Fis-Seklu Dsatax, fis-Seklu Għoxrin u Aktar Tard
Dan l-aħħar ġie f’idejja ktejjeb żgħir, biss ta’ ċerta importanza għal min irid ikun jaf aktar dwar il-ħajja f’Malta ta’ aktar minn mitt sena ilu. Dan il-ktejjeb li jismu Saggi del Folklore Dell’Isola di Malta ġie ippubblikat fl-1895, f’Palermo, minn Luigi Bonelli, professur li kien jgħallem fl-Istituto Orientale di Napoli. Il-kontenut ta’ din il-pubblikazzjoni jdur madwar ħafna suġġetti varji tal-folklor Malti kif kien abitwalment ipprattikat fi żmien ta’ meta kiteb dwarhom l-awtur. Fost dawn is-suġġetti ltqajt ma’ kapitlu ċkejken li fih hemm lista ta’ kliem li l-bejjiegħa kienu jgħajtu fit-toroq biex jirreklamaw il-prodotti tagħhom.
Antikament, u sa ċertu punt anki llum, il-bejgħ ta’ ħafna oġġetti utli kien isir mill-bejjiegħa fit-toroq aktar milli fil-ħwienet. Il-bejjiegħ, appena jdur xi kantuniera kien jiftaħ il-ħanġra u b’vuċi għolja jgħajjat b’kemm jiflaħ xi kliem relatat mal-prodott biex ir-residenti tat-triq jkunu jafu li hu kien hemm u fl-istess ħin ikunu jafu liema prodotti dan kien qed ibigħ.
Dan l-artiklu ta’ Bonelli ġegħilni nfittex aktar. Tħajjart nagħmel appell mal-membri msieħba fil-paġna tal-facebook ‘Kelmet il-Malti’ biex jgħiduli x’jafu fuq dan is-suġġett. Ħafna kienu dawk li ikkwotawli xi għajjat li huma personali kienu jisimgħu, jew għadhom jisimgħu, jingħad mill-bejjiegħa tat-toroq. Ħsibt u rajt li dawn iż-żewġ listi, jiġifieri dik ta’ Luigi Bonelli u dik tal-paġna ‘Kelmet il-Malti’ inniżżilhom it-tnejn li huma f’dan l-artiklu biex b’hekk wieħed ikollu lista ampja ta’ dak l-għajjat tal-bejjiegħa li kienu u għadhom jingħadu fil-gżejjer Maltin, fl-ispazju ta’ aktar minn mija u tletin sena.
Nibda biex inniżel il-lista ta’ Luigi Bonelli li hi miktuba bit-Taljan u li jien qlibt għal Malti. Dan ir-riċerkatur jagħti mhux biss l-għajta iżda anki t-tifsira tagħha bit-Taljan, kultant b’xi aneddota li tispjega r-raġuni għaliex il-bejjiegħ ilissen ċertu frażijiet parti partikolari. B’hekk l-awtur kien qiegħed jesponi aktar il-mod kif il-Maltin ta’ żmien kienu jaraw il-ħajja ta’ madwarhom.
Mal-lista ta’ frażijiet inkludejt xi kummenti personali tiegħi, iżda ħafna drabi ppreferejt ukoll li nħalli ċerti frażijiet bit-Taljan kif kitibhom Bonelli biex nuri bl-aktar mod ċar u awtentiku x’ried jgħid l-awtur.
L-Għajjat tal-Bejjiegħa Skont Luigi Bonelli
Tal-lewż: ‘Tal- / għall-għarusa tal-Mosta l-lewż’. Fi kliem Bonelli din l-għajta kienet tingħad b’dan il-mod għaliex il-lewż kien jinbiegħ fix-xahar ta’ Mejju, ix-xahar li suppost seħħ il-ħtif mit-Torok tal-għarusa tal-Mosta. F’qiegħ il-paġna, Bonelli jżid li dan l-avveniment li supppost seħħ fl-1526, kienu kitbu dwaru Nicola Zammit (1862) u ftit qablu, G. Muscat Azzopardi.
Tal-qaqoċċ: ‘Ixwieh il-Malti la kiber!’: fi kliem Bonelli = mettilo arrosto il (carciofo) maltese, poiché é venuto grosso.
Tal-ħass u indivja: ‘Ħass tari u kiber, x’indivja bajda għandna l-lejla’.
Tal-qastan: ‘Min jgħalliha l-imqaxxra?’
Tar-ravanell: ‘Tari r-ravanell’.
Tal-brunġiel: ‘għal ħajjata’ = ‘per i sarti’. Fi kliem Bonelli, din kienet tingħad bħala botta ħafifa lill-ħajjata għaliex il-brunġiel jimmatura u jinbiegħ fis-sajf, iż-żmien meta x-xogħol tal-ħajjata jonqos ħafna.
Tal-bettieħ: ‘Xommu l-bettieħ min għandu mnieħru kbir!’
Tal-frawli: ‘Bella frawla ċirasa’ = Bella fragola (grossa come) ciliegia.
Taċ-ċirasa: ‘Armarena ħej’ = ‘(bella come) armarena, amico’. Armarena x’aktarx tirreferi għal tip ta’ prun kabbari magħruf bit-Taljan bħala amarena.
Tal-lanġas: ‘Frott ix-xamgħa ħej’ = ‘frutto di cera amico’.
Tal-ħawħ: ‘Erba’ b’ratal, ħej’ = ‘quattro in un rotolo, amico’.
Tal-prun: ‘abjad u iswed’.
Tad-dolliegħ: ‘Min jieħu waħda l-baħar?’ Dan kien jingħad għaliex bħal ma jagħmlu bosta familji llum meta jmorru l-baħar kienu jixtru xi dolliegħa biex jikluha hemm. Hawn Bonelli jgħid li dan il-kliem kellu sinjifikat doppu sens u vulgari, ‘si presta e non a caso, ad un interpretazzione un po’ troppo allegra la polizia interviene spesso con minaccia di multa ad imporre silenzio’.
Tal-għeneb: ‘Kemm beżgħet minnu l-Għawdxija!’ Bonelli jipotizza li f’din l-għajta wkoll il-kliem kellu tifsira doppju sens = ‘il doppio senso del resto non manca neppure qui’.
Tal-bajtar ta’ San Ġwann: (fichi primaticci) ‘Fommu bil-għasel’.
Tal-irkotta: ‘X’għandna għar-ravjul’.
Tal-pastizzi: (pasticci caldi): ‘Hawn tas-sħan!’
Tat-tadam: ‘Jiżbogħolok il-borma’.
Tal-ħalib: Bonelli jgħid, li fi żmienu, waqt il-jiem tar-randan u jiem oħra kull jum vġili, il-ħalib ma kienx permess li jinxtorob – ħlief mill-morda u x-xjuħ. Għalhekk, il-bejjiegħ biex ma jwaqqax fit-tentazzjoni lil kull min kellu jżomm mar-regoli ta-sawm kien jgħajjat: ‘Tal-abjad’ flok ‘ħalib’.
—–

Għajjat tal-Bejjiegħa fi Żminijiet Aktar Riċenti
Hawn qiegħed inġib lista ta’ għajjat ta’ bejjiegħa ta’ żminijiet aktar riċenti. Xi wħud minnhom għadna nisimgħuhom sal-lum. Il-maġġorparti ta’ dawn il-frażijiet ingħataw lili mill-membri tal-paġna ‘Kelmet il-Malti’, li hi tant popolari fuq facebook. Fil-lista hemm ukoll inklużi bosta suġġerimenti li tani s-Sur Emanuel (Manny Scicluna). Sibt ukoll xi frażijiet oħra fil-pubblikazzjoni ta’ Ruben Zahra (ed. Steve Borg), A Guide to the Maltese Folk Music, PBS – Malta & Soundscapes, (2006).
Il-Lista tal-Għajjat tal-Bejjiegħa Aktar Riċenti
Tal-bigilla ‘Tajba u tagħli ħej!’ jew ‘Tajba u taħraq il-bigilla!’ jew ‘Sħuna u tajba l-bigilla!’ ‘il-lejla t-tajba ħejja!’ Din tingħad meta tal-bigilla joħroġ ibigħ tard wara nofsinhar jew filgħaxijiet. Wieħed irid iżomm f’rasu li kien hawn diversi bejjiegħa tal-bigilla u kulħadd kien jgħajjat kif jixtieq hu.
Tal-ħwejjeġ tan-nisa ‘Għandi bloomers oversize’ (din kien jgħidha bejjiegħ ta’ fuq il-Monti).
Taċ-ċiċri: ‘Sold il-qatta ċiċri!’ – ‘Sitt ħabbiet il-qatta’; jew: ‘kemm hi mimlija ċ-ċiċri!’
Tad-donuts ‘Ara xi ġmiel, donuts, ġamm u ċikkulata, krema u kastard!’; jew, ‘Hawn tad-donuts’ (illum hawn min idur bil-vann, u flok jgħajjat dan il-kliem jingħad repetutament irrekordjat fuq megafon. (L-istess tal-bigilla).
Tad-drappijiet: ‘Drappijiet tal-irġiel!’
Fjuri: ‘Ara kemm ifuħu!’
Tal-ful, ċicri u karawett. ‘Min igerrem, min? Min igerreeem?’
Tal-ġelati: ‘Wembley Ice-creams!’
Tal-ġobon: ’Tajjeb, frisk il-ġobon’.
Tal-ħaxix: ’Xi ġnejna din, xi ġnejna din, xi ġnejna din, uliedi’.
Tal-irkotta: ’Għar-ravjuuul, għar-ravjuuul’.
Tal-lampuki: ‘Tal-lampuki hawn!’ jew, ‘ħajjiiin!’ jew, ‘sofor u ħajjin!’
Tal-larinġ tad-demm: ‘Tad-demm u ħelu!’
Tal-kappar: ‘Kappar min jieħu kejla?’ – ieħor: ‘ejja ħu kejla kappar!’
Tal-karamelli tal-ħarrub (l-aktar fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira): ‘karamelli, karamelli tal-ħarrub!’
Tal-papoċċi: ‘Għandi papoċċi għar-rġiel!’
Tal-pasti: ‘Tliet soldi kejk; erbgħa xelin’, jew, ‘Qagħaq ħelwin’.
Tal-pastizzi: ‘Ġobon u laħam, sħan u tajbin! (Birkirkara); jew, ‘Tliet soldi l-wieħed, erba’ xelin’.
Tal-patata ‘Ħamra l-patata!’
Tal-pitrolju: ‘Olju!’; jew, ‘troljuuuu’
Tal-qagħaq, u pasti: ‘Ħelwiiiin’.
Tal-qarnit: ‘Il-qarnit min isajjar?’
Tal-qubbajt: (l-aktar fil-festi) ‘iż-Żebbuġi hawn’.
Tar-ravjul: ‘Għar-ravjuuul’
Ir-regettier: ‘Għadam u ċraret, ram u ħadid min għandu?’
Tas-sapun: (fuq il-monti) Għandi s-sapun ifuħ,
ixxommu u tieħu r-ruħ,
u widnejk isiru qlugħ”
Is-sennien: ‘Imqassijiet u skieken għat-tiswija min għanduuuu?’
Tat-tonn: ‘Għajnu ħamra t-tonn!’
Tat-tuffieħ: ‘Ta’ Belludja t-tuffieħ’.
Tat-tut: ‘Żabbarija t-tut!’

Martin Morana ©
14 ta’ Frar 2025
Għal aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-awtur ikklikkja hawn:
