ż

 
A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
ŻABBAR * ŻABBARA (ara: SABBARA) * ŻABBETTINA * ŻABIKOTT * ŻABRA * ŻABRIKOTT * ŻAFARINA * ŻAFTURA * ŻAFŻAFA / ŻAVŻAVA  ŻAGĦKA * ŻAGĦRUN/A * ŻAHAR * ŻAHRI * ŻAHRIJA * ŻAJBRA * ŻAMBUKA / SAMBUKA * ŻAMBUR * ŻAMBURA * ŻAMMAR * ŻAMMITELLU, IL-KASTELL * ŻANKA * ŻANNI * ŻANU * ŻAQQ * ŻARDA * ŻARGUN * ŻARMUĠ / ŻERMUĠ * ŻARŻIRA * ŻBALLOTTAR * ŻBANDOLA / SBANDOLA * ŻBARK * ŻBIBA * ŻBIRR (ARA: SBIRR) *ŻBRIGA * ŻEBBELLIKA / ŻABBETTA / ŻABBETTINA (ara: SABELLA) * ŻEBBIEĠA / ŻEBBIĠIJA * ŻEBBIEL * ŻEBBUĠ * ŻEBDA * ŻELLUMA * ŻEMBIL / ŻEMBILA * ŻEMŻEM * ŻENA / ŻINA * ŻENBAQ * ŻEND/A (Ara: ŻNIED) * ŻENNEJ * ŻENŻIFRU TAR-RIĦ * ŻENQA * ŻENŻLA *ŻEPPOLI * ŻERDA * ŻERNIQ * ŻERRIEKI * ŻEWĠ * ŻEWĠ JEW FARD * ŻIB * ŻIBEĠ * ŻIBEĠ TAL-KUKKU * ŻIEMEL TAL-QASBA * ŻIEMLUNAZZA * ŻIENI (ara: ŻENA) * ŻIFT * ŻIGG / ŻIKK * ŻIGROMBLU ŻUGROMBLU * ŻIK * ŻILŻA * ŻIMARRA * ŻINA ŻINDA (ARA: ŻNIED) * ŻINĠAR / ŻINĠOR * ŻINĠLA * ŻINGU * ŻINŻIFRU * ŻINŻILL / ŻUNŻILL * ŻINŻLA * ŻIR * ŻIRKA * ŻIRMA * ŻIŻI * ŻMAJMOĊĊ * ŻMAR* ŻMARR / ŻMARR/AT / ŻMARRATUR * ŻMARGASS/AT * ŻMIZZAR * ŻNIED * ŻNIEŻEL * ŻNUBER / SNUBER * ŻOFŻFA * ŻOKMA * ŻONQOR * ŻORBA * ŻOTA / ŻLOTA * ŻOTKU * ŻRAFA * ŻUBBABA / ŻUFŻAFA * ŻUBRUN / SUFRUN *  ŻUGRAGA * ŻUGRUMBLU * ŻUMMARA * ŻURBETT * ŻUTA * ŻUTT *

ŻABBAR      Wieħed li jiżbor; dak li jagħmel iż-żabra.  Hemm imniżżel kunjom, Zabbar fil-lista tal-Milizja tal-1419 u dan kien jgħix f’Ħaż-Żabbar.  M.A.V. (1796), jagħtiha bħala potatore.

ŻABBARA    Ara: SABBARA.

ŻABBETTINA     Nanna kola, magħufa wkoll bħala SABELLA.

ŻABIKOTT    Bniedem  ta’ statura żgħira. Petitu. Etim. mhux magħrufa. Biss qbl. ma’ ŻABRIKOTT.

ŻABRA   Qtugħ ta’ friegħi li huma żejda jew morda mis-siġar biex is-siġra żżomm ċertu daqs. Iż-żabra tista’ ssir ukoll bil-ħsieb li s-siġra tirpilja u tikber aktar b’saħħitha.

ŻABRIKOTT    Tip ta’ berquq iswed.  Is. xj.  Prunus armeniacos. Fr. abricots. Ing. royal peach apricot.

ŻAFARIN/A    Rif. għal xi ħadd li hu fqir u miksin. Sors: E.S.I. u J.A.

ŻAFTUR/A    Tip ta’ kolla li n-naħal jiġbor mis-siġar u l-pjanti biex jimla x-xquq u jidlek il-ġewwieni tad-duqqajs / il-qolla biex isaħħaħ iċ-ċelel. Tal. zaffatura. Lat. propolis.

ŻAFŻAFA / ŻAVŻAVA / SAFSAFA  Tip ta’ pjanta li tikber f’art niedja u li tagħmel skuk twal u rqaq ħafna. Ara: RABBABA.

ŻAGĦKA   Appel. ieħor għal ‘qaħba’. Qawl: Kull żagħka għandha ’l ġakkha (min jipproteġiha, Ara: ĠAKK). ŻAGĦKI   Bniedem ta’ ħażen kbir; sodomist; bniedem li jgħix mal-konkubina tiegħu. Ara: BARDAXXA. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 144.

zaghruna Centrophorus_granulosus_SI2
zaghrunac.jpg

ŻAGĦRUN/A   1.  Ħuta mir-razza tal-mazzola (is. xj. Centrophorus granulosus), Ing. gulper shark). Din il-ħuta tikber sa 1.5 m u tista’ tiżen sa 20 kilogramm. Minn din il-ħuta kien jittieħed il-fwied biex minnu jqattru ż-żejt tiegħu għal ġo flixkun biex jintuża bħala rimedju għall-feriti. F’dan il-flixkun, li kien jibqa’ miftuħ, kienet anki titqiegħed rixa biex biha jindilek iż-żejt fuq il-ferita. Billi biż-żmien, fil-wiċċ taż-żejt kienet titrabba skorċa tal-moffa, din kienet isservi ta’ ġid għax fil-moffa kien jitrabba l-penisilin li jfejjaq l-infezzjoni.  2. Pjanta li tikber fil-widien jew fil-makkja, qisha arbuxell jew siġra żgħira bil-friegħi jxewku. Is. xj. Crategius monogyna, Ing. wild hawthorn. Tissejjaħ ukoll ‘ANŻALOR’, għalkemm din mhux l-istess speċi. 3. Tip ta’ dud żgħir ħamrani tal-ilma li norm. jgħix fil-ħwat jew ġiebji. Ara: ‘Maż-żmien tiegħi ta’ tabib’, Dr Charles Cassar, Folklor, p. 56, u Popular Fish in the Mediterranean Sea, ta’ Stanley Farrugia Randon u Robert Micallef, p. 118.

ŻAHAR    Il-warda tas-siġra taL-frott. Inwar. Sqal / Għ. zagara, zahr – Castellan: azahar.  Fjura li tkun għadha qed tiftaħ. Kunjom Malti.  ŻAHRI  Bajdani bħaż-żahar. Safi.

ŻAHRIJA   Il-Kewba Żahrija hi l-pjaneta Venere li tidher fis-sema tleqq b’dawl qawwi aktar minn oħrajn, l-aktar kmieni billejl jew kmieni filgħodu. L-istess bħall-KEWBA TAL-GĦARB.

ŻAJBRA    Xagħra rqiqa u fina fuq il-wiċċ, jew xagħra li mir-ras tinżel għal fuq l-għajnejn. Ngħidu, ‘kulma għad għandu huma erba’ żajbriet’ – tingħad għal xi ħadd żagħżugħ li għadu fil-pubertà; jew bil-kuntrarju tingħad għal xi ħadd li jkun kważi qarej.

ŻAMBUKA / SAMBUKA  1. Is. xj. Sanbuca nigra. Arbuxxell ta’ pjanta mediċinali. Ing. elder. 2. Ħelu f’għamla ta’ boċċa żgħira tonda bit-togħma tal-aniżett. Ara:  SEBUQA.

ŻAMBUR      Xarba / Spirtu magħmul/a mill-aniżett iddistillat. Fl-antik kien hawn ħelu qisu boċċi żgħar ta’ kulur ħamrani, bit-togħma taż-żambur li kien popolari ħafna mat-tfal.

ŻAMBURA     Strument tad-daqq folkloristiku li kien jindaqq l-aktar mit-tfal.

ŻAMMAR      Wieħed li jdoqq il-fifra.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

ŻAMMITELLU,  IL-KASTELL   Din hi residenza privata, mbinija minn Giuseppe Nicolo Zammitt, li tinsab fuq in-naħa ta’ barra tar-raħal tal-Imġarr, fejn it-triq taqbad fid-direzzjoni lejn il-Ġnejna.  Din hi residenza, speċi ta’ villa fil-kampanja, iddekorata b’sett ta’ erba gardjoli, waħda f’kull kantuniera, u torri bis-salib fuqu fin-nofs. Dwar il-Kastell Żammitellu hemm leġġenda ta’ tfajla, Luċija, li kienet tgħix ma’ missierha f’din il-villa. Missier Luċija ried bilfors iżżewwiġha raġel Sqalli li kien tal-flus. Skont il-leġġenda, Luċija rrifjutat li tiżżewweġ lil dan is-sinjur, iżda missierha xorta waħda ra kif għamel u pprepara kollox għat-tieġ tagħha. Wasal il-jum tat-tieġ u Luċija ma niżlitx minn kamritha. Meta missierha tela’ jfittixha, il-kamra sabha vojta u t-tifla kienet għebet. Skont il-leġġenda, jingħad li wara xi sena minn dan il-fatt, jum fost l-oħrajn, Luċija dehret b’mod mistiku fil-knisja parrokkjali tal-Imġarr. Dan seħħ billi fuq l-altar feġġ dawl kbir, bħal kewkba tiddi, u f’nofsha kien hemm Luċija liebsa ta’ soru. Hi qalet lil dawk li rawha li dakinhar tat-tieġ, hi kienet ħarbet mid-dar u marret daħlet soru. Hi kienet marret tgħin il-midrubin fil-gwerer, x’imkien ’il bogħod minn Malta. Baqgħet tagħmel dan ix-xogħol sakemm darba ntlaqtet minn vleġġa li nifditilha qalbha u mietet.  Ara:  ‘Maltese Folk Tales – The Legend of Castel Zammitello’, ta’ Ġorġ Mallia, f’Heritage Malta, Vol. 2, pp. 639 – 640. 

ŻANKA   Wieħed li jkun jgħix ma’ waħda, biss, mhux miżżewġin. Bniedem ingarżat. M.A.V. (1796) ‘[…] Concubino, amasio. bardadassa. Uomo vile molto […]’.

ŻANNI   Il-karattru jew il-kostum u l-maskra tal-Karnival li jirraffigura lill-buffu. Il-kostum hu kkulurit bl-istrixxi u miegħu jiddendlu anki qniepen żgħar. A. de. S. jgħid li dan kien kostum li kien jintlibes fi żmienu u li kien jixbah lil dak tal-arlekkin. Etim. Tal. sannakk – arlekkin. J.A. : appellattiv li ġej mill-isem Taljan Gianni. Etim. Tal. maskra li kienet tintlibes fil-Karnival, fl-Italja u li tirrappreżenta l-karattru ta’ serv injorant, jew makakk. Minn zanni jidher li ħarġet il-kelma Ingliża zany, u l-frażi, zany comedy.

ŻANU      (D.) ‘[…] nome proprio di Baltassare […]’.

Zaqq

ŻAQQ    Wieħed mill-eqdem strumenti li kien jindaqq f’Malta tul is-sekli. Dan hu wieħed mill-ftit strumenti folkloristiċi li għadhom jindaqqu sal-lum, l-aktar fil-Milied. Dan l-istrument hu norm. magħmul mill-ġlud tal-kelb, tal-għoġol jew tal-mogħża. F’waħda mit-truf tas-saqajn jiddaħħal il-bedbut biex minnu d-daqqaq jonfoħ l-arja fiż-żaqq biex ikun jista’ joħroġ il-ħoss. Ara: A Guide to Maltese Folk Music ta’ Ruben Zahra, pp. 8-13; ‘The Maltese Bagpipe and Tambourine, 19th century Iconography’ Anna Borg Cardona, fi Treasures of Malta, Summer 1999, Vol 5, no 3, pp. 57 – 63. Kont Nismagħhem jgħidu…eċċ,. Paul P. Borg, pp. 318-319.  

ŻARBUNA    Dik il-ħadida ffurmata b’mod u manjiera li fil-wiċċ tagħha tkun tista’ tidħol żarbuna biex l-iskarpan isewwieha. Ing. shoe last.

ŻARDA   Parti mid-drapp li tinħall mill-bqija tal-ħjata. Dik il-parti tal-ħjata li tiżżarrad.

ŻARGUN    (pl. żraġen). Fergħa bħal tad-dielja. ŻARĠAN  v. jaqta’ u jiġbor iż-żraġen. (I)MŻARĠAN part. pass. li jirriferi għal siġar jew pjanti mimlija friegħi. Fig. dan il-verb jirriferi wkoll għal meta wieħed jagħmilha tal-kbir. Ġużè Galea fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli, juża dan il-verb hekk:  ‘[…] Is-suldati barranin dejjem jiżżarġnu u jidhrilhom li ħadd ma jista’ għalihom […]’. p. 7. Patri Wistin Born juża dan l-istess part. pass. b’mod fig. fir-rumanz Is-Salib tal-Fidda, hekk: ‘[…] Gerit marret wara bint it-tabib, b’idejha mirfudin fuq ġenbejha u wieqfa daqs serduk imżarġan […]’. P. 18. Aġġ. li jingħata lil xi ħadd prużuntuż jew arroganti.

ŻARMUĠ / ŻERMUĠ      (pl. żrameġ). Ferħ ta’ fenka. Fenek żgħir.  Sqal. Carmuciu.

ŻARŻIRA   Ħoss magħmul bix-xuftejn ippressati mas-swaba, l-aktar fil-parti bejn il-BEHEM u s-saba’ l-kbir. Dan il-ħoss ġieli jsir biex dak li jkun iwaqqa’ għaż-żufjett lil ħaddieħor. Il-ħoss li joħroġ minn bejn ix-xuftejn meta wieħed jippressahom waqt li bejniethom ikun hemm biċċa plastik ħafifa. Ħoss ta’ meta l-arja ppressata toħroġ bil-mod il-mod minn bużżieqa. Bassa b’ħoss irqieq. Fig. Kelma ħażina. Sorsi: J.A. u E.S.I.

ŻBALLOTTAR    Votazzjoni li ssir b’mod li xi ħadd jitħalla barra milli jkun elett. Ċaħda b’mod ta’ votazzjoni, kultant sigrieta, biex persuna ma titħalliex tidħol jew tibqa’ membru ta’ għaqda. Eż. ngħidu, ‘żballottawh milli jerġa’ jidħol membru fl-għaqda’. Ing. To blackball. Sors: J.A. E.S.I. jagħtiha bħala SBALLOTTAR.

zbandolaccc - Copy

ŻBANDOLA / SBANDOLA   Arma antika u sempliċi, magħmula minn biċċa ċarruta jew ġilda li tkun imdendla ma’ spaga rqieqa. Fiċ-ċarruta titqiegħed ċagħka jew żrara biex tiddwaddab lejn il-bersall. Biex iż-żrara ttir ‘il bogħod jeħtieġ li min jużaha jvenven l-iżbandola sew. Ara: WADAB.  Sqal. sbannaola jew sbandola.

zbibins

ŻBIBA    (pl. kollettiv,  żbib)  Għenba mqadda. Sultana li tkun bla żerriegħa. Iż-żbib jinxef u jitqadded fix-xemx. Qawl: i.)  ‘Fl-aħħar tal-mazzita ssib iż-żbiba’ – It-tifsira ta’ dan il-qawl illum saret tingħad minn ħafna f’sens negattiv, bħallikieku ż-żbiba hi xi ħaġa morra, qarsa jew ħażina. Għall-kuntrarju, iż-żbiba hi frotta ħelwa, u għaldaqstant it-tifsira għandha tirrifletti li ż-żbiba tħalli togħma bnina. Xi darba, dan il-qawl kien jingħad b’mod fattwali – imbagħad imbidel biex jingħad b’mod ironiku. Qawl: ii.) ‘Aħjar żbiba milli għenba’ – jingħad meta wieħed jiżżewweġ mara ta’ ċerta età – dan għaliex din jista’ jkollha t-tikmix (bħaż-żbib), biss, l-età tagħtiha tagħtiha wkoll il-maturità u l-esperjenza li jagħmilha kapaċi tikkuntenta r-raġel. Sqal. ‘[…] zibbibbu: tipo di uva a grossi chicchi (da zabīb, “uva passita”) da cui deriva il vino […]’. Għ. żibibba. Sors etim: J.A.  Ara:  SULTANA u PASSOLINA.

ŻBIRR    Ara: SBIRR.

ŻBRIGA   1. Magna li fiha tkun impastata l-għaġina. 2. Injama li biha l-għaġġien jgħaffeġ u jiċċattja t-taħlita li jkun qed jipprepara. Sors: V.B. (1900) u J.A.

ŻEBBIEL   1. Bniedem li jiġbor id-demel mill-istalel u jitfgħu fl-għelieqi bħala fertilizant. 2. Bniedem li jiġbor iż-żibel. F. Vella (1843) jagħtiha bit-Tal. spazzaturaio u, Ing. dustman.

abaku żebbiġija

ŻEBBIEĠA  / ŻEBBIĠIJA   Oġġett magħruf ukoll bħala abaku jew abakus. Dan hu speċi ta’ frejm tal-injam li jżomm fih numru ta’ firdiferru rqiq li fih jiddammu ż-żibeġ. B’dawn iż-żibeġ wieħed ikun jista’ jgħodd u jimmultiplika, inaqqas jew jiddividi n-numri. Sa daqs ħamsin sena ilu, it-tfal kienu jitgħallmu jagħmlu l-kalkoli tas-somom b’dan l-istrument. Dan il-mod ta’ għadd x’aktarx beda fil-Mesopotamja daqs elfejn sena q.K., u wara nfirex mal-Orjent kollu fejn għadu jintuża sal-lum. Illum fil-kultura tal-Punent, iż-żebbieġa ma għadhiex tintuża ħlief bħala logħob ta’ tagħlim ħafif għat-tfal iż-żgħar.

ŻEBBIEGĦ    Artiġjan li xogħlu kien li jiżbogħ il-ħajt tat-tajjar – qabel ma dan jinħadem fuq in-NEWL. Sal-ewwel deċennji tas-seklu għoxrin kien hemm min dawn l-artiġjana li jduru l-irħula bil-karettun u joffru s-servizz tagħhom, biex minn kellu l-ħjut tal-qoton maħdum u lest jagħtuhlu biex jiżbgħu. Sors: G. Lanfranco 2017.

zebbugxxxx

ŻEBBUĠ    Is. xj. Olea europea. Is-siġra taż-żebbuġ hi fost l-eqdem siġar li jeżistu f’Malta. Fid-dinja Għarbija iż-żebbuġ hu magħruf l-aktar bħala żejtun. Jidher illi l-kelma żebbuġ/a ħadniha minn djalett Għ. tal-Alġerija fejn tintuża l-kelma żanbuġ għal żebbuġ selvaġġ. Minn din il-kelma toħroġ oħra: żibġa. Il-frotta taż-żebbuġ tintuża biex minnha jittieħed iż-żejt tal-ikel kif ukoll biex isir pejst minnha. Jinħtieġu mill-inqas tliet kilogrammi ta’ żebbuġ biex jintgħasar litru żejt. Biss din il-kwantità tvarja ħafna skont il-kwalità taż-żejt li jkun prodott. Iz-zokk tas-siġra taż-żebbuġ jintuża għal diversi oġetti. Minħabba li z-zokk taż-żebbuġ hu b’saħħtu, fl-antik il-moħriet kien jinħadem minnu. L-injam tas-siġra jintuża wkoll biex jinħadem xogħol fl-iskultura. Il-boċċi tondi jew ċilindriċi tal-logħba tal-boċċi tant popolari f’Malta huma magħmulin miz-zokk ta’ din is-siġra. L-istudjużi għażlu din is-siġra biex jagħtu definizzjoni għall-ambjent ġeografiku u klimatiku, fejn jibda u jispiċċa l-Mediterran. F’Malta u f’Għawdex hawn diversi rħula li jindikaw li din is-siġra kienet tikber f’dawk l-inħawi. F’Malta, għalkemm il-produzzjoni ma għadhiex dik li kienet fi żminijiet antiki, reġa hawn interess minn bosta individwi li jkabbru din is-siġra biex minnha jipproduċu ż-żejt tal-ikel tal-aqwa kwalità.

ŻEBDA      (D.) ‘[…] Butiro che si cava dal latte delle pecore e capre […]’.  ŻIBDA, cream (F.V. 1831).

ŻEGĦDA     Kwantità kbira ta’ oġġetti, nies, jew annimali. Ngħidu, ‘sibt żegħda nemel / dud fuq l-ikel’. Ngħidu wkoll, ‘kien hemm żegħda nies tiġri biex taħrab mill-periklu’. Fil-ktieb, Meta Faqqgħet il-Gwerra, Francis Ebejer jgħid hekk: ‘[…] nisa u tfal jaraw żegħda kbira ma taqta’ xejn ta’ Stuka […]’  [ajruplan tal-gwerra Ġermaniż]. (p. 102).

ŻELLUMA   Ħajta b’barma fiha jew inkella li tkun milwija ħażin. Għoqda fil-ħjata. Dik il-parti tax-xibka li titgħaqqad fiha nfisha wara li tinħall il-ħuta li tkun inqabdet. Ngħidu, ‘Il-ħajt kollu żlielem.’ Fig. żball żgħir. Azzjoni li mhux xierqa.

ŻEMBIL    (D.) ‘[…] Vaso o sacco da ricevere le immondizie per trasportarle da uno all’altro luogo, sporta, cestone […]. ŻEMBILA Barżakka li fiha l-bidwi kien iġorr l-ikel meta jmur jaħdem fl-għelieqi. Qawl: Min jurilek żembilu, għabbilu. – jiġ., min jagħtik il-wiċċ, aħtaf l-okkażjoni u approfitta ruħek minnu. M.A.V. (1828). Idj. Mur raqqa’ ż-żmiebel. Sors: Kif Ngħiduha (1975) ta’ Ġ. & A. Muscat Azzopardi. G.B.F. (1845) jgħid: ‘[…] a large basket made of broom carried by beasts of burden for the purpose of loading it […]’.

zem zem

ŻEMŻEM    Ngħidu, ‘Dak ilu minn żmien żemżem tafx’. Din il-frażi hi assoċjata ma’ xi ħaġa li għadda ħafna żmien minn fuqha. Fid-dinja Musulmana, żamżam hu l-bir sagru li hemm f’Mekka, li l-Musulmani jemmnu li kien sabu Abram, b’intervent divin t’Alla, hu u jfittex l-ilma. Jista’ jkun għalhekk li meta wieħed jgħid li ‘dik il-ħaġa ġejja minn żmien żemżem’ qed ifisser li ġejja minn żmien l-Għarab, jiġifieri bejn is-seklu disgħa u s-seklu tlettax. Jista’ jkun ukoll li Żemżem kien isem ta’ xi ħadd, għaliex insibu postijiet b’dan l-isem, eż. Għar Żimżem u Ta’ Żemżem, fin-naħa ta’ bejn Ħal Qormi u Ħ’Attard. Sors: Place-names of the Maltese Islands, ca. 1300 – 1800, ta’ G. Wettinger.

ŻENA / ŻINA   L-att tas-sess barra ż-żwieġ. L-istat ta’ meta koppja tgħix flimkien barra taż-żwieġ. Fornikazzjoni. L-att kontra s-sitt Kmandament li jgħid: Is-sitta la tiżnittx.  ŻIENI   Bniedem moħħu ffissat fl-atti taż-żina. Qawl: Il-fqir supperv, il-għani xħieħ, ix-xiħ żieni, ħwejjeġ ħżiena. Qawl: Il-ĦELL u ż-żena jinkixef għeluq is-sena.  ŻENA BIL-MAQLUB  Sodomija. Sors: E.S.I. u Damma.

ŻENBAQ    Ara  ĠILJU.

ŻEND/A      Ara:  ŻNIED.

ŻENNEJ        Bħal ŻIENI. (D)  Libidinoso. Ara:   ŻENA/ŻINA.  F. Vella (1943): ŻENNEJJA Tal. adultera.

ŻENQA   1. Sqaq fl-għelieqi li jista’ jkun iserrep u li jgħaqqad triq wiesgħa ma’ oħra. Sors: E.S.I. 2. Niżla. Temi Zammit jgħidilna li fi żmienu kien hemm niżla qrib il-Ġnien ta’ Hastings li kienet magħrufa bħala ‘ż-Żenqa’. Hu jgħid ukoll illi fil-Marokk kull triq tissejjaħ ‘żenqa’ għaliex hemmhekk dan l-appel. hu isem ieħor għal ‘triq’. Sors: ‘Il-Belt Valletta – Tifkiriet tal-Imgħoddi’, Temi Zammit, Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 16. (D.)  ‘[…] Żanqa, via, strada curva, dalla qual si passa a qualche casamento […]’. V.B. (1900) jagħtiha sempliċiment bħala, sqaq. M.A.V. (1796) jgħidilha, fossa.

ŻENŻIFRU TAR-RIĦ     (D.) ‘[…] Vento tempestuoso, provenzata […]’.

ŻENŻLA      (D.)  ‘[…] Saetta, ciocciola, folgore […]’.  Ara: ŻILŻA.

ŻEPPOLI     Ara: SFINĠA.

ŻERDA     Fi żmien il-Medjuevu, din kienet ikla li tingħata lin-nies foqra, ġen. bħala parti minn ċelebrazzjoni ta’ xi festa reliġjuża. Ġieli ż-żerda kienet tkun imħollija f’xi legat fejn il-werrieta jkunu marbuta b’testment li jagħmluha fi knisja partikulari. Din l-ikla kienet tissejjaħ ukoll ‘il-quċċija’. Illum il-kelma quċċija tfisser ħaġa oħra.  Ara: QUĊĊIJA.

ŻERNIEQ      Tbexbix tal-ġurnata, sbieħ il-jum.

ŻERRIEKI      Dak li jħobb jittanta u jwaqqa’ lill-ħaddieħor għall-atti sesswali.

ŻEWĠ     1. Xibka li tinqasam f’żewġ partijiet. 2. Żewġ snanar fuq xlief wieħed. 3  Żewġ jew fart.  4  Ngħidu, ‘iż-żiemel ta biż-żewġ’ – jiġ., ta daqqa biż-żewġ saqajn ta’ wara.

ŻEWĠ JEW FARD   Logħba li tintlagħab bis-swaba’, bħal-logħba tal-MORRA. Il-lagħba jikxfu s-swaba’ mill-ponn f’daqqa, it-tnejn li huma, u jgħajtu jew ‘żewġ’ jew inkella ‘fard’. Jekk is-swaba’ li jkunu ħarġu jkollhom total li jkun żewġ – jiġifieri li n-numru tista’ tiddividih fi tnejn, mela jirbaħ dak li jgħajjat ‘żewġ’. Jekk is-swaba’ li jinfetħu ma tistax tiddividihom bl-eżatt fi tnejn, allura jirbaħ dak li jgħajjat ‘fard’. Jista’ jkun li jirbħu jew jitilfu t-tnejn li huma jekk ħadd minnhom ma jaqta’.

ŻGOXX    1. Għodda  bħal skalpell bix-xafra fit-tond li biha l-artiġġjana jħaffru linji mqabbża ’l barra meta jaħdmu bordura dekorazziva fl-injam jew fil-ġebel. Sors: E.S.I. 2. Fl-arkitettura, dan hu l-qtugħ ornamentali, bħal bordura b’linja mqabbża nofs tond jew kwadra fil-faċċata. Ġanni Buhagiar (Mqabba). J.A. Ing. A scalloping, a drip mould. ŻGUXXATURA  Tħaffir magħmul b’dan il-mod. Ing. scotia.

zgoxx zguxxatura

ŻIB   Taħlita tfuħ ta’ ħwawar, fosthom il-kemmun u l-kannella. Din it-taħlita kienet tinżamm merfugħa, biss meta tiġi biex tintuża u kienu jżidulha l-għasel. Din it-taħlita kienet tingħata lit-tfajla li tkun se tiltaqa’ mal-għarus għall-ewwel darba. Din kienet iżżomm dawn il-ħwawar f’ħalqha għal bosta sigħat, biex fommha jkun ifuħ, u b’hekk tħalli impressjoni tajba. M.A.V (1796) jgħid li din it-tradizzjoni kienet tinżamm bħala turija li t-tfajla tifhem u taċċetta li l-ħajja fiż-żwieġ hi kemm ħelwa kif ukoll mimlija mrar. Ara: ‘Cibi Antichi Maltesi’, Ġ. Cassar Pullicino, Melita Historica, 1961. Sorsi: E.S.I., J.A. u M.A.V. (1796) Tal. zibetto.

żibeġ tal kikku

ŻIBEĠ     Bħal boċċi żgħar ħafna, ġieli minfuda bit-toqob li jistgħu jiddammu biex tagħmel ħannieqa minnhom. L-istess tip ta’ żibeġ kienu jilgħabu bihom it-tfal billi jizzikkawhom bil-behem jew is-subgħa l-werrej  u jimmirawhom lejn toqba żgħira fl-art. M.A.V. jgħid, pasta fatta a globetti.   ŻIBEĠ TAL-KUKKU   1. Żrieragħ tondi li tagħmel is-siġra tal-palm. Is. xj. Canna indica.  2. Żibeġ tondi tal-ħġieġ li meta jinħadmu jkunu diġà mtaqqbin min-nofs biex jindammu f’kullana jew jinħietu bil-ġanċ max-xifer tad-drapp ħafif (doillie), li jgħatti xi buqar. Dan it-tip ta’ żibeġ kien jintuża mit-tfal bħala logħob. 

ŻIEMEL     1. Apparti mit-tifsira l-aktar komjuni u normali tiegħu, dan in-nom jintuża wkoll bħala għemil / verb meta ngħidu, ‘jiżżiemel’. Insibu dan il-verb fl-istorja, ‘Leli u sieħbu s-Sur Kelin’, ta’ Ġużè Ellul Mercer, ‘[…Leli] ikun jonqsu sagħtejn oħra jiżżiemel ma’ sħabu qabel ma jidħol il-knisja […].’ Sors: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin, p. 23. 2. il-kabina tax-xufier tat-trakk li jiġbed warajh it-trailer tat-tagħbija. 3. L-istruttura, bosta drabi magħmula minn vireg, plastik jew ħadid li fuqha jitqiegħdu l-ħwejjeġ biex jinxfu. Jużawha l-aktar ġewwa jew fil-bitħa, dawk li ma għandhomx bejt.

ziemel tal-qasba copy

ŻIEMEL TAL-QASBA    Qasba jew simili li tintuża mit-tfal billi jżommuha bejn saqajhom biex jilgħabu tar-rikkieba. Dawn iżommu naħa minnhom ‘il fuq u n-naħa tat-tarf l-ieħor jkaxkar mal-art. Ing. hobbyhorse.

ŻIENI    Ara: ŻENA.

ŻIFT   1. Għelk li joħroġ mis-siġra taż-żnuber. Dan meta jissajjar isir kulur sewdieni. 2. Kelma oħra għal-likwidu li jixbah il-qatran. Din il-kelma ġieli tingħad b’mod ewfemistiku għal kelma oħra vulgari. Hemm qawl li jgħid hekk: Il-qorti għatba taż-żift, tmidd sieqek fuqha u teħel. 

ŻIGG  / ŻIKK     1. Esklamazzjoni,  eż., ngħidu, ‘x’iż-żigg int tagħmel!’ 2. Xi ħaġa insinifikanti; jew, ‘X’jaħseb li hu ? …  qisu żigg!’  Il-kelma prob. ġejja minn żigużajg, biss tingħad aktar bħala ewf. flok kelma oħra vulgari. ŻIK (D.) xejn. ŻIK GĦALIK    Xejn tajjeb għalik.

ŻIGROMBLU / ŻUGROMBLU   1. Tip ta’ tajra tal-karti. 2. Tip ta’ żugraga. 3. Isem ta’ logħba tat-tfal. 4. Boċċa tal-logħob magħrufa wkoll bħala l-bubun. Ngħidu, ‘Qisu żigromblu’ – tingħad għal xi raġel jew tifel oħxon. Oriġ.  zig + romblu.  5. Il-fosdqa taż-żerriegħa tal-kappar. Ara: ŻUGRUMBU.

ŻIGU ŻIGU    M.A.V.  (1796) ‘[…] Musica a varie sorte. Concerto […]’.

ŻIGUMAT    Ħadid mgħawweġ forma ta’ banju fix-xogħol ta’ travu tal-konkos. Sors orali: Ġanni Buhagiar (Mqabba).

ŻILŻA     Sajjetta.  Ara:  ŻENŻLA.

ŻIMARRA    Libsa twila li tintlibes mill-qassisin jew mit-tfal fil-Ġimgħa l-Kbira (jew fil-festa ta’ Corpus jew tal-Qalb ta’ Ġesù).

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

ŻIMLUNAZZA    (D.)  ‘[…] Donna più di una libertina […]’.

ŻINA   Dekorazzjoni. Ħaġa li jsebbaħ, biss, mhux bżonjuża. Kelma li tingħad fl-espr., ħaġar taż-żina. ŻINA TAL-WIĊĊ   Ħofra fil-ħadd li tifforma meta wieħed jitbissem. L-istess kelma tista’ tfisser ħaġa oħra bħal fil-kelma: ŻENA.

ŻINDA       (pl. ta’ ŻNIED)  (G.B.F. (1845).

ŻINĠLA     Kontenitur tal-fuħħar jew tar-ram ta’ ċertu kobor, pjuttost ċatt, li jintuża biex l-ikel ikun ippreparat fih.  Bħal bieqja kbira. Tal. zangola.

ŻINĠAR / ŻINĠOR   Il-metall jew ġild li jiħdar meta jkun ossidat. Kelma oħra għal ‘virdirram’. Rif. għall-frott meta jkun għadu żgħir jew aħdar. Fig. bniedem li għadu żinġar hu wieħed li għadu ma jafx il-ħażen tad-dinja. Ara: VIRDIRRAM.

ŻINGU    Ing. zinc. Dari kien hawn bosta prodotti tad-dar magħmulin mill-metall li jkollu kisja taż-żingu, metall griż. Fost dawn kien hawn bramel jew banjijiet taż-żingu li fihom kienu jinħaslu l-ħwejjeġ, jekk mhux ukoll jingħataw fihom banju t-trabi. Kienu popolari immens għax prodotti bħal dawn ma’ kienux jissaddu malajr meta jintmessu mal-ilma u għalhekk barra li kienu jservu aktar kienu jagħtu sens aktar ta’ indafa. E.S.I. isemmi, ingwent jew trab taż-żingu.

zingu

ŻINŻIFRU    Riħ li jinħass dieħel minn barra għal ġewwa, kultant minn bejn ix-xquq ta’ xi tieqa jew bieb. Kurrent kiesaħ tar-riħ li jdejjaq lil dak li jkun. A. de S. u M.A.V. jagħtu tifsira oħra u t-tnejn jaqblu li dan hu dak ir-riħ mill-Majjistral li jxoqq il-għadam. Sqal. zenzifaru. Sors: E.S.I.

ŻINŻILL / ŻUNŻILL     Żagħżugħ fitt, kemm kif jilbes u kemm fl-apparenza tiegħu. Xi ħadd żagħżugħ u bla esperjenza. Ngħidu, ‘Għamlu żunżill tiegħu’ – użah bħala servjent. Ngħidu wkoll, ‘Donnu żunżill’  – rif. għal xi ħadd li għadu żgħir u fuq ruħu. Sq. zinzillu. Sors:   J.A.  Temi Żammit fir-rakkont tiegħu, ‘Ċensa u ċ-Ċine’ jgħid hekk: ‘[…] ma’ ġenb it-tfajla, kien hemm żinżill ta’ tifel […]’.

Zinzell2

ŻINŻLA    (pl. kollett. żinżel, pl. żnieżel). 1. Frotta tixbah in-naspla. Is. xj. Ziziphus jujube. Oriġ. frotta li titkabbar fl-Asja u fil-Lvant Nofsani. Hemm mal-400 kwalità ta’ din is-siġra, fosthom iż-Ziziphus spina-christi li tikber fil-Jemen. Is-siġra hi konnessa fil-folklor mal-Passjoni ta’ Kristu, għaliex hawn min jgħid li l-kuruna tax-xewk ta’ Kristu kienet magħmula mill-friegħi ta’ din is-siġra. Sqal. nzinzula. (Ing. jujube). 2. Tregħida tal-art, terremot. 3. Sajjetta jew ragħda kbira. E.S.I. 4. M.A.V. (1796) ‘[…] Piccolo catino, concolino, mastello […]’. X’aktarx li M.A.V. qiegħed jirriferi għal żinġla. 3. Sajjetta (M.A.V.)

ŻIR     Bomblu kbir jew ġarra ġejja għall-ponta, li għandha żewġ widnejn żgħar;  tintuża biex minnha jitferra’ l-ilma.

ŻIRKA      Seduzzjoni b’mod sesswali tal-mara lir-raġel. Mossa jew sinjal magħmula mill-mara apposta biex tħajjar ir-raġel jagħmel magħha. v. ŻIREK ittanta(t). MIŻRUK, bniedem fi stat ta’ ferħ. Fil-ħrafa ‘Id-Dinja ta’ Taħt’, li P. Manwel Magri ġabar minn fomm in-nies, insibu hekk: ‘[…] huma miżrukin bil-ferħ irħewla għal għand ħtinhem […]’.  Etim. Ġħ. żaraka, iġġiegħel jew tħajjar.

ŻIRMA   1. Ċesta fil-qurriegħa, fil-wiċċ jew fl-għonq, ħafna drabi magħmula minn materja li tipproduċi speċi ta’ tumbata ratba taħt il-ġilda.  2. Ġewża tal-gerżuma.

ŻIŻI    Kliem li jingħad lit-tfal meta biex jikkarezzahom. Espr. ‘Ejja ħa nagħmillek żiżi’ tingħad meta xi tifel iweġġa’ u jkollu xi ferita ħafifa u dak li jkun joffri li jorokhilu. Orig. Għ. għażiżi.

ŻLOTA    Ara: ŻOTA.

ŻMAJMOĊĊ     Tifel imqareb; bniedem b’temperament instabbli u li taqbiżlu malajr. Tal. smammuccio.

ŻMARR 1. It-truf mhux raffinati ta’ ġebla li tkun inqatgħet mill-barriera. ŻMARRATUR  Raġel tas-sengħa li jaħdem fil-barriera li xogħlu hu dak li jirfina l-ġebla li tkun għadha kemm inqatgħet. Sqal. smarrari di grossare coll’ascia.  Sorsi oħra: E.S.I. u J.A. ŻMARR/AT   2. Fig. Appel. għal xi ħadd li jkun ta’ manjieri goffi u li ma jafx iġib ruħu sew man-nies. G.B.F. jgħid l-istess u jżid: Ing. a rough, clownish rustic manŻMARĠASSAT / SMARĠASSAT.  Fir-rumanz, Mattew Kallus, Ġużè Muscat Azzopardi jgħid hekk: ‘[] dawn l-iżmarġissi ta’ Kavallieri […]’ (D.) Impolito, rozzo, ruvido, incolto. It-truf taċ-ċangaturi li jkunu għadhom mhux maħduma sew mill-imgħallem. SMARĠASS  Skont V. B. (1900) din tfisser, wieħed li jiftaħar b’rixu … Ing.  boaster.

ŻMIĊĊALAMPI  Dak li xogħlu kien li jieħu ħsieb inaddaf il-ftila tal-lampi mill-ĦARKUSA (il-parti maħruqa tal-ftila magħrufa wkoll bħala, MUSMAR). Qawl: li kien jinbiegħ il-ħarkus l-ismiċċalampi jagħmel il-flus.

ŻMIZZAT / SMEZZAT  Kelma li kienet tintuża fil-frażi ‘tavla tal-iżmizzar’. Injam ta’ kwalità inferjuri li kien impurtat minn Venezja jew Trieste. Tal. v. smezzare. M. qasam fi tnejn. Tal. smezzare. Sors: J.A.

ŻMONTOR     Ara: SMONTOR.

znied

ŻNIED   Il-plural ta’ żend jew żenda. 1. Ħaġra iebsa, griża, kannella jew safranija li taqta’ u li lokalment tinsab ‘l hawn u ‘l hinn fil-blat. Din hi magħmula minn ġibs u frak tal-kristall. Fi żmien il-preistorja ħafna minn dan il-blat kien impurtat f’Malta minn Sqallija biex minnu jinħadmu skieken jew ponot tal-vleġeġ u oġġetti oħra li jaqtgħu. Instabu biċċiet taż-żnied f’bosta siti preistoriċi, pereż., fis-saff Neolitiku ta’ Għar Dalam kif ukoll f’Ħal Tarxien, fejn dawn intużaw bħala għodda biex bihom jinqatlu l-bhejjem. 2. Biċċtejn laqx tal-injam jew ċagħak li kienu jitħakku ma’ xulxin biex jitqabbad in-nar. Biex jitqabbad it-tabakk tal-pipa wieħed kien iħakkek iż-żnied u l-ħaġra, biex mix-xrar li joħroġ tinxtegħel il-LIXKA u biha t-tabakk jieħu n-nar. Espr. ‘daqq iż-żnied’ – jiġ., ħabbat iż-żnied ma’ xulxin. 3. Il-farka taż-żnied li titqiegħed mar-rota tal-lighter biex din tinxtegħel. 4. Espr. ‘qalagħha minn żniedu’ – jiġ., ivvinta xi qlajja’. Foris din hi analoġija, ta’ meta wieħed iqabbad in-nar biex isaħħan – f’dan il-każ il-qiegħa – metaforikament. Qawl: Min jaf idoqq iż-żnied ma jiswiex għaż-żwieġ – jiġ., iż-żwieġ mhux tajjeb għal min iħobb jgħix b’mod trankwil u ma jagħmel xejn ħlief fig. ipejjep xi sigarett. Ing. flint jew chert; Taljan selce.

ŻNIEŻEL   (pl. ta’ żinżla) . Tregħida tal-art. terremot. (D.) Terremot. Ara: ŻINŻLA.

znuber902

ŻNUBER / SNUBER   Siġra konifera tal-aleppo bil-weraq qishom labar. Is. xj. Pinus halepensis. Tagħmel prinjol (DEBBUS) kemm maskili kif ukoll femminili. Ing. Aleppo Pine. Din is-siġra għalkemm indiġena għall-Malta kienet kważi meqruda għal kollox matul is-sekli li għaddew. Biss, reġgħet kienet impurtata fis-seklu għoxrin u llum tħaddar fi kwantitajiet kbar bosta ġonna pubbliċi kif ukoll fit-toroq. Ir-reżina li toħroġ miz-zkuk ta’ din is-siġra kellha użu mediċinali għax kienet tinġabar biex tinxtamm mill-pazjent biex ittaffi l-katarru. L-istess reżina kienet isservi wkoll bħala stimulant. Iz-zokk ta’ din is-siġra jinħadem minn ħafna manifatturi tal-injam. Għ. sanawbar. 

znuber xx
Id-debbus taż-żnuber

ŻOFŻFA  Pjanta magħrufa wkoll bħala għads il-ħamiem. Tikber komunament fil-Mediterrran. Is. xj. Vicia ervilia. Ing. Ing. bitter vetch jew ervil. Il-pjanta u ż-żerriegħa li tagħmel jingħataw bħala għalf lil bhejjem. Fi żmien il-faqar, kien hawn min Iż-żerriegħa jgħalliha biex ineħħilha t-toma morra biex jikolha.   

ŻOKMA / ŻOQMA    Bili, katarru. Bżieq li jittella’ mill-grieżem meta bniedem ikun qed ibati minn riħ f’sidru. Kienuu jgħidu, ‘għandi ż-żokma’; sal-lum għadek tisma’ lil min jgħid, ‘Illum inħossni mżikkem’, jiġ., min jgħid hekk qiegħed ibati minn riħ qawwi, maħnuq bis-sogħla u mhux iħossu tajjeb. ‘Qata’ ż-żokma’ – Beżaq b’saħħa. (Damma).

zonqor u franka 211117_122051
Ġebel taż-żonqor fuq il-lemin (fuq ix-xellug, tal-franka)

ŻONQOR    Blat iebes tas-saff kemm tal-wiċċ kif ukoll ta’ isfel. Dawn iż-żewġ saffi huma magħmula minn fossili li ddepożitaw ruħhom miljuni tas-snin ilu meta l-art kienet għadha sediment, jiġ., tajn u materjal ieħor, taħt il-baħar. In-nies li jaħdmu fil-barrieri jsibu dawn iż-żewġ saffi taż-żonqor b’ismijiet differenti: Hemm iż-Żonqor ta’ Fuq, li jissejjaħ ukoll Samm, u ż-Żonqor ta’ Taħt. Ngħidu, ‘rasu iebsa daqs iż-żonqor’.

ŻORBA    1. Logħba tat-tfal li tintlagħab bil-boċċi jew bil-lewż, imsejħa wkoll ‘il-FATT. Iż-żorba hi dak l-ispazju li hu maqtugħ għalih forma ta’ ċirku mpinġi bil-ġibs fl-art. It-tfal jilagħbu ż-żorba billi jgaraw il-boċċa tagħhom lejn boċċi oħrajn fiċ-ċirku biex itajruhom ‘il barra. Biss, jekk il-boċċa li jgaraw tieqaf fiċ-ċirku dak li jgara l-boċċa jitlef il-logħba. Ir-regola tat-tfal f’din il-logħba kienet ‘Żorba u line mejjet.’ Etim. Għ. żaraba – M. post magħluq għan-nagħaġ, eċċ.  2. Is. xj. Pirus sorbux.  Siġra u l-frott tagħha li tinstab rarament fil-widien. (D.) sorbo, nespolo. 3. Inbid tas-sikran. 4. Idj: i.) ‘Waqa’ żorba’ – imtedd għal mejjet bl-għajja. Idj: ii.) Sar żorba – siker waħda sew. Idj: iii.) ‘Fatta la żorba’ – jiġ., li kellu jsir issa sar.  Sors: ESI u J.A.

ŻOTA  / ŻLOTA     Kelma li tingħad mal-kelma ‘Ruħ’. ‘Ruħ żota’ tirriferi għal persuna li ma jridha ħadd miegħu. Persuna rożża. Espr. ‘Ħallieni bħal ruħ żota’. ŻOTKU  Persuna ta’ natural vulgari, żorr u rozz. Etim. Tal. isolata. Sors Etim: J.A.

ŻRAFA     1.  Ġiraffa.  2. Kunjom Malti – Zerafa. Għ. żarafa, taqbeż.

ŻUBBABA    Ara:  RABBABA.

Zubrun Grand Harbour 026.jpg

ŻUBRUN / SUFRUN   1. Tip ta’ baga li turi d-direzzjoni, jew il-limitu ta’ kemm il-bastimenti għandhom iżommu ‘il bogħod minn xi periklu li ma jidhirx fil-baħar. 2. Sufrun marbut max-xlief li jindika meta l-ħut ikun qed imiss mas-sunnara waqt li dan jittanta jiekol mil-lixka.

zugraga1

ŻUGRAGA   (pl. żgagar) Ġugarell tat-tfal li jiddawwar b’ċerta saħħa bl-idejn u wara ftit jintelaq fl-art biex dan jibqa’ jdur waħdu għal xi ħin qabel ma jieqaf.  Iż-żugraga kienet tieħu diversi kobor u ismijiet, fosthom il-PIZZIKAJJU jew MERGUN. Idj: ‘idawruh żugraga’ – rif. għal xi ħadd li n-nies jagħmlu bih li jridu. ‘Spiċċa qisu żugraga’ – rif. għal xi ħadd li daħal f’ħafna inkwiet.

ŻUGRUMBU      M.A.V. (1796) Bozzette del fiore e frutto appena nato. Ara: ŻIGROMBLU.

ZUKKETTA     Ara: KALLOTTRA.

zummarax

ŻUMMARA     Strument bħal fifra magħmul minn qasba u li jkollu mal-ħames imriefes (toqob) li d-daqqaq jagħlaq jew jiftaħ bis-swaba’, biex meta jonfoħ fiha joħorġu noti għoljin jew baxxi kif jixtieq. Iż-żummara tista’ tkun magħmula minn qasab ta’ pjanti differenti iżda l-aktar mill-qasab tal-widien. Iż-żummara hawn min isejħilha wkoll BEDBUT

ŻUNŻINJAR    1 Mogħdija taż-żmien; bambuċċjar. 2. Tixwix. v. iżżunżinja. Fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli (1937) l-awtur Ġużè Galea jgħid hekk:  ‘[..]. sakemm waslu sefsfulhom, iżżunżinjawhom u mlewhom kemm felħu kontra l-ġenerali tagħhom […]’.  P. 109.

ŻURBETT   Tingħad fl-espressjoni, ‘qisu ħmar taż-żurbett’. Żurbett hi d-diminutiv ta’ żorba. Għandu mnejn żurbett kien il-laqam ta’ xi persuna magħrufa, li kellu ħmar. Konna ngħidu xi ħaġa simili fin-naħa tal-Cottonera, ‘qiesek il-ħmar tas-Sonu’. Dan kien il-ħmar ta’ wieħed li kien jismu hekk, li kien magħruf sew għax kien ibigħ l-imqaret fil-festi.

ŻUTA   Skont Albert W. Agius, dan hu isem ta’ xi ħadd aktarx Musulman jew Tork li skont il-leġġenda kien jispjuna fuq il-Maltin. Espr. RUĦ ŻUTA – rif. għal dik il-persuna li dejjem waħidha għax kulħadd jibża’ jagħmilha magħha. Sors: Qwiel u Idjomi Maltin, p. 141. Ta’ Żuta – isem ta’ wied qrib is-Siġġiewi. Bl-Għarbi ‘żuta’ tirriferi għal xi ħadd li għandu għajn minnhom idjeq mill-oħra. Ara: ŻOTA.

ŻUTT    Din il-kelma ma għandha l-ebda tifsira. Biss tintuża norm. biex twaqqa’ għaċ-ċajt lil xi ħadd. Ġieli ma’ din il-kelma, dak li jgħidha juri l-qrun bis-swaba’ biex ikompli jinki. Eż. Xi ħadd jgħid: ‘Isma’ Pawl…’, meta dan iħares, l-ieħor biex jittantah u jwaqqa’ l-mument għaċ-ċajt,  jgħidlu ‘Żutt !’ u ċ-ċajta tieqaf hemm.

                                Żutt ! 
                               Il-laħam m’hux perżut
                                Perżut u mortadella
                               Għandek wiċċ ta’ pulċinella

 

*          *       *

Ara aktar:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Ix-xogħol ta’ din il-website hu bbażat fuq l-informazzjoni ta’ dawn it-tliet kotba.

Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid 

Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja
Aa ARA X'INT TGHID
A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Paġni 256                                  Paġni 256                                   Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95              Prezz Ewro 14.95           Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
*         M.A.V.  Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828)
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli …  mohba2016@gmail.com