q

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
QABB * QABBAR * QABBIŻ/A * QABD * QABIL * QABIL IS-SUF * QABIL IL- BAGĦAL * QABLA * QABRU * QABŻ ĦADID * QAĊĊIJA * QADDIS * QADI / QAJD * QADIB * QADUMA * QAFIŻ * QAGĦWARA (ara: KAGĦWARA) * QAĦBA TA’ FUQ IS-SUR * QAĦBUNAZZ * QAGĦAQ TAD-DOŻA * QAJD TAL-IDEJN * QAJFAS * QAJŻ / QAJŻU * QALA’ * QALEB * QALGĦA * QALIL * QALLIEGĦ * QAMA * QAMAR * QAMEL * QAMĦ * QAMĦIRRUM / QAMĦ IR-RUM * QAMMAR * QAMMIEL * QAMMIESA *  QANA * QANJA * QANNATA * QANNEB * QANNEBUŻA * QANNIĊ * QANNOTTA * QANTAR * QANŻĦA, QANŻĦAċ * QAQA * QAQOĊĊA * QARABOĊĊ / QARAMBOĊĊ * QARAGOSS * QARA’ BASILI / BASINA / BASIRA / QARA’ TORK * QARĊILLA * QARINŻA / QARINZA * QARMEĊ * QARMUĊA * QARN * QARNITA * QARNUNA * QAROQDI * QARQUĊA * QARSA * QARSU (ara: ĦAXIXA INGLIŻA) * QART IL-GĦOXX * QARTALLA * QARŻUT * QASBA * QASBA KUBU * QASBA TAL-KTIEBA * QASBA ŻEJT * QASBA TAS-SNIEN * QASQUS FUQ IX-XINI * QASSATAT TAL-GĦID * QASTANIJA * QATTA * QATTARA * QATTIEGĦ * QATTUS TAL-QARGĦA * QAWQAB * QAWQAM / QAWQAMA * QAWQLA * QAWR / QAWRA, IL- * QAWS, IL- * QAWSRA * QAWWARA * QAWWI * QAŻWIT * QBAJJAR * QBIELA * QBUR IL-LHUD * QERĊMA * QERĊMATA * QEQQÈ * QERQNI * QIEGĦ TAD-DAR IĊĊANGAT *QIEGĦA * QIERAĦ * QIM * QIRD * QIREW * QIRNA * QIXX * QIŻD * QLEJBA (ara: FISQIJA) * QLEJGĦA * QLIB * QLUQI * QMEJSA * QMIS TA' BILLEJL * QOBLA * QOFOL * QOĦTA * QOLLA * QOLLIEBA * QOMQOM / QAMQAM * QONSRU * QORBA * QORGĦAN * QORMI * QORQ * QORRIEGĦA * QORROT * QORRU * QORTIN * QOTON * QOŻŻA * QOŻŻOT * QRADA * QRAŻUN * QREJWEŻ * QREJŻU * QREMPUĊ / QREMPUĊU * QRENDI * QRIEQNI * QRIN * QROLLA * QROQQA * QUBBAJT * QUĊĊIJA * QUDDIESA TAL-PRAĊETT (ara: PRAĊETT) * QURDIENA * QURQAĊA * QUŻŻAŻEJT * QUŻŻUD *    

QABB  E.S.I. jgħid li dan kien ġlekk ċkejken tan-nisa; kurpett jew pettoral. (M.A.V.) corpetto sottovesto. G.B.F. (1845) jgħid, doublet, a frock. Andrew Bigelow (1831), isejjaħlu, caban u jgħid hekk, meta jagħti deskrizzjoni ta’ kuċċier, sewwieq tal-kaless: […] the gala dress of the native Maltese … Over a vest ornamented with an abundance of large gilt buttons, he wore a short cloak, called a caban, reaching rather below the small of the back […]’. 

QABBAR Deffien. Dak li jħaffer l-oqbra. Għassies f’ċimiterju. Sorsi: E.S.I. M.A.V., beccamorti.

QABBIŻ/A     (D)  1. Saltatore, saltatrice, ballarina. 2. Donna senza onore, fornicatrice.

QABD      Flus fl-idejn. Flus kontanti. Ngħidu, ‘tħallas flus qabd’. Sors: V.B. (1900).

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Agħfas hawn

QABIL    (pl. qobla jew qbajjel). L-ispeċi tal-annimal jew tal-bniedem. Eż. QABIL IS-SUF –rif. għal kull tip ta’ annimal ovin, jiġ., nagħaġ jew mogħoż; QABIL IX-XAGĦAR – rif. għal dawk l-annimali li għandhom ix-xagħar, eż. ż-żwiemel jew il-bgħula u l-ħmir. QABIL IL-BAGĦAL Rif. għall-ħmar, il-ħmara, iż-żiemel, id-debba, u l-bagħal – bhejjem li jiġu miż-żwiemel – kollha jagħtu biż-żewġ – allura kollha jirriferu għalihom bħala ‘qabil il-bagħal’. Il-kelma qabil tapplika għall-bnedmin ukoll: Il-qbejjel huma t-tribujiet. Ngħidu aħna l-Lhud kellhom tnax-il qabil, jiġiferi, razza. Qawl: Kull qabil għal qabilu. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 143. Fl-Għ. qabil tirriferi għat-tribujiet, l-aktar dawk nomadi. Fir-rakkont Dwiem, Erin Serracino Inglott juża dan l-appel. hekk: ‘[] nies ta’ kull sura, ta’ kull għamla, ta’ kull ġens, ta’ kull qabil […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti, it-Tieni Ktieb, ed. P.P. Saydon, Ġ. Aquilina (1946), p. 39. Sors orali: Ġużi Gatt. 

QABLA   Majjistra. Mara li tgħin lin-nisa tqal jelldu. Ngħidu, ‘Biebna donnu l-bieb tal-qabla’. Din l-idjoma tingħad għal xi ħadd li f’daru/ha jmorru ħafna nies għal xi raġuni jew oħra. Daqs mitt sena ilu, fil-ħarġa tal-Malta Herald tal-4 ta’ Frar tal-1921, naqraw li r-rata tat-twelid kienet tliet darbiet aktar minn dik tal-imwiet. Għaldaqstant, ix-xogħol tal-qabla, jew il-majjistra sa dak iż-żmien, kien imfittex tista’ tgħid regolarment. Fl-istess artiklu naqraw li fil-Gudja u Ħal Luqa, kien hemm għaxart iqwiebel illiċenzjati. Dan fi żmien meta n-nisa kienu jelldu d-dar. Ara: Birthpangs of a Nation: Manuel Dimech ta’ Henry Frendo, pp. 30-31. U ‘Legislative Assembly Report’, Malta Herald tal-4 ta’Frar 1922.

qabrucomQABRU    (pl. qwabar)  Oriġ. dan in-nom kien japplika għal kull speċi ta’ granċ. Illum din in-nomenklatura tirriferi għall-granċ partikulari li jgħix fl-ilma ħelu u li sar rari ferm. Dan il-granċ kien jinsab l-aktar fl-inħawi tal-Marsa, fil-Lunzjata, fil-Wied tal-Baħrija u fil-Ġnejna. XATT IL-QWABAR  Dan hu l-isem li kien magħruf bih ix-xatt fid-daħla ta’ ġewwa nett tal-Marsa.

QABŻ ĦADID   1. Qbiż minn fuq ħitan tas-sejjieħ u qbiż ieħor fejn wieħed jissupera tip ta’ ostakoli oħra. Qbiż li wieħed jagħmel għal għarrieda. Fir-rumanz ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli (1938) naqraw hekk: ‘[…] Iċ-ċriev, imgerrxin mill-inbiħ tal-klieb, kont tarahom ħfief jaqbżu qabż ħadid […].’  2. Mossa ta’ malajr u li ssir għall-għarrieda. Eż., ‘Dawruh minn kullimkien qabż ħadid’. Hawn il-kelma ħadid x’aktarx hi l-aġġettiv ta’ ħad (Għ.  حدّ ), li tista’ tfisser fruntiera jew ħajt li jissepara). Sors: E.S.I. u J.A. F. Vella (1843) jgħid: saqajn flimkien.

QAĊĊIJA      Inħawi fil-, jew qrib ix-Xagħra, Għawdex magħrufa wkoll bħala, Xagħret il-Għażżenin. 

QADDIS    Kelma sigrieta jew sinjal miftiehem bil-moħbi ma’ xi ħadd, biex mal-mument u l-waqt, isir dak li hu miftiehem. Fir-rakkont ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, Toni Bajjada (1878), l-awtur jgħid hekk: ‘[…] Il-Ħakem tal-Imdina kellu l-qaddis li, meta kellu jitlaq Bajjada mill-Birgu, Sant’Anġlu jagħmel daħna kbira. U b’dan is-sinjal Toni kien jidħol l-Imdina […].’ Sors: Toni Bajjada u Stejjer Oħra (1977), p. 31. Ġużè Muscat Azzopardi jerġa’ juża dan it-terminu fir-rumanz Ċejlu Tonna: Ċejlu jsaqsi lil La Valette: ‘[…] Jafuh il-qaddis is-suldati, għadhom ma jafuhx il-kmandaturi? […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 116. E.S.I. jikkwota lil A. E. Caruana, li jgħid li fl-antik, meta xi ħadd kien jersaq lejn it-torrijiet tal-għassa fid-dlam, dan kien isemmi isem ta’ qaddis kif miftiehem minn qabel, biex il-persuna tintgħaraf mill-għassies bħala xi ħadd li huma setgħu jafdaw.

QadiQADI / QAJD    1.  Imħallef jew  – il-kap ta’ xi raħal – jew it-tnejn f’daqqa.  2. TAL-QADI   Inħawi li jinsabu mhux wisq ’il bogħod mis-Salini, fit-trejqa li tinfired minn dik li tagħti lejn T’Alla u Ommu minn Burmarrad. F’Novembru tal-1916, hawn, Temi Zammit identifika sit megalitiku f’għalqa żgħira. F-1927 bdew l-iskavi ta’ dan is-sit, li baqgħu sejrin sakemm inkixfu l-fdalijiet kollha ta’ tempju preistoriku. Fost affarijiet oħra, instabet ġebla tal-franka, f’forma ta’ mrewħa, kbira mal-15 ċm. Fuqha jidhru mnaqqxa numru ta’ stilel, miġbura f’linji segmentali, bħallikieku dawn qed jidentifikaw xi kostellazzjonijiet fis-smewwiet. Imnaqqax fil-ġebla jidher ukoll disinn ta’ nofs qamar li qiegħed maqtugħ għalih waħdu. Din il-ġebla hija l-unika waħda f’Malta li nstabet fit-tempji, li turi li l-astronomija kienet tinteressa lin-nies ta’ Żmien il-Ħaġar. Post ieħor b’derivazzjoni ta’ dan l-isem hu Għajn Qajjed, li huma inħawi li jinsabu ħdejn l-Imtarfa.

QADIB      Xettru, virga, fergħa ta’ zokk.  P. Manwel Magri, fil-ħrafa ‘Il-Ktieb l-Aħmar’ jgħid hekk: ‘[…] ‘X’tixtieq?’ … (ir-risposta): ’Libsa minn ta’ sinjur, minn fuq s’isfel, u qadib twil b’rasu tad-deheb’ […]’. MAV. (1796)  isejjaħlu, QADIEB.  qadibcx

QADUMA   Kelma oħra għal ‘mannara’. M.A.V. (1828) jagħti dan il-qawl: Il-monxar [is-serrieq] għani u l-qaduma ħali. – jiġ., meta l-injam jinqata’ bis-serrieq, ix-xogħol joroġ preċiż, u għaldaqstant għali fi prezzu, waqt li dak l-injam imqatta’ bil-qaduma hu irħas għax mhuwiex xogħol ta’ eżattezza, għax fih jinħela wkoll il-materjal. Sors ieħor: Damma.

QAFIŻ     Volum preċiż ta’ żejt jew inbid li jitkejjel f’kobor ta’ nofs barmil. Dan it-terminu kien jintuża l-aktar min-neguzjanti li jimpurtaw dawn il-prodotti bl-ingrossa. Bl-Għ. antik, il-qafiż kienet miżura ta’ kwantità ta’ ċereali li  jinġabar mill- għalqa li jkun fiha sittax-il wejba.  Ara : WEJBA.

QAĦBA TA’ FUQ IS-SUR     (D.) ‘[…] Squaldrina, puttana vile, pubblica meretrice. Dendula […]’.

QAĦBUNAZZ  Appel. għal min ifittex in-nisa biex ikollu x’jaqsam magħhom sesswalment. Fig. Bniedem li jfittex il-ħażen; bniedem makakk; xi ħadd li mhux ta’ min jafdah.

QAGĦAQ TAD-DOŻA    Qagħaq li jkun miksi bil-ġulġlien. Il-kelma doża tingħad minn min isajjar b’dan is-sens: ‘żied bid-doża’, jiġ., tefa’ kemm kien hemm bżonn ħwawar skont ir-riċetta.

QAJD TAL-IDEJN     Ħadid li bihom jintrabtu l-idejn u r-riġlejn il-ħabsin.  M.A.V. manetti.

qajfassQAJFAS    Dan kien is-saċerdot il-kbir tas-Sanedrin li jissemma fir-rakkont tal-Passjoni ta’ Kristu. Qajfas flimkien ma’ Annas, qassis ieħor prominenti fis-Sanedrin, interrogaw u akkużaw lil Kristu li kien qed jiddikjara li hu l-Messija (Il-Midluk). Wara li Kristu kien interrogat, Qajfas bagħatu għand Pilatu biex dan jinterrogah u jissentenzjah għall-mewt. L-erba’ Evanġelisti kollha jirrakkuntaw dan l-episodju. Idj: ‘Mingħand Qajfas għal għand Pilatu’ –  tingħad meta xi ħadd ikollu jżur bosta nies jew awtoritajiet responsabbli biex jinqeda.

QAJŻ / QAJŻU    Kelma diminuttiva għal ‘qażquż’. Idj: ‘Kemm int qajż’ – tingħad lil xi ħadd li ma jġibx ruħu sew u b’mod xieraq fis-soċjetà. Tingħad meta xi ħadd jagħmel xi mossa li tħammar wiċċ dak li jkun jew ta’ madwaru. Ara: PORKERIJA.

QALA     Bajja.  Eż. Qalet Marku, il-Qala ta’ Rinella, il-Qala ta’ Wied il-Buni, il-Qala tal-Galeri fil-Birgu.

QALA’     (pl. qlugħ) Idj: ‘Kellu r-riħ fil-qala’ – jiġ., kellu lil minn jaqilgħu, sab lil min jgħinu. Il-qala’ hu dak id-drapp li jintrama’ mal-arblu fuq il-mirkeb meta n-navigatur ikun irid li l-mirkeb isalpa bil-qawwa tar-riħ.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAQALEB   Qoffa ċkejkna li fl-antik kienet tkun maħduma mill-pjanta tas-simar biex iżżomm il-ġbejna fiha biex tinxef. Din il-qoffa kienet tkun daqs 7 ċm għolja u 5 ċm wiesgħa, għalkemm dan il-kobor jidjieq xi ftit fil-qiegħ. Idj: ’tilef il-qaleb u l-ġbejna’: jiġ., flok oġġett żgħir u waħdu tilef kollox; tilef kull ma kellu; tilef l-argument kollu. Din l-analoġija ġejja mill-preparament u l-bejgħ tal-ġbejniet. Billi l-qaleb kien ikun magħmul minn weraq niexef tas-simar dan kien pjuttost fraġili u ma tantx kont tista’ tirranġa fih għax jinkiser faċilment, u jekk ikollu l-ġbejna fih, din setgħet taqa’ jew titfarrak ukoll. Ara: Mill-Ħajja ta’ L-Imgħoddi, ta’ Anton F. Attard. pp. 4-9. 

QALGĦA   Post jew għalqa, jew grupp ta’ għelieqi li huma fil-għoli, jew inkella fl-inħawi għolja tar-raħal. F’Ħal Tarxien hemm naħa li tissejjaħ ‘il-Qalgħa’ għax hi l-ogħla post tar-raħal. Sors: Joe Farrugia (Ħal Tarxien).

QALIL    Ta’ qilla, iebes, aħrax, sever, strett. Ngħidu, ‘kellna xitwa qalila’, jew ‘sofriet marda qalila’. Fil-ħrafa, ‘Dak li Jħobb l-Ommu, jew is-Sansun Malti’, P. Manwel Magri jirrakkonta hekk: ‘[…] Wara mixi qalil ra xiħ ieħor, sellimlu u għamillu bħalma ta’ l-ewwel […]’. Sors: Ġ. Mifsud Chircop, (1994).

QALLIEGĦ    Min jaqla’ (xi oġġett). QALLIEGĦ IS-SNIEN, dentist. Qalliegħ il-ġlied, min inqanqal l-inkwiet. Sors: E.S.I. Ġebel qalliegħ, ġebel li ma jinħadimx għax jitfarrak malajr. Sors: Ġ. Mifsud Chircop, 1994.

qamaQAMA     (pl. iqjiem).  1. Id-distanza minn tarf tas-swaba’ tal-id li taqsam sat-tarf tas-swaba’ tal-id l-oħra, bid-dirgħajn miftuħin orizzontali, kull naħa tal-ispallejn. Sa ftit żmien ilu, din il-miżura kienet applikata bħala l-miżura uffiċjali biex jitkejjel il-fond tal-ilma baħar. Uffiċjalment qama hi 1.29/1.88 m. 2. Qadfa tal-għawm bl-idejn. Għ. qama.  – M. statura ta’ bniedem.

Qamar fazijiet Jacob-Baker-summer-2013.jpgQAMAR    L-importanza tal-qamar fil-folklor Malti hu immens, minħabba li l-qamar kien u għadu kkunsidrat bħala oġġett influenti fuq l-uċuħ tar-raba’ u fuq iċ-ċaqliq tal-baħar. Qabel l-introduzzjoni tad-dawl elettriku fit-toroq, il-qamar kien importanti wkoll biex wieħed seta’ jivvjaġġa billejl. Il-baħħara kienu jsibu d-direzzjoni bl-istilel, iżda kien il-qamar li kien idawwal treqithom l-aktar meta dawn javviċinaw il-kosta jew deħlin f’xi port. Hemm diversi espr. relatati mal-qamar li jindikaw il-fażijiet differenti tiegħu, eż.:

‘it-taħbila tal-qamar’ – rif. għaż-żmien meta il-qamar ikun se jiġġedded;
‘qamar qed jimla’ - ifisser nofs qamar;
‘il-qamar kiser’ – qamar li m’għadux mimli; 
‘il-qamar fil-moqsar’ – qamar li qiegħed jiċkien;
‘qamar mitluf’ - meta l-qamar ma jkunx jidher;
‘Qamar kwinta' - qamar mimli. 
‘Qamar kefes’ – eklissi tal-qamar.
Hemm ukoll diversi idjomi fejn jissemma l-qamar eż.:
1. 'Bniedem jgħix fil-qamar’ - bniedem li ma għandux sens ta’ realtà. 2.‘Mard il-qamar’ - epilessija li dari wieħed kien jemmen li kienet isseħħ skont iċ-ċiklu tal-qamar; 3. ‘Ra l-qamar fil-bir’ – idj. li tingħad biex tispjega sitwazzjoni kera għall-aħħar, fejn bniedem ikun f’periklu tal-mewt; 4.‘darba f’mitt qamar’ - darba fill.

Hemm ukoll, 'lumi ta' kull qamar' - rif. għas-siġra li tagħti l-frott tagħha ta' spiss f'bosta xhur tas-sena. Ara: QAMMAR. Sors: J.A., E.S.I. u Damma.

qamelQAMEL   Is. xj. Pediculus humanus. Kelma li llum ma tantx nużawha biss, fl-antik kien hawn ħafna li jkollhom il-qamel f’xagħarhom. Dud tar-ras irqiq daqs 2 mm, li f’term. ġen. jista’ jirreferi wkoll għall-furrax jew puċpieċ tat-tiġieġ. Fi żmien il-Kavallieri, meta l-logħob tal-azzard kien ipprojbit u allura ma setgħux jintużaw dadi taħt piena ħarxa, il-lagħba ġieli kienu jilgħabu bil-qamel. Dan kien isir billi jpoġġu żewġ qamliet f’cirku mpinġi fuq mejda jew fl-art, u dlonk issir imħatra dwar liema qamla se toħroġ barra ċ-ċirku l-ewwel. Il-bajd tal-qamel hu s-SUBIEN. Idj: “għal sold iqaxxar qamla”, tingħad għal bniedem li tant għandu bżonn il-flus, jew tant hu xħiħ li jagħmel minn kollox biex jaqla’ ċenteżmu.  QAMMIEL   Bniedem li jħobb ħafna il-flus u jonfoq mill-inqas.

Digital StillCameraQAMĦ   Il-qamħ kien u jibqa’ ċ-ċereali l-aktar ikkunsmat f’Malta. Mill-qamħ toħroġ erba’ prodotti: id-dqiq, is-smid, is-smida u n-nuħħala. In-nuħħala u s-smida kienu jagħtuhom lill-annimali, għalkemm illum in-nuħħala qed tkun apprezzata għan-nutrijenti li fiha u qed tkun anki mibjugħa bħala ingredjent għall-ħobż ismar. Is-smid jintuża fir-ravjul u anki jingħata lit-trabi b’mod maħlul. Id-dqiq hu dak l-ingredjent li minnu jsir il-ħobż abjad. Minn żmien il-Medjuevu ’l hawn, Malta dejjem impurtat kwantitajiet kbar ta’ qamħ u ċereali oħrajn biex in-nies itaffu l-ġuħ. Fi żmien l-Ordni (1530 – 1798) kien hemm ftehim bejn Malta u l-Viċi Re ta’ Sqallija biex il-qamħ jiġi esportat lejn Malta mingħajr ma jinżammu t-taxxi. Idj: ‘Malta qatt ma rrifjutat qamħ’, din tirrifletti l-importanza li l-qamħ dejjem kellu biex isostni u jaqta’ l-ġuħ tal-popolazzjoni f’Malta. Fi żmien l-Ingliżi ħafna qamħ kien ikun impurtat minn Odessa, fil-Baħar l-Iswed kif ukoll mill-Eġittu. Ara: Histoire de Malte ta’ Dominique Miège.

qamharrunnQAMĦIRRUM / QAMĦ IR-RUM    Ċereali li minnu jeżistu diversi tipi. Is. xj. Frumentum indicum.  Wieħed mill-aktar komuni hu dak li jikber fil-kontinent tal-Amerika. Ftit wara li Kristoforu Kolombu skopra l-Amerika (1492), il-qamħirrum beda jkun jinġarr lejn l-Ewropa. Biss, meta l-Ewropej bdew jieklu l-qamħirrum dawn bdew ikunu affetwati minn tip ta’ allerġija. Dan għaliex il-qamħirrum ma kienx ikun imxarrab qabel ma jittiekel, bħalma kienu jagħmlu n-nattivi Meso-Amerikani. Biż-żmien, il-qamħirrum beda wkoll jingħata bħala għalf għat-tiġieġ u annimali oħra tal-irziezet. Ing. maize, corn  jew Indian corn (rif. għall-Indjani Amerikani). Ara: PULENTA.

QAMMAR     1. Verb li juri li l-qamar sar kwinta.  2. Verb li bih wieħed ifisser li xi ħadd tah tal-qamar. 3. Dekorazzjoni li tirrappreżenta l-immaġini tal-qamar, bħal meta l-furnar iqammar il-ħobż, jiġ., jimpasta l-għaġina tal-ħobża forma ta’ qamar. Ara: QAMAR u MQAMMAR.

QAMMAT     Verb li jfisser rabat bil-ħabel jew bil-ħbula b’mod li wieħed ma jkunx jista’ jiċċaqlaq. Tlibbes sidrija b’mod strett li dak li jkun ma’ jkunx jista’ jagħmel l-ebda mossa. Ġużè Galea fir-rumanz, Żmien l-ispanjoli, jikteb ‘qammad’ minflok qammat meta jirrakkonta hekk: ‘[…] l-erbgħa min-nies b’ħeffa kbira qabdu r-raġel kif kien mitluf min-sensieh … qammduh u rikkbuh fuq dahar iż-żiemel […]’. p. 129.

QAMMIESA    (D.) Rif. Għal mara żagħżugħa disonesta.  L-istess bħal QABBIEŻA.

qana mxQANA    1. Kanal jew gandott imħaffer biex imexxi l-ilma min-naħa għall-oħra fl-għelieqi. Anton F. Attard jgħid li l-qana hi ħawt ftit usa’ mill-bramel tas-sienja, u timtela bl-ilma meta dawn iferrgħu l-ilma għal ġo fiha. Il-qana tkun magħquda mal-kanali tal-ġebel, li jwasslu l-ilma fejn iridu l-bdiewa. Hemm ukoll il-qana tal-bir, bħal ħofra ċatta ħdejn il-bir biex l-ilma tas-sieqja jinżel ġo fiha. Attard jgħid ukoll li l-vokali ta’ din il-kelma huma qosra bħal f’qata’. 2. Reċipjent ma’ ġenb il-forn fejn il-furnar jitfa’ l-irmied li jinġabar mill-forn. BUQANA Lokalità bejn l-Imtarfa u l-Imdina. Sors prinċipali: Anton F. Attard.

QANDLIJA    Nagħġa jew mogħża li jkollha biżlejha kbar u għaldaqstant tidher li qisha qed tqandel xi ħaġa goffa.

QANJA    Kanal imħaffer fil-forn fejn jinġabar l-irmied. M.A.V. (1796) ripostiglio di bragie e cenere nel forno. 

QANNATA     Reċipjent tal-fuħħar, b’għonq wiesa’ u bil-widna. Jintuża ġen. biex iżomm l-ilma ħalli wieħed ikun jista’ jferra minnu. Fl-antik kienet teżisti wkoll il-QANNATA TAL-BEWL Sqal. Cannata.

qanneb1QANNEB   Is. xj.  Cannabis sativa. Tip ta’ pjanta li hi wżata għal bosta skopijiet, tant li fid-dinja kollha jeżistu daqs 25,000 prodott differenti li huma b’xi mod jew ieħor maħduma minn din il-pjanta. F’Malta il-qanneb kien jintuża ħafna fil-produzzjoni tal-ħbula, fi żmien meta l-bastimenti kienu għadhom isalpaw bil-qlugħ. Miż-żerriegħa tal-qanneb isir iż-żejt. Il-pjanta tal-qanneb tintuża wkoll għal skopijiet mediċinali kif ukoll għar-rikreazjoni psikotropika. Ing. hemp. QANNEBUSA Iż-żerriegħa tal-qanneb li tingħata wkoll lil għasafar bħala għalf. Din il-kelma tissemma fil-poeża tal-qarċilla li kiteb dun Feliċ Demarco fl-1760:

          Jonsobha fuq il-ħajt
          Jixtrilha xriek qubbajt
          Li jkun tal-qannebusa
          Għax minnu tiggosta l-għarusa.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAQANNIĊ   1. Tilar magħmul mill-qasab biex fih jitqiegħdu l-ġbejniet biex jinxfu. Il-ġbejniet ġieli kienu jitqiegħdu fuq żewġ livelli ġol-istess kontenitur. Il-qanniċ kien jiddendel b’ġanċ minn erba spagiet niżlien mis-saqaf, f’kamra, x’aktarx qrib il-bejt, bit-twieqi miftuħin għal arja biex il-ġbejniet jixxuttaw. Taħt il-qanniċ fl-art ikun hemm dixx biex l-ilma li jqattar mill-ġbejniet jaqa’ fih. (Lanfranco, 2017). 2. Bħal gaġġa tal-qasab li s-sajjieda jużaw biex jaqbdu l-gambli fiha. 3. Armar ta’ lqugħ magħmul mill-qasab li jinbena madwar għalqa biex iservi ta’ kenn kontra r-riħ għall-uċuħ tar-raba’.     

qannic

QANNOTTA   Isem ieħor għall-pjanta tal-kannamieli; dik il-pjanta li minnha jsir xogħol tal-qasab. Din it-tip ta’ pjanta trid ħafna ilma u ħamrija umda fejn tikber, u għaldaqstant tinsab bl-aktar mod naturali fil-widien. Jeżisti Wied Qannotta, li jinsab bejn iż-Żebbiegħ u Burmarrad.

QANNUBA  Parti mill-ġenitali tal-mara. Vassalli jagħtiha bit Tal. bħala clitoride u bil-Latin bħala, clitoris in pudendo femmineo.  M.A.V. (1796).

QANTAR    Kejl fis-sistema tal-użin antik, qabel ma ddaħlet is-sistema metrika. Miżura ta’ oġġetti pjuttost tqal, bħal ikel fil-kwantità. Qantar wieħed jiżen daqs 100 ratal,  jew 20 wiżna, (jiġ., 79.250 kg). Dan hu t-toqol normali ta’ bniedem ta’ tul medju, ta’ 170 ċm.  Fig. Ngħidu, ‘kemm hu tqil … dak jiżen daqs qantar!’ Toqol eżaġerat. Sqal. Cantaru. Tal. Quintale. Għ. qintar. Ara:  KEJL ANTIK.

qanzha.jpgQANŻĦA   1. Tissemma l-aktar għal dik il-parti ta’ isfel tal-istonku tal-għasafar, jew tar-rettili, li fih ikun iddiġerit l-ikel. 2. Fig. bniedem qanżħa – tingħad għal xi ħadd li hu puntilljuż, fitt f’kollox, u li jdum ma jaċċetta x-xogħol jew l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Paragun li ġej mill-qanżħa tat-tiġieġa li hu żgħir, u li biex jgħaddi l-ikel minnu jdum sew. V. Busuttil (1900) jirriferi għal xi ħadd li jieħu għalih malajr. Paragun ieħor jista jsir ma’ bniedem li jitqanżaħ ħafna biex jagħmel xogħlu. Eż. ta’ dan: xogħol bit-tqanżiħ.  Fl-antik meta kienu joqtlu xi tiġieġa għall-ikel, il-qanżħa li hi qisha bużżieqa żgħira fl-għamla tagħha, kienet titnaddaf sew u jaħsluha biex jagħtuha lit-tfal biex jilgħabu biha. Ing. gizzard. Tal. uomo molesto, ventrigli. Sors: E.S.I., J.A. u Damma.  QANŻUĦ  Bniedem qanżħa u li ma jogħġbu xejn.  Min ibati biex jitqanżaħ. Ngħidu, ‘donnu l-qanżuħ’.

QAQA      L-għajta tat-tiġieġa meta tbid. Ngħidu, ‘it-tiġieġa tqaqi’. (onom).

qaqocc 011.jpgQAQOĊĊA    Ħaxixa li tittiekel imsajra. Il-qaqoċċ ġieli jimtella bl-inċova, frak tal-ħobż, tewm, tursin u żebbuġ iswed jew kappar u mbagħad jitgħalla. Bosta jieħdu gost imeximxu l-weraq mgħolli waħdu u jieklu l-qalba. Fiż-żmien, din kienet issservi ta’ ikla komuni fil-jiem tar-Randan. B’mod fig., din il-kelma tintuża hekk: Idj: i.) ‘Magħqudin qaqoċċa’, –  rif. għal grupp ta’ nies li jiftiehmu ħafna bejniethom. Idj: ii.) ‘Imdawrin qaqoċċa’, – rif. għal ħafna nies imdawrin f’ċirku żgħir madwar xi ħadd biex jisimgħu dak li qiegħed jingħad. Ing. Garden artichoke.

qara boccQARABOĊĊ  / QARAMBOĊĊ   (pl. kollettiv: qara’)  Is. xj. Sorghum vulgare. Pjanta li ż-żerriegħa tagħha tingħata lit-tjur għall-ikel. Hemm varjetà oħra li għandha żerriegħa ħelwa u tajba li tittiekel mill-bniedem. Oriġ. tal-kelma ġejja mill-Għ. qara’, u mill-Isqal. boccia (Sq). Ing. millet. durrah.

QaragozQARAGOSS    Id: ‘Qisu qaragoss’ – rif. għal xi tifel fuq ruħu u b’xagħru mqanfed. Storikament, Il-qaragoss kien tip ta’ pupu tal-injam, pjuttost ċatt u bix-xagħar folt. Dan kien jintrabat bil-ħjut minn diversi partijiet tal-ġogi biex it-tfal jiggustawh jiċċaqlaq f’xi teatrin tal-pupi. Oriġ. tal-kelma hi Għ. u final. Tork. karagös. Fil-kultura popolari Ottomana dan il-pupu kien jirraffigura karattru li ġej mill-klassi l-baxxa. Fix-xeni farseski tal-logħob tal-pupi, il-Qaragoss (karagös) jeħodha kontra Hacivat, karattru li jirrappreżenta l-klassi l-għolja tas-soċjetà. Bit-Tork karagös tfisser ‘għajn sewda’.  

QARA’ BASILI / QARGĦA BASINA / BASIRA  / QARA’ TORK   1. Ras imqaxxra mix-xagħar.  2. Tip ta’  qara’ twila. Ing. Gourd.

qarcilla.jpgQARĊILLA     (Pl. qrieċel).  A. de S. jispjega din il-kelma fid-Damma bħala ‘Karcella’. Din kienet tip ta’ ħelu, bħal figolla li tingħata l-forma ta’ għarusa, figura għolja daqs tlett jew erbat ixbar. Fil-Karnival kienet titpoġġa f’baskett apposta u tinġarr minn maskerat. Warajħ kienet timxi ġemgħa nies, kollha ferħ u briju, kulħadd lest biex jara f’xi ħin ix-xena burleska li tirrapreżenta l-qari tal-kuntratt taż-żwieġ bejn l-għarus u l-għarusa. Xi ħadd kien jilbes ta’ nutar biex jaqra’ l-kuntratt twil, mimli assurditajiet. Dan kien iqabbel versi li jiddeskrivu d-dota fantasjuża u komika li l-ġenituri tal-għarusa kienu ser jagħtu lill-binthom u l-wegħdiet tal-għarus lill-għarusa meta din tkun martu. Imbagħad, wara li din ix-xena ssir kemm-il darba u n-nutar ikun lest mill-qari tiegħu, in-nies jieklu mill-figolla, figura li tirrapreżenta l-għarusa. Skont il-Konti Ciantar (1772) li jikkwota dokumenti ta’ żmien l-Isqof Cagliares (1614-1633), kienet għadha l-użanza li l-għarajjes, huma u sejrin lejn il-knisja għaċ-ċerimonja taż-żwieġ, ikollhom wieħed mill-ħaddara fuq quddiem, iġorr qagħqa b’figurini li jirrapreżentaw l-għarajjes infushom. Din il-qagħqa kienet titqiegħed fuq l-artal bħala rigal liċ-ċelebrant taż-żwieġ. Skont Il Mezzo Vocabolario, manuskritt li nkiteb fis-seklu 18, il-qarċilla kienet tip ta’ ħobż li jkollu l-ġulġlien. Ix-xena tal-Qarċilla baqgħet issir fil-Karnival sa tard fis-seklu għoxrin. Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) jiddiskrivi l-qarċilla bħala mascherata rapresentante una sposa. Sors: E.S.I., Il-Miklem Malti, Il-Ħames Volum. 1981. Ara: Dun Feliċ Demarco u l-Qarċilla fil-Karnival tal-1760, Conrad Fenech, Horizons, 2013; Damma, A. de S; Lexicon, Mikiel Anton Vassalli (1796).

QARINŻA (J.A.) / QARINZA (E.S.I.)  1. V. Busuttil (1900), ifisser din il-kelma bħala serenata, Ing. serenade. 2. Dan l-isem kien ukoll mogħti lil ġemgħa żgħira ta’ żgħażgagħ li kienet jinġabar f’lejliet l-aħħar tas-sena biex jiżuffjettaw b’kollox u b’kulħadd. Dawn kienu jduru r-raħal u jdoqqu xi strumenti tradizzjonali. Kunltant ħin, wieħed fosthom kien jintefa’ stendut mal-art u jilgħabha tal-mejjet, waqt li l-perċimes tal-grupp joffri partijiet tal-‘ġisem il-mejjet’ lill-ispirti. Dan il-ġest xi darba kien jagħmel parti minn ritwal li bih wieħed jimita l-mewt tas-sena li tkun għaddiet. Waqt ħafna tbaħrid, dawn iż-żagħżagħ kienu anki jħabbtu l-bibien tan-nies u jitolbuhom il-flus bħala strina. Min kien jagħtihom xi ħaġa kienu jagħmlulu ġebla bajda fuq l-għatba, waqt li min ma kien jagħtihom xejn kienu jagħmlulu faħma. A. de S. jgħid li din it-tradizzjoni nqatgħet proprju fi żmienu. Ara: (Gozo Antico e Moderno (1746). M.A.V. (1796), jgħid li f’Ħaż-Żebbuġ, fejn kien joqgħod, din l-użanza kienet ilha ma ssir xi għoxrin sena. Biss, minn din l-użanza kien għad fadal xi ftit ħjiel sas-snin erbgħin tas-seklu għoxrin. F’bosta lokalitajiet, fl-ewwel tas-sena, kien jgħaddi raġel jew mara bi xkora tal-ġir, u fuq kull għatba kien/et j/titfa ponn ġir waqt li j/tagħti l-awguri tas-sena l-ġdida. Ġieli l-persuna kienet tbajjad l-għatba bil-ġir. F’ull każ kienu jistennew li dak li jkun jagħtihom xi ħaġa bħala strina. Sors: G. Lanfranco 2017.   Sors ieħor: E. S. I. Għ. karinda li tfisser mandolina.  

QARMEĊ    (pl. qriemeċ)  1. Tip differenti ta’ għaġina msajra u li tqarmeċ ħafna meta tikolha eż., biskott jew galletta. 2. Tip ta’ ħelu li jitkisser meta jingidem bis-snien. Fig. ‘Ħa qarmeċ’ – jiġ., stenna ħaġa u sab oħra. M. Dimech(1901) jagħtiha bl-Ing. bħala rusk. 3. Isem ta’ għasfur tal-passa b’rix safrani, magħruf ukoll bħala durrajsa safra jew ortulan salvaġġ.  Is. xj.  Emberiza cia.  Ing. Rock bunting. 

qarmucailageQARMUĊA   Materjal fil-ġisem li jinsab bejn il-ġogi, u l-irkiekel tad-dahar, fl-imnieħer, fil-widnejn u f’partijiet oħra tal-ġisem. Dan la hu laħam u lanqas għadam, iżda ‘materja’  soda biss, kemxejn elastika wkoll. Il-funzjoni tal-qarmuċa hi li tgħaqqad l-għadam waħda mal-oħra mingħajr ma dawn iħokku ma’ xulxin. Kelma oħra għal qarmuċ hi ‘kartilaġni’. 

Qarn Sant AngluIMG_4833
Il-barri bħala simbolu fuq id-daħla tal-istabbiliment navali ta’ Sant Anġlu, il-Birgu

QARN (pl. qrun.) Fil-passat il-qrun kien simbolu ta’ qawwa kontra l-għajn ħażina, Il-bdiewa kienu ta’ spiss iwaħħlu par qrun max-xatba tar-razzett tagħhom biex jiskansaw milli xi ħadd jitfa’ l-MAGĦMUL fuq il-bhejjem. Fis-superstizzjoni tan-nies, par qrun għandu is-saħħa wkoll li jreġġa’ lura l-għajn ħażina minn fejn ġiet. Ġieli flok par qrun insibu nagħla ta’ żiemel imwaħħla ma’ xi ħajt jew bieb ta’ stalla. In-nagħla tissimbolizza l-istess ħaġa għax il-ponot tagħha, bħall-qrun ireġġgħu lura l-ħażen lil min ikun bagħatha. Għalhekk kultant hawn min jagħmel il-qrun bis-swaba’ lejn xi ħadd li jissuspetta li għandu l-qawwa tal-għajn. Ara: GĦAJN ĦAŻINA.                   

Pterygium or Surfer's EyeQARNITA   Tip ta’ tumur li jinfirex f’partijiet membrani mukużi tal-ġisem, bħal fl-utru, fl-imnieħer u fl-għajnejn. Is. xj. Pterigium, Ing. surfer’s eyes. Magħrufa wkoll bħala ‘polipu’ (Ing. polyps). Din hi kundizzjoni komuni fin-nies li jgħixu l-eqreb lejn l-ekwatur, biss, issibha f’Malta wkoll. Firxa ta’ ħjut, bħal swaba’ ta’ brimba jew qarnita, fuq it-truf tal-ħabba tal-għajn. Din il-kundizzjoni hi maħsuba li hi kkawżata l-aktar bir-raġġi eċċessivi tax-xemx, ir-riħ u t-trab. Kawża ta’ dan it-tumur jibda’ l-ħakk, u l-ħmura fl-għajn; tonqos il-vista u hemm iċ-ċans li wieħed jagħma. Il-kura tradizzjonali għal din il-kundizzjoni kienet billi wieħed iħakkek, max-xifer tal-għajn mimsusa, ħatem (ċurkett), b’disinn fuqu ta’ qarnita jew ta’ għajn. Waqt dan ir-rit kienu jingħadu diversi talbiet irrimati, fosthom din:

Iltqajt ma’ Ġesù Bambin                Saqqejtha bi dmugħ għajnejja
Qalli, ‘Int fejn sejra?’               Issib lil Santa Margerita
Għedtlu, ‘Għandi għajni tuġagħni.’     Tneħħi l-għabra u l-qarnita:
Qalli, ‘Mur fil-ġnejna tiegħi,         Issib lil Santa Luċija
Hemm bużbieża ħelwa, ħelwa,            Ittik id-dawl u d-dija.’
Żrajtha b’idejja,

Sorsi: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, Guido Lanfranco, pp. 237-238; ‘Traditional Popular Remedies’ ta’ Ġużè Cassar Pullicino, Malta This Month (data mhux magħrufa), p. 54. ‘Santa Luċija’, Noel Ciantar, http://www.kappellimaltin.com. E.S.I.

QARNUNA    Tarf milwi bħal qarn ta’ annimal. Il-qarnuna tista’ tkun dik ta’ bezzun milwi, it-tarf ta’ xkora, jew it-tarf imdendel ’l isfel tal-widna tal-bniedem. 

QAROQDI     E.S.I. jgħid li din kienet x’aktarx forma ta’ tislima meta tnejn jiltaqgħu, bħal meta wieħed jgħid, ‘xbini l-għoqdi’.  Fid-Damma insibuha miktuba bħala, Qara għoqdi. Paesano. Sors: J.A. Ara: GĦOQDI.

QARQUĊA       (Pl. qrieqeċ)   Fdal tal-laħam moqli li jibqa’ miegħu x-xaħam maħruq. Il-parti ta’ isfel tal-widna. Ngħidu, kultant biċ-ċajt, ‘Iddejjaqnix  għax nigdimlek il-qarquċa ta’ widnejk’.  Sqal.  carmuci.

QARSA   1. Qabda ta’ xi oġġett bejn żewġt iswaba’, jiġ., bejn is-saba’ l-werrej u l-BEHEM; eż. qarsa melħ, qarsa tabakk, jiġ., niskata tabakk. 2. QARSA TAL-BARD   Għafsa li tinħass fil- u madwar l-organu sesswali, li ġġiegħlek tħoss l-urġenza li għandek tbul. 3. QARSA TA’ FTIRA   Għaġina msajra li tingħata forma tonda, bħal pereż., galletta. 4. QARSA TAX-XAMA’  Xama’ ta’ lewn safrani fjakk, li kien jintgħaġen u jsir bħal impastatura jew ġibs verġni. Ngħidu, ‘wiċċu sar qisu l-qarsa tax-xama’’, meta bniedem jsir isfar mewt, pereż.,  b’xi qatgħa. Ġużi Gatt jispjega li l-qarsa tax-xama’ kienet tkun ċappa għasel maqtugħa tonda bħal galletta kbira, meta din tinqata’ mill-qolla bis-sikkina.  Ara: Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, p. 152.    

QARSU      Ara:  ĦAXIXA TAL-INGLIŻI / L-INGLIŻA.

QART IL-GĦOX      (D.)  L-iżgħar fost l-aħwa.

qartalla 340.jpgQARTALLA   Qoffa kbira tal-qasab li kienet tintuża biex fiha jinġarru l-ħxejjex u l-frott mill-għelieqi. Ngħidu, ‘Qed inħoss rasi tqila daqs qartalla’ – tingħad meta wieħed ikollu uġigħ ta’ ras jew ma jkunx jiflaħ jisma’ aktar lil xi ħadd jitkellem. Qawl: min jagħmel bixkilla jagħmel qartalla.– jiġ., min hu kapaċi, jew jasal biex jagħmel ħaġa żgħira daqstant ieħor jaf jagħmel ħaġa li tkun bil-wisq aktar serja. M. Dimech (1901) ifisser din il-kelma bħala qoffa.

QARTAS     Nom bit-tieni ‘a’ mtawla. Karta strazza jew karta oħra ħafifa li fiha jitqartas oġġett jew oġġetti. Ngħidu, ‘qartas ħelu’, – jew, ‘ratal zokkor imqartas’. Ħafna oġġetti tal-ikel kienu jinbiegħu fil-qartas. Ngħidu, ‘għamluh qartas’. jiġ., rabtu jew geżwru lil xi ħadd b’mod magħfus minn kull naħa tant li ma jistax jiċċaqlaq.

QARŻUT      Tip ta’ riħ qawwi.

QASBA   1.  Is. xj.  Arundo donax.  Pjanta perenni li tikber l-aktar fil-widien fejn jinġabar l-ilma. Tintuża biex isir xogħol artiġjanali, bħal qofof żgħar jew kbar, ħsajjar u ħafna affarijiet oħra. Ing. Reed. 2. Miżura ta’ tul ta’ tmint ixbar, (2.09 metri). Din il-miżura kienet u għadha tintuża, norm. biex art tar-raba’ jew tal-bini. Idj. Qisu qasba: wieħed irqiq ħafna. QASBA KWADRA tagħmel daqs 4m kwadri. QASBA KUBU  Kartoċċ li jagħmel daqs litru. Miżura antika li kienet tintuża biex jinbiegħu oġġetti likwidi, l-aktar iż-żejt. Din il-miżura kienet ta’ daqs ta’ 2.39 metri kubi. Iż-żejt kien jinbiegħ bil-qasba. Ara:  QASBA ŻEJT.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA     

                      qasab 336

QASBA TAL-KTIBA    (D.)  penna.

QASBA ŻEJT   1. Miżura li biha fl-antik kien jinxtara ż-żejt li kien jintuża biex jinxtegħlu l-imnanar eċċ. 2. Sejħa ta’ xi ħadd meta jerfa’ tarbija fuq spalltu bħallikieku qiegħed iġorr ġarra żejt. Il-missier lit-tfajjel jgħidlu, ‘Ejja ħa nerfgħek qasba żejt!’ Ara: KUKKUŻEJT.

QASBA TAS-SNIEN    Toothpick.  Sors: V.B. (1900).

qassatat tal ghid audrey bartolo
Ritratt: Audrey Bartolo

QASSATAT TAL-GĦID  Tip ta’ qassatat magħmul għal żmien l-Għid il-Kbir. Dawn ikunu mimlijin bil-ħaxu tal-ġbejniet friski maħlula u ġbejniet xotti maħkuka. Ingredjenti oħra  jinkludu, bajd, bżar u żbib. Dan it-tip ta’ qassatat isir biss mill-familji tax-Xagħra, Għawdex l-aktar għalihom infushom. Biss hemm ukoll min ibigħhom mill-bażaar tal-parroċċa. Dawn il-qassatat saru popolari anki mal-Maltin li meta jitilgħu Għawdex għal żmien il-Għid, jmorru jixtruhom mix-Xagħra. Sors: Audrey Bartolo.

qaghaq tal ghaselcx.jpgQASTANIJA  Aġġ. użat biex jiddeskrivi l-mili tal-QAGĦAQ Tal-QASTANIJA, qagħaq tal-għasel. Stramba li fir-riċetti tal-qagħaq tal-qastanija ma jissemma l-ebda qastan. L-isem għaldaqstant mhux korrett, għalkemm E.S.I., jgħid li xi żmien  ilu, il-mili tal-qagħaq tal-għasel kien jinkludi l-qastan. Matty Cremona, fil-ktieb tagħha The Way We Ate, (p. 55), tgħid li r-raġuni li l-qagħaq tal-għasel jissejjaħ ‘tal-qastanija’, hi li wara  x-xehda għasel tiddewweb, dak tal-qiegħ jieħu kulur skur, kulur il-qastan. QASTNI  Kulur li bħal-qastan hu kannella. Ngħidu, ‘xagħar qastni’.

QATAKOZZLA Pjanta selvaġġa illum magħrufa bħala, tengħud tax-xagħri.  Euphorbia lathyris, E.S.I. (D.) katakozla, catapuzia. Ing. caper / Paper spurge

QATTA     (pl. kollettiv:  qatt; pl. indefinit: qatet.)   Ħaxix miġbur gozz.  Eż., qatta silla. Idj: ‘Ħadha qatta bla ħabel’ tingħad meta wieħed jirrabja b’mod aġitat għall-aħħar. Analoġija mat-tiben, li jekk ma jkunx marbut, f’mument li taħkmu buffura riħ, itir u jinxtered f’kemm ili ngħidlek ma’ kullimkien.

QATTARA  1. Ġebla mħaffra fuq il-bejt, setaħ jew bitħa li fiha jinġabar l-ilma tax-xita. Mill-qattara l-ilma jinżel għal ġol-MIŻIEB biex jispiċċa barra fit-triq. Ing. gutter. Hemm qawl  li jgħid, il-ġiddieb jeħles mill-qattara iżda jeħel fil-miżieb.  2. Isem ieħor għall-apparat tal-lampik. Ara: LAMPIK3. Il-marda tal-gonorrea. Marda fl-organu sesswali tar-raġel. E.S.I. (D.) ‘[…] Per figura morbido per pisciacalda, gommorea, gonnorea […]’. Sorsi: E.S.I. u M.A.V. (1828).

QATTIEGĦ       Baqqunier tal-ġebel li jaħdem fil-barrieri. M.A.V. (1796) jittraduċieħ bit. Tal. tagliapietra.

QATTUS TAL-QARGĦA   L-antiki kienu jemmnu li l-qtates li jitwieldu wara Marzu, fi żmien li fir-raba’ jkun hemm il-qargħa, ma jkunux f’saħħithom u li dawn imutu wara ftit. Fig. rif. għal bniedem marradi jew delikat.

QAWQAB      Id-difer sħiħ mingħajr is-swaba’ tal-annimal bovin. Tip ta’ żarbun tal-injam. QAWQBI Pożizzjoni tal-bniedem meta jkun bilqiegħda fl-art b’saqajh msallbin taħt xulxin. TQAWQIB  Ħsejjes magħmula mill-mixi jew mill-ġiri tal-annimali bovini. Dan in-nom verbali jintuża wkoll għall-ħsejjes taż-żwiemel. F’Ineż Farruġ (1889), naqraw: ‘[…] Wasal f’widnejhom bħal tqawqib ta’ żiemel […].’ Sors: Ineż Farruġ, Anton Manwel Caruana, ed. Charles Briffa, p. 76. Sors: G.B. Falzon (1845). Fir-rumanz Żmien l-Ispanjoli, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] dawk iż-żwiemel qishom tal-molol kienu jqawqbu, jogħlew fuq saqajhom ta’ wara […]’. p. 218.

QAWQAM   Barri. QAWQAMA Baqra. Fl-istejjer tal-folklor Malti, il-qawqam jissemma bħala dak l-annimal kbir u selvaġġ li jbeżża’ n-nies, u l-aktar lit-tfal, fil-ħolm. Nom li jintuża minn Patri Magri, fil-ktieb tiegħu X’Jgħid il-Malti, meta jirrakkonta l-ħrafa Ix-Xiħ Magħluq fil-Għar:

 Ixtri l-qawqama u l-qawqam
 la xejn tfittex kemm qam
 għax imur il-qawqam u l-qawqmejn,
 ma jibqax ħlief il-ħila tal-idejn.

Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Anton F. Attard, p. 77.

QAWQLA    Art għolja.  GĦAR QAWQLA   Għar li jinsab eżattament mal-baħar taħt is-sisien li hemm mal-kosta tal-Lvant  ta’ Marsalforn.

QAWR/A   (pl. qwawar) Ċirku. Bajja jew kalanka żgħira aktarx fit-tond. IL-QAWRA  L-inħawi ta’ ħdejn San Pawl il-Baħar u Burmarrad.  F’Għawdex hemm ukoll il-Qawra tad-Dwejra.

QAWS,  Il-    Sisien għoljin mal-150 m, li jinsabu ’l isfel mill-Imtaħleb. L-isem hu mogħti lil din iz-zona minħabba li s-sies ta’ dawn l-inħawi jidħol ’il ġewwa f’forma ta’ qaws. Għal ħafna żmien matul is-sena, minn hawn jinżel l-ilma mill-irdumijiet li jaqa’ dritt fil-baħar.

PantelleriaQAWSRA   L-isem ta’ Pantelleria kif kien magħruf mill-Maltin fl-antik. Din il-gżira kienet u għadha magħrufa mis-sajjieda Maltin, li waqt is-sajd imdorrijin jerħulha mijiet ta’ kilometri lil hinn lejn il-Punent tal-gżejjer Maltin. Fi żmien il-preistorja minn Pantelleria kien ikun impurtat f’Malta ġebel vulkaniku, qisu ħġieġ iswed, imsejjaħ ossidjana, li kien jintuża l-aktar bħala skieken u għodda oħra li taqta’. Ma nafux jekk dan kienx impurtat direttament minn Pantelleria jew inkella tteħidtx l-ewwel lejn Sqallija, u wara nġieb Malta minn hemm. Oriġ. l-isem bil-Lat. Cosyra. Qbl. Għ. Eġizzjan: Geżira.

QAWWARA    Ċirku tond madwar ir-ras. Id-dija li toħroġ minnu, e.ż., il-qawwara tax-xemx. Ara: KAWAGĦRA.

QAWWI     Kelma li fl-antik kienet tfisser, ‘diffiċili’. Qawl: Ħobla u tradda’ għandek qawwi ssibha. Qawl ieħor jgħid: Il-qawwi sa ma tibda, u, Għasfur li daħal fix-xibka għandu qawwi sa ma joħroġ (sors ta’ kull qawl: M.A.V. 1828).

QAŻQUŻA FUQ IX-XINI   Ikla magħmula bil-qażquż imsajjar fil-forn. Dan jitqiegħed ġewwa borma tal-fuħħar li jkollu forma ta’ xini. Il-qażquż l-ewwel jimlewh bil-ġobon, ħalib u ingredjenti oħra simili, u jissajjar bid-demm tiegħu stess. Fir-reċipjent tal-fuħħar ikun  imqiegħed ir-ross u basal biex fuqu jitpoġġa l-majjal. A. de S. (ċ. 1750) jgħid li qabel, dan l-ikel kien jittiekel biss min-nies tal-kampanja; biż-żmien din l-ikla saret aktar ikla tas-sinjuri. Sors: Damma.

QAŻWIT    (pl. qżiewet).   Bniedem qsajjar u ta’ bla figura li jħobb jiżżattat. Wieħed li jħobb juri kemm jaf. Kelma li nsibuha fil-plural, fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, p. 89: ‘[… ] sid il-ħanut, raġel imġissem, kien qisu xi ġolf li sab ruħu qalb ħafna qżiewet […]’.

QBAJJAR    Qabar żgħir. IL-QBAJJAR   Post imsejjaħ hekk li jinsab mal-kosta fil-Punent ta’ Marsalforn. Din hi qala żgħira viċin l-inħawi tax-Xwejni. Qbl. ma’ Kibur Eliħut (Qbur il-Lhud) li kien jeżisti fiż-żmien il-Medjuevu fil-wied ta’ bejn l-Imdina u l-Imtarfa.

QOLLA S SAFRA - V Biffani (74)

QBIELA    Il-ħlas jew il-kirja li l-bidwi jħallas lil sid l-għalqa kull sena. Fl-antik il-qbiela kienet titħallas jew fl-Għid, jew l-għada ta’ Santa Marija, jew fil-Milied. Ġieli l-qbiela kienet tinġabar mill-gabillott li jkun imqabbad mis-sid tal-għalqa biex jiġborha f’ismu. Minn din il-kelma ta’ oriġ. Għ. toħroġ il-kelma gabella – taxxa jew ħlas u  ‘gabellot’ il-bniedem li jiġbor din it-taxxa. QABBEL v. jiġ., ikkorda prezz. Qawl: Sena għammiela tħallas il-qbiela – meta l-art tagħti l-uċuħ bil-gzuz, il-bidwi jkollu minn fejn biex iħallas il-kera. Sqal. cabilla. L-istess pronunzja fl-Għ. kabilla.  Ara:  GABILLOTT.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Qabar Puniku, ix-Xemxija

QBUR IL-LHUD   Ġan Franġisk Abela, fil-ktieb Della Descrizione di Malta eċċ. Libro Primo, p. 82), (1647), jirriferi għall-oqbra fil-blat, fl-inħawi tal-Imtarfa u jsejħilhom ‘kibur eliħut’. L-istudjużi jaħsbu li dawn it-tipi ta’ oqbra, norm. f’forma rettangolari u daqs żewġ metri fondi, u b’kamra żgħira fil-ġenb għad-dfin, huma fil-fatt oqbra Puniċi, u li d-data tagħhom tista’ tvarja b’mijiet ta’ snin, minn ħames mitt sena q.K. sa ħames mitt sena w.K. Fl-antik kienu jaħsbu li dawn it-tipi ta’ oqbra kienu tal-Lhud, għaliex l-oqbra li nstabu fl-Art Imqaddsa kienu jixbhuhom sew b’diversi modi. Oqbra oħra, magħrufa, din id-darba bħala Għerien il-Lhud, huma l-ħofor fil-blat wieqaf li nsibu fil-Wied ta’ Binġemma. Kien hawn min jemmen li hawn kienet tgħix komunità Lhudija. Wettinger, fil-ktieb tiegħu Place-Names eċċ., isemmi post ieħor bħala Qbur il-Lhud, u jaħseb li dan kien xi ċimiterju fl-inħawi tar-Rabat, x’aktarx in-naħa ta’ Tabija. Dan iċ-ċimiterju x’aktarx kien jintuża fil-perijodu Medjovali Tardiv. L-aqwa prova ta’ oqbra tal-Lhud f’Malta tinsab f’xi wħud mill-katakombi li hemm ir-Rabat, li llum jagħmlu parti mill-Katakombi ta’ San Pawl. Dawn intużaw x’aktarx bejn is-seklu tlieta u s-seklu sebgħa w.K. Ara: Essays on the Archaeology and Ancient History of the Maltese Islands – Bronze Age to Byzantine, Mario Buhagiar, 2014. Bliet u Rħula Maltin ta’ Alfie Guillamier, p. 507; Malta – Phoenician, Punic and Roman ta’ Anthony Bonanno, p. 117; Malta – The Medieval Millennium ta’ Charles Dalli. 

QERD   Ara: QIRD.

QEQQÉ    Kelma wżata mat-tfal iż-żgħar li tfisser, xebgħa. Eż., ‘Jekk mhux se toqgħod kwiet nagħmillek (nagħtik) qeqqé’.

QERĊMA    Ġemgħa ta’ nies x’aktarx ta’ qattani. Ċorma nies. Tfal li jittantaw ix-xemx għaddejja. Idj: qerċma tfal. Għ. karxma, tifel enerġiku. Kelma li A. de S. jispjegaha bħala ħabs (jiġ., ġewwa l-qirċma). QERĊMATA  Kull tip ta’ bosta oġġetti mqegħdin flimkien. Etim. Tal. carcere. Sors: E.S.I.

QERQNI    G.B.F. (1845)   Aġġ. għal xi ħadd li ma kibirx fit-tul kif suppost. Nanu. TEWM QERQNI   Is. xj. Allium chamaemoly. X’aktarx jissejjaħ hekk għax ma jikbirx aktar minn 4 ċm minn mal-art.

QIEGĦ TAD-DAR IĊĊANGAT     (D)    ‘[…] Pavimento di una casa lastricato […]’.

QIERAĦ     Rif. għal kundizzjonijiet iebsa li jġiegħlu l-bniedem ibati. Tingħad l-aktar biex tesprimi l-kundizzjoni ta’ temp kiesaħ jew temp sħun ħafna. Ngħidu, ‘is-sajf il-qieraħ’ – jiġ., l-eqqel tas-sajf, jew ‘fil-qieraħ tax-xitwa’. Fl-istorja Toni Bajjada, din il-kelma tintuża hekk: ‘[…] Lejla waħda fil-qieraħ tas-sajf […]’ Ara: Toni Bajjada u Rakkonti Oħra, Klabb Kotba Maltin, p. 23.

QIM       Wieqaf, bħal Ħaġar Qim – li jfisser ġebel wieqaf.

QIRD      M.A.V.  (1796) figlio minore. F. Vella (1843) iżid ma’ dan, QIRD IL-GĦOXX – Ing. the last offspring. E.S.I. jagħtiha bħala QERD.

QIREW   Kelma li tfisser ‘tal-aħħar, jew, li jkun fadal fl-aħħar’. L-aħħar daqqiet biex ix-xogħol ikun komplut. Ħlas li fl-antik kien jingħata lill-ħaddiema tax-xogħol tal-idejn. Festeġġjament b’ikla wara li jitlesta x-xogħol b’suċċess. Din l-ikla kienet issir l-aktar qrib it-tmiem ta’ xogħol tal-bini, bħala parti mill-ħlas. Sorsi: V.B. (1900) u Kalepin (1941).

QIRNA      M.A.V (1796).  Conviti a tavola.

QIXX    Laqx,  tilqit, frammenti, frak jew fdalijiet oħra ta’ wara. Fil-lingwaġġ tas-sajjieda, l-qixx hu l-ħut iż-żgħir nett.  Espr: IL-QIXX U L-MIXX.  Ngħidu, ‘hemm taħlita ta’ nies magħmula mill-qixx u l-mixx’ – jiġ., minn persuni komuni kif ukoll dawk ħamalli. Sorsi: E.S.I u J.A. Din l-espr. niltaqgħu magħha fl-istorja ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli: ‘[] fil-palazz kienu jgħixu l-ħallelin, dawk ta’ qattagħni u l-qixx u l-mixx […]’. Sors etim. E.S.I.

QIŻD   Ħoss żgħir. Ngħidu, ‘lanqas qal qiżd’ – jiġ., lanqas biss lissen kelma. Din l-espr. tinsab fl-istorja ‘Il-Bravi f’Dar Luċija’, ta’ Mons. P. Galea, u naqraw hekk: ‘[] ħabbat (il-bieb) qajla qajla […] jarġa’ jħabbat ftit aktar bil-qawwi: lanqas qiżd […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 64.

QLEJBA    Drapp ħafif li jitpoġġa fuq il-ħarqa biex din ma tisloħx il-ġilda meta ddur madwar il-ġisem tat-tarbija. Ġieli dan id-drapp kien ukoll jintuża biex jitpoġġa fuq l-ispalla biex jekk it-tarbija ittella’ xi flat, ikun hemm hi tilqa. Ara: FISQIJA.

QLEJGĦA    Qalgħa żgħira, jiġ., fortizza żgħira jew fortina. Jissejħu l-Qlejgħa l-inħawi fuq l-għolja ta’ Ras ir-Raħeb, id-daħla ta’ Fomm ir-Riħ f’Malta, u l-inħawi ta’ taħt iż-Żebbuġ, in-naħa ta’ Kuljat, Għawdex.

QLIB    Kelma li tintuża l-aktar fil-frażi qlib tal-kontrabejt. Xaqliba jew dislivell ħafif magħmul apposta meta jsir il-kontrabejt, biex l-ilma ma jżommx u jkun jista’ jimxi dritt lejn il-qattara / miżieb / katusa.

QLUQI     (Damma.) Bniedem instabbli u li ma jafx joqgħod f’post wieħed. Bniedem li jivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor; annimal li jemigra minn post għall-ieħor. Xi ħadd li jbiddel ħsiebu ta’ spiss. Qawl: Ġurdien qluqi qatt ma sar far. Sors: E.S.I.

QMEJSA    Libsa, bħal qmis żgħira tal-flanelletta li kienu jlibbsuha lit-trabi.

QMIS TA’ BILLEJL     Libsa twila li tasal sal-għekiesi li fl-antik wieħed kien jilbes biex jorqod biha.

QOBLA   Il-plural tal-aġġettiv QABIL   Kwantità ta’ annimali, x’aktarx b’rif. għal dawk l-annimali tal-irziezet. (D.) ‘[…] Radunanza di animali, unione di animali […].

QOFOL  (pl. oqfla) Serratura. Qawl: Muftieħ tad-deheb jaqbel ma’ kull qofol. QOFOL TAL-ĦNEJJA  Il-ġebla jew blata li tkun infilsata fin-nofs biex iżżomm il-ħnejja kollha kemm hi flimkien u soda. Ċavi. Qawl: fil-ħnejja ħares għall-ġnieb u l-qofol. Din il-kelma tintuża b’mod figurattiv meta ngħidu, ‘il-qofol tal-argument’, jiġ., l-argument jorbot kollu kemm hu ma’ teżi partikulari.  Sors: E.S.I. u Damma.

QOĦTA     Skarsezza, miżerja, stat ta’ nixfa kbira fl-uċuħ tar-raba’ kkawżata minn nuqqas ta’ xita. Qawl: Dejjem juri l-qoħta għad li għandu l-ġid. Qawl: Jarmi l-qoħta u jarfa’ l-ġid. Sorsi: E.S.I. u Il-Qawl Iqul, p. 126.

QOLLA     (pl. qliel). 1. Speċi ta’ ċilindru tal-fuħħar. Il-qolla tintuża minn dawk li jrabbu n-naħal biex isservi bħala bejta. Din titpoġġa mimduda fl-għelieqi, eż., mal-ħajt ta’ xi għorfa, eċċ. u tkun isserrata minn wara biex ix-xehda tal-għasel tkun tista’ tintleħaq minn wara mingħajr ma l-bidwi jiddisturba n-naħal. Ġieli tiżdied biċċa qolla oħra fuq wara biex il-bejta tan-naħal titkabbar. 2. Isem tal-ħotba għolja li hemm bejn Marsalforn u l-Qbajjar fejn hemm insibu l-Qolla s-Safra u l-Qolla l-Bajda.

Qolla6282 (5).jpg

                                           QOLLA S SAFRA - V Biffani (74)

QOLLIEBA     1. Skorċa, norm. bħal dik li titrabba biż-żmien fuq wiċċ il-ġebel tal-ħitan. 2. Tip ta’ xogħol fuq ħajt li jsir apposta biex jipproteġi l-ġebla mill-erużjoni kkawżata mix-xita u r-riħ.

QOMQOM / QAMQAM    (D.) ‘[…] Bove o montone che ha la corna torte che lincomodono sino alla bocca […]’.

QONSRU     Bniedem diffiċli u li ma jħallix waħda għaddejja. Il-kelma ġejja minn ‘konslu’ li fl-antik kien dak in-negozjant li kien ibigħ u jixtri d-deheb. X’aktarx dan il-paragun jingħata minħabba l-eżattezza li n-negozjant tad-deheb irid jipprattika biex il-kummerċ tiegħu isir sew u bi qliegħ. Il-karatteristika tal-konslu kien li waqt il-bejgħ kien anki jiġġebbed u jixxaħħaħ kemm jiflah mal-klijent.

QORBAN     Offerta lill-Alla. Il-qtil tal-vittma bħala sagrifiċċju lill-allat. M.A.V. (1796), sagrificio.

QORGĦAN      Il-kranju.  L-iskeletru tar-ras.  Ara:  ĠISEM  IL-BNIEDEM.

QORMI   Skont l-etimoloġija, l-isem ta’ din il-belt ifisser, ‘post fejn hemm id-dwieli’ jew ‘post fertili’. Dan għaliex Qormi għandha millaġġettiv KORMI, rif. għall-art għammiela. Biss, jista’ jkun ukoll li dan l-isem hu l-istess bħall-kunjom Curmi. Ara: CASAL FORNARO. Ara wkoll: ‘Qormi’ ta’ Godfrey Wettinger, fil-ktieb Qormi Parish, ed. Joseph Grima.   

QORQ   (pl. qrieq)  Sandli, karkura. Skont G.P. Badger (1838), dan kien ikun magħmul mill-ġild tal-barri u miżmum mas-saqajn b’żewġt iqfiel maħduma mill-istess materjal. Ngħidu, ’ja wiċċ ta’ qorq li hu!’ jew, ‘islifni wiċċek ħa nagħmel qorq!’  It-tnejn jingħadu għal xi ħadd li jkun wiċċu tost.

QORRIEGĦA     1. Il-quċċata ta’ għolja fejn norm. ma jikber xejn.  2. Il-qorriegħa tar-ras fejn ma jikbirx xagħar.

QORROT   Daħlet Qorrot hi bajja żgħira fil-limiti tan-Nadur, Għawdex, li hi marbuta ma’ leġġenda antika. Hawn kien il-post fejn jaħsbu li San Corrado, wara li ħarab minn Wied il-Għasel, qrib il-Mosta, sab ruħu f’din il-bajja. Jeżisti wkoll post li hu mlaqqam: Ta’ Kurrat, fejn it-toponimija tindika li l-art kienet ta’ xi ħadd b’dak l-isem. Etim. dubjuża. Ara: KURRAD.

Qorrotdahlet_qorrot

QORRU  Żrinġ. Fig. appel. dispreġġjattiv għal xi bniedem ta’ statura ħoxna. Bniedem li jilbes żdingat b’mod li jidher eħxen milli hu.

QORTIN     1. Art għolja li tħares lejn il-baħar u li għandha fuq naħa preċipizzju, u fuq in-naħa l-oħra, art li tiżżerżaq bil-mod il-mod fix-xejn. G.B.F. (1845) jgħid: Tal. selvatico; Ing. wild. Eżempju ta’ din it-topografija hawn bosta, fosthom insibu l-inħawi bl-isem omonimu ta’ Kordin fl-inħawi tal-Port il-Kbir. QREJTEN  Qortin żgħir. 2. Fortifikazzjoni. Tal. Cortina parco di animali. Sorsi etim. J.A. op. cit.

qoton xxQOTON   Għal mijiet ta’ snin il-qoton kien il-prodott prinċipali tal-bdiewa Maltin. Dan kien jinżera f’April u jinħasad f’Novembru. Il-produzzjoni tal-qoton fi drapp tat-tajjar, kien jagħti qligħ miżjud lill-bidwi. Il-proċess biex il-qoton isir tajjar u mbagħad drapp, kien wieħed twil, għaliex dan l-ewwel jinħaleġ, jindaqq u jitpaħpaħ, imbagħad jingħażel mill-għażżiela. Wara l-ħjut jiġu minsuġa fuq in-newl. Fl-ewwel diċenji tas-seklu dsatax, f’Malta kien jitkabbru erba’ tipi ta qoton, fosthom dak magħruf ‘tan-NANKIN u dak imsejjaħ ‘ta’ Padre Carlo’ [Giacinto]. Il-qoton kien iservi ħafna drabi biex jinħadmu bih il-qlugħ tal-bastimenti, jew ħwejjeġ oħra bħal kutri, u oġġetti oħra tat-tajjar (carded cotton). Il-qoton kien ukoll jinbiegħ fl-istat naturali tiegħu, kemm lokalment kif ukoll esportat minn Malta. L-aktar li kien ikun esportat kien lejn Sqallija u Spanja. Fis-seklu dsatax, dawk li jaħdmu l-qoton kienu jitħallsu tari wieħed kuljum. Fi żmien l-Ingliżi din l-industrija marret lura ħafna, l-aktar minħabba li beda dieħel drapp tal-qoton mill-Amerika u mill-Eġittu, li kien irħas u ifjen. qoton mislutIx-xogħol bil-magni tal-istim qatel bil-mod il-mod ix-xogħol artiġjanali tal-qoton. Dan għaliex ix-xogħol beda jsir b’ħeffa aktar mgħaġġla, bi preċiżjoni akbar, u bi prezz irħas. L-użu tal-qoton miet mewta naturali meta l-bastimenti tal-qlugħ bdew jonqsu u minflokhom daħlu fl-użu dawk tal-istim. Skont D. Miège (1841), fi żmienu, qantar qoton kien jinbiegħ 54 skud. Ara: NEWL, DAQQAQ u, RADDIENA. Ara: ‘Old Trades and Crafts’ ta’ Guido Lanfranco fi Treasures of Malta, Summer, 1997, Vol III no 3, pp. 63-67; Corsairing, Currency and Cotton ta’ Carmel Vassallo, Sunday Times, June 18, 1994. The land, the sea and the eight-pointed cross: economy and material life in mid-16th century Malta, ta’ Buttigieg Emmanuel, Sacra Militia Issue 4, 2005. L’Histoire de Malte, ta’ D. Miège, p. 112. (1841)Qegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, Ġużi Gatt, pp. 238-240.

QOŻŻA    1. Xi ħaġa li tqażżeż. Espr. ‘Qożżot għalik!’ L-istess bħal ‘Puh għalik!’ Niltaqgħu ma’ din il-kelma fl-istorja ‘Kelb rieqed la tqajmux’ ta’ Temi Zammit: ‘[…] Jekk tagħtini kemm tlift fil-qożża tista’ tibqa’ sejjer għal xogħlok […]’, Nies bla sabar, p. 8. L-espressjoni tingħad ukoll f’waħda mill-istejjer li ġabar Patri Manwel Magri li jisimha, ‘Jannar bla xita jissellef m’għand ħuh Frar’, ‘[…] Darba wieħed raħħal Malti qallu lil Jannar – Qożżot għalik Jannar! – […]’, Patri Manwel MagriĦrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop (1994), p. 286. 2. QOŻŻA ŻEJT  MAV (1796). Jiktibha bħala kelma waħda QUŻŻUŻEJT u jispjegaha bħala: ġarra żejt. 3. J.A. jagħti tifsira oħra: tip ta’ logħba tal-azzard li tintlagħab għall-flus. Nassumi li fl-istorja ta’ Temi Zammit, il-karattru qiegħed jirriferi għal din il-logħba. QOŻŻU  Bniedem xiħ li jkun antipatku għall-aħħar. Qbl. ma’ QONSRU, għalkemm mhux bilfors għandhom l-istess oriġini. Ara: KUKKUŻEJT.  

QRADA    1. (sing. u plur.) Qasma f’qiegħ is-sieq li tħalli bħal kallu u ġilda ħoxna li tibda tiekol bil-ħakk. Bħala rimedju għaliha kien hawn min jagħmillha, bħal ġbara, bieba tal-ħobż imxappa bil-ħalib, fuqha. 2. Wara li tinħarat il-ħamrija, din tkun bħal roqgħa li ma tkunx intmisset bil-moħriet u allura tibqa mbuzzata ’l fuq.

QRAŻU     Katarru li jitla’ mis-sider fil-grieżem.  M.A.V. jiktibha QRAZZU, sorta di morbo nella gola. Ara: ŻOKMA.

QREJWEŻ   Appel. mogħti lil xi tifel żgħir imqarqaċ. Xitan żgħir. Kelma li x’aktarx ġejja mill-verb ‘qarweż’ – jiġ., qata’ x-xagħar bil-mus, tant li dak li jkun jispiċċa qargħa basila. Sors: E.S.I.

QREJŻU   Parċmina jew ġilda maqtugħa fit-tond. Fil-ktieb tiegħu, Kliem Malti Antik, p, 112, Godfrey Wettinger jirriferi għal kitba li sab f’dokument tal-1486, li fiha kien hemm irrakkuntat fatt ġudizzjarju, meta ‘[…] x-xhud kien mogħti qrejżu li fuqu kien hemm kitba li ma tinftihemx […]’. Dan l-oġġett kien mogħti lilu minn Lhudi li kien magħruf bħala Siħid il-Għawdxi, li kien jgħallem fi skola tal-Ġudisku.

QREMPUĊ    1. Is. xj. Lotus edulis.  Pjanta li minnha jikber tip ta’ piżelli żgħir fil-miżwed. Fl-antik dan kien imfittex u mittiekel mit-tfal. Ing. Edible birdsfoot trefoil. 2. QREMPUĊU  Fig. Kelma li tirriferi b’mod simpatiku għal xi tfajjel żgħir, speċ. meta jitqabbel fiċ-ċokon tiegħu mal-kbar.  Għ. qaranbux.

qrempucis_3.jpg

QRENDI    It-tifsira tal-isem x’aktarx ġejja minn ‘daqqaq tal-mandolina’.  Dan seta’ kien laqam li jirriferi għal xi abitant minn din il-lokalità. Jeħtieġ aktar riċerka.

QRIEQNI    M.A.V (1796). Nanu. Ara: QERQNI.

QRIN    Aġġ. li jirriferi għal dawk tal-istess żmien jew età. Nies li għexu fl-istess żmien. Sors: E.S.I.

Qroll.jpgQROLL  (nom kollettiv) Tip ta’ kreaturi tal-baħar, aktar annimal milli pjanta, għax ma jipproduċux l-ikel bħal pjanti. Bħala speċi ta’ annimal, il-qroll hu partikolari għax imwaħħal mal-qiegħ u għalhekk ma jiċċaqlaqx minn postu. QROLL AĦMAR  Is. xj. Corallium rubrum. Dan kien u għadu apprezzat ħafna l-aktar għax minnu jsir xogħol artiġjanali apprezzat ħafna anki fl-arti sagra, kif ukoll jintlibes f’gamew jew xinxilli oħra. Fi żmien l-Ordni, il-qroll kien esportat lejn Sqallija u pajjiżi aktar ’il bogħod. Illum il-qroll kważi nqered għal kollox mill-ibħra Maltin minħabba li nġabar wisq minnu matul is-sekli li għaddew. Ngħidu, xufftejha ħomor qishom qroll’.

QROQQA    Tiġieġa li tpoġġi fuq il-bajd li tbid biex dawn ifaqqsu. Fig. appel. għal xi mara ħoxna u mdaħħla fiż-żmien, li tintasab bil-qiegħda għal ħafna ħin.

qubbajtt.jpgQUBBAJT   Fl-antik biċċa qubbajt kienet tissejjaħ ‘xriek tal-qubbajt’. Il-qubbajt kien jinbiegħ ukoll ‘bil-lenza’ jew bit-TURRUN. Turrun qubbajt kien m’għola 30 ċm, waqt li lenza kien in-nofs ta’ dan it-tul. Idj: ‘ Qisu mejda tal-qubbajt’ – tingħad għal xi ħadd li jattendi kull festa li ssir. Sqal. cubbaitta – confettura o torrone di noci o mandorle e mele cotto. Għ. iqubbajt.   

QUĊĊIJA    1. Mijiet tas-snin ilu, din il-kelma kienet tirreferi għall-qamħ, żbib, ġulġlien, lewż, ġellewż u ikel ieħor li kien jitqassam lill-foqra fil-festa tal-Għid il-Mejtin, fl-ewwel ta’ Novembru, u f’festi oħrajn.  2. Rif. għaċ-ċerimonja ħelwa u tradizzjonali li ssir lit-trabi ta’ sena. F’din l-okkażjoni, bosta oġġetti jitqiegħdu fl-art apposta biex it-tarbija tagħżel wieħed minnhom. Dawn l-oġġetti jkunu kollha relatati mal-mistier li wieħed jaħseb (jew jixtieq) li t-tarbija tista’ tagħżel bħala karriera meta tikber. Il-kelma quċċija ngħatat għal din l-okkażjoni għaliex fiha jsir festin fejn il-mistednin jingħataw x’jieklu. Fil-kitba tiegħu Voyage par un Francois (1791) il-konti Saint Priest, Kavallier Franċiż tal-Ordni ta’ San Ġwann, jiddeskrivi din bħala logħba kif spjegata fit-tieni tifsira. Dan ifisser li din it-tradizzjoni f’Malta tmur lura sa żmien l-Ordni. Biss, G.B.F. (1845) jgħid li din il-logħba ma kinetx komuni fi żmienu. Sqal. Cuccia – zuppa fatta di frumento bollito nell’acqua o nel latte con zucchero ed altri savori. F’Sirakuża dan il-festin kien imsejjaħ hekk. Dan kien isir l-għada tal-festa ta’ Santa Luċija, (il-qaddisa patruna ta’ din il-belt) u kien jittiekel kull tip ta’ ikel li jkun fadal wara l-festa.  Għ. kiskija – dqiq, jew il-bieqja li fiha jinżamm id-dqiq. Sors: Ancient and Modern Malta, Pierre-Marie-Louis de Boisgelin, (1805, p. 88.) SorsJ.A; E.S.I u Guido Lanfranco. Ara: http://www.inmamaskitchen.com. Ara wkoll:  www.enwikipedia.org/wiki/cuccia

QURDIENA     Parassita li taqbad mal-klieb jew annimali bħaż-żwiemel eċċ., biex tarda’ d-demm minnhom. Is. xj. Ixodes ricinus. Il-qurdiena tgħix l-aktar fi klima umda jew fejn hemm il-foresti. Biss, il-qurdiena tinsab ukoll fl-Afrika ta’ Fuq u fir-reġjun tal-Mediterran. Idj: ‘Qisu qurdiena’ – tingħad għal xi ħadd fitt u li jħobb jaqbad man-nies. J.A.

QURQAĊA    Aġġ. li jirriferi għal numru kbir ta’ oġġetti ħdejn xulxin. Eż. qurqaċ kwiekeb, qurqaċa rakkmu, jew qurqaċa buttuni li jkunu meħjuta qrib wisq ta’ xulxin.

QUŻŻUD      A. de S. jikitbha bħala Kużżud. (D.) Tingħad fil-qawl,  ‘[…] Qużżud qużżud għalik Jannar, jien u n-nagħġiet inqilu fil-għar. Addio per te Gennaio io e le pecorelle ci poniamo al ridosso dentro la grotta […]’. Ara: QOŻŻA.

QUŻŻAŻEJT / QUŻŻUŻEJT   Logħba sempliċi tat-tfal, li fiha tifel jerfa’ u jġorr lill-sieħbu fuq dahru bħallikieku qiegħed jagħmilha taż-żiemel. M.A.V. Portare sul dorso. J.A. jgħid li qużża hi ġarra. Ara: KUKKUŻEJT.

 *         *        *

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Tista’ tfittex aktar tagħrif u ritratti f’dawn il-pubblikazzjonijiet:

Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid 

Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja    Aa ARA X'INT TGHID    A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                               Paġni 256                                              Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                               Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott,  
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.
(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, 
(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista 
Falzon,(1845).
* J.A.     Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,
(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan 
eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,
 ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.    Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).