IS-SIĠRA tal-ĦARRUB

IS-SIĠRA u l-FROTT tal-ĦARRUB

u l-użu tiegħu

Introduzzjoni

Is-siġra tal-ħarrub kienet meqjusa bħala waħda mis-siġar l-aktar komuni fil-gżejjer Maltin. Biss, illum dawn is-siġra naqsu sew, għax minkejja li hemm liġi li tiproteġihom, ħafna ġew meqruda l-aktar biex jittellgħu bini, jitwessgħu it-toroq, u jsiru proġetti ta’ żvilupp oħra.

Din is-siġra mhix indiġena, għal Malta, jiġifieri mhix siġra li kienet tikber fil-gżejjer Maltin qabel ma ġew l-ewwel abitanti. Xi wħud jaħsbu li l-ambjent naturali u nattiv tas-siġra tal-ħarrub kien fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-Golf Għarbi għax dawn is-siġar jifilħu perijodi twal ta’ aridità (għalhekk ikklassifikati bħala xerophyte). Biss, biex jipproduċu l-imwieżed iridu xita ta’ bejn wieħed u ieħor, 250 – 500 mm fis-sena. Hu kkalkulat li din is-siġra kapaċi tgħix mijiet tas-snin. Intant, waħda mill-eqdem siġar tal-ħarrub li teżisti f’Malta hi dik li hemm qrib l-għolja tax-Xemxija. Din għandha ċirkonferenza ta’ 7 metri.    

Storja u etimoloġija

Bl-Għarbi, l-isem ta’ din is-siġra hu qrib sew għal dak Malti, għax magħrufa bħala al kħarrub. Forsi dan jagħti ħjiel li din is-siġra setgħet iddaħlet f’Malta fi żmien l-Għarab. Dan jista’ jkun għaliex fi Sqallija, li ukoll kienet iddominata mill-Għarab, l-isem ta’ din is-siġra hu kważi l-istess, caruba. Fi Spanja fejn l-Għarab kienu wkoll ħakkiema, l-isem hu algarrobo/a. Bil-Portugiż magħrufa bħala, alfarroba. Bl-Ebrew is-siġra hi  magħrufa bħala, ħaruv jew kħaruv. Intant, din is-siġra hi msemmija fit-Talmud (it-tagħlim miktub matul is-sekli twal – 38 ktieb – dwar il-liġijiet sagri Ebrej).

Lil hinn minn din l-etimoloġija li twassal sal-eqdem żminijiet, bl-Ingliż il-frotta hi magħrufa bħala locust beans u St. John’s bread għaliex hu maħsub li San Ġwann il-Battista kien jiekol minn din il-frotta biex isostni ruħu meta kien jipprietka fid-deżert. Apparti minn hekk, l-Ingliżi jafu din is-siġra bħala carob tree. Finalment, l-isem xjentifiku hu, Ceratonia siliqua mill-Grieg κέρας / kéras, li tfisser qarn, minħabba l-forma kemxejn mawġa tal-miżwed – almenu dak ta’ xi speċi minnhom – u mil-Latin siliqua, li tfisser miżwed). 

Kif u min verament daħħal f’Malta s-siġar tal-ħarrub għadu mhux magħruf. Biss, Gian Frangisk Abela, fil-ktieb tiegħu Descrittione di Malta (1647) jsemmi ‘Wied il-Ħarrub’. Dan juri li din is-siġra żgur kienet tikber f’Malta fi żmienu, tant li ssemma wied għaliha, li jagħtina x’nifhmu li f’dan il-post din is-siġra kienet tikber bi kwantità, aktar minn postijiet oħrajn.

Billi antikament, fil-gżejjer Maltin kien hawn mijiet kbar, jekk mhux eluf, ta’ bhejjem tal-ġarr kif ukoll annimali tal-irziezet, il-ħarrub kien jitkabbar l-aktar biex jingħatalhom bħala ġwież, speċjalment lill-ħmir u liż-żwiemel. Padre Carlo Giacinto li kien ġie mqabbad mill-Ingliżi, biex jistudja u jidderiġi b’mod koerenti l-biedja f’Malta, lejn il-bidu tas-seklu dsatax, kien irrikmanda li din is-siġra kellha titkattar biex tipproduċi aktar ġwież skont il-bżonn.  Carmelo Briffa, espert fuq dan is-suġġett, jgħidilna li fl-1901, f’Malta kien hawn 24,000 siġra, u daqs 600 f’Għawdex. Mark Mifsud jgħid illi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ħafna siġar – daqs 15,000 – tqaċċtu biex iz-zkuk jintużaw bħala ħatab għan-nar tat-tisjir. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, meta ħafna kienu qed isofru l-ġuħ, ir-raħħala kienu jidħlu fl-ibliet ibigħu l-ħarrub, anki għal sold nofs miżwed (G. Lanfranco, 1975).

Fis-snin disgħin kumpanija żgħira Maltija, bdiet taħsad il-ħarrub bil-ħsieb li tesporta ż-żerriegħa tiegħu lejn Sqallija fejn din titfarrak fi trab biex jintuża bħala tip ta’ ċikkulata. Fl-istess ħin il-miżwed kien baqa’ jinbiegħ lokalment biex jitimgħu il-bhejjem tal-irziezet.

Il-kwalitajiet tas-siġar tal-ħarrub

Il-ħarruba hi siġra li tħaddar is-sena kollha. Kapaċi tikber kemm f’art blatija kif ukoll f’ħamrija fonda u fertili. Taf togħla sa għaxar metri u aktar. Mill-bażi tagħha toħroġ friegħi twal u ħoxnin li jestendu la ġenba sa diversi metri ’l bogħod. Lokalment insibu tipi ta’ siġar tal-ħarrub. Hemm dawk li jgħidulhom tal-aħmar, ta’ Sqallija , ta’ Ċipru, ta’ Kandja, tal-ġidri u oħrajn. Il-miżwed tal-ħarruba jimmatura lejn Awwissu, u tradizzjonalment, il-ħsad tiegħu jsir fil-jiem qrib il-festa ta’ Santa Liena. Hemm qawl li jgħid, ‘Santa Liena fil-għodu – fil-ghaxija għal-ħarrub’. Kull siġra tista’ tkun jew femminili jew maskili, rari ħermafrodita, jiġifieri ġġor fjuri maskili u feminil f’daqqa. Is-siġar tal-ħarrub feminili biss jagħmel il-frott (Mark Mifsud, 1999). Is-siġra tiddakkar bis-saħħa tan-naħal jew tad-dubbien li jmur fuqha u anke bir-riħ. Is-siġra tibda tarmi ż-żahar lejn Settembru biex sa Jannar minnhom jibdew jikbru l-imwieżed ħodor żgħar, u għalhekk, kif semmejna qabel, irid xi 8 xhur biex isir. Dawn jikbru sa bejn għaxar u ħmistax-il ċentimetru u kull miżwed ikollu daqs 18-il żerriegħa.

Meta l-miżwed jimmatura jieħu kulur kannella skur waqt li jixrief. Il-ħsad isir bl-idejn, biss, dawk l-imwieżed li jkunu fl-għoli, dawn jintlaħqu billi l-ħassad juża qasba biex biha jxejjer u jagħti bis-saħħa fuq l-għenieqed biex iwaqqagħhom u jiġborom mill-art. L-imwieżed imbagħad jinġabru fi xkejjer u jittieħdu fuq il-qiegħa jew fil-btieħi tar-razzett biex jitnixxfu fix-xemx, b’attenzjoni li ma tagħmilx ix-xita għax inkella dawn malajr jitħassru.

In-nutrienti tal-ħarrub

L-użu l-aktar popolari tal-ħarrub hu bla dubju ta’ xejn bħala ġwież biex jitimgħu liż-żwiemel, bgħula, ħmir, mogħoż u baqar. Iż-żerriegħa tal-ħarrub tintaħan u tinbiegħ bħala ġwież lil annimali tal-irziezet għax għandha ħafna karboidrat, tanin, proteini, vitamini kalċju (tliet darbiet aktar mill-ħalib, minerali, fibra u zokkor (56%).

Ġulepp u karamelli tal-ħarrub 

Ħajr tar-ritratt, lil-kumpanija, Ġulepp tal- Ħarrub Malti.

Biex isir il-ġulepp tal-ħarrub, il-miżwed jintefa’ ġo forn għal ftit minuti. Wara, miegħu jitħalltu xi ħwawar u l-miżwed jitfarrak u jkun iffiltrat waqt li jiżdied miegħu iz-zokkor biex jitgħalla u l-ġulepp jagħqad. Jitħallat miegħu ukoll  xi ftit lumi għat-toma. Il-likwidu oħxon li jinġabar jagħqad kremuż. Ħafna jemmnu li l-ġulepp hu tajjeb għal min ikun qiegħed ibagħti bis-sogħla, speċi ta’ sostitut għal-għasel. Fi żmien ir-Ramadan il-ġulepp hu mfittex mill-Musulmani bħala xarba li tista’ tittieħed. Ġulepp ieħor isir kemm fit-Turkija, f’Ċipru, fil-Portugal, fi Spanja u Sqallija.

Il-karamelli tal-ħarrub jsiru billi l-ġulepp jitħalla jiksaħ u imbagħad ikun irrumblat u mifrux fuq mejda tal-irħam. Meta mbagħad dan jiksaħ sew dan jitqatta’ biċċiet, forma ta’ kubi biex jinbiegħ bħala karamelli, tant popolari mat-tfal, l-aktra fil-jiem tas-sawm u l-Ġimgħa l-Kbira. Il-ħarrub ġieli anki jintuża bħala ċikkulata kemxejn morra billi jitħnuh fi trab jew biċċiet żgħar. Illum, minnu ssir anki tip ta’ ċikkulata li tinbiegħ bħala ‘health food’. Il-ġulepp ġieli anki  jintuża bħala ingredjent fil-kejkijiet u l-biskuttelli.

Ħajr lil kumpanija Ġulepp tal-Ħarrub Malti

Użu ieħor tal-ħarrub/a

  • Fil-farmaċija, iż-żerriegħa mitħuna titħallat ma xi gomma biex tgħaqqad u tissoda l-pilloli. (G. Lanfranco, 1975 u 2000). L-istess tintuża ma’ xi ikel li jinbiegħ ikkonservat.

  • Iz-zokk tal-ħarruba kien jintuża għal diversi skopijiet, fosthom biex jinħaraq bħala faħam meta jkebbsu l-kenur, pero issa dan l-aġir sar illegali.

  • Antikament, ċerti għodda kienu jinħadmu mill-ħatab tal-ħarruba. Fost dawn kien hemm il-luħ kif ukoll is-sikka tal-moħriet.
  • Kienu u għadhom jinħadmu ż-żibeġ għal kuruna tar-rużarju.

  • F’ċerti pajjiżi l-injam għadu sal-lum jintuża biex tinħadem għamara ta’ ċertu tip kif ukoll ix-xogħol tal-interzjar, jiġifieri, dak ix-xogħol irqieq u fid-dettal li jinfilsa b’disinji l-wiċċ tal-għamara. Anki ċerti artiġjana u artisti jużaw iz-zkuk tal-ħarrub biex minnu joħolqu skultura ta’ bosta forom differenti. L-injam u reżistenti u fl-istess ħin ħafif.

  • Apparti dan kollu, is-siġra nfisha sservi lin-nies tal-għelieqi u l-kampanja bħala l-aqwa refuġju li joffri d-dell mill-qilla tax-xemx.

© MARTIN MORANA  

16 ta’ Ottubru, 2024

Ħajr lil Stephen Mifsud, botanist u editur tal-website www.maltawideplants tal-għajnuna tiegħu biex il-kitba tkun aktar preċiża.

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija

Bonett Guido u Attard Joe, The Maltese Countryside, Volume I. 2005.

Lanfranco Guido, Duwa u Semm Fil-ħxejjex Maltin. Klabb Kotba Maltin. 1975.

Lanfranco Guido, Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin. Media Centre. 1993.

Mifsud Mark, Closeups of Maltese Flora and Fauna. Media Centre Publications. 1999.

A Taste of Carob, The Carob Tree in the Maltese Islands, (A 42 minute video, produced by the Ministry for Rural Affairs and the Environment). – (undated)

https://www.maltawildplants.com/

https://en.wikipedia.org/wiki/Carob

Ara wkoll: il-facebook page … https://www.facebook.com/guleppmalti

Categories:

Leave a comment