TAQBILIET

Taqbiliet għal kull okkażjoni

It-taqbil tal-versi orali, kemm jekk jingħad f’mod ta’ reċitazzjoni, kif ukoll b’mod ta’ għana ħafif, kien u għadu apprezzat għal bosta raġunijiet. It-taqbil jingħad mhux biss għax ipaxxi l-widnejn u jferraħ il-qlub. Ġieli t-taqbil jingħad biex tingħata xi tagħlima jew parir lis-soċjetà inġenerali. Eżempju ta’ dan huwa t-taqbil fil-qwiel. Għax donnu, minn awl id-dinja, meta l-bniedem jitrasmetti ħsibijietu bil-versi rrimati, dan jgħin biex il-messaġġ ikun ċar u li jibqa’ mfakkar.

It-taqbil jingħad l-aktar bħala passatemp, ġieli fil-veru sens tal-kelma. Antikament, dawk li kienu jaħdmu bħala ballata, kif ukoll il-ħassiela, kienu jgħaddu l-ħin ta’ waqt ix-xogħol tedjuż tagħhom, jgħannu jew iqabblu xi versi fit-tul. L-għana jew it-taqbil hu xi ħaġa ta’ preġju għaliex it-tnejn juru l-ħila mentali ta’ dak li jikkrea dak li mhux normali jingħad, kemm jekk rimi, versi jew strofi. Min jismagħhom jimmeravilja ruħu kif dawn qatt setgħu ġew f’moħħ dak li jkun. Hawn min, anki f’mumenti ta’ kriżi u dwejjaq, kapaċi jislet xi taqbila li tferraħ lil min jismagħha.  

Hawn ser nagħti xi eżempji ta’ taqbil bil-Malti li kien, jew għadu jingħad f’diversi mumenti u okkażjonijiet. Ser naraw kif is-soċjetà tagħna kienet u forsi għadha dejjem esposta għat-taqbil, minn l-iċken età sa meta nikbru u nixjieħu.  

Taqbil għat-trabi u t-tfal iż-żgħar nett

Banni bannozzi, *

Ġej it-tata* ġej

Bil-pastizzi u bil-ħabbtejn*,

Kollox għal- …. [hawn jingħad l-isem tat-tarbija]

U lil …. [isem ta’ xi persuna oħra] 

Ma ntuh/a xejn.

* banozzi (mill-Isqalli panuzzi) tfisser ħobż

* tata (mill-Isqalli) kelma oħra għal missier

* ħabbtejn hi d-duwal ta’ ħabba

Din it-taqbila hi meħuda minn oħra li tingħad fi Sqallija. Ara: Studies in Maltese Folklore ta’ J. Cassar Pullicino. Din tibda hekk:

Manu manuzzi

Pani e ficuzzi

Veni lu tata

Porta i cusuzzi.

Orqod, ibni, orqod!

Fil-benniena tal-ħarir,

Dik ommok il-Madonna

Missierek Ġesù Bambin.

Taqbil tat-tfal iż-żgħar

Għajma żaqqi kemm tuġgħani,

Kilt il-għeneb mhux misjur,

Iddendilt mal-kanizzata,

Qisni kelb tal-kaċċatur.

Agħmel xita agħmel

Ħalli jikber il-ħaxix

Il-ħaxix intuh lill-mogħża

U l-mogħża ’ttina l-ħalib

Salvinu jħobb il-brodu

It-torta u l-imqarrun

Iħobb anke l-minestra

Iħobb ikun xi jkun

Dan il-vers li ġej kienet tgħidu l-omm lit-tfal żgħar tagħha waqt li fl-istess ħin tmissilhom sebagħhom wieħed wara l-ieħor.

Pizzi Pizzi kanna, Dolores ta’ Sant’Anna,

Sant’Anna tal-morina, tini biċċa pellegrina*,

Noli kannoli, Insara, qaddisin.

Mgħarfa tal-fidda, bandiera tal-ħarir,

[… tkompli u hemm verżjonijiet oħrajn ta’ din l-istrofa].

[*x’aktarx riferenza għan-nakra tal-pellegrini]

Taqbil li jingħad mit-tfal waqt xi logħob

Din it-taqbila li ġejja kienet tingħad fil-logħoba tan-noli. Biss, sibt ukoll li din setgħet kienet sempliċiment rima li tingħad lit-tfal iż-żgħar nett, waqt li dawn ikunu fuq ħoġor ommhom.

Ara ġejja l-mewt għalik,

Biex tixwik, biex taqliq,

Ara ġejja, ara ġejja, din id-daqqa min tahielek?

Din it-taqbila li ġejja kienu jgħiduha t-tfal waqt li tifel jew tifla minnhom id(d)ur  madwar it-tfal l-oħra li dak il-ħin jiffurmaw ċirku u joqgħodu kokka.

Dawra durella,

Qasba żigarella,

Ċoff tal-bellus,

Ċaqċaqhilu lill-għarus,

Il-mamà għamlitli bandla, għamlithieli fuq il-bejt,

Ma kellix min ibandalni, tela’ l-muċċu* għarkopptejh.

*muċċu hi kelma li kienet tingħad lit-tfal li tfisser fenek.

Taqbil b’tema reliġjuża 

Pace kulaċi,
L-Madonna fuq rasi,
Kristu fuq l-artal,
Qed ibierek it-tfal żgħar,
Dawn it-tfal imberkin,
Għax se jsiru qaddisin.

Sejra norqod u nirpoża,

Noffri ruħi ‘l-Santa Roża,

Sejra norqod u nistrieħ,

Noffri ruħi lill-erwieħ.

Żewġ anġli ħada* rasi, tnejn oħra ħada riġlejja

Kristu ġewwa qalbi, u l-Madonna ġewwa jdejja …

[tkompli .…] 

*[ħada hi kelma antika li tfisser ‘qrib’]

Ninu Ninu tal-Milied, ommi għamlet il-qagħqiet,

Il-qagħiet tal-qastanija, Santu r-Rokku bit-tiġrija.

Għaddew il-festi kollha, baqa’ biss Santa Marija.

X’xorti kellha dik Sant’Anna

Li l-Bambin jgħajtlilha nanna,

X’xorti kellu San Ġwakkin,

In-nannu ta’ Ġesù Bambin.

Imxejt, imxejt, imxejt,

Żarbun kbir qbadt u xiddejt,

Wasalt sal-bieb tal-ġenna,

Sibt lill-għadu qed jistenna,

Għedtlu, ‘lil min qed tistenna?’

Qalli: ‘qed nistenna lilek.’

Għedtlu: ‘lili m’għandekx xi tridni.’

Għaliex ruħi miktuba lil Alla

U ġismi miktub fit-trab.

Ġakulatorji

Il-ġakulatorji huma talbiet żgħar irrimati. Din li ġejja tingħad waqt li jsir it-tbaħħir fid-dar.

F’ġieħ San Barnabaw,

Jekk hawn xi xjaten oħroġhom minn hawn.

Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara

Santu Wistin, il-Madonna u l-Bambin    

Din tingħad biex is-sajjetti la jagħmlu ħsara u lanqas deni lil dak li jkun. Ma’ din il-ġakulatorja, suppost kienet tinxtegħel xemgħa tal-gandlora li trid tkun tal-għasel pur għax skont kif kienu jgħidu, din għandha setgħa speċjali (Guido Lanfranco, 2017).

Ġakulatorja oħra dwar it-temp: San Stiefnu, waqqaf ir-rifnu!

Għal waqt it-tqala u t-twelid kienu jgħidu dawn il-ġakulatorji.

Santa Lukarda,

Tihielna sabiħa bħal warda.

San Blas,

Wessa’ t-toqba

Ċekken ir-ras.

San Rajmond,

Ġibhielna mill-fond.

Taqbiliet li jirreferu għall-istorja u l-folklor Malti 

Fl-iskritta matrimonjali,

Jagħmlu l-pattijiet konjugali,

Li jeħodha fil-festi prinċipali.

Jonsobha fuq il-ħajt,

Jixtrilha xriek qubbajt,

Li jkun tal-kannebusa,*

Għax minnu tingosta s-sinjura għarusa.

[*żerriegħa tal-qanneb]

George Percy Badger (1815 – 1888) Ingliż li għex parti kbira minn ħajtu f’Malta, jgħid li din it-taqbila kienet tingħad fil-ġranet tal-Karnival.

Taqbila oħra antika li għandha x’taqsam mal-jiem tal-Karnival hija din:

Maskarata ’tin perlina

Għax warajk għandek xadina.

Bupp bupp il-bieb, onġi onġi onġella,

Bupp bupp il-bieb, onġi O kavallier;

Min ġie, min ġie min ġie, onġi onġi onġella

Min ġie min ġie min ġie, onġi O kavallier;

Ġie l-ambaxxatore, onġi, onġi onġella

Ġie l-ambaxxatore, onġi O kavallier;

Xi jrid l-ambaxxatore? Onġi onġi onġella,

Xi jrid l-ambaxxatore? Onġi onġi O kavallier;

Irid tifla sabiħa, onġi onġi onġella,

Irid tifla sabiħa, onġi O kavallier; 

[… u tkompli]

Lanċa ġejja u oħra sejra,

Minn tas-Sliema għal Marsamxett,

Il-kaptan bil-pipa f’ħalqu,

Jidderiġi l-bastiment.

[… u tkompli bi strofi oħrajn]

Namrar

Dawn li ġejjin kollha ngħadu min-nies li ċemplu fil-programm dwar il-folkor, ta’ Guido Lanfranco fuq l-R.T.K. Ara: Minn Fomm in-Nies, 2017].

X’inti faċċata tiegħi,

Inkellmek ma nistax,

Kieku taf xi rrid ingħidlek,

Min ħdejja ma tillargax.

Ħanini mar u ħallieni,

X’ser nagħmel biex ninkih?

Naqbad ieħor isbaħ minnu,

U minn quddiemu ngħaddi.

Wiċċek wiċċ l-anġli tas-sema,

Għajnejk għandek jixbhu ’l tiegħi,

Inħobbok għadek f’dar ommok,

Aħseb u ara la tkun miegħi.

O lilek ta’ sebgħak ċkejken,

X’fossa għandu la Turkija,

Meta ‘ttini kelma soda,

Inniedu l-ewwel tnedija*.

*Il-pubblikazzjoni jew ix-xandira mill-kappillan ta’ żwieġ li jkun ser isir dalwaqt.

Żmien il-gwerrer

Frans Ciappara, fil-ktieb tiegħu M.A. Vassalli – An Enlightened Maltese Reformer jikkwota din it-taqbila li kienet tingħad fi żmien meta l-Maltin kienu qed jassedjaw lill-Franċiżi ġewwa s-swar tal-Belt u l-Kottonera (1798 – 1800).

Kemm inħobbom il-Franċiżi                     

Għaliex huma tajbin nett,                        

Li kont naqbad wieħed minnhom

Żgur inqattgħu għaz-zalzett.

Fit-Tieni Ġwerra Dinjija wkoll insibu xi taqbil li kien jingħad, ġieli, billi jitkanta fuq melodija jew oħra. Hekk pereżempju, insibu din it-taqbila li titkanta fuq il-melodija Afro-Amerikana, She’ll be coming round the mountain when she comes.

Kelli dgħajsa illi biha kont nistad,

Ġiet il-lieva u ġabruni  għal suldat,

Minn sinjur ġabuni fqir,

Kelli nuża l-azzarin,

Singing aye aye yippie yippie aye.

Kont qed nilbes il-piġama daqq ir-raid,

Jien tlajt niġri sitta sitta fuq il-bejt,

Dawwart wiċċi ma nafx x’rajt,

Rajt id-dija tas-search light …,

Singing aye, aye, yuppee, yuppee, aye.

Song oħra popolari ta’ żmien it-Tieni Ġwerra Dinjija kienet dik dwar il-Victory Kitchen. Il-melodija tagħha hija meħuda minn oħra li kienu jkantaw dwar ‘Ċetta tad-Dudu’ …

Saqajhom ħoxnin għax jieklu l-għaġin,

Tal-Victory Kitchen.

Xagħarhom bil-kolla, sidirhom jimmolla,

Tal-Victory Kitchen

Id waħda fil-borma, bl-oħra tħokk sorma

Tal-Victory Kitchen

Klieb jinbħu fil-għodu, imsajra fil-brodu,

Tal-Victory Kitchen

Ittini tadama intiha l-banana 

Tal-Victory Kitchen

Minestra u għaġin fażola u sardin,

Tal-Victory Kitchen

Bil-borma nkallata, idduqli l-patata, 

Tal-Victory Kitchen

Bl-imgħarfa f’idejhom, bil-Cutex f’difrejhom,

tal-Victory Kitchen.

Din il-versjoni kienet ippubblikata fl-artiklu: ‘Victory Kitchens in life and in Art’, kitba ta’ Giovanni Bonello, Sunday Times of Malta, March 16, 2025.

Taqbiliet oħra li dwar it-Tieni Gwerra Dinjija huma dawn li sibt fil-ktieb ta’ Guido Lanfranco, Minn Fomm il-Poplu (2017): 

Ħlomt li l-gwerra f’daqqa spiċċat,

Nies bil-maskri ġrew mat-triqat,

Addijo modi, terra u kulur,

U nisa jsofru d-dulur.

Ħudulna l-George Cross,

Żiduna fil-ħobż.

Qwiel imqabbla

Mod kif il-pariri li jingħataw fil-qwiel kienu jibqgħu miftakra kien billi bosta minnhom kienu jingħadu b’vers jew tnejn li jirrimaw, kultant b’mod umoristiku. Fil-ktieb ta’ Mifsud u Manduca, il-Qawl Iqul (1989), insibu hekk:

  • Bla flus la tannaq u lanqas tbus
  • Jekk ir-raġel jikxef karusu, il-mara tieħdu għall-flusu.
  • Dak li ma joħroġx mill-fomm, joħroġ mis-sorm.
  • Imut il-għani, imut il-fqir

U t-tnejn għal ġewwa l-bir.

  • Kul u tpaxxa, għax minn hawn għal ġol-kaxxa.
  • Qabda trab u erba’ kaptelli

U ħarja għall-ġid li kelli.

Taqbiliet tal-passatemp

Xi wħud mit-taqbiliet ma għandhomx sens loġiku. Insibu li dawn huma magħmula biss bi skop li jdaħħqu. Fost dawk l-aktar popolari insibu dawn li ġejjin:

Iż-żunżana ddur iddur

Fuq il-bejt tal-gvernatur,

Meta tasal fuq il-mina

Tagħmel Żinn, żann, żun.

[jew] Pimm, Pamm, pumm

Johnnie ġonta

F’imnieħru għandu ponta,

Ponta mhux musmar

Naqqarhielu d-dundjan.

Miss Calleja ħobża nejja.

Ġibli siġġu u għoqod ħdejja.

Ġibli l-pinna u l-klamar,

Ħa mpinġilek ras ta’ ħmar.

Il-Miss Tanti

Idoqq il-landi

Fuq il-bejt taz-ziju Ġanni

Sur Spiteri baqbaqun, x’kilt ilbieraħ, kejla ful,

Xi xrobt fuqha? Bajda friska,

Għandu jkun fuq il-mejda tas-sinjur,

Ara tkisser il-vażun,

Għax mhux tiegħi, tas-sinjur.

Kemm trid bombi biex tispara

Il-kanun ta’ Birkirkara?

Ix-xadina fuq il-mejda

Qed tistenna platt kawlata.

Tar-rizzi waqa’ l-baħar,

Tal-imħar qabeż għalih,

Tar-rizzi tela’ jiġri, 

Tal-imħar baqa’ fil-qiegħ.

Zija Mer, urini l-bloomer.

Zija Mer, għidli kemm hu.

Zija Mer, għidli kemm xtrajtu.

Ħalli nixtri wieħed blu.

Ħanini mar Buġibba,

U minn hemm ma jiġix b’ġibda.

Ħanini mar Bufies,

Min hemm ma jiġux nies.

[jew]

U ħanini mar Buġibba,

U minn hemm ma jiġix bl-ebda, 

Mar iġib ħaxix tal-fies,

Minn hemmhekk ma jiġux nies.

Wieħed tnejn tlieta,
Paċikk qabeż mit-tieqa.
Ġie fuq blata,
Weġġa’ l-patata.
Mar għand ommu,
Ċaqċqitomlu.
Mar għand missieru,
Kissirlu snienu.
Mar għand it-tabib,
Garalu bott ħalib
.

Il-kitarra fiha toqba, daħal fiha il-ġurdien,

Ma kellix min jaqbaduli, daħħalt idi qbaddtu jien.

Taqbiliet ta’ Ġorġ Agius (tal-Mużew)

Hemm taqbil aktar serju, anki jekk imsawwar bi ħlewwa. Fost dawn insibu taqbil li hu kkreat apposta biex jagħti xi tagħlima jew biex jispirana li ngħixu aħjar. Ġorġ Agius mill-Birgu, magħruf bħala Ġorġ tal-Mużew, għax kien dejjem jilbes il-baġġ tas-Soċjetà tad-Duttrina, kien magħruf sew għat-taqbiliet ferrieħa u li jgħallmu s-sewwa. Ġorġ jiqba’ magħruf bħala, ‘l-Għannej tal-Mulej’. Fost ħafna taqbiliet li kien iqabbel insibu dawn:

Meta tkun għaddej fit-triq

Sellem lil kulħadd.

Kliem fit-tul m’hemmx għalfejn,

Saħħa u bonġu u ibqa’ għaddej.

Ferħan dejjem u daħqani,

Għandu jkun kull Nisrani.

Kelma ħelwa bħal tofija,

Tgħodd għalik u tgħodd għalija.

Meta darba, xi nies għamlu festin lil Ġorġ għax kien għalaq sninu, dan lil ta’ madwaru irreċitagħlhom din it-taqbilha:

Mill-qiegħ ta’ qalbi nirringrazzjakom.

Insellmilkom kull fejn narakom,

Nixtieq il-mulej ikompli magħkom.

Għax,

Sabiħa l-imħabba,

Kerha l-mibegħda,

Intom bilwieqfa

U Ġorġ bilqiegħda.

Martin Morana ©

21.08.2025

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija

Badger Percy George, Description of Malta and Gozo. G. Muir. 1858.

Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992.

Ciappar Frans, M.A. Vassalli – An Enlightened Maltese Reformer. Midsea Books. 2014.

Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.

Manduca J.S. & Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group, Ltd. 1989.

Morana Martin, Maltese Humour – But Seriously. Best Print, Qrendi. 2017.

Jekk tridu taraw aktar kitbiet morru fuq l-ewwel paġna (home page) ta’ din il-website. Inkella Araw il-paġna dwar il-pubblikazzjonijiet tal-istess awtur billi tikklikkja hawn:

Categories:

Leave a comment