u

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
UBWAR * UĊĊALI * UĊĊALI TAL-MOLLA * UĊĊILLIERA * UDIGĦA (BAJDA WDIGĦA) * UDIT, KANT BL- * UDITORE * UFFIZZJU * UFFIZZJATURA (ara: UFFIZZJU) * UFFIZZJU * UMBRELLA / UMBRELLUN * UMBRELLA, IL-PARTITI TA’ TAĦT L- * UNION CLUB, IL- * UNIVERSITÀ (edukattiva) * UNIVERSITÀ (kunsill amministrattiv) * UNU * UQIEGĦ * UQIJA * URI * UTAJJA / WTAJJA * UŻIN ANTIK * UŻUFRUTT * UŻURA / UŻURARJU *

 

UBWAR   Varjant ta’ ‘bwar’, il-plural tan-nom ‘bur’, li jfisser roqgħa art fejn jikber il-ħaxix u li fuqha norm. jirgħu l-annimali tal-irziezet. Kienu jeżistu diversi nħawi b’dan l-isem, eż. Ubwar ta’ Ħaġar Mitqub, jew Ubwar ta’ Burix. SorsPlace-Names of the Maltese Islands, 1300-1800, p. 558.

UĊĊALI    Kelma li fl-antik kienet tintuża flok nuċċali. UĊĊALI TAL-MOLLA, pins-nez. Sorsi: G.B.F. (1845) u V.B. (1900).

UĊĊELLIERA     Gabbjun fejn jinżammu kwantità ta’ għasafar.

UDIGĦA   Tingħad fl-espr. BAJDA WDIGĦA   Bajda mħassra u li tintenBajda mhux ingallata, li ma tofqosx. Dari, din kienet titqiegħed f’post biex tħajjar it-tiġieġa tbid hemm. Fig. Sigriet jew ħsieb x’aktarx ta’ ċertu ħażen, eż. komplott li wieħed iżomm f’moħħu biex jattwah aktar ‘il quddiem.

UDIT,    eż. KANT BL-    Tip ta’ kant li jitkanta mingħajr ma tinqara l-mużika minn fuq il-partitura.  Kemm il-kant kif ukoll il-mużika li wieħed jikkomponi bid-daqq u s-smigħ.

UDITORE     Fi żmien l-Ordni, dan kien it-titlu li kien magħruf bih l-avukat ġenerali tal-Gran Mastru.

UFFIZZJU    Tingħad mal-kelma sagru. Talb li l-qassis jaqra kuljum.  UFFIZZJATURA  It-talb u ċ-ċeremonjal li jsir fil-knisja. Ara: URI.

UMBRELLA / UMBRELLUN     Rif. għall-umbrella kbira li tinġarr fil-purċissjonijiet tal-festi u li taħtha jimxi l-arċipriet / prepostu tal-basilika. L-umbrellun hu wieħed mill-oġġetti simboliċi li hi intitolata għalihom knisja basilikali. Ara: BASILIKA.

UMBRELLA, IL-PARTITI TA’ TAĦT L-    Fil-21 ta’ April 1958, il-Partit Laburista, kien irriżenja mill-gvern wara li l-ftehim dwar l-Integration ma ntlaħaqx. Wara l-irvellijiet ta’ April tal-1958, il-partiti opposti kontra l-politika tal-Labour Party kif ukoll il-Knisja ħaduha kontra l-atti vjolenti fit-toroq li jidhru li kienu saru bil-kunsens tal-GWU u l-Partit Laburista. L-għaqdiet reliġjużi u l-partiti politiċi kienu xegħlu ħuġġieġa waħda kontra dan il-partit xellugi, aktar u aktar meta waqt it-taħditiet għall-Indipendenza kienu diskussi l-famużi Sitt Punti ta’ Mintoff. Għaldaqstant il-partiti li kienu kontra l-aġir u l-fehma tal-Partit Laburista ngħaqdu flimkien biex jagħmlu front wieħed u jiddefendu l-fehma tagħhom u dik tal-awtorità tal-Isqof u l-Knisja Kattolika f’Malta. Din il-konfrontazzjoni kibret aktar meta Mintoff affilja l-Partit Laburista mal-AAPSO (African-Asian People’s Solidarity Organisation), għaqda li kienet ikkunsidrata bħala front internazzjonali Komunist. Il-partiti li ngħaqdu flimkien favur il-Knisja kienu dawn: il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn George Borg Olivier, il-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Herbert Ganado, il-Partit tal-Ħaddiema Nsara mmexxi minn Toni Pellegrini, The Progressive Constitutional Party ta’ Mabel Strickland u l-Partit Demokratiku Nisrani ta’ Ransey. Waqt li dawn il-partiti kienu qegħdin iħejju ruħhom għall-elezzjoni li kellha ssir fi Frar tal-1962, ġurnal Ingliż sejjaħ lil dawn il-partiti b’isem kollettiv bħala ‘Ta’ Taħt l-Umbrella’. L-għan prinċipali ta’ dawn il-partiti kien, li jiġri x’jiġri, fl-elezzjoni tal-1962, il-Partit Laburista ma jitlax fil-gvern bil-kostituzzjoni li kien qiegħed jipproponi u bl-ideoloġija tiegħu soċjalista u antiklerikali. Fl-elezzjoni li saret fis-17, 18 u 19 ta’ Frar, il-Partiti ta’ Taħt l-Umbrella kienu ġabu dawn ir-riżultati: PN – 25 siġġu; PDM – 4; PĦN – 4; PCP – 1, b’total ta’ 120,000 vot. Il-Partit Laburista kien ġab sittax-il siġġu b’50,000 vot. B’hekk il-Partit Nazzjonalista kien elett fil-gvern b’maġġoranza assoluta. Ara: INTERDETT, INTEGRATION, ĠUNTA, SITT PUNTI, IS-. Ara wkoll: Rajt Malta Tinbidel, ir-Raba’ Ktieb, pp. 353-368; A Chronicle of Twentieth Century Malta, pp. 282, 283; Ġrajjiet Malta fl-Imgħoddi ta’ John Inguanez, p. 52. Sant Alfred, 28 ta’ April 1958 – Il-Ħobż u l-Ħelsien. SKS. 1988.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

UNIVERSITÀ, L-   1. Antikament, dan kien terminu li jirreferi għall-kunsilli lokali amministrattivi, kemm tal-Imdina kif ukoll ta’ Għawdex. Ir-rwol prinċipali ta’ dawn il-kunsilli kien prinċipalment li jieħdu ħsieb it-tiswija tas-swar u d-difiża tal-ibliet rispettivi tagħhom kif ukoll il-bżonnijiet oħra ta’ kuljum. Biż-żmien, l-Università bdiet tamministra anki il-bżonnijiet tar-reġjun tal-madwar. Fil-każ tal-Imdina, dan il-kunsill kien jamministra wkoll bosta ħtiġijiet fuq livell nazzjonali, bħal, ngħidu aħna, l-importazzjoni tal-qamħ. Dan fi żmien meta l-popolazzjoni tal-Imdina kienet tlaħħaq l-2,000 ruħ u dik tal-bqija ta’ Malta, 10,000. Apparti minn hekk, l-Università ta’ l-Imdina kienet twassal l-ilmenti tal-poplu Malti kollu lill-Viċi Re ta’ Sqallija. Meta wasal l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, l-awtorità amministrattiva tal-Università naqset ħafna. L-Università tal-Imdina tħalliet teżerċita ċerta awtonomija biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-abitanti tagħha. Fi ħmien l-Ordni, mal-Università tal-Imdina żdiedet l-Università tal-Belt kif ukoll dik tal-Birgu. Dawn l-awtoritajiet spiċċaw għal kollox meta waslu l-Franċiżi, u wara l-Ingliżi f’Malta. Ara: MUNIĊIPJU. Ara: The Making and Unmaking of the Maltese Universitas, ta’ Charles Dalli; Mdina, the old city of Malta, ed. John Manduca.  

universita propyalion.JPGUNIVERSITÀ, L-    2. Istituzzjoni tat-tagħlim terzjarju – L-Università ta’ Malta taf l-oriġini tagħha lill-kulleġġ li l-Ġiżwiti kienu stabbilew fil-Belt, fit-8 ta Marzu tal-1593. Dan kien il-Collegium Melitense Societatis Jesu. L-intenzjoni ta’ dan il-kulleġġ kien li jsaħħaħ it-tagħlim tat-teoloġija, il-grammatika u l-istudji umanitarji oħra. Kien mill-1727 ’l hawn li l-istudenti setgħu jiggradwaw fil-Baċellerat, u jiksbu d-Dottorat fil-Filosofija u t-Teoloġija. Meta l-Ġiżwiti tkeċċew minn Malta, fl-1768, l-Ordni ta’ San Ġwann ħaseb u ra li l-vojt li ħallew il-Ġiżwiti jimtela’, u għalhekk it-tagħlim fl-ogħla livell kien fdat f’idejn għalliema individwali, ħafna minnhom mill-kleru. Matul is-seklu dsatax is-suġġetti mgħallma bdew dejjem jiżdiedu.  L-Università spustjat ruħha mill-Belt meta fl-1967 inbena campus sħiħ f’Tal-Qroqq. Ara: ‘History of Education: Birth of Malta’s University’, ta’ John Azzopardi, Heritage Vol 2, pp. 614-618. The Life and Times of Grand Master Pinto, pp. 277-293  

Union Club86 - Copy.JPGUNION CLUB, IL-   Il-Malta Union Club kien iffurmat fl-1826, minn xi uffiċjali militari, amministraturi u residenti Ingliżi li kienu jgħixu f’Malta. Għall-ewwel dan il-klabb kien jiltaqa’ fis-sular ta’ fuq tal-Berġa ta’ Provenza, fi Strada Rjali, il-Belt, fejn illum hemm il-Mużew tal-Arkeoloġija. L-iskop tal-klabb kien primarjament li joffri lok fejn l-uffiċjali militari Ingliżi u l-ħbieb tagħhom jiltaqgħu biex iqattgħu ftit ħin liberu flimkien. Il-klabb, għall-bidu kien esklussiv u limitat għal mhux aktar minn 80 ruħ. Kull membru kien iħallas erba’ liri bħala dħul, u mbagħad lira kull tliet xhur, li dak iż-żmien kienu ħafna flus. Minn żmien għal żmien, kienu bdew ikunu aċċettati nies prominenti bħala membri onorarji. Fost dawn insemmu lil Benjamin Disraeli fl-1830, li kien qatta’ xi żmien f’Malta u li wara kien sar Prim Ministru tal-Ingilterra, u l-famuż kittieb Ingliż Sir Walter Scott, li fl-1830 kien ukoll qatta’ xi ftit żmien f’Malta. Fl-1846, il-limitu tan-numru ta’ membri kien estiż għal 150. Fl-1870 dan in-numru tela’ għal 300. Fl-1903, l-Berġa ta’ Provenza nkriet għal 99 sena mill-istess klabb biex tkompli sservi kollha kemm hi bħala l-każin tal-istess klabb. Biż-żmien, din l-assoċjazzjoni fetħet fergħat oħra, waħda l-Imsida u oħra l-Marsa. Fl-1923, il-klabb ħareġ mill-Belt u beda jokkupa proprjetà f’Tigné. Biż-żmien l-attivitajiet ta’ dan il-klabb kibru u bdew jinkludu anki attivitajiet sportivi, l-aktar bis-saħħa tal-assoċjazzjoni mal-Marsa Sports Club. Fis-sena 1907, in-nisa bdew ikunu aċċettati bħala membri f’sezzjoni maqtugħa għaliha. Kien biss fl-1982 li n-nisa kienu aċċettati bħala membri regolari tal-istess klabb u setgħu jitħalltu mal-irġiel. Preżentament, il-klabb għandu mal-1,450 membru. Ħmistax fil-mija minnhom biss huma barranin, u huma aktarx Ingliżi residenti Malta. Ara: http://www.maltaunionclub.com

UNU    In-numru wieħed.  Terminu li jintuża bosta drabi waqt il-kampanja elettorali meta dak li jkun qed jirriferi għall-ewwel preferenza tal-votant. L-unu jitniżżel fuq il-karta tal-vot ħdejn l-isem tal-kandidat l-aktar ippreferut.  Tal. uno – M. wieħed.

UQIGĦ  jew  UQUGĦ   1. Fil-kostruzzjoni, dan hu terminu li jirriferi għall-angolu ta’ binja meta din tkun ixxaqleb ’l barra min-naħa ta’ fuq. L-oppost ta’ TALUT. Ġanni Buhagiar (Mqabba). J.A. jagħtiha bl-Ing. bħala, falling, v. nominattiv ta’ waqa’. 2. Kelma oħra għall-gravità. Din il-kelma nsibuha fl-istorja qsajra ta’ Juan Mamo, ‘Ta’ Rasu Iebsa’, fejn l-awtur jikteb hekk: ‘[] ifhem jekk kewkba għandhiex uqigħ […]’ Sors: Juann Mamo – Ġrajja Maltija – Ġabra ta’ Novelli, Mark Vella, p. 90.  

UqijadeheboldUQIJA    (pl. ewwieq).  1. Miżura li turi t-toqol ekwivalenti ta’ oncia ( Ing. ounce – ċ. 28 gramma). Bl-ewwieq kont tistabbilixxi t-toqol ta’ oġġetti żgħar bħal ikel, deheb, mediċina u affarijiet oħrajn. Is-simbolu tal-uqija fil-mediċina hu: ℥.  2. Munita ta’ flus li kienet tintuża kemm fi żmien il-Medjuevu, kif ukoll fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Oriġ. din il-munita kienet ibbażata fuq it-toqol tagħha f’deheb. Din kienet munita valida kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija. Biss, il-valur tal-munita Maltija kien meqjus bħala wieħed minn sebgħa tal-valur tal-munita fi Sqallija. Fi żmien l-Anġevini (1266-1283 ċ.), il-poplu Malti kien intaxxat somom ta’ flus kull sena li jammontaw bejn 80 sa 330 uqija tad-deheb. Fi żmien l-Ordni, f’nofs is-seklu tmintax, l-oncia (jew unċja) kienet tiswa tletin tareni. UQIJA TAR-RAM kienet tiswa sittax-il taren. (Tnax-il taren kien jagħmel skud.) V.B. (1900) jagħtiha bl-Ing. bħala 4 shillings 2 pence. IMĦALLEF TAL-UQIJA  Jgħidu li kien jeżisti mħallef li biex jaqta’ s-sentenza kien jgħolli l-uqija fl-ajru u b’hekk kien jirbaħ il-kawża dak li jaqta’ fuq liema naħa ser taqa’ l-munita – għidut li diffiċli li temmnu – jeħtieġ aktar riċerka. Għ. wajqija. Ara: Malta The Medieval Millenum, ta’ Charles Dalli, p. 131.

URBULA     Ara: ARBLU.

URI    Ġejja mit-Taljan ore riferenza għal UFFIZZJU. Ara: MATUTIN.

UTAJJA / WTAJJA   Il-bċejjeċ ħoxnin tax-xoqqa li jitqiegħdu mitnijin fuq dahar il-bhima biex is-sarġ iżomm sew.

UŻIN  ANTIK

Qantar    20 wiżna 79.379 kg
Wiżna      5 artal 3.969 kg
Ratal      0.793 kg
Kwart (ta’ Ratal)
Uqija      26.46 g.

uzin

UŻUFRUTT   Term. legali. Jedd reali li wieħed igawdi l-ħwejjeġ li huma l-proprjetà ta’ ħaddieħor. Dan iseħħ bl-obbligu li jżomm is-sostanza tagħhom, sew fil-materja kif ukoll fl-għamla. Min igawdi b’użufrutt għandu jedd għal kull xorta ta’ frottijiet, sew naturali (eż. wild ta’ annimali), industrijali (eż., uċuħ tar-raba’ u frott tas-siġar) jew ċivili (eż. kera, ċens jew imgħaxijiet), li tista’ tagħti l-ħaġa. L-użufrutt jista’ jitnissel bis-saħħa tal-liġi (eż. dak tal-ġenituri fuq il-ġid tal-ulied minuri) jew mir-rieda tal-bniedem (eż. permezz ta’ testment). Ħajr: Dr Philip Sciberras, Imħallef Emeritu.

UŻURA    Tislif ta’ flus b’imgħaxijiet għoljin.  UŻURARJU   Il-bniedem li jsellef il-flus lill-individwi, norm. b’rata ta’ interessi għolja ħafna. Fi żmien l-Ordni l-użurarji kienu jsellfu l-flus b’interessi li jitilgħu sa mija fil-mija. Fil-kuntest tal-lum, dan l-isem hu relatat ma’ dawk li jsellfu l-flus bil-moħbi u b’mod xejn konformi mal-liġi. Tal. usura. Ara: MONTE DI PIETÀ.

**********

A bejn kliem u storja   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                                 Paġni 256                                              Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                                 Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Ara aktar:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli …  mohba2016@gmail.com