e

A*    B*    Ċ*    C*    D*   E*    F*

Ġ*    G*    *    H*    Ħ*    I*    J*    K*

L*    M*     N*     O*     P*    Q*    R*     S

T*     U*     V*    W*     X*     Ż*    Z*

EBETE * E-BOATS * EFFE * EĦTRIEQ / ĦTRIEQ * EKRÙ * ELLUL * EMPIRE DAY * ENDEMIKA/U * ENĠIEL * EPIFANIJA * EPISTOLA / EPISTOLARJU * EQQEL * ERBA' GĦEXIEREN * ERBA’ MQAGĦAD * ERBAT IŻMNA * ERBATAX FI XKORA * ERĦA * ERRE * ERŻIN *ESTRU * ETTIĊIJA * EWL / EWL IL-GĦAĠIN / EWLILLEJL * EWLIEMES / LEWLIEMES * EWWIEQ * EX VOTO * EXEDRA * EXILES *
 

E-BoatE-BOATS   L-E-boats kienu laneċ Ġermaniżi li qatt ma ntużaw fuq Malta. Fil-każ ta’ Malta, meta nsemmu l-E-boats inkunu qed nirriferu kollettivament għal dawk il-laneċ ta’ diversi tipi, MAS, MTS, MT u MTL. li t-Taljani użaw fl-attakk li sar fuq il-port il-Kbir, fis-26 ta’ Lulju tal-1941. L-MT Barchini, jew kif inhuma magħrufa aħjar l-E-Boats, kienu speċi ta’ laneċ li setgħu jinsaqu b’veloċità qawwija bl-intenzjoni li jattakkaw bastimenti tal-gwerra u dawk merkantili. L-ittra ‘M’ tfisser Motoscafo. Kien hemm ukoll is-SLCs, li t-Taljani kienu jsejħulhom Maiali, u li kienu magħrufa aktar bħala Human Torpedoes. F’dan l-attakk kien hemm involuti wkoll żewġ Motor Torpedo Boats, magħrufin mit-Taljani bħala MAS. L-għan ta’ l-attakk fuq Malta kien li dawn il-laneċ bl-isplussivi jinfiltraw ix-xibka tad-difiża tal-ħadid, li kienet tagħlaq il-bokka tal-Port il-Kbir, u wara jgħarrqu l-bastimenti merkantili Ingliżi ankrati hawn. Il-pjan ta’ dan l-attakk falla, għaliex ir-radar ta’ Malta – li għal dak iż-żmien kien invenzjoni ġdida, kien immarkahom hekk kif dawn salpaw minn Augusta, fi Sqallija u b’hekk is-suldati, li kienu fuq il-kanuni Twin 6-pdr tal-Forti Sant’Iermu u Forti Rikasli, kienu lesti għalihom. Dakinhar ġew mgħarrqa b’kollox tmien E-Boats, Motor Torpedo Boat, lanċa li ġarret il-Human Torpedoes u ż-żewġ piloti nfushom. Kienu wkoll inqabdu E-Boat u Motor Torpedo Boat.  Bosta minn din l-informazzjoni ngħatat lili minn Charles A. Debono, Kuratur tal-War Museum. Ara: The Battle for the Grand Harbour ta’ Joseph Caruana; Siege: The Second Great Siege – Malta 1940-1943, ta’ Charles J. Boffa.  Ħajr: Ivan Cocker fuq facebook, 27 ta’ April, 2019.

EBETE   Rif. għal xi ħadd injorant. Bniedem belhieni, xi ħadd li beda jiżmaga jew li għandu moħħu ħafif. Espr. ‘sar ebete’, jiġ., blieh. Jidher li din l-espr. kienet introdotta  fil-lingwaġġ Malti mit-Taljan. L’Enciclopedia Treccani tgħid hekk: Dal Lat. hebes –ĕtis, propr. «spuntato, ottuso», derivato di hebēre «essere smussato».

EFFE   1. Tingħad b’mod ta’ żuffjett lil xi ħadd li meta jsaqsi xi ħaġa, jgħid biss ‘eh?’ Il-Maltin għandna ħabta meta nsaqsu flok ngħidu, ‘xhinu?’ jew ‘kif?’ ngħidu ‘eh?’ (li tinstema’ bħall-ittra ‘E’. B’hekk, dak li jwieġbu, kultant biex jiċċajta, flok jgħid sempliċiment biss, ‘Effe’, għaliex fl-alfabett l-ittra ‘F’ tiġi wara l-‘E’.  2. Rif. għal xi ħadd li jkollu xortih taqilgħu. Espr. ‘Dak għandu effe kbira!’ Hawn l-ittra ‘F’ tirriferi għall-fortuna.

EĦTRIEQ  / ĦTRIEQ   1. Qasma jew qsim fix-xofftejn li ħafna drabi tkun ikkawżata mill-kesħa. Ngħidu. ‘Għandi eħtrieq f’xoffti’. 2. Tip ta’ temp ċlampu u sħun li jaqtagħlek nifsek. GĦOMMA qawwija tas-sajf meta s-sħana tkun intensa. Qawl agrikolu jgħid: Tidrisx fl-eħtrieq biex it-tiben ma jinħeliex.

EKRÙ   Lewn skur li norm. hu assoċjat mal-kulur tal-għażel qabel ma jingħata l-kulur abjad. Oriġ. Ing. ecru li ġejja mill-Fr. bl-istess kitba u pronunzja, u li bil-Malti tfisser ‘oġġett nej’.

ELLUL   Kunjom li għandu oriġini Lhudija. Bl-Ebrajk, Ellul ifisser is-sitt xahar tas-sena, bejn Awwissu u Settembru.

empire day 1EMPIRE DAY   Oriġin. dan l-avveniment ta’ darba fis-sena kellu l-iskop li jippromwovi madwar id-dinja, l-istatus prestiġjuż tal-Imperu Brittaniku. L-Empire Day kien jum intenzjonat biex iħajjar lin-nazzjonijiet u l-kolonji fl-Imperu Ingliż, l-aktar lit-tfal, ikunu kburin li pajjiżhom jifforma parti minn dan l-Imperu. L-ewwel darba li kien iċċelebrat Empire Day kien fil-Kanada fl-24 ta’ Mejju tal-1898. Id-data kienet magħżula apposta biex tfakkar jum it-twelid tar-Reġina Vittorja. Ironikament, fl-Ingilterra, l-Empire Day kien iċċelebrat għall-ewwel darba erba’ snin wara, fl-1902, sena wara li mietet ir-Reġina Vittoria. Fis-sena 1958, minħabba li r-relazzjonijiet tal-Ingilterra mal-kolonji u d-dominions tagħha kienu tbiddlu u bosta pajjiżi issa bdew anki jieħdu l-indipendenza, jum din iċ-ċelebrazzjoni beda jissejjaħ il-Commonwealth Day. Fis-sena 1966, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bdew isiru fl-10 ta’ Ġunju, din id-darba biex jaħbtu ma’ jum it-twelid tar-Reġina Eliżabetta II. L-enfasi taċ-ċelebrazzjonijiet issa kienet iffukata l-aktar fuq l-isports tat-tfal tal-iskejjel, tant li fi żminijiet aktar riċenti, dan il-jum beda jissejjaħ Sports Day. L-iskejjel kollha ta’ Malta bdew iħajru lill-istudenti biex jipparteċipaw f’bosta oqsma tal-logħob atletiku. Il-logħob kien isir fil-grawnd tal-Empire Stadium, il-Gżira, li kien ikun miżgħud bit-tfal, kollha jissapportjaw lill-atleti tal-iskola tagħhom. Ma’ dan il-jum kien abbinat ukoll jum ta’ vaganza għat-tfal. Ara: Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti ta’ Carmel G. Cauchi, pp. 26, 27.

ENDEMIKA/U   Minkejja ċ-ċokon tal-gżejjer Maltin, u grazzi għall-iżolament mill-kontinenti tal-Afrika u l-Ewropa li seħħ minn żmien għall-ieħor f’perijodi ta’ miljuni tas-snin, f’Malta żviluppat bijodiversità partikulari għaliha, kemm f’dak li huma pjanti kif ukoll f’dik li hi fawna. B’hekk f’Malta insibu speċi endemiċi, uniċi u li jikbru biss fil-gżejjer Maltin. Biex nagħti eżempju, fost ilpjanti li huma kunsidrati endemiċi nsibu: s-sempreviva ta’ Għawdex, widnet il-baħar, il-bjanka tal-irdum, u l-limonju ta’ Malta. Eż. ta’ fawna endemika nsibu: d-dussies (tip ta’ bebbuxu), il-gremxula ta’ Malta, kif ukoll il-ħanżir l-art. Ara wkoll:  INDIĠENA/U.  Ħajr: Victor Falzon ta’ Birdlife Malta.

ENĠIL / INĠIEL  Rif. antika għall-Vanġelju (jew l-Evanġelju). It-Testment il-Ġdid kif miktub mill-erba’ Evanġelisti.  M.A.V. (1796) isemmi l-FISSIER TAL-INĠIEL, jiġ., dak li jispjega l-Vanġelu.

epiphany (1)EPIFANIJA   Bil-Grieg ἐπιφάνεια – epifaneia – tfisser ‘id-dehra, jew il-manifestazzjoni’ (ta’ Alla). Din il-festa tmur lura sas-sena 361 w.K., (Ammianus Marcellinus XXI:ii), u hi marbuta mal-Milied għax kien hemm żmien li l-Milied kien iċċelebrat fis-6 ta’ Jannar. L-Epifanija nafuha l-aktar bħala l-festa tat-Tre Re, jiġifieri, l-Viżitazzjoni tat-Tliet Għorrief / jew s-Slaten Maġi (M. 2: 1-12). Biss, f’diversi żminijiet, u llum f’diversi reliġjonijiet Insara, l-Epifanija tirrapreżenta il-magħmudija ta’ Kristu fix-xmara Ġordan. Isem ieħor bil-Malti għal din il-festa kien, L-Għid il-Ħamiem – A. de S. fid-Damma (ċ. 1750 – 1767) jgħid li l-Maltin ta’ qabel żmienu, kienu jiċċelebraw L-Għid il-Ħamiem – ‘It-Tberik tal-Ilma tal-Fonti tal-Magħmudija’, f’dan il-jum. Hu jgħid li hu kien assista għal dan ir-rit meta fis-sena 1757 kien żgħar Venezja. Kien f’dan il-jum li tradizzjonalment kienet tingħata l-Istrina għax din tfakkarna fl-istorja tas-Slaten Maġi u l-għotja tar-rigali li dawn taw lil Kristu. Ara: STRINA.  

epistolaEPISTOLA  Kitba li fil-kuntest li norm. tirriferi għall-‘ittri’ li kienu jinkitbu minn uħud mill-appostli. Dawn ‘l-ittri’ kienu messaġġi lill-komunitajiet Insara, Lhud, u individwi partikulari, biex jgħallmuhom kif għandhom jgħixu skont it-tagħlim Nisrani. Fl-epistoli kienu jkunu spjegati wkoll ħsibijiet teoloġiċi. Nafu li kien hemm mill-inqas wieħed u għoxrin-il Epistola. Tlettax minnhom inkitbu minn San Pawl, tlieta minn San Ġwann, tnejn minn San Pietru, waħda minn San Ġakbu u waħda oħra minn San Ġuda. Fost l-epistoli l-aktar magħrufa hemm dawk li San Pawl kiteb lill-Korintin, lir-Rumani, lill-Filippin, lit-Tessalonkin u lil bosta oħrajn. Waqt il-quddies dejjem tinqara parti minn xi epistola bħala ‘lezzjoni’, eżattament qabel il-Vanġelu. Dawn dejjem jibdew hekk: ‘Qari mill-Ittra ta’ San …’   EPISTOLARJU   Il-ktieb li fih ikunu miġbura l-ittri ta’ xi ħadd magħruf. 

EQQEL / AQQAL    1. Komparativ ta’ qalil. Rif. għall-aktar wieħed b’saħħtu fost l-oħrajn. Il-Malti antik kien jgħid, ‘eqqel int minn ras ta’ BLIES!’ Kull ma trid tridu fis!’ 2. Tintuża fis-sens ta’ meta wieħed jgħid xi ħaġa kontra xi ħadd. A. de S. jużaha b’dan il-mod: ‘Tgħid eqqel minn ħuk’. Fl-istess sens din jużaha Ġużè Galea fir-rumanz, Raġel bil-Għaqal, (1961) p. 27, meta jgħid hekk: ‘[…] madankollu ħadd ma jista’ jgħid eqqel minn isimna […]’.

ERBA’ GĦEXIEREN     Tmenin.  Ara: GĦEXIEREN.

ERBA’ MQAGĦAD      (Damma) Quadrato.

ERBATAX  FI XKORA   (Damma) Espr. li tfisser li l-affari ġewwa u lesta. Qawl: Tgħoddx erbatax fi xkora qabel ma jkunu erbatax fi xkora.

ERBAT IŻMNA    Erba’ t’iżmna.  L-erba’ staġuni.   G.B.F. (1845) jagħtiha, erbatiżmna.

ERBGĦA TAT-TNIEBRI    Ara: BARABBAS.

ERĦA    Il-ferħa tal-baqra, il-femminil tal-għoġol. Idj: ‘Donnu erħa!’ – tingħad għal xi ħadd li jkun mibni sabiħ.

ERRE   Tingħad biss fl-espr. ‘tilef l-erre’, jiġ., tilef ir-raġuni. tilef il-paċenzja u għamel xenata mill-kbar.

ERŻIN      (Damma)  Appellattiv għal xi ħadd modest.

ESTRU   Kelma li tingħad fl-espr. ‘tah estru’, jiġ., tah ferħ ta’ ġenn, jew beda jeċita ruħu żżejjed, Entużjażmu spontanju fejn wieħed jagħmel xi ħaġa mingħajr ma jaħsibha. Eż. ‘Tani estru u biddilt l-għamara kollha tad-dar’. Tal. estro – M. l-ispirazzjoni li ġġiegħel lill-artist jew ’l-poeta jibda jikkrea xogħol artistiku jew letterarju ġdid. Final. Lat. Oestrus u Gr. Aostros – M. dak li jġiegħel lill-bniedem jinħakem minn mument ta’ delirju jew ta’ fantasija.

ETTIĊIJA     Mard tas-sider, tuberkolożi, marsuttil. Ngħidu, ‘bniedem ettiku’ meta wieħed ikun marid b’dan it-tip ta’ mard. Fid-dramm ‘Is-Saħta tal-Missier’, (1875), ta’ Ingazio Padovani Ginies, it-tabib jgħid hekk: ‘[…] għandek taf li Emilia hi konsunta jiġifieri, ettika […]’. It-Teatru Malti tas-seklu Dsatax, it-tieni, volum, p. 57. Fl-antik bl-Ing. il-marda tat-tuberkolożi kienu jgħidulha, consumption. Ara: MARSUTTIN u TUBERKOLOŻI. Sors: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, It-Tieni Volum, p. 187.

EWLIEMES     Ilbieraħtlura.  Il-jum qabel ilbieraħ Għ. awl ams – M. qabel ilbieraħ.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAEXEDRA   Struttura b’saqaf miżmum fuq kwantità ta’ kolonni – tixbah l-istoa ta’ żmien il-Griegi. L-exedra kienet tintuża bħala post fejn wieħed joqgħod bilqiegħda u jqatta’ xi ħin fil-kwiet u jpaċpaċ, protett mix-xemx u x-xita. Fi żmien bikri Ingliż, Giorgio Pullicino, perit Malti, iddisinja exedra sabiħa fil-parti t’isfel ta’ Sant’Iermu fi stil Neo-Klassiku (ritratt). Quddiem l-exedra hemm funtana forma ta’ fjura – din hi magħrufa bħala, Ta’ Vendome.

Exiles 1950 s sliema.jpgEXILES  X’aktarx li dik in-naħa tal-bajja ta’ Tas-Sliema msejħa l-Exiles ħadet isimha mill-fatt li mill-bidu tas-seklu għoxrin ’il quddiem kien hemm f’dawk l-inħawi The Exiles Club li kien assoċjazzjoni tal-isports fejn bosta kienu jissoċjalizzaw. Dan il-klabb x’aktarx inħoloq meta The Eastern Telegraph Company (li wara bdiet tissejjaħ Cable and Wireless Ltd), li oriġinat il-Belt, fil-bidu tas-seklu għoxrin, fetħet fergħa tat-telegrafija f’Tas-Sliema. Konsegwentament, l-impjegati ta’ din il-kumpanija, li bosta minnhom kienu Ingliżi, ingħataw post bħala residenza f’tas-Sliema. Jista’ jkun għalhekk li dawn bdew isejħu lilhom infushom bħala, Exiles, billi sabu ruħhom maqtugħin mill-Belt fejn kienu qabel (?) Sors prinċipali: Henry Mifsud, The Sunday Times of Malta, Settembru 30, 2007. Hemm verżjoni oħra għal dan l-isem. L-Imħallef Victor Caruana Colombo (The Sunday Times, Settembru 9, 2007) jikkwota lill-nannuh li kien jgħid li l-inħawi tal-Exiles, tas-Sliema kien ħa dan l-isem mill-fatt li hemm kienu jinżlu jiltaqgħu r-refuġjati Russi li kienu ħarbu waqt ir-Revoluzzjoni tal-1917.

ex voto tal-herba 105EX  VOTO   Frażi bil-Lat. li tfisser: ‘skont il-wegħda’, rif. għar-rigal li jiġi ppreżentat bħala ringrazzjament lil xi qaddis, iżda l-aktar, lill-Madonna, wara li l-persuna tkun qalgħet grazzja għat-talb li tkun għamlet.  Bosta drabi l-ex voto jkun jikkonsisti f’xi pittura jew xi oġġett li jissimbolizza l-marda tal-pazjent. Hawn kemm-il santwarju f’Malta u Għawdex li hu meqjus bħala post ta’ pellegrinaġġ fejn fih isir it-talb u jitħallew ex votos bħala ringrazzjament minn dawk id-devoti li marru hemm jitolbu għal xi bżonn partikolari. Fost is-santwarji l-aktar popolari hemm dak Ta’ Pinu, barra l-Għarb, Għawdex. Hemm ukoll is-Santwarju tan-Nattività tal-Mellieħa, dak Tal-Ħerba, f’Birkirkara, Tal-Ħlas, fil-wied ‘il fuq minn Ħal Qormi, u tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Xi oġġetti misjuba mill-arkeoloġi fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni, u eluf ta’ biċċiet ta’ fuħħar misjuba fiż-żona arkeoloġika f’Tas-Silġ, huma wkoll meqjusa bħala ex voto. Fuq il-pitturi insibu l-ittri V.F.G.A., li tfisser, votum fecit gratiam accepit li bil-Malti tfisser:Il-wegħda saret u l-grazzja milqugħa. Ara: The Maritime Ex-Voto, A culture of Thanksgiving in Malta, Isabelle Borg, 2005;  Ex Voto, Santwarju tal-Madonna Tal-Mellieha – Malta ta’ Jimmy Muscat, ‘Maritime Votive Paintings in Maltese Churches’, ta’ Andrew Cuschieri u Joseph Muscat, Melita Historica, Vol X no 2, 1989, pp. 121-144. 

EWL  1. Espr. ‘Minn ewl id-dinja’, jiġ., mill-ewwel żmien tad-dinja, rif. għal xi ħaġa magħrufa minn kulħadd. 2. Espr: ‘minn ewl iż-żminijiet’ – jiġ., ‘din hi ħaġa qadima ħafna’ u għalhekk għandha tkun ovvja.  3. EWL  IL-LEJL  Il-bidu tal-lejl, l-ewwel parti tal-lejl. EWL il-GĦAĠIN  L-ewwel għaġna mill-qamħ il-ġdid, 4. EWLILEJL  Il-lejl ta’ qabel dak il-jum li wieħed qed jirriferi għalih. Din il-kelma niltaqgħu magħha fit-Testment il-Ġdid, fil-Passjoni ta’ Kristu meta naqraw:  ‘Ewlilejl qabel ma miet’. Sors: Anton F. Attard u J.A.

EWWIEQ      Plural ta’ uqija.  Eż. ħamest ewwieq. Ara:  UQIJA.

*         *         *

 

A bejn kliem u storja     Aa ARA X'INT TGHID  A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                    Paġni 256                                                 Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95        PREzz Ewro 14.95                       Prezz Ewro 14.95
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Ara aktarhttps://kliemustorja.com/f

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.  Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989).
* F.V.    Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.   Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' Vincenzo Busuttil, (1900).