Il-Katakombi f’Malta

IL-KATAKOMBI 

Dawk Insara, Lhud u Pagani

Introduzzjoni

F’Malta u Għawdex insibu kwantità kbira ta’ oqbra miġbura fl-imkien u li jinfdu ma’ xulxin b’passaġġi taħt l-art, li jmorru lura sal-perijodu Tardiv Ruman, jew inkella taż-Żmien Biżantin. B’mod ġenereku, dawn jissejħu katakombi, u bosta drabi nassoċjawhom mal-perijodu Palaeo-Kristjan, iż-żmien tal-qedem meta f’Malta kien hawn l-ewwel komunitajiet Insara.

Biss illum nafu li xi wħud minn dawn il-katakombi jmorru lura anki għal żmien aktar ’l bogħod u ma kinux postijiet tad-dfin biss għall-Insara. Anzi, x’aktarx numru kbir minnhom kienu jappartjenu għal komunitajiet li kellhom twemmin ‘pagan’, jiġifieri, twemmin fl-allat Rumani, jekk mhux ukoll f’allat ta’ reliġjonijiet oħra.

F’Malta, il-katakombi żviluppaw b’mod gradwali matul il-mijiet tas-snin minn oqbra individwali u sempliċi li jmorru lura saż-żmien Puniku / Karaġiniż, li biż-żmien sfaw magħquda ma’ xulxin fi gruppi żgħar u ġew imkabbra f’katakombijiet ta’ diversi daqs. Dan ifisser li oriġinarjament, il-post tad-dfin ma kienx intenzjonat li jkun ċimiterju għal komunità kbira, iżda kienu jservu għal familji jew gruppi żgħar ta’ nies. Fil-maġġorparti tagħhom, il-katakombi kellhom speċi ta antikamera li kienet isservu wkoll bħala triclinium u li minnha kien hemm passaġġi li jagħtu għal taqsimiet oħra tal-istess katakombi.

L-eqdem katakombi li nsibu f’Malta jmorru lura għat-tielet jew ir-raba’ seklu W.K. Dawn baqgħu jintużaw għal ħafna snin wara, xi wħud minnhom sas-7 seklu W.K. Jista’ jkun li ċerti katakombi kienu magħmula biex fihom jindifnu membri ta’ fratellanzi li kienu jipprattikaw l-istess xogħol. Fil-katakombi ta’ San Pawl, numru 4, instabet blata kbira li kienet isservi ta’ bieb u li fuqha hemm raffigurazzjoni tal-għodda li kienet tuża fratellanza partikulari. F’dan il-każ bosta jaħsbu li din kienet għaqda ta’ tobba, biss oħrajn jaħsbu li din il-fratellanza kienet ta’ grupp ta’ artiġjana. Il-fatt hu li l-għodda qatt ma ġew identifikati bi preċiżjoni minn min kienu jintużaw.

Il-Belt Melita u n-nekropoli

L-akbar kwantità ta’ katakombi f’Malta jinsabu fir-Rabat. Fi żmien Imperjali, meta Ruma kienet taħkem lil Malta, il-belt kapitali Melita, kienet tkopri, l-Imdina kollha, kif ukoll il-parti tat-Tramuntana tar-Rabat, jiġifieri dik il-parti l-eqreb lejn l-Imdina. Is-swar ta’ din il-belt kienu jaslu sa’ fejn illum hemm ‘iz-Zuntier’ tal-Bażilika Parrokkjali ta’ San Pawl. In-nekropoli kienet taqa’ qrib dawn is-swar, lil hinn mill-knisja tal-parroċċa, jiġifieri f’dik il-parti tan-Nofsinhar tar-Rabat. F’dak iż-żmien, id-dfin ma kienx permess ġewwa l-belt għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ saħħa u għaldaqstant id-dfin kien isir barra s-swar.

Qbur il-Lhud – Binġemma


Il-Katakombi tar-Rabat

Il-Grotta ta’ San Pawl, li qiegħda taħt il-kappella ta’ San Pubbliju, li tħakkek mal-Bażilika Parrokkjali hemm imissu magħha xi katakombi żgħar. Imbagħad, ftit lil hinn mill-knisja, forsi daqs tmenin metru biswitha, hemm il-katakombi ta’ San Katald. Aktar ’il fuq, fi Triq Sant’Agata hemm imbagħad iż-żewġ katakombi il-kbar, dak ta’ San Pawl,(2,166 metri kwadri), u l-ieħor ta’ Sant’Agata. Bejn dawn hemm dik il-parti li nfetħet xi snin ilu għal pubbliku minn Heritage Malta, u li tagħmel parti min-nekropoli, bi kwantità, (daqs 30 b’kollox), ta’ katakombi żgħar.  Fosthom hemm ħamsa li kienu jintużaw minn komunità Lhudija. Katakombi Lhudi ieħor jinsab fil-kumpless ta’ Sant’Agata. Dawn il-katakombi Lhud jintgħarfu mid-disinn li jinsab fihom tal-menorah, simbolu importanti tal-Lhud.   

Pjanta tal-katakombi ta’ San Pawl ir-Rabat

Lill hinn mir-Rabat, fil-wied li hemm f’Binġemma, taħt il-kappella tal-Madonna tal-Ittrija (hogitria), hemm kwantità kbira ta’ oqbra. Din id-darba, flok taħt l-art, dawn qegħdin mħaffrin mal-ġenb tal-wied. Dawn kienu magħrufa oriġinarjament bħala oqbra tal-Lhud. Sfortunatament ħafna minn dawn kienu vvandalizzati matul is-snin. Biss, xorta waħda, bil-mod li tħaffru juru li dawn jixbhu lill-katakombi tal-istess perijodu li hemm fir-Rabat u f’postijiet oħra.

Dekorazzjonijiet u simboli mpinġija

F’xi uħud mill-katakombi nstabu laqtiet dekorattivi kemm fil-mod ta’ arkitettura li żżejjen il-kamra jew il-qabar innifsu kif ukoll fi tpinġijiet. Dawn magħmulin b’ċerta sempliċita, biss jirrapreżentaw fl-istess ħin simboli relatati mat-twemmin ta’ dawk li ndifnu.  

Fost dawn insemmu xi tpinġijiet ta’ għasafar, bħal ħamiem, u arzella, din tal-aħħar tinsab kemm fil-katakombi ta’ Sant’Agata kif ukoll fl-Abatija tad-Dejr. Instabu wkoll simboli bl-ittri, bħal, il-Chi Rho l-ewwel żewġ ittri li jirriferu għal Kristos, u l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem. Ma’ dawn wieħed irid isemmi s-simbolu tas-Salib. Dan jindika li d-disinn sar wara li l-Imperatur Kostantinu kellu viżjoni tas-Salib fis-sema (312 W.K.) u kkonverta għall-Kristjaneżmu, u s-salib allura sar simbolu sagru għall-Insara kollha.

Il-forom tal-Oqbra

Fil-Katakombi ta’ San Pawl hemm mijiet ta’ oqbra, kollha mħaffrin ġol-art u f’forom differenti.  L-aktar eżempju komuni li nsibu huma l-oqbra msejħa, ‘a baldakkin’ li huma speċi ta’ qabar biċ-ċelu, dan naturalment magħmul mill-blat fis-saqaf u l-kolonni li ħarġu mit-tħaffir tal-kurituri. Ħafna minn dawn oqbra fihom spazju magħmul apposta biex jindifnu tnejn min-nies, x’aktarx koppji miżżewġa. Imbagħad kien hemm l-oqbra li kienu sempliċimenti ħofor rettangolari mħaffra fil-ħajt, magħrufa mill-arkeologi bħala loculi. Il-loculi kienu l-aktar jintużaw biex jindifnu t-tfal fihom. Hemm ukoll l-oqbra li għandhom xeħta ta’ tieqa fil-ħajt. Imbagħad xi wħud huma aktar dekorattivi għax għandhom speċi ta’ blata mimduda u ppuntata ‘l fuq b’mod triangolari li tagħtihom xeħta ta’ qabar ta’ ċertu importanza. Dawn apparti l-arcosulum li hu bħal arkata mħaffra fil-ħajt.

Qabar bl-arkosolium fuqu

It-Triclinium / Stibadium 

Ħafna drabi f’dawn il-katakombi, nsibu, bħal imwejjed imħaffra fil-blat, f’forma tonda fi spazju mdaqqas fejn in-nies setgħu jinġabru għal xi ritwal. Din il-mejda huma magħrufa mill-istudjużi bħala triclinium. Dawn l-imwejjed jinsabu f’bosti katakombi f’Malta u jidhru li kellhom importanza kbira. Jaħsbu li madwarhom kienu jintażbu il-membri tal-familja tal-mejjet biex jagħmlu ikla (Lat. refrigerium) ad unur tal-qarib midfun hemm. Ara: AGAPE.  

it-triklinium

Fdalijiet fl-oqbra

Ħafna mill-katakombi u l-oqbra li nstabu fihom, meta ġew skavati instabu vojta minn kull oġġett, għax matul iż-żminijiet ġew gassati u ttieħdu bosta affarjiet li kien hemm fihom. Biss, meta f’xi uħud mill-katakombi, l-aktar dawk li ġew skoperti u skavati fi żminijiet riċenti nstabu oġġetti ta’ natura personali. L-oġġetti tal-fuħħar kif ukoll xi kullani jew xi ċurkett jindikaw li l-qraba tal-mejjet poġġewhom fuq jew qrib il-mejjet għax kienu jemmnu li dawn kienu jservuh wara mewtu, anki jekk stess il-ħajja wara l-mewt kienet waħda spiritwali.

Katakombi oħra f’Malta

Il-katakombi li nafu bihom huma mferrxa ma’ Malta kollha – f’Għawdex instab wieħed biss, barra r-Rabat, (l-Għar tal-Għerduf). Dawn jagħtuna mhux biss ħjiel dwar il-mod tad-dfin tal-mejtin iżda wkoll ħjiel ta’ min kienu dawn in-nies.  Irrid ngħid li bis-saħħa tal-lokazzjoni tal-katakombi kapaċi nifhmu li fl-ewwel mijiet tas-snin W.K. il-popolazzjoni ta’ Malta kienet imferrxa u mhux biss tgħix fil-belt Melita. L-istess ambjent fejn indifnu l-mejtin hu indikattiv tax-xogħol ta’ dawn in-nies. Dawn setgħu kienu bdiewa, u għaldaqstant l-art tal-madwar bilfors kienet għamiela u li kien hemm għejjun minn fejn jużaw l-ilma għax-xorb u l-irrigazzjoni.   

Hawn taħt ġbart lista ta’ katakombi li sibt matul din ir-riċerka żgħira li għamilt fuq is-suġġett. Xi wħud għalkemm imsemmija, ma għadhomx jeżistu. Parti kbira minn din il-lista sibtha fil-ktieb ta’ Mario Buhagiar, Essays on the Archaeology and Ancient History of the Maltese Islands –  Bronze Age to Byzantine. Il-lista hi mniżżla skont il-lokalitajiet li nstabu fihom.

Katakombi tal-Mintna, l-Imqabba

RABAT

  • Kat. ta’ San Pawl studjat għall-ewwel darba minn Annetto Caruana (1894).
  • Kat. ta’ Sant’Agata.
  • Kat. fl-erja bejn il-Kat. ta’ San Pawl / l-Kat. ta’ Sant’Agata. Mat 30 kat żgħar.

– Sitta minn dawn il-katakombi huma tal-Lhud għax għandhom il-menorah mnaqqxa fihom.

  • Kat. Abatija tad-Dejr, skavat minn Temi Zammit fl-1926. Tnejn.
  • Kat. San Katald. Skavat minn Temi Zammit, 1926.
  • Kat. Grotta Ta’ San Pawl / Wignacourt Museum
  • Kat. Tal-Virtù.
  • Kat. Għar Barka.
  • Kat. fil-Kulleġġ (playground) tal-MSSP.
  • Kat. (?) Oqbra ta’ Marċell / Taċ-Ċaqgħi – (Perijodu: Puniku – Ruman) daqs mitt qabar imħaffra separatament ħdejn xulxin. Skavat minn Temi Zammit (1906 – 1907). Jidher li dawn l-oqbra u oħrajn setgħu taw l-ispinta biex l-oqbra jitniffdu u jsiru kumpless wieħed.
  • BINĠEMMA – magħrufa bħala l-oqbra tal-Lhud.
  • BIRKIRKARA  – Kat. Ta’ Ħas-Sajjied.
  • Il-GUDJA – Kat. Ta’ Ħal Resqun (qrib l-Ajruport). Skavat minn Temi Zammit fl-1912 u għal darb’oħra riċentament.
  • ĦAL KIRKOP   Kat. misjub waqt xogħol ta’ sistema ta’ drenaġġ f’Settembru 2021. https://www.youtube.com/watch?v=b0hQpwhRVyw
  • MARSA – Żewġ Kat. fFuq l-’Għolja tal-Ġiżwiti’ / Il-Qortin.
  • MOSTA Kat. Tal-Għammariet, skavat minn Patri Manwel Magri (lejn tmiem is-seklu 19.)

 Ta’ Bistra – Skavat minn Patri Manwel Magri (lejn tmiem is-seklu 19,) u fit-30ijiet tas-seklu 20. minn C. G. Zammit.

  • MQABBA – Tal-Mintna.
  • QRENDI  (limiti ta’) Il-Magħlaq.
  • RABAT / KERĊEM, Gozo – Ta’ Għerduf.
  • RAĦAL ĠDID – Triq Sammat.
  • IS-SALINI – Qrib il-kappella tal-Lunzjata – Skavati fit-30ijiet tas-seklu 20. minn C.G. Zammit u Capt. Louis Upton Way.
  • TARXIEN  

Kat. Tad-Dejma misjub fl-1844.

Kat. Fi Strada Rocca, viċin il-kappella ta’ San Bartilmew.

Kat. Triq Santa Maria, misjub fl-1926.

  • WIED il-GĦAJN – Oqbra misjuba qrib it-Torri ta’ San Tumas
  • ŻABBAR – Ix-Xagħra ta’ Santa Duminka
  • ŻEBBIEGĦ / MĠARR – Tar-Ragħad.
  • ŻURRIEQ Kat. tax-Xarolla, misjuba u skavati 1926. L-isavi fuq oqbra oħra fl-1995.

Kat. Ta’ Ħlantun.

Forsi tafu b’xi oħrajn….

Martin Morana

26.11.2021.

Biblijografija

Attard Bezzina Daniel, ‘Rabat site is back from the dead’, https://timesofmalta.com/articles/view/catacombs-site-is-back-from-the-dead.859567

Bonanno Anthony, Malta – Phoenician, Punic and Roman. Midsea Books Ltd. 2005.

Buhagiar Mario, Essays on the Archaeology and Ancient History of the Maltese Islands –  Bronze Age to Byzantine. Midsea Books. 2014.

Buhagiar Mario, ‘The Study of the Maltese Paleochristian Catacombs’,

Vassallo Bernard, 21 Catacombs and Tombs Outside Melita’s Walls’, Times of Malta, September 29, 2013. https://timesofmalta.com/articles/view/21-catacombs-and-tombs-outside-Melita-s-walls.488440

Zammit Themistocle, The St. Paul’s Catacombs and other Rock-Cut Tombs in Malta. 1924.

‘Tomb rediscovered – Unique to Maltese Archaeology’. The Malta Independent, Thursday, 17 August, 2006.

https://www.independent.com.mt/articles/2006-08-17/news/hal-resqun-catacombs-re-discovered-tomb-unique-to-maltese-archaeology-95498/

‘Catacombs discovered in Malta’s Rabat’. News Network Archaeology, 27.11.2016.  https://archaeologynewsnetwork.blogspot.com/2016/11/roman-catacombs-discovered-in-maltas.html

Categories:

Leave a comment