v

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R  *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
VADRAPPA * VAGANT * VAJGUNA * VAJJINA * VAJRIT * VAJROLA / VARJOLA * VANGAZZU * VAPURI * VAPUR TAD-DAWRA * VAPUR TAL-ART * VARLOPPA * VASSALL * VAVALOR / BAVALOR * VAVU/A * VAXXELL * VAŻ * VAŻA * VEĊĊA, IL- * VEDETTA * VEĠĠENT * VELIER *VELJA * VELJUN * VELOĊIPIED * VENERABBLI, BEATU U QADDIS * VENERANDA LAMPADA * VENEZJA * VENJA / VERNJA / DVERNJA * VENTALORA * VENTALTAR * VENTURA * VENTURA, TAL- * VERĊELLA * VERGANDIN * VERNON CLUB * VERONIKA * VERSALL * VERULINJU * VERSJAR * VESPRI * VESPRI SQALLIN * VETTURIN * V.F.G.A. * VĠILI * VIĊIPARKU * VICTORIA LINES * VICTORY KITCHEN * VIGARJU / VIGARJU TA’ KRISTU / VIGARJU APPOSTOLIKU * VIGU VIGU * VIJA SAGRA * VILESTRUN / VINESTRUN (ara: FINESTRUN) * VILJAKK * VINKLU / VINGLU * VIRGA * VISTU * VITELLIN * VITRIJATA / VETRATA * VINAZZ * VIRA * VITELLIN * VIŻIBILJU / BIŻIBILJU * VJAĠĠ / VJEĠĠ / VJIEĠ * VJATKU * VLONTIN / FLONTIN * VODVILL / VUDVILL * VOLTU SANT * VOLUMI ANTIKI TAĊ-ĊEREALI * VOLUMI ANTIKI TAL-LIKWIDI * VOTI PLURALI * VOUSSOIR * VROMA * VULCAN *  

VADRAPPA     Ara: FALDRAPPA.

VAGANT    L-ispazju vojt ta’ bejn żewġ ħitan. Ara: MRAMMA.

vajgunjaan.jpgVAJGUNA  Tip ta’ drapp tas-suf imħallat bit-tajjar, qisu taħlita ta’ moħer u ħarir. L-isem ta’ dan id-drapp ġej mill-isem ta’ annimal, speċi ta’ llama, li jgħix fil-Muntanji Andes, fl-Amerika t’Isfel. Minnu jittieħed is-suf ta’ kulur kannella ċar jew abjad li hu pprestiġġjat ħafna u għaldaqstant għoli fi prezzu. Biex isir id-drapp għal ġlekk wieħed, hemm bżonn jitqaxxar is-suf ta’ minn madwar 20 jew 30 minn dawn l-annimali. Fi żmien is-seklu għoxrin dan is-suf kien ferm popolari f’Malta u kien meqjus bħala drapp tal-aqwa kwalità. Oriġ. S. Amerikan iżda tingħad ukoll bl-Ing. vicuña.

VAJJINA     Kurdiċella li tintuża fil-ħjata biex tiġbor il-truf tad-drapp fi ġmieħ.

VAJRIT    Roqgħa f’qiegħ il-baħar fejn jikber il-ħaxix u jbejjet ħut żgħir. Sors: E.S.I. Roqgħa ramlija f’qiegħ il-baħar li tkun imdawra bl-alka Posidonia oceanica. Sors: J.A. Fil-Lexicon ta’ M.A.V. (1776) din hi miktuba ‘wajrit’, għax il-w fid-dizzjunarju tiegħu kienet tissarraf f’ħoss ta’ ‘v’; M.A.V. jfisser il-kelma b’dan il-mod: ‘[…] roqgħa f’qiegħ il-baħar fejn la jkun hemm blat u lanqas ramel […]’. Tliet spjegi differenti.

VAJLORA  / VARJOLA   Il-parti fit-tarf tal-bastun li tkun magħmula mill-ħadid biex iżomm il-bastun tal-injam milli jinfetaħ jew jieħu forma oħra. Eżempju ta’ dan hu l-l-bastun li jorbot mal-moħriet (Ing. yoke ferrule). Tip ta’ vajlora tintuża fuq il-dgħajjes jew bastimenti tal-qlugħ mal-bastun tal-FLOKK (Ing. jib-boom ferule) jew mal-BOMA (Ing. main boom ferrule). Sorsi: E.S.I. u J.A. G.B.F. (1845). Ing. ferrule. Ara wkoll: Qegħda fil-Ponta  ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt, p. 90. Etim. Sqal.  valora. Sors E.S.I.

VALDRAPPA      Ara: FALDRAPPA.

VANGAZZU      Konfużjoni sħiħa, bħal dik ikkawżata minn xi maltempata. Sors: J.A.

VAPUR TAD-DAWRA    Rif. antika għall-vapur li kien jagħmel il-vjaġġ minn Malta għal Għawdex mill-Port il-Kbir u lura. Qabel ma nbena l-moll tal-Marfa, u qabel ma s-sistema tat-trasport pubbliku kienet żviluppata u stabbilita biex tilħaq il-Marfa, il-vjaġġ mill-Port il-Kbir kien l-aktar mod faċli u popolari biex tivvjaġġa minn Malta lejn Għawdex. Il-vapur tad-dawra kien jgħabbi l-passiġġieri minn ħdejn id-Dwana l-Antika. Biex wieħed jirkeb dan il-vapur il-passiġġieri kellhom l-ewwel jirkbu fuq dgħajsa biex din twassalhom mill-moll sa fuq il-vapur sorġut fil-qrib. Il-vjaġġ mill-Belt sal-Imġarr kien idum madwar sagħtejn. Kien jissejjaħ ‘tad-dawra’ biex dak li jkun jiddistingwi mill-vapur l-ieħor li kien jitlaq mill-Marfa u jasal Għawdex kemm jaqsam il-Fliegu. Fis-snin erbgħin dan il-vjaġġ kien jiswa żewġ xelini. Ara: BANĊINU. Ara: ‘Meta Mort Għawdex bid-Dawra’ ta’ Ġ. Cassar Pullicino, Il-Malti, Ġunju 1943.    

Vapur tal-art station ticketing valletta (2).jpgVAPUR TAL-ART  L-ivvjaġġar bit-t-tren beda f’Malta fl-1883. Dan it-trasport li l-Maltin kien xi ħaġa li qatt ma raw bħalu, billi kien jaħdem b’magni tal-istim beda jisejjaħ l-‘Vapur tal-Art’,  vapore tfisser stim. Hawn min kien isejjaħ din is-sistema ta’ trasport bħala ‘vapur tal-ħadid’ jew ‘xmundifier’ kelma li ġejja mill-Franċiż, Chemin de Fer (M. triq tal-ħadid). L-istazzjon tal-ferrovija kien il-Belt, eżattament wara train station vallettaPutirjal; minn hemm in-nies kienu jinżlu b’taraġ għal ferrovija taħt l-art eżattament, taħt  fejn illum hemm il-binjiet tal-Parlament. Il-vjaġġ mill-Belt sa l-aħħar stazzjon li kien taħt ir-Rabat kellu tmien waqfiet u kien idum madwar nofs siegħa. Fl-1889 dan is-servizz kien twaqqaf għaliex il-kumpanija kienet qed titlef il-flus, biss wara sena reġa’ beda jopera. Din id-darba żdied stazzjon ieħor billi tħaffret mina taħt l-Imdina, li minnha it-tren seta’ jasal sa ħdejn l-Imtarfa, fejn hemmhekk kien hemm l-isptar militari Ingliż. Biż-żmien l-użu tat-tren beda jonqos minħabba li f’Malta bdew deħlin mezzi oħra tat-trasport, bħal pereż., it-tramm u l-karozzi tal-linja, li bdew ikunu aktar popolari mit-tren għax kellhom rotot li jagħtu direttament għal bosta rħula. It-tren għamel l-aħħar vjaġġ tiegħu fil-31 ta’ Marzu tal-1931. Ara: The Malta Railway ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar; http://www.maltarailway.com ta’ Nicholas Azzopardi.   

VApur_tal-istim16VAPURI   L-invenzjoni u l-użu tal-istim fuq il-bastimenti kienu importanti biex l-ivvjaġġar bil-baħar jieħu anqas żmien kif ukoll jonqos il-periklu tal-ivvjaġġar fil-maltempati. Il-magni tal-istim fuq il-bastimenti kienu introdotti fil-bidu tal-għoxrinijiet tas-seklu dsatax. L-ewwel vapur tal-istim li daħal Malta kien il-London Engineer, fl-1835. Daqs kważi għoxrin sena wara, skont dokumenti tal-Port tal-1853, nafu li dik is-sena kienu daħlu fil-port 275 bastiment li jaħdmu bl-istim waqt li fl-istess sena kienu  daħlu 1,866 bastiment tal-qlugħ. Mat-tmiem tas-seklu dsatax, is-sitwazzjoni tbiddlet kompletament u ħlief għal xi dgħajjes tal-latini, il-parti l-kbira tal-bastimenti kienu kollha jivvjaġġaw bil-magni tal-istim. Oriġ. tal-kelma Tal. vapore li tfisser stim jew fwar.

VARLOPPA    Ċana kbira tal-injam li tintuża mill-mastrudaxxa biex jinċana l-injam ta’ ċertu tul u wisa’.  L-oriġ. ta’ dan l-isem ġej mill-Kalabriż:  livare iruppa – M. tneħħi l-ingroppi.  Sors etim: E.S.I. 

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

VASSALL  Titlu li fi żmien il-Medjuevu kien jirriferi għas-servjent jew għall-uffiċjal imqabbad min-nobbli li kellu l-inkarigu li jieħu ħsieb il-proprjetà fewdali għan nom ta’ sidu. Il-kunjom Vassallo ġej minnu. Ara:  FEWDU.

VAVALOR / BAVALOR     Sarvetta tad-drapp għat-tfal, li tiddendel taħt il-geddum għal fuq is-sider biex tipproteġi l-ħwejjeġ mit-taqtir tal-ikel. Sqal. vavaloru.

VAVU / A    Kelma tat-tfal li tfisser tifel żgħir. Tingħad ukoll b’mod dispreġġattiv lil kbar li jġibu ruħhom ta’ nies immaturi jew mhux ta’ kelmthom. Ngħidu, ‘kemm int vavu!’, jew, ‘Dak li għamilt kienet ‘vavata’. Qawl:  Minħabba l-vava jgawdu l-mamma u t-tata.

vaxxeelll ship of the linejpgVAXXELL     Bastiment tal-gwerra li oriġina mill-galjun u li kien jintuża mill-Ordni matul is-seklu tmintax. Il-vaxxell kien bastiment tal-gwerra. Kien hemm klassijiet diversi tiegħu, eż. tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet klassi (bl-Ing. Third Rate, eċċ).  Dan tal-aħħar kien jgħabbi sa 56 kanun fuq żewġt igvieret u kellu tliet arbli bi qlugħ kwadri. Il-vaxxell tal-akbar klassi kien ta’ 300 tunnellata u kien ikollu ekwipaġġ ta’ 100 ruħ. Ara: The Maltese Hospitaller Sailing Ship Squadron 1701-1798, Anton Quintano. The Maltese Vaxxell, Joseph Muscat. 1999;  Il-Flotta Ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, Joseph Muscat, pp. 108, 109, 116, 117.

VAŻ     Reċipjent ta’ bosta forom. Awrinar. KANTRU. Bniedem li jħalli min jisserva bih. Bniedem żatat. Ngħidu, ‘kemm int vaż!’ għal xi ħadd li jiżattat fejn ma jesgħux. F. Vella (1843) jagħti t-tifsira bħala, KARRABA.

VAŻA  1. Blata akbar minn kantun li tintuża bħala l-bażi tal-ħnejja. Il-blata kwadra f’qiegħ ta’ kolonna. Dadu. (Ġużi Gatt, 2005).  2. Verb li ġej minn, avża. Tintuża minn dak li jrid jagħti avviż jew jibgħat xi ċirkolari. Verb li jintuża wkoll f’ċertu logħob tal-karti, eż., fil-manilja. Sors oħra: E.S.I. u J.A.

VEĊĊA, IL-   Isem ta’ żewġ inħawi, naħa f’Malta u oħra f’Għawdex. Toponimu li fid-dokumenti nsibuh miktub bħala Vecca. Jista’ jkun li dan it-toponimu ġej mit-Taljan vecchia. F’Għawdex dan l-ambjent hu magħruf bħala l-Ħotba tal-Veċċa, art li tinsab bejn il-Qolla l-Bajda u Ta’ Gelmus. F’Malta l-Veċċa hi dik in-naħa tal-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, qrib Għajn Rasul. Jista’ jkun li bħalma ġara fil-każ tal-Maċina, il-Veċċa bdiet tissejjaħ hekk għax min kien jaqra dan l-isem flok vecchia kien jaqraha veċċa. Sors: Place-Names of the Maltese Islands 1300-1800, p. 327.

VEDETTA  1. Il-qoffa tal-arblu fuq bastiment minn fejn l-għassies jista’ josserva l-madwar fil-bogħod ta’ fejn ikun qiegħed jivvjaġġa l-bastiment.  2. Post ta’ gwardja fuq is-swar, gardjola. Garita. Ing. Crow’s nest. Ara: GARDJOLA.

VEĠĠENT   Bniedem li jaqra l-futur jew li għandu komunikazzjoni mal-ispirti. BASSAR. Bniedem li juża is-sensi mentali speċjali tiegħu biex jgħin lil dak li jkun jifhem aktar dwar il-ħsibijiet ta’ min jikkonsultah u l-futur tiegħu. Fit-twemmin reliġuż, dan is-sens straordinarju jista’ jkun attribwit għal-intervenzjoni sopranaturali. Veġġenti f’Malta kien hawn bosta: Karmni Grima mill-Għarb, li fl-1883 semgħet il-vuċi tal-Madonna ssejħilha, qrib il-kappella, fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Pinu. Veġġent ieħor kien Franġisk Mercieca, magħruf aħjar bħala Frenċ tal-Għarb (1892 – 1967). Dan kien erbalista, bniedem spiritwali għall-aħħar, li kien kultant anki kapaċi jaqra l-ħsibijiet tal-klijenti tiegħu. L-aktar veġġent riċenti hu Anġelik Caruana minn Birżebbuġa li fil-viżjonijiet tiegħu hu konvint li qiegħda tidhirlu u tkellmu l-Madonna u tgħaddilu anki messaġġi dwar il-futur.

VELIER    Dak li xogħlu hu li jaħdem il-qlugħ għall-imriekeb tal-baħar. Hemm bosta għodda li kienu u għadhom jintużaw apposta għal dan ix-xogħol min-nies ta’ din is-sengħa. Ix-xogħol tal-velier baqa’ importanti l-aktar sakemm daħlu il-bastiment tal-istim li matul is-seklu dsatax ħadu post il-bastimenti bil-qlugħ. Fost l-għodda fir-ritratt jidhru, il-ganċ, il-burell (2 x fil-lemin tar-ritratt); l-imsellel (fuq id-drapp aħmar) u l-guardsman (4 x fuq tar-ritratt) li jipproteġi l-id u s-swaba meta il-velier juża l-imsella biex iħit.

velier
L-għodda tal-velier. Ħajr: Jonathan Sciberras.

VELJA    1. Lejl mingħajr irqad.  2. Laqgħa ta’ talb li ssir matul il-lejl fil-knejjes.  

VELJUN   Il-ballu li kien ikun organizzat fil-Karnival mill-familji nobbli biex jixxalaw ’l bogħod mill-festeġġjament tal-popolin. Diġà matul is-seklu dsatax, il-Gvernatur Ingliż kien jorganizza l-ballu tal-Karnival fil-Palazz tiegħu, il-Belt. Għalih kienu jkunu mistiedna nies distinti, il-veljun tal-Casino Maltese u dak tal-Banca di Commercio. Bil-mod il-mod dan il-ballu beda jkun organizzat minn diversi kumpaniji tal-Karnival u gruppi oħra li kellhom għal qalbhom iż-żfin brijuż ta’ dawn l-okkażonijiet. F’Bormla kien isir wieħed ir-Rialto. Tal. veglia.

VELOĊIPIED     L-isem antik tar-rota, li llum ngħidulha ‘bicycle’. Tal. velocipede.

VenerabbliTa Giezu nazju falzonVENERABBLI, BEATU U QADDIS   L-appellativ, ‘Venerabbli’ hu rikonoxximent li jingħata mill-Papa lil individwi li jkunu għexu ħajja qaddisa skont il-prinċipji tal-karità, tat-tama u tal-fidi. Fi kliem ieħor, dawk in-nies li għexu ħajja bħala ‘Servi ta’ Alla’ jintgħażlu bħala, ‘eroj tal-virtujiet’ kemm teologali kif ukoll kardinali. Biex il-Papa jkun jista’ jipproklama l-persuna bħala waħda li jistħoqqilha l-qima tal-Insara, jinħtieġ perijodu ta’ skrutinju investigattiv fuq ħajjitha, proċess li jitmexxa mill-Postulatur. Jekk din ir-ruħ qaddisa jkun jistħoqqilha aktar minn hekk, jibda mbagħad il-proċess tal-beatifikazzjoni. Hawn jitqiesu każijiet fejn il-Venerabbli jkun wettaq xi miraklu ma’ xi ħadd jew xi wħud li jkunu talab għall-interċessjoni tiegħu. Mal-beatifikazzjoni, li ssir ukoll mill-Papa, tiġi stabbilita d-data tal-festa. Wara l-istadju ta’ beatifikazzjoni hu possibbli li jibda l-proċess tal-kanonizazzjoni. Hekk kien il-proċess biex Dun Ġorġ Preca biex minn venerabbli sar beatu u minn beatu kien iddikjarat qaddis. Fil-preżent, f’Malta għandna żewġ persuni li kienu beatifikati fis-sena 2001. Dawn huma Nazju Falzon (1813-1865) u Suor Maria Adeodata Pisani (1806-1855). Dawk li huma bit-titlu ta’ venerabbli huma Adelaide Cini (1838-1885), li kienet saret venerabbli fis-sena 1910, u Suor Margerita de Brincat (1862-1952) li saret venerabbli fis-sena 2014. Fil-każ ta’ Dun Mikiel Attard (1933-2004), min-Nadur, Għawdex, dan għadu kemm infetaħ il-proċess biex isir venerabbli.

VENERANDA  LAMPADA     Oriġ. dan kien fond ta’ flus li kien jinġabar fil-knejjes biex isostni l-ħlas taż-żejt u x-xemgħa għal-lampir ta’ quddiem l-altar maġġur. Billi l-flus li bdew jinġabru kienu qed ilaħħqu somma sostanzjali, parti mid-dħul kien beda jintefaq għal spejjeż oħra relatati ma’ kull tip ta’ bżonnijiet tal-knisja. Ara: Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja ta’ Malta ta’ Guido Lanfranco pp. 33-36.

venezja1VENEZJA   Lejn l-aħħar tas-seklu sittax l-Ordni kellu prijorat fir-reġjun ta’ Venezja, li b’kollox kien fih 21 komanderija. Minnhom l-Ordni kien idaħħal mal-2,000 skud fis-sena. Għal bosta perijodi, bejn Malta u r-Repubblika Venezjana kien jeżisti mhux biss kummerċ sostanzjali iżda wkoll alleanza militari-navali fi gwerer kontra l-Imperu Ottoman. Eż. ta’ dan il-ftehim narawh fil-gwerrer ta’ Venezja f’Kandja (1648-1669). Minn Venezja kien jiġi impurtat f’Malta ħafna injam għall-bini u t-tiswijiet tal-bastimenti tal-Ordni. Nafu li bejn l-1697 u l-1713, fil-Port il-Kbir kienu daħlu mat-tletin bastiment Venezjan. Kienu seħħew xi żwiġijiet bejn Maltin u Venezjani li ġew irreġistrati fil-parroċċa tal-Portu Salvu, il-Belt. Il-bastimenti Venezjani kienu jieqfu f’Malta għal xi ftit żmien qabel ma jkomplu fi triqithom biex jattakkaw il-kursara fl-Afrika ta’ Fuq. Eżempju ta’ dan kien l-attakki li seħħew bejn l-1780 u l-1790 fuq xi bliet fl-Alġerija. F’dawn il-battalji, il-famuż Ammirall Venezjan Angelo Emo kien għamel użu kbir mill-port ta’ Malta. Venezja kellha l-ewwel rappreżentant  diplomatiku tagħha f’Malta mill-1723. Fl-1754, kien stabbilit konslu Venezjan f’Malta. Ara: Descrittione di Malta – A Venetian Account ta’ Victor Mallia Milanes, pp. 33-35; Marriage Prospects in Early Modern Malta: ‘The Integration of Venetian Subjects in an alien country’ ta’ Simon Mercieca, Melita Historica, Vol. XIV n. 3, 2006; Kultura 21, Lulju 2006, pp. 2-8.  

VENJA / VERNJA / DVERNJA   Biċċa xogħol kbira, eż., bħal meta dak li jkun jagħmel xi ħaġa b’reqqa f’ħin qasir. Ngħidu, ‘Aħjar nagħmel venja ta’ darba iżda tajba’. Sqal. vernia,  fracass,  strepito.  Sors:  J. A.

VENTALORA     Pinnur li jindika d-direzzjoni tar-riħ. Ventilatur jew rewwieħa li taħdem bl-elettriku. Tal. ventaluora.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAVENTALTAR    Xogħol fl-injam, drapp jew metall, l-aktar tal-fidda, b’dekorazzjonijiet fini li jitqiegħed mal-faċċata tal-altar. Dan jitqiegħed f’okkażjonijiet speċjali, bħal pereż., fil-festa tal-qaddis patrun. Dan Ix-xogħol jispikka sew fl-artiġjanat tal-fidda fejn l-artist juri l-kapaċitajiet tiegħu fil-basso-riljiev. Hemm xogħol sabiħ ħafna ta’ dan it-tip f’diversi knejjes, fosthom fil-bażilika tal-Mosta, esebit fis-sagristija u bosta knejjes oħrajn. Tal avanti + altare. 

VENTURA    Xorti. Ngħidu, ‘dak jaqra l-ventura’ – jiġ., jaqra x-xorti. Il-kelma ‘ventura’ hi l-unika kelma ta’ oriġini Romanza li tintuża fil-Cantilena, il-poeżija li Pietro Caxaro kiteb lejn nofs is-seklu ħmistax: Min ibidill il miken ibidil i ventura – min ibiddel il-post ibiddel ukoll xortih.  TAL-VENTURA  Rif. lejn żewġ qaddisin, San Nikola u Santa Katarina. Dawn it-tnejn huma qaddisin li t-tfajliet kienu jirrikorru għalihom biex isibu raġel għaż-żwieġ. Fis-Siġġiewi kienet teżisti t-tradizzjoni li meta tfajla tkun trid issib il-maħbub ta’ ħajjitha din kellha ddur erba’ darbiet madwar l-istatwa ta’ San Nikola li hemm f’nofs il-pjazza tar-raħal. 

VERĊELLA    Tip ta’ għelk ħamrani li joħroġ mill-ġebel. Il-kulur ta’ dan l-għelk itebba’ l-istess ġebla li jkun ħiereġ minnha. A de S. jgħid li dan il-kulur kien jintuża fi żmienu biex jagħti jiżbgħu l-farda tas-sarġ li titqiegħed fuq dahar iż-żiemel. Etim. fecella – dim. ta’ fecca – materja likwida u li ddellek jew tħammeġ.

VERGANDIN   Dan kien appellativ li kien jingħad għal xi ħadd li kien jiġġerra ’l hawn u ’l hinn fit-toroq. Eż. ‘Int dejjem tiġri barra qisek il-Vergandin’. Oriġ. il-Vergandin kien l-isem ta’ żiemel li fit-tieni deċenju tas-seklu għoxrin kien popolari ħafna mad-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Sidu kien ċertu wieħed imlaqqam il-Gadajsu, mir-Rabat. L-isem taż-żiemel proprju kien: Ventrequil. Meta darba kien rebaħ tiġrija minnhom, ir-Rabtin kienu ħarġu jiċċelebraw bil-banda. Dan iż-żiemel u dan l-episodju jissemmew fl-awtobiografija ta’ Kilin, Fuq L-Għajn Ta’ San Bastjan, (pp. 194-195).

VERNON clubVERNON CLUB    Dan il-post kien inbena fl-1872, bħala gymnasium fejn is-suldati tas-servizzi Ingliżi, stazzjonati l-Belt u l-Furjana, setgħu jeżerċitaw irwieħhom fiżikament. Fil-fatt għal xi żmien, l-inħawi ta’ quddiem Kastilja kienu magħrufa mill-Maltin bħala Tal-Ġinnastika. Biż-żmien l-iskop tal-eżerċizzju fil-gymnasium kien naqas u l-bini kien beda jattira lin-nies tas-servizzi aktar bħala post fejn wieħed kien jieħu gost jissoċjalizza. Il-post ħa sura ta’ sala tad-divertiment fl-Ewwel Gwerra Dinjija, meta ħafna suldati kienu qegħdin jirritornaw mill-kampijiet tal-battalja fil-Gallipoli. Il-Baruni Ingliż George Francis Augustus Venables Vernon,  wara li marad bid-disenterija f’Gallipoli, kien talab lill-awtoritajiet Ingliżi biex il-post jinbidel fi klabb għall-uffiċjali Ingliżi. Qabel ma miet (1915) Vernon kien ħalla 2,000 lira b’dan il-għan. Meta l-post infetaħ uffiċjalment fl-1924, dan kien mogħti l-isem ta’ Vernon United Services Club ad unur tiegħu. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Vernon Club intlaqat minn bomba tal-għadu, biss wara l-gwerra l-post kien reġa’ nbena. Il-Vernon Club baqa’ sal-1967, meta mbagħad il-binja kienet mgħoddija mill-Ingliżi lill-Gvern Malti. Il-klabb ingħata minflok, il-Garrison Chapel, fejn illum hemm Il-Borża ta’ Malta, sewwasew ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq. Fis-sena 1971, flok il-Vernon infetaħ il-Bank Ċentrali ta’ Malta. Fis-sena 1979, Il-Vernon Club għalaq għalkollox, hekk kif l-Ingliżi żarmaw il-bażi militari f’Malta. Ara: A Chronicle of Twentieth Century Malta ta’ Michael Cassar u Joseph Bonnici, p. 102. 

VeronikaDSCF0488

VERONIKA    1.  L-isem ta’ Santa Veronika jidher għall-ewwel darba fl-Acta Sanctorum tal-1643.  Dan kien speċi ta’ kalendarju uffiċjali tal-Knisja Kattolika tal-festi tal-qaddisin. Santa Veronika hu l-isem ta’ dik il-mara li meta rat lil Kristu jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Golgota, ixxottatlu wiċċu mid-dmija u l-għaraq. Id-drapp baqa’ mċappas bil-forma ta’ wiċċ ta’ Kristu fid-demm. Kien dan ir-rakkont li ta bidu għall-isem Veronika għax li l-isem fiħ innifsu jfisser ‘vera icona’, jiġ., ‘x-xbiha awtentika’ -rif. għax-xbiha tal-wiċċ ta’ Kristu. Fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira naraw statwa li tirrapreżenta dan l-episodju.  2. Bil-Grieg, Veronika (phere nike) tfisser, ‘hi li ġġib ir-rebħa’. Minn dan l-isem ħareġ l-isem Berenice.

VERSALL    Oġġett li timmarka biex tispara fuqu. Tal. bersaglio. Sors: G.B.F. (1845).

VERSJAR   Tisfir (għana) tal-għasfur. Sors: V.B. (1900).

veru linju0 - CopyVERULINJU    1. Riferenza għas-Salib ta’ Kristu, jew biċċiet minn dan is-salib miżmuma bħala relikwa. F’Malta kien hawn bosta knejjes fejn ir-relikwi ta’ Salib ta’ Kristu kienu venerati. Pereż., nsibu li kien hemm relikwi fil-knejjes ta’ San Lawrenz il-Birgu, Ta’ Ġieżu tal-Belt, ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ, tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla, fil-Katidral ta’ Għawdex u fill-bażilika ta’ San Ġorġ fl-istess belt. Iċ-ċelebrazzjoni u l-qima lejn dawn ir-relikwi kienet issir b’diversi modi u kienet tinżamm ukoll il-festa tagħhom.  2. Rif. għas-salib ta’ Kristu li jagħmel parti mill-istatwarju tal-vara ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara li nħadmet fl-1837 minn Karlu Darmanin. Etim. Tal. vero legno. Ara: SANTU KRUĊ. Ara wkoll: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, ta’ Guido Lanfranco, pp. 56-60.  

VESPRI   L-għasar. Talb li jsir tard waranofsinhar. Fil-liturġija tal-Knisja Kattolika, il-vespri huma maqsumin fi tnejn. L-ewwel tibda s-salmodia, li hi magħmula minn żewġ SALMI, u wara jingħad diversi talb imsejjaħ il-capitulum et formulae.

vespri sicilianixVESPRI SQALLIN   Dan kien l-episodju fejn l-Isqallin ta’ Palermo qamu kontra l-Anġevini (ħakkiema minn Anjou, belt fi Franza tal-Majjistral), li bejn l-1262 u l-1282, kienu qed jaħkmu lil poplu Sqalli b’tiranija kbira. Kien it-Tlieta ta’ wara l-Għid il-Kbir, fil-31 ta’ Marzu, li nqala’ inċident ikrah fl-inħawi ta’ Palermo. Ġara li suldat Franċiż ittanta mara li kienet fil-kumpanija ta’ żewġha. Għal din il-provokazzjoni, dan tal-aħħar ħareġ is-sejf u qatel lis-suldat. B’effett ta’ dan l-inċident, in-nies ta’ Palermo qamu f’irvell sħiħ u f’ħakka t’għajn sar massakru li fih inqatlu eluf ta’ Anġevini. L-Aragoniżi (Spanjoli), li kellhom kull interess li jqalftu l-Franċiżi ’l barra minn Sqallija komplew fuq dan l-episodju biex jeħilsu mill-Anġevini. Malta wkoll kienet dak iż-żmien taħt l-Anġevini u wara dan l-episodju, il-gwarniġon f’Sant’Anġlu nqafel fil-Kastell biex jipproteġi ruħu. Fl-1283, saret battalja navali mdemmija fil-Port il-Kbir bejn l-Anġevini u l-Aragoniżi fejn dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa. B’hekk bdiet era ġdida għal Malta, dik ta’ dominazzjoni Spanjola, li baqgħet sejra sa meta waslu l-Kavallieri fl-1530.

VETTURIN    Sewwieq ta’ karozzin jew ta’ vetturi oħra. Kuċċier.

ex voto tal-herba 105V.F.G.A.     Abbrev.  Dawn l-erba’ ittri tarahom ta’ spiss fuq kwadri antiki fil-knejjes jew santwarji reliġjużi fejn hi meqjuma l-Madonna. Din hi abbrevjazzjoni bil-Latin li tfisser “VOTO FECIT GRATIAM ACCEPIT” li tfisser ‘il-Wegħda saret u l-grazzja ġiet milqugħa’. Din tirreferi għall-wegħda li tkun saret minn xi persuna, u għaldaqstant din il-persuna tagħti rigal simboliku lill-knisja bħala ringrazzjament.  Ara: EX VOTO.

VĠILI    (pl. vġejjel)  Fis-sens l-aktar ristrett dan kien il-ħin ta’ sawm u astinenza ta’ lejlet il-festa. Dari kien hemm erba’ vġejjel kmandati: f’lejlet il-festi tal-Għid il-Ħamsin, il-Qaddisin kollha, Santa Marija u l-Milied. Espr. ‘Illum vġili’ – jiġ., illum hu jum ta’ sawm u astinenza. Norm. dan kien jirriferi ukoll għal kwalunkwe jum li wieħed kellu josserva s-sawm, eż., l-erbgħin jum tar-Randan kif ukoll kull l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt. Fl-antik kien hemm il-KWATTRU TEMPRA, li kien vġili mħares darba kull staġun. Illum is-sawm u astinenza spiċċa kollu. Tal. aġġ. vigileSors priniċpali: Anton F. Attard. Ara: SAWM U ASTINENZA.

VIA SAGRA    Ara: VIJA SAGRA.

VIĊIPARKU      Viċiparroku.  Sors: V.B. (1900). 

Victoria Lines Tourism Authority - Alexis Sofianopoulos (346)VICTORIA  LINES  Ħajt ta’ difiża li nbena fit-tmeninijiet tas-seklu dsatax, b’ordni tal-Gvernatur Ingliż Freeemantle. Dan il-ħajt jaqsam lil Malta min-naħa ta’ Baħar iċ-Ċagħaq sa Fomm ir-Riħ, tul ta’ tnax-il kilometru. Il-ħajt jgħaqqad l-erba’ fortizzi li l-Ingliżi kienu bnew ftit qabel fuq l-istess linja. Dawn il-fortizzi huma:  Ta’ Binġemma, Tal-Mosta, Tal-Madliena u Ta’ Pembroke.  Il-ħajt u l-fortizzi nbew biex f’każ ta’ żbark fil-Majjistral ta’ Malta, dawn il-fortizzi u l-ħajt jkunu jistgħu mill-pożizzjoni għolja tagħhom, jipproteġu n-naħa tal-Lvant ta’ Malta, prattikament l-ibliet u rħula eżistenti ta’ dak iż-żmien, kif ukoll il-bażi navali Ingliża fiż-żewġ portijiet. Minħabba li dan il-ħajt ta’ difiża  sar fi żmien li jmiss mass-sittin ġubilew li jikkommemora s-sena tar-renju tar-Reġina Vittorja, dan il-proġett ingħata l-isem ta’ Victoria Lines. Intant, meta din id-difiża kienet ittestjata b’attakk simulat, id-difensuri ġew megħluba. Ħafna kienu dawk li maqdru dan il-proġett bħala idea fjakka u bla siwi. Xi ħadd kien anki qala’ laqam dispreġġjattiv għal Victoria Lines bħala: Freemantle’s Folly, jiġ., il-ġennata tal-Gvernatur Freemantle.

Victory kitchen eVICTORY KITCHEN   Dan kien servizz tal-ikel li beda jingħata b’xejn matul il-gwerra biex il-poplu jtaffi l-ġuh. Fl-eqqel tal-gwerra, iġifieri fi Frar tal-1942, kien hawn stabbiliti 42 post minn fejn kien jisserva l-ikel tal-Victory Kitchen. Kull persuna kienet tippreżenta karta tar-raxin (ration) li biha kienet intitolata għal platt wieħed kuljum. Fost ikel ieħor li kien jitqassam, kien hemm iz-zalzett, il-fażola u l-brodu bil-patata, laħam tal-mogħża jew tal-muntun. B’sens ta’ umoriżmu kien hemm min ikkompona versi ta’ taqbil li fost affarijiet oħra jgħidu hekk:

         Bl-imgħarfa f'idejhom,
         Bil-Cutex f'difrejhom
         Tal-Victory Kitchen...!

         Saqajhom ħoxnin
         Għax jieklu l-għaġin
         Tal-Victory Kitchen...!

u tkompli...

VIGARJU    Viċi isqof. Il-persuna maħtura mill-Isqof biex tirrappreżentah. Il-VIGARJU TA’ KRISTU  – Titlu mogħti lill-Papa bħala r-rappreżentat ta’ Kristu. Il-VIGARJU APPOSTOLIKU  Il-kardinal jew l-isqof li jkun iddelegat mill-Papa fi djoċesi jew f’pajjiż barrani.

VIGU VIGU    Espr. li kienet tingħad biex tirreferi għal xi sitwazzjoni fejn l-affari sejra tajjeb mingħajr ħafna bżonn ta’ attenzjoni. Ngħidu, ‘Dak kollox vigu vigu għalih’. Etim. inċerta. X’aktarx mit-Tal. vigore.

VIJA SAGRA     Magħrufa wkoll  bħala, il-Via Crucis, jew Via  Dolorosa, jew l-Istazzjonijiet tas-Salib. Dawn huma l-episodji tal-Passjoni ta’ Ġesu Kristu, minn meta kien ikkundannat għall-mewt minn Ponzju Pilatu sad-difna tiegħu wara li tniżżel mis-salib. Din id-devozzjoni bdiet x’aktarx fis-seklu ħmistax fl-Art Imqaddsa meta bdew isiru pellegrinaġġi fit-triq fejn kienu jaħsbu li Ġesù mexa bis-salib mingħand Pilatu sal-Golgota. B’imitazzjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ, l-Insara, li jinkludu mhux biss dawk Kattoliċi, iżda anki dawk Protestanti u Metodisti, jinvistaw l-erbatax l-immaġini fuq kwadri żgħar imxerrda fil-knisja, ġeneralment imqegħda fin-navata jew qrib. Dawn l-immaġini normalment huma magħmula minn pitturi żgħar, jew inkella, bassi riljevi. Biss, ġieli saru anki statwi, kemm fil-knisja kif ukoll barra ta’ daqs ikbar. Eżempju ta’ statwi b]al dawn barra il-knisja nsibuhom fl-isqaq dejjaq li jitla’ lejn is-Salib tal-Għolja, barra s-Siġġiewi, u fuq l-għolja, faċċata tas-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex. Waqt dawn il-viħti, id-devoti jinżlu arkubtejhom jew inkella jibqgħu bilwieqfa quddiem kull immaġini u jagħmlu t-talb u l-meditazzjoni tagħhom, biex wara jimxu lejn l-immaġini u l-istazzjon li jmiss, skont il-Passjoni ta’ Kristu.

VILJAKK     Bniedem bla ġieħ u bla qalb. Beżżiegħ. Oriġ. bniedem makakk. Illum aktarx nirriferu għal xi ħadd beżżiegħi jew ta’ karattru mill-agħar. Tal.  Chi strascende ad atti disonesti; vile; prepotente con i più deboli. 

VINAZZ    Qxur u affarijiet oħra li jifdal mill-għasir tal-għeneb. (V. Busuttil ifisser  din il-kelma bl-Ingliż bħala, sapwood. Temi Zammit meta jispjega x-xogħol tal-iskarpan, fir-rakkont tiegħu, ‘Mastru Ġakbu’, jgħid hekk, ‘[…] ix-xama’ tal-ispag u l-vinazz ma jmurx kif ġieb u laħaq […]’. Ara: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra, (Ed. Toni Cortis), p. 49.

VINKLU / VINGLU   Rabta legali. Norm. din tingħad fil-frażi ‘vinklu legali’, jiġ., qbil imniżżel f’kuntratt li juri d-dettalji ta’ x’kien maqbul bejn iż-żewġ firmatarji. IVVINKLAT jew IVVINGULAT Ftehim marbut b’mod legali jew b’kundizzjonijiet skont il-kuntratt. B’mod metaforiku jingħad ukoll, ‘għażż ivvinklat’ – jiġ., GĦAŻŻ  li ma teħlisx minnu kif ġieb u laħaq. Tal. vincolare – M. illimita l-moviment ta’ xi ħadd. V.B. (1900) jgħid li din il-kelma bl-Ing. tfisser, entailment.

VIRA   Ordni li l-bennej jagħti lis-sewwieq tal-krejn biex dan jibda’ jtella’ l-materjal tal-bini jew materjal ieħor ‘l fuq. Term. marittimu li jirreferi għall-vapur meta jdawwar ir-rotta. Verb li jirreferi għat-tidwir tal-argnu biex miegħu tiddawwar u tinġibed iċ-ċima. Etim. Tal. virare, Malt., dar, rif. Għall-qala meta dan jiddawwar biex jirċievi r-riħ mid-direzzjoni opposta.  

VIRGA    1. Tip ta’ qasba maqtugħa minn xi pjanta li jkollha zokk tawwali u rqiq, u li tintlewa, bħal ma wieħed jista’ jaqta’ mill-qasab taż-żafżaf. Bastun irqieq ħafna maħdum fl-injam. 2. Bastun irqiq tal-metal, eż., ram, jew bronż li jintuża norm. fit-taraġ biex iżomm it-tapit milli jiċċaqlaq. 3. Bastun irqiq tad-deheb li l-kantur tal-kapitlu jżomm waqt xi ċeremonja jew purċissjoni.   

virga

VITELLIN     Ġilda tal-annimali bovini, bħal baqar u erieħ. Kwalità ta’ ġild li jintuża l-aktar għaż-żraben.

VITRIJATA / VETRATA    Appel. għal kull tip ta’ bibien li jkunu magħmulin mill-ħġieġ. Vetrina biex fiha jitqiegħdu l-pożaplatti u oġġetti oħra tad-dar. VETRATI  Fil-knejjes dawn jistgħu jkunu inkwatri jew medaljuni li jkunu magħluqin bi ħġieġa minn quddiem u li fihom jitqiegħdu relikwi ta’ qaddisin, għall-qima tal-fidili. Vetrati jistgħu jkunu wkoll it-twieqi tal-ħġieġ li jagħtu d-dawl fil-knejjes. Illum il-kelma tintuża għal kwalunkwe twieqi bil-ħġieġ, xi drabi ħġieġ li juri xbihat, disinji u kuluri sbieħ.  VITRAR  Bniedem li jaħdem jew ibigħ il-ħġieġ. Tal. vetro. Ħajr: Lorenzo Zahra. Ara: Teżori fil-Knejjes Maltin, Vol. 1, p. 134.

viztu 0129_094911VISTU    It-tradizzjoni tal-vistu hi antika ħafna. Kien hawn ritwali sħaħ biex wieħed jaqdi l-obbligi tal-vistu. Kien hemm żmien preċiż u stabbilit mis-soċjetà, li tobbliga lill-qraba b’regoli, jekk mhux ukoll b’obbligi, li bihom jintwera r-rispett xieraq lejn dak li jkun ħalla din id-dinja. Per eżempju, meta l-mara jmutilha żewġha, kien ikollha tqatta’ 40 jum id-dar mingħajr ma toħroġ barra. Il-qraba tal-mejjet kienu obbligati li jilbsu l-iswed għal ħafna żmien. Imbagħad, bil-mod il-mod, dan il-vistu kien jibda jillaxka u l-ilbies iswed jitħallat b’kuluri oħra. Dan jissejjaħ, mezzu vistu. Fi żminijiet aktar riċenti, l-irġiel kienu jilbsu ingravata sewda jew inkella il-MUSTAXIJA (faxxa sewda), imdawra ma’ dirgħajhom għal ċertu żmien. Flok il-mustaxija, ir-raġel sata’ jilbes ukoll krip (crepe) faxxa sewda madwar il-kappell. Illum għad hawn min jilbes, minnflok, buttuna sewda mal-pavru. Kien hemm żmien, meta, waqt il-jiem tal-vistu, ċertu tip ta’ ikel ma kienx jittiekel. Lanqas ma sata’ wieħed idoqq strumenti mużikali, jew jattendi riċevimenti jew festi. Mis-snin sittin ’l hawn it-tul u l-modi tal-vistu naqsu ħafna u llum il-vistu kważi sparixxa għal kollox. Ara: ‘Funeral and mourning customs’, fi Studies in Maltese Folklore ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp. 74-75, 146-147. Etim. prob. Tal. vistoso, appariscente, che richiama esageratamente l’attenzione. Sqal. vistutu, coperto di vestimenta. Ara wkoll fl-istess website: ‘Mewt u Vistu’  https://kliemustorja.com/2021/11/11/mewt-u-vistu/

VIŻIBILJU / BIŻIBILJU    Appel. li jfisser ‘kwantità kbira’. Sqal. Visibiliu mit-Tal. visibile – M.  kemm tara b’għajnejk. Ngħidu, ‘Fil-pjazza kien hemm viżibilju kbir ta’ nies’.

VJAĠĠ / VJEĠĠ / VJIEĠ     Ġarr ta’ darba ta’ oġġetti tqal minn post għall-ieħor. Ngħidu, VJEĠĠ ĠEBEL’.  Ġarr ta’ ammont ta’ knaten fuq karrettun jew fuq trakk. Vjeġġ ġebel fuq trakk jieħu daqs 42 kantun. It-tagħbija ta’ trakk antik bill-kaxxa tal-injam bħalma hemm fir-ritratt kien jiflaħ daqs erba’ vjeġġi ta’ karettun. Fi żmien il-Gran Mastru Pinto, preċiżament fl-1766, kienet introdotta miżura fissa, li turi kemm il-kantun għandu jkollu vjaġġ ta’ karettun. Il-bandu kien jimponi multi fuq min ma jżommx mar-regoli l-ġodda. Kien hemm imposta wkoll ordni li tissalvagwardja li l-ġebel fl-istess vjaġġ ma kellux ikun ta’ kwalità inferjuri u differenti minn xulxin. Ara: The Life and Times of Gran Master Pinto ta’ Carmel Testa, p. 318.

vjegg gebel copy   vjagg5.JPG

Vjatku_ca_1600aaaVJATKU    L-għoti tas-sagramenti lill-marid li jkun wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Fil-passat, meta bniedem kien ikun agunija, il-qassis kien imur jamministra l-aħħar sagramenti u jqarben lill-marid id-dar, akkumpanjat mill-membri tal-konfraternità tas-sagrament, u bl-abbati jdoqq qanpiena żgħira f’idu matul it-triq kollha. Il-qassis kien jieħu miegħu l-ostja li kienet tinġarr fl-ostensorju, biex iqarben il-marid f’daru. Din il-purċissjoni ċkejkna kienet tkun xena li tiġbed l-attenzjoni u reverenza ta’ min kien jinzerta fit-triq u tal-ġirin tal-marid. In-nies kienu jinżlu għarkupptejhom sakemm jgħaddi l-qassis bl-ostja. Ngħidu, Mewt u vjatku’, espr. li tirreferi għal meta xi ħadd jagħmel jew ikun sottomess għal xi ħaġa ta’ riskju kbir. Tal. Viatico.

VJEĠĠ    Ara: VJAĠĠ.

VLONTIN / FLONTIN    1. Spaga jew lazz, li bih it-tfal idawru ż-żugraga. Ara: ŻUGRAGA. 2.  Lenza jew xlief li minnu joħorġu fergħat (jew brazzoli) kull waħda b’sunnara, biex jistadu għal ħut.

vaudevilles xVODVILL / VUDVILL    Tip ta’ varjetà li kienet kisbet popolarità kbira fi Franza fis-seklu sbatax. F’din il-preżentazzjoni teatrali kien jidħol kollox, speċi ta’ teatru komiku magħmul minn xeni żgħar, akrobazija, kant u żfin. Biż-żmien din it-tip ta’ preżentazzjoni daħlet anke fl-Amerika, speċjalment bejn l-1880 u l-1930 u irnexxielha tinfluwenza anke ċerti films. F’Malta, id-divertiment tal-vaudeville kien magħurf bħala ‘kummiedja’. Din it-tip ta’ varjetà kienet tinkludi kemm teatru komiku kif ukoll akrobazija, eċċ. Etim., Fr., Vaudeville li ġejja minn chanson du vau de Vire – M. tip ta’ kant li kien beda jitkanta fin-Normandija u b’hekk ħa isem il-post.

VOLTU SANT   Rif. għall-wiċċ imqaddes ta’ Kristu kif inhu rappreżentat fuq id-drapp li l-istatwa tal-Veronika iżżomm f’idha. Ix-xbieha tal-wiċċ ta’ Kristu, kemm jekk pittura kif ukoll fi skultura, li tkun esposta għall-qima fil-knejjes. Dan l-appellativ jista’ anki jirriferi għal kwalunkwe wiċċ ieħor ta’ Kristu li hu meqjum fil-knejjes. Tal. Volto Santo.  Ara: VERONIKA.

VOLUMI  ANTIKI TAL-LIKWIDI

gallun

Gallun                        5 Litri
Pinta                         0.142 litri
Terz   2 Pinet                0.2841

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

VOLUMI  ANTIKI  TAĊ-ĊEREALI

Tomna

Siegħ / nofs tomna

VOTI PLURALI   Meta fl-1888, iddaħħlet is-sistema ta’ għaxar distretti fl-elezzjonijiet, wieħed kien seta’ jivvota skont kemm kellu proprjetà fid-distretti elettorali. Hekk pereż. jekk bniedem kellu proprjetà tiegħu f’erba’ distretti dan kien intitolat biex jivvota erba’ darbiet, darba f’kull distrett. Din is-sistema ta’ votazzjoni ma reġgħetx kienet introdotta fil-kostituzzjoni tal-1947. Sors: Malta li Għext Fiha, J.J. Camilleri, pp. 116-117.

voussoir S Bartilmew
Kappella ta’ San Bartilmew, ir-Rabat, Malta.

VOUSSOIR  Ġebel fuq il-faċċata ta’ bini li jkun iddisinjat f’forma ta’ arkata ddekorata. Il-voussoir jgħin biex l-ilma tax-xita ma jċarċarx mal-ħajt u fuq l-għatba iżda minflok jxaqleb lejn il-ġnub. Din it-tip ta’ arkata taraha ħafna drabi fuq il-faċċata ta’ xi kappella antika, eż., fuq il-bieb tal-kappella ta’ San Bażilju, l-Imqabba, u l-kappella ta’ San Bartilmew fir-Rabat. Voussoir, hi kelma li ġejja mill-Franċiż antik volsoir jew Lat. Volsorium – volvere: M. iddur. Ara: SAMROTT.

VROMA     Fjask kbir. Xogħol li ħareġ ħażin għall-aħħar. Oriġ. – Riħa tinten ħafna, żibel jew ħmieġ.  Etim. tal-kelma ġejja mill-Gr. Vromiko – M. maħmuġ.

Vulcan Tragedy3.jpgVULCAN   Fl-14 ta’ Ottubru tal-1975, fis-siegħa u għaxra ta’ wara nofsinhar, ajruplan militari Ingliż tat-tip Vulcan Bomber sploda hu u jtir fuq Ħaż-Żabbar. Il-gwaj beda meta l-co-pilot ta’ dan l-ajruplan ipprova jillandja fl-ajruport ta’ Ħal Luqa. Jidher li l-inżul ma sarx sew u konsegwentament ġewnaħ minn dan l-ajruplan mess mal-art tar-runway. Anki l-fuselage tal-ajruplan (it-tronk tiegħu) mess mal-art u l-ajruplan beda jaqbad. Il-pilota pprova jimmanuvra l-ajruplan biex itir ’il fuq u ’l bogħod mill-ajruport biex l-ewwel jaħli il-fuel u wara jagħmel l-inżul ta’ emerġenza. Biss, hekk kif laħaq tbiegħed biss ftit kilometri lejn il-Lvant, seħħet splużjoni u wieħed mill-ġwienaħ tqaċċat u l-ajruplan beda jdur u jagħqad fuqu nnifsu. Wara ftit tqaċċat il-ġewnaħ l-ieħor. L-ewwel ġewnaħ waqa’ fuq l-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar. Ma weġġa’ ħadd għax il-kwantità l-kbira tat-tfal li s-soltu jkunu fil-klassijiet dak il-ħin kienu d-dar għall-waqfa tal-ikla ta’ nofsinhar, u kienu għadhom ma bdewx jirritornaw l-iskola. Il-fuselage tal-ajruplan waqa’ f’għalqa ftit ’il bogħod mill-abitat. Biss, il-ġewnaħ l-ieħor waqa’ fi Triq is-Santwarju. Hemm saret straġi sħiħa, hekk kif il-fuel jaqbad infirex u ħaraq bosta faċċati tad-djar. F’dan l-inċident mietu ħames piloti tal-Air Force li kienu fuq l-ajruplan. Mara Maltija mietet hi u tiġri tidħol ġewwa darha meta ħadet xokk tal-elettriku meta laqtet kejbil, li fl-inċident spiċċa mdendel quddiem il-bieb tad-dar tagħha. Il-pilota u l-co-pilot, li fl-inċident kienu qabżu bil-paraxut, salvaw għax illandjaw qawwijin u sħaħ lil hinn mill-mina ta’ Hompesch. Ara:Vulcan – Ħaż-Żabbar – 1975, ta’ Charles Catania; Traġedji Maltin, pp. 248-253.

VUNGLU   Sħab li jitla’ mar-riħ mix-Xlokk, li meta jagħqad sew idallam il-gżejjer Maltin. F’Għawdex dan it-terminu jirriferi għas-sħab aktar fil-għoli li jitla’ mil-Lbiċ jew mill-Punent, waqt li fl-istess ħin, sħab iktar baxx jitla’ minn riħ ieħor li jkun qiegħed jonfoħ mid-direzzjoni opposta. Sors: J.A. Ara: Mill-Ħajja tal-Imgħoddi, Anton F. Attard.

Ara aktar  

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R  *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Tagħrif simili jinsab f’dawn il-pubblikazzjonijiet:

Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid

Biex il-Kliem Ikun Sew

A bejn kliem u storja   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                               Paġni 256                                              Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija kompluta tal-wirt storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal-lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,000 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal- kultura Maltija f’livelli varji.

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
*         M.A.V.  Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828)
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli …  mohba2016@gmail.com