KLIEM TAD-DITTA

KLIEM TAD-DITTA

u

ismijiet oħra ta’ oġġetti magħrufa

Ħafna drabi meta nsemmu ċerti oġġetti għandna ħabta nirriferu għalihom bl-isem tal-kumpanija li timmanifatturahom jew inkella bl-isem tal-brand flok bl-isem ġeneriku. Biex nagħti eżempju, inħobbu nużaw il-kelma ‘ġablow’ għall-materjal li proprjament hu magħmul mill-polysterene. L-istess meta ngħidu ‘biro’, inkunu qed nirriferu għal kull tipi ta’ pinen tal-kitba; biss l-isem ġej mill-kunjom ta’ László Bíró li ħoloq u kkumerċjalizza l-invenzjoni tiegħu fl-1931.   

Imbagħad hemm ismijiet oħra li għalkemm mhumiex ismijiet ta’ xi ditta jew brand, huma marbuta ma’ tip ta’ xogħol partikolari. Eżempju ta’ dan huma ċ-ċeramika Capo di Monte jew inkella l-fuħħar igglejżjat ta’ Faenza fl-Italja.

Dan l-aħħar, qagħdt naħseb ftit, u irnexxili niġbor lista mdaqqsa ta’ ismijiet simili li aħna l-Maltin nirreferu għalihom komunament. Il-lista ma ġbarthiex waħdi għax għenuni l-qarrejja membri tal-paġna Malta Vintage History fuq Facebook. Ġaladarba ġbart dawn il-kliem, issa ridt inkun naf dwar kif dawn l-ismijiet daħlu fosta u għalhekk qallibt u dawwart il-paġni tal-internet biex nara x’informazzjoni nista’ nsib. Dan hu dak li sibt.  

—–

ASPRO    Isem li konna nużaw snin ilu għal kull tip ta’ aspirina. Biss, aħna l-Maltin, l-aktar dawk anzjani għadhom isemmuha meta jkunu qed jitolbu għal xi mediċina li tgħin biex ittaffi l- uġigħ jew biex tbaxxi d-deni. L-Aspro kienet mediċina li ħoloqha George Nicholas, spiżjar Awstrajan meta kien qiegħed jesperimenta b’riċetti biex jipproduċi tip ta’ aspirina. Wara li din għaddiet minn testijiet medikali, Nicholas ingħata l-liċenzja biex jipproduċi u jbigħha. Fl-1917, dan l-inventur irreġistra l-prodott tiegħu fl-Awstralja bħala Aspro

BIRO   Kien John Jacob Laud, Amerikan li fl-1888, ivvintata pinna tat-tip li llum insejħulha biro. Dan kien esperimenta fuq din l-invenzjoni biex ikun jista’ jużaha biex jimmarka l-prodotti tal-ġilda biha. Biss, kien László Bíró (1899 – 1985) Ungeriż, li kompla ħadem fuq din l-invenzjoni billi mmodifikaha, u fl-1931, beda jikkomerċjalizaha għall-ewwel darba fil-fiera ta’ Budapest. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija László Bíró, Lhudi, emigra ma’ ħuh lejn l-Arġentina u hemm ħolqu kumpanija, Biro Pens of Argentina. Fl-1945 il-Franċiż Marcel Bich xtara d-drittijiet kummerċjali kollha mingħand Biro għal żewġ miljun dollaru, biex din il-biro saret il-prodott prinċipali tal-kumpanija tiegħu BIC. Minn dakinhar sal-lum imbiegħu biljuni ta’ biros mad-dinja kollha.

BLU / BLUN / BLUNA, IL-   Prodott, magħmul mill-ultramarin sintetiku u l-bikarbonat tas-soda. L-użu ta’ dan l-oġġett tal-ħasil kien komuni ħafna min-nofs is-seklu dsatax sa nofs is-seklu għoxrin. Dan kien jinbiegħ kemm bħala trab bl-użin kif ukoll fil-forma ta’ kubu żgħir kaħlani, daqs 2 x 2 ċm. Il-bluna kienet tintuża biex tneħħi l-kulur safrani minn fuq il-ħwejjeġ bojod u t-tessut iġibu aktar bajdani u nadif. Minn mindu fil-ħasil beda jintuża l-bleach, il-bluna bil-mod il-mod inqatgħet mill-użu tagħha.

BRYLCREEM   Krema magħmula apposta biex iġġiegħel ix-xagħar ileqq bħallikieku mxappap biż-żejt u fl-istess ħin miġbud. Din il-krema hi komposta minn emulsjoni ta’ ilma u żejt minerali stabbilizzata bix-xema’ tan-naħal. Dan il-prodott kien inħoloq għall-ewwel darba fl-1928, mid-ditta County Chemicals ta’ f’Birmingham. L-isem tal-prodott hu amalgazzjoni tal-kliem brilliant u cream. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-membri tar-Royal Air Force Ingliża kienu fost dawk li bdew jużaw din il-krema biex juru kemm huma ‘cool’ u minħabba f’hekk kienu bdew jissejħu The Brylcreem Boys. Fis-snin 50, din il-krema kienet saret popolari sew, l-aktar ma’ dawk iż-żgħażagħ li kienu jilbsu fl-istil tat-TEDDY BOYS. F’Malta ġara l-istess fis-snin sittin. Illum nippreferu nsejħu prodotti bħal dan, bl-isem ġeneriku, ‘ġel’.

BULUBIF   Jew corned beef li kien jinbiegħ f’laned żgħar. Kien hemm kumpanija li tbiegħ dan il-prodott bl-isem ta’ Bully Beef u allura l-Maltin kienu jużaw iż-żewġ ismijiet. L-isem Bully Beef ġej mill-Franċiż boeuf bouilli – M. laħam taċ-ċanga mgħolli. Jissejjaħ corned beef għaliex dan il-laħam hu magħġun u priżervat bil-frak tal-melħ. Kont tisma’ lil xi omm tibgħat lit-tifel tagħha għand tal-merċa, u tgħidlu, ‘mur ixtrili landa konbif’ jew ‘landa bulubif’. Fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-bulubif kien ikel l-aktar ikkunsmat bil-kbir mis-suldati fuq il-front.

BUMBAJĦETT  Dan kien tip ta’ elmu li f’Malta konna nassoċjawh l-aktar mal-militar Ingliż tal-era Vittorjana. L-isem proprju tiegħu kien Bombay Bowler jew Pith Hat (pith hu dak il-materjal qisu sufra li kien jintuża f’dawn il-kpiepel). Dan hu magħmul mill-ġewwieni taz-zokk tal-pjanta partikolari (is. xj. Aescheymnomene aspera), li tikber l-aktar f’imkejjen ta’ għadajjar fl-Indja. F’Malta, il-membri tal-Forzi Armati u l-Pulizija ta’ Malta jilbsu xi ħaġa simili għall-Bumbajħett f’okkażjonijiet ċerimonjali. L-isem speċifiku tal-kappell tagħhom hu, Wolseley Hat, imsemmi għal Field Marshal Sir Garnet Wolseley, (1833-1933).  

CAPO DI MONTE  Il-porċellana artiġjanali Capodimonte (jew Capo di Monte) hija porċellana li oriġinat mill-fabbrika tal-Real Fabbrica di Capodimonte li kienet topera f’Napli bejn l-1743 u l-1759. Iċ-ċertamika tinħadem minn pejst artab trasluċidu u miksi bi glaze kemmxejn ileqq. Fl-1759, il-fabbrika ta’ Napli li dak iż-żmien kienet taħt il-Borboni ta’ Spanja għalqet biex flokha nfetħet oħra f’Madrid mir-Re Carlo. Issa l-fabbrika bdiet tissejjaħ Real Fábrica del Buen Retiro. Biss, wara xi  żmien kienet reġgħet infetħet il-fabbrika f’Napli u l-isem Capodimonte baqa’ sal-lum aktar assoċjat ma’ din il-belt.

CUTEX   Fl-1910 Northam Warren, spiżjar minn Chicago beda jbiegġ prodott jismu Cutex Cuticle Remover, kimika apposta biex tneħħi r-rita bajda tal-ġilda li għandha ħabta tikber fuq il-parti ta’ wara tad-dwiefer. Dan il-prodott semmiegħ semmietu Cutex, isem li jikkombina ‘cut-ex’. Warren fetaħ kumpanija jisimha Special Products Company. Ħaġa ġġib lil oħra, u fl-1914, l-istess kumpanija bdiet tipproduċi żebgħa għal fuq id-dwiefer, in-‘nail polish’. Imbagħad, fl-1917, l-istess kumpanija ħarġet prodott ieħor li kien tip ta’ verniċ likwidu li jagħti dehra aktar tleqq lid-dwiefer. Dawn u prodotti oħra tal-istess ditta qabdu sew u l-isem Cutex sar stabbilit mad-dinja kollha, tant li maż-żmien l-isem sar sinonimu għal kull prodott ta’ dan it-tip, anki jekk magħmul minn kumpaniji oħra. F’Malta ġara l-istess u l-prodott kien magħruf sew, l-aktar min-nisa li jridu jsebbħu d-dehra tad-dwiefer tagħhom bil-’kjutiks’.

FAJJENZA   Tip ta’ ċeramika gglejżjata bil-materjal tal-landa, li kienet issir fi żmien ir-Rinaxximent f’Faenza, belt fl-Emilja Romanja, fl-Italja. F’Malta dan l-appellattiv jirriferi għal kull tip ta’ oġġett taċ-ċeramika fina, bħal pożaplatti, vażuni, u statwetti tal-istess materjal, dejjem maħdumin b’sengħa liema bħalha.

FLITT   Dan kien l-isem ta’ insettiċida li beda jinbiegħ għall-ewwel darba fl-1923, mill-iStandard Oil Company ta’ New Jersey. Dan il-prodott, magħmul miż-żejt minerali, kien jintuża biex joqtol id-dubbien u n-nemus. Biż-żmien il-Maltin bdew jużaw l-isem Flit bħala terminu ġeneriku kull meta jirriferu għal kull tip ta’ insettiċidi ta’ diversi tipi użati fid-dar. Minn dan l-isem ħareġ il-verb ifflittja, jiġ., ‘sprejja’ anki jekk stess dak li jkun kien juża kimiċi oħra għall-istess skop. Ma’ dan l-isem wieħed jista’ wkoll jinkludi isem ta’ brand oħra, Sheltox.

ĠABLOW Materjal magħmul mill-polysterene, li normalment jintuża biex jipproteġi diversi tipi ta’ oġġetti li biex jinbiegħu iridu jkunu esportati jew trasferiti distanzi twal. Dan jintuża wkoll bħala iżolatur, biex ċera merkanzija meta tkun maħżuna ma sssirilhiex ħsara bl-umdità jew bis-sħana. Minn xi żmien ‘l hawn il-ġablow sar jintuża wkoll mis-sajjieda għall-kanizzati tas-sajd flok jużaw is-sufri tradizzjonali. Il-kelma ġablow oriġinat f’Malta meta nfetħet kumpanija jisimha Jablo Ltd., li kienet tipproduċi dan il-materjal. Din il-kumpanija kienet sussidjarja ta’ kumpanija Ingliża u kienet titmexxa minn Pollakk li kien jismu Jablowski.

ĠANBULL   Dan l-isem hu assoċjat ma’ tip ta’ krema, li kienet tintuża biex tnaddaf oġġetti tar-ram, eż., il-bokkli tal-uniformijiet militari, jew strumenti mużikali tar-ram. L-isem propju tal-prodott huwa John Bull. Oriġ. l-isem John Bull oriġina fl-Ingilterra fl-1712, għax ikkrejah is-satirista John Arbuthnot, meta ħoloq karattru tipiku ta’ squire Ingliż tal-ibliet rurali. Dan il-karattru beda jirrappreżenta b’mod umoristiku lill-poplu Ingliż inġenerali. Apparti il-krema, l-isem John Bull jintuża wkoll bħala brand name ta’ ħafna oġġetti oħra biex jidentifika l-oġġett bħala prodott Ingliż ġenwin.

GEYSER   L-ewwel geyser, jew heater tal-ilma sar wara ħafna riċerka u esperimentazzjoni minn Ingliż, Benjamin Waddy Maughan. Fl-1899, Edmund Rudd minn Philadelphia biddel id-disinn tiegħu u ivvinta l-ewwel heater tal-ilma li jaħdem bil-gass. Illum kull water heater għadna ngħidulu gijżer.

GLOY   Isem komuni li jirriferi għal kull xorta ta’ kolla likwida li twaħħal il-karti. Fil-verità, Gloy kien l-isem tal-brand partikolari li biha kienet tinbiegħ din il-kolla l-aktar fis-snin 60 u 70. Wilme Collier Ltd., kumpanija Ingliża bbażata f’Londra kienet ilha timmanifattura pejst adesiv bħal din il-kolla mill-1907. Fis-sena l-1922, din il-kumpanija ppreżentat dan il-prodott għall-ewwel darba fil-British Industries Fair, bl-isem Gloy Glue.

HOOVER  Fl-1907, purtinar tad-Department Store ta’ Spangler f’Ohio, ivvinta l-ewwel vacuum cleaner tal-elettriku li wieħed seta’ jerfgħu u jġorru minn kamra għall-oħra. Fit 2, ta’ Ġunju tal-1908, din id-ditta rreġistrat dan il-vacuum cleaner taħt l-isem The Electric Suction Sweeper. Biss, il-kumpanija ma kelliex il-fondi biex tibda l-produzzjoni ta’ din il-magna ġdida tat-tindif u għalhekk dik is-sena stess, biegħet din l-invenzjoni lil ċertu William Henry Hoover (1849 –1932), neguzjant tal-prodotti tal-ġlud. Fl-1922, dan l-imprenditur għaqqad kumpanija ġdida, il-Hoover Company biex tibda’ tbiegħ dan il-vacuum cleaner. L-ewwel vacuum cleaner inbiegħ għall-prezz ta’ 60 dollaru (illum daqs 2,000 dollaru). Fil-frattemp, fid-Danimarka, fl-1910, kien hemm Fisker & Nielsen, waqt li fl-Iżvezja kien hemm Electrolux li fl-1921 nediet il-mudell tagħha wkoll. Xorta waħda, kien il-prodott u l-brand name Hoover li sal-lum sar sinonimu ma’ kull tip ta’ vacuum cleaner domestiku mad-dinja kollha.

JEEP   Il-jeep kienet għall-bidu vettura tal-militar Amerikan. Fl-1940, il-militar Amerikan kien għamel sejħa lill-kumpaniji industrijali biex joħolqu tip ta’ vettura ġdida li tkun tista’ tintuża mhux biss fit-toroq iżda anki fuq art li ma tkunx asfaltata. Fost ħafna kumpaniji li ppreżentaw id-disinji tagħhom kien hemm Willys-OverlandAmerican Bantam u Ford. Mill-kampjuni li dawn il-kumpaniji ddisinjaw, il-militar kompla jiżviluppa l-mudell li xtaqet hi għall-użu militari. Finalment saret il-vettura Brand 4×4. Wara l-gwerra din l-istess brand u oħrajn bħalha tant intogħġbu li l-kumpanija Jeep® kompliet tikkummerċjalizza dan il-prodott għall-bejgħ b’mod kummerċjali u universali. Hemm min jgħid li l-isem Jeep inħoloq mill-ittri “GP”, l-abbrevjazzjoni militari għal “General Purpose”. Madankollu, xi wħud isostnu li l-vettura ngħatat dan l-isem għall-karattru popolari “Eugene The Jeep” mill-komiks ta’ Popeye.

KALEPIN   Id-dizzjunarju tal-Latin li kien ippubblikat l-ewwel darba fl-1502, minn Ambrogio Calepino (1450-1510), patri minn Bergamo. Ħafna dizzjunarji li kienu ppubblikati wara dan bdew ukoll jissejħu kalepin. Fl-1941, f’Malta kien ippubblikat dizzjunarju mill-Ingliż għall-Malti, imsejjaħ Kalepin, xogħol ta’ Edgar Busuttil.  

KEE KLAMPS   Is-sistema tal-pajpijiet li jkunu mdeffsa bejn ġonot apposta tal-metall imqabbda u ssikkati ma’ xulxin biex bihom tinbena struttura soda għal skopijiet industrijali. L-invenzjoni kien bdiha George H. Gascoigne u xi kollegi tiegħu f’Reading, l-Ingilterra. Dan beda biex bena struttura tal-kanen tal-metall għal reċint li jinżammul-baqar fih, bħala salvagwardja għal min ikun qiegħed jaħlibhom. Xi żmien wara, Gascoigne ħoloq il-kumpanija Kee Safety. Fis-snin 60 żviluppat l-idea li wieħed seta’ juża kwantità akbar ta’ pajpijiet biex jittella’ scaffolding għoli skont ix-xogħol li jkun hemm bżonn, bħal ma hu l-kostruzzjoni u r-restawr tal-bini.

LAMBRETTA   L-isem ta’ muturi partikolari li kienu manifatturati mid-ditta Taljana Innocenti ta’ Milan, u li kienu tant popolari, l-aktar fis-snin sittin. Fil-lingwaġġ Malti, l-isem ‘Lambretta’ spiċċa biex jirriferi għal kull tip ta’ mutur ta’ xeħta simili, anki jekk mhux tal-istess ditta. L-isem kien ispirat mill-isem Lambro, xmara żgħira fil-Lombardija qrib fejn kienet din il-fabbrika. Il-produzzjoni tal-Lambretta beda fl-1947, u baqa’ sejjer sas-sena 1972, meta l-fabbrika ta’ Innocenti għalqet u l-produzzjoni tal-Lambretta fl-Italja waqfet għal kollox.

LOBBJA    Kappell, forma ta’ ċilindru qsajjar, li  min-naħa ta’ fuq jkun imbuzzat ’il ġewwa. Dan it-tip ta’ kappell kien popolari ħafna sas-snin sittin. L-isem kien mogħti lil dan l-istil wara inċident li seħħ fl-Italja fl-1869. Lobbia kien il-kunjom ta’ deputat parlamentari Taljan, Cristiano Lobbia. Dan kien attakkat u nqatel f’Firenze, meta xi ħadd tah tliet daqqiet ta’ sikkina u daqqa ta’ oġġett iebes fuq rasu. Bid-daqqa, il-kappell li kellu fuq rasu tgħattan. Ispirat minn dan l-inċident, disinjatur u produttur Taljan tal-kpiepel, x’aktarx b’umoriżmu krudili, beda jsejjaħ il-kpiepel li kien jbiegħ, li kellhom il-forma tagħhom mdeffsa ’l ġewwa, bħala ‘a LaLobbia’.  Fid-dinja Anglo-Sassona dan it-tip ta’ kappell jissejjaħ Homburg, għaliex kien stil mibdi f’Bad Homburg, il-Ġermanja.   

NUGGET   Nugget Pty Ltd kienet fergħa ta’ kumpanija Ingliża, Nugget Polish Co., irreġistrata fl-1920, li kienet timmaninfattura l-pejst ikkulurit iswed jew kannella li kien jintuża biex jitnaddfu ż-żraben. Fl-1954, din il-kumpanija kienet inxtrat minn Reckitt & Colman Pty Ltd li baqgħet tipproduċi dan il-prodott. Ditta oħra li konna nirreferu ta’ spiss għaliha kienet il-Kiwi. Din kienet kumpanija Awstraljana li tipproduċi prodotti simili. Il-persuna li kien bellu din il-kumpanija semmiegħa Kiwi għall-għasfur simbolu ta’ New Zealand, għax il-mara tiegħu kienet minn hemm.

PAJPLI      Kulur li jsir mit-tafal abjad (white clay jew kaolin) biex jitnaddfu u jinżebgħu iż-żraben b’kulur bajdani. It-tfal kienu jilbsu ż-żraben bojod imnaddfin bil-pajpli meta jilbsu liebsa intiera għall-Ewwel Tqarbina tal-preċett. Ing. pipe clay. Il-Pajpli kien jintuża ħafna mill-militar u n-Navy Ingliża biex jitnaddfu u jinżebgħu l-gaiters u ċ-ċintorini li kienu jkunu tal-ġild jew tad-drapp abjad.

PYREX  L-invenzjoni tal-ħġieġ magħmul b’taħlita ta’ boron oxide fl-1887 saret mix-xjentist Ġermaniz Otto Schott. Din it-taħlita kienet tagħmel il-ħġieġ resistenti għat-temperaturi kemm kisħin kif ukoll sħan. L-Amerikan W. C. Taylor kompla fuq dak li ivvinta Schott u għamel il-materjal aktar reżistenti li wassal għall-prodott magħruf bħala Nonex. Imbagħad il-mara ta’ inġinier tal-kumpanija Corning darba minnhom irnexxiela tuża reċipjenti ta’ dan il-materjal biex issajjar tortta fil-ikel fil-forn. Ir-raġel tagħha ħajjar lill-kumpanija fejn kien jaħdem biex jibdew jimmanufatturaw dan il-prodott li semmew Pyrex© (pie, għat-torta li sajret il-mara tiegħu u Nonex; u b’hekk l-isem tar-reċipjenti ta’ dan il-materjal sar magħrufa bħala Pyrex©. Fl-1922 il-prodotti Pyrex© kienu esportati lejn Franza u minn hemm bdew jinħadmu wkoll oġġetti ta’ dan it-tip li żamm l-istess isem.  Tisma’ lil min insaqsi, ‘tgħid nista’ nsajjar f’dan ir-reċipjent?’ u r-risposta tkun, ‘u żgur li tista’ dak tal-pajreks hi!’

RUXX    Isem ġeneriku għal tip ta’ kosmetiċi li jintużaw min-nisa, jew inkella mill-atturi rġiel u nisa fuq il-ħaddejn biex wiċċhom jidher ħamrani. Aġġ.  ruxxan.  Fr. rouge – M.  ifisser aħmar.

SCAMMELL   Fostna l-Maltin dan l-isem normalment jirriferi għat-trakkijiet li jiġbru ż-żibel minn wara d-djar. Scammell fil-fatt hu l-isem tad-ditta li nħolqot fil-bidu tas-seklu għoxrin f’Londra minn G. Scammell & Nephew Ltd. Matul is-snin, din il-kumpanija kienet ħolqot kwantità kbira ta’ trakkijiet u inġenji oħra industrijali, anki għall-militar Ingliż. Imbagħad fil-1955, il-kumpanija Scammell saret sussidjarja ta’ Leyland Motors.  

SEA BOOTS   Meta konna tfal, fix-xitwa, ommi kienet tixtrilna par boots kull wieħed biex jipproteġilna saqajna mill-ilma tax-xita. Dawn qatt ma konna ngħidulhom boots iżda, sea boots, bħal ma kien jgħidilhom kulħadd. L-Ingliżi jafuhom aktar bħala Wellington boots. Probabbilment il-kelma sea boots ġejja mill-ambjent tat-Tarzna u tal-Port il-Kbir.

STEPNEY  It-tyre li jintrefa’ fil-booth ta’ wara tal-karozza jew simili. Illum ħafna jgħidulu stepney. Oġġett neċessarju ħafna, f’każ li s-sewwieq ikollu xi puncture goff u jkollu bżonn ibiddel ir-rota. Kienu l-aħwa Thomas u Walter Davies minn Llanelli f’Wales li fl-1904 ivvintaw ir-rim u t-tyre minfuħ li jiffittija miegħu biex dan jinżamm fil-karozza bħala tyre tal-emerġenza. L-aħwa Davis sejħu l-invenzjoni tagħhom, Stepney Spare Wheel, billi il-post tax-xogħol tagħhom kien fi triq li kien jisimha Stepney Street.

TERMOS  Fl-1892, James Dewar, Skoċċiż ivvinta flixkun tal-metall li jista’ jżomm u jġorr fih ħażna ta’ gassijiet likwifikati. Imbagħad, fl-1903, Reinhold Burger, Ġermaniż, żviluppa dan l-oġġett billi għamlu f’qisien u kobor li jintuża għal kull tip ta’ likwidu, kemm jekk ilma, te jew kafe, f’każ li jkun hemm bżonnu fid-dar jew fuq il-post tax-xogħol. Fl-1906, Burger ħoloq il-kumpanija tiegħu ma’ kollegi oħrajn u taha l-isem Thermos GmbH. Fl-1910, din laħqet u għamlet ftehim ma’ kumpanija Amerikana biex dan il-prodott jibda ikun manifatturat fl-Amerika wkoll. Illum dan sar prodott komuni għax ħafna jużawh biex iġorruh magħhom kemm għax xogħol kif ukoll għal xi picnic.  

VALOR    Isem sinonimu mal-heaters u l-ispiritieri antiki. Il-kumpanija Valor twaqqfet fl-1890, f’Birmingham meta kienet tbiegħ kontenituri għall-ħażna taż-żejt. Fl-1902, bdiet timmanifattura l-heaters taż-żejt għad-djar. Aktar tard l-istess kumpanija bdiet tipproduċi heaters li jaħdmu bil-pitrolju. Imbagħad meta fis-snin 60 bdew deħlin il-heaters tal-elettriku dawk tal-pitrolju bdew jintremgħu, l-aktar għax ma kontx trid toqgħod fil-kju biex tixtri l-pitrolju u fl-istess ħin in-nies saru konxji tal-ħsara lis-saħħa li l-heaters taż-żejt u tal-pitrolju kienu jagħmlu.

Martin Morana

3 ta’ Mejju, 2024

http://www.kliemustorja.com

Pubblikazzjonijiet mill-istess awtur …..

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)
Aa ARA X'INT TGHID

Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawn …

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Categories:

3 Comments

Leave a comment