Bontadino di Bontadini, inġinier minn Bologna. Il-proġetti kien inawgurat uffiċjalment fil-21 ta’ April, 1615. L-akkwadott baqa’ jintuża sal-1912, Ara: WIGNACOURT, ILMA TA’. Ara: ‘Construction and Inauguration of Wignacourt’s Aqueduct, 1610 -1615′, ta’ Joseph F. Grima.The Sunday Times of Malta, 21st April 2019.

AKKWATI   Kelma li tirriferi għal inħawi ta’ żona partikulari. Jidher li t-terminoloġija tal-kelma oriġinat minn acqua, u għaldaqstant tindika wkoll li din kienet x’aktarx tirriferi għal imkien jew inħawi fil-baħar, jew qrib il-baħar. Dari aktar mil-lum kont tisma’ min juża din il-kelma b’dan il-mod: ‘Dak jidhirli li jgħix f’dawn l-akkwati.’

ALABARDA / LABARDA   1. Tip ta’ lanza li kienet tintuża mis-seklu sittax sas-seklu tmintax. Is-suldat li jużaha kien jissejjaħ ALABARDIER. 2. Fil-kuntest tal-lum l-alabarda hi dik il-parti ta’ fuq nett tal-arblu tal-istandard tal-banda li jkun fiha ġen. l-arma tas-soċjetà mużikali.

ALAKKA    Ġilda li tintuża  ma’ ħafna prodotti, bħal pereż., żraben, eċċ. Ġilda tal-Marokk li tintuża għall-istess prodott, u li tleqq ħafna. Fl-antik meta wieħed kien irid jixtri żarbun ta’ kwalità kien jordna żarbun tal-alakka. Sqal. alacca: sostanza colorante artificiale del catrame. Sors: Erin Seracino Inglott (E.S.I.)

ALALARGA   Espr. li tintuża bħala twissija biex wieħed iżomm ’il bogħod mill-periklu. Eż. ‘Dak il-bniedem alalarga minnu!’ – jiġ., ‘qis li żżomm ’il bogħod minnu għax jista’ jġibek fil-għali’. Tal. stare alla larga – M. żamm ’il bogħod minn xi ħadd jew minn xi mkien.

ALARJU    Qaddej ta’ xi ħadd. Messaġġier tal-Kurja jew tar-reġiment. Suldat tal-Isqof. Etim. Tal. alario li ġejja minn ausiliaro.

Opera House interior (2)ALAXALXÉ / ALAXARXÉ / ALAXANXÉ   Avverb li fil-linġwaġġ popolari Malti jindika l-atteġġament ta’ xi ħadd li jagħmel affarijiet bl-addoċċ. Biss, jista’ jkun li din l-espressjoni kienet tingħad għall-ewwel b’mod ironiku, biex wieħed iwaqqa’ għaċ-ċajt, u mbagħad biż-żmien, il-kuntest ironiku ntesa. Tant hu hekk illi skont Aquilina (J.A.) u Serracino Inglott (E.S.I.) dan l-avverb iffisser l-oppost. Il-kelma ġejja mill-Franċiż, recherché li tfisser ‘imfittex għall-popolarità tiegħu’. Din il-kelma jużawha l-Ingliżi li ħaduha mill-Franċiż, biex jirriferu għal xi ħaġa li tkun saret b’mod ta’ reqqa kbira. Fil-kuntest storiku Malti, il-kelma recherché tinsab f’żewġ kitbiet bl-Ingliż f’dawn il-kuntesti:  a) f’rapport li deher fl-1907 dwar iż-żjara tar-Re Dwardu VII f’Malta, fejn l-awtur, b’riferenza dwar ir-Royal Opera House tal-Belt, jgħid hekk: […] The beautiful decorations, costly furniture and rich carpets were of the daintiest and most recherché style […]. Sors: History in Marble, ta’ Michael Ellul, p.152. b) f’deskrizzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità f’Muir’s Almanac tal-1845, meta l-awtur jiddeskrivi l-kwalitajiet tajbin tal-Princess Royal Hotel, fil-Belt: […] it served wines of the most recherché quality direct from the Vigneron […]. Sors: ‘19th Century Hotels in Malta’ ta’ Paul Cassar, Melita Historica Vol VIII, No 2, 1981, p.116. Ara wkoll: Maltese – English Dictionary, ta’ Joseph Aquilina (J.A.), u Il-Miklem Malti l-Ewwel Volum, ta’ E.S.I.

ALAŻMANFUTT   Appel. li kien jingħad fl-Isla, u li jirriferi għal xi ħadd li hu traskurat. Etim. a la + żman(ġat) futt (fotta). Qab. mat-Tal. strafottente. Sors: J.A.

ALBA    Libsa tax-xoqqa twila kważi sal-art li tagħmel parti mill-vestwarju tas-saċerdot. Din tintlibes mis-saċerdot taħt il-PJANETA meta jqaddes. Ara: KAMŻU.

Arbanja hiberniaALBANJA / ARBANJA   Idj: kemm int goff, qisek l-Albanja – tingħad għal xi ħadd li għalkemm hu ta’ ċerta statura fiżika kbira, mhuwiex kapaċi jagħmel xogħolu sew. Din l-espr. tipparaguna bniedem mal-H.M.S. Hibernia, li l-Maltin kienu jsejħu l-Albanja jew l-Arbanja. Dan kien bastiment kbir u sabiħ, li kien għal żmien twil sorġut fil-Port il-Kbir, bla ma qatt jiċċaqlaq minn postu. Għaldaqstant, l-analoġija ma’ dan il-bastiment tingħad għal xi ħadd goff, iżda qatt ma jagħmel xejn. Dan il-bastiment tal-qlugħ kellu tliet gvieret, kien iġorr 130 kanun, u kien twil mat-80 m. Kien varat f’Davenport, fl-Ingilterra fl-1804. Wara l-1814, il-Hibernia ma baqax jintuża aktar, iżda fl-1845, reġa’ beda jagħmel parti min-Navy Ingliża fil-Mediterran għal xi snin. Fl-1855, intbagħat Malta biex jakkomoda n-nies tal-militar għat-tul taż-żmien li dawn ikunu f’Malta. Dan il-bastiment baqa’ sorġut ħdejn il-Forti Sant’Anġlu, sakemm fl-1904 kien mibjugħ lill-kumpanija Maltija għal 1,100 lira sterlina, sempliċiment biex jiżżarma u jintuża bħala skrapp. Minn dan il-bastiment għad fadal biss il-Pulena, li qiegħda għall-wiri fil-Mużew Marittimu tal-Birgu. Idjoma oħra hi: ‘Qisek baħri tal-Arbanja’. Dan il-paragun jingħad għal xi ħadd li għalkemm jipprova juri li jifhem f’xi suġġett partikulari, fil-fatt ma jkun jaf xejn għax ma ġarrabx bl-esperjenza. L-istess bħal meta baħri fuq l-Arbanja ma jiswa xejn għaliex il-bastiment ma jkun qatt salpa ‘l barra mill-Port. (Din l-idjoma kienet mgħoddija lili mill-Avukat Joe Micallef Stafrace li qalli li fi tfulitu kien jgħix il-Belt fin-naħa tal-Port il-Kbir. Ara: PULENA. Ara: ‘The Figurehead of HMS Hibernia’, ta Antonio Espinosa Rodriguez, Treasures of Malta, Christmas 2001, no: 22, Vol VIII, no 1, pp. 37-42. 

Marsa port marsa forsi.jpgALBERT  TOWN   Din hi dik il-parti tal-Marsa li tinsab ’il ġewwa nett tal-Port il-Kbir, in-naħa  ta’ fejn hemm it-Tinda tal-Patata u l-Biċċerija. Minn qisu nofs is-seklu dsatax ’il quddiem, din il-parti tal-Marsa kienet żviluppata mill-awtoritajiet Ingliżi biex tkun użata mill-bastimenti tal-merkanzija. Dan għaliex fis-sena 1859, l-Ammiraljat kien iddeċieda li d-Daħla tal-Franċiżi, jiġ., il-bajja fil-Port ta’ bejn l-Isla u u l-Għolja ta’ Kordin, kellha tkun irriżervata biss għall-irmiġġar u t-tiswijiet tal-bastimenti navali Ingliżi. Kienet deċiżjoni loġika għax hawn kien għadu fi stat fejn ma kienx hemm abitazzjoni u bini u għalhekk seta jsir dan il-proġett. Bdew jinbnew mollijiet u qiegħ il-baħar tħammel sew biex il-bastimenti ta’ ċertu kobor setgħu jittrakkaw. Ma’ dan ix-xogħol beda tiela’ anki xi bini amministrattiv u tined biex fihom tkun maħżuna l-merkanzija. Il-perit ta’ dan il-proġett kien Ovidio Doublet. L-ewwel ġebla tal-pjanta ta’ din il-belt kienet tqiegħdet fit-22 ta’ Lulju, 1875. Għaċ-ċerimonja li saret kienu attendew il-Gvernatur Sir Charles van Straubenzee, l-Isqof Mons. Carmelo Caruana u l-awtoritajiet ċivili u militari. Kien hemm iddoqq il-banda tar-Royal Malta Fencible Artillery. Għall-okkażjoni kienet twaqqfet arkata dekorattiva, bl-arma tal-Familja Rjali. Il-proġett marittimu kien ingħata l-isem ta’ Albert Town, f’ġieħ u bħala tifkira tal-Prinċep Albert, il-konsorti tar-Reġina Victoria, li kien miet fl-1861. Parti minn dan il-proġett bdiet tkun magħrufa bħala l-Belt il-Ġdida jew Portu Novu. Għall-ewwel Albert Town kienet tagħmel parti mill-parroċċa tar-Raħal Ġdid, iżda fl-1913 din ingħaqdet mal-Marsa, li kienet għadha kemm saret parroċċa. Illum dan l-ambjent jiġbor fih ħafna stabbilimenti tan-negozju u dik iż-żona li bħalissa (2017) qiegħda tistenna li tkun żviluppata aktar għal skopijiet ta’ kummerċ marittimu. Sors: Il-Marsa – Storja ta’ Ħamsin Sena – 1913-1963 ta’ P. Donat. Ħajr għal bosta informazzjoni miġbura: Michael Cassar. 

ALBURAL / ARBURAL / ALBERAN   1. Il-lista li tinżamm mill-kumitat tal-festa li fiha jkun hemm l-ismijiet ta’ dawk li jagħtu kontribuzzjoni finanzjara fissa b’risq il-festa. 2. Is-siġra tar-razza. Etim. Tal. albero – M. siġra.

ALESSANDRINI / LIXANDRINA    Tip ta’ berquq li kien esportat minn Malta fi żmien l-Ordni. Ing. Alexandrine apricot, Fr. Rouge d’Alexandrie. Din il-pjanta titkabbar f’Malta u hi siġra li tagħmel frott lewn il-larinġ safrani b’tebgħat jew tikek ħomor skuri. Imsejħa hekk għax oriġ. kienet miġjuba minn Lixandra fl-Eġittu. Ħajr: Dr Joe Borg.

Alfier gonfalonierALFIER   1. Is-suldat jew uffiċjal militari li jżomm f’idu l-istandard tar-reġiment. Fil-każ tal-Ordni ta’ San Ġwann, dan kien il-kmandant maħtur tal-korp tal-milizja. Fis-sena 1760, il-Gran Mastru Pinto waqqaf milizja ta’ 225 suldat biex tieħu ħsieb il-bwonordni fil-Belt Valletta. Il-Baruni Stanislao Xara kien appuntat bħala l-alfier ta’ din il-milizja. 2. Iż-żewġ figurini li jintużaw fil-logħba tal-iskakki li jiċċaqilqu biss f’direzzjoni dijagonali, (Ing. bishop). Il-kelma ġejja mill-Għarbi jew mill-Persjan, al fir, li tfisser ‘iljunfant’. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li l-kelma alfier jista’ jkun li għandha oriġ. minn al faris, li bl-Għarbi tfisser rikkieb iż-żwiemel.       

aljoli xxx.jpgALJOLI / ARJOLI. Zalza tat-tewm li mħawra mal-bebbux imsajjar. Skont E.S.I., it-terminu jirriferi għall-platt komplut meta mħawwar bil-bebbux mgħolli u bit-tewm. Skont Joseph Aquilina (J.A), din il-kelma tirriferi biss għaz-zalza li tmur mal-bebbux. Tal. pesce in umido con aglio. Sqal. agghioli. Sqal. agliola  – M. tewm selvaġġ. 

ALKOVA / ARKOVA   1. Arkata. 2. Kamra fid-dar miżmuma apposta biex fiha l-omm tiled it-tarbija tagħha. Din il-parti tad-dar kienet tkun wara l-intrata u magħluqa b’purtiera. Ħlief għall-ġenituri u n-nanniet, ftit kienu dawk li jitħallew jidħlu fiha liberament, minħabba li kienu jibżgħu li l-kamra titlef is-santità tagħha. Tant hu hekk illi jekk xi ħadd barrani kien jirfes fiha kien ikun meħtieġ li l-kamra titbaħħar biex terġa’ ’tissaffa’. Jingħad ukoll li meta tfajla tiltaqa’ mal-ġuvni li l-ħuttaba ġġib id-dar biex tlaqqagħhom, din kienet tistaħba wara l-alkova biex hi tkun tista’ tarah mingġajr ma tidher. Ara: Folklore of an Island, ta’ Tarcisio Zarb, pp. 158-159. Ara wkoll: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin ta’ Guido Lanfranco, pp. 69-78, 51.

Almanak13 - CopyALMANAKK   Il-kelma almanakk tidher li ġejja mill-Għarbi fejn l-al hu l-artiklu li jmur mal-kelma manakk. Hawn min jinterpreta t-tifsira tal-kelma manakh bl-Għarbi bħala ‘klima’; din hi biss suppożizzjoni. Apparentement, l-ewwel darba li l-kelma almanakk intużat kien fl-1267, meta ċertu Roger Bacon, patri Ingliż, tal-Frangiskani Minuri, kien fisser bil-kitba l-movimenti astrali li kien josserva fis-smewwiet. Wara l-invenzjoni tal-istampar (ċ.1450), l-almanakk kien wieħed mill-ewwel pubblikazzjonijiet mitbugħa. Fil-kuntest storiku Malti, l-almanakk kien beda jkun ippubblikat fl-ewwel snin tas-seklu dsatax. Minn dan il-perijodiku annwali kienu jinbiegħu mal-elf kopja kull darba. Fl-1873, kien ħareġ almanakk ieħor jismu Il-Ħabib Malti. Dan mhux biss kien iservi għat-tbassir tat-temp iżda kien ukoll opinjonista tal-Knisja f’Malta. Fl-1929 beda jkun ippubblikat almanakk ieħor. Dan kien imlaqqam bħala ‘l-Almanakk tal-Patri’, għaliex l-editur kien ċertu Patri Oderigo Grima, magħruf l-aktar bħala Patri Dorik, (1889-1964), tal-Franġiskani Minuri. F’din il-pubblikazzjoni kont issib tbassir tat-temp ta’ matul is-sena kollha. Dan kien jitbassar skont il-movimenti tal-qamar. Fih kien ikun hemm ukoll kalendarju sħiħ tal-festi. Ġieli kont tisma’ lil xi ħadd jgħid: ‘X’taħseb li se jiġri?’ – u l-ieħor iwieġbu: ‘jien naf, mela jien l-almanakk tal-patri!’       

ALONGA   Ħuta magħrufa wkoll bħala tonn sekond. Isem xj. Orcynus / Thunnus germo. Sqal. alalonga. Ing. albacore. Etim. Tal. / Sqal. alalonga.

Alonga tonn sekond

ALWETTIERA   1. Oġġett tal-injam forma ta’ trijangolu, piramida jew għasfur bi speċi ta’ ġwejnaħ li miegħu jkun hemm imħwaħħla mirjat żgħar. Dan l-oġġett kien, sa nofs is-seklu għoxrin, jintuża mill-kaċċaturi u n-nassaba biex meta jċaqilquh bl-ispaga li tkun marbuta miegħu l-mirjat jagħmlu bħal-leħħ ta’ dawl li jixbah ir-rifless tal-ilma, billi l-mijrat jirrflettu r-raġġi tax-xemx. B’hekk l-awett jitħajjar jersaq fil-qrib u hekk ikun aktar possibli li n-nassab jaqbad ‘l-għasfur. Dan l-oġġett hu magħruf bl-Ingliż bħala lark mirror. Informazzjoni mgħoddija minn Joseph Gouder mill-Fgura.  

alwettiera 2

ambrezuniAMBREŻUNI / LAMBREŻUNA   Aperturi li jiftħu minn fuq is-swar f’forma ta’ l-ittra V. L-inġiniera militari fasslu l-ambreżuni b’mod u manjiera li kull ċerta distanza wieħed kien jista’ jixref minn wara l-ħajt difensiv biex josserva l-għadu, u biex jispara l-kanun jew l-ARKIBUS lejn l-għadu. Ma’ din il-fetħa kien jitpoġġa l-kanun fuq is-swar, kif ukoll isir sparar tal-vleġeġ bil-qaws, eċċ. Ing. embrasures.

AMBROŻJA      Ara: MINTNA.

AMERIKAN    Dari meta xi ħadd kien iberbaq flusu bl-addoċċ kienu jgħidulu ‘Amerikan’. Anki jekk xi ħadd ikun ġeneruż iżżejjed f’xi rigal li jagħti, kont tisma’ min jgħid: ‘Iss’ ħej, kemm hu Amerikan!’ (jew Amelikan). Jista’ jkun li din hi analoġija meħuda mill-fatt li f’Malta, l-baħrin Amerikani meta jinżlu l-art ‘on shore leave’ kienu magħrufa li jberbqu flushom. Hemm ukoll l-espr: ‘din xi Amerikanata tiegħek!’ – rif. għal meta xi ħadd jagħmel għaġeb dwar xi propostat ta’ xi proġett kbir li jkun meqjus esaġerat fil-kobor tiegħu u li jirrikjedi ħafna nfiq ta’ flus.

Amiens treaty ofAMIENS, IT-TRATTAT TA’    Wara li fl-4 ta’ Settembru tal-1800, il-Franċiżi tkeċċew minn Malta, l-Ingilterra u Franza baqgħu fi stat ta’ gwerra kontra xulxin sa Marzu tal-1802. Kien hawn li l-gwerra waqfet għal xi ftit żmien biex bdew in-negozjati għall-paċi. Fit-Trattat ta’ Amiens, Artiklu 10 kien jittratta u jiddetta kif l-Ingilterra kellha tagħti lura ’l Malta lill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan l-artiklu kien maqsum fi tlettax-il klawsola li jipproponu kif il-gżejjer Maltin kellhom ikunu mmexxija bħala stat newtrali, b’mod li l-Ordni la jiffavorixxi lill-Ingilterra u lanqas lil Franza. Fost dawn il-klawsoli nsibu miktub hekk:

  1. L-Ingilterra kellha tħalli l-gżejjer Maltin fi ftit xhur, u bi tpattija Franza kellha titlaq mill-Eġittu
  2. L-Ingilterra kellha tagħti ’l Malta lura lill-Ordni ta’ San Ġwann
  3. Il-pajjiżi l-kbar Ewropej kellhom jagħtu garanzija ta’ newtralità lill-Ordni ta’ San Ġwann
  4. L-Ordni kellu jaċċetta li joħloq mal-lingwi li diġà jeżistu fi ħdanu, lingwa ġdida, dik ta’ Malta, li fiha jissieħbu membri mill-familji nobbli Maltin
  5. L-Ordni kellu jibqa’ newtrali u għaldaqstant jaċċetta, għal skopijiet ta’ kummerċ biss, kull bastiment minn dawk il-pajjiżi miftiehma f’dan it-trattat
  6. Il-Maltin kellhom jibdew jieħdu sehem fit-tmexxija amministrattiva ta’ pajjiżhom
  7. Ir-Re ta’ Sqallija kellu jkun mitlub li jibgħat 2,000 suldat fil-gżejjer Maltin biex jieħdu ħsieb il-fortizzi ta’ Malta.

Ara:    DICHIARAZIONE DEI DIRITTI. Ara wkoll: British Malta, Vol. I ta’ A.V. Laferla, pp. 21, 23; Britain’s Acquisition of Malta, Leonard Grech, Heritage Vol. II, pp. 375-380.

AMMAN  Dalwaqt. Fil-futur imminenti; fil-ħin opportun. Il-ħin ta’ wara l-ikel. Etim. Sqal. ammanu. Sors: E.S.I. u Damma. Meta din l-espressjoni tingħad filgħodu wieħed ikun qiegħed jirriferi għal aktar tard dak il-jum; jekk tingħad għal xi nofsinhar, wieħed ikun qiegħed jalludi għal tard wara nofsinhar, eċċ. Fid-Dizionario Portatile (1843) F. Vella jiddefinixxi din il-kelma bħala dopo pranzo. Fir-rumanz, Raġel Bil-Għaqal (1943), p, 37, Ġuże Galea jirrakkonta: ‘[…] dak inhar amman, qatgħa suldati tad-dejma sabu ruħhom fuq l-għolja tal-Mellieħa […]’.

st angelo gate coat of arms IMG_4831AMMIRALJAT / ARMIRALJAT   Terminu li jirriferi għal dak kollu li għandu x’jaqsam mas-servizzi tal-bażi navali tal-Ingliżi f’Malta u l-proprjetà li kienet taqa’ taħt dan is-settur. Dan kien jinkludi l-amministrazzjoni tad-Dockyard, u servizzi anċillari li kien isir minn eluf ta’ Maltin f’kull qasam biex il-bażi navali taħdem b’mod l-aktar effiċjenti. L-Ammiraljat kien jieħu kull preċedent fuq kull aspett tat-tmexxija tal-Port il-Kbir. Dan kien joffri l-akbar entità ta’ xogħol lill-ekonomija ta’ matul il-ħakma Ingliża f’Malta, sas-snin sittin. Fil-ħamsinijiet kien għad hemm jaħdmu mal-Ammiraljat mat-13,000 impjegat. Is-servizz mogħti mill-Maltin lin-Navy Ingliża f’Malta kien iħalli introjtu ta’ madwar tnax-il miljun lira fis-sena, minn dħul totali ta’ €38 miljun (1956) (A. Sant, 1988). Il-General Workers Union kellha taqsima apposta li tieħu ħsieb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-eluf ta’ ħaddiema li kienu ingaġġati f’dan il-qasam. Ara: 28 ta’ April 1958 il-Ħobż u l-Ħelsien, ta’ Alfred Sant. Ara wkoll: A Chronicle of 20th Century Malta, ta’ Bonnici Joseph u Cassar Michael.  

AMMOZZ   Kif ġie ġie. Ngħidu, ‘Tefa’ l-ħwejġu ammozz.’ Espr. oħra kienet ‘qatagħha ammozz’. Etim. Sqal. ammozzu / gammozzu raggio della ruota; senza ordine – M. bl-addoċċ.

Ampuletta.jpgAMPULETTA    Tip ta’ arloġġ li jaħdem bir-ramel. L-ampuletta tinqaleb rasha ‘l isfel biex ir-ramel jibda nieżel bil-mod il-mod u jgħaddi mill-għonq dejjaq li jissepara ż-żewġ bozoz minn fuq għal isfel. Il-ħin li jieħu dan ir-ramel biex jitbattal minn fuq u jimla l-bozza t’isfel hu l-ħin preċiż li juri l-limitu preskritt. L-ampuletta kienet speċi ta’ stop watch li tintuża ħafna waqt it-tisjir. Dan l-istrument sempliċi li jmur lura mijiet tas-snin, kien jintuża wkoll fuq il-bastimenti biex ikejjel il-ħin meta ċ-ċorma tibda n-NEWBA tagħha fuq l-imqadef. Fid-dizzjunarju tiegħu, V. Busuttil. (1900) jagħti din il-kelma bħala ‘mpuletta’. Gr. amphi: M: żewġ, + Gr. Bulla – M. vażijiet.    

ampuluzzasAMPULLUZZA   Kunjett norm. tal-ħġieġ biż-żennuna rqieqa, li jintuża waqt il-quddies u li fih jinżamm l-inbid u l-ilma li s-saċerdot juża waqt l-offertorju. Norm. dawn ikunu tnejn, wieħed bl-inbid u l-ieħor bl-ilma. Minnhom is-saċerdot iferra l-inbid u l-ilma fil-kalċi biex jixrob minnu.  Billi ż-żennuna tal-ampuluzza hi rqiqa u kemxejn imġebbda fit-tul, dan il-vażett żgħir kien jintuża wkoll mill-morda biex meta jixorbu ma jwaqqawx fuqhom. Ing. cruet.

11-01-06/25AMULETT  MICALLEF     Dan l-amulett ta’ daqs 5ċm instab waqt tħaffir li kien sar fil-propjetà ta’ Dr. Daniel Micallef, fir-Rabat. L-amulett kien ingħata lid-Dipartiment tal-Mużewijiet fl-1969. Id-Dipartiment kien bagħat l-amulett il-British Museum, fejn instab li fiċ-ċilindru tiegħu kien hemm papirus b’talba miktuba bil-Puniku. It-test tat-talba ġie ddeċifrat f’Palermo. Il-kitba hi invokazzjoni biex il-persuna mejta tkun imħarsa mill-perikli li setgħet tilfaċċja wara mewtu. Il-bniedem minn dejjem ried iżomm fuqu oġġetti li bihom seta’ jħossu protett mill-ħażen kemm naturali kif ukoll Amulett micallef amulet gold leaf 012dak sopranaturali. B’hekk insibu li ħafna popli huma mdorrijin jilbsu amuletti madwar għonqhom biex jipproteġuhom. L-amulett Micallef għandu forma ta’ ċilindru rqajjaq tal-metall bil-figura ta’ Ħorus, l-alla Eġizzjan li jintgħaraf mir-ras ta’ seqer, id-disk, (simbolu tax-xemx), u l-uraeus, (simbolu tal-farawni Eġizzjani). Dan hu esebit fil-Mużew tal-Arkeoloġija, l-Belt Valletta. Ara: ‘Punic Antiquities of Malta and Other Ancient Artefacts held in Ecclesiastical and Private Collections’, pp. 44, 45., Malta – Phoenician, Punic, and Roman, Anthony Bonanno. pp.52, 53.  ‘Some Amulets from Phoenician Malta’, Tancred Gouder. Heritage, Vol. 1. pp. 311 – 315.  

andarr-2

ANDAR    Roqgħa ta’ art li tintuża mill-bdiewa, biex fuqha jkun jista’ jsir id-dris tal-qamħ. Id-dris hu l-proċess fejn il-bidwi, wara li jkun ħasad il-qamħ jew ix-xgħir, jibda jissepara l-qamħ mit-tiben u s-sifa, u l-ħaxix ħazin bħas-sikrana, biex jindires. Ix-xogħol tad-dris isir hekk: il-bidwi jitfa’ il-qamħ / ix-xgħir fuq il-QIEGĦA. Imbagħad, il-bagħal / il-ħmar jgħaddi minn fuqu biex jgħaffeġ, jidres u jkisser is-sbula u b’hekk jofsoq il-qamħ jew ix-xgħir mill-pjanta. Imbagħad, meta l-bidwi jidhirlu li l-qamħ jew ix-xgħir ikun ħareġ mis-sbula, jaqbad il-MIDRA (il-furkettun tal-injam) u jtajjar fl-ajru l-qamħ / x-xgħir, biex ir-riħ jisseparahom mit-tiben. B’dan il-mod il-qamħ / ix-xgħir jaqa’ fl-art, waqt li t-tiben jaqa’ lil hinn. (Qawl: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa). J.A. u E.S.I. iqabblu l-andar mal-qiegħa (bl-Ing. threshing floor). Anton F. Attard jagħmel distinzjoni bejn il-qiegħa u l-andar, għax skont hu, tal-ewwel hi l-art fejn jindires il-qamħ waqt li t-tieni hu l-ambjent kollu tal-madwar (il-LANT xogħol). Fuq l-andar ikun hemm il-ħalel (imniezel – pl. ta’ MUNZELL) taż-żara’ (qamħ / xgħir). Ikun hemm ukoll il-KARFA, u l-għodod tal-qiegħa: il-MINĠEL, il-midra, il-LUĦ, l-għeriebel eċċ. Espr. ‘għamel andar’ – jiġ., għamel MANDRA sħiħa. F. Vella (1843) jaqlibha għall-Ingliż bħala, barn floor. Ħajr: Anton F. Attard.

angelus xxANĠELUS   Talba qasira, l-Ave Maria li tradizzjonalment tingħad filgħodu, f’nofsinhar u qabel inżul ix-xemx. Din it-talba tissejjaħ l-Anġelus għaliex tibda bil-kliem Latin: Angelus Domini Nuntiavit Mariae – M. L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija. L-Anġelus hu appellattiv ukoll għad-daqq tal-qniepen tal-knejjes fil-ħinijiet imsemmija. Sas-sittinijiet, kienet id-drawwa li f’ħafna pjazez tal-irħula u l-ibliet, l-Anġelus kien jixxandar minn fuq il-loudspeakers kbar tar-REDIFFUSION. Dak iż-żmien, dan kien l-uniku stazzjon tar-radju bil-Malti, li seta’ jisimgħu kulħadd. Illum hawn diversi stazzjonijiet Maltin li mad-daqq tan-nofsinhar, ixandru t-talb tal-Anġelus, biex is-semmiegħa jitolbu flimkien mal-annunzjatur. Din it-talba tagħmel parti wkoll mit-talb tal-Knejjes Luterani u Anglikani.

Angevini charles 1
Charles ta’ Anjou, Re ta’ Sqallija (1266 – 1285)

ANĠEVINI   Dawn kienu l-ħakkiema ta’ Malta bejn l-1263 u l-1283. Jissejħu Anġevini għax ir-renju ta’ dawn in-nies Franċiżi kien ibbażat fil-belt ta’Anjou fi Franza. Ftit nafu dwar kif il-Maltin kienu ttrattati f’dan iż-żmien. Biss nistgħu nissoponu l-qagħda f’Malta, billi naqraw l-istorja tal-istess perijodu dokumentata aktar bir-reqqa fi Sqallija. Dan minħabba li dak iż-żmien Malta kienet tagħmel parti mid-dominju tal-Anġevini, fi Sqallija. Il-waqa’ tal-Anġevini fi Sqallija fl-1282, serviet biex wasslet ukoll għat-telfa ta’ Malta minn taħt idejhom, sena wara. Dan ġara wara li fl-1283, saret battalja fil-Port il-Kbir bejn l-Anġevini u l-Aragoniżi, fejn skont ir-rakkont, f’din il-battalja navali, ‘il-baħar tal-Port il-Kbir sar aħmar bid-demm tal-iġsma mejtin’. L-Aragoniżi rebħu din il-battalja biex b’hekk setgħu jieħdu ’l Malta taħt idejhom. Ara: VESPRI  SQALLIN.

ANGARA  Ix-xogħol obbligatorju li l-Maltin, speċ. dawk tal-Imdina u r-Rabat, kellhom jagħmlu biex isaħħu s-swar ta’ belthom. Fi żmien il-Medjuevu kienet titħejja skeda li fuqha l-irġiel ta’ bejn is-sittax u l-ħamsa u sittin sena kienu obbligati jaħdmu mingħajr ħlas f’dan il-qasam, ċertu numru ta’ ġranet fix-xahar. Agius de Soldanis (A. de S.) jiddiskrivi l-engara bħala forma ta’ impożizzjoni, jew taxxa. Kelma oħra li tfisser l-istess bħal angara hi NEWBA.

ANIMA     Tintuża norm. fil-frażi, anima tat-taraġ. Din hi dik il-parti strutturali fin-nofs tat-taraġ, bħal ma hi l-parti tan-nofs tal-garigor fejn kull tarġa ddur magħha. ANIMA TAL-LINFA Il-bastun li miegħu jduru l-bozoz tal-linfa. ANIMA TAR-ROTA Il-buttun u l-bejta tar-rota tal-karettun. Ing. boss of wheel. Sors: J.A.

anima x

ANNATA   Rif. għal sena jew staġun relatat mat-tkabbir u l-ħsad tal-frott u prodotti agrikoli oħra. Ngħidu, ‘din is-sena kienet annata tajba’. ANNATI Rif. għall-età tal-bniedem. Ngħidu, ‘dak għandu annati!’ jiġ., dak għandu ħafna żmien.

Annona G_0370.JPGANNONA Kelma oħra għal ‘proviżjon’. Nom li ġieli jintuża biex jiddeskrivi l-bżonnijiet tal-ikel, l-aktar il-qamħ u affarijiet oħra li jinħażnu bi kwantità kbira fil-pajjiż. Fi żmien l-Ordni, l-amministrazzjoni tal-annona kienet taqa’ direttament taħt l-awtorità tal-Gran Mastru. Kien importanti li hu jkun jaf x’inhu għaddej f’dan ir-rigward biex f’każ ta’ bżonn, seta’ jordna biex jibdew l-proċeduri ħalli jkun impurtat il-qamħ minnufih. Etim. fit-twemmin Ruman, Annona kienet l-alla li għaliha kienu ddedikati l-imħażen tal-qamħ u ċereali oħra biex tħarishom mis-serq jew minn xi nirien. Il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, għamel xi żmien jissejjaħ ‘Dar Annona’, prob. minħabba l-funzjoni tiegħu relatata mall-ġbir u l-ħażna tal-qamħ li kienet issir fil-fosos li dak iż-żmien kien hemm quddiem Kastilja, kemm fi żmien l-Ordni kif ukoll fi żmien l-Ingliżi. Bit-Taljan, il-kelma annona kienet l-aktar tirriferi għall-proviżjon maħżun għal xi emerġenza. Ara:  NAAFI u MUNA.

ANNUNA   Avverbju li jfisser, ‘flimkien’, bi ħsieb wieħed, ħaġa waħda. Fil-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli (M.A.V., 1796), il-kelma hi spjegata bħala ‘qalb u fehma waħda’. M.A.V. jagħti wkoll dan l-eżempju: immorru annuna – Tal. procediamo concordamente. Temi Zammit juża dan l-avverbju fl-istorja ‘Deni li safa ġid, b’dan il-mod: ‘Ix-xitan ma ħamilx li dawn l-ixirka sejrin hekk annuna u qalb waħda u ħaseb li jdeffes denbu bejniethom.’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 83, Toni Cortis. Mikiel Anton Vassalli fil-ktieb tiegħu Motti Aforismi e Proverbii Maltesi (M.A.V., 1828) jagħti dan il-qawl: Rġiel annuna tgħix bla MUNA. Etim. Tal. all’una, jiġ., flimkien. Sors: J.A.

antaccoli spangle.jpgANTAĊĊOLI  Tip ta’ ornament, magħmul minn speċi ta’ buttuni ċkejknin ta’ bosta kuluri jleqqu li jintużaw norm. fi kwantità,  l-aktar fuq l-ilbies. Fl-antik dawn kienu jkunu magħmulin mill-metall, ġieli anki mid-deheb. Illum l-antaċċoli huma norm. tal-plastik. Minn taħt, l-antoċċoli jkollhom toqba biex jinħietu mal-libsa jew aċċessorji oħra tal-ħwejjeġ. Apparti mill-ħwejjeġ, l-antaċċoli jinħietu mad-drapp ta’ affarijiet oħra, bħal per. eż., velijiet, xalel, basktijiet u anki żraben. Sqal. linticciola. Ing. sequins jew spangles.

MOT054_versoANTIFONA Talba li titkanta waqt xi funzjonijiet reliġjużi, eż, dawk tal-festa tal-qaddis patrun, jew l-antifona tal-Milied. E.S.I. jispjegaha bħala versett ta’ talb li jingħad qabel is-SALM. Ġen., l-antifona titkanta polifoniku minn tenuri, baritoni u soprani. Dan ifisser li ħafna drabi l-kant isir b’vuċijiet individwali, inkella minn żewġ korijiet jew aktar, fejn waqt il-kant kull kor jikkumplimenta lill-ieħor, jiġ., hekk kif jieqaf wieħed ikompli l-ieħor. Il-kor ikun akkumpanjati minn orkestra żgħira. Numru minn dawn l-antifoni huma kompożizzjonijiet li jieħdu ċertu ħin. Etim. Gr. Antifononos – M. innu. Wieħed jista’ jifhem aħjar x’inhi antifona billi jisma’ xi xogħlijiet bħal dawn fuq l-internet. 

ANTIKALJA   Ara: PIZZOLU.

ANTINJOLA   / ANTARJOLA     1. Arblu li miegħu jiddendlu l-bnadar jew bandalori tal-festa. 2. Il-qala’ ż-żgħir ta’ mitħna tal-qamħ li taħdem bir-riħ. Sqal. antinnola. Ara: ARBLU.

ANTIPORTA      Ara:   BOXXLA.

Anzac IMG_1741
Monument tal-ANZAC fl-        Argotti, Floriana

ANZAC   Abbrev. ta’ Australian and New Zealand Army Corp. Unità militari li nħolqot fl-Ewwel Gwerra Dinjija biex l-Awstralja kif ukoll New Zealand li kienu jagħmlu parti mid-Dominju Ingliż jingħaqdu mal-Allejati fil-gwerra li kienet għaddejja kontra l-Ġermanja u l-alleati tagħha. Fil-25 ta’ April tal-1915, dawn is-suldati żbarkaw fuq il-penisola ta’ Gallipoli (li tagħmel mal-istmu tad-Dardanelli qrib il-Baħar tal-Marmara, it-Turkija) biex flimkien mal-Ingliżi u l-Franċiżi jattakkaw lit-Torok li kienu f’alleanza mal-Ġermanja u l-Awstrija. L-Alleati sabu oppożizzjoni iebsa ħafna mill-armata ta’ Mustafa Kemal (dak li wara kellu jsir l-ewwel President tat-Turkija). Konsegwentement, f’din l-offensiva mietu mat-8,700 Awstraljan u 2,700 suldat minn New Zealand. Ma’ dawn kienu mietu mal-21,000 suldat Ingliż u daqs 10,000 Franċiż. Minħabba li dak iż-żmien Malta serviet bħala sptar kbir ta’ konvalixxenza għas-suldati tal-Alleati, kienu ntbagħtu Malta mal-4,000 suldat tal-ANZAC50_nANZAC biex ikunu kkurati hawn. Minn dawn kienu mietu 274 suldat li ħafna minnhom huma midfuna fiċ-ċimiterju militari tal-Pietà. Minħabba l-preżenza ta’ dawn is-suldati, kienet infetħet f’Pembroke l-Australia Hall, sala ta’ konvalexxenza fejn il-pazjenti setgħu jqattgħu il-ħin jissoċjalizzaw u jirrilassaw. ANZAC Day hi kkommemorata mad-dinja kollha fil-25 ta’ April. Fit-23 ta’ Mejju 2013, fl-Argotti kien inawgurat monument għal dawk is-suldati Awstraljani u New Zealanders li mietu f’Gallipoli. Dan il-monument hu maħdum minn Ġanni Bonnici. Ara: Malta During the First World War, ta’ Anthony Zammit-Dimech; “Sette Giugno” 1919 – Tqanqil u Tibdil, ta’ Michael A. Sant, pp. 77 – 81. Dwar il-kura medika pprovduta lillmidruba tad-Dardanelli eċċ. Ara wkoll: ‘Military Hospitals in Malta During the Great War April 1915 – February, 1919′.  

APOSTASIJA   Iċ-ċaħda formali minn bniedem li jiddeċiedi li għandu jitlaq it-twemmin reliġjuż tiegħu biex jibda jipprattika reliġjon jew twemmin ieħor. Fi żmien l-Inkwiżizzjoni f’Malta kien hemm mijiet ta’ każi fejn nies kienu akkużati bl-apostasija. Dawn il-każi kienu jkunu ħafna drabi ta’ baħħara li wara li nqabdu lsiera, qalbu t-twemmin tagħhom għal dak Musulman. Meta mbagħad dawn kienu jinħelsu u jiġu lura Malta kien ikun hemm min jikxifhom mal-Inkwiżitur li dawn ma żammewx mat-twemmin tagħhom. Jekk dawn kienu jammettu ħtijiethom, ħafna drabi kienu jingħataw l-possibbilità li jerġgħu jħaddnu r-reliġjon Nisranija u b’hekk jeħilsuha b’piena ħafifa. Etim: Gr. Apo : M. ’il bogħod + Gr. stasis : M. pożizzjoni.

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
   Afgħas hawn biex tkun taf       aktar

APPA    Espr. li tingħad għal xi sitwazzjoni meta xi ħaġa li ġrat ma tkunx tista’ tirranġa ruħha.  Ngħidu, “Għid appa!” – b’mod ta’ antiċipazzjoni meta xi ħadd jixtieq li tiġri xi ħaġa li hi impossibbli jew diffiċli għall-aħħar li sseħħ. Tingħad ukoll meta dak li jkun juri stagħġib lejn xi ħadd li jippretendi xi ħaġa li mhix tiegħu. Tingħad ukoll meta wieħed jinbex lil xi  tfajjel ċkejken billi jagħmel idejh ma’ mnieħer it-tifel biex taparsi se jeħodlu mnieħru. Il-kbir liż-żgħir jgħidlu ‘għid appa!’ It-tifel iwieġbu ‘appa!’ u tal-ewwel jurih ras sebgħu l-kbir imdeffes bejn is-swaba’ l-oħra, bħallikieku dak kien imnieħer it-tifel. Din l-espressjoni  insibuha wkoll f’waħda mill-istejjer li ġabar Patri Manwel Magri. Fir-rakkont tifla li tkun maħtufa minn koppja ġganti, tikkonvinċi lill-ġgant minnhom biex jiddendel fil-bir biex jiġbor l-ilma. Hekk kif ikun f’qiegħ il-bir, it-tifla tgħidlu, ‘Issa għid appa!’ u l-ġgant iwieġeb, ‘appa!’ Fil-pront it-tifla tgħidlu ‘il-ħabel skappa!’ u titlaq il-ħabel minn idejha u l-ġgant jibqa’ f’qiegħ il-bir u titfla taħrab lura d-dar. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, pp. 146 – 152.

APPALT   Kelma li norm. tintuża fil-frażi ‘kuntratt jew xogħol bl-appalt’, jiġ., xogħol b’kuntratt, jew ftehim għal proġett importanti, pereż. fuq binja ta’ xi stabbiliment kbir, bħal lukanda eċċ. B’dan it-terminu legali l-appaltatur (il-kuntrattur), hu marbut li x-xogħol isir b’reqqa liema bħalha kif tirrikjedi s-sengħa tal-kostruzzjoni. B’kuntratt bħal dan l-appaltatur jidħol garanti li l-bini jibqa’ f’kundizzjoni tajba għal mill-inqas ħmistax-il sena. F’każ li f’dan iż-żmien tiġri xi ħsara strutturali, eż. jaqa’ l-bini jew parti minnu, l-appaltatur u l-perit jibqgħu responsabbli tad-danni. Il-kelma tingħad ukoll b’mod ironiku fl-espr. ‘ħadu bl-appalt’, meta xi ħadd ma jkunx irid iwarrab minn xogħolu wara li jkun għamel żmienu u jibqa’ fejn hu. APPALTATUR  Kuntrattur; negozjant li jbigħ b’kuntratt biex jaqdi l-bżonnijiet tal-bastimenti li jidħlu fil-port (Ing. ship-chandler). Tal. appaltare – M. ikkonċeda, ta jew akkwista xi negozju b’kuntratt. Ħajr: L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras. Sors ieħor: Idjomi Maltin ta’ Karm Fenech, edizzjoni 2006.

APPANNAĠĠ      Ara: KARNAĠĠ.

APPIK   Min hawn u ftit ieħor; dalwaqt; x’aktarx. Ngħidu, ‘Toni appik li jiġ dalwaqt’,  Etim. Tal. picchiare. – M. ħabbat. – bħal meta bniedem iħabbat fuq il-bieb tad-dar biex juri li wasal.

APPOĠĠ    Term. legali li hu wżat ukoll fil-kostruzzjoni. Din il-kelma tirriferi għal obbligu rikonoxxut lejn il-proprjetà tal-ġar, eż. ħajt li miegħu jkun se jinbena xi binja oħra jew jitwaħħal xi oġġett miegħu. Jekk dan ix-xogħol isir, jeżisti l-obbligu għal min se jappoġġa biex iħallas nofs il-valur ta’ dak il-ħajt u l-art ta’ taħt. F’Għawdex, biex jindikaw li l-appoġġ ma jkunx tħallas, mal-ħajt ikun hemm bħal xaqq vertikali. Din tal-aħħar hi meħudha minn ‘Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi’ ta’ Anton F. Attard.

AQĊOLI      Mikiel Anton Vassalli, (M.A.V.) jittraduċi din il-kelma bit-Taljan fil-Lexicon, (1796) bħala, occhiali.

AQQAL    Ara: EQQEL.

alhambra house (2)
Ir-residenza tal-perit E. Galizia li ddisinja hu stess fi stil arabesk, Triq Rudolph, Tas-Sliema.

ARABESK   Tip ta’ arti dekorattiva li tispira ruħha mill-arti u l-arkitettura Iżlamika. L-arkitettura u l-arti Arabeska jmorru lura sas-seklu disgħa, u huma bbażati l-aktar fuq tinqix maħdum fuq il-ġebel, ħafna drabi fil-forma ta’ weraq, bħallikieku dan il-weraq ħiereġ mill-friegħi ta’ dielja. Fi   żmien ir-Rinaxximent din l-arti kienet

arabeskalhambra Sliem
Ħajr tar-ritratt: Joe Morana

reġgħet saret popolari sew. Mad-dekorazzjoni tal-weraq issa bdew jidhru anki disinji ta’ fjuri. F’Malta l-arkitettura u d-dekorazzjoni Arabeska bdew jidhru mill-1875 ’il quddiem bis-saħħa tax-xogħol iddisinjat mill-perit Emanuele Luigi Galizia (1830-1908), meta dan kien ikkummissjonat jiddisinja l-bini taċ-ċimiterju tat-Torok, li hemm il-Marsa. Galizia kien ispirat mill-arkitettura Musulmana tal-Indja, li hu kien ammira meta kien żar ir-Royal Pavilion fi Brighton. Eżempju ieħor ta’ xogħol b’dan l-istil ta’ Galizia jidher sew fid-djar li hu bena fi Triq Rudolfu, Tas-Sliema. Galizia kien jgħix għal xi żmien f’waħda minn dawn id-djar, imsemmija ‘Alcasar’. Ara 5,000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney, p. 236; British Colonial Architecture, Malta 1800-1900, Malcolm Borg, pp. 92-93.

ARAMAIK b.jpgARAMAJK   Dan hu lsien, jew aħjar grupp ta’ djaletti, li ħarġu mill-ilsien Semitiku tan-naħa tal-Lvant Nofsani. L-Aramajk kien jinkludi fost oħrajn l-ilsien Kangħani, Feniċju u Ebrajk. L-alfabett u l-kitba Aramajka kienu jintużaw fil-kitba uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-Ġudea, bejn is-seklu sitta u l-ewwel seklu q.K. Xi wħud mill-kotba tal-Bibbja, kif ukoll il-ktieb tat-tagħlim tal-Lhud, magħruf bħala t-Talmud, inkitbu bl-Aramajk. L-Aramajk kienet l-isien li kien jitkellmu biha Kristu u d-dixxipli tiegħu. Fil-kitba Lhudija, l-Aramajk kien jinkiteb b’ittri u bi grammatika differenti, kif jidher fl-iskrolli li nstabu fl-għerien, qrib il-Baħar il-Mejjet. L-Aramajk hu miżmum bħala l-ilsien liturġiku f’ċerti Knejjes Insara tal-Lvant Nofsani, bħal pereż. is-Sirjak. L-Aramajk modern hu mitkellem minn diversi gruppi ta’ Nsara, Lhud u Mandeani fl-Asja tal-Punent. Niltaqgħu ma’ bosta ħjiel li jgħaqqdu dan l-ilsien Semitiku mal-Malti fil-Vanġelu, bħal pereż., meta Kristu qajjem mill-mewt lil Tanitaa, it-tifla ta’ Ġajru, meta qalilha: ‘Tanitaa, qumi.’ (Mk 5:21–43, Mt. 9:18–26, u Lq. 8:40–56). Hekk ukoll fl-episodju meta Kristu għamel miraklu fuq waħda truxa, Kristu jgħid, ‘Efatħa’ biex il-widnejn ‘jinfetħu’ u l-mara tkun tista’ tisma’ (Mk 7:34). Frażi oħra li naqraw fit-Testment il-Ġdid bil-kliem Aramajk hi: ‘Eli, Eli, lema sabaqtani?’ – M. ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ L-Aramajk baqa’ lsien komuni u b’saħħtu fost il-Lhud, l-aktar bejn it-tielet u s-seba’ seklu w.K. Imbagħad, biż-żmien din kienet megħluba fl-importanza mill-ilsien Għarbi. Bosta kienu dawk l-istudjużi li kienu jemmnu li l-Malti ġej mill-Aramajk. Il-filologu Ġermaniż Carl Brockelmann (1848-1956) kien ħareġ studju li fih qabbel il-Malti ma’ ilsna oħra Semitiċi, fosthom l-Għarbi, il-Lhudi u l-Aramajk. Iż-żewġ volumi ta’ dan l-istudju jismu Grundriss der vergleichenden Grammatik der semitischen Sprachen (Studju Komparattiv tal-Grammatika tal-Ilsna Semitiċi (1910-1913). Edizzjoni ta’ dan il-ktieb bil-Malti kienet ħarġet fl-1956.

arazzi fjammingi_jpgARAZZI  FJAMMINGI   F’Malta jeżistu żewġ settijiet ta’ arazzi mill-isbaħ (tapizzeriji dekorattivi kbar li jiddendlu mal-ħajt). Wieħed minn dawn jinsab fil-mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dan hu s-sett magħruf bħala ‘L-Arazzi Fjammingi’ li nġab Malta fl-1701. Dan is-sett hu msejjaħ hekk għaliex kien maħdum minn Judocus de Vos, fil-belt Fjamminga ta’ Brussell. Is-sett hu magħmul minn ħmistax-il biċċa tapizzerija, kull waħda, 7.5m x 6.5m, u minn 14-il pannell żgħir (kull wieħed 2 x 7.5m). Dan is-sett jittratta t-tema ‘It-Trijonf tal-Fidi’. Dawn l-arazzi kienu maħdumin fuq disinn ta’ Peter Paul Rubens u ta’ Nicholas Poussielgue. L-arazzi kienu kkumissjonati mill-Gran Mastru Perellos biex iżejnu l-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-antik, dawn it-tapizzerji kienu jiddendlu fil-Konkatidral, għall-festi ta’ Corpus u ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Pentekoste u fl-Imnarja. Illum jinsabu fil-mużew tal-Konkatidral. Ara: ‘The Grand Master’s Gioja at St John’s’ ta’ John Manduca fi Treasures of Malta Easter 1995, Vol I no 2, pp. 47-50. ‘Origins of the Flemish Tapestries’ ta Michael Shaw. Treasures of Malta Easter 1997, Vol II no 2, pp. 49-52.   

Arazzi Goblinn03ARAZZI  GOBELIN   It-tieni sett ta’ tapizzeriji li l-Gran Mastru Perellos kien ikkummissjona kienu l-arazzi li jinsabu fil-Palazz tal-Gran Mastru, l-Belt Valletta. Dawn huma magħrufin bħala l-Arazzi Gobelin. Dawn jissejħu hekk għaliex inħadmu fil-fabbrika ta’ Gobelin, qrib Pariġi. Is-sett hu magħmul minn għaxar arazzi kbar u sitta żgħar. Kull wieħed minnhom juri xeni mill-isbaħ ta’ annimali u pjanti. L-arazzi kienu ngħataw l-isem kollettiv bħala Il-Misteri tal-Indji. Dan it-titlu jirreferi għal-għeġubijiet ta’ flora u fawna eżotiċi fl-Afrika, kif ukoll fl-Amerika t’Isfel. Id-disinji kienu magħmulin minn Albert van den Eckout, li kien jispeċjalizza f’suġġetti ta’ dan it-tip, u Frans Prost, li kien espert fil-pittura tal-kampanja. Dawn l-arazzi kienu kummissjonati fl-1708, biex isebbħu s-sala ż-żgħira tal-Kunsill fil-Palazz, il-Belt. Ara: ‘Exotic Tapestries of the Indies’ ta’ John Manduca fi Treasures of Malta, Summer 1995, Vol 1 no 3, pp. 55-56. ‘The Gobelin Tapestries in the Grand Master’s Palace’ fi Treasures of Malta Christmas 1997, Vol IV no 1, pp. 43-46.                    

ARBAĠĠ     Magħruf ukoll bħala ‘mallut’. Tip ta’ drapp magħmul mis-suf li kuluru jagħti fl-abjad. Vassalli jiddiskrivi dan id-drapp bħala stoffa ordinaria. E.S.I. jgħid li dan id-drapp kien jinħadem jew mis-suf, jew mill-ġild tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, biex isiru l-kutri u l-KABOZZI tal-patrijiet. Etim. Tal. albagio – tip ta’ drapp tas-suf; albo – M. abjad. Sors: M.A.V. (1796) u Vella (1843).

ARBATIŻMNA      L-erba staġuni.  Sors: M.A.V., (1796).

antinjoliARBLU     1. Arblu tal-bandiera jew ANTINJOLA.  2. Arblu tal-bastiment li miegħu jintrabtu l-qlugħ. 3. ARBULA v. li joħroġ mill-kelma arblu – qam bil-wieqfa, għolla rasu, iddritta. Illum din il-kelma tintuża kultant b’sens differenti għaliex ngħidu: arbula ’l isfel – jiġ., għeleb għal isfel – arbulatlu rasu. Oriġ. Tal. albero; Sqal. arribulare – stare in piedi. E.S.I. M.A.V. (1796) jiddeskrivi l-kelma hekk: inalzarsi su due piedi il cavallo, inalburare.

ARBLU TAR-RAZZA   Il-linja prinċipali u l-friegħi li minnhom joħorġu l-membri dixxendenti tal-familja, mill-eqdem żmien magħruf sal-aktar ġenerazzjoni riċenti.

Arblu ta' Mejju

ARBLU TA’ MEJJU   Il-logħob u r-riti li għandhom x’jaqsmu mal-Arblu ta’ Mejju għandhom l-oriġini tagħhom marbut ma’ riti pagani li x’aktarx ġejjin mill-pajjiżi Ġermaniċi. Il-festeġġjamenti tal-Arblu ta’ Mejju għandhom konnessjoni mal-bidu tar-rebbiegħa u allura, simbolikament, l-aktar għall-Ewropej ta’ Fuq, jirriferu għall-bidu ta’ ċiklu ta’ ħajja ġdida fin-natura. Fl-Italja dawn ir-riti kienu l-aktar popolari fil-parti tat-Tramuntana, eż., l-Lombardija u l-Veneto, u r-reġjuni taċ-ċentru, eż., fit-Toskana u fl-Umbrija. Kienu l-Kavallieri Taljani li daħħlu f’Malta t-tradizzjoni tal-logħob tal-Arblu ta’ Mejju matul il-festeġġjamenti tal-Calendimaggio, li kienu jsiru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Bosta żgħażagħ kienu jittantaw jixxabbtu ma’ dan l-arblu biex jilħqu l-ikel li kien jitqiegħed apposta fil-quċċata. It-tradizzjoni tal-Arblu ta’ Mejju nfirxet mill-Belt għal bosta rħula u bliet, fejn din il-logħba bdiet issir ukoll waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-lokal f’jiem oħra tas-sena. Jidher li l-logħba ntgħoġbot sew għax baqgħet issir minn żmien għal ieħor anki fi żmien l-Ingliżi. Insibu li din il-logħba saret f’Bormla, fiċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa ta’ Sebastapol, fil-Krimea, fl-1855. Għal xi żmien kien isir ukoll logħob ta’ dan it-tip f’ċerti festi, kemm f’San Lawrenz, il-Birgu, Ħad-Dingli u n-Nadur, Għawdex. X‘aktarx il-logħba tal-ġostra li ssir fuq il-baħar ħarġet minn hawn. Ara: CALENDIMAGGIO. Ara wkoll: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin ta’  Guido Lanfranco, p. 146.  Ara: ‘Mejju’, p. 559, fidDAMMA ta’ A. de S. Dan jispjega li l-Arblu kien jitwaqqaf quddiem il-Palazz biex bħal fil-logħba tal-KUKKANJA issir oħra simili kif semmejna.

arbuxellARBUXELL   Kull tip ta’ pjanta li tikber bi kwantità ta’ friegħi u bil-weraq folti sa xi metru jew aktar mill-art. Eż. ta’ arbuxelli li wieħed jara fit-toroq jew fil-ġonna Maltin huma: il-pittisporum, l-oleander jew il-lantana. Biss, l-arbuxell jista’ jkun anki wieħed minn bosta pjanti li jikbru fis-selvaġġ, bħalma hu t-tengħud (ritratt) jew il-bużbież.         

ARĊIPIELGU / ARĊIPIERGU, L-    L-Inħawi tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, li jinsabu qrib il-knisja tal-Porto Salvo, Biss, dawn l-inħawi jagħmlu jagħmlu parti mill-parroċċa ta; San Pawl. Hawn, dari kienu jgħixu ħafna familji foqra. Il-blokki tal-bini ta’ dawn l-inħawi twaqqgħu fl-1972, biex inbnew oħrajn ġodda flokhom. Il-kelma arcipelago ġejja mill-Grieg: Aigaion Pelagos, riferenza partikolari għall-Baħar Eġew’. Fil-kuntest urban, il-kelma tfisser, ambjent partikolari ta’ bosta blokki ta’ bini distinti minn oħrajn. L-enċiklopedija Treccani tispjega arċipelago hekk: complesso, raggruppamento ampio e irregolare di cose o persone. Unione (isole) di gruppi o comunità isolate una dall’altra affini di condizione socio-politiche. Għaldaqstant, hu wisq probabbli li dan l-ambjent partikolari tal-Belt isemma hekk minn xi nies istruwiti fl-amministrazzjoni ta’ Malta, jew xi nutara li kienu jagħmlu l-kuntratti meta tinkera jew tinbiegħ il-proprjetà f’dawn l-inħawi. Dan l-isem ifakkarna wkoll fititlu tal-ktieb ta’ A. I. Solženicyn, The Gulag Archipelago (1974), fejn il-kelma tintuża f’dan is-sens ukoll. Sors: Encikopedija Trecanni.

ARĊIMISIJA  / ARĊMISA   Pjanta maħrufa bħala ħaxixa tal-kabuċċini. Is. xj. Pyrethrum partheneium. Ing. Common feverfew. Ħara taċ-ċawl. M.A.V.  (1796).

ARĊISQOF Dan it-titlu kien mogħti għall-ewwel darba lill-Isqof ta’ Malta, Vincenzo Labini, (1780-1807). Fl-1797 il-Papa Piju VI ħareġ bolla, li fiha ddikjara li l-Isqof tal-gżejjer Maltin, ikun ukoll magħruf bħala l-Arċisqof ta’ Rodi. Dan it-titlu baqa’ jgħodd ukoll għall-isqifijiet li ġew wara. Ara: DJOĊESI.

ARDU      Ara:    LARDU.

argentuvivu.jpgARĠENTUVIVU     1. Terminu li  jirriferi għall-merkurju jew l-idraġirju (Hydragyrium – Gr. ilma + fidda, Ing. quicksilver). Dan hu l-uniku metall li mingħajr l-intervent tal-bniedem kapaċi jinbidel u jsir likwidu. Fl-antik, l-arġentuvivu kien jintuża għal bosta skopijiet, l-aktar biex bih jiddewbu d-deheb u l-fidda. Fis-seklu sittax fl-Ewropa, l-aktar fl-Italja u l-Kroazja, kienu diġà bdew jitħaffru minjieri biex jinstab aktar minn dan il-metall. Dan kien jintuża kemm bħala diżinfettant kif ukoll bħala djuretiku. Bl-arġentuvivu kienet tkun ittrattata wkoll il-marda venereali tas-sifilide. It-terminu argentovivo jsemmih Agius de Soldanis (1750). Il-kodiċi, kemm tal-Gran Mastru Vilhena (1722-1736) kif ukoll tal-Gran Mastru De Rohan (1784), kienu jipprojbixxu li dan l-element jintuża biex isir l-abort min-nisa. Sors: Knight Hospitaller – Medicine in Malta (1530-1798), ta’ C. Savona-Ventura, p. 35. Illum dan il-metall jintuża l-aktar fil-kimika, kif ukoll biex jinħadmu t-tubi tad-dawl florixxenti. L-arġentuvivu jintuża wkoll bħala parti mit-taħlita magħġuna apposta biex biha jimtlew id-dras. Minħabba t-tossiċità tiegħu l-arġentuvivu qed jitwarrab mill-użu fil-ħġieġa tad-deni. Bħala materja prima, l-arġentuvivu jinstab norm. fi kwantitajiet żgħar ħafna, u mifrux f’diversi kontinenti, l-aktar fiċ-Ċina u fil-Kazakistan. 2. Fig. Appel. għal xi tifel imqarqaċ li ma jkollux kwiet f’ġismu. Kienu jgħidu għal xi tifel imqarċaċċ, ‘Dak għandu l-arġentuvivu fih.’ Il-paragun jingħata għax l-arġentuvivu tarah tiela’ u nieżel u jiċċaqlaq kontinwament mal-iċken tibdil tat-temperatura.

ARGANELL      Argnu żgħir. Gruwa żgħira. Ara: ARGNU.

arghilecARGILÈ   Pipa twila li parti minnha tkun magħmula minn speċi ta’ bieqja tal-ilma biex meta wieħed ippejjep it-tabakk in-nifs jinġibed mill-ilma. Fid-dinja Għarbija hi ppopolari immens u ssibha bosta drabi fi ħwienet tal-kafé. Fl-Iran hi magħrufa bħala hookah u fl-Indja jgħidulha xixa. Imbagħad, fit-Turkija u fl-Israel tissejjah narghile). F’Malta kienu jgħidulha argilè, largilè, jew nargilè. Intant Temi Zammit juża l-aħħar appellattiv fl-istorja tiegħu, ‘Ċensa u ċ-Ċine’: ‘żagħżugħa tiżfen f’nofs ħafna Għarab idaħħnu n-narġilè’. Nassumi li din il-kelma daħlet fl-ilsien Malti fis-seklu dsatax meta eluf ta’ Maltin kienu qed jemmigraw lejn l-Afrika ta’ Fuq biex isibu x-xogħol. Illum, dan l-oġġett reġà bil-mod il-mod, qiegħed isir popolari mal-Maltin.

ARGNl  ifna ta'0003.JPG

ARGNU    1. Speċi ta’ rukkell kbir tal-injam li kien jintuża l-aktar fuq il-bastimenti, fil-portijiet jew fil-kostruzzjoni, biex miegħu jinġibed, jiddawwar u jintrabat il-ħabel jew il-kejbil meta jintrefa’ xi oġġett tqil. Dan kien ikollu bosta mqabad minn fejn persuni jkunu jistgħu jdawwru r-rukkell  biex il-ħbula jinġibdu jew jinħallu miegħu. Ħafna drabi l-argnu kien jintuża wkoll biex jittellgħu jew jitniżżlu l-opri tal-baħar minn fuq l-iSKALL. Illum flok l-argnu jintuża l-winċ li jaħdem bl-elettriku. Kien hemm żmien illi fl-Isla, fil-jiem tal-Karnival, kienet issir żifna msejħa, ‘iż-Żifna tal-Argnu’. Xi żgħażagħ kienu jqiegħdu dan il-makkinarju f’nofs it-triq, qrib id-daħla prinċipali tal-argnu capstanIsla, u kienu jiżfnu madwaru għad-daqq tal-mużika. 2. Fil-kuntest aktar riċenti, l-argnu hu apparat żgħir li jintuża fil-preparazzjoni tal-għaġina, krema, xkuma, eċċ., biex l-ingredjenti bħal dqiq, ħmira, zokkor, bajd u ilma jitħalltu f’bieqja, f’taħlita waħda. Ing. kitchen mixer. Etim. Tal. argano. Final. Lat. ergata; Gr. ergates – M. jiġ., ‘jagħmel xi ħaġa’ mekkanizzata). Ara: ‘Carnival time in pre-war Senglea’ ta’ Angelo Dougall, Folklor, ed. Guido Lanfranco. Klabb Kotba Maltin, 2004.  

Argotti Garden.jpgARGOTTI   Dan il-ġnien li xi wħud isejħulu ‘il-Gotti’ ħa l-isem tal-Kavallier li kien jgħix f’dar li kienet inbniet f’dawk l-inħawi, qrib il-knisja ta’ Sarrija u l-Mall, il-Furjana. Dan il-kavallier kien il-Balliju tal-Ordni ta’ San Ġwann, Fra Ignatius Argote et Gusman. Dak iż-żmien l-ambjent ta’ hawn kien iħaddar aktar mil-lum. Meta ġew l-Ingliżi, il-ġnien kien mogħti f’idejn l-Università biex isiru fih esperimenti fil-botanika mill-Fakultà tax-Xjenza Naturali. Minħabba li l-importanza tal-pjanti kienet l-aktar tikkonċerna l-mediċina, il-ġnien beda jissejjaħ L’Orto Medico. Dan kien jikkonsisti mhux biss mill-Argotti iżda anki mill-Mall u mill-ġnien imsejjah Ta’ Lucano. Alexander Ball ħatar lil Carolus Giacinto, patri Ġenoviż, bħala l-professur tal-Istorja Naturali, u dan kellu jieħu ħsieb it-tmexxija ta’ dan il-post. Fl-1923, id-direttur John Borg, kien ta mal-erbat elef pjanta tal-kaktus biex jitħawlu f’dan il-ġnien. Fl-1952, il-ġonna ma baqgħux f’idejn l-Università iżda ġew f’idejn id-Dipartiment tal-Agrikoltura. Dan il-ġnien kien miftuħ għall-pubbliku fl-1972. Ara: Public Gardens in Malta and Gozo (1976) ta’ J. Borg. ‘Gardens of Malta’, p. 125; Argotti Botanic Gardens ta’ Guido Lanfranco, Heritage Vol. V , pp. 1468-1472.

lsiraxxxARGUŻIN / ARKUŻIN   Bniedem li kien jikmanda l-ekwipaġġ, l-ilsiera fuq ix-xwieni, jew inkella l-ħabsin. F’Malta tal-Medjuevu, dan il-karattru jissemma bħala l-algożir, li kien ippersonifikat fin-nobbli Francesco Gatto, rappreżentat tar-Re ta’ Sqallija, li fl-1398, kien żamm lill-Maltin milli jqajmu rewwixta fl-Imdina. Dan l-istess bniedem kien sfaxxa wkoll irvell ieħor li kien beda f’Għawdex, fl-1411. Fig. L-argużin jirrapreżenta fl-imaġinazzjoni komuni xi ħadd kattiv u li jimponi r-rieda tiegħu fuq ħaddieħor. Intant ngħidu, ‘Qisek l-argużin!’ Fr. argousin, representant de force de l’ordre. Sqal. Aguzzinu. Carceriere spietato. Sp. Alquazil (sergente di palazzo). Ara. Dizionario Siciliano www.salangela.com; The Medieval Millenium ta’ Charles Dalli, p.193.  

aringaARINGA     Is. xj. Clupea herrengus. Ħuta li tikber mas-46 ċm. Din il-ħuta tinqabad l-aktar fir-rebbiegħa wara li tgħum għal ġewwa l-Mediterran mill-Atlantiku. Norm. hekk kif jinqabad, dan il-ħut ikun immellaħ u ffumigat biex ikun ippriservat sew u mittiekel wara bosta żmien. Idj: ‘Sar niexef qisu aringa’ – tingħad meta nirriferu għal xi ħadd li għolob bosta. Ing. Herring.

arkettARKETT  1. Xogħol ornamentali fin maħdum fl-injam maqtugħ irqiq. Dan ix-xogħol isir ħafna drabi biex isebbaħ oġġetti solidi, l-aktar fuq il-faċċata tal-għamara, jew strumenti mużikali. Biss, wieħed jista’ wkoll japprezza x-xogħol fl-arkett waħdu meta dan jinħadem biex jidher bħala xogħol artiġjanali fih innifsu. Ing. Fretwork. Tal. archetto. traforo.  2.  Il-qaws li jintuża biex jindaqq il-vjolin.      

arkibuss314ARKIBUS   Azzarin. Arma tan-nar bħal xkubetta. Din l-arma kienet bdiet tintuża fis-seklu 14, u baqgħet tintuża l-aktar sas-seklu 17. Kien hemm tip ta’ arkibus li kien ilaħħaq iż-żewġ metri u għalhekk biex ikun sparat ridt iserrħu fuq il-forċina. Dan kien jissejjaħ muskett. L-arkibus kien l-ewwel arma li kellha l-grillu. Din it-tip ta’ xkubetta kienet tispara permezz ta’ miċċa mwaħħla fuq serpentina, (ħadida forma ta’ S li fiha titwaħħal il-miċċa). Il-miċċa ġġammar kienet titniżżel fuq il-fugun (kuċċarina mwaħħla ħdejn it-toqba li tagħti għal ġewwa tal-kanna) mimli polverin, (tip ta’ polvri aktar fin), u jintgħafas il-grillu. Il-kanna kienet tkun ikkargata billi jintefa’ fiha qies ta’ polvri, biċċa burra (tnietex tal-qoton jew għażel) u l-balla taċ-ċomb. Dawn kienu jiddeffsu u jkunu ppressati mit-toqba ta’ quddiem tal-kanna ‘l ġewwa u ‘l isfel, (Ing. muzzle-loading). Meta l-polverin jieħu n-nar, dan kien jikkawża splużjoni fil-kanna fejn ikun hemm il-porvli ppressat u b’hekk il-balla tispara ’l barra. Ing. arquebus, Tal. archebugio, final. mill-Ġermaniż: Hakenbuchse – M. tubu mgħawweġ bħal ganċ. Sors prinċipali: Joseph Cilia.

Arlogg tal-Birgu.jpgARLOĠĠ TAL-BIRGU, L-   It-Torri tal-Arloġġ inbena fil-pjazza prinċipali tal-Birgu, (llum imsejħa Pjazza tal-Vitorja). Ħadd ma jaf preċiż minn min, għalfejn u meta nbena eżatt dan it-torri. Jingħad biss li fl-Assedju tal-1565, dan it-torri serva biex minnu, il-Kavallieri setgħu josservaw il-pożizzjoni tal-għadu u l-ġlied li seta’ kien għaddej fix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-Birgu. It-torri kien għoli mall-erbgħin metru u wiesa’ madwar is-sitt metri fuq kull naħa. It-torri kellu gallarija, (kuridur bil-ballustrad) f’ċertu livell, idur madwaru. Waqt l-Assedju l-Kbir, it-torri kellu żewġt iqniepen, waħda msejħa ‘in-Newwieħa’ u l-oħra ‘il-Ferrieħa’. Meta l-Ordni mar joqgħod il-Belt Valletta, dan it-torri kien mogħti lil familja minn Ħal Għaxaq. F’xi żmien tqiegħed arloġġ mal-faċċata ta’ dan it-torri, u kien hemm bniedem apposta, li kien jieħu ħsieb li l-arloġġ jaħdem kuljum. Sas-seklu dsatax, din il-pjazza kienet tissejjaħ Piazza dell’Orologio. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, it-torri ġarrab ħsarat kbar waqt attakk mill-ajru li seħħ fl-4 ta’ April 1942. Ftit jiem wara, il-bqija tal-binja tat-torri twaqqgħet biex ma tkunx ta’ periklu għan-nies. It-torri ma reġax inbena.                    

arloggtalliraDSCF0385ARLOĠĠ TAL-LIRA   Dan l-arloġġ hu xogħol tas-sengħa fl-injam, li jmur lura mill-inqas żewġ sekli. Mhux ċara r-raġuni għaliex dan it-tip ta’ arloġġ jgħidulu ‘tal-lira’. Hawn minn jgħid li dan jissejjaħ hekk għax kien jixbaħ strument mużikali tal-kordi, qisu arpa żgħira tal-idejn, li bit-Taljan jissejjaħ lira. Spjega oħra hi, li dan l-arloġġ kienet titqiegħdlu speċi ta’ domna kbira tad-deheb f’tarf il-pendlu, li kienet tixbaħ il-munita tal-lira, (munita kbira tal-flus ta’ żmien bikri Ingliż). Żgur li t-teorija antika li dan l-arloġġ kien jiswa lira biss mhux minnha. Nafu li Mikielanġ Sapiano, li kien l-aqwa arluġġar f’Malta fis-seklu dsatax, kien jitħallas sittin lira sterlina biex jaħdem arloġġ bħal dan, li għal dak iż-żmien kienu diġà ħafna flus. Dan l-arloġġ dekorattiv jirrikjedi bosta snajja’ fosthom: ix-xogħol tal-injam innifsu, li hu ddisinjat, imsejħa l-kuruna, il-kaxxa, il-parti tan-nofs u l-parti ta’ isfel (il-mensola). Hemm ukoll ix-xogħol tal-indurar biex partijiet mill-arloġġ jinkesa bil-folji tad-deheb wara li jgħaddi diversi passati bil-ġibs. Imbagħad hemm ix-xogħol tal-makkinarju tal-arloġġ innifsu li hu fdat f’idejn l-arluġġar. Ara: Antique Maltese Clocks, Great Exhibitions Revisited, Miranda Publications in association with Fondazzjoni Patrimonju Malti. ‘L-Arloġġ tal-Lira, ta’ Charlie Sammut’, kitba ta’ John Agius, Leħen il-Kunsill Tiegħek, San Ġiljan, Ħarġa nru. 34, Ġunju 2010.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAARLOĠĠ TAX-XEMX   F’Malta u Għawdex jinsab numru kbir ta’ arloġġi tax-xemx, bosta minnhom imnaqqxin fil-ħajt. L-arloġġ jaħdem bl-aktar mod sempliċi, biss ix-xogħol ta’ tħejjija tiegħu jirrikjedi għerf fil-ġeofiżika. Dan għaliex wieħed irid ikun għaref f’dan il-qasam biex jippożizzjona l-arloġġ bi preċiżjoni u jiddividi s-sigħat skont id-direzzjoni tax-xemx matul il-jum u matul is-sena. L-arloġġ irid ikun ippożizzjonat b’mod li jħares lejn in-Nofsinhar. Il-virga li titqiegħed fuq l-arloġġ, (imsejħa l-gnomon – Gr. indikatur), biex titfa’ d-dell, ukoll tingħata din il-pożizzjoni. Dan l-arloġġ jista’ jkun impinġi mal-ħajt jew inkella mnaqqax fuq ġebla ċatta mal-art. Il-wiċċ tal-arloġġ ikun maqsum f’diversi linji, u kull segment jirrappreżenta s-siegħa. Xi wħud mill-arloġġi juru x-xahar u oħrajn anke s-sinjali żodijakali. Insibu eżempju bħal dan mal-ħajt tal-Casino Maltese, f’Misraħ ir-Repubblika, il-belt Valletta. Ara: Maltese Sundials ta’ Paul I. Micallef, 1994. ‘The Malta Sundial’ ta’ Joe Azzopardi. Ara:  www.sundials.co.uk.

ARP valletta police stationA.R.P.  Air Raid Precautions. Dan kien grupp ta’ voluntiera li twaqqaf ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, bi preparazzjoni għall-għajnuna ċivili metħieġa f’każ ta’ gwerra. Il-membri ta’ dan il-korp ingħataw korsijiet biex iħejju ruħhom sew f’dan ir-rigward. Matul il-gwerra l-units tal-A.R.P. kienu joperaw minn diversi ċentri. L-iskopijiet ewlenija tal-A.R.P. kienu dawn: jgħallmu lin-nies kif jistgħu jipproteġu ruħhom f’każ ta’ xi attakki mill-għadu; meta l-attakk ikun iminenti, iħeġġu u jgħinu lin-nies jidħlu fix-xelters, u f’każ li jweġġgħu n-nies, imorru jagħtu l-ewwel għajnuna. Ara: Meta Faqqgħet il-Gwerra (Ed. Laurence Mizzi), pp. 39 – 41. Pubblikazzjoni Bugelli. 1990.

ARSENAL   Ara: TARZNA.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAART NOUVEAU   Tip ta’ xogħol artistiku u arkitettoniku li kien ikkreat fl-Ewropa bejn l-1880 u l-1910 minn artisti ‘rivoluzzjonarji’ li riedu joħolqu stil ta’ arti differenti minn dak li kien prevalenti fi żmienhom. Kien hemm diversi ismijiet oħra mogħtija lil dan l-istil. Pereż., fil-Ġermanja dan l-istil hu magħruf bħala Jugendstil, u fl-Imperu Awstrijak-Ungeriż hu magħruf bħala l-moviment tas-Seccession; fir-Russja, l-isem mogħti kien Moderne, u fl-Italja hu magħruf bħala Liberty Style. L-influwenza tal-Art Nouveau daħlet ukoll bil-mod il-mod f’Malta fis-seklu għoxrin. F’Tas-Sliema, fejn kien tiela’ ħafna bini, inbnew faċċati ta’ djar f’dan l-istil. L-aqwa eżempju ta’ Art Nouveau jinsab Art Neavaufil-binja imponenti li nbniet fis-sena 1928, fil-bajja tal-Balluta, magħrufa bħala Balluta Building. Il-bini fih arkati għolja fin-nofs u fil-ġnub tal-faċċata hi ddekorata b’disinji ta’ dan l-istil. Il-perit li ddisinja dan il-bini kien Giuseppe Psaila (1891-1960). Binja oħra tal-istess stil, hi dik li hemm fit-tarf ta’ Triq Dingli, fejn illum hemm il-Lombard Bank. F’Tas-Sliema hemm binjiet oħra tal-istess stil, fosthom dawk li jinsabu fi Triq Isouard. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija nbnew bosta binjiet b’dan l-istil madwar diversi lokalitajiet f’Malta. Ara: 5,000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney, p. 274.  

artikla xARTIKLA    Is. xj. Anemonia sulcata. Kreatura bejn pjanta u frotta tal-baħar qisha ħaxixa kkulurita u bi swaba’ rqaq li jagħtu f’kuluri differenti, l-aktar fil-vjola. Din tikber mal-blat f’qiegħ il-baħar. L-artikli jinqabdu billi jinqalgħu b’sikkina jew mgħarfa minn mal-blat fejn ikunu mwaħħlin. Ġen., l-artikli jissajru moqlijin bħal frejjeġ bil-bajd imħabbat magħhom. Dari aktar mil-lum, kont tara ħafna għawwiema fis-sajf, li l-hena tagħhom kienet li jaqilgħu l-artikli minn mal-blat qrib ix-xatt, fejn kont issibhom hekk kif titfa’ saqajk fl-ilma. Tal. Ortica / ardicula. Ing. Sea anemone.    

ARZNU83

ARŻNU   Tip ta’ injam li ġej mis-siġar tal-prinjol. Madwar id-dinja kollha jinsabu mal-120 tip ta’ din is-siġra. Minn dawn is-siġar inħolqu industriji kbar għaliex l-arżnu jintuża spiss għall-bini kemm għall-kostruzzjoni tad-djar kif ukoll għall-għamara. Dan l-injam hu ta’ kwalità soda u tajjeb biex jinħadem. L-arżnu hu magħruf ukoll bħala ‘Injam tal-Punent’. A. de S. jinkludi dan in-nom fid-Damma: […] Le navi si fabricano dal Pino, questo legno viene spessevolte conservato nell’acque del mare onde meraviglie sarà che arznal – Arsenale […]. Dan jista’ jindika mela li oriġinarjament it-‘Tarzna’ kien dak il-post fejn l-injam tal-arżnu kien jinżam fil-baċir mimli bl-ilma biex jixxarrab qabel ma jintuża għall-bini tal-bastimenti. Sqal. arzanu. Ing. pine.  Ara:  TARZNA.

ARZNAL    Ara: TARZNA.

ASAĦĦ     Komparattiv ta’ sħiħ – isħaħ. Din il-kelma arkajka kienet tintuża meta wieħed iqabbel b’mod pożittiv is-saħħa jew il-qawwa ta’ xi argument. Qawl: Asaħħ kelmet il-Malti minn ħalfet is-sultan – dan il-qawl jingħad biex juri b’ċarezza li l-Maltin huma nies ta’ kelmthom u ta’ min jafda fuqhom – daqs li kieku dan kien xi digriet mis-sultan. Is-superlattiv hu L-ISĦAĦ – jiġ., l-aktar wieħed b’saħħtu.  MOSĦAĦ   (Aġġ.), eż. bniedem mosħaħ, jiġ. bniedem immuskulat u ta’ saħħa.

aspergesASPERĠES / ASPERSORJU   Oġġett tal-metall f’għamla ta’ ċilindru żgħir b’boċċa fit-tarf. Dan l-oġġett jintuża miċ-ċelebrant għat-tberik f’ħafna okkażjonijiet liturġiċi, bħal pereż. fil-quddiesa, waqt it-tberik tad-djar, tberik tal-annimali, waqt il-funeral, jew għat-tberik tal-qniepen, eċċ. Is-saċerdot ibill l-asperġes fis-satla bl-ilma biex ibierek bih. Dan ifakkarna li l-ilma hu simbolu li bih l-Insara jkunu mnaddfa hekk kif jitgħammdu. It-tberik bl-ilma jgħin biex iżomm il-ħażen ’il bogħod. F’diversi reliġjonijiet it-tberik isir billi ċ-ċerimonier juża qatta friegħi ta’ pjanti partikulari, bħaż-żebbuġ. Lat. asperges: M. Int roxx l-ilma’ meħuda mill-ewwel kelma tal-vers 9 tas-Salm 51.Lat. aspersorium. 

ASPRU   Aġġettiv għal bniedem ta’ mġiba żorra. Xi ħadd li jitkellem b’mod li jniggeż. Tal. aspro. M. qares; riġidu; aċiduż; sarkastiku.

ass (2)ASS  L-isem ta’ karta tal-logħob li jkollha koppa, mazza, dinar jew spata waħda biss. Espr. ‘Waqa’ l-ass!’ – tingħad meta xi ħadd jitkellem ripetuttament dwar l-istess suġġett. Il-paragun jittieħed mil-logħob tal-karti meta l-lagħbi jitfa’ l-ass fuq il-mejda għax ma jkollux karta aħjar x’jilgħab. L-isem u s-sinjifikat tal-ass ivarja skont il-logħba. Fost logħob li jeżisti fejn jidħol l-ass hemm dik li bil-Malti nsejħulha ‘L-Ass Idur’. It-Taljani għandhom l-Iscopa u l-Ingliżi l-Ace.

ASSJETT / SJETT   Platt tond, forsi anki platt kbir daqs dixx. Kemm A.J. kif ukoll E.S.I. jagħtuha bħala sjett, biss bosta jafu din il-kelma bħala asjett. A.J. jagħti wkoll: SJETT TISJIR, jiġ., platt soppa. (Fr. assiette).

ASSOLUZZJONI KUNDIZZJONALI    Din hi l-assoluzzjoni li tingħata lil min ikun agunija, jew inkella jkun għadu kemm miet, f’każ li l-qassis ma jkunx jaf jekk il-persuna hiex ta’ twemmin Kattoliku jew le. Għall-fini tal-liturġija, f’din is-sitwazzjoni wieħed isaqsi jekk il-persuna moribonda hiex capax, jiġ., jekk hix intitolata għall-amministrazzjoni tas-sagramenti. Niltaqgħu ma’ din il-frażi f’Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, p. 309. Herbert Ganado jirrakkonta li waqt li kien internat fil-kunvent ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, mill-post fejn kienu, l-internati raw ajruplan tal-għadu jiġġarraf hekk kif intlaqat mid-difiża fl-art. Qassis li kien mal-internati, dlonk ta l-assoluzzjoni kundizzjonali lill-pilota minn fejn kien. Ħajr: Dun Ġwann Galea.

Atlantiss.JPG
Giorgio Grognet de Vassè – pittura    li hemm fis-sakristija tal-knisja tal-      Mosta

ATLANTIS    L-ewwel ma jissemma Atlantis kien mill-filosofu Platun, madwar is-sena 360 q.K. Hu jirriferi għal Atlantis bħala arċipelagu, fid-djalogi tiegħu msejħa Timaeus u Critias. Skont dan il-filosofu, ir-Renju ta’ Atlantis kien fil-fatt magħmul minn diversi gżejjer li bejniethom kienu jagħmlu parti minn kontinent sħiħ. Dawn il-gżejjer suppost li kienu jinsabu ’l barra mill-‘Kolonni ta’ Erkole’. Il-popolazzjoni li kienet tgħix f’Atlantis kienet magħquda bħala konfederazzjoni ta’ diversi renji, bi tmexxija għaqlija u b’saħħitha ta’       bosta rejiet. Skont Platun, dawn il-gżejjer kienu jeżistu madwar 9,300 sena qabel żmienu. Skont il-leġġenda, Atlantis għebet minħabba terremot kbir li seħħ u li qeridha għalkollox. Jista’ jkun li l-leġġenda dwar Atlantis kienet ispirata mill-isplużjoni vulkanika ta’ Thera (Santorini), meta fis-snin ta’ madwar l-1,200 q.K. dan il-vulkan kien qered iċ-ċiviltà ta’ Kreta. Minn żmien ir-Rinaxximent ’il quddiem, bosta kienu dawk li meta qraw lil Platun bdew jiflu l-possibilità li r-renju ta’ Atlantis seta’ kien jeżisti tassew. Inkitbu bosta kotba u xi wħud anki jinkludu l-possibilità li Malta u Għawdex kienu fil-fatt l-‘Atlantis’ li jirriferi għalihom Platun, u li din iċ-ċiviltà kienet dik li bniet u għexet madwar it-tempji megalitiċi. Fost l-ewwel studjużi ta’ din it-teorija nsibu lil Giorgio Grognet de Vassè (1774-1862), il-perit li ddisinja l-koppla tal-Mosta. Hu ppubbblika t-teorija tiegħu fix-xogħol tiegħu bl-isem Atlantide. Ara: Malta – Echoes of Plato’s Island – The Prehistoric Society ta’ Mifsud, C. Agius Sultana & C. Savona-Ventura. 

ATTENWANTI    Term. leg. Kelma li tintuża fil-lingwaġġ tal-qrati u li tirriferi għal xi raġuni li biha l-ħtija tal-imputat tista’ titnaqqas. Tal. attenuante. 

AVARIJA    Kull tip ta’ ħsara li tista’ ssir fuq makkinarju jew oġġetti bħal merkanzija. Illum din il-kelma tirriferi l-aktar għax-xogħol tal-ġebel jew tal-injam meta l-oġġett ma jkunx inħadem bi preċiżjoni li jaqbel mal-oġġett li miegħu jrid jitqiegħed, jew inkella meta l-oġġett ikun qed ixaqleb lejn naħa jew oħra. Eż: ‘Il-frejm tat-tieqa għandu avarija ta’ nofs ċentimetru min-naħa t’isfel sa fuq’ – dan jimplika li x-xogħol fl-injam ma sarx bi preċiżjoni u għaldaqstant jista’ jkun hemm xi diffikultà biex ix-xogħol jitkompla.

AWDENZA / AWDENZJA   L-istess bħal udjenza. Tingħad fil-frażi ‘m’hemmx awdenza’, jiġifieri dak li jkun qiegħed jitkellem mhux qed jingħata widen. Sors: E.S.I.

Awdissa mapAWDISSA   L-isem li bih il-Maltin kienu jsejħu l-port ta’ Odessa li jinsab fil-Baħar l-Iswed. Idj: ‘Qisu barri ta’ Awdissa’ – rif. li fiż-żmien l-antik kienet tingħad għal xi bniedem b’saħħtu u mibni sew. Paragun mal-barrin li kienu, fi żmien tas-seklu dsatax u bidu tas-seklu għoxrin, impurtati minn Odessa, port li llum jagħmel mal-Ukrajina. Fl-antik, Odessa kienet tagħmel parti mir-Russja, imbagħad bejn l-1922 sal-1991,  saret parti mill-Unjoni Sovjetika.   

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAAWRIKARJA    Is. xj. Araucaria gigas. Ing. Norfolk Pine. Siġra li issibha mħawla f’diversi postijiet f’Malta għas-sbuħija tagħha minħabba li hi siġra maestuża u li tikber bejn 30 u 60 metru. Skont ix-xjenzjati, l-awrikarja hi siġra li tmur lura sa żmien id-dinosawri, tant illi jaħsbu li dawn il-kreaturi żviluppaw għonqhom twil għax bħal ġiraffa, biż-żmien bdew jieklu l-weraq ta’ fuq il-parti l-aktar għolja ta’ dawn is-siġar. Jeżistu erba’ ġeneri ta’ awrikarja fid-dinja, bosta minnhom fl-Amerika ta’ Isfel u l-Awstralja. F’Malta, dawn is-siġar jispikkaw ħafna fl-għoli tagħhom. Ġen. narawhom f’ġonna pubbliċi u kultant anki f’xi ġonna żgħar privati ta’ xi vilel.

awrinar346 (2).jpgAWRINAR   Kontenitur ġen. taċ-ċaqquf jew tal-metall fejn titbattal l-awrina. Mibwel jew vaż li jinqabad mill-widna biex jinġarr, u billejl jitqiegħed taħt is-sodda biex jintuża f’każ li wieħed ikollu l-bżonn li jbattal l-ilma. Fl-antik kien ukoll jintuża awrinar aktar kbir tal-fuħħar li kien jissejjaħ KANTRU.

AWRORA      Tlugħ ix-xemx.  Żernieq, tbexbix. Quddiesa tal-awrora, l-ewwel quddiesa li ssir filgħodu kmieni.

AWŻAR     Kelma li tintuża fil-frażi ‘ħallas bl-awżar’ jiġ. ħallas bin-nifs’. Sors: J.A.

Axtarte at the louvre

AXTARTE      L-isem tal-alla mara Feniċja, li isimha nstab kemm-il darba mnaqqax fuq mijiet ta’ biċċiet tal-fuħħar f’Tas-Silġ. Il-Feniċi kienu ġabu magħhom f’Malta dan il-kult tant meqjum minnhom. Fil-mitoloġija Feniċja, Axtarte (jew Ixtar) kenet il-mara ta’ Baal Ħammon. Fiż-żmien PUNIKU, mis-seklu ħamsa ‘l quddiem is-suċċessuri tal-feniċji f’Kartaġni, bdew isejħu lil din l-alla bħala Tanit. Biss, għalkemm dan l-isem kien magħruf sew, kemm fl-Afrika ta’ Fuq kif ukoll f’Mozja, fi Sqallija, f’Malta l-isem komuni baqa’ Axtarte. Jidher li din l-alla kienet meqjuma sal-ewwel seklu Q.K., minkejja li dak iż-żmien Malta kienet diġa taħt il-ħakma Rumana. Ara: SILĠ, TAS-.  Sors ewlieni: Malta – Phoenician, Punic, and Roman, ta’ Anthony Bonanno. 

AŻŻMU    Il-ħobż ikun ażżmu jekk l-għaġina ma jkollhiex il-ħmira. Dan it-tip ta’ ħobż kien jittiekel mil-Lhud meta kienu jiċċelebraw l-‘Għid Tal-Lhud’, li jfakkar il-ħelsien ta’ dan il-poplu mill-Eġittu. Fig., aġġettiv li jingħad għal persuna diffiċili li ma tinħalx kif ġieb u laħaq fil-manjieri tagħha man-nies. Bniedem żorr u li bħal ħobż ażżmu ma tantx jinżel tajjeb man-nies.

azzarinAZZARIN   Arma tan-nar li antikament kienet tirriferi għall-arkibus. Fi żminijiet aktar riċenti, l-istess isem beda wkoll jirriferi għal diversi tipi ta’ armi tal-gwerra tal-idejn b’kanna twila li jisparaw il-bulits. F’Malta ġieli konna nirriferu għas-senter tal-kaċċa bħala ‘azzarin’. Etim. Tal. acciarino – M. dik il-parti tal-metall li tikkarga biex mal-għafsa tal-grillu, tikkawża leħħa ta’ nar li jkebbes il-porvli. Etim. finali: acciaio – M. azzar; Ing. Musket / firelock.  Sors: Piccolo Dizionario. G.B.F. (1845) jgħid: arma più grossa del archebugio. Ara: ARKIBUS u FUGUN.

*         *         *

A *  B *  Ċ C D *  E F *
Ġ G H Ħ I *   J *   K *
L M *   N *   O *   P *   Q *   R *   S
T *   U *   V W *   X *   Ż *   Z *

Din il-website hija bbażata fuq it-tliet kotba tal-istess awtur …

          Bejn Kliem u Storja
          Ara X'Int Tgħid 
          Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja         Aa ARA X'INT TGHID         A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                  Paġni 256                                        Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95              Prezz Ewro 14.95                Prezz Ewro 14.95

Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija sħiħa tal-wirt storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal-lum. F’din il-ġabra ta’ madwar 3,000 suġġett nistgħu nduru dawra mal-kultura Maltija f’livelli varji.

Ara hawn … https://sites.google.com/site/kliemustorja/home/titlu/introduzzjoni/dwar-l-awtur/a

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*
Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*
L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S*
T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.           Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta’ Erin Seraccino Inglott,  (1989).

* F.V.             Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella(1831).

* F. Vella      Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta’ F.Vella, (1843).  

* G.B.F.         Dizionario – Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon, (1845).

* J.A.             Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta’ Joseph Aquilina, (1987 & 1990)

* M.A.V.       Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta’ Mikiel Anton Vassalli, (1796).

* (D)           DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta’ Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).

*                 Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta’ V. Busuttil, (1900)

*      G. Lanfranco, 2017. Minn Fomm Il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.