KLIEM ANTIK MIT-TALJAN

KLIEM MALTI ANTIK LI ĠEJ
  MIT-TALJAN

Kemm tisma’ b’min jitkaża bil-kliem Malti ingliżizzat li qed ifiġġ bħal gelgul? Biss, ftit idejjaqna il-kwantità ta’ kliem fil-Malti li daħal mit-Taljan, għax dan ilu magħna s-snin u drajnieh, tant li sar parti integrali minn ilsienna. Il-kliem Taljan, jew aħjar dak Sqalli mħallat bil-Latin, beda dieħel bil-mod il-mod mis-seklu tlettax ’il quddiem, l-aktar fil-kitba, bl-użu tal-lingwaġġ tan-nutara meta dawn kienu jagħmlu l-kuntratti. Dan għax xi wħud minnhom kienu Sqallin, u Maltin oħrajn kienu tħajru jiktbu bħalhom. Il-patrijiet li bdew jiftħu kunvent, wieħed wara l-ieħor, fin-naħat tal-Imdina, ukoll kienu ġejjin minn Sqallija u dawn żgur introduċew kliem Sqalli man-nies tal-inħawi li kienu jitħalltu magħhom. Fin-naħa tal-Port il-Kbir kien hemm dawk li ta’ spiss tħalltu mal-baħrin li kienu jsalpaw bejn Malta u Sqallija u tgħallmu t-terminoloġija l-ġdida tan-navigazzjoni. Dan biex ma nsemmux is-sajjieda lokali li kienu jiltaqgħu ta’ spiss ma’ dawk Sqallin fuq il-baħar.

Fiż-żmien meta l-Ordni ta’ San Ġwann ħa l-gżejjer Maltin taħt idejh, it-Taljan kif ukoll il-kliem Sqalli ħa spinta minħabba l-kummerċ aktar frekwenti bejn Malta u Sqallija u l-bqija tal-Italja. Il-bandi li l-Ordni kien ta’ spiss ixxandar kienu miktuba u moqrija bit-Taljan u wara mfissra bil-Malti. B’mod ġeneriku kienu l-abitanti ta’ madwar il-Port il-Kbir li kienu tal-ewwel li qabdu dan il-kliem barrani. Mikiel Anton Vassalli (1764 – 1829), darba kkumenta li l-Malti tal-ibliet kien ‘imniġġes’ minn ħafna kliem barrani, jiġifieri dak ma kienx il-Malti-Semitiku li hu kien imdorri bih f’raħaltu f’Ħaż-Żebbuġ.

Anki fiż-żmien bikri tal-Ingliżi f’Malta, it-Taljan kien baqa’ jitħallat sew mal-Malti. Dawk kollha li kienu jistudjaw fl-livell terzjarju kienu istruwiti sew fit-Taljan. Ġara wkoll li meta, lejn nofs is-seklu dsatax, mijiet ta’ Taljani ħarbu lejn Malta fi żmien ir-Risorgimento dawn ukoll tħalltu mal-Maltin. In-nies f’bosta oqsma tax-xogħol, bħal fil-mediċina, fil-liġi, u fil-qasam reliġjuż, kif ukoll dawk midħla tal-festi, kienu ta’ spiss jużaw termini li oriġinaw mit-Taljan.

Ħsibt u rajt li jkun interessanti jekk f’dan l-artiklu niffoka fuq xi kliem Malti li daħal antikament mit-Taljan. Naturalment, għażilt xi ftit kliem minn ħafna, li ħassejt huma ta’ interess partikolari. Illum, bosta minn dawn il-kliem hu meqjus antikwat. Il-kliem magħżul hu ta’ bosta’ tipi, kemm verbi, aġġettivi, termini partikolari u espressjonijiet f’diversi oqsma tal-ħajja. Xi wħud minnhom illum għandhom tifsira differenti minn dik oriġinali. F’ħafna mit-tifisiriet inkludejt l-etimoloġija tal-kelma biex wieħed jara kif din oriġinat u x’kienet tfisser dak iż-żmien. Araw daqsxejn …..

ABBORRA   Verb li jintuża meta persuna turi l-istmerrija tagħha lejn xi ħaġa jew xi ħadd. Eż. ‘Dak l-ikel abborrejtu’, jew, ‘tħallinix nabborrik!’ Kelma li turi b’mod l-aktar ċar li l-oġġett jew l-imġiba ta’ xi ħadd qiegħda tirrita lil dk li jkun. Tal. abborrire, M.

ALALARGA   Espr. li tintuża bħala twissija biex wieħed iżomm ’il bogħod mill-periklu. Eż. ‘Dak il-bniedem alalarga minnu!’ Tal. stare alla larga – M. iżżomm ’il bogħod mill-periklu biex ma tiġix fil-għali.

ADDOBBU / GĦAD-DOBBU   Taħwir u tiżjin tal-ikel b’kontorn kif jixraq. Espr. ‘kollox addobbu’ – kollox magħmul kif suppost. Din tista’ tkun anki rif. dwar xi  tiżjin tad-dar. Tal. addobbare – bil-Malti. iddekora l-oġġett jew id-dehra ta’ xi ħaġa. Sqal. addubba, salsa di aglio, e pepe, aceto ed acqua calda che uzano i contadini. Joseph Aquilina (J.A.) Qabb. mal-Franċiż. en daube: M. ikel misjur li jixbah lill-istuffat.   

APPIK   Min hawn u ftit ieħor. Dalwaqt; tfisser ukoll, x’aktarx. Eż. Toni appik li jiġi dalwaqt. Etim. Tal. picchiare. – M. ħabbat – bħal meta bniedem iħabbat fuq il-bieb tad-dar biex juri li wasal.

BAŻUŻLU    Rif. għal xi tfajjel li jkun maħbub ħafna mill-familja tiegħu. Tifel imfissed. Illum dan it-terminu jintuża b’rif. għal xi ħadd midħla sew ta’ nies fil-poter li mingħandhom tieħu dak li trid. Sqal. basusulu – Tal. grazzosetto. M. tifel grazzjuż. Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) jagħti din it-tifsira: carezze per bambini o animali domestici. It. carino, bellino. (Lexicon, 1796).

BEABÀ   Rif. għall-aktar oġġett sempliċi li wieħed jitgħallem l-iskola. Espr. ‘għadu fil-beabà’ – jiġ. għadu qed jitgħallem l-alfabett. Espr. ‘ma jafx beabà’ – jiġ., il-persuna għadha sempliċi fil-ħsibijiet tagħha, u ma taf xejn dwar l-affarijiet essenzjali tal-ħajja. Sors: Erin Serracino Inglott (E.S.I.), Il-Miklem Malti.

BEZZJONI    Kelma li ġejja minn benedizione. Sa ftit żmien ilu, kienet tingħad meta wieħed jitlob il-barka ta’ xi ħadd. Pereż., it-tfal qabel ma kienu joħorġu mid-dar kien jitolbu lil ommhom jew ’l missierhom, biex ibirkuhom, u għalhekk kienu jgħid: ‘bezzjoni ma / pa !’ Imbagħad, meta bniedem jiltaqa’ ma’ qassis fit-triq, kien hemm kelma simili, biss aktar formali, għax kienu jgħidu, ‘benediċte Dun!’ Ara: BENEDIĊTE.

ĊITRATA  Espr. ‘għamel ċitrata’, jiġ., ‘għamel qassata’ jew ‘għamel waħda tinkiteb’. Proprjament, iċ-ċitrata tista’ tfisser diversi affarijiet, fosthom, il-ħelu magħmul mill-meraq taċ-ċitrat, bħal biskuttin li fuqu kienu jagħmlu disinn ta’ salib bil-ġelu. Minħabba li dan is-salib ma tantx kien isir b’reqqa, u għalhekk il-forma tiegħu kienet tkun ħafna drabi mxattra, l-espressjoni ‘għamel ċitrata’ ġejja tipparaguna sitwazzjoni fejn isiru żbalji goffi. Din il-kelma jużaha Juan Mamo fl-istorja ‘Kikinu fil-Ħamrun’, li dehret f’Il-Berqa tal-14 ta’ Mejju 1932: ‘[] Wara ċitrati bħal dawn, mogħdija taż-żmien bla tista’ tiċħadha, … il-Perit u Kikinu… telqu bis-sliem […]’ Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija ta’ Mark Vella, p. 29.

DETTALL   Kelma li kienet tingħad fil-frażi, ‘Bejgħ bid-dettall’. Bejgħ bl-imnut u mhux bl-INGROSSA. (Ing. retail). Din il-kelma tidher f’reklam f’waħda mill-paġni tal-aħħar tal-ktieb, Storja taż-Żejtun u Marsaxlokk ta’ E.B. Vella. (1927).

DISENTU   Rif. għal xi ħaġa kostanti u permanenti. Eż. ‘Għandu xogħol disentu’. Etim. Sqal. da assentu; Tal. dare l’assento (verb: assentire; M. approva).

ESTRU   Kelma li tingħad fl-espr. ‘tah estru’, jiġ., tah ferħ ta’ ġenn, jew beda jeċita ruħu żżejjed. Għadek tisma lil min jgħid, ‘Tani estru u biddilt l-għamara kollha tas-salott’. Tal. estro – M. l-ispirazzjoni li ġġiegħel ’l-artist u ’l-poeta jibda jikkrea xogħol ġdid. Final. Lat. Oestrus u Gr. Aostros – M. dak li jġiegħel lill-bniedem jinħakem minn mument ta’ delirju jew ta’ fantasija.

FAĊĊAFARIJA  Xi ħaġa li ssir biss biex tidher sabiħa. Ngħidu, ‘ħalla kollox faċċafarija’, jiġ., għamel xogħolu biss, għal għajn in-nies. Riferenza għal xi ħaġa magħmula sabiħa iżda ma tiswa xejn.  

FERNEŻIJA  Stat li fih wieħed iħossu eċitat u mħawwad għall-aħħar fil-ħsibijiet tiegħu. Ngħidu, ‘Tatu ferneżija papali.’ – jiġ., sab ruħu fi stat ta’ paniku kbir. Tal. frenesia – M. delirju akkumpanjat minn deni kkawżat mill-infjammazzjoni tal-moħħ.

FIXFIXÒ   ‘Ngħidu, ‘dik kollha fixfixò. Il-kelma tirriferi għal oġġetti ta’ żina personali li jintlibsu bħala ornamenti, bħal ngħidu aħna, oġġetti tad-deheb, brazzuletti, kullani, imsielet, eċċ. Etim. Sqal. fisciu / Fr. fichu: xalla tal-għażel milwija biex tifforma trijangolu u li kienet tintlibes min-nisa, l-aktar fis-seklu tmintax.

FIXXA  Ngħidu: ‘spiċċajt fixxa’ – ma fadalli xejn. Bla flus. Fr. fiche; Tal. fiscia. Ing. fish (mil-logħba fish fejn min ma jkollux il-karta mixtieqa jgħid lil-lagħabi li talabhilu, ‘go fish’. Karta li tintlagħab ukoll fil-Belladonna. Sors etim: J.A.. 

FJAMANT   Ngħidu, ‘ġdid fjamant’ għal oġġett li għadu kemm inxtara jew imżanżan. Il-kelma ġejja mit-Taljan fiammanti.  Di un rosso intenso e luminoso; splendente, luccicante.

GABIRJOLA / GABRIJOLA   Ngħidu, ‘għamel gabirjola’ – biddel fehimtu totalment. Il-kelma ġejja mit-Tal. capriola, li tfisser, mossa li biha wieħed jagħmel kutrumbajsa. 

GAGARELLA / GARGARELLA    Ngħiduha fil-frażi: ‘Qabditu gargarella’. Din tingħad l-aktar meta xi ħadd ikun jidher beżgħan għall-aħħar. Fil-fatt, gagarella ġejja mit-Tal. caccarella li tfisser dijarea jew inkella kakka. Għalhekk, din tindika li dak li jkun jagħmel taħtu bil-biża’. L-istess meta ngħidu għamel GAGATA jiġ., għamel, ħmerija. Ngħidu, ‘qed tgħid gagata’. Mit-Tal. caccata.

GAWŻA    Kelma li dari kienet titlissen ta’ spiss bejn it-tfal meta xi ħadd minnhom ikun bi ħsiebu jirrapporta jew jikxef lill-ieħor dwar xi ħaġa mhux xierqa li jkun qed jagħmel. Meta tifel jgħid lill-ieħor: ‘gawża … ħa nugżak (jew ħa nubżak) lis-sir’, ifisser li ser jirraportuh fuq kif qed iġib ruħu. Kelma li ġejja mit-Tal. accusare.

IMPIĊĊKU   Sitwazzjoni li fiha ħafna intrigu. Tabxa jew taħwida li diffiċli toħroġ minnha. Ngħidu, ‘Għandu ħafna impiċċki.’ Sq. ’mpiccicu mit-Tal. appicicare – M. teħel, jew twaħħal ma’ xi ħaġa bit-tidlik, eż., tal-kolla.

IMPOPPA   Riħ ġej minn wara l-bastiment u li għalhekk jimla l-qala’ aktar b’tali mod li l-mirkeb jimxi ’il quddiem b’aktar ħeffa. Espr. ‘Riħ impoppa’. Mill-istess kelma joħroġ il-verb ‘ippoppa’. Eż., ngħidu, ‘ippoppa sormu’, jew ‘ippoppa sidru’. Tal-aħħar hi espr. ambigwa għaliex suppost wieħed jippoppa il-warrani u mhux il-parti frontali – jista jkun li l-analoġija tinsab fil-fatt li bħal-qala’ li jkun mimli bir-riħ ġej minn wara, is-sider hu mqabbel mal-għamla tal-qala’ meta tinħakem mir-riħ. Sqal. ’mpuppa.

INĊOTLA     Avverbju li norm. jingħad fil-frażi ‘baqa’ inċotla’ – jiġ. baqa’ waħdu, jiċċassa, mingħajr ma jiċċaqlaq. Baqa’ b’xiber imnieħer. Spiċċa abbandunat minn kulħadd. Etim. Tal. in ciotola – M. il-ħofra ta’ ċurkett li fiha tkun ingastata l-fossa.

INFAĊĊ    Minn quddiem, mid-direzzjoni tal-faċċata. Ngħidu, ‘Il-bastiment salpa bir-riħ infaċċ’.

INTAPPU   Rif. għal xi kamra jew spazju magħluq minn kullimkien. Tingħad fil-frażi, ‘mimli intappu’ – jiġ., l-ispazju (fil-kamra, eċċ.,) hu mballat sa fuq nett bl-affarijiet. Tfisser ukoll, il-kamra għandha foga tal-għeluq. INTAPPAT   Rif. għal xi flixkun jew kontenitur ieħor li jkun mimli sa fuq nett, jiġ., mimli sat-tapp. INTAPPA v. Sadd l-oġġett sewwa b’mod illi ma jaqax likwidu minnu.

ISA   Kelma li ġeneralment tintuża bħala kmand jew bħala kliem ta’ inkoraġġiment biex wieħed jgħaġġel jew ikompli b’dak li jkun qiegħed jagħmel. Bit-Taljan kienet tintuża fit-tbaħħir, biex iċ-ċorma tal-bastiment tiġbed iċ-ċima tal-qala’ biex is-saħħa tkun akbar. Tal. isa. v. issare. ISA ISA  Ta’ malajr. Din l-espressjoni jużaha l-awtur Ġużè Galea fir-rumanz, Żmien L-Ispanjoli, b’dan il-mod: ‘…Ftiehmu kollox isa isa’ […]’.   

KASPITÀ    Espr. li  kienet tingħad biex tesprimi sorpriża, ħasda, jew sens ta’ għaġeb. Bdiet tintuża fis-seklu 19, b’mod ewfemistiku flok cazzo. Tintuża wkoll il-kelma  KASPITINA.

KOPPI   Ngħidu, ‘Reġa’ / erġajna koppi’ – Tnehida li tfisser li xi ħadd reġa għaddej minn esperjenza li ġa għadda minnha. Il-kelma ġejja mill-logħob tal-karti tat-Trisett. Fl-antik, flok id-disinn tal-qlub fuq il-karti kien hemm id-disinn ta’ kalċi (Tal. coppa pl. coppe).  Bħal din l-espressjoni ngħidu wkoll, ‘waqa’ l-ASS!’  It-tnejn jirriferu għal meta fil-logħba ċerti karti jitfaċċaw f’idejk mingħajr ma jkollokx bżonnhom.  

LANT    Tintuża fil-frażi, il-lant tax-xogħol. Ngħidu, ‘dan mhux lant, jiġ., mhux hekk għandu jsir ix-xogħol; jew, ‘għamel lant’ – jiġ., għamel profitt. Sqal. l’antu, il nome che i contadini chiamano il luogo over lavorano.  Sors etim: J.A.

LANŻIT/A    1. Xagħra – bħal tal-ħanżir/a, dritta li tniggeż. 2. Leħja li tkun ilha ma titqaxxar għal bosta jiem u li tniggeż. 3. Lanżita tal-ixkupa. 4. Fig. Mibegħda jew għira. Idj: ‘Għandu kull lanżita għalih!’ Jiġifieri, għandu mibegħda għal xi ħadd. Sqal. la ’nzita. Lat. lanositas: xagħar jew suf. Sors etim: J.A. u E.S.I.

LAPAZZAR    Xogħol u tiswija ta’ kwalità inferjuri bħal meta ssir tiswija ta’ malajr. Ngħidu, illapazza, jiġ., irranġa kif seta’. Sqal. / Tal. lapazza – pezzo di legno che si adatta con chiodi per rinforzare la porta, finestre ecc., quando sono indebolite. Sors etim: Il Nuovo Dizzionario Siciliano – Italiano (1854).

LATTIĊINI   Fil-jiem tas-sawm kont tisma’ min jgħid, ‘illum ma jiswiex lattiċini’, jiġ., mhux suppost tikkonsma ikel li hu magħmul mill-ħalib. Inkella f’jiem oħra kont tismagħhom jgħidu, ‘Illum lattiċini’, jiġifieri illum tista’ tikkonsma ix-xorb u l-ikel magħmula mill-ħalib. Aqra l-artiklu fuq l-istess website: ‘Sawm u Astinenza’. 

LINGETTA   Appel. li jingħata lil xi ħadd ta’ lsienu twil, jew li dejjem igerger jew jikkritika. Xi ħadd li jipproponi affarijiet għax qatt ma hu kuntent. Esp.’ X’lingetta fik, ħej!’ Bil-Malti wieħed ikun qiegħed jgħid ‘x’ilsien ħażin għandek!’ Tal. linguetta – M. lsien żgħir.

MAGRU   Dak il-jum jew jiem meta wieħed kien obbligat ma jikolx laħam. MAGRU STRETT   Jum li ma jiswiex laħam u lanqas lattiċini. Rif. għal xi ħadd magħlub. Tal. magro.

MAJNA   1. v. Baxxa jew niżżel xi oġġett ’l isfel. Għajta li ta’ spiss tintuża bħala ordni jew sinjal biex wieħed iniżżel oġġett, eż., tagħbija b’ħabel jew bl-idejn minn fuq għal isfel. 2. Fig. L-istess verb jintuża biex wieħed jiddeskrivi bniedem li saħħtu tkun marret lura. Espr. ‘Saħħtu majnat waħda sew’. Etim. Sqal. ammainari.  

MALAMENT   Avverbju li jirriferi għal xi ħadd li qiegħed imut. Ngħidu, ‘dak jinsab malament tant li ngħata l-griżma’.

MALAMIRA   Fi stat ħażin ta’ saħħa. Espr. Għamluh malamira, tingħad meta xi ħadd jaqla’ xi xebgħa papali.Tal. male. Sors: Damma u E.S.I.

MANIFIKU / MANIFK    Titlu ta’ rispett mogħti l-aktar lin-nutara. Tal. magnifico.

MATTINATI   Idj. ‘Għamel is-settemattinati’, jiġ., għamel storbju sħiħ. Id-daqq tal-qniepen tal-knisja filgħodu kmieni. Idj: qam mas-sette mattinati  – jiġ., qam mad-daqq tal-qniepen ta’ filgħodu kmieni.

NEVRESTENIJA   Stat tal-moħħ, meta bniedem ikun mentalment għajjien u eżawrit, u forsi anki jbati b’dipressjoni. Espr. ‘Baqa’ jittikani sakemm qabbadni nevrastenija’.

PANJOTTA   L-ikel / l-ikla ta’ kuljum. Ngħidu, ‘dak jagħmel għall-panjotta’, rif. għal xi ħadd li jħabrek biex jaqla’ l-għixien tiegħu. Etim. Tal. pagnotta, piccolo pane.

PARAKLITU   Titlu ieħor għall-Ispirtu s-Santu. Ngħidu, ‘imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu’ – invokazzjoni li tingħad wara l-barka sagramentali. Etim. Tal. paraclito, Lat. dativ jew ablativ: paraclitus, jiġ., id-difensur jew l-interċessur. 

PARILJA   Iż-żewġt iżwiemel li jsuqu l-karozzella flimkien. Fig. żewġ persuni li dejjem ikunu flimkien. Idj: ‘Dawk it-tnejn fihom parilja’. Bħal meta ngħidu, dawk it-tnejn qishom ħabel u satal, jew ħobża u sikkina. Tal. pariglia. Ara: DI U DO.

PEDINA  Idj: ‘Għaddielu pedina’ – jiġ., għadda informazzjoni biex jagħmel il-ħsara lil xi ħadd. Din l-idjoma tista’ tkun ġejja minn: fedina penale – jiġ.: ċertifikat tal-kondotta. Bit-Taljan jgħidu, avere la fedina pulita / sporca. Sors: J.A u E.S.I.

PERSALDU   Ħlas finali, jew l-aħħar ħlas minn serje ta’ pagamenti dovuti bin-nifs. Kienu jgħidu, ‘dan il-ħlas hu persaldu u jien u int paċi.’ Mit-Tal. saldo dei conti – M. għeluq tal-kontijiet.

PLEJTU    Ħafna storbju.  Diskors żejjed. Disputa. Idj: ‘Tagħmel plejtu sħiħ fuq ix-xejn’ – ħafna storbju għal xi ħaga mhux importanti. Tal. peito – M. argumentazzjoni.  Span. pleito – M. argument fil-qorti.  

PORKERIJA     Oġġett jew sitwazzjoni li mhix ta’ quddiem in-nies. Ħniżrija jew ħniżrijiet li jagħmel xi ħadd. Ħmieġ indeskrivibbli. Xogħol ħażin ħafna. Ngħidu, ‘ara x’porkerija għamel!’ jew, ‘ara x’porkerija ħalla warajh!’ Sqal. purcaria mit-Tal. porco. – M. ħanzir.   

PRASPURA   1. Xi ħaġa stramba. Xi ħaġa li ma titwemminx. PASPAR v.  Ivvinta xi storja. Għamel xi ħaġa b’ċerta immaġinazzjoni mhux tas-soltu. F’dokument notarili tal-1525, din il-kelma tintuża b’dan il-mod: ‘[…] l-imsemmi bidwi hu marbut li jagħti l-praspura lill-imsemmi sid f’dik in-naħa ta’ din il-għalqa) […]’  Sors: Kliem Malti Qadim, ta’ Godfrey Wettinger. Fl-istess kitba nsibu miktub hekk bit-Tal. ‘Paraspolu’ -‘pezzo di terra quanto può seminare un contadino come dire uno stajoro’. V. Busuttil (1900) ukoll jgħidilha a portion, a lot. 3. Patri Magri kien kiteb artikli żgħar għall-pubblikazzjoni Mogħdija Taż-Żmien (1903), u dawn kien semmiehom: ‘Praspar Għan-Nies Tas-Sengħa u In-Nisa Tal Ġabra’. Ara aktar: PRASPURA. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.

PUPILLA  Ngħidu, ‘inħobbu daqs il-pupilla ta’ għajnejja’. Fig. persuna għall-qalb ħafna ta’ xi ħadd. Fig. L-istat kif tidher liebsa persuna, l-aktar mara, bi ħwejjeġ dejjem nodfa. Ngħidu, ‘Dik iżomm id-dar pupilla’.  Tal. pupillo. M. Il-parti tan-nofs tal-ħaba tal-għajn.

PURTATA     Tingħad fl-espr. ‘ikla ta’ tliet purtati’ – jiġ., pranzu li jinkludi tliet ikliet, platt wara l-ieħor.

PUTIFERJU  Tingħad eż. fil-frażi ‘qajjem putiferju sħiħ’ – jiġ., għamel xenata sħiħa. Tal. putiferio, grande bacano; finimondo.– M. xenata mill-kbar.

RADIKA   Tingħad fil-frażi ‘ir-razza u r-radika’ – rif. għal dawk kollha li jiġu minn xulxin fl-istess familja. Ngħidu, ‘kaxkar ir-razza u r-radika kollha miegħu biex jagħmel kuraġġ. Mit-Tal. radice – għeruq.

RKAPTU     1.  Materjal bażiku u utli biex taħdem bih.  Kisba ta’ xi ħaġa.  2. Mod li ssib soluzzjoni. Eż. ngħidu, ‘fl-aħħar sab irkaptu kif jikkontrollah’, jew, ‘ħadd ma jista’ jsiblu rkaptu’. 3. Kapaċità li żżomm il-mod ta’ kif għandek tagħmel xi ħaġa. 4. Kull tip ta’ xbiek li wieħed jistad bih. Mod ta’ kif wieħed jistad. Tal. ricapitare – materiale da mettere in opera per un lavoro. Sors : J.A.

RPAR      Ilqugħ jew kenn. Ngħidu, ‘sab irpar mix-xita’. Dan l-ilqugħ jista’ jkun ukoll ħajt ta’ kenn bħal ma nsibu f’fortizza. RPAR TA’ ROTA  Dan hu pern, bħal musmar li jżomm ir-rota milli tinqala’ mill-fus. Etim. Tal. reparare.

RUBINI      1. Ġojjelli.  2. Rubini tal-arloġġ.  Ngħidu, ‘Kollox miexi fuq ir-rubini’ – jiġ., kollox sejjer tajjeb, b’mod preċiż u kif suppost.

SAGRA DIBONJA   Espr. li fiha nfisha ma tfisser xejn partikulari, biss, kienet tingħad bħala esklamazzjoni meta xi ħadd ikun sorpriż bis-sitwazzjoni li jsib ruħu fiha; kienet tingħad ukoll meta wieħed ikun irrabjat dwar xi ħaġa partikulari. B’mod ewfemistiku, min jgħidha jkun qiegħed jibgħat lil dak li jkun għand boxxla xjaten. Fil-kummiedja, ‘It-Tliet Għomja, Vagabondi Ħallelien’ (1891), ta’ P.P. Castagna f’mument ta’ rabja, Gori jgħid hekk: ‘[…] Neħles minnek, iva neħles minnek, ħaqq is-sagra dibonja […]’. Sors: It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax – It-Tieni Volum, p. 208.

SPIEDA     Spiċċa. Kelma li kienet tingħad meta xi ħadd jirrakkonta xi storja lit-tfal u jikkonkludiha billi jgħid, TOMBI TOMBI U SPEDIET, jiġ., il-ħrafa tieqaf hawn. Sors: Hans Stumme (1903). Sqal. spieddiri. Tal. cessare finire. Ngħidu, ‘l-imbid spieda’, jew, ‘it-toroq kollha jispiedu fil-pjazza’.  Sors: E.S.I.

STIMA   Riċeviment. Il-kelma kienet tingħad għaliex meta titma u tisqi lill-mistednin, tkun qiegħed turi l-istima u r-rispett tiegħek lejhom. Il-kelma kienet ġieli tintuża f’sens ieħor, bħal, ‘ġew stmawna bil-gabbarè’, jiġ. ġew servewna bl-ikel fuq il-gabbarè. Ara: G. Lanfranco, 2017. Ara: TRATTAMENT.

Martin Morana

20 ta’ Ġunju, 2024

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija 

Agius de Soldanis, Damma ta’ Kliem kartaginis fel fom Malti u Ghawċi ed. Rosabel Carabott. Akkademja tal-Malti et al. 2016.

Aquilina Joseph,  Dizzjunarju Malti Ingliż. Midsea Books Ltd. (1987 – 1990).

Brincat Joseph, Il-Malti, Elf Sena ta’ Storja. PIN – Pubblikazzjonijiet Indipendenza. 2006.

Galea Mark, It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, L-ewwel Volum. Mireva Publications. 1997.

Mifsud Chircop Ġorġ,  Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna.

Mortillano Vincenzo, Il Nuovo Dizzionario Siciliano – Italiano (1854)

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti, Klabb Kotba Maltin. (1974-1979).

Vassalli Mikiel Anton, Ktyb Yl-Klym Malti –Lexicon – Vocabolario Maltese. (1796).

Vella E. B.,  Storja taż-Żejtun u Marsaxlokk (1927).

Vella Mark, Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija. Klabb Kotba Maltin, 2010.

Wettinger Godfrey, Kliem Malti Qadim.  Università ta’ Malta. 2006.

Wettinger Godfrey & Fsadni Mikiel, L-Għanja ta’ Pietru Caxaru. Printwell Ltd. 1983.

Biex tkun taf aktar dwar kitbiet u pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur, ikklikkja hawn ….

2 Comments

  1. I don’t know if you can read my email on this reply address:

    Regards:

    ADDOBBU / GĦAD-DOBBU Taħwir u tiżjin tal-ikel b’kontorn kif jixraq. Espr. ‘kollox addobbu’ – kollox magħmul kif suppost. Din tista’ tkun anki rif. dwar xi tiżjin tad-dar. Tal. addobbare – M. iddekora l-oġġett jew id-dehra ta’ xi ħadd. Sqal. addubba, salsa di aglio, e pepe, aceto ed acqua calda che uzano i contadini. Joseph Aquilina (J.A.) Qabb. mal-Franċiż. en daube: M. ikel misjur li jixbah lill-istuffat.

    Interestingly the national dish of the Philippines is Adobo and similarly is a kind of stew based on vineagear and spices.

    https://food52.com/recipes/78011-chicken-adobo

    Cheers Stephen

    Like

Leave a comment