k

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
KABALLETTA * KABOZZA * KAĊAWRU * KAĊIĊU / KEĊIĊU * KADENZA * KAFENA / KAFIENA * KAFFARI *KAFFIS * KAFKAF * KAFTAN * KAGAZZA (ara: GAGAZZA) * KAGĦBUR/A * KAGĦWARA / QAWWARA * KAĦWA * KAJJIKK * KAJMAN * KAKKMU * KAKOTINA / KOKKODINA * KALANDRA * KALANKA * KALAR / KALATA * KALĊ * KALDARAN * KALEPIN * KALESS * KALIMAGNUM (ara: ĦAXIXA TAL-IRMIED) * KALKARA * KALLAJAMAR * KALLOTTA * KALUM * KALVARJU * KALZRI / KARZRI / (I)KKALZRAT / KALZRIER / KARZRIER * KAMBRAŻINA * KAMIŻA * KAMLA * KAMROTT * KAMUŻELL * KANDJA * KANDLORA (ara: GANDLORA) * KANIZZATA TAS-SAJD * KANNAPÈ / KANAPÈ * KANNIZZATA * KANNOL * KANNOLI * KANT AMBROŻJAN / INNU AMBROŻJAN * KANT GREGORJAN * KANTRU * KANTUR * KANZUNETTIST * KAPITANA * KAPITELL * KAPPAFOKU *KAPPAMANJA * KAPPARRA * KAPPELL TAT-TRIZZA (ara: TRIZZA) * KAPPELLUN * KAPPESTRU * KAPPUN * KAPRAJJES * KAPTELL * KAPUĊĊELL * KAPUMASTRU * KAPUNATA * KAPURJUN * KARAMBOLA * KARAVAĠĠESK * KARAVELLA * KARDARAN / KALDARAN * KARDATA *  KARFA * KARFUSU * KARG * KARINA * KARKURA *KARLIN * KARMA * KARMAS (ara: KARMUS) * KARMUS * KARNAĠĠ * KARNIERJA / KANNIERJA * KARNIVAL * KAROZZA TAN-NAR * KAROZZELLA * KAROZZIN * KARPAS * KARRABA * KARRAKKA * KARETTUN TAL-BOLREJS * KARTABUN * KARTAGLORJA / KARTA TAL-GLORJA * KARTAPESTA * KARTOĊĊ, KARTOĊĊ * KARWATA *KASPITÀ / KASPITINA * KASSATA * KASTELLAN * KASTELLANIJA (ara: KLISTANIJA) * KASTVALL / KASTVAL / KAWŻALLA * KATAKOMBI * KATALETT * KATAPAN * KATKAT * KATTARA * KATLETTI * KAVAL * KAVALLETT * KAVALLERIZZA * KAVATA * KAVETTA * KAWBA * KAWKAW * KAWLATA * KAXXARIZZ * KAŻA * KAŻAKKA * KAZZOLA * KAZZOTT * KBIR, IL- * KEĊIĊU * KEFES (ara: QAMAR KEFES) * KEFFA * KEFFIEN * KEFFTEJN * KEJLA * KEJL ANTIK * KEJLI * KELB TAL-FENEK * KELB TAL-FERMA *  KELBUNAZZ * KELEJLU * KEMMUN * KEMXA * KENNA * KENUR / KENUN * KERĊAĦ (ara: KERĊUĦ) * KERĊUĦ * KERĊMA  *  KERKNI * KERMIŻIN *  KEWKBA TAS-SEBĦ  * KEWKBA TAŻ-ŻEJT / TAX-XAĦAM * KERREJJA * KERREW, SAN * (ara: KURRAD, SAN) * KERUBIN * KETKUTI * KEWKBA FEĠĠA * KEWKBA TAL-GĦARB * KEWKBA TAX-XUXA * KEWKBET IS-SAFAR * KIBX * KIELI * KIES * KIFS * KIFU *KILBA * KILEB * KINA * KING TOM * KIRA * KIRJANZA * KIRJÈ * KIRXA * KIRXATA * KITEF / KITF / KITTEF * KITTIEB L-INĠIER * KITTIEN * KIXTBIENA / KUXTBIENA / KUXBIENA * KIXXI * KJERIKU * KLAMAR * KLAWSURA * KLEJJEB * KLIL / KLIN * KLILA * KLISTANIJA / KASTELLANJA * KLUBIJA * KMANDATA * KOĊĊ * KOĊĊLA * KOLERA * KOLLEĠĠJATA * KOLLETTA * KOLLURA * KOMNATA * KOMPANAĊĊI * KONĊILJU * KONFITEOR * KONFRATERNITÀ * KONFRATIJA / KUNFRATIJA  * KONĠINTURA / KONĠUNTURA * KONĠURA * KONKA * KONKATIDRAL TA’ SAN ĠWANN * KONKLAVI * KONKUNPIXXENZA * KONTI RUĠĠIERU, LEĠĠENDI DWAR IL- * KONTUMAĊI * KONVOJ * KONZ * KOPPI * KORDIN * KORDJAL / KURDJAL * KORDNA * KORNIĊA * KORPSANT * KORP SANT / KORPUSANT * KORSIJA * KOSBOR * KOZZ *KOTNINA * KREXXIMONJA * KRIMEA, IL-GWERRA TAL- * KRISTELEJS * KROMB * KRUĊ * KTUBER * KUBRIT/A * KUĊĊETTA * KUĊĊIER * KUĊINETTA * KUĊINIERA * KUĊNILJA * KUFIKU * KUĦĦALA * KUKKA * KUKKANJA * KUKKARDA * KUKKRUMBAJSA (ara: KUTRUMBAJSA) * KUKKUŻEJT * KUKLU * KUKRUMBUS * KULPARA / KURPARA / GULPARA * KULTELLAZZ / KURTELAZZ / KORTELAZZI * KUMENT, KUMENT / INKUMENTI * KUMITTIVA * KUMMARI * KUMMIEDJA * KUMPANAĠĠ * KUMPARSA * KUNDUTTUR * KUNFETTURA / KONFETTURA * KUNFRATIJA (ara: KONFRATIJA) * KUNGRESS EWKARISTIKU, IL- * KUNJARD * KUNJETT * KUNTELL * KUNVENT * KUPRU * KUPUN * KURAZZATA * KURDARA * KURDUNĊIN * KURDWANA * KURJAL * KURKANTA * KURKETT * KURPETT * KURRABBA * KURRAD * KURTINAĠĠ * KURUNELLA * KUS * KUSTAT * KUSTILJA * KUTNINA * KUTRUMBAJSA * KUTU * KUŻA * KUXKIERI * KWADERN * KWADRANT / KWADRANT TAL-ARLOĠĠ / KWADRANT TAX-XEMX * KWADREĠEŻIMA * KWAKKERI / KWAKKRI / KWEJKERS * KWALJARIN * KWARANTINA * KWARANTURI / KORANTURI * KWAREŻIMA * KWAREŻIMAL * KWAREŻIMALIST * KWATERN * KWATTRU TEMPRA / KWATTRU TEMPI/ KWATTRUTEMPI * KWERĊA * KWERELA * KWIBUS * KWIENER (ara: KENUR) * KWINDIĊINA * KWINKWAĠEŻIMA * KWINTANA * KWITTANZA * KXIEXEL * KŻAR PAWLU I TAR-RUSSJA, IL- *

KABALLETTA    Kompożizzjoni ta’ arja b’żewġ tempi fl-opri, li kienet titkanta l-aktar fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax. Il-kaballetta kienet imbagħad bdiet tirriferi għal arias li jitkantaw bejn tnejn. Fil-kaballetta jkun hemm ħafna mumenti ta’ emozzjonijiet qawwija, kemm ta’ ferħ kid ukoll ta’ dwejjaq. Eż. ta’ dan hu d-dwett bejn Gilda u Rigoletto fl-ewwel xena tal-ewwel att tar-Rigoletto. Tal. caballetta.   

kabozza

KABOZZA    Mantell, li kien jintlibes mill-bdiewa meta joħorġu jaħdmu filgħodu kmieni fl-għelieqi, biex jipproteġu ruħhom mis-sirda. Dan il-mantell jew kowt kellu wkoll barnuża, li kien ta’ materjal oħxon, magħmul mis-suf tan-nagħaġ u l-qoton. Sa nofs is-seklu għoxrin il-kabozza kienet għadha tintlibes mill-bdiewa tal-Għarb u dawk ta’ San Lawrenz. Ħaġa kurjuża hi, li din il-kabozza kienet tintlibes ukoll fil-funerali, biss minn taħt fuq, jiġ., il-ġewwieni tal-kabozza jidher fuq barra. Fit-Tuneżija għadek tista’ tara bdiewa li jilbsu dan it-tip ta’ mantell. Ara: Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi ta’ Anton F. Attard, pp. 52, 53. Sqal. cappucciu.  

                                   Ħajr: Mużew tal-Folklor, l-Għarb, Għawdex

KAĊAWRU    Tip ta’ kappell jli ixbah ’il-lobbja, biss bil-faldi kbar. Sqal. caciuolo. Sors: E.S.I.

KAĊIĊU / KEĊIĊU   Appel. li jingħata lil xi ħadd li għandu xeħta ta’ xi wieħed belhieni. Etim. Kalabriż caciciu li tirriferi għal xi ħadd li għandu għajnejh marradin u li dejjem idemmgħu. Bil-Kalabriż din hi rif. wkoll għal xi ħadd li ma jarax sew.

Aa ARA X'INT TGHID
Afgħas hawn

KADENZA  1. Terminu li jirriferi għall-kisra tal-vuċi fil-kant. 2. Tibdila fit-temp tal-kompożizzjoni, li tagħti sens ta’ finalità u għeluq tax-xogħol mużikali.  3. Fl-għana Malti, din hi l-kisra minn vuċi għolja għal waħda baxxa. Tfisser ukoll it-tibdil tar-ritmu tad-daqq tal-kitarri wara li jkunu ilhom idoqqu l-istess ritmu ripetutament għal bosta ħin, biex bl-aħħar żewġ strofi l-għannej jikkonkludi l-għanja mingħajr l-ebda pawsa. Bosta għannejja jirriferu għal kadenza bħala ‘kradenza’. Ara: GĦANA.

KAFENA / KAFIENA   1. Iż-żerriegħa tal-pjanta tal-kafè fl-istat ta’ meta tkun nejja jew inkaljata.  2. Għazza żgħira li tidher fuq il-ġilda tal-ġisem tal-bniedem.

KAFFARI    (D.)  Inguriatore. v. Kiefer.

KAFFIS      Miżura li fl-antik kienet tintuża biex jitkejjel il-volum tal-ħalib jew iż-żejt.  Tal. cafiso. Għ. qafiż – miżura għal qamħ, eċċ. 

KAFKAF  Bniedem ta’ karattru baxx. Appel. mogħti lix-xogħol li jsir ta’ malajr u ta’ mingħajr attenzjoni kif jixraq. MKAFKAF:  Bniedem li qed iterter bil-bard. Għ. kafkafa – v. timbotta lil xi ħadd ’il hinn. Iżżomm persuna milli tersaq lejk. Għ: takafkafa: titgeżwer sew fil-ħwejjeġ.  Sors:  J.A. 

kaftanKAFTAN   Tip ta’ libsa, bħal tunika twila li tasal sal-art u bi kmiem wesgħin li jwasslu sew sal-polz. Kultant il-kaftan jista’ jkollu wkoll barnuża u anki jinżamm mal-ġisem bi ħżiem madwar il-qadd. Il-kaftan jintlibes f’diversi pajjiżi Għarab, l-aktar mill-irġiel u n-nisa li jżommu mat-tradizzjoni Musulmana u Għarbija. F’Malta l-Musulmani li jattendu l-Moskeja fl-Għid ir-Ramadan narawhom libsin il-kaftan. Fl-Imperu Ottoman il-kaftan kien ħafna drabi jintlibes bħala simbolu ta’ poter u nobbiltà. Id-drapp tiegħu jkun ħafna drabi magħmul mill-ħarir, mill-qoton jew mis-suf. Għ. kaftan.

KAGAZZA      Ara: GAGAZZA.

KAGĦBUR/A   1. Il-ħmieġ niexef li jitkagħbar fit-trab. Ħmieġ żgħir bħal redus tal-mogħoż li jinkesa bit-trab għax ikun gerbu l-ħanfus.  2. Frott li jibqa’ ma kibirx u li meta jinxef jaqa’ mis-siġra u ma jinġabarx. Ara: ĦANFUS.  3. KAGĦBURA  Fig. mara li żżomm suritha b’mod mitluq ħafna. Qbl. ma’ ‘kagħbar’ – jiġ. gerbeb fit-trab. Ara: BUKAGĦWAR. 4. Nanu (F.V. 1831).

kawwara - CopyKAGĦWARA / QAWWARA   1. V. Busuttil (1900), jispjega din il-kelma bħala ċirku, kumpass, ċirkumferenza, dawra, bħal, il-qawwara tax-xemx jew ta’ xi kewba, Ing. halo. 2. Fl-antik il-bejjiegħa tal-ħut, norm. nisa, kienu jilbsu l-kagħwara meta dawn kienu jġorru l-kavetta jew kannestru fuq rashom. Din kienet tkun magħmula minn biċċa drapp irrumblat fit-tond b’ċerta ħxuna. Il-kagħwara kienet titqiegħed fuq il-qurriegħa tar-ras biex l-oġġett li qed jinġarr iżomm stabbli u fl-istess ħin ma jmissx mar-ras jew ix-xagħar.

kafe   coffee_beans.jpgKAĦWA   Kelma oħra li fl-antik kienet tirriferi għall-kafè. Isemmiha M.A.V. (1796). Iż-żerriegħa tal-kafè taf l-oriġini tagħha fl-Etjopja. Sas-seklu sittax ix-xarba tal-kafè kienet l-aktar popolari fil-Kajr u f’Istanbul. Xi dokumenti juru li mill-1633 ’il quddiem il-kafè kien popolari fit-taverni tal-Birgu. L-iskjavi li kienu miżmuma fil-ħabsijiet Maltin fi żmien l-Ordni kienu rinomati għall-kafè tajjeb li kienu jsajru, u ma kinux ftit dawk il-Maltin, u anki kavallieri, li kienu jmorru jduqu l-kafè minn xi taverna tal-ilsiera. Fis-seklu dsatax, f’Malta l-kafè kien sar xarba ferm popolari, anki jekk l-Ingliżi kienu jippreferu t-te. Il-kafè kien jissajjar fl-iSTANJATA u l-frak tiegħu jitħalla jaqa’ fil-qiegħ (dan ngħidulu l-FOND tal-kafè). F’Malta, il-kafè kien rinomat bħala xarba li tagħmel tajjeb għall-uġigħ ta’ żaqq, l-aktar jekk ikun imħallat bl-ilma żahar. Biex jingħata togħma differenti hawn min il-kafè jżidlu l-kannella (Ing. cinnamon), l-imsiemer tal-qronfol (cloves) jew il-ħlewwa, (Ing. aniseed). Ara: KAFENA / KAFIENA. Ara wkoll: A History of Food ta’  Carmel Cassar; ‘The Maltese Who Pioneered Coffee in Europe 1665’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta – Figments and Fragments, Vol. II, pp. 48-51; Storja tal-Kultura tal-Ikel f’Malta ta’ Kenneth Gambin u Noel Buttigieg, pp. 151-155, 213-216; The Way We Ate ta’ Matty Cremona, pp. 105-110.        

KAJJIKK    Dgħajsa żgħira u ħafifa biċ-ċappa fil-poppa li tintuż l-aktar mid-dilettanti tas-sajd. Tip ta’ luzzu żgħir. Tork. kayik.  Fr. caique.  Ing. Kayak. Ara: OPRI  TAL-BAĦAR.

KAJMAN   Norm. tingħad bħala appel. għal xi ħadd li hu ta’ karattru kalm iżżejjed. Bniedem li mhux kapaċi jasal biex jispiċċa x-xogħol li jkun beda fil-ħin mistenni. Bniedem għażin. P. Wistin Born, f’Is-Salib tal-Fidda, p. 13, jgħid hekk:  ‘[…] meta kont tarah għaddej fit-triq b’dak il-ġlekk miftuħ u jperper u b’idejgħ jixxenglu kont tgħid li hu xi kajman u mhux tabib’. ĦANUT KAJMAN  Ħanut li ma jkollux ħafna kummerċ.  FROTT KAJMAN  Frott li ma jkunx kiber kif mistenni.  RABA’ KAJMAN  Art maħduma mill-bidwi li ma tagħtix il-prodott kif suppost.

KAKKMU    Appel. għal bniedem buruż jew fqir li ma jagħmilha ma’ ħadd. Espr: ‘Dik mara dejjem ikkakkmata d-dar / ġewwa’ – rif. għal xi persuna li tkun ta’ waħidha u li ma toħroġ qatt minn darha. S. Sqal. caccameddu. Sors Etim: A.J.

kakkotinaw001KAKOTINA / KOKKODINA   Xarba li daħlet f’Malta fi żmien il-Kavallieri, u għal ħafna żmien kienet tinxtorob biss mis-sinjuri. Din bdiet tissejjaħ mill-Maltin kokkodina jew kakotina. Ix-xarba hi magħmula mill-KAKAW (Is. xj. Theobroma cacao). Din il-pjanta għandha ż-żerriegħa tagħha bajda, qisa tal-fażola, biss, li tiskura fil-kanella meta tinxef. Iż-żerriegħa hi tajba biex minnha jittieħed il-butir jew iż-żejt tal-kawkaw li bih issir iċ-ċikkulata. Minn dan iż-żejt issir anki ċerta mediċina u sapun. Hot chocolate with cocoa beansOriġ. kien it-tribù Rama tan-Nikaragwa, fl-Amerika Ċentrali, li kien ikabbar il-kawkaw. Il-kawkaw jew cocoa, inġieb fl-Ewropa, mill-Ispanjoli fl-1585, bħala żerriegħa, minn Vera Cruz, fil-Messiku. L-isem oriġ. ġej mill-kultura Azzeka fejn Cacahuatl kienet tfisser ‘l-ikel tal-allat’. Tal. Cacao.  

 

kalandra1

KALANDRA   Għasfur mill-familja tal-alwett u l-bliebel, imbaċċaċ, biss hu akbar minn alwetta. Is. xj.  Melanocorypha calandra. Dan l-għasfur iħobb il-kampanja miftuħa bla siġar. Munqar dan l-għasfur hu kemxejn kbir, u taħt ġwinħajh hu ta’ kulur iswed. F’Malta rari jpassi. Idj: ‘Kemm jgħid, qisu kalandra!’. Sors: Joe Sultana. Ing. Calandra Lark.           

OLYMPUS DIGITAL CAMERAKALANKA    Bħal daħla żgħira fil-kosta, biss ħafna iżgħar u idjeq minn bajja.  Idj: ‘Għalija kull kalanka port’, – jiġ., kull ftit jgħodd; ma għandix bżonn ħafna spazju għax bil-ftit ngħaddi u komdu. Tal. calanca, stretta insenatura di mare. J. A. Fr. calanque – Korsikan: calanche – daħla bħal bajja fid-djuq imdawra bi blat għoli. Daħla simili bħal ma hemm Wied il-Għasri, Għawdex.

KALAR / KALATURA  Tniżżil jew tfigħ ta’ xi oġġett; tniżżil tal-keffa tal-miżien. KALATA tax-xlief, jew kalata tax-xbiek. Tfigħ tax-xbiek fil-baħar biex jinqabad ċertu tip ta’ ħut. Sqal. Calari. Tal. calare.

KALĊ    Iċ-ċipp.  It-tarf oħxon tal-injam tal-azzarin; kalċ ta’ xkubetta. Tal. calico di fucile.

KALDARAN    Ħaddiem li jsewwi oġġetti tal-metall, kemm ram, bronż jew landa li kollhom xi toqba fihom. Landier li jsewwi l-kaldaruni.

Kalepin INTKALEPIN   Id-dizzjunarju tal-Latin li kien ippubblikat l-ewwel darba fl-1502, minn Ambrogio Calepino (1450-1510), patri minn Bergamo. Ħafna dizzjunarji li kienu ppubblikati wara dan bdew jissejħu Kalepin. Fl-1941, f’Malta kien ippubblikat dizzjunarju mill-Ingliż għall-Malti imsejjaħ Kalepin, xogħol ta’  Edgar Busuttil.

 

kaless wignacourt fountain - CopyKALESS    Mezz ta’ trasport kemm privat kif ukoll pubbliku li kien jintuża fis-sekli li għaddew. Il-kaless, kellu kaxxa fejn joqgħodu bilqiegħda tnejn minn nies jew aktar. Biss, il-kaless ma kellux post fejn ipoġġi l-kuċċier. Dan waqt il-vjaġġ kien ikollu jimxi ħdejn iż-żiemel. Fis-seklu dsatax kien hawn mal-1,200 kalessi rreġistrati. Kien hemm tariffi stabiliti apposta mill-awtoritajiet. Kont tista’ tikri dan is-servizz kemm għall-ġurnata kif ukoll għal ftit sigħat. Il-prezzijiet kienu jogħlew fil-festi tal-irħula u festi pubbliċi, bħal ngħidu aħna fl-Imnarja. Tal. calesse. A. de S. jgħid li l-kaless kien introdott f’Malta daqs mitt sena qabel żmienu, u f’Għawdex fis-sena li kien beda jaħdem fuq id-Damma, (1750). Sors: Histoire de Malthe, ta’ D. Miège (1841).

KALIMAGNUM     Ara: ĦAXIXA TAL-IRMIED.

KALKARA    Forn fejn jissajjar ir-ramel tal-ġebla taż-żonqor – kwalità ta’ ġebla msejħa tas-sekonda, biex minnha isir ġir jew ħġieġ. Sqal. carcara. Qbl. dawn it-toponimi: Kalkara, Birkirkara. Forn il-Ġir (Rabat, Għawdex).

KALLAJAMAR   Din il-kelma ħarġet mill-frażi ‘jekk Alla jamar’. Illum ngħidu, minflok,k Alla jrid. M.A.V. jittraduċiha bit-Tal., iddio voglia.

KALLOTTAll capKALLOTTA   1. Għata fit-tond għar-ras, li tintlibes mill-membri tal-kleru. Tissejjaħ ukoll ZUKKETTA. Il-kallotta toqgħod bil-qies taħt il-berettin. Hemm diversi kuluri ta’ kallotti li jintlibsu, biex jirrappreżentaw il-ġerarkija tal-kleru. Il-kallotta s-sewda tintlibes mill-qassis; dik vjola hi tal-monsinjur u tal-isqof, ħamra tal-kardinal u bajda tal-Papa. 2. Dari, kienet tintlibes tip ta’ kallotta mix-xjuħ kontra l-bard. Tal. callotta.   

KALUM     1. It-tul tal-ħabel meta jkun mitluq fil-baħar. Ħabel mhux stirat b’mod li meta jinġibed jista’ jwassal aktar. Ngħidu, ‘tah il-kalum’ – jiġ., irħielu l-ħabel, biżżejjed biex dak li jkun jaħdem fil-wisa’. 2. Il-medda dawramejt li il-pjaneti jieħdu fil-ġirja tagħhom fis-sistema solari; l-istess il-kwiekeb u oġġetti ċelesti oħra meta dawn ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom. Tal. calumo: la quantità di fune calata in mare. Sors: E.S.I.

KALVARJU  Isem ieħor għall-isem bl-Aramajk Gulgalta (Golgota). Din kienet l-għolja barra Ġerusalemm fejn Kristu kien imsallab. Idj: ‘Bit-tbatija li sofrejt rajt il-Kalvarju’.  Lat. calvario – M. Qurriegħa (l-istess tifsira għall-Golgota).

KALZRI / KARZRI  1. Ħabs. 2. Iż-żmien li wieħed jagħmel fil-ħabs. Sq. carziri.  KAR(L)ZRIER    Għassies tal-ħabsin. n. (I)KKALZRAT  Ħabsi.  Sqal. Carzareri.  Tal. Carceriere.  

KAMIŻA     Libsa ta’ taħt twila li tasal sa fuq l-għekiesi. Fl-antik il-kamiża kienet tintlibes mill-irġiel billejl għall-irqad. Qbl. ma’ ‘qmis’. Term. Tal. camicia jew Għ. qamis.

KAMBRAŻINA      (D.)  Drapp fin tas-satin li jintlibes min-nisa bħala velu.

KAMLA    (pl. kmul / kwamel).  Tip ta’ baħrija li norm. tattakka d-drapp iswed. B’mod fig. din il-kelma tintuża hekk: ‘ X’inti kamla!’ – jiġ. kemm int tad-dwejjaq / ksir il-għajn. Din tingħad ukoll b’mod ironiku għal xi ħadd li jieħu x-xogħol bil-mod ħafna. Fig. ‘Mid-dehra fuq il-lant tax-xogħol hemm xi kamla’ – jiġ. xi ħadd qiegħed jisraq baxx baxx.

KAMROTT    Tifel impjegat fuq il-bastiment biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-kaptan in partikolari, eċċ.

kamusellxKAMUŻELL   1. Tip ta’ maskra / maskarat.  2. Fil-folklor Malti dan kien bniedem li jdaħħaq bil-mossi tiegħu u bill-ħwejjeġ li kien jilbes fil-Karnival. Appel. użat kemm għall-annimali kif ukoll għan-nies li għandhom imneħirhom ċatt jew mgħawweġ. Tal. camuso – imnieħer ċatt jew mgħaffeġ. Fit-teatru Grieg din il-fiżjonomija, irrappreżentata fuq il-maskri tal-atturi, meta mħallta ma’ xufftejn kbar u ġbin imżerżaq kienet tirrifletti l-persunaġġ ta’ bniedem sempliċi, fidil u x’aktarx belhieni. Etim. Tal. camuso – M. aġġ. għal imnieħer imfattar, jew bħal dak ta’ mogħża. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, p. 127. (D.) LIBES KAMUŻELL, andò in maschera.  KAMUŻEL  (D) Maschera buffone zanni, L. scurra.  E.S.I. jagħti l-kelma bħala KEMUŻELL.

KANDLORA     Ara: GANDLORA.

kanape xxxKANNAPÉ  / KANAPÉ  1. Oriġ. sufan magħmul mill-injam li fuqu kienu jitqiegħdu biss xi mħaded ikkuluriti biex isebbħu u jagħmluh aktar komdu. 2. Tip ta’ ikel ħafif li jkun offrut max-xorb. L-oriġini tal-kannapé jmur lura għall-ikliet kbar li kienu jsiru fi Franza min-nobbli fis-seklu 18. Dawn l-ikliet kienu jikkonsistu minn ħafna affarijiet, bħal ħobż imqatta’ żgħir u mixwi. Ikel ħafif, dejjem ta’ ċertu ċokon, li tista’ tieklu b’gidma waħda. Tal. canapé.

kanizzataisKANNIZZATA   1. Tip ta’ struttura tal-injam li magħha jitqabbdu friegħi ta’ pjanti, bħad-dwieli, eċċ. Sqal. Canizzu. Tal. Cannizzata. 2. KANIZZATA TAS-SAJD Struttura bħal raft tas-sufri, (illum jużaw ġablow minflok), u materjal ieħor li jżomm f’wiċċ l-ilma baħar. Magħruf wkoll bħala ĊIMA. Is-sajjieda jżidu ma’ dawn weraq tal-palm meta jistadu għal-lampuki. Dawn il-kannizzati jinżammu f’wiċċ il-baħar f’post wieħed, kanizzata saidb’mażżra, biex id-dell iħajjar il-ħut jistkenn taħthom. L-aktar ħut li jinqabad b’dan il-mod huma il-lampuki u l-fanfri. Ara: LAMPUKI. Ara: Fishing in Malta, Stanley Farrugia Randon,  pp. 46 – 49; Popular Fish in the Mediterranean, Stanley Farrugia Randon u Robert Micallef p. 48; Kont Nismagħhem jgħidu … eċċ, Paul P. Borg, pp. 275-278.

kannol2DSCF0106

KANNOL  1. Tip ta’ ħelu ta’ oriġini Sqalli, magħmul minn għaġina msajra forma ta’ tubu żgħir u vojt li imbagħad jimtella bl-irkotta u xi biċċiet żgħar, aktarx frak, taċ-ċikkulata jew ċirasa. 2. B’mod fig. ngħidu: ‘qisu kannol bla krema’ – rif. dispreġġjattiva għal xi żagħżugħ li jipprova jidħol fid-dinja tal-politika. Rif. għal kanditat politiku żagħżugħ li fl-elezzjoni jkun ġab ftit voti. Rif. wkoll għal min ikun għadu taħt l-età u ma jkollux vot għalkemm jixtiequ. Ara: FAĦAM TAL-KANNOL.

 KANT AMBROŻJAN / INNU  AMBROŻJAN    Rif. għat-Te Deum – it-talba ta’ tifħir u ħajr lil Alla. Skont it-tradizzjoni, kien Sant’Ambroġġ (340-397 W.K.), l-isqof ta’ Milan, meqjus bħala wieħed mill-akbar dutturi tal-Knisja, li kkompona t-Te Deum meta hu għammed lil Santu Wistin. Sant’Ambroġġ hu meqjus ukoll bħala l-bniedem li introduċa wkoll kant simultanju, fejn żewġ korijiet ikantaw b’mod alternattiv, b’mod li hekk kif wieħed jieqaf, dlonk ikompli l-ieħor. Ara: TE  DEUM u LAUDAMUS.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAKANTRU    Vaż li jitpoġġa fil-kamra tas-sodda norm. taħt is-sodda, għall-bżonnijiet personali matul il-lejl. Norm., il-kantru jkun daqs 30 ċm għoli, jew aktar, biex dak li jkun ipoġġi fuqu u magħmul mix-xaqquf u b’erba’ wdieni.    

KANTUR   Fil-kolleppjati, dan hu titlu dinjitarju, ta’ dak inkarigat jintona l-mużika. Dan kien jissejjaħ ukoll ‘Kanonku tal-Virga’ għaliex il-kantur kien ikollu virga f’idu biex waqt il-kant, minn ċerta distanza jkun jista’ jqalleb il-paġni kbar tal-kotba tal-kant. V. Busuttil jgħidlu chorister. Ara: KANT GREGORJAN.

KANZUNETTIST     Fl-antik dan kien appel. li bih kien magħruf dak li jkanta fit-teatri jew fil-ħwienet tad-divertiment, biex jaqla l-għixien tiegħu. Kelma li tidher fil-ktieb ta’ Herbert Ganado, Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, p. 344: ‘[…] maż-żmien bdew jiġu l-kanzunettisti nisa Ungeriżi […]’ Qbl. ma’ XANTUSA.

KAPITANA  Galera kbira u ta’ importanza li kienet tmexxi l-iskwadra waqt xi operazzjoni navali. Il-ġeneral tal-flotta kien ikun qed jidderieġi minn fuqha. Il-Kapitana kienet tiżżejjen b’mod li tispikka mill-galeri l-oħrajn, u kien hemm żmien, li kienet tinżebagħ b’kulur iswed. Il-Kapitana kienet tgawdi ċerti vantaġġi ta’ protokoll bħala bastiment speċjali, mhux biss f’Malta, iżda anki meta tkun qiegħda f’xi missjoni bi sħab ma’ bastimenti oħrajn barranin.

kapitellpngKAPITELL   Term. fil-kostruzzjoni. Il-parti ta’ fuq nett tal-kolonna li tkun iddekorata b’mod elaborat, eż., fi stil Doriku, Ioniku jew Toskan, eċċ. Din it-tip ta’ struttura arkitettonika żviluppat fiż-żmien meta l-Griegi bdew jibnu t-tempji lill-allat tagħhom. Din it-tip ta’ arkitettura tkompliet tintuża mir-Rumani u dawn żiedu aktar disinji elaborati bħal l-istil Korint u Kompost. Il-kapitell kien użat anki fiż-żmien Biżantin, Gotiku, Romanesk u Neo-klassiku. Ara: ĦANEWIJA.  

KAPPAFOKU     (D) Tal. molle. L. forcipes, batillum.

kappa magna20100325KAPPAMANJA   Libsa li tintlibes mid-dinjitarji tal-Knisja f’ċerti funzjonijiet partikulari waqt ċelebrazzjonijiet reliġjużi. Għamla ta’ mantell ta’ kulur aħmar, blu jew aħdar, wiesa’ u mżewwaq bil-glalen u l-ħjut tad-deheb li jxiddu fuqhom il-qassisin, il-kanonċi, il-monsinjuri, l-isqfijiet u l-kardinali. Il-kappamanja tissimbolizza l-awtorità u l-privileġġi tal-ġerarkija għolja tal-kleru.  

KAPPARRA   1. Term. leg. Flus imħallsa bil-quddiem (depożitu) bħala mod ta’ patt, konferma u garanzija li l-ftehim tal-bejgħ jew xiri ser isir appena l-proċess legali jkun konkluż.  2. (I)KKAPPARRA  v. Żamm bħala dritt post jew oġġett għalih biss. ‘Ħadu b’kapparra’, jew ‘ikkapparrah’, timplika li l-persuna ħa minn jheddu post mingħajr permess. Fig. Ngħidu, ‘ikkapparra siġġu,’ billi poġġa xi oġġett fuqu, bħal xi maktur jew baskett, biex juri li l-post hu merfugħ. Tal. caparra.

KAPPELLUN   Kappella tal-ġenb fi knisja kull naħa tal-artal maġġur.  Iż-żewġ kappelluni faċċata ta’ xulxin, flimkien jagħmlu traversa, li min-nofs tagħha toħroġ il-kursija lejn il-bieb ta’ barra.  Knisja li tkun mibnija b’żewħ kappelluni tiegħu l-forma ta’ salib.

KAPPESTRU   Parti mill-ilġiem li bih il-bidwi jikkontrolla l-bhima. Il-kappestru jintuża fuq iż-żwiemel, bgħula, ħmir u ponijiet. Minflok il-kappestru, il-baqar ilibbsulhom il-maħanqa meta dawn jintużaw għall-ħrit. Sors: Anton F. Attard.

KAPPUN   Libsa bil-parti li tgħatti r-ras imwaħħla magħha.  Kappa li fiha wieħed jista’ jgeżwer it-tarbija hekk kif titwieled.  Skufja. Barnuża.

KAPRAJJES    Flowt tas-sajjieda.  Sqal. + Għ.  Cap u  . rais. Bl-Isqal. dan jirriferi għad-dgħajsa li fiha jkun hemm xi ħadd li jidderieġi l-operazzjoni tas-sajd. Sors etim: J.A.

KAPTELL   1. L-istess bħal KAPITELL. 2. Bħal xriek li flimkien ma’ xorok oħrajn jgħattu l-qabar jew ġiebja. Teżisti rima li tista’ sservi wkoll ta’ qawl għax fiha tagħlima li tgħid hekk: Qoffa trab u żewġ kaptelli u ħarja f’wiċċ il-ġid li kelli.

KAPUĊĊELL   Ħasi żgħir jew fellus imdaqqas. Tal. caponcello.

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Afgħas hawn

KAPUMASTRU  1. L-imgħallem ewlieni fost il-bennejja, imqabbad mill-perit biex jissorvelja u jagħti d-direzzjonijiet lill-ħaddiema waqt ix-xogħol tal-bini. Xi wħud minn dawn il-kapumastri kienu tant kapaċi fix-xogħol tal-ġebel u d-disinn tal-bini, li anke waslu biex għamluha kemm-il darba ta’ periti u ddisinjaw binjiet imponenti u ta’ importanza. Fost dawn insibu lil Giovanni Attard (1570-1636), li ħadem fuq l-akwadott ta’ Wignacourt; Giovanni Barbara (1642-1728), li ddisinja l-knisja parrokkjali ta’ Ħal Lija, u Giovanni Bonavia (1671 – 1730), li ddisinja l-faċċata tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. 2. Il-bniedem imħarreġ tajjeb fis-sengħa ta’ mastrudaxxa u li kien ikun responsabbli mill-bini tal-bastimenti. Ara: 5000 Years of Architecture in Malta, ta’ Leonard Mahoney, pp. 307-328.

kaponataKAPUNATA   Ikel, bħal zalza magħquda sew u mħallta kollha kemm hi bi ħxejjex bħal brunġiel, basal u krafes, kollox mgħolli fiz-zalza tat-tadam. Il-kapunata tisserva ħafna drabi bħala kontorn mal-ikla prinċipali, biss tittiekel ukoll anki waħedha, u mhux imsaħħna. Din hi tip ta’ ikla ppreferuta għal ħdejn il-baħar u fil-fatt, magħrufa wkoll bħala l-ikel tal-baħħara. Sqal. capunata – capone  fi Sqallija hi isem ieħor għal-lampuka ‘Sorta di manicaretto ov. entra del pesce petroncianio carciofi ed altri condimentie – si mangia per la più freddo o tra un piatto e un altro’. Sors etim. www.it.wikipedia.com. 

KAPURJUN    Il-kap ta’ grupp ta’ nies. Bniedem li jkun il-kap ta’ xi rewixta. Perċimes. Sqal. capuriani. Tal. caporione, capo di un quartiere cittadino, anche con funzioni giudiziarie.

KARAMBOLA     ‘Tagħmel karambola’  – jiġ.,  taħbat ma’ tliet naħat. Il-karambola hi logħba tal-biljard fejn il-lagħaba jimmiraw il-cue ball (il-boċċa l-bajda) għal fuq il-boċċa kkulurita billi l-bajda l-ewwel taħbat ma’ tlett iġnub tal-mejda. (Ing. Three cushion carom – logħba vvintata fil-Missouri, l-Amerika, madwar l-1870). Espr. Tal. carambola. Ing. carom:  v. taħbat u terġa’ lura. Fr. carambole – dan hu l-isem tal-boċċa l-ħamra fil-biljard.

Karavellal.com (2)KARAVELLA    Bastiment tal-merkanzija li beda jintuża għall-ewwel darba fl-1441, u li baqa’ jintuża sas-seklu sbatax. Il-karavella kienet popolari ħafna mal-Portugiżi, fi żmien li dawn kienu jagħmlu vjaġġi twal biex jesploraw artijiet ġodda. Dan il-bastiment kellu tlett arbli bil-qlugħ tal-latini, u kien jiżen bejn 50 u 150 tunellata. Eventwalment, dan il-bastiment kien żviluppat f’tip ta’ karrakka u wara anki f’galjun.  Ara: L-Flotta tal-Ordni Ta’ San Ġwann, ta’ Joseph Muscat. 

karavaggeskKARAVAĠĠESK   Stil ta’ arti li hu ispirat mit-tpinġija tal-artist magħruf Michelangelo Merisi da Caravaggio. Dan l-artist, illum ta’ fama mondjali, ġie Malta fl-1607. Caravaggio jibqa’ jissemma bħala l-ewwel u l-aqwa esponent tal-istil ta’ arti magħruf bħala CHIAROSCURO. It-terminu ‘Karavaġġesk’ jirriferi wkoll għal karatteristiċi oħra li dan il-pittur kien tant magħruf għalihom. Caravaggio kien bosta drabi jagħżel il-mudelli tiegħu min-nies li jgħixu madwaru. Fl-arti Karavaġġeska jispiċċa l-idealiżmu tas-sbuħija u l-perfezzjoni tal-figura umana. Minflok, tispikka r-realtà bid-difetti u anki l-kruha kollha tagħha. Hekk pereż. nsibu li fil-pittura ta’ San Ġirolamu, li hemm fl-Oratorju ta’ San Ġwann, dan hu rrappreżentat b’modKaravaggesk xx.jpg mill-aktar uman bil-fattizzi li jagħmluh bniedem kwalunkwe u li kien jeżisti verament. F’dan ir-ritratt nosservaw il-ġilda mkemmxa u skura tal-pala ta’ id il-qaddis li għandha aktar skur minn dik ta’ driegħu bajdanija. Dan għaliex fil-verità f’ambjent xemxi, il-ġilda mikxufa tismar u dik mgħottja tibqa’ bajdanija. Karatteristika oħra importanti tal-pitturi ta’ Caravaggio hi l-kompożizzjoni u l-qsim tax-xena f’diversi partijiet, bħal ma naraw fit-tpinġija ta’ Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann, li wkoll tinsab fl-istess Oratorju. Hawn naraw id-dawl ġej minn sors wieħed u jinfirex f’mod piramidali fuq l-iġsma tal-karattri minn fuq bħalikieku l-uniku dawl dieħel mit-tieqa li hemm fuq it-tila fl-oratorju.

KARDATA     (D)  Liżar.

KARDARAN   Bniedem li jaħdem oġġetti bir-ram. Qbl. ma’ ‘kardarun’, li hu banju kbir tal-metall li oriġ. seta’ kien magħmul mir-ram. Tal. calderaio jew calderaro.

karettun tal-ballraceKARETTUN  TAL-BOLREJS   Dan kien jinbena mit-tfal biex jiġru fit-toroq bih. Kien ikun magħmul minn tavla jew twavel żgħar  kemm jifilħu tifel joqgħod bil-qiegħda. Minn taħt it-tavla jgħaddu żewġ injamiet, bħal kurrenti kull naħa tat-truf fil-wisa’ biex mat-truf tagħhom jintrabtu l-borejs. Imbagħad injama fin-nofs minn taħt ukoll li b’vit u skorfina isservi ta’ maqbad, speċi ta’ steering li wieħed seta’ jidderiġi b’ħabel irqieq. Ir-roti tall-karettun kienu dejjem ikunu tal-ball bearing races, jew kif kienu jgħidulom tal-borejs. Il-ball races kienu jkunu meħuda minn xi spare parts ta’ xi gear tal-karozza jew parti minn magni kbar li tkun saretilhom xi manutenzjoni jew ikunu intremew. Bi tlieta jew b’erbgħa minn dawn ir-roti mwaħħlin waħda ma’ kull tarf tal-kurrenti, dawn il-karettuni kont titla’ fuqhom u tiġri l-aktar fejn it-triq tagħti għan-niżla. Dan is-sewqan kien ipaxxi t-tfal, biss ħafna drabi jinkorla l-kbar għax kienu jagħmlu l-istorbju meta jgħaddu mill-abitat.

KARFA    1. Tiben oħxon li ma jkunx imnaddaf jew maħdum tajjeb. Frak tat-tiben li jifdal fuq il-qiegħa wara d-dris.  2. Ngħidu, ‘ja qabda karfa li huma!’ – rif. għal persuni li ma jafux iġibu ruħhom fis-soċjetà. Nies ta’ kwalità baxxa u li ma huma tajbin għal xejn. Qawl: i. Kull andar għandu l-karfa;  Qawl:  ii: Tiġbor il-karfa u tarmi l-qamħa.

karfusuKARFUSU  1. Wieħed minn ħafna appellativi mogħtija lix-xitan. 2. Logħba ta’ bosta tfal li fosthom jintgħażlu tlieta. Tifel jew tifla tagħmilha ta’ Ġesù, tifla oħra tagħmilha tal-Anġlu u tifel ieħor jagħmilha ta’ Karfusu, jiġ., tax-xitan. It-tifla li tagħmilha ta’ Ġesù, b’vuċi baxxa biex ma tinstemax mill-‘Anġlu’ jew minn ‘Karfusu’, tagħti kulur lil kull wieħed u waħda mit-tfal li jkun hemm madwarha. Imbagħad jersqu lejha l-Anġlu u Karfusu u jsaqsuha x’tip ta’ kuluri hi tat lit-tfal. Fil-fatt il-mistoqsija tingħad bit-Taljan: ‘Che colore?’ L-Anġlu u Karfusu jibdew jissuġġerulha kulur wieħed wara l-ieħor, kif imisshom skont it-tokk. Kull darba li ż-żewġ karattri jaqtgħu l-kulur ta’ xi tifel jew tifla dawn it-tfal ikollhom imorru ħdejn l-Anġlu jew Karfusu, skont min minnhom jaqta’ l-kulur. Fl-aħħar jingħaddu kemm-il tifel jew tifla hemm mal-‘Anġlu’ u kemm ma’ ‘Karfusu’. Jirbaħ dak li jkun qata’ l-akbar numru ta’ kuluri. TKARFAS  v. Sar xitan, ixxajtan. Sqal. chifarusu. corto e gobbo. Sors: Logħob, Taqbil u Ġugarelli ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publications, p. 35.

KARG   Isfar qawwi. Ngħidu, ‘te karg’ – għal te qawwi u skur fil-kulur tiegħu għax il-weraq tat-te jitħallew għal ħafna ħin biex jinħallu fil-misħun. B’dan inkunu qed infissru  wkoll illi li t-te fit-togħma tiegħu hu qawwi wkoll.

KARINA    1. Il-bastun jew il-prim li jkun taħt u fin-nofs tal-qiegħ tal-mirkeb tal-baħar. Ara: OPRA  TAL-BAĦAR.  Tal. carena li tfisser dik il-parti tal-opra tal-baħar li tinsab taħt l-ilma. 2. Żerriegħa tax-xgħir. Ing. barley.

KARKURA   (D.)  Laqam mogħti lil xi waħda li tkun tiġerra ma’ dak u ma l-ieħor. Donna vile e immodesta, barbottante.

karlin2KARLIN   (Pl. karlinijiet, karnijiet) Munita ta’ flus antika li oriġ. kienet mitbugħa f’Anjou, Franza mir-Re Karlu 1, fl-1278. Dan it-terminu baqa’ jintuża għal bosta denominazzjonijiet ta’ flus f’diversi renji u għal bosta sekli. F’Malta ta’ żmien l-Ordni il-karlin kien jiswa 10 ħabbiet. Sa żmien l-Ingliżi din il-munita kienet għada tintuża sakemm l-Ingliżi introduċew is-sold (1823). Anki wara, il-Maltin kienu jħobbu jsemmuha, l-aktar, it-tliet karnijiet (suppost: Karlinijiet) li kienu l-ekwivalenti għal żewġ soldi u nofs. Idj. ‘Ma tiswix karlin!’ – rif. għal kwalunkwe oġġett ta’ ftit valur.  

KARMA     Mill-verb KOROM, jikber. Art għammilija.  KORMI Rif. għal annimal li juri li qiegħed jikber. Jista’ jkun Ħal Qormi msejjaħ hekk minħabba li l-art tal-madwar kienet karma, jiġ., għamillija.

KARMUS   Tin jew frott ieħor li ma jimmaturax u jibqa’ żgħir.  v. KARMAS  Nixef u ma baqax frisk; għamel frott żgħir.

KARNAĠĠ    Ħlas mill-bdiewa lis-sid tal-għelieqi li jaħdmu; ħlas tal-qbiela li huma obbligati jħallsu. Flok flus il-bdiewa fl-antik kienu jippreferu jħallsu bil-ħxejjex, tjur u l-annimali mill-irziezet. Tal. carnaggio.

nibbia chapel (2)
Il-kappella mimlija għadam tan-Nibbja mżejna bl-għadam

KARNIERJA / KANNIERJA  Post fejn jinġabru l-fdalijiet tal-għadam tal-mejtin li jkunu diġa midfunin fl-oqbra. Il-kannierja kienet titħaffer norm. taħt il-knisja stess. Oriġ. kienet intenzjonata biex fiha jindifnu il-membri tal-kleru waqt li l-parruċċana kienu jindifnu taħt iz-zuntier jew f’xi ċimiterju barra r-raħal. F’sens aktar wiesa’: l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u ċ-Ċirku tax-Xagħra setgħu ukoll intużaw ta’ kannierja għall-mijiet, jekk mhux eluf biċċiet ta’ għadam tal-mejtin, billi fihom l-għadam kien instab miġbur f’munzelli kbar, f’għerien u kmamar taħt l-art. Ara: NIBBJA.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAKARNIVAL   Il-Karnival ilu jsir Malta minn qabel ma ġew il-Kavallieri. Hemm żewġ etim. opposti li jiddskrivu l-oriġ. tal-kelma ‘karnival’. Iż-żewġ tifsiriet għandhom x’jaqsmu mas-sawm tar-Randan. L-ewwel verżjoni hi carne vale – M. jiswa l-laħam, jew l-oppost, carne lievare, twarrab il-laħam. Personalment, nemmen aktar fl-ewwel verżjoni bħala dik korretta. Din it-teorija tissaħħaħ minħabba li kien hemm ċerti jiem fi żmien qabel u waqt il-Karnival, bħal Giovedì Gras, u l-Martedì Gras, fejn in-nies kienu mħeġġa jikkunsmaw ikel li fi żmien ir-Randan kien ipprojbit. KARNIVAL IBLAH  (Damma) Carnevale straordinario. Ara: ‘Carni per lu Carnivalj’ ta’ Stanley Fiorini, Melita Historica, Vol IX, 4.

karozza tan nar 1906 telgha tar-RabatKAROZZA TAN-NAR    L-appellattiv antik għall-ewwel karozzi li kienu importati f’Malta. It-term. ‘karozza tan-nar’ kien għadu jintuża sas-snin tletin, għax sa dak iż-żmien il-Maltin kienu jxebbhu din l-invenzjoni ġdida ma’ xi tip ta’ karozzella jew kaless – biss bid-duħħan ħiereġ minnha. Fil-kummiedja ta’ Carmelo Camilleri, ‘L-Erba Rikkardi’ (1869) il-karattru ta’ Baldassare, il-missier u capo famiglia, jgħid hekk: ‘[…] illejla stess inġegħilhom jarmaw il-karozza u mmorru noqgħodu xahar il-kampanja[…]’. It-Teatru tas-Seklu Dsatax, L-ewwel volum, p. 52. L-invenzjoni kummerċjali tal-karozza li taħdem bil-petrol kienet tal-kumpanija Ġermaniża, Benz fl-1885. X’aktarx, l-ewwel darba li karozza kienet impurtata u nstaqet f’Malta kien fl-1901. Wieħed jissoponi li din l-invenzjoni l-ġdida daħħluha f’Malta l-uffiċjali militari Ingliżi jekk mhux ukoll għall-Gvernatur speċifikament.  Il-karozzi bdew jiżdiedu bil-mod il-mod u nafu li Għawdex kien hemm l-ewwel karozza fl-1907, meta tliet aħwa nisa Għawdxin kienu xtraw waħda bejniethom. Sal-1925, f’Malta kien hawn biss madwar elf karozza fit-toroq. Kien f’dan iż-żmien li kien ingħata l-ewwel asfalt fit-toroq, bi prova. Dan tqiegħed fit-triq li minn Bieb il-Bombi kienet tasal sal-Blata l-Bajda, fejn illum hemm id-Dar Ċentrali tas-Soċjetà tad-Duttrina. Is-sewqan kien minn dejjem fuq ix-xellug. Ara: ‘The Motoring Treasures of Malta’ ta’ David Arrigo fi Treasures of Malta, Christmas 1999, Vol VI no 1, pp. 51-56;  A Chronicle of 20th Century Malta ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar, p. 105. ‘The First Motor Car in Gozo’ ta’ Giovanni Bonello fil-ktieb Histories of Malta – Travesties and Dynasties pp. 193-200. Ulied In-Nanna Venut fl-Amerka, p.141.

karozzella 190405_114058KAROZZELLA    Mirkeb ta’ trasport kemm b’żewġt iżwiemel, kif ukoll b’erbgħa, li kienet tintuża l-aktar mis-seklu ħmistax sas-seklu tmintax. Karozzella ta’ dan il-perijodu hi dik li tinsab fl-Armerija tal-Palazz, il-Belt, li kienet tintuża mill-Gran Mastri. Fuqha għadhom jidhru diversi kuluri li kienu jsebbħu l-karozzella f’diversi perijodi, fosthom naraw kisja ta’ induratura tad-deħeb.

karozzin-VALLETTA-40KAROZZIN     Il-karozzin kif nafuh illum ħa post il-kaless. Issa l-kuċċier kien jista’ jirkeb fuq quddiem tal-karozzella, mentri qabel bil-kaless dan ma setax jagħmlu. Dan is-servizz tat-trasport bi ħlas beda jkun offrut minn bosta individwi lill-pubbliku fl-1856 u sar aktar popolari lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin. Imbagħad is-servizz tal-karozzini beda jikkompeti ma’ servizzi oħrajn aktar moderni u mekkanizzati, bħal-laneċ, il-ferrovija u l-omnibus. Il-karozzini kienu jagħtu s-servizz tagħhom, l-aktar fin-naħat tal-Port il-Kbir, u bejn il-Belt, San Ġiljan u Tas-Sliema. Mill-mijiet ta’ karozzini li kien hawn illum hawn forsi mas-sittin wieħed li jservu biss bħala trasport ta’ pjaċir għat-turisti.

KARPAS    Beritta x’aktarx tal-ħarir jew tal-bellus u bil-ġummiena li kienu jilbsu ir-raħħala. Berritta simili għal-milsa li kienet tintlibes wkoll sas-seklu 19. De Soldanis isemmiegħa. Il-karpas isemmiegħha wkoll Gian Anton Vassallo, fil-poeżija tiegħu ‘Cliem tal-Poplu’ (Sibt il-Carnival), fejn jgħid li xi maskerati kienu jduru ‘bil carpas u bil fanal’. (Ħrejjef u Ciait, 1863.) Berrettin tal-qassisin. Sorsi oħra: E.S.I. Etim. x’aktarx mill-Grieg.

Karraba IMG_0780KARRABA   1. Ħuta li tixbah fl-għamla tagħha iċ-ċervjola.  2. Promontorju li jifred il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa minn dik tal-Ġnejna. Dan l-ilsien hu magħmul minn irdumijiet li jdawwru art xagħri għoli mat-30 m, maqtugħ għalih fil-blat u jserraħ fuq it-tafal. X’aktarx l-isem tal-post ġej mill-forma tagħha li meta tħares lejha minn fuq tixbah pjuttost il-forma ta’ ħuta. 3  Sing. Persuna li l-ħin kollu tokrob u tgerger. 4. Pl. Nisa li fil-passat kienu jinkrew biex jibku waqt il-funeral. Dan l-appellattiv ġej mill-verb karab (preżent, jokrob).

karrakka 1KARRAKKA  Tip ta’ bastiment li fis-sekli ħmistax u sittax kien wieħed mill-akbar fil-Mediterran. Dan kien bastiment li kien jivvjaġġa biss bil-qlugħ. L-iskop oriġ. tiegħu kien li jġorr il-merkanzija u kien jesa’ sa 14,000-il salma tal-qamħ (daqs 2,500 tunnellata). L-Ordni kien bena l-ewwel karrakka tiegħu fl-1407, meta kien għadu f’Rodi. Meta l-Ordni telaq minn Rodi fl-1522, kellu żewġ karakki li vvjaġġa fuqhom lejn Viterbo, imbagħad lejn Malta fl-1530. L-eqdem waħda minnhom, is-Santa Marija, kienet irmiġġata quddiem Sant’Anġlu u ma baqgħetx tintuża aktar. Fl-1532, din inqerdet

karrakka114635 - Copy.jpg
Mudell tal-karakka, xogħol ta’ Joseph Muscat, fil-Mużew Marittimu, l-Birgu

meta splodiet ħażna ta’ porvli li kellha fuqha. Il-karrakka l-oħra, kien jisimha Sant’Anna. Din baqgħet tintuża sal-1541. Biż-żmien din spiċċat sorġuta wkoll għal ħafna snin ħdejn il-forti Sant’Anġlu u ma ntużatx aktar. B’hekk il-karakka saret sinonima ma’ oġġett kbir u goff li ma kien tajjeb għal xejn. (Damma) ‘Donna grassa e grossa dalla similitudine della nave già descritta’. Fis-seklu dsatax, kien hawn fil-port, bastiment magħmul apposta biex iħammel qiegħ il-baħar, u dan kien imlaqqam il-karrakka. Anki M.A.V. (1796) jirriferi għal dan it-tip ta’ bastiment tat-tħammil u ma jagħti l-ebda rif. għall-karrakka tal-Ordni. M.A.V. jgħid ukoll li din kienet rif. fig. għal xi persuna li tkun qawwija. Idj: ‘Dak qisu karakka’, jiġ., goff, tqil u qadim. Ngħidu wkoll, ‘dik il-karozza qisa karrakka’.  Ara: The Carrack of the Order ta’ Joseph Muscat; ‘A Rediscovery of the first contemporary and authentic picture of the Great Carrack Sant’Anna of Malta (1535)’ ta’ Robert Dauber, in Sacra Militia issue no 4, 2004;  Ships of the Order of St. John – The Caracca by Joseph Abdilla and Joseph Muscat.

kartabun3KARTABUN  Skwerra li tintuża mill-mastrudaxxi u ‘l-bennejja biex jimmarkaw l-angoli akuti bi preċiżjoni fuq xogħol tal-injam jew tal-ġebel. B’hekk ix-xogħol ta’ inċanar u minċotti joħroġ angolat b’kantuniera preċiża. Idj: ‘Il-ħaġa daħlet qisha kartabun’ – jiġ., l-oġġett qabel preċiż mal-post li kien imqiegħed fih. Sqal. cartabboni.   

 

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Ħajr: Mużew tal-Katidral, l-Imdina

KARTAGLORJA / KARTA TAL-GLORJA  Fuq l-artal, waqt il-quddiesa, il-qassis ċelebrant kien ikollu miktuba quddiemu l-orazzjonijiet ta’ ċertu tul, skont il-jum. Dan it-talb kien jitqiegħed fi kwadretti biex is-saċerdot ikun jista’ jaqrah faċilment. Dawn il-kwadretti norm. kienu jkunu tlieta, bil-kwadru tan-nofs xi ftit akbar mit-tnejn l-oħra. Fost it-talb kien ikun hemm biċċa mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, għaliex fl-antik qabel ma tintemm il-quddiesa din kienet dejjem tinqara, il-Kredu u l-Glorja, u t-talb tal-ħasil tal-idejn (il-lavabo). Xi drabi kienu jitqassmu f’erba’ talbiet, kollha fl-istess inkwatru. Maż-żmien dawn il-kwadretti bdew ikunu f’forma aktarx dekorattiva tal-injam jew jew tal-fidda, bħalma mdorrijin narawhom fuq l-artal, l-aktar fil-jiem tal-festi. Sors prinċipali: Lorenzo Zahra. Ara wkoll:  www.kappellimaltin.com.

kartapestaSan BertAmta
Statwa ta’ San Bert

KARTAPESTA   Materjal li bih ħafna drabi jsiru l-istatwi tal-qaddisin u figuri oħrajn. Biex isir il-materjal tal-kartapesta, jintużaw folji tal-gazzetti u karti oħra mqattgħin u mxarrbin bil-kolla normali u kolla tal-verniċ. Dan il-materjal ikun imħallat ukoll bil-ġibs imfarrak, serratura u żejt tal-kittien. Din it-taħlita mbagħad tibda tinbena saff wara l-ieħor fuq xulxin. Biss, il-kartapesta tinbidel ħafna fil-kompożizzjoni tagħha skont il-preferenzi tal-istatwarju li jkun qed jaħdem fuqha. Ġieli jintużaw ukoll taħlita ta’ dawn l-affarijiet imsemmija kollha kif ukoll xkejjer u ċraret għal partijiet tal-istatwa fejn hemm l-ilbies. F’Malta teżisti kultura antika ta’ statwarji li jaħdmu fil-kartapesta. Dawn l-istatwi bdew jinħadmu fis-seklu dsatax, wara li nstab li l-kartapesta kienet eħfef biex iġġorr u irħas biex taħdimha minn statwi tal-injam. Karlu Darmanin mill-Isla, (1825 – 1907), kien x’aktarx l-ewwel l-istatwarju li beda jaħdem bil-kartapesta. Fost l-istatwarji oħra magħrufa nsibu lil Saver Laferla u Wistin Camilleri. Idj: ‘Donnu tal-kartapesta’ – tingħad għal xi ħadd li jweġġa’ malajr. Etim. Tal. cartapasta (oriġ. carta impasta)  – M. karta li tintgħaġen biex tinħadem u titħallat ma’ materjal ieħor biex tingħata l-forma mixtieqa.  Ara:  L-Istatwi Titulari u l-Istatwarji Tagħhom, ta’ Guido Lanfranco.  

KARTOĊĊ   Kontenitur li fl-antik kienu jużaw biex jiżnu l-likwidi bħaż-żejt u l-ħalib. Il-miżura norm. ta’ kartoċċ kienet ekwivalenti għal 1.278 litru. Biss, fir-rigward ta’ birra, inbid u spirti, kartoċċ kien meqjus bħala miżura oħra, din id-darba ekwivalenti għal 1.135 litri.  Tal. quartoccio, un quarto di litro di vino. Ara:  KEJL  ANTIK.

KARWATA     (D) Coperta di letto. Kienu jgħidu, ‘Mort għand il-ġara biex nistrieħ, għamliti l-karwata fil-friex’.

KASKETT     Elmu li jintlibes kemm mis-suldati, pulizija jew dawk li jsuqu l-muturi. Ara: MIRJUN.

KASPITÀ     Espr. li  ma tfisser xejn, biss tesprimi sorpriża jew ħasda. Din il-kelma kienet tintuża waqt xi konversazzjoni, pjuttost minn dawk il-Maltin li kellhom edukazzjoni u kultura Taljana. Espr. purament Taljana li setghet bdiet tintuża b’mod ewfemistiku flok il-kelma cazzo. Tintuża wkoll il-kelma  kaspitina.

KASSATA     (D)  pasticcio piccolo ripieno di formaggio e uova. Pasticcio grande ripieno con erbaggi ed altro simile comestibile come carne, pesce & ecc. Illum ngħidu QASSATA li minnha hawn diversi kwalitajiet.

KastellanKASTELLAN     Oriġ. dan kien dak l-uffiċjal responsabbli mill-kastell; speċi ta’ gvernatur jew kaptan tal-GWARNIGJON għassa fil-kastell. Fil-każ ta’ Malta dan l-appellativ kien jirriferi għar-rappreżentant tas-sid fewdali, li kien jiggverna ‘l Malta. Fiż-żmien medjevali, kienu bosta l-kastellani li għexu f’Sant’Anġlu, qabel ma wasal l-Ordni ta’ San Ġwann Malta. Fost dawn insemmu lil de Nava li kien l-aħħar kastellan li għammar f’Sant’Anġlu. Wara l-wasla tal-Ordni, it-terminu ‘Kastellan’ beda jirriferi għall-imħallef li kien jipproċedi l-każijiet fil-qorti. B’hekk il-qorti kienet imsejħa l-Kastellanija (jew kif kienu jgħidulha l-Maltin, il-Klistanija).   Ara: CASTRUM MARIS, KLISTANIJA.

KASTELLANIJA   Ara:  KLISTANIJA.

kastvaldeheb2.jpgKASTVALL / KASTVAL / KAWŻALLA   1. Ġebla, norm. tal-qawwi minn Għawdex li tkun twila madwar 60 ċm u wiesgħa daqs 15-il ċm. Fiha kien jitħaffer speċi ta’ kanal mat-tul kollu tagħha, biex jintefa’ l-metall mdewweb, fejn jieħu l-forma u jibbies. 2. Il-forma li tingħata lid-deheb jew lill-fidda meta dawn jiddewbu biex isiru ingotti – ngħidu, ‘deheb kastvall’. 3. Kull tip ta’ metall ieħor li jingħata din il-forma biex jintuża bħala saborra fuq il-bastimenti.  4. Ħadida twila, bħal virga, li tintuża bħala fus biex magħha jinżammu r-roti tal-karru jew karozzin.  5. Fig. bniedem ipokrita u li juri wiċċ b’ieħor. Bniedem li ma jistħi minn xejn. kastvall gobonEspr. ‘wiċċ ta’ kastvall’. Hemm espr. oħra li tingħad b’mod ċiniku: ‘Dak il-bniedem fih biċċa deheb kastvall.’ Din tingħad għal xi ħadd li hu faċċol u għaldaqstant mhux ta’ min jafdah.  ĠOBON TAL-KASTVALL Tip ta’ ġobon li jsir mill-ħalib tal-baqar li jingħata s-sura ta’ ħabel immaljat. Dan jiddendel minn lasti orizzontali biex jitħalla jistaġna bil-mod il-mod. Isem li ġej minn tip ta’ ġobon magħruf li jsir fl-Italja t’Isfel, l-aktar fi Sqallija madwar Ragusa, u li jgħidulu caciocavallo. Hawn, dan il-ġobon jingħata l-forma ta’ ingott tad-deheb. Fl-Italja l-forma ta’ dan il-ġobon tixbah lil-lanġas, u jintrabat f’għenieqed.  Etim. Sq. cascavaddu; final. Tal. cacciacavallo. Sorsi: E.S.I. u J.A.     

katakombi _5411 - CopyKATAKOMBI   F’Malta jinsabu numru kbir ta’ katakombi mferrxin maż-żewġ gżejjer, il-maġġjorparti minnhom miġbura fir-Rabat jew fl-inħawi tal-madwar. Dawn il-katakombi jmorru lura saż-żminijiet bikrin ta’ l-ewwel millenju. Il-katakombi bdew jieħdu l-forma b’mod gradwali, fit-tielet seklu W.K. L-akbar katakombi li nafu bihom f’Malta huma dawk ta’ San Pawl u ta’ Sant’Agata fir-Rabat. It-tnejn jinsabu ftit lil hinn mill-grotta ta’ San Pawl, fejn fi żmien Ruman kien preċiżament jaħbat barra s-swar tal-belt kapitali msejħa Melita. Jeżistu katakombi kemm ta’ komunitajiet Insara, kif ukoll dawk pagani u Lhud. F’xi wħud mill-katakombi nsibu s-simbolu Lhudi tal-menorah. Ara: MENORAH. Il-katakombi f’Malta baqgħu jintużaw mill-inqas sas-seklu 7 W.K. Etim: Lat. Kata tumbas M. ‘qalb l-oqbra’ jew anke Gr. Kata + Kumbes M. taħt il-ħofra. Ara: AGAPE. Ara: Essays on The Archaeology And Ancient History of the Maltese Islands – Bronze Age to Byzantine, Mario Buhagiar, 2014. The Study of Maltese Palaeochristian Catacacombs ta’ Mario Buhagiar in Melita Historica, Vol VII no 4, 1983. Malta – Phoenician Punic, Roman ta’ Anthony Bonanno.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Katalett li hemm għal wiri fil-mużew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

KATALETT    Karru li fl-antik kienu jinġarru fih il-morda u l-mejtin. Speċi ta’ kaxxa rettangolari, ġieli magħluqa minn fuq b’tinda li kienet tinġarr fuq ir-roti, u mbuttata minn raġel biex jitrasporta l-morda lejn l-isptar jew il-mejjet għad-difna. Jeżisti katalett antik ta’ żmien il-pesta tal-1813, li hu esebit fil-mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar (ritratt). Hemm katalett ieħor fil-mużew ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt. Idj: ‘Tiġinix b’ħafna kataletti!’ – jiġifieri b’ħafna kliem żejjed jew skużi. Prop. l-etim. himeħuda mit-Tal. cautela. Tal. Cataletta   Gr. Kat li tfisser  fuq + Tal. letto.  Ara: PESTA.     

Book Cover
Afgħas hawn

KATAPAN     1. Storikament dan kien oriġ. il-gvernatur Biżantin li kien jamministra fl-ibliet Taljani. 2. Fiż-żminijiet medjevali dan kien l-uffiċjal li kien jieħu ħsieb l-ilmenti tal-konsumatur. Fi żmien l-Ordni, kif ukoll fi żmien l-Ingliżi, xogħol il-katapan kien li jiġbor is-sisa jew it-taxxa, u li jaċċerta ruħu li l-istrummenti tal-użin tal-bejjiegħa kienu jaqblu fil-kejl ma’ dak stabbilit mill-gvern. Sa żmien ilu, meta kien ikun hemm xi ilment mix-xerrejja, l-uffiċjal ingarigat kien iqabbel il-miżien tal-bejjiegħ ma’ miżien li kien ikun hemm l-għassa tal-pulizija tal-lokalità. Idj. ‘Qiesu katapan!’ – tingħad għal xi ħadd li dejjem għandu x’jagħmel. Tal. accattare : M. tiġbor (ħlas dovut).

KATKAT   Sejħa li ssir biex tattira t-tiġieġ ħalli dawn jieklu l-għalf li jagħtuhom. Pronunzja ta’ ħoss li hu onomatopejku.

KAVAL     (D.)  Xebgħa frosta li tingħata lit-tfal tal-iskola fuq il-warrani.

Kavallerizza 549 - CopyKAVALLERIZZA    Post b’ħafna stalel għaż-żwiemel. L-Ordni ta’ San Ġwann kellha diversi postijiet fejn kienu jitħarrġu l-kavallieri fl-irkib taż-żwiemel. Kien hawn diversi kavallerizzi, fosthom wieħed qrib l-Imdina u ieħor fl-inħawi ta’ Kordin. Imbagħad fis-sena 1613, infetaħ ieħor lejn Marsaxlokk. Dan kien jissejjaħ Torre Cavallerizza, (illum jissejjaħ Palazzo Cavallerizza). F’dan il-bini wieħed għadu jista’ jara ħafna mrabat tal-bhejjem. Fl-1867, ma’ dan il-post kienet inbniet il-kappella tal-Qalb ta’ Ġesu’ minn ċerta Margerita dei Conti Manduca.  Fl-Ewwel Gwerra Dinjija il-post kien ittieħed mill-militar bħala ‘mess’ tal-ufficjali, u fit-Tieni Gwerra din il-binja kienet inbidlet fi kwartier ġenerali tar-Royal Air Force f’Malta. Illum il-post jservi ta’ residenza privata.

KAVALLETT   1. Tripied li fuqu jserraħ blakbord jew inkella tila tal-pittura. It-tila isserraħ fuq żewġ MAZZARELLI. 2. Sarġ tal-injamm magħmul forma triangolari biex fuqu jitqiegħed il-persuna biex tkun ittorturata waqt li tkun interrogata mill-uffiċjal tal-qorti. Sors: V. B. (1900). Ara: CAVALLETTO.

KAVATA   1. Tip ta’ daqq fuq strument tal-korda, eż. fuq il-vjolin jew il-kitarra, li bih il-mużiċist juri ħiltu b’mod straordinarju. 2. Tip ta’ ikel – għaġina f’forma ta’ kannol li norm. timtela bil-ġobon maħkuk u wara t-tisjir jindilek bl-għasel. Skont A. de S. il-kannol kien  jimtela bl-għasel ‘iswed’. Qawl: Għawdxi żokrat (oħxon) il-gremxul ħasbu kavat. Sors: E.S.I. (ara wkoll Damma).

kavetta7KAVETTA   Kontenitur, bħal basket baxx, oriġ. tal-qasab, tal-injam jew taż-żingu, li kien jintuża biex jitqiegħed il-ħut biex jinbiegħ. Il-kavetta ma baqgħetx tintuża la mis-sajjieda u lanqas mill-bejjiegħa tal-ħut minħabba raġunijiet ta’ iġene. Sqal. ricipienti d’alluminiu munitu di mànucu e cuverchiu, usatu pi cuntèniri lu ranciu di li militari duranti l’asircitazzioni a lu campu o li manovri di guerra. Sors: www.scn.wikipedia.org. 

kawba mule chest GR III mule chest_rare_lgKAWBA    Tip ta’ injam ta’ kulur kannella ħamrani. Dan l-injam hu b’saħħtu u meta jinqata’ jżomm wiċċ lixx u tajjeb ħafna biex minnu ssir l-għamara.  Minħabba li dan it-tip ta’ injam ma jmurx malajr, jintuża anki biex jinħadmu partijiet mill-opri tal-baħar. Il-kawba ġejja minn tliet tipi ta’ siġar, kollha nattivi tal-kontinent Amerikan. Biss illum din is-siġra titkabbar ħafna fl-Asja wkoll, l-aktar fl-Indja u fil-Pakistan. Fil-fatt f’dawn il-pajjiżi jsir ħafna xogħol tal-għamara minn dan l-injam. Il-proprja speċi tal-kawba hi l-hekk imsejħa Switienia mahogani, (Ing. mahogany).  Etim. Il-kelma kawba x’aktarx ġejja mill-Ispanjol caoba, rif. li tmur lura saż-żmien meta l-Ispanjoli skoprew din is-siġra fil-Gżejjer Karibej.

KAWKAW    1. Karattru fil-folklor li bih kienu jbeżżaw lit-tfal imqarba. Skont l-għidut, dan kien forma ta’ ħanex kbir li kien jitkaxkar mal-art u li jidħol fid-djar tan-nies minn xi tieqa. Uħud, l-aktar fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, kienu jimmaġinaw dan il-Kawkaw bħal ġgant enormi li b’pass kbir kien kapaċi jaqsam minn fuq għolja għal oħra. Kien ukoll kapaċi b’pass wieħed jaqsam minn Malta għal Għawdex. Is-sieħba tal-Kawkaw kienet l-IMLEJKA. Qawl: Meta jidher il-Kawkaw (kostellazzjoni) riħ Nofsinhar. Ara: GAWGAW. 2. Pjanta li minnha isiru bosta affarijiet fosthom il-KOKOTINA – magħrufa wkoll antikament bħala kawkaw. Ara wkoll: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor ta’ Anton F. Attard, p. 172; ‘Folklore of an Island, Il-Gawgaw and its Origins’ ta’ Pawlu Mizzi, Heritage, Vol. 5; pp. 1638-1640; Il-Qawl Iqul.

kawlata513KAWLATA   Platt tas-soppa magħquda, magħmul minn diversi ħxejjex u b’xi biċċa laħam tal-majjal biex tagħti t-togħma. Fig. Idj: ‘Għamel kawlata’ – għamel taħwida sħiħa. Tal. cavolata li tfisser b’mod fig. ħmerija, iżda fit-tifsira norm. tfisser soppa tal-kromb – jiġ., ħaxix bħal kaboċċi, ġdur, pastard, brokkoli, eċċ. Tal.  cavolo – M. kaboċċa.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAKAXXARIZZ     1. Kaxxa li tinġarr, jew armarju, fejn jinqaflu ħwejjeġ żgħar personali. Fis-sagristija kull qassis ikollu l-kaxxarizz tiegħu, li fih iqiegħed il-paramenti, il-kalċi u affarijiet oħra meħtieġa biex iqaddes. Anki l-abbatini jista’ jkollhom il-kaxxarizzi tagħhom fejn jerfgħu ħwejjiġhom. 2. Għamara fl-injam, ġen. iddekorata bil-panewijiet, li tinsab fil-ġnub jew fin-nofs tas-sagristija jew swali oħra fl-ambjent tal-knisja, eż. sagristija jew oratorju. Dan it-terminu kultant jirriferi għad-dekorazzjoni tal-għamara ddekorata bil-panew mingħajr il-ħtieġa tal-kxaxen. Wieħed jista’ jara xogħol sabiħ ta’ kaxxarizzi fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Dawn inħadmu fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena, kif turi l-arma. Xogħol ieħor sabiħ jinsab fl-oratorju tas-Sagrament, fl-anness tal-kunvent tad-Dumnikani, il-Belt. Ta’ min wieħed isemmi wkoll il-kaxxarizzi sbieħ li hemm fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Sqal. casciarizzu. Ara: Teżori fil-Knejjes Maltin, Vol. 1, p. 214.   

KAŻA    (D.) n. Ċajta, ingann. v. waqqa’ għaċ-ċajt. KAŻAJRI wieħed li jdaħħaq jew iwaqqa’ għaż-żufjett. Qawl: Min jitkaża jaqa’ fil-każa.

KAŻAKKA   1. Skont J.A., il-każakka hi tunika jew dublett.  2. Skont E.S.I., din hi tip ta’ libsa li tkun meħjuta norm. sħiħa biex tintlibes fuq kollox, bil-qliezi, u tinqafel mill-għonq sa isfel nett. Tip ta’ ġagaga. Il-każakka tkun ta’ materjal b’saħħtu li jiflaħ sew għax-xogħol manwali. Tal. casacca. Ħwejjeġ meħjuta fil-wisa’, eż. xi qmis jew ġlekk ta’ tul varju, li ġieli jinqaflu bil-buttuni mill-ġenb. Ing. cassock.   KAŻAKK   Il-buttuni jew iż-żipp tal-qalziet li llum ngħidulu kużakk. E.S.I. ma jagħtix KUŻAKK.

KAZZOLA    (pl. kzazel)  1.  Borma żgħira li fiha ħafna drabi jissajru z-zlazi, eċċ. 2. Għodda biex tkaħħal biha. Din tkun forma kultant triangolari, kultant ta’ forma oħra iżda dejjem ċatta biex biha wieħed ikun jista’ jillixxa u jkaħħal it-taħlita tas-siment, eċċ. Espr: ‘Il-kazzola bir-ross’ jew: ‘X’il-kazzola trid!’ Din hi forma ta’ ewf. għal espr. aktarx vulgari.  Sqal. cazzola.   

KAZZOTT    Tip ta’ tabakk maqtugħ f’biċċiet irqaq u twal u li bih wieħed ipejjep il-pipa. Weraq tat-tabakk ippressat li jkun imqatta’ biċċiet żgħar biex jintmagħad. Tal. cazzotto da pipa molto duro della Sicilia. Tipo di tabacco di masticare. Sors etim: J.A.

KBIR,  Il-   Terminu ewf. ieħor għax-xitan. (D) Qawl: Achiar n-aghmelha mal kbir au mieghak. Meglio ch’io soggiaccia al Demonio che a te.

KEĊIĊU     Raġel belieni. Sors: M.A.V.

KEFEN     Liżar li bih wieħed ikeffen lill-mejjet. Fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, p. 48, Ġużè Galea juża dan in-nom b’mod figurattiv: ‘[…] l-imsejken waqa’ fi dwejjaq kbar … hekk kif il-kefen tal-lejl għatta ‘l dawk l-inħawi’.

KEFES     (D.) ecclessosi la luna.

KEFFA    1. Il-kontenitur tal-miżien fejn jitqiegħed l-oġġett biex jintiżen. 2. It-tarf tal-libsa, jew ġlekk, jew qalziet fejn il-ħjata ssir b’mod li d-drapp ma jiżżarradx.Ngħidu, ‘għamel idu keffa, meta wieħed joħroġ idu biex jagħtuh xi ħaġa tal-flus jew oġġetti żgħar’.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

KEFFIEN     (D.)   Dak li jkeffen il-mejtin biex jindifnu.

KEJL   ANTIK

Fit-tul
Qasba                        8 ixbar                       2.095 m
Xiber                       11-il pulzier                  26.194 ċm
Pulzier                     2.5 ċentimetri                 21.83 mm

Fil-kwadru (għelieqi eċċ.)
Modd  (salma)     18-il tomna                 10,000 m. kw.
Tomna              6 sigħan                    0.112 Ettari
Siegħ             10 kejliet                 187.354 m. kwadru
Kejla                                         18.735 m. kwadru

Fil-volum  (ċereali u jew xott)

Modd (salma)       16-il tomna                0.2909 metru kwadru
Tomna                                         18.18  metru kwadru
Volumi (likwidi) ta’ żmien l-Ingliżi

Gallun                                        5.79 pinta
Pinta                                        20 uqija
Toqol 
Użin tal-oġġetti tal-ikel 

Wiżna        5 Artal  (pl ta' ratal - 4 kg x 5)

Deheb
Uqija waħda tagħmel 8 ottavi;  otav fih 4 trapiżi; 
trapiż fih 18-il koċċ.

kejla tal ġwież009KEJLA     1. Kontenitur qisu injama mħaffra, li kien jintuża bħala miżura biex jinbiegħu f’daqs żgħir, prodotti bħal, ċereali, karawett, ful, kappar, ċiċri, eċċ. Il-kejla kienet tesa’ sa daqs 1 minn għaxar sigħan. 2. Miżura li biha titkejjel l-art agrikola. F’dan il-każ 10 kejliet jagħmlu siegħ, jiġ. 18.74 metru kwadru.

KEJLI      (D.) Isem mqassar flok Mikiel.

 

kelb tal-fenekKELB TAL-FENEK    Dan hu kelb tar-razza pura Maltija, għalkemm razez oħra bħalu jeżistu kemm fi Sqallija, f’Carnici dell’Etna, u f’Ibiża (dan tal-aħħar jgħidulu bl. Ing. Ibiza Hound). Il-kelb tal-fenek hu ta’ kulur kannella ħamrani. Il-kelb hu rqajjaq, b’saqajn twal u mmuskulat fl-istatura tiegħu. Għaldaqstant hu kelb żnell u ħafif ħafna fil-ġiri. Dan il-kelb l-Ingliżi jsibuh ġen. bħala Pharoah’s Hound, għaliex dan jixbah il-kelb li ta’ spiss jidher fit-tpinġijiet antiki tal-Eġizzjani. Kif jindika ismu, f’Malta dan il-kelb kien jintuża biex jikkaċċjaw il-fniek. Fl-antik kont tara ħafna klieb ta’ din ir-razza f’Għawdex. Sfortunatament, illum din ir-razza waslet biex tispiċċa.  Ara: ‘The Kelb tal-Fenek Past, Present and Future’ ta’ Charlotte de Trafford fi Treasures of Malta, Christmas 2003, no 28, Vol X, no 1. pp. 37-42.  

KELB TAL-FERMA      (D.) Kelb tal-kaċċa.

KELBUNAZZ     Mod li wieħed jgħajjar lil xi ħadd ta’ qalb kiefra u ta’ ħażen kbir. Dan l-appel. qiegħed iqabbel il-bniedem mal-kelb, l-istess bħal meta wieħed jgħid: ‘Ja kelb li int!’ A. de S. jgħid li din il-kelma kienet tingħad fi żmienu.

KELEJLU    Karattru folkoristiku li fl-antik kienu jbeżżgħu t-tfal bih. Raġel li jiġġerra waħdu fit-toroq biex jaħtaf it-tfal. Kont ta’ spiss tisma’ min jgħid lit-tfal: ‘toħroġx barra bil-lejl għax jiġi Kelejlu għalik’.  Sors: E.S.I.

Kemmun plant198KEMMUN    Jeżistu żewġ tipi ta’ kemmun, dak morr u dak ħelu. Tal-ewwel jintuża biex minnu jsir l-aniżett, waqt li l-ieħor ħelu, fl-antik kien jintuża l-aktar bħala mediċina għall-uġigħ fl-għadam u l-ġogi. Apparti minn hekk, il-kemmun kienu jsibuh tajjeb biex jirregola d-diġistjoni tal-ikel. Illum, il-kemmun jintuża l-aktar biex jgħati t-togħma ‘l ikel. Is. xj. Cuminum cyminum. Mill-ħxejjex aromatiċi kollha, il-kemmun kien l-aktar  mfittxija wara l-bżar. Il-kemmun kien jiġi kkultivat anke fi żmien ir-Rumani, u għadu sal-lum apprezzat għat-togħma tajba tiegħu. Din il-pjanta Kemmun zerrieghastinżera’ fir-rebbiegħa u tinħasad fil-ħarifa. F’Malta, il-kemmun kien jitkabbar l-aktar bejn is-seklu erbatax u s-seklu dsatax. Fi żmien l-Ordni, dan kien l-aktar prodott agrikolu li kien esportat minn Malta flimkien mal-qoton.  Ing. cumin jew cumminKEMMUN ĦELU, jgħidulu wkoll anis. Is. xj. Pimpinella anisum.  Ara: ‘The Land, The Sea and the eight-pointed cross: economy and material life in mid-16th century Malta’ ta’ Emmanuel Buttigieg, Sacra Militia, issue 4, 2005, pp. 53-60. 

KEMUŻELL      Ara: KAMUŻEL.

KEMXA     Kelma li tingħad norm. fil-frażi, ‘kemxa flus’. Illum din il-frażi tirreferi għal xi somma sostanzjali ta’ flus, biss M.A.V. (1796) jaqliba għat-Tal. poco.

KENNA     Rif. għall-mart l-iben. Il-mara miżżewġa lit-tifel kif magħrufa u tissejjaħ mill-ġenituri ta’ żewġha (Ing. daughter-in-law). Qawl: Li l-imdanna tħobb lill-kenna, kieku l-infern isir ġenna. Ara: MDANNA.

kenur rita sam11KENUR / KENUN    (pl. kwiener)   Ġebla mħaffra apposta biex fiha jitkebbes in-nar. Il-kontenitur tat-tisjir jitqiegħed fuq l-erbat itruf għoljin tal-ġebla waqt li n-nar jitkebbes minn waħda mital-ġnub tal-istess ġebla. Bi ftit tiben jitkebbes l-injam jew il-faħam biex imbagħad il-ġmamar jibqgħu jsaħħnu b’temperatura kostanti. Kien hemm żmien li dawn il-kwiener kienu jinħadmu bi kwantitajiet kbar f’Għawdex u imbagħad jinbiegħu Malta.

KERĊMA     (D.)  Ħabs.

KERĊUĦ.     Tiġieġa li ma tkunx kibret kemm suppost. 2. Il-frott li jikber l-aħħar fis-siġra u li jibqa’ żgħir. Eż. tadam imkerċaħ. Bniedem pallidu u li jidher marid. 1. KERĊAĦ  v. Mexa  bi tbatija; eż., tbandal ’l hinn u ’l hawn fil-mixi l-aktar minħabba l-ħxuna żejda. 2. v. Webbes bil-kesħa.  3. v. Eż. It-temp kiesaħ kerċaħ il-pjanti – jiġ., it-temp fixkel il-pjanti milli jikbru kif suppost(D.) Bniedem li minħabba xi marda jitlef kuluru.

KERKNI      (D.)  Nanu.

KERMEŻIN     Kulur ħamrani jgħajjat, sabiħ u qawwi. Etim. Għ. kremżi. Ing. crimson.

KERREW, SAN    Ara:  KURRAD, SAN

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAKERUBIN    1. Il-Kerubini huma anġli kkategorizzati fit-tieni livell wara s-Serafini. Il-Kerubini jissemmew kemm-il darba fil-Bibbja, eż., fil-Ktieb tar-Rejiet. Il-profeta Eżekjel jiddiskrivihom bħala kreaturi li għandhom erbat uċuh – dawk ta’ barri, ta’ ajkla, ta’ ljun u ta’ bniedem. Il-Kerubini jissemmew ukoll fit-Testment il-Ġdid, fil-Ktieb tar-Revelazzjonijiet. 2. Putto.  Rappreżentazzjoni ta’ anġlu żgħir li jidher fl-arti sagra ħafna drabi f’sura ta’ ras ta’ tifel żgħir gustuż. 3. Fig. Tifel ta’ ġmiel kbir, x’aktarx bjond. Tal. cherubino.

KERREJJA     Binja, bħal dar kbira li tinkera lil bosta persuni, pjuttost foqra.

KETKUTI     Kelma li ġejja mill-Għ. ketkut li tfisser fellus. KETKET v. – għajjat lit-tiġieġ (onom.) Il-kunjom Chetcuti ġej minnu għalkemm kien hemm xi żmien li dan il-kunjom kien ġieli jidher, Tektuki. Fiż-żewġ każi dan kien laqam ta’ dik il-persuna li trabbi t-tiġieġ, li biż-żmien sar kunjom.

KEWKBA FEĠĠA    Kewkba li tfiġġ fis-sema mingħajr stennija u li tgħib wara ftit sekondi (Ing. shooting star). F’Ward ta’ Qari Malti, (1945), il-poeta V. Mifsud Bonnici kiteb poeżija twila li ġġib l-isem Kewba Feġġa. L-ewwel stanza ta’ din il-poeżija tgħid hekk:

                         Kewkba feġġa
                         li bħal vleġġa
                         tgħaddi tiġri ġe’ smewwiet,
                         nindaħallek
                         jekk nagħmillek
                         jiena dal-mistoqsijiet?

F’nota tal-istess ktieb fejn dehret din il-poeżija l-editur jinfurmana li fl-irħula, meta n-nies jaraw kewkba feġġa, kienu jwiddbu li mhux sew tħares lejha għax jista’ jiġrilek xi magħmul. Min jara dan il-fenomenu kien imwissi li għandu jitlob hekk: ‘Istorni biex nistrok.’ Dan il-verb ġej minn ‘satar’, jiġ., għatta jew ħeba. Qawl: Nistrok biex tistorni sakemm il-mewt tiġborni. Sorsi: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 76-78; E.S.I.

KEWKBA TAL-GĦARB    Isem ieħor għall-Kewkba Żahrija, jew kif nafuha aħjar, Venere (Ing. Venus), li tispikka bid-dawl tagħha fis-sema, l-aktar filgħodu kmieni jew filgħaxijiet ma’ nżul ix-xemx. Din hi l-eqreb pjaneta lejn id-dinja tagħna, f’distanza li tvarja bejn 261 miljun kilometru ’l bogħod, u 38 miljun kilometru qrib. Il-kelma ‘Għarb’ tirriferi għall-Punent għaliex din il-kewkba dejjem tidher fil-Punent. Il-poeta E. Cachia jsemmi din il-kewkba f’poeżija jisimha ‘Ir-Ragħajja ta’ Għawdex’, li tibda hekk:

                      Xħin il-kewkba tal-Għarb tidher
                      u l-għasafar jiksru s-skiet,
                      ta’ kuljum Gawdenz u Rożi,
                      jaqbdu t-triq biż-żewġ merħliet:
                      ferħanin it-tnejn flimkien,
                      għanja waħda sal-widien

Sors: Ward ta’ Qari Malti (ed. P.P. Saydon u Ġ. Aquilina, 1936, p. 73).

kewkbat is safarxx.gifKEWKBET IS-SAFAR     Rif. bil-Malti għall-iStella Polaris (Ing. Polar Star / Northern Star). Għal mijiet ta’ snin, l-aktar mis-seklu ħmistax ’il quddiem, din l-istilla kienet meqjusa bħala punt ta’ riferiment għall-baħħara biex iżommu d-direzzjoni tan-navigazzjoni tal-bastiment. Dan għaliex din hi kewkba li dejjem tidher f’post fiss fis-smewwiet, lejn it-Tramuntana (Ing. Polar Axis), u ta’ min wieħed jafda fiha bħal riferiment ta’ direzzjoni. Il-bqija tal-istilel u l-kostellazzjonijiet li jidhru fis-smewwiet huma ppożizzjonati b’xi mod jew ieħor f’relazzjoni magħha. Dun Karm kiteb poeżija ddedikata lil din il-kewkba. Din il-poeżija li dehret f’Leħen il-Malti u fil-Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 241, għandha erba’ strofi u tibda hekk:

Int biss ma titħarrekx; u kull flgħaxija
fil-jiem li naħrab tal-ibliet is-sħana
minn sema safi, ibajjad bl-oħla dija,
tidhirli tlebleb fuq it-Tramuntana.

KEWKBA TAS-SEBĦ     (D.)  Aurora.

kewba tax-xuxaz.jpgKEWKBA  TAX-XUXA / KEWKBA BID-DENB / RAXX TAD-DENB    Isem ieħor għal tip ta’ kometa li tidher tkaxkar magħha d-dawl. Fenomenu astrali li meta jidher dejjem jqajjem il-kurżità. Mingħajr l-għerf xjentifiku astronomiku, bosta fl-antik kienu jaqgħu għas-superstizzjonijiet u xi wħud kienu jemmnu li meta tidher din il-kometa dan kien sinjal ta’ twissija minn Alla, ta’ xi katakliżmu li kellha taqgħa dalwaqt fuq l-umanità. Meta fis-sena 1909 dehret il-famuża Halley’s Comet ħafna interpretawha bħala sinjal ta’ risq ħażin, l-aktar għax denbha kien imgħawweġ ’l isfel u mhux ’il fuq. Għal ħafna, ir-risq ħażin kien ikkonfermat meta xi snin wara faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914) li kkważat il-mewt ta’ miljuni kbar ta’ nies.  L-aħħar darba li dehret il-kometa Halley kien fl-1986. Ara:  Folklore of An Island, ta’ Tarcisio Zarb, pp. 341-348.

KEWKBA TAŻ-ŻEJT  / XAĦAM    Qatra żejt  jew qatra xaħam (V.B. 1900).

KIBX    Wild in-nagħġa jew wild il-mogħża. Muntun żgħir li jaħbat jispuntawlu l-qrun. Il-kelma tintuża b’mod ta’ tgħajjir, eż. ‘ Ja kibx ‘l int!’. (D.)  Din il-kelma tingħad ukoll għal xi ħadd li jkun ittradut minn martu, għalkemm aktar nużaw il-kelma MUQRAN jew KORNUT.

KIELI      Isem imqassar għal Mikiel.  Hemm ukoll l-isem Kelina jew Kejli, flok Mikelina.

KIES    (Pl. kwies.) Tazza, kikkra għax-xorb. KIES TAT-TQARBIN   Tazza bis-sieq, tal-ħġieġ jew tal-metall, bħad-deheb biex jitferra l-inbid fih. Kalċi tal-quddiesa.

KIFS    L-eklissi, kemm tax-xemx kif ukoll tal-qamar. Meta dawn jiddallmu ngħidu dawn jiksfu. Mill-Għarbi كسوف, (tinqara, ksuf). (Innota li l-kelma bl-Għarbi għandha l-konsonanti ‘s’ qabel il-konsonanti f u allura ‘kifs’ suppost għandha tingħad kisf – każ ta’ metatesi). Meta l-qamar jikfes, jiġ. jħalli t-tarf, (iċ-ċirkonferenza) tax-xemx jidħer, dan jissejjaħ, ‘eklissi anulari’, (mit-Taljan anello.) Il-kelma kifs tintuża minn Temi Zammit bħala verb fil-kitba tiegħu, ‘L-Eklissi’ ‘[,…] x’ħin wasal il-waqt ix-xemx bdiet tikfes’, [bdiet tkun mgħottija mill-qamar]. Sors: Ħrejjef, Stejjer, u Kitba Oħra, miġburin minn A. Cremona, Progress Press, (1963). 

KIFU      (D.)  Tingħad fil-frażi, ‘ma hemmx kifu’, non avvi come lui.

KILBA   Kelma li tintuża fil-frażi ‘kilba kbira’, jiġ. xewqa esaġerata. KLUBI  Aġġ. li jirriferi għal xi ħadd li jixtieq jakkwista xi ħaġa, eż. oġġett jew poter, b’kull mod possibbli. Ngħidu, ‘Għandi għatx / ġuħ klubi.’   KLUBIJA  Rieda qawwija. Qilla u ħruxija fl-imġiba ma’ ħaddieħor. Fl-istorja Mattew Callus, Ġużè Muscat Azzopardi jgħid hekk: ‘Ħafna baħrin mardu b’deni klubi fuq ix-xwieni.’ (Klabb Kotba Maltin, 2001, p. 31).

KILEB    (pl. klejjeb)  1. Fit-term. tal-kostruzzjoni din tirriferi għas-saljatura ta’ taħt il-gallarija.  2. Bħal xorok ċatti u ta’ ħxuna żgħira li joħorġu jtarrġu waħda fuq l-oħra la ġenba minn mal-ħajt ’il barra lejn in-nofs tal-kamra. B’hekk, waqt li dawn jiffurmaw parti mis-saqaf, inaqqsu d-distanza biex il-bqija tax-xorok li jistrieħu fuqhom jaqsmu minn naħa għall-oħra tal-ispazju tas-saqaf. Għ. kalb jew kalib. Sors: J.A. Ara: Kliem Antik ta’ Godfrey Wettinger, p. 90; Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, Ġużi Gatt, p. 73.

king tomKING TOM   Laqam mogħti lill-ewwel Gvernatur ta’ Malta, Thomas Maitland (1814-1824). Dan l-appellativ kien ivvintat oriġ. minn ċertu C. Lettsome (1740-1810) biex iwaqqa’ għaċ-ċajt lill-kap tat-tribù fi Sjerra Leone msejjaħ Temne. Dan il-kap tat-tribù kien jilbes ħwejjeġ b’kuluri jgħajtu u kappell kbir fuq rasu, u kullani tad-deheb bħallikieku biex jimpressjona. Biss, kien jgħix fi speċi ta’ girna bħall-bqija tat-tribù. Mela King Tom hu appellattiv li jxebbah lill-Gvernatur Maitland ma’ kap li jippretendiha meta ma għandux għalfejn. Maitland kien mexxej awtokratiku għall-aħħar. l-Ingliżi stess ma kinux jistgħu għalih. Hu kien mistmerr ukoll fil-Gżejjer Jonji, fejn hemm kellu wkoll il-kariga ta’ Kummissarju Għoli tal-Gvern Ingliż. Ara: British Malta, ta’ A.V. Laferla, pp. 77-108; ‘The People Versus Maitland’ ta’ Leonard Grech, Heritage, Vol. 2, pp. 28-529.    

KINA2.jpgKINA    1. Ċaqquf.  Ngħidu, ‘qisu tal-kina’  – tingħad għal xi ħadd li hu delikat. Etim. Oriġ. din kienet rif. għall-porċellana impurtata miċ-ċina. 2. Sriedek, tiġieġ jew ħamiem imsejjaħ ‘Tal-kina’ minħabba ċ-ċokon u l-ħlewwa tagħhom, bħal xi ħaġa żgħira u delikata. (Ing. china). Wieħed jista’ jassumi li  xi darba kienu jeżistu xi xogħlijiet taċ-ċeramika li setgħu kienu jirraffiguraw dawn l-għasafar u b’hekk l-isem beda japplika ukoll  għal dawn it-tjur żgħar.

KIRA    1. Post li jinkera minn xi ħadd biex jgħix fih jew jagħmel użu minnu. 2. Ħabs (M.A.V. 1796). Qawl: Dak li jibża’ fil-kira għandu jmut fil-għeri. – jiġ., dak li jibża’ mill-għeluq imut fil-miftuħ (M.A.V. 1828).

KIRJANZA    Etikett. Manjieri tajba tan-nies meta dawn ikunu fil-kumpanija ta’ xulxin. Espr. ‘Għedtlu bonġu għall-kirjanza u xejn iżjed’.  Tal. creanza – M. manjieri tajbin.

KIRJÉ     Ġejja mill-frażi Kyrie eleison (Gr.), li tfisser ‘O Sinjur’. Din hi t-talba li tingħad waqt il-quddiesa bir-rit Latin u li tfisser ‘O Sinjur ikollok ħniena minna.’  Ngħidu,  ‘x’il-kirje jrid?’

kirxadf06_08-06_tripeKIRXA   Il-kirxa tagħmel parti mill-istonku tal-barri u annimali oħra. Idj: ‘Qatt ma kilt il-kirxa miegħu’ – tingħad biex tiddeskrivi relazzjoni ta’ bla importanza bejn bniedem u ieħor. Meta tistieden lil xi ħadd biex jiekol il-kirxa miegħek, tkun qed timplika li tixtieq toffri ikla speċjali lil xi ħadd li għandek ħbiberija intima miegħu. Biex issajjar il-kirxa, jinħtieġ ħafna preparazzjoni. Qabel xejn, il-kirxa trid tinħasel sew, għaliex mal-istonku ħafna drabi jkun hemm fdalijiet tal-ikel li jkun għadu mhux iddiġerit mill-annimal u dan il-materjal kapaċi jkun velenuż għall-bniedem. Il-kirxa trid titgħalla fl-ilma bil-melħ, għal bejn sagħtejn u tliet sigħat. Magħha mbagħad jintefa’ l-istuffat biex din tieħu t-togħma tiegħu.  Ngħidu, ‘mela kirxtu u mar’, (V.B. (1900).  Ing. tripe.

KIRXATA     Din il-kelma ma tinstabx la fid-dizzjunarju ta’ Aquilina u lanqas ta’ Serracino Inglott, biss sibtha fir-rumanz ta’ Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda, p. 22: ‘[…] Xandru qagħad jisma’ din it-tagħjira li t-tifla tatu bħal ħati li b’rasu baxxa jkun jaqla’ kirxata li tistħoqqlu mingħand l-imħallef’.

KITEF / KITF    Spalla, (pl. imtenni: kitfejn). Il-ġwejnaħ tal-ispalla. Espr. ‘Bniedem liebes imkittef’ – jiġ. bniedem li jkun liebes ħwejjeġ li jkunu kemm kemm jiġuh. KITTEF  1. v. Għolla spallejh bħallikieku ma jimpurtah minn xejn. 2. v. Ħiet libsa b’mod li meta tintlibes din tkun marsusa wisq. 3. v. Qala’ kull rixa ta’ għasfur, bħal meta wieħed inittef tiġieġa. 4. Fig. Tirbaħ kull sold mil-logħob, eż., tal-karti. Fig.  5. Tfajjel imkittef – rif. għal xi tifel li minkejja l-età tiegħu jkun baqa’ ta’ statura żgħira. (D.) KEFTEJN (Nassumi li A. de S. qiegħed jalludi għal KITFEJN)  Narmi wara l-keftejn. Buttar dietro le spalle. L. rejectare.  Ara:  ĠISEM IL-BNIEDEM.

KITMEJMUN     Ara: GIDMEJMUN.

KITTIEB L-INĠIR     (D.) EvanġelistaAra: INĠIR.

Kittien, line, thread.jpgKITTIEN   Is. xj.  Lineum strictum.  Flaks tal-kittien imħarbat. (Ing. upright flax) u L. tigynum Ing. (Southern flax). Xitla  li minnha  jittieħed il-ħajt biex isir l-għażel (Ing. linen). Miż-żerriegħa ta’ din ix-xitla jsir iż-żejt tal-kittien, li jintuża għal għanijiet varji, fosthom biex jitħallat maż-żebgħa taż-żejt, jew biex jinksew il-ħitan, fejn hemm il-ġebla qed tfarfar, ‘mielħa’ dan ma jseħħx. Verament din mhix soluzzjoni li tipprevjeni li dan jiġri, biss l-antiki kienu jemmnu li ż-żejt tal-kittien fuq il-ħajt kapaċii biex jipproteġi l-ġebla.   

KIXTBIENA / KUXTBIENA / KUXBIENA   1. Biċċa għuda lixxa, maqtugħa fit-tul biex torbot flimkien diversi twavel, bħal pereż., dawk ta’ xatba jew bieba u affarijiet simili biex iżommu sod flimkien. 2. Minċott (Ing. mortise). Sorsi: V. Busuttil (1900), u Kalepin (1941) u E.S.I.

KIXXI     Ħoss li wieħed jagħmel biex ikeċċi ’l hinn annimali, pereż., xi qattus. Ngħidu, ‘kixxi ’l hinn’. L-istess tingħad bit-Tal. jew Sqal. voce con cui si cacciano le gatte. Onom. Sors etim: J.A.

KJERIKU    Wieħed li jistudja biex isir qassis; abbati. Fil-Medjuevu kien hemm irġiel miżżewġa li kienu jgħinu fil-knejjes, li kienu wkoll jissejħu kjeriċi. Appellattiv ieħor għal kull min mhux saċerdot, iżda jilbes u jieħu sehem fil-funzjonijiet liturġiċi. Tal. chierico – giovane avviato al sacerdozio. Fi żmien l-Ordni, il-kjeriċi kienu sottomessi għall-awtorità tal-Isqof u l-Ordni ma kellu l-ebda setgħa fuqhom.

klamar xxx.jpgKLAMAR    1. Mollusk li jixbah lill-qarnita għax għandu tmien saqajn, biss hu  aktar mislut fil-forma tiegħu. Speċi li tinsab mad-dinja kollha. Bħall-qarnit il-klamar jispara minnu fluwidu qisu linka. Ing. squid. 2. Reċipjent żgħir, norm. tal-ħġieġ jew metall, mimli bil-linka biex il-kittieb ibill il-pinna fihaklamar.jpg uhu u jikteb. Ngħidu, ‘Dak il-bniedem trid tkun bil-pinna u l-klamar miegħu,’ B’din wieħed jirrimarka li ċerti individwi trid tkun preċiż għall-aħħar li taqdihom f’kull xewqa li jkollhom. X’aktarx din l-analoġija għandha tfisser ukoll li appena tagħmel xi ħaġa tajba ma dak li jkun, trid tkun lest li tikkumplimentaha b’xi ħaġa oħra mill-aktar fis. Tal. calamaro.

klawsura faccataIMG_0087 (2).jpgKLAWSURA    1. X’imkien magħluq. Fl-antik fid-dokumenti notarili l-Clausura kienet tirreferi għal xi għalqa. Intant, il-kelma għalqa tfisser ukoll art agrikola magħluqa b’reċint. 2. SORIJIET / PATRIJIET TAL-KLAWSURA  Ordnijiet reliġjużi fejn is-sorijiet jgħixu f’kunvent, marbutin b’regoli ta’ kontemplazzjoni u xogħol mingħajr ma qatt jixirfu ‘l barra mill-kunvent. F’Malta hawn ħames ordinijiet tal-klawsura, u dawn jgħixu f’sitt kunventi. Dawn huma: Il-Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru ta’ l-Imdina u bħalhom l-Benedittini ta’ Santa Skolastika fil-Birgu (ritratt), l-Ursolini (Ordni tal-Kavallieri) fil-kunvent ta’ Sant’Ursola il-Belt; is-sorijiet Agostinjani, li jgħammru fil-Monasteru ta’ Santa Katarina fi Triq ir-Repubblika il-Belt; il-Klarissi ta’ Triq Reġjonali San Ġiljan, u s-sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Santa Margerita, f’Bormla.)

KLEJJEB      Kelb żgħir. Sors: M.A.V.

KLIL    Pl. kliel.  1. Diadema. Iċ-ċirku tond, kultant sinjal kultant ċirku mimli bid-dawl, li fl-arti nisranija jirrapreżenta l-persuna hu qaddis. Ing. halo. 2. Kuruna li titqiegħed fuq ras ir-re jew ir-reġina. 3. Iċ-ċirka tax-xagħar maqtugħa lill-patirijiet. 4. Pjanta li titkabbar u tintuża l-aktar biex jitħawwar l-ikel biha. Is. xj. Rosmarinus officinalis, magħrufa wkoll bħal KLIN. Fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, (p.180), Wistin Born jikteb hekk: ‘[… Il-ġisem ta’] Xandru kien imdawwar bix-xema’ u bil-kliel tal-ward’.

Klistanija 121.jpgKLISTANIJA / KASTELLANJA  Il-klistanija u l-mogħod kif il-Maltin sa ftit żmien ilu kienu jsejħu il-qorti jew il-Castellania. Fiż-żmien medjevali, il-Kastellan f’Malta kien mibgħut mill-awtoritajiet ta’ Sqallija biex jirrapreżentahom f’Malta. Dan kellu r-residenza tiegħu fil-kastell ta’ Sant’Anġlu, il-Birgu u miegħu GWARNIĠĠJON biex jiddefendi l-gżira u l-interessi tiegħu. Biż-żmien, il-kastellan kellu wkoll rwol ta’ imħallef u hekk il-qorti saret magħrufa bħala l-Kastellanja. Mal-wasla tiegħu f’Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann stabbilixxa l-ruħu fil-Birgu, u l-qorti tiegħu kienet waqqafha fil-binja fejn wara kienet mgħotija lill-Inwiżituri.  Meta l-Ordni mar il-Belt, il-Kastellanja kienet meħudha fi Triq il-Merkanti, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa. Il-Maltin kienu baqgħu jgħidulha l-Klistanija. Il-faċċata ta’ din il-binja reġgħet inbniet fi stil Barokk fl-1760 minn Francesco Zerafa. Ngħidu, ‘wiċċu qisu l-għatba tal-klistanija’ – tingħad għal xi ħadd li wiċċu jagħtih u ma jistħi minn xejn. Ara: The Castellania Palace, From Law Courts To Guardian of the Nation’s Health,  ta’ Paul Cassar, 1988. 

KLUBIJA     Ara: KILBA.

KOĊĊ     Din il-kelma fil-Malti norm. tfisser kwantità żgħira ta’ oġġetti, norm. kemm tesa’ pala t’id, jew ponn. Biss, l-Għawdxin jużaw l-istess kelma biex tirreferi għal ammont kbir. Fl-istess ħin, f’Għawdex din il-kelma tintuża wkoll biex tiddeskrivi l-kwantitajiet ta’ żerriegħa li tinżera fil-ħofor (jew bejtiet kif jgħiduhom il-bdiewa) tal-ħamrija. Il-plural ta’ ‘koċċ’ hu ‘kċuċ’. Min jiżra’ bil-kċuċ, ikun qiegħed jiżra’ ħatfa żerriegħa f’kull bejta. Il-kelma koċċ kienet tintuza wkoll meta kienu jiżnu d-deheb qabel ma kien hawn il-grammi. Sqal.  cocciuqualsiasi minima cosaSors etim. J.A. Ara: Mill-Ħajja ta’ L-Imgħoddi, ta’ Anton F. Attard, p. 41, 42.

ilimpet001p4KOĊĊLA   1. Mollusk tal-baħar. Wieħed jista’ jara kwantità kbira ta’ koċċli l-aktar mal-blat, jew miġmugħa mal-qiegħ tad-dgħajjes u bastimenti. Minn żmien għal ieħor ikun hemm bżonn li l-qiegħ tad-dgħajsa jkun xkatlat biex il-koċċli u l-pjanti li jkunu qed jikbru mal-qiegħ ma jtaqqlux l-opra tal-baħar. Jeżistu diversi tipi ta’ koċċli. Forsi l-aktar magħrufa huma dawk tal-ispeċi Ostrea edulis (Ing. Mud jew Edible oyster), u oħrajn simili. Dawn huma tip ta’ koccli 20200712_094659mħar żgħar li daharhom ikun kemxejn imtarraġ ‘l fuq. 2.  Nuqqas totali ta’ enerġija fil-bniedem, bħal meta wieħed tagħtih puplesija. Espr.  ‘Qisu koċċla’ – tingħad għal bniedem mgħaxxex u bla enerġija. 3. Puplesija jew ċmajra. Kundizzjoni fejn il-ġisem jiggronċja u jitkebbeb. Ngħidu, ‘narra taqbdek koċċla’. Frans Vella (1831) jitraduċieha bl-Ing., Palsy. Sqal. cocciuli. Tal. cocciola.  Sors: J.A.  

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Iskrizzjoni fl-irħam li tinsab fiċ-ċimiterju ta’ Wied Għammieq, l-Kalkara

KOLERA  Marda ikkawżata mill-bakterja vibrio cholera. L-isem Cholera morbus ingħata fl-1704, għall-marda li jaħsbu li oriġinat fl-Indja fejn kienet u għadha tfiġġ minn żmien għall-ieħor, xi minn daqqiet b’mod epidemiku. Is-sors ta’ dan il-mikrobu hu l-ilma, jew l-ikel infettat. Is-sintomu l-aktar evidenti ta’ din il-marda hi dijarea qawwija u uġigħ ta’ żaqq. Din l-infezzjoni tikkawża nixfa minn ġewwa fi ftit sigħat. Jekk il-fluwidi li jonqsu fil-ġisem ma jkunux mogħtija lura il-pazjent imut f’qasir żmien. Il-marda nfirxet għall-ewwel darba lejn il-Mediterran fis-seklu dsatax, l-aktar bejn l-1816 u l-1826, x’aktarx meta kaxkruha magħhom mill-Indja il-baħrin u s-suldati Ingliżi. Il-fejqan minn din il-marda kien diffiċli, u l-unika rimedju għaliha kienet xarba b’taħlita ta’ ħxejjex mediċinali, biex jittaffa l-uġigħ, iżda li ma tfejjaqx. Il-kolera daħlet f’Malta, b’mod epidemiku f’dawn id-dati:

       1837  (kienu mietu f’Malta 809, u f’Għawdex 366)
       1854 (kienu  mietu total ta’ 348 ruħ)
       1865 (kienu mietu 1,873 ruħ)
       1867 (kienu mietu 400 ruħ)
       1877 (kienu mietu 440 ruħ)  
       1887 (Ma għandix n-numru tal-imwiet f’din is-sena.)

Ara:   TAZZA u GĦAMMIEQ.  Ara wkoll: Ġrajjiet Malta ta’ John Inguanez. 

kolleggjataG_4819 - Copy
Tifkira tal-100 sena mit-twaqqif tal-kolleġġjata tal-knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu

KOLLEĠĠJATA Dan it-titlu jingħata lill-knejjes li jkollhom kapitlu tal-kanonċi, iżda mhux is-sede tal-Isqof. Dan iffisser li teoretikament, il-kolleġġjata ma taqax taħt l-awtorità tal-Isqof, iżda direttament taħt il-Papa. Fil-funzjonijiet reliġjużi il-kapitlu tal-kolleġġjata jkun akkumpanjat fuq quddiem mill-mazzier li jġorr il-mazza lewn il-fidda. Lat. collegium. Fil-gżejjer Maltin għandna dawn il-kolleġġjati:

Birkirkara – Santa Liena;                    
Il-Belt Valletta - San Pawl Nawfragu;
Il-Birgu – San Lawrenz;                                    
Bormla – Il-Kunċizzjoni;
L-Isla - Madonna tal-Vitorja;                              
Rabat – San Pawl;
L-Għarb – il-Viżitazzjoni                      
Ix-Xagħra – Il-parroċċa tan-Nattività
In-Nadur, – San Pietru u San Pawl

KOLLETTA    1. Ġabra ta’ flus għall-bżonnijiet speċjali tal-karità jew ta’ xi benefiċjenza. 2. Il-kolletta hi wkoll talba li s-saċerdot jaqra minn fuq il-Missal fil-bidu tal-quddiesa. Il-kelma tfisser ‘miġbura flimkien’ għaliex it-talba hi waħda li tingħad meta l-Insara jkunu miġbura f’kongregazzjoni.

KOLLURA  Qagħqa kbira li kienet tittiekel fit-tieġ, imsemmija minn G.A. Ciantar fil-pubblikazzjoni tiegħu Malta Illustrata (1780). L-istess tip ta’ qagħaq kien ukoll jiddendel mill-għonq ta’ dak li kien jerfa’ l-QARĊILLA waqt li tkun qed isseħħ din ix-xena karnivaleska. Ara: J.A. Dizzjunarju Malti – Ingliż. ‘Il-Qarċilla, In-Nutar u l-Ħuttab’, ta’ George Cilia, L-Imnara, Vol 10, nru 4, Ħarġa Nru 39. 

KOMMENDATUR    Ara:   BALLIJU.

KOMNATA     Skont A. de S. din kienet xarba magħmula minn ħwawar, bħal imsiemer tal-qronfol, kannella u inbid li tingħata sħuna lin-nisa li jkunu waslu biex jeldu.

KOMPANAĊĊI   Diversità ta’ ikel li jittiekel ġen. mal-ħobż. Dan jista’ jkun ġobon, ħut immellaħ, żebbuġ, basal, tewm eċċ. Kelma li tissemma fil-pubblikazzjoni ta‘ Thomas MacGill, Handbook, or Guide, for Strangers Visiting Malta, (1839).

koncilju Council-of-Trent.jpgKONĊILJU   Serje ta’ laqgħat kbar u importanti tal-isqfijiet u l-kardinali tal-Knisja Kattolika, fejn jiġu diskussi suġġetti li jirrigwardaw t-tagħlim u l-amministrazzjoni tal-Knisja. Fl-istorja tal-Knisja Kattolika, kien hemm żewġ konċilji mill-aktar importanti – dak tal-1545-63, magħruf bħala l-Konċilju ta’ Trento, u dak tal-1960-1965, magħruf bħala l-Konċilju Vatikan II. Il-Konċilju ta’ Trento, kien imqassam f’25 sessjoni, mifruxa fi tliet perijodi differenti. F’dan il-konċilju ġew ikkundannati l-ereżiji li nxterdu, wara l-akkużi ta’ Luteru u s-separazzjoni ta’ koncilju vaticn II.jpgħafna pajjiżi tEwropej mill-Knisja Kattolika. Waqt is-sessjonijiet tal-Konċilju ta’ Trento kienet definita b’mod aktar preċiż il-bażi tat-tagħlim ta’ Kristu, l-Ewkaristija, u l-venerazzjoni tal-qaddisin. Fil-Konċilju Vatikan II kienu deċiżi ħafna riformi fil-Knisja, bħar-regoli Tridentini, (jiġ: dawk stabbiliti fi Trento). Ġew ukoll mibdula ċerti regoli liturġiċi, pereż., il-quddiesa ma baqgħetx issir bil-Latin, minflok iċ-ċelebrant beda jaqra’ l-quddiesa bil-lingwa tal-poplu; is-saċerdot waqt il-quddies ma baqax iqaddes dahru lejn in-nies. Kien hemm ukoll bosta riti liturġiċi li twaqqfu għal kollox jew inbidlu fis-sura tagħhom. Tal. Concilio:  M. ftehim.

KONFITEOR     Talba bil-Latin li biha wieħed jitlob għal-maħfra ta’ dnubietu. Din it-talba kienet tingħad fil-bidu tal-quddiesa. Intant, bil-Latin il-kelma tfisser ‘nistqar’.

konfraternita mta by 37.jpgKONFRATERNITÀ     Għaqda li l-membri tagħha għandhom l-iskop ewlieni li juru d-devozzjoni tagħhom b’qima partikulari lejn is-Sagrament, il-Madonna jew xi qaddis partikulari. Il-membri jieħdu ħsieb l-artal jew il-kappella ddedikati lil dawn. L-għaqda kienet ukoll jaħsbu taħseb għad-fina xirqa ta’ kull imsieħeb fl-stess konfraternità. Kienu ħafna drabi dawn il-membri li rawmu l-imħabba u d-devozzjoni kbira lejn il-qaddis patrun tagħhom b’tali mod li baqgħu sa bdew jiċċelebraw u jorganizzaw festini li gradwalment żviluppaw f’festeġġjamenti kbar lil hinn miz-zuntier tal-knisja. Meta l-membri tal-konfraternità jakkumpanjaw f’xi purċissjoni dawn jilbsu libsa li tissejjaħ il-KONFRATIJA. Tal. confraternià. Sqal. cunfratia. Associazione dei laici. Ara: ‘The Confraternity fo the Crucifix of Cospicua’, Heritage pp. 888-893, Ta’ C. Galea Scannura. ‘The Archiconfraternity of the Holy Rosary in the Parish Church of Porto Salvo’, by  Edgar G. Montanaro, Heritage Vol 2. pp. 625-628; ‘The Archiconfraternity of the Holy Cross, Valletta’, ta’ Norbert Ellul Vincenti f’Heritage, pp. 1221 – 1225. ‘The Confraternity of Mary Immaculate’, Valletta ta’ Dennis Agius, f’Heritage pp. 1546-1548.   

KONFRATIJA / KUNFRATIJA  Alba tal-fratelli; libsa twila bajda sal-għekiesi, marbuta mill-qadd li tintlibes mill-fratelli meta dawn jakkumpanjaw f’xi purċissjoni. M.A.V. jittraduċi din il-kelma bħala saccone, x’aktarx għaliex din setgħet kienet fl-antik libsa qisha xkora li tintlibes meta dak li jkun jagħmel penitenza. Sors: E.S.I. u J.A.

KONĠINTURA  / KONĠUNTURA   Ċirkustanza jew opportunità. Qawl: Il-bejgħ konġinturi u ż-żwieġ bin-namuri – jiġ., waqt li wieħed jidħol f’kuntratt bi ħsieb ta’ kummerċ, iż-żwieġ hu kuntratt immexxi b’dak li tħoss il-qalb.

kongura Dun Mikiel Xerri21.JPGKONĠURA   Pjan jew kumplott kontra xi persuna jew kontra l-gvern. Fi żmien l-Ordni, f’Malta nkixfu diversi konġuri biex jitneħħa jew jinqatel xi Gran Mastru b’xi  forma ta’ kolp ta’ stat. Fost dawn il-konġuri nsibu dawk tal-ilsiera, tal-1531 u tal-1749. Din tal-aħħar kienet ippjanata li ssir fid-29 ta’ Ġunju, preċiżament f’jum l-Imnarja, meta ħafna Maltin u kavallieri tal-Ordni kienu qegħdin l-Imdina jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet u l-funzjonijiet reliġjużi. Il-kumplott inkixef ftit jiem qabel, f’ħanut tax-xorb, hekk kif inqalet tilwima bejn dawk li kienu qed jikkonfoffaw. Dak li kixef din il-konġura kien sid il-ħanut, ċertu Cohen, Lhudi Armenjan. L-iskjavi li ġew akkużati b’dan il-komplott kienu ttorturati b’keffrija kbira u ħafna nqatgħetilhom għal mewt. Konġura oħra kienet dik tal-qassisin, tal-1775, li fiha kien imdaħħal Dun Gejtanu Mannarinu u oħrajn. Din kienet ippjanata li ssir ukoll f’jum ta’ festeġġjament, fit-8 ta’ Settembru. Dan il-komplott falla u dawk involuti fil-konfoffa ġew maqtula jew mitfugħa l-ħabs. Nistgħu nsemmu konġura oħra li marret ħażin ħafna, dik ta’ Dun Mikiel Xerri u sħabu fi żmien l-Imblokk tal-Franċiżi. Il-pjan inkixef ftit qabel ma dawk involuti kienu ser jiftħu l-bibien tal-Belt biex tidħol il-milizzja Maltija. Dun Mikiel Xerri kien iffuċillat ma’ sħabu fi Pjazza Pjazza San Ġorġ (fi żmien il-Franċiżi msejħa Piazza della Libertà) fis-17 ta’ Jannar tal-1799.  Tal. congiura.

KONKA    1.  Ħofra fil-ħamrija magħmula madwar is-siġar jew pjanti biex it-tisqija bl-ilma żżomm sew. 2. Ħofra mħaffra fil-qiegħ tal-bir li ssir apposta biex tiġbor l-impuritajiet, bħal trab, eċċ, fiha. Din il-ħofra tagħti lok biex l-ilma tal-qiegħ li jakkumula f’din il-ħofra jkun jista’ jinġabar sew bil-barmil. Kelma oħra hi ĦAŻŻIENA. 3. Qasrija kbira tal-fuħħar. Tal. Conca.

Bir bil-konka fil-qiegħ fil-barriera tal-Limestone Heritage, is-Siġġġiewi.

konka.JPG

panoramic IMG_4135KONKATRIDAL  TA’  SAN ĠWANN    Bosta jikkonfondu għaliex il-Konkatidral ta’ San Ġwann hu mogħti dan it-titlu. L-Ordni ta’ San Ġwann kien bena din il-knisja fl-1574 – 1577, biex din isservi esklussivament bħala knisja konventwali tal-Ordni. L-Isqof ta’ Malta qatt ma kellu xi jeddijiet fuq din il-knisja sakemm l-Ordni baqa’ f’Malta. Meta Napuljun keċċa l-Ordni minn Malta, l-Isqof Labini, immedjatament talab lill-awtoritajiet Franċiżi biex il-knisja ta’ San Ġwann tgħaddi taħt idejh. Din it-talba kienet aċċettata fuq bażi temporanja ta’ sena. Meta mbagħad Malta waqgħet f’idejn l-Ingliżi, dawn ma ridux li San Ġwann jingħata f’idejn l-Isqof ta’ Malta. L-argument kien illi jekk il-knisja konventwali kienet inbniet mill-Ordni, li kien jiggverna l-Malta, mela San Ġwann kellu bi dritt jaqa’ f’idejn l-awtorità governattiva, jiġifieri, f’idejn il-Gvernatur. Din il-kwistjoni baqgħet għal bosta snin taħt it-tapit. Sadattant, l-ikbar biża’ mill-Isqof kienet li l-knisja u r-rikkezzi tagħha jispiċċaw f’idejn il-Gvern Ingliż li mhux talli kien barrani iżda anki Anglikan. L-Isqof Mattei minn naħa tiegħu ġab l-approvazzjoni mill-Papa biex din il-knisja taqa’ taħt r-responsabbiltà tiegħu. Kien fis-27 ta’ Jannar tal-1816, li l-Papa Piju VII ta r-rikonoxximent tiegħu uffiċjali għat-talba tal-Isqof, u dan eleva l-istatus tal-knisja għal dak ta’ ‘Konkatidral’, jiġifieri, Katidral li jaqsam id-dinjità u l-preċedenza onorarja tiegħu mal-Katidral tal-Imdina. Biex ma tinkisirx ir-rieda tajba mal-Gvern Ingliż, b’mod diplomatiku ntlaħaq ftehim li bih l-Gvernatur kellu ċerta seta’ nominali fuq il-Konkatidral. B’hekk fuq il-presbiterju mat-tron tal-Isqof tqiegħed ukoll it-tron irriżervat lill-Gvernatur. Intant l-awtorità tal-Gvernatur vis a vis il-Knisja f’Malta kienet manifestata fl-istess Konkatidral f’Jum il-GANDLORA meta kull sena l-Gvernatur kien jagħmel id-diskors tiegħu lill-kleru minn fuq il-presbiterju. Fi snin aktar riċenti qamu disputi oħra mal-Gvern Malti dwar minn kellu d-dritt tal-propjetà tal-Konkatidral.  Ara: ‘The St. John’s Co-Cathedral Affair – A study of a dispute between Church and State in Malta over property Rights ta’ Mario Buhagiar, Melita Historica, Vol. X no 4, 1991, pp. 359-374. 

KONKLAVI     Il-laqgħa li ssir bejn il-kardinali meta jkunu ser jeleġġu l-Papa. Etim. Lat. conclave, oriġ. con/cum clavis – rif. għall-fatt li meta jsir dan il-proċess is-sala fejn issir il-laqgħa tingħalaq u ma jkun jista’ jidħol ħadd fiha sakemm ikun magħżul il-Papa l-ġdid.

KONKOMBRAJSA      Ara: KUTRUMBAJŻA.

KONKUPIXXENZA      Ġibda sesswali. Xewqa għall-att sesswali.  Etim. Tal. concupiscenza.

konti ruggieruKONTI RUĠĠIERU, LEĠĠENDI TAL-    Jeżistu bosta leġġendi dwar il-miġja tal-Konti Ruġġieru f’Malta. Fost dawn il-leġġendi hemm dik li tgħid li l-Konti Ruġġieru żbarka bl-armata tiegħu f’Miġra l-Ferħa, sisien li huma impossibbli li wieħed jitla’ magħhom mil-livell tal-baħar. Skont xi wħud, il-Konti Ruġġieru feda l-poplu Nisrani Malti mill-ħakma Għarbija Musulmana.  Illum nafu li l-Insara li kien hawn f’Malta dak iż-żmien kienu x’aktarx barranin u meqjusa bħala lsira. Fil-parti l-kbira tagħha, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet Musulmana. Leġġenda oħra tgħid li l-Konti Ruġġieru rregala parti mill-kuluri tal-bandiera tiegħu lill-poplu Malti. Ħafna jsostnu li kien il-Konti Ruġġieru li reġa’ saħħaħ il-Kristjaneżmu f’Malta u anki stabbilixxa l-isqfijiet Insara wara ż-żmien tal-jasar Musulman. Ħafna minn dawn l-istejjer ġew mogħtija xeħta fattwali mill-ewwel kittieba tal-istorja ta’ Malta, fosthom Ġ.A. Vassallo (Storia di Malta, 1854). Nistgħu ngħidu li l-Konti Ruġġieru spiċċa elevat bħala l-aktar feddej importanti tal-Maltin wara San Pawl, tant li sa ftit żmien ilu fil-Katidral tal-Imdina, kull 4 ta’ Novembru, kien isir talb għal ruħu. Fir-Rabat wieħed mill-każini tal-banda hu msemmi għall-Konti Ruġġieru. Fil-Birgu fl-1990 kienu saru tifkiriet mit-twaqqif tal-ewwel parroċċa għax, skont bosta, kien mal-wasla ta’ dan il-konti li l-Birgu kien sar parroċċa. Illum nafu li dan il-gwerrier, wara li żbarka Malta ġiegħel il-mexxeja tal-gżira juru l-alleanza tagħhom lejh u wara salpa immedjatament lejn Għawdex u dlonk irritorna lejn Sqallija. Fil-ftit żmien li l-Konti Ruġġieru dam f’Malta ma biddel xejn mill-amministrazzjoni u l-ħajja tal-Maltin. Ara: Storja ta’ Malta ta’ Ġ.A. Vassallo, 1862; ‘The Norman Heritage of Malta’ ta’ Godfrey Wettinger, Treasures of Malta, Summer 1995, Vol. 1 n. 3, pp. 34-38; Society, Culture and Identity in Early Modern Malta ta’ Carmel Cassar, pp. 219-228.   

KONTUMAĊI    Term. leg. li jirriferi għal meta f’kawża ċivili l-imputat ma jattendix fl-awla tal-Qorti, b’nuqqas ta’ rispett u mingħajr raġuni valida. Ngħidu, ‘waqa’ kontumaċi’, jew ‘għalija dak waqa’ kontumaċja’, jiġ., ‘Dak tilef il-kredibilità / il-krettu kollu miegħi.’ Tal. contumace. Ħajr: L-Imħallef Emeritu Dr Philip Sciberras.

Konvpj SWW II KONVOJohio.jpgKONVOJ    Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, intbagħtu mas-sbatax-il konvoj lejn Malta. Dawn ħafna drabi kienu attakkati mill-għadu, hekk kif ikunu fi triqithom, u allura l-proviżjon meħtieġ mhux dejjem wasal kif mixtieq. Minn dawn, l-aktar li jibqa’ jissemma hu l-Konvoj imsejjah Operation Pedestal, jew  kif inhu magħruf aħjar, il-Konvoj ta’ Santa Marija. Kien dan il-konvoj li salva lil Malta milli ċċedi l-armi, għaliex sa Awissu tal-1942, kien fadal proviżjon ta’ armi, fuel u ikel għal ftit ġimgħat oħra biss. Dan il-konvoj telaq minn Ġibiltà fid-9 ta’ Awwissu tal-1942, bi ħmistax-il vapur merkantili, eskortati minn flotta ta’ bastimenti tal-gwerra. Matul dan il-vjaġġ, il-konvoj sofra diversi attakki mill-ajru u mill-baħar. Waqt dawn l-attakki mietu mal-400 ruħ, u l-Aircraft Carrier H.M.S. Eagle kien mgħarraq. Irnexxielhom jaslu Malta bil-proviżjon ħames vapuri biss. L-aktar importanti fost dawn kien il-bastiment S.S. Ohio, tanker li kien qed qed iġorr il-fuel tant meħtieġ. Dan it-tanker wasal fil-15 ta’ Awwissu, fil-festa ta’ Santa Marija, u għaldaqstant dan il-konvoj baqa’ jissejjaħ il-Konvoj ta’ Santa Marija. Ara:  Malta Convoys, 1940-1943 ta’ Richard Woodman. Pedestal – The Malta Convoy of August 1942, Peter C. Smith;  When Malta Stood Alone 1940-1943 ta’ Joseph Micallef, pp. 173-175.   

konz42620624_nKONZ    (pl. knuz / knaz / konzijiet). Xlief twil tas-sajd. Sajd bil-konz. Dan isir b’dan il-mod: Diversi irmiġġi jintefgħu fil-baħar fil-fond. Magħhom ikun hemm imdendla kwantità kbira ta’ xolfa u snanar marbutin ma’ lenza twila u b’saħħitha li magħha jintrabtu l-konzijiet. Jintużaw kemm konzijiet għall-ħut tal-wiċċ kif ukoll konzijiet għall-ħut tal-qiegħ. Il-konzijiet jintużaw ukoll fis-sajd bl-imrejkba għax din ikollha x-xolfa imdendlin magħha. Qawl: Konz ta’ Settembru jagħmel bil-gziez, konz ta’ Diċembru jagħmel bil-qies. Sqal. conzu –  sajd tipiku Sqalli, bil-lenza u x-xolfa mdendlin.  

KOPPI     Idj. ‘Reġa’/erġajna koppi’ – Tnehida li tfisser li xi ħadd għaddej minn esperjenza mhux pjaċeveli għal darb’oħra. Il-kelma koppi ġejja mill-logħob tal-karti li fl-antik flok id-disinn tal-qlub fuq il-karti kien hemm kalċi li bit-Taljan jissejjaħ coppa (pl. coppe). Din l-espressjoni hi ispirata mil-logħba tal-karti msejħa ‘Trisett’. Il-logħba tintlagħab hekk: Il-karti tal-logħob immarkati bil-qlub (koppi) ta’ kulur aħmar jitqiegħdu fuq il-mejda tal-logħob. Imbagħad l-avversarju jew il-lagħbi li jkun tefagħhom jerġa’ jitfa’ karti oħra bil-koppi.  Bħal din l-espressjoni ngħud wkoll ‘waqa l-ASS!’  

                     koppi 4 xxxxx - Copy.jpg                         koppixi - Copy.jpg

KORDIN    1. Isem tal-inħawi fuq in-naħa tat-Tramuntana ta’ Raħal Ġdid, li jagħtu għal fuq il-Port il-Kbir. Dan l-isem jista’ jkun ġej minn ‘Qortin’, għaliex anki l-għamla ta’ topografija li xxaqleb lejn il-Port il-Kbir tagħtik x’tifhem li din hi għolja simili għal inħawi oħra li għandhom dan l-isem. Biss, G. Wettinger jgħid li l-isem ġej minn ‘Korradin’, isem ta’ xi ħadd li kellu l-art f’dawk l-inħawi, li kienu wkoll magħrufa bħala Tax-Xagħra ta’ Għajn Raħib. Boisgelin (1805) jagħmel distinzjoni bejn Il-Qortin għolja li

kordin temple.png
Ritratt hu proprjetà ta’: Fondazzjoni Wirt Artna

taħtha instabu xi banjijiet Rumani (1729), u Corradin, il-post fejn kien hemm l-istalel tal-Ordni. Sors: Ancient and Modern Malta, Vol. 1, p. 52. F’dawn l-inħawi hemm it-tempji megalitiċi magħrufa bl-istess isem (ċ. 3,000-2,500 q.K.).  Hawn insibu wkoll il-ħabs tan-Navy (1866), li wara kien trasferit lill-Armata (1870). Dan kien magħruf bħala l-Corradino Military Prisons. Fi żmien l-Ingliżi f’dawn l-inħawi, aktar lejn tarf il-promontorju, kien twaqqaf OBELISK bħala tifkira għall-Kaptan Robert Spencer, li miet fl-1830. Wara sittin sena dan l-obelisk kien żarmat minn postu u ntrama l-Blata l-Bajda, fejn għadu sal-lum. Fis-sena 1939, kienu tħaffru mini kbar taħt Kordin biex jinħażen iż-żejt. Kienet inbniet ukoll power station taħt l-art, li serviet tajjeb ftit wara għal matul it-Tieni  Gwerra. Fis-sena 1981, qrib Kordin inbena r-Red China Dock, imbagħad fl-1985 kien inbena l-Grain Terminal, qrib Ras Ħanżir.  2. L-isem Kordin iservi wkoll bħala nomenklatura għall-ħabs ċivili li kien inbena aktar ’il ġewwa lejn Raħal Ġdid, fl-1899. Ngħidu, ‘ara ma tkunx kaġun int li nispiċċa Kordin!’ Ara: ‘Qortin’, Place-names of the Maltese Islands, c. 1300-1800, p. 345.    

korddin padre io u l-minaret5.JPG      Kordin Naval..al Prisons Kordin4.JPG

KORDJAL / KURDJAL   1. Brodu bl-isfar tal-bajd imħabbat fih. 2. Xarba ħelwa u partikulari fit-togħma tagħha, magħmula mill-alkoħol aromatizzat b’diversi ħwawar. Din ix-xarba kienet tingħata wkoll bħala mediċina jew stimulant u kienet rimedju mfittex meta wieħed jimbokka riħ. Grokk alkoħoliku li kien jingħata lil min iħossu ħażin. Hemm kwalitajiet varji ta’ kurdjal, kollha differenti fit-togħma. Wieħed minn dawn il-kurdjali hu l-aquavit, li hu kkunsidrat bħala diġestiv mill-aqwa. L-ingredjenti tal-kurdjal ivarjaw skont il-produzzjoni u l-brand partikulari tiegħu. Eż. hawn il-kurdjal tal-minta, dak magħmul mill-qxur tal-larinġ jew mill-frott tas-sebuqa (Tal. sambuco). Tal. cordiale; Ing. cordial. Sorsi: E.S.I., J.A. u Wikipedia.

KORDNA    Borża tal-ġild li fl-antik kienet tintuża biex fiha jinżammu l-muniti tal-flus. Espr. ‘Għandu kordna flus.’ Grognet de Vassè (1774-1862), il-perit li ddisinja l-knisja tal-Mosta, juża din il-kelma biex jirriferi għal borsa di denaro. Sqal. curduana, jiġ. oġġetti tal-ġild, pereż., dawk magħmulin mill-ġild tal-mogħoż.

KORMA    Rif. għal art għamilla, produttività u abbundanti. KORMI   Għammiel.  KOROM v.  1. Ħa r-ruħ; kiber. 2. Kiel kemm felaħ. 3. Kien produttiv. Qawl: Min jokrom għax-xogħol itemmu. Sors: E.S.I. Ara: KARMA.

kornica.gifKORNIĊA  Term. tal-kostruzzjoni. Element arkitettoniku li jkun qisu blata twila maqtugħa b’mod rettangulari u mqiegħda fuq ġenbejha. Din toħroġ daqsxejn ’il barra mill-bqija tal-bini biex tgħin ħalli x-xita ma ċċarċarx mal-ħajt tal-faċċata ‘l isfel minnha. Il-korniċa insibuha wkoll fil-bini tat-tempji Griegi taqsam bejn kolonna u oħra. Fuqha mat-tul tal-korniċa kien ikun hemm ħafna drabi b’tinqix dekorattiv (Ing. frieze), ta’ riljievi.  Tal.  cornice.

KORNUT   Kull tip ta’ annimal li għandu l-qrun. Fig. rif. għal xi raġel miżżewweġ li tkun qalibhitilu l-mara. Kelma oħra hi MUQRAN jew KIBX.

KORPSANT    Ballun tan-nar li jidher waqt xi maltempata. Rif. mill-baħrin għal meta dan il-ballun tan-nar kien jolqot mal-arblu tal-qlugħ tal-bastiment. Din il-leħħa tan-nar hi kkawżata mis-sajjetta. L-Ingliżi jsejħu dan il-fenomenu, Saint Elmo’s fire. Etim. Ing. corposant. Sors: J.A. Ara: NAR TA’ SANT’IERMU.

Korpsant San valent u lalarCF2668.JPG
Ħajr:  Parroċċa ta’ Ħal Balzan

KORPSANT / KORPUSANT    Ir-relikwi, jew aħjar il-fdalijiet tal-ġisem tal-qaddis li jkun meqjum l-aktar fil-knejjes, norm. f’xi kappella jew artal laterali tal-knisja. Eż. ta’ dan hu l-korpsant ta’ Santa Ewfemja li l-Ordni ta’ San Ġwann ġab miegħu minn Rodi. Lejn nofs is-seklu sbatax il-Katidral tal-Imdina kien akkwista żewġ korpsanti, dawk ta’ Santa Fawstina u ta’ Santa Agata. Imbagħad fis-seklu tmintax kienu bosta dawk il-knejjes li raw kif għamlu u ġabu, il-korpsanti ta’ qaddisin oħrajn l-aktar mill-Italja. Xi wħud minn dawn kienu jkunu fdalijiet ta’ skeletri li jkunu nstabu f’xi katakombi, x’aktarx f’Ruma. Ħafna kienu malajr jemmnu li dan l-għadam kien ta’ xi qaddis li miet martri waqt il-persekuzzjoni Rumana. B’kollox fil-gżejjer Maltin jinsabu mat-tnejn u tletin korpsant. Ftit huma dawk il-korpsanti magħrufa u popolari, anzi dawn huma kważi kollha anonimi. Fost il-korpsanti magħrufa u l-aktar meqjuma hemm dak ta’ Santa Liberata li jinsab fil-knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Tant hu hekk li il-knisja hi magħrufa hekk anki jekk il-Kapuċċini kienu ddedikawha  lil Santa Barbara. Korpsant ieħor magħruf hu dak ta’ San Valentinu, li hemm fuq l-artal ta’ San Mikiel fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan. Dan kienet issirlu festa għalih fl-14 ta’ Frar. L-aktar korpsant riċenti u dak tal-uniku qaddis Malti, San Ġorġ Preca, miżmum fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża, fil-knisja tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.), il-Blata l-Bajda. Ara: TRANSULAZZJONI. Ara wkoll: ‘Santa Liberata and the Bearded Female Crucifix’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta, Confusions and Conclusions, pp. 39-54. Ara wkoll: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, Guido Lanfranco, pp. 50, 51. Ara wkoll: http://www.stgeorge.org.mt, News & Events – Monday, November 17, 2008.  

KORSIJA    1. Il-passaġġ tan-nofs fil-knisja. 2. Passaġġ tal-injam fuq bastiment antik bil-bankijiet tal-qaddiefa kull naħa.

kosbor (2).jpgKOSBOR    1. Xitla li ġieli tissejjaħ ‘imrejħa’ jew ‘bumnejħer’. Is. xj. Coriandrum sativum. Tikber l-aktar fir-reġjun tal-Mediterran. F’Malta din il-pjanta tikber l-aktar mal-ħitan tas-sejjieħ. Iż-żerriegħa  tal-kosbor meta tinqata’ tkun tinten għall-ewwel, iżda meta tinxef issir tfuħ, tant illi hija mfittxija ħafna għall-mili taz-zalzett u f’xi ħelu għat-togħma. Il-pjanta kollha tista’ tissajjar u tittiekel. 2. Din il-kelma tirriferi wkoll għal dak il-ħelu tond u rqiq li dari kienu jissuttaw bih fil-karnival. Ing. coriander.  

KOSS       MOLA jew MEJLAQSors: A. de S.

KOTNINA     Drapp magħmul mill-għażel li minnu jsiru l-qlugħ. Xoqqa tat-tajjar, drapp li minnu jsiru bosta ħwejjeġ tan-nisa. Dan id-drapp jintuża wkoll biex jinħadem il-PANNELL għal fuq dar iż-żiemel. Tal. cotonina.

KOZZ    Ngħidu, ‘tah daqqa fuq il-kozz ta’ għonq’; il-kozz hi dik il-parti tal-warrani taħt l-iskutella tar-ras. Fig. Tingħad ukoll bħala il-quċċata ta’ x’imkien. Sors: E.S.I. u Damma. A. de S. jagħti eż. partikulari kif tintuża din il-kelma jew frażi. ‘inżid fuq il-kozz, jiġ. accumulare di sopra. Damma p. 864.

KREXXIMONJA   1. Nuħħala jew smida u ingredjenti oħra li t-taħħan joħroġ mill-qamħa waqt il-produzzjoni tad-dqiq. 2: Idj: ‘Kemm ġejjin krexximonji?’ – tingħad bħalikieku wieħed qed jgħid: ‘kemm ġej imbarazz!’. Ħafna truf żejda. Sqal. crescimogna – M. mod kif il-bdiewa kienu jtaqqlu x-xgħir bl-ilma biex meta jħallsu d-dieċmi lil sid l-għalqa, iż-żerriegħa meta tintiżen tkun itqal, u għalhekk jiffrankaw xi ftit mill-prodott li kienu obbliggati jagħtu.

krimeaa.jpgKRIMEA, IL-GWERRA TAL-   Il-gwerra tal-Krimea bdiet fil-25 ta’ Marzu tal-1854. Wara li r-Russja farrket il-flotta Torka f’Sinope, f’Novembru tal-1853, l-Ingilterra u Franza intervenew u bagħtu eluf ta’ suldati fil-Krimea biex jeħduha kontra dawk Russi. Diġà, minn qabel ma faqqgħet il-gwerra, bosta reġimenti Ingliżi u Franċiżi kienu ntbagħtu Malta, biex dawn jippreparaw ruħhom f’eżerċizzi militari, qabel ma jsalpaw lejn Sebastapol fil-Krimea. Sa April tal-1854 kien hawn Malta ’l fuq minn erbatax-il elf suldat li kienu akkomodati temporanjament f’kull tip ta’ fortizza u f’mijiet ta’ kampijiet. Fost dan il-kampijiet kien hemm dawk ta’ ħdejn il-Bombi u fil-Fortizza ta’ San Klement, Bormla, qrib Bieb is-Sultan. Il-ġlied fil-Krimea ħa fit-tul għax ir-Russi fid-difiża tagħhom urew tenaċità kbira. Matul din il-gwerra f’Malta kien hawn attività kummerċjali straordinarja, l-aktar minħabba n-negozji ta’ ħtiġijiet ta’ kuljum li l-Maltin gawdew  mas-servizzi Ingliżi f’dak li kien bejgħ ta’ ikel, sigaretti, spirti mill-ħwienet tax-xorb u bosta affarijiet oħra. Apparti minn hekk mijiet ta’ Maltin kienu ingaġġati biex jaħdmu fit-tarzna u fil-korpi li kien jipprovdi s-sapport loġistiku lir-reġimenti fil-Krimea. Waqt u immedjatament wara l-gwerra kienu nġiebu eluf ta’ suldati feruti lejn Malta biex jingħataw kura fl-isptarijiet. Waqt li x-xogħol u l-bejgħ kienu żdiedu, il-prezzijiet ta’ ħafna ikel, fosthom il-ħobż, kienu għolew. Żdiedu wkoll xi pagi, u ma’ dawn żdiedet ukoll l-inflazzjoni ekonomika. Sa għexieren ta’ snin wara li spiċċat din il-gwerra, f’Malta kont tisma’ ’l min jgħid, ‘mela qed taħseb li għadna fil-Gwerra tal-Krimea?’ Dan kien mod kif wieħed kien jirribatti waqt xi negozju li fih il-bejjiegħ kien jitlob prezz għoli. Ara: ‘Some Economic Effects of the Crimean War on Malta’, Rita Grima, Melita Historica, Vol. VII n. 4, 1979, pp. 346-355; British Malta, A.V. Laferla, pp. 193-196.   

KRISTELEJS    Espr. norm. ta’ sorpriża. Ngħidu, ‘Il-kristelejs kemm se ttawwalha!’. Etim. Lat. Christe eleison Gr. Kurie Eleison – M. ‘Sinjur ikollok ħniena minni’.  Frażi li tingħad bħala parti minn talb waqt il-quddies.

KROMB     Hemm diversi tipi ta’ din il-pjanta. Hemm il-kromb bagħli, li llum ngħidulu pastard; il-kromb tal-ġidra; kromb il-blat, xitla li tikber qrib il-baħar. Is. xj. Cakile maritima.

KRUĊ     Kelma oħra għall-kurċifiss – is-Salib ta’ Kristu. Kull tip ta’ flus li ma jiswewx bosta, eż. l-ħabba, iċ-ċenteżmu jew il-kwattrin. Fl-antik espressjoni popolari kienet ‘Ma għandux kruċ fuqiex jaħlef.’ Fig. KRUĊI – Idj. ‘ġejt kruċi’, jiġ. ma fadallix sold, spiċċajt fixxa. KRUĊ JEW WIĊĊ. Logħba sempliċi tax-xorti li fiha wieħed jgħolli jew jaqleb il-munita, u jirbaħ il-logħba dak li jaqta’ liema naħa tal-munita taqa’ wiċċha ’l fuq. Ara: SANTU KRUĊ u SANTUKRUĊ.

KTUBER      Isem ieħor li fl-antik kien jingħad għax-xahar ta’ Ottubru. Sors: G.B.F. (1845).

kubrit blata.jpgKUBRIT/A    1. Tip ta’ ħaġar safrani li jinsab fi kwantitajiet kbar fil-blat madwar id-dinja. Ing. sulphur. Il-kubrit jinsab fuq vulkani fejn il-gassijiet tas-sulfat jitħalltu ma’ oħrajn fl-arja u jiffurmaw blat magħruf bit-Taljan bħala sulfatterra. Mis-sulfat isiru bosta affarijiet fosthom is-sulfarini. Il-kubrit ilu jintuża mill-bniedem għal mijiet ta’ snin għal bosta affarijiet. Fi żminijiet antiki l-kubrit kien jintuża kemm biex jitħallat f’ingwent ma’ ingredjenti oħra biex jikkura l-mard tal-ġilda, kif ukoll bħala fumigatur biex inaddaf u jippurifika l-bini minn ġewwa kontra l-mard. Il-kubrit kien ukoll jintuża ma’ taħlita ta’ faħam u nitrat tal-potassju biex jinħadem f’porvli għall-armi li jisparaw il-balal. Fis-seklu dsatax il-kubrit beda jkun imħallat mal-gomma tas-siġar biex isiru t-tajers tal-karozzi. Illum ħafna mill-użu tiegħu (95%) hu biex jitħallat mal-aċidu, biex flimkien isiru aċidu sulfuriku. Dan jintuża ħafna bħala fertilizzant, waqt li kwantità kbira oħra tintuża fl-industrija tal-minjieri, biex il-metall misjub fil-blat ikun jista’ jinqala’ minn mal-blat. 2. Pjanta li tikber bħala arbuxxell u li z-zokk prinċipali kubritCoel.jpgtagħha jista’ jilħaq it-tliet metri (is. xj. Senecio vulgaris; Ing. Common groundsel). Il-fjuri ta’ din il-pjanta huma sofor, biss ikabbru minnhom ukoll ras ta’ xagħar abjad,  ħafif u f’forma ta’ ballun. Din il-pjanta hi magħrufa wkoll bħala ‘ħaxixa tal-kanari’, għax il-ħabb li jikber minnha jingħata bħala ikel lil kanarini. Fig. ngħidu, ‘wiċċu sar lewn il-kubrit’, jiġ., wiċċu sfar bħall-kulur ta’ din il-fjura. 3. Ħuta magħrufa wkoll bħala ‘tunnina’ (is. xj. Euthynnus alletteratus, Ing. Little tunny). Din hi ħuta li tikber sa daqs metru u tinqabad l-aktar bis-sajd tar-rixa għax tgħix fil-wiċċ, fejn tiekol ħut żgħir. Tingħaraf għax tixbah lit-tonn, biss għandha tikek suwed qrib u ’l isfel mill-garġi. Ara: Popular Fish in the Mediterranean Sea, Stanley Farrugia Randon u Robert Micallef, p. 43; Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, Guido Lanfranco, p. 91; E.S.I.   

kubrit huta a.jpg

KUĊĊETTA     Sodda tal-injam li tintuża fuq il-bastimenti, fil-kwartieri militari, fuq it-tren jew fiċ-ċelel tal-ħabs. Dawn norm. ikunu mwaħħla waħda fuq l-oħra biex  min jużahom jkun jista’ jorqod f’livell differenti, b’hekk jkunu jistgħu jintużaw minn aktar minn persuna waħda.  Sqal. cucetta, Tal. cocetta.

kuccetta a.jpg

KUĊĊIER     Is-sewwieq tal-karozzin, kaless jew karozzella, eċċ.  Sqal. cuccieri. Tal. cocchiere. Ara: KALESS.

KUĊINETTA    Spiritiera żgħira bi ftila waħda li tintuża l-aktar biex issaħħan il-borma jew il-kitla għal ċertu ħin twil bi sħana baxxa.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAKUĊINIERA   Spiritiera ta’ daqs pjuttost ikbar mis-soltu, ħafna drabi b’erba’ ftejjel, ġieli aktar, li tintuża għal tisjir kbir.  Kull ftila, biex tinxtegħel jew tintefa kienet ttitella’ ‘l fuq u titniżżel ’l isfel b’buttuna li wieħed idawwar lejn naħa jew oħra. Il-ftejjel kienu jinxtegħlu jew waħda waħda, jew kollha f’daqqa, skont il-bżonn. Meta wieħed kien issajjar ‘fuq ta’ bi tlieta’ dan kien ifisser li t-tliet ftejjel kollha kienu jinxtegħlu biex is-sħana tagħhom tkun aktar qawwija u l-ikel isir malajr. Ftila waħda biss kienet tkun miżmuma mixgħula nofs ta’ nhar sħiħ biex iżżomm l-ikel ‘itektek’) jew inkella biex iżżomm xi kitla msaħħna. Kien hemm ukoll il-kuċiniera tal-istim u l-kuċiniera tat-tromba.  

kucnilja.jpgKUĊNILJA   L-istess bħal ALAKKA  Kulur fuq il-vjola ħamrani li jittieħed mill-għelk, qisu xema’ mdewba, li joħroġ mill-insett Laccifer lacca. Dan l-insett jgħix fi kwantitajiet kbar fuq diversi tipi ta’ siġar, bħal dawk taċ-ċawsli u oħrajn, fil-kontinent Asjatiku, eż. fl-Indja u t-Tajlandja. Hu magħruf li hemm bżonn ta’ 300,000 insett biex jipproduċu kilogramm wieħed biss ta’ kuċnilja. Ix-xema’ li taqa’ fuq il-friegħi tas-siġar, tinġabar mill-bdiewa biex tintuża l-aktar bħala żebgħa tad-drapp, kolla, kif ukoll bħala mediċina. Il-kulur u l-materjal li hu prodott minn din ir-reżina jintuża fil-preparazzjoni ta’ bosta prodotti, bħal ngħidu aħna partijiet ta’ għodda tal-elettriku,  injam u oġġetti tal-plastik u żebgħa ta’ fuq il-ġild, eż. ż-żraben li huma magħrufa bħala ‘żraben tal-alakka’. Dan għaliex il-kuċnilja tista’ tinħadem biex minn oġġett fluwidu ssir materjal reżistenti ħafna li ma jinbaraxx malajr. Illum fl-Indja hemm mal-5 miljun ġabbar li jgħix minn fuq il-produzzjoni tal-kuċnilja; L-Indja tesporta eluf ta’ tunnellati ta’ dan il-materjal mad-dinja kollha. Tal. cocciniglia. Ing. lac.

Ara: http://www.rd.ap.gov.in/Marketing/MKT_Doc_LAC.pdf     

KUDA      Ara: BAKKALJAWWA.

kufiku12-ic.jpgKUFIKU    L-istil tal-iskript tal-kitba Għarbija kif kien jinkiteb l-aktar bejn is-seklu tmienja u s-seklu għaxra W.K.  Dan l-iskript kien jintuża għall-bidu f’Kufa, belt fl-Iraq, u kien jintuża anki biex inkitbu l-ewwel kopji tal-Kur’an. F’Malta nsibu l-Għarbi miktub bil-Kufiku minqux fuq ġebel funerarju f’ċimiterju tas-seklu tnax li kien instab waqt l-iskavi fuq livelli aktar ‘l fuq minn dawk tad-Domus Romana li hemm ir-Rabat. Ara: MAJMUNA.   

KUĦĦALA     Tbenġila li tista’ titfaċċa meta dak li jkun jolqot b’saħħa xi parti ta’ ġismu ma’ xi mkien, jew inkella jkun qala’ xi daqqa mingħand xi ħadd.

KUKKA/U     Kelma wżata fl-antik mill-ommijiet u t-tfal żgħar biex jirriferu għal bajda mgħollija. Sqal. coccu uovo. A. de S. jikkonferma li din il-kelma kienet tintuża fi żmienu, u jgħid li l-ommjiet kienu jigħudha meta dawn jagħtu l-bajda lit-trabi l-ikel tagħhomb.  Ara:  Della Lingua Punica, eċċ. Ta’ A. de S. p. 171.

kukkanja 5KUKKANJA   Il-kukkanja kienet logħba tradizzjonali li tintlagħab fil-karnival jew fil-Calendimaggio, (jiġifieri fil-lejl ta’ bejn it-30 u 1 ta’ Mejju). Fil-Karnival, din il-logħba kienet issir it-Tnejn. L-ewwel darba li kienet organizzata din il-logħba kien fl-1721, fi żmien il-Gran Mastru Zondandari. Il-logħba kienet tikkonsisti billi numru kbir ta’ nies jixxabtu ma’ arblu mwaqqaf, li fuqu kien ikun hemm kull tip ta’ ikel u anki annimali u tjur ħajjin kif ukoll inbejjed imdendla mal-friegħi sa fuq nett. Dawk li jilħqu l-ikel l-ewwel kienu jżommu dak li jaħtfu għalihom.  Kien hemm bosta drabi li waqt din il-logħba l-massa tan-nies huma u jippruvaw jitilgħu fuq din is-siġra finta kienu jweġġgħu sew. Ġieli anki mietu xi nies, tant li wara ċertu żmien din il-logħba kienet twaqqfet għal kollox. Sqal. cuccagna Fr. Cocaigne użata fil-frażi Pays de cocaigne, M. L-art tal-abbundanza’. Sp. La Cucaña. A. de S. jgħid li din kienet siġra li tikber fi Provenza, magħrufa bħala cocagne. Sors etim: E.S.I. Il-Miklem Malti, Il-Ħames Volum, 1978.  Ara wkoll: Damma, p. 479.           

kukkarda.jpgKUKKARDA  Speċi ta’ fjura magħmula minn biċċiet tad- drapp, bħal żigarelli b’kuluri partikulari, li jiddistingwu l-alleanza ta’ gruppi partiġjani minn oħrajn. Fir-rivoluzzjoni Franċiża l-kukkarda kienet norm. tintlibes fuq il-kappell trikkot jew titwaħħal fuq il-pavru. Din kienet magħmula minn tliet kuluri: aħmar u blu, li kienu il-kuluri simboliċi ta’ Pariġi, u abjad li jissimbolizzaw l-kulur tal-Borboni, għaliex ħafna rivoluzzjonarji kienu baqgħu leali lejn il-Familja Monarkika tal-Borboni. Biż-żmien il-kukkarda bdiet anki tintlibes minn ħafna Franċiżi anki meta dawn isiefru barra pajjiżhom. Għaldaqstant din il-kukkarda bdiet tidher anki fit-toroq tal-Belt Valletta. Xi jumejn qabel ma Napuljun u t-truppi tiegħu żbarkaw f’Malta, ġemgħa ta’ Maltin irrabjati b’dak li kien qed iseħħ, ħabtu għad-dar tan-negozjant Eynaud u l-familja tiegħu, fi Triq il-Barriera il-Belt u sabulu ħażna ta’ kukkardi. Il-ġemgħa akkużatu li kien simpatizzatur tal-Franċiżi u spiċċaw biex qatluh dak il-ħin stess. Il-kukkarda baqgħet tintlibes sa żmien ir-renju tal-Burboni (1830). Il-kuluri tal-bandiera Franċiża huma dawk li kienu ispirati mill-kuluri tal-kukkarda.

KUKKUŻEJT    1. Rikba fuq dahar xi ħadd, bħal meta tifel jirkeb fuq dar missieru, jew tfal li biex jilgħabu jrikkbu kukkużejt lil xulxin. Mid-dehra l-isem oriġina għaliex fl-antik iż-żejt kien jinġarr f’kontenitur fuq id-dahar biex jinbiegħ. Tintuża wkoll il-kelma ġarrażejt. Sors. E.S.I.  op. cit. Etim. Kukku (ġarra) + żejt. Din il-kelma Vassalli jgħidilha ‘qużżużejt’. Intant, Juan Mamo juża din il-kelma biex jispjega pożizzjoni ta’ bniedem li qiegħed jistriħ kokka. Ara: Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika ta’ Juan Mamo, 1929. P. 18. 

KUKLU     Logħba tat-tfal li fiha dawn igaraw il-boċċi għal ġo ħofor żgħar imħaffrin fl-art. Kultant il-logħba tintlagħab b’ħames ħofriet u kultant b’disgħa. Ara: Logħob Folkloristiku ta’ Għawdex ta’ Anton F. Attard. pp. 24-25.

KUKRUMBUS   Aġġ. li jirreferi għal bniedem imħawwad. Din il-kelma tintuża f’waħda mill-istejjer ta’ Temi Zammit: ‘[…] Ħriġt ftit ta’ kukrumbus […]’ Kelma li ma tidher fl-ebda dizzjunarju. Jista’ jkun li kienet frażi li ntużat għal ftit żmien biss u forsi minn ftit nies. X’aktarx hi kelma li ħarġet b’mod kollokwiju mill-kelma ‘kukrumbajsa’ (‘kutrumbajsa’). Dan għaliex meta tgħid ‘ħareġ ta’ kukrumbus’ wieħed ikun qiegħed juri li b’xi mod ħareġ imħawwad, bħal meta wieħed jirrombla fl-art u jistordi. Ara: ‘Żewġ Ixirka u Ħbieb’, Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra, Temi Zammit, p. 38.

kulparax401KULPARA / KURPARA / GULPARA   Tip ta’ sunnara li tkun magħmula minn tliet jew erba’ snanar imwaħħdin bi stemma ċentrali. Biha wieħed jaqbad il-ħut kemm meta l-kulpara jkun fiha l-lixka kif ukoll mingħajr il-lixka. Dan għaliex il-ponot tas-sunnara faċilment jaqbdu l-ħuta minn ġenbha, flok mix-xoffa. Dan it-tip ta’ sajd isir l-aktar meta l-ħut ikun f’qatgħa kbira, bħal per eż., il-laċċi, il-vopi u s-sardin. Anki min jistad bir-rixa jistad ħafna drabi bil-kulpara għax din tinħeba wara r-rixa u b’hekk il-ħuta titniggeż u tinqabad magħha faċilment. Bil-kurpara jinqabad il-qarnit l-aktar mill-art, billi is-sajjied jaħbi l-kulpara f’ċarruta bajda, għax il-qarnit jagħmel għal kulur abjad. Tal. polpara. Ing. Treble hook.   

KULTELLAZZ / KURTELAZZ / KORTELAZZI     Il-qala’ ż-żgħir ta’ fuq il-qala’ l-kbir tal-bastiment. Il-qala’ ż-żgħir li jintrabat mal-gradiljoli tal-antenni tal-mitħna tar-riħ. Tal. Coltellaccio. Venezjan: cortelazzi.                                          

KUMENT    Xaqq dejjaq, bejn tavla u oħra fl-istruttura ta’ bastiment tal-injam. Il-kument jimtela bl-istoppa (ħajt tad-drappijiet u qanneb) biex ma jidħolx ilma minn bejn it-twavel. Il-kument jista’ jkun ukoll ix-xaqq ta’ bejn ġebla u oħra meta dawn jitqiegħdu mill-bennej ħdejn xulxin. Xquq bħal dawn jiġu mfilsa bil-MAZKAL u t-tajn. Tal. comento. Ing. seam.

kumittiva _mta7.jpgKUMITTIVA     1. Grupp ta’ żeffiena tal-Karnival. Dawn jippreparaw ruħhom bi kwantità kbira ta’ provi għal bosta xhur qabel il-Karnival. Imbagħad fil-jiem tal-Karnival kienu jmorru jiżfnu kemm fl-ibliet tal-Cottonera kif ukoll il-Belt Valletta. F’Għawdex ukoll kien hemm bosta kumittivi. Skont Anton F. Attard dawn kienu l-kumittivi ta’ Sannat, tal-Għarb, dawk Ta’ Kerċem, ta’ San Lawrenz u tax-Xagħra. 2. Żifna tal-Karnival li tixbah il-Maltija. Il-kumittiva kellha seba’ tappiet, jew seba’ żifniet: il-Kollura, l-Ingliża, il-Franċiża, il-Mina, il-Kannizzata, is-Salib u l-Parata. Tal. comitiva: grupp, kumpanija. Ħajr lil Anton F. Attard għal informazzjoni dwar il-kumittivi f’Għawdex.

KUMMARI     (Pl. kummarijiet).   1. Ġara li dejjem lesta li tgħin lil ħaddieħor. 2. Qabla. Sqal. cummari, donna che tieni altrui. Sors: J.A. Temi Zammit juża din il-kelma fl-istorja, ‘Pina’, ‘[…] qajmuni mas-sebħ inġib il-kummari għal Tonina tal-Gadraj’. Ara: Nies Bla Sabar, (Ed. Toni Cortis), p. 40.

Kummiedja KARMENA ABDILLA (1).jpgKUMMIEDJA    1. Xogħol ta’ fuq il-palk li jkun maħdum f’vena umoristika. Il-kummiedja tista’ tkun maħduma f’diversi atti u jkollha storja li tiżviluppa bil-mod il-mod biex fl-aħħar xena jkun żvelat xi komplott jew il-kawża u r-riżultat tat-taħbila li tkun qed tinġemgħa matul l-istorja. 2. Il-programmi akrobatiċi li jkunu ppreżentati fiċ-ċirku. Qabel kont tisma’ lil min jgħid, ‘ġejja l-kummiedja!’ – rif. għaċ-ċirku li fih ikunu ppreżentati numru konsiderevoli ta’ divertiment minn akrobati, annimali, kummidjanti u bużullotisti fost oħrajn. Ngħidu, ‘dak il-bniedem kollu kummiedji’.

KUMPANAĠĠ     Ikel li jittiekel mal-ħobż, pereż., it-tonn taż-żejt, iż-żebbuġ, il-ħass u t-tadam. Meta wieħed jgħid li l-ħobża hi bla kumpanaġġ, dan ifisser li l-ħobża qed tittiekel b’xejn. Qawl: Il-kumpanaġġ aħjar mill-ĦUXLIEF.  Tal. Sqal. Cumpanaggiu.

KUMPARSA    1. Fit-teatru, dan hu dak l-attur li jieħu sehem fid-dramm, eċċ., mingħajr ma jkollu parti li fiha jitkellem. 2. L-ewwel seduta fil-qorti fejn issir il-kumpilazzjoni lill-akkużat. Ngħidu, ‘ntla’ biss għall-kumparsa’; tingħad minn dak li jaċċetta l-istedina sempliċiment biex ikun preżenti mingħajr ma jipparteċipa.

KUNDUTTUR    Fi żmien meta l-karozzi tal-linja f’Malta kienu operati minn sidien individwali u mhux minn kumpanija waħda, il-kunduttur kien dak inkarigat li jbigħ il-biljetti lill-passiġġiera meta dawn jitilgħu fuq il-karozza tal-linja. Kultant dan ix-xogħol kien isir minn xi ġuvnott, ħafna drabi xi neputi jew it-tifel tax-xufier stess. Dan ir-rwol baqa’ sa Frar tal-1979, meta mbagħad kien tneħħa l-obbligu li kull karozza tal-linja kien irid ikollha l-kunduttur tagħha. B’hekk is-servizz tal-kunduttur waqaf u dan il-karattru ma baqax jidher.

KUNESTABLI    Dan l-uffiċjal jissemma fid-dokumenti tas-seklu sittax u aktar tard, bħala l-bniedem responsabbli mit-tqassim tal-qamħ fir-raħal u l-madwar. It-titlu ħafna drabi jidher bit-Tal. bħala Contestabile, biss bil-Malti il-kelma ltqajt magħha f’diversi kitbiet hi kunestabli. Qabel ma wasal l-Ordni f’Malta, dan l-uffiċjal kien ikun magħżul mill-abitanti tal-lokal infushom u mill-kappillan, biex jirrappreżentahom fl-Università tal-Imdina. Għall-ewwel din il-kariga kienet tinżamm għal bosta snin mill-istess bniedem. Kull parroċċa kien ikollha numru ta’ kunestabli skont kemm-il raħal kienu jaqgħu taħtha. Meta l-qamħ kien ikun impurtat mill-Università u mibgħut fl-irħula, il-kunestabli kien jieħu l-inkarigu li jamministra t-tqassim hu. Biż-żmien dan kellu wkoll l-obbligu li jara li tinżamm il-bonordni fil-belt jew raħal fejn kien jamministra. Biss l-importanza tal-kunestabli naqset hekk kif flokha żdiedet l-awtorità tal-kaptan tal-Milizja. Imbagħad mill-1562 din il-kariga bdiet tkun mogħtija lill-istess uffiċjal għal sena waħda biss. Matul il-pesta tal-1675-76, dan l-uffiċjal kien inkarigat  jissorvelja ż-żamma tar-regoli mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa biex irażżnu l-imxija tal-pesta. Nafu li f’dan iż-żmien fir-Rabat kien hemm żewġ kunestabli, waqt li f’Ħal Qormi dan kellu miegħu nies rikkieba li setgħu jgħinuh fl-amministrazzjoni. Fil-ktieb tiegħu l-Histoire de Malthe(1841) D. Miege jgħid li fi żmienu kull raħal kellu surġent u kunestabli assenjati biex iżommu l-bonordni. Dan il-karattru jissemma fl-istorja ta’ Ineż Farruġ, li Anton Manwel Caruana kiteb fis-sena 1889. Hawn dan il-pesrsunaġġ jissejjaħ ‘konnestabbli’: ‘[] il-konnestabbli li kien Sqalli, dlonk bagħat jitlob l-għajnuna’. Sors: Ineż Farruġ (ed. Charles Briffa), p. 128; u ‘[…] n-nisa u t-tfal, mal-qassis u konnestabbli tar-raħal […]’, p. 131. Ara: Society, Culture and Identity in Early Modern Malta ta’ Carmel Cassar, pp. 51, 52, 232; Il-Pesta tal-1675-76 ta’ Joseph Micallef (maqlub għall-Malti minn Joseph F. Grima).

KUNFETTURA / KONFETTURA    1.  Il-prodott  tad-dolċier meta jħallat il-frott, pereż., qxur tal-larinġ jew tal-lumi, iżda anki biċċiet tal-qara’ twil, mal-għasel jew zokkor. Dan jitgħalla sakemm idub u jitħallat flimkien. 2. Term. li jirriferi wkoll għal kull xorta ta’ ħelu. Tal. confettura – M. ħelu magħmul biss miz-zokkor.

KUNFRATIJA   Ara: KONFRATIJA.

kungress ewkaristikuDSCN1023KUNGRESS EWKARISTIKU, IL-  Il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913 sar bl-iskop li tinxtered aktar id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija mad-dinja Kattolika. Dan il-kungress li seħħ bejn it-23 u s-27 ta’ April kien jikkonsisti f’seminars, talb, purċissjonijiet reliġjużi tal-massa u manifestazzjonijiet oħra. Għalih kienu attendew mat-tlett elef reliġjuż barrani, fosthom il-Legat tal-Papa, ħames kardinali u bosta isqfijiet, qassisin u numru kbir ta’ Kattoliċi. Fost il-kungressisti kienu attendew ukoll id-Duka u d-Dukessa ta’ Norfolk. Il-poplu Malti kien ħa sehem b’mod numeruż kull fejn seta’, u darba minnhom f’purċissjoni li saret il-Belt kienu ħadu sehem mal-10,000 ruħ, fosthom 500 qassis, 323 patri u 122 fratellanza, li bejniethom kellhom 1,400 fratell. L-aqwa ta’ dan il-kungress kien meta f’ċerimonja simbolika li saret fil-Barrakka ta’ Fuq kien tbierek kungress ewkaristiku.jpgil-Port il-Kbir. Dakinhar kienet ingħatat ukoll il-barka lill-Ordni ta’ San Ġwann, li kien iġġieled biex jiddefendi l-Kristjaneżmu f’Malta. Tbierku wkoll il-bastimenti tal-flotta Ingliża li kienu preżenti fil-Port il-Kbir. Fl-istess ċerimonja tbierku wkoll il-ħabsin ta’ Kordin kif ukoll il-morda li ma setgħux jattendu. Barka oħra kienet ingħatat lit-tfal Maltin u Għawdxin. Il-Kungress Ewkaristiku kien l-akbar manifestazzjoni reliġjuża li qatt kienet seħħet f’Malta sa dak iż-żmien. Fl-1917, kien twaqaf monument fuq il-Biskuttin, (quddiem fejn illum hemm il-lukanda Phoenicia, il-Furjana), bbiex dan il-kungress jibqa’ mfakkar. Il-monument hu xogħol ta’ Antonio Sciortino. L-ewwel Kungress Ewkaristiku li qatt sar kien sar fl-1881 fil-belt Franċiża ta’ Lille. Ara: Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb,  pp. 125-130; Heritage, Vol. 2, pp. 661-663; British Malta, Vol. II, A.V. Laferla, pp. 191-193; A Chronicle of 20th Century Malta, Michael Cassar u Joseph Bonnici, p. 71.  

KUNJARD     Biċċa injama kbira li tintuża mill-ħaddiema tal-barrieri biex jaqsmu u jiftħu  l-blata. Il-kunjard jitqiegħed fil-qasma ta’ ċertu kobor, li tkun mifruda bit-tismir tal-ispnajjar. Sqal. cugnu, strumento tagliente da un capo e grosso dall’altro a piramide che percosso ha forza di penetrare e fendere. Sors etim: Nuovo Dizzionario Siciliano – Italiano, Barone Vincenzo Mortillaro, 1838.  

KUNJETT     Flixkun tal-ħġieġ jew vażett żgħir li jinħakem minn id waħda li jintuża biex fih tinżamm fwiħa mediċina jew xi essenza oħra. Sqal. cugnettu – piccolo barile dove si mettono iI pesci salati. Sors etim: J.A.

KUNTELL  Ktejjeb biex fih jinżammu r-riċevuti tal-kera u l-qbiela. X’aktarx il-kelma ġejja minn kont, għaldaqstant, il-kont tal-kera.

KUNVENT     Louis de Boisgelin, Kavallier Ingliż tal-Ordni li għex f’Malta fl-aħħar tas-seklu tmintax u bidu tas-seklu dsatax, jgħid, fil-ktieb tiegħu, Ancient and Modern Malta, li dan it-terminu kien użat mill-Ordni, meta kienu jirreferu b’mod ġenereiku għall-Palazz tal-Gran Mastri, il-knisja konventwali ta’ San Ġwann, l-Isptar (s-Sagra Infermerija) u l-bereġ tal-Lingwi’. Apparti minn hekk, Malta kollha kemm hi kienet ikkunsidrata wkoll bħala, ‘il-Kunvent’ tal-Ordni ta’ San Ġwann.

KUPRU   Tip ta’ minerali, vitrijol ikħal, magħmul minn trab tar-ram li kien jintuża biex jitnaddaf id-drapp tas-suf mill-parassiti. Sa żmien riċenti it-trab tal-kupru kien jintuża wkoll biex jinqabad dud żgħir tajjeb għas-sajd minn fuq il-blat ta’ qrib il-baħar. L-użu tal-kupru għas-sajd hu illegali. Tal. cupro. Ing. Sulphate of copper.

KUPUN    Il-kupuni kienu jitqassmu fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, biex wieħed seta’ jieħu jew jixtri r-razzjon tiegħu tal-ikel. Ħafna kienu u għadhom joffru skemi fejn fix-xirja tal-merċa jew affarijiet oħra, jingħataw kupuni bħala inċentiv biex dak li jkun jibqa’ jixtri mingħand l-istess bejjiegħ jew l-istess prodott. Dawn il-kupuni jissarrfu f’vawċer li bih ix-xerrej ikun jista’ jakkwista oġġetti utili b’xejn. Ing. coupon mill-Fr. v. couper – M. taqta’.

kurazzata x.jpgKURAZZATA  Bastiment li jkollu l-buq (Ing. hull) infurzat bil-pjanċi tal-metall. Dan it-tip ta’ bastiment kien beda jinħadem fis-seklu dsatax bħala protezzjoni kontra l-balal tal-kanuni tal-għadu. Ing. Iron clad.

 

 

kurdar3KURDAR    Ħaddiem li jipproduċi l-ħbula. Sal-aħħar tas-seklu għoxrin il-ħbula kienu neċessarji ħafna għall-użu fuq bastimenti li jaħdmu bil-qlugħ. Fil-Birgu hemm triq imsejħa bħala s-Sur tal-Kurdara, minħabba li hawn kien isir dan ix-xogħol. Ix-xogħol tal-ħbula kien jinħtieġlu ċertu spazju fit-tul biex il-ħabel jinħadem minn kordi rqaq stirati u miġbudin fuq ir-raddiena. Il-ħbula jiġu mmaljati minn diversi spag tal-kittien biex dawn jingħaqdu f’ħabel ta’ ħxuna skont il-bżonn. F’nofs is-seklu tmintax, il-Birgu kien hemm daqs 140 kurdar, fl-Isla 40, u f’Bormla 20. Sqal. Curdaru. Ara: MAĦBEL. Ara: ‘Birgu During the British Period’ ta’ Dominic Fenech,  Birgu – a Maltese Maritime City, p. 137.              

KURDUNĊIN   1. Lazz dekorattiv li jkun mibrum bosta drabi, u li fit-tarf ikollu ġummiena. Il-kurdunċin jintlibes mill-kleru mal-kappell, jew minn fizzjali tal-militar. Lazz oħxon immaljat, li jgħaddi minn but biex iżomm xi arloġġ imdendel. 2. Xogħol fl-injam maħdum fit-tond qisu bastun irqiq biex iżejjen il-kwadru tal-pittura minn kull naħa. 3. It-tarf tal-bankina fejn jgħaddi kurdun tal-ġebel li jkun xi ftit ogħla mil-livell tat-triq.

KURDWANA   Ġilda impurtata minn Spanja. V.B. (1900) jispjegaha bl-Ing. bħala cordovan; a Spanish leather.

KURJAL     Avukat.

KURKANTA    Tip ta’ ħelu (eż. kejk) bil-lewż midħun li jkun magħmul b’mod li jqarmeċ. ĊIKKULATA  BIL-KURKANTA   Ċikkulata li jkun fiha frak tal-lewż. Etim. Tal. croccante – iqarmeċ.

KURKETT     (pl. krieket).  Speċi ta’ ganċ li jitqabbad ma’ ieħor. Ħafna drabi dan ikun meħjut fuq wara tal-libsa biex din tinqafel sew. Kurkett ikun magħmul minn parti li tissejjaħ kurkett mara, (il-parti tal-ħolqa) u kurkett raġel (il-parti tal-ganċ). Sqal. crucchettu. Sors: J.A.

KURPETT    (pl. kriepet). Libsa li tintlibes minn taħt ħwejjeġ oħra biex iżżomm it-tronk tal-ġisem marsus. Sqal. curpettu, Tal. carpetto. Ing. corset jew  bodice.

KURRABBA      Il-qalja tat-tonn abjad.

Kurrad san_Corrado (1).jpgKURRAD, SAN    Qaddis li hu meqjum bħala l-patrun tal-belt ta’ Noto fi Sqallija. F’Malta teżisti leġġenda li tgħid li dan il-qaddis kien jgħix waħdu fl-għar u l-kappella li llum hi ddedikata lil San Pawl Eremita, li hemm f’Wied il-Għasel, barra l-Mosta. Minn hemm kien tkeċċa mill-bdiewa tal-post għal xi raġuni jew oħra. Hemm diversi verżjonijiet fejn spiċċa jgħix San Kurrad, u fost dawn il-postijiet hemm Kemmuna, Għawdex u Noto fi  Sqallija. KURRAD1018.JPGIl-leġġenda Għawdxija tgħid li dan għex ta’ eremita fil-knisja u għar ta’ Sant’Antnin fil-Qala. Hemm kien qatta’ ħajtu kollha jfejjaq il-morda. F’Għawdex dan il-qaddis kien magħruf bħala San Kerrew. Fil-katidral ta’ Noto, fi Sqallija San Kurrad hemm skrizzjoni bil-Latin li tgħid li dan il-qaddis tar minn Malta lejn Sqallija fuq mantell’. Ara: Gozo: Ancient and Modern, Religious and Profane ta’ Agius de Soldanis, pp. 119 -123; Towns and Villages in Malta and Gozo Part 4 : Gozo, ta’, Charles Fiott, pp. 114-115. Exploring the Chapels of Gozo ta’ Paul Grech pp. 120-126; A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo ta’ Kilin pp.51-52; ‘The Chapel of St Paul the Hermit’, ta’ Mario Buhagiar, Heritage Vol 1, pp.141-145.    

kurratIMG_6916.JPGKURRAT    (L. Allium ampeloprasum) Pjanta tat-tip tal-basal li tikber minn tuberu. Pjanta li tista’ tinżera u titkabbar biex tittiekel, biss tikber anki fis-selvaġġ, l-aktar f’ambjenti ta’ ftit ħamrija u qrib il-baħar. Komuni ferm fir-rebbiegħa. Hemm il-kurrat ta’ Malta (L. Allium melitense) u l-Kurrat selvaġġ (L. Allium commutatum). Sors: E.S.I. u The Maltese Countryside Vol. I, ta’ Guido Bonnett u Joe Attard. 

KURTINAĠĠ     Purtieri li jiddendlu madwar is-sodda. Speċi ta’ tinda jew ċelu li jkopri s-sodda minn fuq u madwarha kemm bħala tiżjin kif ukoll biex tostor il-persuna li tkun fis-sodda.

KURUNELLA    Innu jew talba miktuba jew imlissna b’rima ddedikata lill-Madonna jew lil xi qaddis.  Eż. ta’ dan hu r-rużarju meta jkun animat bit-kurunella. Eż ta’ kurunella hi din iddedikata lill-Madonna Ta’ Pinu:

                          Sliem għalik, o Xbejba Mqaddsa,
                          Hena u ferħ tagħna l-bnedmin,
                          Hena u ferħ tal-anġli kollha,
                          Għaxqa wkoll t’Alla l-ħanin       

KUS009.JPGKUS    Buqar, ġarra. Ngħidu, ‘aħjar ma ddendilx kusek miegħu dak’, bħallikieku, jekk tazzarda ttawwalha ma’ dak li jkun tista’ tiġi f’inkwiet kbir. M.A.V. (1828) jagħti dan il-qawl: ‘La ddendilx kusek f’bieb l-imgħallaq’. Skont M.A.V. jgħid li din it-twissija tingħatha għax jekk wieħed idendel kusu ma’ bieb tal-familjari tal-imgħallaq dawn jistgħu jistħajlu li din hi mossa magħmula apposta biex tniggiżhom (il-kus imdendel jissimbolizza l-imgħallaq fuq il-forka). Inħoss li din l-analoġija mhix b’saħħitha biżżejjed. Nissuspetta li ‘mgħallaq’ hi korruzzjoni ta’ kelma antika, ‘magħlaq’, oġġett li jingħalaq, eż. bħal armarju li fih jitqiegħdu l-affarijiet bżonjużi. Nassumu li jekk hu hekk, it-twiddiba tagħmel aktar sens għax b’hekk wieħed qiegħed jagħti parir prattiku biex wieħed njeviga l-kus jinkiser. Fi kliem ieħor, l-qawl qiegħed iwiddeb li minn jissogra jagħmel xi ħaġa ta’ riskju jispiċċa ħażin. Fl-istorja li kiteb Agostino Levanzin, Is-Saħħar Falzun, naqraw hekk: ‘[…Girgor is-sakristant] ġibed ‘il ġewwa lil Ħamid biex xi flien ma jaraħx hemm u jorbotlu kusu ma’ bieb Ambroġ’. Sors: Ward ta’ Qari Malti, (1945), ‘Indiema Mwaħħra’, p. 214.  

kustat.jpgKUSTAT   Skont J.A. dan hu s-sider. Skont E.S.I. din hi parti mis-sider li fiha hemm il-kustilji. Din il-kelma tintuża b’mod partikolari fit-Testment il-Ġdid, l-ewwel fir-rakkont tal-Passjoni, meta ċ-Ċenturjun daħħal il-lanza fil-kustat ta’ Kristu biex jaċċerta ruħu li dan kien tabilħaqq mejjet. L-istess kelma terġa’ tissemma f’episodju ieħor tat-Testment il-Ġdid meta San Tumas deffes subgħajh fil-ferita tal-kustat ta’ Kristu, biex jaċċerta ruħu li dak kien tabilħaqq Kristu ħaj. (Ġwanni: 20: 24-29.) Sqal. Custatu / Tal. costato.  V.B. (1900) jgħid: Is-sider, u jżid ġakulatorja: ‘ilma tal-kustat ta’ Kristu aħsilni’.

KUSTILJA   1. Għadma minn ħafna li jiffurmaw l-iskeletru tas-sider, u d-dahar. B’kollox il-bniedem għandu ħdax-il kustilja fuq kull naħa tat-tronk ta’ ġismu. 2. Injama twila u rqiqa li titwaħħal għat-tul fuq kull naħa u matul il-qiegħ tad-dgħajsa biex iżżomm l-istamnari aktar sodi f’posthom. Tal. Costola. Ara:  STAMNARA.

KUTNINA     Kanvas. V.B. (1900) Ing. Sail cloth.

kutrumbajsa gabrijola - CopyKUTRUMBAJSA   Tidwira li wieħed jagħmel rasu ‘l isfel u mgħawweġ tond bħalikieku rota ddur ‘l quddiem fl-ajru jew fuq l-art. Mossa bħal din issir ġieli bħala eżerċizzju jew inkella sempliċiment bħala daħka jew ġennata bejn il-ħbieb. Ġieli fil-logħob tal-futbol naraw lil xi plejer jagħmel din il-mossa bħala sinjal ta’ ferħ wara li jiskorja xi gowl. L-istess mossa kultant issir bi sfida bejn il-ħbieb, meta jkunu ser jaqbżu l-baħar minn ċertu għoli billi dak li jkun idur bħalli kieku tgerbeb hu u nieżel. Ing. Somersault. M. A. V. jgħidilha KUKKRUMBAJSA. Ara: GABIRJOLA.  

KUTU     Appel. għal xi ħadd kwiet, ma jħobbx jitkellem wisq u li ma magħluq fih innifsu. Idj: ‘Kutu kutu, qrunu f’butu’ – tingħad għal xi ħadd ta’ karattru kwiet, iżda li jbexkel minn taħt. Sqal. cotu cotu, kwiet kwiet. 

KUXKIERI    Appel. għal kull tip ta’ annimal li jitkaxkar, eż. serp, ħanex, lifgħa, eċċ. Dan seta’ kien laqam li minnu ħareġ il-kunjom Cuschieri. Fil-Lista tal-Milizja tal-1419-20, dan il-kunjom hu miktub, Cuskeri.

KUŻA  / TKUŻIJA Terminu li jintuża fil-logħba tat-TRISETT, meta wieħed mill-lagħba jiddikjara kemm għandu punti. Etim. Tal. accusare.

KWADERN     Kelma antika li tirriferi għal pitazz.  Kelma oħra li tfisser għall-istess ħaġa hi, SKRITT.

KWADRANT     1.  Kull parti minn erbgħa ta’ disinn ta’ ċirku. 2. Strument li ilu jintuża mill-astronomi u n-navigaturi tal-baħar biex jaraw il-pożizzjoni tax-xemx u l-kwiekeb u b’hekk jaffermaw il-pożizzjoni ġeografika u d-direzzjoni li jridu jsegwu. Dan l-istrument jintuża wkoll mill-militar biex il-kanuniera jikkalkolaw tajjeb l-angolu tal-kanun u d-distanza tal-oġġett li jkunu qed jimmiraw fuqu. 3. KWADRANT TAL-ARLOĠĠ  Il-wiċċ tal-arloġġ li fuqu jidhru n-numri li jaqsmu l-ħin. 4. KWADRANT TAX-XEMX Il-wiċċ tal-arloġġ tax-xemx kif imnaqqax norm. fuq il-ħajt.

kwadrant1

kwadrant Palace    KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

KWADREĠEŻIMA     L-ewwel Ħadd tar-Randan.  Jissejjaħ hekk għaliex dan il-Ħadd hu l-erbgħin jum qabel il-Għid il-Kbir.  Tal. Quadragesima.

kwakkeri.jpgKWAKKERI / KWAKKRI / KWEJKERS  Membri tas-setta tal-Kwakkri, jew kif inhi magħrufa wkoll ‘is-Soċjetà tal-Ħbieb’. Din kienet iffurmata fl-1650 fl-Ingilterra minn ċertu George Fox. Il-Kwakkri fit-twemmin tagħhom jemmnu li fil-ħajja spiritwali tal-individwu ma hemmx bżonn ta’ qassisin biex jagħmluha ta’ intermedjauri bejn il-bniedem u Alla. L-isem bl-Ingliż Quakers x’aktarx ġej mill-fatt li ġieli, waqt xi mumenti ta’ meditazzjoni, il-parteċipanti jibdew jirtogħdu bil-kbir. Fis-sena 1658 kienu ġew Malta żewġ Kwakkri nisa Ingliżi, li kienu fi triqithom minn Livorno għal Ġerusalemm. Dawn kienu Catherine Vans u Sarah Cheevers. Waqt li kienu f’Malta dawn spiċċaw arrestati u miġjuba quddiem l-Inkwiżitur għax inqabdu jqassmu xi kotba ta’ tagħlim tar-reliġjon tagħhom. Iż-żewġ nisa nżammu maqfula fil-ħabs tal-palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu, għal erba’ snin sħaħ. Meta nħelsu, iż-żewġ Kwakkri malajr ingħataw passaġġ lura lejn Livorno fuq il-frejgata Ingliża Sapphire. Ara: ‘A Concise History of Malta: The Quakers’ Incident’ ta’ Andrew Vella, Heritage, Vol. 4, pp. 1241-1245; A Quaker Mission in Malta, John Wood, The Sunday Times, May 30, 2010. Ara wkoll: http://www.hallvworthington.com

KWALJARIN    Suffara li ħossha jixbah t-tisfir tal-għasafar. Il-nassab jużaha bil-ħoss li tagħmel iħajjar l-għasafar jersqu lejn il-mansab.

Kwarantina from the 19th century.jpgKWARANTINA   Stat ta’ iżolament (kwarantina tfisser erbgħin jum, biss il-ġranet ta’ iżolament norm. kienu jkunu ħafna inqas minn hekk). Fi żmien l-Ordni u fi żmien l-Ingliżi tas-seklu dsatax, f’Malta il-prekawzjonijiet kienu rigorużi u bosta drabi l-bastiment kien jiddaħħal Marsamxett, li l-Ingliżi kienu jsejħulu,  Quarantine Harbour. Il-passiġġiera kienu jinżammu fil-Lazzarett, fuq il-gżira Manoel. Fi żmien l-Ordni, jekk xi ħadd mill-baħħara fuq bastiment kien jinstab li hu infettat, il-baħrin kollha kien ikollhom joqgħodu fi kwarantina sa tmenin jum. F’dan il-każ, il-bastiment ġieli kienu jgħarrquh biex jintela bl-ilma u jiddisinfettaw. Kien hemm ukoll drabi meta il-bastiment nħareġ barra l-port u ngħata n-nar biex jinqered u fdalijiet tiegħu jerqgħu biex ma jiġborhom ħadd. Dan il-proċess ta’ sigurtà kien isir l-aktar meta l-bastimenti jkunu ġejjin minn artijiet fil-Lvant tal-Mediterran, fejn il-mard li jittieħed ta’ spiss kien ikun fuq livell epidemiku. Il-kittieb tal-vjaġġi magħruf John Murray, fil-ktieb tiegħu, A Hand-Book for Travellers in the Ionian Islands, Greece, Asia Minor and Constantiniple (1845), jgħid li  filwaqt li min ikun ġej mil-Lixandra kien iqatta’ bejn ħames u sitt ijiem fil-Lazzarett, dawk li jkunu ġejjin minn Kostantinopli riedu jagħmlu għoxrin jum. Ara: BARRIERA, IL-, KOLERA, LAZZARETT, PESTA BUBONIKA.

KWARANTURI / KORANTURI    Il-kelma ġejja mit-Tal. Quaranta Ore, rif. għall-erbgħin siegħa ta’ talb li jsiru fil-knejjes waqt ir-Randan, qabel il-festa ta’ Korpus, jew fil-ġranet li jwasslu għal xi festi oħrajn. Dan it-talb kien isir mill-fratellanzi kif ukoll  mill-individwu. Fl-antik, kien hemm ftehim bejn membri tal-fratellanzi biex il-ħin tat-talb jinqasam bejniethom. B’hekk meta xi membru tal-fratellanza ma kienx ikun jista’ jattendi l-kwaranturi, fil-ħin skedat tiegħu dan ġieli kien jibgħat xi ħadd minn tal-familja, kultant xi tifel, biex anki jekk stess ma jitlobx, almenu joqgħod preżenti, għarkupptejh quddiem  is-sagrament.

Kwarezimal (1).JPGKWAREŻIMA    Ir-Randan.  KWAREŻIMAL  1. Kors ta’ prietki tar-Randan. Kienet tissejjaħ hekk ukoll il-prietka li kienet issir fir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt. 2. Tip ta’ ħelu li jittiekel fir-Randan, magħmul minn lewż mitħun u mħallat mad-dqiq, ftit qxur tal-kannella (Is. xj. cinamonum) u ftit ilma żahar. Wara li jissajjar fil-forn il-ħelu jiżdidlu l-għasel u xi ftit pistaċċjo. Dan il-ħelu kont tista’ tieklu fir-Randan mingħajr ma tikser l-astinenza għaliex ir-riċetta tal-kwareżimal la għandha xaħmijiet u lanqas bajd jew ħalib. Ara: SAWM U ASTINENZA. Etim. Tal. Quaresima. Lat. quadrigesima – M. erbgħin jum qabel l-Għid. Sp. cuaresma.

KWAREŻIMALIST     Il-predikatur tal-prietki tar-Randan. Bosta drabi l-kwareżimalisti kienu jkunu barranin, l-aktar patrijiet Taljani, u kienu jinġiebu apposta Malta għal dan iż-żmien biex jagħmlu l-prietka tagħhom f’diversi knejjes. Ganado, fil-ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb (p. 105), isemmi żewġ kwareżimalisti ta’ żmienu li kienu magħrufa sew. Dawn kienu Padre Somigli u Padre Balestieri. Dan tal-aħħar kien tant famuż illi meta kien jipprietka f’Napli kienu jmorru eluf kbar ta’ nies biex jisimgħuh. Ara:   KWAREŻIMAL.

KWATERN     Sett ta’ erba’ numri li jinkitbu fil-logħob tal-lottu.

KWATTRU TEMPRA  / KWATRUTEMPI    Erba’ ġabriet ta’ jiem fis-sena, norm. ta’ tlett ijiem il-waħda, li fl-antik kienu jitqiesu bħala żmien ta’ sawm. L-iskop tal-Kwattru Tempra kien li jkunu osservati tlett ijiem ta’ sawm relatati mal-festi prinċipali tal-kalendarju liturġiku, li kienu, bejn it-tielet u r-raba’ Ħadd tal-Avvent (qabel il-Milied), bejn l-ewwel u t-tieni Ħadd tar-Randan (qabel l-Għid), fil-ġimgħa ta’ wara l-Ħadd ta’ Pentekoste u fil-ġimgħa ta’ wara l-festa ta’ Santu Kruċ, f’Settembru. Matul is-sekli, il-ġranet stabbiliti għas-sawm inbidlu kemm-il darba. Intant wara ċertu żmien kienu stabbiliti ġranet partikulari fil-ġimgħa biex isir is-sawm matul is-sena kollha. Dawn il-jiem kienu l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt. Etim. Lat. quattuor anni tempora jew jujunia quattuor temporum – M. is-sawm tal-erba’ staġuni tas-sena; Ing. ember days. Ara: SAWM U ASTINENZA. Ara: ‘Mill-Kalendarju Tal-Bidwi, Tal-1849’, Ġużi Gatt, L-Imnara, Vol. 10, Nru 3, Ħarġa Nru 38, pp. 17-21. Ara: ‘Sawm u Astinenza’, p. 60, u ‘Il-Kwattru Tempi’, p. 62, Pronostku Malti, 1959.

KWERĊA      Injam tal-ballut.   Ara: RUVLU.

KWERELA    Term. leg. Talba bil-miktub minn persuna biex ikun imħarrek xi ħadd li l-pulizija ma tkunx ipproċediet kontrih. Din it-talba jiktibha l-kwerelant, jiġ., dak li fuqu tkun saret l-offiża, biex jittieħdu l-passi legali meħtieġa u b’hekk ikunu ssalvagwardjati l-interessi tiegħu kontra l-imputat. KWERELANT   Dak li jikteb din it-talba biex l-akkużat jitressaq il-qorti. Ħajr: L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.

KWIBUS   Kelma oħra li tintuża b’mod kollokwiju li tfisser ‘flus’. Ngħidu, ‘m’hemmx kwibus!’ jiġ. m’hemmx flus. Sors: J.A. Lat. quibus – M. fortuna. ‘De quibus!’ – Espr. bil-Latin li wieħed juża biex jawgura lil xi ħadd ir-risq.

KWINDIĊINA     Il-ħmistax-il jum ta’ talb li jsiru qabel il-festa tal-Assunzjoni.

kwintana x.jpgKWINTANA     1. Arblu li jintrama fil-logħob tal-ġostra biex ir-rikkieba jiġru lejh fuq iż-żwiemel biex jolqtugh bil-lanza. Dan l-arblu jżomm ċirku żgħir li jkun imdendel minn injama ħierġa ’l barra. Norm. fit-tarf ta’ din l-għuda titwaħħal tarka bħala bersall li l-ġerrej jittanta jolqot bil-lanza.  2. Rif.  għad-deni li jitla’ kull ħamest ijiem lill-marid.

KWINKWAĠEŻIMA     Ħadd iż-Żgħir, jew Ħadd il-Karnival, jiġ. il-Ħadd qabel ir-Randan. Fir-rit ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II, (1964) dan kien ikkunsidrat bħala l-Ħadd li fih wieħed jibda jimmedita dwar il-passjoni ta’ Ġesù Kristu.  Lat. Quinquagesimus – M. Il-Ħamsin Jum qabel l-Għid il-Kbir.

KWITTANZA     Term. legali. Irċevuta ta’ ħlas li tingħata mill-kreditur (dak li jsellef jew dak li għandu jitħallas) lid-debitur (jiġ. dak li ssellef u obbligat jagħti lura) għall-ħlas li jkun sar. Tħollija minn xi rbit ta’ ħlas ta’ flus. Digriet mill-Qorti li ma jżommx il-persuna aktar responsabbli għad-dejn li jkun għadu ma tħallasx. Tal. quietanza (antikament quitanza). Ħajr: L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.

KXIEXEL     Framment tal-qamħ u l-qxur li jinġabar fil-mitħna tal-qamħ.

kzar pawluKŻAR PAWLU I TAR-RUSSJA, IL–    Ir-relazzjoni tal-Kżar Pawlu I tar-Russja mal-Ordni ta’ San Ġwann bdiet meta l-Ordni kkonvinċa lill-Kżar biex ibigħ lill-Ordni l-Prijorat li kellu fil-Polonja, bi 30,000 fjorin. Ftit wara, fl-1797, il-Kżar ingħata t-titlu ta’ Protettur tal-Ordni ta’ San Ġwann. Meta l-Gran Mastru Hompesch tkeċċa minn Malta u l-Kavallieri sparpaljaw ruħhom minn Malta, f’Ġunju tal-1798, il-Kavallieri tal-Prijorat tar-Russja fi ħdan l-Ordni raw kif għamlu biex iwarrbu lil Hompesch minn Gran Mastru u jlaħħqu l-Kżar Pawlu I minfloku. Fis-6 ta’ Settembru 1798 hekk sar, u fis-7 ta’ Novembru eleġġew lill-Kżar, bħala l-Gran Mastru l-ġdid tal-Ordni. Il-Papa (Piju VI), bħala l-kap suprem u spiritwali tal-Ordni, ma aċċettax ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni u ddikjara l-Gran Mastru Pawlu I, ‘kap illeġittimu’. Dan minħabba li l-Kżar kien Ortodoss u miżżewweġ, u għaldaqstant qatt ma seta’ jieħu l-voti tal-kastità.  Fis-sena 1801, il-Kżar spiċċa assassinat, u l-eredi tiegħu Alessandru II, ma kienx interessat li jżomm il-kariga ta’ Gran Mastru tal-Ordni. B’hekk spiċċa l-perijodu qasir fejn l–Ordni kien immexxi minn Gran Mastru Russu. Etim. it-titlu ta’ Kżar hu meħud mil-Latin Caesar. Ara: ‘The Order and Paul I of Russia’, Andrew P. Vella, Heritage, Vol. 5, pp. 1436-1438.

  *         *         *

Jekk hemm xi kelma partikolari li ma sibtx u tixtieq taf dwarha, jew inkella, hemm xi kelma li taf inti u ma sibthiex fl-enċiklopdija, iktibli …

Ara aktar: 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Tagħrif dwar kliem u ritratti bħal dawn jinsabu fil-pubblikazzjonijiet:

         Bejn Kliem u Storja 

         Ara X’Int Tgħid

        Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja  Aa ARA X'INT TGHID  A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

paġni  256                                            paġni 256                                              paġni 256
Prezz:  Ewro 14.95                             Prezz: Ewro 14.95                               Ewro 14.95    

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,
(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).