IL-QAMAR FIL-QWIEL

Il-Qamar fil-Qwiel – Twemmin Superstizzjuż

Matul iż-żminijiet, il-bdiewa tgħallmu bl-esperjenza, sena wara l-oħra, kif in-natura ta’ madwarhom tinbidel kontinwament, staġun wara l-ieħor. Dawn fehmu wkoll li ċ-ċikli tal-istaġuni, kienu jaqblu maċ-ċaqliq tax-xemx, il-kwiekeb u l-fażijiet tal-qamar. Kienu jemmnu li dawn il-korpi ċelesti jinfluwenzaw iż-żara’ u t-tkabbir tal-uċuh tar-raba’. Kemm ix-xemx kif ukoll il-qamar setgħu b’qawwithom jagħtu s-saħħa kif ukoll, jekk iridu, jeqirdu ’l-ħxejjex, ’il-bhejjem kif ukoll jaffettwaw ’il-bniedem b’diversi modi.

Fil-waqt li x-xemx tiddomina s-smewwiet matul il-jum, il-qamar jagħmel l-istess billejl. Biss, il-qamar jispikka aktar għax waqt illi x-xemx fl-aqwa tal-ġurnata ma tħallikx tħares lejha, il-qamar idawwal id-dlam skont il-fażijiet tiegħu. Il-bniedem kien jemmen li l-qamar kellu qawwa maġika li tinfluwenzah. L-għorrief kienu jwissu biex ħadd ma jħares wisq lejn il-qamar għax inkella seta’ jispiċċa ħażin. Kien hemm qawl li jgħid, ‘ħares lejn il-qamar bil-ħajra għax għalik ikollu l-għira’. Qawl ieħor jgħid, ‘tisħetx il-qamar fl-art għax jagħtik niket u mard’. Dawn il-qwiel qishom qed juru li l-qamar kien esseru sopranaturali li jaf jagħmel il-ħsara lill-bniedem.

Fil-mitoloġija Griega l-qamar kien ippersonifikat bħala l-alla Selene (jew Menes), u din kienet oħt Helios, ix-xemx.

Il-kalendarju tal-qamar

Antikament, ix-xhur tas-sena kienu jingħaddu skont iċ-ċikli tal-qamar. Il-bdiewa kienu jżommu kont ta’ kemm-il darba l-qamar jiġġedded, jimtela’ u jerġa’ jgħib bil-mod il-mod fuq medda ta’ 30 jum (biex inkunu aktar preċiżi, 29 jum u nofs). Matul is-sena, dan il-fenomenu jseħħ għal tlettax-il darba u għalhekk is-sena kienet tinqasam fuq tlettax-il xahar. Mhux ta’ b’xejn li antikament, bil-Malti, il-kalendarju kien magħruf bħala l-’maqmar’, għax kien ibbażat fuq iċ-ċikli tal-qamar. (Il-Miklem Malti, E. Serracino Inglott).

Ħafna qabel ma l-bdiewa, kienu ħaduha drawwa li jippjanaw iż-żrigħ u l-ħsad mal-festi ta’ matul is-sena, dawn jiskedaw il-kalendarju agrikolu skont iċ-ċaqliq tad-direzzjoni ta’ tlugħ ix-xemx u l-fażijiet tal-qamar ta’ matul is-sena kollha. Kien hawn min anki l-irwiegel jikkalkulahom fuq tlettax-il xahar. Insibu qawl li jgħid, ‘qamar Frar kull siġra tagħmel l-għabar (kwantità kbira). Qawl ieħor jgħid, ‘jekk il-qamar ta’ Settembru jimla bix-xlokk, jagħmel xlokk seba’ xhur fis-sena’. Fil-Konċilju ta’ Niċea (325 W.K.) kien ġie mħabbar li l-Għid il-Kbir għandu jkun iċċelebrat mill-Insara fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-ewwel qamar kwinta ta’ wara l-ekwinozju tar-rebbieha (20/21 ta’ Marzu).

Ġebla li nstabet fit-tempju megalitiku f’Tal Qadi (bejn is-Salini u T’Alla u Ommu). Fuqha hemm imnaqqxa disinji ta’ nofs qamar u madwaru ġemgħat ta’ stilel

Il-fażijiet tal-qamar

Il-fażijiet tal-qamar huma magħrufa b’ismijiet differenti. Dawn it-termini li qiegħed inniżżel hawn huma meħuda mill-ktieb ta’ Ġużi Gatt, Qiegħda Fuq il-Ponta ta’ Lsieni, (l-ewwel volum). Fejn kien hemm lok, dawn qabbilthom ma’ dak li hemm miktub fid-Damma ta’ Agius De Soldanis (ċ. 1767).

  • i. Qamar ġdid jew ‘It-taħbila tal-qamar’ hi riferenza għaż-żmien meta l-qamar ikun qed jiġġedded, jiġifieri għadu kemm feġġ u jkun jidher minnu felli rqajjaq biss.
  • ii. Qamar kwart – meta l-qamar ikun għadu nkixef nofsu biss. Jgħidulu wkoll, ‘qamar qed jimla’. Agius de Soldanis jgħidlu qamar ir-robu.
  • iii. Qamar mużqaq – il-fażi meta l-qamar ikun jidher sa tliet kwarti minnu.
  • iv. Qamar kwinta, jew qamar mimli – meta l-qamar jieħu l-forma tonda għal kollox.
  • v. Qamar muqsar– De Soldanis jgħidlu, qamar kiser – qamar li jibda jiċkien.
  • vi. Kwart ta’ qamar – meta l-qamar jerġa’ jieħu x-xeħta ta’ nofs ċirku.
  • vii. Qamar xiħ – meta l-qamar ikun fadallu biss felli rqajjaq.
  • viii. Qamar mitluf – meta l-qamar ma jibqax jidher mid-dinja għal perjodu ta’ tlett iljieli.
Phasesmoon-1024x439

L-influenza tal-qamar fit-tgħammir, it-tqala u s-saħħa tat-tfal

Fl-antik kienu jemmnu ħafna bis-seħer tal-qamar fuq il-bniedem. Sa anki kienu jemmnu li l-qamar kapaċi jinfluenza l-fertilità fil-mara. Biex tkun skansata l-isterilità, meta xebba ma tħammarx fix-xahar tagħha (jiġifieri, ma sseħħx il-mestruwazzjoni), kienu jistennew il-qamar isir kwart, biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Kienu jieħdu parti mis-sekonda (il-plaċenta) ta’ trabi tewmin – għax din kien hawn min inixxifha u jerfagħha għal xi bżonn bħal dan – isaħħnuha fuq in-nar u jqiegħduha sħuna flimkien ma’ xi weraq taż-żebbuġ fuq żaqq ix-xbejba. Kienu jemmnu li b’hekk it-tisfija tad-demm terġa’ lura għan-normal, u meta tiżżewweġ, ix-xebba kien ikollha t-tfal (G. Lanfranco, 2003 u J. Cassar Pulliċino, 1992).

Ix-xewqa li l-mara jkollha t-tfal kienet minn dejjem, u l-antiki kienu jantiċipaw li t-tqala kellha sseħħ mhux wisq wara li jsir iż-żwieġ. Kienu jgħidu, ‘Meta tiżżewweġ, il-qamar bik ibewweġ’ (jaħrab bik), jiġifieri, maż-żwieġ, il-qamar jaħdem biex il-mara ssir tqila. Qawl ieħor jgħid, ‘il-qamar jimla meta l-qalb tkun ħimla’, jiġifieri, il-mara tittaqqal meta l-qalb tkun mimlija bl-emozzjonijiet. Kien hemm qawl ieħor li jgħid, ‘tgħoddx il-ġranet tal-qamar għax ma jħallikx tistabar’ (J. Cassar Pulliċino, 1992).

Barra minn hekk, jekk mara ma tkunx tista’ tinqabad tqila malajr, kienu jħeġġuha biex tqum kmieni qabel is-sebħ u toħroġ timxi barra fid-dawl tal-qamar kwinta. Tant hu hekk, illi kien hemm qawl li jgħid, ‘Jekk fil-qamar tħuf (timxi) issaħħaħ il-ġuf’. Jekk imbagħad, dan ir-rimedju ma jaħdimx, kienu jilmentaw, ‘il-qamar mimli, imma le jsellimli’. (Il-Qawl Iqul, 1989).

Sa żminijiet mhux ’il bogħod, meta xi ħadd kien isofri mill-epilessija kienu jgħidu li jbati bil-‘mard tal-qamar’. Għax in-nies ma kinux jafu aħjar, kienu jittrattaw din il-kundizzjoni bħala stat momentarju ta’ ġenn ikkawżat minn qawwet il-qamar meta dan ikun kwinta. Dan it-twemmin ma ssibux biss f’Malta. Fil-kultura Anglo-Sassona, il-kelma lunatic, li ġejja mill-Latin, luna, turi l-istess twemmin. Fl-antik kienu jemmnu wkoll li jekk ir-raġel jgħammar lill-mara meta’ l-qamar ikun kwinta, hemm ċans kbir li t-tarbija tkun tbati minn attakki ta’ epilessija. Dwar dan kien hemm qawl li jgħid, ‘dak li ġġib fil-qamar fl-ebda kwart ma jkollu sabar’.

L-Għawdxin ma kinux jonxru l-ħrieqi jekk il-qamar ikun idawwal, għaliex kienu jemmnu li t-tfal kienu jistgħu jsofru mill-’mard tal-qamar’. Meta tarbija kienet iddum biex timxi, kienu jidfnuha sa għonqha fir-ramel għad-dawl tal-qamar. Imbagħad l-ixjeh mara tar-raħal u xi qraba kienu jduru madwar it-tarbija u jiżfnu u jgħannu b’xi kliem li ma jinftiehemx. (G. Lanfranco, 2017). Ara: MIBDUL.

Il-qamar u l-agrikoltura

Il-bdiewa fl-antik, kienu jagħtu każ ħafna tal-fażijiet tal-qamar. Kienu anki jiżirgħu l-uċuh tar-raba’ ftit qabel ma jkun qamar kwinta, biex fil-jiem ta’ wara, il-ħxejjex jissaħħu bl-enerġija tal-qamar. (G. Lanfranco, 2017). Kienu jgħidu, ‘meta l-qamar jikser tista’ tlaqqam’. (J. Cassar Pullicino, 1992). Qawl ieħor jgħid, ‘Il-qamar, il-kewkba u n-newba fuq ir-raba’ ma fihomx ħlief sewba’, (ħsad tajjeb) (Il-Qawl Iqul, 1989).

Il-bdiewa kienu jibżgħu mill-qamar meta dan ikun mitfluf (jgħib), u ċertu xogħol tal-biedja ma kienx isir f’dak iż-żmien għaliex kienu jemmnu li n-natura għandha bżonn il-preżenza u l-qawwa tal-qamar. Għalhekk kienu jgħidu, ‘meta l-qamar ikun mitluf, la tqigħedx qrejjeq (pl. ta’ qroqqa), la tiżra u lanqas tlaqqam’.

Kienu jemmnu wkoll li l-qamar hu kapaċi jinfluwenza l-fertilità fil-bhejjem. Kienu jaħsbu illi l-baqar ikunu aktar fertili meta l-qamar ikun kwinta. Kienu jgħidu, ‘meta l-qamar ikun kwinta l-baqra tilgħaq tintha’.

L-eklissi tal-qamar u tax-xemx

Wieħed mill-fenomini tan-natura li l-aktar jippreokkupa lill-bniedem hu meta jseħħu l-eklissi totali tal-qamar. Kull dawn iseħħu kien ikun mument ta’ ansjetà meta kulħadd kien jissoponi li ser isir xi katastrofi u li d-dinja ser tinqered. Dan għaliex kien hawn min jemmen li l-eklissi kienu jfissru li x-xemx u l-qamar qed jiġġieldu.

Intant fil-Malti, flok eklissi, teżisti l-kelma ‘kifes’, jiġifieri meta l-qamar jinħeba. Din il-kelma ġejja mill-Għarbi kisef jew kusufu, u għalhekk jidher li l-konsonanti ta’ din il-kelma maż-żmien inqalbu (każ ta’ metatasis).  

Xi qwiel oħra

fil-Qawl Iqul, ta’ J.S. Manduca u Ġorġ Mifsud (1989), insibu aktar minn tletin qawl li juru kemm l-antiki kienu jemmnu fil-qawwa tal-qamar. Hawn qiegħed inniżżel xi wħud minnhom.

  • i. ‘Is-sena fiha tlettax-il qamar!’ Din kienet tingħad b’risposta minn min ikun imqabbad jagħmel xi xogħol u jieħu ħafna żmien aktar milli suppost biex ilestih.  
  • ii. ‘Anki x-xemx u l-qamar jiġġieldu!’, qawl li juri li anki tal-familja u l-ħbieb ikollhom xi jgħidu bejniethom.
  • iii. Qamar rieqed baħar imqajjem; qamar wieqaf, baħar bnazzi.
  • iv. Meta l-qamar ikollu l-għarqa (jew għaraq), lesti biex tisma b’xi għarqa. Jiġifieri, meta l-qamar ikun imċajpar dan ikun qiegħed jindika li tkun ġejja maltempata.
  • v. Il-qamar jibla’ kollox meta s-sħab jispiċċa fix-xejn.
  • vi. Għall-fqir, il-qamar musbieħ u l-basal tuffieħ.
  • vii. ‘Jekk tħares lejn il-qamar u tmiss il-flus, tul għomrok dejjem tbus’. Parir lix-xebbiet li jwissihom li biex isibu r-raġel tagħhom għaż-żwieġ iridu jħarsu lejn il-qamar u jmissu flushom.  
  • vii. ‘Meta d-dinja tmiegħkek, il-qamar fl-aħħar iżidek’. Meta l-art ma tagħtikx il-frott mixtieq, il-qamar xorta jista’ jġiblek ir-riżq.

Xi idjomi

  • i. ‘Jgħix fil-qamar’ – riferenza għal xi ħadd li ma għandux sens ta’ realtà.  
  • ii. ‘Mard il-qamar’ – epilessija li dari kienu jemmnu li kienet isseħħ skont iċ-ċiklu tal-qamar.
  • iii. ‘Nurik il-qamar fil-bir’ – twissija lil xi ħadd, l-aktar lit-tfal biex iġibu ruħhom sew għax inkella jaqilgħuha.
  • iv. ‘Darba f’mitt f’qamar’ – darba fill.
  • v. ‘Ibati b’tal-qamar’, tingħad għal xi ħadd impulsiv u li ma tistax torbot fuqu.
  • vi ‘Miet fl-istess qamar li twieled fih’ – jiġifieri, dak li jkun baqa’ jgħix ħajtu kollha mingħajr ma qatt biddel imġibtu.

© Martin Morana

7.12.2023

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija 

Aquilina Joseph, Maltese English Dictionary, Vol II. Midsea Books Ltd. 1990.

Carabott Rosabelle, Editriċi. Damma tal Kliem Kartaginis Mscerred Fel Fom Tal Maltin u Ghauxin, ta’ Gian Francesku Agius de Soldanis. L-akkademja tal-Malti et al. 20616.

Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta Univesity Press. 1992.

Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni. (l-ewwel volum). Klabb Kotba Maltin. 2005.

Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Media Centre. 2017.

Manduca J.S. & Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. P.E.G. 1989.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1981.

Walker Benjamin, ‘Moon’, Man, Myth and Magic Encyclopedia, Vol V.

Zarb Tarcisio, Folklore of an Island. Publishers Enterprises Group. 1998.

Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur … ikklikkja hawn:

Categories:

1 Comment

Leave a reply to Ray Demanuele Cancel reply