A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
WADAB * WAĦAM * WAĦX / WAĦX IL-BAQAR * WAJJU * WARDA TAL-ĦLAS * WARDIJA * WAST * WATAR * WATWAT * WEĠĠIEGĦI * WEJBA * WEJDA * WEJTER * WERŻIEQ / GRILLU / WERŻIEQ IL-LEJL / WERŻIEQ TAD-DJAR / GRILLU TAD-DJAR / WERŻIEQ TAD-DLIL / WERŻIEQ TA’ BINHAR * WESWIESI * WETQA * WETT * WIĊĊ LASKRI * WIDEK * WIDNA, IL- * WIET * WIGNACOURT, L-ILMA TA' * WIKKIEL * WILĠA * WIRDIENA *WIRK *WIRKEJN IL-BIEB * WISTANI (ara: WAST) * WITED * WITWET * WIXX * WIŻNA * WOTT (ara: WETT) * WTAJJA (ara: UTAJJA)* WTIQA *
WADAB / WADAF Vleġġa jew żbandola li t-tfal kienu jagħmlu minn zokk taż-żebbuġa li jiftaħ fi tnejn forma tal-ittra Y. Dan iz-zokk kien jintrabat miegħu biċċa lastku maqtugħa minn tajer, eċċ. u li fiha kien ikun hemm lok fejn titqiegħed żrara biex jisparawha mill-wadab bil-ħsieb li jolqtu l-bersall, ġieli xi oġġett, ġieli xi għasfur fuq siġra, jew xi gremxula. Ara: Għ. wadaf.
WAĦAM (pl. wħam). Liġwa, lublieba jew xewqa kbira (ġen. ta’ mara li tkun tqila) għal xi ikel partikulari. Sa żmienna, għad hawn bosta li jemmnu li jekk xi ħadd, waqt li qed isajjar jew waqt li qed jiekol, tgħaddi minn ħdejħ mara tqila, dan għandu joffrilha minn dak l-ikel, għaliex jekk waqt it-tqala l-mara ma dduqx dak l-ikel li tħobb, immedjatament, it-tarbija tagħha tista’ faċilment titwieled b’xi tebgħa fil-ġilda.
WAĦX 1. Mostru bħall-Gawgaw li jidher lejlet il-Milied. Bhima selvaġġa li tbeżża’. 2. Il-baħħ fejn ma jidher ħadd u xejn, fejn l-ambjent ikekxex lil dak li jkun. Ngħidu, ‘X’waħx hawn!’ Espr. ‘Aħjar waħxek minn wensek.’ WAĦX IL-BAQAR Barri salvaġġ (is. xj. Bos bubbalus).Dari kienu jbeżżgħu lit-tfal bil-waħx il-baqar, bħallikieku dan kien xi mostru li jibla’ t-tfal. Bl-Għarbi, ‘waħx il-ħmar’ hu l-isem mogħti liż-żebra. Sors: J.A. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, Anton F. Attard.
WAJJU Raġel b’wiċċ li jbeżża’ n-nies bil-kruha tiegħu. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Ara ġej il-Wajju.’ Tal. vaio – M. bniedem li jħares b’mod werċ u li jbeżża’. Sors: E.S.I.
WARDA TAL-ĦLAS Magħrufa wkoll bħala ‘warda tal-qabla’ jew ‘warda / ħaxixa tal-miludin’. Din il-pjanta stramba kienu jimpurtawha mill-Afrika ta’ Fuq, fejn tikber l-aktar fid-deżert u f’reġjuni oħra sħan. Illum ġieli naraw minnha u nafuha l-aktar bħala ‘l-Warda tal-Madonna’, ‘il-Warda’ jew ‘ir-Roża ta’ Ġeriku’ (is. xj. Anastathica hierochunticha L., Ing. Rose of Jericho). Din il-pjanta tidher qisha magħmula minn qabda friegħi nixfin magħqudin flimkien qishom kaboċċa. Biss, kemm jekk ħajja kif ukoll jekk mejta, din il-pjanta, hekk kif tħoss in-nida jew l-ilma, tiftaħ minn forma ta’ ballun, u tissepara l-friegħi nixfin ‘l barra. Minħabba dan il-moviment mhux tas-soltu, kienu jaħsbu li din il-pjanta kienet kapaċi tgħin fit-twelid. Dan biex bħallikieku s-seħer tan-natura jaffettwa u jagħti l-qawwa lill-omm biex ‘tiftaħ’ hi wkoll u telled lit-tarbija mingħajr xkiel. Din il-pjanta kienet titqiegħed ġo bieqja fil-kamra fejn l-omm tkun se tiled. Teżisti ġakulatorja: ‘Santa Ġiżwarda, ibagħtu frisk bħal warda,’ biss, din tista’ tkun riferenza għall-ward li jsebbaħ b’kuluru. Ara: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, pp. 73-76; Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, Guido Lanfranco, p. 43.
WARDIJA Kelma li ġejja mit-Taljan guardia, jiġ., post minn fejn issir l-għassa. Hawn diversi postijiet f’Malta u Għawdex, li b’xi mod jew ieħor jinkludu l-kelma Wardija u dawn kollha jinstabu fuq għoljiet. Eż. ta’ dan insibu l-għolja li tagħti għal fuq il-bajja ta’ San Pawl, jew Il-Wardija ta’ San Ġorg, promonotorju li joħroġ ’l barra mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Art li fiha jikber kwantitàta ward. F. Vella (1843).
WAST In-nofs. WISTANI Aġġ. li jirriferi għal xi ħaġa jew xi mkien fin-nofs, jew minn tan-nofs; l-appel. FUSTANI ġej minn ‘fi wustani’, jiġ. fost tan-nofs.
WATAR Nerv magħmul mill-musrana tal-barri li jintuża biex wieħed issawwat bih. Sors: E.S.I. u Damma.
WATWAT v. Tkellem fil-vojt jew fit-tul. Tkellem fit-tul mingħajr ma kien jinftiehem minn dawk li kienu qegħdin jisimgħuh. Peċlaq iżżejjed. (verb onomatopeiku.) Sors: E.S.I.
WEĠĠIEĦI 1. Bniedem li jfaħħar. 2. Bniedem li għandu jkun irrispettat. Bniedem ta’ ġieħ. WEĠĠAĦ v. Illum jingħad biss meta jitlissen ir-raba’ kmandament: Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok.
WEJBA Ammont ta’ żerriegħa li jesa’ r-reċipjent ta’ volum partikulari. B’hekk, ‘wejba art’. hi dik il-wesgħa ta’ ħamrija li tieħu l-ammont ta’ żerriegħa mxerrda bl-idejn minn dan ir-reċipjent. Wejba fiha erbat itmim (pl. ta’ TOMNA (Tal. quattro tumuli). Erba’ wejbiet jagħmlu MODD. Modd jagħmel sittax-il tomna. WEJBA RABA’ Dik l-art li kapaċi tinħarat minn żewġ barrin f’jum wieħed. Sors: E. S. I. Damma u J.A.
Wejba = 4 itmiem (pl. ta’ tomna)
4 Wejbiet = Modd
Modd = 16-il tomna
WEJDA L-id żgħira ta’ tarbija. Kelma li kienet tintuża biex tfisser l-istess ħaġa lit-tfal iż-żgħar. Manku żgħir tar-raddiena.
WEJLA Bħal dgħajsa li għandha kemm il-poppa kif ukoll il-pruwa ġejjin għal ponta. Sors: E.S.I. U J.A. Fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, (1939), din id-dgħajsa tissemma repetutament għaliex kienet id-dgħajsa ta’ wieħed mill-karattri fir-rumanz, it-tabib Zammit, li kien jużaha biex joħroġ jistad biha. Etim. Ing. whaler.
WEJTER Diminuttiv ta’ watar. Speċi ta’ korda tal-musrana li tintuża bħala parti mill-istrumenti mużikali tal-korda. Tintuża wkoll bħala l-korda tal-qaws biex biha tispara l-vleġġa. Għ. watar. Korda tal-qaws.
WERŻIEQ / GRILLU Insett li mdorrijin nisimgħuh iżarżar fix-xhur tas-sajf mingħajr ma qatt naraw għax ħafna drabi jkun moħbi ġo xi siġra. Is. xj. Gryllus bimaculatus (Ing. two–spotted field cricket). WERŻIEQ IL-LEJL / WERŻIEQ TAD-DJAR / GRILLU TAD-DJAR. Is. Xj. Acheta domesticus (Ing. house cricket). WERŻIEQ TAD-DLIL Gryllomorpha dalmatina. WERŻIEQ TA’ BINHAR (ara: SARSUR). Sors: Victor Falzon.
WESWIESI Bniedem li jfesfes. Rif. għal xi ħadd li jitkellem minn taħt l-ilsien. Bniedem li fil-knisja jħobb igedwed it-talb waħdu minn taħt l-ilsien, b’mod li jtellef lil ta’ madwaru. Rif. għal xi ħadd li jitlob b’vuċi baxxa apposta biex jidher li hu ta’ tar-ruħ aktar minn ħaddieħor. Sors: E.S.I.
WETQA (D.) Fortizza. E.S.I. ifisser din il-kelma bħala argument li jikkonvinċi.
WETT Muntun. G.B.F. (1845). Jagħtih ukoll E.S.I. u J.A. Varjant ta’ WOTT.
WIĊĊ LASKRI Idj: qisek wiċċ Laskri. Rif. għal xi persuna li l-espressjoni ta’ wiċċha hi ta’ xi ħadd imdejjaq, imqit jew wiċċ il-qrusa. Ħafna jaħsbu li din l-espressjoni tmur lura fl-istorja u tirriferi għall-Gran Mastru Jean Paule Lascaris de Castellar, (1636-1657) li għandu l-fama li kien bniedem sever. Dan għaliex kien hu li rażżan it-tbahrid tal-kavallieri man-nisa fil-Karnival. Riferenza lejn il-wiċċ tal-Gran Mastru Lascaris li tidher fuq il-munita tal-erba’ tari. Biss, hemm spjega differenti għal din l-idjoma li tista’ tkun ġejja minn sors totalment differenti. Ara: GĦASKRI. E. S.I.. Ara: Some Rare Gold Coins of the Order of Malta ta’ Joseph C. Sammut fi Treasures of Malta, Christmas 1995 Vol II, no 1, pp. 30-34.
WIDEK 1. Sonża; grass; xaħam imdewweb. 2. Materja li toħroġ mill-ferita jew mill-għajnejn. Sors: E.S.I.
WIDNA IL- Din hi struttura mibnija, bħal ħajt imqawwes forma ta’ nofs qamar, daqs 70 m twil u 9 metri għoli. Din l-istruttura bnewha l-Ingliż fl-1935 biex biha jissemmgħu l-ajruplani li jkunu taru minn Sqallija lejn Malta. Din is-sistema kienet introdotta meta l-invenzjoni tar-radar kienet għadha qiegħda tkun żviluppata mill-militar. Il-widna tal-ġebel, għalkemm ma baqgħetx bżonjuża wara l-gwerra, ma żżarmatx, għaliex hi kkunsidrata wirt storiku. Forsi b’mod ironiku tal-istorja qrib ħafna tal-Widna bħalissa hemm apparat li jintuża minn kumpanija kummerċjali għall-skopijiet ta’ telekomunikazzjoni.
WIEQ Il-ħoss / il-vuċi tal-ħanżir. F. Vella (1843) Ing. grunting. E.S.I. jgħid kważi l-istess ħaġa biss iżid ukoll, li dan hu l-ħoss li l-ħanżir / qasqus jagħmel meta jkun sejjer għall-qatla. Iżid ukoll il-frażi, qatel wieq, jiġ., qatel ħanżir. Bl-Għ. waqi hu xi ħadd li jibża’ jimxi. Sors: J.A.
WIGNACOURT, L-ILMA TA’ B’din il-frażi, fl-antik kienu jirriferu għal dak l-ilma ġieri li kien jitwassal lejn il-Belt mill-akwadott storiku magħruf b’dan l-isem. Dan l-akwadott baqa’ jintuża sal-1912. Insibu din il-frażi fil-kitba ta’ Temi Zammit, ‘L-ilma li nixorbu’, p. 103, fil-ktieb Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, (A.C. Aquilina & Co., 1955). Ara: AKWADOTT.
WIKKIEL 1. Bniedem li jiekol ħafna. Bniedem b’ġuħ kbir. 2. Xi ħadd li jġiegħel lil ħaddieħor jagħmel ix-xogħol li suppost jagħmel hu. Ngħidu, ‘Wikka x-xogħol tiegħu lil ħaddieħor.’ Appel. li ġej mill-verb ‘kiel’.
WILĠA Għelieqi jew art wata li jkunu ‘l fuq mill-ġnub tal-wied. Hawn diversi nħawi f’Malta li huma magħrufin bħala Tal-Wilġa. E.S.I. isemmi it-Torri tal-Wilġa u jgħid li dan hu bini ta’ żmien il-Feniċi. Dun Karm Psaila juża din il-kelma fir-rumanz, Żewġ Anġli – Inez u Emilja, (1934) meta jiddiskrivi l-baħar b’mod metaforiku, ‘[…] u jiddi fuq il-wilġa tal-ilma […].’ p. 58. Orig. Għ. wilġa.
WIRDIENA Dan it-terminu beda jintuża għar-rotor arm li hemm fid-distributur tal-magni tal-petrol.
WIRK Il-koxxa ta’ annimal jew ta’ bniedem. Tintuża l-aktar b’rif. għal dik il-parti mlaħħma tal-koxxa, l-aktar tal-fenek jew tat-tiġieġa. Fil-kummiedja, ‘Il-Konġura ta’ l-Erba’ Ħotbin’, (1864) naqraw hekk: ‘[…] Gaspru jitgħawweġ bl-uġigħ, jgħid ‘Ajma l-mejda ta’ wrieki […]’. Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, It-Tieni volum, p. 45. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM. WIRKEJN IL-BIEB Il-ġnub tad-daħla tad-dar. (F.V. 1831).
WITED / WITET (pl. utied) 1. Tip ta’ grampun oħxon tal-injam li miegħu jiddendlu l-ħwejjeġ jew oġġetti oħra bħal xi umbrella eċċ. 2. Bħal musmar oħxon tal-injam li bih wieħed jista’ jorbot injama ma’ oħra. Ing. treenail jew trenon. Qawl: Wieħed għandu l-wited għali u l-ieħor l-għarbiel ġdid. – Dan il-qawl jirreferi għal sitwazzjoni fejn tnejn li qegħdin jillitikaw dwar xi biċċa negozju ma jkunu jistgħu jaqblu b’xejn. Qawl ieħor jgħid: Bejn il-Qala (il-festa tal-Kunċizzjoni – 8 ta’ Diċembru) u l-Milied arfa’ l-moħriet minn ħalq il-wied, u ixħet l-ixkubetta fuq l-utied – jiġ. fiż-żmien imsemmi, la l-bidwi ma għandu għalfejn jaħdem l-art, u lanqas il-kaċċatur ma għandu għalfejn joħroġ għall-kaċċa, għax it-tnejn mhux żmienhom. Sorsi: E.S.I. u J.A.
WITWED Bodbod.
WIXX Ġid u prosperità. Tingħad fil-frażi ‘xogħol bla wixx’ – jiġ., xogħol bla qligħ jew li hu mħallas bil-ftit u mhux kif jixraq. Ngħidu,‘ma fihx wixx’ – ma fih xejn; jew ‘wixx miegħek!’ – jiġ., ‘ir-risq lilek’. Ngħidu wkoll, ‘wixx għalik!’ – tingħad meta wieħed jagħtas, jew meta wieħed irid jgħid, ‘Evviva!’ Sors: E.S.I., waqt li V.B. (1900) iffisser din il-kelma b’mod differenti: xaħam.
WIŻNA 1. (Għadd imtenni: wiżintejn) Il-proċess li fih l-oġġett jintiżen darba. 2. Wiżna tagħmel ħamest artal (4 kg x 5). Għoxrin wiżna jagħmlu qantar 79 kg (ekwivalenti għat-toqol medju ta’ bniedem twil 1.70 m). Il-wiżna kien l-użin l-aktar komuni biex tintiżen u tinbigħ il-patata u wċuħ oħra tar-raba’.
WOTT Ara: WETT.
WTAJJA Ara: UTAJJA.
WTIQ/A Qawwi u b’saħħtu; sod fil-fehma tiegħu. Sors: Damma u E.S.I. Ara: UTIEQ.
* * *
Ara aktar:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Paġni 256 Paġni 256 Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95 Prezz Ewro 14.95
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur
* E.S.I. Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). * F.V. Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella. (1831). * F. Vella Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). * G.B.F. Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845). * J.A. Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina, (1987 & 1990) * M.A.V. Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796). * M.A.V. Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828) * (D) DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). * V.B. Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).
Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli … mohba2016@gmail.com