VINCENZO BORG (BRARED) (1773 – 1837)

VINCENZO  BORG  (BRARED)

Ħajtu u l-Imblokk tal-Franċiżi

Min kien Vincenzo Borg ?

Vincenzo Borg, magħruf ukoll bħala Vicenzo jew Ċensu min-nies qrib tiegħu, jibqa’ magħruf l-aktar bħala wieħed mill-kapijiet tal-milizja li nħolqot biex tikkumbatti l-Franċiżi, li wara r-rewwixta tal-Maltin fir-Rabat u l-Imdina, kienu ssakkru wara s-swar tal-Port il-Kbir u ta’ Marsamxett. Borg kien ġej minn familja tat-tajjeb, għax il-ġenituri tiegħu kienu involuti fil-negozju tal-qoton li dak iż-żmien kien jitkabbar bil-kbir, għax kien prodott li jinbiegħ kemm lokalment kif ukoll esportat. Vincenzo, kien ħa r-responsabbiltà tan-negozju tal-qoton f’idejh, meta missieru Wiġi (imniżżel fir-reġistri bħala Aloisio) kien miet.

Bis-saħħa ta’ dan in-negozju, Vincenzo kien magħruf sew u stmat ħafna min-nies, anki għaliex kien ta’ spiss jagħmel karità ma’ dawk li kienu jmorru jittallbu għandu. Kien x’aktarx għalhekk li kien imlaqqam bħala ‘Brared’ (plural ta’ barrada) għax jingħad li kien jimla il-brared bit-tin, li ma’ xi ħobż, kien jagħtih lill-foqra tar-raħal li kienu jmorru jittalbu għandu. (E. B. Vella, 1935).

Ħajr tar-ritratt: Doreen Sammut

Id-dar fejn kienet toqgħod il-familja ta’ Borg kienet waħda kbira, u li għadha teżisti sal-lum (ara r-ritratt). Din tinsab aktar ’l isfel mill-kappella ta’ Santu r-Rokku, fi Triq il-Kbira, li tagħti għall-knisja parrokkjali ta’ Birkirkara. Skont ir-riċerkatur Philip Xuereb, waqt l-imblokk tal-Franċiżi, Ċensu Borg ħalla d-dar tiegħu tintuża biex jiddewwew il-midruba fiha (P. Xuereb, 2017). Għalkemm ma kellux bosta skola, Borg kien kapaċi sew fin-negozju u kien bniedem ta’ inizzjattiva kbira. Meta Malta sfat maħkuma mill-Franċiżi fl-1798, Vincenzo kellu biss 25 sena. Skont ir-riċerka ta’ Mikea Sammut, Vincenzo kien twieled f’Novembru tal-1773. (Teżi, ta’ Sammut, 2019).

Ir-rewwixta tal-Maltin – Borġ jorganizza l-battaljun ta’ Birkirkara

Dakinhar li faqqet ir-rewwixta tal-Maltin fir-Rabat u l-Mdina fit-2 ta’ Settembru, 1798, Borg kien sejjer lejn ir-Rabat għand l-avukat tiegħu biex jikkonsultah fuq xi kawża. Hekk kif wasal fuq is-Saqqajja, sema’ l-isparar u ra l-irvell li kien għaddej meta l-Maltin ħebbew għall-Franċiżi. Hekk kif induna x’kien x’qed jiġri, Vincenzo minnufih lebbet lura lejn Birkirkara, mar dritt għand il-prepostu, u bil-permess tiegħu ġiegħel li jindaqqu l-qniepen tal-parroċċa biex jiġbor lin-nies u jgħarrafhom li l-Maltin kienu ħebbew għall-Franċiżi. Hu ħeġġeġ lill-abitanti ta’ Birkirkara biex jagħtu sehemhom biex ir-ribelljoni li kienet għadha kemm faqqgħet kontra l-ħakkiema l-ġodda tkompli u tirnexxi (Carmelo Testa, 1980).

Disinn li jinsab fil-ktieb ‘Outlines of Maltese History’ (1943)

Jidher li din l-azzjoni ta’ Vincenzo Borg ma kinetx daqstant spontanja. Borg kien ilu tal-fehema li l-Maltin għandhom jiċħdu t-tiranija imposta fuqhom mill-Franċiżi. Kien ilu jberraq, minn meta Napuljun, matul il-ġimgħa li għamel f’Malta, impona ħafna liġijiet ġodda li bdew idejqu sew lil diversi setturi tas-soċjetà. Fost dawn il-liġijiet kien hemm dawk li setgħu naqqru sew mill-interessi personali ta’ Borg u n-negozjanti oħra involuti fil-bejgħ tal-qoton. Fost oħrajn, kien hemm liġi li annullat il-kuntratti eżistenti li l-bdiewa kellhom mal-gvern bħala kerrejja-bdiewa tal-għelieqi. In-negozjanti li fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kienu jikkumerċjaw ma’ Sqallija issa ma setgħux jagħmlu dan għaliex ir-Re Ferdinando ta’ Napli u Sqallija ma ridx jittratta aktar mal-Maltin ġaladarba Malta kienet f’idejn il-Franċiżi, li kienu għedewwa tiegħu. Intant, il-bastimenti Maltin kienu mġiegħla jbaħħru bil-bandiera Franċiża u għaldaqstant, il-kaptani tal-bastimenti Ingliżi, hekk kif kienu jilmħuhom kienu jwaqqfuhom u jaħtfu kull merkanzija li kellhom. B’hekk ġara li f’Malta l-kummerċ ma’ barra kien naqas ħafna. Naqsu wkoll il-flus barranin li wieħed kien imdorri jħallas bihom f’xiri bil-grossa. Apparti minn hekk, il-Franċiżi bdew iduru għal flus ta’ ħafna fondazzjonijiet stabbiliti, fosthom dik tal-Università dei Grani  biex iħallsu t-truppi tagħhom (William Eton, 1805). Bdew anki saħansitra jdewbu l-fided tal-Maltin biex iħallsu bihom (Carmelo Testa, 1997).

L-isbark ta’ Napuljun fil-Port il-Kbir

Għaldaqstant, Borg, u oħrajn bħalu, kien bħal subgħajh fuq il-grillu, lest biex jeħodha kontra l-ħakkiema Franċiżi. F’dikjarazzjoni li għamel f’ittra li bagħat lil Baruni Sciberras Bologna, Vincenzo Borg jgħid hekk: 

‘Jiena, Vincenzo Borg, rapprezentant ta’ Birkirkara, nistqarr illi ġranet qabel l-irvell ta’ din il-kampanja ltqajna ħafna drabi f’ħafna postijiet u tkellimna fuq l-irvell ta’ issa; l-aħħar li ltqajna kien quddiem il-Monte di Pietà … u għedna li aħjar nirvellaw milli nibqgħu lsiera taħt il-gvern mill-agħar tagħhom’ [tal-Franciżi] (Philip Xuereb, 2017).

Borg jifforma battaljun u jarma l-kamp tal-Għargħar  

Jumejn wara l-bidu tar-rewwixta, ġiet maħluqa assemblea nazzjonali u magħha milizja ta’ eluf ta’ suldati bi ftit armi li nġabru mill-irħula. Għal bidu, is-suldati Maltin bejniethom ma kellhomx aktar minn 350 azzarin. Imbagħad malli ġiet l-ewwel għajnuna mill-Portugiżi dawn iddubbaw mal-500 azzarin ieħor. Aktar tard, fit-18 ta’ Ottubru l-Ingliżi tawhom daqs 2,000 azzarin ieħor (Mikea Sammut). Il-kumitat ta’ għaqda nazzjonali kien immexxi min-nutar Emanuele Vitale tar-Rabat. Vincenzo Borg ma kienx jagħmel parti minn dan il-kumitat, biss, kien hemm ħabib tiegħu, ċertu Lorenzo Bugeja li kien inkarigat bħala segretarju tal-assemblea, u għalhekk Borg kien infurmat dejjem b’dak li qed ikun diskuss.

Vincenzo Borg min-naħa tiegħu, kien elett min-nies ta’ Birkirkara biex imexxi l-akbar battaljun mill-irħula kollha, dak ta’ Birkirkara, il-Mosta u n-Naxxar li kien ilaħħaq mal-1,600 ruħ (Mikea Sammut). Dan il-battaljun kien stazzjonat ftit lil hinn mir-raħal ta’ Birkirkara, fl-akkwati magħrufa bħala Tal-Għargħar (jew Tal-Għorgħar), fejn illum hemm il-lokalità ta’ San Ġwann. Hemm, Borg bena kamp (batterija magħrufa bħala ‘Ta’ Twila’) kif ukoll bosta trunċieri mxerrda f’dawk l-inħawi u li jqarrbu lejn il-port ta’ Marsamxett. Borg ħareġ il-flus minn butu u fejn ma setax, issellef, biex jittellgħu dawn il-postazzjonijiet tas-suldati, kif ukoll, biex jitħallsu n-nies biex dawn jgħinu fid-difiża ta’ dawk l-inħawi. (Michael Buhagiar / Lliam Gauci, Campus FM). Jidher li sal-1835, Borg kien għadu ma tħallasx lura dawn il-flus mingħand il-gvern Ingliż (Alfred Mifsud, 1907).  

Batterija Tal-Għargħar, (San Ġwann)

Fil-lejl ta’ dakinhar li faqqgħet ir-rewwixta, Borg bagħat lil xi nies lejn il-bajja ta’ San Ġorġ fejn kien hemm torri żgħir, u lejn it-trunċieri ta’ San Ġiljan biex minn hemm iġibu tliet kanuni u xi azzarini biex il-Maltin jarmaw ruħhom kontra l-Franċiżi. Wieħed mill-kanuni Borg żammu fil-batterija Tal-Għargħar, u t-tnejn l-oħra għaddihom, wieħed lill-batterija tas-Samra, u l-ieħor lill-batterija ta’ Kordin. Vincenzo kien ukoll stabbilixxa ħames postazzjonijiet bis-suldati, fosthom dawk lejn San Ġiljan, Tal-Pietà u Tal-Imrabat (tas-Sliema). Dan tal-aħħar kellu mal-mitt suldat. Il-kanuni kollha kienu mmirati lejn il-Fortizza Manoel u l-Port ta’ Marsamxett (Stephen Spiteri, 2008). Bil-kanuni mmirati lejn Marsamxett, kien f’periklu kbir li jintlaqat il-bastiment Franċiż Guillaume Tell li kien sorġut f’dan il-port, u għalhekk dan kellu jitneħħa minn hemm u jsib postu għall-kenn fil-Port il-Kbir.

Borg anki ppostja xi nies fuq il-kampnar tal-knisja ta’ Birkirkara biex minn hemm issir l-għassa fuq kull moviment tal-għadu li seta’ jfettillu joħroġ mis-swar tal-Furjana u jqarreb lejn dawk l-inħawi. Dan sewa għaliex l-għada, it-3 ta’ Settembru, minn Bieb il-Bombi ħarġu jimmarċjaw daqs 250 suldat Franċiż biex imorru jagħtu l-għajnuna lil sħabhom fl-Imdina. Hekk kif dawn kienu waslu qrib l-arkati tal-Fleur de Lys, ħarġu għalihom is-suldati ta’ Borg, li bi ftit azzarini, zpapen u tgarar tal-ġebel qatlu u ferew xi suldati u l-bqija ġiegħluhom jaħarbu lura lejn is-swar tal-Belt.

Vincenzo Borg jgħin fil-komplott ta’ Guglielmo Lorenzi u Dun Mikiel Xerri

Waqt l-imblokk kontra l-Franċiżi, Borg kien kontinwament f’kuntatt ma’ Guglielmo Lorenzi, il-perċimes li flimkien ma’ Dun Mikiel Xerri u oħrajn minn ġewwa l-Belt Valletta kien qed jikkomplotta kif ser jgħin il-milizja tal-irħula jidħlu l-Belt bil-moħbi biex jegħelbu u jqalftu l-Franċiżi ’l barra. F’dan il-komplott, kien mdaħħal ukoll ċertu Mattew Pulis, li kien jaħdem bħala profumatur fil-Lazarett, fuq il-gżira Manoel.  Kien dan tal-aħħar u inbu li kienu jitwasslu l-ittri li kienu jintbagħatu bejn iż-żewġ naħat.

Fil-11 ta’ Jannar tal-1799, fis-satra tal-lejl, daqs 200 suldat mill-battaljun ta’ Vincenzo Borg qarrbu lejn l-Belt bid-dgħajjes min-naħa tal-port ta’ Marsamxett u nħbew fl-imħażen ta’ taħt is-swar biex appena xi Maltin fil-Belt jegħelbu l-għassiesa ta’ dik id-daħla, dawn jattakkaw. Sfortunatament, il-komplott inkixef fl-aħħar ħin u b’konsegwenza ta’ hekk ħafna minn dawk li kienu qed jinħbew fl-imħażen inkixfu u sfaw jew maqtula, feruti jew arrestati u ffuċilati mill-Franċiżi. Xi wħud ħelsuha ħafif billi qabżu l-baħar u għamu san-naħa l-oħra tal-port ta’ Marsamxett. Meta sar jaf, Borg tbikkem mhux ftit b’din id-disfatta, aktar u aktar għax kien tilef ħafna nies li kienu taħt il-kmand tiegħu.

Id-daħla tal-Belt Valletta minn Marsamxett

Borg f’kuntatt mal-Kaptan Alexander Ball

Matul l-imblokk, hekk kif xi bastimenti Ingliżi kienu bdew jgħassu madwar il-gżejjer Maltin biex jimblukkaw lill-Franċiżi mill-baħar, Vincenzo Borg kien beda jikkomunika mal-Kaptan Alexander Ball li kien qed imexxi l-imblokk. Hekk insibu fl-ittra li Alexander Ball kiteb lil Borg fit-12 ta’ Diċembru tal- 1978: ‘I feel great satisfaction that in learning that your three batteries are finished and ready to begin’ (Carmelo Testa, 1980).

Fl-20 ta’ Diċembru 1798, Ball ħeġġeġ lil Borg biex issir sorveljanza aktar stretta tal-kosta min-naħa tal-Maltin, għaliex l-Ingliżi waħedhom mhux dejjem kienu qed ilaħħqu fl-għassa, u xi bastimenti Franċiżi kienu qed jisgiċċawlhom u jidħlu fil-Port il-Kbir bil-proviżjon għall-sħabhom ġewwa s-swar (Carmelo Testa, ibid.).

Borġ kien stmat ħafna minn Alexander Ball, tant illi fl-1 ta’ Frar Vincenzo Borg flimkien man-nutar Emanuele Vitale, il-kap suprem tar-rewwixta u oħrajn kien mistieden biex jiltaqa’ ma’ Ball f’laqgħa li saret bil-moħbi fil-kappella ta’ San Pawl Milqgħi f’Burmarrad. Borg dejjem kien tal-fehma li l-Maltin għandhom iffittxu l-protezzjoni tal-Ingliżi u jneħħu minn rashom li f’Malta jkun hawn xi potenza oħra li tibda tikkmanda. F’ittra li Borġ kiteb lil Ball, fis-7 ta’ Frar, naqraw hekk: ‘La mia idea ed il mio desiderio e di tutti i maltesi universalmente é di pregare milord Nelson di farsi che Malta e i Maltesi non abbiano altro protettore che l’Inghilterra’ ( Alfred Mifsud, ibid. p. 425). Fid-9 ta’ Frar 1799 Vincenzo Borg kien l-ewwel wieħed li tella’ l-bandiera Ingliża fil-batterija tiegħu f’Tal-Għargħar, ħdejn dik tar-re ta’ Napli. Imbagħad Borg sellef l-istess bandiera, (għax ma kienx hawn oħra), lill-battaljuni tas-Samra u magħrufa bħala Tal-Borġ, ir-Raħal Ġdid, biex dawn itellugħha fil-kampijiet tagħhom (Mikea Sammut).

Fil-11 ta’ Frar 1799, f’laqgħa li saret għand Emanuele Vitale, ir-Rabat, bejn il-kapijiet kollha tal-battaljuni u tal-irħula, Ball kien inkarigat mill-Maltin biex ikun il-president tal-assemblea; dan anki biex jinqata’ l-ħafna tilwim ta’ bejn il-kapijiet Maltin. Din l-assemblea issa ħadet xejra oħra u bdiet tissejjaħ il-Congresso Nazionale. Dakinhar Feliċ Cutajar, is-segretarju ta’ Vincenzo Borg, ġie inkarigat ikun is-segretarju ta’ Alexander Ball għax Cutajar kien jaf anki jikkomunika miegħu bil-Franċiż. Wara dik il-laqgħa Borg stieden lil Ball jippranza miegħu dakinhar stess fid-dar tiegħu f’Birkirkara. Fit-13 ta’ Frar 1799, Vincenzo Borg ġie formalment elett min-nies ta’ Birkirkara bħala l-kap ta’ belthom. Dan apparti li hu baqa’ l-kap tal-battaljun tal-Mosta u tan-Naxxar.

Il-ħbiberija bejn Ball u Borg wara l-Imblokk tinbidel f’animosità

Wara li fil-5 ta’ Settembru, il-Franċiżi ċedew, fl-1 ta’ Novembru tal-1800, Alexander Ball kien laħħaq lil Vincenzo Borg logutenent ta’ Birkirkara u tal-Mosta. Dan kien rwol, nistgħu ngħidu, kien l-istess bħal dak ta’ sindku. Fid-9 ta’ Frar 1801, Alexander Ball kien ippreżenta lil Borg midalja tal-unur (Pro Patria) bħala rikonoxximent għal sehemu fl-imblokk tal-Franċiżi. Dan l-unur kien ingħata wkoll lil Emanuele Vitale u lil Dun Francesco Saverio Caruana. Min-naħa tiegħu, meta Ball ġie biex jitlaq minn Malta fid-19 ta’ Frar, Borg, flimkien ma’ ċertu Giovanni Castagna, rappreżentant tal-Isla u ta’ Bormla, kien inkarigat biex Ball ikun onorat b’xabla kommemorattiva għall-ħidma tiegħu favur il-Maltin (Michael Galea, 1990).

Biss, jidher li sakemm Ball kien nieqes minn Malta, ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Ball u Borg kienu mhux talli birdu iżda anki qrasu sew. Dan l-aktar minħabba li skont it-Trattat ta’ Amiens li kien iffirmat fil-25 ta’ Marzu, 1802, Malta kellha tingħata lura lill-Ordni ta’ San Ġwann, xi ħaġa li Borg u ħafna bħalu kienu kontra tagħha. Minħabba f’hekk, fit-2 ta’ Ġunju, il-Maltin bagħatu protesta bil-miktub, f’dokument magħruf bħala ‘Declaration of Rights’ (Borg kien wieħed mill-firmatarji) – fejn fost affarijiet oħra l-Maltin talbu li waqt li Malta kellha tibqa’ taħt il-protezzjoni tal-Ingliterra, il-Maltin riedu li jkunu parti mit-tmexxija tal-pajjiż billi jinħoloq il-Consiglio Popolare. Sadanittant, Borg kien tħabbeb ma’ ċertu William Eton, Ingliż, supritendent tal-kwarantina fuq il-gżira Manoel f’Marsamxett. Dan ma kienx jaħmel lil Ball, u milli jidher kien saħħan lil Borg waħda sew dwar il-mod kif Ball kien mexxa l-Malta b’mod awtokratika ħażin. Eton kien tal-fehma, u miegħu Borg, li Malta kien jistħoqqilha aħjar (ara: William Eton, 1805). B’hekk meta Alexander Ball ġie lura Malta, f’Lulju tal-1802, sab lil Vincenzo Borg bħal bniedem mibdul u li issa beda jxewwex lill-Maltin kontrih. Dan l-antagoniżmu deher biċ-ċar mill-korrispondenza, ta’ Borg lil Eton:

‘No one dares to risk and write to England because it would be accounted to them a great crime. There are many spies on this account employed by Signor Ball. The country people have neither arms nor confidence in Ball … he is hated by all’. (Michael Galea, p. 70-71, 1990).

Biss, mill-kitba ta’ Eton, din l-animosità ma bdietx tidher mill-ewwel għaliex Eton stess jgħid hekk: ‘when I left Malta in 1803 he (Borg) was the confidential councillor of Sir A. Ball’, (Alfred Mifsud). Biss, mill-1803, bdiet tidher ċara, tant li fl-11 ta’ Jannar tal-1804, Ball neħħa lil Borg minn logutenent ta’ Birkirkara u minflok poġġa lil ċertu Gregorio Gatt. Snin wara, Alexander Ball kien kiteb ittra lil William Wyndham, is-Segretarju tal-Istat għall-Gwerra u l-Kolonji 1806 -1807), dwar il-kwistjoni ta’ bejnu u bejn Vincenzo Borg. Lil Borg isejjaħlu: ‘A person of very low extraction …. it must be observed that (he is) so totally ignorant and uneducated that he could with difficulty subscribe his name to the official accounts’ (Michael Galea, ibid.).  Din tal-aħħar kienet esaġerazzjoni min-naħa ta’ Ball għaliex Borg kien jifhem u jikteb bit-Taljan. Ball baqa’ biex akkuża u investiga lil Borg li waqt l-Imblokk kien abbuża mill-fondi finanzjarji (Mikea Sammut). Ir-ritaljazzjoni bil-kliem u bil-fatti bejn Ball u Borg baqgħet sejra sakemm Alexander Ball miet fl-1809. 

Aktar tard

Wara li kien spiċċa l-imblokk tal-Franċiżi, Borg kien reġa’ beda jagħti aktar attenzjoni lin-negozju tiegħu tal-qoton kif ukoll tan-negozju fil-proprjetà. Borg beda jirkupra sew fil-ġid finanzjarju tiegħu. Fl-1812, Borg flimkien ma’ Agostino Portelli u Onorato Bres ħolqu l-Banco di Malta. Matul ħajtu, Borg kien baqa’ jħobb lilr-raħal tiegħu u kien benefattur kbir tal-parroċċa ta’ Birkirkara. Fl-1809, Vincenzo kien ħallas għall-tlett iqniepen li ttellgħu fuq il-kampnari tal-Knisja ta’ Santa Liena. Imbagħad, fis-snin tletin, Borg kien ukoll ħallas 600 skud biex tinħadem l-istatwa ta’ Santa Liena li biex saret kien imqabbad l-iskultur Salvu Psaila.

Jidher li sakemm miet, Borg kien stana sew bil-ġid. Dan narawh anki mit-testment tiegħu fejn ħalla eluf kbar ta’ skudi u proprjetà lil diversi nies li kienu jiġu minnu (hu kien baqa’ ma żżewwiġx) kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-foqra (Mikea Sammut).

Anki jekk stess kien kisirha sew ma’ Ball jidher li fis-snin ta’ wara Vincenzo Borg ma kienx ippersegwitat mill-amministraturi Ingliżi u Maltin li ġew warajh. Fl-1833, fi żmien li kien gvernatur Major General Frederick Cavendish Ponsonby, Vincenzo Borg ingħata l-unur ta’ Kavallier tal-Ordni ta’ St. Michael and St. George.

Vincenzo Borġ miet fit-18 ta’ Lulju 1837.  

Bust ta’ Vincenzo Brared fil-mużew tal-parroċċa Santa Liena, Birkirkara

Martin Morana ©

29 ta’ April 2025

Ara wkoll: ‘The French Blockade – A Time Line’ fuq l-istess website. Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2025/04/15/the-french-blockade-a-timeline/

http://www.kliemustorja.com

Bibliography

Boffa Charles J., The Saga of the French Occupation of Malta 1798 – 1800. Progress Press Company Ltd. 1998.

Carabott Sarah, ‘Maltese Patriot’s diary exposes the real cost of the French Blockade’, The Sunday Times of Malta, September 11, 2022.

Eden William,  Authentic Materials for the History of the Principality of Malta. T. Cadell & W. Davies London, 1805.

Frendo Henry, Malta 1798 – 1998 (parts 1,2,3) The Sunday Times of Malta, June 7, 14, 21, 1998.

Galea Joseph,  Art Twelidi. PEG Ltd., 1984.

Gauci Liam u Buhagiar Michael, ‘Id-Djarju ta’ Vincenzo Borg’, Programm fuq Campus FM.

Mifsud Alfredo, Sovranità Inglese su Malta. Tipografia del Malta, Valletta. 1907.

Pullicino Frans, ‘Teżori f’Birkirkara, L-istatwa ta’ Santa Liena’. (Programm tal-Festa?).

Sammut Mikea, Vincenzo Borg Brared 1773-1837 : a portrait of his political, cultural and personal life (Bachelor’s dissertation, 2019).

Schiavone Michael, J. Dictionary of Maltese Biographies. PIN Publikazzjoni Indipendenza, 2009.

Spiteri Stephen, ‘Maltese Siege Batteries of the Blockade (1798 – 1800)’. Treasures of Malta, No. 41, Easter 2008, Vol XIV No. 2. Fondazzjoni Patrimonju Malti.

Testa Carmelo, Maż-Żewġ Naħat tas-Swar. Klabb Kotba Maltin. 1980.

Testa Carmelo, The French in Malta 1798 – 1800. 1997.

Vella E. B., Storja ta’ Birkirkara. 1935.

Xuereb Charles, France in the Maltese Collective Memory. Malta University Press. 2014.

Xuereb Philip, ‘250 sena mit-twelid ta’ Vincenzo Borg Brared’, Programm Festa, 2017, Birkirkara.

Aktar kitba u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur: ikklikkja hawn …

Categories:

Leave a comment