IS-SENGĦA TAL-ISKARPAN

IS-SENGĦA TAL-ISKARPAN TA’ DARI

Introduzzjoni 

Meta kont tfal, ta’ spiss kont immur għand zijuwi Leli li kien jaħdem, fost affarijiet oħra, ta’ skarpan. Bħalu, fil-Birgu, sa daqs 50 sena ilu, kien hemm żewġ skrapan oħra, fi żmien meta l-popolazzjoni ta’ din il-belt kienet tleħħaq mas-6,000 ruħ. Kellu nitfa ta’ kamra f’ġenb ta’ setaħ, li dejjem kienet mimlija b’għodda tal-mistier, u kwantità ta’ żraben ta’ kull tip li kienu jġibulu l-klijenti tal-inħawi biex isewwihom. Ma jidhirlix li zijuwi qatt immanufattura xi żraben ġodda, għax xogħolu kien biss fuq it-tiswijiet. Biss, antikament, meta kont issemmi skarpan kont tkun qiegħed tirriferi għal dak l-artiġjan li mhux biss kien isewwi ż-żraben, iżda kien ukoll jaħdem pari żraben mill-bidu sal-aħħar. Dak kien żmien meta l-iskarpan, jekk kien ikollu xi żewġ lavranti jaħdmu miegħu, kien kapaċi jimmanifattura daqs għoxrin par żarbun fil-ġimgħa (P. P. Borg, 2001).

Xedd biex jipproteġi s-saqajn li għandu daqs 5,200 – Ir-ritratt juri kopja ta’ dak li nstab fuq Ötzi (l-‘Ice Man’), skeletru li nstab fuq il-fruntiera tal-Italja mal-
Awstrija, fl-1991.

Ix-xdud tas-saqajn

Antikament, ħafna kienu jgħaddu ħajjithom mingħajr ma jxiddu żarbun wieħed biss. Iż-żraben, jiġifieri dawk li jintlibsu biex jipproteġu s-saqajn minn kull naħa, kienu aċċessorji neċessarji l-aktar f’artijiet fejn il-klima tagħmel kesħa li xxoqq il-għadam. F’ambjent bħal dan, jekk dak li jkun jittanta jimxi barra ħafi fit-tul, ikun qiegħed jipperikola saħħtu serjament.

Matul is-sekli, ix-xdud tas-saqajn saru aċċessorji integrali fl-ilbies, mhux biss għax jipproteġu s-saqajn iżda anki għaliex bihom il-persuna setgħet tiddandan għax dik kienet in-norma tal-klassi soċjali li hi kienet tappartjeni għalija. Għall-popolin, l-aktar dak rurali, fejn it-temp jippermetti, kienet ħaġa normali u l-aktar naturali li dan jilbes xi qorq jew inkella xejn, hekk ukoll fil-każ ta’ Malta. In-nies, l-aktar dawk tal-irħula, kienu ħafna minnhom jilbsu xi karkur ħafif għal kuljum. It-tfal kienu jilgħabu fit-toroq ħafjin.

Meta dawk tal-kampanja kienu jmorru l-Belt għal xi qadja, kienu jġorru par żarbun magħhom u jilbsuh biss meta jkunu deħlin fil-belt, għax l-etikett kien jitlob hekk. Appena jkunu lestew mill-qadja u joħorġu barra Bieb il-Belt, kienu jerġgħu jinżgħu ż-żarbun, kemm għax kien idejjaqhom u anki biex iż-żarbun jibqa’ ġdid u jservihom għal okkażjonijiet speċjali oħra.

Nies ta’ klassi għolja jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin fil-Barrakka ta’ Fuq. Seklu 18.

Fl-ewwel deċennji tas-seklu għoxrin, qajla kien hawn ħwienet taż-żraben għax ħafna kienu jordnaw żarbun ġdid mingħand xi skarpan li kienu jafdaw x-xogħol għandu. Ara xi jgħid Temi Zammit (1864 – 1935) fir-rakkont qsajjar li kiteb dwar wieħed skarpan li hu sejjaħlu Mastru Ġakbu. ‘[…] Ftit baqa’ skrapan u bħalu kont naf mija … id-dinja nqalbet ….. Min lanqas jaf fejn joqgħod is-sengħa [sic], b’vetrina kollha verniċ, kollha skarpini u papoċċi kull kulur … tkaken donnhom irkiekel u qiegħan tal-kartun, u n-nies tħares u tieqaf tixtri, lira, basta ta’ barra u jlellxu, ħalli jsiru tlief wara ġimgħa […]’ (T. Zammit, 1931).  

Xena li turi li waqt li ċerti nies kienu jilbsu ż-żarbun għall-okkażjoni, il-kuċċier kien joffri s-servizz tat-trasport waqt li hu jiġri ħafi ma’ ġenb iż-żiemel. Seklu 19.

Is-sengħa tal-iskarpan   

Tradizzjonalment, jiġifieri qabel ma l-iskrapan bdew jużaw il-magni tal-ħjata u magni oħra – ix-xogħol ried isir bl-idejn mill-bidu sal-aħħar minn artiġjanja mgħobbija bl-esperjenza. Il-materjal l-aktar essenzjali biex isiru ż-żraben, naturalment, kien il-ġlud tal-baqar (tal-vitellin). Dan l-iskarpan kien jixtrieh f’rombli kwadri. Kull parti taż-żarbun kienet tkun magħmula minn parti differenti mill-ġilda tal-baqra, skont il-ħxuna li jkun hemm bżonn. Hekk pereżempju, il-parti tal-wiċċ taż-żarbun (magħrufa bħala s-sullatura) kienet tkun meħuda minn dik il-parti tal-annimal fejn il-ġilda tkun irqaq minn dik li tintuża f’partijiet oħra taż-żarbun. Il-ġilda l-ħoxna, dik li minnha jsir il-pett taż-żarbun kienet (u għadha) magħrufa bħala nagħal.    

Forom tal-injam biex bihom jinħadmu ż-żraben

Il-proċess tal-manifattura taż-żraben jibda, xejn u qabel kollox, mit-tfassil taż-żarbun skont il-qies u l-forma mpinġija bi preċiżjoni fuq karta. Dan ix-xogħol, aktar iva milli le, ma kienx isir mill-iskarpan, iżda minn artiġjan ieħor, magħruf bħala t-taljatur, bniedem li ma kienx impjegat mal-iskarpan, anzi, kien jaħdem għal rasu. Xogħol it-taljatur kien jinkludi wkoll il-qtugħ tas-sullatura biex din wara jgħaddiha lill-iskarpan ħalli dan ikompli jaħdem biha skont il-forma u l-kobor tagħha.

Imbagħad, l-iskarpan jibda x-xogħol tal-qtugħ u t-twaħħil tal-partijiet differenti taż-żarbun. Ħafna mix-xogħol jinħadem bil-ġilda mdawra mal-forma solida tal-injam, li tixbah dik taż-żarbuna. Fuq ġewwa tal-ġilda tas-sullatura tinħiet l-inforra. Fuq il-forma, l-iskarpan jibda jistira l-ġilda tas-sullatura bi tnalja magħrufa bħala tal-geddum (jew tat-titligħ) biex iressaqha lejn il-ġilda tal-qiegħ ġewwieni taż-żarbun (magħrufa bħala ċ-ċintilla). Fuq in-naħa ta’ quddiem, l-iskarpan iqiegħed ġilda oħra, (il-maskaretta / il-kaxxa?), biex din tagħti s-saħħa lill-ponta taż-żarbun għax din hi l-aktar li taqla’ daqqiet waqt il-mixi.

Tip ta’ xwejjef biex itaqbu l-ġilda taż-żarbun

Imbagħad jibda x-xogħol biex maċ-ċintilla jitwaħħal il-pett (jiġifieri l-qiegħ proprju ta’ barra). Biex jagħmel hekk, l-iskarpan l-ewwel ikollu bżonn itaqqab bix-xifa numru kbir ta’ toqob żgħar u rqaq, waħda wara l-oħra f’ringiela. L-iskarpan juża diversi tipi ta’ xwejjef. Biex ikun jista’ jaħdem bi preċiżjoni. L-iskarpan kien irid l-ewwel juża l-markapunt kemm mat-tarf taċ-ċintilla kif ukoll mal-pett biex imbagħad jgħaddi l-ispag u jħit minn toqba għall-oħra. L-ispaga tkun magħmula minn tlett iħjut irqaq li jintlewew mal-magħżel biex dawn jingħaqdu fi spaga waħda li għalkemm irqiqa tkun b’saħħitha ferm. Il-ħjut ikunu miksija bis-sonża biex jibqgħu magħqudin sew. Biex jgħaddi l-ispaga mit-toqob, l-iskarpan juża l-lanżita, dik ix-xagħara tal-ħanżir, irqiqa iżda b’saħħitha, għax magħha jorbot l-ispaga u flimkien ikun jista’ jgħaddihom mingħajr tbatija. Jiġifieri l-lanżita sservi qisha labra tal-ħjata. L-ispaga tkun miksija bix-xema mdewba biex din tiżloq minn toqba għall-oħra. Il-ħjata ssir kemm mis-sullatura għaċ-ċintilla, kif ukoll miċ-ċintilla għall-pett taż-żarbun. Imbagħad l-iskarpan jagħmel ix-xikkatura biex l-ispaga tinħeba u ma tkunx tmiss mal-art. Il-pett taż-żarbun tal-irġiel ikollu parti żejda mwaħħla miegħu li toħroġ ’il barra minn kull naħa taż-żarbun biex jipproteġieh mill-ġenb. Din il-parti tissejjah il-gwardjun. Mal-qiegħ, fuq il-warrani tal-pett teħel it-takkuna li tkun magħmula mis-sotti u mis-sopratakki

Meta ż-żarbun jinħadem kollu, l-iskarpan jibda jiżbogħ il-ġilda bil-kulur b’pejst kremuż u ħafif li jidħol fil-ġilda u li ma jmurx kif ġib u laħaq. Imbagħad, iż-żarbun jingħata laqta’ verniċ bil-boll li jagħmel il-ġilda kemxejn tleqq. F’temp ta’ jumejn iż-żarbun (il-par) ikun lest u l-klijent li jkun ordnah ikun jista’ jmur għalih.

L-iskrapan tal-lum

Illum, ix-xogħol tal-iskarpan naqas sew. Dawk l-iskrapan li fadal qed iduru għal xogħol ieħor biex jikkumplimentaw ix-xogħol tradizzjonali tagħhom biex jifdu l-ġurnata. Fost l-akbar numru ta’ klijienti tal-iskarpan għad hemm dawk li jmorru għandu biex isewwu xi sopratakki, jew xi ċinga tal-baskett li tkun tqattgħet; jew inkella biex l-iskarpan jagħmillhom xi toqba żejda fiċ-ċintorin (għax forsi jkunu għamlu d-dieta u rqaqu xi ftit! ☺) Xogħol li ma jirrendix wisq. Imbagħad hemm bosta skrapan li saru jaħdmu anki ċ-ċwievet tad-dar, jew tal-karozza. Dawn jaħdmuhom bi preċiżjoni fuq it-torn tal-elettriku.  

Illum, ftit huma dawk li meta jitqattalhom iż-żarbun imorru għand l-iskarpan biex isewwuh. Minflok kulħadd sar jippreferi li meta l-oġġett jitqatta’ u jiqdiem jarmuh maż-żibel. Dlonk, jaqbdu u jdaħħlu idhom fil-but biex joħorġu l-karta tal-kreditu u jixtru ieħor ġdid. Sfortunatament, Illum il-kelma ‘skarpan’ kemm kemm ma saretx mod kif il-bniedem iwaqqa’ għaż-żufjett lill-ieħor ….x’ ħasra hux!    

Termini tas-sengħa tal-iskarpan tradizzjonali   

ALAKKA  Ġilda tal-Marokk li tleqq ħafna. Fl-antik meta wieħed kien jixtri żarbun ta’ kwalità superjuri kien jordna żarbun tal-alakka. Sqal. alacca: sostanza colorante artificiale del catrame. Sors: E. Serracino Inglott (E.S.I.)

BARBANT  Kelma li jsemmiha Temi Zammit fir-rakkont tiegħu ‘Mastru Ġakbu’. Tip ta’ ġild użat mill-iskarpan biex jaħdem bih. Etim. Tal. brabante. Sors: J. Aquilina. X’aktarx il-kelma ġejja minn Brabant, l-isem ta’ belt fil-Belgium fejn setgħu kienu jimmanifatturaw ċerti tipi ġlud. Jinħtieġ aktar riċerka.

BOLL / ĦADID TAL-BOLL  Bħal inċira li l-iskarpan juża biex jillostra l-qiegħ u l-pett taż-żarbun. (Ing. black wax ball. Sors: P.P. Borg, J. A., u Ġ. Mifsud-Chircop.

BOKKA-DI-LUPU  Sqal. vucca di lupu … żarbun b’għonq għoli li jgħatti l-qasba tas-sieq. J.A. bl-Ingliż isejħilhom Wellingtons. Temi Zammit jsemmiha din il-frażi fir-rakkont ‘Mastru Ġakbu’. Sors ieħor: J.A.

BUXXETT   Oġġett li bih wieħed jillostra l-ġilda taż-żarbun. Tal. bussetto. Ing. polisher Sq. vuscettu, biċċa njama li tintuża mill-iskarpan. Sors: J.A.

ĊINTILLA   Il-qiegħ ta’ ġewwa taż-żarbun. Din tkun imwaħħla mal-pett taż-żarbun. Kelma oħra flokha hi suletta.

DANDALUN    Morsa tal-iskarpan. Sors: J.A.

GAJDRA  Tip ta’ arzella ta’ daqs kbir mhux ħażin li fl-antik, l-iskarpan kien iżommha ħdejh fuq il-bank biex fiha jitfa’ daqsxejn kolla li jsibha kull meta jkollu bżonn jagħti pinzellata ħafifa. Isemmieha T. Zammit.  

GWARDJUN    Ix-xifer ta’ barra tal-pett li jdur mill-ġnub maż-żarbun kollu.

KOLLA TAD-DQIQ / TAL-GĦAĠINA   Tintuża biex twaħħal il-pett jew it-takkuna maż-żarbun. Dan kien jista’ jsir billi l-iskarpan isammar ukoll fl-istess post it-taċċi biex kollox iżomm flimkien sakemm tinħiet l-ispaga fiż-żarbun. Sors: P. P. Borg.  

KUDETTA   It-takkuna taż-żarbun tan-nisa.

IMBORNIR  Il-proċess li juża l-iskarpan biex jillostra l-ġilda taż-żarbun billi juża ċertu likwidu.  

INFORRA TAT-TIRANTI  Id-drapp ta’ ġewwa li tkun meħjuta taħt il-ġilda tas-sullatura.  

LANŻIT  Ix-xagħar iebes ferm tal-ħanżir jew ta’ xi annimali oħra li jintuża mill-iskarpan biex miegħu tintrabat l-ispaga u jgħaddi mit-toqob tal-ġilda taż-żarbun.

LEJS  Ara: ŻARBUN TAL-LEJS. 

LIBSA TAS-SARĠ   Fardal magħmul minn drapp oħxon tas-suf li l-iskarpan jilbes biex jipproteġieh kemm mill-ħmieġ u ż-żebgħa, kif ukoll minn xi tingiża tax-xifa waqt li jkun qed jaħdem fuqu.

MAGĦŻEL  (pl. mgħażel) Apparat tal-injam li jintuża biex miegħu jintrabtu l-ħjut (tlieta) tal-ispag biex dawn ikunu ċċumbati u bil-mod il-mod l-ispaga tinħall skont kemm ikun hemm bżonn.

MANIKLA  Biċċa ġilda li tiddawwar mal-id biex meta l-iskarpan iħit u jiġbed l-ispaga bil-lanżita din ma taqtax fil-laħam tal-pala ta’ idu.

MARKAPUNT   Għodda tal-iskarpan li fit-tarf tagħha jkollha qishom snin irqaq biex biha jimmarka fejn għandhom isiru t-toqob għall-ħjata. Tal: marcapunto.

MASKARETTA  Il-ġilda taż-żarbun fuq in-naħa tal-ponta ta’ quddiem li tkun magħmula minn ġilda aktar ħoxna biex tipproteġi s-swaba’ tas-saqqajn. Sq. maskaritta. Sors: E.S.I. L-istess bħal kaxxa.  

MUNTATURI  Riferenza għal par żarbun lest minn kollox (immuntat).

NAGĦAL   Il-ġilda li biha jsir il-pett taż-żarbun. Sors: E.S.I.

RBOKKA   (verb) Għamel feles fil-ġilda u imbagħad twiha. (nom) irbukkar.

SEMPITERNA    Ġilda fina taż-żraben li kienet magħrufa għas-saħħa tagħha li tibqa’ għal żmien twil. Isemmieha Temi Zammit.

SIEQ TAL-ĦADID   Ħadida li minn fuq għandha xeħta ta’ żarbuna. Din tintuża biex tissewwa jew tinħadem iż-żarbuna, bħal meta jkun hemm bżonn ta’ tismir tat-taċċi. Ing. shoe last.

SKARPIN    Żarbun żgħir tan-nisa.

SOPRATAKKI   Biċċa ġilda jew lastku li titwaħħal mal-qiegħ tat-takkuna (mas-sotti) biex tgħolli ftit iż-żarbun minn wara u fl-istess ħin tipproteġi s-sotti milli jittieklu bil-użu kontinwu waqt il-mixi.

SOTTI    Il-parti ta’ ġewwa fuq wara taż-żarbun (l-eqreb lejn il-pett).

SULLATURA   Il-wiċċ taż-żarbun.

SULETTA    Kelma oħra flok ĊINTILLA.

TAĊĊI  Imsiemer qosra, irqaq, jew kemxejn ħoxnin iżda matnazzi li kienu jintużaw biex isammru l-qiegħ taż-żarbun b’mod temporanju sakemm issir il-ħjata. Ma’ dawn kienet ukoll tindilek il-kolla biex tgħin li x-xogħol jibqa’ f’postu. It-taċċi jerġgħu jinqalgħu meta x-xogħol tal-ħjata jkun lest. Sors: Paul. P. Borg.

TAVLA TAL-ĦOĠOR   Tavla żgħira li l-iskarpan iqiegħed fuq ħoġru biex fuqha jaħdem xi xogħol tad-dettall.

TALJATUR   Bniedem li xogħolu hu li jfassal iż-żraben.

TRINĊETT / TRUNĠETT   Sikkina li tkun parti minnha mgħawġa biex l-iskarpan ikun jista’ jiskarna (jaqta’ biha t-truf żejda) tal-ġilda li ddur mal-qiegħ taż-żarbun. Sors: E.S.I.

VAŻA / FALZA   Ġilda meħuda mill-ispalla tal-annimal din tkun pjuttost ratba iżda ħoxna u titwaħħal taħt l-għarqub għax reżistenti għall-mixi. Sors: P.P. Borg (2001).

VINAZZ / XEMA’ TAL-ISPAG   Ix-xema’ tal-ispag u l-vinazz jintuża biex l-ispag jiżloq u jidħol malajr fit-toqob biex jinħietu. Dan ġieli kien jinxtara’ mingħand l-impurtatur, jew inkella l-iskarpan seta’ jiddubbah mir-ruttam li jaqa’ mix-xema’ tal-knejjes. Sors: P. P. Borg (2001).

XIFA    (pl. xwejjef)  Labra ħoxna bil-ponta li l-iskarpan juża biex itaqqab il-ġilda taċ-ċintilla u dik tal-pett u s-sullatura. Ing. awl. Kien hemm erba’ tipi ta’ xwejjef, kull waħda minnhom ittaqqab b’mod differenti. Eż’ xifa tal-isserpjar. Xifa tal-ippuntjar. (Sors: P. P. Borg, 2001).

XIKKATURA  Kelma li P. P. Borg jikkwota lil Nenu l-iskarpan. Nissuspetta li din ġejja min-nom xaqq, bħal xaqqatura, kelma li ma tinsab fl-ebda dizzjunarju li kkonsultajt. Il-qasma irqieqa fil-ġilda tal-pett fejn tinħeba l-ispaga biex tkun protetta waqt il-mixi. Inċiżjoni.

ŻARBUN TAL-LEJS  Żarbun normali li jinqafel bil-lazz. ŻARBUN TAL-LEJS APP Żarbun bit-tromba li allura jkollu t-toqob fejn jidħol il-lazz il-fuq mill-għarqub. Etim. Ing. lace up.  

Etimoloġija 

SKARPAN  Mill-Isqalli scarparu, għalkemm l-isem żgur li meħud mit-Taljan scarpa.

ŻARBUN  Kelma li ġejja mill-Għarbi li anki setgħet tingħad żarbul. Kelma li tista’ tirriferi għal diversi tipi ta’ xdud tas-saqajn li jintlibsu f’diversi partijiet tad-dinja Għarbija.  Għarbi: زَرْبُون (l-istess pronunzja).

IBBLAKKJA  Forsi l-eqdem kelma fil-Malti li hi meħuda mill-Ingliż. Dan il-verb jidher li hu wieħed minn żewġ kelmiet biss li huma mislufa mill-Ing. Li nsibu fid-dizzjunarju ta’ G. B. Falzon. (1845).

Ftit aktar informazzjoni ta’ interess dwar is-suġġett

Il-qaddisin patruni tal-iskrapan huma San Krispin u San Krispinian. Dawn x’aktarx kienu żewġt aħwa li twieldu Ruma iżda għex fi Soissons fi Franza. F’ħajjithom, dawn kienu jippritkaw il-Kristjaneżmu matul il-jum waqt li jaħdmu ta’ skrapan filgħaxijiet. Huma kienu spiċċaw maqtula martri mill-Imperatur Ruman Deoklezjanu (242 – 312) W. K.) Il-festa tagħhom hi ċċelebrata fil-25 ta’ Ottubru. Fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt hemm kappella iddedikata għalihom. Din kienet miżmuma mill-konfraternità tal-iskrapan.

Fi żmien l-ewwel snin tal-Ingliżi f’Malta kien hemm min jirrapreżenta l-interessi tal-iskrapan. Dan kien jissejjah ‘konslu’. Salvu Danza nħatar minn sħabu bħala konslu , fil-25 ta’ Ottubru 1801. Din il-kariga kienet tkun rikonoxxuta uffiċjalment mill-gvernatur ta’ Malta. (Ġ. Gatt, 1935).

Sa żmien ilu, meta xi ħadd jilbes żarbun ta’ daqs kbir u goff kienu jgħajruh, ‘Qisek liebes xambekk’.

© Martin Morana

5 ta’ Settembru 2024

* L-informazzjoni dwar il-proċess ta’ kif kienu jinħadmu ż-żraben hi meħuda prinċipalment mill-kitba tant aktar iddettaljata ta’ Paul P. Borg, kif ukoll minn dik ta’ Ġorġ Mifsud-Chircop.

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija

Aquilina Joseph, Maltese – English Dictionary. Midsea Publications Ltd.

Catania Paul, The People of the North – 1546 – 1610. Mizzi Books, 2015.

Camilleri Josianne, ‘Kieku ma jkunux is-sopratakki ma jkunx hawn skarpan wieħed’ Newsbook, 3 ta’ Settembru, 2018.

Borg Paul P., Snajja u Xogħol – It-tieni volum. Publishers Enterprises Group. 2001.

Cortis Tony, Temi Zammit, Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra. Merlin Library Limited. 1987.

Ciarlò John Can., The Hidden Gem. – St Paul’s Shipwreck, Collegiate Church – Valletta, Malta. Progress Press. 1995.

Gatt Ġużi, ‘L-iskrapan Maltin fl-ewwel snin ta’ l-Ingliżi f’Malta’. Universitàa ta’ Malta. 1935.

Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin, 2017.

Mifsud-Chircop Ġorġ, ‘Minn ħajja ta’ skarpan Mosti – Paċikk Bonnici’. Programm tal-festa (?) Soċjetà Fila. Nicolò Isouard, Mosta. 1997.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin.

Awturi diversi: Peasant Costumes – Insights into Rural Life and Society. Heritage Malta & Ministry for Gozo. 2021.

Għal aktar artikli u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur ikklikkja hawn:

Categories:

3 Comments

  1. Kelma oħra li ġejja mill-Ingliż u li għandha x’taqsam maż-żraben hi “pajpli”, likwidu abjad li kien jintuża biex jiffriska l-kulur ta’ żarbun ħafif, aktarx maħdum mil-luna (‘kanvas’). L-oriġinal kien “pipe clay”, tafal fin abjad li minnu kienu jinħadmu l-pipi rħas. Taħt ix-xatt tal-Birgu instabu ħafna, probabbli li ntremew mill-baħrin wara li jinkisru għax dawn il-pipi kienu fraġli ħafna.

    Żarbun li kien jasal ftit ‘l fuq mil-għaksa konna nsejħulu “nofs tromba”. Dak li kien jasal sa taħt l-irkobba kien “tat-tromba” (“Wellington”). Interessanti li dawn iż-żewġ aġġettivi kienu jintużaw ukoll għall-kpiepel Ingliżi li huma “Bowler hat” u “Tophat”.

    Bħal dejjem, grazzi ħafna għall-informazzjoni li jogħġbok taqsam magħna.

    Sliem,

    Wally Vella-Żarb.

    wallytacyano@yahoo.com

    Like

Leave a reply to Wally Vella-Żarb Cancel reply