MANWEL DIMECH
u Malta ta’ żmienu
Manwel Dimech twieled fl-1860, f’kerrejja fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta, ftit ’il fuq mill-knisja ta’ Ġieżu. Missieru kien skultur. Sitt snin wara, l-familja tiegħu marret tgħix Santa Venera (dak iż-żmien parti minn Ħal Qormi) u aktar tard il-familja marret toqgħod l-Imsida.

Dimech qatta’ tfulitu jiġġerra fit-toroq u sfortunatament kien spiċċa jagħmilha ma’ kumpanija ħażina. Ta’ tlettax-il sena kien arrestat u mitfugħ jumejn fiċ-ċipp. Ma’ kinetx l-ewwel u l-aħħar darba. B’kollox f’għomru ħareġ u daħal il-ħabs għaxar darbiet, l-aktar fuq serq. Meta mbagħad, fl-1878 kien involut fi qtil ta’ raġel waqt ġlieda, Dimech intbagħat il-ħabs, flok inqtgħatlu għal mewt għax kien għadu minorenni. Spiċċa qatta’ tnax-il sena f’Kordin. Ftit wara li ħareġ mill-ħabs, fl-1890, reġa’ ġie arrestat u ntbagħat il-ħabs fuq akkużi ta’ falsifikazzjoni ta’ flus. B’kollox, f’ħajtu, Dimech qatta’ mal-għoxrin sena ħabs u dawn ma jinkludux is-sitt snin miżmum f’ħabs ta’ konċentrament li għamel fl-Eġittu (Mark Montebello, 2020). Meta tikkonsidra, Dimech qatta’ terz minn ħajtu maqful!
Fil-ħabs, Dimech sab lil min jedukah fil-lingwi u kien sar kapaċi jaqra u jikteb sew bil-Malti, it-Taljan il-Franċiż u l-Ġermaniż. Tnejn mill-għalliema tiegħu kienu qassisin, l-ewwel Dun Pietru Pawl Borg u wara Dun Doru Bonnici (H. Ganado, 1979). Imbagħad jissemma wkoll, ir-Reverendu George Wisely, il-kappillan tal-Knisja f’Malta tal-Presbiterjani (il-knisja tagħhom qiegħda fi Triq Nofsinhar il-Belt Valletta (J. Moffet & Cassar Conti, 2023). X’aktarx kien dan li webbel lil Dimech jaqleb għal reliġjon Metodista. Dimech mhux biss tgħallem jaqra b’diversi lingwi iżda sar ukoll qarrej u student ta’ bosta suġġetti li jirrigwardaw il-ħajja soċjali. Fil-ħabs qara kotba ta’ bosta awturi, fosthom, id-Divina Commedia, Orlando Furioso, Voltaire u Rousseau (H. Ganado, 1979). Awturi oħra li influwenzawh kienu, Jeremy Bentham, u John Stuart Mill (T. Diacono / J. Mallia, 2013). Dawn ġiegħluh ikun aktar konxju dwar in-nuqqasijiet tal-ġustizzja soċjali; minħabba f’hekk ħass li għandu jaqbeż għall-popolin li kienu qed isofri minħabba f’hekk. (H. Ganado 1979, u N. D. Denny, 2023).

Meta fl-1897, Dimech ħareġ mill-ħabs, kellu 36 sena. Biex jaqla’ x’jiekol beda jgħallem l-ilsna li kien tgħallem fil-ħabs. Biss, f’moħħu kellu intenzjoni u ħeġġa kbira oħra. Ried jaqsam il-fehmiet u l-kritika tiegħu dwar dak kollu li kellu x’jaqsam mal-mod ta’ governanza ta’ Malta, dak iż-żmien, kolonja mmexxija minn Londra. Kien ukoll jitkaża bis-soċjetà Maltija tal-klassi għolja u medja li kienet qed tinjora l-ħtiġijiet tal-poplu. F’Jannar tal-1898 beda jippubblika gazzetta kull nhar ta’ Sibt li semmieha, il-Bandiera tal-Maltin.
Fl-1905 u aktar tard hu siefer bosta drabi lejn Ġenova, Milan u Turin u hemm beda jgħallem l-Ingliż u l-Franċiż (J. Moffet / Cassar Conti, 2023). Kemm dam hemm seta’ jinnota kif l-awtorità tal-istat kienet timxi b’mod differenti minn dik ta’ Malta. Ma kienx hemm indħil la mill-barranin u lanqas mill-Knisja Kattolika kif kien qiegħed jiġri f’Malta. Kien ukoll affaxxinat bil-unions tal-ħaddiema li kienu jipproteġu lilhom infushom mill-isfruttar ta’ min iħaddimhom.
L-inġustizzji li jitkellem dwarhom Dimech
Fil-kitba u l-meetings tiegħu, Dimech kien jisħaq li l-poplu kellu bżonn jiftaħ għajnejh u jqum mill-komplaċità li kien jgħix fiha. Wieħed seta’ jara qasma kbira bejn dawk li jpappuha tajjeb u dawk li kienu jgħixu f’faqar miżeru. Din is-sitwazzjoni kienet iddejqu wisq lil Dimech. Hu kien jemmen li biex din is-sitwazzjoni tkun megħluba, il-popolin ried ikun mgħallem biex joħroġ mill-injoranza grassa li kien fiha u jiżviluppa spirtu reazzjonaru b’kull mezz possibbli. Dimech f’waħda mill-kitbiet tiegħu jħeġġeġ lill-Maltin biex ma jibqgħux ġwejdin u moħħhom biss fil-festi u l-baned u tpaċpiċ fil-vojt fil-każini:
‘Nies irridu aħna f’Malta, u mhux pupi, mhux figolli, mhux pasturi tat-tafal, mhux ħrief li bihom jagħmel kulħadd dak kollu li jrid …’ (M. A. Sant, 1989).
Dimech kien jisħaq li Malta għandha tkun stat indipendenti u lajk, b’rajha f’idejha. Il-Knisja (l-Isqof u l-kleru lokali) li kienet tant influwenti fuq il-’fidili’ Insara donnha qatt ma riedet tiddefendi l-popolin kontra l-abbużi tal-istat u tal-klassi l-għolja u dik medja. Dimech kien jemmen li dawn kienu f’konfoffa waħda. Dawk li kienu stabene qatt ma kienu favur li tidħol it-taxxa diretta u t-taxxa fuq il-proprjetà. Dawk sinjuri u l-Knisja kienu jippreferu li l-gvern jiġbor it-taxxi mill-importazzjoni ta’ oġġetti, ħafna minnhom essenzjali, b’konsegwenza li prezzhom kien jogħla u għaldaqstant kienu jħallsu għalihom dawk li ma kinux jifilħu. L-intimità tal-Knisja ta’ Malta mal-Gvernatur Ingliż kienet tidher saħansitra fil-protokol statali, għaliex fil-protokol l-Isqof kien stmat aktar mill-istess Logutenent Ingliż li kien l-akbar awtorità fuq il-militar f’Malta. Wieħed kien iżigħel bl-ieħor. Eżempju ta’ dan narawh fl-1900, meta l-Isqof Pace ikkundanna l-kitba ta’ Dimech meta dan ikkrikita xi kardinal Ingliż li kien faħħar il-beliġerenza imperjalista tal-Ingliżi fil-Gwerra tal-Boeri.
Il-qagħda tal-Maltin fi żmien Dimech

Fi żmien Dimech, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet tlaħħaq mal-200,000 ruħ u ħafna rġiel li riedu jitimgħu lil familthom kienu bla xogħol. Il-membri tal-familji kienu numerużi u d-dħul kien biss dak li ġej mix-xogħol tal-missier, skont il-mument. Dak iż-żmien ma kienet teżisti l-ebda assistenza soċjali biex tgħin finanzjarjament dawk fil-bżonn. Ħafna minn dawk li kienu jabitaw il-Belt, il-Furjana u t-Tlett Ibliet kienu jgħixu f’kerrejja, b’familji numerużi. In-nuqqas ta’ kumditajiet sanitarji f’dawn l-abitazzjonijiet kienu jwasslu għal ħafna mard. L-aktar li kienu fi stat ta’ saħħa prekarja kienu dawk li jgħixu fil-Mandraġġ tal-Belt. Il-poplu ma kellux biex jitma’ lilu nnifsu sew. Il-mediċina kienet antikwata u ħafna kienu għadhom jemmnu fir-rimedji tan-nanna aktar milli dak li jgħidulhom it-tobba. L-imwiet tat-trabi u tfal ta’ anqas minn sentejn kien l-aktar għoli fl-Ewropa – 30 fil-mija tat-trabi kienu jmutu qabel ma jagħlqu s-sentejn (H. Frendo, 1972). L-iskejjel kienu ftit u t-tagħlim kien ta’ kwalità baxxa għax min kien jgħallem ma kienx istruwit sew fis-suġġett tiegħu. L-edukazzjoni bażika kienet tasal sal-livell tan-’nuna’ jew ftit aktar. Min ried jitgħallem sew ried bilfors iħallas għal tuwizzjoni privata biex it-tifel iwassal sal-livell terzjaru. Dawk li kellhom in-negozju kienu jġiegħlu lit-tfal tagħhom ifallu l-iskola ħalli dawn imorru jgħinuhom fuq il-lant tax-xogħol.

L-industrija f’Malta, taqta’ dik tal-qoton u l-fabriki tas-sigarri, li kienu dejjem qed imajnaw fil-bejgħ tagħhom, kienet kważi ineżistenti. Tista’ tgħid, kull prodott essenzjali kien impurtat għax ftit li xejn kien hawn oġġetti mmanifatturati f’Malta. Għalhekk, il-prezzijiet tal-prodotti kienu għoljin u l-pagi baxxi. L-ekonomija kienet kważi kollha ddur mall-preżenza tal-militar u l-flotta Ingliża fil-portijiet Maltin. Ftit wisq kienu dawk li kellhom il-ħeġġa u l-għerf li jkabbru l-attività ekonomika tagħhom biex minnha joħolqu xogħol u impieg bi kwantità. Ir-revoluzzjoni industrijali, li f’pajjiżi oħra kienet ilha li fjorixxit daqs mitt-sena qabel, f’Malta lanqas biss kienet tinxtamm.
Fuq l-iskala l-aktar baxxa ta’ gwadann kien hawn eluf li jaħdmu ta’ sefturi mal-familja, kemm dawk Maltin tal-klassi għolja kif ukoll dawk l-individwi, uffiċjali jew amministraturi Ingliżi u familthom li kienu residenti f’Malta. Minn dawn is-sefturi kien hawn daqs 5,528 (H. Frendo, (1972). Min ma kienx isib fejn jaħdem kien jittanta jemigra lejn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, jew inkella, lejn il-Greċja jew it-Turkija (H. Frendo, 1972).
Dawk ta’ bla xogħol kienu joħorġu jittallbu. Fost dawn kien hawn it-tallaba professjonali, tfal li kienu jintbagħtu mill-ġenituri tagħhom biex jittallbu kemm fit-toroq kif ukoll iħabbtu bieb bieb, biex jingħataw il-karità. Mhux l-ewwel darba li l-gvern ħareġ liġijiet u struzzjonijiet biex it-tallaba ma jibqgħux jitlajjaw fit-toroq, l-aktar dawk tal-Belt, biex ma jdejqux lin-nies, l-aktarx dawk barranin (D. Micallef, 1998). The Daily Malta Chronicle tal-25 ta’ Marzu 1913, irrapurtat li meta dakinhar daħal vapur bil-passiġġieri, li dak iż-żmien kienet xi ħaġa rari, l-awtoritajiet kienu ġabru lit-tallaba tat-toroq biex dawn ma jiffittaw lit-turisti.

Din is-sitwazzjoni ta’ faqar, sfruttament u injoranza huma spjegati sew daqs il-kristall minn Juan Mamo, wieħed mis-segwaċi ta’ Dimech. Dan, lejn l-aħħar tas-snin għoxrin beda jippubblika faxxikli li fihom kien jirrakkonta b’mod satiriku il-kwalità tal-ħajja tal-popolin injorant u fqir u li xi wħud minnhom ittantaw jintegraw ruħhom mingħajr suċċess fil-ħajja tax-xogħol meta emigraw lejn l-Amerka. Ara: Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika’, (Juan Mamo, 1993).
Dimech isir aktar voċiferu

Bil-kitba tiegħu Dimech ġabar ħafna segwaċi li fehmu l-missjoni tiegħu. Biss, kemm il-Gvern kif ukoll il-Knisja tmeżimżu sew u fetħu għajnejhom lejn it-ton sovversiv għall-aħħar li bih Dimech kien qed iħeġġeġ il-poplu Malti biex jeħles mill-ħakkiema barranin u ma jibqax jibla’ kull ma jgħidulu. Ħafna mis-segwaċi tiegħu kienu ħaddiema tat-tarzna u dan beżża’ lill-awtoritajiet Ingliżi. Fl-1911, Dimech għaqqad assoċjazzjoni li sejħilha, Ix-Xirka tal-Imdawlin. L-iskop ta’ din l-għaqda kien li l-membri jaċċettaw il-filosofija tiegħu u jgħallmu lil ta’ madwarhom dwar dak kollu li seta’ jilliberahom mill-miżerja li kienu jgħixu fiha. It-titlu ta’ din l-assoċjazzjoni kien allarma s-sentimenti tal-Knisja għaliex dan it-titlu kien assoċjat mal-’Imdawlin’ ta’ żmien r-rivoluzzjoni Franċiża, ħassieba anarkiċi kif ukoll antiklerikali. Għalhekk, l-Isqof Pietru Pace ħareġ ittra pastorali li fiha kkundanna lix-Xirka, u lill-ġurnal Il Bandiera tal-Malti. Aktar minn hekk, Dimech spiċċa skomunikat. Pace kien iħobb juża l-iskomunika bħala sawt. Kien ġa għamel hekk lil Malta, il-ġurnal ta’ Fortunato Mizzi fl-1890 u fl-1893, u kien hedded li jagħmel l-istess lil min kien biħsiebu jivvota lil ċertu Adami. Meta fl-1912, Dimech ittanta jagħmel meeting f’Ħal Qormi, daru għalih xi nies tal-post u anki ssuttawh bil-ġebel. Jingħad li dawn kienu mxewxa mill-kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġorġ (H. Frendo, 1979). Dimech kellu jirtira dak li kien qiegħed jgħid dwar il-Knisja u l-iskomunika tneħħitlu mill-isqof f’Diċembru tal-istess sena.

Fil-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija Dimech ġie akkużat li kien spija tal-Ġermaniżi. Akkuża falza! Fit-22 ta’ Novembru, 1914, Il-Gvernatur Rundle iddeċida li jeżilja lil Dimech u bagħtu bħala priġunier politiku jqatta’ ż-żmien lil hinn minn Malta. Ħaġa li l-Ingliżi rrepetu fit-Tieni Gwerra Dinjija lil madwar 40 ruħ li kellhom simpatija lejn il-kultura Taljana. Għall-ewwel, Dimech intbagħat Sirakuża. Biss, il-Gvern Taljan ma riedx li jkollu x’jaqsam ma din l-affari u għalhekk l-Ingliżi kellhom isibulu pajjiż ieħor. Dimech ipprefera li jintbagħat l-Eġittu. Hemm kien miżmum bħala priġunier politiku u qatta’ l-bqija ta’ ħajtu f’kamp ta’ konċentrament, prattikament sakemm miet. Minkejja li kienet spiċċat il-gwerra kien hemm ħafna tnikkir biex il-Gvernatur Plumer jiddeċidi jekk kellux iħalli lil Dimech jirritorna lura Malta. Biss jidher li kien hemm min ma jridx li Dimech jiġi lura għax kien hemm il-biża’ li dan kien kapaċi jerġa’ jibda jxewwex kontra l-Ingliżi kif ukoll kontra l-Knisja. Jidher li wara din id-deċiżjoni kien hemm ukoll l-Isqof Pace. Ara x’jgħid Henry Frendo fil-ktieb tiegħu, Politics in a Fortress Colony: ‘Dimech is regarded as an enemy of the Roman Catholic Church … his re-admittance into Malta would for that reason be undesirable’. Ħaġa tal-iskantament, Dimech miet lejliet meta kien ser jitħalla jiġi Malta. Hu miet fis-17 ta’ April tal-1921. Ġimgħatejn wara li miet, parti mill-ambizzjoni tiegħu li Malta ssir indipendenti, seħħet meta l-Kostituzzjoni Amery, li kienet ser tħalli lil politiċi Maltin ikollhom l-ewwel self-government kienet ipproklamata. (M. Montebello, 2020).
Martin Morana ©
26 ta’ Jannar 2025
Bibliografia
Abela A.E., ‘The Local Scene a hundred years ago’. The Times, Wednesday, September 22, 1993.
Diacono Tim, ‘Watch: Turns out Manwel Dimech was not actualy a socialist – Jon Mallia. Lovin Malta. March 13, 2024.
Debono James, ‘Manwel Dimech, 100 Years of Amnesia and Defiance’, Malta Today, 21, April, 2021.
Denny N.D., ‘British Temperance Reformers and the Island of Malta 1815 – 1914’. (Paper?) University of Malta.
Fenech Dominic, 1921 : Self Government in Malta 1921 – 1933. Midsea Books. 2021.
Frendo Henry, ‘Manwel Dimech – A biography’. Heritage Encyclopedia. 1978.
Frendo Henry, Birth Pangs of a Nation – Manwel Dimech’s Malta 1860-1921. 1972.
Frendo Henry, Politics in a Fortress Colony – The Maltese Experience. Mizzi Publications. 1979.
Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, L-Ewwel Ktieb. Interprint Malta Ltd. 1977.
Mallia Milanes (ed.), The British Colonial Experience 1800 – 1964: The Impact on Maltese Society. Mireva Publicatgions. 1988.
Mamo Juan, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika. Sensiela Kotba Soċjalisti. 1993.
Micallef Daniela, ‘Child Beggars in late Victorian Valletta’, The Sunday Times, November 22, 1998.
Moffet James (interview with Mandy Cassar Conti), ‘A Revolution of Enlightment: The Redemptive Live of Manwel Dimech’. Think. March 2023.
Montebello Mark, ‘Remembering Manwel Dimech, 99 years after his death’, Times of Malta, April 17, 2020.
Montebello Mark, ‘Newly discovered writings of Manwel Dimech’, April 10, 2011.
Montebello Mark, ‘A Voice that never ages, Hundred years since the death of Manwel Dimech’, Times of Malta, April 16, 2021.
Sant A. Michael, ‘’Sette Giugno’’ 1919 – Tqanqil u Tibdil. Serje Kotba Soċjalisti. 1989,
BLOG POST ‘Manwel Dimech: Architect of Maltese Thought on World Philosphy Day’. Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali. November 16, 2023.
……….
Litteratura oħra relevanti biex wieħed jista’ jifhem aħjar u fid-dettal aktar lil Manwel Dimech u żmienu:
Azzopardi Geraldu, Għejdut ta’ Manwel Dimech: Kitba u Ħsibijiet ta’ Manwel Dimech, Union Press 1978.
Montebello Mark, The Amazing Story of Manwel Dimech. BDL Books.
Montebello Mark, Manwel Dimech: Stedina għall-Filosofija Maltija., 1995.
Montebello Mark, Il-Filosofija ta’ Manwel Dimech.
BLOG Manwel Dimech – Architect of Maltese thought on world philosophy day ….
THINK https://thinkmagazine.mt/a-revolution-of-enlightenment-the-redemptive-rise-of-manwel-dimech/
Denny N.D., ‘British Temperance Reformers and the Island of Malta 1815, 1914’. Source? https://www.um.edu.mt/library/oar/bitstream/123456789/40450/1/9-4-3-1987.pdf
‘Il-filosofija ta’ Manwel Dimech’ https://web.archive.org/web/20140928011428/http://filosofija-dimech.webs.com/dahla.htm
