Fost ħafna kliem barrani li nużaw fil-Malti, insibu wkoll numru mdaqqas ta’ kliem, frażijiet jew espressjonijiet li ġejjin direttament mil-Latin. Qiegħed ngħid direttament għaliex imbagħad ħafna kliem ieħor Malti li ġej mit-Taljan u ilsna oħra wkoll joriġina finalment mil-Latin.
Xi wħud mill-kliem li ser nitratta dwarhom kienu jingħadu fit-talb, jew inkella konna nsegwuhom matul il-quddiesa u ċelebrazzjonijiet liturġiċi li sas-snin sittin kienu jingħadu bil-Latin. Kien żmien ieħor meta il-funzjonijiet liturġiċi kienu bil-Latin u mhux bil-Malti. Waqt ir-reċitar tal-litanija wara r-rużarju, kont tisma’ lil kulħadd jgħaffeġ kif jaf hu l-Latin skont il-ħoss tal-kelma …. kliem bħal ‘sedesapjienze,’ ‘salusulfirmoru,’ ‘refuġju pekkatoru’ u x’naf jien. Naturalment, ftit kienu dawk li kienu jafu xi jfissru dawn il-kliem imma xorta kienu jgħiduhom bl’amment.
Hawn qiegħed inġib lista ta’ dawk il-kliem u frażijiet bil-Latin li kienu jingħadu ġenerazzjonijiet ilu. Ħafna minnhom jintużaw b’mod jew ieħor biex jenfasizzaw xi kumment li jingħad bil-fomm. Mal-lott żidt ukoll xi kliem ieħor bil-Latin li mhux imkisser u mgħawweġ fil-Malti, biss, xorta jagħmel parti mill-kliem komuni tagħna. Inkludejt ukoll xi termini oħra li niltaqgħu magħhom fl-ambjent legali u notarili. Imbagħad hemm xi frażijiet li naraw fi skrizzjonijiet bil-Latin.
—–
Kliem u frażijiet mil-Latin
AĊĊIPE Fiż-żmien meta l-ilsien Malti kien għadu mhux rikonoxxut bħala l-ilsien uffiċjali, kien hemm skejjel privati fejn kien ikun imgħallem u mitkellem it-Taljan biss. Meta xi student kien jażżarda jitkellem bil-Malti, dan kien jingħata kastig billi titwaħħal karta fuq dahru bil-kelma ACCIPE miktuba fuqha. Lat. accipe: Malti: tirċievi.
AĊĊJOMU Dan l-appellattiv ġej mil-Lat. Ecce Homo. Din il-kelma nużawha biex nirriferu għall-figura ta’ Kristu msawwat u mżeblaħ, irraffigurat b’ġismu kollu dmija. Skont ir-rakkont tal-Vanġelu, Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman fil-provinċja tal-Ġudea, ippreżenta ’l Kristu lil-Lhud, wara li dan kien ifflaġġellat, u qalilhom Ecce Homo li bil-Lat. tfisser ‘Dan hu l-bniedem.’ Hemm idjoma li tgħid: ‘kellu wiċċu mdemmi qisu aċċjomu.’

ANĠELUS Talba qasira – l-Ave Maria – li tingħad filgħodu, f’nofsinhar u waqt inżul ix-xemx. L-Anġelus hu appellattiv ukoll għad-daqq tal-qniepen tal-knejjes f’dawn l-istess ħinijiet. Sa żmien is-sittinijiet, kienet id-drawwa li f’ħafna pjazez tal-irħula u l-ibliet, l–Anġelus kien jixxandar fuq il-loudspeakers kbar tar-Rediffusion. Tissejjaħ Anġelus għaliex tibda bil-kliem Lat. Angelus Domini Nuntiavit Mariae.- Malti: L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija.

ASPERĠES / ASPERSORJU Mil-Lat. Aspersorium jew Asperges: M. ‘Roxx l-ilma!’ meħuda mill-ewwel kelma tal-vers 9 tas-Salm 51. Proprjament, bil-Latin dan in-nom jirriferi għall-kontenitur żgħir li fih jinżamm l-ilma tat-tberik. Biss, għalina l-Maltin, b’dan nifhmu wkoll dak l-oġġett tal-metall – fidda eċċ., qisu lida, li jintuża biex il-qassis jerfa’ ftit ilma mis-satal biex ibierek bih. It-tberik bl-ilma jsir biex jippurifika u jgħin iżomm il-ħażen ’il bogħod.

AWRORA Tlugħ ix-xemx. Żernieq, tbexbix. Ħafna kienu jirriferu għall-ewwel quddiesa tal-jum bħala ‘tal-awrora.’ Mil-Lat. Aurora.
BENEDIĊTE Kelma meħuda mil-Latin benedicere li tfisser ‘berikni’. Kelma li għadha tingħad min-nies ta’ ċerta età dawn jitolbu l-barka mingħand xi qassis. Lat. bene + dicere – Bil-Malti tfisser literralment: ‘tkellem tajjeb.’ iżda tfisser ukoll: ‘bierek.’
BUŻILLIS / BUSILLIS Tfisser problema, ostaklu, saram, taħwida nobis. Espressjoni komuni kienet: ‘Taf x’inhu l-bużillis…?’ Oriġinarjament, din il-kelma ġejja mill-frażi bil-Lat. indiebus illis, kliem li nsibuh fil-bidu tal-Vanġelu u li nisimawha ta’ spiss fil-quddies, li jfisser: ‘F’dak iż-żmien….’. Interessanti li bħal fil-Malti l-espressjoni insibuha bit-Taljan ukoll fil-Lezioni Sopra il Burchiello, ktieb li kien ippubblikat fl-1733 minn Giovanni Papini. Waqt li l-awtur ifisser il-poeżiji ta’ Domenico di Giovanni (1404 – 1449), jgħid: ‘[…] in diebus illi. Di qui viene il detto questo è il busillis […]’ Mela l-espressjoni busillis mhix xi korruzzjoni bil-Malti tal-frażi Latina għaliex kienet diġà tingħad mijiet ta’ snin ilu bit-Taljan. Dan għaliex din il-frażi ma kinetx tinftiehem għal din ir-raġuni li ġejja: Xi ħadd kien ittraskriva indiebus illis ħażin u minflok kiteb in die busillis li ma tfisser xejn. Għaldaqstant, ħadd minn dawk li qrawha wara ma seta’ jifhem xi tfisser. Kien hemm min beda jsaqsi: busillis xi tfisser? B’hekk din il-kelma ġiet assoċjata ma’ xi problema li diffiċli li ma ssibx tarfha.
CAUSA MORTIS Terminu legali li tfisser l-istess bħal meta ngħidu bil-Malti ‘denunzja’, jiġ., stqarrija bil-miktub, ġeneralment, quddiem nutar, li fiha jkun hemm imniżżel il-wirt imħolli lill-qraba. Meta oġġett jitħalla b’denunzja lil xi ħadd, dan iffisser li l-persuna li jkun ħalla l-wirt, ikun għamel hekk f’mument li jkun ħaseb li ser imut b’mod iminenti. Jekk fil-każ li l-persuna tibqa’ ħajja dan il-wirt jerġa’ jirritorna għandha.
CASTRUM MARIS Għal dawk li jistudjaw l-istorja ta’ Malta, din hi referenza bil-Lat. għall-Forti Sant’Anġlu li hemm fil-Port il-Kbir. Fi żmien il-Medjuevu, hawn kien is-sede tal-kastellan li miegħu kellu l-gwarneġġon. Kien f’din il-fortizza, li l-Ordni waqqaf l-ewwel kastell u bażi amministrattiva tiegħu fl-1530. Kien hawn ukoll li fl-1912, l-Ingliżi iddeċidew li jistabbilixxu l-Kwartier Ġenerali tan-Navy Ingliża fil-Mediterran.

ĊIBORJU Pissidi. Kalċi li fih jinżammu l-ostji. Rif. ukoll għat-tabernaklu fejn jinżamm dan il-kalċi bl-ostiji kkonsagrati fuq l-artal. Ġejja mil-Lat. ciborum li hi kelma fil-ġenettiv maskil plural ta’ cibus, li tfisser ‘tal-ikel.’

ĊIPPITATU / ĊIPPITOTU / ĊIPPITADU Dan in-nom mhux ġej direttament mil-Latin iżda x’aktarx mill-Isqalli. Dan hu speċi ta’ żugraga jew dada żgħira b’forma poligonali, jew dada b’erba’ naħat jew aktar. Fuq il-ġnub tagħha jkun hemm miktuba xi numri jew ittri. L-ittri jirrappreżentaw dawn il-kliem: T (tutu), M (mezzo), N (nienti) u P (paga). Il-lagħbi jaqbad id-dada mill-fus tagħha u b’tidwira tas-swaba din tibda ddur u taqgħad fuqha nfisa. Meta tieqaf iddur, il-lagħbi irid jesegwi l-ordni li tidher fuq il-wiċċ tad-dada. Lat. acipe totum (Ing. the winner takes it all). Tal. Accipitotu / acchiappa tutto. Sq. cciappituttu.

CONFITEOR Talba li tingħad fil-bidu tal-quddiesa u li bil-Malti nafuha bħala ‘Nistqarr ’l Alla’. Il-kelma tagħmel parti minn Confiteor Deo omnipotenti bil-Lat. tfisser: ‘O kbir Alla, jiena nistqarr’. Sas-sittinijiet, fil-bidu tal-quddiesa, is-saċerdot kien jitlob lil Alla b’din il-frażi bil-Latina. Jekk xi ħadd ikun daħal kemxejn tard għall-quddiesa, konta tisma’ lil dak li jkun jgħid, ‘wasalt tard u s-saċerdot ġa qal il-confiteor.’
CORPUS CHRISTI Dan hu l-isem tal-festa li tiċċelebra l-Knisja Kattolika f’ġiħ l-Ewkaristija. Il-kliem Latin ifisser il-’Ġisem ta’ Kristu.’ Din hi waħda mill-eqdem festi ċċelebrati f’Malta, għaliex insibuha ddokumentata anke f’nofs is-seklu erbatax. Fi żmien l-Ordni, il-Gran Mastru u l-Kavallieri kienu jiċċelebrawha billi jieħdu sehem f’purċissjoni li kienet issir. Fil-festa ta’ Corpus, iċ-ċelebrant, jimxi fit-toroq tal-lokal bl-ostensorju f’idu, akkumpanjat mill-fratellanza u abbatini. Dari, ir-residenti tal-parroċċa kienu jifirxu t-twapet ħomor tad-djar tagħhom fit-triq, u jitfgħu l-fjuri mal-art, bħala sinjal ta’ rispett lejn l-ostja li ċ-ċelebrant ikun qiegħed iġorr.

DE SOLDANIS Ismu proprju kien Giovanni Pietro Francesco Agius Sultana. Magħruf l-aktar bħala De Soldanis għaliex fil-kitba tiegħu bil-Latin kien jikteb Soldanis flok Sultana. Agius de Soldanis twieled Għawdex fl-1712 u miet fl-1770. Fl-1736, De Soldanis sar l-ewwel bibbljotekarju Malti impjegat mill-Ordni. Hu midfun fil-knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt, Valletta. De Soldanis jibqa’ magħruf l-aktar għall-informazzjoni li jagħtina dwar Għawdex ta’ żmienu u l-istorja tiegħu, kif ukoll dwar l-ilsien Malti. Fost il-kitba li pproduċa nsibu żewġ volumi ta’ manuskritti Il Gozo Antico-Moderno e Sacro-Profano, eċċ, u x-xogħol tiegħu, Id-Damma Tal-Kliem Kartaginiż mscerred fel fom tal Maltin u Għaucin (1750 – 1767) li qatt ma ppubblika, għax fih ġabra estensiva ta’ tifsiriet ta’ kliem Malti kif kien użat fi żmienu.

D.O.M. Ta’ spiss naraw dawn it-tliet ittri fuq oqbra bħal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann jew jingħadu fil-bidu ta’ xi talba. Din hi abbrevjazzjoni bil-Lat. votiv: DEO OPTIMO MAXIMO li tfisser ‘Lill-ikbar u l-Aqwa Alla’. Fil-każ tal-iskrizzjoni fuq l-irħama li tinsab fuq il-bieb tal-Kastellanja, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa, il-Belt, l-ittri huma abbrevjati mod ieħor: DEO. OPT. MAX. li tfisser l-istess ħaġa.

DOMNU Espr. li tingħad biex tindika li l-oġġett m’għadux tajjeb u / jew spiċċa għal kollox. Idj: ‘Dak domnu!’ kemm jekk oġett jew kultant bniedem li ma fadallux saħħa jew wasal biex imut. Oriġ., il-kelma ġejja mil-Lat. Dominus vobiscum – ‘Il-Mulej magħkom’, il-barka li s-saċerdot jagħti meta l-quddiesa tkun waslet fit-tmiemha. Mela din l-analoġija qed tindika li l-oġġett li għalih wieħed qed jirriferi wasal fit-tmiem tiegħu.
EX VOTO Frażi bil-Lat. li tfisser: ‘skont il-wegħda’, rif. għar-rigal ta’ rikonoxximent u ringrazzjament lil xi qaddis, iżda l-aktar lill-Madonna, wara li l-persuna tkun qalgħet grazzja għat-talba tagħha. Bosta drabi l-ex voto jikkonsisti f’xi pittura li turi l-periklu li dak li jkun ikun ħeles minnu, jew xi oġġett li jissimbolizza l-marda jew kundizzjoni tal-pazjent. Jeżistu f’Malta mijiet jekk mhux eluf ta’ ex votos imxerrda f’diversi knejjes u santwarji. Fuq il-pitturi insibu l-ittri V.F.G.A. li bil-Latin ifissru, Votum Fecit, Gratiam Accepit – ‘Il-wegħda saret u l-grazzja milqugħa.’

FAKTOTU Ġejja minn factotum terminu mogħti lill dak inkarigat minn kull tip ta’ xogħol u dmirijiet f’assoċjazzjoni, bħal pereż., segretarju ta’ każin tal-banda, jew club, eċċ. Dik il-persuna li tkun imqabbda tagħmel kollox. Biż-żmien dan l-app. kien anki jindika lil xi ħadd li xogħlu kien ta’ servjent, biss li jiżżattat għal kull tip ta’ xogħol ieħor. fac = Mal. tagħmel + totum = Mal. kollox.
ĠAKULATORJA / ĠJAKULATORJA Talba żgħira, bħal pereż., ‘Libera nos a malo’ – M. ‘eħlisna mid-deni’, jew, ‘Santa Barbara – La deni u lanqas ħsara’. Din il-kelma ġieli tintuża wkoll b’mod ewfemistiku meta xi ħadd ikun irritat bl-aġir ta’ ħaddieħor. Eż., ngħidu, ‘tħallinix ngħid xi ġakulatorja’ – jiġ., ara ma ġġegħilnix nitkellem ħażin. Etim. Lat. jaculatoria – jaculum – M. sajjetta jew vleġġa – Tal. gettare – M. gara. Tgħid għandha x’taqsam mal-fatt li Santa Barbara hi l-qaddisa protettriċi kontra s-sajjetti?
ĠENUFLISSJONI L-att meta persuna tinżel għarkupptejha bħala rispett lejn Ġesu Sagramentat jew xi immaġini oħra. Nafuha aktarx mit-Taljan genuflessione, biss din ġejja wkoll mil-Lat. genuflexio – onis jiġ. tilwi l-irkoppa, għaldaqstant tinżel arkuptejk.
I.N.R.I. Dawn l-ittri jidhru bosta drabi fuq xi xbieha jew statwa tal-kurċifiss. Bil-Latin, dawn l-ittri jfissru: Iesus Nazarenus, Rex Iudaeorum, jiġ., ‘Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud’. Skont il-Vanġelu ta’ San Ġwann, dawn l-ittri tqiegħdu b’ordni ta’ Ponzju Pilatu, fuq is-salib biex iżebilħu lil Kristu, bħala dak li ried isir Sultan tal-Lhud. 19: 19-20.

JUS PATRONATUS Tfisser ‘id-dritt tal-patrunaġġ. Dan it-terminu bil-Latin jirreferi għad-drittijiet u l-obbligi ta’ patrunaġġ fuq xi benefizzju. Id-dritt tal-użu tal-propjetà, pereż., ta’ xi kappella, knisja jew art, u l-obbligi marbutin magħhom. F’Malta u Għawdex hawn mas-26 kappella li għandhom dan it-titlu għax jaqgħu taħt il-patroċinju ta’ xi ħadd, u allura miżmuma b’kuntratt. B’hekk insibu pereż., il-kappella ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, li kienet jus patronatus tal-familja nobbli Boniċi taż-Żejtun; il-knisja tad-Duluri fl-Imqabba, ukoll ingħatat bħala jus patronatus mill-Isqof Mattei lill-assessur tiegħu Giovanni Schembri biex dan jieħu ħsiebha. Għal ħafna żmien il-knisja ta’ Santa Ubaldesca fir-Raħal Ġdid, li kienet inbniet mill-Ordni tal-Kavallieri, kienet ikkunsidrata bħala Jus Patronat tal-Ordni.

KONKLAVI Riferenza għal-laqgħa bejn il-kardinali meta jkunu ser jeleġġu papa l-ġdid. Etim. Lat. conclave, oriġ. con/cum clavis – rif. għall-fatt li meta jsir dan il-proċess is-sala fejn issir il-laqgħa tingħalaq u ma jkun jista’ jidħol ħadd fiha sakemm ikun magħżul il-papa l-ġdid.
LAVABO Mejjilla li tinsab ġen. wara l-altar maġġur jew fis-sagristija, jew x’imkien qrib. Tintuża mis-saċerdot biex fiha jaħsel idejh qabel, waqt, jew wara l-quddiesa. Il-kamra jew il-madwar ta’ fejn isir il-ħasil tal-idejn mill-qassis ukoll jista’ kultant jissejjaħ ‘il-lavabo’. Eż. kont tisma’ lil min jgħid, ‘bħalissa s-saċerdot qiegħed fil-lavabo jaħsel idejh’. Mil-Latin lavare.

LAWDA 1. Kompożizzjoni reliġjuża f’forma ta’ poeżija 2. Reċitazzjoni tal-brevjaru waqt it-talb fil-knisja. 3. LAWDIJIET Daqq tal-qniepen li jsir bħala ringrazzjament lil Alla. Mil-Lat: laudamus li tfisser – ‘Ejja nfaħħru lil Alla’. Dari, kull meta kienet titwieled tarbija kienet tindaqq il-qanpiena tal-lawda, bħala sinjal ta’ ferħ u ringrazzjament lil Alla. L-istess bħat-TE DEUM, għaliex dawn flimkien jiffurmaw il-kliem tal-bidu tal-kant Te deum laudamus li jfissru: ‘Lilek o Alla infaħħruk’. 4. Idj: ‘Tah daqqa tal-laudamus’ – tah daqqa b’saħħitha. Bħal din hemm l-espressjoni ‘tah daqqa tal-Beati Pauli.’
LAWDEMJU / AWDEMJU Somma li tiswa l-ekwivalenti ta’ sena ċens, u li tingħata lil sid il-proprjetà meta jinbidel iċ-ċenswalist. Lat. Laudemium – M. rikonoxximent jew approvazzjoni. L-għoti tal-lawdemju mill-bidwi lil sid l-art hi użanza li ġejja minn żminijiet Medjevali. Illum din is-sistema spiċċat għax il-liġi teżiġi li biex il-lawdemju jkun rikonoxxut irid jissemma espressament fil-kuntratt taċ-ċens, u jsir biss meta ż-żmien taċ-ċens ikun aktar minn għoxrin sena.
MENSA 1. Il-wiċċ tal-artal, mil-Lat. Mensa Domini, li tfisser ‘il-mejda tas-Sinjur.’ 2. Il-mensa tal-isqof – jiġ., id-dħul finanzjarju li jmur għand l-isqof għall-użu tiegħu personali. Minn dan il-fond, il-flus żejda jmorru wkoll għall-karità.
MIŻERIKORDJA Minn misericordia / misereri. Kelma li tingħad f’sens ta’ kompassjoni u ħniena lejn min hu batut. Riferenza wkoll għall-ħniena ta’ Alla. Meta xi ħadd jistagħġeb b’xi ħaġa jgħid, ‘il-miżerikordja!’ – bħal meta wieħed jgħid, ‘il-ħniena ta’ Alla!’ Skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika il-fidili obbligati jagħmlu ‘l-opri tal-miżerikordja,’ li bihom jgħinu lil min hu fil-bżonn.
MORTORJU 1. Daqq tal-qniepen tal-knisja li jħabbar il-mewt ta’ xi parruċċan. Id-daqq jew il-kant li jsir waqt il-funeral u qabel id-difna. Ngħidu, ‘Isma’ daqsxejn, x’mortorju!’ jiġ., x’mużika bil-lajma u li ddejqek. Mil-Lat. Moratorius. 2. Imbagħad hemm ukoll moratorium, terminu legali li jfisser is-sospensjoni għal xi żmien ta’ xi ħlas dovut. Testendi jew ittawwal xi ħaġa.
NOBIS Tingħad fit-talb: ora pro nobis – M. ‘itlob għalina.’ Il-kelma nobis tintuża fi frażijiet Maltin, bħal pereż., ‘Qala’ ħasla nobis’, jew: ‘Qala’ xebgħa nobis’. Mela din il-kelma tintuża biex tenfasizza azzjoni li saret bil-kbir. Mhux ċar għaliex din il-kelma ngħażlet biex tiddeskrivi sitwazzjoni bħalma semmejna. Jista’ jkun li xi wħud bdew jużaw il-frażi kollha biex bħal speċi qed jitolbu ’l Alla jintervieni f’sitwazzjoni kritika.
NOMNIPATRI Ġejja mil-Lat. in nomine patre li tfisser ‘f’isem il-Missier’. Fil-Malti hawn minn biex juri kemm hu sorpriż b’xi ħaġa li tkun intqalet, jgħid hekk: ‘u nomnipatri!’ bħallikieku, ma jistax ikun qed jemmen dak li sema’.
NEMNEBUS / NIMNIBUS Il-Maltin għaffġu din il-kelma mil-Latin omnibus li tfisser ‘għal kulħadd għal Malti ’nimnibus’ jew ‘nemnebus’. Hekk kienu jseħju l-ewwel vetturi tat-trasport li bdew jintużaw mill-1856 ’l hawn. Dak iż-żmien dawn il-vetturi kienu qishom karettun twil miġbud biż-żwiemel, b’żewġ bankijiet, wieħed kull naħa, fejn jetgħu joqgħodu bilqiegħda l-passiġġieri. Imbagħad fil-bidu tas-seklu għoxrin dan it-terminu baqa’ jintuża biex jirriferi għat-trakkijiet bil-magna li ġew impurtati biex jagħmlu l-istess xogħol. Sadattant, il-frażi Omnibus Idem tidher bil-Latin fuq il-funtana ta’ Wignacourt, li hemm taħt il-Kavalier ta’ San Ġakbu, bħala parti mill-iskrizzjoni li tfisser ‘lil kullħadd l-istess’.


OPUS Tingħad l-aktar għal xi kompożizzjoni mużikali. Biss hemm bosta użi tagħha. Terminu li jintuża ħafna mill-arkeoloġi biex jispjegaw mużajk ta’ kwalitajiet differenti. Fosthom insibu l-opus vermicultam, dak il-mużajk irqajjaq li jsegwi l-immaġini, jew l-opus tessellatum li hu mużajk żgħir ukoll bis kwadru. Bil-Latin din il-kelma tfisser ‘biċċa xogħol jew opra.

PATERNOSTER Riferenza għall-’Missierna,’ talba li ta’ spiss l-Insara jitolbu. Riferenza għall-ewwel daqq tal-qniepen tal-knisja għall-quddiesa ta’ filgħodu kmieni. L-Istess bħal quddiesa tal-Awrora. Mad-daqq tal-qniepen il-fidili jirreċitaw il-Missierna. Ngħidu, ‘qam mis-sodda mal-paternoster.’
PETRONILLA Dan hu l-isem tal-eqdem qanpiena li teżisti fil-gżejjer Maltin. Din il-qanpina kienet inħadmet f’fabbrika f’Venezja fl-1370, apposta biex tiddendel fil-kampnar tal-Katidral tal-Imdina. Il-kobor ta’ din il-qanpiena hu ta’ 70 ċm u tiżen aktar minn tunnellata. Il-qanpiena ssemmiet Petronilla fid-9 ta’ Awwissu tas-sena 1645, meta kienet tniżżlet mill-kampnar u tbierket mill-Isqof Juan Balaguer Camarasa. Isimha jirriferi għal San Pietru. Fuq il-qanpiena hemm imnaqqax riljiev ħafif bil-figura ta’ San Pawl, arma eraldika bl-iljuni fuqha u skrizzjoni ta’ stil Gotiku li turi min ħadem din il-qanpiena: MAGISTER VICTOR ET NICOLAUS ET FRATER ME FECIT IN VENETIIS M. MCCCLXX. Mill-2007 ’l hawn il-qanpiena tinsab esebita fil-Mużew tal-Katidral.

PREBENDA Dħul, introjtu jew benefizzju mill-artijiet tal-Knisja bħala renta jew pensjoni tal-kanoniku tal-Katidral jew tal-Kolleġġjata. L-art li tagħti dan il-qligħ tissejjaħ hekk ukoll. PREBENDARJU Il-grad ta’ kanonku fil-Katidral mogħti kemm fil-Knisja Kattolika kif ukoll dik Anglikana. Dak li jgawdi il-prebenda. Lat. Prebendae li tfisser sehem li jingħata bħala benefiċċju.
REĠINA PROFETTARUM Frażi meħuda minn waħda mis-suppliki fil-Litanija li tgħid hekk: Regina prophetarum. Fil-Malti din hi akkuża li tingħad b’mod sarkastiku meta xi ħadd ikun jidher li qiegħed japprofitta ruħu minn xi okkażjoni. Tingħad meta xi ħadd isib ix-xoqqa f’moxta u jieħu l-inizzjattiva biex itejjeb sitwazzjoni għall-benefiċċju personali.
REKJEMETERNA 1. Lat. Requiem aeternam – Talba li tingħad lil Alla li bil-Malti tfisser: ‘Agħtih/a/hom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem’ li tirreferi għar-ruħ il-mejtin. 2. Espr. li tingħad fil-Malti meta xi ħaġa tkun se tispiċċa fix-xejn, spiċċat ħażin jew mhux se tkun irkuprata. Eż., ngħidu, ‘Jekk issellef xi flus lil dak il-bniedem, tista’ tgħidilhom rekjemeterna’.
SEDESAPIENZA Mil-Lat. Sede sapientae. It-tron / is-siġġu tal-għerf. Ta’ spiss kont tisma’ lil min jgħid b’mod ironiku waqt li qed jargumenta, ‘imbierka s-sapjenza t’Alla.’ jiġ., mur obsor kemm int għaref.’
S.P.Q.R. Abbr. ta’ kliem bil-Latin li jfissru, Senatus Popolusque Romanus, ‘Is-Senat u l-Poplu ta’ Ruma’. Dawn l-ittri narawhom l-aktar fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fuq l-istandard li jinġarr minn persuni libsin ta’ suldati Rumani. Il-kliem jiddikjara li l-eżekuzzjoni ta’ Kristu kienet qed issir ‘f’isem is-Senat u l-Poplu tal-Imperu Ruman’. Storikament, dawn l-ittri kienu jidhru fuq iskrizzjonijiet u muniti Rumani stampati bejn it-80 q.K. u żmien l-Imperatur Kostanitinu (312- 337 w.K.) Fi żmien il-Faxxiżmu fl-Italja, dawn l-ittri kienu reġgħu bdew jidhru fuq diversi binjiet pubbliċi.

SUPPLIKA 1. Kelma li bil-Latin supplicare tfisser titlob bl-umilta bħal meta titlob lil Alla jew lil Madonna. 2. Fi żmien il-ħakma tal-Ordni f’Malta u tul dak Ingliżi din kienet tkun talba formali għall-permess jew liċenzja biex l-awtoritajiet jikkonċedu ’l-persuna li tiftaħ xi negozju. Il-Litanija tikkonsisti minn serje ta’ suppliki (talb).
TAL-MUŻEW Riferenza għas-Soċietà tad-Dutrina Nisranija mwaqqfa min Dun / San Ġorġ Preca fl-1907. Hekk kien l-isem popolari ta’ din is-soċjetà li madankollu kienet tirreferi għal kliem Latin, M.U.S.E.U.M. Din hi abbrevjazzjoni tat-talba, Magister utinam sequatur evangelium universus mundus’. Bil-M. din tfisser: ‘O Sinjur li kieku d-dinja kollha kellha timxi wara l-Vanġelu Tiegħek!’
TEDEW Ara: LAWDAMU.
UNIVERSITÀ Mil-Lat. Universitas magistrorum et scholarum li tfisser għaqda ta’ għalliema u studenti. Fil-kuntest storiku Malti din kienet tirriferi għal dik l-awtorità u grupp ta’ nies li kienu jimpurtaw il-qmugħ. Setgħet anki tfisser il-kunsill lokali tal-Imdina għax kien dan il-kunsill li ħa f’idejh l-importazzjoni tal-qamħ matul il-perjodu mediovali tardiv.
V.F.G.A. Ara: EX VOTO
VERBUM DEI Mill-iskrizzjoni Latina fuq l-emblema tas-Soċjetà tad-Duttrina, anitkament magħrufa bħala tal-Mużew. Verbum dei caro factum est. Il-kelma ta’ Alla saret bniedem / ġisem). Ara: TAL-MUŻEW.

—–
Kliem mill-Grieg
ITTRIJA Titlu ta’ oriġini Biżantin lill-Madonna. Il-kelma Ittrija, jew Itrija ġejja minn hogitria li bil-Grieg tfisser, ‘Dik li turina t-triq’. Dan it-titlu għandu l-oriġini tiegħu fil-Lvant Nofsani, prob. fis-Sirja. F’Malta teżisti kappella ddedikata lill-Madonna tal-Ittrija li tinsab f’xifer l-irdum ta’ Binġemma.

KIRJE Ġejja mill-frażi Kyrie eleison, li tfisser ‘O Sinjur’. Din hi t-talba li tingħad waqt il-quddiesa bir-rit Latin u li tfisser ‘O Sinjur ikollok ħniena minna.’ Ngħidu, ‘x’il-kirjè jrid?’ b’mod li juri li dak li jkun ma jridx jisma’ dak li trid tgħidlu.
VROMA Fjask kbir. Xogħol li ħareġ ħażin għall-aħħar. Oriġ. – Riħa tinten ħafna, żibel jew ħmieġ. Etim. tal-kelma ġejja mill-Gr. Vromiko – M. maħmuġ. Herbert Ganado f’wieħed mill-kotba tiegħu, Rajt Malta Tinbidel jgħid li din l-espressjoni daħħalha f’Malta il-Pike / Pajk.
Martin Morana
07.04.2026
