JUM Il-QADDISIN KOLLHA
L-GĦID TAL-ERWIEĦ
u
HALLOWEEN
L-Għid tal-Qaddisin Kollha
Fis-snin bikrin tal-Kristjaneżmu, bdew jinħolqu devozzjonijiet lejn il-qaddisin li mietu martri. F’Ruma, il-Papa Bonifaċju IV (550 – 615), stabbilixxa jum, it-13 ta’ Mejju biex dan isir jum ta’ devjozzjoni. Fis-sena 853, il-Papa Gregorju IV, sposta din id-data għall-1 ta’ Novembru. Biss, issa mal-qaddisin li mietu matri bdew ikunu mfakkra wkoll il-qaddisin kollha, inkluż magħhom Kristu u l-Madonna (Ġ. Grech Cremona, 1997).

L-Għid tal-Erwieħ
Matul is-sekli, li turi r-rispett lill-qraba li ma għadhomx magħna kienet xi ħaġa li niżlet minn ġenerazzjoni għal oħra skont it-twemmin fundamentali Nisrani. Anki fil-kulturi primittivi li huma ’l bogħod mill-Kristjaneżmu dan kien iseħħ. F’Malta, il-kult Tal-Mejtin hu evidenti kemm fl-Ipoġew ta’ żmien it-tempji preistoriċi kif ukoll fin-numru kbir ta’ katakombi tal-epoka Rumana.

L-Insara dejjem emmnu li meta mmutu, ir-ruħ flok titla’ dritt il-ġenna tmur il-purgatorju u tibqa’ hemm għal xi żmien sakemm tissaffa minn kull l-iċken dnub venjal. Biex din il-purifikazzjoni ssir b’mod sew u fl-iqsar żmien kien tajjeb li l-qraba jiftakru fihom u jitolbu għalihom. Dan tikkonfermah Santa Katarina, qaddisa mistika minn Ġenova (1447 – 1510), meta ddikjarat li l-erwieħ tal-purgatorju jifirħu bit-talb tagħna għax ikunu jafu li tneħħilhom l-ostakli biex ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Alla (J. H. Crehan, Man Myth and Magic).
Intant, ir-rispett u tifkira tal-mejtin kollha, jiġifieri, dawk kollha li qegħdin fil-purgatorju kien stabbilit fis-seklu VII, fi Spanja. Finalment, kien San Odilone, Abbati Benedittin ta’ Cluny fi Franza li fl-998, li stabbilxxa dan il-jum ta’ tifkira fit-2 ta’ Novembru, jum wara l-festa tal-qaddisin kollha. Imbagħad, fl-1915, il-Papa Benedettu XV estenda din it-tradizzjoni minn Spanja għal mad-dinja Kattolika kollha. Ma’ din, id-Dumnikani ta’ Spanja ħarġu bl-idea li dakinhar li f’Jum il-Qaddisin Kollha jsiru tliet quddisiet fl-istess jum, għall-erwieħ kollha. Sa ftit tal-ġenerazzjonijiet ilu f’Malta, l-użanza tat-tliet quddisiet flok waħda kienet popolari. Dakinhar kont tara diversi saċerdoti jqaddsu fil-kappelli laterali tal-knejjes fl-istess ħin, u n-nies kienet tattendi bi ħġara (Ġ. Grech Cremona, 1997).

It-tradizzjonijiet Maltin fl-Għid tal-Erwieħ
Matul is-sekli, f’Malta nħolqu bosta tradizzjonijiet marbuta mal-Għid tal-Mejtin għalkemm mhux daqstant mal-Għid tal-Qaddisin Kollha. Ta’ min wieħed jgħid ukoll illi kultant hawn ħafna li jħalltu it-tifkira tal-Mejtin Kollha ma’ dik ta’ Jum il-Qaddisin Kollha. Li turi r-rispett lejn il-mejtin kien u għadu mod importanti, għax iġġedded il-memorja ta’ dawk għeżież għalina. Dan isir fost raġunijiet oħra, biex il-mejtin meta jgħaddu għall-eternità u isibu l-‘mistrieħ fil-ħajja ta’ dejjem’ jkunu jistgħu ‘jgħixu’ qrib il-qaddisin li hemm fis-sema.

Matul ix-xahar ta’ Novembru, ix-xahar tal-Mejtin, aktar u aktar fit-2 ta’ Novembru, isir ħafna talb u quddies b’suffraġju għall-erwieħ fil-purgatorju. It-talb isir b’diversi modi, kemm fid-djar waqt ir-reċita tar-rużarju, bejn kull posta u oħra, jew fit-talba ta’ qabel l-ikel, u fit-talb ta’ qabel l-irqad. Fil-knejjes isiru wkoll viżti lil Ġesu Sagramentat fejn parti mit-talb kien isir għall-erwieħ. F’Novembru, isiru ż-żjarat lill-qraba mejtin fiċ-ċimiterju fejn ikunu midfuna. Antikament, fost iċ-ċimiterji li kienu jżuru kien hemm ukoll dak tal-ħabs ta’ Kordin, fejn kienu midfuna dawk iġġustizzjati għall-mewt fuq il-forka. Ħafna kienu wkoll iżuru ċ-ċimiterju ta’ Wied Għammieq, limiti tal-Kalkara, fejn hemm midfuna dawk li mietu bil-kolera li ħakmet lill-Malta fl-1838. (G. Lanfranco, 2004 u 2017).
Antikament, kienu jgħidu, li ’l-erwieħ jifirxu is-sarvetta’ biex fiha jinġabar it-talb li jingħad minn qrabathom ħajjien biex joħroġhom mill-purgatorju u jitilgħu il-ġenna.’ Għaliex ‘is-sarvetta?” (G. Lanfranco, 2017). Dan hu paragun mat-tradizzjoni li fl-Għid tal-Erwieħ isiru atti ta’ karità lill-foqra li jingħataw l-ikel.

Ikel għall-foqra
Il-karità fuq livell spiritwali li ssir mal-erwieħ fil-purgatorju, żviluppat matul is-sekli biex saret anki okkażjoni li wieħed jgħin lil dawk in-nies fil-bżonn. Sa ftit ġenerazzjonijiet ilu, sa nofs is-seklu għoxrin, in-nies foqra, li minnhom kien hawn kemm trid, kienu joħorġu f’Jum il-Mejtin, jitgħallbu bieb bieb, biex jingħataw xi ftit ħobż jew ikel ieħor biex jitrejqu. Dawn kollha kienu jgħidulhom, ‘tallaba tal-erwieħ.’
F’bosta lokalitajiet kien hemm minn jiġbor ammont kbir ta’ ikel, bħal ħxejjex ta’ kull tip, biex isajru l-minestra f’kaldarun kbir u dakinhar ta’ Jum l-Erwieħ din kienet titqassam fost il-foqra li kienu jinġabru apposta fuq il-post. Fost l-ikel kien ikun hemm kull tip ta’ ħxejjex li jingħataw mill-bejjiegħa tal-ħaxix bħala karità. Fost l-ikel kont issib il-favetta, il-patata, l-għaġin u l-ħobż. Dan tal-aħħar kien jinġabar mingħand il-furnara.
Fil-programmi tar-radju RTK li kien jippreżenta Guido Lanfranco, bosta semmiegħa ċemplu biex jirrakkontaw minn dak li jiftakru. Fost dawn kien hemm waħda mara mill-Furjana li qalet li tiftakar li t-tisjir tal-minestra fil-kaldarun kbir kien isir mill-Kapuċċini tal-kunvent ta’ hemm; mara oħra min-Naxxar tiftakar ukoll dan it-tisjir jingħata ‘il foqra f’raħalha; persuna mill-Belt issemmi li l-kaldarun kbir bl-ikel kien jissajjar u jisserva fi Strada Pozzi (Triq il-Bjar), bejn l-Arċipiergu, u l-Barrakka ta’ Isfel. (Ġ. Lanfranco, 2017).

Minn żmien il-medjuevu f’bosta festi kienet issir dik li jgħidulha ż-żerda. Din kienet ikla li tingħata lin-nies foqra f’okkażjonijiet ta’ festi reliġjużi. Ġieli ż-żerda kienet tkun imħollija f’xi legat fejn il-werrieta jkunu marbuta jagħmluha f’xi knisja partikulari. Din l-ikla għandha wkoll konnessjoni mall-quċċija. Illum, il-kelma quċċija tfisser ħaġa oħra. Biss, mijiet tas-snin ilu, din il-kelma kienet tirreferi għall-qamħ, żbib, ġulġlien, lewż, ġellewż u ikel ieħor li kien jitqassam lill-foqra fil-festa tal-Għid il-Mejtin, u f’festi oħrajn. L-isem ġej mill-Isqalli, cuccia – zuppa fatta di frumento bollito nell’acqua o nel latte con zucchero ed altri savori. F’Sirakuża, il-quċċija, jiġifieri, l-ikla tal-foqra kienet issir l-għada tal-festa ta’ Santa Luċija, (il-qaddisa patruna ta’ dik il-belt) fejn kien jingħata l-ikel li jifdal mill-festa. Bħal ma jsir f’San Martin, festa li ssir f’Novembru wkoll, f’Jum il-Mejtin, it-tfal ukoll kienu jingħataw borża bil-lewż u l-ħelu. Hawn naraw kif l-użanzi jitħalltu.
Il-ħanżira tal-erwieħ
Ma’ dak li semmejna kien hemm użanza oħra. F’ċerti rħula, il-konfraternità tal-parroċċa kienet tiddobba ħanżir u dawn kienu jitilquh fit-toroq biex kulħadd jitma’ fih. Meta l-ħanżir jikber u jismen, dan kien jinbiegħ, u l-flus li kienu jaqilgħu mill-bejgħ tiegħu kienu jingħataw għall-quddies tal-erwieħ. Hemm verżjoni oħra ta’ din l-aneddota, għax hawn min jgħid li dan il-ħanżir kien jitħalla fit-toroq biex jiekol dak li jagħtuh u fit-tnejn ta’ Novembru dan jinqatel u jissajjar biex jittiekel mill-foqra. Fost l-irħula fejn jingħad li din it-tradizzjoni kienet issir, kien hemm ix-Xewkija, Għawdex, il-Gudja u Ħal Qormi. Nifhmu li dan l-att ta’ karità kien mod simboliku tal-karità li ssir ukoll bit-talb lill-erwieħ tal-purgatorju.
La Festa dei Morti u tradizzjonijiet oħra fi Sqallija
Ħafna mit-tradizzjonijiet Maltin dwar Jum il-Mejtin ħadnihom minn Sqallija, għax matul is-sekli dejjem kien hemm kuntatt kulturali bejn iż-żewġ gżejjer ġirien. Fi Sqallija kienu jemmnu li l-mejtin qabel ma jaqsmu għad-dinja l-oħra, iħallu r-rigali lit-tfal li jiġu minnhom. Sal-lum, fi Sqallija jinxtraw ir-rigali f’La Fiera dei Morti biex jingħataw lit-tfal, biss ir-rigali jinħbew u l-ġenituri jġiegħlu t-tfal ifittxuhom mad-dar kollha. (sors: Siciliainfesta.com). F’Malta f’dawn il-jiem u anki max-xahar ta’ Novembru jinbiegħu ‘għadam tal-mejtin’. Fi Sqallija dawn jgħidulhom i crozzi i mortu (ossa di morto). F’ċerti partijiet ta’ Sqallija kienu joffru frutta secca e cioccolatini, accompagnata U’ cannistru‘, basket mimli bi frott tal-istaġun u ċikkuklata. (Siciliainfesta.com)

F’reġjuni oħra tal-Italja kien jingħata ikel lill-foqra li kien jikkonsisti f’soppa magħrufa bħala cecei con le costine, soppa biċ-ċiċri u l-kustilji tal-majjal u ħobż, l-istess, magħruf bħala pane dei morti. Il-ħobż kien ikun magħmul minn taħlita ta’ frak tal-biskuttini, dqiq, bajd, zokkor u kannella, ċikkulata u żbib. (sors: Nordest24.it)
Għaliex Halloween ?

Jidher illi din iċ-ċelebrazzjoni li saret tant popolari fl-Amerika u f’pajjiżi Anglo-Sassoni, hi meħuda minn taħlita ta’ tradizzjonijiet antiki, kemm dawk pagani-Keltiċi, kif ukoll dawk Insara. Maż-żmien dawn tħalltu mal-istejjer tal-ispirti li kif kienu jaħsbu, jirritornaw fid-dinja biex ibeżżgħu lil qrabathom, kif ukoll stejjer fantastiċi oħra tas-sħaħar. L-isem, Halloween ġej mill-frażi Ingliża, Alholowmesse li tfisser Jum il-Qaddisin Kollha, li jfisser li din it-tradizzjoni oriġinat mill-festeġjament tal-qaddisn kollha u mhux minn Jum il-Mejtin. Biss, jidher illi l-kommemorazzjoni tal-qaddisin tħalltet biż-żmien ma’ dik tal-Mejtin Kollha u spiċċat fl-imħuħ tan-nies bħala ħaġa waħda, b’ċelebrazzjoni li ssir fil-31 ta’ Ottubru, lejliet il-festa tal-Qaddisin Kollha.
F’dan il-lejl, fil-pajjiżi Anglo Sassoni kien isir it-tqabbid tal-ħġejjeġ li fi żmien il-Kelti kienu jitqabbdu biex dawn inaffru l-ispirti ħżiena u jbiegħduhom minnhom. Jingħad li f’Aberdeen, fl-Iskozja, fis-seklu dsatax, it-tfal kienu jduru jiġbru l-ħatab bil-ħsieb li li jagħmlu ħuġġieġa kbira biex jaħarqu is-sħaħar (R. Cavendish, Man, Myth and Magic). Il-miġemgħa kienet iddur ma dawn il-ħġejjeġ u fost affarijiet oħra kienu jħobbu jirrakkuntaw dwar qrabathom li għaddew għad-dinja l-oħra.
Imbagħad, fis-seklu 19, fl-Amerka, in-nies (l-aktar dawk l-emigranti Irlandiżi) bdew bil-mod il-mod, jorganizzaw festini bl-ikel waqt li beda ż-żuffjettar u t-tlibbis ta’ kostumi makabri bħal, lożor, immaġini ta’ skeletri, qara’ aħmar imħaffer u mixgħula u mixgħul minn ġewwa bix-xemgħa u x’naf jien, biex tinħoloq atmosfera ta’ biża’ fost dawk preżenti. It-tradizzjoni li t-tfal imorru jduru bieb bieb, biex jitolbu l-ħelu mingħand il-ġirien (trick or treat), tfakkarna fir-tradizzjoni Nisranija tas-sekli li għaddew fejn f’Malta, il-foqra kienu jduru bieb bieb jittallbu għal xi ħaġa żgħira tal-ikel.
It-taħwid bejn Jum il-Qaddisin Kollha, l-Għid tal-Erwieħ u Halloween
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Halloween għenu biex ikomplu jħawdu l-imħuħ dwar jekk Jum il-Mejtin u Jum il-Qaddisin Kollha humiex l-istess ħaġa. F’ċerti pajjiżi dawn iż-żewġ festi jaħbtu fl-istess jiem. Hekk insibu illi fil-Messiku l-festa tal-erwieħ hi ċċelebrata fuq jumejn, fl-1 u fit-2 ta’ Novembru. Biss, fl-1 ta’ Novembru jkunu mfakkra it-tfal li mietu ta’ età żgħira. Dan it-taħliet bejn l-1 u t-2 ta’ Novembru seħħ għaliex 1 ta’ Novembru hi festa ‘kważi’ vaganza waqt li tat-2 mhix u għalhekk f’bosta pajjiżi Jum il-Mejtin kien spostjat għall-1 ta’ Novembru.
Martin Morana ©
6.11.2024
kliemustorja.com
Biblijografija
Crehan J. H., ‘Purgatory’, Man Myth and Magic. Vol. VI. Purnell. 1974.
Cavendish Richard, ‘All Hallow’s Eve’, Man, Myth and Magic. Vol. I. Purnell. 1974.
Goody Jack, ‘Cult of the Dead’, Man, Myth and Magic. Vol. II. Purnell. 1974.
Grech Cremona Ġ., Qaddisin Għal Kull Jum. Media Centre. 1997.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. P.I.N. 2004.
Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.
History.com October 24, 2024.
nordest24.it
Siciliainfesta.com
Aktar kitba u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur:
