in-NOM MIMMAT

IN-NOMI MIMMATI

dawk minsija u oħrajn

Fil-Malti insibu bosta kliem li hu mimmat, jiġifieri, nomi li huma mnisslin minn xi aġġettiv, verb jew nom ieħor. Dawn kollha huma ta’ oriġini Semitika u jibdew bl-ittra ‘m’. Eżempju ta’ dan, mill-verb taħan joħroġ in-nom mimmat ‘mitħna’, mill-verb ħarat joħroġ ‘moħriet’, mill-verb ħeba joħroġ in-nom mimmat ‘moħba’. Fil-Malti ta’ żmienna dan it-tip ta’ nom mhux daqstant komuni daqs kemm fl-ilsien Għarbi jew fil-Malti tal-qedem.

Fl-Għarbi nomi bħal dawn ma jgħidulhomx ‘mnisslin’ jew ‘mimmati’ iżda jikategorizzawhom bħala, isim al makān (ism ta’ lok / imkien), isim aż żamān (isem iż-żmien), isim āla (isem tal-għodda) jew isim magħful (passiv), għalkemm dan tal-aħħar fil-Malti ma jgħoddx bħala nom mimmat iżda bħala aġġettiv jew sitwazzjoni passiva. (Sors ta’ din l-informazzjoni ngħatatli minn Alan Syahmi Bin Sani, gradwat fil-lingwistika Għarbija).

In-nom mimmat jista’ jirreferi għal imkien, bħal ngħidu aħna, maħbeż jew Mistra; għodda, bħal munxar (tip ta’ serrieq) jew musmar. In-nom mimmat jintuża wkoll meta nirriferu għal xi ġabra ta’ oġġetti, bħal mixtla, masġar jew miklem. L-użu tan-nom mimmat jidħol ukoll fil-ħsieb astratt, bħal mibegħda jew imħabba; kwalitajiet fil-bniedem, bħal miġnun jew midneb; jew jindika anki xi żmien jew avveniment partikolari, bħal ‘Milied’ jew magħmudija. Għal aktar definizzjoni fuq in-nom mimmat ara: kurjamalti.com.

Hawn qiegħed nelenka lista ta’ nomi mimmati li bbażajtha fuq il-kliem mimmat li sibt fid-dizzjunarju kapulavur ta’ Erin Serracino Inglott, Il-Miklem Malti (1979 – 1989). Ippreferejt nuża dan id-dizzjunarju bħala bażi fuqiex nibni din il-lista minħabba li Serracino Inglott jidentifika kull fejn dan jidher bħala tali u anki jinkludi l-etimoloġija tal-kelma. Billi sibt nomi mimmati ħafna aktar milli stennejt  – daqs 186 – ideċidejt li ninkludi biss dawk in-nomi li l-użu tagħhom illum hu ftit jew xejn, u għalhekk hu kliem li intesa. L-għażla wkoll tgħin biex nifhmu aħjar mhux biss l-ilsien Malti antik, iżda wkoll il-mod ta’ ħajja li kienu mdorrijin fiha l-Maltin ta’ dari.

Ma’ ġenb kull kelma qiegħed nagħti tifsira żgħira. Dawn it-tifsiriet kemm-il darba ġbarthom minn aktar minn sors wieħed. Fejn dawn is-sorsi huma eqdem mill-kitba ta’ Serracino Inglott dawn niżżilthom ħdejn l-informazzjoni kkwotata biex nuri kemm l-użu tagħhom imur lura fis-snin u kif kultant ivarjaw fit-tifsira minn dik li jagħti Serracino Inglott.  

——-

MABXAR       Lok fejn jingħataw l-aħbarijiet. Ġurnal notizjarju. Koċċ aħbarijiet miġbura jew ippreżentati f’daqqa. Francis Vella (1843) u Erin Serracino Inglott (E.S.I., 1979).

*Ara l-Biblijografija fl-aħħar ta’ din il-lista biex tieħu aktar informazzjoni dwar is-sorsi kkwotati.  

MABGĦAR       Munzell kbir ta’ bagħar, jiġifieri ħmieġ tal-annimali. Maħra tal-bhejjem. Intant anki l-kelma maħra hi nom mim.   

MABQAR       Merħla kbira ta’ baqar. Razzett tal-baqar. Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) riferenza għal Lexicon – Ktyb il Klym Malti byl-Latin u Byt-Taljan eċċ li hu ppubblika fl-1796) jittraduċi din il-kelma bħala, mandra di buoi. 

MABĦRA     Oġġett li fih jinħaraq l-inċens. Inċensir. 

MABŻAR     1. Kontenitur żgħir li fih jinżamm il-bżar mitħun biex jitraxxax fuq l-ikel. 2. Munzell kbir ta’ demel li jkun hemm fl-għelieqi.  

MADMAD  1. Injama ingastata fil-minċott tat-tmun li tintuża bħala laċċ. 2. Injama li titpoġġa fuq għonq il-gendus biex dan ikun ikkontrollat hu u jkaxkar l-għodda tal-ħrit.  

MADRAB    Agius de Soldanis (A. de S.) fid-Damma ta’ Kliem Kartaġinis Mscerred fel fomm tal Maltin u tal Ghauċin, studju li ġabar iżda qatt ma ppubblika (1758 – 1768) u li riċentament ġie traskritt u ppubblikat fl-2016, jgħid hekk: appoggio fatto in un muretto per sostenere qualche edificio. Biss, E.S.I. ma jaqbilx ma’ din it-tifsira, u minflok jgħid hekk: Għuda li biha tinżamm soda xatba tal-għalqa, jew bieb ta’ xi għorfa fil-kampanja. Sors. Damma u E.S.I.

MAĠBAR    Post, dar jew għorfa ta’ refuġju mill-maltemp. Bit-Tal. A. de S. jgħid ricovero. L-istess awtur jagħti l-frażi, MAĠBAR  il-BARRANIN Post li jilqa’ lill-frustiera biex jgħixu xi żmien fih. L-istess A. de S. jgħidlu ospizio, jiġifieri dar li tilqa’ n-nies.

MIĠLES   Lok fejn wieħed joqgħod bilqiegħda. Salott. Qawl: wara l-miekla (ukoll nom mim.) jew min għax xogħol min għal miġles.  E.S.I. jikkwota awturi ta’ dizjunarji oħra barranin li jgħidu li bl-Għ. din hi sala fejn wieħed jmur biex jitgħallem. Lingwist ieħor jgħid li dan ma kien xejn ħlief loki, gabinett. Bl-Għarbi, maġlis al qammati, jew maġlis al nuwabi hi il-kamra (l-istituzzjoni) tar-rapreżentanti governattivi tal-istat li tista’ tkun ta’ diversi tipi, eż., il-parlament.   

MAĠRA    Ambjent fil-kampanja fejn joħroġ jew jgħaddi minnu l-ilma. Għajn u l-ilma ġieri.

MAĠMAR     Bieqja li fiha jinġabar il-ġamar ta’oġġett li jkun inħaraq.

MAGĦTAB     Ambjent fil-kampanja fejn l-art tkun wisq imħarbta u għalhekk min jgħaddi minnha jista’ jogħtob. (ara: GĦOTBA).

MAĦAFI     Kelma antika li kienet tintuża fil-frażi ‘bil-maħafi’, jiġ., bil-biża’. Eż. kienu jgħidu, ‘ara li meta taqsam it-triq, dan tagħmlu bil-maħafi’. Oriġ. Għ. ma’ –  خوف  kħuwf: biża’.  

MAĦANQA   Kullar li jintrabat ma’ għonq il-bhima, kemm jekk gendus kemm jekk mogħża. Maktur ta’ kull tip li wieħed idawwar ma’ għonqu biex jilqa’ kontra r-riħ, jew inkella jilbsu sempliċiment għaż-żina.

MAĦBEL     Il-post fejn jinħadmu u jinħażnu l-ħbula.

Ambjent tal-maħbeż …ħajr lil Ta’ Nenu Restuarant, il-Belt Valletta.

MAĦBEŻ    1. Il-forn (kemm bħala l-istruttura tal-ġebel li fiha jissajjar il-ħobż, kif ukoll il-binja fejn isir il-proċess biex jinħema l-ħobż. 2. Il-luħ (il-pala b’manku twil) li bih jiddaħħal u jinħareġ il-ħobż mill-forn. 3. Reċipjent li fih jinħema l-ħobż. 4. Infurnatura, it-tisjira ta’ kwantità ta’ ħobż f’daqqa. A. de S. jispjega din il-kelma bit-Tal. bħala fornata di pane. Qawl: Meta tara maħbeż (mimli) la żżidx ieħor – ħallieh l-ewwel jaħbeż. (M.A.V., Aforismi, 1828).

MAĦDAR     1. Post fejn wieħed jilqa’ l-mistednin.  Ġemgħa ta’ nies li takkumpanja l-għarajjes fit-tieġ. (grupp ta’ ħaddara). 2. Ambjent imħaddar bis-siġar u l-pjanti.

MAĦRA    Il-lok fejn wieħed jaħra. (A. de S.) Voce di inguria e vale quanto in Italiano uom di nulla, coglione, minchione. Hawn mela dan in-nom mimmat jintuża anki figurattivament meta wieħed jgħajjar lil ieħor bi skop ta’ insult.

MAĦRAS   Torri tal-għassa, li bħalu nbnew bosta, fi żmien il-Medjuevu u fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann biex minnhom issir l-għassa u jagħtu l-allarm hekk kif jintlemaħ xi bastiment tal-għadu fuq ix-xefaq.

MAĦSEL    Post jew kamra fejn jittieħdu l-ħwejjeġ, drappijiet eċċ., biex jinħaslu. Għajn tal-ħasselin.

MAĦŻNA   Maħżen żgħir.

MAGĦLAQ     1. Post fil-magħluq. 2. Għatu ta’ nassa tal-ħut.  IL-MAGĦLAQ   Imkien magħruf hekk li qiegħed wara t-tempju preistoriku tal-Imnajdra.

MAGĦLEF     (pl. mgħalef). 1. Oġġett jew kamra fejn jintrefa’ l-għalf għal bhejjem. Xkora jew ċurniena li titqiegħed madwar il-geddum tal-bhima biex din tiekol l-għalf minnha. Il-maxtura fejn jintgħalfu l-bhejjem (F. Vella. 1831)  2.  L-għalf innifsu jissejjaħ hekk ukoll, eż., magħlef tal-ħut.

MAGĦSAR / MAGĦSRA    Apparat li jintuża biex ikun ippressat l-meraq tal-frott, eċċ. Minn dawn insibu, il-magħasar tal-għeneb, u l-magħsar tal-polpa taż-żebbuġ biex joħroġ iż-żejtMa’ dawn wieħed jista’ anki jżid il-magħsar tal-larinġ li llum wieħed juża fil-kċina.  

MAGĦSEB     L-għerq jew il-vina li timxi matul nofs il-werqa li talpjanta. Bl-Għ. għaseb tfisser nerv. 

MAGĦŻEL   1. Fus jew rażża tar-rota tar-raddiena tal-insiġ. 2. Wieħed minn ħafna bsaten li jżommu r-rota tal-karettun imwaħħla fil-minċott tal-buttun. 3. Għodda tal-injam li tintuża biex jitkebbeb miegħu s-suf tan-nagħaġ biex dan jinbaram ħalli jsir ħjut. 4. Tip ieħor ta’ magħżel jintuża wkoll biex jinħadem il-ganutell billi miegħu jkunu mmaljati l-ħjut tal-fidda jew materjal ieħor qabel ma’ dan jinħadem skont id-disinn.  

MANBAR    1. Pulptu, tribuna li minn fuqha jsiru l-prietki u diskorsi, eċċ. 2. Vetrina kbira għall-esebiti f’ħanut jew f’mużew. 2. (A. de S.). Siġġu li fuqu kienu jelldu n-nisa tqal. Sorsi: E.S.I., J.A. u M. Dimech (1901).  Etim. Għ. minbar Fil-moskeja hu l-post kemxejn ogħla mill-art biex minn fuqu l-imam jidderiġi t-talb u jagħmel il-prietka tiegħu. 

MANSAB   1. L-ambjent fejn jitqiegħed ix-xbiek biex jinqabdu l-għasafar. 2. Post fejn bniedem ‘jintasab’ biex jistrieħ. 3. Siġġu qisu tron fejn dari l-għarusa kienet tintasab waqt ir-riċeviment tat-tieġ.   F. Vella  (1843) jgħid li din il-kelma tfisser ukoll siġġu.

Ħajr tar-ritratt: Victor Falzon

MANQAX      Skalpell żgħir li l-iskultur jonqox bih. Ing. small chisel.

MAQBAR     Post tad-dfin.  Post fejn hemm l-oqbra. Ċimiterju.

MAQGĦAD    Kelma oħra għal siġġu. Fil-ħrafa ‘Tifel jeqred seba’ Ġganti,’ P. Manwel Magri (1851 – 1907) jgħid hekk: ‘Dak [it-tifel] ressaq għal fuq in-nar il-maqgħad u jabni l-ispirtu tan-nar ħadu [lill-ġgant]’. Fir-rumanz Is-Salib tal-Fidda, (1939) P. Wistin Born juża dan in-nom kemm-il darba flok siġġu. Sorsi oħra: A. de S. u E.S.I.

MAQJEL   (pl. mwieqel). Post magħmul apposta bħala  kenn għall-bhejjem tal-irziezet, bħal baqar u ħnieżer.

MAQSAB     Lok fejn jikber ħafna l-qasab (kannamiela); norm. dan issibu f’xi widien għax din il-pjanta tinħtieġ l-ilma.

MAQTAR    Ara: LAMPIK.

MAQTUXA   Beżbuża jew erba’ żajbriet. Għ. katuxa. Fl-ilsien Għarbi din hi troffa xagħar li titħalla tikber waħidha fuq il-qurriegħa tar-ras.

MARBAT   Ħolqa ma’ fejn jintrabtu l-bhejjem. Fl-antik dawn il-ħoloq kienu mħaffra bl-għodda fil-ħajt jew fl-art. Biż-żmien il-marbat beda jsir minn ħolqa tal-ħadid li kultant tkun marbuta mal-faċċata tal-ħajt jew ma’ xi bieb. Sors: A. de S., E.S.I. u oħrajn.

MARDEN     Bżallu.  Fus tal-injam jew tal-ħadid li fuqu jdur ir-rukkell tar-raddiena tan-newl.  A. de S. u E.S.I.  

MARFA   Lok fil-Majjistral ta’ Malta li jħares lejn Kemmuna. L-isem jista’ jindika li dan hu l-post fejn kienu jittellgħu d-dgħajjes l-art (jintrefgħu) jew il-lok minn fejn jittellgħu l-passiġġieri, u t-tagħbija abbord il-mirkeb biex dawn jittieħdu lejn Għawdex eċċ.  Sors: (A. de S).

MARĦAB      Post fejn jgħixu l-irħieb f’komunità. Kunvent, kemm tal-patrijiet, jew inkella tas-sorijiet. Kelma li niltaqgħu magħha fir-rumanz, Is-Salib tal-Fidda, (1939), p. 184: ‘[…] Fil-marħab ta’ dik il-knisja hemm Rożina, magħluqa hemm ġew għal għomorha […]’.

MARQAD    Post fejn jiddaħħlu jorqdu l-annimali. Eż., marqad il-mogħoż. Qawl: F’marqad il-mogħoż ma ssibx sbul. (M.A.V. 1828), jiġ., fejn hemm familja numeruża u fil-bżonn qajla ser issib ikel mormi.

MARSA     (A. de S.) Port għal kenn. (pl. mrasi). Dan il-plural jidher fil-kitba ta’ Luigi Rosato, ‘Katarina – Dramm Storiku’, It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax – It-tieni volum, p. 2:

Malta żgħira imma qawwija

Mill-imrasi, mis-sbieħ swar 

MATFGĦA    Kanun.  cannone di guerra  (M.A.V. 1796).

MATMURA     1. Il-maxtura li fiha jitqiegħed l-għalf tal-annimali. (F.V. 1831). 2. Post taħt l-art fejn jinħażen il-qamħ u affarijiet oħra simili tal-ikel.  E.S.I.

MĦAKKA    Għodda magħmula biex tħokk diversi oġġetti tal-ikel, bħal ġobon u ħobż.  Sors: M. Dimech (1901). Illum aktar ngħidu ħakkieka. Għodda tal-ixkatlar li tintuża fix-xogħol tal-ġebel jew tal-injam. Broxk. Ing. grater. Fig. Mara li tiġġerra ma’ dak jew l-ieħor.

MIBWEL    Awrinar. Lok fejn wieħed ibul.

MIDFNA   1. Skont E.S.I., post, l-aktar għalqa fejn jindifnu l-annimali. 2. Miżbla. Skont G.B. Falzon (1845), zuntier, ċimiterju. 

MIDILKA    Materjal li tidlek ix-xagħar bih. Fig. Persuna li ma hi kapaċi għal xejn, għażżiena jew maħmuġa. Bniedem mitluq. Ċappa xaħam fuq karta. Bniedem li jħobb jindilek. A. de S. jirreferi b’dan l-appellattiv għal corteggiano. Sorsi: E.S.I. u J.A.

MIDRA   (pl. imdieri). Speċi ta’ furkettun tal-injam li jintuża mill-bdiewa biex jgħollu t-tiben fl-ajru ħalli permezz tar-riħ iġellbnu (jisseparaw) il-qamħ jew ix-xgħir mill-ħliefa, sifa (v. iderru). Sors prinċ.: Anton F. Attard.

MIEKLA   Ġabra ta’ ikel fuq il-mejda. Il-kamra jew il-post (taverna eċċ.) fejn issir l-ikla. Bieqja li minnha jieklu u jixorbu l-għasafar.

MIĠBĦA  1. Post b’serje ta’ qolol tal-fuħħar jew ħofor fil-blat jew ħajt, fejn jitrabbew in-naħal. Il-qolol tal-fuħħar jew il-kaxex tal-injam fejn in-naħal jipproduċi l-għasel. 2. Bajja fl-inħawi tal-Mellieħa msejħa hekk.  Għ. maġbaħa.    

MIĠFNA     Ħafna iġfna. Kwantità ta’ bastimenti tal-istess flotta navali miġbura f’lok wieħed.  

MIĠRA    Ara: MAĠRA.  

MINFES     Singular ta’ mnifsejn.  Waħda minn żewġ toqbiet tal-imnieħer.

MIRKEB      Kull oġġett li wieħed jirkeb. Biss, norm. b’dan nifhmu aktarx bastiment antik ta’ kull xorta.   

MIKINSA    Kelma oħra għal xkupa. Imselħa.

MILWA     1. Kull ħaġa milwija fuqha nfisha. Eż., milwa ħajt jew milwa zalzett. 2. Kull tip ta’ għodda li tintuża biex tilwi magħha oġġett, bħal, mazzarell jew kavilja.  

MINFAĦ     L-apparat li juża l-ħaddied biex jonfoħ b’saħħa l-arja lejn il-forġa biex iqawwi n-nar. Minfaħ jista’ jkun ukoll l-istess tip ta’ apparat biss, li jintuża biex l-organista jonfoħ l-arja għal ġol-pajpijiet tal-orgni (pipe organ)

MINĠEL   Għodda tal-biedja b’xafra milwija nofs qamar użata l-aktar biex taħsad il-qamħ.  MINĠLA    Bħal minġel, biss li jidħol min-naħa tal-manku f’ħolqa mwaħħla mal-ħajt biex il-bidwi jqatta’ s-silla jew il-magħlef biha. Din l-għodda tissejjaħ ukoll RANĊILA

MIKINSA    Għodda li biha tiknes. Xkupa jew imselħa. Ara: MSELĦA.

MINKEB   Liwja fit-triq. Ġużè Muscat Azzopardi juża din il-kelma bosta drabi fir-rakkonti tiegħu. Fir-rumanz, Susanna (1883) jgħid hekk: ‘[…] lemah il-minkeb u lewa ma’ dik it-trejqa […]’. L-istess insibuha fir-rumanz, Nazju Ellul (1901): ‘[…] baqa’ sejjer max-xatt, sakemm wasal fil-minkeb ta’ Ta’ Xbiex […]’.  L-istess kelma tfisser angolu, liwja ta’ katusa.

MINTNA  Ambjent impestat bl-irwejjaħ. Miżbla tinten. Għadira fejn l-ilma qiegħed li jinġabar fiha jagħmel riħa tinten. TAL-MINTNA  Post fl-inħawi tal-Imqabba fejn jinsabu l-katakombi magħrufa bl-istess isem. 2. Tip ta pjanta magħrufa hekk. 

MIRKEB    Term. ġeneriku għal kull tip ta’ vettura fuq l-art, kif ukoll, u aktar riferenza għall-mezzi ta’ trasport fuq il-baħar.

MISQJA    Il-lok li minnu jintrefa’ u jittella’ l-ilma għat-tisqija. Funtana jew għajn fejn il-bhejjem jitwaqqfu biex jixorbu l-ilma. Ħdejn it-tempju megalitiku tal-Imnajdra hemm l-hekk imsejħa Misqa Tanks li huma maħsuba li kienu jservu ta’ bjar tal-ilma mħaffra apposta mill-istess nies li kienu bnew it-tempji.

MISRAĦ   (pl. msieraħ). Pjazza fiċ-ċentru tar-raħal. Għ. masarihm,  masrah.  G.F. Abela (1647), jiddiskrivi l-misraħ bħala l-pjazza tar-raħal qrib il-knisja fejn in-nies kienu jinġabru fil-jum tal-Ħadd jew f’xi festa pubblika, fejn skont hu, iqattgħu l-ħin jitħaddtu. M.A.V. (1796) jgħid, piazza aperta. Oriġ., din il-kelma kienet tirreferi għal post komunali qalb l-irziezet fejn l-annimali setgħu jirgħu liberament. Xagħjra. Fil-ktieb Place-names of the Maltese Islands, 1300 – 1800) ta’ G. Wettinger, insibu aktar minn erbgħin post li fih hemm inkluż dan l-appellattiv. Biss dawn x’aktarx kienu nħawi fil-miftuħ tal-kampanja fejn jirgħu il-mogħoż. Fost dawn insibu Misraħ il-Kbir, Misraħ il-Mitħna, Misraħ il-Wardija u l-Imsieraħ, li llum ħafna minnu nbena u sar il-lokalità ta’ San Ġwann.

MISTRA    Post moħbi, post mistur. Dan hu l-isem li hu magħruf bih il-wied li jagħti għall-bajja li hemm taħt Selmun. Għawdex insibu ukoll il-Blat tal-Mistra li jinsab mal-kosta taħt in-Nadur.    

MITBAĦ    Post jew kamra fejn ikun ippreparat u msajjar l-ikel. Kċina.

MITBAGĦ     Kamra ħanut jew post fejn ikunu mitbugħa (stampati u ppubblikati l-kotba). Hawn min għadu jgħid, ‘il-ktieb hu mitbugħ’ flok stampat … MITBGĦA il-makkinarju tal-istampar tal-kotba eċċ.

MITQAL    Aġġ. mim.  It-toqol ta’ … Kienet tingħad fil-frażi mitqal ċangun, jiġifieri, t-toqol ta’ ċangun. Kienet tingħad ukoll, fil-frażi, jiswa mitqlu deheb, jiġifieri, l-oġġett jiswa daqs it-toqol tiegħu f’deheb.

MITWAL   Aġġ. mim.  Twil daqs …, bħal meta ngħidu, mitwal sur, jiġ., għoli daqs sur, jew mitwal bniedem, jiġ., għoli ta’ bniedem.

MIXEGĦLA   Ħafna oġġetti, eż., mnajjar, lampi taż-żejt, ħġejjeġ, bozoz, mixgħula f’daqqa fl-istess lok għal xi okkażjoni partikolari. Ngħidu, pereż., fil-festa tal-Imnarja ssir mixegħla kbira madwar l-Imdina.  

MIXTA   Post għall-kenn tal-bhejjem. Qala fejn jistkennu l-bastimenti mill-qilla tal-maltemp. Għaldaqstant port jew bajja fejn il-bastimenti jistkennu anki fix-xitwa. L-isem Marsamxett x’aktarx ġej minn hawn, port tax-xitwa.

MIXTEL   Post f’għalqa jew ġnien fejn jitkabbru x-xtieli żghar. (Ing. nursery).

MIŻIEB   (pl. imwieżeb).  1. Ġebla mħaffra bħal katusa maħruġa ’l barra mill-bini, l-aktar fuq il-bejt, biex l-ilma tax-xita jnixxi ’l hinn mill-faċċata tal-binja. Qawl: Ħeles mill-miżieb u weħel fil-qattara.  2. Fil-kuntest tal-artijiet rurali, il-miżieb hu nixxiegħa tal-ilma. 3. Isem ta’ nħawi lil hinn mill-Mellieħa fejn hemm jinsab wied dejjaq. Sors: A. de S. u E.S.I.

MIŻWED    Fostqa. Qoxra ta’ barra ta’ ċerti ħxejjex jew frott li fiha jinżamm kwantità ta’ żrieragħ. eż., tal-ful, tal-ħarrub jew tal-fażola. Qawl: Il-fula bint il-miżwed, u r-razza dejjem tiġbed.

MIŻBLA     Post, ġen. ħofra, mintba, jew munzell fejn jintefa’ ż-żibel. Qawl: min jiċħad lil art twelidu, lanqas il-miżbla ma tkun tridu.

MIŻMER    Wild li jitwieled barra ż-żwieġ. Kelma qribha fl-Għarbi hi miżma’ra, mara adultera. Sors: A. de S.

MIŻNA   Dar tal-żina, burdell.  Sors: A. de S.

MKEBBA Makkinarju tal-injam, li għandu l-funzjoni ta’ rakkell biex miegħu jiddawwar il-ħajt tat-tajjar jew ta’ xi materjal ieħor. Dan ir-rukkell ikun mwaqqaf fuq fus jew pern twil biex ir-rukell jista’ jdur hu u jintrabat jew jinħall il-ħajt minn madwaru. Fir-ritratt jidher makkinarju simili li miegħu qiegħed jiddawwar ix-xlief.

MOĦFIJA     Lembija jew skutella kbira tal-fuħħar li tintuża biex fiha jintrefa’ l-ikel, bħal għaġina, dqiq, jew ilma. Isem li ġej mill-verb ħefa, li jfisser ittiekel, bħal meta ttiekel oġġett bl-użu; għamel ħofra fin-nofs.  

MOSTA     Lok li jinsab fin-nofs ta’ xi mkien. Wieħed mela jista’ jifhem għaliex il-lokalità tal-Mosta hi msejħa hekk għax din tinsab fin-nofs ta’ Malta. Mill-Għ. mawista in-nofs jew iċ-ċentru.

MRADD    Maqbad imwaħħal ma’ rota li bih wieħed ikun jista’ jdawwar l-oġġett. Eż., maqbad tal-magna li titħan il-kafé. Mradd ta’ mola. 

MREJKBA   1. Tip ta’ ċattra żgħira bil-qala’, magħmula f’forma trijangolari u maħduma mill-qasab. Tintuża għas-sajd ġen. minn fuq l-art. 2.  Qafas li jiddawwar fuqu nnifsu min-nissieġa biex idawru miegħu l-ħajt tat-tajjar. L-istess tip ta’ apparat jintuża mis-sajjieda biex idawru x-xlief miegħu. S. Farrugia Randon, 2007. 

MREDDGĦA     Mara li tkun imqabbda biex tredda’ t-trabi. Ing. wet-nurse.

MSELĦA    Xkupa jew broxk ħafif. Xkupa tal-ġummar li ma tnaddafx tajjeb iżda aktarx tmeslaħ biss.

MSELLA     Labra tal-ħjata aktar twila u eħxen mis-soltu li fiha tieħu ħajt oħxon. Din tintuża mill-VELIER biex iħit id-drapp tal-qala’ jew biex jgħaqqad il-qala’ maċ-ċimi. L-imsella tintuża wkoll biex jinħietu jew jagħlqu l-ixkejjer minn naħa ta’ fuq, jew biex iħitu drapp oħxon, bħall-kotnina (Ing. canvas). Sors: V. Busuttil (1900).  

MSENNA     Għodda li biha jsinnu l-imterqa u l-mannarett.

MSERKA    Bastun żgħir ta’ madwar 20 ċm u rqiq qisu lapes. L-imserka tintuża biex jiddawwar magħha l-ħajt tal-għażel hekk kif dan ikun qiegħed jinfirex u jinġibed fil-makkinarju tan-newl waqt l-insiġ. L-imserka titqiegħed fil-mekkuk biex il-ħajt ikun protett u ma jitħarbatx, l-aktar waqt li jkun qiegħed jintefa’ min-naħa għall-oħra tal-makkinarju tan-newl. Ing. bobbin.  Ara: MEKKUK. 

MSIDA     Għadira fejn jitħalla l-ħut biex ibejjet. Lok fejn wieħed jistad.    

MTERQA   Għodda li tintuża min-naġġara u n-nies tal-barrieri biex tqatta’ l-blat. Min-naħa tkun qisha mannara b’xifer li jaqta’ u min-naħa l-oħra tkun qisha mazza biex tfarrak u tkisser il-ħaġar.

MTARFA     Lokalità li tinsab fuq art dukkana li tħares min-naħa tal-Punent fuq wied lejn l-Imdina u r-Rabat.

MUNXAR     Serrieq twil tant li jkun hemm bżonn li jaqbduh tnejn min-nies, wieħed min-naħa u l-ieħor minn oħra, biex jisserraw bih zkuk kbar tas-siġar f’biċċiet. Jintuża wkoll biex jaqtgħu xogħol fl-injam kbir.

MUSBIEĦ    Lampa tal-fuħħar li tixgħel biż-żejt. Minnhom instabu ħafna f’Malta li huma tal-perijodu Puniku, Ruman jew Proto-Kristjan. Waqt li fil-Malti din il-kelma tintuża biss f’kuntest storiku, fl-Għarbi din l-istess kelma (misbāħ) hi ħajja għaliex kull tip ta’ oġġett li jagħti d-dawl, anki dawk tal-elettriku (Sors ta’ din l-informazzjoni ngħatatli minn Alan Syahmi Bin Sani).

MUSTAXIJA     (pl. msaxet). Velu li fl-antik kien jintlibes min-nisa biex jgħattu wiċċhom. Velu tal-crêpe trasparenti. Drapp imdawwar mal-lobbja tal-bekkamorti, jew mad-driegħ. Din kienet tintlibes bħala sinjal ta’ luttu għal bosta żmien wara il-mewt ta’ xi qarib.   

MUTALGĦA     1. Xorok imfilsati fil-ħajt biex iservu ta’ turġien li wieħed jista’ jitla’ fuqhom biex jilħaq il-bejt ta’ xi għorfa. Sos: Ġużi Gatt (2005) u informazzjoni orali minn Ġanni Buhagiar. 2. Rampa. (Sors: J. Aquilina).

MXUM/A   Stat jew persuna fi stat miżeru u ta’ dieqa. Ħajja b’nuqqas ta’ ħtiġijiet essenzjali. Mikiel Anton Vassalli juża dan l-aġġ. fit-traduzzjoni ta’ Storja tas-Sultan Ċiru: ‘[…] intom imdorrijin minn żgħoritkom f’ħajja iebsa u mxuma.’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 96. Qawl: Ħajja dejjem imxuma aħjar il-mewt minnha. Qawl: Din id-dinja għall-imxuma. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 30.

Martin Morana ©

19 Novembru 2024

                                                kliemustorja.com

Bibliografija

Abela Gianfrancesco, Della Descrizione di Malta. 1647.

Agius de Soldanis (Ed. Rosabell Carabott), Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Malti u l Ghauċin. Akkademja tal-Malti eċċ. 2016.

Aquilina Joseph,   Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta’ Joseph Aquilina, (1987 & 1990).  

Busuttil Vincenzo,  Dizzjunarju Malti-Ingliż,  (1900).

Falzon Giovanni Battista,  Dizionario Maltese, Italiano, Inglese. (1845).

Farrugia Randon Stanley, Fishing in Malta. P.E.G. Ltd. 2007.

Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, Klabb Kotba Maltin. 2005.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1979.

Vassalli Mikiel Anton, Lexicon – Ktyb il Klym Malti byl-Latin u Byt-Taljan eċċ.,  (1796).

Vassalli Mikiel Anton,  Aforismi, ta’ Mikiel Anton Vassalli, (1828).

Vella Francis,   Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).

Vella Francis, Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese. (1843).

Wettinger Godfrey, Placenames of the Maltese Islands (1300 – 1800). P.E.G. Ltd. 2000.  

maltikurja.com

Manduca J.S. & Mifsud Ġorġ, Il-Qawl Iqul. PEG. (1989).

Categories:

Leave a comment