LUKANDI ANTIKI F’MALTA

Lukandi tal-Passat fil-Gżejjer Maltin

Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kienu jeżistu postijiet ta’ akkoljenza għal min kien jivvjaġġa lejn Malta u ma kellux ma’ fejn joqgħod. Il-bereġ tal-lingwi differenti tal-Ordni ta’ San Ġwann ġieli servew għalhekk, jekk xejn għal nies li kienu ġejjin minn l-istess nazzjon jew ‘Lingwa’ li huma kienu jappartjenu. Kien hemm min anki jfittex xi kunvent tar-reliġjużi biex jingħata ċella fejn seta’ jqatta’ l-jiem tiegħu f’Malta. Biss min ma kellux kuntatt dirett ma’ dawn kien irid jara fejn ideffes rasu biex jiekol, jorqod, u jinħasel.

Skont l-istoriku Giovanni Bonello, l-eqdem akkomodazzjonijiet tal-barranin f’Malta li nafu bihom kienu jinkrew fil-Birgu. Dawn huma dokumentati mill-aħħar tas-seklu sittax ’il quddiem. Allavolja l-Belt Valletta sa dak iż-żmien kienet saret ir-residenza prinċipali tal-Ordni ta’ San Ġwann, għal ħafna snin jidher li fil-Belt il-ġdida kienu damu ma fetħu djar biex jakkomodaw lill-vjaġġaturi. Intant, biex joperaw dawn id-djar ta’ akkomodazzjoni, is-sidien kienu bilfors, qabel xejn, iridu jingħataw il-liċenzja mingħand l-Ordni ta’ San Ġwann. Jidher li bosta mid-djar ta’ akkoljenza kienu mmexxija minn nisa aktar milli minn irġiel. Minn kunjomhom jidher ukoll li ħafna minn dawn kienu jkunu barranin residenti f’Malta. (G. Bonello, 2005).

Skont Gianfranġesku Agius De Soldanis, il-Maltin kienu jirriferu għal dawn id-djar b’diversi ismijiet. Fid-dizzunarju tiegħu Damma tal Kliem Kartaġinis fel fomm tal Maltin u tal Ghaucin, (1767 c.) De Soldanis  isejħilhom ‘Dar il-Barranin’ u ‘Maġbar tal-Barranin’, u bit-Taljan jittraduċihom bħala ostellaggio jew ospizio, u bil-Latin, hospitium (R. Carabott, ed. 2016).  Bl-Isqalli dawn kienu magħrufa bħala posata (G. Bonello, 2005).

Dawn l-alloġġi kienu jkunu magħmula minn xi kmamar żejda fi djar privati li l-proprjetarju tagħhom kien joffri għal kiri, jew inkella, xi kmamar żejda ta’ xi taverna tal-ikel. Xi wħud minn dawn it-taverni jew lukandi kellhom l-isem partikolari tagħhom, daqqa bit-Taljan jew inkella bil-Franċiż. Fost oħrajn jissemmew it-taverna, Aux deux Tetes d’Or, li bit-Taljan kienet magħrufa Testa de Oro. Kien hemm ukoll L’Arcelle d’Orlean, u l-Osteria della Stella (Th. Freller, 1991, u G. Bonello, 2005, u J. Cassar Pullicino, 1981). 

Il-lukandi fil-Belt Valletta fis-seklu dsatax

Meta Malta kienet saret kolonja Ingliża, il-biċċa l-kbira tal-lukandi li bdew jiftħu kienu proprjetà ta’ xi Ingliżi. Biss kien hemm ukoll oħrajn ta’ xi Franċiżi, Taljani u anki ta’ xi Maltin. Fost il-lukandi l-aktar magħrufa fil-Belt Valletta kien hemm The Beverley Hotel. Din kienet tinsab fi Strada Ponente numru 20, fejn illum hemm il-binja magħrufa bħala Palazzo Britto jew St. Paul’s Modern Building. Fost ħafna nies ta’ fama, hawn kienu akkomodati għal xi żmien, il-poeta Lord Byron, fl-1812, Benjamin Disraeli, fl-1830 (li wara sar Prim Ministru tal-Ingilterra), u l-kittieb famuż Sir Walter Scott mal-mara tiegħu, fl-1831.  

Andrew Bigelow, vjaġġatur Amerikan li ġie Malta fl-1827, jgħid illi hu kien qagħad f’The Vicary’s, fi Strada Arcivescovo, numru 111 (fid-dar magħrufa bħala De Verdelin, żewġ passi ‘l fuq mill-għassa tal-pulizija). Dan ifaħħar din il-lukanda bħala ‘l-aqwa f’Malta’. Xi snin wara, fil-ktieb-gwida tiegħu, John Murray isostni li The Princess Royal kienet ‘l-aħjar’ (1845). Cassar Pullicino jsolvi din id-differenza ta’ opinjoni għax jgħid illi ż-żewġ ismijiet fil-fatt kienu qed jirriferu għall-istess lukanda, peress li din wara xi żmien kienet bidlet isimha.

Fil-pubblikazzjoni tiegħu, A Handbook or Guide for Strangers visiting Malta, Thomas McGill jgħid li sa tletin sena qabel f’Malta ma kien hawn l-ebda lukanda, u li ħafna mill-viżitaturi kienu joqogħdu ma’ residenti Ingliżi. Biss, iżid jgħid li issa (1839) fil-Belt Valletta kien hemm tliet lukandi ta’ kwalità tajba u ħames jew sitt idjar fejn wieħed seta’ jsib akkomodazzjoni ta’ ċertu kwalità. Intant, matul is-seklu dsatax infetħu aktar lukandi, daqs għoxrin b’kollox. Fost dawn kien hemm daqs sebgħa fi Strada Stretta b’waħda minnhom tispikka aktar mill-oħrajn, il-Hotel d’Angelterre. L-istess awtur jgħid li fost il-lukandi fil-Belt, The Morell li kienet tinsab fi Strada Forni, nru. 150 (fejn illum hemm l-iskola ta’ St Albert the Great) kienet l-aqwa lukanda għax din kienet toffri s-servizz ‘in the English style’. (McGill, 1839). Dan l-istat ta’ fatt hu kkolaborat mid-Duka tal-Bavaria, Maxilmillian Josef, li fl-1838, waqt żjara f’Malta kien alloġġat f’din il-lukanda. L-ikel kien tajjeb tant li hu stieden lill-Gvernatur Henry Bouverie għal pranzu fl-istess lukanda fejn kien alloġġat. McGill jirrikomanda wkoll The Clarence li kienet fi Strada Rjali, nru. 249, lukanda li kienet ta’ ċerta Madam Goubau, Franċiża li kienet tgħix Malta. Din il-lukanda kienet qrib il-Casino Maltese u għalhekk sa ċertu żmien kellha veduta ta’ ġnien mill-isbaħ magħruf bħala Victoria Garden li wara nbidel u sar pjazza – Pjazza Reġina, illum, Pjazza Repubblika.

Meta fl-1841, kien ġie Malta l-famuż kittieb Daniż Hans Christian Andersen, dan kien qagħad fil-Mediterraneo, lukanda li kienet tinsab fi Strada Santa Lucia, preċiżament fejn illum hemm il-kumpless tal-Embassy. L-istess lukanda għażilha l-kittieb famuż Franċiż Gustave Flaubert meta ġie Malta fl-1849 (Thomas Freller, 2006). F’Ġunju tal-1864, kien ġie Malta Giuseppe Garibaldi maż-żewġt itfal tiegħu Riciotti u Menotti. Fil-jumejn li dawn damu Malta kienu qagħadu wkoll fl-istess lukanda, li sa dak iż-żmien leħqet ingħatat isem ieħor, The Imperial Hotel.

John Murray isemmi r-Royal Clarendon ta’ ċertu Mr. Spark li kienet tinsab fi Strada San Paolo. Murray isemmi wkoll żewġ lukandi oħra, it-tnejn ta’ Mrs Grace Dunsford, waħda minnhom il-Clarence fi Strada Reale, (li qabel kienet ta’ Madam Goubau), u l-oħra li kienet fi Strada Forni, il-Morell li kien semma qablu Thomas McGill.  

Dawn il-lukandi kienu rrikomandati lill-vjaġġaturi tat-tajjeb, minħabba li kienu kkunsidrati ‘nodfa’, u li kellhom is-servizz tal-ikel ta’ kwalità tajba. Dan apparti li f’dawn il-lukandi setgħu, jekk isibu għad-dispożizzjoni tagħhom, ‘hot and cold baths’. Diversi riċerkaturi jagħtuna anki l-prezzijiet ta’ ċerti lukandi. Ġeneralment, kull lejl li wieħed iqatta’ f’lukandi bħal dawn kien jiswa’ bejn wieħed u ieħor, daqs 5 xelini jew aktar. Il-kolazzjon, kien jiswa 15-il sold u l-pranzu mat-3 xelini jew aktar. (J. Murray, 1845, Th. Freller, 2006 u J. Cassar Pullicino, 1981). Mal-ikel, il-kwalità tal-inbid kienet tgħodd ukoll għal min ried jisserva b’mod sofistikat. Il-Muir’s Almanac (1845) biex jippromwovi il-lukanda Princess Royal iżid li din il-lukanda sservi nbejjed ta’ ‘the most recherché quality from the Vigneron’.

Lukandi barra l-Belt Valletta

Fil-kitba tiegħu, ‘Some 19th century Hotels in Malta’, (Melita Historica, 1981) Ġużè Cassar Pullicino jgħid li fis-seklu dsatax, lil hinn mis-swar tal-Belt Valletta kien hemm dawn l-akkomodazzjonijiet:

Il-Furjana:  Fl-1874, infetħet il-Crystal Palace hotel fi Strada Conservatorio, nru. 43 –  47. Aparti din, fil-Furjana kien hemm lukanda oħra, jisimha The Rising Sun Hotel ta’ W. Reid.  

Il-Ħamrun (dak iż-żmien magħruf bħala San Ġużeppe): Fl-1842, kien hemm il-Melita Inn and Dairy ta’ ċerta Mrs Richardson.

Ħal Lija: Fl-1868, kien hemm Villa Paris Hotel ta’ G.B. Mallia.

Ir-Rabat: Fl-1898 kienet infetħet il-Point de Vue Hotel.

Akkomodazzjoni f’Tas-Sliema lejn l-aħħar tas-seklu 19

Lejn l-aħħar deċennji tas-seklu dsatax, Tas-Sliema kien qiegħed jiżviluppa bil-mod il-mod u minn villeġġatura tas-sajf beda jimbidel f’belt ta’ abitazzjoni permanenti għal ħafna nies. Il-qabża l-kbira saret meta beda jopera l-mezz ta’ trasport bil-lanċa, fl-1882, bejn ix-xatt ta’ Tas-Sliema, li minħabba f’hekk għadu magħruf bħala ‘l-Ferries’, u Marsamxett, il-Belt (M. Cassar, 2019).  

Fl-1865, Gerolamo Ellul, il-proprjetarju tal-lukanda Imperial, tal-Belt, fetaħ lukanda oħra f’Tas-Sliema, bi kważi l-istess isem, The New Imperial Hotel. Din kienet l-ewwel lukanda f’Malta li nbniet apposta biex isservi proprju għalhekk (The Daily Malta Chronicle, 1 ta’ Frar, 1927). Issa f’Tas-Sliema bdew jinfetħu bosta alloġġi oħra, bħal The Crown, The Regina Hotel fi Strada Torre, il-Jevons fi Strada Marina u The Alexandra li kienet tinsab ix-xatt ta’ Tas-Sliema qrib il-Ferries. (The Daily Malta Chronicle, 1922).

Akkomodazzjoni f’Għawdex

Matul is-seklu dsatax, Għawdex, għalkemm ma kienx magħruf daqstant mat-turisti, jissemma f’ħafna kotba-gwida l-aktar minħabba l-paesaġġ attraenti kif ukoll minħabba l-fdalijiet preistoriċi fix-Xagħra. Fl-1839, kien hemm biss ftit sidien li kienu jipprovdu akkomodazzjoni għall-viżitaturi. Wieħed minn dawn kien raġel Ingliż, ċertu Griffiths li kellu akkomodazzjoni ta’ kwalità fiċ-Ċittadella. Imbagħad kien hemm ukoll dar ta’ akkomodazzjoni ta’ ċertu Filippo Fenech fir-Rabat. Kien lejn l-aħħar tas-seklu dsatax li f’Għawdex bdew jinbnew xi lukandi żgħar, fosthom id-Duke of Edinburgh, il-Calypso u l-Imperial, kollha fir-Rabat, waqt li kienet fetħet lukanda oħra fin-Nadur bl-isem ta’ Gleneagles. (J. Cassar Pullicino, 1981).  

It-turiżmu u l-lukandi fis-seklu 20

Lejn il-bidu tas-seklu għoxrin, il-Ġermaniżi bdew jivvjaġġaw ġmielhom lejn il-Mediterran. Fost il-kotba-gwida tal-ivvjaġġar kien hemm wieħed partikolari li kien magħruf sew. Dan il-ktieb kien ippubblikat mid-ditta Badaeker, bl-isem ta’ Unteritalien, Sizilien, Sardinien, Malta, Korfu – Handbuch für Reisende. Fil-ktieb l-awtur, Karl Badaeker jirrikmanda xi lukandi fil-Belt Valletta, u jagħti xi prezzijiet ta’ xi wħud minnhom.

Hotel D’Angelterre, Strada Stretta nru. 34, – 9 xelini per diem.

Hotel St James, Strada San Paola, nru. 226, – 9 xelini per diem. 

Hotel Royal, Strada Mercanti nru. 30, – 10 xelini per diem.

Westminster Hotel, Strada Reale, nru. 11;

Imperial Hotel, Via S. Lucia, nru. 134;

Queen’s Hotel, Strada Mercanti;

Hotel D’Australie, Strada Stretta nru. 53;

Hotel Central, Strada Stretta, nru. 44;

Hotel De Paris, Piazza San Giovanni nru. 43; 

The  Great Britain Hotel, Strada Mezzodi, nru. 68; 

The Osborne H. Strada Mezzodi, nu. 50.

F’din il-lista nistgħu ninnotaw żewġ affarijiet, issa l-lukandi tista’ tgħid kollha kemm huma kellhom isem Ingliż, u li l-prezzjiet tal-alloġġ f’xi uħud minn dawn il-lukandi ma baqax 5 xelini iżda irdoppja.

Reklamar tal-lukandi

Fl-ewwel deċennji tas-seklu għoxrin, bosta lukandi kienu jirreklamaw fix-xhur tax-xitwa kull sena fid-Daily Malta Chronicle. Fost dawn insibu ħafna lukandi fil-Belt, bħal il-Westminster fi Strada Reale, is-St James fi Strada San Paolo u l-Great Britain fi Strada Mezzodi. Is-sid ta’ din tal-aħħar, E. P. Larchin, il-proprjetarju tal-Great Britain kien jippromwovi l-lukanda tiegħu billi jgħid li din kienet l-unika lukanda f’Malta li kienet tal-ewwel klassi u li kienet hi biss fosthom immexxija minn proprjetarju Ingliż (Daily Malta Chronicle, 1927).  

L-istess għamlu xi lukandi f’Tas-Sliema għax dawn kienu bdew jirreklamaw fid-Daily Malta Chronicle wkoll. Insibu lil The Modern Imperial, Strada Rudolfo, Villino Portelli, l-Oban, fi Strada del Torre u l-Modern Athlone, f’Victoria Terrace. Kien hemm ukoll is-Savoy Hotel fi Triq l-Imrabat li għadha sal-lum tissemma’ għax isimha sar sinonmu mal-ambjent tal-madwar. Din, il-proprjetarju ta’ din il-lukandi, bħal oħrajn f’Tas-Sliema, kien iħajjar lil dawk li riedu joqgħodu f’lukanda ta’ ċertu klassi li l-lukanda tiegħu kienet mogħnija bid-dawl tal-elettriku f’kull parti tagħha. Dan jindika li mhux kull lukanda f’Malta kellha il-’luċeletrika’, anki jekk stess id-dawl tal-elettriku f’Tas-Sliema kien ilu stallat mill-1896. Apparti minn hekk, is-Savoy kellha wkoll tennis court u  ‘veduta sabiħa tal-port u l-kampanja’. L-istess reklamar l–istess proprjetarju kellu għad-dispożizzjoni tal-klienti ‘hot and cold baths’ u li jiggarantixxi ‘perfect sanitation’ (The Daily Malta Chronicle, 1921). Apparti dawn il-lukandi tal-Belt u ta’ TAs-Sliema fl-istess gazzetta kienu jirreklamaw żewġ lukandi oħra, il-Point De Vue Hotel, tar-Rabat, u d-Dowdall Hotel ta’ Birżebbuġa.

M’hemmx għalfejn ngħidu illi dak iż-żmien, dawn kollha kienu jservu l-aktar, turisti mir-Renju Unit, ħafna minnhom qraba tas-suldati u l-uffiċjali tagħhom stazzjonati f’Malta. Dawn kienu jiġu Malta biex iqattgħu xi ftit ġimgħat igawdu x-xemx u l-baħar u l-għeżież tagħhom. Xi wħud kienu jiġu Malta minħabba saħħithom. Hekk kienet għamlet ir-Reġina Dowager, Adelaide, fl-1839. Kien dan il-fatt li ħajjar lil ħafna Ingliżi jiġu Malta biex iqattgħu vakanza ta’ konvalexxenza. Anki għax kienu jemmnu li l-arja tal-Mediterran kienet tajba.

Martin Morana

22 ta’ Mejju 2024.

www.kliemustorja.com

Dan l-artiklu hu bbażat fuq ieħor aktar wiesa’ li l-istess awtur kiteb, ‘The Genesis of Tourism to Malta: an overview, 1800 – 1964’, li deher fil-Melita Historica, Vol. lX, VIII no 1. (2020).

Bibliografija

Baedeker Karl, Unteritalien, Sizilien, Sardinien, Malta, Korfu Handbuch für Reisende. Badaeker, Leipzig. 1911. 

Bigelow Andrew, Travels in Malta and Sicily, with Sketches of Gibraltar in MDCCCXXVII. Carter, Hendee & Babcock,  Boston. 1831.

Bonello Giovanni, ‘500 Years of Inns and Taverns in Malta’, Histories of Malta – Ventures and Adventures. Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2005.

Carabott Rosabelle, Damma tal Kliem Kartaġinis fel fomm tal Maltin u tal Ghaucin. Akkademja tal-Malti et. al. 2016.

Cassar Michael, Connecting the Harbour Towns – O.F. Gollcher and Sons 1897-1959. Best Print. (2019).

Cassar Pullicino Ġużè, Some 19th century Hotels in Malta ta’  Cassar Pullicino, Melita Historica, Vol. VIII n. 2, 1981.

Galea Michael, ‘Hans Christian Andersen in Malta’, The Sunday Times, March 17, 1991.

Galea Michael, ‘1838, Bavarian Crown Prince in Malta’. The Sunday Times of Malta, October 1998.   

Freller Thomas, Knights Corsairs and Slaves in Malta ta’ Thomas Freller, 1999. Pubblikazzjoni Indipendenza.

Freller, Thomas, ‘Delightful, clean and spacious – Maltese inns, hostels and hotels of old’. Treasures of Malta, no 36, Summer 2006, Vol. XII, no 3.

Gadsby John, My Wanderings – Being Travels in the East. London. 1859.

McGill Thomas, A Handbook or Guide for Strangers visiting Malta, Luigi Tonna, Valletta, (1839) 67- 68.

Muir’s Almanack for 1845

Murray John, Handbook for Travellers in the Ionian Islands, Greece, Turkey Asia Minor and Constantinople, etc.; Includes a description of Malta. Abermarle, London. 1845.

The Daily Malta Chronicle, edizjonijiet varji ta’ bejn  l-1922 u l-1927.

Ballou M. Maturin, The Story of Malta. Boston. 1893..

Galea, Michael, ‘Hans Christian Andersen in Malta’, The Sunday Times of Malta, March 17, 1991.

Categories:

2 Comments

Leave a comment