Siġar indiġeni u oħrajn
fil-gżejjer Maltin
Fil-gżejjer Maltin jikbru bosta siġar fis-salvaġġ, xi wħud minnhom indiġeni, jiġifieri, pjanti li ilhom ħafna żmien jikbru kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra fejn hemm klima simili, b’mod naturali u mhux għax żeragħhom il-bniedem. Imbagħad, jinsabu wkoll siġar li xi darba kienu impurtati f’Malta u li llum saru jagħmlu parti mill-flora naturali. Fost is-siġar li jikbru fl-ambjent naturali Malti hemm tip li ngħidulhom ħorfin (Ing. deciduous), jiġifieri li jwaqqgħu l-weraq f’ċertu żmien tas-sena u li jerġgħu jtellgħuhom fi staġun ieħor. Imbagħad, hemm dawk li jħaddru bil-weraq tagħhom matul is-sena kollha (Ing. evergreen).
Minn xi wħud minn dawn is-siġar jikber il-frott li jservi bħala sors ta’ ikel minn xi daqqiet għall-bniedem u oħrajn għall-annimali. Hemm ukoll siġar li minnhom jinħadem ċertu injam, u oħrajn li miz-zokk tagħhom joħroġ għelk li jservi lill-bniedem għal bosta skopijiet. Hi ħaġa naturali li dawn is-siġar għandhom effett fuq l-ambjent tal-madwar, l-istess bħalma l-ambjent li fihom jikbru għandu effett fuqhom. Il-bniedem minn dejjem ra kif għamel biex jisfrutta dawn is-siġar biex isostni lilu nnifsu u jtejjeb il-mod kif jgħix. Sfortunatament, meta dawn is-siġar ikunu sfruttati żżejjed il-bniedem ikun qiegħed jeqred l-ambjent ta’ madwaru u lilu nnifsu bil-mod il-mod.
Hawn qiegħed nagħti deskrizzjoni ta’ xi wħud minn dawn is-siġar li jikbru fil-gżejjer Maltin.
—–

BALLUT, SIĠRA TAL- Isem xjentifiku (Is. xj.) Quercus ilex. B’lngliż (Ing.) Mediterranean Oak / Evergreen Oak / Holm Oak / Holly Oak. Siġra indiġena li tikber sa 30 metru fl-għoli tagħha. Hi siġra magħrufa wkoll bħala siġra tal-ġandar. Mikiel Anton Vassalli fid-dizzjunarju tiegħu Lexicon (1796) isejħilha ghianda. Kif jindika wieħed mill-ismijiet bl-Ingliż, din hi siġra li tikber fil-Mediterran. Din hi waħda mill-ixjeħ siġar li hawn fil-gżejjer Maltin għax xi wħud minnhom għandhom daqs 900 sena. Biż-żmien, din is-siġra saret aktar skarsa. Fid-dizzjunarju tiegħu, Damma Tal-Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal-Maltin u Ghaucin, l-għaref Gio. Pietro Francesco Agius de Soldanis (1712 – 1770) jgħid illi fi żmienu din is-siġra ma kontx issibha kif ġib u laħaq. Daqs mitt sena qabel, fl-1647, Gio. Francesco Abela, skular ieħor, fil-ktieb tiegħu, Della Descrittione di Malta (1647), isemmi żewġ postijiet fejn din is-siġra kienet tikber. Hu jgħid li dawn kienu ’Wied il-Ballut’ (hemm indikazzjoni dokumentata li dan kien jinsab fin-naħa ta’ Ħal Lija), u ’Għajn Ballut’. Skont De Soldanis, l-injam ta’ din is-siġra kien jintuża l-aktar biex jinbnew ix-xwieni tal-Ordni u biex jinħadmu l-krietel tal-inbid. Biss, għandna nifhmu li dan l-injam kien ikun impurtat minn barra minħabba li f’Malta, kif jindika hu stess, il-ballut kien skars. Fl-ambjent naturali tagħha illum din is-siġra tinsab biss f’erba’ postijiet: Il-Buskett, il-Wardija, l-Imġiebaħ (qrib il-Mellieħa) u Ta’ Baldu / Wied Ħażrun – qrib ir-Rabat, (Il-Ħuttafa, Lulju-Awwissu, 2022). Fi żminijiet riċenti numru ta’ siġar tal-ballut bdew ikunu mħawla f’diversi oqsma oħra fejn hemm proġetti ta’ afforestazzjoni, bħal f’Wied Għollieqa, Xrobb l-Għaġin, Foresta 2000 u oħrajn. Ara: ĠANDAR u RUVLU.
BRUK/A Is. xj. Tamarix africana. Siġra magħrufa wkoll bħala tamarisk. Il-weraq tagħha huma irqaq u jippuntaw ’il barra u għandhom ix-xniexel. L-għeruq ta’ dawn is-siġar itellgħu il-melħ mill-art ta’ madwarhom u jarmuh ’il barra mill-weraq u għalhekk huma pjanti ornamentali addattati għal xatt il-baħar. It-Tamarix gallica hi speċi oħra ta’ din is-siġra, biss, din tagħmel fjuri roża u għalhekk magħrufa bħala bruka tal-ward roża.

DERU / DELUWA Is. xj. Pistacia lentiscus. Ing. Lentisk / Mediterranean Mastic jew Mastic Tree. Siġra indiġena tal-Mediterran. F’Malta din issibha tikber mal-ġnub tal-widien l-aktar fejn hemm il-blat. FIl-ħarifa din tagħmel frott imżebbeġ li għall-ewwel ikun ta’ kulur aħmar u li wara jsir iswed. Dan il-frott hu sors ta’ ikel importanti għall-għasafar, anki dawk tal-passa. L-għelk ta’ din is-siġra kien jintuża biex ikunu ttrattati l-feriti. Hemm bosta użi oħrajn ta’ dan l-għelk fil-mediċina alternattiva.


FRAXXNU Is. xj. Fraxinus angustifolia; Ing. Narrow-leaved ash. Bil-Malti jgħidulha wkoll, siġra tal-paċenzja (Stephen Mifsud). Din hi siġra ħorfija u li kapaċi tikber sa 40 – 45 metru. L-ispeċi indiġena f’Malta li llum hi rari ħafna tikber l-aktar fejn hemm widien li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita, bħal f’Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes). Il-fraxxnu jikber kemm fl-Ewropa Ċentrali u tan-Nofsinhar, kif ukoll fil-Magreb u fl-Asja. Il-weraq tal-fraxxnu tajjeb bħala għalf għall-annimali. L-injam ta’ din is-siġra hu magħruf ħafna bħala injam sod u b’saħħtu u għalhekk jintuża mill-bennejja tad-dgħajjes. Il-fraxxnu kapaċi jgħix sa 200 – 300 sena. Etim. Sqal. frascinu.
ĠUDA, SIĠRA TA’ Is. xj. Cercis siliquastrum L. Ing. Judas Tree, jew Mediterranean Redbud. Bil-Malti tissejjaħ ukoll ħarruba ta’ Ġuda. Siġra li fix-xhur bejn Marzu u Mejju tfawwar bil-ward roża karg. Għax dawn is-siġar jiżaharu fi żmien meta tkun iċċelebrata il-Ġimgħa l-Kbira, u forsi għax lewn il-fjuri roża jispikka sew, din is-siġra ġiet assoċjata mal-Passjoni ta’ Kristu, u mal-karattru ta’ Ġuda li skont it-Testment il-Ġdid wara li ttradixxa lil Ġesù mar tgħallaq ma’ siġra (għalkemm ħadd ma jaf x’tip ta’ siġra kienet).


GĦARGĦAR Is. xj. Tetraclinis articulata. Ing. Sandarac gum tree / arar. Siġra indiġena li tikber sa għoli ta’ 10 metri. Bl-Ingliż hi magħrufa wkoll bħala Atlas Mountain pin, għax din tikber ukoll fil-Magreb. F’Malta hawn erba’ postijiet fejn din is-siġra baqgħet tikber fl-ambjent naturali. Dawn huma: l-Imġiebaħ, il-Buskett, il-Maqluba u l-Wardija u f’Wied il-Miżieb. Is-siġra toħroġ minnha għelk safrani li sa żmien ilu kien jinġabar u jintuża bħala verniċ. Fl-1992 din is-siġra ġiet magħżula bħala s-siġra nazzjonali ta’ Malta biex tingħata aktar għarfien għax kienet waslet biex tinqered għal kollox u għalhekk riedet il-protezzjoni. Intant, biex isalvaw is-siġra tal-għargħar, l-awtoritajiet bdew iħawlu din is-siġra f’diversi ġonna, bħal f’Sant Anton, l-Argotti, f’Foresta 2000 kif ukoll fl-ambjent ta’ Wied Dalam. Fin-Nofsinhar tal-Ewropa din is-siġra tinsab biss fi Spanja.


ĦARRUBA Is. xj. Ceratonia siliqua; Ing. Carob tree. Siġra li tinsab mifruxa mal-kampanja kollha u fl-għelieqi tal-gżejjer Maltin. Gian Frangisk Abela, fil-ktieb tiegħu Descrittione di Malta (1647) jsemmi ‘Wied tal-Ħarrub’. Dan juri li din is-siġra li ddaħħlet f’Malta mill-bniedem matul is-sekli ilha magħna mijiet tas-snin. Mhux ta’ b’xejn li fil-Malti ngħidu ‘dak għandu żmien daqs ħarruba’. Jeżistu razez diversi ta’ din is-siġra. Hemm dik li jgħidulha Tal-Aħmar, Ta’ Ċiprijott, Ta’ Kandja u oħrajn. Il-miżwet tal-ħarruba jimmatura lejn Awwissu, u tradizzjonalment dan jinqata’ qrib il-festa ta’ Santa Liena. Il-ħarrub jingħata bħala ġwież lill-mogħoż jew żwiemel u annimali oħra. Isir ukoll mill-frott tiegħu l-ġulepp tal-ħarrub, billi l-miżwet jitgħalla fil-misħun u l-likwidu jagħqad u jsir ġulepp. Mill-imżiewet isiru wkoll il-karamelli tal-ħarrub kif ukoll tip ta’ liqueur. Il-ħarrub hu ikel nutrittiv għax fiħ ħafna tannin, fibra, proteini u vitamini. Apparti minn hekk, iż-żerriegħa tal-miżwet ġieli tinħadem biex isiru l-kuruni tar-rużarju. Fl-antik, iz-zkuk ta’ din is-siġra kienu jitqattgħu f’biċċiet żgħar biex jitqabbad in-nar tal-kenur. Miz-zkuk tas-siġar tal-ħarrub kienet tinħadem dik il-biċċa ta’ isfel tal-moħriet li biha titqalleb il-ħamrija.


LEWŻA Is. xj. Prunus amigdalus jew Prunus dulcis, Ing. Almond tree. Siġra li taf l-oriġini tagħha fl-Iran, u li biż-żmien bdiet titkabbar fil-pajjiżi tal-Mediterran. Għalkemm din is-siġra mhix indiġena għal Malta, biss ilha kkultivata hawn għal mijiet tas-snin. Minnha jikber il-lewż li jittiekel l-aktar wara li l-qoxra tkun ibbieset sew. Dan jista’ jittiekel waħdu jew inkella bħala parti mill-ingredjenti fil-ħelu, bħal ngħidu aħna, l-intrita. Miż-żahar tal-lewża jsir iż-żejt bil-proċess tal-lampik. Fl-antik dan kien iservi kemm ta’ kura għall-ġilda kif ukoll biex jindilek fix-xagħar biex dan jissaħħaħ u jisbieħ. Fil-Malti ngħidu, ‘Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt’, minħabba li t-trattament tax-xagħar biż-żejt tal-lewża kien jieħu l-ħin u l-attenzjoni.

LUQ Is. xj. Populus alba. Ing. White poplar. Siġra indiġena li saret rari immens. Siġra ħorfija għax twaqqa’ l-weraq tagħha fix-xitwa li mbagħad jerġgħu jikbru fl-istaġun tar-rebbiegħa u s-sajf. Il-weraq minn taħt huma ta’ kulur li jagħti lejn il-fidda. Din is-siġra għadha tinsab fl-inħawi li jġibu isimha, preċiżament f’Wied il-Luq, qrib is-Siġġiewi u fil-qalba tal-Buskett. Siġra li għandha bżonn ħafna ilma u għalhekk l-aqwa post fejn tista’ tikber huwa fil-widien, bħal f’Wied il-Qlejgħa.

OLMU / ULMU Is. xj. Ulmus canescens. Ing. Mediterranean elm jew Holm elm. Siġra indiġena li tgħix fil-widien fejn ikun hemm xi nixxiegħa tal-ilma. Bil-Malti magħrufa wkoll bħala nemmiesa jew siġra tan-nemus. Il-ġeneru ta’ din is-siġra oriġina fl-Asja Ċentrali, fil-perjodu Mijoċeniku (23 – 5 miljun sena ilu) u wara nfirxet lejn l-emisfera tat-Tramuntana. F’Malta din is-siġra nsibuha fil-Buskett, fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u fi ftit inħawi oħra.


RANDA Is. xj. Laurus nobilis. Ing. Bay laurel. Siġra indiġena li minn arbuxell kapaċi tikber f’siġra ta’ 20 metru fl-għoli. Tagħmel frotta sewda, biss li ma tittikilx. Kuntrarjament, il-weraq ta’ din is-siġra huma mfittxija kontinwament għaliex ħafna jħobbu jitfgħu xi ftit weraq tar-rand mal-ikel, bħal fl-istuffat jew ikel ieħor. Il-weraq tar-rand jitħallat ukoll għat-togħma mat-tin taċ-ċappa.



RUMMIENA Is. xj. Punica granatum. Ing. Pomegranate. Oriġinarjament din is-siġra kienet tikber fil-kontinent Asjatiku u ddaħħlet fil-Mediterran mijiet jekk mhux eluf tas-snin ilu. Ir-rummiena tissemma’ fil-mitoloġija Griega, fejn skont dak li hu rrakkontat, Persefone kielet iż-żerriegħa tar-rummiena u b’hekk intrabtet li tmur tgħix taħt l-art fir-renju ta’ Hā́idēs. Minħabba f’hekk, ommha Demeter, l-alla tal-fertilità u l-qamħ, tant inkurlat li ma ridetx tħalli li jikbru l-uċuh tar-raba’ qabel ma bintha tirritorna lura fid-dinja. Leġġenda jew twemmin antik lokali jgħid li l-qasma li tidher fil-frotta wara li din timmatura lejn Settembru – Ottubru, hi kawża tas-sajjetti li jolqtuha. F’Għawdex hemm Ħondoq ir-Rummien, bajja qrib il-Qala imsemmi għal din is-siġra.


RUVLU Is. xj. Quercus robur. Ing. Pedunculate oak jew English Oak. Bil-Malti hi magħrufa wkoll bħala balluta Ingliża. Tip ta’ siġra tal-ballut li hi aktar rari mill-balluta l-oħra, Quercus Ilex. Siġra li ġiet introdotta f’Malta mill-bniedem. L-injam ħamrani meħud mis-siġar tal-ballut jintuża biex tinħadem l-għamara minnu. Mir-ruvlu jinbnew ukoll l-opri tal-baħar għax dan hu injam b’saħħtu u reżistenti għall-ilma. Figurattivament, fil-Malti kienu jgħidu ‘Dik qisha ħatba tar-ruvlu’ – riferenza dispreġġjattiva għal xi mara xiħa li tkun fuq ruħha u b’mod tost turi ċertu ħażen. Etim. Sqal. ruvulu. Tal. rovolo.


ŻAFŻAFA / SAFSAFA KBIRA Is. xj. Salix alba. Ing. White willow. Siġra indiġena, rari ħafna li tgħix qrib l-għejjun tal-ilma, bħal f’Wied il-Qlejgħa. Din is-siġra kapaċi tikber bejn 10 sa 30 metru. Il-qoxra taz-zokk ewlieni biż-żmien tixxaqqaq u tinfetaħ. Fl-antik, din il-qoxra kienet tintuża biex jikkunzaw (iqaddu) il-ġlud biha. Fl-istess ambjent tal-Qlejgħa tikber ukoll iż-żafżafa iż-żgħira, (Is. xj. Salix pedicellata, Ing. Mediterranean willow).


ŻEBBUĠA Is. xj. Olea europea. Ing. Olive tree. Is-siġra taż-żebbuġ hi fost l-eqdem siġar li jikbru f’Malta. Fid-dinja Għarbija din u l-frott tagħha huma magħruf l-aktar bħala żejtun. Jidher illi l-kelma żebbuġ/a ħadnieha minn djalett Għarbi tal-Alġerija fejn tintuża l-kelma żanbuġ, għal żebbuġ selvaġġ. Il-frotta taż-żebbuġ kienet tintuża żgur fi żmien ir-Rumani f’Malta biex jintgħasar iż-żejt minnha. Fil-fatt instabu mtieħen u presses taż-żejt f’diversi siti arkeoloġiċi. Jinħtieġ mill-inqas 3 kilogrammi ta’ żebbuġ biex jintgħasar litru żejt, biss skont is-siġra. Iz-zokk tas-siġra taż-żebbuġ jintuża għal diversi oġġetti. Minħabba li z-zokk taż-żebbuġ hu b’saħħtu, fl-antik, parti mill-moħriet kien jinħadem minnu. Minn dan iz-zokk isir xogħol fin tal-għamara u affarijiet oħra. Ftit jafu li l-boċċi tal-injam li jilagħbu bihom fil-logħba tradizzjonali tal-boċċi huma magħmula minn din is-siġra. Billi din hi siġra li tikber l-aktar fil-Mediterran, l-istudjużi għażluha biex jiddelinejaw b’mod tanġibbli l-ambjent ġeografiku u klimatiku simili għall-Mediterran mad-dinja kollha. F’Malta u f’Għawdex hawn diversi rħula li isimhom jindika li din is-siġra kienet tikber sew fl-antik fil-gżejjer Maltin. Fost dawn hemm iż-Żebbuġ (Għawdex), Ħaż-Żebbuġ, Birżebbuġa, iż-Żejtun u Għajn Żejtuna.


ŻNUBER / SNUBER Is. xj. Pinus halepensis. Ing. Aleppo pine. Siġra li ħafna jafuha bħala siġra tal-prinjol. Siġra konifera bil-weraq irqaq u ppuntati qishom labar. Iż-żnuber huwa monoeċju, jiġifieri l-prinjoli rġiel u nisa jikbru fl-istess siġra. Din is-siġra, għalkemm indiġena kienet kważi meqruda għal kollox matul is-sekli li għaddew. Agius De Soldanis isemmiha u jgħid li fi żmienu kien għad hawn biss xi rqajja’ fejn kont għadek tista’ taraha. Fis-seklu għoxrin l-awtoritajiet bdew jimpurtaw iż-żnuber apposta biex iħawluh, u għalhekk illum din l-ispeċi tħaddar kemm fil-ġonna pubbliċi, bħall-pinetum li hemm il-Pietà, kif ukoll issebbaħ diversi toroq. Fl-antik din is-siġra kellha użu mediċinali għax ir-reżina taz-zokk tagħha kien jintuża minn min ibati mill-katarru u mard respiratorju (Guido Lanfranco, 2000). Iz-zokk ta’ din is-siġra jinħadem minn ħafna biex isiru oġġetti tal-injam. Għarbi, sanawbar.

ŻNUBER TAL-IKEL / ARŻNU Is. xj. Pinus pinea. Ing. Stone pine. Tip ta’ injam li ġej mis-siġar tal-prinjol. Madwar id-dinja jeżistu mal-120 tip ta’ din is-siġra. Minn dawn is-siġar inħolqu industriji kbar għaliex l-arżnu jintuża spiss kemm għall-kostruzzjoni tad-djar kif ukoll għall-għamara. L-arżnu hu magħruf ukoll bħala ‘Injam tal-Punent’. Dan l-injam hu ta’ kwalità soda u tajjeb biex jinħadem. A. de S. jinkludih fid-Damma u jgħid hekk: Le navi si fabricano dal Pino, questo legno viene spessevolte conservato nell’acque del mare onde meraviglie sarà che arznal – Arsenale. Dan jista’ jfisser li t-tifsira oriġinali tal-kelma ‘tarzna’ jindika dak kien il-post fejn oriġinarjament l-injam tal-arżnu kien jinżamm f’baċir mimli bl-ilma biex jixxarrab qabel ma jintuża għall-bini tal-bastimenti. Sqal. arzanu.

© Martin Morana
Ħajr lil Victor Falzon, minn BirdLife Malta, tal-kontribuzzjoni tiegħu biex l-informazzjoni ta’ dan l-artiklu tkun aktar preċiża.
19 ta’ Diċembru 2023
Biblijografija
- Baldacchino Alfred E., Lanfranco Edwin, Schembri Patrick J. Appuntament man-Natura. Merlin Library. 1990.
- Bonett Guido, Attard Joe, The Maltese Countryside, Vol. 1 – A pictorial guide to the flora of the Maltese Islands. Publishers Enterprises Group Ltd. 2005.
- Briffa Carmel, A Taste of Carob, – video ppubblikat mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
- Lanfranco Guido, Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin. Media Centre. 2000.
- Giacinto Carlo, Saggio di Agricoltura per le Isole di Malta e Gozo. Giovanni del Nebolu, Messina. 1811.
- Mifsud Mark, Closeups of Maltese Flora and Fauna. Media Centre Publications.
- Il-Ħuttafa (magażin ippubblikat minn BirdLife Malta li fih hemm diversi artikli f’bosta edizzjonijiet).
- Schönfelder, Ingrid & Peter, Die Kosmos-Mittelmeerflora. Franck Kosmos, Stuttgart. 1993.
Mifsud Stephen, Malta Wild Plants (website).
https://www.maltawildplants.com/CSPL/Cercis_siliquastrum.php
The Times of Malta – Articles: ‘Close-ups of Maltese Nature’
https://timesofmalta.com/articles/view/close-ups-of-maltese-nature-66.340866
‘Chadwick Lakes’, https://chadwicklakes.mt/
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur … ikklikkja hawn:

Grażżi o prosit Martin.
LikeLike
Qed niehu gost naqra l-artikli tieghek. Originali, miktubin tajjeb hafna, u hemm informazzjoni genwina u interessanti ghal kulhadd.
LikeLike
Hello Stephen … grazzi ħafna tal-kliem kumplimentuż tiegħek … qiegħed nieħu gost immens li qiegħed issib il-kitba interessanti … Kif tara biex nippubblika artiklu jinħtieġ ħafna qari u nikkonsulta ħafna sorsi …. Meta mbagħad immiss mal-pjanti u fjuri … hemmhekk indur ukoll għal website tajba tiegħek maltawildplants.com 🙂 għax dik hi utli ħafna … insellimlek …
LikeLike
Prosit immens ta dan it-taghrif fuq is suggetti Kollha. interessanti hafna!
LikeLike