ID-DGHAJSA TAL-PASS MATUL IŻ-ŻMIEN
Introduzzjoni
Fiż-żmien meta l-Ordni kien jaħkem lill-gżejjer Maltin, aktar u aktar meta mill-Birgu l-Ordni mar fil-belt il-ġdida biex jamministra minn hemm, it-traġitt fil-Port il-Kbir sar neċessarju u dgħajjes ta’ kull tip bdew jinbnew biex jitħadmu jagħtu biex dan is-servizz. Kull tip ta’ dgħajsa setgħet tintuża biex wieħed jaqsam bl-aktar mod effikaċi bejn l-ibliet tal-Kottonera u l-Belt Valletta, kif ukoll biex iniżżlu l-baħħara l-art minn fuq il-bastiment. Fid-dokumenti ta’ dak iż-żmien, id-dgħajjes li kienu jintużaw għat-trasport tan-nies kienu msejħa bħala le barce del passo. Għalhekk, mal-isem dgħajsa li hu isem li jirriferi għal mirkeb ta’ dixxendenza antika Għarabija, żdiedet il-kelma passo li ovvjament ġejja mit-Taljan, u hekk ħareġ it-terminu, ‘dgħajsa tal-pass’.
Id-dgħajsa tal-pass fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann
Xi mriekeb li kienu joperaw fil-Port il-Kbir fi żmien l-Ordni huma dokumentati viżwalment u nistgħu narawhom fuq tpinġijiet li xi artisti ta’ dak iż-żmien kienu jpinġu meta s-suġġett kien ikun xeni tal-Port il-Kbir. Jidher ċar li fil-forma tagħhom dawn id-dgħajjes ma kellhom x’jaqsmu xejn mad-dgħajjes tal-pass kif nafuhom illum. Kienu dgħajjes imżaqqin u iqsar sew. Pjuttost kienu jixhbu l-firilla (bħal luzzu, iżda iżgħar) bir-rota (Ing. stempost) tal-pruwa itwal minn dik tal-poppa. Dawn it-tip ta’ dgħajjes kienu jgħabbu daqs 4 jew 5 passiġġieri, apparti l-barlkor.
Fi żmien is-seklu dsatax
Fi żmien l-Ingliżi d-dgħajjes tal-pass żdiedu bil-mijiet għaliex issa, flok xi ftit galjuni u bastimenti żgħar tal-Ordni, kien qed ikun hawn mijiet ta’ vapuri, l-aktar Ingliżi, deħlin u ħerġin mill-portijiet ta’ Malta. Apparti minn hekk in-nies tal-Kottonera bdew jaqsmu aktar u aktar lejn il-Belt Valletta aktar spiss minħabba x-xogħol u l-qadjiet. Dominique Miége, konslu Franċiż li dam jgħix f’Malta għal ħafna snin, fil-ktieb tiegħu, L’Istoire de Malte (1841) jgħid li fi żmienu, kien hawn mal-1,200 dgħajsa li kienu jitħaddmu minn daqs 3,000 barklor. Miége ixebbah it-trasport bejn l-ibliet tal-Port il-Kbir ma’ dak ipprovdut mill-gondoliera f’Venezja, għaliex fi żmienu l-baħar kien l-aqwa mezz tat-trasport biex wieħed jasal minn naħa għal-oħra tal-Port gżira.
Matul is-seklu dsatax, l-artisti Schranz u Charles Brocktorff, Ġermaniż ieħor li wkoll beda jgħix f’Malta fi żmienl-Ingliżi, pinġew bosta xeni tal-Port il-Kbir li fihom inkludew id-dgħajjes tal-passiġġieri. L-użu tagħhom kien diversi; id-dgħajjes kienu jwasslu mhux biss il-passiġġieri bejn l-ibliet fil-Port il-Kbir iżda anki l-baħrin minn fuq il-bastiment għal fuq ix-xatt, u viċi-versa. Kien hemm anki barklori li minn fuq id-dgħajjes kienu jinnegozjaw, biex ibigħu jew jixtru oġġetti minn fuq il-bastimenti. Il-famuż gaxin kien jinxtara minn fuq il-bastimenti u jitniżżel mill-barklori għal fuq id-dgħajjes biex dan jinbiegħ appena jinżlu l-art.

Regolamenti għal-barklori
Mat-tielet deċennju tas-seklu dsatax, l-amministrazzjoni Ingliża bdiet tinforza bosta regolamenti biex ikun hemm aktar sigurtà għall-passiġġieri waqt it-traġitt fuq id-dgħajjes u biex il-prezzijiet tan-noll jinżammu kif suppost. Anki t-tul u l-wisa’ tad-dgħajjes kellhom ikunu uniformi. Kull dgħajsa tal-pass kienet tkun irreġistrata mal-kapitanerija tal-Port il-Kbir u kienet turi n-numru tar-reġistrazzjoni fuq ir-rota biex id-dgħajsa u l-padrun ikunu identifikkabbli. Is-sidien tad-dgħajjes kienu jinżammu responsabbli għal kull nuqqas li seta’ jseħħ waqt it-trasport tal-passiġġieri, kemm jekk id-dgħajjes kienu operati minnhom kif ukoll jekk dawn kienu f’idejn qaddiefa mqabbda minnhom. Il-barklori ma setgħux jgħabbu aktar minn għaxar passiġġieri, dan apparti ż-żewġ barklori nfushom.
Regoli oħra kienu jeżiġu li ma kienx permess għal-barklori li joperaw fix-xitwa wara t-tmienja ta’ billejl, u fix-xhur tas-sajf wara l-għaxra. Wara li jkun dalam, kull barklor li jopera dawk il-ħinijiet kien irid jingħata permess speċjali biex jaqsam il-port. Dan ried bilfors ikollu fanal mixgħul, imdendel ma’ waħda mir-roti, biex id-dgħajsa tkun viżibbli. Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, Miége jżid jgħid li l-barklori kienu obbligati li jġibu ruħhom sew u li ma’ jkunux arditi jew aggressivi b’xi mod jew ieħor mal-klijenti tagħhom (D. Miége, 1840).

It-tariffi
Kien hemm tariffi stabiliti, kemm fil-Port il-Kbir kif ukoll għad-dgħajjes li kienu joperaw f’Marsamxett. Dawn it-tariffi kienu jogħlew b’terz meta l-vjaġġ kien jieħu aktar min-nofs siegħa. It-tariffi kienu wkoll jogħlew b’terz meta joperaw bejn in-nofs siegħa ta’ wara nżul ix-xemx sa sagħtejn wara. Il-prezz kien jirdoppja wara sagħtejn li ‘il-Kanun [tal-Barrakka ta’ Fuq] ikun spara is-Sinjal tal-Irtirata’. Il-prezz kien ukoll jirdoppja meta l-vjaġġ isir meta jkun il-maltemp.
Id-dgħajjes ta’ Marsamxett
Dak iż-żmien, il-port ta’ Marsamxett kien iservi bħala port ta’ kwarantina. Ħafna mid-dgħajjes kienu jkunu rmiġġati l-aktar mal-moll, taħt il-Bieb ta’ Marsamxett, ħdejn l-uffiċju tad-Dipartiment tas-Saħħa. Dan id-dipartiment kien fl-istess binja fejn aktar tard, fl-1881, kien hemm l-għassa tal-‘Pulizija Tal-baħar’. Bosta mill-vjaġġi kienu jkunu bejn il-Lazzarett fuq il-gżira Manoel, u x-xatt tal-Belt. Għaldaqstant, id-dgħajjes riedu jkunu mhux biss irreġistrati mal-Kapitanerija tal-Port, iżda wkoll mas-Supritendenza tas-Saħħa. Il-barklori riedu bilfors iżommu fuqhom iċ-ċertifikat li juri li huma ħielsa minn kull tip ta’ mard infettiv (Ing. bill of health). Id-dgħajsa riedet bilfors iġġorr bandiera ħamra fuq il-poppa biex turi li hi kienet topera mal-Lazzarett u għalhekk il-barklor kien ikun f’kuntatt ma’ dawk li jkunu miżmuma kwarantina. Kienet ukoll ħaġa obbligatorja li f’dan il-port id-dgħajjes ikollhom dejjem żewġ qaddiefa.

Il-qsim bid-dgħajjes fil-port ta’ Marsamxett kien isir minn postijiet oħra wkoll, bħal per eżempju bejn Il-Foss tal-Baviera, (Jews Sally Port) u l-Ponta ta’ Tigné. Kien hemm traġġitti oħra ta’ vjaġġi, l-aktar bejn il-Belt u l-Imsida u bejn il-Belt u Sa Maison.
It-tariffi stabbiliti għal-vjaġġi bid-dgħajjes f’Marsamxett kienu differenti minn dawk tal-Port il-Kbir. Hawn ukoll kien hemm tariffi applikabbli għal dawk l-individwi li jaqsmu l-baħar fuq id-dgħajsa waħedhom, u tariffi għal dawk li jaqsmu fl-istess dgħajsa flimkien ma’ oħrajn. Meta l-passiġġier kienjiffaġġja f’dgħajsa waħdu dan kien iħallas sitt irbajja għal-ewwel nofs siegħa; għat tieni nofs siegħa r-rata kienet ta’ erba’ rbajja. Il-prezz tal-vjaġġ bejn il-Belt u l-Lazzarett kien ta’ sitt irbajja. Dan kien prezz ogħla minnħabba r-riskju ta’ xi mard infettiv li l-barklor seta’ jdabbar f’dak l-ambjent.

L-istruttura tad-dgħajjes u l-evoluzzjoni tagħhom
Sa nofs is-seklu dsatax, id-dgħajjes tal-pass kollha bdew jinħadmu fuq stil wieħed. Dawn issa kienu qed jinbnew itwal minn qabel biex dawn itellgħu sa għaxar passiġġiera. Xorta dawn baqgħu jinħadmu b’mod li l-buq kien imżaqqaq kemxejn ’il barra, aktar minn dak li naraw illum. Dan it-tibdil fil-forma sar biex id-dgħajjes tal-pass ikunu eħfef fil-qdif filwaqt li jkunu jistgħu jgħabbu aktar nies. Din kellha erba’ mqadef għal-żewġ qaddiefa. Wieħed kien jaqdef bilqiegħda fuq il-bank ta’ quddiem, dahru lejn il-pruwa u l-ieħor jaqdef bilwieqfa, aktar lura iżda jħares ’il quddiem.

Id-dgħajsa tal-pass kif nafuha llum għandha tul ta’ 6.4 metri, u wisgħa ta’ 1.57 metru. Fl-antik, kien jintuża diversi tipi ta’ injam biex tinħadem id-dgħajsa. Il-prim (Ing. keel) kien ikun magħmul mill-injam tat-tik (Ing. teak). L-iskeletru tad-dgħajsa, il-qiegħ u l-parjol kienu magħmula mill-arznu ħamrani (red pine) Ir-roti u t-tappieri taħt il-bardnell kienu jkunu magħmula wkoll wkoll mit-tik. Il-bankijiet kienu wkoll magħmulin mill-arznu, u l-imqadef mill-fagu (beech). L-ispalliera kienet, kif għadha sal-lum magħmula mill-kawba (Ing. mahogany), (J. Muscat, 1991).
Mill-1968 ’il quddiem, id-dgħajjes bdew ikunu mħaddma bil-mutur marbut mal-ġenb tal-poppa (Ing. outboard). Dan naturalment ħa post l-imqadef biex b’hekk mhux biss tqassar il-ħin tat-traġitt minn post għall-ieħor, iżda wkoll tħaffef ix-xogħol iebes tal-qaddief. Issa bdew deħlin regoli ġodda u l-barklor ma setax itella’ passiġġieri kemm tiflaħ dgħajsa. Preżentament, skont ir-regoli marittimi lokali, u għall-fini ta’ assigurazzjoni li tkopri l-passiġġiera, sitta min-nies biss jistgħu jirkbu fuq l-istess dgħajsa waqt il-vjaġġ.

Ir-roti tad-dgħajjes tal-pass
Il-bsaten mibnija dritti dritti ’l fuq mid-dgħajsa, kemm fil-pruwa kif ukoll fil-poppa (magħrufa bil-Malti bħala r-roti – Ing. stemposts) biż-żmien saru itwal minn qatt qabel. Dawn kellhom u għad għandhom funzjoni importanti. Waħda mir-raġunijiet hi li dawn iservu ta’ appoġġ għal meta il-barklor jinżel jew jitla’ fuq id-dgħajsa meta din tkun mal-moll. Dan jirfes fuq it-tamburett waqt li jserrah mar-rota u minn hemm jinżel fuq il-parjol. Skop ieħor hu li meta l-barklor ikun fuq il-moll dan jista’ jżomm id-dgħajsa mit-tarf (fuq nett) tar-rota biex id-dgħajsa ma tiżgiċċax u ma tidbandalx waqt li l-passiġġier ikun tiela’ jew nieżel fiha. Raġuni oħra li fis-seklu dsatax ittatwlu r-roti hu biex dawn setgħu jżommu ingassa ta’ ħabel irqajjaq li mat-tarf l-ieħor tiegħu kien jkaxkar iċ-ċima ta’ xi bastiment biex din tittieħed l-art biex tintrabat mal-bollard.

Il-futur tad-dgħajsa tal-pass
Hekk kif l-Ingliżi kienu bil-mod il-mod qed jirtiraw minn Malta, fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor, id-dgħajjes tal-pass bdew jgħejbu mix-xena tal-Port il-Kbir għaliex s-siwi tagħhom kien kważi spiċċa. Minn dawk il-mijiet ta’ dgħajjes li darba kien hawn, illum baqa’ biss daqs ħamsa u sittin. Dawn jintużaw l-aktar mit-turisti meta jkunu jridu jagħmlu xi dawra għall-gost mal-Port il-Kbir, jew inkella biex jaqsmu mill-Belt għal Birgu u viċi-versa. Minkejja l-biża’ li d-dgħajsa tal-pass kienet ser tisparixxi għal kollox naqas dawn issa jidhru li ħadu r-ruħ. Tant hu hekk li bħalissa qiegħda tinbena dgħajsa oħra biex din dalwaqt tintuża għall-istess skop.

Intant, l-istess forma tad-dgħajsa, għalkemm eħfef, għadha tintuża għat-tlielaq tal-Otto Settembre u ta’ Jum il-Ħelsien.
Martin Morana ©
19 ta’ Ġunju 2025
Bibliografija
Azzopardi John, (ed.), The Schranz Artists – Landscape and Maritime Painters in the Mediterranean. The Friends of the Cathedral Museum. 1987.
Caruana Joseph, Dizzunarju ta’ Termini Nawtiċi u Tagħrif Marittimu Lokali. BDL. 2019.
Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni. Klabb Kotba Maltin. 2005.
Miége Dominique, Histoire de Malte, M. J. Gregoir, V. Wouters et Co., Imprimeurs-Libraires, Bruxelle. 1840.
Morana Martin, ‘Transport in Malta in the 19th century’, Kliemustorja (artiklu f’din il-website) 20.05.2021.
Muscat Joseph, ‘The Dgħajsa – In Memoriam’ The Mariner’s Mirror, Vol 77, No 4, November 1991.
Muscat Joseph, ‘Maritime History of Malta – The Maltese dgħajsa’, Heritage Encyclopedia, Vol. VI. Midsea Books.
Muscat Joseph, The Traditional Water Working Craft’, The Maritime History of Malta, Ed. Cini Charles & Jonathan Borg. Heritage Malta. 2011.
Abdilla Cunningham Margaret, Bernardine Scicluna, Vella Godwin. The Schranz Family of Artists – a journey of discovery. Heritage Malta. 2018.
Vella Theresa, Charles Frederick de Brockdorff – Watercolours of Malta at the National Library, Vol. II. National Library of Malta Publication. 2008.
Aktar kitba mill-istess awtur … ikklikkja hawn:

Kumment żgħir. Jien trabbejt l-Isla u missieri kien jaħdem ħajtu kollha bħala ‘civilian’ mal-Ammiraljat Brittanniku kemm l-Isla u, fil-gwerra, għal ħames snin l-Ixandra. Twelidt fl-1946 u meta tfarfart spiss konna nimxu matul x-Xatt. Kien hemm ħafna barklori Sengleani u x-Xatt kien ikun mimli bid-dgħajjes. Innutajt li kollha kellhom l-ittri ‘PAS’ u numru mibtuba f’ras ir-rota u saqsejt lil missieri xi jfissru. Spjegali li ‘PAS’ ma kienx tqassir tal-kelma ‘passengers’ kif ħafna jaħsbu. Kienu jfissru li d-dgħajsa kienet awtoriżżata li tipprovdi servizz fil-port….għax kienet reġistrata mal- “Port Auxiliary Service”. Kien normali li l-amministrazzjoni tal-Ammiraljat tqassar isem għall-ewwel ittra tal-kliem, wara kollox isir anke llum. Eżempju kien barkun enormi li kien ikun mal-bagi ta’ bejn l-Isla u Sant’ Anglu. Miktuba b’ittri kbar kien hemm “CLIVE”. Dan ma kienx isem ta’ xi persuna izda kien ifisser li dik il-qoxra kienet “Crane Lighter Independent Vertical Electric”.
LikeLike