NON GODE L’IMMUNITÀ ECCLESIAS.

NON  GODE  L’IMMUNITÀ  ECCLESIASTICA

u

d-drittijiet tal-Knisja f’Malta

matul iż-żminijiet

Introduzzjoni

Il-poter tal-Ordni fi żmien li dam f’Malta ma kienx wieħed assolut kif ħafna jaħsbu. Barra l-poter awtokratiku tal-Ordni, kien hemm żewġ poteri oħra. Dak tal-ġurisdizzjoni tal-isqof u dak tal-inkwiżitur. Dan għaliex, għalkemm dawn l-aħħar tnejn suppost kienu hemm biex imexxu u jissorveljaw dak biss li kellu x’jaqsam mal-ħajja spiritwali, kemm l-isqof kif ukoll l-inkwiżitur kienu jindaħlu f’ħafna kwistjonijiet temporali tal-Ordni. Dan l-indħil kien jurta lill-granmastri u kien iqanqal ħafna inkwit.

Hekk biex nagħti eżempju, meta fl-1642, l-Ordni ta’ San Ġwann kien ta l-permess lil ċertu Pompeo de Fiore biex jiftaħ stamperija biex il-pubblikazzjonijiet tal-kotba jibda jsir f’Malta, qamet kwistjoni sħuna bejn it-tliet awtoritajiet tal-pajjiż dwar min kellu d-dritt li jamministra ċ-ċensura. Ħadd ma ried ikun eskluż minn din il-kariga u ħadd minnhom ma ċeda, bil-konsegwentza li l-pika ta’ bejniethom wasslet biex l-istampar tal-kotba baqa’ ma daħalx f’Malta għal aktar minn mitt sena. Kien biss fl-1746, li il-granmastru, l-isqof u l-inkwiżitur laħqu ftehim u t-tbiegħ tal-pubblikazzjonijiet beda f’Malta. (J. F. Grima, 1979).

Il-privilegium fori  

Filwaqt li l-Ordni ta’ San Ġwann kien jintroduċi l-liġijiet tiegħu għall-pajjiż kollu, mhux kull abitant fil-gżejjer Maltin kien jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordni. Dan ifisser li l-Ordni ma kellux id-dritt li jtella’ l-qorti lill-membri tal-kleru, għax dawn kienu jappellaw biex il-każ tagħhom ikun ipproċessat mit-tribunal tal-Kurja. B’hekk f’każi ta’ att kriminali gravi bħalma hu qtil, fejn setgħet tingħata l-kundanna tal-mewt, l-akkużat kien jeħlisha ħafif, għaliex it-tribunal tal-knisja kien jeskludi s-sentenza tal-mewt u kull tip ta’ mutilazzjoni. (W. Zammit, 2016). Din l-eżenzjoni kienet tissejjaħ, privilegium fori.

Min kien jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kurja kien ukoll eżentat milli jħallas it-taxxi li minn żmien għall-ieħor kienu jiġu imposti mill-Ordni. Dwar jekk għandhomx jiddaħħlu taxxi jew le, il-granmastru kien ikollu ħafna drabi jirreferi l-każ Ruma biex id-deċiżjoni finali tittieħed mill-papa, ħalli din tista’ tkun obduta minn kulħadd, inkluż mill-kleru. Dan għaliex il-papa kien il-kap superjuri u assolut, kemm tal-Knisja Kattolika kif ukoll tal-Ordni ta’ San Ġwann.  

L-ippatentati  

Il-Palazz tal-inkwiżitur, il-Birgu.

L-inkwiżitur kien fid-dmir li joqgħod attent li r-regoli stabbiliti fil-Konċilju ta’ Trento (1544 – 1563), dwar il-fidi u l-amministrazzjoni tal-Knisja jkunu mħarsa skont dak li tiddetta Ruma. Bħall-isqof, l-inkwiżitur kellu wkoll it-tribunal tiegħu u persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni u l-ħarsien tiegħu. Dawk li kienu jgawdu mill-protezzjoni tal-inkwiżitur kienu jissejħu ‘patentati’, għaliex kellhom liċenzja mogħtija bil-miktub li turi li huma suġġetti tal-uffiċju tal-inkwiżizzjoni. Dawn il-persuni kienu jinkludu mhux biss l-uffiċjali li kienu jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tat-tribunal iżda anki wkoll persuni oħra magħżula mill-inkwiżitur. Dawk magħżula kienu b’xi mod jew ieħor jikkontribwixxu għad-dħul finanzjarju tal-operat tal-inkwiżizzjoni f’Malta. Dawn kienu l-aktar, dawk in-nies tan-negozju u nies għonja u l-familji tagħhom. Ma’ dawn kienu inklużi wkoll ukoll il-gabellotti, li kienu jħallsu l-qbiela għand l-uffiċċju tal-inkwiżitur. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ippatentati kienu jissejħu famigliari.   

Apparti li dawn kienu protetti mill-immunità kontra l-ġustizzja tal-istat, kienu wkoll igawdu minn bosta privileġġi oħra, fosthom li ma jħallsux la taxxa u lanqas dazju imposti mill-Ordni. Dawn ukoll kienu eżenti milli jagħmlu servizzi militari. Minn żmien għall-ieħor, il-granmastri tal-Ordni kienu jipprotestaw mal-Vatikan dwar din is-sitwazzjoni li kienet tnaqqas il-poter tagħhom u tumilja l-Ordni ta’ San Ġwann. Kultant il-papiet biex jaġevolaw l-Ordni kienu joħroġu digriet fejn kienu jinsistu mall-inkwiżitur biex dan jillimita l-indħil tiegħu f’materji temporali u biex inaqqas in-numru tal-ippatentati li ġieli kienu jlaħħqu mal-elf ruħ (F. Ciappara, 2000).

Id-dritt tal-immunità fil-knejjes

Il-Granmastru Manoel Pinto de Fonseca

Għal mijiet ta’ snin, il-Knisja f’Malta kienet tgawdi ukoll il-privileġġ li tissalvagwardja il-proprjetà tagħha. Dan kien ifisser li l-knejjes, il-kappelli u l-kunventi kienu protetti b’immunità papali kontra kull pretensjoni tal-Istat, fosthom li l-Ordni u l-isbirri tietgħu ma jkollomx aċċess f’dawn il-postijiet ‘sagri’. Jekk xi persuna mfittxija mill-Ordni tidħol f’din il-proprjetà, dan kien ikun igawdi mill-protezzjoni tal-Knisja u għalhekk ma setax ikun arrestat. Anki jekk stess dik il-persuna kienet tixref fuq iz-zuntier tal-knisja jew kappella din kienet xorta protetta. Minħabba f’hekk, ġieli xi kriminali kienu jistkennu f’dawn il-postijiet u jibqgħu hemm anki snin sħaħ mingħajr ħadd ma jista’ għalihom.  (C. Testa, 1989 u W. Zammit, 2016).

F’Malta, fejn kull erba’ passi kont issib knisja, jew kunvent, dak imfittex mil-liġi kellu minn fejn jagħżel. Nafu li fl-1760, kien hawn 327 knisja jew kappella fil-gżejjer Maltin. Naturalment, kienu esklużi minn din l-immunità dawk il-knejjes jew kappelli li kienu jus patronis, għax proprjetà tal-Ordni ta’ San Ġwann (F. Ciappara, 1985). Għalhekk, bil-kuntrarju, jekk bniedem kien imfittex mill-inkwiżitur jew mill-Kurja, dan seta’ jsib kenn fi knisja jew proprjetà oħra tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Għalkemm il-Knisja f’Malta kienet dejjem tisħaq li tipproteġi d-drittijiet tagħha fuq kull proprjetà li kellha, il-Kurja kienet bdiet tiddejjaq bl-abbużi, l-iskumdità u l-kumplikazzjonijiet li kienu jiżvilluppaw meta xi kriminal kien jidħol jistkenn fil-knejjes tagħha. Kien hemm każi fejn xi persuni, waqt li baqgħu jgħixu fil-proprjetà għal żmien twil, kienu xorta waħda jkomplu jwettqu atti kriminali, u wara, sfaċċatament jirritornaw fl-istess post sagru għal-protezzjoni. Kultant, meta xi ħadd kien isib refuġju f’xi kunvent, kien ikun il-pirjol stess li jitlob lill-isqof biex jissospendi l-immunità tal-kunvent biex l-isbirri tal-Ordni jidħlu jarrestaw lill-persuna u b’hekk, il-patrijiet jeħilsu minnu (C. Testa, 1989).

Id-dritt tal-immunità u r-refuġju kien jeskludi lill-iskjavi, li minnhom fi żmien l-Ordni kien hawn mijiet, jekk mhux eluf fil-liberta, għax bosta minnhom kienu barra l-ħabs jaqdu lis-sidien li jkunu xtrawhom. Kienu esklużi wkoll dawk il-barranin li ma kinux ta’ twemmin Kattoliku. Fl-1750, il-Granmastru Pinto, bi ftehim mal-Knisja, eskluda lill-impjegati tiegħu kollha li kienu jaħdmu fil-Palazz, mill-immunità, biex f’każ li jikkommettu xi att kriminali, bħal serq mill-Palazz, dawn ma setgħux ifittxu l-protezzjoni tal-Knisja (C. Testa, ibid).

L-Isqof Bartolomeo Rull

Biss, fl-aħħar, l-bużżieqa nfaqet. Fl-1759, kien inqala’ inċident serju. Grupp ta’ kriminali li kien ilu jistkenn għal bosta żmien f’kappella filjali f’Ħal Qormi kien xebba lill-abitanti tal-madwar bl-imġiba abbużiva tiegħu. Sa fl-aħħar, l-Isqof Bartolomeo Rull kien reżolut li dawn il-kriminali joħroġhom minn fejn kienu. Biss, meta l-uffiċjali tiegħu marru biex jisgumbrawhom, il-kriminali fetħu n-nar fuqhom u anki ferew xi wħud minnhom. Minħabba f’hekk, l-Isqof Rull talab lis-Sagra Congregazione di Immunità Ecclesiastica ta’ Ruma biex tneħħi d-dritt tal-immunità minn fuq il-kappella u titlob lil Granmastru Pinto biex jintervjeni u jibgħat l-isbirri tiegħu biex jarrestaw lill-kriminali. (C. Testa, F. Ciappara, 1989 & H. Spiteri, 2021).

Issa li dan il-każ kien sab il-kunsens, kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Ordni ta’ San Ġwann, is-sitwazzjoni ħadet żvolta oħra. Fl-10 ta’ Jannar tal-1761, il-Papa Klement XIII, biex inaqqas din is-sitwazzjonijiet ambigwa, bagħat ittra lill-Kurja ta’ Malta fejn iddikjara li l-immunità ekklesjastika kellha tkun tibda tgħodd biss għal dawk il-knejjes jew kappelli li fihom kien hemm is-Sagrament Imqaddes. Il-Kurja ppubblikat dan id-dokument fit-30 ta’ Mejju tal-istess sena, u dan nqara fil-knejjes kollha biex in-nies ikunu infurmati (F. Ciappara, ibid.)

Sadanitant, biex din il-liġi ma taffetwax ħażin u tkun ġusta ma’ dawk ir-refuġjati li fil-mument kienu refuġjati fil-knejjes fejn ma kienx hemm is-Sagrament, dawn ingħataw ħmistax-il jum ċans biex jitolbu lill-isqof isibilhom post ieħor fejn setgħu jgawdu mill-istess immunità. L-għada l-1 ta’ Ġunju, intbagħtu nies f’dawk il-knejjes u kappelli esklużi mill-immunità biex iwaħħlu tabella mal-ħajt ħalli dak li jkun ikun infurmat bil-liġi l-ġdida (F. Ciappara, ibid.) Il-kitba fuq it-tabella kienet miktuba bit-Taljan u kienet tgħid hekk: Non Gode l’Immunità Ecclesiastica (ġieli l-aħħar kelma kienet tkun imqassra għal Eccl. jew Ecclesias).  

Tabella tal-irħam fuq waħda mill-kappelli li tilfu d-dritt tal-immunità.

Għal bidu, kien hemm daqs 255 knisja li tneħħitilhom id-dritt tal-immunità. Biss wara protesta mill-kappillan ta’ Ħaż-Żebbuġ dwar il-knisja tad-Duluri, biex jinżammilha d-dritt għax din kienet knisja filjali ta’ importanza u kienet tinsab f’nofs ir-raħal, il-proklama nbidlet. L-Isqof Rull reġa’ ħareġ edit ieħor fejn din id-darba eskluda mil-liġi l-ġdida l-knejjes li kienu jinsabu fl-ambjent urban, anki jekk stess dawn ma kienx fihom is-Sagrament. Minħabba dan il-protest, issa kienu biss dawk il-kappelli tal-kampanja li tilfu l-immunità. Dawn kienu jlaħqu mat-93 waħda biss (F. Ciappara, 1985). B’hekk is-sitwazzjoni fil-verità qajla mbidlet.

Ta’ min wieħed jinnota li ftit qabel, jiġifieri fil-21 ta’ Marzu tal-1759, Il-Papa Klement XIII, kien ħareġ editt simili li jirrigwarda l-immunità tal-knejjes ta’ Sardinja, wara li r-Re Carlo kien talab biex jitwarrbu l-privileġġi fir-renju tiegħu (Breve del Sommo Pontefice Clemente XIII).

Kien biss meta l-Franċiżi bdew jokkupaw lil Malta li dan il-privileġġ tneħħa għal kollox minn fuq kull knisja, kappella jew residenza tal-patrijiet. Biss, sentejn wara, meta l-Franċiżi tkeċċew minn Malta, l-Ingliżi reġgħu bdew jittolleraw dan il-jedd ekklesjastiku.

Il-Gvernatur Richard Cavendish Ponsonby

Dan id-dritt baqa’ jitgawda mill-Knisja ta’ Malta sal-1828. Fl-10 ta’ April, il-Gvernatur Frederick Cavendish Ponsonby ħareġ il-proklama, Law for the abolition of sanctuary in criminal cases, li biha l-jedd tal-immunità tneħħa minn fuq kull proprjetà tal-Knisja. Tneħħa wkoll il-privilegium fori u hekk issa, il-kleru wkoll kien suġġett li jittella’ l-qorti tal-istat għal kull xorta ta’ atti kriminali. Dan kien jeskludi lill-isqof. Fl-istess waqt, fil-protokol, l-isqof ta’ Malta kien igawdi l-aqwa stima wara dik tal-gvernatur, u aqwa minn dik li kien igawdi l-lieutenant governor, li kien il-kap ġenerali tal-armata Ingliża f’Malta.

Biss, matul is-seklu dsatax u s-seklu għoxrin, il-Knisja kien għad kellha ċerti garanziji u jeddijiet li kienu jinfluwenzaw u jaffettwaw il-tmexxija tal-istat lajku. Kien hemm il-kwistjoni dwar id-dħul taż-żwieġ biċ-ċivil, id-dfin fiċ-ċimiterju tal-Istat, iċ-ċensura, l-indħil mill-isqof fl-elezzjonijiet, u li l-knisja ma tibqax eżenti mit-taxxi u mill-proċessi tal-qrati. Dawn kienu l-famużi ‘Sitt Punti’ li l-Partit Laburista, waqt li kienet qed tkun diskussa l-kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti, kien isostni li l-Kurja kellha ċċedihom. Is-sitt punti kienu finalment inklużi fil-kostituzzjoni l-ġdida meta Malta saret repubblika.   

Martin Morana ©

29 ta’ Mejju 2025

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija

Attard Eddie, ‘Sanctuary Law in Malta’, Times of Malta, December 25, 2016.  

Bonnici Alexander, ‘Maltese Society under the Hospitallers in the light of Inquisition Documents’, Hospitaller Malta 1530 – 1578. Mireva Publications. 1993.

Ciappara Frans, The Roman Inquisition in Enlightened Malta. Publikazzjoni Indipendenza (PIN). 2000.

Ciappara Frans, ‘Non Gode l’immunità Ecclesiastica’. Melita Historica, Vol IX, No 2 1985.

Ciappara Frans, ‘Gio. Nicolò Muscat: Church-State  Relations in Hospitaller Malta during the Enlightment (1786 – 1793), Hospitaller Malta 1530 – 1798. Mireva Publications. 1993.

Grima Joseph F., ‘The Introduction of Printing in Malta’, Heritage Encyclopedia. Midsea Books Ltd. 1979.

Spiteri Hilary, ‘Punishment, death and immunity’, The Sunday Times of Malta, November 28, 2021.

Baker J. H. , ‘The English Law of Sanctuary’

Testa Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books. 1989.

Zammit William, Kissing the Gallows. BDL. 2016.

‘Breve del Sommo Pontefice Clemente 13’. Pastoralis Offici. 1759.

Proclamation No VI – ‘A Law for the abolition of Sanctuary in Criminal Cases’, Proclamation, Minutes and Other Official Notices, Vol. VI. 1828.

Aktar kitba u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur …. ikklikkja hawn:

Leave a comment