x

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
XABBATUR / XABBAT, IX- * XABÒ * XABLOTT * XADOKK * XAGĦRI/JA * XALATA * XAM * XARIJA * XARRU *  XAGĦAT * XAGĦRA * XAGĦRI * XAGĦTAR * XAHAR IS-SALIB * XAĦMET L-ART * XAJTEN / XAJTAN * XALET (ara: CHALET) * XALPA / SARPA * XALUPPA * XAMBEKK * XAMBRELLA * XANTALJUNI * XANTUSA * XAQFA * XAQQ * XAQQ / XQAQ / XQUQ IS-SAFRA * XAQRA *XARBITELLA * XARQITHOM * XARRETTA *  XATAR (ara XTUR ) * XATBA * XATRA * XATRAMBATRA * XATT IL-BARRIERA * XAWWAT (ara: XAWWATA) * XAWWATA * XBAT * XBIN / XBINT * XEBB * XEDD * XEDDA * XEHBIEN * XEHDA * XEHWA * XEJB * XEJKU * XEJXI * XEKKIEK * XEKKUKA * XELIN * XELIN, TAX- * XELLEJ * XELLEL (ara: XULLIELA) * XELLIEL * XEMA’ TAŻ-ŻIFT * XEMPJU TAL-BIZZILLA * XENXEL (ara: XENXUL) * XENXUL * XERBEBB * XERFIJA * XERRI * XEWWIEL / XEWLA * XGĦIR * XGĦIRA * XIBER * (SC)XIBERRAS * XIDI / XIDA * XIDJA * XIFA * XIFILQANA * XIĦA, IX- * XIKEL * XILEP * XILPA * XIMMJOTT / XIMJOTTATUR * XINI * XINILJA * XINTILL * XIPLI * XIRF * XIRKA / XIRKA, ĦAMIS IX- / XRIK * XIRKA TAL-IMDAWLIN * XIRKA XEMIA * XISA * XITAN * XIXU * XKAKK * XKATLAR / XKATLU * XKAVINA * XKOMP * XKUMA * XKUMVATA / XKUNVATA * XLEJLI, IT-TORRI TAX- * XLENDI * XLIEQA * XMIL * XMUNDIFIER (ara: VAPUR TAL-ART) * XNIEN / XNEJN  U NIFEL / NEFEL * XNIEXEL * XOFER * XOGĦFA * XOLLIEFA (ara: XULLIEF) * XOLLIELA / XULLIELA * XOQQA * XORBEBB * XORROX * XORTA * XPAKKAPIETRU / XKATTAPIETRA * XPRUN * XPRUNARA * XRIEK * XRIĦA * XROB/B IL-GĦAĠIN * XROPP * XTILLIERA * XTUR * XULLIEF * XULLIELA * XUPPAT/U * XURRAF * XURI * XUWA * XUXA *  XUXXAR *

XABBATUR  / XABBAT,  IX-  Wieħed li jitla’ ma’ xi ħajt jew irdum. Dan hu wkoll l-appellattiv ta’ wieħed mill-pasturi li naraw fil-presepju. Verament, jissejjaħ hekk mhux għax dan il-karattru jixxabbat ma’ xi rdum, iżda għax jidher qed jittawwal, (jixxabbat għal isfel), minn fuq il-grotta fejn hemm il-Bambin fil-maxtura. 

XABLOTT   Stalett. Xabla żgħira bħal sejf bix-xafra kemxejn milwija. Ing. dagger. V.B. (1900).

XABO’    Tarf jew keffa iddekorat/a tad-dublett jew tal-għonq tal-qmis bil-ġmigħ. Dan kien jintlibes mill-uffiċjli tal-Ordni ta’ San Ġwann. Eż. ieħor ta’ xabò hu dak id-drapp tal-bizzilla li għandu xeħta ta’ maktur li jintlibes taħt l-għonq mill-imħallfin. Fr. jabot – M. frill.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Ħajr: Michael Mifsud

xaddokkd.jpgXADOKK    Frott magħruf ukoll bħala ‘larinġ tal-Olanda’. Is. xj. Citrus grandis / C. maxima. Frotta li tixbah il-grapefruit, għalkemm hawn min jgħid li din hi simili, biss ikbar. Etim. l-isem jikkopja preċiżament il-pronunzja Ing. shaddock. Skont rakkont mhux ivverifikat, jidher li ċertu Captain Shaddock kien skopra din il-frotta fil-gżejjer tal-Oċean Indjan, x’aktarx fil-Malasja jew fil-Polineżja. Kien introduċa ż-żerriegħa ta’ din il-frotta fil-Barbados, fejn bdiet titkabbar madwar l-aħħar tas-seklu sbatax, u minn dak iż-żmien ‘l hawn saret popolari ħafna. Bl-Ing. tissejjaħ ukoll pummelo.  Ara: http://waynesword.palomar.edu/ecoph6.htm.

XAGĦAT     1. Tip ta’ dud partikolari aħdar u irqiq. Is. xj. Eruca vermis. Rif. għal kull tip ta’ dudu li jkollu x-xagħar tiegħu niggieżi.  2. Appel. għall-istat tad-dudu minn meta jfaqqas mill-bajda sa qabel ma dan jagħmel fosdqa (pupa) biex fiha jiżviluppa u joħroġ bħala farfett. Ing. caterpillar. Sorsi: E.S.I. u J.A. 3. Fig. bniedem li bl-aġir tiegħu jimbarazza lil dak li jkun jew inkella jġibu fl-inkwiet.   

xaghri rdum - MTA - Bruno Vetters (77)XAGĦRA   (pl. xagħri). 1. Art pjuttost blatija fejn il-ħamrija u l-veġetazzjoni hi skarsa u tiddependi totalment mill-ilma tax-xita. Tip ta’ abitat fejn jikbru arbuxxelli żgħar u pjanti aromatiċi. Insibu diversi tipi ta’ xagħri, eż. dak li jinsab fuq il-blat qrib il-baħar, dak ta’ ma’ ġenb  xi rdum jew widien, eċċ. L-ambjent ivarja fit-tip ta’ pjanti li jikbru fih, ngħidu aħna, is-sagħtar jew it-tengħut. Hawn ħafna mkejjen f’Malta li isimhom jindika dan l-ambjent naturali. Fost dawn insibu ix-Xagħra ta’ Għawdex u  x-Xagħjra ta’ Ħaż-Żabbar.  Ing. garigue2. (Damma) XAGĦRI/JA  Uomo/ donna rustico selvareccio.

XAGĦTAR    (pl. kollettiv għal xagħtra). Pjanta bi fjuri sofor twal. John’s wort. Magħrufa wkoll bħala fexfiex tar-raba’, (Hypericum crispum)  jew ħaxixa ta’ San Ġwann, Is. xj. Hypericum perforatum. Fl-antik din il-pjanta kienet tintuża għal bosta rimedji, pereż. fil-menstruazzjoni, fl-irjiħat u kontra d-duda. Sors: Duwa u Semm fil-Ħxejjex Maltin, G. Lanfranco (1975).

XAĦMET  L-ART.    Tip ta’ rettili bis-saqajn ta’ daqs ikbar minn gremxula b’ġisem ileqq u oħxon. Is. xj. Chalcides ocellatus. Għalkemm rettili, il-mara tax-xaħmet ma tbidx iżda twelled. Dari kien jingħad li min jaqbad xaħmet l-art għandu jieħdu għand l-ispiżjar. Sors: Victor Falzon u Anton F. Attard. Ing. Ocellated skink.     

xahmet l-art.com
Ritratt, ħajr: Annalise Falzon

XAHAR IS-SALIB    Appel. antik li kien jingħad meta kienu jirriferu għax-xahar ta’ Settembru. Jissejjaħ hekk minħabba li fl-14 ta’ Settembru kienet tkun iċċelebrata ma’ Malta kollha l-festa ta’ SANTU KRUĊ. Sors: M.A.V.

XAJTEN  / XAJTAN  Invoka l-isem tax-xitan biex jisħet lil xi ħadd.

xalataXALATA    Divertiment ta’ grupp ta’ nies li joħorġu flimkien biex iqattgħu ġurnata fil-kampanja jew ħdejn il-baħar. Dari, meta t-tfal tal-iskola kien ikollhom ħarġa organizzata fil-kampanja, kienu jużaw din l-espressjoni, ‘Ma, għada sejrin xalata ma’ tal-klassi!’ Illum imdorrijin għax-xalati tal-għada tal-festa, organizzati mill-partitarji tal-festa, l-aktar dawk ta’ ġewwa u oħrajn, biex iqattgħu ġurnata ħdejn il-baħar, ‘jixxalaw’ flimkien. XALATUR Tingħad għal xi ħadd li moħħu biss biex jiddeverti.  G. B. Falzon. (1845). jagħtiha bħala, Sport diversion, recreation, feast. Sq. scialata, solazzo ricreazione in brigata. Sors: Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano, Vincenzo Mortillaro (1853). Tal. scialare, dissipare al proprio godimento, fare sfoggio. Sors: http://www.etimo.it.

XALET       Ara: CHALET

XALPA / SARPA     Biċċa drapp, norm. tas-suf jew tal-ħarir li tintlibes madwar l-għonq. Tal. sciarpa. Ritratt

xaluppa751XALUPPA   Dgħajsa mdaqqsa madwar 9 m. u aktar, li taħdem b’żewġt iqlugħ u b’ħamest imqadef kull naħa. Din kienet tintuża norm. fi vjaġġi ta’ distanzi qosra matul il-kosta. Biss, fis-sekli sbatax u tmintax, bdiet tintuża wkoll biex teskorta l-vaxxelli. Dan l-isem, illum jirreferi norm. għal tip ta’ dgħajsa mdaqqsa tas-salvataġġ. Tal. scialuppa – dgħajsa tas-salvataġġ.  Ing. sloop. 

XAM       Damaskus jew is-Sirja. Sami jew Xamja bniedem minn Damaskus. (M.A.V. 1796))

xambekk2.jpgXANBEKK / XAMBEKK    (pl. xniebek). 1. Bastiment żgħir bil-qlugħ u l-pruwa mislutin, li fis-seklu sbatax kien jintuża għall-ġarr tal-merkanzija. Ix-xambekk jaf l-oriġini tiegħu bħala mirkeb kbir tas-sajd, fil-Lvant tal-Mediterran. Minnu kienu jkalaw ix-xbik fil-baħar. Biż-żmien dan il-bastiment kien żvilluppa f’forma akbar, u beda jintuża mill-Alġerini għal skopijiet ta’ piraterija. Ix-xambekk tal-gwerra kien iġorr bejn 12 u 40 kanun, u ċ-ċorma kienet ġieli tlaħħaq mal-150 ruħ. Il-kavallieri wkoll tħajru jibnu x-xniebek tagħhom u l-ewwel wieħed kienu semmewh Lo Spirito Santo. Tal. Sciambecco. Zambecco. Fr. chebec. 2. Fig. Fl-antik dan kien terminu li jintuża biex wieħed iwaqqa’ għaċ-ċajt il-kobor ta’ xi żarbun goff. Tal. sciabecco (oriġ.) stambecco (?), Għ. xabak – M. xbiek, xibek (minħabba l-iskop oriġ tiegħu tas-sajd). Sors: Joseph Muscat, Il-Flotta ta’ L-Ordni ta’ San Ġwann, pp. 160-162.  

XAMBRELLA   Frejm tal-injam li jitqiegħed bħala appoġġ f’daħla biex miegħu jitwaħħal il-bieb. Ix-xambrella sservi wkoll bħala xogħol dekorattiv fl-injam li jiksi l-ħnejja tal-kamra. Fr. chambranie – M. frejm ta’ bieb.

XANTALJUNI   Tip ta’ dekorazzjoni għall-ilbies tan-nisa, magħmula minn kwantità ta’ medaljuni jleqqu tal-metall. Dawn jintlibsu kemm imdendlin mal-ħwejjeġ kif ukoll madwar ir-ras jew madwar il-qadd. Ara: ANTAĊĊJOLI. Sors: E.S.I. 

XANTUSA    Kelma li kienet tingħad fil-bidu tas-seklu għoxrin meta kienu jirreferu għal kantanti jew artisti nisa barranin, li kienu jkantaw fit-teatru jew fil-ħwienet tax-xorb. Fig., mara li tagħmel ħafna rtokki biex tidher sabiħa. Fr. chanteuse – M. kantanta.

XAQFA   Awrinar taċ-ċaqquf; maħra. Fig. mara komuni u ta’ kondotta ħażina. Espr. derogattiva: ‘twilditlu xaqfa’ – jiġ., twilditlu tifla. Temi Zammit, fir-rakkont tiegħu Nies Bla Sabar, juża dan l-appel. b’dan il-mod: ‘[…] Il-bejjiegħ beda jgħajjat b’leħen ta’ xaqfa – ara x’kull brinġiela għandi! […] Sors: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra p. 69..

XAQQ      Verb li M.A.V. (1796) ifissru bħala kull tip ta’ vjaġġar u jagħti dawn l-eżempji: ‘ixoqq l-ajru’, jiġ. itir; ‘ixoqq il-baħar’, u ‘jxoqq l-artijiet’. 

XAQQ / XQAQ / XQUQ IS-SAFRA    Xaqq fil-ġilda li jkun jew fil-qiegħ tar-riġlen jew fl-idejn. Fl-antik, sa daqs l-ewwel għexieren tas-snin għoxrin, ħafna rikkieba tal-karozzini jew bejjiegħa bil-karrettun kienu jkunu ħafja u kien ikollhom minn dawn ix-xquq, jgħidulhom tas-safra. Biex jirrimedjaw għal din il-kundizzjoni kienu jew jagħmlu ġilda tat-tiġieġa mal-qiegħ ta’ saqajhom li jkun fiha x-xaħam, jew inkella, jbillu saqajhom fil-bewl tan-nies jew taż-żwiemel. Kien hawn minn jemmen li din il-ġilda xierfa ma kienet xejn aktar minn kallu u biex tneħħih trid tuża ħakkieka tal-ġebla jew inkella tħokk il-qiegħ tas-saqajn ma’ ġebla. (Lanfranco 2017). (Damma.) ‘[…] morbo che nasce al piedi e propriamente alla pelle del calcagno del piede e communemente si chiam xaqq jew sqaq is-safra in Italiano detto / forse perche fa delle fissure in quel luogo ove nasce il morbo […]’.

XAQRA    Aġġ. fem. XAQRANI / IXQAR    Kulur pjuttost ħamrani ċar li jagħti fl-isfar u li norm. jirriferi għall-wiċċ ta’ persuna anzjana. Kulur ta’ dan it-tip, l-aktar fuq iż-żwiemel jew il-qtates. Temi Zammit, fil-ħrafa, ‘Il-gideb għomru qasir’, jirrakkonta meta l-pulizija jsaqsi lir-ragħaj dwar il-mogħża li nsterqitlu, ‘[…] X’għidt xaqra? Din xi tkun? […]’ u ragħaj iwieġbu, ‘[…] xaqra – lewnha aħmar […]’. Sors: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra, (ed. Toni Cortis) p. 16. Kulur pjuttost ħamrani ċar li jagħti fl-isfar. Kulur simili li ssibu l-aktar fuq iż-żwiemel jew il-qtates.

XARBITELLA/I     Nom li jintuża l-aktar fil-plural biex jiddiskrivi għamara tad-dar li ma tiswa xejn. Għodda li ma tiswa xejn. Imbarazz jew ċekċik żejjed. M.A.V. (1796) jgħid li din tista’ tkun kull tip ta’ għodda kemm tad-dar kif ukoll tas-snajja’. Charles Clews jirrakkonta, ‘[…] Sibniha [lill-ommi] f’sala ma’ bosta oħrajn, bil-ftit xarbitelli li kienet laħqet għabbiet mid-dar fuq  trakk militari […]’. Sors: Meta Faqqgħet il-Gwerra, ta’ Laurence Mizzi, p. 80. Etim. Kalabriż, scirpiteddi. Sors: E.S.I. V. Busuttil (1900), jgħidilhom, kitchen utensils.

XARIJA    (Damma) ‘[…] voce puerile, volendo dire che non sarà più amico come prima, e per ripacificarsi dice ‘ma hiniex xarija, paċi’, toccando il piccolo dito della mano destra uno collaltro annellandosi le dite, allora vien fatta la pace. […]’ Kelma ta’ oriġini Għarbija li tfisser il-liġi kanonika tal-Islam.  Ngħidu: ‘għamel xarija ma’ xi ħadd’, iġġieled ma xi ħadd. Ara: PAĊI KULAĊI.

XARQITHOM   Titlu li kien jintuża meta wieħed jindirizza lir-Re jew lin-nies tal-familja Rjali. Kelma li ma tinstabx la fid-dizzjunarju ta’ J.A. u lanqas f’dak ta’ E.S.I. Il–Kalepin (1941), jittraduċiha bl-Ing. bħala Their Royal Highness. L-eqreb xebh ma’ din il-kelma li għandu mnejn jagħmel sens hi l-kelma XERQIEN, li tfisser ‘diċenza’, bħal meta wieħed jgħid ‘xeraq’ fis-sens ta’ ‘jixraq – b’mod ta’ rispett lil dak li jkun’.

XARRETTA    Karru miġbud minn żiemel wieħed u li fuqu jistgħu jirkbu sa tnejn min-nies. Dan it-tip ta’ trasport kien norm. jintuża fl-antik għal xi rikba jew dawra għal gost biż-żiemel. Ħaż-Żebbuġ, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jużaw karrijiet miġbuda biż-żwiemel magħrufa hekk. Fr. charrette. Ing. chariot.  

XARRU / XIRRU     Għamla ta’ nefħa li titla’ fil-glandoli u li tista tkun sinjal ta’ tumur jew kankru. (E.S.I.)  (Damma) morbo, scirro, L. scirrhus.

XATAR     Ara:  XTUR.

xatba 023 - Copy.jpgXATBA  (pl. xtabi) 1. Rixtellu pjuttost qsajjar li norm. jagħlaq l-għelieqi, jew xi razzett minn fejn wieħed jidħol fil-mandra. 2. Għodda tal-bdiewa li għandha kemxejn l-istess xeħta. Din titqiegħed żaqqha mal-art u tinġibed mill-bhima biex u titħaxken mal-ħamrija biex twittiha. Ix-xatba ġieli jkollha bħal imsiemer kbar ħerġin minnha biex waqt li tinġibed dawn jigirfu u jfarrku l-ħamrija jekk din tkun iebsa. Biex ix-xatba żżomm sew waqt li tiċċaqlaq, jitqiegħed fuqha kantun jew inkella jitla’ tfajjel fuqha għat-toqol. A. de S. jgħid li dan ix-xogħol kien isir wara li jinżera l-qoton. XATTAB v. Fil-kitba ta’ Temi Zammit, ‘Il-Flus tal-Ħares’ insibu hekk: ‘[…] għattew u xattbu wiċċ il-għalqa […]’, f’Nies Bla Sabaru Stejjer Oħra. (ed. Toni Cortis, p. 5.  3. M.A.V. jżid tifsira oħra: raġel samrani, oħxon u raħħali; Tal., uomo oscuro grossolano e rustico.

xatba 20200705_100203
Iż-żewġ tipi ta’ xtabi wżati mill-bdiewa.  Ħajr: Lawrence Cassar.

XATRA    Tingħad fil-frażi ‘mogħża xatra’ meta mogħża jkollha l-bżieżel mhux indaqs. Qbl. mal-aġġ. fem. ‘imxattra’. Ġużè Muscat Azzopardi, fil-kitba tiegħu ‘Mogħoż u Nagħaġ’, jgħid hekk: ‘[…] Min jaħlibhom [il-mogħoż], irid ikun tas-sengħa għax inklele jxattarhom […].’ Sors: Mogħdija taz Zmien – ‘Fid-Dar u il Għalka, p. 30 (1906). Ara: JEKKLELE.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAXATRAMBATRA    Qara twila mnixxfa u mħaffra minn ġewwa li jingħad li antikament kienet tintuża biex ma tħallix l-intina tal-bass jinfirex fis-sodda. Dan l-oġġett ġieli kien magħmul minn xi materjal ieħor. M.A.V. (1796) jgħid  li dan l-oġġett kien aktarx jintuża mill-miżżewġin ġodda. Sqal. sciatara e matara –  espr. li tindika stmerrija. A. Preca (1880), jgħid illi bil-Lhudi xatar tfisser ‘tkeċċi’ u batar hu l-‘warrani’. Sors etim. E.S.I. u J. A. 

XATT  IL-BARRIERA    Din hi dik il-parti tat-triq tax-xatt tal-Belt Valletta, li minn ħdejn il-knisja Ta’ Liesse tagħti sa ħdejn il-pixkerija (issa magħluqa). Eżatt wara l-pixkerija, hemm binja oħra li fiha kienu jinżammu kwarantina il-passiġġieri ta’ ċerta importanza, meta dawn jinżlu minn fuq il-bastimenti tal-Ordni. Il-kwarantina pprattikata hawn ma kenitx daqstant severa bħal dik tal-Port ta’ Kwarantina f’ Marsamxett. Biex din il-binja kienet tinżamm b’ċertu iżolament, kien inbena reċint tal-injam li kien iżomm u jikkontrolla n-nies milli jidħlu jew joħorġu u jitħalltu liberament. Għaldaqstant dan ir-reċint kien magħruf bħala la barriera, li bit-Taljan tfisser reċint jew ħajt ta’ impediment. Kienet din l-istruttura li tat l-isem lil dan ix-xatt. Ara: PARLATORIO WHARF.

Barriera a harbour.jpg

OLYMPUS DIGITAL CAMERAXAWWATA   1.  L-ostja li tingħata fis-sagrament tal-Ewkaristija. 2. Tip ta’ ftira msajra fil-forn. Qawl: Kulħadd iressaq in-nar lejn xawwatu – jiġ., kulħadd jipprova jagħmel kemm jista’ biex l-interessi tiegħu jkunu moqdija aħjar minn dawk ta’ ħaddieħor. XAWWAT v. Ħaraq bil-ħadida tikwi.  IXXAWWAT  v. Sofra jew qiegħed isofri minn tixwit, jiġ., minn infjammazzjoni tal-ġilda li sseħħ meta wieħed jegħreq, l-aktar taħt abtu jew bejn il-kuxxtejn. G. B. Falzon (1845) jatgħiha bit-Tal. sciaccata, Ing. a cake. M.A.V. (1796) jgħid, focaccia, cosa abbrustiata. 

XBAT   Isem antik għax-xahar ta’ Frar. Qawl: Ja xbat ħabat ma mejjilthiex il-għaduma (ma waqqajtx l-istanga ta’ wara l-bieb, jew is-serratizz jew il-plier li jżomm l-għarix wieqaf) u ma qridthiex il-għaġuża (mara xiħa għakka). Oriġ. mill-Għ. xubat, rifer. għax xahar kiesaħ ta’ Frar. Sorsi: Il-Qawl Iqul, p. 126 u E.S.I.

XBIN   1.  Parrinu. Orig. Għ. xabin  – parrinu.  2. Dan kien mod familjari ħafna ta’ kif bniedem jindirizza ’l ieħor biex bħallikieku qed jistmah ta’ ħabib intimu. Illum, din il-kelma bil-Malti hi ekwivalenti għall-Ing. ‘mate’. 3. XBINT  Parrina. Fig. Il-ħabiba sigrieta ta’ xi ħadd. F. Vella (1843).

XBUBIJA    (Damma)  Virginità; pubertà.

XEBB   (Damma) 1. Giovine non ammogliato. 2. Gioventù unda delle quattro età dell’uomo. 3. Raġel verġni.   4. Ara: ĦAXIXA TAL-IRMIED.

xedd 2eXEDD     (pl. xdud)   1. Kull tip ta’ lbies li l-bniedem ixidd fuqu. XEDD. v. Ngħidu, ‘xedd libsa ġdida’. MIXDUD p.p. Imlibbes. 2. Hemm ukoll ix-xedd tal-bhejjem, kemm ta’ dawk li jintrikbu min-nies kif ukoll ta’ dawk tal-ġarr u tal-għelieqi. Pereż., hemm ix-xedd tal-bgħula u taż-żwiemel, kif ukoll ix-xedd tal-bhejjem li jkaxkru l-moħriet, eċċ. Wieħed jista’ jgħid li hemm tliet tipi ta’ xdud: dak li jmur fuq id-dahar tal-bhima, eż. s-sarġ eċċ., li jgħidulu ‘l-arnes’; dak li jmur fuq ir-ras, eż. l-kappestru eċċ.; u dak li jmur mas-sider tal-rural ploughing the fields mdina - Copybhima, li jgħidulu ‘s-sidra’. Xedd wieħed ikollu bosta partijiet, kull waħda bl-isem tagħha. Bosta minn dawn il-partijiet huma magħmula mill-ġild jew mid-drapp u xi drabi mill-ħadid ukoll. Ix-xogħol tax-xedd tal-bhejjem isir mis-SILLAR. Ara wkoll: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, Paul L-Ewwel Vol. P. Borg, pp. 134-151 u pp. 93-98; Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, Ġużi Gatt, pp. 89-95.  

XEDDA     1. Ebusija. Norm. din hi rif. għall-istat ta’ meta wieħed ikun ikonstipat. Ngħidu, ‘qed ibagħti bix-xedda’, għal min ma jistax jipporga. G. B. Falzon (1845) stitichezza, hardness. 2. XEDDA FAĦAM   Kwantità ta’ faħam, kemm jiflaħ iżomm il-forn, jew iċ-ċumnija. G. B. Falzon. (1845): durezza, quantità di carbone tanto può capire un focolare.

XEHBIEN   Lewn li jagħti fil-griż. Lewn l-irmied. P.P. Saydon juża dan l-aġġettiv b’mod metaforiku fil-kitba tiegħu ‘L-aħħar jiem f’Bengħisa’, biex jiddeskrivi l-baħar li kien qiegħed jammira: ‘[…] Il-baħar qiegħed, qisu wiċċ irħam abjad xehbieni […].’ Ara: IXHEB. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 216. Oriġ. ippubblikata f’Leħen il-Malti.

xehda ftira għasel2XEHDA   Massa ta’ ċelloli magħmula mix-xama’, li n-naħal jibni biex jerfa’ d-duqqajs fiha. Dan hu għasel u trab dakkari miġbur minn fuq il-fjuri. Għ. xahd; M. tfisser l-istess ħaġa. 

XEHWA   1. Xewqa kbira għall-ikel. 2. Tebgħa fil-ġilda li tfiġġ meta l-omm tkun tqila bit-tarbija u jkollha xewqa għal xi ikel partikulari li ma tibqa’ mingħajru f’dak il-mument. Xehwien. Aġġ. għal xi ħadd fi stat ta’ kilba kbira.  Ara: WAĦAMA.

XEJB   Xjuħija; xagħar abjad. Aġġ. xejbieni.

XEJKU    Ħmar jew annimali oħra tal-ħriet jew tat-tagħbija. Ngħidu, ‘xejku brejku’ jew ‘ċikku briku’. Sors: E.S.I. J.A. jgħid ukoll li din hi l-għajta li wieħed issejjaħ dawn l-annimali biex jiġbidilhom l-attenzjoni. Etim. Sqal. sceccu, ħmar.

XEJXI    Ġugarelli li jilagħbu bihom it-tfal iż-żgħar. Kull ħaġa li jieħdu gost biha t-tfal. Affarijiet żgħar li jżejnu l-ambjent tad-dar. Fig. tiżjin magħdud bħala żejjed u mhux floku. Oriġ. Għ. xahaxa li tfisser affarijiet żgħar tat-tfal. Preca, jgħid hekk‘[…] Ġuditta ġagħlietha toħroġilha l-ilbies ta’ żgħużitha, brazzuletti, ħnienaq, imsielet u ħwietem, u kemm xejxi oħra kellha[…]’. Sors: Storja Sagra, Ktb II, p. 114. Ara: IXXI

XEKKIEK   Ħajjat tal-imtieraħ.  v.  XEKKEK 1.  v. Taqqab b’IMSELLA. Dan ix-xogħol isir meta wieħed ikun irid jgħaqqad u jħit in-naħa ta’ fuq man-naħa t’isfel tas-saqqu biex il-mili ta’ ġewwa ma joħroġx. v. Ittraponta. 2. v. Fil-kostruzzjoni, dan hu xogħol meta wieħed jgħaddi min-naħa għall-oħra tal-wiċċ tal-konkos biex ineħħi l-arja li tinqabad fih biex il-konkos isir aktar lixx u sod. 3. Fig. Bniedem li jipprova jindaħal fl-affarijiet ta’ ħaddieħor biex ikun jaf x’inhu għaddej. Bniedem li jdeffes imnieħru f’kollox biex jaqta’ l-kurżità. F. Vella (1843) jagħtiha bit-Tal. bħala, trapunto u bl-Ing. quilt. G. B. Falzon (1845) jgħid:  vagabondo; Ing. a wanderer.

XEKKUKA   Mogħża jew nagħġa li wieħed ikollu dubju fuqha jekk hix tqila jew le. Kelma li nstemgħet tingħad fl-Għarb, Għawdex.  Bl-Għ. xakk tfisser ‘dubju’.

XEKXUKA    Ara: BALBULJATA.

xelin 1877XELIN    1. Munita li sas-sena 1972, kienet fiċ-ċirkulazzjoni mal-muniti u karti tal-flus Ingliżi f’Malta. Ix-xelin kien jiswa tnax-il sold. Għoxrin xelin kienu jagħmlu lira sterlina. 2. TAXXELIN  Laqam mogħti lin-nies ta’ Tas-Sliema u l-inħawi fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Jingħad li dak iż-żmien kien hemm l-użanza fost il-Protestanti Ingliżi li kienu jgħixu f’dawk l-inħawi li jagħtu xelin lil kull min jaqra l-Bibbja. Billi dak iż-żmien, in-naħa ta’ Tas-Sliema kien hemm ħafna familji Maltin li kienu prattikament jgħixu spalla ma’ spalla ma’ dawn l-Ingliżi, din is-sistema kienet qabdet sew. 3. SOLD  XELIN   Tip ta’ lotterija li tintlagħab waqt xi fiera. Il-ġugatur jixtri biljett li jiswa sold biex jittanta jirbaħ xelin. In-numru kien jittella’ billi tiddawwar ir-raddiena, u dak li jaqta’ n-numru jirbaħ. Ing. shilling. Tal. scelino. Ara: SIKSPENZ

XELLEJ       Spjun. Xi ħadd li jixli jew jikxef lil ħaddieħor għemilu għal ma’ xi ħadd.

XELLIEL   Bennej tal-ħitan li jkunu magħmulin miċ-ċnagen mwaqfin mingħajr tajn. Wieħed li jħit bl-imsell. XELLEL   v. Ħiet bil-punti kbar biex iġarrab, qabel ma jħit bil-punti rqaq kif suppost. Giddieb. G.B.F. (1845).

XEMA’ TAD-DAM      Ara: DAM.

XEMA’ TAŻ-ŻIFT    (Damma)[…] Torce di vento, candela di pece. L. funalia. […]’.

XEMPJU  TAL-BIZZILLA   Disinn li fuqu jsir ix-xogħol tal-bizzilla. Mudell. Ing. lace pattern.  

XENDI      Skont V. Busuttil (1900): nanu. Skont E.S.I. aġġ., qerqni, nani, qsajjar u boċni.   

xniexel.jpgXENXUL   (pl. xniexel).  1. Għanqud tal-għeneb. 2. Għanqud tal-ovarju tat-tiġieġ u għasafar simili. Xagħar irqiq tal-ixkupa magħmul mill-weraq twil u rqiq tal-pjanti. Idj. ‘Belagħha bl-għeruq u x-xniexel’ – emmen dak kollu li qalulu. XENXEL v. Ħareġ l-għeruq. Ara: XNIEXEL.

XERBEBB / XIRBEBB /  XORBEBB / XORBETT / XURBEBB      Pjanta perrenja li tikber f’imkejjen qrib il-baħar, eż., fuq l-irdumijiet jew f’ambjent fejn hemm ilma salmastru. Is. xj. salsola vermiculata. Ing. saltwort.

xerbeb Salsola-vermiculata

XERFIJA   Libsa li antikament kienet tintlibes min-nisa. A. de S. isejħilha ‘gamurra’. M.A.V. (1796) isejħilha ‘gonella’. Magri jikteb ‘xirfija’ – ċulqana. Għonnella – dublett tal-imbrukkat li parti minnu setgħet tintrafa’ ’l fuq biex tgħatti r-ras. Ara: ĊULQANA u GĦONNELLA.

XERRI     Bniedem ġelliedi jew pezza kwistjoni. Kunjom Malti li jista’ anki jinkiteb Scerri.  Sors: E.S.I. F. Vella (1843) jgħid hekk: Tal. maligno Ing. A mischievious person.

XEWWIEL      Bniedem li jiġġerra ‘l hinn u ‘l hawn. Vagabond.

xghir xcXGĦIR    Tgħam / ċereali. Wieħed mill-eqdem ikel nuttrittiv għall-bniedem li ilu jitkabbar mill-bidwi għal dawn l-aħħar eluf tas-snin. Is. xj., Hordeum vulgaris. Il-fdalijiet tax-xgħir instabu fis-saffi ta’ fuq skavati f’Għar Dalam flimkien mall-għads (Ing. lentils) u l-qamħ. Din is-sejba tindika li fi żmien in-Neolitikju, ix-xgħir kien jitkabbar f’Malta bħala ikel nuttrittiv. Hemm diversi tipi ta’ xgħir, pereż., hemm ix-xgħir l-iswed, ix-xgħir tal-mazza u x-xgħir tal-birra. F’Malta x-xgħir kien jitkabbar bosta drabi flimkien mal-qamħ fl-istess raba’, għax billi x-xgħir hu aktar resistenti mill-qamħ dan kien jipproteġih mir-riħ. Id-dqiq li minnu kien isir il-ħobż kien jitħallat ħafna drabi mal-qamħ, għax il-qamħ imkabbar f’Malta qatt ma kien ikun biżżejjed għad-domanda tal-popolazzjoni. B’hekk il-ħobż bix-xgħir kien magħruf bħala ħobż tal-maħlut, ħobż iswed, meqjus bħala inferjuri mill-ħobż abjad u għaldaqstant kien jittiekel biss mill-foqra. Ġieli kien jitħallat mal-ġwież għal fniek jew għal baqar. Ing. barley.

xghira xXGĦIRA    Infezzjoni li tikber bħal ponta tal-ilma ma’ xifer l-għajn meta din tinfetta ruħha mill-bakterja. L-isem xgħira ġej mill-istess kelma, xgħir, għax din kienu jqabbluha maż-żerriegħa ta’ din il-pjanta. Anki fit-Taljan, dan l-isem hu meħud mix-xgħir (Tal. orzo) u fil-fatt jgħidulha orzoaiolo. Ing. stye.

xiberxXIBER    Il-wisgħa tal-pala tal-id (bis-swaba’ miftuħin) li titqies bħala mezz li bih jitkejjel it-tul ta’ ċerti affarijiet, eż. drapp jew annimali, bħaż-żwiemel u dbieb. Meta l-bhima titkejjel bix-xbar, il-kejl jibda mill-ponta tas-sieq ta’ quddiem, u jitla’ sa l-ispallejn. Fuq iż-żiemel dan iwassal sa tnax jew erbatax-il xiber. Fl-antik kien hawn l-użanza waqt xi festi jew f’okkażjonijiet oħra fejn kien jinbiegħ iz-zalzett moqli, f’forma tonda u twila, li kont tixtrih bix-xiber. Kienu jgħidu, ’Agħtini xiber / xibrejn zalzett!’

xiberziemel

XIBERRAS / SCIBERRAS  Il-promonotorju kollu tal-Belt Valletta kien magħruf bħala l-Għolja Xiberras. It-tradizzjoni tgħid li dan kien il-kunjom tal-familja Sceberras li kienet sid din l-art. Biss dawn l-għajdut mhux ivverifikati bid-dokumenti. Sadattant l-appellativ ‘ras’ jindika lsien jew ponta ta’ art li tkun ħierġa ’l barra. F’Malta nsibu diversi nħawi li isimhom jinkludi l-kelma ‘Ras’, eż. Ras Ħanżir, Ras il-Pellegrin jew Ras ir-Raħeb. Xebb tista’ tirreferi għal pjanta ‘xebb il-blat’ XURBEBB  Is. xj. salsola vermiculata. Ing. saltwort. Qbl. xebb il-ġmiel – Ing.  rock alum.

XIDA / XIDI      Parasit li jgħix fuq il-bhejjem. Dubbiena taż-żwiemel.

XIDJA     1. Il-ħolqa li magħha tiddendel tarjola jew parank. 2 Ħabel. 3. Biċċa feles tal-injam li tidħol fil-ħofra tas-sokra ta’ bieb biex il-lukkett ma jkunx jista’ jinfetaħ.  4. Skalda miz-zokk tas-siġar. 5. Fig. Bniedem fitt / li jdejjaq. Idj: ‘Fitt daqs / qisu  xidja’. Għ. xada, fittaġni. Sors: E.S.I. u J.A.

XIFA    (pl. xwejjef). Labra ħoxna bil-ponta li juża l-iskarpan biex iħit il-ġlud. Ing. awl. PISPISELLA TAX-XIFA   Tip ta’ għasfur li munqaru hu twil irqieq u ġej għal ponta. Is. xj. Xenus cinereus. Ing. Terek sandpiper.

XIFILQANA      Il-kelma x’aktarx ġejja minn ċfulqana. Parti mid-dublett li jintefa’ minn wara fuq ir-ras. Ara: ĊULQANA.

XIĦA,  IX-     Fit-tombla ‘ix-xiħa’ hu laqam għan-numru disgħin.

XIKEL   (pl. xikla)   1.  Sieq ta’ annimal li tintrabat bix-xikel. 2. XIKLA Dawk il-partijiet mimdudin li jżommu s-saqajn tas-siġġu sod billi dawn ikunu mminċottjati minn naħa u minn oħra. Eż. siġġu b’erba’ xikla. 3 Il-ħabel li jorbot lil xi ħadd biex ma jaħrabx. Ngħidu, bniedem ikun imxekkel biex ma jkomplix jagħmel dak li jixtieq. 

XKIEL    (pl. xkilijiet). Diffikultajiet, ostakli. Idj: ‘Biex wasal fejn ried sab ħafna xkiel’.

xilepsalpa_02.jpgXILPA   (pl. xilep). Ħuta li meta tkun għadha żgħira jgħidulha girwiela. Sqal. u Tal. sarpa.  Norm. din il-ħuta tinqabad bin-nassa. Ngħidu, ‘ġewwa x-xilep!’ Din l-idjoma tirreferi għal xi sitwazzjoni fejn wara ħafna xogħol u ħsieb, il-pjan jirnexxi. Din l-analoġija tindika li din il-ħuta ma tinqabadx kif ġib u laħaq. Fl-inħawi tal-Mellieħa hemm roqgħa jgħidulha, Daħlet ix-Xilep. Tal. Sarpa. Ing. sarp. Is. xj. Boops salpa.

XIMMJOTT / XIMJOTTATUR    Wieħed li jipprova jimita. Tingħad lit-tfal li jkunu qed jippruvaw jimitaw lill-kbar. Etim. Tal. scimmia  –  xadina.

XINI    Term. li jintuża b’mod ġen. għall-bastimenti ta’ kull xorta, minn żmien il-Feniċji sa nofs is-seklu dsatax. Għal aktar korettezza, ix-xini kien dak il-bastiment baxx mal-ilma bil-qlugħ u l-imqadef. Ix-xini aktar goff kien jissejjaħ ġifen. Biss il-ġifen ma kienx ikollu mqadef. Fil-każ tax-xwieni tal-Ordni dawn kienu pjuttost twal u rqaq u bil-qlugħ tal-latini u għalhekk kienu ħfief fil-manuvrar tagħhom. Ix-xwieni tal-Ordni dejjem kienu jkunu miżbugħin fl-aħmar. Ing. galley. Ara:  Il-Flotta Ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, Joseph Muscat, pp. 7-8, p 43. The Galley ta’ Joseph Abdilla Heritage Vol. 4 p. 1086.

XINILJA   Tip ta’ lazz li dari n-nisa kienu jdawru ma’ lbieshom. Lazz li kien jiddawwar madwar bozza biex ma jidħolx it-trab. Sors: E.S.I. Biss, skont J.A. din hi tip ta’ xalla. J.A. jagħti wkoll GVERTA TAX-XINILJA. Ing. Candlewick bedspread. Etim. Tal. ciniglia. Fr. chenille.

XINTILL     Tip ta’ kullana b’ħaġar prezzjuż. Tal. scintilla.

XIPLI     Bniedem li jkun bla saħħa u marradi. L-istatura ta’ bniedem irqiq. Sqal. Scivulu ditto di legno fragile. Sors: J.A.

XIRF   L-għerf li wieħed jakkumula mill-esperjenza tal-ħajja. Bon sens. Bniedem xieref, hu dak li hu mgħobbi bl-esperjenza. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, p. 72, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] Marku Falzon b’xirfu kollha daħal f’nassa […]’.

XIRKA  Għaqda jew soċjetà ta’ nies li jiddeċiedu li jingħaqdu flimkien bħala sħab fuq xogħol jew f’intrapriżi partikulari. Tnejn min-nies li jiftiehmu li jidħlu għal biċċa negozju flimkien fejn il-qligħ jinqasam nofs b’nofs. XRIK Bniedem li jaħdem bi sħab ma’ ħaddieħor. L-istess appellativ ġieli nsibuh jirriferi wkoll għal-lavrant. Fid-dinja Għarbija dan l-appellativ jirriferi ukoll għal kwalunkwe kumpanija kummerċjali. ĦAMIS IX-XIRKA / IĊ-ĊIRKA  Il-Ħamis ta’ lejlet il-Ġimgħa l-Kbira. Jum li jfakkarna fl-Aħħar Ċena fejn l-appostli kielu flimkien ma’ Kristu. Nom li minnu joħroġ il-verb, jixxierek, kif insibu fir-rumanz ta’ P. Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda p. 45: ‘[…] qattus iswed li sikwiet kien ikollu jixxierek ma’ Ċikka fil-ġlieda ma’ Gerit […]’.

Xirka Manwel Dimech 1860 1921.jpgXIRKA TAL-IMDAWLIN   Għaqda li bdiha Manwel Dimech fl-1911. Dimech ried li din l-għaqda tifhem u tferrex il-fehmiet tiegħu dwar il-problemi soċjali u nazzjonali ta’ żmienu. Fl-1908, Dimech siefer u għamel mal-erba’ snin jgħix fi bliet differenti fl-Italja. Hemm ra kif kien ittrattat il-ħaddiem, u kif il-Knisja u l-Istat lajk kienu jġibu ruħhom ma’ xulxin b’mod li wieħed ma jirfisx fil-qasam tal-awtorità tal-ieħor. Hekk kif ġie lura Malta fl-1911, Dimech għaqqad assoċjazzjoni li sejħilha x-Xirka Tal-Imdawlin. Din l-assoċjazzjoni kienet magħmula minn nies li kienu jafu jiktbu u jaqraw, u li riedu jaċċettaw it-tagħlim tiegħu. Fil-kitba tiegħu Dimech kien jikkritika l-aktar lill-Gvern Kolonjali u lill-Kleru, li għalih, dawn donnhom ma kienx jimpurtahom mill-miżerja tal-popolin. Minħabba l-ħsibijiet radikali tiegħu, Manwel Dimech u sħabu spiċċaw skomunikati mill-Isqof. Ara: Manwel Dimech: A biography ta’ Henry Frendo, 1978;  Manwel Dimech: Stedina għall-Filosofija Maltija,  Mark Montebello, 1995. Għejdut ta’ Manwel Dimech: Kitba u Ħsibijiet ta’ Manwel Dimech, ta’ Geraldu Azzopardi, Union Press. 1978.

xirka xemijaXIRKA XEMIA   Fl-1880, Napuljun Tagliaferro, Dwardu Bellanti, Annibale Preca u Dwardu Cachia, kittieba u għalliema tal-Malti, ingħaqdu biex jikkreaw u jistabbilixxu ortografija soda li biha seta’ kulħadd jikteb il-Malti sew u bl-istess mod definittiv. L-għaqda semmewha, x-Xirka Xemia (jiġ., l-Għaqda Semitika). Dawn l-għorrief tal-Malti għażlu alfabett li kien ibbażat fuq il-prinċipju li kull ħoss ikollu ittra partikulari għalih. Għall-ewwel dawn ħadmu fuq alfabett li jinjora dak Taljan. Biss malajr inqala’ l-inkwiet bejniethom u bejn studjużi oħra tal-Malti, fosthom Ġużè Muscat Azzopardi (awtur ta’ bosta kotba ta’ proża u poeżiji) u Anton Manwel Caruana (l-awtur tar-rumanz Ineż Farruġ). Minkejja dan, fl-1882, l-alfabett imfassal minn din l-għaqda kien aċċettat mid-Direttur tal-Edukazzjoni Sigismondo Savona. Biss, hekk kif Savona rriżenja minn direttur fl-1887, il-kap tal-edukazzjoni l-ġdid dlonk abbanduna dan it-tagħlim ġdid u reġa’ żamm mal-alfabett u l-ortografija ta’ qabel. Ara: L-Ilsien Malti, Ilbieraħ u Llum ta’ Mons. L. Cachia, p. 10, 22-23.

XIRRU      Ara:  XARRU.

XISA    Taxxa fuq oġġetti tal-ikel jew xorb li jkunu impurtati; taxxa imposta fuq oġġetti li jsiru għal konsum lokali, bħal per eż., is-sigaretti. Din hi t-taxxa li l-aktar kienet ippreferuta mill-awtoritajiet matul is-sekli biex tkun evitata t-taxxa diretta. Din il-kelma ġejja mill-Ispanjol, sisa, li tfisser taxxa fuq il-proprjetà.

Xitanl-.JPGXITAN, LAQMIJIET TAX-    L-aktar isem komuni li wieħed juża meta jrid jirreferi għal dak l-isipirtu li jqanqal u jkattar il-ħażen. Dan hu l-għadu etern ta’ Alla, dejjem lest li jwaqqa’ ‘l-bniedem fid-dnub. Fit-Testment il-Ġdid naqraw, li x-xitan ipprova anki jwaqqa’ lil Kristu fid-dnub. Ismijiet, jew aħjar, laqmijiet oħrajn bil-Malti għax-xitan huma: Brejbes, Budenbu, Blies, Għafrid, Dimonju, Xifajk, Karfusu, il-Kbir, Kelejlu, Ta’ Denbu Twil, Ta’ Dufrejh Twal, Ta’ Barra Minn Hawn, Tal-Infern, Gimes, Grenġ, Dak tal-Qiegħ. Idj: i. Ix-xitan m’għandux ħalib – jiġ., qatt ma tista’ tkun taf x’deni jista’ jinqala’; idj: ii. ix-xitan jara kif ideffes denbu – l-inkwiet jidħol anki meta tirrenja l-paċi.

XITEL   Il-pl. kollettiv ta’ xitla. Kull tip ta’ pjanta, kemm jekk frott jew ħaxix, l-aktar dak li jkun għadu kemm beda jikber. Tingħad l-aktar fil-frażi,’ bajtar tax-xitel’, bħala rif. għall-bajtar tax-xewk.

xixuxx200804_082424 - Copy(1)XIXU  / BŻALLU   Logħba li kienet tintlagħab fit-toroq bejn żewġt it-tfal jew aktar. Dawn jużaw żewġ biċċiet tal-injam – waħda twila madwar 30 u 40 ċm (il-lasta) u l-oħra, daqs laqxa ta’ madwar 5 – 10 (din kienu jgħidulha xixu). Ix-xixu jitqiegħed mal-art u bl-injama l-kbira f’idhom, it-tfal kienu jagħtu daqqa b’saħħitha mat-tarf tax-xixu biex dan jinqata’ u jogħla mill-art. Hekk kif ix-xixu jkun mogħla xiber fl-ajru, fil-pront il-lagħabi jerġa’ jagħtih daqqa oħra b’saħħitha biex itajru kemm jista’ jkun ‘il bogħod. Imbagħad, l-avversarju jsaqsi: ‘kemm se tieħu sal-posta? U l-lagħabi jgħidlu pereż., ‘ħa nieħu ħamsin’, jiġifieri hu qed jikalkula li bejnhom u l-post fejn waqa’ x-xixu ser jgħoddu it-tul tal-lasta mimduda għal ħamsin darba. L-avversarju jmerieħ u flimkien jgħoddu kemm-il darba l-injama t-twila toqgħod mimduda sa fejn waqa’ x-xixu. Jekk il-lasta toqgħod ħamsin darba, mela l-lagħabi jiggwadanja ħamsin punt, u l-istess jekk iġib numru ta’ spazji inqas. Jekk ma jaqtax il-lagħabi jitlef kollox. Ir-regoli u l-intriċċi kienu jinbidlu skont l-użanza ta’ l-inħawi. Kemm J.A. kif ukoll E.S.I. din il-kelma ma jagħtuhiex, biss jispjegaw din il-logħba taħt il-kelma bżallu.Għandu mnejn il-kelma xixu ġejja mill-Isqalli sciù, kelma li tingħad meta wieħed ikun qiegħed ikeċċi d-dubbien jew it-tiġieġ. (sors: Dizionario Siciliano, 1854). Sorsi: ‘Xixu / Bżallu’ fi,  Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-tfal Maltin, ta’ Guido Lanfranco, (Wise Owl Publications, 2006); ‘Il-Logħba tax-Xixu’, pp. 55-57, fi, Il-Maltin, Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, Steve Borg, (Klabb Kotba Maltin, 2017). Din il-logħba kienet tintlagħab f’bosta reġjuni mal-Italja kollha. Ara wkoll: https://it.wikipedia.org/wiki/Lippa_(gioco). 

Ara wkoll il-video:   https://www.facebook.com/watch?v=183859861160954 

XKAKK    1. Karta ta’ daqs kbir li llum nafuha aktar bħala ‘fulskap’. Inċidentalment, il-kelma foolscap tissejjaħ hekk minħabba l-watermark li kienet tintuża mis-seklu ħmistax ‘l quddiem fuq dan it-tip ta’ karti ta’ madwar 216 x 243 ċm. L-ewwel darba li karti ta’ dan id-daqs bdew jinħadmu kien fil-Ġermanja fl-1479.  2. Karta li tintuża biex jitqartsu fiha ċerti oġġetti.  3. Kubu jew kwadru.  4. Ġelat jew biċċa ċikkulata f’forma ta’ kubu. Qbl. mat-Tal. scacco jew scaccolo – quarto di foglio. Sors: E.S.I.

XKATLAR     1. Xogħol li bih wieħed jobrox ħafif u jillixxa l-wiċċ tal-injam qabel ma jagħtih iż-żebgħa. Fl-antik dan ix-xogħol kien isir bil-ġilda tal-ixkatlu (ħuta). 2. L-użu tax-xibka biex taqbad l-ixkatlu.

xkatlu.jpg

XKATLU     1. Is. xj. Squatina angelus. Tip ta’ kelb il-baħar li jgħix fil-Mediterran, l-aktar fil-qiegħ fejn hemm ir-ramel. 2. Il-qoxra ta’ din il-ħuta hi ħoxna u tajba biex tobrox, u għaldaqstant kienet tintuża mill-mastrudaxxi biex jqaxxru l-wiċċ tal-għamara miż-żebgħa l-qadima. Sqal. scatulu. Ing. Angel shark jew angelfish.

XKAVINA    Kutra ħoxna li tintuża biex wieħed jitgħatta biha. Faldrappa li titlibbes lill-bgħula jew lill-ħmir. Tal. scavina. Sors: E.S.I.

XKOMP    Tip ta’ lumi ta’ forma aktarx tonda, magħruf ukoll bħala ‘lumi ta’ San Ġlormu’. A. de S. isejjaħlu ‘xkombor’. Is. xj. Citrus medica.  XKOMP ĦELU Tip ieħor tal-istess frotta. Is. xj. Citrus limon. Sqal. scumpiu. V. Busuttil (1900) jsejjaħlu, true lemon.

XKUMA   1. Ragħwa, bħal pereż. dik tal-ħalib. 2. L-abjad tal-bajd. 3. Ragħwa ta’ likwidu impur. Sqal. schiuma – ragħwa.

xkumvat3.JPGXKUMVATA / XKUNVATA Għaġina moqlija u mħallta b’diversi ingredjenti. Hemm diversi tipi ta’ xkumvat. L-ingredjenti bażiċi huma: panura, dqiq, bajd u ħalib. B’dawn tista’ ssir taħlita għall-għaġina ratba. L-ixkumvata tista’ ssir ukoll bl-għaġina f’forma ta’ strixxi moqlija u miksija biz-zokkor biex it-taħlita tqarmeċ aktar. Ħafna drabi jitqiegħed l-għasel fuq l-ixkumvata għal togħma aktar ħelwa. Tista’ tkun ukoll froġa tat-tarja, Sqal. scumatu.  Oriġ. Tal. scuma  – M. ragħwa (taz-zokkor). M.A.V. (1796) jgħidilha, ‘[…] pasta dolce fatta a guisa di fettucie, lasagne […]’. F. Vella (1843) jgħid hekk: ‘[…] Sorta di taglatelli di pasta zuccherati, e fritti fatta a guisa di quelli che in Toscana chiamano cenci […]’. G.B.F. (1845) : Tal. crespello u Ing. a fritter

XLENDI    1. Bajja, aktar qisha kalanka, li tinsab fil-Lbiċ ta’ Għawdex. Tal. scialando. Fr. chaland. 2.  Xini antik. Gr. Helandyon.  (tip ta’ bastiment antik ta’ żmien il-Griegi). Sors etim: E.S.I.

Xlejli tower231 - CopyXLEJLI,  IT-TORRI TAX- It-torri mibni fil-villa lussuża tal-mill-familja nobbli Dorell, magħrufa aħjar bħala Villa Bettina. Din tinsab barra l-Gudja. It-torri inbena mhux bħala sens ta’ difiża jew biex jgħarrex għall-għadu iżda sempliċiment bħala tromba li togħla biex minnha wieħed ikun jista’ jgawdi l-veduta tal-madwar. Dan it-torri għandu xi tpinġijiet frivoli f’xi kamra minnhom. Waqt l-imblokk tal-Franċiżi, Villa Bettina kienet mħollija mill-familja Dorell lill-uffiċjali Ingliżi l-aktar għolja biex isservi ta’ kwartieri ġenerali.  

XLIEQA    1. Ħrara. Ferita rqiqa bajda fir-rokna tax-xufftejn. Ħafna kienu jemmnu li din titla’ meta wieħed jixrob l-ilma mill-bir. Il-verità hi li din il-kondizzjoni hi kkwawżatha mill-bżiq li meta jinġema’ fil-ġnub tal-ħalq qrib ix-xuftejn u jinxef hemm dan jikkawża xquq li jibqgħu umdi u dawn jagħtu lok li l-batterji Staphylococcus jew il-ħmira Candida jikbru hemm. Bl-Ing. tissejjaħ, Angular Cheilitis2. Linja safra li tidher wara sħab iswed jew skur.  3. Sħaba rqiqa fuq ix-xefaq. 4. Kulur isfar irqiq fuq il-munqar tal-għasfur li jkun għadu nuvell.   

XLUKKATA       Riħ li ġej mix-Xlokk.

XMIL / XMIEL   It-Tramuntana. Riħ li ġej mit-Tramuntana. Riħ li ġej minn fuq il-baħar. Oriġ. Għ. شمال (pronunzjata xamal), tfisser it-Tramuntana.

XMUNDIFIER      L-istess bħal: VAPUR  TAL-ARTEtim. Fr. Chemin de fer. M. Triq tal-ħadid.

xnejn u nifil.jpgXNIEN / XNEJN U NIFEL / NEFEL    Term. ġen. għal bosta pjanti slavaġ (xi 20 speċi li jikbru fuq art li ma tinħadimx mill-bidwi). It-terminu – xnien u nefel – jirriferi għall-ħaxix selvaġġ, li norm. iservi bħala għalf għall-bhejjem tal-irziezet. Ix-xnien huma dawk l-ispeċi ta’ pjanti pilużi magħrufa bħala trifolium, Ing. trefoil. Hemm ix-xnien komuni, ix-xnien isfar u x-xnien abjad. Hemm ukoll il-gażżija (Ing. acacia) u l-pjanta msejħa, ‘il-widna’ (is. xj. Scorpiurus muricatus L., Ing. caterpillar plant). In-nefel jew NIFEL) huma pjanti tal-ispeċi Medicago, xnien uIng. medick. Jeżistu malgħaxar speċi li kollha għandhom il-weraq ukoll trifoljali bi fjuri li wara li jwarrdu jsiru mżiewed b’ponot maħruġa ’l barra bħal snien irqaq max-xifer; kollha għandhom il-fosdqa taż-żerriegħa bi ftit xewk irqiq. Barra n-nifel komuni hemm ukoll in-nifel tar-ramel, li jikber qrib il-baħar fil-bajjiet imrammla. Qawl: Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen. Dan ifisser li l-ħrit tal-art l-aħjar isir meta jagħmel ħafna minn dan il-ħaxix selvaġġ. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 174. L-istess qawl niltaqgħu miegħu fil-ħrafa folkloristika ‘Ix-Xiħ Magħluq fil-Għar’, li Patri Manwel Magri ddokumenta u ppubblika fil-ktieb tiegħu X’Jgħid il-Malti. Ara: Flora u Fawna ta’ Malta, ed. Joe Sultana, pp. 70-71; Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, ta’ Guido Lanfranco, p. 51. Ħajr: Joe Borg.

XNIEXEL   Xagħar irqiq tal-ixkupa magħmul mill-weraq twil u rqiq tal-pjanti. Idj. ‘Belagħha bl-għeruq u x-xniexel’ – emmen dak kollu li qalulu.  XENXEL  v. Ħareġ l-għeruq. Ara: XENXUL.

XOFER     Kelma li tintuża fil-logħob tal-boċċi jew fil-logħob taż-żibeġ, eż., meta l-boċċa tasal viċin ħafna t-toqba jew il-post fejn għandha tasal. Għandu mnejn li din ġejja mill-kelma xifer, tarf. Partiċipju preżent tal-kelma xafer.

XOGĦFA   Esperjenza qarsa li fiha ċertu sogru. Esperjenza ħażina li wieħed jitgħallem minnha.  Ngħidu, ‘ħadha xogħfa’. jiġ., ħadha b’tagħlima. XOGĦOF v. Ħa lezzjoni minn dak li ra jew ġarrab. Ta’ tfal, meta konna nilgħabu xi logħba u oġġett kien ikun kważi mirbuħ, konna ngħidu, ‘hi xogħfa!’ bħallikieku qed ngħidu, ‘hi għal ftit ma rbaħtx!’ (Forsi ridna ngħidu, ‘ħadt lezzjoni u issa nagħmel aħjar’ (?) Fil-ktiba tiegħu, A. Preca Storja jgħid hekk: ‘[…] Pietru wissieh li jixgħof minn dnubietu, iżda dan baqa’ miexi fit-triq il-ħażina. Sors: Storja Sagra (1895), Ktb IV., p. 28.

XOLLIEFA    Ara:  XULLIEF. 

XOLLIELA / XULLIELA    1. Ġebla kwadra li tkun maħduma minn naħa waħda biss; dik il-parti li se tidher fil-binja, waqt li l-parti ta’ wara tagħha tibqa’ mhux maħduma. Il-parti ta’ wara tal-ġebla tiddaħħal fil-binja, ġieli mkaħħla u ġieli le. 2. Ħajt li meta jinħiet fi drapp jibqa’ mqabbeż ’il barra. TIXLIL  Tfisser l-istess ħaġa. It-tixlil isir meta wieħed ixellel id-drapp, jiġ., jagħmel punti kbar biex jimmarka fejn trid issir il-ħjata kif suppost. v. XELLEL  Bena ħajt tas-sejjieħ. Bena mingħajr ma uża s-siment biex jgħaqqad ġebla ma’ oħra. 3. Fig., gidba jew inkella kliem li jingħad apposta biex jinftiehem b’mod li jqarraq.

xoqqa xXOQQA (pl. xoqoq)   Drapp maħdum fuq in-newl (Ing. cloth, linen). Idj: Sab ix-xoqqa f’moxtha – jiġ., wasal fil-mument opportun; sab is-soluzzjoni jew ir-rimedju fil-mument opportun; ħataf l-okkażjoni. Meta x-xoqqa tasal fuq il-MOXT (speċi ta’ pettne fil-makkinarju tan-newl), dan ikun il-mument meta n-nissieġ jinħtieġlu jinfilsa l-ħajta kif suppost biex din tingħaqad ma’ xulxin u ssir drapp.  Ara: GĦAŻEL u NEWL.

XORBEBB        Ara: XIRBEBB.

XORROX     1. Fil-produzzjoni tal-irkotta dan hu dak il-likwidu li jifdal wara li l-ħalib jgħaddi mill-passatur. Ħalib li m’għandux xaħam. Ing. whey. 2. v. xorrox – xarrab il-ġobon mitħun bix-xorrox, norm. bħala lixka għas-sajd tal-kaħli.  Għ.  xirx.

baqta IMG_6354

XORTA    Fi żmien is-seklu tlettax din kienet taxxa imposta fuq il-logħob tal-azzard. Sors: ‘Malta in 1530’ ta’ Stanley Fiorini, Hospitaller Malta, ed. Victor Mallia Milanes, p. 130.

xkattapietra.jpgXPAKKAPIETRU / XKATTAPIETRA  Is. xj. Micromeria microphylla / Satureja microphylla. Pjanta li kienet tintuża bħala mediċina bħala djuretika biex tnaddaf il-ġebla mill-kliewi. Din il-fehma ġejja għax kienu jemmnu li l-pjanta li l-għeruq tagħha kien kapaċi jaqsam il-blat – ħaġa li mhix minnha għaliex hi tikber fi xquq fil-blat li jkunu ġa eżistenti – kienet ukoll kapaċi tfarrak il-ġebla fil-kliewi. Dan ir-rimedju għad hawn min jaħlef bih. Ing. Maltese savoury.

XPRUN    1. Niggieża tal-ħadid imwaħħla maż-żarbun tar-rikkieb li dan juża biex iġiegħel liż-żiemel jimxi.  2. It-tarf ta’ x’imkien.  3. L-Ixprun  L-isem ta’  post li jinsab in-naħa ta’ barra tad-Dwejra, Għawdex. Inħawi fil-Belt Valletta msemmija minn Temi Zammit fir-rakkont, ‘Pina’,  ‘[…] Pina kienet l-aktar mara magħrufa ta’ fuq L-Ixprun fil-ħara ta’ Sant’Iermu […]’. Jista’ jkun li l-ixprun f’dan il-każ din hi riferenza għal ponta tal-fortizza ta’ Sant Iermu li tħares lejn il-Belt. Ara: Nies Bla Sabar, u Stejjer Oħra, miġbura minn Toni Cortis, p. 40. Sqal. spruni.

xprunara85902_orig
Ritratt u xogħol ta’  Joseph Abela

XPRUNARA  1. Bastiment żgħir li f’Malta nbena għall-ewwel darba fis-seklu sittax, u li bħalu nbew forom oħrajn ta’ mriekeb fis-sekli ta’ wara. Dan kien jintuża kemm għas-sajd kif ukoll għall-vjaġġi pjuttost qosra, l-aktar dawk id-distanzi matul il-kosta. L-ixprunara jew speronara, kienet tintuża wkoll għall-ġarr tal-merkanzija bħal, inbejjed, eċċ., bejn Sqallija u Malta. Barra l-qlugħ kienet anki tinsaq bl-imqadef. Mill-ixprunara żviluppat id-dgħajsa tal-latini. Il-kelma ġejja mill-kelma xprun, jiġ., il-pruwa ippuntata, li tant tispikka fuq dan il-mirkeb. Sors: Il-Flotta ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, ta’ Joseph Muscat, pp. 155 – 159.  Sqal. spirunara.

XQAWQAW     Ħalliel. M.A.V. (1796), jgħid, vagabondo malandrino.

xriek.JPG
Ħajr: Limestone Heritage,     Siggiewi

XRIEK      (pl. xorok).  1. Ġebel ta’ madwar metru tul u 15-il ċm wisa’ li kienu jsaqqfu l-bini bih. Ix-xriek jitqiegħed mimdud u jserraħ jew fuq il-ħajt jew fuq il-ħnejja, jew inkella fuq travi biex imbagħad jinkesa bit-torba ħalli jkun protett mix-xita. 2. Ix-xriek jista’ jintuża’ wkoll bħala bank biex wieħed joqgħod bilqiegħda fuqu. 3. Il-kelma tintuża wkoll fil-frażi ‘xriek qubbajt’. (Damma) Nies ta fuq ix-xriek, pancata, L. Plenum subsellium.

XRIĦA    1.  Tiċrita tal-laħam bla għadam għall-ikel. FLETT.  2. Kunjom Malti li llum jinkiteb Sciriha.

XRIK     1. Wieħed li jaħdem bi sħab ma’ ħaddieħor. Ara:  XIRKA.  2. Lavrant.

Xrobb L-Għagin (2)XROB/B  IL-GĦAĠIN    L-inħawi ħdejn Dellimara. Hawn kienu nstabu l-fdalijiet ta’ tempju megalitiku mat-tarf tal-irdum. Il-kelma Xrobb tfisser ‘mustaċċi’ twal jew xagħar tal-annimali, li jinżel sew fuq il-ħalq. Xrobb tista’ tfisser ukoll xoffa. Tgħid f’dan is-sens xrobb qed tirriferi għall-art ippuntanta u ħierġa ‘l barra fil-promonotorju ta’ Delimara? Intant il-plural ta’ ‘xrobb’ hu xwiereb – xufftejn. Tgħid nistgħu ninterpretaw dan it-toponomastiku bħala, ‘xrobb (xuereb) l-Għaġġien’, jiġ., riferenza għal-laqam ta’ raġel partikolari, x’aktarx bidwi li kien jaħdem l-art f’dawk l-inħawi, jew sid l-art magħruf hekk? Jinħtieġ aktar riċerka. dwar l-etimoloġija ta’ din il-kelma. Fil-ħrafa ‘Tifel Joqtol Disa’ Ġganti’, li P. Manwel Magri ġabar minn fomm in-nies insibu hekk: ‘[…] Qal lil wieħed mill-ġganti, ‘Mur Delimara, ġibli dik il-ħaxixa; ‘Inti’ qal lill-ieħor, ‘mur Xwiereb il-Għaġin ġibli dik l-oħra […]’.

XROPP    Xarba magħmula mill-meraq tal-frott; tip ta’ brodu. Sqal. sciroppu. Nassumi li oriġ. il-kelma ġejja mill-Għ. xaraba / xarab.  Il-‘b’ saret ”p’. Ing. syrup.

XTILLIERA     Oġġett li fuqu / fiħ jitqiegħdu l-platti wara li jinħaslu biex dawn iqattru u l-ilma jaqa’ taħthom. XTILLIERA TAL-KPIEPEL. Oġġett li fuqu wieħed jista’ jqiegħed kappell eċċ. XTILLIERA TAL-MAGĦLEF  Oġġett li minnu l-bhejjem jieklu l-għalf. V. Busuttil (1900) jsejħilha XTULLIERA,  Ing. rack.

XTUR    (pl. ta’ XATAR)  Kelma li tindika d-difetti tal-oġġett li mhux magħmul b’simetrija. Oġġett magħmul b’nuqqas ta’ preċiżjoni. Fig. ħaġa li hi difettuża għax mhix indaqs bħall-oħra li tkun magħmula bħalha. Din il-kelma tintuża l-aktar fl-espr. ‘ipprova jgħatti xturu’ – jiġ., ipprova jaħbi d-difetti tiegħu. Fl-istorja Susanna (1883) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, hemm miktub hekk: ‘[…] Il-kbarat raw kif isewwu xturhom mill-aħjar li jistgħu […].’ A. de S. jispjega il-kelma b’dan il-mod: ‘[…] cose non diritte, non adatte; mingħajr xtur: linealment […]’. AraXATRA. Sors: Viku Mason – Susanna, Klabb Kotba Maltin, 2004, p. 66. Ara: XATRA.

XULLIEF   Framment jew laqx tal-injam. Xewk tal-injam. Biċċiet żgħar tal-ġebel li jaqgħu waqt li l-bennej ikun qiegħed iqatta’ l-knaten bl-iMTERQA. Mazkan. Ġilda mejta tal-ġisem li tkun qed tinqala’ u li norm. tmur meta din tinbarax bil-ħakkieka. v. XELLEF. F. Vella (1843) jagħti l-kelma, XOLLIEFA  Skalda. Tal. scarda, scheggia.

XULLIELA      Ara: XOLLIELA.

XUPPATU    1. Kawlata jew biċċiet żgħar tal-laħam. Sors: Kalepin. Kawlata magħmula mill-ħxejjex u l-kirxa msajrin flimkien. 2. Appel. għal xi ħadd li jkun magħruf bħala bniedem imħawwad.  Etim. Kalabriż sciupatu. Il-verb sciupare jfisser ‘tirrovina’ jew ‘taħli fix-xejn’. Sors: E.S.I.

XURI    Nom kollettiv għall-ward; aġġ., għall-ward niedi. Patri M. Magri juża din il-kelma bħala aġġettiv li jispjega kif ix-xagħri jkun imwarrad fi Frar.  NXURI  Aġġ. li juri li l-prodott tar-raba’ għadu ħadrani u bla togħma, u għaldaqstant mhux matur biżżejjed biex jinħasad u jittiekel. Aġġ. ieħor għal ‘oġġett niedi’. Ngħidu, ‘Il-qoton għadu nxuri.’ Sqal. in sciuri – M. bil-fjuri. Għ. naxara – v. li jirriferi għall-ħdura ta’ wara x-xita. Sorsi: J.A. u E.S.I.

XURRAF    1. Ħuta li tgħix fl-ibħra Maltin; mirli jew merla, ħuta tal-ġens menidae. Ħuta li tikber sa madwar 30 ċentimetru. Sors: J.A. u E.S.I.  2. Barxa, selħa jew girfa li tkun xotta u taħraq ħafna. 3. E.S.I. jgħid li din il-kelma tfisser, serduq żgħir. V. Busuttil jagġtiha bl-Ing., cockerel

XUWA    Qawl: Iż-żgħar ħobż u xuwa, il-kbar ħobż u duwa. Din il-kelma ma sibthiex la fid-dizzjunari ta’ Aquilina u lanqas fil-Miklem. Jinħtieġ aktar tiftix.  Sors: Il-Qawl Iqul.

XUXA    Xagħar twil.  Espr. antika li ma għadhiex tintuża: ‘Mar sewwa xuxtu’ – jiġ. mar jaqta’ xagħru. Ngħidu, ‘ħareġ / ħarġet xuxa mid-dar’ – mhux liebes kappell / mhix liebsa velu jew maktur jew oġġett ieħor li jgħattilha xagħarha. XUXAN – wieħed li għandu xagħru twil. Kont tisma’ lil min jgħid: ‘Raġel xuxa l-knisja, mara xuxa d-dar’. Din l-ispeċi ta’ twiddiba, tfisser li r-raġel meta jkun il-knisja  għandu jneħħi l-beritta jew il-kappell bħala rispett, waqt li l-mara għandha tgħatti xagħarha fil-knisja billi tilbes velu u tikxef xuxta biss fid-dar. XUXA TAL-QANNEB. Ing. codilla tow – dan hu dak ix-xagħar jew ħjut li jkun estratt minn din il-pjanta. Ara:  KEWKBA TAX-XUXA.

XUXXAR      1. Tbahrid u ġiri mat-toroq. 2.  Ixxuttar mil-likwidu li jinżel mill-imnifsejn.

Ara aktar:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Din il-website hi bbażata fuq il-kitba ta’ dawn it-tliet kotba:

       Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid 

          Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                       Paġni 256                                                     Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, 
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella,(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845).
* J.A.  Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
*  M.A.V.  Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828)
* (DammaDAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.   Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).